EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0262

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-29 ta’ Novembru 2012.
Kremikovtzi AD vs Ministar na ikonomikata, energetikata i turizma i zamestnik-ministar na ikonomikata, energetikata i turizma.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad.
Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni Ewropea — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Bulgarija — Settur tal-azzar — Għajnuna pubblika għar-ristrutturazzjoni mogħtija qabel l-adeżjoni — Kundizzjonijiet — Vijabbiltà tal-benefiċjarji fi tmiem il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni — Dikjarazzjoni ta’ insolvenza ta’ benefiċjarju wara l-adeżjoni — Kompetenzi rispettivi tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-Kummissjoni Ewropea — Deċiżjoni nazzjonali li tikkonstata l-eżistenza ta’ dejn pubbliku li jikkonsisti f’għajnuna li saret illegali — Deċiżjoni UE-BG Nru 3/2006 — Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni — Għajnuna applikabbli wara l-adeżjoni — Regolament (KE) Nru 659/1999 — Għajnuna eżistenti.
Kawża C-262/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:760

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

29 ta’ Novembru 2012 ( *1 )

“Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni Ewropea — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Bulgarija — Settur tal-azzar — Għajnuna pubblika għar-ristrutturazzjoni mogħtija qabel l-adeżjoni — Kundizzjonijiet — Vijabbiltà tal-benefiċjarji fi tmiem il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni — Dikjarazzjoni ta’ insolvenza ta’ benefiċjarju wara l-adeżjoni — Kompetenzi rispettivi tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-Kummissjoni Ewropea — Deċiżjoni nazzjonali li tikkonstata l-eżistenza ta’ dejn pubbliku li jikkonsisti f’għajnuna li saret illegali — Deċiżjoni UE-BG Nru 3/2006 — Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni — Għajnuna applikabbli wara l-adeżjoni — Regolament (KE) Nru 659/1999 — Għajnuna eżistenti”

Fil-Kawża C-262/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija), b’deċiżjoni tat-12 ta’ Mejju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Mejju 2011, fil-proċedura

Kremikovtzi AD

vs

Ministar na ikonomikata, energetikata i turizma i zamestnik-ministar na ikonomikata, energetikata i turizma,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Rosas, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh (Relatur), A. Arabadjiev u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Lulju 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Kremikovtzi AD, minn T. Bankov, amministratur ġudizzjarju, K. Atanasov, T. Chobanov u B. Cholakov,

għall-Gvern Bulgaru, minn T. Ivanov u D. Drambozova, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Stobiecka-Kuik u S. Petrova, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Ewropew bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn parti l-waħda, u r-Repubblika tal-Bulgarija, mill-parti l-oħra, konkluż u approvat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 94/908/KEFA, KE, Euratom, tad-19 ta’ Diċembru 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 532, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Bulgarija”, jew il-“Ftehim Ewropew”), tal-Artikolu 3 tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim Ewropew, fir-rigward tal-estensjoni tal-perijodu previst fl-Artikolu 9(4) tal-Protokoll Nru 2 tal-Ftehim Ewropew (consilium 10827/02, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonali”), kif emendat bid-Deċiżjoni 3/2006 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Bulgarija, tad-29 ta’ Diċembru 2006 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni UE-BG Nru 3/2006), tat-Titolu 2 tal-Anness V tal-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 203, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni”) kif ukoll tal-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M, p. 629) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 659/1999”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Kremikovtzi AD (f’sitwazzjoni ta’ insolvenza) (iktar ’il quddiem “Kremikovtzi”) u l-Ministar na ikonomikata, energetikata i turizma i zamestnik-ministar na ikonomikata, energetikata i turizma (Ministru u l-Viċi Ministru tal-Ekonomija, tal-Enerġija u tat-Turiżmu), rigward avviż ta’ dejn pubbliku tal-Istat (Nru APDV – 01, tal-4 ta’ Settembru 2008, iktar ’il quddiem l-“avviż ikkontestat fil-kawża prinċipali”) li jikkonstata l-eżistenza ta’ tali dejn pubbliku li jikkonsisti fl-għajnuna mogħtija fid-dawl tar-ristrutturazzjoni ta’ Kremikovtzi, miżjud bl-interessi.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Bulgarija u l-protokolli tiegħu

3

Skont l-Artikolu 3(2) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Bulgarija:

“Fil-livell ministerjali, djalogu politiku għandu jsir fil-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni. Dan għandu jkollu responsabbilità ġenerali għall-kwistjonijiet kollha li l-Partijiet jixtiequ li jagħtuh.”

4

Skont l-Artikolu 121 tiegħu, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Bulgarija ġie milħuq għal perijodu mhux limitat, bil-kundizzjoni li kull parti tista’ tħassar il-ftehim.

5

Il-Protokoll Nru 2 tal-Ftehim Ewropew, dwar il-prodotti tal-KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 59, p. 201, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 2 tal-Ftehim Ewropew”) jipprovdi fl-Artikolu 9 tiegħu:

“1.   Dan li ġej huwa inkompatibbli mat-tħaddim xieraq tal-Ftehim, sal-limitu li jista’ jeffettwa l-kummerċ bejn il-Komunità u l-Bulgarija:

[...]

iii)

għajnuna pubblika f’kull forma barra minn derogi permessi skond it-Trattat KEFA.

2.   Kull prattika li hija kontra dan l-Artikolu għandha tiġi stmata fuq il-bażi ta’ kriterja li joħorġu mill-applikazzjoni […] r-regoli dwar għajnuna ta’ l-Istat, inkluża l-leġiżlazzjoni sekondarja.

[...]

4.   Il-Partijiet fil-Kuntratt jirrikonoxxu li matul l-ewwel ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, u b’deroga mill-paragrafu 1 (3) ta’ dan l-Artikolu, il-Bulgarija tista’ eċċezzjonalment, fir-rigward ta’ prodotti ta’ l-azzar KEFA, tagħti għajnuna pubblika għal skopijiet ta’ ristrutturazzjoni, b’dan illi:

twassal għall-viabbilità tad-ditti li jibbenifikaw taħt kundizzjonijiet normali tas-suq fit-tmiem tal-perjodu ta’ ristrutturazzjoni,

l-ammont u l-intensità ta’ dik l-għajnuna huma strettament limitati għal dak li hu assolutament meħtieġ sabiex tiġi restawrata dik il-viabbilità u huma progressivament imnaqqsa,

il-programm ta’ ristruzzjoni huwa marbut ma’ razzjonalizzar globali u riduzzjoni kollox ma’ kollox tal-kapaċità ta’ produzzjoni fil-Bulgarija.

5.   Kull Parti għanda tiżgura trasparenza fil-qasam ta’ għajnuna pubblika bi skambju sħiħ u kontinwu ta’ informazzjoni lill-Parti l-oħra, inkluż l-ammont, l-intensità u l-iskop ta’ l-għajnuna u pjan dettaljat ta’ ristrutturazzjoni.

[...]”

6

Il-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fil-21 ta’ Novembru 2002, permezz tal-Artikolu 1 tiegħu, ipproroga għal tmien snin mill-1 ta’ Jannar 1998, jew sad-data ta’ adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija, id-data meqjusa bħala l-iktar qrib, il-perijodu li matulu r-Repubblika tal-Bulgarija setgħet eċċezzjonalment tagħti għajnuna pubblika għar-ristrutturazzjoni tal-industrija tal-azzar.

7

Din il-proroga kienet suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2 u 3 tal-Protokoll Addizzjonali. L-Artikolu 2 tiegħu kien jeħtieġ il-preżentazzjoni lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ta’ programm ta’ ristrutturazzjoni u pjanijiet ta’ negozju li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-Artikolu 9(4) tal-Protokoll 2 tal-Ftehim Ewropew. Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll Addizzjonali, l-estensjoni tal-perijodu msemmi kien suġġett għal evalwazzjoni finali, mill-Kummissjoni ta’ dan il-programm ta’ ristrutturazzjoni u ta’ dawn il-pjanijiet ta’ negozju.

8

Skont l-Artikolu 4 tiegħu, il-Protokoll Addizzjonali seta’ jiġi emendat b’deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Bulgarija (iktar ’il quddiem il-“Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Bulgarija”).

9

Dan il-protokoll ġie għalhekk emendat fl-ewwel lok bid-Deċiżjoni Nru 1/2004 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Bulgarija, tat-28 ta’ Settembru 2004 (ĠU 2005, L 68, p. 41), li ssostitwixxiet l-Artikoli 2 u 3 tal-Protokoll Addizzjonali. Mill-premessa 4 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li din l-emenda kienet intiża li tiggarantixxi l-konformità bejn il-Protokoll Addizzjonali u l-organizzazzjoni istituzzjonali tar-Repubblika tal-Bulgarija.

10

Fit-tieni lok, id-deċiżjoni UE-BG Nru 3/2006 mill-ġdid emendat il-Protokoll Addizzjonali.

11

Mill-premessa 1 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li r-Repubblika tal-Bulgarija, fil-kuntest ta’ programm ta’ ristrutturazzjoni emendat matul is-sena 2006, ipproponiet li, jekk ir-riżultat tal-implementazzjoni ta’ dan il-programm kien jikkonferma li l-kundizzjonijiet applikabbli tal-Protokoll Nru 2 tal-Ftehim Ewroepw ma kinux ġew osservati u li l-miżuri prinċipali ta’ ristrutturazzjoni ma kinux twettqu jew jekk, matul il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni r-Repubblika tal-Bulgarija kienet tat għajnuna pubblika addizzjonali lill-industrija tal-azzar, dan l-Istat kellu jirkupra kull għajnuna mħallsa bi ksur ta’ dawn il-kundizzjonijiet qabel jew wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea.

12

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Deċiżjoni UE-BG Nru 3/2006 ssostitwixixet l-Artikolu 3 tal-Protokoll Addizzjonali bit-test li ġej:

“Il-Kummissjoni Ewropea għandha tissorvelja b’mod regolari l-implementazzjoni tal-programm ta’ ristrutturazzjoni u l-pjanijiet f’isem il-Komunità Ewropea. Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tobbliga lill-Bulgarija sabiex tieħu passi xierqa sabiex timmodifika l-pjan ta’ ristrutturazzjoni għall-kumpannija Kremikovtzi AD fil-każ li jkun probabbli li ma jkunx se jseħħ it-twettiq tal-obbligi tal-Artikolu 9(4) tal-Protokoll Nru 2 tal-Ftehim Ewropew.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiddeċiedi jekk il-programm ta’ ristrutturazzjoni u l-pjanijiet ikunux ġew implementati b’mod sħiħ u jekk ikunux konformi mal-obbligi tal-Artikolu 9(4) tat-2 Protokoll għall-Ftehim Ewropew.

Fil-każ li s-sorveljanza tal-implementazzjoni tal-programm ta’ ristrutturazzjoni u tal-pjanijiet turi li l-kundizzjonijiet rilevanti tat-2 Protokoll għall-Ftehim Ewropew u l-miżuri ta’ ristrutturazzjoni ewlenin, inklużi l-investimenti kollha implimentati, ma jkunux twettqu jew li matul il-perjodu tar-ristrutturazzjoni l-Bulgarija tkun tat għajnuna statali addizzjonali lill-industrija tal-azzar, u lil Kremikovtzi AD b’mod partikolari, il-Bulgarija għandha tiġbor lura mingħand il-benefiċjarju kull għajnuna mogħtija bi ksur ta’ dawn il-kundizzjonijiet qabel jew wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt primarju

13

Skont l-Artikolu 97 KEFA, it-Trattat KEFA skada fit-23 ta’ Lulju 2002.

14

Skont l-Artikolu 2 tal-Att ta’ Adeżjoni:

“Mid-data ta’ l-adeżjoni, id-disposizzjonjiet tat-Trattati oriġinali u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet u l-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-adeżjoni għandhom jorbtu lill- Bulgarija u lir-Rumanija u għandhom japplikaw f’dawk l-Istati bil-kondizzjonijiet kif elenkati f’dawk it-Trattati u f’dan l-Att.”

15

L-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni jipprovdi, fit-Titolu 2 tiegħu, mekkaniżmu ta’ kontroll ta’ miżuri ta’ sostenn Statali implementati fil-Bulgarija qabel id-data tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni. L-Artikoli 1 sa 3 ta’ dan it-titolu jipprovdu:

“1.

L-iskemi ta’ għajnuna li ġejjin u l-għajnuna individwali li bdew isseħħu fi Stat Membru ġdid qabel id-data ta’ l-adeżjoni u li jkunu għadhom applikabbli wara dik id-data għandhom jiġu meqjusa, ma’ l-adeżjoni, bħala għajnuna eżistenti fis-sens ta’ l-Artikolu 88(1) [KE:]

a)

miżuri ta’ għajnuna li daħlu fis-seħħ qabel l-10 ta’ Diċembru 1994;

b)

miżuri ta’ għajnuna elenkati fl-Appendiċi għal dan l-Anness;

ċ)

miżuri ta’ għajnuna li qabel id-data ta’ l-adeżjoni kienu valutati mill-awtorità, ta’ l-Istat Membru l-ġdid, li tissorvelja l-għajnuna mill-Istat u nstabu kompatibbli ma’ l-acquis, u li dwarhom il-Kummissjoni ma ressqet l-ebda oġġezzjoni abbażi ta’ dubbji serji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq komuni, skond il-proċedura stabbilita [fl-Artikolu] 2.

Kull miżura li tibqa’ tapplika wara d-data ta’ l-adeżjoni li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u li ma tissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti hawn fuq għandha, ma’ l-adeżjoni, tiġi meqjusa bħala għajnuna ġdida għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 88(3) [KE].

[...]

2.

[...]

Jekk il-Kummissjoni ma toġġezzjonax għall-miżura eżistenti ta’ għajnuna abbażi ta’ dubbji serji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq komuni, fi żmien tliet xhur mir-riċezzjoni ta’ l-informazzjoni kompleta dwar dik il-miżura jew mir-riċezzjoni tad-dikjarazzjoni mill-Istat Membru l-ġdid li fiha jinforma lill-Kummissjoni li huwa jikkunsidra l-informazzjoni pprovduta bħala kompleta billi l-informazzjoni supplimentari mitluba mhijiex disponibbli jew tkun diġà ngħatat, il-Kummissjoni għandha titqies li ma tkun ressqet ebda oġġezzjoni.

Kull miżura ta’ għajnuna preżentata lill-Kummissjoni taħt il-proċedura deskritta [fl-Artikolu] 1(ċ) qabel id-data ta’ l-adeżjoni hija soġġetta għall-proċedura ta’ hawn fuq irrispettivament mill-fatt li fil-perjodu ta’ l-eżami l-Istat Membru l-ġdid konċernat ikun diġà sar membru ta’ l-Unjoni.

3.

Deċiżjoni tal-Kummissjoni li toġġezzjona għal xi miżura, fis-sens [tal-Artikolu] 1(ċ), għandha titqies bħala deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill (KE) [Nru. 659/1999].

Jekk tali deċiżjoni tittieħed qabel id-data ta’ l-adeżjoni, id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ biss fid-data ta’ l-adeżjoni.”

Ir-Regolament Nru 659/1999

16

Mill-premessa 18 tar-Regolament Nru 659/1999 jirriżulta li, sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti mas-suq komuni u f’konformità mal-Artikolu 108(1) TFUE, il-Kummissjoni għandha tipproponi miżuri xierqa fejn tali għajuna ma hijiex jew ma għadhiex iktar kompatibbli mas-suq komuni u għandha tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx irid jimplementa l-miżuri proposti.

17

Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 659/1999:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

[...]

b)

“għajnuna eżistenti” għandha tfisser:

i)

mingħajr preġudizzju [...] u għall-Anness V, [titolu] 2 u [titolu] 3(b) u l-Appendiċi għall-Anness imsemmi ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, kull għajnuna li kienet teżisti qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fl-Istati Membri rispettivi, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali lil daħlu fis-seħħ qabel, u li għadhom applikabbli wara, id-dħul fis-seħħ tat-Trattat.

[...]

(ċ)

“għajnuna ġdida” għandha tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti;

[...]”

18

L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 659/1999, intitolat “Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni biex tingħalaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali”, jipprovdi fil-paragrafu 5 tiegħu:

“Fejn il-Kummissjoni ssib li l-għajnuna notifikata m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni, għandha tiddeċiedi li dik l-għajnuna m’għandhiex tiddaħħal fis-seħħ (minn hawn ’l quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni negattiva’).”

19

L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju [...]. Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità.”

20

Intitolat “Konsegwenzi legali ta’ proposta għal miżuri xierqa”, l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 659/1999 jikkonċerna l-għajnuna eżistenti. Dan jinqara kif ġej:

“1.   Fejn l-Istat Membru kkonċernat jaċċetta l-miżuri proposti u jinforma lill-Kummisjsoni dwarhom, il-Kummissjoni għandha tirreġistra dik is-sejba u tinforma lill-Istat Membru dwarha. L-Istat Membru għandu jkun marbut bl-aċċettazzjoni tagħha li jimplimenta l-miżuri xierqa.

2.   Fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jaċċettax il-miżuri proposti u l-Kummissjoni, wara li tkun ikkunsidrat l-argumenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat, għandha tikkonsidra li dawk il-miżuri huma meħtieġa, għandha tibda l-proċeduri skond l-Artikolu 4(4). L-Artikoli 6, 7 u 9 għandhom jgħoddu mutatis mutandis.”

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ Diċembru 2009

21

L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Diċembru 2009 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Ristrutturar u l-Pjan Individwali tan-Negozju għal Kremikovtzi (sommarju ppubblikat fil-ĠU 2012, C 27, p. 3, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ Diċembru 2009”) jindika li l-“programm ta’ ristrutturar u l-pjanijiet għal Kremikovtzi AD mhumiex implimentati bis-sħiħ u għaldaqstant mhumiex f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(4) tal-Protokoll 2 tal-Ftehim Ewropew”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22

Kremikovtzi hija persuna ġuridika rregolata mid-dritt Bulgaru li l-kapital tagħha kien pubbliku sas-sena 1999, sena tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ privatizzazzjoni tagħha.

23

Skont l-Artikolu 9(4) tal-Protokoll Nru 2 tal-Ftehim Ewropew, ir-Repubblika tal-Bulgarija kellha perijodu ta’ ħames snin, mill-1 ta’ Jannar 1993 sal-31 ta’ Diċembru 1997, li matulu hija kienet eċċezzjonalment awtorizzata sabiex tagħti għajnuna pubblika għar-ristrutturazzjoni tal-industrija tal-azzar.

24

Mill-proċess jirriżulta li, wara s-sena 1997, Kremikovtzi setgħet xorta waħda tibbenefika minn għajnuna pubblika taħt diversi forom, jiġifieri l-annullament ta’ djun favur l-Istat l-aċċess għal riżorsi tal-Istat, sabiex tħallas djun oħra, kif ukoll termini favorevoli ta’ kreditu.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Protokoll Addizzjonali ġie estiż għal tmien snin mill-1 ta’ Jannar 1998, jew sad-data ta’ adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija, id-data meqjusa l-iktar qrib, il-perijodu li matulu dan l-Istat seta’ eċċezzjonalment jagħti għajnuna pubblika għar-ristrutturazzjoni tal-industrija tal-azzar.

26

Skont il-kundizzjoni magħmula fl-Artikolu 2 tal-Protokoll Addizzjonali, ir-Repubblika tal-Bulgarija ppreżentat lill-Kummissjoni programm ta’ ristrutturazzjoni u ta’ żvilupp tal-industrija tal-azzar Bulgara u pjan ta’ negozju għall-istabbiliment tal-industrija tal-azzar biss li jkun ibbenefika minn għajnuna pubblika għar-ristrutturazzjoni jiġifieri, Kremikovtzi.

27

Fil-kuntest tal-iżvilupp ta’ dan il-programm u ta’ dan il-pjan, bid-deċiżjonijiet tas-6 ta’ Novembru 2003 u tat-3 ta’ Frar 2004, il-Komisia za zashtita na konkurentsiyata (kummissjoni għall-protezzjoni tal-kompetizzjoni, l-awtorità Bulgara responsabbli, f’dak iż-żmien, mis-sorveljanza tal-għajnuna pubblika) kienet ikkonstatat l-eżekuzzjoni ta’ diversi għajnuna pubblika favur Kremikovtzi sa limitu ta’ somma totali ta’ BGN 431 073 159. Mill-proċess jirriżulta li l-parti l-kbira ta’ din is-somma kienet tħallset fl-1999 u li l-bqija tħallset fl-2004, taħt il-forma ta’ strutturazzjoni mill-ġdid tad-dejn li Kremikovtzi kienet daħlet għalih ma’ fornituri ta’ gass u ta’ elettriku tagħha.

28

Mill-premessa 10 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/746/KE, tat-18 ta’ Ottubru 2004, dwar it-twettiq tal-kundizzjonijiet mniżżla taħt l-Artikolu 3 tal-Protokoll Addizzjonali li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropew u l-Istati Membri tagħhom min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Bulgarija min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu previst fl-Artikolu 9(4) tal-Protokoll 2 għall-Ftehim Ewropew (ĠU L 153M, p. 69), jirriżulta li, skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll Addizzjonali li dak iż-żmien kien fis-seħħ, il-Kummisjoni għamlet evalwazzjoni finali tal-programm ta’ ristrutturazzjoni u l-pjan ta’ negozju. Din l-evalwazzjoni b’mod partikolari kkonstatat li l-ammont tal-għajnuna pubblika għar-ristrutturazzjoni, kif ippreċiżat f’dan il-pjan, kien ser jitnaqqas progressivament qabel ma jintemm matul is-sena 2005.

29

Skont ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, tat-12 ta’ Awwissu 2008, intitolat “L-ewwel rapport ta’ monitoraġġ dwar ir-ristrutturar fil-Bulgarija u fir-Rumanija” [COM(2008) 511 finali], ebda għajnuna ma ngħatat lil Kremikovtzi fis-sena 2006.

30

Lejn tmiem is-sena 2006, proroga sa tmiem is-sena 2008 tat-terminu ta’ implementazzjoni ta’ dan il-pjan ġiet mitluba minħabba tibdiliet fil-proġetti ta’ investiment u minħabba ż-żmien mitluf, marbuta mal-bdil ta’ proprjetajru ta’ Kremikovtzi. Il-premessi tad-deċiżjoni UE-BG Nru 3/2006 jirreferu għal programm ta’ ristrutturazzjoni u ta’ pjan ta’ negozju mibdula. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-programm ta’ ristrutturazzjoni mibdul kien jipprevedi li l-proċess ta’ ristrutturazzjoni kellu jintemm qabel il-31 ta’ Diċembru 2008.

31

Fis-6 ta’ Awwissu 2008, Kremikovtzi kienet suġġetta għal proċedura ta’ falliment. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, hija ġiet uffiċjalment iddikjarata fi stat ta’ insolvenza mis-6 ta’ Ġunju 2008.

32

Fir-rigward ta’ din id-dikjarazzjoni ta’ insolvenza, il-Viċi Ministru tal-Ekonomija u tal-Enerġija adotta l-avviż ikkontestat fil-kawża prinċipali għal ammont ta’ BGN 431 073 159, flimkien mal-interessi. Skont l-Administrativen sad Sofia-grad, dan l-avviż kien ibbażat fuq l-idea li d-dikjarazzjoni ta’ insolvenza ta’ Kremikovtzi u l-ftuħ tal-proċedura ta’ falliment kellhom bħala konsegwenza l-għeluq tal-pjan individwali ta’ vijabbiltà ta’ din il-kumpannija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Kremikovtzi ma setgħetx tkun vijabbli f’kundizzjonijiet tas-suq, bi ksur tal-Artikolu 9(4) tal-Protokoll Nru 2 tal-Ftehim Ewropew, li jagħmel l-għajnuna pubblika illegali. Għall-awtur tal-avviż ikkontestat fil-kawża prinċipali, l-irkupru tal-għajnuna huwa rregolat mill-programm ta’ ristrutturazzjoni kif aġġornat.

33

Fuq rikors ta’ Kremikovtzi, il-qorti tar-rinvju (komposta diversament) ikkonkludiet li l-avviż ikkontestat fil-kawża prinċipali kien null. Il-qrati inferjuri qiesu li, skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, l-irkupru tal-għajnuna setgħet isseħħ biss bil-kundizzjoni li l-Ministru tal-Finanzi jkun qabel ipproċeda għal notifika lill-Kummissjoni, sabiex hija tadotta deċiżjoni li tordna l-irkupru tal-għajnuna minħabba l-illegalità tagħha. F’dan il-każ, ebda waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ma ġiet issodisfatta.

34

Din il-konstatazzjoni ta’ nullità kienet is-suġġett ta’ rikors min-naħa tal-Ministru tal-Ekonomija, tal-Enerġija u tat-Turiżmu, quddiem il-Varhoven administrativen sad (Qorti amministrattiva suprema). Din tal-aħħar annullat id-deċiżjoni tal-kulleġġ ġudikanti preċedenti tal-Administrativen sad Sofia-grad u ordnat ir-rinviju tal-kawża sabiex isir eżami mill-ġdid minn kulleġġ ġudikanti ieħor, fejn żiedet ma’ dan ir-rinviju istruzzjonijiet vinkolanti għas-soluzzjoni tal-kawża dwar il-mertu, fejn il-qrati inferjuri kellhom l-obbligu li jieħdu inkunsiderazzjoni l-provi bil-miktub ġodda, inkluża d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ Diċembru 2009.

35

Fil-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju, l-amministratur ġudizzjarju ta’ Kremitkovtzi ppreżenta talba għal sospensjoni sabiex tingħata deċiżjoni sabiex talba għal deċiżjoni preliminari tiġi ddifferita lill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tingħata deċiżjoni, minn naħa, dwar liema hija l-awtorità kompetenti sabiex jiġi deċiż jekk għajnuna mill-Istat hijiex inkompatibbli mas-suq komuni kif ukoll sabiex jintalab l-irkupru inkwantu għajnuna illegali u, min-naħa l-oħra, liema hija l-portata ġuridika tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ Diċembru 2009.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Sofia-grad iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim [Ewropew], u b’mod partikolari d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Bulgarija, huma applikabbli fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat li ngaħatat qabel l-adeżjoni ta[r-Repubblika ta]l-Bulgarija mal-[Unjoni], skont id-dispożizzjonijiet tal-ftehim iċċitat iktar ’il fuq, u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) [tal-Protokoll Nru 2 tal-Ftehim Ewropew], meta l-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mogħtija sseħħ wara d-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-[Unjoni]? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, hemm lok li tingħata l-interpretazzjoni segwenti:

a)

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tal-protokoll [addizzjonali] għandu jiġi interpretat fis-sens li hija biss il-Kummissjoni Ewropea li hija awtorizzata tiddeċiedi jekk il-programm ta’ ristrutturazzjoni u l-pjanijiet skont l-Artikolu 2 tal-imsemmi protokoll addizzjonali ġewx implementati b’mod sħiħ u jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9(4) ta[l-Protokoll Nru 2] għall-ftehim Ewropew [...]? Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, hemm lok li tingħata l-interpretazzjoni segwenti:

b)

It-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tal-protokoll [addizzjonali], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità nazzjonali kompetenti tar-Repubblika tal-Bulgarija hija awtorizzata tadotta deċiżjoni ta’ rkupru ta’ għajnuna mill-Istat li ma hijiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(4) ta[l-Protokoll Nru 2] għall-ftehim Ewropew [...]? Jekk ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din id-domanda tkun fin-negattiv, hemm lok li tingħata l-interpretazzjoni segwenti:

2)

L-[Artikolu 1] tat-titolu 2, dwar il-politika tal-kompetizzjoni, tal-Anness V [tal-Att ta’ Adeżjoni] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni tikkostitwixxi “għajnuna ġdida” fis-sens tat-titolu 2 ta’ dan l-anness? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-Artikoli 107 [TFUE] u 108 TFUE (Artikoli 87 [KE] u 88 [KE]) dwar l-għajnuna mill-Istat u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 659/1999 japplikaw għal tali “għajnuna ġdida”?

a)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għal din id-domanda, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk [...] l-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jistgħux iwettqu rkupru ta’ għajnuna mill-Istat bħal dik fil-proċeduri tal-kawża prinċipali qabel ma l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni inkompatibbli mas-suq komuni?

b)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, [ta’] Diċembru 2009 [...] għandha titqies bħala deċiżjoni negattiva dwar għajnuna illegali fis-sens tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999?”

Fuq id-domandi preliminari

37

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, fuq liema bażi legali għandha tiġi evalwata u, skont il-każ, għandha tiġi rkuprata l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija, qabel l-adeżjoni, fl-1 ta’ Jannar 2007, tar-Repubblika tal-Bulgarija lill-Unjoni, lill-impriża tal-azzar Kremikovtzi, li ġiet suġġetta għal proċedura ta’ falliment matul u ddikjarata fi stat ta’ insolvenza matul is-sena 2008, kif ukoll wara din l-adeżjoni. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju hija intiża sabiex tiddetermina jekk proċedura ta’ rkupru tal-għajnuna mogħtija lil Kremikovtzi għandhiex tkun ibbażata fuq l-Artikolu 3 tal-Protokoll Addizzjonali kif emendat bid-Deċiżjoni UE-BG Nru 3/2006 jew fuq il-mekkaniżmi li jirriżultaw mill-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni u mir-Regolament Nru 659/1999 u jekk, fi kwalunkwe każ, deċiżjoni tal-Kummissjoni tikkostitwixxix kundizzjoni minn qabel obbligatorja fil-kuntest tal-irkupru, mill-awtoritajiet Bulgari tal-għajnuna mogħtija qabel din l-adeżjoni.

38

Sabiex tingħta risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinvju, l-ewwel nett għandhom jitfakkru wħud miċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali li jirriżultaw mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja.

39

Huwa stabbilit li l-Protokoll Nru 2 tal-Ftehim Ewropew kien jirrigwarda dispożizzjonijiet tranżitorji li jikkonċernaw l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni sabiex ir-Repubblika tal-Bulgarija tkun tista’ tirristruttura kif jixraq fis-settur tal-azzar tagħha.

40

Għalhekk, skont l-Artikolu 9(4) tal-Protokoll Nru 2 għall-Ftehim Ewropew, dan l-Istat kien awtorizzat sabiex jagħti għajnuna għall-finijiet ta’ tali ristrutturazzjoni, bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li din twassal għall-vijabbiltà tal-impriżi benefiċjarji f’kundizzjonijiet normali tas-suq fi tmiem il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni.

41

Hekk kif il-Kummissjoni sostniet, bid-differenza tal-atti ta’ adeżjoni relatati ma’ ċerti Stati (ara, bħala paragun, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, ISD Polska et vs Il-Kummissjoni, C-369/09 P, Ġabra p. I-2011, punt 7), l-Att ta’ Adeżjoni relatat mar-Repubblika tal-Bulgarija ma fihx klawżoli partikolari relatati mal-għajnuna mogħtija lill-impriżi tas-settur tal-azzar qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni. F’dan ir-rigward, mid-dokumenti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, matul negozjati ta’ adeżjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija ddikjarat li hija ma tagħtix iktar għajnuna lill-industrija tal-azzar tagħha u li hija rtirat it-talba għal esenzjoni tagħha mill-perijodu li matulu għajnuna setgħet tiġi attribwita lil dan is-settur.

42

Madankollu, ftit qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija essenzjalment infurmat li l-kundizzjoni ta’ vijabbiltà ta’ Kremikovtzi ma setgħetx tiġi ssodisfatta fil-kuntest tal-programm nazzjonali ta’ ristrutturazzjoni. Dan l-Istat għalhekk ippreżenta programm ta’ ristrutturazzjoni u pjan ta’ impriża emendati u talab estensjoni tal-perijodu ta’ ristrutturazzjoni sa tmiem is-sena 2008. Kremikovtzi kienet l-unika impriża koperta mill-programm nazzjonali ta’ ristrutturazzjoni emendat.

43

Hekk kif jirriżulta mill-premessa 1 tad-Deċiżjoni UE-BG Nru 3/2006, fil-kuntest tal-programm ta’ ristrutturazzjoni emendat, ir-Repubbblika tal-Bulgarija essenzjalment ipproponiet li, jekk it-tkomplija tal-implementazzjoni ta’ dan il-programm kellha turi li l-kundizzjonijiet applikabbli stabbiliti fil-Protokoll Nru 2 tal-Ftehim Ewropew ma kinux osservati, hija kienet tirkupra kull għajnuna mħallsa bi ksur ta’ dawn il-kundizzjonijiet.

44

Il-Kummissjoni evalwat dawn il-programmi ta’ ristrutturazzjoni u pjan ta’ negozju emendati u ma oġġezzjonatx l-estensjoni mitluba.

45

Fid-29 ta’ Diċembru 2006, fuq proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Bulgarija adotta d-deċiżjoni UE-BG Nru 3/2006.

46

Is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Kremikovtzi kompliet tiggrava ruħha u hija falliet matul is-sena 2008.

47

F’dawn iċ-ċirkustanzi, bl-avviż ikkontestat fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet Bulgari, billi bbażaw fuq it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tal-protokoll addizzjonali, kif emendat bid-Deċiżjoni UE-BG Nru 3/2006, fetħu proċedura ta’ rkupru tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni identifikata fid-deċiżjonijiet imsemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza.

48

Fil-kawża prinċipali, dan l-avviż u dan il-bażi legali huma kkontestati minn Kremikovtzi. Din essenzjalemnt issostni li l-awtoritajiet Bulgari ma jistgħux jadottaw deċiżjoni awtonoma ta’ rkupru fl-assenza ta’ deċiżjoni negattiva tal-Kummissjoni fis-sens tar-Regolament Nru 659/1999.

49

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li t-Trattat KE jistabbilixxi proċeduri distinti skont jekk l-għajnuna tkunx eżistenti jew ġdida (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 1992, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-47/91, Ġabra p. I-4145, punti 22 sa 24, u tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur-Les assurances du crédit, C-44/93, Ġabra p. I-3829, punti 10 à 12). Filwaqt li l-għajnuna ġdida għandha, skont l-Artikolu 88(3) KE, tiġi nnotifikata bil-quddiem lill-Kummissjoni u ma tistax tiġi implementata qabel ma l-proċedura tkun waslet għal deċiżjoni finali, l-għajnuna eżistenti tista’, skont l-Artikolu 88(1) KE, tiġi eżegwita b’mod regolari kemm-il darba l-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat l-inkompatibbiltà tagħha (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C-387/92, Ġabra p. I-877, punt 20; tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-372/97, Ġabra p. I-3679, punt 42 u C-298/00 P, Ġabra. p. I-4087, punt 47, kif ukoll tat-18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il-Kummissjoni, C-322/09 P, Ġabra p. I-11911, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Minbarra dan, mill-Artikolu 2 tal-Att ta’ Adeżjoni jirriżulta li l-Artikoli 87 KE sa 89 KE kif ukoll ir-Regolament Nru 659/1999 huma applikabbli mill-Bulgarija biss mill-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni mill-1 ta’ Jannar 2007, fil-kundizzjonijiet previsti mill-Att ta’ Adeżjoni.

51

F’dak li jikkonċerna l-għajnuna implementata fil-Bulgarija qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni, l-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni jipprovdi, fit-Titolu 2 tiegħu, mekkaniżmu ta’ kontroll. Dan il-mekkaniżmu huwa intiż b’mod partikolari sabiex jillimita d-daqs ta’ tali għajnuna li tista’, matul l-adeżjoni, tiġi kkunsidrata bħala “għajnuna eżistenti” fis-sens tal-Artikolu 88(1) KE.

52

Skont dan il-mekkaniżmu, il-miżuri implementati qabel din l-adeżjoni iżda li, minn naħa, huma dejjem applikabbli warajha u li, min-naħa l-oħra, fid-data tal-adeżjoni, jissodisfaw il-kriterji kumulattivi tal-Artikolu 87(1) KE, huma suġġetti għar-regoli speċifiċi stabbiliti fl-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni kemm bħala għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 88(1) KE meta hija taqa’ taħt waħda mit-tliet kategoriji msemmija f’dan l-anness, kemm bħala għajnuna ġdida fid-data tal-adeżjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 88(3) KE, meta din ma taqax taħt waħda minn dawn it-tliet kategoriji.

53

Isegwi li, sabiex ikunu jistgħu jiġu suġġetti għal dawn ir-regoli speċifiċi tal-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni, miżuri ta’ sostenn Statali adottati qabel id-data ta’ adeżjoni għandhom, b’mod partikolari, ikunu dejjem “applikabbli”, fis-sens ta’ dan l-anness, skont din l-adeżjoni.

54

Hekk kif jista’ jiġi stabbilit b’mod partikolari mill-Artikolu 1(b)(i) u (ċ) tar-Regolament Nru 659/1999, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tal-Att ta’ Adeżjoni, huwa biss wara din l-adeżjoni li, fil-Bulgarija, il-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 87(1) KE jistgħu jiġu direttament applikati inkwantu tali, u dan unikament fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li jippreżentaw ruħhom minn din id-data. Minbarra dan, jirriżulta b’mod partikolari mill-ġurisprudenza esposta fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, mill-premessa 18 tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll mill-Artikolu 19 tiegħu li l-għajnuna eżistenti ma tistax tkun is-suġġett, skont il-każ, ħlief ta’ deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà li tipproduċi effetti fil-futur.

55

Minn din il-perspettiva, l-espressjonijiet “għadhom applikabbli” u “tibqa’ tapplika” li jinsabu fl-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni għandhom jiġu interpretati bħala essenzjalment relatati ma’ miżuri implementati qabel l-adeżjoni mal-Unjoni u li, wara din l-adeżjoni, jibqgħu ta’ natura li joħolqu spejjeż mill-Istat Membru kkonċernat jew żieda tar-responsabbiltà finanzjarja tiegħu jew ukoll li jnaqqsu d-dħul baġitarju ta’ dan l-Istat.

56

F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-għajnuna pubblika inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet implementata qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni.

57

Minbarra dan, hekk kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-punti 27 u 28 ta’ din is-sentenza, kien possibbli li tiġi kkalkolata b’mod preċiż ir-responsabbiltà finanzjarja tar-Repubblika tal-Bulgarija li tirriżulta minn dawn il-miżuri waqt l-implementazzjoni tagħhom. Fil-fatt, l-ammonti preċiżi ta’ diversi għajnuna mogħtija kienu uffiċjalment ikkonstatati u meħuda inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-iżvilupp tal-programm ta’ ristrutturazzjoni u tal-pjan ta’ negozju relatat ma’ Kremikovtzi.

58

Hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 27 sa 29 ta’ din is-sentenza, l-implementazzjoni tal-għajnuna pubblika inkwistjoni fil-kawża prinċipli ntlaħqet qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni. Din l-għajnuna għalhekk ma kinitx ta’ natura, wara din l-adeżjoni, li toħloq spejjeż jew responsabbiltà finanzjarja dejjem ikbar fuq il-korpi Statali Bulgari jew inkella li tnaqqas id-dħul baġitarju tar-Repubblika tal-Bulgarija.

59

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għajnuna pubblika inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi kkunsidrata bħala “applikabbli” wara l-adeżjoni fis-sens tal-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni.

60

Isegwi li dan l-anness ma japplikax għall-miżuri ta’ għajnuna pubblika inkwistjoni fil-kawża prinċipali. B’konswegwenza, dawn il-miżuri ma jistgħux jiġu kkunsidrati la bħala “għajnuna eżistenti”, u lanqas bħala “għajnuna ġdida fid-data tal-adeżjoni” fis-sens ta’ dan l-anness.

61

Bl-istess mod, dawn il-miżuri wkoll ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “għajnuna eżistenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament Nru 659/1999.

62

Minbarra dan, hekk kif jirriżulta wkoll mill-punti 17, 50 u 54 ta’ din is-sentenza, dawn il-miżuri lanqas ma jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “għajnuna ġdida” fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) ta’ dan ir-regolament.

63

Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni UE-BG Nru 3/2006, adottata wara l-firma tal-Att ta’ Adeżjoni u fil-kuntest espost b’mod partikolari fil-punti 41 sa 44 u 60 sa 62 ta’ din is-sentenza, tirrigwarda speċifikament il-miżuri ta’ sostenn Statali implementati fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni tas-settur tal-azzar fil-Bulgarija.

64

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Protokoll Addizzjonali kif emendat bid-Deċiżjoni UE-BG Nru 3/2006 jipprovdi essenzjalment, sorveljanza konġunta mill-Kummissjoni u l-Ministeru tal-Finanzi Bulgaru tal-implementazzjoni tal-għajnuna insostenn tar-ristrutturazzjoni ta’ Kremikovtzi.

65

Skont dan it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3, ir-Repubblika tal-Bulgarija hija obbligata li tirkupra l-għajnuna pubblika kollha mħallsa lill-industrija Bulgara tal-azzar bi ksur tal-kundizzjonijiet li jirriżultw mill-Protokoll Nru 2 tal-Ftehim Ewropew. Fost dawn il-kundizzjonijiet hemm, b’mod partikolari, it-twettiq tal-investimenti kollha previsti mill-programm ta’ ristrutturazzjoni u l-pjanijiet ta’ negozju kif ukoll ir-rekwiżit li, fi tmiem il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni konsentit, din ir-ristrutturazzjoni tkun wasslet għall-vijabbiltà tal-benefiċjarji tas-sostenn Statali kkonċernat.

66

Huwa veru li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Protokoll Addizzjonali kif emendat bid-Deċiżjoni UE-BG Nru 3/2006, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk il-programm ta’ ristrutturazzjoni u l-pjanijiet humiex kompletament implementati u jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9(4) tal-Protokoll Nru 2 tal-Ftehim Ewropew.

67

Madankollu, xejn mit-test ta’ dan l-Artikolu 3 ma jħalli x’jinftiehem li deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3, tikkostitwixxi kundizzjoni qabel l-irkupru previst fit-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu.

68

Minbarra dan, inkunsiderazzjoni tal-premessa 1 tad-Deċiżjoni UE-BG Nru 3/2006 u tal-sorveljanza konġunta li jsir riferiment għaliha fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, xejn fl-istruttura ta’ dan l-Artikolu 3 ma jħalli x’jinftiehem li dan huwa l-każ.

69

Min-naħa l-oħra, mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Protokoll addizzjonali kif emendat bid-Deċiżjoni UE-BG Nru 3/2006 jirriżulta li l-obbligu għar-Repubblika tal-Bulgarjia li tirkupra għajnuna pubblika jeżisti jekk, fil-kuntest ta’ tkomplija tal-implementazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni u tal-pjan ta’ negozju għal Kremikovtzi, kemm il-Kummissjoni, kif ukoll l-awtoritajiet Bulgari jikkonstataw li l-kundizzjonijiet applikabbli stabbiliti fil-Protokoll Nru 2 tal-Ftehim Eewopew ma ġewx issodisfatti.

70

Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll, sabiex tiġi pprovduta risposta kompleta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, li deċiżjoni adottata skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Protokoll Addizzjonali kif emendat bid-Deċiżjoni UE-BG Nru 3/2006 ma hija bl-ebda mod ekwivalenti għal deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999, li, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 50, 61 u 62 ta’ din is-sentenza, ma tapplikax f’dak li jikkonċerna l-għajnuna pubblika inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

71

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, id-domandi magħmula għandhom jiġu risposti li proċedura ta’ rkupru ta’ għajnuna pubblika mogħtija lil Kremikovtzi qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni, miżuri ta’ għajnuna li, wara din l-adeżjoni, ma kinux “applikabbli” fis-sens tal-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni, għandha, f’każ ta’ ksur tal-kundizzjonijiet magħmula fl-Artikolu 9(4) tal-Protokoll Nru 2 tal-Ftehim Ewropew, tkun fondata fuq l-Artikolu 3 tal-Protokoll Addizzjonali kif emendat bid-Deċiżjoni UE-BG Nru 3/2006. F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tar-Repubblika tal-Bulgarija jistgħu, skont it-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu, jadottaw deċiżjoni ta’ rkupru ta’ għajnuna pubblika li ma tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet. Deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 ta’ dan il-protokoll addizzjonali ma tikkostitwixxix kundizzjoni qabel l-irkupru, minn dawn l-awtoritajiet, ta’ tali għajnuna.

Fuq l-ispejjeż

72

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Proċedura ta’ rkupru ta’ għajnuna pubblika mogħtija lil Kremikovtzi qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni, miżuri ta’ għajnuna li, wara din l-adeżjoni , ma kinux “applikabbli” fis-sens tal-Anness V tal-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, għandha, f’każ ta’ ksur tal-kundizzjonijiet magħmula fl-Artikolu 9(4) tal-Protokoll Nru 2 tal-Ftehim Ewropew bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn parti l-waħda, u r-Repubblika tal-Bulgarija, mill-parti l-oħra, konkluż u approvat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 94/908/KEFA, KE, Euratom, tad-19 ta’ Diċembru 1994 tkun fondata fuq l-Artikolu 3 tal-Protokoll Addizzjonali għal dan il-ftehim, kif emendat bid-Deċiżjoni Nru 3/2006 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Bulgarija, tad-29 ta’ Diċembru 2006. F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tar-Repubblika tal-Bulgarija jistgħu, skont it-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu, jadottaw deċiżjoni ta’ rkupru ta’ għajnuna pubblika li ma tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet. Deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 ta’ dan il-protokoll addizzjonali ma tikkostitwixxix kundizzjoni qabel l-irkupru, minn dawn l-awtoritajiet, ta’ tali għajnuna.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Top