Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0039

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-7 ta’ Ġunju 2012.
    VBV — Vorsorgekasse AG vs Finanzmarktaufsichtsbehörde (FMA).
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof.
    Moviment liberu tal-kapital — Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE — Fondi ta’ previdenza professjonali — Investiment tal-attivi — Fondi komuni ta’ investiment stabbiliti fi Stat Membru ieħor — Investiment f’tali fondi permess biss meta dawn jiġu awtorizzati li jikkummerċjalizzaw l-unitajiet tagħhom fit-territorju nazzjonali.
    Kawża C-39/11.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:327

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    7 ta’ Ġunju 2012 ( *1 )

    “Moviment liberu tal-kapital — Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE — Fondi ta’ previdenza professjonali — Investiment tal-attivi — Fondi komuni ta’ investiment stabbiliti fi Stat Membru ieħor — Investiment f’tali fondi permess biss meta dawn jiġu awtorizzati li jikkummerċjalizzaw l-unitajiet tagħhom fit-territorju nazzjonali”

    Fil-Kawża C-39/11,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Jannar 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Jannar 2011, fil-proċedura

    VBV — Vorsorgekasse AG

    vs

    Finanzmarktaufsichtsbehörde (FMA),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász (Relatur) u G. Arestis, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

    Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Jannar 2012,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal VBV — Vorsorgekasse AG, minn C. Leitgeb, Rechtsanwalt,

    għall-Finanzmarktaufsichtsbehörde (FMA), minn R. Hellwagner, bħala aġent,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Očková, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti u K.-P. Wojcik, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-moviment liberu tal-kapital, b’mod partikolari l-Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn VBV — Vorsorgekasse AG (iktar ’il quddiem il-“VBV”) u l-Finanzmarktaufsichtsbehörde (awtorità ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji, iktar ’il quddiem il-“FMA”) dwar ix-xiri ta’ unitajiet ta’ fond komuni ta’ investiment stabbilit fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika tal-Awstrija.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 139), kif emendata bid-Direttiva 2001/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Jannar 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 302, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 85/611”), li jifforma parti mill-ewwel taqsima tagħha, intitolata “[I]d-dispożizzjonijiet ġenerali u l-qasam ta’ l-applikazzjoni”, jipprovdi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom japplikaw din id-Direttiva għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (hawnhekk iżjed ’il quddiem magħrufa bħala UCITS) li jinstabu fit-territorju tagħhom.

    2.   Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, u soġġett għall-Artikolu 2, UCITS għandhom ikunu impriżi:

    li l-unika mira hija l-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli u/jew f’assi likwidi finanzjarji oħrajn imsemmija fl-Artikolu 19(1) ta’ kapital miġbur mill-pubbliku u li jopera fuq il-prinċipju ta’ tixrid tar-riskju

    u

    li l-unitajiet tagħhom huma, fuq it-talba tat-titolari, mixtrija mill-ġdid jew mogħtija lura, direttament jew indirettament, mill-assi ta’ dawk l-impriżi. Azzjoni meħuda minn UCITS sabiex jiġi assigurat li l-valur tal-borża ta’ l-unitajiet tagħha ma jvarjawx b’mod sinifikanti mill-valur nett tagħhom ta’ l-assi għandha titqies bħala ekwivalenti għal dan ix-xiri mill-ġdid jew il-fidwa.

    [...]”

    4

    L-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva, li jifforma parti mit-Taqsima V ta’ din tal-aħħar, intitolata “Obbligi li jikkonċernaw il-poloz ta’ investiment ta’ UCITS”, jinkludi dispożizzjonijiet dettaljati dwar it-titoli li fihom UCITS tista’ tqiegħed l-assi tagħha, kif ukoll il-kundizzjonijiet u l-limiti ta’ dawn l-investimenti.

    Id-dritt Awstrijak

    5

    Il-Liġi dwar l-iskema ta’ previdenza tal-impjegati u tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom (Betriebliches Mitarbeiter- und Selbständigenvorsorgegesetz, BGBl, I, 100/2002), fil-verżjoni tagħha li tapplika għall-fatti fil-kawża prinċipali (BGBl I, 102/2007, iktar ’il quddiem il-“BMSVG”), tistabbilixxi, fl-Artikolu 6(1) tagħha, li, sa fejn relazzjoni ta’ xogħol tkompli għal iktar minn xahar, il-persuna li timpjega għandha tipprovdi kontribuzzjoni permanenti li tammonta għal ċerta perċentwali tar-remunerazzjoni fix-xahar lil korp ta’ assigurazzjoni għall-mard li miegħu l-impjegat ikun affiljat, sabiex hija tiġi ttrasferita fil-fond ta’ previdenza professjonali. Skont l-Artikolu 14(1) tal-BMSVG, meta tintemm ir-relazzjoni ta’ xogħol, l-impjegat jista’ jinvoka d-dritt tiegħu għal kumpens minħabba tmiem ta’ impjieg quddiem il-fond ta’ previdenza professjonali li miegħu huwa jkun affiljat.

    6

    Skont l-Artikolu 18(1) u (2) tal-BMSVG, fond ta’ previdenza professjonali għandu jkun awtorizzat li jamministra u li jinvesti l-kontribuzzjonijiet mogħtija lilu, u, għalhekk, skont l-Artikolu 28(1) tal-istess liġi, huwa għandu joħloq impriża ta’ investiment kollettiv.

    7

    L-Artikolu 30 tal-BMSVG, intitolat “Dispożizzjonijiet applikabbli għall-investimenti”, jistabbilixxi:

    “1)   Il-fond ta’ previdenza professjonali għandu jamministra l-attivitajiet tiegħu fl-interess tal-benefiċjarji ta’ drittijiet potenzjali u għalhekk għandu jiddedika attenzjoni partikolari lis-sigurtà, lid-dħul u lill-ħtiġijiet f’likwidità kif ukoll li l-elementi tal-attiv jitqassmu u jiġi ddiversifikati b’mod xieraq.

    2)   L-attivi allokati lil impriża ta’ investiment kollettiv jistgħu jiġu investiti biss fl-attivi u l-istrumenti segwenti :

    1.

    depożiti bankarji u likwidità;

    2.

    self u krediti [...]

    3.

    titoli ta’ kreditu [...]

    4.

    titoli oħra ta’ kreditu kif ukoll titoli ta’ ishma;

    5.

    unitajiet ta’ fondi komuni ta’ investiment skont il-Kapitolu I u Ia tal-Liġi dwar il-Fondi ta’ investiment tal-1993 (Investmentfondsgesetz 1993, iktar ’il quddiem, l-“InvFG”) kif ukoll unitajiet ta’ fondi komuni ta’ investiment li l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom hija awtorizzata skont

    a)

    il-Kapitolu II tal-InvFG jew

    b)

    il-Kapitolu III tal-InvFG;

    6.

    fondi immobbiljari [...]

    3)   L-investimenti msemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jitwettqu biss abbażi tal-kundizzjonijiet u r-restrizzjonijiet segwenti:

    [...]

    4.

    L-investimenti msemmija fil-punt 5 tal-paragrafu 2

    a)

    għandhom jitwettqu minn kumpannija ta’ investiment li s-sede tagħha tinsab fi Stat Membru taż-[Żona Ekonomika Ewropea] (ŻEE) jew tal-[Organizzazzjoni ta’ kooperazzjoni u ta’ żvilupp ekonomiku (OECD)] [...]”

    8

    Skont l-Artikolu 32(1) tal-BMSVG, il-fond ta’ previdenza professjonali għandu jappunta bank depożitarju biex iħares it-titoli trasferibbli ta’ proprjetà tal-impriża ta’ investiment kollettiv kif ukoll biex jamministra l-kontijiet li huwa jkollu. L-approvazzjoni tal-FMA hija meħtieġa sabiex bank depożitarju jingħata l-mandat jew sabiex dan jinbidel.

    9

    Skont l-Artikolu 43 tal-BMSVG, il-FMA għandha tordna l-ħlas ta’ interessi jekk il-fond ta’ previdenza professjonali jaqbeż il-limitu ta’ investiment previst fl-Artikolu 30 tal-istess liġi.

    10

    Il-Kapitolu II tal-InvFG, li jirreferi għall-punt 5(a) tal-Artikolu 30(2) tal-BMSVG, huwa redatt kif ġej:

    “Kapitolu II

    Dispożizzjonijiet dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ unitajiet ta’ fondi komuni ta’ investiment barranin

    Kamp ta’ applikazzjoni

    Artikolu 24

    1)   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu [...] japplikaw għall-offerti pubbliċi, fit-territorju nazzjonali, ta’ unitajiet li jirrappreżentaw attivi li huma suġġetti għal leġiżlazzjoni barranija, li huma investiti skont il-prinċipju ta’ tqassim tar-riskji (unitajiet ta’ fondi komuni ta’ investiment barranin).

    [...]

    Kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ offerta pubblika

    Artikolu 25

    L-offerta pubblika ta’ unitajiet ta’ fondi komuni ta’ investiment tkun legali jekk

    1.

    il-kumpannija ta’ investiment barranija tindika lill-FMA stabbiliment ta’ kreditu li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 23(1) u li hija taħtar bħala rappreżentant,

    2.

    l-attivi tal-fond ikunu mħarsa minn bank depożitarju jew minn stabbiliment awtorizzat li jeżerċita l-attività ta’ ħarsien tat-titoli [...]

    3.

    stabbiliment ta’ kreditu wieħed jew iktar li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) jiġu nnominati bħala aġenziji ta’ ħlas, li permezz tagħhom il-proprjetarji tal-unitajiet jistgħu jwettqu jew jirċievu ħlasijiet ; [...]

    [...]

    Ir-rappreżentant

    Artikolu 29

    1)   Ir-rappreżentant jirrappreżenta lill-kumpannija ta’ investiment barranija fil-qasam ġudizzjarju u extraġudizzjarju. Huwa preżunt li huwa jkollu s-setgħa li jirċievi l-atti ddestinati lill-kumpannija ta’ investiment, lill-kumpannija ta’ amministrazzjoni, lill-kumpannija ta’ kummerċjalizzazzjoni u lill-awtur tal-offerta pubblika. Dawn is-setgħat ma jistgħux jiġu ristretti.

    2)   Il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha r-rappreżentant ikun iddomiċiljat għandha l-ġurisdizzjoni li tisma’ l-azzjonijiet imressqa kontra kumpannija ta’ investiment barranija, kumpannija ta’ amministrazzjoni jew kumpannija ta’ kummerċjalizzazzjoni marbuta mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ unitajiet ta’ fondi komuni ta’ investiment barranin fit-territorju nazzjonali, kif ukoll l-azzjonijiet kontra korp pubbliku. L-ebda ftehim ma jista’ jidderoga minn din ir-regola dwar il-ġurisdizzjoni.

    [...]

    Obbligu ta’ notifika

    Artikolu 30

    1)   Il-kumpannija ta’ investiment barranija għandha tinnotifika lill-FMA bl-intenzjoni tagħha li tikkummerċjalizza fit-territorju nazzjonali unitajiet ta’ fondi komuni ta’ investiment barranin.

    2)   In-notifika għandha tinkludi d-dokumenti segwenti:

    [Isegwu preċiżazzjonijiet dettaljati ħafna dwar id-dokumenti u l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża f’din in-notifika. Għandu wkoll jiġi ppreċiżat li l-ipproċessar tan-notifika huwa suġġett għall-ħlas ta’ taxxa ta’ EUR 3 700 lill-FMA, li għandha tingħata wkoll il-ħlas ta’ taxxa annwali ta’ EUR 1 700. In-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa fit-termini stabbiliti jikkostitwixxi raġuni biex il-kummerċjalizzazzjoni tiġi pprojbita.]

    Terminu ta’ stennija — Projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni

    Artikolu 31

    1)   Il-kummerċjalizzazzjoni ta’ unitajiet ta’ fondi komuni ta’ investiment barranin tista’ tinbeda biss wara li jkunu għaddew erba’ xhur minn meta tkun wasslet in-notifika kompluta mingħajr mal-FMA tkun ipprojbiet it-tnedija tal-kummerċjalizzazzjoni. It-tnedija tal-kummerċjalizzazzjoni għandha tiġi pprojbita jekk il-kumpannija ta’ investiment barranija ma tissodisfax il-kundizzjoni tal-Artikolu 25 jew ma tibdiex il-proċedura għan-notifika msemmija fl-Artikolu 30.

    [...]

    Miżuri pubbliċitarji

    Artikolu 32

    1)   Kull riklam li jsemmi s-setgħat mogħtija minn din il-liġi lill-FMA huwa pprojbit.

    [...]”

    11

    Il-Kapitolu III tal-InvFG jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi komuni ta’ investiment suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru taż-ŻEE. F’dan il-kapitolu, l-Artikolu 33 ta’ din il-liġi, intitolat “Kundizzjonijiet”, jistabbilixxi:

    “Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu [...] japplikaw għall-offerti pubbliċi, fis-sens tal-Artikolu 24(1), ta’ unitajiet li jirrappreżentaw attivi li jikkostitwixxu titoli trasferibbli, strumenti tas-suq monetarju u attivi finanzjarji likwidi oħra msemmija fl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 85/611 [...], li huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor taż-ŻEE u investiti skont il-prinċipju ta’ tqassim tar-riskji (unitajiet ta’ fondi komuni ta’ investiment fiż-ŻEE) meta l-unitajiet jinħarġu minn kumpannija ta’ investiment u meta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 85/611 [...] jkunu ssodisfatti.”

    12

    L-artikoli segwenti ta’ dan il-kapitolu jinkludu dispożizzjonijiet simili għal dawk inklużi fil-Kapitolu II tal-InvFG, iċċitati iktar ’il fuq, bid-differenza, b’mod partikolari, li l-ammonti tat-taxxi mitluba għall-ipproċessar tan-notifika kif ukoll it-taxxi annwali huma inqas għolja u li t-terminu ta’ stennija ma huwiex ta’ erba’ xhur iżda ta’ xahrejn.

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    13

    VBV huwa fond ta’ previdenza professjonali awtorizzat fis-sens tal-Artikolu 18 tal-BMSVG, li għandu s-sede tiegħu fi Vjenna (l-Awstrija). Huwa awtorizzat jamministra u jinvesti l-kontribuzzjonijiet mogħtija lilu.

    14

    Bejn ix-xhur ta’ Novembru u ta’ Diċembru 2009, VBV kien is-suġġett ta’ verifika fil-post tiegħu, li kienet tirrigwarda b’mod partikolari l-osservanza tad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tal-investiment previsti fl-Artikolu 30 tal-BMSVG. Matul din il-verifika, ġie kkonstatat li, fit-22 ta’ Awwissu 2008, VBV kien xtara, milli jidher lil hinn mit-territorju Awstrijak, għall-ammont ta’ EUR 5 000 200, unitajiet ta’ fond komuni ta’ investiment li s-sede tiegħu tinsab fil-Lussemburgu, liema fond huwa kkostitwit taħt l-għamla ġuridika ta’ kumpannija ta’ investiment b’kapital varjabbli (SICAV). Meta sar dan ix-xiri, dan il-fond ma kienx ġie suġġett għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni tal-unitajiet tiegħu fl-Awstrija. B’deċiżjoni tal-FMA tat-28 ta’ Ġunju 2010, VBV ġie kkundannat, abbażi tal-Artikolu 43 tal-BMSVG, iħallas l-ammont ta’ EUR 349 329.04 għaliex kien qabeż il-limitu previst fil-punt 5(a) tal-Artikolu 30(2) tal-BMSVG.

    15

    VBV ressaq azzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof u sostna li din id-dispożizzjoni tal-BMSVG tmur kontra l-moviment liberu tal-kapital, peress li l-fatt li l-legalità tax-xiri ta’ unitajiet ta’ fond komuni ta’ investiment stabbilit fi Stat Membru ieħor hija suġġetta għall-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni fit-territorju nazzjonali jirrestrinġi b’mod sinjifikattiv il-possibbiltajiet ta’ investiment ta’ fond ta’ previdenza professjonali. Din ir-restrizzjoni hija sproporzjonata u ma hijiex meħtieġa għat-twettiq tal-għanijiet segwiti minn din il-leġiżlazzjoni. Fil-fatt, huwa ampjament biżżejjed li l-leġiżlatur nazzjonali jissuġġetta x-xiri ta’ unitajiet ta’ tali fond għall-osservanza, minn dawn tal-aħħar, ta’ ċerti limiti ta’ investiment jew ta’ kompożizzjoni tal-attivi u ta’ strateġiji ta’ investiment, u mhux għall-kriterju formali ta’ awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni fl-Awstrija. Fi kwalunkwe każ, ma huwiex konvenjenti għal fond komuni ta’ investiment stabbilit fi Stat Membru ieħor li jissuġġetta lilu nnifsu għal tali proċedura ta’ awtorizzazzjoni twila u għalja għal suq relattivament żgħir, bħalma huwa s-suq Awstrijak.

    16

    Skont il-FMA, l-għan segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni huwa l-ħarsien tal-investituri u tal-konsumaturi. Li dan l-għan jiġi segwit huwa ta’ interess ġenerali, interess li għandu jitqiegħed fuq l-istess livell tal-ordni pubbliku. Peress li parti mill-popolazzjoni Awstrijaka għandha, abbażi tar-regoli applikati fil-qasam tad-dritt industrijali, tagħti kontribuzzjonijiet lill-fondi ta’ previdenza professjonali u tinvesti l-assi tagħha permezz tagħhom, proċedura ta’ notifika u ta’ awtorizzazzjoni għall-fondi komuni ta’ investiment barranin hija assolutament meħtieġa sabiex tali interessi nazzjonali ma jitqegħdux f’periklu. Fi kwalunkwe każ, tali proċedura hija standardizzata u tikkonsisti f’eżami formali li b’mod partikolari jeħtieġ il-ħatra ta’ rappreżentant nazzjonali, ta’ aġenzija nazzjonali ta’ ħlas u l-indikazzjoni ta’ bank depożitarju. Dan jippermetti li tiġi eskluża kull inċertezza legali għall-persuni kkonċernati.

    17

    Il-Verwaltungsgerichtshof hija prima facie tal-idea li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tinkludi miżuri li jippreġudikaw id-dritt ta’ moviment liberu tal-kapital. Madankollu, hija tistaqsi jekk tali miżuri jistgħux jiġu ġġustifikati minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 65(1) TFUE. Fil-fatt, għandu jitqies l-interess ġenerali għaż-żamma tal-ordni pubbliku f’dak li jirrigwarda s-sigurtà tal-investiment ta’ parti mid-dħul professjonali tal-popolazzjoni. Fil-każ li tali interess ġenerali effettivament jitqies li huwa raġuni għal ġustifikazzjoni, b’mod partikolari, fid-dawl ta’ skema ta’ previdenza rregolata fil-qasam tal-ġejjieni u tat-tmiem ta’ impjieg, allura hemm bżonn li jiġi evalwat jekk tali miżuri jistgħux jitqiesu li huma proporzjonati għall-għanijiet segwiti.

    18

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti :

    “Dispożizzjoni li tawtorizza lil fond ta’ kumpens fil-każ li jintemm kuntratt ta’ xogħol jinvesti assi mogħtija lil fond ta’ investiment kollettiv biss f’ishma f’fondi ta’ investiment awtorizzati għall-bejgħ fl-Awstrija hija kompatibbli mal-moviment liberu tal-kapital kif stabbilit fl-Artikolu 63 TFUE et seq?”

    Fuq id-domanda preliminari

    Osservazzjonijiet preliminari

    19

    Mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-impriża ta’ investiment kollettiv li kellha tinħoloq mill-fond ta’ previdenza professjonali, skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi UCITS fis-sens tad-Direttiva 85/611. Barra minn hekk, ma jidhirx li tali impriża tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mid-definizzjoni ta’ UCITS mogħtija fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari fit-tieni inċiż ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ser titlaq mill-premessa li tali impriża ma tikkostitwixxix UCITS.

    20

    Għaldaqstant, l-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja ser essenzjalment ikun ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-moviment liberu tal-kapital.

    Fuq id-domanda

    21

    L-ewwel nett, huwa paċifiku li x-xiri ta’ unitajiet ta’ fond komuni ta’ investiment jikkostitwixxi investiment dirett fil-forma ta’ holding fil-kapital ta’ impriża finanzjarja u, għalhekk, moviment tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE, kif huwa wkoll indikat fil-Punt IV tan-nomenklatura użata fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implementazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat [artikolu li tħassar bit-Trattat ta’ Amsterdam] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10) u fin-noti ta’ spjega li jinsabu fl-imsemmi anness (ara, fir-rigward tal-pussess ta’ azzjonijiet u tax-xiri ta’ titoli, is-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, C-483/99, Ġabra p. I-4781, punt 37, u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-503/99, Ġabra p. I-4809, punt 38).

    22

    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari l-punt 5(a) u (b) tal-Artikolu 30(2) tal-BMSVG, permezz tar-riferiment għall-Kapitoli II u III tal-InvFG, tissuġġetta l-investiment tal-attivi tal-fond ta’ previdenza professjonali f’unitajiet ta’ fondi komuni ta’ investiment li jinsabu kemm f’pajjiż terz kif ukoll fi Stat Membru għall-kundizzjoni li dawn il-fondi jkunu kisbu l-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni tal-unitajiet tagħhom fit-territorju nazzjonali u li, skont l-Artikolu 43 tal-BMSVG, in-nuqqas ta’ osservazzjoni ta’ din il-kundizzjoni jesponi lil dawn il-fondi għall-ħlas ta’ interessi.

    23

    F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi sostnut li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali timponi fuq tali fondi l-obbligu li jiġu suġġetti, fil-fatt, mhux għal proċedura ta’ awtorizzazzjoni iżda għal proċedura sempliċi ta’ notifika.

    24

    Fuq dan il-punt, għandu jiġi enfasizzat li l-qorti tar-rinviju tikklassifika hija stess din il-proċedura bħala “awtorizzazzjoni”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea ġustament tosserva li l-għan tan-notifika huwa li jippermetti lill-FMA li teżamina jekk il-kundizzjonijiet sostantivi, previsti minn din il-leġiżlazzjoni, humiex issodisfatti fil-każ inkwistjoni, b’mod li l-imsemmija proċedura għandha, neċessarjament, tiġi legalment ikklassifikata bħala “approvazzjoni” jew “awtorizzazzjoni”. Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li din il-proċedura formalment tikkorrispondi għal notifika, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti, b’mod partikolari l-ispejjeż amministrattivi u finanzjarji, il-ħatra ta’ rappreżentant nazzjonali kif ukoll il-ħatra ta’ aġenzija nazzjonali ta’ ħlas li għandha tkun stabbiliment ta’ kreditu tal-Istat Membru kkonċernat, imorru bil-bosta lil hinn mir-rekwiżiti li normalment jikkaratterizzaw proċedura ta’ notifika.

    25

    Għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’, minn naħa, tiddisswadi u, fil-fatt, timpedixxi, minħabba s-sanzjoni pekunjarja prevista, lill-fondi ta’ previdenza professjonali milli jinvestu l-assi tagħhom fil-fondi komuni ta’ investiment stabbiliti fi Stat Membru ieħor u għandha, għalhekk, tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni għall-moviment tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE, li hija bħala regola ġenerali pprojbita minn din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-478/98, Ġabra p. I-7587, punt 18, kif ukoll tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-171/08, Ġabra p. I-6813, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    26

    Min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipproduċi wkoll effett restrittiv fir-rigward tal-fondi komuni ta’ investiment stabbiliti fi Stati Membri oħra, inkwantu tobbligahom, meta jiġu biex iwettqu tranżazzjonijiet ta’ bejgħ tal-unitajiet tagħhom, li jkunu suġġetti għal proċedura ta’ awtorizzazzjoni fit-territorju nazzjonali prevista minn din il-leġiżlazzjoni.

    27

    Tali leġiżlazzjoni timponi fuq il-fondi komuni ta’ investiment stabbiliti fi Stati Membri oħra proċedura ta’ awtorizzazzjoni fl-Awstrija, meta dawn il-fondi, regolarment stabbiliti u awtorizzati fl-Istat Membru li fih huma għandhom s-sede tagħhom, leġittimament jixtiequ jattiraw il-kapital li jkun ġej minn Stati Membri oħra. Għalhekk, dan ir-rekwiżit jikkostitwixxi ostakolu għall-moviment transkonfinali tal-kapital.

    28

    Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni għal dan l-ostakolu, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-moviment liberu tal-kapital jista’ jiġi limitat minn leġiżlazzjoni nazzjonali biss jekk din tkun iġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 65 TFUE jew minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C-271/09, Ġabra p. I-13613, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tistax tiġi ġġustifikata minn raġunijiet marbuta mal-ordni pubbliku jew mas-sigurtà pubblika, previsti fl-Artikolu 65(1)(b) TFUE. Skont ġurisprudenza stabbilita, tali raġunijiet jistgħu jiġu invokati biss fil-każ ta’ theddida reali u suffiċjentement gravi, li taffettwa l-interess fundamentali tas-soċjetà, u ma jistgħux, barra minn hekk, jintużaw għal għanijiet purament ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau, 30/77, Ġabra p. 1999, punt 35, kif ukoll tal-14 ta’ Marzu 2000, Église de scientologie, C-54/99, Ġabra p. I-1335, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument li jipprovdi li r-restrizzjonijiet inkwistjoni huma ġġustifikati abbażi tal-Artikolu 65(1)(b) TFUE, li jistabbilixxi li “[i]d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 63 m’għandhom jippreġudikaw id-dritt ta’ l-Istat Membru […] li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jevitaw il-ksur tal-liġi u tar-regolamenti […] fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali ta’ l-istituzzjonijiet finanzjarji”, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, għalkemm id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jistgħu jistabbilixxu l-kontenut materjali tar-regoli prudenzjali applikabbli għall-impriżi ta’ investiment kollettiv maħluqa mill-fondi ta’ previdenza professjonali, huma ma għandhomx, min-naħa l-oħra, l-għan li jiksru l-liġijiet u r-regolamenti fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji. L-imsemmija dispożizzjonijiet ma jistgħux, għaldaqstant, jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista fl-imsemmi artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

    31

    Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-ġustifikazzjoni allegata dwar ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, għandu jiġi rrikonoxxut li l-interess li tiġi ggarantita l-istabbilità u s-sigurtà tal-attivi amministrati minn impriża ta’ investiment kollettiv maħluqa mill-fond ta’ previdenza professjonali, b’mod partikolari bl-adozzjoni ta’ regoli prudenzjali, jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-fondi ta’ pensjoni, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

    32

    Madankollu, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq fond komuni ta’ investiment li jkollu s-sede tiegħu fi Stat Membru ieħor l-obbligu li jiġi ssuġġettat għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni tal-unitajiet tiegħu fit-territorju nazzjonali, tmur ferm lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan imfittex ta’ verifika. Fil-fatt, minn naħa, kif jirriżulta mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex ikun ġie awtorizzat jeżerċita l-attivitajiet tiegħu, fond ta’ previdenza professjonali jkun diġà ġie suġġett għal verifika u huwa l-ħin kollu s-suġġett ta’ sorveljanza partikolari fir-rigward tal-amministrazzjoni finanzjarja tiegħu.

    33

    Min-naħa l-oħra, awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza, bħalma hija l-FMA, tista’ legalment timponi fuq fond ta’ previdenza professjonali l-obbligu li huwa jipprovdi, saħansitra f’intervalli regolari, kull informazzjoni meħtieġa dwar il-kompożizzjoni tal-kapital u l-valur tal-attivi ta’ fond komuni ta’ investiment stabbilit fi Stat Membru ieħor li fih dan l-imsemmi fond ikollu l-intenzjoni li jqiegħed jew diġà qiegħed parti mill-assi tiegħu; barra minn hekk, din l-informazzjoni hija obbligatorjament disponibbli fl-Istat Membru li fih dan il-fond ikollu s-sede tiegħu.

    34

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludi miżuri sproporzjonati meta mqabbla mal-għan ta’ verifika mfittex.

    35

    L-istess kunsiderazzjonijiet li jwasslu għall-konstatazzjoni tan-natura sproporzjonata ta’ tali leġiżlazzjoni japplikaw, fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument dwar il-ħarsien tal-benefiċjarji tal-ħlasijiet ta’ fond ta’ previdenza professjonali fir-rwol tagħhom ta’ konsumaturi bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    36

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-iskema stabbilita mill-BMSVG ma taqax taħt is-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-Awstrija. Fil-fatt, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din l-iskema topera fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ kapitalizzazzjoni, li abbażi tiegħu l-għoti, mill-persuna li timpjega, ta’ perċentwali mir-remunerazzjoni gross tal-ħaddiem ikkonċernat lill-fond ta’ previdenza professjonali, iservi biex jiġi ffinanzjat il-kumpens mogħti lil dan tal-aħħar fil-każ li tintemm ir-relazzjoni tiegħu ta’ impjieg. Fil-kuntest ta’ din l-iskema, il-korp ta’ assigurazzjoni għall-mard jintervjeni biss bħala intermedjarju. Konsegwentement, din l-iskema, minkejja l-għan soċjali tagħha, ma tistax titqies, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, li tifforma parti mis-sistema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

    37

    Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar l-eventwalità li l-bilanċ finanzjajru ta’ tali sistema jiġi affettwat b’mod sinjifikattiv ma tistax tqum, b’mod li l-Artikolu 153(4) tat-TFUE ma jistax jiġi invokat bħala ġustifikazzjoni għal leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    38

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 63(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil fond ta’ previdenza professjonali, jew lil impriża ta’ investiment kollettiv maħluqa minn dan il-fond biex tamministra l-assi tagħha, jinvesti dawn l-assi f’unitajiet ta’ fond komuni ta’ investiment stabbilit fi Stat Membru ieħor biss jekk dan il-fond ikun ġie awtorizzat jikkummerċjalizza l-unitajiet tiegħu fit-territorju nazzjonali.

    Fuq l-ispejjeż

    39

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 63(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil fond ta’ previdenza professjonali, jew lil impriża ta’ investiment kollettiv maħluqa minn dan il-fond biex tamministra l-assi tagħha, jinvesti dawn l-assi f’unitajiet ta’ fond komuni ta’ investiment stabbilit fi Stat Membru ieħor biss jekk dan il-fond ikun ġie awtorizzat jikkummerċjalizza l-unitajiet tiegħu fit-territorju nazzjonali.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top