Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0035

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-13 ta’ Novembru 2012.
    Test Claimants in the FII Group Litigation vs Commissioners of Inland Revenue u The Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division.
    Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE — Tqassim ta’ dividendi — Taxxa fuq il-kumpanniji — Kawża C-446/04 — Test Claimants in the FII Group Litigation — Interpretazzjoni tas-sentenza — Prevenzjoni tat-taxxa doppja ekonomika — Ekwivalenza tal-metodi ta’ eżenzjoni u ta’ imputazzjoni — Kunċetti ta’ ‘rati ta’ tassazzjoni u ta’ ‘livelli ta’ tassazzjoni differenti’ — Dividendi li ġejjin minn pajjiż terz.
    Kawża C‑35/11.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:707

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    13 ta’ Novembru 2012 ( *1 )

    “Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE — Tqassim ta’ dividendi — Taxxa fuq il-kumpanniji — Kawża C-446/04 — Test Claimants in the FII Group Litigation — Interpretazzjoni tas-sentenza — Prevenzjoni tat-taxxa doppja ekonomika — Ekwivalenza tal-metodi ta’ eżenzjoni u ta’ imputazzjoni — Kunċetti ta’ ‘rati ta’ tassazzjoni u ta’ ‘livelli ta’ tassazzjoni differenti’ — Dividendi li ġejjin minn pajjiż terz”

    Fil-Kawża C-35/11,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (ir-Renju Unit), permezz tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Jannar 2011, fil-proċedura

    Test Claimants in the FII Group Litigation

    vs

    Commissioners of Inland Revenue,

    The Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President tal-Awla, K. Lenaerts (relatur), Viċi-President, A. Tizzano, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, A. Rosas, Presidenti ta’ Awla, U. Lõhmus, E. Levits, A. Ó Caoimh, J.-C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Frar 2012,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Test Claimants in the FII Group Litigation, minn G. Aaronson, QC, u P. Farmer, barrister,

    għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Ossowski, bħala aġent, assistit minn K. Bacon, barrister

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti,

    għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn A. Collins, SC, u minn N. McNicholas, BL,

    għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u N. Rouam, bħala aġenti,

    għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u B. Koopman, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u W. Mölls, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Lulju 2012,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-applikazzjoni tas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04, Ġabra p. I-11753) u hija intiża li tikseb kjarifiki dwar punti differenti tal-imsemmija sentenza.

    Il-kuntest ġuridiku tar-Renju Unit

    3

    Skont il-leġiżlazzjoni fiskali fis-seħħ fir-Renju Unit, il-profitti magħmula, matul sena finanzjarja, minn kull kumpannija li tirrisjedi f’dan l-Istat Membru, kif ukoll minn kull kumpannija li ma tirrisjedix hemmhekk iżda teżerċita f’dak l-Istat attività kummerċjali permezz ta’ fergħa jew aġenzija intermedjarja, huma suġġetti għal taxxa fuq il-kumpanniji fl-imsemmi Stat.

    4

    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq ilu mill-1973 japplika sistema ta’ tassazzjoni magħrufa bħala “imputazzjoni parzjali”, li taħtha, sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja ekonomika meta kumpannija residenti tqassam profitti, parti mit-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa minn din il-kumpannija tiġi imputata lill-azzjonisti tagħha. Sas-6 ta’ April 1999, din is-sistema kienet ibbażata, minn naħa, fuq il-ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji mill-kumpannija li tqassam u, min-naħa l-oħra, fuq kreditu ta’ taxxa mogħti lill-azzjonisti li jibbenefikaw minn tqassim ta’ dividendi, flimkien ma’, għal dak li jikkonċerna l-kumpanniji benefiċjarji li jirrisjedu fir-Renju Unit, eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward ta’ dividendi li tirċievi kumpannija li tirrisjedi wkoll f’dan l-Istat Membru.

    Il-ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji

    5

    Skont l-Artikolu 14 tal-liġi tal-1988 dwar it-taxxi fuq id-dħul u fuq il-kumpanniji (Income and Corporation Taxes Act 1988, iktar ’il quddiem l-“ICTA”), fil-verżjoni tagħha applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, kumpannija li tirrisjedi fir-Renju Unit li tħallas dividendi lill-azzjonisti tagħha għandha tħallas bil-quddiem it-taxxa fuq il-kumpanniji (“advance corporation tax”, iktar ’il quddiem l-“ACT”), ikkalkulata fuq l-ammont jew il-valur tat-tqassim effettwat.

    6

    Kumpannija għandha d-dritt tnaqqas l-ACT imħallsa fir-rigward ta’ tqassim li jkun sar matul sena finanzjarja speċifika mill-ammont li hija għandha tħallas bħala taxxa fuq il-kumpanniji (“mainstream corporation tax”) għal dik is-sena finanzjarja, b’ċerti limiti. Jekk id-dejn fiskali ta’ kumpannija fir-rigward tat-taxxa fuq il-kumpanniji ma huwiex biżżejjed sabiex jippermetti t-tnaqqis tal-ACT kollha, l-eċċess tal-ACT jista’ jiġi ttrasferit jew għal sena finanzjarja preċedenti jew sussegwenti, jew lill-kumpanniji sussidjarji ta’ din il-kumpannija li jistgħu jnaqqsuh mill-ammont li huma stess għandhom iħallsu bħala taxxa fuq il-kumpanniji. Il-kumpanniji sussidjarji li fir-rigward tagħhom jista’ jiġi ttrasferit l-eċċess tal-ACT jistgħu jkunu biss kumpanniji sussidjarji residenti fir-Renju Unit.

    7

    Grupp ta’ kumpanniji li għandu l-uffiċċju reġistrat tiegħu f’dan l-Istat Membru jista’ jagħżel ukoll is-sistema ta’ tassazzjoni ta’ grupp, li tippermetti lill-kumpanniji li jiffurmaw parti minn dan il-grupp jipposponu l-ħlas tal-ACT sakemm il-kumpannija parent tal-imsemmi grupp tqassam id-dividendi.

    Is-sitwazzjoni tal-azzjonisti residenti li jirċievu dividendi mill-kumpanniji residenti

    8

    B’applikazzjoni tal-Artikolu 208 tal-ICTA, meta kumpannija li tirrisjedi fir-Renju Unit tirċievi dividendi minn kumpannija li tirrisjedi wkoll f’dan l-Istat Membru, hija ma hijiex suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward ta’ dawn id-dividendi.

    9

    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 231(1) tal-ICTA, kull tqassim ta’ dividendi suġġett għall-ACT minn kumpannija residenti lil kumpannija residenti oħra jagħti lok, għall-benefiċċju ta’ din tal-aħħar, għal kreditu ta’ taxxa li jikkorrispondi għall-porzjon tal-ammont tal-ACT imħallas mill-ewwel kumpannija.

    10

    Skont l-Artikolu 238(1) tal-ICTA, fir-rigward tal-kumpannija benefiċjarja, id-dividend mogħti u l-kreditu ta’ taxxa jikkostitwixxu flimkien id-“dħul ta’ investiment eżenti” (“franked investment income” jew “FII”).

    11

    Kumpannija li tirrisjedi fir-Renju Unit li tkun irċeviet minn kumpannija residenti oħra dividendi li t-tqassim tagħhom ta lok għal kreditu ta’ taxxa, tista’ tirkupra l-ammont tal-ACT imħallas minn dik il-kumpannija l-oħra u tnaqqsu mill-ammont tal-ACT li hija stess ikollha tħallas meta tqassam dividendi lill-azzjonisti tagħha, b’tali mod li hija tħallas l-ACT biss fuq l-ammont li jkun fadal.

    Is-sitwazzjoni ta’ azzjonisti residenti li jirċievu dividendi minn kumpanniji mhux residenti

    12

    Meta kumpannija li tirrisjedi fir-Renju Unit tirċievi dividendi minn kumpannija mhux residenti, hija hi suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward ta’ dawn id-dividendi.

    13

    F’dan il-każ, il-kumpannija benefiċjarja tal-imsemmija dividendi ma għandhiex dritt għal kreditu ta’ taxxa u d-dividendi li hija tkun irċeviet ma jikkwalifikawx bħala dħul ta’ investiment eżenti. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikoli 788 u 790 tal-ICTA, hija tibbenefika minn eżenzjoni fir-rigward tat-taxxa mħallsa mill-kumpannija li tqassam fl-Istat fejn hija tirrisjedi, liema eżenzjoni tingħata jew skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-Renju Unit, jew skont ftehim għall-prevenzjoni tat-taxxa doppja konkluż minnha ma’ dan l-Istat l-ieħor.

    14

    Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti li t-taxxi minn ras il-għajn imħallsa fuq dawn id-dividendi mqassma minn kumpannija li ma hijiex residenti jitnaqqsu mit-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mill-kumpannija residenti li tirċievi dividendi. Jekk din il-kumpannija residenti benefiċjarja tikkontrolla, direttament jew indirettament, jew hija kumpannija sussidjarja ta’ kumpannija li tikkontrolla, direttament jew indirettament, 10 % jew iktar tad-drittijiet tal-vot tal-kumpannija li tqassam, l-eżenzjoni tkopri t-taxxa bażika fuq il-kumpanniji barranin, imħallsa fuq il-profitti li minnhom jitħallsu d-dividendi. Din it-taxxa barranija tista’ tkun is-suġġett ta’ eżenzjoni biss sa l-ammont dovut lir-Renju Unit bħala taxxa fuq il-kumpanniji fuq id-dħul ikkonċernat.

    15

    Dispożizzjonijiet simili japplikaw skont ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja konklużi mir-Renju Unit.

    16

    Sa fejn il-kumpannija residenti tqassam hija stess dividendi lill-azzjonisti tagħha, hija tkun suġġetta għall-ACT.

    17

    Għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà li l-ACT imħallsa fir-rigward ta’ tali tqassim titnaqqas mill-ammont dovut mill-imsemmija kumpannija residenti bħala taxxa fuq il-kumpanniji, il-fatt li tali kumpannija residenti tirċievi dividendi minn kumpannija li ma hijiex residenti jista’ jwassal għal eċċess tal-ACT, b’mod partikolari minħabba li t-tqassim ta’ dividendi minn kumpannija li ma hijiex residenti ma jagħtix lok, kif ġie rrilevat fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, għal kreditu ta’ taxxa li jista’ jitnaqqas mill-ammont tal-ACT li l-kumpannija residenti għandha tħallas meta hija tqassam dividendi lill-azzjonisti tagħha.

    Is-sistema ta’ dividendi ta’ dħul barrani

    18

    Mill-1 ta’ Lulju 1994, kumpannija residenti li tirċievi dividendi minn kumpannija li ma hijiex residenti tista’ tiddeċiedi, meta tqassam dividend lill-azzjonisti tagħha, li dan jiġi kkwalifikat bħala dividend ta’ dħul barrani (“foreign income dividend”, iktar ’il quddiem “FID”), li fuqu hija dovuta l-ACT, iżda li jippermetti lil din il-kumpannija, sa fejn il-FID jilħaq il-livell tad-dividendi barranin li hija rċeviet, titlob ħlas lura tal-eċċess tal-ACT li tkun ħallset.

    19

    Filwaqt li l-ACT għandha tiġi mħallsa fi żmien erbatax-il ġurnata wara t-tlett xhur li matulhom id-dividend tħallas, l-eċċess tal-ACT jista’ jitħallas lura biss malli l-kumpannija residenti jkollha tħallas it-taxxa fuq il-kumpanniji, jiġifieri disa’ xhur wara t-tmien tas-sena finanzjarja.

    20

    Is-sistema tal-ACT, inkluża s-sistema tal-FID, tneħħiet għat-tqassim ta’ dividendi mwettaq wara s-6 ta’ April 1999.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domandi preliminari

    21

    Il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division tfittex, l-ewwel nett, li tikseb kjarifiki dwar il-punt 56 u l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq. Hija tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 48 sa 53, 57 u 60 ta’ din is-sentenza, li l-fatt li fir-rigward tad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali jiġi applikat, skont leġiżlazzjoni nazzjonali, il-metodu ta’ eżenzjoni u fir-rigward tad-dividendi ta’ oriġini barranija jiġi applikat il-metodu ta’ imputazzjoni ma jmurx kontra l-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE sakemm ir-rata ta’ taxxa fuq id-dividendi ta’ oriġini barranija ma tkunx ogħla mir-rata ta’ taxxa applikata għad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali u sakemm il-kreditu ta’ taxxa jkun mill-inqas ugwali għall-ammont imħallas fl-Istat Membru tal-kumpannija li tqassam sa l-ammont ta’ taxxa applikat fl-Istat Membru tal-kumpannija benefiċjarja.

    22

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu osservaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif jirriżulta mill-punt 54 tas-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, li “skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-Renju Unit, fil-każ ta’ tqassim ta’ dividendi ta’ oriġini nazzjonali, dawn huma eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward tal-kumpannija benefiċjarja indipendentement mit-taxxa mħallsa mill-kumpannija li tqassam, jiġifieri wkoll meta, minħabba eżenzjonijiet li hija tibbenefika minnhom, din tal-aħħar ma għandhiex tħallas taxxa jew tħallas taxxa fuq il-kumpanniji inferjuri għar-rata nominali applikabbli fir-Renju Unit. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fil-punti 55 u 56 tal-imsemmija sentenza:

    “55

    Dan mhuwiex ikkontestat mill-Gvern tar-Renju Unit, li jsostni madankollu li l-applikazzjoni fir-rigward tal-kumpannija li tqassam u tal-kumpanija benefiċjarja ta’ livelli ta’ tassazzjoni differenti teżisti biss f’ċirkustzanzi ġeneralment eċċezzjonali, li mhumiex preżenti fil-kawża prinċipali.

    56

    F’dan ir-rigward, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk ir-rata ta’ tassazzjoni hijiex identika u jekk il-livelli ta’ tassazzjoni differenti jeżistu biss f’ċerti każijiet minħabba bidla fil-bażi taxxabbli wara ċerti eżenzjonijiet eċċezzjonali.”

    23

    Wara s-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali pproduċew quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division provi ta’ esperti intiżi li juru li fil-parti l-kbira tal-każijiet il-livell ta’ tassazzjoni effettiv tal-profitti tal-kumpanniji residenti kien inqas mir-rata ta’ taxxa nominali u li din is-sitwazzjoni ma setgħetx għalhekk titqies bħala eċċezzjonali.

    24

    Il-konvenuti fil-kawża prinċipali ma kkontestawx il-provi tar-rikorrenti dwar il-livell ta’ tassazzjoni effettiv tal-kumpanniji residenti. Huma qiesu, min-naħa l-oħra, li l-verifika li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju skont il-punt 56 tas-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, ma kellha l-ebda relazzjoni mal-livelli ta’ tassazzjoni effettivi. Fid-dawl tal-fatt li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Renju Unit kien semma l-eżenzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali favur l-impriżi ż-żgħar, il-konvenuti sostnew li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju biss li teżamina jekk id-differenzi tar-rata ta’ tassazzjoni nominali applikabbli għall-kumpanniji residenti li jqassmu d-dividendi, u min-naħa l-oħra, għall-kumpanniji residenti benefiċjarji ta’ dividendi, jeżistux biss f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali.

    25

    Il-qorti tar-rinviju tqis li huwa l-kompitu tagħha li tivverifika l-livell ta’ tassazzjoni effettiva applikabbli għall-profitti mqassma mill-kumpanniji residenti, iżda madankollu tqis li huwa neċessarju li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni.

    26

    It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikseb kjarifiki dwar il-punti 2 u 4 tad-dispożittiv Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq. Hija tistaqsi jekk dawn il-punti japplikawx biss meta kumpannija residenti fir-Renju Unit tirċievi direttament dividendi mis-sussidjarja tagħha mhux residenti li tkun ħallset it-taxxa fuq il-kumpanniji fuq il-profitti li jservu ta’ bażi għad-dividendi mqassma fl-Istat ta’ residenza tagħha jew jekk dawn japplikawx ukoll meta s-sussidjarja mhux residenti ma tkun hija stess ħallset l-ebda taxxa — jew taxxa minima ħafna — u li d-dividendi jkun tqassmu abbażi ta’ profitti li jinkludi d-dividendi mogħtija minn sottosussidjarja residenti fi Stat Membru abbażi ta’ profitti li fir-rigward tagħhom it-taxxa fuq il-kumpanniji tkun tħallset f’dan l-Istat.

    27

    Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tispjega li s-sussidjarja mhux residenti spiss ma tħallas l-ebda taxxa fl-Istat ta’ residenza tagħha fuq il-profitti li abbażi tagħhom id-dividendi huma mqassma lill-kumpannija parent residenti tagħha. Dan huwa prinċipalment dovut għall-użu ġenerali, minn gruppi internazzjonali, ta’ kumpanniji holding intermedjarji li jħallsu taxxa minima ħafna jew ineżistenti fuq il-profitti tagħhom. L-Istati li fihom dawn il-kumpanniji holding huma ddomiċiljati spiss joffru eżenzjoni preventiva għat-taxxa doppja fuq it-taxxa mħallsa fuq il-profitti mqassma.

    28

    It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf jekk il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, huwiex limitat għas-sitwazzjoni fejn il-kumpannija residenti li tirċievi d-dividendi ta’ kumpannija mhux residenti tħallas hija stess l-ACT jew jekk l-imsemmi punt ta’ din is-sentenza japplikax ukoll għas-sitwazzjoni fejn l-imsemmija kumpannija residenti tkun għażlet is-sistema ta’ tassazzjoni tal-grupp. Fil-kuntest ta’ tali sistema, l-ACT hija mħallsa minn kumpannija residenti li tinsab fil-quċċata tal-istruttura tal-grupp. Il-qorti tar-rinviju tfittex ukoll li ssir taf jekk hemmx lok li jiġi kkonstatat li f’din l-aħħar sitwazzjoni, li hija eskluża mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 10 tas-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, hemm ksur tad-dritt tal-Unjoni b’mod li, skont il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad-9 ta’ Novembru 1983, San Giorgio (199/82, Ġabra p. 3595), hemm dritt ta’ rimobrs favur il-kumpannija li tinsab fil-quċċata li tkun effettivament ħallset l-ACT.

    29

    Skont il-konvenuti fil-kawża prinċipali, madankollu, l-ACT imħallsa f’dan il-każ minn din il-kumpannija kienet debitament imposta b’mod li t-telf subit mill-imsemmija kumpannija jista’ biss ikun is-suġġett ta’ kawża għal danni, meta l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C-46/93 u C-48/93, Ġabra p. I-1029) huma ssodisfatti.

    30

    Ir-raba’ nett, il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-ewwel domanda preliminari magħmula fis-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, kienet tirrigwarda biss id-dividendi riċevuti mill-kumpanniji residenti fi Stati Membri oħra. Madankollu, meta l-kawża waslet lura quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew li, fid-dawl tal-iżvilupp tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema fis-seħħ fir-Renju Unit kienet tikser ukoll l-Artikolu 63 TFUE sa fejn kienet tapplika għad-dividendi riċevuti mis-sussidjarji residenti f’pajjiżi terzi. Skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 63 TFUE huwa applikabbli meta l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit tapplika rrispettivament mill-portata tas-sehem li għandu l-persuna kkonċernata fil-kumpannija li tqassam residenti f’pajjiż terz.

    31

    Madankollu, il-konvenuti jqisu li l-Artikolu 63 TFUE huwa inapplikabbli meta l-kumpannija residenti fi Stat Membru teżerċita influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija residenti f’pajjiż terz u tkun f’pożizzjoni li tiddeterminalha l-attivitajiet tagħha. Skont il-qorti tar-rinviju, is-sentenzi tal-24 ta’ Mejju 2007, Holböck (C-157/05, Ġabra p. I-4051), tat-18 ta’ Diċembru 2007, A (C-101/05, Ġabra p. I-11531) u tas-17 ta’ Settembru 2009, Glaxo Wellcome (C-182/08, Ġabra p. I-8591), isostnu l-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

    32

    Il-ħames nett, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikseb kjarifiki dwar il-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, li jikkonċerna l-leġiżlazzjoni dwar l-ACT, imsemmija fil-punt 6 ta’ din is-sentenza, li tippermetti lil kumpannija parent residenti fir-Renju Unit li tittrasferixxi l-eċċess ACT lis-sussidjarji tagħha residenti b’mod li l-ACT tkun tista’ tiġi intaxxata fuq l-ammont li fir-rigward tiegħu dawn is-sussidjarji huma taxxabli abbażi tat-taxxa fuq il-kumpanniji. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu sostnew li din il-leġiżlazzjoni kienet tikser l-Artikolu 49 TFUE sa fejn din il-possibbiltà kienet irriżervata għas-sussidjarji residenti fir-Renju Unit. Huma qiesu li, billi għażel li japplika dawn ir-regoli, ir-Renju Unit kellu l-obbligu li jistabbilixxi eżenzjoni simili bħalma huwa r-rimbors tal-ACT li tista’ tkun is-suġġett ta’ tpaċija mat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa mis-sussidjarji stabbiliti fir-Renju Unit.

    33

    Fil-punt 115 tas-sentenza tagħha Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet teżamina din il-kwistjoni billi rrilevat li “[…] l-kwsitjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tillimita ruħha għall-impossibbiltà għal kumpannija residenti li tittrasferixxi eċċess ta’ l-ACT lil kumpanniji sussidjarji li mhumiex residenti sabiex dawn ikunu jistgħu jikkumpensawh bit-taxxa fuq il-kumpanniji li huma għandhom iħallsu fir-Renju Unit għall-attivitajiet imwettqa f’dan l-aħħar Stat Membru”.

    34

    Ir-risposta mogħtija fil-punt 139 u fil-punt 3 tad-dispożittiv tal-imsemmija sentenza ma tirrigwardax għalhekk is-sitwazzjoni li fiha l-kumpannija mhux residenti kienet biss suġġetta għal taxxa fuq il-kumpanniji fi Stat Membru tar-residenza tagħha. Il-qorti tar-rinviju tfittex għalhekk li ssir taf jekk ir-risposta li tinsab fil-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, hijiex differenti meta s-sussidjarji mhux residenti li favur tagħhom l-ebda trasferiment ta’ eċċess ACT ma seta’ twettaq ma humiex intaxxati fl-Istat Membru tal-kumpannija parent.

    35

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, iddeċidiet illi tissospendi d-deċiżjoni u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1.

    Ir-riferimenti għal “rati ta’ tassazzjoni” u “livelli ta’ tassazzjoni differenti” fil-punt 56 tas-sentenza tal-Qorti tat-12 ta’ Diċembru 2006, fil-Kawża C-446/04, Test Claimants in the FII Group Litigation v Commissioners of Inland Revenue, iċċitata iktar ’il fuq:

    a)

    jirreferu biss għar-rati tat-taxxa statutorji jew nominali; jew

    b)

    jirreferu għar-rati tat-taxxa effettivi li tħallsu kif ukoll għar-rati tat-taxxa statutorji jew nominali; jew?

    c)

    dawn il-frażijiet, li sar riferiment għalihom, għandhom xi tifsira differenti u, jekk iva, liema?

    2.

    Tagħmel xi differenza għar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja lid-domandi 2 u 4 tar-rinviju preliminari fil-Kawża C-446/04 [li tat lok għas-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq,] jekk:

    a)

    it-taxxa fuq il-kumpanniji barranin ma titħallasx (jew ma titħallasx totalment) mill-kumpannija mhux residenti li tħallas id-dividend lill-kumpannija residenti, iżda dak id-dividend jitħallas mill-profitti li jinkludu dividendi mħallsa mir-residenti sussidjarju dirett jew indirett fi Stat Membru u li tħallsu minn profitti li fuqhom tħallset taxxa f’dak l-Istat; u/jew

    b)

    ma jsirx ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji (“advance corporation tax” : “ACT”) mill-kumpannija residenti li tirċievi d-dividend minn kumpannija mhux residenti, iżda jitħallas mill-kumpannija parent residenti diretta jew indiretta tagħha meta jkun sar iktar tqassim tal-profitti tal-kumpannija riċevitur li direttament jew indirettament jinkludu d-dividend?

    3.

    Fiċ-ċirkustanzi deskritti fid-domanda 2(b) iktar ’il fuq, il-kumpannija li tħallas l-ACT għandha dritt għar-rimbors tat-taxxa li nġabret indebitament (San Giorgio [iċċitata iktar ’il fuq]) jew għandha dritt biss għal talba għal kumpens għad-danni (Brasserie du Pêcheur u Factortame [iċċitata iktar ’il fuq])?

    4.

    Meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma hijiex esklużivament applikabbli għal sitwazzjonijiet li fihom il-kumpannija parent teżerċita influwenza deċiżiva fuq il-kumpannija li tħallas id-dividend, tista’ kumpannija residenti tistrieħ fuq l-Artikolu 63 TFUE fir-rigward ta’ dividendi li rċiviet minn sussidjarja li fuqha teżerċita influwenza deċiżiva u li hija residenti f’pajjiż terz?

    5.

    Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda 3 tar-rinviju preliminari fil-Kawża C-446/04 [li tat lok għas-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation iċċitata iktar ’il fuq,] hija wkoll applikabbli meta s-sussidjarji mhux residenti li lilhom ma setgħet issir l-ebda ċessjoni ma jkunux suġġetti għat-taxxa fl-Istat Membru tal-kumpannija parent?

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    36

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru milli japplika metodu ta’ eżenzjoni tad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali u l-metodu ta’ imputazzjoni tad-dividendi ta’ oriġini barranija, meta, fl-imsemmi Stat Membru, il-livell ta’ tassazzjoni effettiv tal-profitti tal-kumpanniji huwa ġeneralment inqas mir-rata ta’ taxxa nominali.

    37

    Għandu jitfakkar li, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni fiskali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intiża sabiex tipprevjeni t-taxxa doppja ekonomika tad-dħul imqassam, is-sitwazzjoni ta’ kumpannija azzjonista li tirċievi dividendi ta’ oriġini barranija hija paragunabbli ma’ dik ta’ kumpannija azzjonista li tirċievi dividendi ta’ oriġini nazzjonali sa fejn, fiż-żewġ każijiet, id-dħul li sar jista’, bħala regola ġenerali, ikun suġġett għal sensiela ta’ taxxi (ara s-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62, kif ukoll tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, C-436/08 u C-437/08, Ġabra p. I-305, punt 59).

    38

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE jimponu fuq Stat Membru li għandu sistema ta’ prevenzjoni tat-taxxa doppja ekonomika, li, fil-każ ta’ dividendi mħallsa lil kumpanniji residenti minn kumpanniji residenti oħra, huwa għandu jagħti trattament ekwivalenti lid-dividendi mħallsa lil kumpanniji residenti mingħand kumpanniji mhux residenti (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Test Claimants in the FII Group Litigation, punt 72, kif ukoll Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, punt 60).

    39

    It-tieni nett, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru huwa, bħala regola ġenerali, liberu li jevita l-intaxxar ta’ sensiela ta’ taxxi fuq dividendi rċevuti minn kumpannija residenti billi jagħżel il-metodu ta’ eżenzjoni meta d-dividendi huma mħallsa minn kumpannija residenti u l-metodu ta’ imputazzjoni meta dawn jitħallsu minn kumpannija mhux residenti. Fil-fatt, dawn iż-żewġ metodi huma ekwivalenti sakemm, madankollu, ir-rata ta’ taxxa fuq id-dividendi ta’ oriġini barranija ma tkunx ogħla mir-rata ta’ impożizzjoni applikata fuq id-dividendi ta’ oriġini nazzjonali u sakemm il-kreditu tat-taxxa jkun tal-inqas ugwali għall-ammont imħallas fl-Istat tal-kumpannija li tqassam sal-livell tal-ammont ta’ impożizzjoni applikat fl-Istat Membru tal-kumpannija benefiċjarja (ara s-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punti 48 u 57; Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86, kif ukoll tal-15 ta’ Settembru 2011, Accor, C-310/09, Ġabra p. I-8115, punt 88, kif ukoll id-Digriet tat-23 ta’ April 2008, Test Claimants in the CFC and Dividend Group Litigation, C-201/05, Ġabra p. I-2875, punt 39).

    40

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, peress li d-dritt tal-Unjoni, fl-istat preżenti tiegħu, ma jistabbilixxix kriterji ġenerali għat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-ħelsien tat-taxxa doppja fl-Unjoni (sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2006, Kerckhaert u Morres, C-513/04, Ġabra p. I-10967, punt 22, u tat-8 ta’ Diċembru 2011, Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C-157/10, Ġabra p. I-13023, punt 31, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), kull Stat Membru huwa liberu li jorganizza s-sistema tal-intaxxar tiegħu tal-profitti mqassma kemm-il darba s-sistema inkwistjoni ma tinkludix diskriminazzjoni pprojbita mit-Trattat FUE. Issa, obbligu, fir-rigward tal-Istat Membru li fih hija residenti l-kumpannija li tibbenefika mid-dividendi, li jeżenta mit-taxxa fuq il-kumpanniji d-dividendi ta’ oriġini barranija, jaffettwa l-kompetenza tal-Istat Membru kkonċernat li jintaxxa, taħt l-osservanza tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, il-profitti hekk imqassma bir-rata prevista mil-leġiżlazzjoni tiegħu.

    41

    Kif jirriżulta mill-punt 54 tas-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestaw l-ekwivalenza tal-metodi ta’ eżenzjoni u ta’ imputazzjoni billi sostnew li, skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-Renju Unit, fil-każ ta’ tqassim ta’ dividendi ta’ oriġini nazzjonali, dawn huma eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward tal-kumpannija benefiċjarja indipendentement mit-taxxa mħallsa mill-kumpannija li tqassam, jiġifieri wkoll meta, minħabba eżenzjonijiet li hija tibbenefika minnhom, din tal-aħħar ma għandhiex tħallas taxxa jew tħallas taxxa fuq il-kumpanniji inferjuri għar-rata nominali applikabbli fir-Renju Unit.

    42

    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet, fil-punt 56 tas-sentenza tagħha Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, lill-qorti tar-rinviju tivverifika jekk ir-rata ta’ taxxa hijiex identika u jekk il-livelli ta’ tassazzjoni differenti jeżistu biss f’ċerti każijiet minħabba bidla fil-bażi taxxabbli wara ċerti eżenzjonijiet eċċezzjonali.

    43

    Fil-fatt, għandu jiġi kkunsidrat li r-rata ta’ taxxa tad-dividendi ta’ oriġini barranija hija ogħla mir-rata ta’ taxxa applikata għad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 39 tas-sentenza preżenti u, għalhekk, li l-ekwivalenza tal-metodi ta’ eżenzjoni u ta’ imputazzjoni hija kompromessa, fis-sitwazzjonijiet segwenti.

    44

    L-ewwel nett, fil-każ li kumpannija residenti, li tqassam id-dividendi, tkun suġġetta għal rata ta’ taxxa nominali inferjuri għar-rata ta’ taxxa nominali li għaliha hija suġġetta kumpannija residenti li tirċievi l-imsemmija dividendi, l-eżenzjoni fiskali tad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali fir-rigward ta’ din l-aħħar kumpannija tagħti lok għal intaxxar tal-profitti mqassam li jkun inqas minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-metodu ta’ imputazzjoni tad-dividendi ta’ oriġini barranija li l-istess kumpannija residenti tirċievi, iżda din id-darba minn kumpannija mhux residenti li wkoll hija suġġetta għal intaxxar minimu tal-profitti tagħha, b’mod partikolari minħabba rata ta’ taxxa nominali li hija iktar baxxa.

    45

    Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-metodu ta’ eżenzjoni tagħti lok għal intaxxar tal-profitti ta’ oriġini nazzjonali mqassma skont ir-rata ta’ taxxa nominali inferjuri applikabbli għall-kumpannija li tqassam id-dividendi filwaqt li l-applikazzjoni tal-metodu ta’ imputazzjoni tad-dividendi ta’ orġini barranija tagħti lok għal intaxxar tal-profitti mqassam skont ir-rata ta’ taxxa nominali superjuri applikabbli għall-kumpannija li tibbenefika mid-dividendi.

    46

    It-tieni nett, l-ekwivalenza bejn l-eżenzjoni fiskali tad-dividendi mqassma minn kumpannija residenti u l-applikazzjoni ta’ metodu ta’ imputazzjoni tad-dividendi mqassma minn kumpannija mhux residenti li, bħal fil-każ previst mil-liġi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jieħu inkunsiderazzjoni tal-livell ta’ intaxxar effettiv tal-profitti fl-Istat ta’ oriġini hija wkoll miksura jekk il-profitti tal-kumpannija residenti, li tqassam id-dividendi, huma wkoll suġġetta fl-Istat Membru ta’ residenza għal livell ta’ tassazzjoni effettiv li jkun inqas mir-rata ta’ taxxa nominali li hija applikata fl-imsemmi Stat Membru.

    47

    Fil-fatt, l-eżenzjoni fiskali tad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali ma tagħti lok għall-ebda spiża fiskali fir-rigward tal-kumpannija residenti li tirċievi l-imsemmija dividendi irrispettivament mil-livell ta’ tassazzjoni effettiv li jkunu suġġett għalih il-profitti li jservu ta’ bażi biex fuqhom jitħallsu d-dividendi. Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tal-metodu ta’ imputazzjoni għad-dividendi ta’ oriġini barranija twassal għal spiża fiskali addizzjonali fir-rigward tal-kumpannija residenti li tibbenefika jekk il-livell ta’ tassazzjoni effettiv li l-profitti tal-kumpannija li tqassam id-dividendi jkunu suġġett għalih ma jilħaqx ir-rata ta’ taxxa nominali li għaliha huma suġġetti l-profitti tal-kumpannija residenti li tibbenefika mid-dividendi.

    48

    Kuntrarjament għall-metodu ta’ eżenzjoni, il-metodu ta’ imputazzjoni ma jippermettix għalhekk li jiġu ttrasferiti lill-kumpannija azzjonista l-profitti ta’ allowances mifthiema bil-quddiem fil-qasam tat-taxxa fuq il-kumpanniji għall-kumpannija li tqassam id-dividendi.

    49

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-verifika li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 56 tas-sentenza tagħha Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, stiednet lill-qorti tar-rinviju tagħmel tirrigwarda kemm ir-rata ta’ taxxa nominali applikabbli kif ukoll il-livelli effettivi ta’ tassazzjoni. Fil-fatt, “ir-rata ta’ tassazzjoni” li hemm riferiment għaliha fil-punt 56 tirrigwarda r-rata ta’ taxxa nominali u “il-livelli ta’ tassazzjoni differenti […] minħabba bidla fil-bażi taxxabbli” jirrigwardaw il-livelli ta’ tassazzjoni effettivi. Huwa b’mod partikolari minħabba l-eżenzjonijiet li jnaqqsu l-bażi taxxabbli li l-livell ta’ tassazzjoni effettiv jista’ jkun inqas mir-rata ta’ taxxa nominali.

    50

    Fir-rigward ta’ eventwali differenza bejn ir-rata ta’ taxxa nominali u l-livell ta’ tassazzjoni effettiv li għalih huwa suġġett kumpannija residenti li tqassam id-dividendi, jirriżulta b’mod ċar mill-punt 56 tas-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, li l-ekwivalenza tal-metodi ta’ eżenzjoni u ta’ imputazzjoni ma hijiex mill-ewwel miksura peress li hemm sitwazzjonijiet eċċezzjonali li fihom id-dividendi ta’ oriġini nazzjonali huma eżenti, anki jekk il-profitti li abbażi tagħhom dawn id-dividendi jkun tqassmu ma jkunux kollha ġew suġġetti għal livell ta’ tassazzjoni effettiv li jikkorrispondi għar-rata ta’ taxxa nominali. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tiddetermina n-natura eċċezzjonali jew le tad-differenza bejn il-livell ta’ tassazzjoni effettiv u r-rata ta’ taxxa nominali.

    51

    Mid-deċiżjoni tagħha jirriżulta li l-qorti tar-rinviju pproċediet bil-verifika li kienet mistiedna tagħmel fil-punt 56 tas-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq. Għalhekk, hija kkonstatat li, fil-kawża prinċipali, l-istess rata ta’ taxxa nominali tapplika kemm għall-profitti tal-kumpannija residenti li tqassam id-dividendi kif ukoll għall-profitti tal-kumpannija residenti benefiċjarja. Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-fatt imsemmi fil-punt 46 ta’ din is-sentenza huwa preżenti, u mhux b’mod eċċezzjonali. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, fir-Renju Unit, fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-livell ta’ tassazzjoni effettiv tal-profitti ta’ kumpanniji residenti huwa inqas mir-rata ta’ taxxa nominali.

    52

    Minn dan isegwi li l-applikazzjoni tal-metodu ta’ imputazzjoni għad-dividendi ta’ oriġini barranija, kif previst mil-liġi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tiggarantixxix trattament fiskali ekwivalenti għal dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-metodu ta’ eżenzjoni għad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali.

    53

    Għalhekk, fir-rigward ta’ regola fiskali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intiża sabiex tipprevjeni t-taxxa doppja ekonomika tal-profitti mqassma, is-sitwazzjoni ta’ kumpannija azzjonista li tirċievi dividendi ta’ oriġini barranija tista’ tiġi mqabbla ma’ dik ta’ kumpannija azzjonista li tirċievi dividendi ta’ oriġini nazzjonali sa fejn, fiż-żewġ każijiet, il-profitti magħmula jistgħu, bħala regola ġenerali, jiġu suġġetti għal sensiela ta’ taxxi (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Test Claimants in the FII Group Litigation, punt 62, kif ukoll Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, punt 59), fejn id-differenza fit-trattament fiskali bejn iż-żewġ kategoriji ta’ dividendi ma hijiex iġġustifikat minn differenza fis-sitwazzjoni rilevanti.

    54

    Għalhekk, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment u għall-moviment tal-kapitali li hija bħala regola ġenerali pprojbita mill-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE.

    55

    Skont ġurisprudenza stabbilita, tali restrizzjoni tista’ tiġi aċċettata biss jekk tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. F’sitwazzjoni bħal din, huwa wkoll neċessarju li din tkun adattata sabiex tiżgura li l-għan inkwistjoni jkun milħuq u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan (ara s-sentenzi tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus, C-371/10, Ġabra p. I-12273, punt 42, u tal-1 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-250/08, Ġabra p. I-12341, punt 51).

    56

    F’dan ir-rigward, il-Gvern tar-Renju Unit sostna fil-kawża li tat lok għas-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet oġġettivament iġġustifikata mill-ħtieġa li tiġi żgurata l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali.

    57

    Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li l-ħtieġa li tiġi protetta l-koerenza ta’ sistema fiskali nazzjonali tista’ tiġġustifika restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat (sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1992, Bachmann, C-204/90, Ġabra p. I-249, punt 21; tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen, C-319/02, Ġabra p. I-7477, punt 42; tat-23 ta’ Ottubru 2008, Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt, C-157/07, Ġabra p. I-8061, punt 43, u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70).

    58

    Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, hemm bżonn li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u l-kumpens ta’ dak il-vantaġġ permezz ta’ impożizzjoni fiskali partikolari (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata) fejn din in-natura diretta ta’ din ir-rabta għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2008, Papillon, C-418/07, Ġabra p. I-8947, punt 44, u tat-18 ta’ Ġunju 2009, Aberdeen Property Fininvest Alpha, C-303/07, Ġabra p. I-5145, punt 72).

    59

    Fid-dawl tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm rabta diretta bejn, minn naħa, il-vantaġġ fiskali mogħti, jiġifieri l-kreditu ta’ taxxa fil-każ ta’ dividendi ta’ oriġini barranija kif ukoll l-eżenzjoni fiskali għad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali, u, min-naħa l-oħra, it-taxxa li l-profitti mqassma diġà kienu suġġetti għaliha.

    60

    Fir-rigward tan-natura proporzjonali tar-restrizzjoni, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-applikazzjoni tal-metodu ta’ imputazzjoni tad-dividendi ta’ oriġini barranija u l-metodu ta’ eżenzjoni tad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali tista’ tiġi ġġustifikata sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja ekonomika tal-profitti mqassma, madankollu, ma huwiex meħtieġ, sabiex tinżamm il-koerenza tas-sistema fiskali inkwistjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-livell ta’ tassazzjoni effettiv applikat fuq il-profitti mqassma għall-kalkolu tal-vantaġġ fiskali fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-metodu ta’ imputazzjoni u, min-naħa l-oħra, biss tar-rata ta’ taxxa nominali applikata għall-profitti mqassma fil-kuntest tal-metodu ta’ eżenzjoni.

    61

    Fil-fatt, l-eżenzjoni fiskali li tibbenefika minnha kumpannija residenti li tirċievi dividendi ta’ oriġini nazzjonali tingħata irrispettivament mil-livell ta’ tassazzjoni effettiv applikat fuq il-profitti li jservu ta’ bażi li fuqhom tqassmu d-dividendi. L-imsemmija eżenzjoni, sa fejn hija hi intiża li tevita t-taxxa doppja ekonomika tal-profitti mqassma, hija għalhekk ibbażata fuq l-ipoteżi ta’ intaxxar tal-imsemmija profitti fir-rigward tal-kumpannija li tqassam id-dividendi skont ir-rata ta’ taxxa nominali. Għalhekk, din tixbah lill-għoti ta’ kreditu ta’ taxxa kkalkolat b’riferiment għall-imsemmija rata ta’ taxxa nominali.

    62

    Sabiex tiżgura l-koerenza tas-sistema fiskali inkwistjoni, leġiżlazzjoni nazzjonali, li tieħu b’mod partikolari inkunsiderazzjoni, ukoll fil-kuntest tal-metodu ta’ imputazzjoni, rata ta’ taxxa nominali li tkun ġiet applikata fir-rigward tal-profitti li servew ta’ bażi għad-dividendi mqassma hija idònea biex tipprevjeni t-taxxa doppja ekonomika tal-profitti mqassma u biex tiggarantixxi l-koerenza interna tas-sistema fiskali u fl-istess ħin hija ta’ inqas theddida għal-libertà ta’ stabbiliment u għall-moviment liberu tal-kapital.

    63

    F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 99 tas-sentenza tagħha Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li fakkret li, bħala regola ġenerali, l-Istati Membri jistgħu jipprevjenu l-intaxxar ta’ sensiela ta’ dividendi riċevuti minn kumpannija residenti billi jiġi applikat il-metodu ta’ eżenzjoni għad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali u l-metodu ta’ imputazzjoni għad-dividendi ta’ oriġini barranija, ikkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont ta’ kreditu ta’ taxxa fil-kuntest tal-metodu ta’ imputazzjoni, ir-rata ta’ taxxa nominali applikata fl-Istat fejn il-kumpannija li tqassam id-dividendi hija stabbilita.

    64

    Huwa minnu li l-kalkolu, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-metodu ta’ imputazzjoni, ta’ kreditu ta’ taxxa fuq il-bażi ta’ rata ta’ taxxa nominali applikata għall-profitti li abbażi tagħhom tqassmu d-dividendi għadu jista’ jwassal għal trattament fiskali inqas favorevoli tad-dividendi ta’ oriġini barranija, fatt li jirriżulta b’mod partikolari mill-eżistenza fl-Istati Membri ta’ regoli differenti dwar id-determinazzjoni tal-bażi taxxabbli għat-tazza fuq il-kumpanniji. Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li tali trattament sfavorevoli, meta jseħħ, jirriżulta mill-użu parallel mill-Istati Membri differenti tal-kompetenza fiskali tagħhom, fatt li huwa kompatibbli mat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Kerckhaert u Morres, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20, kif ukoll tal-15 ta’ April 2010, CIBA, C-96/08, Ġabra p. I-2911, punt 25).

    65

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tapplika l-metodu ta’ eżenzjoni għad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali u l-metodu ta’ imputazzjoni għad-dividendi ta’ oriġini barranija, jekk jiġi stabbilit, minn naħa, li l-kreditu ta’ taxxa li jibbenefikaw minnu l-kumpannija benefiċjarja tad-dividendi fil-kuntest tal-metodu ta’ imputazzjoni huwa daqs l-ammont ta’ taxxa effettivament imħallas fuq il-profitti li jservu ta’ bażi għad-dividendi mqassma u, min-naħa l-oħra, li l-livell ta’ tassazzjoni effettiv tal-profitti tal-kumpanniji fl-Istat Membru kkonċernat huwa ġeneralment inqas mir-rata ta’ taxxa nominali prevista.

    Fuq it-tieni domanda

    66

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni u għar-raba’ domanda fis-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, japplikawx ukoll, min-naħa, meta t-taxxa fuq il-kumpanniji barranin applikata għall-profitti li servew ta’ bażi għad-dividendi mqassma ma tħallsitx jew ma tħallsitx kompletament mill-kumpannija mhux residenti li tagħti l-imsemmija dividendi lill-kumpannija residenti, iżda tħallset minn sussidjarja diretta jew indiretta ta’ tal-ewwel kumpannija residenti fi Stat Membru, u min-naħa l-oħra, meta l-ACT ma tħallsitx mill-kumpannija residenti li tirċievi d-dividendi ta’ kumpannija mhux residenti, iżda tħallset mill-kumpannija parent residenti tagħha fil-kuntest ta’ sistema ta’ tassazzjoni ta’ grupp.

    67

    Fis-sentenza tagħha Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet it-tieni u r-raba’ domanda billi sostniet li l-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE jipprekludu :

    leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti lil kumpannija residenti, li tirċievi dividendi minn kumpannija residenti oħra, tnaqqas mill-ammont li l-ewwel kumpannija għandha tħallas bil-quddiem bħala taxxa fuq il-kumpanniji, l-ammont tal-imsemmija taxxa mħallsa bil-quddiem mit-tieni kumpannija, filwaqt li, f’każ ta’ kumpannija residenti li tirċievi dividendi minn kumpannija li ma hijiex residenti, tali tnaqqis ma huwiex permess għal dak li jikkonċerna t-taxxa korrispondenti fuq il-profitti mqassma mħallsa minn din l-aħħar kumpannija fl-Istat fejn tirrisjedi.

    leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, filwaqt li teżenta mill-ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji l-kumpanniji residenti li jqassmu lill-azzjonisti tagħhom dividendi li joriġinaw minn dividendi ta’ oriġini nazzjonali li jkunu rċevew, tagħti lill-kumpanniji residenti li jqassmu lill-azzjonisti tagħhom dividendi li joriġinaw minn dividendi ta’ oriġini barranija li jkunu rċevew il-possibbiltà li jagħżlu sistema li tippermettilhom jirkupraw it-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa bil-quddiem, iżda, minn naħa, tobbliga lil dawn il-kumpanniji jħallsu l-imsemmija taxxa bil-quddiem u jitolbu l-ħlas lura sussegwentement u, min-naħa l-oħra, ma tipprovdix kreditu ta’ taxxa għall-azzjonisti tagħhom, filwaqt li kienu jirċievu tali kreditu li kieku twettaq tqassim minn kumpannija residenti abbażi ta’ dividendi ta’ oriġini nazzjonali.

    68

    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta d-dividendi kienu jitqassmu barra mis-sistema ta’ tassazzjoni ta’ grupp, il-kumpannija residenti li tqassam id-dividendi kellha tħallas l-ACT, li tikkostitwixxi forma ta’ ħlas antiċipat tat-taxxa fuq il-kumpanniji. Sussegwentement, id-dividendi mqassma jitilgħu fil-ġerarkija tal-grupp bħala dħul ta’ investiment eżentat, fis-sens li kreditu ta’ taxxa, tal-ammont tal-ACT imħallsa, kien marbut mad-dividendi. Il-kreditu ta’ taxxa kien jikkumpensa l-obbligu tal-kumpanniji li jinsabu fil-quċċata tal-ġerarikja tal-grupp li kellhom iħallsu l-ACT meta jseħħ it-tqassim ulterjuri tad-dividendi lill-kumpannija parent immedjata tagħhom jew lill-azzjonisti esterni. Għalhekk, meta dividend kien jitħallas barra mis-sistema ta’ tassazzjoni ta’ grupp, l-ACT dovuta kienet tal-inqas livell possibbli għall-kumpanniji residenti fir-Renju Unit.

    69

    Il-Gvern tar-Renju Unit iqis li ma hemmx ksur tal-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE meta t-taxxa fuq il-kumpanniji li għaliha huma suġġetta l-profitti li jservi ta’ bażi għad-dividendi ta’ oriġini barranin ma tkunx tista’ titnaqqas mill-ACT dovuta mill-kumpannija parent residenti fir-Renju Unit meta s-sussidjarja residenti fi Stat Membru ieħor li tkun tat id-dividendi lill-kumpannija parent residenti fir-Renju Unit ma tkunx ħallset hija stess — jew ma tkunx ħallsitha kompletament — it-taxxa fuq il-kumpanniji applikata fuq il-profitti mqassma, iżda din it-taxxa tkun ġiet imħallsa minn sussidjarja diretta jew indiretta ta’ tal-ewwel sussidjarja residenti wkoll fi Stat Membru. Skont dan il-Gvern, jekk il-kumpannija mhux residenti li tqassam id-dividendi lill-kumpannija parent tagħha residenti fir-Renju Unit ma tkunx ħallset hija stess it-taxxa fuq il-kumpanniji abbażi tal-profitti mqassma, ma hemmx intaxxar ta’ sensiela ta’ dividendi transkonfinali li jiġġustifika eżenzjoni fiskali.

    70

    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

    71

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kumpannija residenti li tirċievi dividendi ta’ oriġini barranija tinsab, fir-rigward tal-għan tal-prevenzjoni tat-taxxa doppja ekonomika msemmija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ kumpannija residenti li tirċievi dividendi ta’ oriġini nazzjonali. Fid-dawl ta’ dan l-għan, mir-risposti mogħtija fit-tieni u fir-raba’ domanda tas-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, f’dak li jirrigwarda biss id-dividendi ta’ oriġini barranija, ma tiħux inkunsiderazzjoni t-taxxa fuq il-kumpanniji diġà mħallsa fuq il-profitti mqassma.

    72

    Kif jirriżulta mill-punt 62 ta’ din is-sentenza, l-obbligu impost fuq kumpannija residenti minn leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tħallas l-ACT meta tqassam il-profitti li jkunu ġejjin minn dividendi ta’ oriġini barranija hija, fil-fatt, iġġustifikata biss sa fejn l-imsemmija taxxa antiċipata tikkorrispondi għall-ammont intiż biex jikkumpensa r-rata ta’ taxxa nominali inferjuri li għaliha huma suġġetti l-profitti li jservu ta’ bażi għad-dividendi ta’ oriġini barranija meta mqabbla mar-rata ta’ taxxa nominali applikabbli għall-profitti tal-kumpannija residenti.

    73

    Issa, f’dan ir-rigward, ma huwiex ta’ importanza kbira l-fatt li l-kumpannija mhux residenti li tagħti dividendi lill-kumpannija parent residenti tagħha tkun hija stess suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji kemm-il darba, madankollu, il-profitti mqassma kienu suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji.

    74

    Ir-risposti għat-tieni u għar-raba’ domanda magħmula fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, ma humiex għalhekk affettwati minn konstatazzjoni li tipprovdi li t-taxxa fuq il-kumpanniji barranin li tapplika fir-rigward tal-profitti li jservu ta’ bażi għad-dividendi mqassma ma kinitx jew ma kinitx totalment imħallsa mill-kumpannija mhux residenti li tagħti l-imsemmija dividendi lill-kumpannija parent, iżda tħallset minn kumpannija residenti fi Stat Membru, sussidjarja diretta jew indiretta tal-ewwel kumpannija.

    75

    Fit-tieni lok, fir-rigward tas-sistema ta’ tassazzjoni ta’ grupp, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, meta d-dividendi kienu mogħtija minn kumpannija residenti fil-kuntest tal-imsemmija sistema, dawn tal-aħħar ma kinux suġġetti għal obbligu taħt l-ACT u ma kinux meqjusa bħala dħul ta’ investiment eżentat fir-rigward tal-kumpannija residenti li tirċivihom.

    76

    Dan kien iffisser li, filwaqt li d-dividendi kienu mibgħuta ’l fuq fil-ġerarkija tal-grupp mingħajr l-ebda obbligu ta’ ħlas tal-ACT, meta l-aħħar kumpannija parent tkun għaddiet id-dividendi lill-azzjonisti esterjuri tal-grupp, hija ma kellha l-ebda kreditu ta’ taxxa xi tħallas fuq l-obbligu tagħha li tħallas l-ACT u kellha, għalhekk, tħallas fuq dan tal-aħħar. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tas-sistema tal-ACT kienu jippermettu lill-aħħar kumpannija parent li tittrasferixxi kull eċċess ta’ ACT imposta fuqha fuq is-sussidjarji residenti tagħha u tgħaddih fuq l-ispiża fiskali globali tal-grupp (ara s-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et, C-397/98 u C-410/98, Ġabra p. I-1727, punti 21 sa 25).

    77

    Skont il-Gvern tar-Renju Unit, il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar is-sistema ta’ tassazzjoni ta’ grupp hija kompatibbli mal-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE għaliex il-kumpannija residenti li tirċievi dividendi ta’ kumpannija mhux residenti tibbenefika minn eżenzjoni tal-ACT. Fin-nuqqas ta’ kull ACT dovuta mill-imsemmija kumpannija residenti, is-sistema ma twassal għall-ebda taxxa doppja ekonomika.

    78

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema ta’ tassazzjoni ta’ grupp għandha bħala effett li tmexxi l-ħlas tal-ACT — jiġifieri t-taxxa antiċipata fuq il-kumpanniji — ’il quddiem fil-ġerarkija tal-grupp. Fil-kuntest ta’ tali sistema, huwa b’mod partikolari l-obbligu tal-kumpannija parent residenti tal-grupp li tħallas l-ACT fil-mument tat-tqassim tad-dividendi lill-azzjonisti barranin tal-grupp li jirriskjaw, fir-rigward tal-parti tal-profitti mqassma li jikkorrispondu għad-dividendi ta’ oriġini barranija, li jkollhom iħallsu taxxa doppja ekonomika.

    79

    Fil-fatt, il-ħlas tal-ACT fuq il-profitti li jikkorrispondu għad-dividendi ta’ oriġini barranin mill-aħħar kumpannija parent residenti tal-grupp għandu bħala konsegwenza, kif isostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni Ewropea, li l-profitti mqassma huma intaxxati għat-tieni darba abbażi tat-taxxa fuq il-kumpanniji. Din it-taxxa ma tistax tiġi imposta fuq l-obbligu fiskali tas-sussidjarja mhux residenti li tqassam dawn il-profitti. Min-naħa l-oħra, f’kuntest purament intern, l-eċċess ACT imħallsa mill-kumpannija parent residenti jista’ jiġi ttrasferit u impost fuq it-taxxa fuq il-kumpanniji li fir-rigward tagħha s-sussidjarji residenti tal-grupp huma taxxabbli.

    80

    Fid-dawl tal-għanijiet ta’ prevenzjoni tat-taxxa doppja ekonomika msemmija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE jipprekludu wkoll leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali sa fejn l-imsemmija leġiżlazzjoni, fil-kuntest ta’ skema ta’ tassazzjoni ta’ grupp, ma tiħux inkunsiderazzjoni, għal dak li jirrigwarda d-dividendi ta’ oriġini barranija, it-taxxa fuq il-kumpanniji li hija diġà mħallsa fuq il-profitti mqassma.

    81

    Ir-risposti għat-tieni u għar-raba’ domanda magħmula fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, huma, għalhekk, l-istess meta l-ACT ma titħallasx mill-kumpannija residenti li tirċievi d-dividendi ta’ kumpannija mhux residenti, iżda titħallas mill-kumpannija parent residenti tagħha fil-kuntest tas-sistema ta’ tassazzjoni ta’ grupp.

    82

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li r-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni u għar-raba’ domanda magħmula fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, jgħoddu wkoll meta :

    it-taxxa fuq il-kumpanniji barranin imposta fuq il-profitti li jservu ta’ bażi għad-dividendi mqassma ma tħallsitx jew ma tħallsitx kompletament mill-kumpannija mhux residenti li tagħti l-imsemmija dividendi lill-kumpannija residenti, iżda tħallset minn kumpannija residenti fi Stat Membru, sussidjarja diretta jew indiretta tal-ewwel kumpannija;

    l-ACT ma tħallsitx mill-kumpannija residenti li tirċievi d-dividendi ta’ kumpannija mhux residenti, iżda tħallset mill-kumpannija parent tagħha residenti fil-kuntest ta’ sistema ta’ tassazzjoni ta’ grupp.

    Fuq it-tielet domanda

    83

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li kumpannija parent, li fil-kuntest tas-sistema ta’ tassazzjoni ta’ grupp, kellha, bi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, tħallas l-ACT fuq il-parti tal-profitti tagħha li ġejjin mid-dividendi ta’ oriġini barrani, tista’ tippreżenta kawża għal rimbors tat-taxxa indebitament miġbura jew jekk tistax tibbenefika biss minn kawża għal danni.

    84

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt li jinkiseb ir-rimbors ta’ taxxi miġbura minn Stat Membru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta minn u jikkomplementa d-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li jipprojbixxu tali taxxi. Għaldaqstant, l-Istat Membru huwa obbligat, bħala regola ġenerali, li jirrimborsa t-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, Lady & Kid et, C-398/09, Ġabra p. I-7375, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    85

    Issa, mir-risposta għat-tieni domanda jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija intiża li tipprevjeni t-taxxa doppja ekonomika tal-profitti mqassma, hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni sa fejn din il-leġiżlazzjoni, fil-kuntest tas-sistema ta’ tassazzjoni ta’ grupp, ma tiħux inkunsiderazzjoni, f’dak li jirrigwarda d-dividendi li ġejjin minn Stati oħra, it-taxxa fuq il-kumpanniji li tkun diġà tħallset fuq il-profitti li jservu ta’ bażi għat-tqassim tal-imsemmija dividendi.

    86

    Kif jirriżulta mill-punti 62 u 72 ta’ din is-sentenza, l-obbligu impost fuq il-kumpannija residenti li tħallas l-ACT meta jitqassmu l-profitti li jiġu mid-dividendi ta’ oriġini barranija hija ġġustifikata biss sa fejn l-imsemmija taxxa antiċipata tikkorrispondi għall-ammont intiż biex jikkumpensa r-rata ta’ taxxa nominali inferjuri imposta fuq il-profitti li jservu ta’ bażi għad-dividendi ta’ oriġini barranija meta mqabbla mar-rata ta’ taxxa nominali applikabbli għall-profitti tal-kumpannija residenti.

    87

    Għalhekk, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija parent residenti fi Stat Membru li, fil-kuntest ta’ sistema ta’ tassazzjoni ta’ grupp, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kellha, bi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, tħallas l-ACT fuq il-parti tal-profitti li ġejjin mid-dividendi ta’ oriġini barranija tista’ tippreżenta kawża għal rimbors ta’ din it-taxxa indebitament miġbura sa fejn din tal-aħħar tisboq l-ammont massimu tat-taxxa fuq il-kumpanniji li l-Istat Membru inkwistjoni kellu dritt li jiġbor sabiex jikkumpensa r-rata ta’ taxxa nominali inferjuri imposta fuq il-benefiċċji li jservu ta’ bażi għad-dividendi ta’ oriġini barranin meta mqabbla mar-rata ta’ taxxa nominali applikabbli għall-profitti tal-kumpannija parent residenti.

    Fuq ir-raba ’ domanda

    88

    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li kumpannija residenti fi Stat Membru li għandha sehem fi kumpannija residenti f’pajjiż terz li jagħtiha influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ din l-aħħar kumpannija u jippermettilha li tiddetermina l-attivitajiet tagħha tistax tuża l-Artikolu 63 TFUE sabiex tqiegħed inkwistjoni l-konformità mad-dritt tal-Unjoni leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru dwar trattament fiskali tad-dividendi ta’ oriġini barranija li ma tapplikax esklussivament għal sitwazzjonijiet li fihom il-kumpannija parent teżerċita influwenza deċiżiva fuq il-kumpannija li tqassam id-dividendi.

    89

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-trattament fiskali ta’ dividendi jista’ jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment u tal-Artikolu 63 TFUE dwar il-moviment liberu tal-kapital (is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, punt 33, kif ukoll Accor, punt 30).

    90

    Fir-rigward tal-kwistjoni jekk leġiżlazzjoni nazzjonali tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ libertà ta’ moviment waħda jew oħra, minn ġurisprudenza ferm stabbilita jirriżulta li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni s-suġġett tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C-196/04, Ġabra p. I-7995, punti 31 sa 33; tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, C-374/04, Ġabra p. I-11673, punti 37 u 38; tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, C-524/04, Ġabra p. I-2107, punti 26 sa 34; Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34, kif ukoll Accor, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

    91

    Leġiżlazzjoni nazzjonali li hija intiża sabiex tapplika biss għall-ishma li jippermettu li tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u li jiġu determinati l-attivitajiet tagħha tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE, dwar il-libertà ta’ stabbiliment (ara s-sentenzi Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37; tal-21 ta’ Ottubru 2010, Idryma Typou, C-81/09, Ġabra p. I-10161, punt 47; Accor, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32, u tad-19 ta’ Lulju 2012, Scheunemann, C-31/11, punt 23).

    92

    Min-naħa l-oħra, dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw għal ishma adottati biss bl-intenzjoni li jsir investiment finanzjarju mingħajr l-intenzjoni li jkun hemm impatt fuq it-tmexxija u l-kontroll tal-impriża għandhom jiġu eżaminati b’mod esklużiv fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, punt 35; Accor, punt 32, kif ukoll Scheunemann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

    93

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tapplika mhux biss għad-dividendi riċevuti minn kumpannija residenti fuq il-bażi ta’ sehem li jagħti influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija li tqassam l-imsemmija dividendi u li jippermettilha li tiddetermina l-attivitajiet tagħha, iżda wkoll għad-dividendi riċevuti fuq il-bażi ta’ sehem li ma jagħtix tali influwenza. Sakemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali tirrigwarda dividendi li l-oriġini tagħhom jinsabu fi Stat Membru, l-għan tal-imsemmija leġiżlazzjoni ma jippermettix għalhekk li jiġi ddeterminat jekk din taqax b’mod ċar taħt l-Artikolu 49 TFUE jew taħt l-Artikolu 63 TFUE.

    94

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi fattwali tal-kawża inkwistjoni sabiex tiddetermina jekk is-sitwazzjoni msemmija fil-kawża prinċipali taqax taħt l-imsemmija dispożizzjonijiet waħda jew l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punti 37 u 38; tas-26 ta’ Ġunju 2008, Burda, C-284/06, Ġabra p. I-4571, punti 71 u 72, kif ukoll tal-21 ta’ Jannar 2010, SGI, C-311/08, Ġabra p. I-487, punti 33 sa 37).

    95

    Huwa għalhekk li, fil-punt 37 tas-sentenza tagħha Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-kawżi magħżula bħala kawżi “ta’ prova” fil-kuntest tal-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju jikkonċernaw kumpanniji li jirrisjedu fir-Renju Unit li jkunu rċevew dividendi minn kumpanniji li ma humiex residenti li huma jikkontrollaw 100 %. Peress illi dan jirrigwarda sehem li jagħti lill-pussessur influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija u jippermettilu jiddetermina l-attivitajiet tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment japplikaw fl-imsemmija kawżi “ta’ prova”.

    96

    Madankollu, f’kuntest bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali dwar it-trattament fiskali tad-dividendi li joriġinaw minn pajjiż terz, għandu jiġi kkunsidrat li l-eżami tal-għan ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali huwa biżżejjed sabiex jiġi evalwat jekk it-trattament fiskali tad-dividendi li joriġinaw minn pajjiż terz jaqgħux taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital.

    97

    Fil-fatt, peress li l-Kapitolu tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment, ma jinkludi ebda dispożizzjoni li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu għal sitwazzjonijiet dwar il-ħolqien ta’ kumpannija ta’ Stat Membru f’pajjiż terz jew il-ħolqien ta’ kumpannija f’pajjiż terz fi Stat Membru (ara s-sentenzi Holböck, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28; tat-3 ta’ Ottubru 2006, Fidium Finanz, C-452/04, Ġabra p. I-9521, punt 25, u Scheunemann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, kif ukoll id-Digriet tal-10 ta’ Mejju 2007, A u B, C-102/05, Ġabra p. I-3871 punt 29, u Test Claimants in the CFC and Dividend Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 88), leġiżlazzjoni dwar it-trattament fiskali tad-dividendi li joriġinaw minn pajjiz terz ma tistax taqa’ taħt l-Artikolu 49 TFUE.

    98

    Meta mill-għan ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali jirriżulta li din għandha biss l-għan lil tapplika għal ishma li jippermettu li tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija kkonċernata u li jippermettulha li tiddetermina l-attivitajiet tagħha, la l-Artikolu 49 TFUE u lanqas l-Artikolu 63 TFUE ma jistgħu jiġu invokati (sentenza Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punti 33, 34, 101 u 102; kif ukoll id-Digriet tal-10 ta’ Mejju 2007, Lasertec, C-492/04, Ġabra p. I-3775, punti 22 u 27; ara wkoll, id-Digriet A u B, iċċitata iktar ’il fuq, punt 4, u 25 sa 28).

    99

    Min-naħa l-oħra, leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-trattament fiskali tad-dividendi ta’ pajjiż terz, li ma tapplikax esklussivament għal sitwazzjonijiet li fihom kumpannija parent teżerċita influwenza deċisiva fuq il-kumpannija li tqassam id-dividendi, għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 63 TFUE. Għalhekk, kumpannija residenti ta’ Stat Membru tista’, irrispettivament mill-portata tas-sehem li hija għandha fil-kumpannija li tqassam id-dividendi stabbilita f’pajjiż terz, tuża din id-dispożizzjoni sabiex tqiegħed inkwistjoni l-legalità ta’ tali leġiżlazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq, punti 11 u 27).

    100

    Peress li t-Trattat ma jestendix il-libertà ta’ stabbiliment lill-pajjiżi terzi, huwa importanti li tiġi evitata interpretazzjoni tal-Artikolu 63(1) TFUE, f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi, li tippermetti lill-operaturi ekonomiċi li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-libertà ta’ stabbiliment milli jibbenefikaw minn dan l-aħħar artikolu. Ma hemmx tali riskju f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru inkwistjoni ma tirrigwardax il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-suq ta’ kumpannija tal-imsemmi Stat Membru fi pajjiż terz jew ta’ kumpannija ta’ pajjiż terż fl-imsemmi Stat Membru. Hija tirrigwarda biss it-trattament fiskali tad-dividendi li jirriżultaw minn investimenti li l-benefiċjarju ta’ dawn tal-aħħar għamel f’kumpannija stabbilita f’pajjiż terz.

    101

    Għandu jingħad ukoll li l-argument tal-Gvern tar-Renju Unit, Ġermaniż, Franċiż u tal-Pajjiżi l-Baxxi, li jipprovdi li l-libertà applikabbli għat-trattament fiskali tad-dividendi li joriġinaw minn pajjiżi terzi jiddependu mhux biss mill-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali iżda wkoll miċ-ċirkustanzi partikolari tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali, iwassal għal effetti inkompatibbli mal-Artikolu 64(1) TFUE.

    102

    Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li jaqgħu, bħala regola ġenerali, taħt l-Artikolu 63 TFUE, dwar il-moviment tal-kapital, il-movimenti tal-kapital li jinvolvu stabbiliment jew investimenti diretti. Dawn l-aħħar kunċetti huma marbuta ma’ forma ta’ sehem f’impriża permezz taż-żamma ta’ azzjonijiet li joffru l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni effettiva fl-amministrazzjoni u fil-kontroll tagħha (ara s-sentenzi iċċitata iktar ’il fuq Glaxo Welcome, punt 40, u Idryma Typou, punt 48).

    103

    Skont il-ġurisprudenza, ir-restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital li jinvolvu l-investimenti diretti jew l-istabbiliment fis-sens tal-Artikolu 64(1) TFUE jkopru mhux biss il-miżuri nazzjonali li, fl-applikazzjoni tagħhom għall-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi, jillimitaw l-investimenti jew l-istabbiliment, iżda wkoll dawk li jillimitaw il-ħlasijiet ta’ dividendi li jirriżultaw minnhom (sentenzi Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 183, u Holböck, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

    104

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija residenti fi Stat Membru u li għandha sehem f’kumpannija residenti f’pajjiż terz li jagħtiha influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ din tal-aħħar u jippermettilha li tiddetermina l-attivitajiet tagħha tista’ tuża l-Artikolu 63 TFUE sabiex tqiegħed inkwistjoni il-konformità ma’ din id-dispożizzjoni leġiżlazzjoni nazzjonali tal-imsemmi Stat Membru dwar it-trattament fiskali ta’ dividendi li joriġinaw mill-imsemmi pajjiż terz, li ma tapplikax esklussivament għal sitwazzjonijiet li fihom il-kumpannija parent teżerċita influwenza deċisiva fuq il-kumpannija li tqassam id-dividendi.

    Fuq il-ħames domanda

    105

    Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq issir taf jekk ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għat-tielet domanda magħmula fil-kawża li tat lok għas-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, tapplikax ukoll meta s-sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri oħra li fir-rigward tagħhom l-ebda trasferiment tal-ACT ma jkun seta’ jitwettaq ma humiex intaxxati fl-Istat Membru tal-kumpannija parent.

    106

    Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-risposta tagħha għat-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju fis-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, li l-Artikolu 49 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti lil kumpannija residenti li tittrasferixxi lil kumpanniji sussidjarji residenti l-ammont tal-ACT li ma jistax jiġi impost fuq it-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta minn din l-ewwel kumpannija għas-sena finanzjarja kurrenti jew għal snin finanzjarji preċedenti jew sussegwenti, sabiex dawn il-kumpanniji sussidjarji jkunu jistgħu jimponuha fuq it-taxxa fuq il-kumpanniji li huma għandhom iħallsu, iżda li ma tippermettix lil kumpannija residenti tittrasferixxi tali ammont lil kumpanniji sussidjarji li ma humiex residenti f’każ li dawn ikunu taxxabbli f’dan l-Istat Membru fuq il-profitti li jkunu għamlu hemmhekk.

    107

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li din ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tgħodd ukoll meta l-profitti ta’ sussidjarji mhux residenti li ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ tali trasferiment tal-eċċess ta’ ACT ma humiex intaxxati fl-Istat Membru tal-kumpannija parent, iżda huma intaxxati fi Stati Membri oħra. Fil-fehma tagħhom, il-fatt li l-mekkaniżmu tat-trasferiment tal-eċċess ACT jiġi limitat għas-sussidjarji intaxxati fir-Renju Unit imur kontra l-għanijiet imfittxa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Is-sistema nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha tipprovdi għall-possibbiltà li l-ACT imħallsa mill-kumpannija parent tiġi kkonfrontata mat-taxxa fuq il-kumpanniji barranin imħallsa mis-sussidjarja li tqassam id-dividendi u kellha tippermetti r-rimbors tal-eċċess ACT sabiex tiġi evitata sensiela ta’ taxxi fuq il-kumpanniji tal-grupp.

    108

    F’dan ir-rigward, hemm lok li tiġi stabbilita, kif tenfasizza l-Kummissjoni, distinzjoni bejn l-ACT li nġabret illegalment mill-Istat Membru kkonċernat, bi ksur tal-libertajiet stabbiliti mit-Trattat, u l-ACT li, kif jirriżulta mill-punti 62 u 72 ta’ din is-sentenza, setgħet leġittimament tinġabar mingħand kumpannija residenti li tkun irċeviet dividendi ta’ oriġini barranija għaliex din tikkorrispondi għall-ammont massimu ta’ taxxa fuq il-kumpanniji dovuta sabiex tiġi kkumpensata r-rata ta’ taxxa nominali inferjuri li huma suġġetti għaliha l-profitti li jservu ta’ bażi għad-dividendi ta’ oriġini barranija meta mqabbla mar-rata ta’ taxxa nominali applikata għall-profitti tal-kumpannija residenti.

    109

    Mir-risposta mogħtija għat-tielet domanda ta’ din il-kawża jirriżulta li l-ACT illegalment miġbura għandha tiġi rrimborsata.

    110

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ACT li tikkorrispondi għall-ammont massimu ta’ taxxa fuq il-kumpanniji li l-Istat Membru kkonċernat seta’ jimponi, għandu jitfakkar li l-ACT hija pagament antiċipat tat-taxxa fuq il-kumpanniji fir-Renju Unit. Id-dritt li l-eċċess ACT jiġi ttrasferit lis-sussidjarji jiggarantixxi li grupp ta’ kumpanniji intaxxat fir-Renju Unit ma jħallasx — minħabba s-sempliċi eżistenza tal-ACT — taxxi li jammontaw għal iktar mid-dejn fiskali globali maħluq fir-Renju Unit. L-estensjoni tal-imsemmi dritt għal kumpanniji mhux residenti li ma humiex intaxxabbli fir-Renju Unit, li jwassal għar-rimbors tal-eċċess ACT, iċaħħad de facto lir-Renju Unit mid-dritt li jiġbor l-ammont massimu ta’ taxxa fuq id-dividendi ta’ oriġini barranija bbażati fuq profitti li ma jkunux ġew suġġetta għal rata ta’ taxxa nominali inferjuri mir-rata applikabbli fir-Renju Unit u għalhekk tikkomprometti t-tqassim bilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et, C-262/09, Ġabra p. I-5669, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    111

    Għalhekk, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li r-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għat-tielet domanda magħmula fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, ma tapplikax meta s-sussidjarji, stabbiliti fi Stati Membri oħra li fir-rigward tagħhom l-ebda trasferiment tal-ACT ma seta’ jitwettaq, ma humiex intaxxati fl-Istat Membru tal-kumpannija parent.

    Fuq l-ispejjeż

    112

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tapplika l-metodu ta’ eżenzjoni għad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali u l-metodu ta’ imputazzjoni għad-dividendi ta’ oriġini barranija, jekk jiġi stabbilit, minn naħa, li l-kreditu ta’ taxxa li jibbenefikaw minnu l-kumpannija benefiċjarja tad-dividendi fil-kuntest tal-metodu ta’ imputazzjoni huwa daqs l-ammont ta’ taxxa effettivament imħallas fuq il-profitti li jservu ta’ bażi għad-dividendi mqassma u, min-naħa l-oħra, li l-livell ta’ tassazzjoni effettiv tal-profitti tal-kumpanniji fl-Istat Membru kkonċernat huwa ġeneralment inqas mir-rata ta’ taxxa nominali prevista.

     

    2)

    Ir-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni u għar-raba’ domanda magħmula fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04) jgħoddu wkoll meta :

    it-taxxa fuq il-kumpanniji barranin imposta fuq il-profitti li jservu ta’ bażi għad-dividendi mqassma ma tħallsitx jew ma tħallsitx kompletament mill-kumpannija mhux residenti li tagħti l-imsemmija dividendi lill-kumpannija residenti, iżda tħallset minn kumpannija residenti fi Stat Membru, sussidjarja diretta jew indiretta tal-ewwel kumpannija;

    it-taxxa antiċipata fuq il-kumpanniji ma tħallsitx mill-kumpannija residenti li tirċievi d-dividendi ta’ kumpannija mhux residenti, iżda tħallset mill-kumpannija parent tagħha residenti fil-kuntest ta’ sistema ta’ tassazzjoni ta’ grupp.

     

    3)

    Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija parent residenti fi Stat Membru li, fil-kuntest ta’ sistema ta’ tassazzjoni ta’ grupp, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kellha, bi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, tħallas it-taxxa antiċipata fuq il-kumpanniji fuq il-parti tal-profitti li ġejjin mid-dividendi ta’ oriġini barranija tista’ tippreżenta kawża għal rimbors ta’ din it-taxxa indebitament miġbura sa fejn din tal-aħħar tisboq l-ammont massimu tat-taxxa fuq il-kumpanniji li l-Istat Membru inkwistjoni kellu dritt li jiġbor sabiex jikkumpensa r-rata ta’ taxxa nominali inferjuri imposta fuq il-benefiċċji li jservu ta’ bażi għad-dividendi ta’ oriġini barranin meta mqabbla mar-rata ta’ taxxa nominali applikabbli għall-profitti tal-kumpannija parent residenti.

     

    4)

    F’dan id-dawl, hija ddeċidiet li kumpannija residenti fi Stat Membru li jkollha sehem f’kumpannija residenti f’pajjiż terz li jagħtiha influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ din tal-aħħar u li jippermettilha tiddetermina l-attivitajiet tagħha tista’ tuża l-Artikolu 63 TFUE sabiex tikkontesta l-konformità ma’ din id-dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru, dwar it-trattament fiskali ta’ dividendi li joriġinaw mill-imsemmi pajjiż terz, li ma tapplikax esklussivament għal sitwazzjonijiet li fihom il-kumpannija parent teżerċita influwenza deċisiva fuq il-kumpannija li tqassam id-dividendi.

     

    5)

    Ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għat-tielet domanda magħmula fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, ma tapplikax meta s-sussidjarji, stabbiliti fi Stati Membri oħra li fir-rigward tagħhom l-ebda trasferiment tat-taxxa antiċipata fuq il-kumpanniji ma seta’ jitwettaq, ma humiex intaxxati fl-Istat Membru tal-kumpannija parent.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top