This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011CJ0034
Judgment of the Court (First Chamber) of 15 November 2012.#European Commission v Portuguese Republic.#Failure of a Member State to fulfil obligations – Pollution control – Limit values for concentrations of PM10 in ambient air.#Case C‑34/11.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Novembru 2012.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Kontroll tat-tniġġis — Valuri ta’ limitu għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ambjentali.
Kawża C‑34/11.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Novembru 2012.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Kontroll tat-tniġġis — Valuri ta’ limitu għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ambjentali.
Kawża C‑34/11.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:712
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
15 ta’ Novembru 2012 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Kontroll tal-polluzzjoni — Valuri ta’ limitu għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ambjentali”
Fil-Kawża C-34/11,
li għandha bħala suġġett rikors għal annullament taħt l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fil-21 ta’ Jannar 2011,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Guerra e Andrade kif ukoll minn A. Alcover San Pedro u S. Petrova, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes u M. J. Lois, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Levits, M. Safjan u M. Berger (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Jannar 2012,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi naqset milli tiżgura li l-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-Arja ma jaqbżux il-valuri ta’ limitu stabbiliti fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU L 152, p. 1), ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-imsemmi Artikolu 13 fir-rigward taż-żoni u l-agglomerazzjonijiet ta’ Braga, ta’ Porto Litoral, tal-Área Metropolitana de Lisboa Norte u tal-Área Metropolitana de Lisboa Sul. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 96/62/KE
2 |
Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/62/KE, tas-27 ta’ Settembru 1996, dwar l-istima u l-immaniġġjar tal-kwalità tal-arja ċirkostanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 95), l-Istati Membri huma marbuta jippreżentaw rapporti annwali dwar l-osservanza tal-valuri ta’ limitu applikabbli għall-konċentrazzjoni ta’ PM10. |
Id-Direttiva 1999/30/KE
3 |
Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/30/KE, tat-22 ta’ April 1999, dwar il-valuri ta’ limitu tad-dijossidu tal-kubrit, tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-ossidi tan-nitroġenu, materji f’partiċelli u ċomb fl-arja ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 164): “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ambjentali kif stmata skond l-Artikolu 7, ma teċċedix il-valuri tal-limitu stabbiliti f’Sezzjoni I ta’ l-Anness III mid-dati speċifikati hemmhekk. [...]” |
4 |
Skont l-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva, fejn dawn il-valuri ta’ limitu jinqabżu minħabba konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ambjentali bħala riżultat ta’ avvenimenti naturali, li jeċċedu b’mod sinjifikattiv il-livelli normali li joriġinaw minn sorsi naturali, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan u għandu jipprovdi l-ġustifikazzjonijiet neċessarji għar-rigward. |
5 |
L-Anness III ta’ din id-direttiva jistabbilixxi żewġ tipi ta’ limiti għall-partiċelli PM10 billi tiddistingwi żewġ fażijiet, li huma min-naħa tagħhom diviżi f’żewġ perijodi. Fir-rigward tal-perijodi tal-fażi 1, mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2009, minn naħa, il-valur ta’ kuljum ta’ 50 μg/m3 ma għandux jinqabeż iktar minn 35 darba f’sena kalendarja, u, min-naħa l-oħra, il-valur annwali li ma għandux jinqabeż huwa ta’ 40 μg/m3. Fir-rigward tal-perijodi tal-fażi 2, mill-1 ta’ Jannar 2010, minn naħa, il-valur ta’ kuljum li ma għandux jinqabeż iktar minn 7 darbiet f’sena kalendarja huwa ta’ 50 μg/m3, u, min-naħa l-oħra, il-valur annwali huwa ta’ 20 μg/m3. |
6 |
Għall-finijiet tal-evalwazzjoni prevista fl-Artikolu 7 ta’ din l-istess direttiva, għandha ssir distinzjoni bejn “żona” u “agglomerazzjoni”. |
7 |
Skont l-Artikolu 2(8) tad-Direttiva 1999/30, żona tfisser “parti mit-territorju tagħhom delimitat mill-Istati Membri”. |
8 |
L-Artikolu 2(9) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi “agglomerazzjoni” bħala “żona b’konċentrazzjoni ta’ popolazzjoni b’aktar minn 250000 abitant jew, fejn il-konċentrazzjoni ta’ popolazzjoni hija 250000 abitant jew anqas, b’densità ta’ popolazzjoni kull km2, li għall-Istati Membri jiġġustifika l-bżonn li l-kwalità t’arja ambjentali tiġi stmata u mmaniġġjata”. |
Id-Direttiva 2008/50
9 |
Id-Direttiva 2008/50, li daħlet fis-seħħ fil-11 ta’ Ġunju 2008, hija kodifikazzjoni ta’ ħames atti leġiżlattivi fil-qasam tal-evalwazjoni u tal-ġestjoni tal-kwalità tal-arja ambjentali, b’mod partikolari tad-Direttivi 96/62 u 1999/30. |
10 |
Dawn id-direttivi ġew abrogati permezz tal-Artikolu 31 tad-Direttiva 2008/50, b’effett mill-11 ta’ Ġunju 2010, mingħajr ħsara għall-obbligi imposti fuq l-Istati Membri fir-rigward tat-termini ta’ traspożizzjoni u tal-applikazzjoni ta’ dawn l-istess direttivi. |
11 |
L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50, intitolat “Valuri ta’ limitu u l-limiti ta’ allert għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bnedmin”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha tagħhom, il-livelli tad-dijossidu tal-kubrit, de PM10, iċ-ċomb u l-monossidu tal-karbonju fl-arja ta’ l-ambjent ma’ jaqbżux il-valuri ta’ limitu stabbiliti fl-Anness XI. [...] Il-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi valutata skond l-Anness III. Il-marġini ta’ tolleranza stabbiliti fl-Anness XI għandhom japplikaw skond l-Artikolu 22(3) u l-Arikolu 23(1).” |
12 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-Anness XI tad-Direttiva 2008/50 ma emendax il-valuri ta’ limitu stabbiliti għall-PM10 permezz tal-Anness III tad-Direttiva 1999/30. |
13 |
Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2008/50 tistabbilixxi, fl-Artikolu 22 tagħha, regoli speċifiċi fir-rigward tal-posponiment tat-termini stabbiliti sabiex jintlaħqu l-valuri ta’ limitu u, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mill-obbligu ta’ applikazzjoni tagħhom. |
14 |
Skont l-Artikolu 22(2) u (4) ta’ din id-direttiva: “2. Fejn, f’żona jew agglomerazzjoni partikolari, il-konformità mal-valuri ta’ limitu fir-rigward tal-PM10, kif speċifikat fl-Anness XI, ma tistax tinkiseb minħabba l-karatteristiċi tat-tixrid speċifiċi għas-sit, kondizzjonijiet tal-klima ħżiena jew il-kontributi transkonfinali, l-Istat Membru għandu jkun eżentat mill-obbligu li japplika dawk il-valuri ta’ limitu sal-11 ta’ Ġunju 2011, sakemm il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu osservati, u sakemm dak l-Istai Membru juri li jkun ħa l-miżuri adegwati kollha fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex ilaħħaq ma l-iskadenzi. [...] 4. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni meta, fil-fehma tagħhom, il-paragrafi 1 jew 2 japplikaw, u għandhom jikkomunikaw il-pjan dwar il-kwalità ta’ l-arja msemmi fil-paragrafu 1 inkluż kull informazzjoni rilevanti meħtieġa għall-Kummissjoni sabiex ikun valutat jekk il-kondizzjonijiet rilevanti humiex sodisfatti. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta’ effetti stmati fuq il-kwalità ta’ l-arja ambjentali fl-Istati Membri, kemm fil-preżent u kemm fil-ġejjieni, ta’ miżuri li ttieħdu mill-Istati Membri kif ukoll effetti stmati Komunitarji fuq il-kwalità ta’ l-arja ambjentali ta’ miżuri Komunitarji kurrenti u ta’ miżuri Komunitarji pjanati li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni. Fejn il-Kummissjoni ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni fi żmien disa’ xhur minn meta tiġi riċevuta dik in-notifika, għandhom jitqiesu sodisfatti l-kondizzjonijiet rilevanti għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 jew 2. Jekk jitqajmu oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ teħtieġ li l-Istati Membri jaġġustaw jew jipprovdu pjanijiet ġodda dwar il-kwalità ta’ l-arja.” |
Il-proċedura prekontenzjuża
15 |
Meta analizzat ir-rapporti annwali, ibbażati fuq id-Direttivi 96/62 u 1999/30 dwar l-osservanza tal-valuri ta’ limitu applikabbli għall-konċentrazzjoni ta’ PM10 ippreżentati mir-Repubblika Portugiża għas-snin 2005, 2006 u 2007, il-Kummissjoni kkonstatat li dawn il-valuri nqabżu, matul dan il-perijodu, fi tmien żoni u agglomerazzjonijiet, jiġifieri dawk ta’ Braga, ta’ Vale do Ave, ta’ Vale de Sousa, ta’ Porto Litoral, taz-Zona de Influência de Estarreja, tal-Área Metropolitana de Lisboa Norte, tal-Área Metropolitana de Lisboa Sul u ta’ Setúbal. |
16 |
Filwaqt li qieset li r-Repubblika Portugiża ma osservatx, għalhekk, l-obbligi previsti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 1999/30, il-Kummissjoni bagħtet, fit-2 ta’ Frar 2009, intimazzjoni li fiha hija allegat, fost oħrajn, li l-ksur tal-valuri ta’ limitu kkonstatat kien jirrifletti tendenza għal żmien twil ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-obbligi. |
17 |
Filwaqt li fl-anness indikat iż-żoni fejn ġie kkonstatat dan il-ksur tal-valuri ta’ limitu għall-PM10, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Portugiżi jressqu l-osservazzjnijiet tagħhom fi żmien xahrejn. |
18 |
Fir-risposta tagħha tas-6 ta’ April 2009, ir-Repubblika Portugiża enfasizzat li hija kienet innotifikat, fil-5 ta’ Marzu 2009, talba taħt l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50 għall-posponiment tat-termini sabiex jintlaħqu il-valuri ta’ limitu indikati fl-Anness XI tagħha, peress li qieset li l-kundizzjonijiet għal tali posponiment kienu sodisfatti fir-rigward tal-agglomerazzjonijiet tal-Vale do Ave, tal-Vale de Sousa, ta’ Porto Litoral, tal-Área Metropolitana de Lisboa Norte, tal-Área Metropolitana de Lisboa Sul u ta’ Setúbal. |
19 |
Fir-rigward tal-agglomerazzjoni ta’ Setúbal, l-awtoritajiet Portugiżi, filwaqt li fakkru li huma kienu diġà spjegaw qabel l-ittra ta’ intimazzjoni li l-qbiż tal-valuri ta’ limitu kien ikkawżat minn avvenimenti naturali bħalma huma dawk previsti fl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 1999/30, ipprovdew id-deskrizzjoni tal-metodu użat għad-determinazzjoni tal-kobor tal-effett ta’ dawn l-avvenimenti naturali. |
20 |
Bl-istess mod, fir-rigward taż-żoni ta’ Braga u taz-Zona de Influência de Estarreja, ir-Repubblika Portugiża informat lill-Kummissjoni bid-dettalji tal-programmi ta’ titjib tal-kwalità tal-arja, filwaqt li talbitha l-posponiment tat-terminu previst sabiex jintlaħqu l-valuri ta’ limitu stabbiliti. |
21 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni, filwaqt li ssollevat oġġezzjonijiet dwar l-eżenzjoni mitluba mir-Repubblika Portugiża fil-5 ta’ Marzu 2009, skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50, ċaħdet din it-talba. |
22 |
Fit-22 ta’ Marzu 2010, filwaqt li qieset l-oġġezzjonijiet issollevati fid-deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2009 u kif ukoll ir-rapporti annwali hawn fuq imsemmija, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Portugiża. |
23 |
Fl-ittra ta’ risposta tagħha datata d-9 ta’ Ġunju 2010, ir-Repubblika Portugiża, filwaqt li invokat serje ta’ miżuri li kienu qed jiġu applikati u sostniet ir-rieda tagħha li ssegwi l-isforzi li saru sabiex l-osservanza totali tal-valuri limiti applikabbli għall-konċentrazzjoni ta’ PM10 tintlaħaq, ikkonċediet il-fatt li dawn il-valuri nqabżu fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet ta’ Aveiro/Ílhavo, taz-Zona de Influência de Estarreja, ta’ Porto Litoral, ta’ Braga u tal-Área Metropolitana de Lisboa Norte. |
24 |
Peress li ma kinitx sodisfatta b’din ir-risposta, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors. |
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
25 |
Billi tibbaża ruħha fuq l-oġġezzjonijiet li hija ssollevat fid-deċiżjoni tagħha tas-26 ta’ Novembru 2009 u fuq ir-rapporti annwali dwar l-osservanza tal-valuri ta’ limitu applikabbli għall-konċentrazzjoni ta’ PM10 preżenti fir-Repubblika Portugiża għas-snin 2005, 2006 u 2007, il-Kummissjoni ssostni li l-valuri ta’ limitu nqabżu fiż-żoni u l-agglomerazzjonijet ta’ Braga, ta’ Porto Litoral, tal-Área Metropolitana de Lisboa Norte u tal-Área Metropolitana de Lisboa Sul. |
26 |
Skont din l-istituzzjoni, dawn ir-rapporti jindikaw li l-valuri ta’ limitu inkwistjoni għadhom jinqabżu f’diversi żoni u agglomerazzjonijiet u juru, f’ċerti każijiet, tendenza għal żmien twil tal-qbiż ta’ dawn l-istess valuri ta’ limitu. Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mir-rapport dwar is-sena 2009, mibgħut mir-Repubblika Portugiża fit-30 ta’ Settembru 2010, f’dak li jirrigwarda ż-żoni u l-agglomerazzjonijiet ta’ Braga, ta’ Porto Litoral, ta’ Aveiro/Ílhavo, tal-Área Metropolitana de Lisboa Norte u tal-Área Metropolitana de Lisboa Sul. F’din l-agglomerazzjoni tal-aħħar, qbiż tal-valuri ta’ limitu għadu jsir sa ċerti punti tal-kampjunament anki jekk jitqiesu l-avvenimenti naturali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrimarka li ż-żona ta’ Aveiro/Ílhavo ma tirriżultax fir-rapporti preċedenti għall-intimazzjoni u għall-opinjoni motivata. |
27 |
Qabelxejn, ir-Repubblika Portugiża tikkontesta li l-qbiż tal-valuri ta’ limitu applikabbli għall-konċentrazzjoni ta’ PM10 jirrifletti tendenza għal żmien twil fil-Portugall. |
28 |
Imbagħad, dan l-Istat Membru jsostni li l-Kummissjoni, fl-opinjoni motivata tagħha, ma speċifikatx liema kienu ż-żoni u l-agglomerazzjonijiet ikkonċernati mill-ilment li sar fil-konfront tiegħu. |
29 |
Fl-aħħar nett, wara li fakkret diversi miżuri meħuda mill-awtoritajiet Portugiżi li juru żvilupp pożittiv f’dak li jirrigwarda t-tnaqqis tal-qbiż tal-valuri ta’ limitu applikabbli għall-konċentrazzjoni ta’ PM10, ir-Repubblika Portugiża, filwaqt li tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni disponibbli mir-rapport dwar is-sena 2009, tikkonċedi li, għaż-żoni u l-agglomerazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ din il-kawża, għad hemm qbiż tal-valur ta’ limitu ta’ kuljum għall-PM10, iżda mhux f’dak li jikkonċerna il-valur ta’ limitu annwali li, sa mis-sena 2008, ma nqabiżx iktar f’kull waħda mill-imsemmija żoni jew agglomerazzjonijiet. |
30 |
Għalhekk, dan l-Istat Membru jitlob li dan ir-rikors jiġi miċħud sa fejn l-ilmenti huma kkontestati. |
31 |
Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li, skont is-sistema stabbilita mid-Direttivi 96/62 u 2008/50, il-ġestjoni amministrattiva tal-kwalità tal-arja ambjentali taqa’ f’idejn l-Istati Membri, u dan huwa rifless, b’mod partikolari, minn naħa, fil-kompetenza tagħhom li jiddelimitaw iż-żoni u l-agglomerazzjonijiet, li jistabbilixxu l-listi ta’ dawn iż-żoni u l-agglomerazzjonijiet jew il-livelli tal-pollutanti inkwistjoni li jaqbżu l-valuri ta’ limitu applikabbli għal dawn il-pollutanti jew li huma inqas minnhom, li jiddeterminaw il-postijiet fejn għandhom isiru ċerti miżuri u li jiddeċiedu liema miżuri għandhom jittieħdu, kif ukoll, min-naħa l-oħra, fl-obbligu li tiġi pprovduta fi żmien utli informazzjoni dwar il-qbiż eventwali tal-valuri ta’ limitu fl-għamla ta’ rapport. |
32 |
Konsegwentement, il-kontroll tal-osservanza tal-valuri ta’ limitu applikabbli għall-pollutanti inkwistjoni jista’ jsir mill-Kummissjoni biss fuq il-bażi tal-valuri mibgħuta mill-Istat Membru nnifsu, li, barra minn hekk, jintbagħtu f’terminu ta’ disa’ xhur wara t-tmiem tas-sena kkonċernata. B’dan il-mod, hija tista’ tikkonstata biss il-qbiż tal-valuri ta’ limitu applikabbli għall-konċentrazzjoni ta’ PM10 li jkun sar matul il-perijodu kopert mir-rapporti mibgħuta mir-Repubblika Portugiża. |
33 |
Il-fatt li dawn il-valuri ta’ limitu baqgħu jinqabżu matul diversi snin f’ċerti żoni jindika, skont il-Kummissjoni, problema sistematika li minnha l-Istat Membru kkonċernat għandu jkun perfettament konxju, fid-dawl tal-fatt li huwa l-istess Stat Membru li jkun ġabar l-informazzjoni u kkonkluda fir-rigward tal-qbiż ta’ dawn l-istess valuri ta’ limitu. |
34 |
Għalhekk il-Kummissjoni tqis li s-sistema tad-direttivi fil-qasam tal-evalwazzjoni u tal-ġestjoni tal-kwalità tal-arja ambjentali tippermettilha tivverifika l-eżistenza ta’ nuqqas eventwali biss permezz tal-provi ammissibbli mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha, jiġifieri l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, u li huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu, fuq il-bażi tal-informazzjoni l-iktar riċenti li tista’ tipprova l-osservanza attwali tal-valuri ta’ limitu applikabbli għall-pollutanti inkwistjoni, jikkontradixxi l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta’ tali reazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li n-nuqqas għadu qiegħed isir u tista’ titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata dan. |
35 |
Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni ssostni li, matul il-proċedura prekontenzjuża, hija dejjem talbet li r-Repubblika Portugiża għandha tosserva l-valuri ta’ limitu stabbiliti mid-Direttiva 2008/50. Għalhekk, it-talbiet ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jittrattax is-snin tal-passat, iżda jittratta n-nuqqas attwali, li r-Repubblika Portugiża tista’ biss tikkontesta li għadu jeżisti billi tressaq il-prova tal-osservanza ta’ din id-direttiva fit-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. Għalhekk, huwa dan l-Istat Membru li għandu jipprova li dan in-nuqqas ma għadux jeżisti billi jressaq informazzjoni ġdida li tista’ turi li dan waqaf. Peress li r-Repubblika Portugiża ma ressqitx din l-informazzjoni, għandu jiġi konkluż li n-nuqqas għadu jeżisti. |
36 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li hija ma għandha ebda interess ġuridiku, f’din il-kawża, sabiex tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja deċiżjoni fuq fatti tal-passat ladarba hija ma tikseb ebda benefiċċju minn sentenza li tikkonstata sitwazzjoni fil-passat. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, mis-sena 2005 sas-sena 2007, ir-Repubblika Portugiża ma osservatx direttiva li, filwaqt li kienet fis-seħħ dak iż-żmien, ma baqgħetx applikabbli sussegwentement, tali sentenza ma jkollha, bħala prinċipju, ebda effettività. |
37 |
Fir-rigward tal-argument issollevat mir-Repubblika Portugiża li skontu hija ma speċifikatx fl-opinjoni motivata ż-żoni u l-agglomerazzjonijiet mhux previsti, il-Kummissjoni ssostni li, ladarba l-Istat Membru kkonċernat huwa l-uniku sors ta’ informazzjoni fir-rigward tal-qbiż tal-valuri ta’ limitu applikabbli għall-konċentrazzjoni ta’ PM10, ir-Repubblika Portugiża taf fejn dawn il-valuri ta’ limitu nqabżu. Peress li ż-żoni inkwistjoni kienu s-suġġett ta’ talba għal deroga li oriġinat mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Novembru 2009, dan l-Istat Membru huwa suffiċjentement informat bis-suġġett tal-kwistjoni, ladarba huwa ma kkontestax il-fatti u semma huwa stess, fid-dikjarazzjonijiet sussegwenti tiegħu, żoni li fihom dawn il-valuri ta limitu nqabżu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li hija speċifikat iż-żoni inkwistjoni fl-ittra tagħha ta’ intimazzjoni u li dawn ma nbidlux fl-opinjoni motivata. |
38 |
Barra minn hekk, ladarba li, fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Portugiża tammetti li, skont l-aħħar informazzjoni disponibbli, hija ma tiggarantix dejjem in-nuqqas ta’ qbiż tal-valur ta’ limitu ta’ kuljum ta’ PM10 f’erba’ żoni jew agglomerazzjonijiet, iżda li hija fil-frattemp irnexxilha tiżgura n-nuqqas ta’ qbiż tal-valur ta’ limitu annwali ta’ PM10, fil-mument tal-għeluq tat-trattazzjoni, dan ir-rikors għandu biss l-għan li jiġi kkonstatat li dan l-Istat Membru, billi ma ħax il-miżuri neċessarji, għadu qiegħed jonqos mill-obbligi tiegħu f’dak li jirrigwarda il-valur ta’ limitu ta’ kuljum ta’ PM10 f’dawn l-erba’ żoni jew agglomerazzjonijiet. |
39 |
Ir-Repubblika Portugiża tirrispondi fil-kontroreplika tagħha li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-Istat Membru fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Marzu 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-143/02, Ġabra p. I-2877, punt 11, u tat-12 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-446/01, Ġabra p. I-6053, punt 15). |
40 |
B’dan il-mod, fi tmiem dan it-terminu, jiġifieri fis-7 ta’ Ġunju 2010, l-informazzjoni disponibbli għandha tikkonċerna l-miżuri marbuta mas-sena 2009 u kif ukoll iż-żoni u l-agglomerazzjonijiet imsemmija mir-Repubblika Portugiża fir-risposta tagħha. Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk tirreferi għal din id-data inkwantu l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-mument li għalih is-sentenza għandha tirreferi huma infondati skont il-ġurisprudenza hawn fuq imsemmija. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
41 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li billi naqset milli tiżgura li l-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ambjentali ma jaqbżux il-valuri ta’ limitu stabbiliti fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din l-istess dispożizzjoni. |
42 |
Minkejja li r-Repubblika Portugiża ma ssollevatx bħala eċċezzjoni l-inamissibbiltà tar-rikors odjern, għandu madankollu jiġi rrilevat, b’mod preliminari, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina ex officio jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 258 TFUE għall-preżentata ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu humiex sodisfatti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-362/90, Ġabra p. I-2353, punt 8; tas-26 ta’ Jannar 2012, Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja, C-185/11, punt 28, u tat-8 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-524/10, punt 64). |
43 |
Minn din il-perspettiva, għandu jiġi eżaminat jekk l-opinjoni motivata u r-rikors jippreżentawx l-ilmenti b’mod koerenti u preċiż sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tifhem eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni kkritikat, u din hija kundizzjoni neċessarja sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-199/04, Ġabra p. I-1221, punti 20 u 21, kif ukoll is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja, C-365/10, punt 19). |
44 |
Fil-fatt, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 38(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-ġurisprudenza relatata ma’ din id-dispożizzjoni, kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi u din l-indikazzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jiġu indikati b’mod koerenti u li jkunu jistgħu jiftiehmu fit-test tar-rikors innifsu u li t-talbiet ta’ dan tal-aħħar għandhom jiġu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi fuq ilment (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-211/08, Ġabra p. I-5267, punt 32; tas-26 ta’ Jannar 2012, Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29, u tad-19 ta’ April 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-141/10, punt 15). |
45 |
Fil-każ ineżami, mit-talbiet tar-rikors tagħha jirriżulta li l-azzjoni tal-Kummissjoni ma tipprevedix iż-żoni ta’ Braga, ta’ Porto Litoral, tal-Área Metropolitana de Lisboa Norte u tal-Área Metropolitana de Lisboa Sul. Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ liema tipi ta’ valuri ta’ limitu stabbiliti għall-PM10 inqabżu, il-Kummissjoni llimitat, fir-replika tagħha, is-suġġett tal-azzjoni tagħha għall-valuri ta’ limitu ta’ kuljum ta’ PM10. |
46 |
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma speċifikatx, la fit-talbiet tar-rikors tagħha u lanqas fil-motivi tagħha, is-snin li fir-rigward tagħhom hija kkritikat in-nuqqas. Madankollu, peress li hija invokat biss id-Direttiva 2008/50, hija tallega biss li l-azzjoni tagħha tirrigwarda nuqqas attwali u li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tittratta l-preżent u mhux il-passat, mingħajr madankollu ma speċifikat il-perijodu previst. |
47 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li n-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ element indispensabbli tal-kontenut tar-rikors promotur, bħalma huwa l-perijodu li matulu r-Repubblika Protugiża kisret, skont l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, id-dritt tal-Unjoni, ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ koerenza, ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni. |
48 |
Barra minn hekk, sa fejn il-Kummissjoni ma tindikax il-perijodu preċiż fir-rigward tan-nuqqas ikkritikat u tonqos, barra minn hekk, milli tipprovdi provi rilevanti billi tenfasizza fi ftit kliem illi hija ma għandha ebda interess ġuridiku, f’din il-kawża, sabiex tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja deċiżjoni fir-rigward ta’ fatti fil-passat ladarba hija ma tieħu ebda benefiċċju minn sentenza li tikkonstata sitwazzjoni fil-passat, din l-istituzzjoni mhux talli tinjora manifestament l-obbligi, kemm għall-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll għaliha stess, li joħorġu mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 43 u 44 ta’ din is-sentenza, talli tonqos milli tqiegħed lill-Qorti tal-Ġustizzja f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. |
49 |
Madankollu għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-proċess, il-verifika tar-rapporti annwali li jirrigwardaw is-snin 2005, 2006 u 2007, ippreżentati mir-Repubblika Portugiża lill-Kummissjoni, weriet li l-valuri ta’ limitu ta’ kuljum ta’ PM10 inqabżu f’diversi żoni u agglomerazzjonijiet. Fuq il-bażi ta’ dawn ir-rapporti, din l-istituzzjoni indirizzat lir-Repubblika Portugiża intimazzjoni, li fiha hija qieset li dan l-Istat Membru ma kienx qiegħed josserva l-obbligi previsti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 1999/30. Il-Kummissjoni fl-aħħar aċċettat, matul is-seduta, minn naħa, li l-provi li fuqhom hija bbażat ir-rikors tagħha huma kkostitwiti mill-informazzjoni li tirriżulta mir-rapporti annwali li jirrigwardaw is-snin 2005, 2006 u 2007, u, min-naħa l-oħra, ladarba ma kienx hemm ksur ġenerali u kontinwu ta’ dawn l-obbligi, li din ma kinitx problema sistematika. |
50 |
Dawn l-indikazzjonijiet konklużivi jippermettu li jiġi dedott li n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi previsti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 1999/30 jikkonċerna, fi kwalunkwe każ, il-qbiż tal-valuri ta’ limitu ta’ kuljum ta’ PM10 fl-arja ambjentali u jkopri l-perijodu bejn is-sena 2005 u s-sena 2007 fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet ta’ Braga, ta’ Porto Litoral, tal-Área Metropolitana de Lisboa Norte u tal-Área Metropolitana de Lisboa Sul. |
51 |
Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, fil-limiti hekk iddefiniti, jista’ jiġi ddikjarat ammissibbli. |
52 |
Fir-rigward tal-mertu ta’ dan ir-rikors, huwa suffiċjenti li jiġi mfakkar li r-Repubblika Portugiża tammetti, fl-osservazzjonijiet tagħha, il-qbiż tal-valuri ta’ limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ kuljum ta’ PM10 fl-arja ambjentali fil-limiti kkonstatati fil-punt 50 ta’ din is-sentenza. |
53 |
Konsegwentement, hemm lok li dan ir-rikors jintlaqa’ f’dawn il-limiti. |
54 |
B’dan ippreċiżat, għandu issa jiġi kkonstatat li, sa fejn dan jirrigwarda l-perijodu wara s-sena 2007, ir-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni għar-raġunijiet esposti fil-punti 47 u 48 ta’ din is-sentenza u għandu, konsegwentement, jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
55 |
Konsegwentement, ma hemmx lok, b’mod kuntrarju għal dak li l-Kummissjoni donnha qiegħda tinvoka fit-talbiet tar-rikors tagħha, li tittieħed inkunsiderazzjoni d-Direttiva 2008/50. Fil-fatt, din id-direttiva ma hijiex applikabbli għall-fatti li bihom l-Istat Membru inkwistjoni huwa kkritikat, li jippreċedu l-11 ta’ Ġunju 2008, data tal-pubblikazzjoni u tad-dħul fis-seħħ tagħha. |
56 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għandu jiġi kkonstatat li, peress li naqset milli tiżgura, għas-snin 2005 sa 2007, li l-konċentrazzjonijiet ta’ kuljum ta’ PM10 fl-arja ambjentali ma jaqbżux il-valuri ta’ limitu stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/30/KE fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet ta’ Braga, ta’ Porto Litoral, tal-Área Metropolitana de Lisboa Norte u tal-Área Metropolitana de Lisboa Sul, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-dispożizzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
57 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 138(3) tal-istess regoli, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom. |
58 |
F’din il-kawża, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50, fir-rigward tal-perijodu wara s-sena 2007, ġie ddikjarat inammissibbli. |
59 |
Konsegwentement, hemm lok li l-Kummissjoni u r-Repubblika Portugiża jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.