Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0026

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-31 ta’ Jannar 2013.
    Belgische Petroleum Unie VZW et vs Belgische Staat fil-preżenza ta’: Belgian Bioethanol Association VZW u Belgian Biodiesel Board VZW.
    Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Grondwettelijk Hof.
    Direttiva 98/70/KE — Kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil — Artikoli 3 sa 5 — Speċifikazzjonijiet ambjentali tal-karburant — Direttiva 98/34/KE — Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regoli u leġiżlazzjonijiet tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni — Artikoli 1 u 8 — Kunċett ta’ ‘regolament tekniku’ — Obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ abbozz ta’ regolamenti tekniċi — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi, fuq kumpanniji taż-żejt li jipprovdu fis-suq karburanti tal-petrol u/jew tad-diżil, li jipprovdu wkoll fl-istess sena kalendarja kwantità ta’ bijokarburanti.
    Kawża C‑26/11.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:44

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    31 ta’ Jannar 2013 ( *1 )

    “Direttiva 98/70/KE — Kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil — Artikoli 3 sa 5 — Speċifikazzjonijiet ambjentali tal-karburant — Direttiva 98/34/KE — Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regoli u leġiżlazzjonijiet tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni — Artikoli 1 u 8 — Kunċett ta’ ‘regolament tekniku’ — Obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ abbozz ta’ regolamenti tekniċi — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi, fuq kumpanniji taż-żejt li jipprovdu fis-suq karburanti tal-petrol u/jew tad-diżil, li jipprovdu wkoll fl-istess sena kalendarja kwantità ta’ bijokarburanti”

    Fil-Kawża C-26/11,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Grondwettelijk Hof (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Jannar 2011, fil-proċedura

    Belgische Petroleum Unie VZW,

    Continental Tanking Company NV,

    Belgische Olie Maatschappij NV,

    Octa NV,

    Van Der Sluijs Group Belgium NV,

    Belgomazout Liège NV,

    Martens Energie NV,

    Transcor Oil Services NV,

    Mabanaft BV,

    Belgomine NV,

    Van Raak Distributie NV,

    Bouts NV,

    Gabriels & Co NV,

    Joassin René NV,

    Orion Trading Group NV,

    Petrus NV,

    Argosoil Belgium BVBA

    vs

    Belgische Staat,

    fil-preżenza ta’:

    Belgian Bioethanol Association VZW,

    Belgian Biodiesel Board VZW,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts, G. Arestis, J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Ġunju 2012,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Belgische Petroleum Unie VZW, Continental Tanking Company NV, Belgische Olie Maatschappij NV, Octa NV, Van Der Sluijs Group Belgium NV, Belgomazout Liège NV, Martens Energie NV, Transcor Oil Services NV, Mabanaft BV, Belgomine NV, Van Raak Distributie NV, Bouts NV, Gabriels & Co NV, Joassin René NV, Orion Trading Group NV, Petrus NV u Argosoil Belgium BVBA, minn P. Mallien u M. Deketelaere, avukati,

    għall-Belgische Staat, minn J.-F. De Bock, avukat,

    għall-Belgian Bioethanol Association VZW u Belgian Biodiesel Board VZW, minn P. De Bandt, avukat,

    għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, bħala aġent, assistita minn J.-F. De Bock, avukat,

    għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u B. Koopman, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Alcover San Pedro u K. Herrmann kif ukoll minn E. Manhaeve, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Lulju 2012,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 sa 5 tad-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 23, p. 182), kif emendata bid-Direttiva 2009/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, (ĠU L 140, p. 88, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/70”), tal-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikoli 26(2), 28 u 34 sa 36 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/34”).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Belgische Petroleum Unie VZW, Continental Tanking Company NV, Belgische Olie Maatschappij NV, Octa NV, Van Der Sluijs Group Belgium NV, Belgomazout Liège NV, Martens Energie NV, Transcor Oil Services NV, Mabanaft BV, Belgomine NV, Van Raak Distributie NV, Bouts NV, Gabriels & Co NV, Joassin René NV, Orion Trading Group NV, Petrus NV et Argosoil Belgium BVBA (iktar ’il quddiem, konġuntament, “BPU et”) u Belgische Staat dwar il-liġi Belġjana tat-22 ta’ Lulju 2009 dwar l-obbligu li jiżdied il-bijokarburant fil-karburanti fossili li jintużaw [għall-konsum] (Belgisch Staatsblad tat-3 ta’ Awwissu 2009, p. 51920, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-obbligu taż-żieda”.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 98/34

    3

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 jipprovdi:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsriet li ġejjin:

    1)

    ‘prodott’, kull prodott fabbrikat b’mod industrijali u kull prodott agrikolu, inklużi prodotti mill-ħut;

    [...]

    3)

    ‘speċifikazzjoni teknika’, speċifikazzjoni li tinsab f’dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott bħalma huma l-livelli ta’ kwalità, ir-riżultat tal-ħidma, is-sigurtà jew id-dimensjonijiet, inklużi l-ħtiġiet li japplikaw għall-prodott rigward l-isem li bih il-prodott jinbiegħ, it-terminoloġija, is-simboli, l-eżaminazzjoni u l-metodi ta’ l-eżaminazzjoni, l-imballaġġ, l-immarkar jew l-ittikkettjar u l-proċeduri ta’ stima tal-konformità.

    [...]

    4)

    “ħtiġiet oħra”, ħtieġa, għajr speċifikazzjoni teknika, imposta fuq prodott bil-għan li tipproteġi, b’mod partikolari, il-konsumatur jew l-ambjent, u li taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara li jkun inħareġ fis-suq, bħalma huma l-kondizzjonijiet dwar l-użu, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-rimi, fejn dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq;

    [...]

    11)

    “regolament tekniku”speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 10, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz.

    [...]

    [...]”

    4

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.”

    5

    L-Artikolu 10(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

    “L-Artikoli 8 u 9 ma għandhomx japplikaw għal dawk il-liġijiet, ir-regolament u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri jew għal ftehim volontarju li permezz tiegħu l-Istati Membri:

    jikkonformaw ma’ atti tal-Komunità li jorbtu li jirriżultaw fl-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi;

    [...]

    jillimitaw lilhom infushom għal li jemendaw regolament tekniku fi ħdan it-tifsira tal-punt 11 ta’ l-Artikolu 1, b’mod konformi ma’ talba tal-Kummissjoni bil-ħsieb li jitneħħa xi ostakolu għall-kummerċ jew, fil-każ tar-regoli dwar servizzi, għall-moviment liberu tas-servizzi jew tal-libertà ta’ stabbiliment ta’ operaturi tas-servizzi.”

    Id-Direttiva 98/70

    6

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/70, intitolat “Petrol”, jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

    “1.   Mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2000, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-bejgħ ta’ petrol biċ-ċomb ġewwa t-territorju tagħhom.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-petrol jista’ jitqiegħed fis-suq ġewwa t-territorju tagħhom biss jekk ikunu mħarsa l-ispeċifikazzjonijiet ambjentali stabbiliti fl-Anness I.

    Madankollu, rigward ir-reġjuni l-iktar imbiegħda, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu dispożizzjonijiet speċifiċi sabiex idaħħlu l-petrol b’kontenut massimu ta’ kubrit ta’ 10 mg/kg. L-Istati Membri li jagħmlu użu minn din id-dispożizzjoni għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni kif meħtieġ.

    3.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-fornituri jiżguraw it-tqegħid fis-suq ta’ petrol b’kontenut massimu ta’ ossiġnu ta’ 2,7 % u b’kontenut massimu ta’ etanol ta’ 5 % sal-2013 u jistgħu jeħtieġu t-tqegħid fis-suq ta’ petrol bħal dan għal perijodu itwal jekk iqisu li dan ikun meħtieġ. Huma għandhom jiżguraw l-għoti ta’ informazzjoni xierqa lill-konsumaturi dwar il-kontenut ta’ bijokarburant fil-petrol u, b’mod partikolari, dwar l-użu xieraq tat-taħlitiet differenti ta’ petrol.”

    7

    L-Anness I tad-Direttiva 98/70, intitolat “Speċifikazzjonijiet ambjentali għall-karburanti tas-suq li għandhom jintużaw għal vetturi mgħammra b’magni positive-ignition”, jistabbilixxi l-ammont tal-limitu massimu ta’ etanol għal petrol għal 10 % v/v.

    8

    L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolata “Karburant tad-diżil”, tipprovdi fil-paragrafu 1 tagħha:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-karburant tad-diżil jista’ jitqiegħed fis-suq ġewwa t-territorju tagħhom biss jekk iħares l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-Anness II.

    Minkejja r-rekwiżiti tal-Anness II, l-Istati Membri jistgħu jippermettu t-tqegħid fis-suq ta’ diżil b’kontenut ta’ aċidu grass methyl ester (FAME) ta’ aktar minn 7 %.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tingħata informazzjoni xierqa lill-konsumaturi rigward il-kontenut ta’ bijokarburant tal-karburant tad-diżil, b’mod partikolari l-FAME.”

    9

    Skont l-Anness II tal-imsemmija direttiva, intitolata “speċifikazzjonijiet ambjentali għall-karburanti tas-suq li għandhom jintużaw għal vetturi mgħammra b’magni compression ignition”; l-ammont tal-limitu massimu għal kontenut ta’ FAME tad-diżil huwa stabbilit għal 7 % v/v.

    10

    L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Ċirkolazzjoni libera”, huwa fformulat kif ġej:

    “L-ebda Stat Membru ma jista’ jipprojbixxi, jirrestrinġi jew jipprevieni t-tqiegħid fis-suq ta’ karburanti li jaqblu mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva.”

    Id-Direttiva 2003/30/KE

    11

    Skont il-premessi 19 u 21 tad-Direttiva 2003/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Mejju 2003 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-bijokarburanti jew karburanti oħra rinnovabbli għat-trasport (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 188):

    “(19)

    Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Ġunju 1998 [ĠU C 210, p. 215], il-Parlament Ewropew sejjaħ għal żieda ta’ 2 % fis-sehem tas-suq tal-bijokarburanti fuq ħames snin permezz ta’ pakkett ta’ miżuri, inklużi l-eżenzjoni mit-taxxi, l-assistenza finanzjarja għall-industrija ta’ l-ipproċessar u li tiġi stabbilita rata obbligatorja ta’ bijokarburanti għall-kumpaniji taż-żejt.

    [...]

    (21)

    Il-politika nazzjonali għalbiex tippromwovi l-użu tal-bijokarburanti ma għandhiex twassal għall-projbizzjoni tal-moviment ħieles tal-karburanti li jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet armonizzati ambjentali kif stabbiliti fil-leġislazzjoni Komunitarja.”

    12

    Din id-Direttiva, skont l-Artikolu 1 tagħha, timmira li tippromwovi l-użu tal-bijokarburanti jew karburanti oħra rinnovabbli sabiex jieħdu l-post tad-diesel jew il-petrol għall-iskopijiet tat-trasport f’kull Stat Membru, bil-ħsieb li tikkontribwixxi għall-miri bħalma huma li jiġu sodisfatti l-impenji tal-bdil fil-klima, is-sigurtà tal-provvista li tiffavorixxi l-ambjent u l-promozzjoni ta’ għejun tal-enerġija rinnovabbli.

    13

    L-Artikolu 3(1), tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

    “(a)

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi proporzjon minimu tal-bijokarburanti u karburanti oħra rinnovabbli jitqiegħed fis-swieq tagħhom, u, għal dan l-effett, għandhom jiffissaw miri indikattivi nazzjonali.

    (b)

    (i)

    Valur tar-riferiment għal dawn il-miri għandu jkun ta’ 2 %, ikkalkolat fuq il-bażi tal-kontenut ta’ l-enerġija, tal-petrol u d-diesel kollu għall-iskopijiet tat-trasport imqiegħda fis-swieq tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2005.

    ii)

    Valur tar-riferiment għal dawn il-miri għandu jkun ta’ 5,75 %, ikkalkolat fuq il-bażi tal-kontenut ta’ l-enerġija, tal-petrol u d-diesel kollu għall-iskopijiet tat-trasport imqiegħda fis-swieq tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2010.”

    Id-Direttiva 2009/28/KE

    14

    Il-premessa 9 tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, p. 16) tipprovdi:

    “Il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2007 afferma mill-ġdid l-impenn tal-Komunità lejn l-iżvilupp madwar il-Komunità ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli lil hinn mill-2010. Huwa approva mira mandatorja ta’ sehem ta’ 20 % ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum globali tal-enerġija fil-Komunità sal-2020 u mira minima mandatorja ta’ 10 % li trid tintlaħaq mill-Istati Membri kollha għas-sehem ta’ bijokarburanti fil-konsum tal-petrol u d-diżil sal-2020, li jridu jiġu introdotti b’infiq effettiv. Huwa ddikjara li l-karattru vinkolanti tal-mira tal-bijokarburanti huwa xieraq, kemm-il darba l-produzzjoni hija sostenibbli, bil-bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni jsiru kummerċjalment disponibbli u d-[Direttiva 98/70/KE] li qed tkun emendata biex tippermetti livelli adegwati ta’ taħlit. [...]”

    15

    Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/28:

    “Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas komuni għall-promozzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli. Hija tistabbilixxi miri nazzjonali mandatorji għas-sehem globali ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija u għas-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-trasport. [...]”

    16

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(4), tal-imsemmija direttiva tipprovdi:

    “Kull Stat Membru għandu jiżgura li s-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-forom kollha ta’ trasport fl-2020 huwa mill-inqas 10 % tal-konsum finali ta’ enerġija fit-trasport f’dak l-Istat Membru”

    17

    L-Artikolu 26(2) u (3), tal-istess direttiva tipprovdi:

    “2.   Fid-Direttiva 2003/30/KE, l-Artikolu 2, l-Artikolu 3(2), (3) u (5), u l-Artikoli 5 sa 6 għandhom jitħassru b’effett mill-1 ta’ April 2010.

    3.   Id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE għandhom jitħassru b’effett mill-1 ta’ Jannar 2012.”

    Id-dritt Belġjan

    18

    Skont l-Artikolu 4(1) tal-Liġi dwar l-obbligu taż-żieda:

    “Kull kumpannija rreġistrata taż-żejt li tipprovdi prodotti tal-petrol u/jew prodotti tad-diżil għall-konsum hija obbligata tipprovdi fl-istess sena kalendarja kwantità ta’ bijokarburanti sostenibbili għall-konsum kif ġej:

    FAME li jammonta għal mhux inqas minn 4 % vol/vol tal-kwantità ta’ prodotti tad-diesel ipprovduti għall-konsum;

    bijoetanol pur jew fil-forma ta’ bijo-ETBE, li jammonta għal mhux inqas minn 4 % vol/vol tal-kwantità ta’ prodotti tal-petrol ipprovduti għall-konsum.”

    19

    L-Artikolu 5 tal-Liġi dwar iż-żieda huwa fformulat kif ġej:

    “Il-provvista għall-konsum ta’ bijokarburanti sostenibbli bħal dik imsemmija fl-Artikolu 4 tiġi effettwata permezz tat-taħlit mal-prodotti tal-petrol u/jew prodotti tad-diżil ipprovduti għall-konsum, b’konformità mal-istandards tal-prodotti NBN EN 590 għall-prodotti tad-diżil u NBN EN 228 għall-prodotti tal-petrol.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    20

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fil-15 ta’ Ottubru 2009 fil-qorti tar-rinviju, BPU et talbu l-annullament tal-Liġi dwar iż-żieda.

    21

    Huwa f’dan il-kuntest li l-Grondwettelijk Hof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1.

    L-Artikoli 3, 4 u 5 tad-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil, u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE, kif ukoll, fejn ikun il-każ, l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikoli 26(2), 28 u 34 sa 36 TFUE għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu dispożizzjoni leġiżlattiva li bis-saħħa tagħha kull kumpannija rreġistrata taż-żejt li tipprovdi prodotti tal-petrol u/jew prodotti tad-diesel għall-konsum tkun obbligata li fl-istess sena kalendarja tipprovdi kwantità ta’ bijokarburanti sostenibbili għal konsum, jiġifieri bio-ethanol pur jew fil-forma ta’ bio-ETBE, li jammonta għal mhux inqas minn 4 % vol/vol tal-kwantità ta’ prodotti tal-petrol ipprovduti għall-konsum, u FAME li jammonta għal mhux inqas minn 4 % vol/vol tal-kwantità ta’ prodotti tad-diesel ipprovduti għall-konsum?

    2.

    Fil-każ li l-ewwel domanda preliminari tingħatalha risposta negattiva, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti teknici u r-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-[informazzjoni], minkejja l-ewwel inċiż tal-Artikolu 10(1) tal-istess direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li l-Kummissjoni għandha tiġi nnotifkata b’abbozz tal-istandard li abbażi tiegħu kull kumpannija rreġistata taż-żejt li tipprovdi prodotti tal-petrol u/jew prodotti tad-diesel għall-konsum hija obbligata li fl-istess sena kalendarja tipprovdi kwantità ta’ bijokarburanti sostenibili għal konsum, jiġifieri bio-ethanol pur jew fil-forma ta’ bio-ETBE, li jammonta għal mhux inqas minn 4 % vol/vol tal-kwantità ta’ prodotti tal-petrol ipprovduti għall-konsum, u FAME li jammonta għal mhux inqas minn 4 % vol/vol tal-kwantità ta’ prodotti tad-diesel ipprovduti għall-konsum?”

    Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

    22

    Belgian Bioethanol Association VZW u Belgian Biodiesel Board VZW isostnu li t-talba għal deċiżjoni peliminari hija inammissibbli minħabba li, fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju, BPU et qatt ma invokaw ksur tad-Direttivi 98/34 u 98/70, b’tali mod li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni minn din il-qorti ma għandha l-ebda konnessjoni mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

    23

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, il-fatt li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma invokawx, quddiem il-qorti tar-rinviju, kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni, ma jipprekludix li ssir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Billi jipprevedu l-konjizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja b’deċiżjoni preliminari meta “kwistjoni titqajjem quddiem xi qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru”, it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 267 TFUE ma humiex intiżi li jillimitaw dan ir-rinviju biss għal każijiet fejn waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali tkun ħadet l-inizjattiva li tqajjem domanda ta’ interpretazzjoni jew ta’ validità tad-dritt tal-Unjoni, iżda jkopru wkoll il-każijiet fejn domanda titqajjem mill-qorti nazzjonali stess, li tqis li deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq dan il-punt hija “meħtieġa sabiex tkun tista’ tagħti sentenza tagħha” (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1981, Salonia, 126/80, Ġabra p. 1563, punt 7, u tat-8 ta’ Marzu 2012, Huet, C-251/11, punt 23).

    24

    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri, C-341/05, Ġabra p. I-11767, punt 45, u kif ukoll tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et, C-317/08, Ġabra p. I-2213, punt 25).

    25

    Barra dan, sa fejn id-Direttiva 98/70 fiha dispożizzjonijiet li jipprovdu speċifikazzjonijiet ambjentali dwar il-kompożizzjoni tal-petrol u tal-karburanti diżil, li f’din id-direttiva huma intiżi li jiżguraw iċ-ċirkolazzjoni libera fi ħdan l-Unjoni Ewropea, u fejn il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mil-leġiżlazzjoni Belġjana jmur kontra l-libertà tal-kummerċ u l-industrija kif ukoll kontra l-prinċipji ta’ ugwaljanza u nondiskriminazzjoni, ma jistax jiġi sostnut li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba minn dik il-qorti manifestament ma għandha l-ebda konnessjoni mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

    26

    F’dawn iċ-ċirkostanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    27

    Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li, meta kwistjoni tkun irregolata b’mod armonizzat fuq livell tal-Unjoni, kull miżura nazzjonali li għandha x’taqsam magħha għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 2001, Vanacker et Lesage, C-37/92, Ġabra p. I-4947, punt 9 u tat-13 ta’ Diċembru 2001, DaimlerChrysler, C-324/99, Ġabra p. I-9897, punt 32, kif ukoll tat-30 ta’ April 2009, Lidl Magyarország, C-132/08, Ġabra p. I-3841, punti 42 u 46).

    28

    F’dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, jekk l-Artikoli 3 sa 5 tad-Direttiva 98/70 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq il-kumpanniji taż-żejt li jqiegħdu fis-suq karburanti tal-petrol u/jew tad-diżil, l-obbligu li jipprovdu wkoll fl-istess sena kalendarja kwantità ta’ bijokarburanti, ikkalkulata f’perċentwali tal-kwantità totali tal-imsemmija prodotti li huma jikkummerċjalizzaw annwalment.

    29

    L-Artikolu 3(2), tad-Direttiva 98/70, moqri flimkien mal-Anness I tagħha, jistabbilixxi, għall-petrol, l-ammont tal-limitu massimu ta’ Etanol għal 10 % v/v.

    30

    Skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien mal-Anness II tal-istess direttiva, l-ammont tal-limitu massimu għal kontenut ta’ FAME tal-karburanti diżil huwa, salv l-awtorizzazzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-imsemmi paragrafu wieħed, stabbilit għal 7 % v/v.

    31

    Konsegwentement, bl-impożizzjoni fuq il-kumpanniji taż-żejt tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ kwantita minima ta’ bijoetanol u ta’ FAME, jiġifieri 4 % v/v tal-kwantità, rispettivament, ta’ petrol u tal-karburanti diżil li huma jqiegħdu fis-suq, il-Liġi dwar l-obbligu taż-żieda tipprevedi perċentwali minimi obbligatorji ta’ bijokarburanti inqas mill-ammonti massimi previsti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 98/70.

    32

    Minn dan jirriżulta li l-perċentwali huma konformi mal-imsemmija Artikoli 3 u 4 u li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża principali.

    33

    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 98/70 ma tistabbilixxix ammonti ta’ limiti minimi għall-kontenut ta’ bijokarburanti tal-petrol u tal-karburanti tad-diżil u li, skont l-Artikolu 5 ta’ din id-Direttiva, it-tqegħid fis-suq ta’ karburanti li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ din id-direttiva ma jistgħux jiġu pprojbiti, limitati jew evitati.

    34

    Madankollu, il-Liġi dwar l-obbligu taż-żieda tipprevedi perċentwali minimi obbligatorji ta’ bijokarburanti, li, skont l-Artikolu 5 tagħha, għandhom jitqiegħdu fis-suq permezz ta’ taħlit mal-petrol u mal-karburanti tad-diżil.

    35

    Il-perċentwali minimi obbligatorji ta’ bijokarburanti previsti mil-Liġi dwar l-obbligu taż-żieda huma applikabbli mhux għal kull litru mqiegħed fis-suq, iżda għall-kwantità totali ta’ karburanti kkummerċjalizzati annwalment.

    36

    Tali obbligu jista’, kif ġie wkoll irrilevat mill-avukat ġenerali fil-punti 48 sa 52 tal-konklużjonijiet tagħha, jirrestrinġi l-kummerċjalizzazzjoni tal-karburanti li jikkonformaw għar-rekwiżiti tad-Direttiva 98/70.

    37

    Madankollu, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/70, u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha, ma jistgħux jiġu interpretati indipendentement minn dawk tad-Direttivi 2003/30 u 2009/28, li kienu fis-seħħ fid-data ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża principali u tat-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

    38

    Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li d-Direttivi 2009/28 u 2009/30, din tal-aħħar li temenda d-Direttiva 98/70/KE, ġew adottati u li daħlu fis-seħħ fl-istess data u l-fatt li huma kienu jiffurmaw parti, flimkien mad-Direttiva 2003/30, minn kompendju globali ta’ miżuri ddestinati li jippromwovu l-produzzjoni u l-użu tal-enerġiji rinnovabbli jindikaw li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura l-koerenza neċessarja bejn dawk id-direttivi.

    39

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2003/30, li hija intiża, skont l-Artikolu 1 tagħha, sabiex tippromwovi l-użu tal-bijokarburanti biex jissostitwixxi l-użu tad-diżil jew tal-petrol intiżi għat-trasport f’kull Stat Membru, ma timponix fuq l-Istati Membri l-mezzi li għandhom jimplementaw sabiex jiksbu l-għanijiet nazzjonali indikattivi msemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, iżda tħallihom fil-libertà li jagħżlu huma n-natura tal-miżuri li għandhom jiġu adottati (ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Plantanol, C-201/08, Ġabra p. I-8343, punt 35).

    40

    Għalhekk, jirriżulta mill-premessa 19 tal-imsemmija direttiva li l-Istati Membri jiddisponu minn mezzi differenti sabiex jiksbu l-għanijiet previsti minnha, bħal, pereżempju, sistema ta’ eżenzjoni fiskali, għajnuna finanzjarja għall-industrija ta’ trasformazzjoni jew l-istabbiliment ta’ perċentwali obbligatorja ta’ bijokarburanti għall-kumpanniji taż-żejt (ara s-sentenza Plantanol, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

    41

    Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/70, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/30, ma jipprekludux li Stat Membru jimponi fuq il-kumpanniji taż-żejt li jbiegħu fis-suq tagħhom perċentwali obbligatorja ta’ bijokarburanti intiżi għat-trasport, bil-għan li jinkisbu l-għanijiet nazzjonali indikattivi li jkunu stabbilixxew skont l-Artikolu 3(1), ta’ din l-aħħar direttiva.

    42

    Tali konklużjoni tissaħħaħ jekk l-imsemmi Artikolu 5 jinqara flimkien mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/28 li, kif ukoll jirriżulta mill-premessa 9 u l-Artikolu 1 tagħha, tistabbilixxi għanijiet nazzjonali li jikkonċernaw il-parti tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli fil-konsum ta’ enerġija għat-trasport.

    43

    F’dan ir-rigward, l-imsemmija premessa, tevoka l-għan, stabbilit mill-Kunsill Ewropew tax-xahar ta’ Marzu 2007, ta’ parti minima ta’ 10 % tal-bijokarburanti fil-konsum totali ta’ petrol u tad-diżil maħsuba għat-trasport li għandu jkun miksub minn issa sa l-2020 mill-Istati Membri kollha, u dan bi spiża raġonevoli.

    44

    Dan il-għan huwa kkonfermat mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(4), tad-Direttiva 2009/28, li jipprovdi li l-enerġija prodotta minn sorsi rinovabbli fil-forom kollha tat-trasport fl-2020 għandhom ikunu mill-inqas 10 % tal-konsum finali ta’ enerġija ta’ kull Stat Membru fis-settur tat-trasport.

    45

    Huwa f’dan il-kuntest li d-Direttiva 98/70 ġiet emendata bid-Direttiva 2009/30 bl-iskop, skont l-għan mogħti lill-Istati Membri minn din id-direttiva u d-Direttivi 2003/30 u 2009/28, b’mod partikolari li jipprovdu għal livelli adegwati ta’ taħlit bejn bijokarburanti u karburanti fossili, bħal dawk li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) u 4(1) tad-Direttiva 98/70, moqri flimkien mal-Annessi I u II ta’ din id-Direttiva rispettivament.

    46

    Għalhekk, leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi perċentwali obbligatorji ta’ bijokarburanti għall-kumpanniji taż-żejt biex jintlaħqu l-għanijiet nazzjonali stabbiliti fid-Direttivi 2003/30 u 2009/28 ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tmur kontra l-Artikoli 3 sa 5 tad-Direttiva 98/70 meta dawn il-perċentwali huma fl-ammonti tal-limiti massimi stabbiliti minn din tal-aħħar u ma jkunux applikabbli għal kull litru ta’ karburant li jitqiegħed fis-suq, iżda għall-ammont totali ta’ karburanti mibjugħa annwalment minn dawn il-kumpanniji.

    47

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikoli 3 sa 5 tad-Direttiva 98/70 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, b’konformità mal-għan ta’ promozzjoni tal-użu tal-bijokarburanti fis-settur tat-trasport, mogħti lill-Istati Membri permezz tad-Direttivi 2003/30, 2009/28 u 2009/30, timponi fuq il-kumpanniji taż-żejt li jqiegħdu fis-suq karburanti tal-petrol u/jew tad-diżil, l-obbligu li jqiegħdu fis-suq ukoll matul l-istess sena kalendarja, billi jħaltu ma’ dawk il-prodotti, kwantità ta’ bijokarburanti, meta din il-kwantità tiġi kkalkulata b’perċentwali tal-kwanitità totali tal-imsemmija prodotti li huma jikkummerċjalizzaw annwalment, u li dawn il-perċentwali jkunu konformi mal-ammonti tal-limiti massimi stabbiliti mid-Direttiva 98/70.

    Fuq it-tieni domanda

    48

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li timponi l-obbligu ta’ notifika ta’ abbozz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li jobbliga lill-kumpanniji taż-żejt li jipprovdu fis-suq karburanti tal-petrol u/jew tad-diżil, li jipprovdu wkoll fl-istess sena kalendarja kwantità ta’ bijokarburanti.

    49

    Il-ġurisprudenza stabbilita tistabbilixxi li d-Direttiva 98/34 hija intiża sabiex, permezz ta’ kontroll preventiv, tipproteġi l-moviment liberu tal-merkanzija, li huwa wieħed mill-prinċipji bażiċi tal-Unjoni u li dan il-kontroll huwa utli sa fejn regolamenti tekniċi li jaqgħu taħt id-Direttiva jistgħu jikkostitwixxu ostakoli għall-iskambji ta’ merkanzija bejn Stati Membri, peress illi dawn l-ostakoli jistgħu jiġu aċċettati biss jekk huma neċessarji sabiex jiġu sodisfatti rekwiżiti imperattivi li jridu jilħqu għan ta’ interess ġenerali (sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2005, Lidl Italia, C-303/04, Ġabra p. I-7865, punt 22, tal-15 ta’ April 2010, Sandström C-433/05, Ġabra p. I-2885, punt 42), u kif ukoll tad-9 ta’ Ġunju 2011, Intercommunale Intermosane u Fédération de l’industrie et du gaz (C-361/10, Ġabra p. I-5079, punt 10).

    50

    Peress li l-obbligu ta’ notifika previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 jikkostitwixxi mezz essenzjali għat-twettiq tal-imsemmi kontroll, l-effikaċja ta’ dan il-kontroll tissaħħaħ jekk din id-direttiva tiġi interpretata fis-sens li n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ notifika jikkostitwixxi difett sostanzjali ta’ proċedura li jwassal għall-inapplikabbiltà tar-regolamenti tekniċi kkonċernati, b’mod li dawn ir-regolamenti ma jkunux jistgħu jiġu invokati fil-konfront ta’ individwi (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Lidl Italia, punt 23, u Sandström, punt 43).

    51

    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li jirriżulta mill-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34 li l-kunċett ta’ “regolament tekniku” jinqasam fi tliet kategoriji, jiġifieri, fl-ewwel lok, “speċifikazzjoni teknika” fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-imsemmija direttiva, fit-tieni lok, “ħtiġiet oħra” kif iddefiniti fl-Artikolu 1(4) ta’ din id-direttiva, u fit-tielet lok, il-projbizzjoni tal-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott previst fl-Artikolu 1(11) tal-istess direttiva (ara s-sentenzi tal-21 ta’ April 2005, Lindberg, C-267/03, Ġabra p. I-3247, punt 54 u tat-8 ta’ Novembru 2007, Schwibbert, C-20/05, Ġabra p. I-9447, punt 34, kif ukoll Intercommunale Intermosane et Fédération de l’industrie et du gaz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 11).

    52

    Anki jekk jiġi preżunt li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-obbligu taż-żieda jaqgħu fi ħdan waħda minn dawn it-tliet kategoriji, jeħtieġ, b’mod preliminari, li jiġi eżaminat jekk, l-obbligu tan-notifika previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 huwiex applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    53

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-aħħar inċiż Artikolu 10(1) tad-Direttiva 98/34, l-Artikolu 8 taghha ma huwiex applikabbli għal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li permezz tagħhom dawn tal-aħħar jillimitaw ruħhom jemendaw regolament tekniku fis-sens tal-Artikolu 1(11) tal-istess direttiva, skont talba tal-Kummissjoni bil-għan li jitneħħa xi ostakolu għall-kummerċ.

    54

    Madankollu, fir-rigward tal-kawża prinċipali, jirriżulta mill-proċess fil-pussess tal-Qorti tal-Ġustizzja li, bl-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, ir-Renju tal-Belġju, fl-2007, informa lill-Kummissjoni b’abbozz ta’ leġiżlazzjoni li jdaħħal obbligu ta’ tqegħid fis-suq ta’ bijokarburanti, li wassal għal opinjoni ddettaljata u għall-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni maħruġa abbażi tal-Artikoli 9(2) u 8(2) tal-imsemmija direttiva rispettivament, u li huma bbażati fuq il-perċentwali minimi ta’ bijokarburanti imposti minn dan l-abbozz kif ukoll fuq il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tagħhom.

    55

    Mill-imsemmi proċess jirriżulta wkoll li, wara din l-opinjoni ddettaljata u ta’ dawn l-osservazzjonijiet, ir-Renju tal-Belġju, fl-2009, innotifika abbozz preliminari tal-Liġi dwar l-obbligu taż-żieda fejn id-dispożizzjonijiet dwar il-perċentwali minimi obbligatorji tal-bijokarburanti u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-perċentwali ġew emendati bil-għan li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-imsemmija opinjoni u osservazzjonijiet.

    56

    Minn dan jirriżulta li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Renju tal-Belġju llimita ruħu li jemenda d-dispożizzjonijiet ta’ abbozz leġiżlattiv, skont it-talba tal-Kummissjoni bil-għan li jiġi eliminat ostakolu għall-kummerċ, sabiex b’hekk, skont l-aħħar inċiż tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 98/34, l-obbligu ta’ notifika previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva ma japplikax għall-abbozz ta’ Liġi dwar l-obbligu taż-żieda.

    57

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34/KE, moqri flimkien mal-aħħar inċiż tal-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix notifika ta’ abbozz ta’ liġi nazzjonali li tobbliga lill-kumpanniji taż-żejt li jqiegħdu fis-suq karburanti tal-petrol u/jew tad-diżil, li jqiegħdu fis-suq ukoll, matul l-istess sena kalendarja, kwantità ta’ bijokarburanti, meta, wara li jkun ġie nnotifikat skont l-imsemmi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1), dan l-abbozz ikun ġie emendat bil-għan li jiġu kkunsidrati l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar dan tal-aħħar u li l-abbozz hekk emendat ikun ġie kkomunikat lilha.

    Fuq l-ispejjeż

    58

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikoli 3 sa 5 tad-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE, kif emendata bid-Direttiva 2009/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, b’konformità mal-għan ta’ promozzjoni tal-użu tal-bijokarburanti fis-settur tat-trasport, mogħti lill-Istati Membri permezz tad-Direttivi 2003/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Mejju 2003, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-bijokarburanti jew karburanti oħra rinnovabbli għat-trasport, 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE u 2009/30, timponi fuq il-kumpanniji taż-żejt li jqiegħdu fis-suq karburanti tal-petrol u/jew tad-diżil, l-obbligu li jqiegħdu fis-suq ukoll, matul l-istess sena kalendarja, billi jħaltu ma’ dawk il-prodotti, kwantità ta’ bijokarburanti, meta din il-kwantità tiġi kkalkulata b’perċentwali tal-kwanitità totali tal-imsemmija prodotti li huma jikkummerċjalizzaw annwalment, u li dawn il-perċentwali jkunu konformi mal-ammonti tal-limiti massimi stabbiliti mid-Direttiva 98/70, kif emendata bid-Direttiva 2009/30.

     

    2)

    L-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998, moqri flimkien mal-aħħar inċiż tal-Artikolu 10(1) tal-imsemmija direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix notifika ta’ abbozz ta’ liġi nazzjonali li tobbliga lill-kumpanniji taż-żejt li jqiegħdu fis-suq karburanti tal-petrol u/jew tad-diżil, li jqiegħdu fis-suq ukoll, matul l-istess sena kalendarja, kwantità ta’ bijokarburanti, meta, wara li jkun ġie nnotifikat skont l-imsemmi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1), dan l-abbozz ikun ġie emendat bil-għan li jiġu kkunsidrati l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar dan tal-aħħar u li l-abbozz hekk emendat ikun ġie kkomunikat lilha.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top