Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0018

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-6 ta’ Settembru 2012.
    The Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs vs Philips Electronics UK Ltd.
    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upper Tribunal Tax and Chancery Chamber].
    Libertà ta’ stabbiliment — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il-kumpanniji — Tnaqqis fiskali — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi t-trasferiment tat-telf magħmul fit-territorju nazzjonali minn stabbiliment li ma huwiex residenti ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor għal kumpannija tal-istess grupp stabbilita fit-territorju nazzjonali.
    Kawża C-18/11.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:532

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    6 ta’ Settembru 2012 ( *1 )

    “Libertà ta’ stabbiliment — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il-kumpanniji — Tnaqqis fiskali — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi t-trasferiment tat-telf magħmul fit-territorju nazzjonali minn stabbiliment li ma huwiex residenti ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor għal kumpannija tal-istess grupp stabbilita fit-territorju nazzjonali”

    Fil-Kawża C-18/11,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Jannar 2011, fil-proċedura

    The Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs

    vs

    Philips Electronics UK Ltd,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn J.-C. Bonichot (Relatur), President tal-Awla, A. Prechal, K. Schiemann, L. Bay Larsen u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Frar 2012,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Philips Electronics UK Ltd, minn D. Milne, QC, u D. Jowell, barrister,

    għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Hathaway, bħala aġent, assistit minn K. Bacon, barrister,

    għall-Gvern Daniż, minn C. Vang, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls u R. Lyal, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ April 2012,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 43 KE u 48 KE.

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Philips Electronics UK Ltd (iktar ’il quddiem, “Philips Electronics UK”) u l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs rigward l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-eżenzjoni ta’ grupp mogħtija lil ċerti kumpanniji membri f’konsorzju.

    Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

    3

    Il-liġi tal-1998 rigward it-taxxi fuq id-dħul u fuq il-kumpanniji (Income and Corporation Taxes Act tal-1988), fil-verżjoni tagħha applikabbli fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem, l-“ICTA”), tipprovdi fl-Artikolu 402 tagħha:

    “1.   Skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu u tal-Artikolu 492(8), l-eżenzjoni għal telf kummerċjali u ammonti oħra li jistgħu jitnaqqsu mit-taxxa fuq il-kumpanniji tista’, fil-każijiet ippreċiżati fis-subartikoli (2) u (3), tiġi ċeduta minn kumpannija (imsejħa ‘l-kumpannija li tagħmel iċ-ċessjoni’) u, fuq talba ta’ kumpannija oħra (imsejħa ‘l-kumpannija li tagħmel it-talba’), membru tal-istess grupp, tiġi mogħtija lill-kumpannija li tagħmel it-talba taħt il-forma ta’ eżenzjoni, imsejħa ‘ta’ grupp’.

    […]

    3.   L-eżenzjoni ta’ grupp hija wkoll possibbli bejn kumpannija li tagħmel iċ-ċessjoni u kumpannija li tagħmel it-talba [...] meta waħda minnhom hija parti minn grupp ta’ kumpanniji u l-oħra hija miżmuma minn konsorzju u meta kumpannija oħra tkun parti kemm mill-grupp kif ukoll mill-konsorzju. Talba ppreżentata abbażi ta’ dan is-subartikolu hija msejħa “talba fil-kuntest ta’ konsorzju.”

    3A.   L-eżenzjoni ta’ grupp hija possibbli biss jekk il-kumpannija li tagħmel iċ-ċessjoni u l-kumpannija li tagħmel it-talba jissodisfaw, it-tnejn li huma, il-kundizzjoni li ġejja:

    3B.   Il-kundizzjoni hija li l-kumpannija tkun residenti fir-Renju Unit jew teżerċita attività kummerċjali fir-Renju Unit permezz ta’ stabbiliment permanenti.

    […]

    6.   Is-somom imħallsa inkambju għal eżenzjoni ta’ grupp

    a)

    ma jittiħdux inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-profitti u tat-telf li għandhom iservu ta’ bażi ta’ stima tat-taxxa fuq il-kumpanniji ta’ kull waħda mill-kumpanniji kkonċernati, u

    b)

    ma jistgħux jitqiesu, għall-finijiet tal-[Corporation Tax Acts], bħala distribuzzjoni jew bħala nfiq li jista’ jitnaqqas,

    is-‘somom imħallsa inkambju għal eżenzjoni ta’ grupp’ imsemmija f’dan is-subartikolu jfissru s-somom imħallsa mill-kumpannija li tagħmel it-talba lill-kumpannija li tagħmel iċ-ċessjoni skont ftehim bejniethom, fir-rigward ta’ ammont ċedut fil-kuntest ta’ eżenzjoni ta’ grupp, u l-imsemmija somom ma jaqbżux l-imsemmi ammont.”

    4

    L-Artikolu 403D tal-ICTA jipprovdi:

    “1.   Fid-determinazzjoni, għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, tal-ammonti għal kull sena finanzjarja tat-telf u ammonti oħra disponibbli għat-trasferiment permezz ta’ eżenzjoni ta’ grupp minn kumpannija li ma hijiex residenti, l-ebda telf jew ammonti oħra ma għandhom jiġu trattati bħal li kieku huma disponibbli ħlief fil-każijiet fejn

    a)

    huma attribwibbli għal attivitajiet ta’ din il-kumpannija li ġġeneraw matul is-sena kkunsidrata dħul u qligħ li ttieħdu inkunsiderazzjoni, jew (jekk ikun il-każ) li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-profitti taxxabbli tal-kumpannija għal din is-sena u suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji;

    b)

    ma humiex attribwibbli għal attivitajiet tal-kumpannija li huma eżentati mit-taxxa fuq il-kumpanniji għas-sena kkunsidrata permezz ta’ ftehim dwar taxxa doppja; u

    [...]l-ebda parti minn

    i)

    it-telf jew ammonti oħra, jew

    ii)

    kull ammont ikkunsidrat fil-kalkolu ta’ dawn,

    ma tikkorrispondi għal, jew hija rrappreżentata, f’ammont li, fir-rigward ta’ kull taxxa barranija jista’ (f’kull perijodu) b’xi mod jew ieħor jitnaqqas jew ikun attribwit għal profitti miksuba barra mir-Renju Unit [‘non-UK profits’] mill-kumpannija jew minn persuna oħra.

    […]

    3.   F’dan l-artikolu, il-‘profitti miksuba barra mir-Renju Unit’ [‘non-UK profits’], tkun min tkun il-persuna li huma marbuta miegħu, ifissru ammonti li,

    a)

    huma kkunsidrati għall-finijiet ta’ kull taxxa barranija bħala profitti, dħul jew qligħ li fuqhom (wara t-tnaqqis eventwali) dik il-persuna hija ntaxxata b’dik it-taxxa, u

    b)

    ma jikkorrispondux għal, u ma humiex meħudin inkunsiderazzjoni fil-profitti totali (ta’ din il-persuna jew ta’ kull persuna oħra) għal sena finanzjarja speċifika,

    jew l-ammonti meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġu stabbiliti dawn l-ammonti.

    […]

    6.   Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, kull dispożizzjoni legali jew regolatorja ta’ pajjiż ieħor għajr ir-Renju Unit [tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq] li, għall-finijiet tat-taxxa barranija, tissuġġetta t-tnaqqis ta’ somma għall-punt dwar jekk din is-somma tistax tiġi mnaqqsa fiskalment fir-Renju Unit, għandha tiġi injorata.

    [...]”

    5

    Il-paragrafu 406(2) tal-ICTA jipprovdi, barra minn hekk:

    “Skont is-subartikoli 3 u 5 iktar ’il quddiem, meta l-kumpannija ta’ rabta tista’ (indipendentement minn kwalunkwe nuqqas ta’ profitti) tagħmel talba għal tnaqqis ta’ konsorzju fir-rigward tat-telf jew ammont ieħor li jista’ jitnaqqas ta’ sena finanzjarja ta’ kumpannija membru fil-konsorzju, membru fil-grupp jista’ jagħmel kwalunkwe talba għal tnaqqis ta’ konsorzju li setgħet tagħmel il-kumpannija ta’ rabta.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    6

    Philips Electronics UK hija kumpannija li għandha r-residenza fiskali tagħha fir-Renju Unit. Hija parti mill-grupp Philips, li l-kumpannija parent finali tiegħu hija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi. Din tal-aħħar stabbiliet, flimkien ma’ grupp tal-Korea ta’ Isfel, LG Electronics, impriża komuni Din l-impriża komuni għandha sussidjarja Olandiża, LG Philips Displays Netherlands BV (iktar ’il quddiem, “LG.PD Netherlands”), li għandha stabbiliment permanenti fir-Renju Unit.

    7

    Philips Electronics UK ipprovat timputa fuq il-profitti tagħha parti mit-telf sostnut mill-istabbiliment permanenti stabbilit fir-Renju Unit ta’ LG.PD Netherlands għas-snin 2001 sa 2004.

    8

    It-talba tagħha ġiet miċħuda mill-awtoritajiet fiskali tar-Renju Unit għaliex, b’mod partikolari, it-telf ta’ LG.PD Netherlands seta’ jiġi imputat fuq il-profitti ta’ din tal-aħħar fil-Pajjiżi l-Baxxi. Din ir-raġuni ġiet ikkontestata b’mod partikolari quddiem il-First-tier Tribunal (Tax Chamber).

    9

    Il-First-tier Tribunal (Tax Chamber) tat raġun lil Philips Electronics UK. L-awtoritajiet fiskali tar-Renju Unit għaldaqstant appellaw quddiem l-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber).

    10

    L-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) iddeċidiet għaldaqstant li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Meta Stat Membru (bħar-Renju Unit) jinkludi fil-bażi taxxabbli [fil-bażi ta’ stima tat-taxxa] tiegħu l-qligħ [il-profitti] u t-telf ta’ kumpannija li għall-finijiet tat-taxxa hija stabbilita u residenti fi Stat Membru ieħor (bħall-Pajjiżi l-Baxxi) sa fejn il-qligħ huwa attribwibbli għal kummerċ fir-Renju Unit imwettaq minn kumpannija tal-Pajjiżi l-Baxxi permezz ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fir-Renju Unit, tkun restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment fir-Renju Unit ta’ ċittadin ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 49 TFUE (ex Artikolu 43 KE) jekk ir-Renju Unit jipprekludi t-trasferiment tat-telf [sostnut] fir-Renju Unit ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fir-Renju Unit ta’ kumpannija mhux residenti fir-Renju Unit lil kumpannija stabbilita fir-Renju Unit bħala għajnuna fi ħdan [eżenzjoni ta’] grupp, fejn parti minn dak it-telf jew xi ammont ikkunsidrat fil-komputazzjoni tiegħu “jikkorrispondi għal, jew [huwa rrappreżentat f’]kull ammont li, fir-rigward ta’ kull taxxa barranija jista’ (f’kull perijodu) jitnaqqas minn jew b’xi mod ieħor jittieħed inkunsiderazzjoni kontra qligħ mhux derivanti mir-Renju Unit tal-kumpannija jew ta’ kull persuna”, jiġifieri li jiġi permess it-trasferiment ta’ telf [sostnut] fir-Renju Unit fil-każ ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fir-Renju Unit biss fil-każ fejn huwa ċar li fiż-żmien meta ssir it-talba ma jista’ qatt ikun hemm tnaqqis jew [imputazzjoni] fi Stat ieħor minbarra r-Renju Unit (inkluż Stat Membru ieħor (bħall-Pajjiżi l-Baxxi)), u fejn ma jkunx suffiċjenti li tkun intalbet [eżenzjoni] disponibbli f’pajjiż barrani, u f’ċirkustanzi fejn ma hemm ebda kundizzjoni ekwivalenti applikabbli għat-trasferiment ta’ telf [sostnut] fir-Renju Unit ta’ kumpannija residenti fir-Renju Unit [għall-finijiet tat-taxxa]?

    2)

    F’każ ta’ risposta fil-pożittiv għall-ewwel domanda, dik ir-restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata:

    a)

    biss abbażi tal-bżonn li jiġi prekluż l-użu doppju tat-telf, jew

    b)

    biss abbażi tal-bżonn li jinżamm il-bilanċ bejn is-setgħat ta’ impożizzjoni tal-Istati Membri, jew

    c)

    abbażi tal-bżonn li jinżamm il-bilanċ bejn is-setgħat ta’ impożizzjoni tal-Istati Membri flimkien mal-bżonn li jiġi prekluż l-użu doppju tat-telf?

    3)

    F’każ ta’ risposta fil-pożittiv għat-tieni domanda, ir-restrizzjoni hija proporzjonata għal tali ġustifikazzjoni jew ġustifikazzjonijiet?

    4)

    Jekk xi restrizzjoni fuq id-drittijiet ta’ kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi ma hijiex iġġustifikata jew sa fejn ma tkunx proporzjonata fir-rigward ta’ xi ġustifikazzjoni, id-dritt tal-UE [...] jeħtieġ li r-Renju Unit jipprovdi lill-kumpannija stabbilita fir-Renju Unit b’rimedju, bħad-dritt li titlob [eżenzjoni ta’] grupp fuq [il]-profitti tagħha?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    11

    Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 43 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt, għal leġiżlazzjoni nazzjonali, li tissuġġetta għal kundizzjoni marbuta mal-impossibbiltà tal-użu tat-telf għall-bżonnijiet ta’ taxxa barranija l-possibbiltà ta’ trasferiment, permezz ta’ eżenzjoni ta’ grupp u għal kumpannija residenti, tat-telf sostnut mill-istabbiliment permanenti f’dan l-Istat Membru ta’ kumpannija li ma hijiex residenti, meta t-trasferiment tat-telf sostnut f’dan l-Istat Membru minn kumpannija residenti ma huwa suġġett għall-ebda kundizzjoni ekwivalenti, jikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà ta’ kumpannija li ma hijiex residenti li tistabbilixxi ruħha fi Stat Membru ieħor.

    12

    Il-libertà ta’ stabbiliment, li hija mogħtija mill-Artikolu 43 KE liċ-ċittadini tal-Unjoni u li timplika, għalihom, l-aċċess għall-attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom u l-eżerċizzju ta’ dawn kif ukoll l-istabbiliment u t-tmexxija ta’ impriżi taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk iddefiniti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ stabbiliment għaċ-ċittadini tiegħu, tinkludi, skont l-Artikolu 48 KE, għall-kumpanniji stabbiliti b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom, l-amministrazzjoni ċentrali tagħhom jew l-istabbiliment prinċipali tagħhom fi ħdan l-Unjoni Ewropea, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat permezz ta’ sussidjarja, fergħa jew aġenzija (sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Saint-Gobain ZN, C-307/97, Ġabra p. I-6161, punt 35, kif ukoll Marks & Spencer, punt 30).

    13

    Peress li t-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43 tat-Trattat KE tħalli b’mod espliċitu lill-operaturi ekonomiċi l-possibbiltà li jagħżlu b’mod ħieles il-forma legali xierqa għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom fi Stat Membru ieħor, din l-għażla ħielsa ma għandhiex tkun limitata b’dispożizzjonijiet fiskali diskriminatorji (sentenza tat-28 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Franza, 270/83, Ġabra p. 273, punt 22).

    14

    Il-libertà ta’ għażla tal-forma legali xierqa għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet fi Stat Membru ieħor għandha għaldaqstant, b’mod partikolari, bħala skop li tippermetti lill-kumpanniji li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru li jiftħu fergħa fi Stat Membru ieħor sabiex jeżerċitaw fih l-attivitajiet tagħhom taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk li japplikaw għas-sussidjarji (sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, CLT-UFA, C-253/03, Ġabra p. I-1831, punt 15).

    15

    F’dan ir-rigward, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissuġġetta għal ċerti kundizzjonijiet il-possibbiltà ta’ trasferiment, permezz ta’ eżenzjoni ta’ grupp u għal kumpannija residenti, telf sostnut mill-istabbiliment permanenti, f’dan l-Istat Membru, ta’ kumpannija li ma hijiex residenti, meta t-trasferiment tat-telf sostnut f’dan l-Istat Membru minn kumpannija residenti ma huwa suġġett għall-ebda kundizzjoni ekwivalenti.

    16

    Tali differenza fit-trattament tirrendi inqas attraenti, għall-kumpanniji li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stati Membri oħra, l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment permezz ta’ stabbiliment permanenti. Għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tillimita l-libertà li tintgħażel il-forma legali xierqa għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet fi Stat Membru ieħor.

    17

    Sabiex tali trattament differenti jkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment, dan għandu jkun jikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament komparabbli jew ikun iġġustifikat b’raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation, C-446/04, Ġabra p. I-11753, punt 167). Il-komparabbiltà ta’ sitwazzjoni Komunitarja ma’ sitwazzjoni nazzjonali għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni (sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, X Holding, C-337/08, Ġabra p. I-1215, punt 22).

    18

    Ir-Renju Unit isostni li s-sitwazzjoni ta’ kumpannija mhux residenti li għandha biss stabbiliment permanenti fit-territorju nazzjonali, li tista’ tiġi ntaxxata biss għall-profitti magħmula f’dan it-territorju tal-aħħar u imputabbli għal dan l-istabbiliment permanenti, ma hijiex komparabbli ma’ dik ta’ kumpannija residenti, li tista’ minbarra dan tkun is-sussidjarja ta’ kumpannija parent li ma hijiex residenti, u li tista’ tiġi ntaxxata fuq il-qligħ kollu tagħha.

    19

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax taqbel ma’ din l-analiżi. Fil-fatt, is-sitwazzjoni ta’ kumpannija li ma hijiex residenti li għandha biss stabbiliment permanenti fit-territorju nazzjonali u dik ta’ kumpannija residenti huma, fir-rigward tal-għan ta’ sistema fiskali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, oġġettivament komparabbli sakemm hija kkonċernata l-possibbiltà ta’ trasferiment permezz ta’ eżenzjoni ta’ grupp tat-telf sostnut fir-Renju Unit lil kumpannija oħra f’dan il-grupp.

    20

    Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 43 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt, għal leġiżlazzjoni nazzjonali, li tissuġġetta għal kundizzjoni marbuta mal-impossibbiltà tal-użu tat-telf għall-bżonnijiet ta’ taxxa barranija, permezz ta’ eżenzjoni ta’ grupp u għal kumpannija residenti, ta’ telf sostnut mill-istabbiliment permanenti f’dan l-Istat Membru ta’ kumpannija li ma hijiex residenti, meta t-trasferiment tat-telf sostnut f’dan l-Istat Membru minn kumpannija residenti ma huwa suġġett għall-ebda kundizzjoni ekwivalenti, jikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà ta’ kumpannija mhux residenti li tistabbilixxi ruħha fi Stat Membru ieħor.

    Fuq it-tieni domanda

    21

    Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk restrizzjoni tal-libertà ta’ kumpannija li ma hijiex residenti li tistabbilixxi ruħha fi Stat Membru ieħor, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistax tiġi ġġustifikata b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali bbażati fuq l-għan intiż sabiex jiġi prekluż it-teħid inkunsiderazzjoni doppju tat-telf, fuq iż-żamma ta’ bilanċ bejn is-setgħat ta’ impożizzjoni tal-Istati Membri jew fuq dawn it-tnejn flimkien.

    22

    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi aċċettata biss jekk hija tkun iġġustifikata b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Huwa wkoll neċessarju, f’tali ipoteżi, li din tkun xierqa għat-twettiq tal-għan inkwistjoni u li tali restrizzjoni ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

    23

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, taż-żamma ta’ bilanċ bejn is-setgħat ta’ impożizzjoni tal-Istati Membri, għandu jiġi mfakkar li dan huwa għan leġittimu rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus, C-371/10, Ġabra p. I-12273, punt 45).

    24

    Dan l-għan, kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa intiż b’mod partikolari sabiex iżomm is-simmetrija bejn id-dritt ta’ impożizzjoni tal-profitti u l-possibbiltà ta’ tnaqqis tat-telf (ara s-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2008, Lidl Belgium, C-414/06, Ġabra. p. I-3601, punt 33).

    25

    Madankollu, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, is-setgħa ta’ impożizzjoni tal-Istat Membru ospitanti, li fit-territorju tiegħu tiġi eżerċitata l-attività ekonomika li tat lok għat-telf tal-istabbiliment permanenti, bl-ebda mod ma hija affettwata bil-possibbiltà ta’ trasferiment, b’eżenzjoni ta’ grupp u għal kumpannija residenti, tat-telf sostnut minn stabbiliment permanenti li jinsab fit-territorju tiegħu.

    26

    Għandha ssir distinzjoni bejn din is-sitwazzjoni u dik li tirrigwarda l-possibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni telf sostnut fi Stat Membru ieħor u li tista’ tiġi relatata, minħabba f’hekk, mas-setgħa ta’ impożizzjoni ta’ dan tal-aħħar, u fejn is-simmetrija bejn id-dritt ta’ impożizzjoni tal-profitti u l-possibbiltà ta’ tnaqqis tat-telf ma tkunx imħarsa. Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li tirrigwarda t-trasferiment għal kumpannija residenti tat-telf sostnut minn stabbiliment permanenti li jinsab fit-territorju tal-istess Stat Membru, is-setgħa ta’ impożizzjoni ta’ dan tal-aħħar fuq l-eventwali profitti li jirriżultaw mill-attività, fit-territorju tiegħu, tal-istabbiliment permanenti ma hijiex affettwata.

    27

    Minn dan jirriżulta li l-Istat Membru ospitanti, li fit-territorju tiegħu tiġi eżerċitata l-attività ekonomika li tat lok għat-telf tal-istabbiliment permanenti, ma jistax jinvoka, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-għan ta’ żamma ta’ bilanċ bejn is-setgħat ta’ impożizzjoni tal-Istati Membri sabiex jiġġustifika l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu tissuġġetta għal kundizzjoni marbuta mal-impossibbiltà tal-użu tat-telf għall-bżonnijiet ta’ taxxa barranija l-possibbiltà ta’ trasferiment, permezz ta’ eżenzjoni ta’ grupp u għal kumpannija residenti, tat-telf sostnut mill-istabbiliment permanenti f’dan l-Istat Membru ta’ kumpannija li ma hijiex residenti, meta t-trasferiment tat-telf sostnut f’dan l-Istat Membru minn kumpannija residenti ma huwa suġġett għall-ebda kundizzjoni ekwivalenti.

    28

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-għan intiż sabiex jipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni doppju tat-telf, għandu jiġi osservat li, anki jekk jingħad li tali motiv jista’ jiġi invokat b’mod awtonomu, dan ma jista’ qatt isir, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex jiġġustifika l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti.

    29

    Fil-fatt, il-kawża prinċipali tirrigwarda l-possibbiltà, għall-Istat Membru ospitanti, li jissuġġetta għal ċerti kundizzjonijiet il-possibbiltà ta’ trasferiment, permezz ta’ eżenzjoni ta’ grupp u għal kumpannija residenti, ta’ telf sostnut mill-istabbiliment permanenti, f’dan l-Istat Membru, ta’ kumpannija li ma hijiex residenti, meta t-trasferiment tat-telf sostnut f’dan l-Istat Membru minn kumpannija residenti ma huwa suġġett għall-ebda kundizzjoni ekwivalenti.

    30

    F’każ bħal dan, il-probabbiltà li tali telf jittieħed inkunsiderazzjoni fl-Istat Membru ospitanti li fih jinsab l-istabbiliment permanenti u li jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni fl-Istat Membru fejn il-kumpannija li ma hijiex residenti għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha ma jaffettwax is-setgħa ta’ impożizzjoni tal-Istat Membru li fih jinsab l-istabbiliment permanenti.

    31

    Kif tosserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 49 et seq tal-konklużjonijiet tagħha, it-telf ittrasferit mill-istabbiliment permanenti tar-Renju Unit ta’ LG.PD Netherlands għal Philips Electronics UK, li hija kumpannija residenti stabbilita fir-Renju Unit, jistgħu jiġu relatati, f’kull każ, mas-setgħa ta’ impożizzjoni tar-Renju Unit. Din is-setgħa ta’ impożizzjoni ma hija bl-ebda mod imqiegħda f’dubju bil-fatt li t-telf ittrasferit jista’, eventwalment, jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    32

    Għaldaqstant, f’ċirkustanzi bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-għan intiż sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ teħid inkunsiderazzjoni doppju tat-telf ma jistax, inkwantu tali, jawtorizza lill-Istat Membru li fih jinsab l-istabbiliment permanenti sabiex jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tat-telf għar-raġuni li dawn jistgħu, barra minn hekk, jintużaw fl-Istat Membru li fih għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha l-kumpannija li ma hijiex residenti.

    33

    L-Istat Membru ospitanti, li fit-territorju tiegħu jinsab l-istabbiliment permanenti, ma jistax għaldaqstant, sabiex jiġġustifika l-leġiżlazzjoni tiegħu f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jinvoka b’mod awtonomu r-riskju ta’ teħid inkunsiderazzjoni doppju tat-telf.

    34

    L-istess jgħodd, u għar-raġunijiet esposti fil-punti 23 sa 33 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tal-għanijiet, meħudin flimkien, intiżi għaż-żamma ta’ bilanċ bejn is-setgħat ta’ impożizzjoni tal-Istati Membri u sabiex jiġi prekluż it-teħid inkunsiderazzjoni doppju tat-telf.

    35

    Minn dak li ntqal jirriżulta li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li restrizzjoni tal-libertà ta’ kumpannija li ma hijiex residenti li tistabbilixxi ruħha fi Stat Membru ieħor, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi ġġustifikata b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali bbażati fuq l-għan intiż sabiex jiġi prekluż it-teħid inkunsiderazzjoni doppju tat-telf, fuq iż-żamma ta’ bilanċ bejn is-setgħat ta’ impożizzjoni tal-Istati Membri jew fuq dawn it-tnejn flimkien.

    Fuq it-tielet domanda

    36

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

    Fuq ir-raba ’ domanda

    37

    Bir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, liema huma l-konsegwenzi li għandhom jiġu dedotti mir-risposta mogħtija għat-tieni domanda.

    38

    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li kull qorti nazzjonali li quddiemha tinfetaħ kawża li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tagħha, bħala korp ta’ Stat Membru, għandha l-obbligu taħt il-prinċipju ta’ kooperazzjoni stabbilit fl-Artikolu 10 KE, li tapplika b’mod sħiħ id-dritt tal-Unjoni direttament applikabbli u li tipproteġi d-drittijiet li huwa jikkonferixxi lill-individwi, indipendentement minn kwalunkwe dispożizzjoni li tista’ tkun f’kunflitt mal-liġi nazzjonali, kemm jekk din tkun preċedenti jew sussegwenti għal-liġi tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, Ġabra p. 629, punti 16 u 21, kif ukoll tad-19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et, C-213/89, Ġabra p. I-2433, punt 19).

    39

    F’dan il-każ, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward il-fatt li ma hijiex il-persuna taxxabbli, kumpannija stabbilita fir-Renju Unit, li kellha l-libertà ta’ stabbiliment tagħha ristretta b’mod mhux ġustifikat, iżda l-kumpannija li ma hijiex residenti li għandha stabbiliment permanenti fir-Renju Unit. Sabiex tkun effettiva, il-libertà ta’ stabbiliment għandha tinvolvi wkoll, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-possibbiltà għall-persuna taxxabbli li tibbenefika mill-eżenzjoni ta’ grupp imputabbli fuq il-profitti tagħha.

    40

    Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali għandha tħalli mhux applikata kull dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li tmur kontra l-Artikolu 43 KE.

    Fuq l-ispejjeż

    41

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 43 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt, għal leġiżlazzjoni nazzjonali, li tissuġġetta għal kundizzjoni marbuta mal-impossibbiltà tal-użu tat-telf għall-bżonnijiet ta’ taxxa barranija l-possibbiltà ta’ trasferiment, permezz ta’ eżenzjoni ta’ grupp u għal kumpannija residenti, ta’ telf sostnut mill-istabbiliment permanenti f’dan l-Istat Membru ta’ kumpannija li ma hijiex residenti, meta t-trasferiment tat-telf sostnut f’dan l-Istat Membru minn kumpannija residenti ma huwa suġġett għall-ebda kundizzjoni ekwivalenti, jikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà ta’ kumpannija mhux residenti li tistabbilixxi ruħha fi Stat Membru ieħor.

     

    2)

    Restrizzjoni tal-libertà ta’ kumpannija li ma hijiex residenti li tistabbilixxi ruħha fi Stat Membru ieħor, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi ġġustifikata b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali bbażati fuq l-għan intiż sabiex jiġi prekluż it-teħid inkunsiderazzjoni doppju tat-telf, fuq iż-żamma ta’ bilanċ bejn is-setgħat ta’ impożizzjoni tal-Istati Membri jew fuq dawn it-tnejn flimkien.

     

    3)

    F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali għandha tħalli mhux applikata kull dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li tmur kontra l-Artikolu 43 KE.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top