EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0268

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-8 ta’ Novembru 2012.
Atilla Gülbahce vs Freie und Hansestadt Hamburg.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hamburgisches Oberverwaltungsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni — L-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1) — Drittijiet tal-ħaddiema Torok li jappartjenu għas-suq legali tax-xogħol — Irtirar retroattiv ta’ permess ta’ residenza.
Kawża C‑268/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:695

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

8 ta’ Novembru 2012 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni — L-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1) — Drittijiet tal-ħaddiema Torok li jappartjenu għas-suq legali tax-xogħol — Irtirar retroattiv ta’ permess ta’ residenza”

Fil-Kawża C-268/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hamburgisches Oberverwaltungsgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Mejju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Mejju 2011, fil-proċedura

Atilla Gülbahce

vs

Freie und Hansestadt Hamburg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), li qed taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts, J. Malenovský, T. von Danwitz u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ April 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A. Gülbahce, minn M. Prottung, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u G. Rozet, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni, li twaqqaf bil-ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, iffirmat, fit-12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10, iktar ’il quddiem, rispettivament, id-“Deċiżjoni Nru 1/80” u l-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kwistjoni bejn A. Gülbahce u l-Freie und Hansestadt Hamburg fir-rigward tal-irtirar tal-permess uniformi għal residenza tiegħu minn din tal-aħħar.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

3

B’mod konformi mal-Artikolu 2(1) tiegħu, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huwa intiż li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u ekwilibrat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti, billi jieħu pjenament inkunsiderazzjoni n-neċessità li jiġi assigurat l-iżvilupp mgħaġġel tal-ekonomija tat-Turkija u ż-żieda fil-livell tax-xogħol u tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-poplu Tork.

4

Skont l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, “il-partijiet kontraenti jaqblu li jiġu ggwidati mill-Artikoli [39 KE], [40 KE] u [41 KE] sabiex gradwalment jinkiseb bejniethom il-moviment liberu tal-ħaddiema” u, skont l-Artikolu 13 ta’ dan il-Ftehim, dawn il-partijiet “jaqblu li jiġu ggwidati mill-Artikoli [43 KE] sa [46 KE] inklużi u l-Artikolu [48 KE] sabiex jitneħħew ir-restrizzjonijiet li jeżistu bejniethom fuq il-libertà ta’ stabbiliment”.

5

L-Artikolu 22(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huwa mfassal b’dan il-mod:

“Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-ftehim [ta’ assoċjazzjoni] u fil-każijiet previsti minnu, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu s-setgħa li jieħu deċiżjoni. Kull waħda miż-żewġ partijiet għandha l-obbligu li tieħu l-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda […]”

Id-Deċiżjoni Nru 1/80

6

L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jistabbilixxi:

“1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 dwar l-aċċess liberu għall-impjieg għall-membri tal-familja tiegħu, il-ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru:

għandu dritt, f’dan l-Istat Membru, wara sena ta’ impjieg legali, għat-tiġdid tal-permess ta’ xogħol tiegħu mal-istess prinċipal, jekk dan ikollu xogħol x’joffri;

għandu dritt, f’dan l-Istat Membru, wara tliet snin ta’ impjieg legali u bla ħsara għall-priorità li għandha tingħata lill-ħaddiema tal-Istati Membri tal-Komunità, li jwieġeb għal offerta oħra ta’ impjieg fl-istess professjoni ma’ prinċipal ieħor tal-għażla tiegħu, magħmula taħt kundizzjonijiet normali u rreġistrata mad-dipartiment tax-xogħol ta’ dan l-Istat Membru;

għandu jgawdi, f’dan l-Istat Membru, wara erba’ snin ta’ impjieg legali, minn aċċess liberu għal kull impjieg b’salarju tal-għażla tiegħu.

2.   Il-leave annwali u l-assenzi minħabba maternità, inċidenti fuq ix-xogħol jew mard għal perijodu qasir għandhom jiġu kkunsidrati bħala perijodi ta’ impjieg legali. Il-perijodi ta’ qgħad involontarju debitament iċċertifikati mill-awtoritajiet kompetenti u l-assenzi fit-tul minħabba mard, mingħajr ma jitqiesu bħala perijodi ta’ impjieg legali, ma għandhomx jaffettwaw id-drittijiet miksuba bis-saħħa tal-perijodu preċedenti ta’ impjieg.

3.   Ir-regoli dettaljati għall-applikazzzjoni tal-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu stabbiliti b’liġijiet nazzjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7

L-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi:

“Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru, li ġew awtorizzati sabiex jingħaqdu miegħu:

għandhom id-dritt, – bla ħsara għall-prijorità li għandha tingħata lill-ħaddiema tal-Istati Membri tal-Komunità – li jwieġbu għal kull offerta ta’ xogħol meta jkunu ilhom legalment residenti f’dan l-Istat Membru għal minn tal-anqas tliet snin;

għandhom igawdu, f’dan l-Istat Membru, minn aċċess liberu għal kull attività b’salarju tal-għażla tagħhom meta jkunu ilhom legalment residenti hemm għal minn tal-anqas ħames snin.

It-tfal tal-ħaddiema Torok li jkunu temmew taħriġ professjonali fil-pajjiż ospitanti jistgħu, irrispettivament mit-tul ta’ residenza tagħhom f’dan l-Istat Membru u bil-kundizzjoni li wieħed mill-ġenituri jkun eżerċita legalment impjieg fl-Istat Membru kkonċernat għal minn tal-anqas tliet snin, iwieġbu għal kull offerta ta’ impjieg fl-imsemmi Stat Membru.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8

L-Artikolu 10(1) tad-deċiżjoni msemmija jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri tal-Komunità għandhom jagħtu lill-ħaddiema Torok, li jagħmlu parti mis-suq tal-impjieg legali tagħhom, trattament ikkaratterizzat min-nuqqas ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza meta mqabbla mal-ħaddiema Komunitarji għal dak li jikkonċerna r-rimunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.

2.   Bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikoli 6 u 7, il-ħaddiema Torok imsemmija fil-paragrafu 1 u l-membri tal-familja tagħhom għandhom jibbenefikaw, l-istess bħall-ħaddiema Komunitarji, mill-assistenza tad-dipartimenti tax-xogħol għat-tfittxija ta’ impjieg” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9

L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jistabbilixxi:

“L-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet ġodda dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg tal-ħaddiema u tal-membri tal-familji tagħhom legalment residenti fit-territorji rispettivi tagħhom fir-rigward tar-residenza u tal-impjieg. [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

Id-dritt Ġermaniż

10

L-Artikolu 5 tal-liġi dwar id-dħul u r-residenza tal-barranin fit-territorju federali – Liġi dwar il-barranin (Gesetz über die Einreise und den Aufenthalt von Ausländern im Bundesgebiet), tad-9 ta’ Lulju 1990, (BGBl. 1990 I, p. 1354, iktar ’il quddiem l-“AuslG”), intitolat “Forom ta’ permessi ta’ residenza”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-permess ta’ residenza jingħata taħt il-forma ta’:

1)

Permess uniformi għal residenza (Artikoli 15 u 17),

2)

Awtorizzazzjoni ta’ residenza (Artikolu 27),

3)

Awtorizzazzjoni aċċessorja ta’ residenza (Artikoli 28 u 29),

4)

Awtorizzazzjoni ta’ residenza għal raġunijiet umanitarji (Artikolu 30).”

11

Taħt it-titolu “Dritt ta’ residenza awtonoma tal-konjuġi”, l-Artikolu 19 tal-AuslG jipprovdi:

“1.   F’każ ta’ terminazzjoni tal-unjoni tul il-ħajja, il-permess uniformi għal residenza tal-konjuġi jiġġedded bħala dritt ta’ residenza awtonomu u indipendenti minħabba r-residenza msemmija fl-Artikolu 17(1) tal-Ausländergesetz, meta

1)

l-unjoni tul il-ħajja tkun eżistiet legalment għal mill-inqas sentejn fit-territorju federali,

[…]

4)

il-barrani jkollu, sa meta jitwettqu l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 1 sa 3, permess uniformi għal residenza jew l-awtorizzazzjoni tar-residenza, sakemm ma kellux żmien sabiex jitlob it-tiġdid tal-permess uniformi għal residenza minħabba raġunijiet li ma humiex imputabbli lilu.

2.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-permess uniformi għal residenza għandu jiġi mġedded b’sena; dan it-tiġdid ma jipprekludix il-ħlas ta’ għajnuna soċjali, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-tielet sentenza tal-paragrafu 1. Lil hinn mill-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-permess uniformi għal residenza jista’ jiġi mġedded għal żmien limitat, meta ma jkunux sodisfatti l-kundizzjonijiet għal proroga illimitata.

[…]”

12

L-Artikolu 23 tal-AuslG, intitolat “Membri barranin tal-familja ta’ ċittadini Ġermaniżi”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-permess uniformi għal residenza għandu jingħata, b’mod konformi mal-Artikolu 17(1),

1)

lill-konjuġi barrani ta’ Ġermaniż,

[…]

meta l-Ġermaniż inkwistjoni jkollu r-residenza abitwali tiegħu fit-territorju federali;

[…]”

13

L-Artikolu 1 tar-regolament dwar il-permess tax-xogħol għal ħaddiema mhux Ġermaniżi (Verordnung über die Arbeitserlaubnis für nichtdeutsche Arbeitnehmer), fil-verżjoni tiegħu ppubblikata fit-12 ta’ Settembru 1980 (BGBl. 1980 I, p. 1754, iktar ’il quddiem l-“AEVO”), jipprovdi:

“Il-permess skont l-Artikolu 19(1) tal-liġi għall-promozzjoni tax-xogħol (permess tax-xogħol) jista’ jinħareġ, skont is-sitwazzjoni u l-evoluzzjoni tas-suq tax-xogħol

1.

għal attività professjonali determinata f’impriża determinata, jew

2.

mingħajr ebda limitu fir-rigward tal-attività professjonali jew l-impriża.”

14

L-Artikolu 2 tal-AEVO, intitolat “Permess tax-xogħol speċjali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-permess tax-xogħol huwa indipendenti mis-sitwazzjoni u mill-evoluzzjoni tas-suq tax-xogħol, u għandu jinħareġ mingħajr ir-restrizzjonijiet imsemmija fil-punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 meta l-ħaddiem

[…]

2)

ikun miżżewweġ ma’ ċittadin Ġermaniż skont l-Artikolu 116(1) tal-liġi fundamentali, u jkollu r-residenza abitwali tiegħu fiż-żona tal-validità ta’ dan ir-regolament, […]

[…]”

15

L-Artikolu 4(2) tal-AEVO jipprovdi:

“Il-permess tax-xogħol imsemmi fil-punti (1), (2) u (3) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 għandu terminu ta’ validità ta’ ħames snin. Dan għandu jinħareġ mingħajr limitu ta’ validità għall-ħaddiema li rrisjedu b’mod regolari u mhux interrott għal tmien snin, qabel il-bidu tal-validità tal-permess tax-xogħol, fiż-żona ta’ validità ta’ dan ir-regolament”

16

L-Artikolu 284 tat-tielet ktieb tal-Kodiċi Soċjali (Sozialgesetzbuch, Drittes Buch), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2003 (BGBl. 1997 I, p. 594, iktar ’il quddiem l-“SGB III”), jipprovdi:

“(1)   Il-barranin jistgħu jeżerċitaw impjieg biss bl-awtorizzazzjoni tal-aġenzija għax-xogħol u ma jistgħux jiġu impjegati minn persuni li jimpjegaw ħlief meta jkollhom tali awtorizzazzjoni fil-pussess tagħhom.

[…]

(5)   L-awtorizzazzjoni tista’ tinħareġ biss meta barrani jkollu fil-pussess tiegħu permess ta’ residenza kif stabbilit mill-Artikolu 5 tal-[AuslG] jekk id-dispożizzjonijiet applikabbli ma jipprovdux mod ieħor u jekk ebda dispożizzjoni applikabbli għall-eżerċizzju ta’ impjieg legali mill-barranin ma jeskludi dan.”

17

Taħt it-titolu “Awtorizzazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat”, l-Artikolu 286 tal-SGB III jipprovdi:

“(1)   L-awtorizzazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat tinħareġ meta l-barrani

1.

jkollu fil-pussess tiegħu permess uniformi għal residenza jew awtorizzazzjoni ta’ residenza mogħtija għal raġunijiet umanitarji u

a)

ikun eżerċita għal ħames snin, fit-territorju federali, impjieg legali li jkun is-suġġett ta’ assigurazzjoni obbligatorja, jew inkella

b)

ikun ilu jirrisjedi fit-territorju federali b’mod mhux interrott għal sitt snin, u

2)

ma jkunx impjegat b’kundizzjonijiet ta’ xogħol inqas favorevoli meta mqabbel ma ħaddiema Ġermaniżi paragunabbli.

Eċċezzjonijiet għad-dispożizzjonijiet tal-ewwel sentenza jistgħu jiġu ammessi fir-rigward ta’ ċerti gruppi ta’ persuni determinati.

[…]

(3)   L-awtorizzazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat tinħareġ mingħajr limitu ta’ żmien u mingħajr restrizzjonijiet fir-rigward tal-impriżi, tal-professjonijiet ikkonċernati jew tar-reġjuni, bla ħsara għal dispożizzjonijiet regolamentari kuntrarji.”

18

Taħt it-titolu “Awtorizzazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat”, l-Artikolu 2 tar-Regolament dwar il-ħruġ ta’ permessi ta’ xogħol lill-ħaddiema barranin (Verordnung über die Arbeitsgenehmigung für ausländische Arbeitnehmer), tas-17 ta’ Settembru 1998 (BGBl. 1998 I, p. 2899, iktar ’il quddiem l-“ArGV”), jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-ewwel punt tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 286(1) tal-SGB III, awtorizzazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat tinħareġ ukoll meta l-barrani

1)

ikun jgħix f’sitwazzjoni ta’ unjoni tul il-ħajja ma’ membru tal-familja Ġermaniż u jkollu fil-pussess tiegħu permess uniformi għal residenza maħruġ skont l-Artikolu 23(1) tal-AuslG,

[…]”

19

L-Artikolu 5 tal-ArGV, intitolat, “Relazzjoni mal-istatus fir-rigward tad-dritt ta’ residenza”, jipprovdi:

“B’deroga mill-Artikolu 284(5) tal-SGB III, permess ta’ xogħol jista’ wkoll jingħata lil persuni barranin

1.

li huma eżentati mill-kundizzjoni ta’ għoti ta’ permess ta’ residenza meta d-deroga ma tkunx limitata għal residenza ta’ tul sa tliet xhur jew għal residenza li ma tagħtihomx id-dritt għal impjieg suġġett għall-ħruġ ta’ permess ta’ xogħol,

2.

li jkollhom fil-pussess tagħhom permess ta’ residenza temporanja (Artikolu 55 tal-liġi dwar il-proċedura ta’ ażil [Asylverfahrensgesetz]) u li ma jkunux marbuta li jirrisjedu fi struttura ta’ akkomodazzjoni (Artikoli 47 sa 50 tal-liġi dwar il-proċedura ta’ ażil),

3.

li r-residenza tagħhom hija awtorizzata b’mod konformi mal-Artikolu 69(3) tal-[AuslG],

4.

li għandhom jitilqu mit-territorju, sakemm dan l-obbligu ma jkunx applikabbli jew sakemm it-terminu legali ma jkunx skada,

5.

li jkollhom fil-pussess tagħhom awtorizzazzjoni provviżorja għal applikanti għal ażil (Duldung) b’applikazzjoni tal-Artikolu 55 tal-[AuslG], ħlief jekk il-barranin daħlu fit-territorju Ġermaniż sabiex jibbenefikaw minn benefiċċji b’applikazzjoni tal-liġi dwar il-benefiċċji li għandhom jingħataw lill-applikanti għal ażil [Asylbewerberleistungsgesetz] jew jekk ma jistgħux jiġu eżegwiti miżuri li jtemmu d-dritt ta’ residenza tagħhom għal raġunijiet invokati minnhom (Artikolu 1(a) tal-liġi dwar il-benefiċċji li għandhom jingħataw lill-applikanti għal ażil), jew inkella

6.

li għalihom il-qrati ssospendew l-eżekuzzjoni tad-deportazzjoni.”

20

B’mod konformi mal-punt 1 tal-Artikolu 8(1) tal-ArGV, il-validità tal-permess ta’ xogħol tintemm meta l-barrani ma jkun jissodisfa ebda waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 tiegħu.

21

Il-liġi dwar ir-residenza, l-impjieg u l-integrazzjoni tal-barranin fit-territorju federali (Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet), tat-30 ta’ Lulju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1950), kif emendata (BGBl. 2008 I, p. 162, iktar ’il quddiem l-“AufenthG”), daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2005. L-Artikolu 4 ta’ din il-liġi, intitolat “Rekwiżit ta’ permess ta’ residenza”, jistabbilixxi fil-paragrafi 2 u 5 tiegħu:

“(2)   Permess ta’ residenza jippermetti li tiġi eżerċitata attività mħallsa fil-każijiet fejn din il-liġi ma tipprovdix mod ieħor jew meta l-permess ta’ residenza jippermetti espressament l-eżerċizzju ta’ tali attività. Kull permess ta’ residenza għandu jindika jekk huwiex awtorizzat l-eżerċizzju ta’ attività mħallsa. Barrani li ma għandux permess uniformi għal residenza għall-finijiet ta’ impjieg jista’ jingħata biss permess sabiex jeżerċita impjieg jekk l-aġenzija federali għall-impjieg turi l-approvazzjoni tagħha jew jekk liġi tipprovdi li l-eżerċizzju ta’ tali impjieg mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-aġenzija federali huwa leċitu. Ir-restrizzjonijiet ifformulati fir-rigward tal-għoti tal-awtorizzazzjoni mill-aġenzija federali għall-impjieg għandhom jissemmew fil-permess ta’ residenza.

[…]

(5)   Barrani li, b’applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni […] ikollu dritt ta’ residenza, jintrabat li juri l-eżistenza ta’ dan id-dritt billi jressaq il-prova li huwa għandu permess uniformi għal residenza jekk ma jkollu la awtorizzazzjoni ta’ stabbiliment u lanqas permess ta’ residenza permanenti fl-Unjoni Ewropea. Il-permess uniformi għal residenza jinħareġ fuq applikazzjoni.”

22

L-Artikolu 105 tal-AufenthG, intitolat “Żamma fis-seħħ tal-permessi tax-xogħol”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Awtorizzazzjoni għax-xogħol maħruġa qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi għandha titqies li tikkostitwixxi approvazzjoni mingħajr restrizzjoni tal-aġenzija federali tax-xogħol għall-eżerċizzju ta’ attività professjonali.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23

A. Gülbahce huwa ċittadin Tork li żżewweġ ċittadina Ġermaniża f’Ġunju 1997. Fit-8 ta’ Ġunju 1998, huwa daħal il-Ġermanja fil-pussess ta’ viża maħruġa għal-skopijiet ta’ għaqda familjari. F’Lulju 1998, l-awtoritajiet Ġermaniżi ħarġulu permess uniformi għal residenza li ġie mġedded f’Ġunju 1999, f’Awwissu 2001 u f’Jannar 2004. Fl-istess ħin, l-uffiċċju tal-impjieg kompetenti ħariġlu, fid-29 ta’ Settembru 1998, awtorizzazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat.

24

F’Lulju 2005, l-awtoritajiet Ġermaniżi saru jafu li l-mara ta’ A. Gülbahce kienet iddikjarat, f’Novembru 1999, li hija kienet ilha tgħix separata minnu mill-1 ta’ Ottubru 1999. Wara li semgħet dan tal-aħħar, il-Freie und Hansestadt Hamburg, b’deċiżjoni tas-6 ta’ Frar 2006, ikkonfermata b’deċiżjoni tad-29 ta’ Awwissu 2006, irtirat b’effett retroattiv it-tiġdid tal-permess uniformi għal residenza ta’ A. Gülbahce mogħtija f’Awwissu 2001 u f’Jannar 2004. Skont il-Freie und Hansestadt Hamburg, it-tiġdid tal-permess uniformi għal residenza kienu irregolari minħabba l-eżistenza ta’ unjoni tul il-ħajja bejn A. Gülbahce u l-mara tiegħu għal sentejn. Barra minn hekk, lanqas ma seta’ jingħata tiġdid b’mod konformi mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, peress li A. Gülbahce ma kienx ġie impjegat mal-istess persuna li timpjega għal mill-inqas sena.

25

A. Gülbahce ppreżenta rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Hamburg, li ġie miċħud b’sentenza tat-3 ta’ Lulju 2007. Wara li tressaq appell quddiemha, il-qorti tar-rinviju, b’sentenza tad-29 ta’ Mejju 2008, irriformulat din is-sentenza.

26

Skont il-qorti tar-rinviju, għalkemm A. Gülbahce ma pprovax l-eżistenza ta’ unjoni tul il-ħajja mal-mara tiegħu matul sentejn u għalkemm lanqas ma seta’ jinvoka l-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-permess uniformi għal residenza tiegħu kellu jiġi mġedded minħabba l-effett flimkien tal-awtorizzazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat li kienet ingħatatlu f’Settembru 1998 u tal-Artikolu 10(1) ta’ din id-deċiżjoni, moqri fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-preklużjonijiet ta’ diskriminazzjoni li jinsabu fil-ftehim konklużi mill-Unjoni Ewropea mar-Repubblika Tuneżina u mar-Renju tal-Marokk.

27

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li, peress li A. Gülbahce kien jifforma parti, kemm f’Awwissu 2001 kif ukoll f’Jannar 2004, mis-suq legali tax-xogħol, id-dritt għall-eżerċizzju effettiv ta’ attività professjonali seta’ jittieħed mingħandu biss għal raġunijiet ta’ protezzjoni ta’ interess leġittimu tal-Istat li, f’dan il-każ, ma kinux jeżistu.

28

Peress li l-Freie und Hansestadt Hamburg ippreżentat appell mis-sentenza tal-Hamburgisches Oberverwaltungsgericht tad-29 ta’ Mejju 2008, il-Bundesverwaltungsgericht annullat din tal-aħħar, b’sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2009, u rrinvijat il-kawża lill-qorti msemmija sabiex din terġa tiddeċiedi dwarha.

29

Skont il-qorti tar-rinviju, il-Bundesverwaltungsgericht qieset li l-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma tikkonferixxi la dritt għall-għoti ta’ permess uniformi għal residenza retroattiv u lanqas dritt ta’ residenza indipendenti mill-eżistenza ta’ impjieg konkret. F’dan ir-rigward, il-permess ta’ xogħol mogħti qabel id-dħul fis-seħħ tal-AufenthG baqa’ validu biss, wara d-dħul fis-seħħ ta’ din tal-aħħar fl-1 ta’ Jannar 2005, bħala approvazzjoni amministrattiva interna. Barra minn hekk, tali leġiżlazzjoni ma tistax titqies li tmur kontra l-klawżola ta’ “standstill” tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, peress li l-għoti ta’ permess ta’ xogħol illimitat lill-konjuġi ta’ ċittadini Ġermaniżi ġie introdott mill-ArGV, f’Settembru 1998, filwaqt li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-1980, ikkunsidrata mill-imsemmi Artikolu 13, kienet tippermetti l-ħruġ ta’ permess ta’ xogħol illimitat biss wara residenza legali mhux interrotta ta’ tmien snin.

30

Wara li kkunsidrat li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kienet meħtieġa għas-soluzzjoni tal-kwistjoni li tressqet quddiemha, il-Hamburgisches Oberverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

a)

ħaddiem Tork li ngħata legalment permess ta’ xogħol fit-territorju ta’ Stat Membru, għal żmien partikolari (li jista’ jkun indeterminat) li jeċċedi t-tul tal-permess ta’ residenza (“il-permess ta’ xogħol eċċedenti”), jista’ jeżerċita, matul dan il-perijodu kollu, id-drittijiet li jirriżultaw minn tali permess, sakemm dan ma jkunx prekluż minn raġunijiet ta’ protezzjoni ta’ interess leġittimu tal-Istat, bħal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika;

b)

u li Stat Membru huwa prekluż milli jeskludi, ab initio, abbażi ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li kienu fis-seħħ meta ngħata l-permess u li jikkundizzjonaw il-permess ta’ xogħol abbażi tal-permess ta’ residenza, li jkun hemm effetti tal-permess inkwistjoni fuq l-istatus tar-residenza tal-persuna kkonċernata (skont is-sentenza tat-2 ta’ Marzu 1999, El-Yassini, C-416/96, Ġabra p. I-1209, punt 3 tas-sommarju u punti 62 sa 65, rigward il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 40(1) tal-[Ftehim ta’ Koperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tal-Marokk, iffirmat f’Rabat fis-27 ta’ April 1976 u approvat f’isem il-Komunità mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2211/78, tas-26 ta’ Settembru 1978 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol 13, p. 155)], u tas-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Gattoussi, C-97/05, Ġabra p. I-11917, punt 2 tas-sommarju u punti 36 sa 43, rigward il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 64(1) tal-[Ftehim Euro-Mediterranju li jwaqqaf assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija, fuq in-naħa l-oħra, konkluż fi Brussell fis-17 ta’ Lulju 1995 u approvat f’isem il-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 98/238/KE, KEFA, tas-26 ta’ Jannar 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 28, p. 187)])?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda:

2)

L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżola “standstill” tipprekludi wkoll lil Stat Membru milli jipprojbixxi, permezz ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva (fil-każ inkwistjoni l-[AufenthG]), lil ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq tax-xogħol il-possibbiltà li jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni inkluż fl-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, minħabba permess ta’ xogħol li ngħatalu qabel u li jeċċedi t-tul tal-permess ta’ residenza tiegħu?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda:

3)

L-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni msemmi fih ma jipprekludix, fi kwalunkwe każ, lill-awtoritajiet nazzjonali milli jirtiraw permessi ta’ residenza, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali, li ngħataw bi żball lil ċittadin Tork, skont id-dritt nazzjonali, għal żmien determinat, wara li jkunu skadew, għall-perijodi li fihom il-ħaddiem Tork effettivament għamel użu mill-permess ta’ xogħol indeterminat li kien ingħatalu qabel u kien qed jaħdem?

4)

L-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li, barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tkopri esklużivament ix-xogħol li ħaddiem Tork, li għandu permess ta’ xogħol li ngħatalu legalment mill-awtoritajiet nazzjonali għal żmien indeterminat u mingħajr restrizzjonijiet ratione materiae, ikun jeżerċita fil-mument li fih jiskadi l-permess ta’ residenza tiegħu, li ngħatalu għall-finijiet oħra, u li ħaddiem Tork li jinsab f’din is-sitwazzjoni ma jistax għalhekk jitlob li, wara li jkun waqaf definittivament minn dan ix-xogħol, l-awtoritajiet nazzjonali jawtorizzaw dritt sussegwenti ta’ residenza għall-finijiet ta’ xogħol ġdid, li skont il-każ jista’ jingħata wara perijodu ta’ interruzzjoni neċessarju għat-tfittxija ta’ xogħol?

5)

L-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat, barra minn hekk, fis-sens li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jipprojbixxi lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti (biss) milli jadottaw, fir-rigward ta’ ċittadin Tork li jagħmel parti mis-suq tax-xogħol, li oriġinarjament ingħata, fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ xogħol, drittijiet iktar estiżi minn dawk ta’ residenza tiegħu, miżuri li jtemmu r-residenza tiegħu, wara l-iskadenza ta’ din tal-aħħar, sakemm tali miżuri ma jservux għall-protezzjoni ta’ interess leġittimu tal-Istat, iżda li madankollu ma jimponix l-obbligu li jingħata permess ta’ residenza?”

Fuq id-domandi preliminari

31

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, minkejja li fuq il-livell formali l-qorti tar-rinviju llimitat id-domandi tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikoli 10(1) u 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, dan il-fatt ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża quddiemha, u dan irrispettivament minn jekk il-qorti tar-rinviju tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha (ara s-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2007, ING. AUER, C-251/06, Ġabra p. I-9689, punt 38, u tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy, C-434/09, Ġabra p. I-3375, punt 24).

32

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE, din tista’ tieħu mill-kliem tad-domandi fformulati mill-qorti nazzjonali, fir-rigward tal-informazzjoni mogħtija minnha, l-elementi li jirriżultaw mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, sabiex il-qorti tkun tista’ ssolvi l-problema legali li titressaq quddiemha (sentenza tat-28 ta’ April 2009, Apostolides, C-420/07, Ġabra p. I-3571, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

F’dan il-każ, fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-annullament retroattiv tat-tiġdid tal-permess uniformi għal residenza ta’ A. Gülbahce mogħti f’Awwissu 2001 u f’Jannar 2004, kien ibbażat fuq it-terminazzjoni tal-unjoni tul il-ħajja mal-mara tiegħu mill-1 ta’ Ottubru 1999, liema kundizzjoni d-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-AuslG, tal-AEVO, tal-SGB III u tal-ArGV kienu jissuġġetaw għaliha lil dan it-titolu.

34

Il-qorti msemmija tirrileva wkoll li, fil-mument ta’ dan l-annullament retroattiv, fis-6 ta’ Frar 2006, A. Gülbahce kien impjegat mal-istess persuna li timpjega għal iktar minn sena, b’tali mod li, fil-prinċipju, kienu sodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex jitqies li huwa kien jifforma parti mis-suq legali tax-xogħol skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

35

B’hekk, id-domandi mressqa għandhom jiġu rriformulati f’domanda waħda, u għandhom jitqiesu fis-sens li huma intiżi, essenzjalment, sabiex jinstab jekk l-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jirtiraw il-permess ta’ residenza ta’ ħaddiem Tork b’effett retroattiv fid-data li fiha r-raġuni li għaliha d-dritt nazzjonali jissuġġetta l-għoti ta’ dan it-titolu waqfet teżisti, meta dan l-irtirar seħħ wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ sena xogħol regolari previst fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1).

36

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li d-drittijiet mogħtija lill-ħaddiema Torok permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 huma gradwalment iktar estiżi proporzjonalment għat-tul ta’ eżerċizzju ta’ attività mħallsa regolari u għandhom bħala għan li jikkonsolidaw progressivament is-sitwazzjoni tal-persuni kkonċernati fl-Istat Membru ospitanti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Sedef, C-230/03, Ġabra p. I-157, punt 34).

37

Hekk kif jirriżulta mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, wara sena ta’ xogħol regolari, il-ħaddiem Tork għandu d-dritt li jkompli jeżerċità attività mħallsa fis-servizz tal-istess persuna li tħaddmu.

38

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex dan id-dritt ikun effettiv irid neċessarjament ikun hemm dritt korrelattiv ta’ residenza fir-rigward tal-persuna kkonċernata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Dogan, C-383/03, Ġabra p. I-6237, punt 14).

39

Ir-regolarità tax-xogħol ta’ ċittadin Tork fl-Istat Membru ospitanti, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tippresupponi sitwazzjoni stabbli u mhux prekarja fis-suq tax-xogħol tal-imsemmi Stat Membru u, għaldaqstant, timplika dritt mhux ikkontestat ta’ residenza (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1992, Kus, C-237/91, Ġabra p. I-6781, punt 22, u tat-18 ta’ Diċembru 2008, Altun, C-337/07, Ġabra p. I-10323, punt 53).

40

F’dan il-każ, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, huwa stabbilit li l-kundizzjoni dwar il-perijodu ta’ sena ta’ impjieg regolari msemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 kienet sodisfatta fiż-żmien tal-annullament retroattiv tat-tiġdid tal-permess ta’ residenza ta’ A. Gülbahce, fis-6 ta’ Frar 2006.

41

Skont l-awtoritajiet nazzjonali, tali annullament huwa bbażat fuq il-konstatazzjoni li tgħid li, min-naħa waħda, il-kundizzjoni msemmija ma kinitx sodisfatta f’Awwissu 2001 u f’Jannar 2004, id-dati tat-tiġdid tal-permess ta’ residenza ta’ A. Gülbahce, kif ukoll, min-naħa l-oħra, li f’dawn id-dati, dan tal-aħħar ma kienx għadu jissodisfa l-kundizzjoni li kien suġġett għaliha l-permess ta’ residenza tiegħu, jiġifieri l-eżistenza ta’ unjoni tul il-ħajja ma ċittadin Ġermaniż.

42

Għalhekk, skont l-awtoritajiet nazzjonali, jekk ħaddiem Tork ma josservax iktar, matul l-ewwel sena ta’ impjieg, il-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett il-permess ta’ residenza tiegħu, id-dritt ta’ residenza tiegħu jitlef in-natura ta’ dritt inkontestat, b’tali mod li, minn dak il-mument, il-perijodi ta’ xogħol imwettqa minn dan il-ħaddiem ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-kisba tad-drittijiet imsemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, minħabba li huwa ma jkunx jissodisfa l-kundizzjoni ta’ sena xogħol regolari fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

43

Issa, tali argument ġie espressament miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja, preċiżament fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li kienu jissuġġettaw id-dritt ta’ residenza taċ-ċittadin Tork għall-ħajja flimkien ma’ ċittadin nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

44

Fil-fatt, fis-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Unal (C-187/10, Ġabra p. I-9045), deċiża wara li ġiet ippreżentata din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tikkonstata li peress li ċittadin Tork jista’ validament jibbaża ruħu fuq drittijiet abbażi dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/80, dawn id-drittijiet ma jiddependux iktar mill-kontinwazzjoni taċ-ċirkustanzi li kienu taw lok għalihom, peress li kundizzjoni ta’ dan it-tip ma kinitx imposta minn din id-deċiżjoni (sentenza Unal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

45

F’dan ir-rigward, ġie mfakkar li, abbażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, huwa biżżejjed li ħaddiem Tork ikun okkupa xogħol regolari għal iktar minn sena sabiex ikollu dritt għat-tiġdid tal-permess ta’ xogħol tiegħu mal-istess persuna li timpjegah, peress li din id-dispożizzjoni ma tibbażax ir-rikonoxximent ta’ dan id-dritt fuq kundizzjoni oħra, u b’mod partikolari fuq kundizzjonijiet li permezz tagħhom id-dritt ta’ dħul u ta’ residenza jkun inkiseb (sentenza Unal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Għalhekk, ġie deċiż li ħaddiem Tork li eżerċita attività bħala impjegat għal iktar minn sena filwaqt li kellu permess ta’ residenza validu, għandu jiġi kkunsidrat bħala li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1), anki jekk il-permess ta’ residenza jkun oriġinarjament ingħatalu għal għanijiet differenti mill-eżerċizzju ta’ attività mħallsa (sentenza Unal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Ċertament, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, id-Deċiżjoni Nru 1/80 bl-ebda mod ma taffettwa l-kompetenza tal-Istati Membri li jirrifjutaw lil ċittadin Tork id-dritt li jidħol fit-territorju tagħhom u li hemmhekk jokkupa l-ewwel xogħol imħallas tiegħu, peress li din id-deċiżjoni wkoll ma tipprekludix, bħala prinċipju, li dawn l-Istati jirregolaw il-kundizzjonijiet tal-impjeg ta’ dan iċ-ċittadin sat-tmiem ta’ sena previst fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1) tagħha (ara s-sentenza Unal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Madankollu, l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma jistax jiġi interpetat b’mod li jippermetti lil Stat Membru li unilateralment jibdel il-portata tas-sistema ta’ integrazzjoni progressiva taċ-ċittadini Torok fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti, fejn dan il-ħaddiem jiġi mċaħħad, filwaqt li kien tħalla jidħol fit-territorju tiegħu u fejn hemmhekk eżerċita legalment attività ekonomika reali u effettiva b’mod mhux interrott għal iktar minn sena fis-servizz tal-istess persuna li timpjegah, mill-benefiċċju tad-drittijiet li t-tliet inċiżi ta’ din id-dispożizzjoni jagħtuh b’mod gradwali, skont it-tul ta’ eżerċizzju ta’ attività mħallsa (ara s-sentenza Unal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Fil-fatt, tali interpretazzjoni għandha bħala riżultat li ċċaħħad mis-sustanza tagħha d-Deċiżjoni Nru 1/80 u li tneħħilha kull effettività, peress li l-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni hija ġenerali u inkondizzjonali, peress li hija ma tipprovdix il-possibbiltà għall-Istati Membri li jillimitaw id-drittijiet li din id-dispożizzjoni tagħti direttament lill-ħaddiema Torok (sentenza Unal, iċċitata iktar ’il fuq, punti 43 u 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

Ċertament, l-eżerċizzju ta’ xogħol minn ċittadin Tork permezz ta’ permess uniformi għal residenza mogħti minħabba aġir frawdolenti li kien ta lok għal kundanna jew għal awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja li hija valida biss sakemm tingħata deċiżjoni definittiva fuq id-dritt ta’ residenza tiegħu ma jistax joħloq drittijiet favur dan iċ-ċittadin skont l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 (ara s-sentenza Unal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

51

Madankollu, fil-kawża prinċipali, u diversament mis-sentenza li tat lok għas-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1997, Kol (C-285/95, Ġabra p. I-3069), fejn kien hemm kwistjoni ta’ żwieġ falz, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li A. Gülbahce eżerċita l-impjieg tiegħu taħt permess uniformi għal residenza maħruġ b’riżultat ta’ aġir frawdolenti jew li l-awtorizzazzjoni ta’ residenza tiegħu kienet provviżorja sakemm tingħata deċiżjoni definittiva.

52

Barra minn hekk, b’mod konformi mal-punt 2 tal-Artikolu 2(1) tal-AEVO, kif ukoll mal-punt 1 tal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 5 tal-ArGV, huwa kien jibbenefika minn dritt ta’ residenza li kien jippermettilu li jeżerċita attività mħallsa liberament mid-29 ta’ Settembru 1998, f’liema data l-uffiċċju għall-impjieg kompetenti kien ħariġlu awtorizzazzjoni għal xogħol għal żmien indeterminat. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju rrilevat li ma ġiex ikkonstatat li d-dritt tiegħu li jidħol u li jirrisjedi fil-Ġermanja kien inkiseb b’mod frawdolenti.

53

Għalhekk, huwa stabbilit li A. Gülbahce kkonforma ruħu mal-kundizzjonijiet legali u regolamentari tal-Istat Membru ospitanti fil-qasam ta’ dħul fit-territorju tiegħu kif ukoll ta’ xogħol.

54

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta’ ammissjoni li r-rikorrent fil-kawża prinċipali bbenefika minn impjieg regolari fil-Ġermanja għal iktar minn sena tmur kontra l-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

55

Konsegwentement, il-perijodi ta’ xogħol li twettqu mir-rikorrent fil-kawża prinċipali sussegwentement għall-kisba tal-permess ta’ residenza u tal-awtorizzazzjoni ta’ residenza tiegħu, u qabel l-irtirar retroattiv tat-tiġdid tat-titlu msemmi, għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jwieġbu għall-kundizzjoni ta’ sena xogħol regolari fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

56

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li r-risposta għad-domandi li saru, kif irriformulati mill-Qorti tal-Ġustizzja, tkun li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jirtiraw il-permess ta’ residenza ta’ ħaddiem Tork b’effett retroattiv fid-data li fiha r-raġuni li għaliha d-dritt nazzjonali kien jissuġġetta l-għoti ta’ dan it-titolu waqfet teżisti, meta dan il-ħaddiem ma kien instab ħati ta’ ebda aġir frawdolenti u meta dan l-irtirar seħħ wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ sena xogħol regolari previst fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1).

Fuq l-ispejjeż

57

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni, li twaqqfet bil-ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, iffirmat, fit-12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jirtiraw il-permess ta’ residenza ta’ ħaddiem Tork b’effett retroattiv fid-data li fiha r-raġuni li għaliha d-dritt nazzjonali kien jissuġġetta l-għoti ta’ dan it-titolu waqfet teżisti, meta dan il-ħaddiem ma kien instab ħati ta’ ebda aġir frawdolenti u meta dan l-irtirar seħħ wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ sena xogħol regolari previst fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1).

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top