Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0311

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) tat-12 ta' Lulju 2012.
    Smart Technologies ULC vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
    Appell - Trade mark Komunitarja - Regolament (KE) Nru 40/94 - Artkolu 7(1)(b) - Trade mark verbali WIR MACHEN DAS BESONDERE EINFACH - Trade mark li tikkonsisti fi slogan ta’ reklamar - Karattru distintiv - Rifjut ta’ reġistrazzjoni.
    Kawża C-311/11 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:460

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    12 ta’ Lulju 2012 ( *1 )

    “Appell — Trade mark Komunitarja — Regolament (KE) Nru 40/94 — Artikolu 7(1)(b) — Trade mark verbali WIR MACHEN DAS BESONDERE EINFACH — Trade mark li tikkonsisti fi slogan ta’ reklamar — Karattru distintiv — Rifjut ta’ reġistrazzjoni”

    Fil-Kawża C-311/11 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-17 ta’ Ġunju 2011,

    Smart Technologies ULC, stabbilita fi Calgary (Kanada), irrappreżentata minn M. Edenborough, QC, u T. Elias, barrister,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn J. Crespo Carrillo, bħala aġent,

    konvenut fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur) u J.-J. Kasel, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

    Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Marzu 2012,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, Smart Technologies ULC (iktar ’il quddiem “Smart Technologies”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tat-13 April 2011, Smart Technologies vs UASI(WIR MACHEN DAS BESONDERE EINFACH) (T-523/09, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha hija ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tad-29 ta’ Settembru 2009 (Każ R 554/20092), dwar applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja tas-sinjal verbali “WIR MACHEN DAS BESONDERE EINFACH” (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU L 78, p. 1), li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ April 2009. Madankollu, fid-dawl tad-data tar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, din il-kawża għadha rregolata bir-Regolament Nru 40/94.

    3

    L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 kien jipprovdi li:

    “Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

    […]

    b)

    trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv;

    […]”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

    4

    Fis-17 ta’ Ottubru 2008, Smart Techonologies ippreżentat applikazzjoni quddiem l-UASI, skont ir-Regolament Nru 40/94, għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali “WIR MACHEN DAS BESONDERE EINFACH” (“aħna nissemplifikaw dak li huwa speċjali”) bħala trade Komunitarja. Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-Klassi 9 tal-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade Marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti:

    “Sistemi kompjuterizzati li jippermettu li jiddaħħlu inputs ikkordinati, jiġifieri grafiċi, testi, disinni u ġesti, għall-interazzjoni ma’ display iġġenerat minn kompjuter bl-użu ta’ pinna, stylus, saba’ jew id; disposittivi saibex jiddaħħlu inputs ikkordinai għall-użu b’projezzjoni ta’ quddiem, projezzjoni ta’ wara u displays diretti; dispożittivi ta’ pożizzjoni assoluta u relattiva li jużaw sensors mekkaniċi jew ottiċi li jippermettu interazzjoni b’digitizer, touch surface, touch panel, dispożittiv ta’ display ta’ immaġini jew f’żona ta interess relattiva għal display; sistemi ta’ detection evoluttivi b’input iġġenerat bis-saħħa ta’ għodod passivi jew/u attivi; sistemi ta’ immaġini li jippermettu li jiddaħħlu testi u immaġni grafiċi u li jitqassmu u/jew li jinħażnu testi u immaġini grafiċi fuq in-netwerk informatiku; software li jippermetti li jitqassmu data u immaġini lokalment jew f’postijiet ġeografikament differenti; software li jippermetti li jintwerew, li jiġu emendati jew li jitqassmu data u imaġġni lokalment jew fi postijiet ġeografikament differenti.”

    5

    Permezz ta’ faks tal-21 ta’ Jannar 2009, l-eżaminatur għamel oġġezzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ibbażati fuq l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Smart Technologies irrispondiet għall-oġġezzjonijiet tal-eżaminatur permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Marzu 2009.

    6

    Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ April 2009, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, li huwa kien adit biha, għall-prodotti kollha msemmija fiha abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni, minħabba li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kinitx ta’ karattru distintiv.

    7

    Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell ippreżentat minn Smart Technologies kontra l-imsemmija deċiżjoni tal-eżaminatur.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

    8

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors li Smart Technologies ippreżentat, fit-23 ta’ Diċembru 2009, kontra d-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-uniku motiv invokat mir-rikorrenti, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, minħabba li l-Bord tal-Appell kien ikkonkluda, b’mod żbaljat, li ma kienx hemm karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

    9

    Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 22 sa 31 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza rilevanti sabiex jiġi ddeterminat il-karattru distintiv ta’ trade mark u, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Jannar 2010, Audi vs UASI (C-398/08 P, Ġabra p. I-535), li tikkonċerna l-karattru distintiv tat-trade marks li jikkonsistu fi slogans ta’ reklamar. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punti 25 sa 27 tal-imsemmija sentenza, li, għalkemm ma hemmx lok li għas-slogans ta’ reklamar jiġu applikati kriterji iktar stretti minn dawk applikabbli għat-trade mark l-oħrajn, ma jistax jiġi eskluż li l-ġurisprudenza li tipprovdi li jista’ jirriżulta iktar diffiċli li jiġi stabbilit il-karattru distintiv ta’ ċerti kategoriji ta’ trade marks tista’ tkun ukoll rilevanti għat-trade marks verbali li jikkonsistu fi slogans ta’ reklamar.

    10

    F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 29 tas-sentenza appellata, li s-sempliċi fatt li trade mark hija pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala espressjoni promozzjonali ma huwiex fih innifsu biżżejjed sabiex jiġi konkluż li din it-trade mark ma hijiex ta’ karattru distintiv. Fil-fatt, tali trade mark tista’ tiġi pperċepita bħala espressjoni promozzjonali u bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 30 tal-imsemmija sentenza, li ma huwiex biżżejjed, fil-kuntest tal-analiżi tal-karattru distintiv, li tillimita ruħha sabiex turi l-fatt li din it-trade mark tikkonsisti f’espressjoni promozzjonali u mifhuma bħala tali.

    11

    Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 31 tas-sentenza appellata, li trade mark li tikkonsisti fi slogan ta’ reklamar għandha titqies li ma hijiex ta’ karattru distintiv jekk ma tistax tiġi pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala sempliċi espressjoni promozzjonali. Madankollu, tali trade mark għandha tiġi rikonoxxuta karattru distintiv jekk, apparti mill-funzjoni promozzjonali tagħha, hija tista’ tiġi pperċepita mill-ewwel mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni ta’ oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni.

    12

    Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 32 sa 42 tas-sentenza appellata, l-eżistenza tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Wara li fakkret, fil-punti 33 u 34 tal-imsemmija sentenza, li l-pubbliku rilevanti huwa kkostitwit minn pubbliku li jitkellem bil-Ġermaniż speċjalizzat fl-informatika u li din it-trade mark hija komposta mill-kombinazzjoni ta’ ħames kelmiet Ġermaniżi standard, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 35 u 36 tal-istess sentenza, iddeskriviet l-imsemmija trade mark bħala slogan ta’ reklamar, li jinkludi messaġġ ta’ eloġju, li ma jinkludix element mhux tas-soltu mill-perspettiva tas-sintassi u tal-grammatika Ġermaniża.

    13

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qabel kollox ikkonstatat, fil-punt 37 tas-sentenza kkontestata, li l-konċiżjoni u t-termini tal-imsemmi slogan ma jintroduċux logħob bi kliem u lanqas elementi ta’ tensjoni kunċettwali jew ta’ sorpriża tali li jikkonferixxu lit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, fl-ispirtu tal-pubbliku rilevanti, karattru distintiv. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fl-istess punt 37, li l-karatteristiċi ta’ din it-trade mark ma jikkonferixxulix oriġinalità jew resonanza partikolari u ma joħolqux proċess konjittiv jew sforz interpretattiv f’moħħ il-pubbliku rilevanti li jagħmlu t-trade mark xi ħaġa oħra għajr sempliċi messaġġ ta’ reklamar li joħloq il-kwalitajiet tal-prodotti msemmija mill-applikazzjoni għat-trade mark. Barra minn hekk, fil-punt 38 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-konstatazzjoni li tipprovdi li l-imsemmija trade mark hija sempliċi slogan ta’ reklamar, li jirreferi għall-kwalitajiet tal-prodotti biss, ma titqiegħedx inkwistjoni mill-fatt li riċerka fuq l-internet ma żvelatx l-użu tal-istess trade mark minn terzi.

    14

    Sussegwentement, fil-punti 39 u 40 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali skartat l-argument invokat minn Smart Technologies li, meta tirreferi għall-produttur billi tuża l-kelma “wir” (“aħna”), it-trade li għaliha saret l-applikazzjoni tinkludi indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni. B’mod partikolari, fl-imsemmi punt 40, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-użu ta’ dan l-element ma jneħħi xejn mill-fatt li din it-trade mark tibqa’ sempliċi slogan ta’ reklamar, li jista’ jintuża minn kwalunkwe operatur, fil-qasam tal-informatika bħal f’diversi oqsma oħrajn, u li l-pubbliku rilevanti ma jasalx biex jipperċipixxi fiha, apparti minn din l-informazzjoni promozzjonali, indikazzjoni ta’ oriġini kummerċjali partikolari.

    15

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument imqajjem minn Smart Technologies li jipprovdi li l-Bord tal-Appell għamel ċerti dikjarazzjonijiet mingħajr ma sostnihom bi provi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, li xejn ma jipprojbixxi lill-UASI milli tieħu inkunsiderazzjoni fatti magħrufa, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha, bħall-fatt li l-impriżi l-oħrajn jiddikjaraw, fir-reklamar tagħhom għall-prodotti ta’ teknoloġija avvanzata, li dawn huma sempliċi biex jintużaw jew li l-konsumaturi huma mdorrija għal messaġġi ta’ reklamar qosra, kompatti u enerġetiċi mingħajr ma jiġu attribwit valur ta’ trade mark lil dawn il-messaġġi.

    It-talbiet tal-partijiet

    16

    Permezz tal-appell tagħha, Smart Technologies titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex, prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata, tbiddel id-deċiżjoni kkontestata b’tali mod li tawtorizza r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jew, sussidjarjament, tannulla din id-deċiżjoni kif ukoll tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

    17

    L-UASI jitlob li l-appell jiġi miċħud u li Smart Technologies tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell

    18

    Insostenn tal-appell tagħha, Smart Technologies ippreżentat żewġ aggravji bbażati, rispettivament, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll fuq il-fatt li ċerti konstatazzjonijiet fattwali kienu ġew deskritti bħala magħrufa mill-Qorti Ġenerali mingħajr ma kienu sostnut bi provi.

    Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

    19

    L-ewwel aggravju jinkludi tliet partijiet. Permezz tal-ewwel parti, Smart Technologies issostni li l-Qorti Ġenerali applikat kriterji żbaljati waqt l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Permezz tat-tieni parti, din il-kumpannija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat din it-trade mark bħala slogan kif ukoll billi kkunsidrat li l-karattru distintiv tas-slogans ta’ reklamar huwa iktar diffiċli sabiex jiġi stabbilit milli għall-kategoriji l-oħrajn ta’ trade marks. Permezz tat-tielet parti, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma kkonkludietx li karattru distintiv tal-imsemmija trade mark iktar baxx minn dak ġeneralment meħtieġ ikun suffiċjenti f’dan, peress li l-pubbliku rilevanti huwa pubbliku speċjalizzat.

    Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    20

    Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, Smart Technologies tikkritika lill-Qorti Ġenerali li llimitat ruħha, fil-kuntest tal-analiżi tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li teżamina jekk din kinitx ipperċepita, mill-pubbliku rilevanti, bħala sempliċi espressjoni promozzjonali. Billi pproċediet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kisret il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ slogan ta’ reklamar, stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Audi vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq. Iktar speċifikament, l-appellanti ssostni li l-punt 31 tas-sentenza appellata huwa kuntrarju għall-punt 45 tal-imsemmija sentenza Audi vs UASI, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fiha li l-fatt li trade mark tiġi pperċepita bħala espressjoni promozzjonali huwa mingħajr rilevanza fuq il-karattru distintiv tagħha. Barra minn hekk, dan l-istess żball ta’ liġi twettaq ukoll fil-punti 37 u 38 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali ffokat l-eżami tagħha fuq il-kwistjoni dwar jekk it-trade mark hijiex ipperċepita bħala sempliċi messaġġ ta’ reklamar, filwaqt li hija kellha tiffoka jekk, irrispettivament mill-funzjoni promozzjonali tagħha, tali trade mark kellhiex kwalunkwe karattru distintiv.

    21

    L-UASI tqis li l-punt 31 tas-sentenza appellata ma huwiex ivvizzjat bi żball ta’ liġi, peress li l-ewwel sentenza ta’ dan il-punt għandha tinqara fid-dawl tas-sentenza s-segwenti, li tipprovdi li trade mark li tikkonsisti fi slogan ta’ reklamar għandha tiġi rikonoxxuta karattru distintiv jekk hija tista’ tiġi pperċepita mill-ewwel mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni. Għal dak li jikkonċerna l-punti 37 u 38 tal-imsemmija sentenza, l-UASI ssostni li fihom il-Qorti Ġenerali analizzat b’mod ċar il-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni billi rreferiet għall-oġġetti u għas-servizzi kkonċernati u billi kkunsidrat li dan is-sinjal ma huwiex ipperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    22

    Skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv ma jistgħux jiġu rreġistrati.

    23

    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-karattru distintiv ta’ trade mark fis-sens ta’ dan l-artikolu jfisser li din it-trade mark tippermetti li l-prodott li għalih tkun saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jiġi identifikat bħala li joriġina minn impriża partikolari u b’hekk tiddistingwi dan il-prodott minn dawk ta’ impriżi oħra (sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Procter & Gamble vs UASI, C-468/01 P sa C-472/01 P, Ġabra p. I-5141, punt 32; tal-21 ta’ Ottubru 2004, UASI vs Erpo Möbelwerk, C-64/02 P, Ġabra p I-10031, punt 42; tat-8 ta’ Mejju 2008, Eurohypo vs UASI, C-304/06 P, Ġabra p. I-3297, punt 66, u Audi vs UAS, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

    24

    Skont ġurisprudenza wkoll stabbilita, dan il-karattru distintiv għandu jiġi evalwat, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom tkun saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, minn naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu ta’ dan il-karattru distintiv (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Procter & Gamble vs UASI, punt 33, Eurohypo vs UASI, punt 67, u Audi vs UASI, punt 34).

    25

    Fir-rigward ta’ trade marks komposti minn sinjali jew indikazzjonijiet li huma barra minn hekk użati bħala slogans ta’ reklamar, indikazzjonijiet ta’ kwalità jew espressjonijiet li jħajru x-xiri tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minn dawn it-trade marks, ir-reġistrazzjoni tagħhom ma hijiex eskluża minħabba użu bħal dan (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, UASI vs Erpo Möbelwerk, punt 41, u Audi vs UASI, punt 35). Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ tali trade marks, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li ma hemmx lok li fir-rigward ta’ tali trade marks jiġu applikati kriterji iktar stretti minn dawk applikabbli għal sinjali oħra (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq UASI vs Erpo Möbelwerk, punt 32, u Audi vs UASI, punt 36).

    26

    Madankollu minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm il-kriterji dwar l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv huma l-istess għall-kategoriji differenti ta’ trade marks, jista’ jkun li, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti ma hijiex neċessarjament l-istess għal kull waħda minn dawn il-kategoriji u li, għaldaqstant, jista’ jkun iktar diffiċli li jiġi stabbilit il-karattru distintiv tat-trade marks ta’ ċerti kategoriji milli ta’ dawk ta’ kategoriji oħra (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Procter & Gamble vs UASI, punt 36, UASI vs Erpo Möbelwerk, punt 34, kif ukoll AUDI vs UASI, punt 37).

    27

    Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx li din il-ġurisprudenza tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, tirriżulta rilevanti għal trade marks li jikkonsistu fi slogans ta’ reklamar, din madankollu enfasizzat li d-diffikultajiet li dawn tal-aħħar jistgħu jinvolvu, minnħabba n-natura tagħhom stess, sabiex jiġi stabbilit il-karattru distintiv tagħhom u li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, ma jiġġustifikawx il-fatt li jiġu stabbiliti kriterji speċifiċi li jissupplixxu jew jidderogaw mill-kriterju tal-karattru distintiv kif interpretat fil-ġurisprudenza msemmija fil-punti 23 u 24 ta’ din is-sentenza (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq UASI vs Erpo Möbelwerk, punti 35 u 36, kif ukoll Audi vs UASI, punt 38).

    28

    B’mod partikolari hija ddeċidiet li ma jistax jenħtieġ li slogan ta’ reklamar ikollu “element ta’ immaġinazzjoni”, jew “kamp ta’ tensjoni kunċettwali li jista’ joħloq sorpriża u jħalli impressjoni li tiġbed l-attenzjoni” sabiex tali slogan ikollu l-karattru distintiv minimu meħtieġ mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq UASI vs Erpo Möbelwerk, punti 31 u 32; kif ukoll Audi vs UASI, punt 39).

    29

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li, għalkemm huwa ċertament veru li trade mark għandha karattru distintiv biss inkwantu din tippermetti li l-prodotti jew s-servizzi li għalihom tkun saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jiġu identifikati bħala li joriġinaw minn impriża partikolari, għandu jiġi kkonstatat li s-sempliċi fatt li trade mark hija pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala espressjoni promozzjonali u li, fid-dawl tan-natura ta’ eloġju tagħha, din tista’ bħala regola ġenerali tintuża minn impriżi oħra ma huwiex fih innifsu biżżejjed sabiex jiġi konkluż li din it-trade mark ma hijiex ta’ karattru distintiv (sentenza Audi vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

    30

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali enfasizzat b’mod partikolari li l-konnotazzjoni ta’ eloġju ta’ trade mark verbali ma teskludix li din hija xorta waħda adatta sabiex tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodotti jew servizzi li hija tkopri. Għaldaqstant, tali trade mark tista’ fl-istess ħin tkun ipperċepita mill-pubblika rilevanti bħala espressjoni promozzjonali u indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi. Minn dan jirriżulta li, sakemm dan il-pubbliku jipperċepixxi t-trade mark bħala indikazzjoni ta’ din l-oriġini, il-fatt li din tkun simultanjament, jekk mhux ukoll fl-ewwel lok, mifhuma bħala espressjoni promozzjonali huwa irrilevanti għall-karattru distintiv tagħha (sentenza Audi vs UASI, iċċitata iktar ’il quddiem, punt 45).

    31

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata l-ewwel parti tal-ewwel aggravju invokat minn Smart Technologies insostenn tal-appell tagħha.

    32

    F’dan ir-rigward, jeħtieġ jiġi kkunsidrat li kuntrarjament għal dak li ssostni Smart Technologies, li l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 31 tas-sentenza appellata ma jiżvelawx ksur tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fil-punt 45 tas-sentenza Audi vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha ddeċidiet li, sakemm il-pubbliku kkonċernat jipperċepixxi t-trade mark bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi, il-fatt li din tkun simultanjament, jekk mhux ukoll fl-ewwel lok, mifhuma bħala espressjoni promozzjonali huwa irrilevanti għall-karattru distintiv tagħha.

    33

    Għalkemm il-formulazzjoni użata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 31 tas-sentenza appellata hija differenti minn dik tal-punt 45 tas-sentenza Audi vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kkonfermat f’dan il-punt, moqri fil-kuntest tiegħu, li l-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jiddependi biss fuq il-kwistjoni dwar jekk din it-trade mark hijiex ipperċepita, mill-pubbliku rilevanti, bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni, filwaqt li jiġi aċċettat li din it-trade mark tista’ tinftiehem minn dan l-istess pubbliku bħala espressjoni promozzjonali u indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali.

    34

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti Ġenerali mhux biss irreferiet espressament, fil-punt 29 tas-sentenza appellata, għall-punti stabbiliti fil-punti 44 u 45 tas-sentenza Audi vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, iżda wkoll għamlet, fil-punti 32 et seq. tas-sentenza tagħha, analiżi tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni billi bbażat ruħha fuq dawn il-punti. B’mod partikolari, kif ukoll jirriżulta mill-punt 40 tas-sentenza appellata, din l-analiżi wasslet lill-Qorti Ġenerali għall-konklużjoni li l-pubbliku rilevanti, meta kkonfrontat b’din it-trade mark, ma jasalx li jipperċepixxi fiha, apparti mill-informazzjoni promozzjonali li tipprovdi li l-prodotti inkwistjoni jirrendu sempliċi l-eżekuzzjoni ta’ kompitu komplikat, indikazzjoni ta’ oriġini kummerċjali partikolari.

    35

    Għaldaqstant mill-analiżi tal-Qorti Ġenerali jirriżulta b’mod ċar li din waslet għall-konklużjoni li l-imsemmija trade mark ma hijiex ta’ karattru distintiv mhux minħabba l-fatt li tirrigwarda espressjoni promozzjonali, iżda minħabba l-fatt li hija ma hijiex ipperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni.

    36

    Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tkun miċħuda bħala infondata.

    Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    37

    It-tieni parti tal-ewwel aggravju tista’ tinqasam f’żewġ partijiet distinti. Permezz tal-ewwel kap ta’ din il-parti, Smart Technologies issostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn żball ta’ liġi, peress li sottokategorija tas-“slogan”, li fiha l-Qorti Ġenerali kklassifikat it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ma tidhirx fir-regoli li jirregolaw il-qasam tat-trade marks Komunitarji, peress li hija ma hijiex imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94. Permezz tat-tieni kap ta’ din il-parti, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta waslet għall-konklużjoni, fil-punti 26 u 27 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li l-karattru distintiv tas-slogans ta’ reklamar huwa, bħal ma huwa għat-trade marks tridimensjonali, iktar diffiċli sabiex jiġi stabbilit minn dak ta’ kategoriji oħra ta’ trade marks. F’dan ir-rigward, l-appellanti tikkontesta b’mod partikolari l-possibbiltà, ikkonfermata bil-punt 35 tas-sentenza UASI vs Erpo Möbelwerk, li jiġi applikat, b’analoġija, għat-trade marks verbali li jikkonsistu fi slogans ta’ reklamar, ir-raġunament magħmul mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 36 tas-sentenza Procter & Gamble vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, li l-karattru distintiv ta’ trade mark tridimensjonali jista’ jkun iktar diffiċli sabiex jiġi stabbilit minn dak ta’ trade mark verbali jew figurattiva.

    38

    L-UASI ssotni li, għal dak li jikkonċerna l-ewwel kap ta’ din il-parti, il-Qorti Ġenerali ma introduċietx sotto kategorija ta’ trade marks li tirrigwarda “slogans”, iżda rreferiet għat-trade mark verbali inkwistjoni bħala slogan, fatt li huwa, barra minn hekk, ikkonfermat bil-punti 24 u 29 tas-sentenza appellata. Fir-rigward tat-tieni kap tal-istess parti, l-UASI ssostni li hemm lok li jiġi ddikjarat manifestament inammissibbli, peress li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 27 tal-imsemmija sentenza, tikkostitwixxi ċitazzjoni litterali tal-punt 35 tas-sentenza UASI vs Erpo Möbelwerk, iċċitata iktar ’il fuq, li ma tistax tikkostitwixxi żball ta’ liġi.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    39

    Għal dak li jikkonċerna l-ewwel kap tat-tieni parti, għandu jiġi kkonstatat li, qabel kollox, kuntrarjament għal dak li tallega Smart Technologies, il-Qorti Ġenerali, meta kklassifikat it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala slogan, ma ħolqitx sotto kategorija speċjali jew inkella waħda sseparata minn dik ta’ sinjali verbali oħrajn. Għall-kuntrarju, b’din id-deskrizzjoni, il-Qorti Ġenerali esprimiet biss li din tirrigwarda, f’dan il-każ, sinjal verbali, li, kif enfasizzat b’mod partikolari fil-punt 35 tas-sentenza appellata, jittrażmetti lill-pubbliku rilevanti messaġġ ta’ eloġju, jew fil-fatt, kif stabbilit fil-punt 37 tal-imsemmija sentenza, li jfaħħar il-kwalitajiet tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni fl-applikazzjoni għal trade mark.

    40

    Sussegwentement, il-fatt li l-kunċett ta’ “slogan” ma huwiex espressament imsemmi fir-Regolament Nru 40/94 ma huwiex tali li jistabbilixxi li l-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat is-slogans ta’ reklamar bħala sotto kategorija ta’ trade marks. Fil-fatt, l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, billi jelenka t-tipi ta’ sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark fis-sens ta’ dan ir-regolament, ma kellux l-għan li jistabbilixxi jew li jiddefinixxi kategoriji ta’ trade marks li jikkonsistu f’dawn is-sinjali. Il-kunċett ta’ “slogan”, bħall-kunċetti ta’ “sinjal verbali” jew ta’ “trade mark verbali”, kien ġie żviluppat mill-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tal-imsemmi regolament, mingħajr ma dawn l-imsemmija slogans jiġi kkunsidrati bħala sotto kategorija speċjali tas-sinjali verbali, jew inkella kategorija distinta minnhom. Fil-fatt, f’diversi okkażjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat sinjali verbali b’konnotazzjoni ta’ eloġju bħala slogans (ara f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2001, Merz & Krell, C-517/99, Ġabra p. I-6959, punti 39 u 40; UASI vs Erpo Möbelwerk, iċċitata iktar ’il fuq, punti 35, 36, 41 u 44, kif ukoll Audi vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punti 56, 58, u 59).

    41

    Fl-aħħar nett, minkejja li l-Qorti Ġenerali kkaratterizzat it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala slogan ta’ reklamar, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, hija ma użatx, sabiex tevalwa l-karattru distintiv tagħha, kriterji differenti minn dawk użati għal sinjali verbali oħrajn. Għall-kuntrarju, kif ukoll jirriżulta mill-punt 25 tas-sentenza appellata, moqri flimkien mal-punti 24 u 28 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li ma kienx hemm lok li jiġu applikati, għas-slogans, kriterji iktar stretti minn dawk applikabbli għal sinjali oħrajn.

    42

    Minn dan jirriżulta li l-ewwel kap tat-tieni parti tal-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    43

    Fir-rigward tat-tieni kap ta’ din il-parti, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-Qorti Ġenerali, fil-punti 26 u 27 tas-sentenza kkontestata, iċċitat l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif imfakkar fil-punti 26u 27 ta’ din is-sentenza, jista’ jirriżulta iktar diffiċli li jiġi stabbilit il-karattru distintiv tas-slogans ta’ reklamar, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, fil-kuntest tal-analiżi konkreta tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, hija ma bbażatx il-konklużjoni tagħha fuq il-preżunzjoni li tipprovdi li l-karattru distintiv ta’ dan is-sinjal huwa iktar diffiċli minn dak ta’ sinjali verbali oħrajn.

    44

    Għaldaqstant, it-tieni kap tat-tieni parti tal-ewwel parti, li permezz tiegħu Smart Technologies tfittex li tqiegħed inkwistjoni l-ġurisprudenza li tirrigwarda l-karattru distintiv tas-sinjali verbali, għandu jiġi miċħud bħala infondata.

    Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    45

    Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, Smart Technologies issostni li, f’dan il-każ, karattru distintiv iktar baxx minn dak ġeneralment meħtieġ huwa suffiċjenti sabiex jippermetti r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, peress li l-pubbliku rilevanti huwa pubbliku speċjalizzat, li l-livell ta’ attenzjoni u ta’ konoxxenza tiegħu huwa superjuri minn dak tal-konsumatur medju. Hija ssostni li l-fatt li hija l-unika utenti ta’ tali trade mark, kif turi r-riċerka mwettqa fuq l-internet, jipprova li din it-trade mark hija suffiċjentement oriġinali sabiex teċċedi dan il-livell baxx ta’ karattru distintiv u li hija tista’ tidentifikah bħala li huwa l-oriġini tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni.

    46

    L-UASI ssostni li Smart Technologies tfittex, permezz ta’ din il-parti tal-ewwel aggravju, li tqiegħed inkwistjoni l-evalwazzjoni tal-fatti li għamlet il-Qorti Ġenerali. Peress li l-ebda żnaturament tal-fatti u tal-provi ma ġie invokat mill-appellanti u ma jistax jitqajjem f’dan il-każ, it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha, skont l-UASI, tiġi ddikjarata manifestament inammissibbli.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    47

    Fir-rigward tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, għandu jitfakkar l-ewwel nett li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 33 tas-sentenza appellata, li l-pubbliku rilevanti huwa kkostitwit minn pubbliku li jitkellem bil-Ġermaniż li jispeċjalizza fl-informatika, li l-livell ta’ konoxxenza u ta’ attenzjoni tiegħu f’dan il-qasam huwa superjuri għal dak tal-pubbliku ġenerali.

    48

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li l-pubbliku rilevanti huwa speċjalizzat ma jistax ikollu influwenza determinanti fuq il-kriterji legali użati għall-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ sinjal. Għalkemm huwa veru li l-grad ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti speċjalizzat huwa, b’definizzjoni, iktar għoli minn dak tal-konsumatur medju, mhux neċessarjament isegwi li karattru distintiv iktar dgħajjef tas-sinjal huwa suffiċjenti meta l-pubbliku rilevanti huwa speċjalizzat.

    49

    Fil-fatt, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk trade mark hijiex nieqsa jew le minn karattru distintiv, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni l-impressjoni ġenerali li din tipproduċi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Procter & Gamble vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44; tat-30 ta’ Ġunju 2005, Eurocermex vs UASI, C-286/04 P, Ġabra p. I-5797, punt 22, u tal-25 ta’ Ottubru 2007, Develey vs UASI, C-238/06 P, Ġabra p. I-9375, punt 82).

    50

    Madankollu, dan il-prinċipju ma jistax jitqiegħed inkwistjoni jekk il-livell ta’ distintività ta’ sinjal verbali kien ġeneralment jiddependi fuq il-grad ta’ speċjalizzazzjoni tal-pubbliku rilevanti.

    51

    Fi kwalunkwe każ, għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni laħqitx il-livell ta’ distintività, għandu jiġi enfasizzat li l-konstatazzjonijiet dwar l-attenzjoni, il-perċezzjoni u l-attitudni tal-pubbliku rilevanti jaqgħu taħt il-qasam tal-evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2007, Henkel vs UASI, C-144/06 P, Ġabra p. I-8109, punt 51; id-digrieti tad-19 ta’ Lulju 2010, 2010, The Wellcome Foundation vs UASI, C-461/09 P, punt 20, u tal-21 ta’ Marzu 2012, Fidelio vs UASI, C-87/11 P, punt 66).

    52

    Skont l-Artikolu 226(1) KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell huwa limitat għal punti ta’ dritt. Għaldaqstant, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha l-kompetenza li tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti, u kif ukoll li tevalwa l-provi. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u tal-provi ma hijiex, sakemm ma jkunux ġew żnaturati, punt ta’ dritt suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2008, Les Éditions Albert René vs UASI, C-16/06 P, Ġabra p. I-10053, punt 68; tat-2 ta’ Settembru 2010, Calvin Klein Trademark Trust vs UASI, C-254/09 P, Ġabra p. I-7989, punt 49, u tal-10 ta’ Novembru 2011, LG Electronics vs UASI, C-88/11 P, punt 36).

    53

    Tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Les Éditions Albert René vs UASI, punt 69; Calvin Klein Trademark Trust vs UASI, punt 50, u LG Electronics vs UASI, punt 37).

    54

    Peress li l-appellanti ma pproduċietx provi li juru li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kuntest distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, hemm lok li tiġi skartata t-tieni parti tal-ewwel aggravju bħala inammissibbli u, għaldaqstant, dan għandu jiġi miċħud.

    Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq konstatazzjoni ta’ fatti mill-Qorti Ġenerali fin-nuqqas ta’ kwalunkwe prova

    L-argumenti tal-partijiet

    55

    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Smart Technologies tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkonfermat, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, ċerti konstatazzjonijiet fattwali tal-Bord tal-Appell li ma kinux sostnuti bi provi, b’mod partikolari l-fatt, deskritt mill-Qorti Ġenerali bħala magħruf, li l-konsumaturi ma jattribwixxux valur ta’ trade mark lil messaġġi ta’ reklamar. Madankollu, mill-punt 59 tas-sentenza Audi vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li l-konsumaturi jistgħu effettivament jippreżumu l-oriġini tal-prodotti fuq il-bażi ta’ slogans. Konsegwentement, ma huwiex possibbli li jitqies bħala magħruf il-fatt li l-konsumaturi ma jistgħu jipperċipixxu messaġġi ta’ reklamar bħala li jikkostitwixxu trade marks.

    56

    Fil-fatt, l-UASI ssostni li, huwa magħruf li l-konsumaturi huma mdorrija jaraw messaġġi ta’ reklamar qosra, kompatti u enerġetiċi u li tali messaġġi huma pperċepiti qabel kollox bħala affermazzjoni ta’ reklamar ta’ eloġju li għaliha huma ma jattribwixxux, b’mod ġenerali, valur ta’ trade mark. Barra minn hekk, l-UASI ma tiċħadx li tali messaġġi jistgħu jiġu pperċepiti bħala li jindikaw l-oriġini tal-prodotti, sakemm ma humiex espressjonijiet purament promozzjonali u ta’ eloġju, li ma humiex ta’ karattru distintiv, jew li kisbu karattru distintiv permezz tal-użu. Dan kien il-każ fis-sentenza Audi vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, li kienet tirrigwarda slogan li għandu reputazzjoni, bid-differenza ta’ dak inkwistjoni f’dan il-każ.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    57

    Għal dak li jikkonċerna t-tieni aggravju invokat minn Smart Technologies insostenn tal-appell tagħha, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-konstatazzjoni, magħmula mill-Qorti Ġenerali, dwar jekk il-fatti, li fuqhom il-Bord tal-Appell tal-UASI bbaża d-deċiżjoni tiegħu, kinux magħrufa jew le, tikkostitwixxi evalwazzjoni ta’ natura fattwali li, ħlief fil-każ ta’ żnaturament, ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C-25/05 P, Ġabra p. I-5719, punti 53; id-digrieti tat-3 ta’ Ġunju 2009, Zipcar vs UASI, C-394/08 P, punt 42, kif ukoll tal-15 ta’ Jannar 2010, Messer Group vs Air Products and Chemicals, C-579/08 P, punt 37).

    58

    Sa fejn Smart Technologies tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ċaħdet, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, l-argument tagħha li l-Bord tal-Appell għamel ċerti konstatazzjonijiet fattwali mingħajr ma sostnihom bi provi, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, billi tinvoka tali aggravju fil-kuntest tal-appell tagħha, hija tqiegħed inkwistjoni konstatazzjonijiet ta’ fatt li jaqgħu esklużivament taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali.

    59

    Peress li ebda żnaturament tal-fatti u lanqas provi prodotti lill-Qorti Ġenerali ma kienet allegata għal dak li jikkonċerna l-imsemmija konstatazzjoni, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    60

    Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-ebda wieħed miż-żewġ aggravji invokati minn Smart Technologies insostenn tal-appell tagħha ma jistgħu jiġu aċċettati u, għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud.

    Fuq l-ispejjeż

    61

    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Smart Technologies ULC tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-UASI.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Smart Technologies ULC hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top