Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0135

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-21 ta’ Ġunju 2012.
    IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds gGmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell — Aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Artikolu 4(5) — Portata — Dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru — Oppożizzjoni tal-Istat Membru għall-iżvelar tad-dokumenti — Portata tal-istħarriġ, imwettaq mill-istituzzjoni u mill-qorti tal-Unjoni, tar-raġunijiet għall-oppożizzjoni invokati mill-Istat Membru — Produzzjoni tad-dokument kontenzjuż quddiem il-qorti tal-Unjoni.
    Kawża C-135/11 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:376

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    21 ta’ Ġunju 2012 ( *1 )

    “Appell — Aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Artikolu 4(5) — Portata — Dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru — Oppożizzjoni tal-Istat Membru għall-iżvelar tad-dokumenti — Portata tal-istħarriġ, imwettaq mill-istituzzjoni u mill-qorti tal-Unjoni, tar-raġunijiet għall-oppożizzjoni invokati mill-Istat Membru — Produzzjoni tad-dokument kontenzjuż quddiem il-qorti tal-Unjoni”

    Fil-Kawża C-135/11 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-16 ta’ Marzu 2011,

    IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds gGmbH, stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn S. Crosby u S. Santoro, avukati,

    appellanti,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. O’Reilly u P. Costa de Oliveira, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    Ir-Renju tad-Danimarka,

    Ir-Repubblika tal-Finlandja,

    Ir-Renju tal-Isvezja,

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President ta’ Awla, J. Malenovský (Relatur), R. Silva de Lapuerta, E. Juhász u D. Šváby, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-1 ta’ Marzu 2012,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds gGmbH (iktar ’il quddiem “IFAW”) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Jannar 2011, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il-Kummissjoni (T-362/08, Ġabra p. II-11, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-kisba tal-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tad-19 ta’ Ġunju 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), li tirrifjuta li tagħtiha aċċess għal dokument trażmess lil din l-istituzzjoni mill-awtoritajiet Ġermaniżi fil-kuntest ta’ proċedura għad-deklassifikazzjoni ta’ sit protett skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102).

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    L-Artikolu255 (1) u (2) KE jipprovdi:

    “1.   Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, suġġett għall-prinċipji u l-kondizzjonijiet kif definiti skond il-paragrafi 2 u 3.

    2.   Il-prinċipji ġenerali u l-limiti għar-raġuni ta’ interess pubbliku jew privat li jirregolaw id-dritt ta’ l-aċċess għal dokumenti jiġu stabbiliti mill-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam […]”

    3

    Id-Dikjarazzjoni Nru 35, relattiva għall-Artikolu [255](1) [KE], annessa mal-Att Finali tat-Trattat ta’ Amsterdam tipprovdi li:

    “Il-Konferenza taqbel li l-prinċipji u l-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu [255](1) [KE] jippermetti lill-Stat Membru li jitlob lil-Kummissjoni jew lill-Kunsill li ma jikkomunikax ma’ partijiet terzi dokument li joriġina minn dak l-Istat mingħajr il-qbil preċedenti tiegħu”.

    4

    Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), huwa applikabbli mit-3 ta’ Diċembru 2001, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 19 tiegħu.

    5

    Il-premessi 2, 4 u 10 tar-Regolament Nru 1049/2001 huma redatti kif ġej:

    “(2)

    It-trasparenza tgħin liċ-ċittadin jieħu sehem fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod aktar mill-qrib, u jiggarantixxi li l-amministrazzjoni tgawdi aktar leġittimità u tkun aktar effettiva u kontabbli liċ-ċittadin f’sistema demokratika. It-trasparenza ssaħħaħ il-prinċipji tad-demokrazija u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali, kif stabbilit fl-Artikolu 6 tat-Trattat ta’ l-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    […]

    (4)

    L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jagħti l-akbar effett possibbli lid-dritt ta’ l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u li jistipula l-pinċipji ġenerali u l-limiti fuq dan l-aċċess skond l-Artikolu 255(2) tat-Trattat tal-KE.

    […]

    (10)

    Aċċess għal dokmenti għandu jingħata mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni mhux biss għad-dokumenti miktuba mill-istituzzjonijiet, iżda wkoll għad-dokumenti li dawn jirċievu sabiex ikun hemm aktar trasparenza fix-xogħol ta’ l-istituzzjonijiet. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li d-Dikjarazzjoni Nru 35 […] jipprovdi li Stat Membru jista’ jitlob lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill li ma jikkommunikawx lil partijiet terzi dokument li ġej minn dak l-Istat mingħajr il-kunsens tiegħu minn qabel.”

    6

    L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1049/2001, intitolat “Għan”, jipprovdi fl-Artikolu 1(a) tiegħu:

    “L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa:

    a)

    li jfisser il-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, li jirregolaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa “l-istituzzjonijiet”) previsti fl-Artikolu 255 tat-Trattat tal-KE sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti”.

    7

    L-Artikolu 2(1) u (3) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

    “1.   Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament.

    […]

    3.   Dan ir-Regolament għandhu jgħodd lil kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.”

    8

    L-Artikolu 3 tal-istess regolament jipprovdi:

    “Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

    a)

    “dokument” tfisser kull kontenut, ikun liema jkun il-medju tiegħu (miktub fuq karta jew reġistrat f’forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni, ta’ ħoss, viżiv jew awdjoviż) dwar kwistjoni dwar il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni;

    b)

    “parti terza” tfisser kull persuna naturali jew legali, jew kull entità barra mill-istituzzjoni involuta, inklużi l-Istati Membri, korpi Komunitarji oħrajn, istituzzjonijiet oħra mhux Komunitarji u korpi u pajjiżi terzi.”

    9

    L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, li jelenka l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess, huwa redatt kif ġej:

    “1.   L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

    a)

    l-interess pubbliku fir-rigward ta’:

    is-sigurtà pubblika,

    kwistjonijiet militari u ta’ difiża,

    relazzjonijiet internazzjonali,

    il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Komunità jew ta’ Stat Membru;

    […]

    3.   […]

    Aċċess għad-dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkoncernat għandu jiġi rifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

    4.   Fir-rigward ta’ dokumenti ta’ partijiet terzi, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta mal-parti terza bl-iskop li tagħmel stima dwar jekk tapplika eċċezzjoni fil-paragrafu 1 jew 2, jekk ikun ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat.

    5.   Stat Membru jista’ jitlob lill-istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li ġej minn dak l-Istat Membru jekk ma’ jkunx ġie miftiehem hekk minn qabel.

    6.   Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.

    7.   L-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 sa’ 3 għandhom japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument. L-eċċezzjonijiet jistgħu japplikaw għal perjodu mhux itwal minn 30 sena. Fil-każ ta’ dokumenti koperti mill-eċċeżżjonijiet dwar privatezza jew interessi kummerċjali u fil-każ ta’ dokumenti sensittivi, l-eċċeżżjonijiet jistgħu, jekk meħtieġ, jibqgħu japplikaw wara dan il-perjodu.”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    10

    IFAW hija organizzazzjoni mhux governattiva li topera fil-qasam tal-preżervazzjoni tal-benesseri tal-annimali u tal-protezzjoni tan-natura. Billi kienet kontra t-twettiq ta’ proġett industrijali f’sit protett fil-Ġermanja (iktar ’il quddiem il-“proġett industrijali inkwistjoni”), hija talbet sabiex ikollha aċċess għal numru ta’ dokumenti rċevuti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżami ta’ dan il-proġett industrijali, b’mod partikolari ċerti dokumenti li joriġinaw minn diversi awtoritajiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    Fuq l-ewwel talba għal aċċess għal dokumenti ppreżentata mill-IFAW

    11

    Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Diċembru 2001 indirizzata lill-Kummissjoni, IFAW talbet li jkollha aċċess għal diversi dokumenti rċevuti minn din l-istituzzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-proġett industrijali inkwistjoni, jiġifieri ċerti dokumenti li joriġinaw mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mill-belt ta’ Hamburg kif ukoll ittra tal-15 ta’ Marzu 2000 mibgħuta mingħand il-Kanċillier Ġermaniż lill-President tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem l-“ittra tal-Kanċillier Ġermaniż”).

    12

    Peress li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 li jipprojbixxiha, fin-nuqqas tal-kunsens minn qabel tal-Istat Membru kkonċernat, milli tiżvela d-dokumenti li tagħhom intalbet il-komunikazzjoni, fis-26 ta’ Marzu 2002 il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrifjuta lil IFAW l-aċċess għad-dokumenti mitluba.

    13

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Ġunju 2002, IFAW ippreżentat rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

    14

    Permezz tas-sentenza tagħha tat-30 ta’ Novembru 2004, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il-Kummissjoni (T-168/02, Ġabra p. II-4135), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors bħala infondat.

    15

    Fl-10 ta’ Frar 2005, ir-Renju tal-Isvezja, intervenjenti fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, appella minn din is-sentenza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    16

    Permezz tas-sentenza tagħha tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, (C-64/05 P, Ġabra p. I-11389), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Marzu 2002.

    Fuq it-tieni talba għal aċċess għal dokumenti ppreżentata minn IFAW

    17

    Wara s-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, IFAW, permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Frar 2008, indirizzata lill-Kummissjoni, reġgħet tenniet it-talba tagħha għal aċċess għad-dokumenti li din l-istituzzjoni rċeviet fil-kuntest tal-eżami tal-proġett industrijali inkwistjoni u li kienu ġew ipprovduti mill-awtoritajiet Ġermaniżi.

    18

    Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Frar 2008, il-Kummissjoni kkonfermat li kienet irċiviet l-ittra tar-rikorrenti tat-13 ta’ Frar 2008.

    19

    Fis-26 ta’ Marzu 2008, l-appellanti stiednet lill-Kummissjoni tirrispondi għat-talba tagħha tat-13 ta’ Frar 2008.

    20

    Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ April 2008, il-Kummissjoni informat lil IFAW li kienet għaddejja konsultazzjoni mal-awtoritajiet Ġermaniżi fir-rigward tal-iżvelar tad-dokumenti mitluba.

    21

    Fid-9 ta’ April 2008, l-appellanti reġgħet stiednet lill-Kummissjoni tirrispondi għat-talba tagħha tat-13 ta’ Frar 2008, u dan qabel it-22 ta’ April 2008.

    22

    Peress li sa din id-data l-Kummissjoni baqgħet ma rrispondietx, IFAW ippreżentat talba konfermattiva permezz ta’ ittra tad-29 ta’ April 2008.

    23

    Fid-19 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni kitbet lill-appellanti fejn ikkonfermat li kienet irċeviet it-talba konfermattiva u fejn iddikjarat li kellha tingħatalha risposta fit-terminu previst mir-Regolament Nru 1049/2001.

    24

    Fid-19 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża dwar it-talba konfermattiva ta’ IFAW li ġiet ikkomunikata lil din tal-aħħar fl-istess ġurnata. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni żvelat id-dokumenti kollha mitluba mill-appellanti, jiġifieri tmien dokumenti li joriġinaw mill-belt ta’ Hamburg u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, iżda rrifjutat li tilqa’ t-talba għal aċċess li tikkonċerna l-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż, peress li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu opponew l-iżvelar ta’ dan id-dokument.

    25

    Skont id-deċiżjoni kontenzjuża, minn naħa, l-awtoritajiet Ġermaniżi ddikjaraw li l-iżvelar tal-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku, f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali u l-politika ekonomika tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fis-sens tat-tielet u tar-raba’ inċiżi tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    26

    Fil-fatt, din l-ittra tikkonċerna dikjarazzjoni kunfidenzjali stabbilita esklużivament għal użu intern u tirrigwarda l-politika ekonomika tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u ta’ Stati Membri oħra. L-iżvelar ta’ dan id-dokument mhux biss jippreġudika l-kunfidenzjalità, bi ħsara għar-relazzjonijiet internazzjonali bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-istituzzjonijiet u Stati Membri oħra, iżda jikkomprometti wkoll il-politika ekonomika tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u dik ta’ Stati Membri oħra. Konsegwentement, l-aċċess għall-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż għandu jiġi rrifjutat skont it-tielet u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    27

    Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Ġermaniżi indikaw li l-iżvelar tal-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż jippreġudika b’mod gravi l-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    28

    Fil-fatt, din l-ittra tikkonċerna dikjarazzjoni kunfidenzjali indirizzata lill-Kummissjoni stabbilita esklużivament għal użu intern fil-kuntest tad-deliberazzjonijiet ta’ din tal-aħħar relatati mal-eżami tal-proġett industrijali inkwistjoni. L-iżvelar ta’ dan id-dokument jippreġudika b’mod gravi l-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni. Konsegwentement, l-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 hija applikabbli f’dak li jikkonċerna l-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż.

    29

    Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni semmiet is-sustanza tal-motivi invokati mill-awtoritajiet Ġermaniżi. Barra minn hekk, hija eżaminat jekk kienx hemm interess pubbliku superjuri, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jiġġustifika l-iżvelar ta’ din l-ittra. Fil-każ inkwistjoni, hija qieset li ma kellha l-ebda element li jista’ jindika l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri eventwali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tali li jieħu preċedenza fuq ir-rekwiżit ta’ protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni.

    30

    Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ aċċess parzjali għad-dokument inkwistjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża l-Kummissjoni indikat li abbażi tas-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, hija kienet obbligata tislet il-konsegwenzi tar-riżultat tal-proċess ta’ konsultazzjoni u li tirrifjuta l-aċċess għall-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż abbażi tal-eċċezzjonijiet invokati mill-awtoritajiet Ġermaniżi u tar-raġunijiet esposti minnhom. Ladarba dawn l-awtoritajiet kienu jopponu l-iżvelar tal-ittra kollha tal-Kanċillier Ġermaniż, ebda aċċess parzjali għal dan id-dokument ma jista’ jingħata abbażi tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

    31

    Fit-28 ta’ Awwissu 2008, IFAW ippreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, li ġie miċħud mis-sentenza appellata.

    32

    Fil-punti 67 sa 88 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret, essenzjalment, li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, jistabbilixxi kunsens minn qabel tal-Istat Membru bħala kundizzjoni neċessarja għall-iżvelar ta’ dokument li joriġina minnu.

    33

    Madankollu, il-Qorti Ġenerali fakkret ukoll li, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ir-Regolament Nru 1049/2001 ma jagħtix lill-Istat Membru kkonċernat dritt ta’ veto ġenerali u inkundizzjonat li jippermettilu jopponi, b’mod purament diskrezzjonali u mingħajr ma jkollu jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu, l-iżvelar ta’ kull dokument miżmum minn istituzzjoni sempliċement minħabba l-fatt li l-imsemmi dokument joriġina minn dan l-Istat Membru. Fil-fatt, l-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-regolament jawtorizza lill-Istat Membru kkonċernat jopponi l-iżvelar ta’ dokumenti li joriġinaw minnu biss fuq il-bażi tal-eċċezzjonijiet materjali previsti fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-artikolu u b’motivazzjoni debita tal-pożizzjoni tiegħu f’dan ir-rigward.

    34

    Skont il-Qorti Ġenerali, qabel ma tirrifjuta l-aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru, il-Kummissjoni għandha għaldaqstant teżamina jekk dan tal-aħħar ikunx ibbaża l-oppożizzjoni tiegħu fuq l-eċċezzjonijiet materjali previsti fl-imsemmi Artikolu 4(1) sa (3), u jekk ikunx ta motivazzjoni debita tal-pożizzjoni tiegħu f’dan ir-rigward.

    35

    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 84 sa 88 tad-deċiżjoni appellata, li, f’dan il-każ fir-rigward ta’ rifjut ta’ aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru li huwa bbażat fuq il-motivi ta’ oppożizzjoni invokati minn dan tal-aħħar, ma kienx neċessarju li tinqata’ l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kinitx marbuta, minbarra stħarriġ purament formali tal-eżistenza ta’ motivazzjoni tar-rifjut ta’ aċċess mill-Istat Membru u tar-riferiment għall-eċċezzjonijiet indikati fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li twettaq stħarriġ limitat jew stħarriġ komplet tal-motivi ta’ oppożizzjoni invokati mill-Istat Membru.

    36

    Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali qieset li, fil-każ ta’ adegwatezza bejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-iżvelar ta’ dokument li joriġina minn Stat Membru, minn naħa, u l-pożizzjoni ta’ din tal-aħħar skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, min-naħa l-oħra, l-uniku tip ta’ stħarriġ rilevanti huwa dak li l-qorti tal-Unjoni tista’ twettaq fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-aċċess għad-dokument inkwistjoni.

    37

    Sussegwentement, jiġifieri fil-punti 101 sa 127 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali evalwat il-fondatezza tar-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti aċċess għall-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż.

    38

    Qabel kollox, hija fakkret, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, li, fil-każ preżenti ta’ rifjut tal-Kummissjoni li tagħti aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru bis-saħħa tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet dwar l-interess pubbliku msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) tal-imsemmi regolament kienet tistrieħ fuq l-evalwazzjoni materjali tal-Istat Membru u mhux fuq dik tal-Kummissjoni.

    39

    Sussegwentement hija osservat, fil-punti 105 sa 106 tas-sentenza appellata, li, f’dak li jirrigwarda l-portata tal-istħarriġ tal-legalità ta’ tali deċiżjoni mill-qorti tal-Unjoni, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet materjali msemmija f’dan l-Artikolu 4(1)(a), kellu jiġi rrikonoxxut lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiġi ddeterminat jekk l-iżvelar ta’ dokumenti li jaqgħu fl-oqsma koperti minn dawn l-eċċezzjonijiet jistax jippreġudika l-interess pubbliku.

    40

    Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 107 tas-sentenza appellata, li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni kellu jillimita ruħu għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter.

    41

    Fi tmiem dan l-istħarriġ, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li l-evalwazzjoni li tgħid li l-iżvelar tal-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż setgħet tippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda l-politika ekonomika tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx tistrieħ fuq żball manifest tal-awtoritajiet Ġermaniżi. Fil-punt 138 tas-sentenza appellata, ġie għalhekk konkluż li l-Kummissjoni kienet ġustament irrifjutat dan l-iżvelar tal-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż wara l-oppożizzjoni tal-Istat Membru, bis-saħħa tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, abbażi tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda l-politika ekonomika ta’ Stat Membru, imsemmija fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-istess regolament.

    42

    Fl-aħħar nett, filwaqt li IFAW kienet stednitha tordna lill-Kummissjoni, permezz ta’ miżuri istruttorji, sabiex tipproduċi l-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż, il-Qorti Ġenerali, li qieset li setgħet utilment tiddeċiedi fuq ir-rikors abbażi tat-talbiet, motivi u argumenti żviluppati matul il-kawża, irrifjutat li tordna l-produzzjoni ta’ dan id-dokument.

    It-talbiet tal-partijiet

    43

    IFAW titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata kif ukoll id-deċiżjoni kontenzjuża, u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż relatati mal-kawża kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell.

    44

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell, u

    tikkundanna lil IFAW għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell

    45

    Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tas-sentenza appellata, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, fit-tieni lok, billi ma wettqitx eżami komplet tal-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż għall-finijiet tal-verifika tal-fondatezza tal-motivi tar-rifjut ta’ aċċess għal dan id-dokument.

    Fuq l-ewwel aggravju

    46

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, IFAW issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma rrikonoxxietx li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tipproċedi, fir-rigward tad-dokument li l-iżvelar tiegħu ġie rrifjutat mill-Istat Membru kkonċernat, għal evalwazzjoni eżawrjenti tar-raġunijiet ta’ oppożizzjoni invokati minn dan tal-aħħar abbażi tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

    L-argumenti tal-partijiet

    47

    IFAW issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat li la kien neċessarju u lanqas rilevanti li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni fid-dettall tar-raġunijiet għal rifjut ikkontestati mill-Istat Membru kkonċernat, billi b’hekk kisret l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 hekk kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. B’hekk, skont l-appellanti, minbarra li tivverifika l-punt dwar jekk dan l-Istat Membru kienx immotiva l-oppożizzjoni tiegħu, il-Kummissjoni kellha l-obbligu, minn naħa, li tistħarreġ jekk din il-motivazzjoni hijiex relatata mal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 u, min-naħa l-oħra, li tevalwa in concreto jekk l-eċċezzjonijiet u l-motivi invokati humiex applikabbli għad-dokument ikkonċernat.

    48

    Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni ssostni li hija eżaminat jekk l-eċċezzjonijiet u l-motivazzjoni kinux prima facie ġustament invokati fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u, ġaladarba dan kien il-każ, hija ssostni li hija ppreżentat ir-raġunijiet li mmotivaw id-deċiżjoni tagħha ta’ rifjut.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    49

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 4 tiegħu u mill-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 ifittex li jagħti l-ikbar effett possibbli lid-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti miżmuma minn istituzzjoni. Bis-saħħa tal-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament, dan id-dritt ikopri mhux biss id-dokumenti redatti minn istituzzjoni, iżda wkoll dawk li tirċievi minn terzi, li fosthom hemm l-Istati Membri, hekk kif jispeċifika espressament l-Artikolu 3(b) tal-istess regolament.

    50

    Madankollu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi, fl-Artikolu 4 tiegħu, eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokument. B’mod partikolari, il-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li Stat Membru jista’ jitlob lil istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li joriġina minn dan l-Istat mingħajr il-kunsens minn qabel tiegħu.

    51

    F’dan il-każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja eżerċitat il-possibbiltà li ngħatatilha permezz tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 u talbet lill-Kummissjoni sabiex ma tiżvelax l-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż. Dan l-Istat Membru bbaża l-oppożizzjoni tiegħu fuq l-eċċezzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku dwar ir-relazzjonijiet internazzjonali u l-politika ekonomika ta’ Stat Membru, previsti fit-tielet u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 4(1)(a) tal-imsemmi regolament, kif ukoll fuq l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni, prevista fit-tieni subparagrafu tal-istess Artikolu 4(3). Għalhekk, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni bbażat ir-rifjut tagħha ta’ aċċess għall-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż fuq l-oppożizzjoni murija mill-awtoritajiet Ġermaniżi bis-saħħa tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    52

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tispeċifika, fis-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-portata tal-oppożizzjoni magħmula minn Stat Membru skont l-imsemmija dispożizzjoni.

    53

    B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li din id-dispożizzjoni hija ta’ natura proċedurali inkwantu ħadet il-ħsieb li tipprevedi r-rekwiżit ta’ kunsens minn qabel tal-Istat Membru kkonċernat meta dan tal-aħħar ikun ifformula talba speċifika f’dan is-sens u meta din tkun iddedikata għall-proċess ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Unjoni (sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 78 u 81).

    54

    B’differenza mill-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jippermetti lil terzi, fil-każ ta’ dokumenti li joriġinaw minnhom, id-dritt li jiġu kkonsultati mill-istituzzjoni kkonċernata fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafi 1 u 2 tal-istess Artikolu 4, il-paragrafu 5 tiegħu jistabbilixxi kunsens minn qabel tal-Istat Membru bħala kundizzjoni neċessarja għall-iżvelar ta’ dokument li joriġina minn dan tal-aħħar fil-każ fejn dan l-istess Stat jitlob hekk.

    55

    B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta Stat Membru jkun eżerċita l-fakultà li hija disponibbli lilu permezz tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 li jitlob li dokument speċifiku, li joriġina minn dan l-Istat, ma jiġix żvelat mingħajr il-kunsens minn qabel tiegħu, l-iżvelar eventwali ta’ dan id-dokument mill-istituzzjoni jeħtieġ il-kisba ta’ kunsens minn qabel tal-imsemmi Stat Membru (sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

    56

    A contrario, jirriżulta li l-istituzzjoni li ma għandhiex il-kunsens tal-Istat Membru kkonċernat ma tistax tiżvela d-dokument inkwistjoni (sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44). F’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar it-talba għal aċċess għall-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż kienet għaldaqstant tiddependi mid-deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet Ġermaniżi fil-kuntest tal-proċess ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    57

    Madankollu, skont il-punt 58 tas-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jagħtix lill-Istat Membru kkonċernat dritt ta’ veto ġenerali u inkundizzjonat li jippermettilu jikkontesta, b’mod purament diskrezzjonali u mingħajr ma jkollu bżonn jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu, l-iżvelar ta’ kull dokument fil-pussess ta’ istituzzjoni għas-sempliċi fatt li dan id-dokument joriġina minn dan l-Istat Membru.

    58

    Skont il-punt 76 tas-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, l-eżerċizzju tas-setgħa li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jagħti lill-Istat Membru kkonċernat jinsab fl-eċċezzjonijiet materjali elenkati mill-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-istess artikolu, peress li dan l-Istat Membru jsib lilu nnifsu f’dan ir-rigward sempliċement jirrikonoxxi possibbiltà ta’ parteċipazzjoni fid-deċiżjoni tal-istituzzjoni. Il-kunsens minn qabel tal-Istat Membru kkonċernat li għalih jirreferi dan l-Artikolu 4(5) jindika, b’dan il-mod, mhux dritt ta’ veto diskrezzjonali, iżda forma ta’ parir konformi fin-nuqqas ta’ eċċezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 tal-istess Artikolu 4. Il-proċess deċiżjonali b’hekk stabbilit mill-imsemmi Artikolu 4(5) għaldaqstant jirrikjedi li l-istituzzjoni u l-Istat Membru kkonċernati josservaw l-eċċezzjonijiet materjali previsti fl-imsemmija paragrafi 1 sa 3 (sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83).

    59

    Għaldaqstant l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jawtorizza lill-Istat Membru kkonċernat jikkontesta l-iżvelar ta’ dokumenti li joriġinaw minnu biss abbaż tal-eċċezzjonijiet materjali previsti fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-artikolu u billi jimmotiva debitament il-pożizzjoni tiegħu f’dan ir-rigward (sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 99).

    60

    F’dan il-każ, fir-rigward tal-portata tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 fil-konfront tal-istituzzjoni adita, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-punt 94 tas-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li fir-rigward ta’ min qed jagħmel it-talba, l-intervent tal-Istat Membru kkonċernat ma jaffettwax in-natura ta’ att tal-Unjoni tad-deċiżjoni li tindirizza lilu sussegwentement l-istituzzjoni b’risposta għat-talba għal aċċess li ssirilha dwar dokument miżmum minnha.

    61

    L-istituzzjoni adita, bħala awtriċi ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għal dokumenti, hija għaldaqstant responsabbli mil-legalità tagħha. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din l-istituzzjoni ma tistax taġixxi skont l-oppożizzjoni murija minn Stat Membru għall-iżvelar ta’ dokument li joriġina minnu jekk din l-oppożizzjoni ma tkun bl-ebda mod motivata jew jekk ir-raġunijiet li fuqhom jibbaża ruħu dan l-Istat sabiex jirrifjuta l-aċċess għad-dokument inkwistjoni ma jirreferux għall-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 88).

    62

    B’hekk, qabel ma tirrifjuta l-aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru, hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha teżamina jekk dan tal-aħħar ibbażax l-oppożizzjoni tiegħu fuq l-eċċezzjonijiet materjali previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u jekk immotivax debitament il-pożizzjoni tiegħu f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-proċess ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess, il-Kummissjoni għandha tiżgura ruħha mill-eżistenza ta’ tali motivazzjoni u tistabbilixxiha fid-deċiżjoni adottata minnha fi tmiem il-proċeduri (sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 99).

    63

    Min-naħa l-oħra, bil-kontra ta’ dak li ssostni IFAW, l-istituzzjoni adita ma għandhiex id-dmir li twettaq evalwazzjoni eżawrjenti tad-deċiżjoni ta’ oppożizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, meta twettaq stħarriġ li jmur lil hinn mill-verifika tas-sempliċi eżistenza ta’ motivazzjoni li tirreferi għall-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    64

    Fil-fatt, li tiġi rikjesta tali evalwazzjoni tista’ twassal sabiex, ladarba din issir, l-istituzzjoni adita tista’, b’mod żbaljat, tipproċedi sabiex lil min jagħmel it-talba tikkomunikalu d-dokument inkwistjoni minkejja l-oppożizzjoni, debitament immotivata fis-sens tal-punti 61 u 62 ta’ din is-sentenza, tal-Istat Membru li minnu joriġina dan id-dokument.

    65

    Għalhekk IFAW hija żbaljata meta ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma rrikonoxxietx il-fatt li hija l-Kummissjoni li għandha tipproċedi, fir-rigward tad-dokument li l-iżvelar tiegħu ġie rrifjutat, għal evalwazzjoni eżawrjenti tar-raġunijiet ta’ oppożizzjoni invokati mill-Istat Membru abbażi tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

    66

    Għaldaqstant, l-ewwel aggravju invokat minn IFAW insostenn tal-appell tagħha għandu jiġi miċħud.

    Fuq it-tieni aggravju

    67

    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, IFAW issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset li kienet f’pożizzjoni li twettaq l-istħarriġ li kellha tagħmel mingħajr ma tikkonsulta hija stess id-dokument li l-iżvelar tiegħu ġie rrifjutat mill-Kummissjoni.

    L-argumenti tal-partijiet

    68

    L-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat irrifjutat li tordna l-produzzjoni tal-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż miżmuma mill-Kummissjoni, inkwantu dan id-dokument kien indispensabbli sabiex il-Qorti Ġenerali tkun f’pożizzjoni li tivverifika hija stess, skont il-fatti, l-eżistenza u, konsegwentement, l-applikabbiltà tal-eċċezzjonijiet ikkontestati minn din l-istituzzjoni sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha ta’ rifjut ta’ komunikazzjoni ta’ din l-ittra u li, inizjalment, ġew invokati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx twettaq il-kompitu tagħha mingħajr ma tkun rat jew analizzat id-dokument inkwistjoni.

    69

    Bħala risposta, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali għandha setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-miżuri istruttorji, inkluża l-produzzjoni ta’ dokumenti.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    70

    Mill-punt 87 tas-sentenza appellata jirriżulta li, skont il-Qorti Ġenerali, l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma tipprekludihiex milli twettaq stħarriġ tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-Kummissjoni li jmur lil hinn minn eżami prima facie u jinvolvi l-evalwazzjoni materjali tal-applikabbiltà għall-każ inkwistjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    71

    Din l-evalwazzjoni ma hi vvizzjata minn ebda żball ta’ liġi.

    72

    Fil-fatt, fil-każ fejn l-Istat Membru jimmotiva r-rifjut tiegħu li jawtorizza l-aċċess għad-dokument inkwistjoni, u fejn, għaldaqstant, l-istituzzjoni kkonċernata tinsab kostretta tiċħad it-talba għal aċċess, l-awtur tal-imsemmija talba jgawdi minn protezzjoni ġudizzjarja. Jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni l-istħarriġ, fuq talba tal-parti kkonċernata li lilha l-istituzzjoni li saritilha t-talba tkun irrifjutatilha l-aċċess, jekk dan ir-rifjut setax validament ikun ibbażat fuq l-imsemmija eċċezzjonijiet, u dan, sew jekk dan ir-rifjut jirriżultax mill-evalwazzjoni tagħhom mill-istituzzjoni stess jew mill-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 90 u 94).

    73

    B’hekk, il-garanzija ta’ tali protezzjoni ġudizzjarja, favur il-persuna li tagħmel it-talba li lilha l-istituzzjoni adita tirrifjuta l-aċċess għal dokument jew numru ta’ dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru wara li tkun saret oppożizzjoni minn dan tal-aħħar, timplika li l-qorti tal-Unjoni tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess in concreto (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C-266/05 P, Ġabra p. I-1233, punti 33 sa 39), fid-dawl tal-elementi kollha utli, fosthom b’mod ewlieni d-dokumenti li l-iżvelar tagħhom huwa rrifjutat. Sabiex tiġi osservata l-projbizzjoni ta’ żvelar tad-dokumenti inkwistjoni fin-nuqqas ta’ kunsens minn qabel tal-Istat Membru kkonċernat, hija l-Qorti Ġenerali li għandha twettaq il-konsultazzjoni ta’ dawn id-dokumenti in camera, b’tali mod li l-partijiet innifishom ma jkollhomx aċċess għad-dokumenti inkwistjoni, hekk kif jipprovdi t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

    74

    Issa, mill-punti 152 u 153 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma qisietx li kien neċessarju li tiġi ordnata l-produzzjoni tad-dokument li l-iżvelar tiegħu ġie rrifjutat f’dan il-każ, jiġifieri l-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż.

    75

    Minn dan jirriżulta li, billi hija stess naqset milli tikkonsulta l-imsemmija ittra, il-Qorti Ġenerali ma kinitx f’pożizzjoni li tevalwa in concreto jekk l-aċċess għal dan id-dokument setax validament jiġi rrifjutat abbażi tal-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, għaldaqstant, li tivverifika l-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża, bil-kontra tar-rekwiżit imsemmi fil-punt 73 ta’ din is-sentenza.

    76

    Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-appellanti għandha raġun billi ssostni li billi qieset li kienet f’pożizzjoni li twettaq l-istħarriġ tagħha mingħajr ma tikkonsulta hija stess id-dokument li l-iżvelar tiegħu ġie rrifjutat mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

    77

    Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi milqugħ u, għalhekk, is-sentenza appellata għandha tiġi kollha kemm hi annullata.

    Fuq ir-rikors

    78

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jekk l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Għalhekk hija tista’ jew tiddeċiedi hija stess il-kawża definittivament, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

    79

    F’dan il-każ, il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża u, għaldaqstant, hemm lok sabiex din tiġi rrinvjata quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi, fid-dawl tal-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż, fuq ir-rikors ippreżentat quddiemha minn IFAW intiż għall-kisba tal-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Jannar 2011, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il-Kummissjoni (T-362/08), hija annullata.

     

    2)

    Il-kawża hija rrinvjata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni sabiex din tiddeċiedi fuq ir-rikors ippreżentat minn IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds gGmbH għall-kisba tal-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tad-19 ta’ Ġunju 2008, li tirrifjuta li tagħtiha aċċess għal dokument trażmess lill-Kummissjoni Ewropea mill-awtoritajiet Ġermaniżi fil-kuntest ta’ proċedura għad-deklassifikazzjoni ta’ sit protett skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa.

     

    3)

    L-ispejjeż huma rriżervati.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top