EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0332

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-21 ta’ Frar 2013.
ProRail BV vs Xpedys NV et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van Cassatie.
Regolament (KE) Nru 1206/2001 — Kooperazzjoni fil-qasam tal-kisba tal-provi f’materji ċivili jew kummerċjali — Eżekuzzjoni diretta tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda — Ħatra ta’ espert — Inkarigu mwettaq parzjalment fit-territorju tal-Istat Membru tal-qorti tar-rinviju u parzjalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.
Kawża C‑332/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:87

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

21 ta’ Frar 2013 ( *1 )

“Regolament (KE) Nru 1206/2001 — Kooperazzjoni fil-qasam tal-kisba tal-provi f’materji ċivili jew kummerċjali — Eżekuzzjoni diretta tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda — Ħatra ta’ espert — Inkarigu mwettaq parzjalment fit-territorju tal-Istat Membru tal-qorti tar-rinviju u parzjalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor”

Fil-Kawża C-332/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hof van Cassatie (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Mejju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Ġunju 2011, fil-proċedura

ProRail BV

vs

Xpedys NV,

FAG Kugelfischer GmbH,

DB Schenker Rail Nederland NV,

Nationale Maatschappij der Belgische Spoorwegen NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President ta’ Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič (Relatur), J.-J. Kasel u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal ProRail BV, minn S. Van Moorleghem, avukat,

għal Xpedys NV, DB Schenker Rail Nederland NV u Nationale Maatschappij der Belgische Spoorwegen NV, minn M. Godfroid, avukat,

għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux u T. Materne, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn K. Petersen, bħala aġent,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent,

għall-Gvern Svizzeru, minn D. Klingele, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.-M. Rouchaud-Joët u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001, tat-28 ta’ Mejju 2001, dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 121).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija ProRail BV (iktar ’il quddiem “ProRail”), u l-kumpanniji Xpedys NV (iktar ’il quddiem “Xpedys”), FAG Kugelfischer GmbH (iktar ’il quddiem “FAG”), DB Schenker Rail Nederland NV (iktar ’il quddiem “DB Schenker”), u Nationale Maatschappij der Belgische Spoorwegen NV (iktar ’il quddiem l-“SNCB”), wara inċident ta’ ferrorivja li kienet sejra mill-Belġju lejn il-Pajjiżi l-Baxxi.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 1206/2001

3

Skont il-premessa 2 tar-Regolament Nru 1206/2001, “[s]abiex is-suq intern jaħdem kif suppost, kooperazzjoni bejn qrati fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda għandha titjieb u b’mod partikolari tkun issimplifikata u mgħaġġla”.

4

Skont il-premessi 6 u 7 ta’ dan ir-regolament:

“(6)

Sal-lum, ma hemm l-ebda strument ta’ rbit bejn l-Istati Membri kollha li għandu x’jaqsam mal-kumpilazzjoni ta’ xhieda. Il-Konvenzjoni ta’ l-Aja tat-18 ta’ Marzu 1970 dwar il-kumpilazzjoni ta’ xhieda barra mill-pajjiż f’materji ċivili jew kummerċjali tapplika biss bejn 11-il Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea.

(7)

Billi huwa ħafna drabi essenzjali f’materja ċivili jew kummerċjali pendenti quddiem qorti fi Stat Membru li tiġi kumpilata x-xhieda fi Stat Membru ieħor, l-attivita tal-Komunità ma tistax tiġi limitata għall-qasam ta’ trasmissjoni ta’ dokumenti ġudizzjarji u ta’ dawk estra-ġudizzjarji [...]. Huwa għalhekk meħtieġ li jitkompla t-titjib ta’ kooperazzjoni bejn qrati ta’ Stati Membri fil-qasam tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda.”

5

Il-premessa 15 tal-imsemmi regolament hija fformulata kif ġej:

“Sabiex tiġi faċilitata l-kumpilazzjoni ta’ xhieda għandu jkun possibbli għall-qorti fi Stat Membru, bi qbil mal-liġi ta’ l-Istat Membru tagħha, li tieħu x-xhieda direttament fi Stat Membru ieħor, jekk ikun aċċettat minn dan ta’ l-aħħar, u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-korp ċentrali jew awtorità kompetent ta’ l-Istat Membru mitlub.”

6

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1206/2001, intitolat “Il-Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi li:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili jew kummerċjali fejn il-qorti ta’ Stat Membru, bi qbil mad-disposizzjonijiet tal-liġi ta’ dak l-Istat, titlob:

(a)

lill-qorti kompetenti ta’ Stat Membru ieħor biex tiġbor x-xhieda; jew

(b)

li tiġbor x-xhieda direttament fi Stat Membru ieħor.

2.   M’għandhiex issir talba biex tinkiseb xhieda li m’hijiex maħsuba għall-użu fi proċedimenti ġudizzjarji, li jkunu bdew jew li hemm il-ħsieb li jinbdew.

3.   F’dan ir-Regolament, it-termini ‘Stat Membru’; għandu jfisser Stati Membri minbarra d-Danimarka.”

7

Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1206/2001, intitolat “Korp ċentrali”:

“1.   Kull Stat Membru għandu jinnomina korp ċentrali responsabbli għal:

(a)

provvista ta’ tagħrif lill-qrati;

(b)

tfittxija ta’ soluzzjonijiet għal xi diffikultajiet li jistgħu jinħolqu rigward talba;

(ċ)

trasmissjoni, f’każijiet eċċezzjonali, fuq it-talba ta’ qorti rikjedenti, ta’ talba lill-qorti kompetenti.

2.   Stat federali, Stat li fih japplikaw diversi sistemi legali jew Stat b’entitajiet territorjali awtonomi għandhom ikunu ħielsa li jinnominaw aktar minn korp ċentrali wieħed.

3.   Kull Stat Membru għandu jinnomina wkoll il-korp ċentrali msemmi f’paragrafu 1 jew awtorità kompetenti waħda jew diversi awtoritajiet kompetenti biex ikunu responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fuq talbiet skond l-Artikolu 17.”

8

Taħt il-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, dwar it-trażmissjoni u l-eżekuzzjoni tat-talbiet sabiex issir kumpilazzjoni ta’ xhieda, tinsab it-Taqsima 3 intitolata “Kumpilazzjoni ta’ xhieda mill-qorti rikjesta”, li tikkonsisti fl-Artikoli 10 sa 16 tal-imsemmi Regolament.

9

L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1206/2001, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali dwar l-eżekuzzjoni tat-talba”, jipprovdi li:

“1.   Il-qorti rikjesta għandha teżegwixxi it-talba mingħajr dewmien u, l-aktar tard, fi żmien 90 ġurnata mill-irċevuta tat-talba.

2.   Il-qorti rikjesta għandha teżegwixxi it-talba bi qbil mal-liġi ta’ l-Istat Membru tagħha.

[...]”

10

L-Artikolu 17, li jirregola l-eżekuzzjoni diretta tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda mill-qorti rikjedenti, jipprovdi:

“1.   Fejn qorti titlob kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda fi Stat Membru ieħor, għandha tissottometti talba lill-korp ċentrali jew lill-awtorità kompetenti riferita fl-Artikolu 3(3) f’dak l-Istat […].

2.   Kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda tista’ sseħħ biss jekk tkun eżegwita fuq bażi volontarja mingħajr il-ħtieġa għal miżuri ta’ bilfors.

Fejn il-kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda timplika li persuna għandha tinstama’, l-qorti rikjedenti għandha tgħarraf lil dik il-persuna li l-eżekuzzjoni għandha sseħħ fuq bażi volontarja.

3.   Il-kumpilazzjoni ta’ xhieda għandha tkun eżegwita minn membru tal-personal ġudizzjarju jew minn xi persuna oħra bħal ma hu espert, li se jiġi nominat, bi qbil mal-liġi ta’ l-Istat Membru tal-qorti rikjedenti.

4.   Fi żmien 30 ġurnata minn meta jerċievi t-talba, il-korp ċentrali jew l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru rikjest għandha tgħarraf lill-qorti rikjedenti jekk tiġi aċċettata t-talba u, jekk ikun meħtieġ, fuq liema kondizzjonijiet skond il-liġi ta’ l-Istat Membru tagħha din ser tkun eżegwita […].

Partikolarment, il-korp ċentrali jew l-awtorità kompetenti tista’ tassenja qorti ta’ l-Istat Membru tagħha biex tieħu sehem fl-eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni kif suppost ta’ dan l-Artikolu u l-kondizzjonijiet li jkunu ġew dikjarati.

Il-korp ċentrali jew l-awtorità kompetenti għandha tinkoraġġixxi l-użu ta’ teknoloġija ta’ komunikazzjonijiet, bħal konferenzi bl-użu ta’ video u konerenzi bl-użu tat-telefon.

5.   Il-korp ċentrali jew l-awtorità kompetenti tista’ tirrifjuta kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda biss jekk:

(a)

it-talba ma tidħolx fl-iskop ta’ dan ir-Regolament kif dikjarat fl-Artikolu 1; jew

(b)

it-talba ma tikkontjenix it-tagħrif kollu meħtieġ skond l-Artikolu 4; jew

(ċ)

il-kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda mitluba hija kontra l-prinċipji fondamentali ta’ liġi fl-Istat Membru tagħha.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-kondizzjonijiet preskritti bi qbil mal-paragrafu 4, il-qorti rikjedenti għandha teżegwixxi it-talba bi qbil mal-liġi ta’ l-Istat Membru tagħha.”

11

L-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 1206/2001, li jirregola r-relazzjoni mal-ftehim jew arranġamenti eżistenti jew futuri bejn l-Istati Membri, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament m’għandux jipprekludi lill-Istati Membri milli jżommu jew jikkonkludu xi ftehim bejn tnejn minnhom jew aktar biex jiffaċilitaw aktar il-kumpilazzjoni ta’ xhieda, basta li huma kompatibbli ma’ dan ir-Regolament.”

Ir-Regolament (KE) Nru 44/2001

12

L-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) jipprovdi li:

“Tista’ ssir applikazzjoni lill-qrati ta’ Stat Membru għal miżuri proviżorji bħal dawn, inklużi miżuri protettivi, skond kif jista’ jkun disponibbli permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat, permezz ta’ dan ir-Regolament, li qrati ta’ Stat Membru ieħor li jkollhom il-ġurisdizzjoni dwar is-sustanza tal-materja.”

13

Taħt il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 44/2001, intitolat “Rikonoxximent u Eżekuzzjoni” jinsab l-Artikolu 32 li jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘sentenza’ tfisser xi sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, independentament minn kif tista’ tissejjaħ dik is-sentenza, inkluża dikjarazzjoni, ordni, deċiżjoni jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll dwar id-determinazzjoni tan-nefqa u l-ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti.”

14

Skont l-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-regolament:

“Sentenza mogħtija minn Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura speċjali.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15

Fit-22 ta’ Novembru 2008, ferrovija tal-merkanzija li kienet qiegħda tivvjaġġa mill-Belġju lejn il-Pajjiżi l-Baxxi inqalbet minn fuq il-binarji qrib Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi).

16

Wara dan l-inċident, infetħu proċeduri ġudizzjarji kemm quddiem il-qrati Belġjani kif ukoll quddiem il-qrati Olandiżi. Il-proċedura quddiem dawn il-qrati tal-aħħar, li ġew aditi sabiex jiddeċiedu dwar il-mertu minn ProRail, bl-għan li tikseb il-ħlas ta’ danni bħala kumpens tal-ħsara subita min-netwerk ferrovjarju, ma hijiex is-suġġett ta’ din il-kawża.

17

Il-kawża prinċipali, li hija proċedura għal miżuri provviżorji quddiem il-qrati Belġjani, hija bejn ProRail u erba’ kumpanniji oħrajn li għandhom konnessjoni mal-inċident imsemmi hawn fuq, jiġifieri Xpedys, FAG, DB Schenker u l-SNCB.

18

ProRail, kumpannija li għandha s-sede tagħha f’Utrecht (il-Pajjiżi l-Baxxi), tieħu ħsieb il-ġestjoni tal-linji tal-ferroviji prinċipali fil-Pajjiżi l-Baxxi u tidħol f’kuntratti ta’ aċċess ma’ impriżi tat-trasport ferrovjarju, b’mod partikolari ma’ DB Schenker.

19

DB Schenker, li wkoll għandha s-sede tagħha f’Utrecht, hija kumpannija tat-trasport ferrovjarju privata li l-flotta ta’ ferroviji tagħha tikkonsisti f’vaguni inizjalment mikrija, fl-2001, mingħand l-SNCB, kumpannija li s-sede tagħha jinsab fi Brussell (il-Belġju).

20

Skont DB Schenker u l-SNCB, Xpedys, li s-sede tagħha tinsab ukoll fi Brussell, assumiet il-kwalità ta’ kerrejja ta’ dawn il-vaguni sa mill-1 ta’ Mejju 2008.

21

FAG, li għandha s-sede tagħha fi Schweinfurt (il-Ġermanja), tispeċjalizza fil-kostruzzjoni ta’ partijiet ta’ vaguni bħalma huma l-fusijiet (axles), it-toqob fil-buttun tar-rota fejn jidħol il-fus, axle barrels u axle bearing cages.

22

Wara l-inċident, jiġifieri fil-11 ta’ Frar 2009, DB Schenker ressqet proċedura għal miżuri provviżorji quddiem il-president tar-rechtbank van koophandel te Brussel (il-Qorti tal-Kummerċ ta’ Brussell), kontra Xpedys u l-SNCB fil-kwalità tagħhom ta’ kerrejja ta’ parti tal-vaguni involuti fl-imsemmi inċident, bil-għan li jinħatar espert. ProRail u FAG intervjenew fil-proċedura. Fil-kuntest ta’ dan l-intervent, ProRail talbet lill-imsemmija qorti tiddikjara t-talba għall-ħatra ta’ espert bħala infondata jew, f’każ fejn madankollu jinħatar espert, hija talbet li l-inkarigu tiegħu jiġi limitat għall-konstatazzjoni tad-dannu mġarrab mill-vaguni, li ma tiġix ordnata perizja dwar in-netwerk ferrovjarju Olandiż u li jiġi ordnat li jwettaq l-inkarigu tiegħu b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1206/2001.

23

B’digriet tal-5 ta’ Mejju 2009, il-president tar-rechtbank van koophandel te Brussel iddikjara t-talba għal miżuri provviżorji ta’ DB Schenker fondata. Huwa ħatar espert u ddefinixxa l-portata tal-inkarigu ta’ dan tal-aħħar, li kellu jitwettaq fil-biċċa l-kbira fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-kuntest ta’ din il-perizja, l-espert kellu jagħmel aċċess fuq il-post tal-inċident fil-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll f’kull post fejn seta’ jagħmel konstatazzjonijiet utli, sabiex jiddetermina l-kawżi tal-inċident, id-danni mġarrba mill-vaguni u l-kobor tad-dannu. Barra minn hekk, huwa ntalab jiddetermina l-manifattur ta’ ċertu elementi tekniċi tal-vaguni u jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-istat ta’ ċerti elementi kif ukoll dwar il-mod kif jitgħabbew il-vaguni u t-tgħobija effettiva għal kull fus. Finalment, l-espert kellu jeżamina n-netwerk u l-infrastruttura ferrovjarji amministrati minn ProRail u jagħti l-opinjoni tiegħu dwar jekk u sa liema grad din l-infrastruttura setgħet ukoll kienet il-kaġun ta’ dak l-inċident.

24

ProRail appellat minn dan id-digriet, quddiem il-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) fejn talbet, fuq bażi prinċipali, li l-ħatra ta’ espert tiġi ddikjarata bħala infondata jew, sussidjarjament, li l-inkarigu tal-espert Belġjan jiġi limitat għall-konstatazzjoni tal-ħsara subita mill-vaguni sa fejn dan seta’ jsir fil-Belġju, li ma tkun awtorizzata l-ebda perizja dwar in-netwerk u l-infrastruttura ferrovjarja Olandiża, u lanqas ebda likwidazzjoni bejn il-partijiet jew fil-każ li l-ħatra tal-espert issir, li l-espert iwettaq id-dmirijiet tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi biss skont il-proċedura prevista mir-Regolament Nru 1206/2001.

25

Peress li l-hof van beroep te Brussel ċaħdet l-appell bħala infondat, ProRail ressqet appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, filwaqt li indikat il-ksur, minn naħa, tal-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001 u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001.

26

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, meta qorti ta’ Stat Membru tkun tixtieq tipproċedi direttament għal kumpilazzjoni ta’ xhieda fi Stat Membru ieħor, bħal perizja ġudizzjarja, għandhiex tintalab awtorizzazzjoni minn qabel skont l-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001 mingħand l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat tal-aħħar. Hija tistaqsi wkoll dwar ir-rilevanza, għall-kawża pendenti quddiemha, tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 44/2001 li jistabbilixxi li d-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru huma rikonoxxuti fl-Istati Membri l-oħrajn mingħajr il-ħtieġa ta’ ebda proċedura.

27

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 1 u 17 tarRegolament [Nru 1206/2001] għandhom, fid-dawl b’mod partikolari tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji f’materji ċivili u kummerċjali kif ukoll tal-prinċipju li jgħid li d-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru huma rikonoxxuti fl-Istati Membri l-oħra mingħajr forma oħra ta’ proċedura, prinċipju stabbilit fl-Artikolu 33(1) tar-Regolament [Nru 44/2001], jiġu interpretati fis-sens li l-qorti li tordna inkjesta ġudizzjarja fdata lil espert li l-missjoni tiegħu għandha tiġi eżegwita parzjalment fuq it-territorju tal-Istat Membru fejn tinsab il-qorti, iżda wkoll parzjalment fi Stat Membru ieħor għandu, għall-eżekuzzjoni diretta ta’ din l-aħħar parti, unikament u għalhekk esklużivament juża l-proċedura stabbilita mir-regolament [Nru 1206/2001] u msemmija fl-Artikolu 17 [tiegħu] jew għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-espert maħtur minn dan l-Istat jista’ jkun ukoll, barra mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament [Nru 1206/2001], responsabbli għall-inkjesta li għandha ssir parzjalment fi Stat Membru ieħor fl-Unjoni Ewropea?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

28

Xpedys, DB Schenker u l-SNCB jsostnu li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba li hija ta’ natura purament ipotetika u hija irrilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali peress li r-Regolament Nru 1206/2001 ma japplikax għal din il-kawża.

29

L-ewwel nett huma jsostnu li l-inizjattiva tal-perizja transkonfinali ttieħdet minn waħda mill-partijiet fl-kawża prinċipali, u mhux minn qorti, bħalma jeħtieġu l-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001. It-tieni nett, l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 7 ta’ dan tal-aħħar, japplika biss meta qorti nazzjonali tkun mitluba tiddeċiedi dwar il-mertu. Barra minn hekk, huma jqisu li l-perizja transkonfinali ma tistax titqies bħala l-eżerċizzju ta’ att ta’ awtorità pubblika tal-Istat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Fl-aħħar nett, l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1206/2001 fil-kuntest tal-imsemmi tilwima estendiet it-tul tal-proċedura, li hija l-oppost tal-objettivi tal-imsemmi regolament, jiġifieri s-simplifikazzjoni u l-aċċelerazzjoni tal-kisba tal-provi.

30

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll biex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Bl-istess mod, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li hija obbligata tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi mressqa jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ April 2005, Keller, C-145/03, Ġabra p. I-2529, punt 33; tal-11 ta’ Settembru 2008, Eckelkamp et, C-11/07, Ġabra p. I-6845, punti 27 u 32, kif ukoll tal-25 ta’ Ottubru 2012, Rintisch, C-553/11, punt 15).

31

Għalhekk, iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C-618/10, punt 77, u Rintisch, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

32

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

33

Fil-fatt, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta ċarament li l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001 hija neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, peress li l-appell ta’ kassazzjoni ppreżentat quddiem Hof van Cassatie huwa bbażat fuq il-ksur ta’ dawn l-artikoli. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-imsemmija artikoli tippermetti lill-qorti tar-rinviju ssir taf jekk dawn jipprekludux li l-perizja inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha ssir parzjalment fi Stat Membru ieħor, tiġi ordnata mingħajr ma jintuża l-imsemmi regolament.

34

Għal dak li jikkonċerna, b’mod iktar partikolari, l-argument li l-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1206/2001, peress li l-kumpilazzjoni ta’ xhieda ma kinitx ordnata ex officio iżda saret fuq l-inizjattiva ta’ waħda mill-partijiet, għandu jiġi enfasizzat li mill-Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament jirriżulta li dan japplika hekk kif qorti ta’ Stat Membru titlob jew lil qorti ta’ Stat Membru ieħor sabiex tipproċedi għal kumpilazzjoni ta’ xhieda jew li tipproċedi direttament għal tali kumpilazzjoni fi Stat Membru ieħor, u għalhekk mhux importanti f’dan ir-rigward li l-inizjattiva tittieħed minn parti fil-kawża jew mill-qorti nnifisha.

35

Imbagħad, għal dak li jirrigwarda l-argument li huwa impossibbli li jiġi applikat ir-Regolament Nru 1206/2001 fil-kuntest ta’ proċedura għal miżuri provviżorji, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament, it-talba għal kumpilazzjoni ta’ xhieda għandha tkun intiża sabiex tikseb mezzi ta’ prova li huma ddestinati li jintużaw fi proċedura ġudizzjarja li hija mibdija jew maħsuba li tinbeda. Għaldaqstant, l-imsemmi Regolament japplika mhux biss fil-kuntest ta’ proċedura dwar il-mertu iżda wkoll waqt proċedura għal miżuri provviżorji.

36

Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-affermazzjonijiet li espert, bħal dak fil-kawża prinċipali, ma jeżerċitax atti ta’ awtorità pubblika u li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1206/2001 fil-kuntest tal-proċedura inkwistjoni estendiet it-tul ta’ din tal-aħħar, għandu jiġi kkonstatat, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dawn l-affermazzjonijiet huma relatati mal-mertu tal-kawża preżenti u għaldaqstant ma humiex tali li jaffettwaw l-ammissibbiltà tagħha.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies bħala ammessibbli.

Fuq il-mertu

38

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, l-Artikoli 1(1)(b) u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 44/2001, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru li jixtieq li kumpilazzjoni ta’ xhieda fdata lil espert titwettaq fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, hija obbligata tirrikorri għal mezz ta’ kisba tal-provi previst minn dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1206/2001, sabiex tkun tista’ tordna din il-kumpilazzjoni.

39

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 44/2001 ma jistax ikollu impatt fuq ir-risposta li għandha tingħata d-domanda preliminari, peress li din tirrigwarda l-kisba tal-provi li jinsabu fi Stat Membru ieħor u mhux ir-rikonoxximent ta’ Stat Membru ta’ deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jkun hemm limitazzjoni għall-interpretazzjoni tal-Artikoli 1(1)(b) u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001.

40

Għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1206/2001, dan tal-aħħar japplika fil-qasam ċivili u kummerċjali, meta qorti ta’ Stat Membru titlob, skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tagħha, sabiex tipproċedi direttament għal kumpilazzjoni ta’ xhieda fi Stat Membru ieħor.

41

Il-kundizzjonijiet għal tali eżekuzzjoni diretta ta’ kumpilazzjoni ta’ xhieda huma rregolati bl-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament. Skont l-Artikolu 17(1) u (4) tali kumpilazzjoni tista’ ssir direttament fl-Istat Membru rikjest bl-awtorizzazzjoni minn qabel tal-korp ċentrali jew tal-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat. Skont l-Artikolu 17(3), din il-kumpilazzjoni ta’ xhieda għandha tiġi eżegwita minn membru tal-personal ġudizzjarju jew minn xi persuna oħra bħal pereżempju espert maħtur skont id-dritt tal-Istat Membru tal-qorti rikjedenti.

42

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li r-Regolament Nru 1206/2001 japplika biss, fil-prinċipju, fil-każ fejn il-qorti ta’ Stat Membru tiddeċiedi li tipproċedi għall-kisba tal-provi skont wieħed mill-mezzi previsti minn dan ir-regolament, każ li fih hija marbuta ssegwi l-proċeduri li jirrigwardaw dawn il-mezzi (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Lippens et, C-170/11, punt 28).

43

It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-premessi 2, 7, 8, 10 u 11 tar-Regolament Nru 1206/2001, dan għandu bħala għan il-kisba sempliċi, effikaċi u rapida tal-provi f’kuntest transkonfinali. Il-kisba, minn qorti ta’ Stat Membru, ta’ provi fi Stat Membru ieħor ma għandhiex twassal għal żieda fit-tul tal-proċeduri nazzjonali. Huwa għalhekk li dan ir-regolament stabbilixxa sistema li tapplika għall-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, sabiex jitneħħew l-ostakli li jistgħu jitfaċċaw f’dan il-qasam (ara s-sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, Weryński, C-283/09, Ġabra p. I-601, punt 62, kif ukoll Lippens et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

44

Barra minn hekk, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan ir-regolament ma jillimitax il-possibbiltajiet ta’ kisba tal-provi li tinsab fi Stati Membri oħrajn, iżda huwa intiż sabiex isaħħaħ dawn il-possibbiltajiet, billi jippromwovi l-kooperazzjoni bejn il-qrati f’dan il-qasam.

45

Issa, interpretazzjoni tal-Artikoli 1(1)(b) u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001 li tipprovdi li, għall-perizji kollha li għandhom jitwettqu direttament fi Stat Membru ieħor, il-qorti ta’ Stat Membru hija obbligata tipproċedi skont il-mezz ta’ kisba tal-provi previst minn dawn l-artikoli, ma tissodisfax dawn l-għanijiet. Fil-fatt, f’ċerti ċirkustanzi, jista’ jkun iktar sempliċi, effikaċi u rapidu għall-qorti li tkun qed tordna tali perizja, li tipproċedi għal tali kisba tal-provi mingħajr ma tirreferi għall-imsemmi regolament.

46

Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni li tipprovdi li r-Regolament Nru 1206/2001 ma jirregolax il-kisba transkonfinali tal-provi b’mod eżawrjenti, iżda huwa intiż biss li jiffaċilità tali kisba, billi jippermetti l-użu ta’ għodda oħra li għandhom l-istess għan, hija kkorroborata mill-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru°1206/2001, li jawtorizza speċifikament ftehim jew arranġamenti bejn l-Istati Membri li għandhom l-għan li jiffaċilitaw iktar il-kisba tal-provi, sakemm ikunu kompatibbli ma’ dan ir-regolament (sentenza Lippens et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

47

Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li sa fejn l-espert maħtur minn qorti ta’ Stat Membru jkollu jmur fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex iwettaq il-perizja fdata lilu, din tkun, f’ċerti ċirkustanzi, taffettwa l-awtorità pubblika tal-Istat Membru li fih tkun trid titwettaq, b’mod partikolari meta din tkun perizja mwettqa f’postijiet marbuta mal-eżerċizzju ta’ tali awtorità jew f’postijiet fejn, skont id-dritt tal-Istat Membru li fih din titwettaq, l-aċċess jew interventi oħra jkunu pprojbiti jew ikunu permessi biss għal persuni awtorizzati.

48

F’tali ċirkustanzi, sakemm il-qorti li tkun tixtieq tordna perizja transkonfinali ma tirrinunzjax għall-kisba tal-imsemmija prova, u fin-nuqqas ta’ ftehim jew arranġament bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 1206/2001, il-mezz ta’ kisba tal-provi previst fl-Artikoli 1(1)(b) u 17 tal-imsemmi regolament huwa l-uniku wieħed li jippermetti lill-qorti ta’ Stat Membru twettaq perizja direttament fi Stat Membru ieħor.

49

Minn dak li ntqal jirriżulta li qorti nazzjonali li tkun tixtieq tordna perizja, li għandha titwettaq fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ma hijiex neċessarjament obbligata tuża l-mezz ta’ kisba ta’ provi previst fl-Artikoli 1(1)(b) u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001.

50

Tali interpretazzjoni ma tistax tiġi mminata mill-argumenti bbażati fuq in-nisel ta’ dan ir-Regolament u, b’mod partikolari mill-fatt li, fl-imsemmi regolament, ma ġietx riprodotta l-proposta għal dispożizzjoni li tipprovdi espressament, fil-każ ta’ perizja transkonfinali, il-possibbiltà tal-ħatra diretta ta’ espert mill-qorti ta’ Stat Membru mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel tal-Istat Membru l-ieħor.

51

Fil-fatt, din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem fil-kuntest tal-proposta inizjali tar-Regolament Nru 1206/2001 li kienet tipprevedi biss mezz wieħed ta’ kisba tal-provi, jiġifieri l-eżekuzzjoni ta’ kumpilazzjoni ta’ xhieda mill-qorti rikjesta ta’ Stat Membru ieħor. Peress li l-imsemmija dispożizzjoni ma kinitx tippermetti li perizja titwettaq minn qorti ta’ Stat Membru ieħor, kienet tirrappreżenta għalhekk eċċezzjoni għal dan il-mezz ta’ kisba tal-provi uniku. Issa, il-fatt li tali dispożizzjoni ma tinsabx fir-Regolament Nru 1206/2001 ma timplikax għaldaqstant, li qorti nazzjonali li tordna perizja transkonfinali hija awtomatikament obbligata tuża l-mezzi ta’ kisba tal-provi previsti minn dan ir-regolament.

52

Bil-kontra ta’ dak li tallega ProRail, din l-interpretazzjoni ma hija imminata lanqas mill-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 23 tas-sentenza tat-28 ta’ April 2005, St. Paul Dairy (C-104/03, Ġabra p. I-3481), li tipprovdi li talba għas-smigħ ta’ xhud f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża li wasslet għal din is-sentenza tista’ tintuża bħala mezz sabiex jiġu evitati r-regoli tar-Regolament Nru 1206/2001 li jirregolaw, fuq il-bażi tal-istess garanziji u bl-istess effetti għall-individwi kollha, it-trażmissjoni u t-trattament tal-mistoqsijiet magħmula minn qorti ta’ Stat Membru u intiżi sabiex issir kumpilazzjoni ta’ xhieda fi Stat Membru ieħor.

53

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diġà, din il-konstatazzjoni għandha tinftiehem fid-dawl taċ-ċirkustanzi li wasslu għall-imsemmija sentenza, li fihom talba għal smigħ provviżorju ta’ xhud, indirizzata direttament lill-qorti tal-Istat Membru tar-residenza tax-xhud, li madankollu ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tisma’ l-kawża dwar il-mertu, tista’ effettivament tintuża bħala mezz sabiex jiġu evitati r-regoli tar-Regolament Nru 1206/2001, inkwantu din tista’ tiċħad lill-qorti kompetenti, li lilha għandha tiġi indirizzata din it-talba, l-possibbiltà li tipproċedi għas-smigħ tal-imsemmi xhud skont ir-regoli previsti minn dan ir-regolament (ara s-sentenza Lippens et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36). Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti huma distinti minn dawk tal-kawża li wasslet għas-sentenza St. Paul Dairy, iċċitata iktar ’il fuq, sa fejn il-provi li għandhom jinkisbu jinsabu, fil-parti l-kbira, fi Stat Membru ieħor li ma huwiex dak tal-qorti adita, b’tali mod li din tal-aħħar għandha l-possibbiltà li tapplika r-Regolament Nru 1206/2001.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 1(1)(b) u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru li tixtieq li kumpilazzjoni ta’ xhieda fdata lil espert titwettaq fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ma hijiex neċessarjament obbligata tuża l-mezz ta’ kisba tal-provi previst minn dawn id-dispożizzjonijiet sabiex tkun tista’ tordna din il-kumpilazzjoni.

Fuq l-ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 1(1)(b) u 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001, tat-28 ta’ Mejju 2001, dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru li tixtieq li kumpilazzjoni ta’ xhieda fdata lil espert titwettaq fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ma hijiex neċessarjament obbligata tuża l-mezz ta’ kisba tal-provi previst minn dawn id-dispożizzjonijiet sabiex tkun tista’ tordna din il-kumpilazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top