This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011CJ0146
Judgment of the Court (Second Chamber), 12 July 2012.#AS Pimix, in liquidation v Maksu- ja Tolliameti Lõuna maksu- ja tollikeskus and Põllumajandusministeerium.#Reference for a preliminary ruling from the Riigikohus (Estonia).#Accession of new Member States — Setting the charge on surplus stocks of agricultural products — Reference, in a provision of national law, to a provision of a European Union regulation not duly published in the Official Journal of the European Union in the language of the Member State in question.#Case C‑146/11.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-12 ta’ Lulju 2012.
AS Pimix, fi stralċ vs Maksu- ja Tolliameti Lõuna maksu- ja tollikeskus u Põllumajandusministeerium.
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Riigikohus l-Estonja].
Adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda — Iffissar tat-taxxa fuq il-ħażniet żejda ta’ prodotti agrikoli — Riferiment, f’dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, għal dispożizzjoni ta’ regolament tal-Unjoni li ma ġiex ippubblikat regolarment bil-liġi f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bil-lingwa tal-Istat Membru inkwistjoni.
Kawża C-146/11.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-12 ta’ Lulju 2012.
AS Pimix, fi stralċ vs Maksu- ja Tolliameti Lõuna maksu- ja tollikeskus u Põllumajandusministeerium.
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Riigikohus l-Estonja].
Adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda — Iffissar tat-taxxa fuq il-ħażniet żejda ta’ prodotti agrikoli — Riferiment, f’dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, għal dispożizzjoni ta’ regolament tal-Unjoni li ma ġiex ippubblikat regolarment bil-liġi f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bil-lingwa tal-Istat Membru inkwistjoni.
Kawża C-146/11.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:450
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
12 ta’ Lulju 2012 ( *1 )
“Adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda — Iffissar tat-taxxa fuq il-ħażniet żejda ta’ prodotti agrikoli — Riferiment, f’dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, għal dispożizzjoni ta’ regolament tal-Unjoni li ma ġiex ippubblikat regolarment f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bil-lingwa tal-Istat Membru inkwistjoni”
Fil-Kawża C-146/11,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Riigikohus (l-Estonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Marzu 2011, fil-proċedura
AS Pimix, fi stralċ
vs
Maksu- ja Tolliameti Lõuna maksu- ja tollikeskus,
Põllumajandusministeerium,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus, A. Rosas, A. Arabadjiev u C. G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Mejju 2012,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal AS Pimix, fi stralċ, minn M. Ots, avukat, u T. Pikamäe, vandeadvokaat, |
— |
għall-Gvern Estonjan, minn M. Linntam, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Saaremäel-Stoilov, H. Tserepa-Lacombe u A. Marcoulli, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 288 TFUE u 297(1) TFUE kif ukoll l-Artikolu 58 tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni tal-2003”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn minn naħa AS Pimix (iktar ’il quddiem “Pimix”), fi stralċ, u min-naħa l-oħra l-Maksu- ja Tolliameti Lõuna maksu- ja tollikeskus (Ċentru fiskali u doganali tan-Nofsinhar tal-awtorità fiskali u doganali) u l-Põllumajandusministeerium (Ministeru tal-Agrikoltura) dwar il-ġbir ta’ taxxa fuq il-ħażniet żejda. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
L-Att ta’ Adeżjoni tal-2003
3 |
Skont l-Artikolu 2 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003: “Mid-data ta’ l-adeżjoni, id-disposizzjonjiet tat-Trattati oriġinali u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet u l-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-adeżjoni għandhom jorbtu l-Istati Membri l-ġodda u għandhom japplikaw f’dawk l-Istati Membri bil-kondizzjonijiet kif imniżżla f’dawk it-Trattati u f’dan l-Att.” |
4 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 jippermetti lill-Kummissjoni Ewropea tieħu l-miżuri intiżi sabiex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mis-sistema fis-seħħ fl-Istati l-Membri l-ġodda leja is-sistema li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-politika agrikola komuni. Dawn il-miżuri tranżitorji “jistgħu jittieħdu matul perijodu ta’ tliet snin wara d-data ta’ l-adeżjoni u l-applikazzjoni tagħhom għandha tkun limitata għal dak il-perijodu”. |
5 |
L-Artikolu 58 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 jipprovdi: “It-test ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet u tal-Bank Ċentrali Ewropew adottati qabel l-adeżjoni u mħejjija mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni jew mill-Bank Ċentrali Ewropew fil-lingwa: Ċeka, Estona, Ungeriża, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Slovakka, Slovena ghandhom, mid-data ta’ l-adeżjoni, ikunu awtentiċi bl-istess kondizzjonijiet bħat-test fil-ħdax-il lingwa attwali. Għandhom ikunu ppubblikati [f’I]l-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea jekk it-test tal-lingwi attwali kienu hekk ġew ippubblikati.” |
Ir-Regolament Nru 1
6 |
Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1, [tal-15 ta’ April 1958], li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3), kif emendat bl-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni huma “iċ-Ċek, id-Daniż, l-Eston, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Ispanjol, l-Isvediż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż” |
7 |
L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Ir-Regolamenti u dokumenti oħra ta’ applikazzjoni ġenerali għandhom ikunu abbozzati fl-għoxrin lingwa uffiċjali.” |
8 |
L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea għandu jkun ippubblikat fl-għoxrin lingwa uffiċjali.” |
9 |
L-Artikolu 8 ta’ dan l-istess regolament jipprovdi “Jekk xi Stat Membru jkollu aktar minn lingwa uffiċjali waħda, il-lingwa li għandha tintuża għandha tkun, fuq talba minn dak l-Istat, irregolata mir-regoli ġenerali tal-liġi tiegħu. […]” |
Ir-Regolament (KE) Nru 1972/2003
10 |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1972/2003, tal-10 ta’ Novembru 2003, dwar il-miżuri tranżitorji li għandhom ikunu adottati fir-rigward tal-kummerċ fi prodotti agrikoli minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, l-Polonja, Slovenja u Slovakkja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 474), huwa ġuridikament ibbażat, b’mod partikolari, fuq l-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003. |
11 |
Skont il-premessa 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1972/2003 huwa intiż “sabiex [jevita] ir-riskju tat-tgħawwiġ tal-kummerċ, li jaffettwa l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli minħabba l-adeżjoni ta’ l-19 Stati ġodda ma’ l-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004”. Fid-dawl ta’ dawn ir-riskji, il-premessa 3 ta’ dan ir-regolament tenfasizza li “[d]ispożizzjonijiet għandhom, għalhekk, ikunu magħmula għal ħlasijiet bħala deterrent li għandhom ikunu mposti fuq il-ġażniet żejda fl-Istati Membri ġodda”. |
12 |
Għal dan il-għan, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1972/2003 jeħtieġ li l-Istati l-Membri l-ġodda għandhom jintaxxaw lid-detenturi ta’ ħażniet żejda ta’ prodotti f’ċirkulazzjoni libera fl-1 ta’ Mejju 2004. |
13 |
L-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Sabiex tkun iddeterminata il-ħażna żejda ta’ kull detentur, l-Istati Membri ġodda għandhom iqisu, partikolarment:
Il-ħażniet żejda kif mistħajla huma applikabbli għal-prodotti importati fl-Istati Membri ġodda jew li joriġinaw minn l-Istati Membri ġodda. Il-ħażniet żejda kif mistħajla huma applikabbli wkoll għall-prodotti intiżi għas-suq tal-Istati Membri ġodda. [...]” |
14 |
L-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-ammont tat-taxxa fuq il-ħażniet żejda huwa ddeterminat abbażi tad-dazju fuq l-importazzjoni erga omnes applikabbli fl-1 ta’ Mejju 2004. Dan id-dazju huwa ffissat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal-11 ta’ Settembru 2003, biex jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar it-tariffa u n-nomenklatura statistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 14, p. 3). |
15 |
Sabiex jiġi żgurat li t-taxxa fuq il-ħażniet żejda hija korrettament applikata, l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1972/2003 jeżiġi li l-Istati Membri ġodda iħejju, mingħajr dewmien, inventarju tal-ħażniet disponibbli fl-1 ta’ Mejju 2004 u jinnotifikaw lill-Kummissjoni, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Lulju 2004, il-kwantitajiet ta’ prodotti li jinsabu fil-ħażniet żejda. |
16 |
L-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-regolament jipprevedi, fir-rigward tal-Estonja, li dan japplika b’mod partikolari għall-prodotti koperti bil-Kodiċi 0405 10 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”), jiġifieri l-butir. |
17 |
Skont l-Artikolu 10 tiegħu, dan ir-regolament kien applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2004 sat-30 ta’ April 2007. |
Ir-Regolament Nru 1789/2003
18 |
L-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), jikkostitwixxi n-NM. Din tal-aħħar hija aġġornata mill-Kummissjoni dabra fis-sena. Ir-Regolament Nru 1789/2003 daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2004. |
Id-dritt Estonjan
19 |
Fis-7 ta’ April 2004, ir-Riigikogu (Parlament) adotta l-Liġi dwar it-taxxa fuq il-ħażniet żejda (Üleliigse laovaru tasu seadus, RT I 2004, 30, 203, iktar ’il quddiem l-“ÜLTS”). Din il-liġi kienet ġiet ippubblikata fir-Riigi Teataja fis-27 ta’ April 2004 u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004. |
20 |
Skont l-Artikolu 7 tal-ÜLTS, il-“ħażna żejda” hija ekwivalenti għad-differenza bejn il-ħażna effettivament miżmuma fl-1 ta’ Mejju 2004 u l-ħażna ttrasferita ’l quddiem. |
21 |
L-Artikolu 6 tal-ÜLTS jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ħażna ttrasferita ’l quddiem” bħala l-medja annwali tal-ħażniet miżmuma matul l-erba’ snin qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Estonja mal-Unjoni, jiġifieri s-snin 2000 sa 2003, immultiplikata b’1.2. |
22 |
Skont l-Artikolu 10 tal-ÜLTS, il-ħażna ttrasferita ’l quddiem u l-ħażna żejda huma kkalkolati mill-Põllumajandusministeerium abbażi tad-dikjarazzjonijiet tal-operatur. Fuq talba mmotivata ta’ dan tal-aħħar, il-Põllumajandusministeerium jista’ jieħu inkunsiderazzjoni ċerti fatturi li jistgħu jispjegaw żieda fil-ħażniet, indipendentement minn kull spekulazzjoni. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
23 |
Fid-29 ta’ Ottubru 2004, il-Põllumajandusministeerium iddetermina li Pimix kellha ħażna żejda ta’ 550 tunnellata ta’ butir naturali kopert mill-kodiċi tan-NM 0405 10 19. |
24 |
Fis-26 ta’ Novembru 2004, il-Maksu- ja Tolliameti Lõuna maksu- ja tollikeskus, permezz ta’ avviż għall-ħlas tat-taxxa, iffissat l-ammont tat-taxxa dovuta minn Pimix fuq din il-ħażna żejda għal EEK 16 318 500. Sabiex tikkonforma ruħha ma’ sentenza tar-Riigikohus tal-5 ta’ Ottubru 2006, il-Maksu- ja Tolliameti Lõuna maksu- ja tollikeskus irtirat dan l-avviż u, fid-29 ta’ Marzu 2007, permezz ta’ avviż għall-ħlas tat-taxxa ġdid, iffissat l-ammont ta’ din it-taxxa dovuta minn Pimix għal dan l-istess ammont skont ir-rata li tirriżulta mill-Artikolu 14(2) tal-ÜLTS u mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1972/2003. |
25 |
Pimix ikkontestat id-deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2004 kif ukoll l-avviż għall-ħlas tat-taxxa tad-29 ta’ Marzu 2007. Ir-rikorsi tagħha quddiem il-qrati tal-Prim’Istanza u tal-appell ġew miċħuda. Fil-kuntest ta’ appell fuq punt ta’ liġi, Pimix ilmentat li l-qrati li quddiemhom tressqet il-kawża applikaw ir-Regolamenti Nri 1789/2003 u 1972/2003, anki jekk dawn ma kinux ġew ippubblikati, regolarment, bl-Estonjan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u anki jekk, barra minn hekk, mill-1 ta’ Mejju 2004, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi n-NM ma kinitx iktar fis-seħħ. Hija u tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, Skoma-Lux (C-161/06, Ġabra p. I-10841), Pimix issostni li l-awtoritajiet Estonjani ma setgħux jimponu fir-rigward tagħha obbligi li jirriżultaw minn regoli li ma ġewx inklużi fid-dritt nazzjonali u li ma ġewx ippubblikati regolarment qabel il-5 ta’ Marzu 2005. |
26 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li s-soluzzjoni għall-kawża mressqa quddiemha teħtieġ li jsir magħruf jekk, waqt id-determinazzjoni tal-ħażna żejda ta’ Pimix, l-awtoritajiet Estonjani bbażawx ruħhom biss fuq id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni implementati mill-ÜLTS jew jekk huma applikawx direttament din il-leġiżlazzjoni qabel il-pubblikazzjoni tagħha, regolarment, bl-Estonjan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
27 |
Il-qorti tar-rinviju hija tal-opinjoni li l-elementi essenzjali tat-tassazzjoni, jiġifieri d-debitur tagħha, l-oġġett tagħha u r-rata tagħha, ma jirriżultawx b’mod ċar u dirett mill-ÜLTS. Bosta dispożizzjonijiet tal-ÜLTS fil-fatt jirreferu għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Għaldaqstant, fir-rigward tad-debitur tat-taxxa, il-kunċett ta’ “operatur” huwa ddefinit fl-Artikolu 5(1) tal-ÜLTS b’riferiment għall-kunċett ta’ “prodotti agrikoli”, huwa stess introdott fl-Artikolu 2 tal-ÜLTS b’riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1972/2003 relatati mal-Estonja. Din il-qorti tosserva li din l-aħħar dispożizzjoni ma hijiex ċara, għaliex, sabiex jinftiehem il-kontenut tan-NM, għandu jsir riferiment għar-Regolament Nru 1789/2003. |
28 |
Issa, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, fil-mument li fih Pimix kienet obbligata tippreżenta d-dikjarazzjoni tagħha, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tifhem in-neċessità jew li tkun taf fir-rigward ta’ liema prodotti agrikoli dan l-obbligu dikjarattiv kien tnissel. Fil-fatt, fl-1 ta’ Mejju 2004, data li fiha kellha tiġi ddeterminata l-kwantità ta’ ħażniet żejda, u waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2004 li tiffissa l-kwantità ta’ ħażniet żejda għal Pimix, ir-Regolamenti Nri 1789/2003 u 1972/2003 ma kinux ġew ippubblikati bl-Estonjan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
29 |
Fir-rigward b’mod iktar partikolari tan-NM prevista fir-Regolament Nru 1789/2003, il-qorti tar-rinviju tindika li, fl-1 ta’ Mejju 2004, din ma kienet riprodotta f’ebda dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li dak iż-żmien kienet fis-seħħ. |
30 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk l-Artikolu 2 tal-ÜLTS, billi jirreferi għal regolament tal-Unjoni li ma ġiex ippubblikat, regolarment, bl-Estonjan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jikkostitwixxix implementazzjoni ta’ dan ir-regolament, fis-sens ikkontemplat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, Balbiino (C-560/07, Ġabra. p. I-4447), u tad-29 ta’ Ottubru 2009, Rakvere Lihakombinaat (C-140/08, Ġabra p. I-10533). |
31 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Riigikohus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
32 |
Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 58 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi, fl-Estonja, l-applikazzjoni fir-rigward ta’ individwi ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1792/2003 li, fl-1 ta’ Mejju 2004, la kienu ppubblikati bl-Estonjan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u lanqas riprodotti fid-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, u dan anki jekk dawn l-individwi setgħu jsiru jafu dwar dawn id-dispożizzjonijet permezz ta’ mezzi oħra. |
33 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li prinċipju fundamentali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jeħtieġ li att adottat mill-awtoritajiet pubbliċi ma għandux ikun infurzabbli fir-rigward ta’ dawk ikkonċernati qabel ma huma jkollhom il-possibbiltà li jsiru jafu dwaru permezz ta’ pubblikazzjoni regolarment f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (sentenzi tal-25 ta’ Jannar 1979, Racke, 98/78, Ġabra p. 69, punt 15, u Skoma-Lux, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37). |
34 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 2 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 jirriżulta li l-atti adottati qabel l-adeżjoni mill-istituzzjonijiet jorbtu lill-Istati Membri l-ġodda u huma applikabbli f’dawn l-Istati mill-mument tal-adeżjoni. Madankollu, l-infurzabbiltà tagħhom fir-rigward tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi f’dawn l-Istati hija suġġetta għall-kundizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tad-dritt Komunitarju fl-Istati Membri skont kif previsti mit-trattati oriġinali u, għall-Istati Membri l-ġodda, mill-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 innifsu (sentenza Skoma-Lux, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32). |
35 |
Fir-rigward tar-regolamenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni kif ukoll tad-direttivi ta’ dawn l-istituzzjonijiet li huma indirizzati lill-Istati Membri kollha, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 297(2) TFUE jirriżulta li dawn l-atti jistgħu jipproduċu effetti legali biss jekk huma jkunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Skoma-Lux, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33). |
36 |
Dawn il-prinċipji għandhom jiġu osservati wkoll u għandhom l-istess konsegwenzi meta, għall-implementazzjoni tagħha, leġiżlazzjoni tal-Unjoni tobbliga lill-Istati Membri jieħdu miżuri li jimponu obbligi fir-rigward tal-individwi. Għaldaqstant, tali miżuri għandhom jiġu ppubblikati sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jsiru jafu dwarhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2002, Mulligan et, C-313/99, Ġabra p. I-5719, punti 51 u 52). Il-persuni kkonċernati għandhom ukoll ikollhom il-possibbiltà li jinfurmaw irwieħhom dwar is-sors tal-miżuri nazzjonali li jimponu obbligi fir-rigward tagħhom. Għaldaqstant, għandhom jiġu ppubblikati mhux biss il-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda wkoll l-att tad-dritt tal-Unjoni li, skont il-każ, jobbliga lill-Istati Membri jieħdu miżuri li jimponu obbligi fir-rigward tal-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Heinrich, C-345/06, Ġabra p. I-1659, punti 45 sa 47). |
37 |
Barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 58 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 kif ukoll tal-Artikoli 4, 5 u 8 tar-Regolament Nru 1 jirriżulta li pubblikazzjoni regolarment ta’ regolament tal-Unjoni, fir-rigward ta’ Stat Membru li l-lingwa tiegħu hija lingwa uffiċjali tal-Unjoni, għandha tfisser il-pubblikazzjoni ta’ dan l-att, f’din il-lingwa, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. (sentenza Skoma-Lux, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34). |
38 |
Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 58 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 jipprekludi li l-obbligi li jinsabu f’leġiżlazzjoni tal-Unjoni li ma ġietx ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bil-lingwa ta’ Stat Membru ġdid, filwaqt li din hija lingwa uffiċjali tal-Unjoni, jistgħu jiġu imposti fir-rigward ta’ individwi f’dan l-Istat, anki jekk dawn il-persuni setgħu jsiru jafu dwar din il-leġiżlazzjoni b’mezzi oħra. (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Skoma-Lux, punt 51, u Balbiino, punt 30). |
39 |
Billi adottat, fis-7 ta’ April 2004, l-ÜLTS, ir-Repubblika tal-Estonja implementat l-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1972/2003 billi stabbilixxiet taxxa fuq il-ħażniet żejda ta’ prodotti agrikoli u billi ddefinixxiet il-metodi tal-kalkolu tagħha. L-ÜLTS għalhekk toħloq, fl-Estonja, obbligi fir-rigward tal-individwi, minkejja l-fatt li dan ir-regolament ma jistax jiġi infurzat fir-rigward tagħhom qabel ma huma kellhom l-opportunità jsiru jafu dwaru permezz ta’ pubblikazzjoni regolarment f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bil-lingwa ta’ dan l-Istat Membru. Dawn l-obbligi jinkludu dak li jiġu ddikjarati lill-Põllumajandusministeerium, sa mhux iktar tard mill-15 ta’ Mejju 2004, il-ħażniet ta’ ċerti prodotti agrikoli fil-pussess tagħhom fl-1 ta’ Mejju 2004. Huwa paċifiku li l-obbligu ta’ ħlas tat-taxxa fuq il-ħażniet żejda huwa għaldaqstant iddeterminat abbażi tal-ħażniet ta’ prodotti miżmuma f’din id-data. Għaldaqstant id-data ta’ ħruġ tal-avviż għall-ħlas tat-taxxa ma għandhiex effett fuq il-fatt li jiġġenera l-imsemmija taxxa. Għaldaqstant, fil-kawża prinċipali, il-fatt li l-avviż għall-ħlas tat-taxxa tad-29 ta’ Marzu 2007 inħareġ wara l-pubblikazzjoni, regolarment, bl-Estonjan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tar-Regolamenti Nri 1789/2003 u 1972/2003 ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li, fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ÜLTS, l-imsemmija regolamenti setgħu jiġu infurzati fir-rigward ta’ Pimix. |
40 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-regola li tirriżulta mis-sentenza Skoma-Lux, iċċitata iktar ’il fuq, ma tostakolax l-infurzabbiltà, fir-rigward tal-individwi, ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1972/2003 li ġew riprodotti fil-kuntest tal-ÜLTS. Madankollu, din ir-regola tista’ tibqa’ applikabbli b’mod residwali fis-sitwazzjoni fejn ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li ma ġewx implementati mill-ÜLTS ikunu invokati mill-awtoritajiet Estonjani fir-rigward ta’ individwi qabel il-pubblikazzjoni uffiċjali tal-imsemmi regolament bl-Estonjan. (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Balbiino, punt 32, u Rakvere Lihakombinaat, punt 34). |
41 |
Ir-Regolament Nru 1972/2003 jimponi lill-Istati Membri jintaxxaw il-ħażniet żejda eżistenti fl-1 ta’ Mejju 2004 għal ċerti prodotti agrikoli ddefiniti mill-kodiċijiet tan-NM tagħhom. Issa, fl-1 ta’ Mejju 2004, dan ir-regolament ma kienx ġie ppubblikat bl-Estonjan f’Il-Ġurnal Uffiċjal tal-Unjoni Ewropea, peress li din il-pubblikazzjoni seħħet biss fit-3 ta’ Marzu 2005. Fir-rigward tar-Regolament Nru 1789/2003 li kien jinkludi n-NM li dak iż-żmien kienet fis-seħħ, dan ġie ippubblikat bl-Estonjan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea biss fis-6 ta’ Awwissu 2004. Meta l-ÜLTS daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004, l-individwi ma kinux f’pożizzjoni li jsiru familjari mal-prodotti suġġetti għat-taxxa fuq il-ħażniet żejda permezz ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni li kienet ġiet ippubblikata, regolarment, bl-Estonjan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-ÜLTS ma ddefinixxietx dawn il-prodotti, iżda sempliċement irreferiet għall-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1972/2003. L-individwi lanqas ma setgħu jidentifikaw dawn il-prodotti permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, peress li n-nomenklatura doganali Estonjana ġiet abrogata mill-1 ta’ Mejju 2004. |
42 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti Nri 1789/2003 u 1972/2003 ma setgħux jiġu infurzati fir-rigward tal-individwi fl-Estonja mill-1 ta’ Mejju2004, peress li ma kinux ġew ippubblikati, regolarment, bl-Estonjan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew riprodotti fid-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru. |
43 |
Il-Gvern Estonjan madankollu jenfasizza li, fil-kawża prinċipali, Pimix kienet konxja mill-estent tal-obbligi tagħha mill-1 ta’ Mejju 2004 peress li l-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 kien diġà jipprevedi t-tassazzjoni tal-ħażniet żejda ta’ prodotti agrikoli. Dan il-gvern iqis li n-nuqqas ta’ infurzabbiltà fir-rigward tal-individwi tar-Regolament Nru 1972/2003 huwa kuntrarju għall-għan ta’ dan ir-regolament u tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 li jikkonsisti fil-ġlieda kontra l-ispekulazzjoni fuq il-prodotti agrikoli. |
44 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-osservanza tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 33 sa 38 ta’ din is-sentenza, ibbażata fuq il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament, ma hijiex kuntrarja għal dak ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, peress li dan l-aħħar prinċipju ma jistax jikkonċerna regoli li għadhom ma humiex infurzabbli fir-rigward tal-individwi. Il-fatt li, f’isem il-prinċipju ta’ effettività, tiġi ammessa l-infurzabbiltà ta’ att li ma ġiex ippubblikat regolarment jwassal sabiex l-individwi fl-Istat Membru kkonċernat ikollhom ibatu l-konsegwenzi negattivi tan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li l-amministrazzjoni tal-Unjoni kellha li tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom, fid-data tal-adeżjoni, l-acquis Komunitarju kollu bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni (sentenza Skoma-Lux, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42). |
45 |
Il-Gvern Estonjan isostni wkoll li Pimix wettqet mingħajr diffikultajiet l-obbligi dikjarattivi tagħha skont l-ÜLTS, u b’hekk uriet li hija kienet konxja tal-estent tal-obbligi tagħha anki qabel il-pubblikazzjoni, regolarment, bl-Estonjan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, tar-Regolamenti Nri 1789/2003 u 1972/2003. |
46 |
Madankollu, il-fatt li l-kumpannija rikorrenti fil-kawża prinċipali ddikjarat b’eżatezza l-kwantitajiet ta’ prodotti taxxabbli fil-pussess tagħha fl-1 ta’ Mejju 2004 u għaldaqstant kienet informata bir-regoli tal-Unjoni applikabbli ma huwiex biżżejjed sabiex jirrendi infurzabbli fir-rigward tagħha leġiżlazzjoni tal-Unjoni li ma ġietx ippubblikata regolarment f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Skoma-Lux, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46). |
47 |
Fid-dawl ta’ dan kollu li ntqal, hemm lok li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li l-Artikolu 58 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi, fl-Estonja, l-applikazzjoni fir-rigward ta’ individwi ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1972/2003 li, fl-1 ta’ Mejju 2004, la kienu ppubblikati bl-Estonjan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u lanqas riprodotti fid-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, u dan anki jekk dawn l-individwi setgħu jsiru jafu dwar dawn id-dispożizzjonijiet permezz ta’ mezzi oħra. |
Fuq l-ispejjeż
48 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 58 tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi, fl-Estonja, l-applikazzjoni fir-rigward ta’ individwi ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1972/2003, tal-10 ta’ Novembru 2003, dwar il-miżuri tranżitorji li għandhom ikunu adottati fir-rigward tal-kummerċ fi prodotti agrikoli minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, l-Polonja, Slovenja u Slovakkja, li, fl-1 ta’ Mejju 2004, la kienu ppubblikati bl-Estonjan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u lanqas riprodotti fid-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, u dan anki jekk dawn l-individwi setgħu jsiru jafu dwar dawn id-dispożizzjonijiet permezz ta’ mezzi oħra. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Estonjan.