Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0171

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-12 ta’ Lulju 2012.
    Fra.bo SpA vs Deutsche Vereinigung des Gas- und Wasserfaches eV (DVGW) — Technisch-Wissenschaftlicher Verein.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf.
    Moviment liberu tal-merkanzija — Miżuri ta’ effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva — Proċedura nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni — Preżunzjoni ta’ konformità mad-dritt nazzjonali — Applikabbiltà tal-Artikolu 28 KE għal organu privat ta’ ċertifikazzjoni.
    Kawża C-171/11.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:453

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    12 ta’ Lulju 2012 ( *1 )

    “Moviment liberu tal-merkanzija — Miżuri ta’ effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva — Proċedura nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni — Preżunzjoni ta’ konformità mad-dritt nazzjonali — Applikabbiltà tal-Artikolu 28 KE għal organu privat ta’ ċertifikazzjoni”

    Fil-Kawża C-171/11,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ April 2011, fil-proċeduri

    Fra.bo SpA

    vs

    Deutsche Vereinigung des Gas- und Wasserfaches eV (DVGW) — Technisch-Wissenschaftlicher Verein,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, A. Prechal, K. Schiemann (Relatur), L. Bay Larsen u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

    Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Frar 2012,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Fra.bo SpA, minn A. Saueracker u M. Becker, avukati,

    għal Deutsche Vereinigung des Gas- und Wasserfaches eV (DVGW) — Technisch- Wissenschaftlicher Verein, minn C. Tellman u F.-E. Hufnagel, avukati,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u D. Hadroušek, bħala aġenti,

    għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u B. Koopman, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Zavvos, G. Wilms, L. Malferrari u C. Hödlmayr, bħala aġenti,

    għall-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, minn M. Schneider u X. Lewis, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Marzu 2012,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 28 KE, 81 KE u 86(2) KE.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Fra.bo SpA (iktar ’il quddiem “Fra.bo”), kumpannija tad-dritt Taljan speċjalizzata fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ attrezzatturi tar-ram intiżi b’mod partikolari għas-sistema ta’ kanen tal-ilma u tal-gass, u l-organu ta’ ċertifikazzjoni Ġermaniż Deutsche Vereinigung des Gas- und Wasserfaches eV (DVGW) ‐ Technisch-Wissenschaftlicher Verein (iktar ’il quddiem id-“DVGW”) dwar id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tirtira jew li tirrifjuta li ġġedded iċ-ċertifikat tal-attrezzaturi tar-ram prodotti u ddistribwiti minn Fra.Bo.

    Il-kuntest ġuridiku Ġermaniż

    3

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati jirriżulta li r-Regolament dwar il-kundizzjonijiet ġenerali tal-provvista tal-ilma (Verordnung über Allgemeine Bedingungen für die Versorgung mit Wasser), tal-20 ta’ Ġunju 1980 (BGBl. 1980 I, p. 750, iktar ’il quddiem l-“AVBWasserV”), jistabbilixxi kundizzjonijiet ġenerali għall-bejgħ bejn l-impriżi tal-provvista tal-ilma u l-klijenti tagħhom, li l-partijiet jistgħu liberament jidderogaw minnhom.

    4

    Meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 12(4) tal-AVBWasserV kien jipprovdi kif ġej:

    “Jistgħu jintużaw biss materjali u apparati prodotti skont ir-regoli tekniċi rikonoxxuti. Il-marka ta’ approvazzjoni ta’ organu ta’ kontroll rikonoxxut (pereżempju, id-DIN DVGW, id-DVGW jew il-GS) tiċċertifika li dawn il-kundizzjonijiet ikunu ġew sodisfatti.”

    5

    Ir-Regolament tat-13 ta’ Jannar 2010 (BGBl. 2010 I, p. 10) emenda l-Artikolu 12(4) tal-AVBWasserV kif ġej:

    “Jistgħu jintużaw biss materjali u apparati konformi mar-regoli tekniċi rikonoxxuti. Meta jkun hemm immarkar CE li jiċċertifika l-konformità għall-użu fil-qasam tal-ilma tax-xorb, il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel sentenza għandhom jitqiesu li ġew sodisfatti. Meta ma jkun meħtieġ l-ebda mmarkar CE, l-imsemmija kundizzjonijiet għandhom jitqiesu li ġew sodisfatti wkoll meta l-prodott jew l-apparat ikollu l-marka ta’ approvazzjoni ta’ organu ta’ ċertifikazzjoni akkreditat tas-settur, b’mod partikolari d-DIN DVGW jew id-DVGW. Il-prodotti u l-apparati li

    1.

    ikunu ġew immanifatturati skont id-dritt fi Stat Membru ieħor taż-Żona Ekonomika Ewropea jew

    2.

    ikunu ġew immanifatturati jew imqiegħda fis-suq skont id-dritt fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew fit-Turkija

    u li ma jissodisfawx l-ispeċifikazzjonijiet tal-marki ta’ approvazzjoni fis-sens tat-tielet sentenza għandhom jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti, inklużi l-kontrolli u l-verifiki li jkunu saru fl-Istati ċċitati iktar ’il fuq, meta dawn jippermettu li jintlaħaq sostenibbilment il-livell ta’ protezzjoni fil-Ġermanja”.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    6

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati jirriżulta li Fra.bo hija kumpannija stabbilita fl-Italja li tipproduċi u tiddistribwixxi attrezzatturi tar-ram. Dawn l-attrezzaturi tar-ram huma elementi li jġonġu żewġ katusi tal-ilma jew tal-gass mgħammra b’ġonot tal-elastomer fit-truf tagħhom sabiex tiġi żgurata l-impermeabbiltà tagħhom.

    7

    Id-DVGW hija organu tad-dritt privat mingħajr skop ta’ lukru li nħolqot fl-1859 u li l-għan tagħha huwa l-promozzjoni tas-settur tal-gass u tal-ilma. Id-DVGW hija rikonoxxuta fil-Ġermanja bħala organu tal-“utilità pubblika”, status mogħti bis-saħħa tal-Artikolu 51 et seq tal-Kodiċi tat-Taxxa (Abgabenordnung) lil organi li l-attività tagħhom hija intiża li tgħin lill-pubbliku b’mod altruwistiku fil-qasam materjali, spiritwali jew morali. Skont l-Artikolu 2(2) tal-istatut tagħha, id-DVGW ma tiddefendix l-interessi tal-manifatturi f’dan is-settur.

    8

    Għas-settur tal-ilma, hemm madwar 350 standard imfassla mid-DVGW. L-istandard tekniku W 534 huwa rilevanti għall-kawża prinċipali. Fil-fatt, hija sservi bħala bażi għaċ-ċertifikazzjoni, fuq bażi volontarja, ta’ prodotti li għandhom kuntatt mal-ilma tax-xorb.

    9

    Fi tmiem l-1999, Fra.bo ppreżentat applikazzjoni għal ċertifikazzjoni tal-attrezzaturi tar-ram fil-kawża prinċipali quddiem id-DVGW. Din tal-aħħar inkarigat lill-Materialprüfungsanstalt Darmstadt iwettaq il-kontrolli meħtieġa. Min-naħa tiegħu, permezz ta’ sottokuntratt, dan inkariga bl-imsemmija kuntratti lill-impriża Cerisie Laboratorio, stabbilita fl-Italja, li ma hijiex irrikonoxxuta mid-DVGW iżda hija rrikonoxxuta mill-awtoritajiet kompetenti Taljani. Matul Novembru 2000, id-DVGW ittrażmettiet lil Fra.bo ċertifikat ta’ konformità validu għas-settur tal-ilma, u dan għal perijodu ta’ ħames snin.

    10

    Wara oġġezzjonijiet magħmula minn terzi, id-DVGW fetħet proċedura ta’ kontroll addizzjonali li fir-rigward tagħha l-Materialprüfungsanstalt MPA Darmstadt kienet inkarigata mill-ġdid. It-“test tal-ożonu”, intiż li jivverifika r-reżistenza tal-ożonu tal-ġonta impermeabbli tal-elastomer tal-attrezzatura tar-ram, twettaq fuq kampjun ta’ materjal mibgħut mill-manifattur Taljan. F’Ġunju 2005, id-DVGW informat lil Fra.bo li l-imsemmija attrezzatura ma kinitx għaddiet mit-“test tal-ożonu”, iżda li, kif kienu jipprevedu r-regoli tagħha, din kellha tliet xhur sabiex tipproduċi rapport ta’ kontroll pożittiv. Madankollu, id-DVGW ma aċċettatx rapport ta’ kontroll li tfassal sussegwentement minn Cerisie Laboratorio, peress li hija ma kinitx irrikonoxxiet lil din l-impriża bħala organu ta’ kontroll. Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, id-DVGW jallega wkoll li dan ir-rapport huwa insuffiċjenti fuq il-mertu, peress li la jindika l-ispeċifikazzjonijiet tat-test u lanqas il-kundizzjonijiet li huwa suġġett għalih dan il-materjal.

    11

    Fil-frattemp, fil-kuntest ta’ proċedura formalizzata li ma kinitx ipparteċipat fiha Fra.bo, id-DVGW emendat l-istandard tekniku W 534 billi introduċiet it-“test ta’ 3000 siegħa”, intiż li jiggarantixxi ħajja itwal għall-prodotti ċċertifikati. Mit-tweġiba ta’ DVGW għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-“test ta’ 3000 siegħa” jimplika li l-ġonta impermeabbli tiġi suġġetta għal temperatura ta’ 110 gradi ċentigradi matul 3000 siegħa. Skont ir-regoli tad-DVGW, id-detenturi taċ-ċertifikati ta’ konformità għandhom jippreżentaw applikazzjoni għal ċertifikazzjoni addizzjonali f’terminu ta’ tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ tal-emenda ta’ dan l-istandard, sabiex jipprovaw l-konformità mar-rekwiżiti emendati. Fra.bo ma ppreżentatx tali applikazzjoni u ma ssuġġettatx l-attrezzatura tar-ram tagħha għat-“test ta’ 3000 siegħa”.

    12

    F’Ġunju 2005, id-DVGW irtirat iċ-ċertifikat ta’ konformità ta’ Fra.bo peress li din tal-aħħar ma kinitx ipproduċiet rapport ta’ kontroll pożittiv tat-“test ta’ 3000 siegħa”. Id-DVGW ċaħdet ukoll applikazzjoni għal proroga ta’ dan iċ-ċertifikat peress li ċ-ċertifikati ta’ konformità ma setgħux jibqgħu jiġu pprorogati.

    13

    Fra.bo ressqet kawża kontra DVGW quddiem il-Landgericht Köln billi sostniet li l-irtirar taċ-ċertifikat ta’ konformità inkwistjoni u/jew ir-rifjut li jiġġedded kien jikser id-dritt tal-Unjoni. Skont Fra.bo, id-DVGW hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, jiġifieri l-Artikoli 28 KE et seq, u l-irtirar ta’ dan iċ-ċertifikat u r-rifjut li jiġi mġedded jipprekludu kunsiderevolment l-aċċess tagħha għas-suq Ġermaniż. Fil-fatt, minħabba l-preżunzjoni ta’ konformità li jgawdu l-prodotti ċċertifikati mid-DVGW bis-saħħa tal-Artikolu 12(4) tal-AVBWasserV, ikun prattikament impossibbli għaliha li tikkummerċjalizza l-prodotti tagħha fil-Ġermanja mingħajr dan iċ-ċertifikat. Barra minn hekk, it-“test ta’ 3000 siegħa” ma għandux ġustifikazzjoni oġġettiva u d-DVGW ma hijiex awtorizzata teskludi a priori r-rapporti ta’ kontroll tal-laboratorji li huma awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri minbarra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, iżda mhux mid-DVGW. Barra minn hekk, id-DVGW għandha titqies bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi li, billi stabbilixxiet l-istandards tekniċi kkontestati, tikser ukoll l-Artikolu 81 KE.

    14

    Bħala assoċjazzjoni tad-dritt privat, id-DVGW tikkunsidra li hija ma hijiex suġġetta għad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u li hija biss ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li għandha twieġeb għall-ksur possibbli tal-Artikolu 28 KE flimkien mal-adozzjoni tal-Artikolu 12(4) tal-AVBWasserV. Konsegwentement, ma hemm xejn li jipprekludi li d-DVGW tistabbilixxi standards tekniċi li jmorru lil hinn minn dawk tal-Istati Membri minbarra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tapplikahom waqt l-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni tagħha. Hija libera wkoll, għal raġunijiet ta’ kwalità, li tieħu inkunsiderazzjoni biss il-laboratorji li hija awtorizzat. Barra minn hekk, bħala organu ta’ normalizzazzjoni, hija ma kinitx teżerċita attività ekonomika fis-sens tad-dritt tal-akkordji, b’mod li applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE hija eskluża.

    15

    Il-Landgericht Köln ċaħdet ir-rikors ta’ Fra.bo abbażi tal-fatt li d-DVGW setgħet tiddeċiedi liberament dwar il-kundizzjonijiet li hija timponi għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ konformità. Fra.bo appellat mid-deċiżjoni mogħtija minn din il-qorti quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex, abbażi tal-istess argument, DVGW tiġi ordnata ġġedded iċ-ċertifikat ta’ konformità tal-attrezzaturi inkwistjoni u tħallas kumpens għall-ammont ta’ 1000000 EUR, flimkien mal-interessi.

    16

    Peress li kellha dubji fir-rigward tal-applikabbiltà għall-attivitajiet tad-DVGW tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u għall-akkordji bejn impriżi, l-Oberlandesgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    L-Artikolu 28 KE [...], jekk meħtieġ, flimkien mal-Artikolu 86(2) KE [...], għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jiġu stabbiliti regoli [standards] tekniċi, kif ukoll matul il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni, korpi [organi] rregolati mid-dritt privat maħluqa sabiex jistabbilixxu regoli [standards] tekniċi f’qasam speċifiku, kif ukoll sabiex jiċċertifikaw prodotti skont dawn ir-regoli [l-istandards], huma mistennija jirrispettaw dawn id-dispożizzjonijiet jekk il-leġiżlatur nazzjonali espressament jikkunsidra l-prodotti ċċertifikati bħala konformi mal-liġi, li għall-inqas, għandu l-effett li jostakola kunsiderevolment il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li ma humiex ċċertifikati?

    2)

    Jekk tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda:

    L-Artikolu 81 KE [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li n-negozju ta’ korp [organu] rregolat mid-dritt privat fil-qasam tal-istabbiliment ta’ regoli [standards] tekniċi u taċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti skont dawn ir-regoli [l-istandards] tekniċi, deskritt f’iktar dettall fil-paragrafu 1, għandu jiġi kkunsidrat bħala ‘ekonomiku’ meta l-korp [organu] huwa kkontrollat minn impriżi?

    Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel parti ta’ din id-domanda:

    L-Artikolu 81 KE [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istabbiliment ta’ regoli [standards] tekniċi u ċ-ċertifikazzjoni skont dawn ir-regoli [l-istandards] minn assoċjazzjoni ta’ impriżi hija ta’ natura li tostakola l-iskambji [kummerċ] bejn l-Istati Membri meta prodott iffabbrikat skont il-liġi u kkumerċjalizzat fi Stat Membru ieħor ma jistax jiġi kkummerċjalizzat jew li l-kummerċjalizzazzjoni tiegħu hija ostakolata kunsiderevolment fl-Istat Membru ta’ importazzjoni minħabba li ma jissodisfax ir-rekwiżit tar-regola teknika [tal-istandard tekniku] u billi huwa prattikament impossibbli li jiġi kkummerċjalizzat mingħajr tali ċertifikat fid-dawl tal-predominanza tar-regola teknika [tal-istandard tekniku] fis-suq u ta’ dispożizzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali li tipprovdi li ċertifikat tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi għand[u] [j]indika osservanza tar-rekwiżiti legali u meta r-regola teknika [l-istandard tekniku], jekk din tkun ġiet stabbilita mil-leġiżlatur nazzjonali, tkun inapplikabbli minħabba ksur tal-prinċipji tal-moviment liberu tal-merkanzija?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    17

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 28 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni ta’ organu privat, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tikkunsidra l-prodotti ċċertifikati minn dan il-organu bħala konformi mad-dritt nazzjonali u li dan għandu l-effett li jipprekludi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li ma humiex iċċertifikati mill-imsemmi organu.

    18

    Preliminarjament, huwa paċifiku li l-attrezzatura tar-ram inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa “prodott ta’ bini” fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-prodotti għall-bini (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 9, p. 296), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 447, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/106”), li la hija s-suġġett ta’ standard armonizzat jew ta’ ftehim tekniku Ewropew u lanqas ta’ speċifikazzjoni teknika nazzjonali rikonoxxuta fuq livell tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva.

    19

    Fir-rigward ta’ prodotti għall-bini li ma humiex koperti mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 89/106, l-Artikolu 6(2) tal-istess direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw it-tqegħid tagħhom fis-suq fit-territorju tagħhom jekk dawn il-prodotti jissodisfaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali konformi mat-Trattat KE, u dan sakemm l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi Ewropej ma jipprovdux mod ieħor.

    20

    Id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw it-tqegħid fis-suq ta’ prodott tal-bini, li ma huwiex kopert bi speċifikazzjonijiet tekniċi armonizzati jew rikonoxxuti fuq livell tal-Unjoni, għandhom, kif tfakkar barra minn hekk id-Direttiva 89/106, ikunu konformi mal-obbligi li jirriżultaw mit-Trattat, u b’mod partikolari mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija stabbilit fl-Artikoli 28 KE u 30 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-227/06, punt 34).

    21

    Qabelxejn, għandu jiġi vverifikat li, kif issostni r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 28 KE japplika għall-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni ta’ organu privat, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    22

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, kwalunkwe leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tista’ tfixkel, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intra-Komunitarju għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura ta’ effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva, prekluża mill-Artikolu 28 KE (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville, 8/74, Ġabra p. 837, punt 5; tal-5 ta’ Frar 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-270/02, Ġabra p. I-1559, punt 18, u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40). Għalhekk, is-sempliċi fatt li jkun dissważ milli jintroduċi jew jikkummerċjalizza l-prodotti inkwistjoni fl-Istat Membru kkonċernat jikkostitwixxi, għall-importatur, ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija (sentenza tal-24 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-286/07, punt 27).

    23

    Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 28 KE u 30 KE meta, mingħajr ġustifikazzjoni valida, jinkoraġġixxi l-operaturi ekonomiċi li jixtiequ jikkummerċjalizzaw fit-territorju tiegħu prodotti ta’ bini legalment immanifatturati u/jew ikkummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor jiksbu marka ta’ konformità nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq) jew meta ma jiħux inkunsiderazzjoni ċ-ċertifikati ta’ approvazzjoni maħruġa minn Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-432/03, Ġabra p. I-9665).

    24

    Huwa paċifiku li d-DVGW hija organu privat mingħajr skop ta’ lukru li l-attivitajiet tiegħu ma humiex iffinanzjati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li dan l-Istat Membru ma jeżerċitax influwenza deċiżiva fuq l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni tad-DVGW, minkejja li parti mill-membri ta’ din tal-aħħar huma organi pubbliċi.

    25

    Għaldaqstant, id-DVGW isostni li, l-Artikolu 28 KE ma huwiex applikabbli fir-rigward tiegħu, fid-dawl tal-fatt li huwa organu privat. Il-partijiet ikkonċernati l-oħra jsostnu li l-organi privati jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, jiġu obbligati josservaw il-moviment liberu tal-merkanzija ggrantit mill-Artikolu 28 KE.

    26

    Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk, fid-dawl b’mod partikolari tal-kuntest leġiżlattiv u regolamentari li fih hija topera, l-attivitajiet ta’ organu tad-dritt privat bħad-DVGW għandhomx l-effett li joħolqu ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija bl-istess mod bħal miżuri tal-Istat.

    27

    Fil-każ ineżami, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-leġiżlatur Ġermaniż stabbilixxa fl-Artikolu 12(4) tal-AVBWasserV li l-prodotti ċċertifikati mid-DVGW huma konformi mad-dritt nazzjonali.

    28

    It-tieni nett, ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li d-DVGW huwa l-uniku organu li jista’ jiċċertifika, fis-sens tal-Artikolu 12(4) tal-AVBWasserV, l-attrezzaturi tar-ram inwkistjoni fil-kawża prinċipali. Fi kliem ieħor, id-DVGW jirrappreżenta, għal tali prodotti, l-unika possibbiltà li jinkiseb ċertifikat ta’ konformità.

    29

    Huwa minnu li d-DVGW u l-Gvern Ġermaniż evokaw l-eżistenza ta’ proċedura oħra għajr dik taċ-ċertifikazzjoni mid-DVGW u li tinvolvi li espert jiġi fdat bil-verifika tal-konformità ta’ prodott mar-regoli tekniċi rikonoxxuti fis-sens tal-Artikolu 12(4) tal-AVBWasserV. Madankollu, mit-tweġibiet mogħtija lill-mistoqsijiet bil-miktub u orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li d-diffikultajiet amministrattivi marbuta man-nuqqas ta’ regoli tekniċi speċifiċi li jirregolaw ix-xogħol ta’ tali espert, minn naħa, kif ukoll l-ispejjeż addizzjonali inkorsi bir-rikors għal perizja individwali, min-naħa l-oħra, irendu din il-proċedura mhux jew ftit li xejn prattika.

    30

    It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tqis, fil-prattika, li n-nuqqas ta’ ċertifikazzjoni mid-DVGW jostakola kunsiderevolment il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kkonċernati fis-suq Ġermaniż. Fil-fatt, għalkemm l-AVBWasserV jillimita ruħu li jistabbilixxi kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ bejn impriżi ta’ provvista tal-ilma u l-klijenti tagħhom, li l-partijiet jistgħu liberament jidderogaw minnhom, mill-fajl jirriżulta li, fil-prattika, kważi l-konsumaturi Ġermaniżi kollha jixtru attrezzaturi tar-ram iċċertifikati mid-DVGW.

    31

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li fir-realtà, organu bħad-DVGW, minħabba b’mod partikolari l-awtorizzazzjoni tiegħu li jiċċertifika l-prodotti, għandu l-poter li jirregola d-dħul fis-suq Ġermaniż ta’ prodotti bħall-attrezzaturi tar-ram inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    32

    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 28 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni ta’ organu privat, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tikkunsdira li l-prodotti ċċertifikati minn dan il-organu huma konformi mad-dritt nazzjonali u dan ikollu bħala effett li jostakola l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li ma humiex iċċertifikati mill-imsemmi organu.

    Fuq it-tieni domanda

    33

    Peress li t-tieni domanda ġiet magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għaliha.

    Fuq l-ispejjeż

    34

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

     

    L-Artikolu 28 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni ta’ organu privat, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tikkunsdira li l-prodotti ċċertifikati minn dan il-organu huma konformi mad-dritt nazzjonali u dan ikollu bħala effett li jostakola l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li ma humiex iċċertifikati mill-imsemmi organu.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top