Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0056

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Novembru 2012.
    Raiffeisen-Waren-Zentrale Rhein-Main eG vs Saatgut-Treuhandverwaltungs GmbH.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf.
    Drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti — Regolament (KE) Nru 2100/94 — Servizzi ta’ pproċessar — Obbligu tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar li jipprovdi informazzjoni lid-detentur tad-drittijiet Komunitarji — Rekwiżiti fir-rigward tal-mument u tal-kontenut tat-talba għal informazzjoni.
    Kawża C‑56/11.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:713

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    15 ta’ Novembru 2012 ( *1 )

    “Drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti — Regolament (KE) Nru 2100/94 — Servizzi ta’ pproċessar — Obbligu tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar li jipprovdi informazzjoni lid-detentur tad-drittijiet Komunitarji — Rekwiżiti fir-rigward tal-mument u tal-kontenut tat-talba għal informazzjoni”

    Fil-Kawża C-56/11,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-3 ta’ Jannar 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Frar 2011, fil-proċedura

    Raiffeisen-Waren-Zentrale Rhein-Main eG

    vs

    Saatgut-Treuhandverwaltungs GmbH,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Berger, A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur), u J.-J. Kasel, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

    Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Marzu 2012,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Raiffeisen-Waren-Zentrale Rhein-Main eG, minn C. Bittner u F. Eckard, avukati,

    għal Saatgut-Treuhandverwaltungs GmbH, minn K. von Gierke u J. Forkel, avukati,

    għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Schima, M. Vollkommer, F. Wilman u I. Galindo Martin, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2012,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-sitt inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390), kif ukoll tal-Artikolu 9(2) u (3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1768/95, tal-24 ta’ Lulju 1995, li jimplimenta regoli dwar l-eżenzjoni agrikola prevista fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 18, p. 63), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2605/98, tat-3 ta’ Diċembru 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 24, p. 162, iktar ’il quddiem ir-“Regolament 1768/95”).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Raffeisen-Waren-Zentrale Rhein-Main eG (iktar ’il quddiem “RWZ”) u Saatgut-Treuhandverwaltungs GmbH (iktar ’il quddiem “STV”) dwar it-talba ghal informazzjoni li din tal-aħħar għamlitilha għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ żrieragħ iċċertifikati 2005/2006 u 2006/2007.

    Il-kuntest ġuridiku

    Ir-Regolament Nru 2100/94

    3

    Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2100/94, “dak li jkabbar” huwa intitolat għad-drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti, jiġifieri l-“persuna li tkun kabbret, jew skopriet jew żviluppat il-varjetajiet, jew is-suċċessur tiegħu fit-titolu”.

    4

    L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Drittijiet tad-detentur ta’ dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti u atti pprojbiti”, jipprovdi li:

    “1.   Dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti għandu jkollu l-effett li d-detentur jew id-detenturi ta’ dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ ‘id-detentur’, ikollu d-dritt li jagħmel l-atti stabbiliti fil-paragrafu 2.

    2.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15 u 16, l-atti li ġejjin dwar kostitwenti tal-varjetajiet, jew materjal maħsud tal-varjetajiet protetti, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ ’il-materjal’, għandu jeħtieġ l-awtorizzazzjoni tad-detentur [...]:

    a)

    produzzjoni jew riproduzzjoni (moltiplikazzjoni);

    [...]

    Id-detentur jista’ jqiegħed fis-suq l-awtorizzazzjoni tiegħu suġġett għal kondizzjonijiet u limitazzjonijiet.

    [...]”

    5

    L-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament, intitolat “Deroga mid-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

    “Minkejja l-Artikolu 13(2), u għall-għanijiet tal-ħarsien tal-produzzjoni agrikola, il-bdiewa huma awtorizzati li jużaw għal għanijiet ta’ propagazzjoni fl-għalqa, fuq l-art tagħhom il-prodott tal-ħsad li jkunu akkwistaw permezz taż-żergħa, fuq l-art tagħhom, materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetajiet minbarra varjetajiet mħallta jew sintetiċi, li jkunu skoperti [koperti] minn dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti.”

    6

    L-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2011/94 jipprovdi li:

    “Kondizzjonijiet biex jagħtu effett lid-deroga li għaliha jipprovdi l-paragrafu 1 u biex jitħarsu l-interessi leġittimi ta’ dak li jkabbar u tal-bidwi, għandhom ikunu stabbiliti, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, fl-implimentazzjoni tar-regoli bis-saħħa ta’ l-Artikolu 114, fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin:

    [...]

    bdiewa zgħar ma jkunux meħtieġa li jagħmlu xi ħlas lid-detentur; […]

    [...]

    bdiewa oħrajn ikunu meħtieġa li jħallsu ħlas xieraq lid-detentur, li għandu jkun sensibilment aktar baxx mill-ammont li jitħallas għall-produzzjoni liċenzjata ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ l-istess varjetajiet fl-istess qasam; il-livell attwali ta’ dan il-ħlas xieraq jista’ jkun suġġett għall-varjazzjoni matul iż-żmien, meta jittieħed akkont tal-limitu li jista’ jsir użu mid-deroga pprovduta fil-paragrafu 1 dwar il-varjetajiet ikkonċernati,

    [...]

    it-tagħrif relevanti għandu jkun ipprovdut lid-detenturi fuq talba tagħhom, minn bdiewa u dawk li jipprovdu s-servizzi ta’ l-ipproċessar, […]”

    Ir-Regolament Nru 1768/95

    7

    L-Artikolu 2 tar-regolament Nru 1768/95 huwa redatt kif ġej:

    “1.   l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 għandhom ikunu implementati kemm mid-detentur, li jirrappreżenta lil dak li jrabbi [jkabbar], u mill-bidwi b’mod illi jiġu mħarsa l-interessi leġittimi ta’ xulxin.”

    2.   L-interessi leġittimi ma’ jitqiesux imħarsa jekk wieħed jew iktar minn dawn l-interessi huma affettwati ħażin mingħajr ma jittieħed kont tal-bżonn illi jinżamm bilan[ċ] ġust bejn kull wieħed minnhom, jew tal-bżonn ta’ proporzjonalità bejn l-għan tal-kondizzjoni relevanti u l-effett attwali ta’ l-implimentazzjoni tagħha.”

    8

    L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, li jistabbilixxi r-regoli dwar il-kumpens dovut lid-detentur, jipprovdi li:

    “1.   Il-livell ta’ ħlas ġust [kumpens raġonevoli] li jrid isir lid-detentur skond l-Artikolu 14(3), ir-raba’ inìż [inċiż], tar-Regolament bażiku jista’ jkun is-suġġett ta’ kuntratt bejn id-detentur u l-bidwi konċernat.

    2.   Meta kuntratt bħal dan ma jkunx ġie finalizzat jew ma japplikax il-livell ta’ ħlas [kumpens] għandu jkun sensibbilment inqas mill-ammont mitlub għall-produzzjoni liċenzjata ta’ materjal riproduttiv ta’ l-inqas kategorija li jikkwalifika għal ċertifikazzjoni uffiċjali, ta’ l-istess varjetà fl-istess żona.

    [...]

    5.   Meta fil-każ tal-paragrafu 2 xi ftehim li għalih jirriferi l-paragrafu 4 ma jkunx japplika, il-ħlas li għandu jsir għandu jkun ta’ 50 % tal-ammont imħallas għall-produzzjoni liċenzjata tal-materjal ta’ propagazzjoni kif speċifikat fil-paragrafu 2.

    [...]”

    9

    L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1768/95, intitolat “Informazzjoni mill-bidwi”, jipprovdi, fil-paragrafi 3 u 4 tiegħu, li:

    “3.   L-informazzjoni fil-paragrafu 2(b), (c), (d) u (e) għandha tirreferixxi għas-sena tas-suq [ta’ kummerċjalizzazzjoni] kurrenti, u għal waħda jew aktar mit-tliet snin tas-suq [ta’ kummerċjalizzazzjoni] ta’ qabel li għalihom il-bidwi ma kienx ta minn qabel l-informazzjoni relevanti fuq talba tad-detentur skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 jew 5.

    Madankollu, l-ewwel sena tas-suq [ta’ kummerċjalizzazzjoni] li għaliha tirreferixxi l-informazzjoni, m’għandhiex tkun qabel dik li fiha tkun saret l-ewwel fost dawn it-talbiet għal informazzjoni rigward il-varjetà jew varjetajiet u l-bidwi konċernati, jew, inkella, li fiha l-bidwi kiseb materjal riproduttiv tal-varjetà jew varjetajiet konċernati, jekk din kellhiex magħha informazzjoni għall-inqas dwar meta l-applikazzjoni ġiet reġistrata għall-għoti ta’ dritt Komunitarju ta’ varjeta ta’ pjanti jew meta dan id-dritt ingħata kif ukoll dwaril-possibilta ta’ kundizzjonijiet dwar l-użu ta’ dak il-materjal riproduttiv.

    [...]

    4.   Fit-talba tiegħu, id-detentur irid jagħti ismu u l-indirizz tiegħu, il-varjetà jew varjetajiet li hu jkun interessat f’informazzjoni dwarhom, kif ukoll ir-referenza jew referenzi għad-dritt jew drittijiet Komunitarji relevanti ta’ varjetà ta’ pjanti.

    Jekk meħtieġa mill-bidwi, it-talba trid issir bil-miktub, u trid tingħata prova dwar min hu d-detentur. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5, it-talba trid issir direttament lill-bidwi konċernat.”

    10

    L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Informazzjoni minn dak li jipproċessa [mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pproċessar]”, jipprovdi li:

    “1.   Id-dettalji ta’ l-informazzjoni relevanti li trid tingħata mill-persuna li tipproċessa [mill-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar] lid-detentur skond is-sitt inċiż ta’ l-Artikolu 14(3) tar-Regolament [Nru 2100/94] jistgħu ikunu s-suġġett ta’ kuntratt bejn id-detentur u l-proċessur [fornitur] konċernati.

    2.   Meta kuntratt bħal dan ma jkunx sar jew ma’ [ma] japplikax, dak li jipproċessa [il-fornitur] għandu, bla ħsara għal ħtiġijiet ta’ informazzjoni skond leġislazzjoni oħra tal-Komunita jew skond liġijiet ta’ l-Istati Membri, fuq talba tad-detentur, jagħmel stqarrija lid-detentur dwar l-informazzjoni relevanti. Il-punti li ġejjin għandhom jitqiesu bħala relevanti:

    a)

    isem il-bidwi [il-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar], il-post tad-domiċilju tiegħu u l-indirizz ta’ l-ażjenda tiegħu;

    b)

    il-fatt jekk il-bidwi [il-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar] għamilx użu jew le mill-prodott [ipprovdiex servizzi ta’ pproċessar tal-prodott] tal-ħsad li jappartjeni għal varjeta waħda jew iżjed tad-detentur għaż-żargħa [għall-koltivazzjoni] fl-għalqa jew fl-egħlieqi ta’ l-ażjenda tiegħu, [meta l-varjetà jew il-varjetajiet inkwistjoni jkunu ġew iddikjarati lill-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar jew kienu magħrufa minnu];

    ċ)

    jekk dak li jipproċessa [il-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar] jkun ta dan is-servizz, l-ammont tal-prodott tal-ħsad li jappartjeni għall-varjetà jew varjetajiet konċernati, li jkun ġie proċessat biex jinżergħa, minn dak li jipproċessa [mill-imsemmi fornitur], u l-ammont kollu li joħroġ minn dak il-proċessar;

    d)

    id-dati u l-postijiet ta’ l-ipproèssar [ipproċessar] msemmijin f’(c); u

    e)

    l-isem u l-indirizz tal-persuna jew persuni li lilhom ikun ingħata s-servizz ta’ proèssar [pproċessar] msemmi f’(c), u l-ammonti rispettivi.

    3.   L-informazzjoni taħt paragrafu 2(b), (c), (d) u (e) għandha tirreferixxi għas-sena tas-suq [ta’ kummerċjalizzazzjoni] kurrenti u għal sena waħda jew aktar mit-tliet snin tas-suq [ta’ kummerċjalizzazzjoni] ta’ qabel li għalihom id-detentur ma jkunx għamel talba aktar qabel skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4 jew 5; madankollu, l-ewwel sena tas-suq [ta’ kummerċjalizzazzjoni] li għaliha tirreferixxi l-informazzjoni, għandha tkun dik li fiha tkun saret l-ewwel talba dwar il-varjetà jew varjetajiet u l-proċessur [il-fornituri ta’ servizzi ta’ pproċessar] konċernati.

    4.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(4) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

    [...]”

    11

    L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1768/95, dwar il-kontroll mid-detentur tat-twettiq tal-obbligi tal-bidwi, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

    “Għall-għanijiet ta’ monitoraġġ, mid-detentur, għall-ħarsien tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament [Nru 2100/94] kif imsemmi f’dan ir-Regolament, sa fejn it-twettiq ta’ l-obligi tal-bidwi huwa konċernat, il-bidwi jrid, fuq talba tad-detentur:

    a)

    jagħti xhieda li ssaħħaħ l-istqarrijiet ta’ informazzjoni tiegħu skond l-Artikolu 8, billi jiżvela dokumenti relevanti disponibbli bħal fatturi, tikketti wżati, jew xi mezz xieraq ieħor bħal dak meħtieġ skond l-Artikolu 13(1)(a), li għandu x’jaqsam ma’:

    il-provvista ta’ servizzi ta’ proċessar tal-prodott ta’ ħsad ta’ varjetà tad-detentur għat-taħwil [tiżrigħ], minn xi terza persuna,

    jew

    fil-każ ta’ l-Artikolu 8(2)(e), il-provvista ta’ materjal riproduttiv ta’ varjetà tad-detentur,

    jew billi jintwerew faċilitajiet ta’ art jew ħażna;

    b)

    billi jagħmel disponibbli jew aċċessibbli l-prova meħtieġa skond l-Artikolu 4(3) jew 7(5).”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    12

    RWZ hija kooperattiva ċentrali agrikola li toffri lill-bdiewa servizzi ta’ pproċessar ta’ żrieragħ, li permezz tagħhom hija tippakkja l-prodott tal-ħsad għall-ħażna u għall-kultivazzjoni tiegħu fil-futur.

    13

    Dan is-servizz huwa offrut, min-naħa, lid-detenturi, irrappreżentati b’mod partikolari minn STV, li għandhom jiksbu, fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ kultivazzjoni, il-propagazzjoni ta’ żrieragħ iċċertifikati sabiex jiġu kkummerċjalizzati.

    14

    Min-naħa l-oħra, l-imsemmi servizz huwa offrut lill-bdiewa li jikkultivaw iż-żrieragħ skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94.

    15

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li RWZ wettqet servizzi ta’ pproċessar f’isem bdiewa differenti għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2005/2006 u 2006/2007 fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ kultivazzjoni f’isem detenturi rrappreżentati minn STV.

    16

    Abbażi ta’ dikjarazzjonijiet ta’ kuntratti ta’ kultivazzjoni mingħand il-bdiewa kkonċernati, STV bagħtet żewġ serje ta’ talbiet għal informazzjoni lil RWZ dwar is-servizzi ta’ pproċessar li hija kienet ipprovdiet lilhom:

    permezz ta’ ittri tat-30 ta’ Ġunju 2006, tas-7 ta’ Awwissu 2006, tal-15 ta’ Settembru 2006 u tat-30 ta’ April 2007 għal dak li jirrigwarda s-sena 2005/2006, u

    permezz ta’ ittri tal-25 u tad-29 ta’ Ġunju 2007, tat-23 ta’ Awwissu 2007 kif ukoll tad-29 ta’ Mejju 2008 għal dak li jirrigwarda s-sena 2006/2007.

    17

    Dawn it-talbiet, intiżi sabiex isir magħruf jekk RWZ ipprovdietx servizzi ta’ pproċessar fir-rigward tal-varjetajiet protetti inkwistjoni, kif ukoll liema persuni kienu talbu dawn is-servizzi u f’liema kwantità, tressqu flimkien ma’ informazzjoni fil-qosor li tagħti, minbarra l-varjetà protetta u s-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kkonċernati, l-isem u l-indirizz tal-bidwi li wettaq il-kultivazzjoni tal-prodott tal-ħsad, iżda ma kienx fihom kopja tad-dikjarazzjonijiet ta’ kultivazzjoni jew provi oħra.

    18

    RWZ ma weġbitx fl-affirmattiv għal dawk it-talbiet billi invokat tliet serje ta’ motivi sabiex tiġġustifika r-rifjut tagħha. L-ewwel nett, hija kkunsidrat li kull talba għal informazzjoni kellha tinkludi l-elementi li jindikaw li hija pprovdiet servizzi ta’ pproċessar li jaqgħu taħt l-obbligu ta’ informazzjoni skont is-sitt inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94. It-tieni nett, hija qieset li biss it-talbiet għal informazzjoni mressqa matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni, li għaliha l-informazzjoni tirreferi, huma ġuridikament rilevanti. It-tielet nett, l-ebda indizju ta’ kultivazzjoni eventwali ta’ żrieragħ ma jista’ jiġi dedott mis-servizzi ta’ pproċessar li ġew ipprovduti fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kultivazzjoni f’isem id-detentur.

    19

    STV, li ppreżentat rikors kontra RWZ, rebħet il-kawża quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, billi din tal-aħħar ikkunsidrat li, min-naħa, ma kien hemm l-ebda terminu ta’ dekadenza sabiex jitressqu talbiet għal informazzjoni u, min-naħa l-oħra, li d-dikjarazzjonijiet ta’ kuntratti ta’ kultivazzjoni kienu jikkostitwixxu indizji suffiċjenti sabiex iwasslu għall-obbligu ta’ informazzjoni tal-fornitur, sa fejn il-bidwi li jwettaq kultivazzjoni abbażi ta’ kuntratt ta’ propagazzjoni għandu l-possibbiltà konkreta li jikkultiva ż-żrieragħ ikkonċernati. RWZ appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

    20

    Billi ma kinitx ċerta dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 kif ukoll lill-Artikolu 9(2) u (3) tar-Regolament Nru 1768/95, l-Oberlandesgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Il-fornitur ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar għandu biss iwettaq l-obbligu li jipprovdi informazzjoni taħt is-sitt inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 u tal-Artikolu 9(2) u (3) tar-Regolament Nru 1768/95 fil-każ fejn it-talba għal informazzjoni tal-proprjetarju tasal għandu qabel l-iskadenza tas-sena tas-suq koperta mit-talba (jew l-iktar sena reċenti fil-każ li jkun hemm diversi snin tas-suq?)

    2)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

    Talba għal informazzjoni hija ‘ppreżentata fit-terminu previst’ fil-każ fejn fit-talba tiegħu l-proprjetarju jsostni li għandu indizji li l-fornitur wettaq jew ser iwettaq operazzjonijiet ta’ pproċessar fuq prodott ta’ ħsad li l-bidwi, li ismu ssemma fit-talba, kiseb permezz tat-tħawwil tal-prodott ta’ propagazzjoni tal-varjetà protetta, jew inkella l-prova tal-indizji invokati għandha barra minn hekk tiġi prodotta lill-fornitur fit-talba għal informazzjoni (pereżempju permezz tat-trażmissjoni ta’ kopja tad-dikjarazzjoni tat-tħawwil tal-bidwi)?

    3)

    Indizji li jagħtu lok għal obbligu ta’ informazzjoni tal-fornitur tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar jistgħu jirriżultaw mill-fatt li l-fornitur, fil-kwalità tiegħu ta’ mandatarju tal-proprjetarju, jeżegwixxi l-kuntratt ta’ propagazzjoni intiż għall-produzzjoni ta’ żerriegħa li tista’ tinbiegħ tal-varjetà protetta, li l-proprjetarju kkonkluda ma’ bidwi marbut bil-propagazzjoni, fejn u peress li l-bidwi jingħata de facto l-possibbiltà, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt, li juża parti miż-żerriegħa ta’ propagazzjoni miksuba bl-għan li titħawwel?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    21

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob essenzjalment jekk l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1768/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar fir-rigward ta’ varjetajiet protetti ma jibqax jeżisti meta t-talba għal informazzjoni mid-detentur ta’ dawn il-varjetajiet tasallu wara li tintemm is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li għaliha tirreferi din it-talba.

    22

    Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1768/95, l-obbligu li tingħata l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2(b), (c), (d) u (e) ta’ dan l-istess artikolu huwa impost fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar, sa fejn tali informazzjoni tirreferi għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li matulha saret it-talba.

    23

    Għaldaqstant, bħala prinċipju, talba li tirreferi għal sena ta’ kummerċjalizzazzjoni partikolari li tasal lil dan il-fornitur wara li tali sena tintemm ma timponix fuqu obbligu li jagħti informazzjoni.

    24

    Madankollu, l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1768/95 jippreċiża li l-informazzjoni mitluba tista’ tirreferi wkoll għal sena waħda jew iktar mis-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti li għalihom id-detentur ma jkunx għadu għamel talba. F’dan ir-rigward, din id-dispożizzjoni tispeċifika li l-ewwel sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li għaliha tirreferi din l-informazzjoni għandha tkun dik li fiha tkun saret l-ewwel talba dwar il-varjetà jew varjetajiet u l-fornituri ta’ servizzi ta’ pproċessar ikkonċernati.

    25

    Għaldaqstant, mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li d-detentur jista’ jressaq talba għal informazzjoni lil fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar li tirrigwarda sena waħda jew iktar mis-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti għal dik kurrenti, sakemm ikun ressaq l-ewwel talba dwar il-varjetà u l-fornitur ikkonċernati matul l-ewwel sena minn dawn is-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti.

    26

    Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan stess tar-Regolament Nru 1768/95 li, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94, huwa intiż sabiex jitħarsu l-interessi leġittimi ta’ dak li jkabbar u tal-bidwi. Fil-fatt, l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1768/95 jippreċiża li huwa neċessarju li jinżamm bilanċ ġust bejn kull wieħed minn dawn l-interessi sabiex jiġu mħarsa.

    27

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li, għad-differenza ta’ diversi verżjonijiet lingwistiċi, il-verżjoni Franċiża tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1768/95 tonqos milli tillimita l-possibbiltà li ssir talba għal informazzjoni li tirreferi għal mhux iktar mit-tliet snin ta’ kummerċjalizzazzjoni li jippreċedu s-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kurrenti.

    28

    Issa, minn naħa, u kuntrarjament għal dak li ssostni STV, huwa kuntrarju għall-għan tar-Regolament Nru 1768/95, kif imfakkar fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, li jiġi kkunsidrat li ma hemm l-ebda limitu fiż-żmien għall-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar.

    29

    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 8(3) tal-imsemmi regolament, li jistabbilixxi l-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-bidwi, jillimita espressament il-possibbiltà ta’ dak li jkabbar li jitlob informazzjoni għal dik l-informazzjoni li tirreferi għal mhux iktar mit-tliet snin ta’ kummerċjalizzazzjoni li jippreċedu s-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kurrenti. Peress li l-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-bidwi huwa kważi identiku għal dak impost fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar, ma hemm l-ebda raġuni għalfejn għandha ssir distinzjoni għal dak li jirrigwarda l-perijodi li għalihom jirreferu t-talbiet tad-detenturi skont min ikun id-destinatarju.

    30

    Għalhekk, l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1768/95 interpretat b’dan il-mod jippermetti li jitħarsu bl-aħjar mod, minn naħa, l-interessi ta’ dawk li jkabbru sa fejn huma għandhom ċerta flessibbiltà fit-tressiq tat-talbiet tagħhom għal informazzjoni, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-interessi tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pproċessar li huma obbligati jżommu l-informazzjoni meħtieġa biss għal perijodu limitat, u dan wara li jkunu ġew avżati minn qabel.

    31

    F’din il-kawża, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li STV bagħtet żewġ serje ta’ talbiet għal informazzjoni lil RWZ dwar is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2005-2006, fit-30 ta’ Ġunju 2006, fis-7 ta’ Awwissu 2006, fil-15 ta’ Settembru 2006 kif ukoll fit-30 ta’ April 2007 u, dwar is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006-2007, fil-25 u fid-29 ta’ Ġunju 2007, fit-23 ta’ Novembru 2007 kif ukoll fid-29 ta’ Mejju 2008.

    32

    Fid-dawl tal-fatt li, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1768/95, is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni tibda fl-1 ta’ Lulju u tispiċċa fit-30 ta’ Ġunju tas-sena kalendarja, u li l-indikazzjonijiet mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju ma jippermettux li jiġi ddeterminat għal liema varjetajiet protetti t-talbiet tressqu minn STV jew jekk humiex l-ewwel talbiet fis-sens tat-tieni parti tas-sentenza fl-Artikolu 9(3) ta’ dan ir-regolament, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina liema minn dawn it-talbiet tressqu fit-termini stabbiliti.

    33

    Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1768/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar fir-rigward ta’ varjetajiet protetti jeżisti meta t-talba għal informazzjoni li tirreferi għal sena ta’ kummerċjalizzazzjoni partikolari tasal lil dan il-fornitur qabel tali sena tintemm. Madankollu, tali obbligu jista’ jeżisti għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni li tirreferi għal mhux iktar mit-tliet snin li jippreċedu dik kurrenti, sakemm id-detentur ikun ressaq l-ewwel talba dwar l-istess varjetajiet lill-istess fornitur matul l-ewwel sena mis-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti koperti mit-talba għal informazzjoni.

    Fuq it-tieni u t-tielet domanda

    34

    Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk is-sitt inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 flimkien mal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1768/95 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, minn naħa, iċ-ċirkustanza li bidwi jkun wettaq il-kultivazzjoni kuntrattwali ta’ varjetà protetta għad-detentur tagħha tista’ tikkostitwixxi indizju li jista’ jagħti lok għall-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-fornitur li jkun ipproċessa żrieragħ li jistgħu jinbiegħu tal-imsemmija varjetà u li, min-naħa l-oħra, fit-talba tiegħu għal informazzjoni, id-detentur għandu jannetti l-prova tal-indizji li qed jagħti sabiex jiġġustifika d-dritt tiegħu għal informazzjoni.

    35

    Qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 1768/95, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) ta’ dan ir-regolament, li jiddefinixxi r-rekwiżiti formali li għandha tissodisfa t-talba għal informazzjoni tad-detentur lill-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar, bl-ebda mod ma jirrikjedi li l-imsemmija talba titressaq flimkien ma provi ta’ sostenn għall-indizji li hija tagħti. L-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(4) tal-imsemmi regolament jipprovdi saħansitra li tali talba tista’ tiġi ppreżentata oralment.

    36

    Għal dak li jirrigwarda l-kultivazzjoni kuntrattwali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-akkwist minn bidwi ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà ta’ pjanti protetta tad-detentur għandu jitqies bħala indizju li jista’ jagħti lok għall-obbligu ta’ informazzjoni tal-imsemmi bidwi fir-rigward tad-detentur (ara s-sentenza tal-10 ta’ April 2003, Schulin, C-305/00, Ġabra p. I-3525, punt 65).

    37

    Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li bidwi jwettaq il-kultivazzjoni kuntrattwali ta’ varjetà protetta għad-detentur tikkostitwixxi indikazzjoni li l-imsemmi bidwi jista’ jkollu żrieragħ tal-varjetà protetta li, għall-kultivazzjoni tagħhom, huwa jista’ jkollu l-intenzjoni li jibbenefika mill-privileġġ previst fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94.

    38

    Madankollu, tali ċirkustanza ma tistax, waħedha, tistabbilixxi dritt awtomatiku fil-konfront tad-detentur sabiex jikseb informazzjoni mill-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar.

    39

    Għalkemm huwa minnu li mill-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 jirriżulta li tali dritt japplika meta bidwi jkun ibbenefika jew għandu l-intenzjoni li jibbenefika mill-privileġġ mogħti lilu minn dan l-artikolu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan id-dritt jeżisti, fir-rigward tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar, biss meta d-detentur għandu indizju li l-fornitur ipprovda, jew għandu l-intenzjoni li jipprovdi, tali servizzi fil-konfront tal-prodott tal-ħsad miksub permezz tal-kultivazzjoni ta’ materjal ta’ propagazzjoni tal-varjetà protetta sabiex din tiġi kkultivata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Brangewitz, C-336/02, Ġabra p. I-9801, punt 53).

    40

    Issa, f’dan il-kuntest, il-fatt li bidwi jwettaq il-kultivazzjoni kuntrattwali ta’ varjetà protetta ma jistax, waħdu, jikkostitwixxi indizju li fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar ipprovda, jew għandu l-intenzjoni li jipprovdi, tali servizzi fil-konfront tal-prodott tal-ħsad miksub permezz tal-kultivazzjoni ta’ materjal ta’ propagazzjoni tal-imsemmija varjetà sabiex din tiġi kkultivata.

    41

    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, dan jista’, l-iktar l-iktar, ikun wieħed minn diversi elementi li jippermettu li jiġi konkluż li jeżisti tali indizju. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-fatti tal-kawża sabiex tiddetermina jekk dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali.

    42

    Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u għat-tielet domanda hija li s-sitt inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 flimkien mal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1768/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-talba għal informazzjoni tad-detentur ta’ varjetà protetta lil fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar ma għandhiex ikollha l-provi ta’ sostenn għall-indizji mogħtija fiha. Barra minn hekk, il-fatt li bidwi jwettaq il-kultivazzjoni kuntrattwali ta’ varjetà protetta ma jistax, waħdu, jikkostitwixxi indizju li fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar ipprovda, jew għandu l-intenzjoni li jipprovdi, tali servizzi fil-konfront tal-prodott tal-ħsad miksub permezz tal-kultivazzjoni ta’ materjal ta’ propagazzjoni tal-imsemmija varjetà sabiex din tiġi kkultivata. Tali fatt jista’, madankollu, fid-dawl ta’ cirkustanzi oħra tal-kawża, jippermetti li jiġi konkluż li jeżisti tali indizju, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju fil-kawża quddiemha.

    Fuq l-ispejjeż

    43

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 9(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1768/95, tal-24 ta’ Lulju 1995, li jimplimenta regoli dwar l-eżenzjoni agrikola prevista fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2605/98, tat-3 ta’ Diċembru 1998, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar fir-rigward ta’ varjetajiet protetti jeżisti meta t-talba għal informazzjoni li tirreferi għal sena ta’ kummerċjalizzazzjoni partikolari tasal lil dan il-fornitur qabel tali sena tintemm. Madankollu, tali obbligu jista’ jeżisti għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni li tirreferi għal mhux iktar mit-tliet snin li jippreċedu dik kurrenti, sakemm id-detentur ta’ drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti ikun ressaq l-ewwel talba dwar l-istess varjetajiet lill-istess fornitur matul l-ewwel sena mis-snin ta’ kummerċjalizazzjoni preċedenti koperti mit-talba għal informazzjoni.

     

    2)

    Is-sitt inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità, flimkien mal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1768/95, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2605/98, għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-talba għal informazzjoni tad-detentur ta’ drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti lil fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar ma għandhiex ikollha l-provi ta’ sostenn għall-indizji mogħtija fiha. Barra minn hekk, il-fatt li bidwi jwettaq il-kultivazzjoni kuntrattwali ta’ varjetà protetta ma jistax, waħdu, jikkostitwixxi indizju li fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar ipprovda, jew għandu l-intenzjoni li jipprovdi, tali servizzi fil-konfront tal-prodott tal-ħsad miksub permezz tal-kultivazzjoni ta’ materjal ta’ propagazzjoni tal-imsemmija varjetà sabiex din tiġi kkultivata. Tali fatt jista’, madankollu, fid-dawl ta’ cirkustanzi oħra tal-kawża, jippermetti li jiġi konkluż li jeżisti tali indizju, li hija l-qorti ta-rinviju li għandha tivverifika fil-kawża quddiemha.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top