Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CC0638

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 25 ta' April 2013.
    il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea vs Gul Ahmed Textile Mills Ltd.
    Appell - Dumping - Importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda tal-qoton li joriġinaw mill-Pakistan - Regolament (KE) Nru 384/96 - Artikolu 3(7) - Kunċett ta’ ‘fatturi l-oħra’.
    Kawża C-638/11 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:277

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SHARPSTON

    ippreżentati fil-25 ta’ April 2013 ( 1 )

    Kawża C‑638/11 P

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    vs

    Gul Ahmed Textile Mills Ltd

    “Appell — Dumping — Importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda tal-qoton li joriġinaw mill-Pakistan — Rabta kawżali bejn dumping u ħsara — Fatturi magħrufa li jikkawżaw ħsara, għajr importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping — Attribuzzjoni jew nuqqas ta’ attribuzzjoni ta’ ħsara lill-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping”

    1. 

    Qabel is-sena 2002, l-importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda tal-qoton li joriġinaw mill-Pakistan kienu suġġetti għal dazju doganali, li lejn l-aħħar kien 12 %. Mill-1997, huma kienu suġġetti wkoll, b’xi eċċezzjonijiet, għal dazju antidumping ta’ bejn 6 % u 7 % ( 2 ). F’Jannar 2002, dawn iż-żewġ dazji tneħħew ( 3 ). F’Novembru 2002, Eurocoton ( 4 ), f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw parti kbira tal-produzzjoni fil-Komunità, ressaq ilment quddiem il-Kummissjoni. Wara investigazzjoni, fl-2004 ġie impost dazju antidumping ġdid ta’ 13.1 % ( 5 ).

    2. 

    Gul Ahmed Textile Mills Ltd (iktar ’il quddiem “Gul Ahmed”) hija produttriċi Pakistana li l-prodotti esportati tagħha ma kinux ġew suġġetti għad-dazju antidumping preċedenti ( 6 ). Hija ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali biex tikkontesta r-Regolament ikkontestat fuq il-bażi, inter alia, li d-determinazzjoni tal-ħsara naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-importazzjonijiet kienu żdiedu b’riżultat tat-tneħħija tad-dazji preċedenti, li kien fattur magħruf għajr importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping li jagħmlu ħsara lill-industrija Komunitarja, fis-sens tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament Nru 384/96 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku” ( 7 )).

    3. 

    Il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors abbażi ta’ dan l-argument ( 8 ).

    4. 

    Il-Kunsill appella u, sostnut mill-Kummissjoni, jargumenta essenzjalment li l-effett tat-tneħħija tad-dazji preċedenti ma setax jiġi sseparat jew distint minn dak tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping meta tiġi stabbilita r-rabta kawżali tal-ħsara lill-industrija Komunitarja. Għaldaqstant, it-tneħħija tagħhom ma kinitx “fattur[…] għajr importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping”. Il-kwistjoni hija għalhekk waħda kompatta: l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa jew stretta?

    Il-leġiżlazzjoni rilevanti

    Ir-Regolament bażiku

    5.

    Kif jingħad fil-preambolu tiegħu, ir-Regolament bażiku ġie adottat sabiex ir-regoli Komunitarji jsiru konformi mat-tibdil fil-ftehim internazzjonali, b’mod partikolari l-Ftehim Antidumping tal-WTO ( 9 ).

    6.

    L-Artikolu 1(1) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi l-prinċipju li dazju antidumping jista’ jiġi applikat għal kwalunkwe prodott li huwa oġġett ta’ dumping li l-liberazzjoni tiegħu għal ċirkulazzjoni ħielsa fil-Komunità tikkawża ħsara. L-Artikolu 1(2) jiddefinixxi prodott li huwa l-oġġett ta’ dumping bħala li huwa wieħed li l-prezz tal-esportazzjoni tiegħu għall-Komunità ikun inqas minn prezz paragunabbli għal prodott simili, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, kif stabbilit għall-pajjiż esportatur.

    7.

    L-Artikolu 2 jistabbilixxi l-prinċipji u r-regoli li jirregolaw id-determinazzjoni ta’ dumping. Essenzjalment, għal prodott speċifiku esportat minn pajjiż terz, jiġi stabbilit valur normali fis-suq domestiku u prezz ta’ esportazzjoni lejn il-Komunità, u jsir paragun ġust bejn it-tnejn, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi fatturi li jistgħu jinfluwenzaw id-differenzi bejniethom. Jekk il-paragun tal-medji mwieżna juri li l-valur normali jeċċedi l-prezz ta’ esportazzjoni, l-ammont li jirriżulta jkun il-marġni ta’ dumping.

    8.

    L-Artikolu 3 (“Tistabbilixxi l-ħsara”) jipprovdi, b’mod partikolari:

    “[…]

    2.   Il-ħsara trid tkun stabbilita billi tkun ibbażata fuq evidenza pożittiva u għandha tinvolvi eżami objettiva kemm ta’ (a) il-volum ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-effett ta’ l-importazzjonijiet mibjugħin taħt il-prezz fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Komunità għall-prodotti simili; u kemm (b) l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija Komunitarja.

    3.   Fejn għandu x’jaqsam il-volum ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm żjieda sinifikanti fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, jew f’termini assoluti jew imqabbla mal-produzzjoni u l-konsum fil-Komunità. Fejn għandu x’jaqsam l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq prezzijiet, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm waqgħat sinifikanti fil-prezzijiet mix-xiri taħt il-prezz ta’ l-importazzjonijiet meta mqabbla mal-prezz ta’ prodott simili ta’ l-industrija Komunitarja, jew jekk l-effett ta’ importazzonijiet bħal dawn huwiex mod ieħor biex iwaqqa’ l-prezzijiet għal grad sinifikanti jew biex jipprevjeni żjidiet fil-prezz, li setgħu jseħħu, sa grad sinifikanti. L-ebda wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi ma jista neċessarjament jagħti gwida deċiżiva.

    […]

    5.   L-eżami ta’ l-impatt tal-prodotti li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Komunità konċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi rilevanti u l-indiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat ta’ l-industrija, inkluż il-fatt li l-industrija għadha fi proċess ta’ rkuprar mill-effetti ta’ xiri taħt il-prezz jew sussidju fil-passat, il-kobor tal-marġini attwali tax-xiri taħt il-prezz, it-tnaqqis attwali u potenzjali fil-bejgħ, il-profitti, il-produzzjoni, is-sehem fis-suq, il-produttività, ir-redditu fuq l-investimenti, l-utilizzazzjoni tal-volum; fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet Komunitarji; effetti negattivi attwali u potenzjali fuq iċ-ċirkolazzjoni tal-flus, l-inventarji, il-pagi, it-tkabbir, l-abilità li l-kapital jew investimenti jiġu mgħollija. Il-lista ma ttemx kollox, u lanqas ma jistgħu, wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi, neċessarjament jagħtu gwida deċiżiva.

    6.   Għandu jintwera, mill-evidenza rilevanti kollha ppreżentata fejn jidħol il-paragrafu 2, li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping qegħdin jikkawżaw ħsara skond it-tifsira ta’ dan ir-Regolament. B’mod speċifiku, dan għandu jinvolvi dimostrazzjoni li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet identifikati skond il-paragradfu 3 huma responsabbli għal impatt fuq l-industrija Komunitarja kif stabbilita fil-paragrafu 5, u li dan l-impatt jeżisti sa grad li jagħmlu possibbli li jiġi kklasifikat bħala materjali.

    7.   Fatturi magħrufa għajr importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping li fl-istess ħin qegħdin jagħmlu ħsara lill-industrija Komunitarja għandhom ukoll jiġu eżaminati sabiex jiżguraw li l-ħsara kkawżata minn dawn il-fatturi l-oħra mhix attribwita għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping taħt paragrafu 6. Fatturi li jistgħu jiġu kkunsidrati f’dan ir-rigward jinkludu l-volum u l-prezzijiet ta’ importazzjonijiet mhux mibjugħin bi prezzijiet taħt il-prezz tagħhom, tnaqqis fid-domanda jew tibdiliet fil-mudelli tal-konsum, prattiċi restritti tal-kummerċ, u kompetizzjoni bejn, produtturi Komunitarji u ta’ pajjiżi terzi, żviluppi fit-teknoloġija u l-atteġġament ta’ l-esportazzjoni u l-produttività ta’ l-industrija Komunitarja.

    […]” ( 10 ).

    Ir-Regolament ikkontestat

    9.

    Il-premessa 19 tar-Regolament ikkontestat tgħid li l-perijodu ta’ investigazzjoni għal dumping u ħsara kien jinkludi mill-1 ta’ Ottubru 2001 sat-30 ta’ Settembru 2002 u li t-tendenzi rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ħsara ġew eżaminati mill-1999 sa l-aħħar ta’ dan il-perijodu ( 11 ).

    10.

    Peress li fil-premessi 30 sa 102 ġiet ikkonstatata l-eżistenza ta’ dumping mill-produtturi Pakistani esportaturi kollha u ħsara lill-industrija Komunitarja, fil-premessi 103 sa 118 ġiet eżaminata r-rabta kawżali. Fil-premessa 107 ġie konkluż li, f’termini ta’ kemm volum u kif ukoll ta’ prezzijiet, l-importazzjonijiet mill-Pakistan eżerċitaw pressjoni sinjifikattiva fuq l-industrija Komunitarja u li kien hemm koinċidenza ta’ żmien bejn dawn l-importazzjonijiet u l-ħsara li sofriet l-industrija Komunitarja. Fil-premessi 108 sa 115 ġew eżaminati, skont l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, l-effetti ta’ sitt fatturi oħra: l-importazzjonijiet sussidjati li joriġinaw mill-Indja, l-importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi li ma humiex l-Indja u l-Pakistan, it-tnaqqis fid-domanda, l-importazzjonijiet mill-industrija Komunitarja, il-prestazzjoni tal-esportazzjoni mill-industrija Komunitarja u l-produttività tal-industrija Komunitarja. Fil-premessi 116 sa 118, ġie konkluż li ebda wieħed minn dawn il-fatturi ma kisru r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet mill-Pakistan u l-ħsara li sofriet l-industrija Komunitarja.

    11.

    L-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat impona dazju antidumping definittiv ta’ 13.1 % fuq importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda tal-fibri tal-qoton, puri jew imħalltin ma’ fibri magħmula mill-bniedem jew kittien (il-kittien ma jkunx il-fibra dominanti), ibbliċjati, miżbugħa jew stampati li joriġinaw fil-Pakistan u attwalment jistgħu jiġu kklassifikati ġewwa kodiċijiet speċifiċi fin-Nomenklatura Magħquda ( 12 ).

    Is-sentenza appellata

    12.

    Il-Qorti Ġenerali eżaminat biss it-tielet parti tal-ħames motiv ta’ Gul Ahmed, ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill wettaq żball ta’ liġi meta naqas milli jeżamina jekk it-tneħħija tad-dazju antidumping preċedenti fuq il-prodotti mill-Pakistan u l-implementazzjoni ta’ tariffi preferenzjali ġeneralizzati favur il-Pakistan fil-bidu tal-2002 kisrux ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet mill-Pakistan u l-ħsara li sofriet l-industrija Komunitarja ( 13 ).

    13.

    Fil-punt 53 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali nnotat li l-effetti dannużi tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping għandhom jiġu korrettament isseparati u distinti mill-effetti dannużi ta’ “fattur magħruf għajr importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping li jagħmlu ħsara lill-industrija Komunitarja”. Mingħajr tali separazzjoni u distinzjoni, il-Kummissjoni u l-Kunsill ma jkollhom ebda bażi razzjonali biex jikkonkludu li l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping kienu fil-fatt qed jikkawżaw il-ħsara. Din is-separazzjoni teħtieġ analiżi konkreta tan-natura u tal-importanza tal-fatturi inkwistjoni, li ma tistax tkun ibbażata fuq is-sempliċi ipoteżi li l-fatturi għajr l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping ma jikkawżawx il-ħsara u ma jikkontribwixxux għaliha.

    14.

    Fil-punti 55 sa 59, il-Qorti Ġenerali ċaħdet id-distinzjoni bejn l-iżviluppi jew l-aġir li jirrigwardaw is-suq (li l-Kunsill qies bħala li jikkostitwixxu fatturi oħra) u l-emendi għall-qafas leġiżlattiv tas-suq (li hija ma qisitx b’dan il-mod). Din id-distinzjoni ma tirriżultax mill-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku jew mill-Artikolu 3.5 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO, u lanqas ma setgħat tiġi dedotta minn xi karatteristiċi komuni ppreżentati mill-fatturi magħrufa elenkati f’dawn id-dispożizzjonijiet.

    15.

    L-ewwel nett, l-elenkar ta’ dawn il-fatturi kien espliċitament indikattiv, u mhux eżawrjenti. It-tieni nett, iż-żewġ dispożizzjonijiet kienu intiżi li jevitaw protezzjoni mhux meħtieġa għall-industrija domestika billi jiżguraw li l-effetti negattivi ta’ fatturi oħra li jaffettwaw il-ħsara ma jiġux attribwiti lill-importazzjonijiet inkwistjoni. It-tielet nett, jekk iż-żieda fl-importazzjonijiet ta’ prodott fl-iskadenza ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata l-eżistenza ta’ ħsara ( 14 ), l-istess għandu japplika għall-evalwazzjoni tar-rabta kawżali skont l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku. Konsegwentement, it-tneħħija tad-dazji antidumping preċedenti u d-dazji doganali ordinarji kienu fatturi magħrufa li l-istituzzjonijiet tal-UE kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni meta jevalwaw ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet ikkonċernati u l-ħsara li sofriet l-industrija Komunitarja. Kieku jiġi konkluż mod ieħor, dan irendi ineffettiv l-obbligu msemmi fl-Artikolu 3(7) fejn, kif inhu l-każ hawnhekk, l-effetti tal-emendi għall-qafas leġiżlattiv kienu tqajmu b’mod ċar fil-proċedura amministrattiva.

    16.

    Fil-punt 84 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali esponiet:

    “[…] mill-analiżi magħmula mill-istituzzjonijiet tal-UE f’dan il-każ, ma huwiex ċar, lanqas fil-forma ta’ sempliċi stima, x’kienet tkun il-ħsara li sofriet l-industrija Komunitarja fin-nuqqas ta’ kwalunke dumping, jiġifieri x’kienet tkun il-ħsara li tirriżulta biss mid-dħul fis-seħħ tal-iskema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u t-tneħħija tad-dazji antidumping preċedenti, kemm fis-sens ta’ telf tas-sehem mis-suq, tnaqqis fil-vijabbiltà jew fil-prestazzjoni tal-industrija msemmija iktar ’il fuq, rinunzja ta’ partijiet iktar baxxi fis-suq jew xi indikatur ekonomiku rilevanti ieħor. Kien ħafna iktar neċessarju li jiġi analizzat l-impatt tal-miżuri inkwistjoni peress li diversi partijiet mir-Regolament ikkontestat jipprovdu li l-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet kienet ‘qawwija’, b’tali mod li tnaqqis fil-prezzijiet ta’ importazzjonijiet mill-Pakistan wara l-imsemmija emendi leġiżlattivi ma setax, probabbilment, jibqa’ mingħajr impatt fuq l-istat tas-suq”.

    17.

    Peress li ma setax jiġi eskluż li, mingħajr l-iżball tal-liġi inkwistjoni, il-Kunsill ma kienx jikkonstata l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li jifformaw is-suġġett tal-proċedura antidumping u l-ħsara li sofriet l-industrija Komunitarja, il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament ikkontestat inkwantu kien jaffettwa lil Gul Ahmed u, fil-fatt, irrinvijat il-kwistjoni lura quddiem il-Kunsill peress li hija ma setgħatx tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha flok dik tal-Kunsill. Il-Qorti Ġenerali qieset li ma kienx neċessarju li teżamina l-motivi u l-argumenti l-oħra ta’ Gul Ahmed.

    Sunt tal-argumenti tal-appell

    18.

    Insostenn tal-aggravju uniku tiegħu, jiġifieri, li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill jargumenta, l-ewwel nett, li mid-definizzjoni tagħhom il-“fatturi għajr l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping” ma humiex relatati ma’ dawn l-importazzjonijiet — pereżempju, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra, spejjeż għoljin, it-tnaqqis fid-domanda u l-kompetizzjoni fost il-produtturi tal-UE. F’dan il-każ, it-tneħħija tad-dazju antidumping u l-implementazzjoni tal-iskema ta’ preferenzi għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat kienu relatati mill-qrib mal-importazzjonijiet mill-Pakistan li huma oġġett ta’ dumping. Dan seta’ jiffaċilita żieda f’dawn l-importazzjonijiet, iżda l-ħsara li tirriżulta minn żieda fl-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping tiġi kkawżata mill-importazzjonijiet u mhux mill-fatturi li jiffaċilitaw iż-żieda ( 15 ).

    19.

    It-tieni nett, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa vvizzjat.

    20.

    Li jingħad li l-lista fl-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku ma hijiex eżawrjenti huwa irrilevanti. Il-Kunsill kien sostna biss li ż-żewġ fatturi kkontestati ma kinux jikkostitwixxu fatturi oħra fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    21.

    Il-punt 57 tas-sentenza appellata jonqos milli jindirizza l-osservazzjoni tal-Kunsill li l-emendi fil-qafas leġiżlattiv huma rilevanti biss sa fejn jipproduċu effett fis-suq; u li ż-żewġ fatturi ineżami seta’ kellhom effett fuq l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping, iżda mhux fuq il-prestazzjoni tal-industrija tal-UE.

    22.

    Huwa minnu li l-fatturi magħrufa l-oħra kollha għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u li l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku huwa intiż li jiżgura li l-ħsara kkawżata minn fatturi oħra ma tiġix attribwita lill-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping. Madankollu, id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Artikolu 3(7) ma jiddistingwix bejn żviluppi jew aġir relatat mas-suq u t-tibdil fil-qafas leġiżlattiv, tonqos milli tirrikonoxxi li tali tibdil jista’ jipproduċi effett dannuż biss sa fejn jipproduċi effetti fis-suq. L-unika effett allegat fir-rigward taż-żewġ fatturi kkontestati kien li dawn setgħu ffaċilitaw l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping; li kwalunkwe ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping kienet ikkawżata minnhom u mhux mill-fatturi li setgħu ffaċilitawhom; u li, għaldaqstant, iż-żewġ fatturi kkontestati ma kinux “fattur[i…] għajr importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping” fis-sena tal-Artikolu 3(7).

    23.

    Is-sentenza fil-kawża Foshan Golden Step, fil-fatt, issostni l-interpretazzjoni tal-Kunsill. F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-allegazzjoni li t-tneħħija tal-kwota kwantitattiva rrovinat l-informazzjoni dwar il-ħsara u ddeċidiet li l-Kunsill kien korrett li jieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tiegħu tal-ħsara, iż-żieda fl-importazzjonijiet wara t-tneħħija tal-kwota. Fi kliem ieħor, peress li l-ħsara tikkonsisti f’żieda fl-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping, l-istituzzjonijiet jistgħu jattribwixxu l-ħsara kollha lill-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping u ma għandhomx għalfejn jisseparaw u jiddistingwu l-effetti tat-tneħħija tal-kwota.

    24.

    It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali, fundamentalment, fehmet ħażin l-Artikoli 3(6) u (7) tar-Regolament bażiku. Fil-punt 84 tas-sentenza tagħha, hija kkunsidrat li, sabiex jimponu miżuri, l-istituzzjonijiet għandhom jistabbilixxu rabta kawżali bejn id-dumping u l-ħsara li sofriet. Madankollu, huwa ċar minn kliem l-Artikoli 39(6) u (7) u mill-ġurisprudenza stabbilita ( 16 ) li r-rabta kawżali li għandha tiġi stabbilita hija bejn l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping u l-ħsara li sofriet, u mhux bejn id-dumping u l-ħsara li sofriet.

    25.

    Finalment, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali twassal għal riżultati assurdi u inaċċettabbli. Jekk id-dazji antidumping jiskadu minħabba li l-industrija tal-UE ma titlobx li tiġi riveduta d-data tal-iskadenza jew li l-istituzzjonijiet jikkonkludu li l-kundizzjonijiet għat-tiġdid ma humiex sodisfatti, u jekk l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat jiżdiedu bil-ħafna u jieħdu sehem mis-suq sinjifikattiv mill-industrija tal-UE, allura, skont il-Qorti Ġenerali, l-istituzzjonijiet għandhom jeżaminaw liema parti miż-żieda fl-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping hija dovuta minħabba l-iskadenza tad-dazji preċedenti, u għandhom “jisseparaw u jiddistingwu” l-ħsara kkawżata b’dik iż-żieda mill-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping. Dan ikun jammonta għall-aċċettazzjoni li l-iskadenza tad-dazji antidumping tiġġustifika dumping futur u tillimita l-kapaċità tal-istituzzjonijiet biex jipproteġu l-industrija tal-UE kontra l-effetti dannużi tagħha. Jekk, wara t-tneħħija tad-dazji antidumping, id-dumping jerġa’ jibda jew ikompli, u jekk l-industrija tal-UE ssofri ħsara b’riżultat tal-volum u prezzijiet tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping, allura dik il-ħsara tiġi kkawżata mill-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping u mhux min-nuqqas ta’ protezzjoni. L-istess japplika fir-rigward tal-implementazzjoni tal-preferenzi tariffarji. Il-preferenzi tariffarji jiffaċilitaw l-importazzjonijiet iżda l-għan tagħhom huwa li jiffaċilitaw l-importazzjonijiet ġusti, u mhux l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping u dannużi.

    26.

    Gul Ahmed issostni li l-aggravji huma impreċiżi, irrilevanti u żbaljati għal dak li jirrigwarda d-dritt.

    27.

    L-ewwel nett, l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku ma jillimitax il-fatturi li l-effetti dannużi tagħhom għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Madankollu, anki kieku kien jagħmel dan, ma setax jingħad li t-tneħħija tad-dazji preċedenti fl‑2002 kienet relatata mal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping. Min-naħa l-oħra, din kienet ir-riżultat ta’ azzjonijiet sovrani tal-istituzzjonijiet tal-UE. Barra minn hekk, il-preferenzi tariffarji ġeneralizzati ma kienu bl-ebda mod speċifiċi għall-friex tas-sodda.

    28.

    It-tieni nett, għandu jiġi asserit li kwalunkwe ħsara li tirriżulta minn żieda fl-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping ma tirriżultax mill-fatturi li jiffaċilitaw iż-żieda fl-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping. Ir-rapport “EU – Footwear (China)” iċċitat mill-Kunsill ma jagħtix raġunijiet biżżejjed, iżda jressaq l-argument kontradittorju li “ġrajja esterna” — f’dak il-każ, it-tneħħija tal-kwota — tista’ tkun “relatata mill-qrib” mal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping. Il-fatturi ineżami f’dan il-każ naqqsu direttament il-piż tad-dazju tal-UE fuq l-importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda mill-Pakistan, u għaldaqstant affettwaw direttament il-livelli ta’ prezzijiet ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq is-suq tal-UE u mhux biss iffaċilitaw żieda fil-volum ta’ importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping.

    29.

    It-tielet nett, il-fatturi inkwistjoni kellhom impatt dirett fuq is-suq tal-UE. Dawn kienu atti intenzjonati tal-gvern li b’riżultat dirett tagħhom, u mingħajr ebda tibdil fil-prezzijiet f.o.b. tal-produtturi Pakistani, il-produtturi tal-UE kienu qegħdin jiffaċċjaw importazzjonijiet deħlin fis-suq tal-UE bi prezzijiet sostanzjalment irħas. Fi kliem ieħor, il-fatturi inkwistjoni affettwaw direttament u indipendentement il-livelli ta’ prezzijiet fil-Komunità fi grad sostanzjali.

    30.

    Ir-raba’ nett, il-Kunsill ma jispjegax għaliex ir-rabta kawżali għandha tkun bejn l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping u l-ħsara li sofriet, u mhux bejn id-dumping u l-ħsara. Irrispettivament jekk iż-żewġ fatturi inkwistjoni u l-effetti tagħhom humiex ikkunsidrati fir-rigward tad-dumping jew tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping, dawn jibqgħu atti sovrani tal-istituzzjonijiet tal-UE li minnhom infushom ipproduċew effetti diretti fuq l-indikaturi ekonomiċi li ġew ikkunsidrati fl-evalwazzjoni tal-ħsara u r-rabta kawżali.

    31.

    Fl-aħħar nett, l-appell jinterpreta ħażin l-implikazzjonijiet tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali billi jikkaratterizza b’mod żbaljat l-emendi fil-qafas leġiżlattiv. It-tneħħija tad-dazju antidumping preċedenti ma kinitx għax skada dan id-dazju, iżda biex tikkoreġi l-impożizzjoni invalida tiegħu wara li ġie kkonstatat li ma kien seħħ ebda dumping. Lanqas l-għoti ta’ preferenzi tariffarji speċjali ma ffaċilitaw sempliċement l-importazzjonijiet — dan baxxa direttament il-livelli ta’ prezzijiet tal-importazzjonijiet fis-suq tal-UE, indipendentement mill-azzjonijiet tal-produtturi Pakistani li jesportaw.

    32.

    Id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma timplika li l-iskadenza tad-dazji antidumping tiġġustifika d-dumping dannuż u tillimita l-kapaċità tal-istituzzjonijiet biex jipproteġu l-industrija tal-UE kontra l-effetti ta’ dak id-dumping. Hija teħtieġ sempliċement li l-effetti tat-tibdil sovran intenzjonat fil-qafas leġiżlattiv tal-UE jitqies bħala fattur separat ieħor meta jiġu evalwati l-indikaturi ekonomiċi tal-ħsara għall-industrija tal-UE. Dan bl-ebda mod ma jippreġudika r-riżultat tal-evalwazzjoni.

    33.

    Insostenn tal-aggravji tal-Kunsill, il-Kummissjoni teżamina l-istruttura u l-loġika tal-Artikolu 3, b’mod partikolari l-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament bażiku.

    34.

    Id-domanda kruċjali fuq l-Artikolu 3(6) hija dwar jekk “l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping” — il-kliem użat fl-Artikolu 3 kollu — humiex jikkawżaw ħsara, u b’mod speċifiku jekk il-volum u/jew il-prezzijiet tagħhom humiex responsabbli għall-impatt fuq l-industrija Komunitarja. L-Artikolu 3(2) u (3) jikkonfermaw li hija meħtieġa analiżi oġġettiva. Għal dak li jirrigwarda l-prezzijiet, huma l-livelli tal-prezzijiet stess li huma rilevanti u mhux il-kunsiderazzjonijiet li wassluhom biex jiġu ffissati bil-mod kif inhuma. F’dan il-każ, il-livell ta’ dazji doganali u tal-importazzjonijiet tal-UE kienu fatturi li influwenzaw l-għażla tal-livell ta’ prezz (apparentement l-esportatur għażel li ma jżidx il-prezz ex-factory tiegħu biex jipprevalixxi ruħu mid-dazji mnaqqsa). Kieku l-prezz u l-kunsiderazzjonijiet li jaffettwawh kienu t-tnejn li huma fatturi li joħolqu rabta kawżali, dan ikun jikkostitwixxi forma ta’ teħid inkunsiderazzjoni doppju.

    35.

    Fl-Artikolu 3(7), il-“[f]atturi għajr importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping” bilfors li huma xi ħaġa differenti mill-volum u/jew livelli ta’ prezzijiet ta’ dawn l-importazzjonijiet jew il-fatturi jew kunsiderazzjonijiet li affettwawhom. Dan huwa kkonfermat bl-eżempji ta’ dawn il-fatturi li huma elenkati, li l-ebda wieħed minnhom ma jirrigwarda jew l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping jew il-prezz jew volum ta’ dawn l-importazzjonijiet. Għalkemm l-eżempji huma illustrattivi u mhux eżawrjenti, il-mod kif inkitbu juri intenzjoni pożittiva li jiġu evitati kwistjonijiet relatati mal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping innifishom.

    Evalwazzjoni

    36.

    Il-proċedura li twassal għal deċiżjoni biex jiġi impost dazju antidumping skont ir-Regolament bażiku u l-Ftehim Antidumping tal-WTO tiġi segwita pass pass, b’loġika interna ċara. L-ewwel nett, għandu jiġi stabbilit li d-dumping qiegħed iseħħ. Għal dan il-għan, għandhom jittieħdu diversi passi, wieħed wieħed. L-ewwel jiġi stabbilit il-valur normali tal-prodott inkwistjoni, imbagħad il-prezz ta’ esportazzjoni, u mbagħad it-tnejn li huma għandhom jiġu pparagunati biex jiġi aċċertat jekk hemmx dumping jew le, u jekk iva, x’inhu l-marġni ta’ dumping. Dan il-proċess huwa deskritt f’ċertu dettall fl-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku. Meta jiġi kkonstatat li hemm dumping, l-Artikolu 3 imbagħad jistabbilixxi proċedura biex tiġi ddeterminata l-ħsara. Hemm diversi fatturi li għandhom jiġu eżaminati sabiex jiġi kkonstatat jekk il-volum u/jew il-livell ta’ prezzijiet ta’ importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping humiex responsabbli għal impatt sostanzjali fuq l-industrija Komunitarja. Jekk huma hekk responsabbli, ikun meħtieġ li jiġi kkunsidrat jekk il-fatturi magħrufa għajr l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping humiex ukoll jikkawżaw ħsara lill-industrija Komunitarja u li dawn il-konstatazzjonijiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġi stabbilit il-livell ta’ xi dazju antidumping. Għaldaqstant, huwa biss meta jiġi kkonstatat li jeżisti dumping u li l-volum u/jew il-livelli ta’ prezzijiet ta’ importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping instabu li huma responsabbli għal impatt sostanzjali fuq l-industrija Komunitarja, li għandhom jiġu eżaminati fatturi oħra.

    37.

    Fil-kawża tagħha fl-ewwel istanza, Gul Ahmed ikkritikat ċertu numru ta’ aspetti tal-proċess ta’ qabel l-istadju li fih il-fatturi għajr l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping kellhom jiġu eżaminati. Il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx dawk l-aspetti peress li kkunsidrat li n-nuqqas li jiġi kkunsidrat jekk it-tneħħija tad-dazji preċedenti kinitx fattur magħruf għajr l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping li kien qiegħed jikkawża ħsara wkoll lill-industrija Komunitarja kien biżżejjed biex jiġġustifika annullament ( 17 ). Għaldaqstant, anki bil-preżunzjoni li l-investigazzjoni bdiet kif suppost, li l-valur normali ġie stabbilit b’mod korrett u pparagunat b’mod xieraq mal-prezzijiet ta’ esportazzjoni biex jingħata marġni ta’ dumping affidabbli, u li l-ħsara materjali kkawżata mill-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping ġie stabbilit b’mod korrett, in-nuqqas li t-tneħħija tad-dazji preċedenti titqies li hija fattur magħruf ieħor li jikkawża ħsara u l-fatt li dan jiġi eżaminat bħala tali kien fatali, fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali, għall-validità tar-Regolament ikkontestat.

    38.

    Din il-limitazzjoni tal-portata tas-sentenza appellata tillimita l-appell innifsu. Il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll għandha tipproċedi fuq il-bażi li l-eżistenza ta’ dumping (mill-produtturi Pakistani li jesportaw) kienet stabbilita b’mod korrett skont l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku, u li ġie debitament ipprovat li l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping jikkawżaw ħsara materjali lill-industrija Komunitarja skont id-dispożizzjonijiet kollha tal-Artikolu 3(2), (3), (5) u (6) ta’ dan ir-regolament.

    39.

    Nenfasizza madankollu li dawn l-ipoteżijiet għandhom isiru biss għall-finijiet ta’ dan l-appell. Jekk — kif ser nipproponi — il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tilqa’ l-appell tal-Kunsill u tirrinvija l-każ lura quddiem il-Qorti Ġenerali, dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu eżaminati, u jista’ jirriżulta li r-Regolament ikkontestat għandu jiġi annullat fuq aggravju wieħed jew iktar imressqa minn Gul Ahmed.

    40.

    Barra minn hekk, għall-finijiet ta’ dan l-appell għandu jiġi preżunt — a fortiori, peress li dawn huma aspetti li ma tqajmux minn Gul Ahmed fl-ewwel istanza — li l-Kunsill eżamina b’mod korrett dawn il-fatturi għajr l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping, li kkunsidrahom skont l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, u wasal għall-konklużjoni korretta li ebda wieħed minnhom ma kiser ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet mill-Pakistan u l-ħsara materjali kkawżata minn dawn l-importazzjonijiet lill-industrija Komunitarja. Il-fatturi eżaminati kienu jinkludu l-effetti ta’ importazzjonijiet sussidjati mill-Indja, importazzjonijiet minn pajjiżi terzi li ma humiex l-Indja u l-Pakistan, u importazzjonijiet mill-industrija Komunitarja. (Peress li r-Regolament ikkontestat kien diġà stabbilixxa li kien hemm dumping mill-produtturi Pakistani li jesportaw ( 18 ), jirriżulta minn din li ma kien hemm ebda importazzjonijiet mill-Pakistan li ma humiex oġġett ta’ dumping li setgħu ġew eżaminati wkoll). Dawn l-effetti kienu influwenzati wkoll, f’livelli differenti, bit-tneħħija tad-dazji preċedenti.

    41.

    Sa fejn, għaldaqstant, id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 84 tas-sentenza tagħha fis-sens li l-analiżi mwettqa mill-istituzzjonijiet tal-UE ma wrietx xi ħsara kienet issofri l-industrija Komunitarja fl-assenza ta’ dumping, b’riżultat tas-sempliċi tneħħija tad-dazji preċedenti, ma tidhirx li hija ġġustifikata kompletament.

    42.

    Min-naħa waħda, il-ħsara (jew in-nuqqas tagħha) li tirriżulta f’ċirkustanzi oħra li huma wkoll affettwati bit-tneħħija, ġiet eżaminata u nstab li ma tiksirx ir-rabta kawżali inkwistjoni.

    43.

    Min-naħa l-oħra, l-eżami tal-fatturi għajr l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping iseħħ biss meta jkun diġà ġie kkonstatat li hemm dumping u li l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping qegħdin jikkawżaw ħsara lill-industrija Komunitarja. L-eżistenza ta’ dumping u ta’ ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping huma prerekwiżit għal dan l-eżami, li jirrigwarda fatturi li qegħdin jikkawżaw ħsara fl-istess ħin bħall-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping, sabiex l-effetti tagħhom jiġu sseparati u distinti. F’dan il-kuntest, huwa għalxejn li jiġu kkunsidrati fatturi li setgħu jikkawżaw ħsara fl-assenza ta’ dumping u ta’ importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping.

    44.

    Madankollu, il-Kunsill jaċċetta li, anki jekk it-tneħħija tad-dazji preċedenti ttieħdet inkunsiderazzjoni indirettament fl-eżami tal-fatturi għajr l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping, din ma ġietx eżaminata direttament bħala fattur separat. Huwa dan il-bżonn li jsir tali eżami dirett u separat li l-Kunsill jikkontesta.

    45.

    Huwa paċifiku, madankollu, li l-effetti dannużi tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping għandhom jiġu ġustament isseparati u distinti minn dawk ta’ fatturi magħrufa oħra li qegħdin jikkawżaw ħsara lill-industrija Komunitarja fl-istess ħin u li, mingħajr tali separazzjoni u distinzjoni, ma jkun hemm ebda bażi razzjonali biex jiġi konkluż li l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping kienu fil-fatt qegħdin jikkawżaw il-ħsara (kollha) ( 19 ).

    46.

    Il-kwistjoni hija dwar jekk huwiex korrett li l-effetti tat-tneħħija tad-dazji preċedenti jiġu sseparati u distinti minn dawk tal-prodotti li huma oġġett ta’ dumping jew inkella li jiġu kkunsidrati ż-żewġ settijiet ta’ effetti bħala tant relatati mill-qrib li ma jkunx xieraq li jiġu sseparati u distinti.

    47.

    Il-Kunsill u l-Kummissjoni enfasizzaw id-differenza bejn “dumping” u “importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping” fil-kuntest tar-Regolament bażiku. Naqbel li d-differenza hija importanti.

    48.

    Id-dumping, kif iddefinit fl-Artikolu 2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO u tar-Regolament bażiku, jimplika għażla strateġika magħmula mill-esportatur. Fi kliem sempliċi, huwa jiddeċiedi li jbigħ il-prodotti intiżi għal xi suq ta’ esportazzjoni wieħed jew iktar bi prezz sostanzjalment irħas minn dak li huwa jitlob normalment fis-suq domestiku tiegħu, bit-tama li jikseb vantaġġ kummerċjali. Naturalment, il-prezz tal-esportatur jiġi kkalkolat — tal-inqas inizjalment — biex jiżgura li l-prezz fis-suq fit-territorju ta’ importazzjoni jkun vantaġġjuż. Huwa jieħu inkunsiderazzjoni, għaldaqstant, kwalunkwe dazji fuq l-importazzjoni applikabbli. Jekk jitneħħew id-dazji fuq l-importazzjoni, l-esportatur ikun jista’ jaġġusta l-istrateġija tiegħu biex jikseb l-aħjar vantaġġ minn din it-tneħħija. Madankollu, dan ma jaffettwax il-kwistjoni dwar jekk hemmx dumping jew le.

    49.

    Il-prodotti mibjugħa b’dan il-mod isiru importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping fit-territorju ta’ importazzjoni. Jekk il-prezz li bih huma jistgħu jiġu akkwistati huwa kunsiderevolment irħas mill-prezz li bih l-industrija domestika tista’ tbigħ prodotti simili, u jekk il-volum tal-importazzjonijiet huwa sinjifikattiv, allura l-industrija domestika x’aktarx li ssofri ħsara materjali, kif iddefinit fl-Artikolu 3 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO u tar-Regolament bażiku wkoll.

    50.

    Konsegwentement, huwa possibbli li jkun hemm dumping mingħajr ħsara jew ħsara mingħajr dumping. Id-dumping jista’ jnaqqas il-prezzijiet domestiċi b’mod sinjifikattiv fit-territorju ta’ importazzjoni iżda l-volum tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping jista’ jkun li hu żgħir wisq biex jikkawża ħsara materjali; jew esportatur jista’ jbigħ bi prezz ex-works baxx b’mod mhux normali sabiex jikseb sehem f’suq ta’ esportazzjoni partikolari iżda l-ispejjeż tal-kunsinna jistgħu jkunu tant għoljin li l-vantaġġ kompetittiv tiegħu f’dan is-suq ma huwiex biżżejjed biex ikollu impatt sinjifikattiv fuq l-industrija domestika. Min-naħa l-oħra, l-ispejjeż ta’ produzzjoni fil-pajjiż ta’ esportazzjoni (u l-ispejjeż tal-kunsinna lejn it-territorju ta’ importazzjoni) jistgħu jkunu tant baxxi li prodott jista’ jinbiegħ għall-esportazzjoni b’“valur normali” u xorta waħda jikkawża ħsara materjali lill-industrija domestika fit-territorju ta’ importazzjoni.

    51.

    Madankollu, dazju antidumping jista’ jiġi impost biss jekk jiġu pprovati kemm id-dumping u kif ukoll il-ħsara. It-tnejn li huma għandhom jiġu kkonstatati separatament, bi proċeduri separati, u ma jistgħux jingħaqdu.

    52.

    Kif enfasizzaw il-Kunsill u l-Kummissjoni, il-kawża diretta ta’ ħsara lill-industrija domestika huwa l-abbinament tal-prezz (fit-territorju ta’ importazzjoni) u l-volum tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping. Mill-Artikolu 3 kollu, kemm tal-Ftehim Antidumping tal-WTO kif ukoll tar-Regolament bażiku, jirriżulta b’mod ċar li għandha tiġi stabbilita rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping u l-ħsara. Id-dumping innifsu (bejgħ għall-esportazzjoni bi prezz ħafna irħas mill-prezz normali fil-pajjiż ta’ esportazzjoni) huwa wieħed mill-fatturi (għalkemm x’aktarx li huwa l-iktar importanti) li jiddeterminaw il-prezz tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping fit-territorju ta’ importazzjoni. Fattur ovvju ieħor huwa l-ispiża tal-kunsinna tal-prodotti. U t-tielet wieħed huwa l-preżenza jew l-assenza (u jekk preżenti, il-livell) ta’ dazji imposti fuq il-prodotti fit-territorju ta’ importazzjoni. Dawn il-fatturi kollha (u jista’ jkun hemm oħrajn) għandhom influwenza diretta fuq il-prezz li bih l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping jinbiegħu fit-territorju ta’ importazzjoni, li minnu nnifsu huwa kawża diretta tal-ħsara inkwistjoni. Minħabba f’hekk, dawn il-fatturi huma biss kawżi indiretti ta’ din il-ħsara, li joperaw f’daqqa.

    53.

    Ikun assurd jekk, malli jiġi stabbilit skont l-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku li l-volum u/jew il-livelli ta’ prezzijiet tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping huma responsabbli għal impatt fuq l-industrija Komunitarja, l-eżami skont l-Artikolu 3(7) tal-“fatturi magħrufa għajr l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping” ikun jinkludi d-dumping innifsu fost dawn il-fatturi. Bl-istess mod, ikun kuntrarju għal-loġika li jiġu kkunsidrati l-ispejjeż baxxi tal-kunsinna jew is-sempliċi assenza ta’ dazju fuq l-importazzjonijiet bħala tali fatturi oħra.

    54.

    Ma narax li l-analiżi tista’ tkun differenti jekk l-ispejjeż tal-kunsinna jitnaqqsu f’daqqa waħda, jew jekk jitneħħa dazju li kien impost preċedentement. Dawn l-okkażjonijiet jibqgħu pass ’il bogħod mill-kawża diretta, iżda huma parti inseparabbli mill-ġenesi tagħha. Jekk id-deċiżjoni ta’ produttur li jaqta’ l-prezz ex-works tiegħu għall-bejgħ għall-esportazzjoni b’10 %, pereżempju, sabiex ikun qiegħed ibigħ bi profit minimu jew anki b’telf, ma jistax jitqies li huwa fattur “għajr importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping”, li l-effetti dannużi tiegħu jistgħu jiġu “sseparati u distinti” minn dawk tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping, l-istess għandu japplika għal deċiżjoni tal-awtorità rilevanti tat-territorju ta’ importazzjoni biex tneħħi dazju doganali preċedentement applikabbli ta’ 12 %.

    55.

    Fi kliem iktar sempliċi, meta dazju fuq l-importazzjonijiet ikun ogħla jew iktar baxx, huwa ma jista’ jkollu ebda effett negattiv fuq l-industrija domestika kkonċernata sakemm il-prodotti jiġu attwalment importati. L-istess japplika għat-tneħħija jew tnaqqis ta’ dazju. Ma jistax ikun hemm sitwazzjoni fejn it-tneħħija ta’ dazju fuq l-importazzjonijiet jista’ jikkawża ħsara materjali fuq l-industrija domestika fl-assenza ta’ importazzjonijiet. Kwalunkwe effett dan jista’ jkollu, huwa marbut inseparabbilment mal-effett tal-importazzjonijiet li l-prezz tagħhom ikun affettwat bih, kemm jekk dawn l-importazzjonijiet huma oġġett ta’ dumping u kemm jekk le. Meta jiġu eżaminati l-effetti tal-importazzjonijiet magħrufa kollha li huma oġġett ta’ dumping u ta’ dawk li ma humiex, allura jkun ġie eżaminat ukoll l-effett ta’ kwalunkwe applikazzjoni jew tneħħija ta’ dazju li jinfluwenza l-prezz ta’ dawn l-importazzjonijiet.

    56.

    F’dan il-każ, l-istituzzjonijiet eżaminaw l-importazzjonijiet mill-Pakistan, li kkonkludew li huma kollha oġġett ta’ dumping ( 20 ). Din il-konklużjoni għandha tiġi preżunta li hija korretta, għall-finijiet ta’ dan l-appell. Huma eżaminaw ukoll l-effetti tal-importazzjonijiet sussidjati mill-Indja, importazzjonijiet minn pajjiżi terzi li ma humiex l-Indja u l-Pakistan u importazzjonijiet mill-industrija Komunitarja. Gul Ahmed ma sostnietx li kellhom jiġu eżaminati l-effetti ta’ kwalunkwe importazzjonijiet oħra. Għaldaqstant, jidhirli li ma kien hemm ebda ħtieġa possibbli għall-istituzzjonijiet li jeżaminaw it-tneħħija tad-dazji preċedenti b’mod indipendenti, bħala fattur separat possibbli li kien qiegħed, fl-istess ħin, jikkawża ħsara lill-industrija Komunitarja.

    57.

    Il-punt essenzjali huwa li l-effett tat-tneħħija ta’ dazju jiġi kkalkolat billi jitqies x’ikun ġara sussegwentement lil prezzijiet u volumi tal-importazzjonijiet, li jistgħu jkunu oġġett ta’ dumping u jistgħu ma jkunux. Dan ma jistax jiġi evalwat b’mod indipendenti ( 21 ).

    58.

    Jiena konxja bl-attrazzjoni tal-fehma opposta. Huwa ċar li deċiżjoni tal-leġiżlatur tal-UE biex ineħħi, kważi simultanjament, dazju doganali u dazju antidumping, li t-tnejn li huma, qabel, kienu jaffettwaw ċerta kategorija ta’ prodotti, hija pjuttost separata minn dak kollu li l-produtturi ta’ dawk il-prodotti għandhom kontroll fuqu. Għaldaqstant, hija għandha titqies li hija fattur “għajr” id-dumping li involvew ruħhom fih.

    59.

    Madankollu, tali deċiżjoni hija fattur għajr id-dumping li, fl-istess ħin, qiegħed jinfluwenza l-prezz — u għaldaqstant, x’aktarx il-volum — tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping. Ma huwiex fattur għajr l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping li fl-istess ħin qiegħed jikkawża ħsara lill-industrija Komunitarja.

    60.

    F’dan il-każ, huwa utli li jitfakkar li dazju antidumping ma huwiex sanzjoni intiża li tippenalizza lill-esportatur għall-aġir tiegħu li jeżerċita d-dumping. Dan huwa pjuttost mekkaniżmu (għalkemm forsi goff) intiż li jirrimedja, sa fejn huwa possibbli, l-iżbilanċ li huwa meqjus inġust għall-industrija domestika. Minn dan l-aspett, il-fatt li t-tneħħija ta’ dazji preċedenti ma hijiex relatata mal-aġir ta’ xi esportatur li jeżerċita d-dumping jista’ jidher li huwa irrilevanti għad-deċiżjoni dwar jekk l-effetti tagħha għandhomx ikunu sseparati u distinti minn dawk tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping.

    61.

    Fl-aħħar nett, infakkar li, f’dan il-każ, it-tneħħija tad-dazji preċedenti affettwaw il-prezz mhux biss tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping imma wkoll ta’ importazzjonijiet oħra li ma kinux oġġett ta’ dumping. L-importazzjonijiet li kienu oġġett ta’ dumping instabu li jikkawżaw ħsara. L-oħrajn ma kinux.

    62.

    Għaldaqstant, mill-analiżi tal-prinċipji u proċedura li tirregola l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping nikkonkludi li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat li t-tneħħija tad-dazji preċedenti kellhom jiġu eżaminati bħala fattur separat għajr l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping fil-kuntest tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku.

    63.

    Madankollu, din il-fehma għandha tiġi kkonfrontata ma’ ċerti kunsiderazzjonijiet speċifiċi oħra msemmija mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha jew imqajma mill-partijiet fil-kors tal-appell.

    64.

    L-ewwel nett, mil-lista illustrattiva ta’ “[f]atturi magħrufa għajr importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping” fl-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku jistgħu jiġu dedotti xi konklużjonijiet?

    65.

    Il-fatturi elenkati huma: il-volum u l-prezzijiet ta’ importazzjonijiet mhux mibjugħin bi prezzijiet taħt il-prezz tagħhom, tnaqqis fid-domanda jew tibdiliet fil-mudelli tal-konsum, prattiċi restritti tal-kummerċ, u kompetizzjoni bejn, produtturi Komunitarji u ta’ pajjiżi terzi, żviluppi fit-teknoloġija u l-prestazzjoni u l-produttività tal-esportazzjoni tal-industrija Komunitarja.

    66.

    Bl-eċċezzjoni dubjuża ta’ “żviluppi fit-teknoloġija”, ebda wieħed minn dawn il-fatturi ma jidhru li x’aktarx jikkawżaw l-effetti tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping. B’mod partikolari, ma jaffettwawx il-prezz li bihom dawn l-importazzjonijiet huma disponibbli fl-UE, li huwa l-fattur li jikkawża ħsara lill-industrija Komunitarja.

    67.

    Huwa minnu li l-iżviluppi teknoloġiċi li jirrendu l-industrija ta’ esportazzjoni iktar produttiva jistgħu jaffettwaw il-prezz. Madankollu, peress li l-produttività tal-industrija Komunitarja (kif ipparagunata, neċessarjament, ma’ dik tal-industrija ta’ esportazzjoni) tinsab eżattament wara fil-lista illustrattiva, dan ma jistax ikun l-aspett tal-iżvilupp teknoloġiku li jissemma hawnhekk. Għaldaqstant, naqbel mal-Kummissjoni li l-kliem “żviluppi fit-teknoloġija” ma għandhomx jiġu interpretati bħala li jirrigwardaw l-iżviluppi li jaffettwaw il-livelli ta’ prezzijiet billi jtejbu l-produttività iżda, min-naħa l-oħra, lil dawk li, indipendentement minn tali livelli, itejbu l-attrazzjoni — u għaldaqstant iżidu l-bejgħ — ta’ prodott iktar avvanzat meta mqabbel għal dak ta’ verżjoni preċedenti. Eżempju ovvju huwa dak tal-“ġenerazzjonijiet” suċċessivi tat-teknoloġija tal-telefonija mobbli.

    68.

    In-natura tal-fatturi elenkati fl-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku tikkorrobora, għaldaqstant, il-fehma tiegħi li t-tip ta’ fattur ikkontemplat huwa wieħed li jikkawża ħsara lill-industrija Komunitarja b’mod li ma huwiex relatat mal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping u b’mod partikolari ma jaffettwax il-livelli ta’ prezzijiet tagħhom.

    69.

    It-tieni nett, is-sentenza Foshan Golden Step ( 22 ) issostni l-fehma opposta?

    70.

    Jiena ma naħsibx. Min-naħa l-oħra, naqbel mal-Kunsill li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tidher li interpretat ħażin il-ġurisprudenza preċedenti tagħha. Fis-sentenza Foshan Golden Step, il-ħsara li sofriet l-industrija Komunitarja ġiet stabbilita fuq perijodu li matulu kienet tneħħiet ir-restrizzjoni kwantitattiva preċedenti fuq l-importazzjonijiet. Ir-rikorrenti argumentat li ż-żieda fil-volum tal-importazzjonijiet li rriżultat inevitabbilment minħabba dik it-tneħħija ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi stabbilita l-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping fil-perijodu rilevanti. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “meta l-istituzzjonijiet jikkonstataw illi l-importazzjonijiet ta’ prodott li s’issa kien suġġett għal restrizzjonijiet kwantitattivi żdiedu wara li l-imsemmija restrizzjonijiet skadew, huma jistgħu jieħdu din iż-żieda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħhom dwar il-ħsara li sofriet mill-industrija Komunitarja”. Jekk, kif jidher li hu raġonevoli, dan ir-raġunament jiġi traspost għall-effett li t-tneħħija ta’ dazji preċedenti jkollhom fuq il-livelli ta’ prezzijiet, ir-riżultat irid ikun li kwalunkwe tnaqqis fil-prezzijiet dovut għal dik it-tneħħija jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata l-ħsara — u mhux li dan għandu jitqies li huwa fattur separat li jikkawża ħsara wkoll. L-istess raġunament u konklużjoni jinsabu fis-sentenza China footwear ( 23 ).

    71.

    It-tielet nett, il-fatt li, kif issostni Gul Ahmed, it-tneħħija tad-dazji preċedenti kien “att Sovran” tal-istituzzjonijiet tal-UE jagħmel differenza?

    72.

    Għal darba oħra naħseb li le, u jien spjegajt ir-raġunijiet tiegħi b’mod partikolari fil-punti 59 u 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ma hemmx dubju li l-att sovran tal-istituzzjonijiet tal-UE kien fattur għajr id-dumping li influwenza l-prezz tal-importazzjonijiet li kienu oġġett ta’ dumping. Ma kienx fattur, għajr l-importazzjonijiet li kienu oġġett ta’ dumping, li kkawża ħsara lill-industrija Komunitarja b’mod indipendenti.

    73.

    Fl-aħħar nett, is-sentenza appellata jekk tiġi kkonfermata twassal għal riżultati assurdi u inaċċettabbli, l-istess kif jargumenta l-Kunsill?

    74.

    Il-Kunsill isostni essenzjalment li, kieku t-tneħħija ta’ dazju preċedenti kellha titqies li hija fattur għajr l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping, li jikkawża ħsara lill-industrija Komunitarja simultanjament ma’ dawk l-importazzjonijiet, il-kapaċità tal-UE biex timponi dazju antidumping ieħor fuq prodotti li fuqhom kien hemm dazju antidumping preċedenti li skada, tkun limitata minħabba li l-iskadenza tad-dazju preċedenti jkun irid jitqies li huwa jaffettwa r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping u l-ħsara.

    75.

    Dan l-argument ma jikkonvinċinix kompletament. Mill-aspett tad-dritt, ir-riżultat ma jkunx neċessarjament daqshekk drastiku bħall-istampa mogħtija mill-Kunsill. Kieku kellha tittieħed inkunsiderazzjoni l-iskadenza ta’ dazju antidumping meta tiġi evalwata r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping u l-ħsara lill-industrija Komunitarja, dak ikun iffiser li r-rabta kawżali għandha tinkiser dejjem bl-iskadenza. Kollox ikun jiddependi fuq evalwazzjoni korretta tal-fatti u attribuzzjoni korretta tar-rabta kawżali, li twassal — f’dak il-każ — għal possibbli tnaqqis ta’ xi dazju ġdid.

    76.

    Madankollu, il-fatt li jiena ma nikkunsidrax dan l-argument tal-Kunsill bħala konklużiv bl-ebda mod ma jaffettwa l-konklużjoni li jiena wasalt għaliha għal raġunijiet oħra. Barra minn hekk, nemmen li jkun għaqli għall-Qorti tal-Ġustizzja li żżomm dan l-argument f’moħħha jekk tkun inklinata lejn il-fehma opposta. Jekk il-Kummissjoni u l-Kunsill kellhom dubju dwar il-kapaċità tagħhom li jerġgħu jimponu dazju antidumping fil-każ ta’ dumping ġdid wara li jiskadi d-dazju preċedenti, huma iktar ma jkunux lesti, qabel xejn, jippermettu d-dazji jiskadu, sakemm ma jkunux meħtieġa jagħmlu dan b’mod konklużiv.

    77.

    Għaldaqstant nibqa’ konvint fil-fehma tiegħi li fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat li t-tneħħija tad-dazji preċedenti kellha tiġi eżaminata bħala fattur separat għajr l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping fil-kuntest tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku.

    78.

    Konsegwentement, nikkunsidra li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata. F’dak il-każ, l-istat tal-proċeduri jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti sentenza finali fuq it-tielet parti tal-ħames motiv li Gul Ahmed ressqet fl-ewwel istanza li, għaldaqstant, għandu jiċċaħħad. Madankollu, ma huwiex possibbli li din il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq xi motiv jew argument ieħor li ma ġewx eżaminati fl-ewwel istanza. Il-każ għandu għaldaqstant jiġi rrinvjat quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddetermina dawk il-motivi u l-argumenti l-oħra.

    Spejjeż

    79.

    Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-evalwazzjoni tiegħi tal-appell, allura, skont l-Artikoli 137, 138, 140 u 184 tar-Regoli tal-Proċedura, moqrija flimkien, Gul Ahmed, il-parti li tilfet, għandha tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż tal-Kunsill filwaqt li l-Kummissjoni, bħala intervenjenti, għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Madankollu, id-deċiżjoni xierqa dwar l-ispejjeż fl-ewwel istanza għandha tingħata mill-ġdid mill-Qorti Ġenerali fid-dawl tad-deċiżjoni tagħha fuq il-kwistjonijiet irrinvjati quddiemha.

    Konklużjoni

    80.

    Għalhekk nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-199/04;

    tiċħad it-tielet parti tal-ħames motiv invokat minn Gul Ahmed f’din il-kawża;

    tirrinvija l-każ quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq il-motivi l-oħrajn invokati minn Gul Ahmed;

    tikkundanna lil Gul Ahmed għall-ispejjeż tal-Kunsill, u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha, f’dan l-appell; u

    tirriżerva l-kumplament tal-ispejjeż.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2398/97, tat-28 ta’ Novembru 1997, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda tal-qoton li joriġina mill-Eġittu, l-Indja u l-Pakistan (ĠU L 332, p. 1), kif emendat.

    ( 3 ) Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2501/2001, tal-10 ta’ Diċembru 2001, li japplika skema ta’ preferenzi ġeneralizzati tat-tariffa għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 12, p. 105) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 160/2002, tat-28 ta’ Jannar 2002 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) 2398/97 (ĠU L 26, p. 1). Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, minn kalkolu rivedut irriżulta li ma kien hemm ebda dumping minn ebda waħda mill-kumpanniji ttestjati fil-Pakistan matul il-perijodu ta’ investigazzjoni (ara l-premessa 13); fil-fatt, kien hemm dazji antidumping li tneħħew fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-Eġittu (ara l-Artikolu 1(2)).

    ( 4 ) Committee of the Cotton and Allied Textile Industries of the European Communities.

    ( 5 ) Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 397/2004, tat-2 ta’ Marzu 2004, li jimponi dazju kontra d-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda tal-qoton li joriġinaw mill-Pakistan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 50, p. 26; iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”).

    ( 6 ) Ara l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 2398/97 u l-premessa 29. B’mod iktar preċiż, huma kienu s-suġġett ta’ dazju bir-rata ta’ 0.0 %.

    ( 7 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), illum imħassra u ssostitwita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (verżjoni kkodifikata) (ĠU L 343, p. 51).

    ( 8 ) Sentenza tas-27 ta’ Settembru 2011, Gul Ahmed Textile Mills vs Il-Kunsill (T-199/04, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).

    ( 9 ) Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (GATT) (ĠU L 336, p. 103), fl-Anness 1A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (ĠU L 336, p. 1).

    ( 10 ) Artikolu 3(2), (3) u (5) tar-Regolament bażiku jikkorrispondi għall-Artikolu 3.1 , 3.2 u 3.4 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO; l-Artikolu 3(6) u (7) jikkorrispondi għall-Artikolu 3.5.

    ( 11 ) Il-perijodu ta’ investigazzjoni għad-dazju antidumping preċedenti kien mill-1 ta’ Lulju 1995 sat-30 ta’ Ġunju 1996 [ara l-premessa 10 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1069/97, tat-12 ta’ Ġunju 1997, li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda tal-qoton li joriġinaw mill-Eġittu, l-Indja u l-Pakistan (ĠU L 156, p. 11)].

    ( 12 ) B’kuntrast mad-dazju antidumping preċedenti, ir-rata kienet l-istess għall-produtturi li jesportaw kollha. Sussegwentement, wara eżami mill-ġdid intermedjarju parzjali, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 695/2006, tal-5 ta’ Mejju 2006, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 397/2004 (ĠU L 121, p. 23) varja r-rata għal produtturi differenti skont il-marġni ta’ dumping differenti tagħhom. Dan ir-regolament, madankollu, ma reġax eżamina mill-ġdid il-ħsara u r-rabta kawżali.

    ( 13 ) Gul Ahmed kienet ikkontestat ukoll ir-regolarità tal-ftuħ tal-investigazzjoni, il-kalkolu tal-valur normali, il-paragun bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni u d-determinazzjoni tal-ħsara materjali. Dawn l-aspetti ma ġewx eżaminati mill-Qorti Ġenerali u ma humiex jiġu eżaminati f’dan l-appell.

    ( 14 ) F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ċċitat, fil-punt 58 tas-sentenza tagħha, is-sentenza Foshan City Nanhai Golden Step Industrial vs Il-Kunsill (T-410/06, Ġabra p. II-879, punti 130 sa 135) (iktar ’il quddiem is-sentenza “Foshan Golden Step”).

    ( 15 ) Il-Kunsill jiċċita l-WTO Panel Report European Union – Anti-dumping duties on certain footwear from China (WT/DS405/R, adottat fit-22 ta’ Frar 2012; “EU – Footwear (China)”, fejn iċ-Ċina argumentat li l-UE naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni t-tneħħija tal-kwota fuq l-importazzjoni preċedenti li kienet tapplika fuq l-importazzjonijiet miċ-Ċina bħala kawża tal-ħsara. Il-Kumitat ikkunsidra fil-punt 7.527 li “ġrajja esterna, bħalma hija t-tneħħija ta’ kwota fuq l-improtazzjoni, li tippermetti żieda fil-volum ta’ importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping, ma hijiex minnha nfisha fattur li jikkawża ħsara”.

    ( 16 ) Il-Kunsill jiċċita: is-sentenza Aluminium Silicon Mill Products vs Il-Kunsill (T-I07/04, Ġabra p. II‑669, punti 41 sa 46); GATT Panel Report, Imposition of Anti-Dumping Duties on Imports of Fresh and Chilled Atlantic Salmon from Norway, ADP/87, adottat fis-27 ta’ April 1994, punti 562 sa 572; is-sentenza CHEMK u KF vs Il-Kunsill (T-190/08, Ġabra p. II-7359, punti 134 sa 152); u WTO Appellate Body Report United States – Anti-dumping measures on certain hot-rolled steel products from Japan (WT/DS184/R, adottat fit-23 ta’ Awwissu 2001 emendat bl-Appellate Body Report WT/DS184/AB/R; “US – Hot-rolled steel”), punti 216 sa 236.

    ( 17 ) Punti 84 u 85 tas-sentenza appellata.

    ( 18 ) Ara l-premessa 70.

    ( 19 ) Punt 53 tas-sentenza appellata; ara wkoll US – Hot-rolled steel, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 223.

    ( 20 ) Inżid ngħid li, kieku kien hemm importazzjonijiet li ma humiex oġġett ta’ dumping mill-Pakistan, l-effett tat-tneħħija tad-dazji preċedenti seta’ kien, fil-fatt, li dawk l-importazzjonijiet jinbiegħu bi prezzijiet (iktar) baxxi, li seta’ jikkawża ħsara lill-industrija Komunitarja. It-tneħħija tad-dazji, madankollu, ma kinitx tittrasforma dawk l-importazzjonijiet f’importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping. Għaldaqstant, lanqas ma setgħat tipprovdi bażi biex jiġi impost dazju antidumping.

    ( 21 ) Ara wkoll il-WTO Appellate Body Report f’Japan – Countervailing Duties on Dynamic Random Access Memories from Korea (WT/DS336/AB/R, adottat fis-17 ta’ Diċembru 2007, punt 261 et seq), li jirrigwarda l-Artikolu 15.5 tal-Ftehim fuq is-sussidji u l-miżuri għall-kontrobilanċ (ĠU L 336, p. 156), li kliemu jirriflettu dawk tal-Artikolu 3(6) u (7) tar-regolament bażiku. Ir-rapport jiċħad il-fehma li l-effetti tas-sussidji għandhom jiġu sseparati minn dawk tal-importazzjonijiet sussidjati, u jenfasizza li dak li ma għandux jiġi attribwit lil dawk l-importazzjonijiet kienu “l-fatturi magħrufa kollha għajr l-importazzjonijiet sussidjati” (punt 267, enfasi tinsab fl-oriġinal).

    ( 22 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, b’mod partikolari l-punt 134.

    ( 23 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15.

    Top