Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0244

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-8 ta’ Novembru 2012.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikoli 43 KE u 56 KE — Sistema li tissuġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel l-akkwist ta’ drittijiet ta’ vot li jirrappreżentaw iktar minn 20 % tal-kapital azzjonarju ta’ ċerti ‘kumpanniji pubbliċi limitati strateġiċi’ — Mekkaniżmu ta’ kontroll a posteriori ta’ ċerti deċiżjonijiet meħuda minn dawn il-kumpanniji.
    Kawża C‑244/11.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:694

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    8 ta’ Novembru 2012 ( *1 )

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikoli 43 KE u 56 KE ‐ Sistema li tissuġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel l-akkwist ta’ drittijiet ta’ vot li jirrappreżentaw iktar minn 20 % tal-kapital azzjonarju ta’ ċerti ‘kumpanniji pubbliċi limitati strateġiċi’ — Mekkaniżmu ta’ kontroll a posteriori ta’ ċerti deċiżjonijiet meħuda minn dawn il-kumpanniji”

    Fil-Kawża C-244/11,

    li għandha bħal suġġett rikorsa għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fl-20 ta’ Mejju 2011,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Montaguti u G. Zavvos, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    vs

    Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn P. Mylonopoulos u K. Boskovits, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn L. Bay Larsen, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, J.-C. Bonichot, C. Toader, A. Prechal (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2012,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata li, meta tistabbilixxi r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 11(1), moqri flimkien mal-Artikolu 11(2) u dawk imsemmija fl-Artikolu 11(3) tal-Liġi 3631/2008 dwar il-ħolqien ta’ fond nazzjonali għall-koeżjoni soċjali (FEK Α’ 6/29.1.2008), ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 63 TFUE u 49 TFUE relatati, rispettivament, mal-moviment liberu tal-kapital u mal-libertà ta’ stabbiliment.

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    L-Artikolu 11 tal-Liġi 631/2008 jipprovdi:

    “1.   Fir-rigward ta’ kumpanniji pubbliċi limitati strateġiċi li għandhom jew kellhom pożizzjoni ta’ monopolju, b’mod partikolari fuq il-kumpanniji li jippossjedu, joperaw jew jiġġestixxu netwerks nazzjonali ta’ infrastrutturi, l-akkwist minn azzjonist li ma jkunx l-Istat Grieg jew minn kumpaniji assoċjati ma’ dan l-Istat [...], jew minn azzjonisti li jaġixxu flimkien u bi ftehim, ta’ drittijiet ta’ vot li jirrappreżentaw iktar minn 20 % tal-kapital azzjonarju totali huwa suġġett għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kumitat Interministerjali ta’ Privatizzazzjoni stabbilit mil-Liġi 3049/2002, skont il-proċedura stabbilita minn din l-aħħar liġi.

    2.   L-awtorizzazzjoni tingħata bil-kundizzjoni li jkunu sodisfatti l-kriterji ta’ interess ġenerali li jippermettu li tiġi ggarantita l-kontinwità tas-servizzi pprovduti u l-operat ta’ netwerks. Bħala indikazzjoni, il-kriterji ta’ evalwazzjoni meħuda inkunsiderazzjoni huma: a) l-esperjenza tal-azzjonisti terzi fil-qasam tal-kumpanniji ta’ hawn fuq; b) is-solvenza tagħhom, c) l-informazzjoni relata mal-istrateġiji tagħhom ta’ investiment, d) it-trasparenza tat-tranżazzjonijiet tagħhom, e) il-pjanijiet ta’ negozju ddettaljati tagħhom, f) id-daqs u t-tip tal-programm ta’ investiment tagħhom, g) is-sistema ta’ proprjetà tagħhom, h) iż-żamma tal-impjiegi, i) l-istruttura tal-kapital azzjonarju tagħhom u b’mod partikolari l-parteċipazzjoni ta’ fondi stabbiliti barra mill-Unjoni Ewropea, skont il-prinċipju ta’ trasparenza u ta’ reċiproċità, j) il-mod ta’ teħid ta’ deċiżjoni.

    3.   Id-deċiżjonijiet tal-imsemmija impriżi strateġiċi relatati mas-suġġetti li ġejjin huma suġġetti għall-awtorizzazzjoni tal-Ministru tal-Finanzi, u dan, għal finijiet ta’ interess ġenerali :

    a)

    xoljiment tal-impriża, li tiġi stralċjata u ħatra ta’ stralċjarji;

    b)

    ristrutturazzjoni tal-impriżi msemmija hawn fuq: konverżjoni, amalgamazzjoni ma’ kumpannija oħra, amalgamazzjoni bil-ħolqien ta’ kumpannija pubblika limitata ġdida, qsim fi kwalunkwe forma jew qsim ta’ fergħa waħda jew iktar li jista’ jipperikola l-provvista ta’ servizzi f’oqsma ta’ importanza strateġika;

    c)

    transferiment, trasformazzjoni jew konverżjoni, ċessjoni, provvista bħala garanzija, kif ukoll trasformazzjoni jew emenda tal-allokazzjoni ta’ elementi strateġiċi tal-assi tal-impriżi msemmija hawn fuq u ta’ netwerks u infrastrutturi bażiċi neċessarji għall-ħajja ekonomika u soċjali tal-pajjiż kif ukoll għas-sigurtà tiegħu.

    4.   L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti għandha tingħata permezz ta’ digriet ministerjali ppubblikat f’terminu ta’ tletin (30) jum mid-data tal-għoti tad-deċiżjoni lill-Ministru. L-assenza ta’ risposta f’dan it-terminu għandha titqies bħala l-għoti tal-awtorizzazzjoni rikjesta.

    […]”

    Il-proċedura prekontenzjuża

    3

    Fit-8 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Ellenika ittra ta’ intimazzjoni fejn sostniet li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(1) u (3) tal-Liġi 3631/2008 imorru kontra l-Artikoli 43 KE u 56 KE.

    4

    Peress li qieset li r-risposta mogħtija mir-Repubblika Ellenika kienet insuffiċjenti, il-Kummissjoni bagħtet, permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Diċembru 2008, opinjoni mmotivata lil dan l-Istat Membru.

    5

    Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Jannar 2009, ir-Repubblika Ellenika wieġbet għall-imsemmija opinjoni mmotivata billi żammet il-pożizzjoni tagħha li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni ma kinux kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital u dwar il-libertà ta’ stabbiliment.

    6

    Peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li ma ġewx rimedjati n-nuqqasijiet ta’ twettiq fit-termini mogħti rigward is-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u l-mekkaniżmi ta’ kontroll a posteriori previsti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

    Fuq ir-rikors

    Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali

    L-argumenti tal-partijiet

    7

    Il-Kummissjoni ssostni li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel prevista fl-Artikolu 11(1) tal-Liġi 3631/2008 kif ukoll il-mekkaniżmu ta’ kontroll a posteriori previst fil-paragrafu 3 ta’ dan l-istess artikolu jikkostitwixxu restrizzjonijiet kemm għall-moviment liberu tal-kapital kif ukoll għal-libertà ta’ stabbiliment.

    8

    Peress li l-investituri privati jistgħu jixtru azzjonijiet tal-kumpanniji strateġiċi inkwistjoni li huma nnegozjati fil-Borża, is-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tapplika għal kumpanniji li huma diġà parzjalment privatizzati. Tali sistema għaldaqstant ma tevitax ir-regoli fundamentali tat-Trattat skont l-Artikolu 295 KE.

    9

    Rigward, fl-ewwel lok, ir-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, huwa paċifiku li din is-sistema taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija regoli meta hija intiża għal investimenti msejħa “diretti”, b’mod partikolari fil-forma ta’ sehem f’impriża permezz taż-żamma ta’ azzjonijiet li jagħtu l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni b’mod effettiv fil-ġestjoni u fil-kontroll tagħha.

    10

    Fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ kontroll a posteriori previst mill-Artikolu 11(3) tal-Liġi 3631/2008, il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa għandu l-effett li jfixkel il-parteċipazzjoni effettiva tal-azzjonisti fil-ġestjoni u fil-kontroll tal-impriżi kkonċernati u jista’ jiddisswadi lill-operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra milli jinvestu fil-kapital tal-kumpanniji inkwistjoni.

    11

    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u l-mekkaniżmu ta’ kontroll a posteriori jikkostitwixxu wkoll restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE.

    12

    Ir-Repubblika Ellenika ssostni li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tal-Liġi 3631/2008 ma jikkostitwixxux restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital u lanqas għal-libertà ta’ stabbiliment.

    13

    Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw mhux fil-kuntest ta’ impriżi diġà privatizzati li fihom l-Istat iżomm privileġġi speċjali, komunement imsejħa “golden shares”, iżda f’dak ta’ impriżi strateġiċi li ma għadhomx privatizzati, jiġifieri impriżi li fihom l-Istat ma kienx tilef, fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, il-parteċipazzjoni strateġika tiegħu fil-kapital azzjonarju li biha jista’ jinfluwenza b’mod deċiżiv il-formazzjoni tar-rieda tal-korpi tal-kumpannija.

    14

    Issa, skont ir-Repubblika Ellenika, il-miżuri meħuda minn Stat Membru għall-finijiet tal-privatizzazzjoni ta’ tali impriżi strateġiċi kkontrollati mill-Istat jevitaw skont l-Artikolu 295 KE il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali stabbiliti mit-Trattat, bil-kundizzjoni li s-sistema ta’ privatizzazzjoni tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u magħrufa bil-quddiem lill-impriżi kkonċernati u li huma previsti rimedji.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    15

    Rigward, qabel kollox, l-argument tar-Repubblika Ellenika bbażat fuq l-Artikolu 295 KE li jipprovdi li “[...] it-Trattat għandu jkun bla ebda preġudizzju għas-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri”, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-imsemmi artikolu ma għandux l-effett li s-sistemi ta’ proprjetà eżistenti fl-Istati Membri jevitaw ir-regoli fundamentali tat-Trattat (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-503/04, Ġabra p. I-6153, punt 37).

    16

    B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm l-Artikolu 295 KE ma jaffettwax id-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu sistema għall-akkwist ta’ proprjetà immobbli, tali sistema ma tevitax ir-regoli fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk ta’ nondiskriminazzjoni, tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-moviment liberu tal-kapital (sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003, Ospelt u Schlössle Weissenberg, C-452/01, Ġabra p. I-9743, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    17

    Minn dan isegwi, fir-rigward tal-Artikolu 11 tal-Liġi 3631/2008 li, kif spjegat mir-Repubblika Ellenika, li dan l-artikolu jagħmel parti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-privatizzazzjoni ta’ ċerti kumpanniji pubbliċi limitati strateġiċi kkontrollati minn dan l-Istat Membru, li, għalkemm l-Artikolu 295 KE ma jaffettwax id-dritt ta’ Stat Membru li jistabbilixxi tali skema ta’ privatizzazzjoni, dan għandu josserva r-regoli fundamentali tat-Trattat li jagħmel parti minnhom, b’mod partikolari, il-libertajiet fundamentali msemmija f’din il-kawża.

    18

    Barra minn hekk, jekk Stat jiddeċiedi li jittrasforma impriżi pubbliċi f’kumpanniji pubbliċi limitati li l-azzjonijiet tagħhom ikunu kkwotati fil-Borża u jistgħu, fil-prinċipju, jinxtraw liberament fis-suq, li jippermetti li ishma mhux Statali jinstabu f’ammont sinjifikattiv f’dawn il-kumpanniji, bħal fil-każ tal-kumpanniji pubbliċi limitati strateġiċi inkwistjoni, ma jistax jiġi ammess li l-Artikolu 295 KE ikun jista’ jiġi invokat minn Stat Membru sabiex il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat ikun evitati f’tali akkwisti billi dawn tal-aħħar jiġu suġġetti għal sistema ta’ awtorizzazzjoni taħt piena li tinħoloq lakuna mhux iġġustifikata fis-sistema ta’ protezzjoni ta’ dawn il-libertajiet fundamentali.

    19

    Il-Kummissjoni tikkunsidra, sussegwentement, li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u l-mekkaniżmu ta’ kontroll a posteriori previsti fl-Artikolu 11 tal-Liġi 3631/2008 jaqgħu kemm taħt l-Artikolu 43 KE, dwar il-libertà ta’ stabbiliment, u l-Artikolu 56 KE, dwar il-moviment liberu tal-kapital.

    20

    Issa, kif issostni ġustament ir-Repubblika Ellenika, din l-opinjoni ma tistax tiġi aċċettata.

    21

    Fil-fatt, rigward fl-ewwel lok is-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel inkwistjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ stabbiliment iċ-ċittadin ta’ Stat Membru li jżomm fil-kapital ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor sehem li jagħtih influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija u li jippermettilu jiddetermina l-attivitajiet tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-212/09, Ġabra p. I-10889, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    22

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika mhux biss għal-ishma biss li jippermettu li tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħha, iżda li tapplika indipendentement mid-daqs tas-sehem li azzjonist ikollu f’kumpannija, tista’ taqa’ kemm taħt l-Artikolu 43 KE kif ukoll taħt l-Artikolu 56 KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 44).

    23

    F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel inkwistjoni hija intiża biss għall-akkwist ta’ ishma f’kumpannija pubblika limitata strateġika li tagħti drittijiet ta’ vot li jirrapreżentaw iktar minn 20 % tal-kapital azzjonarju totali, hekk li l-azzjonisti biss li jistgħu jeżerċitaw influenza ċerta fuq il-ġestjoni u l-kontroll ta’ tali kumpannija jkunu affettwati.

    24

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni sostniet mingħajr ma ġiet kontradetta mir-Repubblika Ellenika li, meta tistabbilixxi għal 20% tal-kapital azzjonarju l-limitu ta’ akkwisti suġġetti għas-sistema tal-awtorizzazzjoni minn qabel, din is-sistema tostakola lill-investituri milli jiksbu l-livell rikjest sabiex jikkontrollaw u jiġġestixxu kumpannija strateġika u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħha.

    25

    Minn dan isegwi li l-Artikolu 43 KE biss japplika għas-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel.

    26

    Ir-Repubblika Ellenika madankollu tikkontesta l-applikabbiltà ta’ din il-libertà fundamentali għar-raġuni li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel prevista fl-Artikolu 11(1) tal-Liġi 3631/2008 hija primarjament intiża sabiex tikkontrolla l-akkwisti ostili ta’ natura spekulattiva minn fondi sovrani stabbiliti f’pajjiżi terzi.

    27

    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif għamlet ukoll il-Kummissjoni mingħajr ma ġiet kontradetta mir-Repubblika Ellenika, li l-Artikolu 11(1) tal-Liġi 3631/2008 huwa intiż għall-investituri potenzjali kollha, inklużi dawk stabbiliti fl-Istati Membri tal-Unjoni, u mhux biss l-investituri stabbiliti fi Stati terzi. Ir-Repubblika Ellenika barra minn hekk ma identifikat l-ebda dispożizzjoni leġiżlattiva oħra li minnha jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din is-sistema tkopri biss dawn l-aħħar investituri.

    28

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika Ellenika li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel prevista mill-Artikolu 11(1) tal-Liġi 3631/2008 ma tillimitawx l-akkwist ta’ ishma fihom infushom u għaldaqstant ma tikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment peress li hija intiża biss għad-drittijiet ta’ vot relatati ma’ dawn l-ishma.

    29

    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali restrizzjoni teżisti jekk sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għandha l-effett li tostakola jew tirrestrinġi l-eżerċizzju ta’ drittijiet ta’ vot marbuta mal-azzjonijiet miżmuma, peress li dawn tal-aħħar jikkostitwixxu wieħed mill-mezzi prinċipali għall-azzjonista sabiex jipparteċipa b’mod attiv fil-ġestjoni ta’ impriża jew fil-kontroll tagħha (ara f’dan is-sens, fir-rigward tar-regoli relatati mal-moviment liberu tal-kapital, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-274/06, punti 21 sa 24).

    30

    Fit-tieni lok, dwar il-mekkaniżmu ta’ kontroll a posteriori inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali sistema għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tal-Artikolu 43 KE peress li tirrigwarda deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-ġestjoni tal-kumpannija u, għaldaqstant, tikkonċerna biss lil dawk l-azzjonisti li jistgħu jeżerċitaw influwenza ċerta fuq din l-aħħar kumpannija. Mill-bqija, anki jekk jiġi meqjus li tali sistema toħloq effetti restrittivi fuq il-moviment liberu tal-kapital, dawn l-effetti huma l-konsegwenza inevitabbli ta’ ostakolu possibbli għal-libertà ta’ stabbiliment u ma jiġġustifikawx eżami awtonomu fid-dawl tal-Artikolu 56 KE (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-326/07, Ġabra p. I-2291, punt 39).

    31

    Għaldaqstant, l-Artikolu 43 KE japplika għall-imsemmi mekkaniżmu ta’ kontroll.

    Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjonijiet

    L-argumenti tal-partijiet

    32

    Fl-ewwel lok, dwar l-għanijiet segwiti mill-Artikolu 11 tal-Liġi 631/2008, il-Kummissjoni tikkunsidra li din id-dispożizzjoni hija intiża biss mhux biss sabiex tiżgura l-kontinwità tas-servizzi pprovduti u l-operat ta’ netwerks, kif jirriżulta mill-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, iżda wkoll tipprova ssegwi wkoll żewġ għanijiet oħra, jiġifieri dak li jiġi ggarantit, f’kuntest ta’ trasparenza, il-privatizzazzjoni ta’ impriżi strateġiċi għall-ekonomija nazzjonali u dak li tippermetti lill-Istat li jagħżel investitur strateġiku għal dawn l-impriżi kif ukoll it-titjib tal-kompetittività tagħhom.

    33

    Skont il-Kummissjoni, għalkemm l-ewwel għan jista’ jiġi invokat sabiex tiġi ġġustifikata restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-eżiġenzi ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika għandhom jiġu interpretati b’mod strett u jistgħu jiġu invokati biss fil-każ ta’ theddida reali u suffiċjentement gravi, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2000, Église de scientologie, C-54/99, Ġabra p. I-1335, punt 17). Issa, ir-Repubblika Ellenika ma tispjegax għaliex sehem ta’ 20 % fil-kapital tal-imsemmija impriżi tista’ tkun ta’ preġudizzju għal interess fundamentali tas-soċjetà.

    34

    Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11 tal-Liġi 3631/2008 ma huwiex iddefinit b’mod ċar. Ma huwiex fil-fatt ċert li dan il-kamp ta’ applikazzjoni jkopri biss l-oqsma u s-servizzi pubbliċi li tirreferi għalihom il-ġurisprudenza jew ukoll oqsma oħrajn.

    35

    Dwar it-tieni għan, il-Kummissjoni tfakkar li, sabiex sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel bħal dik inkwistjoni li tidderoga minn libertà fundamentali tkun iġġustifikata, għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u li jkunu magħrufa minn qabel, b’mod li jiġi limitat l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex din ma tintużax arbitrarjament. Barra minn hekk, kull persuna milquta minn miżura restrittiva bbażata fuq tali deroga għandha jkollha rimedju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Frar 2001, Analir et, C-205/99, Ġabra p. I-1271, punt 38, u tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-463/00, Ġabra p. I-4581, punt 69).

    36

    Issa, il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 3631/2008 ma humiex iddefiniti minn qabel b’mod dettaljat u preċiż. Għaldaqstant, il-kriterji kkunsidrati jħallu marġni wiesgħa ta’ interpretazzjoni lill-awtoritajiet ekwivalenti għal setgħa diskrezzjonali. Tali qafas leġiżlattiv iċaħħad lill-investituri eventwali miċ-ċertezza legali rikjesta u tiskoraġġihom, peress li ma jkunux jafu minn qabel il-kriterji ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ ċaħda tal-investiment tagħhom.

    37

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet għan li ssegwi l-miżura nazzjonali inkwistjoni, dan huwa ta’ natura ekonomika u ma jistax, skont ġurisprudenza stabbilita, iservi bħala ġustifikazzjoni għal ostakoli għal-libertajiet fundamentali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-367/98, Ġabra p. I-4731, punt 52).

    38

    Ir-Repubblika Ellenika tirrispondi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni għandhom għan wieħed biss li barra minn hekk jirriżulta espressament mill-Artikolu 11(2) tal-Liġi 3631/2008, jiġifieri li tiġi ggarantita l-kontinwità tas-servizzi bażiċi u tal-operat ta’ netwerks li jitqiesu neċessarji għall-ħajja ekonomika u soċjali ta’ pajjiż, b’mod partikolari l-provvista neċessarja ta’ enerġija u ta’ ilma fil-pajjiż u l-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni.

    39

    B’hekk il-miżuri inkwistjoni huma intiżi sabiex jiġi ppreżervat l-interess ġenerali, b’mod partikolari l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika, raġunijiet li, skont it-Trattat u ġurisprudenza stabbilita, jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali, kif il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari ddeċidiet fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista fl-oqsma taż-żejt, tat-telekomunikazzjoni u tal-enerġija (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs l-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    40

    Dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, ir-Repubblika Ellenika ssostni li dan huwa ddefinit b’mod ċar mill-kriterji ġenerali u mill-għanijiet li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’mod partikolari minn qari flimkien tal-Artikolu 11(1) tal-Liġi 3631/2008 li jirreferi għall-kumpanniji ta’ kumpannija pubblika limitata “li għandhom jew kellhom pożizzjoni ta’ monopolju, b’mod partikolari fuq il-kumpanniji li jippossjedu, joperaw jew jiġġestixxu netwerks nazzjonali ta’ infrastrutturi” u l-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu li jipprovdi li l-awtorizzazzjoni tingħata fl-interess ġenerali u biss għall-għan “li tiġi ggarantita l-kontinwità tas-servizzi pprovduti u l-operat ta’ netwerks”.

    41

    Mit-termini tal-Liġi 3631/2008 kif ukoll mill-ispjegazzjoni tagħha tar-raġunijiet jirriżulta li din is-sistema ex ante tapplika għal ċirku magħluq ta’ impriżi, jiġifieri kumpanniji kkontrollati mill-Istat li jippossjedi, joperaw jew jiġġestixxu netwerks u infrastrutturi bażiċi. L-elenku tagħhom f’din il-liġi għaldaqstant ma huwiex rikjest.

    42

    Fil-fatt, matul l-adozzjoni tal-imsemmija liġi, din kienet tikkonċerna sitt kumpanniji biss. Mistoqsija fuq dan il-punt matul is-seduta, ir-Repubblika Ellenika spjegat li hija kienet tikkonċerna speċifikatament l-impriża li kellha l-monopolju fil-telekomunikazzjoni, li sadattant ġiet privatizzata u li għaliha l-Liġi 3631/2008 ma għadhiex tapplika, il-monopolju preċedenti ta’ provvisti tal-elettriku, l-impriżi ta’ ilma tax-xorb ta’ Ateni (il-Greċja) u ta’ Tessalonika (il-Greċja) u l-korpi pubbliċi li jiġġestixxu l-portijiet ta’ Piraeus (il-Greċja) u ta’ Tessaloniki.

    43

    Bl-istess mod, jista’ jiġi dedott mil-Liġi 3631/2008 li l-miżura ex post tapplika biss għall-kumpanniji strateġiċi li jippossjedu, li joperaw jew li jiġġestixxu n-netwerks u infrastrutturi bażiċi sa fejn hija intiża biss sabiex tikkontrolla t-trasformazzjonijiet jew l-emendi fl-allokazzjoni ta; elementi tal-assi ta’ dawn l-impriżi u, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-Artikolu 11(3)(c) ta’ din il-liġi, id-deċiżjonijiet ta’ ġestjoni ta’ dawn il-kumpanniji relatati man-“netwerks u infrastrutturi bażiċi neċessarji għall-ħajja ekonomika u soċjali tal-pajjiż kif ukoll għas-sigurtà tagħha”.

    44

    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-għan tal-miżura nazzjonali inkwistjoni jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-provvista ta’ servizzi bażiċi u l-operat kontinwu ta’ netwerks jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżuri leġiżlattivi inqas restrittivi minn sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għal ċerti investimenti ta’ ishma fil-kumpanniji strateġiċi jew mekkaniżmu ta’ kontroll a posteriori ta’ ċerti deċiżjonijiet ta’ ġestjoni meħuda minn dawn il-kumpanniji.

    45

    Fir-rigward qabel kollox tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel inkwistjoni, il-Kummissjoni tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall-akkwist ta’ ishma jew ta’ assi, li s-sistema inkwistjoni ma tippermettix li jiġi żgurat fil-każijiet kollha li s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tiġi ggarantita jekk theddida ġenwina u suffiċjentement serja għal din il-provvista għandha sseħħ wara li l-awtorizzazzjoni tal-operazzjoni kkonċernata inkwistjoni ngħatat (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-207/07, punt 52) u ukoll li s-superviżjoni biss tal-entità pubblika fil-mument li din tal-aħħar tieħu l-kontroll ta’ impriża ma jippermettix li jiġi żgurat li, ġaladarba d-drittijiet ta’ vot marbuta mal-azzjonijiet miżmuma minn din l-entità jiġu rikonoxxuti, din tal-aħħar ser tużahom b’mod xieraq sabiex tiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija (sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

    46

    Il-Kummissjoni ssostni, barra minn hekk, li n-natura sproporzjonata tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tinsab fil-fatt li l-kriterji li abbażi tagħhom għandha jiġi deċiża din l-awtorizzazzjoni, kif stabbiliti fl-Artikolu 11(2) tal-Liġi 3631/2008, ma humiex adegwati sabiex jintlaħaq l-għan iddikjarat tal-liġi li jikkonsisti f’li tiġi ggarantita l-kontinwità tas-servizzi pprovduti u l-operat ta’ netwerks.

    47

    Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, għalkemm il-kriterji kollha msemmija għandhom jiġu sodisfatti u meħuda inkunsiderazzjoni meta ssir id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, dawn il-kriterji ma humiex elenkati b’mod eżawrjenti, iżda biss bħala indikazzjoni. Il-kriterji li fuqhom id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tingħata jew tiġi rrifjutata ma humiex għaldaqstant iddettaljati u lanqas neċessarjament magħrufa bil-quddiem mill-operaturi ekonomiċi kkonċernati.

    48

    Barra minn hekk, il-qafas leġiżlattiv adottat fil-livell tal-Unjoni f’ċerti oqsma bħal dawk tal-enerġija u tat-telekomunikazzjoni jħallu lill-Istati Membri marġni wiesa’ ta’ manuvra sabiex jadottaw, fl-osservanza tat-Trattat u, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dispożizzjonijiet relatati mal-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq l-impriżi li huma inqas restrittivi għal-libertajiet fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 43 sa 45).

    49

    Ir-Repubblika Ellenika tirrispondi li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel hija għalkollox xierqa sabiex jintlaħaq l-għan segwit, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa raġonevoli u tikkostitwixxi wkoll strument neċessarju, fis-sens li miżuri leġiżlattivi orizzontali ma humiex biżżejjed sabiex jintlaħaq dan l-għan.

    50

    Dwar l-argument li din is-sistema ex ante ma hijiex adegwata peress li hija intiża biss għall-mument tal-ksib ta’ sehem strateġiku, dan jinjora l-fatt li din is-sistema hija kkompletata minn miżura ta’ kontroll ex post.

    51

    Il-kriterji ta’ evalwazzjoni previsti mill-Artikolu 11(2) tal-Liġi 3631/2008 huma intiżi għal ċerti elementi li ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-pjan ta’ impriża tat-terz investitur. Dawn l-elementi huma totalment oġġettivi u jikkonverġu lejn kriterju essenzjali li huwa dak tal-preżentazzjoni minn terz investitur ta’ pjan ta’ impriża serju u ta’ garanziji marbuta miegħu sabiex jiġi evitat li l-impriża inkwistjoni tkun żvalutata u l-kontinwità tas-servizzi pprovduti u l-operat ta’ netwerks bażiċi ma jkunx ipperikolat.

    52

    Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-allegazzjoni li, bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-kriterji previsti fl-Artikolu 11(2) tal-Liġi 3631/2008 ma humiex ċari u jħallu setgħa diskrezzjonali wiesgħa għall-awtoritajiet pubbliċi li ma jistgħux ikunu suġġetti ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

    53

    Fil-kawżi invokati mill-Kummissjoni, jew bl-ebda mod ma kien indikat lill-investituri kkonċernati ċ-ċirkustanzi speċifiċi u oġġettivi li fihom approvazzjoni minn qabel tingħata jew tiġi rrifjutata (sentenza tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74), jew ma kienx hemm kriterji tant speċifiċi bħal dawk previsti mil-Liġi 3631/2008 (sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Il-Kummisjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

    54

    Ir-Repubblika Ellenika ssostni, barra minn hekk, li ma jistax jiġi sostnut li l-miżura ta’ kontroll ex ante ma hijiex neċessarja għaliex l-għan segwit ta’ kontinwità ta’ servizzi u tal-operat ta’ netwerks jista’ jintlaħaq minn miżuri leġiżlattivi orizzontali, bħal dawk previsti mid-direttivi rilevanti fl-oqsma tat-telekomunikazzjonijiet u tal-enerġija.

    55

    Id-direttivi inkwistjoni jistabbilixxu biss qafas li fih l-Istati Membri jiddefinixxu l-politika ġenerali ta’ sigurtà ta’ provvista u jikkostitwixxu biss approċċ komuni minimu. L-għażliet fundamentali dwar il-livell u l-miżuri ta’ protezzjoni tas-sigurtà pubblika jkomplu jkunu imposti fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti suġġetti għall-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    56

    Għal dak li jirrigwarda, sussegwentement, l-adegwatezza tal-mekkaniżmu ta’ kontroll a posteriori kif previst fl-Artikolu 11(3) tal-Liġi 3631/2008, il-Kummissjoni tammetti li, fis-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-503/99, Ġabra p. I-4809), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sistema ta’ kontroll a posteriori inkwistjoni f’din il-kawża kienet tikkostitwixxi restrizzjoni ġġustifikata għal-moviment liberu tal-kapital.

    57

    Madankollu, skont il-Kummissjoni, it-tagħlim ta’ din is-sentenza ma huwiex applikabbli fil-kawża preżenti, peress li l-karatteristiċi tas-sistema nazzjonali inkwistjoni fl-imsemmija kawża huma differenti minn dawk tas-sistema nazzjonali inkwistjoni fil-kawża preżenti.

    58

    Il-Kummissjoni ssostni li, fil-kawża preżenti, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni la tipprovdi għal kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet sabiex jiddeċiedu jekk għandhomx l-intenzjoni jopponu għad-deċiżjoni kkonċernata lanqas għal ċirkustanzi oġġettivi li fihom tali intervent jista’ jseħħ sabiex jiġu ppreservati l-għanjiet ta’ interess ġenerali segwiti.

    59

    Konsegwentement, l-awtoritajiet għandhom, f’dan il-kuntest, setgħa diskrezzjonali partikolarment wiesgħa fil-qasam ta’ intervent fil-ħajja tal-impriżi inkwistjoni hekk li d-deċiżjonijiet meħuda fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ma jistgħux ikunu suġġetti ta’ stħarriġ ġudizzjarju effikaċi.

    60

    Dwar l-adegwatezza tal-mekkaniżmu ta’ oppożizzjoni tal-Artikolu 11(3) tal-Liġi Nru 3631/2008, ir-Repubblika Ellenika ssostni li din tal-aħħar, bħall-mekkaniżmu li kien is-suġġett tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, jelenka b’mod eżawrjenti d-deċiżjonijiet rilevanti, jiġifieri jew deċiżjonijiet direttament marbuta mal-eżistenza tal-impriża, deċiżjonijiet imsemmija fil-punti a) u b) tal-imsemmi paragrafu 3, jew deċiżjonijiet li jikkonċernaw it-trasformazzjoni jew l-emenda tal-allokazzjoni “ta’ elementi strateġiċi tal-assi tal-impriżi msemmija hawn fuq u ta’ netwerks u infrastrutturi bażiċi neċessarji għall-ħajja ekonomika u soċjali tal-pajjiż kif ukoll għas-sigurtà tagħha”, imsemmija fil-punt c) ta’ din l-imsemmija dispożizzjoni.

    61

    Anki jekk l-elementi strateġiċi tal-assi tal-impriżi kkonċernati ma humiex elenkati, kien jidher ċar li, bħall-mekkaniżmu inkwistjoni fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, il-leġiżlazzjoni kkonċernata tiddetermina b’mod limitattiv l-elementi strateġiċi tal-assi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni taghha, jiġifieri n-netwerks u l-infrastrutturi bażiċi.

    62

    Fir-rigward tal-kriterji relatati mal-eżerċizzju tad-dritt ta’ oppożizzjoni u ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni ta’ oppożizzjoni, ir-Repubblika Ellenika tenfasizza li klawżola ta’ sigurtà pubblika u l-elementi varji tagħha, minkejja n-natura flessibbli tagħhom, jistgħu jiġu mistħarrġa u huma effettivament mistħarrġa mill-qrati, kemm fuq livell nazzjonali u kif ukoll fil-livell tal-Unjoni, bħala klawżoli li jidderogaw mil-libertajiet fundamentali ta’ moviment stabbilita fit-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau, 30/77, Ġabra p. 1999, punti 33 sa 35, kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 1984, Campus Oil et, 72/83, Ġabra p. 2727, punt 34).

    63

    F’din il-kawża, il-kriterji għall-istħarriġ ġudizzjarju jkunu iktar speċifiċi peress li dawn jittrattaw li jiġu pperikolati servizzi bażiċi u l-operat ta’ netwerks ta’ impriżi inkwistjoni minħabba l-fatt ta’ deċiżjonijiet ta’ kumpanniji relatati mat-trasformazzjoni jew mal-emenda tal-allokazzjoni ta’ elementi strateġiċi tal-assi tagħhom.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    64

    Mill-proċess u kif ġie kkonfermat fis-seduta jirriżulta li l-għan li fir-rigward tiegħu għandha tiġi eżaminata l-ġustifikazzjoni tar-restrizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment li twettaq is-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u l-mekkaniżmu ta’ kontroll a posteriori previsti fl-Artikolu 11 tal-Liġi 3631/2008 huwa dak li jiggarantixxi l-kontinwità ta’ ċerti s-servizzi bażiċi u l-operat ta’ netwerks ikkunsidrati neċessarji għall-ħajja ekonomika u soċjali ta’ pajjiż, b’mod partikolari l-provvista neċessarja tal-pajjiż ta’ enerġija u ta’ ilma, il-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni kif ukoll il-ġestjoni taż-żewġ l-ikbar portijiet tal-pajjiż.

    65

    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ impriżi li jeżerċitaw attivitajiet u jipprovdu servizzi pubbliċi fl-oqsma taż-żejt, tat-telekomunikazzjonijiet u tal-enerġija, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan li jiġu ggarantiti s-sigurtà u l-provvisti ta’ tali prodotti jew il-provvista ta’ tali servizzi fil-każ ta’ kriżi, fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni, jista’ jikkostitwixxi raġuni ta’ sigurtà pubblika u, għaldaqstant, jiġġustifika ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital (sentenza tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71).

    66

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-insegwiment ta’ interess ġenerali li jirrigwardaw l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika jista’, possibbilment, jiġġustifika ċerti restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali (sentenza Il-Kummissjoni vs l-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    67

    Madankollu, rigward għan marbut mas-sigurtà tal-provvista ta’ enerġija, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li dan jista’ jiġi invokat biss f’każ ta’ theddida reali u suffiċjentement gravi, li tolqot interess fundamentali tas-soċjetà (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

    68

    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, fl-ewwel lok, tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, miżura ta’ tali natura ma tidhirx li hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan invokat u lanqas ma hija proporzjonata għal dan l-għan.

    69

    Fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-sempliċi akkwist ta’ sehem li jkun ta’ iktar minn 10 % tal-kapital azzjonarju li topera fil-qasam tal-enerġija jew kull akkwist ieħor li jagħti influwenza sinjifikattiva fuq tali kumpannija simili ma jistax, bħala prinċipju, jiġi kkunsidrat, fih innifsu, bħala theddida reali u suffiċjentement gravi għas-sigurtà tal-provvista (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    70

    Issa, is-sistema inkwistjoni tipproduċi l-effetti tagħha anki qabel il-kumpannija tkun adottat deċiżjoni, jiġifieri mingħajr l-istabbiliment ta’ riskju, anki potenzjali, ta’ preġudizzju għas-sigurtà tal-provvista (sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

    71

    Barra minn hekk, fil-mument tal-ħruġ tal-awtorizzazzjoni, ma huwiex ċert li l-ipoteżijiet kollha ta’ theddid attwali reali u suffiċjentement gravi għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija jistgħu jiġu identifikati u meħuda inkunsiderazzjoni (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

    72

    Barra minn hekk, il-limitazzjoni fuq l-eżerċizzju ta’ drittijiet ta’ vot, jew, jekk il-każ, ir-rifjut li jkunu rrikonoxxuti dawn id-drittijiet li jagħti lok għall-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 11(1) tal-Liġi 3631/2008 japplikaw għad-deċiżjonijiet kollha li jagħtu lok għal vot tal-azzjonisti u mhux biss dawk li jistgħu jipperikolaw b’mod speċifiku l-għan iddikjarat tal-liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

    73

    Dwar l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali sistema hija sproporzjonata peress li l-impożizzjoni ta’ obbligi pożittivi fuq impriżi fil-qasam ikkonċernat jippermetti li jintlaħaq l-għan segwit, jiġifieri s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, billi tikkawża preġudizzju inqas għall-moviment liberu tal-kapital (sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

    74

    F’kuntest analogu għal dak ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tiddefinixxi tali kriterji b’mod mhux eżawrjenti, isegwi li dawn tal-aħħar iħallu lill-awtoritajiet marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni diffiċilment mistħarrġa mill-qrati (sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 52).

    75

    L-inċertezza dwar iċ-ċirkustanzi li fihom dawn is-setgħat jistgħu jiġu eżerċitati jagħti natura diskrezzjonali lill-imsemmija setgħat fir-rigward tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom sabiex jimplementawhom. Tali marġni ta’ diskrezzjoni bħal dan huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-għanijiet segwiti (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

    76

    F’dan il-każ, il-kriterji applikabbli għall-eżerċizzju tas-setgħa tal-awtoritajiet li japprovaw jew le talba għal akkwist ta’ ishma fil-kumpanniji pubbliċi limitati inkwistjoni, huma elenkati fl-Artikolu 11(2) tal-Liġi 3631/2008, espressament “bħala indikazzjoni”.

    77

    La r-riferiment ġenerali għall-Artikolu 11(2) tal-Liġi Nru 3631/2008 dwar il-“kriterji ta’ interess ġenerali li jippermettu li tiġi ggarantita l-kontinwità tas-servizzi pprovduti u l-operat ta’ netwerks” u lanqas id-disa’ kriterji ta’ evalwazzjoni li huma elenkati fihom biss bħala indikazzjoni, li essenzjalment jikkonċernaw l-għażla ta’ sieħeb strateġiku li joffri l-aħjar garanziji għall-kontinwità fit-tul ta’ servizzi u ta’ netwerks, ma jippermettu li jiddeterminaw ċ-ċirkustanzi speċifiċi u oġġettivi li fihom is-setgħa ta’ oppożizzjoni għall-akkwist ta’ ishma tista’ tiġi eżerċitata.

    78

    Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu r-raġunijiet għaliex l-awtoritajiet huma intitolati li jirrifjutaw awtorizzazzjoni ta’ akkwist ta’ sehem f’kumpanniji pubbliċi limitati strateġiċi huma redatti f’termini ġenerali u impreċiżi li ma jippermettux lil dawk ikkonċernati li jagħmlu distinzjoni b’ċertezza bejn l-ipoteżijiet differenti li fihom l-imsemmija awtorizzazzjoni tista’ tiġi rrifjutata. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tal-espressjoni “kriterji ta’ interess ġenerali li jippermettu li tiġi ggarantita l-kontinwità tas-servizzi pprovduti u l-operat ta’ netwerks”. Barra minn hekk, id-disa’ kriterji ta’ evalwazzjoni elenkati fil-Liġi 3631/2008 ma humiex intiżi għal ipoteżijiet ta’ theddid reali u suffiċjentement gravi għas-sigurtà tal-provvista u ma jistgħux, għaldaqstant, ikunu kkunsidrati bħala li għandhom relazzjoni diretta mal-għan imfittex.

    79

    Minn dan isegwi li tali sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tagħti lill-amministrazzjoni setgħa diskrezzjonali li hija diffiċli li tiġi mistħarrġa mill-qrati u li tinvolvi riskju ta’ diskriminazzjoni.

    80

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-mekkaniżmu ta’ kontroll a posteriori ta’ ċerti deċiżjonijiet meħuda mill-kumpanniji pubbliċi limitati strateġiċi inkwistjoni kif previst mill-Artikolu 11(3) tal-Liġi 3631/2008, ir-Repubblika Ellenika ssostni li għandu jkun ammess, peress li għandu xebh mas-sistema inkwistjoni fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija kienet iġġustifikata mill-għan li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija fil-każ ta’ kriżi.

    81

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li mill-punti 49 sa 52 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li s-sistema nazzjonali inkwistjoni kienet ikkaratterizzata mill-fatt li hija telenka speċifikament l-assi strateġiċi kkonċernati kif ukoll id-deċiżjonijiet ta’ ġestjoni li jistgħu jiġu kkontestati f’każ speċifiku. Fl-aħħar nett, l-intervent tal-awtorità amministrattiva kien strettament limitat għall-każijiet fejn l-għanijiet tal-politika tal-enerġija kienu kompromessi. Kull deċiżjoni meħuda f’dan il-kuntest għandha tkun formalment iġġustifikata u kienet suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv (sentenza tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 78).

    82

    Issa, bħas-sistemi eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha iċċitati iktar ’il fuq tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, u Il-Kummissjoni vs L-Italja, is-sistema inkwistjoni f’din il-kawża, anki jekk hija għandha natura ex post u għaldaqstant inqas restrittiva minn sistema ex ante, ma tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-kriterji li jirriżultaw mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq.

    83

    Fil-fatt, qabel kollox, dwar id-deċiżjonijiet elenkati fl-Artikolu 11(3)(a) u (b) tal-Liġi 3631/2008, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali deċiżjonijiet ma jikkostitwixxux, kuntrarjament għad-deċiżjonijiet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (punt 50), deċiżjonijiet ta’ ġestjoni speċifiċi, iżda deċiżjonijiet fundamentali fil-ħajja ta’ impriża (sentenza tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79).

    84

    Sussegwentement, il-preċiżjoni li tinsab fl-Artikolu 11(3)(a) u (b) li skontu hija intiża għad-deċiżjonijiet sakemm huma “jista’ [jistgħu] jipperikola[w] [i]l-provvista ta’ servizzi f’oqsma ta’ importanza strateġika” jew dawn jirrigwardaw “allokazzjoni ta’ elementi strateġiċi tal-assi tal-impriżi msemmija hawn fuq u netwerks u infrastrutturi bażiċi neċessarji għall-ħajja ekonomika u soċjali tal-pajjiż kif ukoll għas-sigurtà tagħha” diffiċilment jistgħu jiġu kkunsidrati li huma elenku speċifiku ta’ assi strateġiċi kkonċernati.

    85

    Fl-aħħar nett, anki jekk, kif tallega r-Repubblika Ellenika, l-Artikolu 11(3) tal-Liġi 3631/2008 għandu jinftiehem fis-sens li d-dritt ta’ oppożizzjoni li huwa previst fih jista’ jiġi eżerċitat biss sabiex tiġi ggarantita l-kontinwità ta’ servizzi pprovduti u l-operat ta’ netwerks, jibqa’ l-fatt li, fl-assenza ta’ preċiżjonijiet dwar iċ-ċirkustanzi konkreti li fihom dan id-dritt jista’ jiġi eżerċitat, l-investituri ma jistgħux ikunu jafu meta dawn għandhom japplikaw.

    86

    B’hekk, kif issostni l-Kummissjoni, iċ-ċirkustanzi li fihom id-dritt ta’ oppożizzjoni jista’ jiġi eżerċitat huma potenzjalment numerużi, indeterminati u indeterminabbli, u huma jħallu setgħa diskrezzjonali wiesgħa wisq lill-awtoritajiet nazzjonali.

    87

    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, meta stabbiliet ir-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 11(1), moqri flimkien mal-Artikolu 11(2), u dawk li jinsabu fl-Artikolu 11(3) tal-Liġi Nru 3631/2008, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 43 KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment.

    Fuq l-ispejjeż

    88

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Ellenika tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Meta tistabbilixxi r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 11(1), moqri flimkien mal-Artikolu 11(2), u dawk imsemmija fl-Artikolu 11(3) tal-Liġi 3631/2008 dwar il-ħolqien ta’ fond nazzjonali għall-koeżjoni soċjali, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 43 KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment.

     

    2)

    Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

    Top