EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0098

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tal-24 ta' Mejju 2012.
Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli AG vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Appell - Trade mark Komunitarja - Raġuni assoluta għal rifjut - Nuqqas ta’ karattru distintiv - Sinjal tridimensjonali kompost minn forma ta’ fenek magħmul miċ-ċikkulata b’żigarella ħamra.
Kawża C-98/11 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:307

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

24 ta’ Mejju 2012 ( *1 )

“Appell — Trade mark Komunitarja — Raġuni assoluta għal rifjut — Assenza ta’ karattru distintiv — Sinjal tridimensjonali li huwa kkostitwit minn forma ta’ fenek magħmul miċ-ċikkulata b’żigarella ħamra”

Fil-Kawża C-98/11 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-28 ta’ Frar 2011,

Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli AG, stabbilita f’Kilchberg (l-Isvizzera), irrappreżentata minn R. Lange, Rechtsanwalt,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, A. Prechal, K. Schiemann (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Frar 2012,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Bl-appell tagħha, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli AG (iktar ’il quddiem “Lindt”) qed titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta’ Diċembru 2010, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli vs UASI (Forma ta’ fenek magħmul miċ-ċikkulata b’żigarella ħamra) (T-336/08, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha hija ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tal-11 ta’ Ġunju 2008 (Każ R 1332/2005-4) dwar l-applikazzjoni tagħha għar-reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja ta’ sinjal tridimensjonali li huwa kkostitwit minn forma ta’ fenek magħmul miċ-ċikkulata b’żigarella ħamra.

Il-kuntest ġuridiku

2

Din hija kawża rregolata mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).

3

Skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, ir-reġistrazzjoni ta’ trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv għandha tiġi rrifjutata.

4

Bis-saħħa tal-Artikolu 7(3) tal-imsemmi regolament, l-Artikolu 7(1) tal-istess regolament ma għandux ikun applikabbli jekk it-trade mark tkun kisbet karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni minħabba l-użu li jkun sar minn din it-trade mark.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

5

Fit-18 ta’ Mejju 2004, Lindt ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja quddiem l-UASI bis-saħħa tar-Regolament Nru 40/94. It-trade mark li tagħha qed tintalab ir-reġistrazzjoni hija s-sinjal tridimensjonali rriprodott hawn isfel, li jirrappreżenta forma ta’ fenek magħmul miċ-ċikkulata b’żigarella ħamra u li, skont id-deskrizzjoni li tinsab fl-applikazzjoni, għandu l-kuluri aħmar, deheb u kannella:

Image

6

Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 30 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Ċikkulata, prodotti taċ-ċikkulata”.

7

B’deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2005, l-eżaminatur tal-UASI ċaħad l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, peress li qies li s-sinjal inkwistjoni kien nieqes minn karattru distintiv. Barra minn hekk, it-trade mark li tagħha qed tintalab ir-reġistrazzjoni ma kinitx kisbet xi karattru distintiv bl-użu, skont l-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament, għaliex il-provi kienu jikkonċernaw biss il-Ġermanja.

8

Fl-10 ta’ Novembru 2005, l-appellanti ressqet appell quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur tal-UASI.

9

B’deċiżjoni tal-11 ta’ Ġunju 2008, ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad dan l-appell. Huwa qies, sostanzjalment, li l-ebda wieħed mill-elementi li kienu jikkomponu t-trade mark li tagħha qed tintalab ir-reġistrazzjoni, jiġifieri l-forma, il-karta tad-deheb u ż-żigarella ħamra bil-qanpiena, meqjusa seperatament jew flimkien, ma seta’ jagħti lilu karattru distintiv fil-konfront tal-prodotti kkonċernati. Fil-fatt, il-fniek huma parti mill-grupp ta’ forom tipiċi li l-prodotti taċ-ċikkulata jistgħu jieħdu, speċjalment fi żmien l-Għid. Għaldaqstant, skont il-Bord tal-Appell, it-trade mark li tagħha qed tintalab ir-reġistrazzjoni hija nieqsa minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea, peress li ma hemm l-ebda raġuni għaliex wieħed għandu jippreżumi li l-konsumaturi li jinsabu fil-Ġermanja u fl-Awstrija jipperċepixxu l-forma inkwistjoni b’mod differenti mill-konsumaturi li jinsabu fl-Istati Membri l-oħra.

10

Barra minn hekk, skont ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI, id-dokumenti prodotti mill-appellanti, li jikkonċernaw biss il-Ġermanja, ma jippermettux lil wieħed jikkonkludi li t-trade mark li tagħha qed tintalab ir-reġistrazzjoni kisbet, għall-prodotti kkonċernati, karattru distintiv bl-użu fit-territorju kollu tal-Unjoni, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

11

B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Awwissu 2008, Lindt ressqet kawża kontra d-deċiżjoni tal-UASI tal-11 ta’ Ġunju 2008, li bih invokat żewġ motivi, ibbażati, rispettivament, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, u ksur tal-Artikolu 7(3) tal-imsemmi regolament.

12

F’dak li jirrigwarda l-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali, wara li kkonstatat li t-trade mark li tagħha qed tintalab ir-reġistrazzjoni hija komposta minn tliet elementi, jiġifieri l-forma ta’ fenek bilqiegħda, il-karta tad-deheb li fiha l-fenek taċ-ċikkulata huwa ppakkjat u ż-żigarella ħamra mitwijja li magħha twaħħlet qanpiena, eżaminat dawn l-elementi kollha mil-lat tal-karattru distintiv eventwali tagħhom, qabel ma wettqet evalwazzjoni globali tal-imsemmija trade mark.

13

F’dak li jikkonċerna l-forma ta’ fenek bilqiegħda jew imgeddes, il-Qorti Ġenerali qablet mal-konstatazzjonijiet tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI f’dan ir-rigward u kkonkludiet, fil-punt 34 tas-sentenza appellata, li l-imsemmija forma tista’ titqies li hija forma tipika tal-fniek taċ-ċikkulata u, għaldaqstant, li hija nieqsa minn karattru distintiv.

14

Fir-rigward tal-karta ta’ ppakkjar tad-deheb, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, li l-fenek taċ-ċikkulata li l-appellanti tikkummerċjalizza ma huwiex l-uniku wieħed li jiġi ppakkjat f’karta tad-deheb u fakkret, fil-punt 39 tal-imsemmija sentenza, li oriġinalità eventwali ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit il-karattru distintiv.

15

F’dak li jirrigwarda ż-żigarella ħamra mitwijja, li tingħaqad sabiex tifforma għoqda u li torbot qanpiena, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, li ma kien hemm l-ebda element fil-fajl li jista’ jerġa’ jqiegħed inkwistjoni l-evalwazzjonijiet tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI, u lanqas tal-eżaminatur ta’ dan l-uffiċċju, li kien ikkonstata li kienet użanza li jiġu ddekorati l-annimali taċ-ċikkulata jew l-ippakkjar tagħhom b’għoqod, żigarelli u qniepen u li, għaldaqstant, il-qniepen u l-għoqod kienu elementi kurrenti fir-rigward tal-annimali taċ-ċikkulata.

16

Fir-rigward tal-evalwazzjoni globali tat-trade mark li tagħha qed tintalab ir-reġistrazzjoni, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, li l-karatteristiċi tal-kombinazzjoni tal-forma, tal-kuluri u taż-żigarella mitwijja b’qanpiena ma humiex suffiċjentement imbegħda minn dawk tal-forom bażiċi użati frekwentement għal-ippakkjar taċ-ċikkulata u tal-prodotti taċ-ċikkulata u, iktar speċifikament, tal-fniek taċ-ċikkulata. Għaldaqstant, huma ma humiex ta’ natura li l-pubbliku rilevanti jiftakar fihom bħala indikaturi ta’ oriġini kummerċjali. Fil-fatt, l-ippakkjar fil-forma ta’ fenek bilqiegħda, tal-kulur dehbi, b’żigarella ħamra mitwijja b’qanpiena, ma jiddistingwix ruħu b’mod sostanzjali mil-ippakkjar tal-prodotti inkwistjoni, li huwa użat komunement fil-kummerċ, u għalhekk huwa ppakkjar li l-moħħ awtomatikament jorbot ma’ forma ta’ ppakkjar tipika għall-imsemmija prodotti.

17

Fil-punt 49 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-elementi grafiċi, b’mod partikolari l-għajnejn, il-mustaċċi u s-saqajn, ma jistgħux l-ewwel nett jagħtu lis-sinjal inkwistjoni l-bżonn li jiġu protetti, kif ikkonstata ġustament ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI. Fil-fatt, dawn huma elementi kurrenti li għandha normalment kull forma ta’ fenek taċ-ċikkulata u huma ma humiex ta’ livell artistiku tali li l-konsumatur ikun jista’ jipperċepixxi bħala indikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti inkwistjoni.

18

Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma waslitx biex tqiegħed inkwistjoni l-eżattezza tal-fatti magħrufa jew stabbiliti mill-UASI, u lanqas ma pprovat li t-trade mark li tagħha qed tintalab ir-reġistrazzjoni kellha karattru distintiv intrinsiku.

19

Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant ikkonkludiet, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, li r-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ġustament qies li t-trade mark li tagħha qed tintalab ir-reġistrazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Il-Qorti Ġenerali, konsegwentement, ċaħdet l-ewwel motiv.

20

Fir-rigward tat-tieni motiv, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, l-argument tal-appellanti li jgħid li, barra mill-Ġermanja, il-fenek tal-Għid taċ-ċikkulata huwa fil-parti l-kbira mhux magħruf u, minħabba f’hekk, għandu karattru distintiv intrinsiku fl-Istati Membri l-oħra. Huwa magħruf, skont il-Qorti Ġenerali, li l-fniek taċ-ċikkulata, li jinbigħu prinċipalment fiż-żmien tal-Għid, ma humiex mhux magħrufa barra mill-Ġermanja.

21

Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant qieset, fil-punt 68 tas-sentenza appellata, li hemm lok li wieħed jippreżumi li, fl-assenza ta’ indizji konkreti li juru l-kontra, l-impressjoni li toħloq, f’moħħ il-konsumatur, it-trade mark li tagħha qed tintalab ir-reġistrazzjoni, komposta minn sinjal tridimensjonali, hija l-istess fl-Unjoni kollha u, b’hekk, li din it-trade mark hija nieqsa minn karattru distintiv fit-territorju kollu tal-Unjoni.

22

Fil-punt 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li huwa għaldaqstant fl-Unjoni kollha li l-imsemmija trade mark trid tkun kisbet karattru distintiv bl-użu sabiex tkun tista’ tiġi rreġistrata bis-saħħa tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94.

23

Issa, il-Qorti Ġenerali rrilevat fil-punt 70 tas-sentenza appellata li, anki jekk wieħed jissuponi li l-appellanti turi l-karattru distintiv tas-sinjal inkwistjoni miksub mill-użu fit-tliet Stati Membri li hija ssemmi, jiġifieri fil-Ġermanja, fl-Awstrija u fir-Renju Unit, id-dokumenti pprovduti minnha ma jurux li jistgħu jipprovaw li dan is-sinjal kiseb karattru distintiv fl-Istati Membri fid-data tal-applikazzjoni tat-talba għal reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, li ma kienx neċessarju li jiġi eżaminat jekk id-dokumenti jurux effettivament l-eżistenza ta’ karattru distintiv tas-sinjal inkwistjoni miksub mill-użu fit-tliet Stati Membri invokati mill-appellanti, għaliex dan ma jkunx suffiċjenti sabiex tintwera l-kisba, minn dan is-sinjal, ta’ karattru distintiv bl-użu fl-Unjoni kollha.

25

Konsegwentement, it-tieni motiv ukoll ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali.

It-talbiet tal-partijiet

26

Bl-appell tagħha, Lindt qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

27

L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lil Lindt għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

28

Insostenn tar-rikors tagħha, Lindt tinvoka żewġ motivi bbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u, it-tieni, fuq ksur tal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

L-argumenti tal-partijiet

29

L-appellanti tikkontesta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li s-sinjal tridimensjonali inkwistjoni huwa nieqes minn karattru distintiv u li hija bbażat l-analiżi fuq l-evalwazzjonijiet tal-UASI li fir-realtà huma biss suppożizzjonijiet vagi.

30

L-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet, fil-punt 29 tas-sentenza appellata, dan li ġej:

“Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-forma ta’ fenek bilqiegħda jew imgeddes, il-Bord tal-Appell qies li jirriżulta mill-fajl amministrattiv quddiem l-UASI li l-fniek huma parti mill-firxa ta’ forom tipiċi li tista’ jkollha ċ-ċikkulata u l-prodotti taċ-ċikkulata, speċjalment fi żmien l-Għid, ħaġa li hija paċifika bejn il-partijiet. Il-Bord tal-Appell jestendi l-konstatazzjoni tiegħu mhux biss għall-Ġermanja u l-Awstrija, imma wkoll għall-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni.”

31

Din l-affermazzjoni tal-UASI hija suppożizzjoni pura li l-appellanti kienet espressament ikkontestat fin-nota tagħha tas-6 ta’ Ġunju 2007, ippreżentat quddiem l-UASI. Skont l-appellanti, l-UASI u l-Qorti Ġenerali kellhom jikkunsidraw sew din l-analiżi sabiex jeżerċitaw l-istħarriġ tagħhom skont ir-Regolament Nru 40/94.

32

Hija tikkontesta wkoll il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 38 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-użu ta’ karta tad-deheb għall-fniek tal-Għid taċ-ċikkulata huwa kurrenti fis-suq. L-appellanti tinnota li ġiet ikkonstatata biss l-eżistenza ta’ tliet prodotti oħra li huma mgeżwrin fil-karta tad-deheb. Issa, tnejn minn dawn il-prodotti huma preżenti fis-suq biss għaliex l-appellanti awtorizzathom. Numru daqshekk ristrett ta’ prodotti ma jistax iwassal li wieħed jikkunsidra li l-karatteristika inkwistjoni hija kurrenti fis-suq. L-evalwazzjoni ġuridika għaldaqstant hija żbaljata f’dan ir-rigward.

33

L-appellanti tfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, trade mark li tkun differenti b’mod sinjifikattiv mill-użanzi tas-settur ikollha l-karattru distintiv neċessarju (sentenza tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C-456/01 P u C-457/01 P, Ġabra p. I-5089). Hija tgħid li l-Qorti Ġenerali bi żball telqet mill-prinċipju li t-trade mark li tagħha qed tintalab ir-reġistrazzjoni kienet tikkorrispondi mal-abitudnijiet jew l-użanzi tas-settur. Il-Qorti Ġenerali waslet għal din il-konklużjoni billi bdiet mis-suppożizzjoni żbaljata li ma kienx rilevanti li l-imsemmija fniek kienu jinsabu fis-suq biss minħabba ftehim milħuq mal-appellanti. L-evalwazzjoni ġuridika tal-Qorti Ġenerali, li tgħid li din hija forma abitwali, hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ tliet prodotti oħra kkaratterizzati minn elementi li jixxiebhu. Din l-evalwazzjoni ma hijiex ġuridikament korretta.

34

Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li l-fatt li t-trade mark li tagħha qed tintalab ir-reġistrazzjoni għandha karattru distintiv huwa kkonfermat miċ-ċirkustanza li hija ġiet irreġistrata fi ħmistax-il Stat Membru.

35

L-UASI jikkontesta l-argumentazzjoni tal-appellanti u jfakkar, preliminarjament, li l-appell huwa limitat għal punti ta’ liġi. Issa, l-appell preżenti huwa bbażat prinċipalment fuq allegazzjoni ta’ punt ta’ fatt tal-appellanti li diġà ġiet eżaminata b’mod eżawrjenti għal żmien twil matul l-istanzi preċedenti. Din tirrigwarda l-karattru normali tal-forom ta’ fenek u tal-karti tad-deheb fil-qasam tal-prodotti taċ-ċikkulata.

36

L-UASI jqis li, billi tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli laqgħet id-deċiżjonijiet tal-istanzi preċedenti mingħajr ma kkritikathom, l-appellanti tfittex, fir-realtà, evalwazzjoni ġdida tal-fatti, u l-argument korrispondenti għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Il-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-forom ta’ fenek li jinsabu fis-suq jixxiebhux, jew jekk hemmx, mill-perspettiva tal-konsumatur rilevanti, differenza tali bejn il-forma ta’ fenek inkwistjoni u l-forom l-oħra ta’ fenek li minnha jirriżulta li l-forma ta’ fenek inkwistjoni għandha karattru distintiv, hija kwistjoni ta’ evalwazzjoni tal-perċezzjoni tal-konsumatur u għaldaqstant kwistjoni ta’ evalwazzjoni tal-fatti.

37

Il-kwistjoni tal-perċezzjoni, mill-konsumatur, tal-ippakkjar f’karta tad-deheb tal-prodotti taċ-ċikkulata inkwistjoni hija wkoll kwistjoni ta’ evalwazzjoni tal-fatti li, ħlief żnaturazzjoni eventwali, ma tistax tiġi eżaminata matul proċedura ta’ appell. L-argument korrispondenti għandu għaldaqstant ukoll jiġi miċħud bħala inammissibbli.

38

F’kull każ, skont l-UASI, il-fatti ma ġewx żnaturati mill-Qorti Ġenerali.

39

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-ewwel motiv, l-UASI jfakkar li hija biss trade mark li, b’mod sinjifikattiv, hija differenti mill-abitudnijiet jew mill-użanzi tas-settur u, minħabba dan il-fatt, tista’ twettaq il-funzjoni essenzjali ta’ oriġini li ma hijiex nieqsa minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi-Werke vs UASI, C-173/04 P, Ġabra p. I-551, punt 31, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C-24/05 P, Ġabra p. I-5677, punt 26).

40

Skont l-UASI, huwa ġustament li l-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, ikkonstatat l-assenza ta’ karattru distintiv tat-trade mark li tagħha qed tintalab ir-reġistrazzjoni. Il-Qorti Ġenerali ma mxietx fuq id-deċiżjonijiet tal-istanzi preċedenti, imma eżaminat sewwa l-argumenti tal-appellanti kif ukoll id-dokumenti varji li kienu jinsabu fil-fajl tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

41

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, ma jistgħux jiġu rreġistrati “trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv”. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-karattru distintiv ta’ trade mark fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandu jiġi evalwat, minn naħa, b’relazzjoni għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom tintalab ir-reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, b’relazzjoni mal-perċezzjoni tagħha li jkollu l-pubbliku rilevanti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Henkel vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35; tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C-25/05 P, Ġabra p. I-5719, punt 25, u tal-25 ta’ Ottubru 2007, Develey vs UASI, C-238/06 P, Ġabra p. I-9375, punt 79).

42

Hija biss trade mark li, b’mod sinjifikattiv, tkun differenti mill-abitudni jew mill-użanzi tas-settur u, minn dan il-fatt, tista’ twettaq il-funzjoni essenzjali tagħha ta’ oriġini li ma tkunx nieqsa minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (sentenza Deutsche SiSi-Werke vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

43

F’dan il-każ, mill-punti 12 sa 14 tas-sentenza appellata jirriżulta li, matul l-evalwazzjoni tiegħu tal-karattru distintiv tat-trade mark li tagħha qed tintalab ir-reġistrazzjoni, il-Qorti Ġenerali ġustament identifikat u segwiet il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza rilevanti f’dan ir-rigward.

44

Fil-fatt, wara li fakkret il-karatteristiċi essenzjali li jikkostitwixxu l-istabbiliment tal-karattru distintiv ta’ trade mark tridimensjonali li hija kkostitwita mill-forma ta’ prodott, il-Qorti Ġenerali wettqet l-analiżi ddettaljata ta’ kull wieħed mit-tliet elementi tat-trade mark li tagħha qed tintalab ir-reġistrazzjoni, jiġifieri l-forma ta’ fenek bilqiegħda, il-karta tad-deheb li fiha l-fenek taċ-ċikkulata jiġi ppakkjat u ż-żigarella ħamra mitwijja li magħha titwaħħal qanpiena, u kkonkludiet, fil-punti 34, 38 u 44 tas-sentenza appellata, li kull wieħed minnhom kien nieqes minn karattru distintiv.

45

Il-Qorti Ġenerali waslet għall-istess konklużjoni f’dak li jirrigwarda l-impressjoni globali li toħloq it-trade mark li tagħha qed tintalab ir-reġistrazzjoni, u b’hekk ikkonfermat, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, id-deċiżjoni fis-sens tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI.

46

Fl-analiżi tagħha, il-Qorti Ġenerali għaldaqstant ikkonkludiet, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma waslitx li tqiegħed inkwistjoni l-eżattezza tal-fatti magħrufa jew stabbiliti mill-UASI u lanqas li tistabbilixxi li t-trade mark li tagħha qed tintalab ir-reġistrazzjoni kellha karattru distintiv intrinsiku.

47

Biex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali analizzat l-argumenti kemm tal-appellanti kif ukoll tal-UASI u ma tistax tiġi kkritikata, kif qed issostni l-appellanti, li hija sempliċement ibbażat ruħha fuq is-suppożizzjonijiet u l-affermazzjonijiet tal-UASI. Anzi, għandu jiġi kkonstatat li, qabel ma kkonkludiet li t-trade mark li tagħha qed tintalab ir-reġistrazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv, il-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni kemm tal-prattiki kurrenti tas-settur, kif ukoll tal-perċezzjoni tal-konsumatur medju, billi bbażat ruħha fuq il-kriterji li jirriżultaw minn ġurisprudenza stabbilita.

48

Barra minn hekk, l-appellanti jikkontestaw lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet li l-forma ta’ fenek tal-Għid taċ-ċikkulata kif ukoll l-ippakkjar tad-deheb huma fenomeni kurrenti fis-suq li jikkorrispondu għall-użanzi tas-settur ikkonċernat.

49

Għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument ifittex fir-realtà li jikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja li hija tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali b’tagħha. Billi tfittex evalwazzjoni ġdida tal-karattru distintiv tat-trade mark li tagħha qed tintalab ir-reġistrazzjoni, l-appellanti tqiegħed inkwistjoni, mingħajr ma tallega żnaturazzjoni fuq dan il-punt, l-eżattezza tal-konstatazzjonijiet imwettqa mill-Qorti Ġenerali, li jikkonċernaw evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali, li ma għandhomx jaqgħu taħt l-istharriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

50

Fir-rigward tat-teżi proposta mill-appellanti, li tgħid li l-eżistenza ta’ reġistrazzjonijiet bħala trade mark fi ħmistax-il Stat Membru kienet turi l-karattru distintiv tat-trade mark li tagħha qed tintalab ir-reġistrazzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 40/94, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet, skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li r-reġistrazzjonijiet eżistenti fl-Istati Membri huma biss fatt li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, peress li t-trade mark li tagħha qed tintalab ir-reġistrazzjoni għandha tiġi evalwata fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, u li jsegwi li l-UASI ma huwa marbut la li jadotta l-eżiġenzi u l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u lanqas obbligat li jirreġistra t-trade mark inkwistjoni bħala trade mark Komunitarja fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Develey vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punti 72 u 73).

51

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment mhux fondat.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94

L-argumenti tal-partijiet

52

L-appellanti tikkontesta lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, li, sabiex tiġi ammessa għar-reġistrazzjoni bis-saħħa tal-użu li seta’ sar minnha, it-trade mark inkwistjoni għandha tkun kisbet karattru distintiv bl-użu fl-Istati Membri kollha. Hija ssostni li din it-teżi hija żbaljata għal żewġ raġunijiet.

53

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ma rrikonoxxietx il-fatt li l-karattru distintiv tat-trade mark li tagħha qed tintalab ir-reġistrazzjoni għandu jinkiseb biss bl-użu fl-Istati Membri fejn din it-trade mark ma kellhiex karattru distintiv intrinsiku. Issa, it-trade mark li tagħha qed tintalab ir-reġistrazzjoni kellha karattru distintiv intrinsiku fi ħmistax-il Stat Membru. F’dawn l-Istati, il-kisba, mit-trade mark inkwistjoni, ta’ karattru distintiv bl-użu ma kinitx għaldaqstant mitluba. B’hekk, il-Qorti Ġenerali kellha tasal għall-konklużjoni li din it-trade mark kellha fil-parti l-kbira tal-Unjoni karattru distintiv intrinsiku jew miksub bl-użu. Fid-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni, l-Unjoni kienet komposta minn 25 Stat Membru li jirrappreżentaw total ta’ 465.7 miljun abitant. It-trade mark inkwistjoni kellha karattru distintiv intrinsiku jew miksub bl-użu ma’ total ta’ 351.3 miljun abitant, ħaġa li tirrappreżenta 75.4 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni kif kienet komposta f’dik id-data.

54

It-tieni nett, l-appellanti ssostni li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 40/94 jgħid li t-trade mark Komunitarja għandha karattru unitarju u li hija toħloq l-istess effetti fl-Unjoni kollha. B’dan il-mod, fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ jekk trade mark tistax tiġi rreġistrata, u b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-karattru distintiv tagħha, l-Unjoni kellha titqies li hija suq komuni unitarju. Ikun żbaljat li wieħed kellu jibbaża ruħu fuq is-swieq nazzjonali meħuda individwalment. Il-kwistjoni tal-kisba, minn trade mark, ta’ karattru distintiv kellha tibbaża ruħha fuq il-popolazzjoni kollha mingħajr distinzjoni skont is-swieq nazzjonali. Ukoll, jekk trade mark kellha karattru distintiv miksub fost il-parti l-kbira tal-popolazzjoni tal-Unjoni, meqjusa kollha kemm hi, dan kellu jkun suffiċjenti sabiex jagħti protezzjoni lil din it-trade mark fis-suq Ewropew kollu kemm hu.

55

L-UASI jikkritika l-argumenti tal-appellanti u ċ-ċifri msemmija, li tagħhom is-sors jibqa’ mhux ċar, u ma jippermetti bl-ebda mod li jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

56

Skont l-UASI, fil-punti 64 et seq tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali applikat korrettament il-ġurisprudenza li tgħid li, minn naħa, il-kisba, minn trade mark, ta’ karattru distintiv bl-użu, bis-saħħa tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, teżiġi li almenu parti sinjifikattiva tal-pubbliku rilevanti jidentifika, permezz tat-trade mark inkwistjoni, il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati bħala dawk li joriġinaw minn impriża ddeterminata, u, min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-portata territorjali tal-kisba tal-karattru distintiv, trade mark tista’ tiġi biss irreġistrata, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, jekk tiġi prodotta l-prova li hija tkun kisbet, bl-użu li jkun sar tagħha, karattru distintiv fil-parti tal-Unjoni li fiha hija ma kellhiex ab initio karattru bħal dan.

57

F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali kienet xorta tasal għall-konklużjoni li ma kienx hemm lok li jiġi eżaminat jekk id-dokumenti prodotti mill-appellanti kinux jipprovaw effettivament li t-trade mark li tagħha qed tintalab ir-reġistrazzjoni kellha karattru distintiv miksub bl-użu fit-tliet Stati Membri invokati minn din tal-aħħar, peress li dan il-fatt ma seta’ bl-ebda mod ikun suffiċjenti sabiex jipprova l-kisba, minn din it-trade mark, ta’ karattru distintiv bl-użu fl-Unjoni kollha.

58

Għaldaqstant, l-UASI qed jipproponi li t-tieni motiv jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

59

Għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, ir-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tal-istess regolament ma jipprekludux ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark jekk hija tkun kisbet karattru distintiv, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom tkun qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni, minħabba l-użu li jkun sar minnha.

60

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li trade mark tista biss tiġi rreġistrata bis-saħħa tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 jekk tiġi prodotta l-prova li hija tkun kisbet, bl-użu li jkun sar minnha, karattru distintiv f’dik il-parti tal-Unjoni li fiha hija ma kellhiex ab initio karattru bħal dan (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C-25/05, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83).

61

Huwa b’applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza li l-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni, li tidher fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li t-trade mark li tagħha qed tintalab ir-reġistrazzjoni għandha tkun kisbet karattru distintiv bl-użu fl-Unjoni kollha. Din il-konklużjoni ma tiġi mittiefsa minn ebda żball ta’ liġi sa fejn, kif jirriżulta mill-punti 51 u 68 tas-sentenza appellata, moqrija flimkien, l-appellanti ma tkunx stabbiliet li l-imsemmija trade mark kellha karattru distintiv intrinsiku u li din il-konstatazzjoni kienet tiswa għat-territorju kollu tal-Unjoni. Għal din ir-raġuni, la l-argument tal-appellanti u lanqas l-informazzjoni statistika pprovduta minnha insostenn tal-imsemmi argument ma jistgħu jintlaqgħu, liema argument isostni li t-trade mark li tagħha qed tintalab ir-reġistrazzjoni kellha karattru distintiv intrinsiku fi ħmistax-il Stat Membru u li, għaldaqstant, f’dawn l-Istati, il-kisba, minnha, ta’ karattru distintiv bl-użu ma kellux ikun mitlub.

62

F’dan li jikkonċerna l-argument tal-appellanti li jgħid li peress li t-trade mark Komunitarja għandha karattru unitarju, l-evalwazzjoni tal-kisba, minn trade mark, ta’ karattru distintiv bl-użu ma għandux ikun ibbażat fuq is-swieq nazzjonali meħuda individwalment, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk huwa minnu, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, li l-kisba, minn trade mark, ta’ karattru distintiv bl-użu għandha tiġi pprovata għal dik il-parti tal-Unjoni li fiha din it-trade mark ma kellhiex ab initio dan il-karattru, ikun eċċessiv li jintalab li l-prova ta’ tali kisba tiġi prodotta għal kull Stat membru meħud individwalment.

63

Madankollu, għal dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi għaliex, f’kull każ, l-appellanti ma pprovatx b’mod kwantitattivament suffiċjenti l-kisba, mit-trade mark li tagħha qed tintalab ir-reġistrazzjoni, ta’ karattru distintiv bl-użu fit-territorju kollu tal-Unjoni.

64

Għalhekk, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

65

F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

66

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-UASI talbet il-kundanna ta’ Lindt u din tal-aħħar tilfet fit-talbiet tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli AG hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top