Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0243

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-21 ta’ Frar 2013.
    RVS Levensverzekeringen NV vs Belgische Staat.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg te Brussel.
    Assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja — Taxxa annwali fuq it-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni — Direttiva 2002/83/KE — Artikoli 1(1)(g) u 50 — Kunċett ta’ ‘L-Istat Membru ta’ l-impenn’ — Impriża ta’ assigurazzjoni stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi — Persuna assigurata li ffirmat kuntratt ta’ assigurazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi u ttrasferiet ir-residenza abitwali tagħha fil-Belġju wara l-konklużjoni tal-kuntratt — Libertà li jiġu provduti servizzi.
    Kawża C‑243/11.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:85

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    21 ta’ Frar 2013 ( *1 )

    “Assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja — Taxxa annwali fuq it-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni — Direttiva 2002/83/KE — Artikoli 1(1)(g) u 50 — Kunċett ta’ ‘L-Istat Membru ta’ l-impenn’ — Impriża ta’ assigurazzjoni stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi — Persuna assigurata li ffirmat kuntratt ta’ assigurazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi u ttrasferiet ir-residenza abitwali tagħha fil-Belġju wara l-konklużjoni tal-kuntratt — Libertà li jiġu provduti servizzi”

    Fil-Kawża C-243/11,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg te Brussel (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Mejju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Mejju 2011, fil-proċedura

    RVS Levensverzekeringen NV

    vs

    Belgische Staat,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič, E. Levits (Relatur) u J.-J. Kasel, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2012,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal RVS Levensverzekeringen NV, minn S. Lodewijckx u A. Claes, advocaten,

    għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u J. C. Halleux, bħala aġenti,

    għall-Gvern Estonjan, minn M. Linntam, bħala aġent,

    għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Yerrell kif ukoll minn K.-P. Wojcik u F. Wilman, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Settembru 2012,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1(1)(g) u 50 tad-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Novembru 2002, li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 3), kif ukoll tal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn RVS Levensverzekeringen NV (iktar ’il quddiem “RVS”) u l-Belgische Staat dwar il-ħlas tat-taxxa annwali fuq il-kuntratti tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Id-Direttiva 2002/83 tħassret b’effett mill-1 ta’ Novembru 2012 permezz tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335 p. 1). Madankollu l-kawża prinċipali tibqa’ rregolata bid-Direttiva 2002/83.

    4

    Il-premessa 3 tad-Direttiva 2002/83 hija redatta b’dan il-mod:

    “Huwa neċessarju li s-suq intern jiġi komplet f’assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja, mill-punto di vista kemm tad-dritt ta’ stabbiliment u kemm tal-libertà li jiġu provduti servizzi fl-Istati Membri, sabiex ikun iktar faċli għal intrapriżi b’uffiċċji ewlenin fil-Komunità biex ikopru impenji li jinstabu fil-Komunità u jsir possibbli għal titolari ta’ poloz li kollhom rikors mhux biss għal assiguraturi stabbiliti fil-pajjiż proprju, imma wkoll għal assiguraturi li għandhom l-uffiċċju ewlieni tagħhom fil-Komunità u huma stabbiliti fi Stati Membri oħra.”

    5

    Il-premessa 13 tal-imsemmija direttiva tipprovdi li:

    “Għal raġunijiet prattiċi, huwa mixtieq li tiġi definita l-provvista ta’ servizzi b’kont meħud kemm ta’ l-istabbiliment ta’ l-assiguratur u kemm tal-post fejn għandu jiġi kopert l-impenn. […]”

    6

    Il-premessa 55 tad-Direttiva 2002/83 tipprovdi li:

    “Xi Stati Membri ma jissoġġettawx operazzjonijiet ta’ assigurazzjoni għal kwalunkwe forma ta’ tassazzjoni indiretta, waqt li l-maġġoranza japplikaw tassi speċjali u forom oħra ta’ kontribuzzjoni. L-istrutturi u r-rati ta’ dawn it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet ivarjaw konsiderevolment bejn l-Istati Membri li fihom huma applikati. Huwa mixtieq li jiġu pprevenuti differenzi eżistenti li jwasslu għal distorzjonijiet ta’ kompetizzjoni f’servizzi ta’ assigurazzjoni bejn l-Istati Membri. Fl-istennija ta’ armonizzazzjoni sussegwenti, l-applikazzjoni tas-sistemi tat-taxxa u forom oħra ta’ kontribuzzjoni prevista mill-istati Membri li fihom jidħlu għal impenji x aktarx jirrimedjaw dik il-problema u hu għall-Istati Membri li jagħmlu arranġamenti sabiex jassiguraw li dawn it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet huma miġbura.”

    7

    L-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

    [...]

    d)

    ‘impenn’; għandu jfisser impenn rappreżentat b’wieħed mit-tipi ta’ assigurazzjoni jew operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2;

    [...]

    g)

    ‘L-Istat Membru ta’ l-impenn’; għandu jfisser l-Istat Membru fejn it-titolari tal-polza għandu r-residenza abitwali tiegħu/tagħha jew, jekk it-titolari tal-polza huwa persuna ġuridika, l-Istat Membru fejn l-istabbiliment ta’ l-aħħar, li għalih jirrelata l-kuntratt, jinstab;

    h)

    ‘L-Istat Membru tal-provvista tas-servizzi’; għandu jfisser l-Istat Membru ta’ l-impenn, jekk l-impenn huwa kopert b’intrapriża ta’ l-assigurazzjoni jew b’fergħa li tinstab fi Stat Membru ieħor;

    [...]”

    8

    Skont l-Artikolu 32 tal-istess direttiva:

    “1.   Il-liġi applikabbli għall-kuntratti li jirrelataw għall-attivitajiet imsemmija f’din id-Direttiva għandha tkun il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-impenn. Madankollu, meta l-liġi ta’ dak l-Istat tippermetti, il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi ta’ pajjiż ieħor.

    2.   Meta t-titolari tal-polza huwa persuna fiżika u għandu r-residenza abitwali tiegħu/tagħha fi Stat Membru barra minn dak li tiegħu hu/hi huma ċittadini, il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi ta’ l-Istat Membru li tiegħu hu/hi huma ċittadini.

    […].”

    9

    L-Artikolu 36 tad-Direttiva 2002/83, bit-titolu “Informazzjoni għal titolari ta’ poloz [tal-persuna assigurata]” jipprovdi li:

    “1.   Qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt ta’ assigurazzjoni, mill-inqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness III(A) għandha tiġi kkomunikata lit-titolari tal-polza [lill-persuna assigurata].

    2.   It-titolari tal-polza [Il-persuni assigurati] għandu jinżamm infurmat tul it-terminu tal-kuntratt bi kwalunkwe bidla li tikkonċerna l-informazzjoni elenkata fl-Anness III(B).

    […]”

    10

    L-Artikolu 41 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi: notifika minn qabel lill-Istat Membru lokali [tal-oriġini]”, huwa redatt b’dan il-mod:

    “Kwalunkwe intrapriża ta’ l-assigurazzjoni li jkollha l-intenzjoni ssegwi negozju għall-ewwel darba fi Stat Membru wieħed jew iktar taħt il-libertà li [j]iġu pprovduti servizzi għandha l-ewwel tinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru lokali [tal-oriġini], bl-indikazzjoni tan-natura ta’ l-impenji li tipproponi li tkopri.”

    11

    L-Artikolu 50 tad-Direttiva 2002/83, bit-titolu “Taxxi fuq il-premiums”, li jinsab fit-Titolu IV, bit-titolu “Dispożizzjonijiet li jirrelataw għad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi” jipprovdi li:

    “1.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe armonizzazzjoni sussegwenti, kull kuntratt ta’ assigurazzjoni għandu jkun soġġett esklużivament għat-taxxi indiretti u l-piżijiet parafiskali fuq premiums ta’ l-asssigurazzjoni fl-Istat Membru ta’ l-impenn [...]

    2.   Il-liġi applikabbli għall-kuntratt skond l-Artikolu 32 m’għandhiex teffettwa l-arranġamenti fiskali applikabbli.

    3.   Fl-istennija ta’ armonizzazzjoni futura, kull Stat Membru għandu japplika għal dawk l-intrapriżi ta’ l-assigurazzjoni li jkopru impenji li jinstabu fit-territorju tiegħu id-dispożizzjonijiet nazzjonali proprji għal miżuri sabiex jiġi assigurat il-ġbir ta’ taxxi indiretti u piżijiet parafiskali dovuti taħt il-paragrafu 1.”

    Id-dritt Belġjan

    12

    L-Artikolu 173 tal-Kodiċi tad-Drittijiet u tat-Taxxi Varji (iktar ’il quddiem, il-“KDTV”) jipprovdi li:

    “It-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni huma suġġetti għal taxxa annwali meta r-riskju jkun ġewwa l-Belġju.

    Ir-riskju tat-tranżazzjoni tal-assigurazzjoni jitqies li jinsab fil-Belġju meta l-persuna assigurata għandha r-residenza abitwali tagħha hemmhekk jew, jekk il-persuna assigurata hija persuna legali, meta l-istabbiliment ta’ din il-persuna ġuridika li għaliha jirreferi l-kuntratt tinsab fit-territorju Belġjan.

    […]

    Permezz ta’ sede fis-sens tat-tieni paragrafu, jinftiehem l-istabbiliment prinċipali tal-persuna ġuridika u kull presenza permanenti oħra ta’ din il-persuna ġuridika, irrispettivament mill-forma tagħha.”

    13

    L-Artikolu 175/3 tal-KDTV jipprovdi li:

    “It-taxxa titnaqqas b’1.10 % għat-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja, anki jekk dawn huma konnessi ma’ fond ta’ investiment, u l-istabbiliment ta’ vitaliżju jew annwalità temporanja meta huma konklużi minn persuni fiżiċi.

    Il-kunċett ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja jkopri l-assigurazzjonijiet ta’ persuni, bil-ħlas ta’ somma f’daqqa, li għalihom is-seħħ tal-avvinement assigurat jiddependi biss fuq it-tul tal-ħajja tal-persuna.”

    14

    L-Artikolu 176/1 tal-KDTV jipprovdi li t-taxxa dovuta tiġi kkalkolata fuq l-ammont totali ta’ primjums tal-assigurazzjoni, tal-kontribuzzjonijiet personali, u ta’ kontribuzzjonijiet tal-persuni li jimpjegaw, flimkien mal-ispejjeż, li jridu jitħallsu jew jiġu sostnuti matul is-sena tat-taxxa jew mill-persuni assigurati jew mill-benefiċjarji u dawk li jimpjegawhom.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    15

    RVS hija kumpannija ta’ assigurazzjoni Olandiża li ma għandhiex stabbiliment prinċipali, fergħa, aġenzija, rappreżentattiv jew sede tan-negozju fil-Belġju. RVS ikkonkludiet kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja ma’ ċertu numru ta’ persuni li, fil-mument tal-firma tal-kuntratt, kienu jirresjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi, imma li sussegwentement emiġraw fil-Belġju.

    16

    Qamet kontroversja bejn RVS u l-amministrazzjoni fiskali Belġjan dwar il-kwistjoni jekk it-taxxa annwali ta’ 1.10 % fuq it-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni mwettqa mill-persuni fiżiċi, introdotta b’effett fl-1 ta’ Jannar 2006 għandhiex titħallas ukoll fuq il-kuntratti ta’ assigurazzjoni konklużi ma’ assiguratur stabbilit fil-Pajjiżi l-Baxxi li ma għandux stabbiliment fil-Belġju, meta, fid-data tal-firma tal-kuntratt tal-assigurazzjoni, il-persuna assigurata kienet tirresjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi, iżda sussegwentement emigrat fil-Belġju.

    17

    Wara konsultazzjoni mal-Belgische Staat, fid-29 ta’ Jannar 2009, RVS irreġistrat “mingħajr ebda riserva” dikjarazzjoni dwar it-taxxa annwali fuq it-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni għas-snin fiskali 2006 u 2007, li fihom iddikjarat, rispettivament, primjum tal-assigurazzjoni li jammontaw għal EUR 801 178 għas-sena 2006 u għal EUR 702 636 għas-sena 2007. Sussegwentement l-amministrazzjoni fiskali Belġjana imponietilha taxxa ta’ EUR 8 813 għas-sena 2006 u ta’ EUR 7 729 għas-sena 2007, li RVS ħallset fl-4 ta’ Jannar 2009, dejjem mingħajr ebda riżerva.

    18

    Peress li qieset li ma kellhiex tħallas l-imsemmija taxxa, RVS ressqet quddiem l-amministrazzjoni fiskali, fis-16 ta’ Ġunju 2009, talbiet għal rimbors li din l-awtorità ċaħdet bħala infondati permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Settembru 2009.

    19

    Fit-30 ta’ April 2010, RVS ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni fl-1 ta’ Settembru 2009 quddiem il-qorti tar-rinviju.

    20

    Quddiem l-imsemmija qorti, il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1(1)(g) u 50 tad-Direttiva 2002/83, b’mod partikolari rigward il-kwistjoni dwar jekk il-post ta’ residenza abitwali tal-persuna assigurata għandux jiġi ddeterminat fid-data tat-teħid tal-impenn jew fid-data tal-ħlas tal-primjum tal-assigurazzjoni.

    21

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank van eerste aanleg te Brussel iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1.

    L-Artikolu 50 tad-Direttiva 2002/83/KE [...], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tinsab fl-Artikoli 173 u 175/3 tal-[KDTV] li jipprovdu li t-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni (u b’mod partikolari t-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja) huma suġġetti għal taxxa annwali meta r-riskju jkun jinsab fil-Belġju, b’mod partikolari meta l-persuna li qed tiġi assigurata [persuna assigurata] jkollha r-residenza abitwali tagħha fil-Belġju jew, jekk il-persuna li qed tiġi assigurata [persuna assigurata] hija persuna ġuridika, meta l-istabbiliment ta’ din il-persuna ġuridika msemmija fil-kuntratt jinsab fuq it-territorju Belġjan, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-post ta’ residenza tal-persuna li qed tiġi assigurata [persuna assigurata] fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt?

    2)

    Il-prinċipji Komunitarji relatati mat-tneħħija bejn l-Istati Membri tal-Komunità tal-ostakoli kollha għall-moviment liberu tal-persuni u tas-servizzi, liema prinċipji jirriżultaw fl-Artikoli 49 u 56 [TFUE], jostakolaw leġiżlazzjoni bħal dik li tinsab fl-Artikoli 173 u 175/3 tal-[KDTV], li jipprovdu li t-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni (u b’mod partikolari t-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja) huma suġġetti għal taxxa annwali meta r-riskju jkun jinsab fil-Belġju, b’mod partikolari meta l-persuna li qed tiġi assigurata [persuan assigurata] jkollha r-residenza abitwali tagħha fil-Belġju jew, jekk il-persuna li qed tiġi assigurata [persuna assigurata] hija persuna ġuridika, meta l-istabbiliment ta’ din il-persuna ġuridika msemmija fil-kuntratt jinsab fuq it-territorju Belġjan, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-post ta’ residenza tal-persuna li qed tiġi assigurata fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    22

    Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 50 tad-Direttiva 2002/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil Stat Membru milli jiġbor taxxa indiretta fuq il-primjums ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja mħallsa minn persuni assigurati fiżiċi li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom f’dan l-Istat Membru, meta l-kuntratti ta’ assigurazzjoni kkonċernati kienu ġew iffirmati fi Stat Membru ieħor li fih l-imsemmija persuni assigurati kellhom, fid-data tal-iffirmar, ir-residenza abitwali tagħhom.

    23

    Skont ġurisprudenza stabbilita, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jittieħdux inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, Ġabra p. 3781, punt 12; tal-14 ta’ Ġunju 2001, Kvaerner, C-191/99, Ġabra p. I-4447, punt 30; tal-1 ta’ Marzu 2007, Schouten, C-34/05, Ġabra p. I-1687, punti 25; u tad-19 ta’ Lulju 2012, ebookers.com Deutschland, C-112/11, punt 12).

    24

    Kif jirriżulta mill-premessa 3 tad-Direttiva 2002/83, din id-direttiva ġiet adottata fid-dawl tan-neċessità li jitkompla s-suq intern fis-settur tal-assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja, mill-perspettiva kemm tal-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Istati Membri, sabiex jiġi ffaċilitat għall-impriżi tal-assigurazzjoni li għandhom is-sede tagħhom fl-Unjoni t-teħid ta’ impenji li jinsabu fiha u li jkun possibbli għall-persuni assigurati li jirrikorru mhux biss għal impriżi stabbiliti fl-Istat Membru tagħhom, iżda wkoll għal impriżi li għandhom is-sede soċjali tagħhom fl-Unjoni u stabbiliti fi Stati Membri oħrajn.

    25

    Peress li l-impożizzjoni indiretta tat-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja ma kinitx is-suġġett, s’issa, għal armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, kif dan huwa kkonstatat ukoll fil-premessa 55 tad-Direttiva 2002/83, ċerti Stati Membri ma jissuġġettawx it-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni għal ebda forma ta’ impożizzjoni indiretta filwaqt li oħrajn japplikaw taxxi speċifiċi u forom oħrajn ta’ kontribuzzjoni, li l-istruttura u r-rati tagħhom ivarjaw kunsiderevolment.

    26

    Mill-istess premessa jirriżulta li, billi adotta d-Direttiva 2002/83, il-leġiżlatur tal-Unjoni pprovda jevita li d-differenzi eżistenti ma jwasslux għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għas-servizzi ta’ assigurazzjoni bejn l-Istati Membri u qies, taħt riżerva ta’ armonizzazzjoni sussegwenti, li l-applikazzjoni tas-sistema fiskali, kif ukoll ta’ forom oħrajn ta’ kontribuzzjonijiet previsti mill-Istati Membri fejn jittieħed l-impenn, hija ta’ natura li tirrimedja tali problema.

    27

    Għalhekk, l-Artikolu 50 tad-Direttiva 2002/83, li jinsab fit-Titolu IV tagħha jinkludi d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw id-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jipprovdi fil-paragrafu 1 li, mingħajr preġudizzju għal armonizzazzjoni sussegwenti, kull kuntratt ta’ assigurazzjoni huwa esklużivament suġġett għat-taxxi indiretti u piżijiet parafiskali fuq il-primjums ta’ assigurazzjoni fl-Istat Membru tal-impenn. L-Istat Membru tal-impenn huwa ddefinit, skont l-Artikolu 1(1)(g) ta’ din id-direttiva, bħala l-Istat Membru fejn il-persuna assigurata għandha r-residenza abitwali tagħha, meta l-persuna assigurata tkun persuna fiżika.

    28

    F’dan ir-rigward, RVS kif ukoll il-Gvern Estonjan isostnu, essenzjalment, li l-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2002/83, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1)(g) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru tal-impenn huwa l-Istat Membru fejn il-persuna assigurata għandha r-residenza abitwali tagħha fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja u li, wara li l-imsemmija persuna assigurata tiċċaqlaq fi Stat Membru ieħor, filwaqt li żżomm il-kuntratt tagħha ta’ assigurazzjoni, l-imsemmi Stat Membru tal-impenn jibqa’ l-istess. Għalhekk huma jiddefendu, fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni, interpretazzjoni tal-espressjoni “Stat Membru ta’ l-impenn” li huma jiddeskrivu bħala “statika”.

    29

    Barra minn hekk, il-Gvern Belġjan u dak Awstrijak, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jqisu li l-Istat Membru tal-impenn huwa ddeterminat fid-data tal-ħlas tal-primjum ta’ assigurazzjoni, li fuqu hija imposta t-taxxa. Dawn il-gvernijiet kif ukoll il-Kummissjoni huma favur interpretazzjoni tal-imsemmija espressjoni li huma jiddefinixxu bħala “dinamika”.

    30

    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 1(1)(g) tad-Direttiva 2002/83 li jinkludi d-definizzjoni tal-“Istat Membru ta’ l-impenn” fis-sens ta’ din id-direttiva, ma jistabbilixxix id-data meta għandha tiġi ddeterminata r-residenza abitwali tal-persuna assigurata u lanqas jispeċifika jekk il-bidliet fattwali li saru fil-post tar-residenza abitwali tal-persuna assigurata matul it-tul tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja jistgħux jaffettwaw id-definizzjoni tal-Istat Membru tal-impenn.

    31

    L-istess, l-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2002/83 ma jispeċifikax li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-residenza abitwali tal-persuna assigurata fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, u lanqas jiffissa data unika oħra rilevanti sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru kompetenti sabiex jissuġġetta l-kuntratt ta’ assigurazzjoni għat-taxxi indiretti u għall-piżijiet parafiskali matul it-tul kollu tal-imsemmi kuntratt minkejja l-bidla eventwali tar-residenza abitwali tal-persuna assigurata li saret matul il-kuntratt ta’ assigurazzjoni.

    32

    Fil-fatt, l-analiżi tal-kliem tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2002/83, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1)(g) ta’ din id-direttiva, ma jippermettix li jiġi kkonstatat li r-residenza abitwali tal-persuna assigurata tikkostitwixxi l-kriterju rilevanti sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru kompetenti sabiex jissuġġetta kuntratt ta’ assigurazzjoni għat-taxxi indiretti u għall-piżijiet parafiskali fuq il-primjums ta’ assigurazzjoni.

    33

    Madankollu, kif il-Kummissjoni ġustament tirrileva, ir-residenza abitwali tal-persuna assigurata hija min-natura tagħha stess, kriterju li jista’ jitbiddel, b’mod partikolari matul kuntratt għal żmien twil bħall-kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja.

    34

    Konsegwentement, l-għażla ta’ tali kriterju kif ukoll in-nuqqas ta’ riferiment għar-residenza abitwali tal-persuna assigurata fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni jew għal data unika oħra rilevanti fil-kliem tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2002/83 jiffavorixxu l-interpretazzjoni msejħa “dinamika” ta’ din id-dispożizzjoni.

    35

    Sussegwentement, fir-rigward tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2002/83, għandu, fl-ewwel lok, jiġi kkonstatat li mill-analiżi tal-Artikolu 50(3) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-Istat Membru kompetenti għall-impożizzjoni japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu li jikkonċernaw il-miżuri intiżi sabiex jiġi żgurat il-ġbir tat-taxxi indiretti u tal-piżijiet inkwisjtoni. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tippermettix li jiġi deċiż kif dan l-Istat Membru kompetenti huwa ddeterminat.

    36

    Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni RVS, l-użu, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-imsemmija dispożizzjoni, bħall-verżjonijiet fil-lingwa Franċiża u dik Olandiża, tal-kliem “i[m]priżi ta’ l-assigurazzjoni li jkopru impenji li jinstabu fit-territorju tiegħu” sabiex jirreferu għall-impriżi li għalihom l-Istat Membru kompetenti japplika l-imsemmija miżuri, ma jippermettix li jiġi konkluż li l-kompetenza fiskali hija ddeterminata fid-data tal-firma tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni.

    37

    Minbarra l-fatt li l-formulazzjoni użata fl-imsemmija verżjonijiet tista’ tiġi suġġetta għal diversi interpretazzjonijiet, peress li tista’ tirreferi kemm għall-firma tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni kif ukoll għall-post li fih jinsabu l-impenji, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat, fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tagħha, verżjonijiet lingwistiċi oħrajn, bħall-verżjoni fil-lingwa Ingliża, jikkontradixxu l-qari propost minn RVS. Fil-fatt, din il-verżjoni, li fiha hemm riferiment ċar għall-impriżi li jkopru impenji li jinsabu fi Stat Membru partikolari, ma tinkludi ebda riferiment għall-konklużjoni jew għall-firma tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni.

    38

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2002/83 invokat minn RVS u mill-Gvern Estonjan, li jipprovdi li l-liġi applikabbli għall-kuntratti dwar l-attivitajiet imsemmija minn din id-direttiva hija l-liġi tal-Istat Membru tal-impenn, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk huwa effettivament possibbli li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata fis-sens li d-dritt applikabbli ma jistax jitbiddel meta l-persuna assigurata ċċaqlaq ir-residenza abitwali tagħha, dan il-fatt ma jfissirx li tali interpretazzjoni għandha tiġi applikata wkoll għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 50(1) tal-imsemmija direttiva.

    39

    Minn naħa, kif ġie rrilevat fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, id-definizzjoni tal-“Istat Membru ta’ l-impenn”, kif ipprovduta fl-Artikolu 1(1)(g) tad-Direttiva 2002/83, ma tispeċifikax id-data xierqa li fiha għandha tiġi ddeterminata r-residenza abitwali tal-persuna assigurata. Konsegwentement, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tagħha, peress li d-data rilevanti ma tifformax parti mid-definizzjoni tal-espressjoni “Stat Membru ta’ l-impenn”, din l-espressjoni tista’ tiġi ddefinita b’mod differenti skont skont id-dispożizzjoni li fiha hija użata.

    40

    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 50(2) tad-Direttiva 2002/83 jipprovdi li l-liġi applikabbli skont l-Artikolu 32 ta’ din id-direttiva ma għandhiex taffettwa s-sistema fiskali applikabbli, li juri, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tagħha, l-indipendenza tal-liġi u tas-sistema fiskali applikabbli.

    41

    Fit-tielet lok, il-Gvern Estonjan isostni li l-Artikolu 41 tad-Direttiva 2002/83, li jipprovdi li kull impriża ta’ assigurazzjoni li tixtieq teżerċita għall-ewwel darba f’wieħed jew f’diversi Stati Membri l-attivitajiet tagħha fil-kuntest tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandha tinforma dan minn qabel lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tal-Istat Membru ta’ oriġini billi tindika n-natura tar-riskji u tal-impenji li hija tipproponi li tkopri, jipprekludi l-interpretazzjoni msejħa “dinamika” tal-espressjoni “Stat Membru ta’ l-impenn”. Fil-fatt, jekk il-bażi sabiex tiġi ddeterminata r-residenza abitwali tal-persuna assigurata kellha tkun id-data tal-ħlas tal-primjum ta’ assigurazzjoni, tista’ tinħoloq sitwazzjoni li fiha l-impriża ta’ assigurazzjoni teżerċita, mingħajr ma tkun konxja u mingħajr ma tkun informat lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza, l-attività tagħha fi Stat Membru ieħor differenti mill-Istat Membru ta’ oriġini fil-kuntest tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    42

    F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fatt li r-residenza abitwali tal-persuna assigurata ċċaqalqet fi Stat Membru ieħor differenti minn dak li fih hija stabbilita l-impriża ta’ assigurazzjoni li magħha l-kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja kien ġie konkluż jista’ jissuġġetta l-imsemmija dispożizzjoni għad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, irrispettivament mis-sistema fiskali applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni. Fil-fatt, sabiex ikunu jistgħu jiġu invokati d-dispożizzjonijiet tat-Trattat TFUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, huwa biżżejjed li s-servizzi jingħataw lil ċittadini ta’ Stat Membru fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1999, Vestergaard, C-55/98, Ġabra p. I-7641, punt 18).

    43

    Id-Direttiva 2002/83 tipprovdi wkoll, fl-Artikolu 1(1)(h) tagħha, li l-Istat Membru tal-provvista tas-servizzi huwa ddefinit bħala l-Istat Membru tal-impenn, meta l-impenn jittieħed minn impriża ta’ assigurazzjoni li tinsab fi Stat Membru ieħor. Mill-premessa 13 ta’ din id-direttiva jirriżulta li, għal raġunijiet prattiċi, il-provvista ta’ servizzi hija ddefinita billi jittieħed inkunsiderazzjoni, minn naħa, l-istabbiliment tal-impriża ta’ assigurazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-post tal-impenn.

    44

    Ir-risposta għad-domanda li tirrigwarda sa fejn l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 14 tad-Direttiva 2002/83 japplikaw għal impriża ta’ assigurazzjoni li ssib ruħha marbuta b’kuntratt ma’ persuna assigurata li r-residenza abitwali tagħha tinsab fi Stat Membru ieħor differenti minn dak fejn hija stabbilita din l-impriża minħabba l-bidla tal-imsemmija residenza mill-persuna assigurata matul il-kuntratt, tirriżulta mill-interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 41, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet invokati fil-punt preċedenti, iżda ma għandhiex rilevanza fuq id-determinazzjoni tal-Istat Membru kompetenti sabiex jimponi taxxa fis-sens tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2002/83.

    45

    Fir-raba lok, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li l-persuna assigurata għandha tiġi informata, skont il-punt A tal-Anness III tad-Direttiva 2002/83, li jirreferi għalih l-Artikolu 36(1) ta’ din id-direttiva, dwar is-sistema fiskali applikabbli għat-tip tal-polza qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, iżda ma għandhiex tiġi informata fuq din is-sistema matul it-tul tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, kif jirriżulta mill-punt B tal-Anness III tad-Direttiva 2002/83, li jirreferi għalih l-Artikolu 36(2) ta’ din id-direttiva, ma jfissirx li l-interpretazzjoni msejħa “dinamika” tal-Artikolu 50(1) tal-imsemmija direttiva ma tistax tintlaqa’.

    46

    Fil-fatt, huwa paċifiku li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, Stat Membru jista’ fi kwalunke mument jintroduċi jew ineħħi taxxa indiretta fuq tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni jew jemenda r-rata jew il-bażi ta’ stima tagħha. Issa, l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva 2002/83 u l-punt B tal-Anness III tagħha lanqas jipprovdu li l-persuna assigurata tiġi informata fil-każ li ssir emenda fi ħdan is-sistema fiskali ta’ dan l-istess Stat Membru. Għaldaqstant, anki fuq l-interpretazzjoni msejħa “statika” tal-Artikolu 50(1) tal-imsemmija direttiva, il-persuna assigurata tista’ ssib ruħha f’sitwazzjoni fejn is-sistema fiskali inizjalment applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni hija sostanzjalment mibdula, mingħajr ma’ l-impriża ta’ assigurazzjoni tkun obbligata li tikkomunikalha tali bidliet.

    47

    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2002/83 kif ukoll l-interpretazzjoni tiegħu flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħrajn ta’ din id-direttiva jippermettu ż-żewġ interpretazzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni u li għandha tiġi ddeterminata l-portata tagħha, fid-dawl prinċipalment tal-għanijiet tal-imsemmija direttiva kif ukoll tad-Direttiva 2002/83 kollha kemm hi.

    48

    Billi jipprovdi li kull kuntratt ta’ assigurazzjoni huwa esklużivament suġġett għat-taxxi indiretti u għall-piżijiet parafiskali fuq il-primjums ta’ assigurazzjoni fl-Istat Membru tal-impenn, l-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2002/83 għandu l-għan li jattribwixxi l-kompetenza lil Stat Membru wieħed sabiex jimponi l-primjums ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja, sabiex b’dan il-mod jiġu eliminati l-impożizzjonijiet doppji ta’ tali primjums.

    49

    Għalkemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali attribuzzjoni ta’ kompetenza għandha, sa fejn ikun possibbli, tkun ibbażata fuq kriterju materjali u oġġettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kvaerner, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52), xejn ma jindika li l-attribuzzjoni ta’ kompetenza mwettqa skont dan il-kriterju għandha tibqa’ l-istess matul it-tul kollu tal-kuntratt.

    50

    Il-kriterju magħżul fid-Direttiva 2002/83 jimplika li l-kompetenza ta’ Stat Membru sabiex jimponi t-taxxi indiretti u l-piżijiet parafiskali fuq il-primjums ta’ assigurazzjoni tiddependi fuq l-eżistenza ta’ rabta bejn it-territorju ta’ dan l-Istat Membru u l-persuna assigurata, li din ir-rabta hija kkostitwita permezz tar-residenza abitwali tal-persuna assigurata.

    51

    L-interpretazzjoni msejħa “statika” tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2002/83 tirriżulta li tiffavorixxi rabta li kienet teżisti fid-data tal-firma tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni għad-detriment tar-rabta attwali eżistenti fid-data tal-ħlas tal-primjums ta’ assigurazzjoni.

    52

    Madankollu, kif ġie indikat minn RVS kif ukoll mill-Gvern Belġjan, fir-rigward ta’ taxxi indiretti fuq il-primjums ta’ assigurazzjoni, il-fatt ġeneratur tal-impożizzjoni ma huwiex il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, iżda pjuttost il-ħlas tal-primjums ta’ assigurazzjoni.

    53

    Minn dan isegwi li l-Istat Membru kompetenti sabiex jimponi l-primjums ta’ assigurazzjoni għandu jkun l-Istat Membru li mat-territojru tiegħu il-persuna assigurata għandha rabta fid-data tal-ħlas ta’ dawn il-primjums taħt forma ta’ residenza abitwali u għandha tintlaqa’ l-interpretazzjoni msejħa “dinamika” tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2002/83.

    54

    Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata min-neċessità li tiġi stabbilita, f’kull ħlas ta’ primjum ta’ assigurazzjoni, ir-residenza abitwali tal-persuna assigurata.

    55

    Fil-fatt, anki fil-każ ta’ interpretazzjoni kuntrarja, li tipprovdi li r-residenza abitwali tal-persuna assigurata hija ddeterminata darba biss, fid-data tal-firma tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, wara kull bidla tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-persuna assigurata, għandha tiġi stabbilita, fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, liema kienet ir-residenza abitwali tagħha.

    56

    Fir-rigward tal-kuntratti għal żmien twil, bħalma huma ta’ spiss il-kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja, il-produzzjoni ta’ provi li jirrigwardaw ir-residenza abitwali tal-persuna assigurata fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni tista’ tirriżulta iktar diffiċli mill-produzzjoni ta’ provi li jirrigwardaw is-sitwazzjoni attwali ta’ din il-persuna assigurata.

    57

    Għandu jiġi eżaminat ukoll l-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2002/83 fid-dawl tal-għan tiegħu li jipprevjeni li d-differenzi eżistenti bejn is-sistemi fiskali fis-seħħ fl-Istati Membri differenti jwasslu għal distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni għas-servizzi ta’ assigurazzjoni bejn l-Istati Membri.

    58

    Billi tgħaqqad il-kompetenza li jiġu imposti l-primjums ta’ assigurazzjoni mar-residenza abitwali tal-persuna assigurata, id-Direttiva 2002/83 għandha l-għan li tiggarantixxi li offerta ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja aċċessibli għal persuna assigurata tkun suġġetta għall-istess sistema fiskali, irrispettivament mill-Istat Membru tal-istabbiliment tal-impriżi ta’ assigurazzjoni u li, konsegwentement, l-għażla tal-fornitur ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja ma tkunx influwenzata mill-kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw l-impożizzjoni ta’ dawn il-primjums. L-impriżi ta’ assigurazzjoni ma humiex għalhekk vantaġġati jew żvantaġġati minn fiskalità iktar jew inqas favorevoli fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom u jistgħu jikkompetu fuq l-istess livell mal-impriżi ta’ assigurazzjoni stabbiliti fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-persuna assigurata.

    59

    Issa, l-interpretazzjoni msejħa “dinamika” tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2002/83 biss tippermetti li tiġi ggarantita tali ugwaljanza u li jiġu pprevenuti d-distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni filwaqt li jiġi ggarantit li l-istess sistema fiskali tapplika għal kuntratt eżistenti u għal eventwali kuntratt ġdid.

    60

    Kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 67 u 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm ta’ natura iktar limitata mill-kompetizzjoni bejn l-offerti ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni ġodda, hemm kompetizzjoni bejn il-kuntratti ta’ assigurazzjoni eżistenti u dawk potenzjalment konklużi ma’ impriża ta’ assigurazzjoni oħra permezz tal-fatt li l-persuna assigurata tbiddel l-impriża ta’ assigurazzjoni. Il-possibbiltà li jinżamm, wara bidla ta’ Stat Membru tar-residenza abitwali, il-benefiċċju tas-sistema applikabbli fl-Istat Membru fejn il-persuna assigurata kellha r-residenza abitwali tagħha fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, iktar vantaġġuż minn dak fis-seħħ fl-Istat Membru fejn tinsab ir-residenza abitwali l-ġdida tiegħu, tista’ tiddiswadi lill-persuna assigurata milli tbiddel l-impriża ta’ assigurazzjoni. Fil-każ ta’ interpretazzjoni msejħa “dinamika” tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2002/83, tali dissważjoni marbuta mal-kunsiderazzjonijiet fiskali ma sseħħx.

    61

    Minn dan isegwi li l-għanijiet tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2002/83 jippermettu li tittieħed inkunsiderazzjoni l-bidla tar-residenza abitwali tal-persuna assigurata.

    62

    Jibqa’ li jiġi vverifikat jekk tali interpretazzjoni hijiex kompatibbli mal-għan ġenerali tad-Direttiva 2002/83. Kif tfakkar fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, din id-direttiva hija intiża sabiex jitkompla s-suq intern fis-settur tal-assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja, mill-perspettiva kemm tal-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Istati Membri, sabiex jiġi ffaċilitat għall-impriżi tal-assigurazzjoni li għandhom is-sede tagħhom fl-Unjoni t-teħid ta’ impenji fi ħdan l-Unjoni u jkun possibbli għall-persuni assigurati li jirrikorru mhux biss għal impriżi stabbiliti fl-Istat Membru tagħhom, iżda wkoll għal impriżi li għandhom is-sede soċjali tagħhom fl-Unjoni u stabbiliti fi Stati Membri oħrajn.

    63

    Peress li l-kwistjoni tal-interpretazzjoni msejħa “statika” jew “dinamika” tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2002/83 tqum meta l-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-persuna assigurata fid-data tal-firma tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni jkun differenti mill-Istat Membru tar-residenza abitwali fid-data tal-ħlas tal-primjum ta’ assigurazzjoni u li l-impriża ta’ assigurazzjoni ssib lilha nfisha jew sabet lilha nfisha preċedentement fi Stat Membru ieħor differenti minn dak tar-residenza abitwali tal-persuna assigurata, għandha tiġi eżaminata l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mill-perspettiva tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    64

    F’dan ir-rigward, għandu fil-fatt jiġi ammess li l-bidla tas-sistema fiskali applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni, minħabba l-istabbiliment mill-persuna assigurata tar-residenza abitwali tagħha fi Stat Membru ieħor differenti minn dak li fih hija stabbilita l-impriża ta’ assigurazzjoni li magħha dan il-kuntratt ġie ffirmat, tinvolvi oneru addizzjonali fuq l-impriża ta’ assigurazzjoni, peress li din tal-aħħar għandha tieħu konjizzjoni ta’ u tapplika regoli fiskali differenti, għalkemm hija setgħet ma għażlitx li tipprovdi servizzi ta’ assigurazzjoni fl-imsemmi Stat Membru.

    65

    Madankollu għandu jitfakkar li, kif dan ġie rrilevat fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, Stat Membru jista’, fi kwalunkwe mument, jintroduċi jew ineħħi taxxa indiretta fuq it-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni jew jemenda r-rata jew il-bażi ta’ stima tagħha. Għaldaqstant, anki fuq interpretazzjoni msejħa “statika” tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2002/83, l-impriżi ta’ assigurazzjoni jistgħu jsibu ruħhom f’sitwazzjoni fejn, li għalkemm l-Istat Membru kompetenti sabiex jimponi l-primjums ta’ assigurazzjoni jibqa’ l-istess, regoli fiskali ġodda huma applikabbli għall-primjums ta’ assigurazzjoni miġbura mill-imsemmija impriżi.

    66

    Fir-rigward tal-argument imressaq minn RVS u mill-Gvern Estonjan dwar l-ispejjeż addizzjonali u diffikultajiet amministrattivi ġġenerati min-neċessità li tinkiseb informazzjoni dwar l-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-persuna assigurata matul it-tul kollu tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, kif ukoll dwar is-sistema fiskali fis-seħħ f’dan l-Istat Membru, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-informazzjoni mill-persuna assigurata tal-assiguratur tiegħu fil-każ ta’ ċaqliq hija normalment prevista jew, fi kwalunke każ, tista’ tiġi prevista kuntrattwalment. Min-naħa l-oħra, l-obbligu li tinkiseb informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni fis-seħħ huwa rikjest kemm fil-kuntest tal-interpretazzjoni msejħa “statika” tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2002/83 kif ukoll fil-kuntest tal-interpretazzjoni msejħa “dinamika” ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, f’sitwazzjonijiet fejn il-provvista ta’ assigurazzjoni titwettaq fil-kuntest tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u li kemm l-impriżi ta’ assigurazzjoni kif ukoll il-persuna assigurata telqu mill-Istat Membru ta’ provvista ta’ servizzi, l-interpretazzjoni msjeħa “statika” tal-imsemmija dispożizzjoni tista’ tobbliga impriża ta’ assigurazzjoni li żżomm ruħha informata fuq is-sistema fiskali ta’ Stat Membru li miegħu la hija stess u lanqas il-persuna assigurata ma għad għandhom ebda rabta.

    67

    Fir-rigward tar-riskju, imressaq mill-Gvern Estonjan, tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni fil-każ ta’ ċaqliq tal-persuna assigurata fi Stat Membru ieħor differenti minn dak li fih kienet tinsab ir-residenza abitwali tagħha fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, anki jekk tali riskju jeżisti, dan ir-riskju jirriżulta mhux direttament mill-interpretazzjoni msejħa “dinamika” tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2002/83, iżda minn azzjoni futura u ipotetika tal-impriża ta’ assigurazzjoni u, konsegwentement, għandu jitqies bħala wisq inċert u indirett sabiex jaffettwa l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

    68

    Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-interpretazzjoni msejħa “dinamika” tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2002/83 tippermetti li jintlaħqu aħjar l-għanijiet tal-prevenzjoni tal-impożizzjoni u tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni filwaqt li jkun kompatibbli mal-għan ġenerali ta’ din id-direttiva li jirrigwarda t-tlestija tas-suq intern fis-settur ta’ assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja, mill-perspettiva tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    69

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal preċedentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 50 tad-Direttiva 2002/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil Stat Membru milli jiġbor taxxa diretta fuq il-primjums ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja mħallsa minn persuni assigurati fiżiċi li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom f’dan l-Istat Membru, meta l-kuntratti ta’ assigurazzjoni kkonċernati kienu ġew iffirmati fi Stat Membru ieħor li fih l-imsemmija persuni assigurati kellhom, fid-data tal-iffirmar, ir-residenza abitwali tagħhom.

    Fuq it-tieni domanda

    70

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

    Fuq l-ispejjeż

    71

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 50 tad-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Novembru 2002, li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil Stat Membru milli jiġbor taxxa diretta fuq il-primjums ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja mħallsa minn persuni assigurati fiżiċi li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom f’dan l-Istat Membru, meta l-kuntratti ta’ assigurazzjoni kkonċernati kienu ġew iffirmati fi Stat Membru ieħor li fih l-imsemmija persuni assigurati kellhom, fid-data tal-iffirmar, ir-residenza abitwali tagħhom.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top