This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011CC0542
Opinion of Mr Advocate General Jääskinen delivered on 28 February 2013. # Staatssecretaris van Financiën v Codirex Expeditie BV. # Reference for a preliminary ruling: Hoge Raad der Nederlanden - Netherlands. # Community Customs Code - Regulation (EEC) No 2913/92 - Goods in temporary storage - Non-Community goods - External Community transit procedure - Point at which a customs-approved treatment or use is assigned - Acceptance of the customs declaration - Release of the goods - Customs debt. # Case C-542/11.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Jääskinen - 28 ta' Frar 2013.
Staatssecretaris van Financiën vs Codirex Expeditie BV.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hoge Raad der Nederlanden - il-Pajjizi l-Baxxi.
Kodiċi Doganali tal-Komunità - Regolament (KEE) Nru 2913/92 - Merkanzija f’ħażna temporanja - Merkanzija mhux Komunitarja - Proċedura doganali tat-tranżitu Komunitarju estern - Mument tal-attribuzzjoni tat-trattament jew tal-użu approvat mid-dwana - Aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali - Ħelsien tal-merkanzija - Dejn doganali.
Kawża C-542/11.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Jääskinen - 28 ta' Frar 2013.
Staatssecretaris van Financiën vs Codirex Expeditie BV.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hoge Raad der Nederlanden - il-Pajjizi l-Baxxi.
Kodiċi Doganali tal-Komunità - Regolament (KEE) Nru 2913/92 - Merkanzija f’ħażna temporanja - Merkanzija mhux Komunitarja - Proċedura doganali tat-tranżitu Komunitarju estern - Mument tal-attribuzzjoni tat-trattament jew tal-użu approvat mid-dwana - Aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali - Ħelsien tal-merkanzija - Dejn doganali.
Kawża C-542/11.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:123
Opinion of the Advocate-General
I – Introduzzjoni
1. Żewġ pakketti neqsin tal-laħam, din hija l-oriġini ta’ din il-kawża. Fil-fatti tal-kawża prinċipali, lot tal-laħam taċ-ċanga ffriżat ġie ttrasportat bil-vapur, f’kontejner, mill-Brażil lejn il-Pajjiżi l-Baxxi. Waqt it-tneħħija tas-siġilli li kienu twaħħlu mill-awtoritajiet doganali fil-port ta’ Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) qabel l-għoti tal-ħelsien tal-merkanzija, id-destinatarju tagħha sab biss 1667 pakkett fost l-1669 imsemmija fid-dikjarazzjoni doganali.
2. Id-domanda preliminari preżenti tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”). Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Staatssecretaris van Financiën (Segretarjat tal-Istat għall-Finanzi, iktar ’il quddiem is-“Staatssecretaris”) u Codirex Expeditie BV (iktar ’il quddiem “Codirex”), fir-rigward ta’ avviż ta’ tassazzjoni li jirrigwarda l-ħlas ta’ dazji doganali u tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”).
3. Il-Hoge Raad der Nederlanden (Qorti suprema) (il-Pajjiżi l-Baxxi) tixtieq tkun taf essenzjalment f’liema mument merkanzija mhux Komunitarja, li għandha l-istatus ta’ merkanzija f’ħażna temporanja, u li tkun ġiet iddikjarata bl-għan li titqiegħed taħt il-proċedura doganali tat-tranżitu Komunitarju estern, tikseb trattament jew użu approvat mid-dwana fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Kodiċi Doganali. F’dan ir-rigward, il-qorti a quo tipprevedi żewġ mumenti differenti: kemm meta tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni (skont l-Artikolu 63 tal-imsemmi kodiċi), kif ukoll meta, wara l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni, jingħata l-ħelsien (skont l-Artikolu 73 tal-imsemmi kodiċi).
4. Infakkar illi, fil-kawża li tat lok għas-sentenza D. Wandel, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà twasslet biex teżamina kwistjoni analoga, fir-rigward ta’ każ li fih il-merkanzija mhux Komunitarja kienet ġiet iddikjarata bl-għan li titqiegħed f’moviment liberu (3) . F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet illi l-mument deċiżiv kien dak tal-ħelsien (4) .
II – Il-kuntest ġuridiku
5. Il-punti 15, 16 u 20 tal-Artikolu 4 tal-Kodiċi Doganali jipprovdu:
“Għall-iskopijiet ta’ dan il-Kodiċi, huma applikabbli definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
15) ‛Trattament jew użu ta’ merkanzija bl-approvazzjoni doganali’ tfisser:
a) it-tqegħid ta’ merkanzija taħt proċedura doganali;
[…]
16) ‛Proċedura doganali’ tfisser:
a) ħelsien għal ċirkolazzjoni libera;
b) transitu;
[…]
20) ‛Ħelsien ta’ merkanzija’ tfisser l-att li bih l-awtoritajiet doganali jagħmlu merkanzija disponibbli għall-iskopijiet stipulati mill-proċedura doganali li taħtha tkun tpoġġiet.”
6. Skont l-Artikolu 37 ta’ dan il-kodiċi, il-merkanzija introdotta fit-territorju doganali tal-Komunità Ewropea hija, minn din l-introduzzjoni ’l quddiem, suġġetti għas-sorveljanza doganali. Din tista’ tkun fil-mira ta’ kontrolli doganali u tibqa’ taħt din is-sorveljanza sakemm dan ikun meħtieġ biex jiġi ddeterminat l-istatus tagħha.
7. Skont l-Artikolu 48 tal-Kodiċi Doganali, “[m]erkanzija mhux tal-Komunità preżentata lid-dwana għandha tkun assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana awtorizzat għal dik il-merkanzija mhux tal-Komunità”.
8. L-Artikolu 50 ta’ dan il-kodiċi huwa redatt kif ġej:
“Sakemm tkun assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana, merkanzija preżentata lid-dwana għandha, wara dik il-preżentazzjoni, ikollha l-istatus ta’ merkanzija f’ħażna temporanja. Dik il-merkanzija ser tkun deskritta aktar ‘l isfel bħala “merkanzija f’ħażna temporanja.”
9. L-Artikolu 59(1) tal-Kodiċi Doganali jiddisponi kif ġej:
“1. Il-merkanzija kollha maħsuba biex titqiegħed taħt proċedura doganali għandha tkun koperta b’dikjarazzjoni għal dik il-proċedura doganali.”
10. Skont l-Artikolu 63 tal-imsemmi kodiċi:
“Dikjarazzjonijiet li josservaw il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 62 għandhom jiġu aċċettati immedjatament mill-awtoritajiet doganali, sakemm il-merkanzija li għaliha jirreferu jiġu preżentati lid-dwana.”
11. L-Artikolu 67 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:
“Ħlief fejn espressament ipprovdut mod ieħor, id-data li għandha tintuża għall-iskopijiet tad-dispożizzjonijiet kollha li jirregolaw il-proċeduri doganali li għalihom il-merkanzija tkun dikjarata għandha tkun id-data ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni mill-awtoritajiet doganali.”
12. Skont l-Artikolu 73(1) tal-Kodiċi Doganali:
“1. Mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 74, meta l-kondizzjonijiet biex titqiegħed il-merkanzija taħt il-proċedura konċernata jiġu sodisfatti u sakemm il-merkanzija ma tkunx soġġetta għal xi miżuri projbittivi jew restrittivi, l-awtoritajiet doganali għandhom jeħilsu l-merkanzija hekk kif id-dettalji fid-dikjarazzjoni jkunu ġew verifikati jew aċċettati mingħajr verfika. L-istess għandu japplika meta tali verifika ma tistax titlesta f’perjodu ta’ żmien raġonevoli u l-merkanzija ma tkunx meħtieġa aktar li tkun preżenti għall-iskopijiet tal-verifika.”
13. Skont l-Artikolu 74 tal-imsemmi kodiċi:
“1. Fejn l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali toħloq dejn doganali, il-merkanzija koperta bid-dikjarazzjoni m’għandhiex tinħeles ħlief meta d-dejn doganali jkun ġie mħallas jew garantit. Madankollu, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, din id-dispożizzjoni m’għandhiex tapplika għall-proċedura ta’ importazzjoni temporanja b’eżenzjoni parzjali mid-dazji fuq l-importazzjoni.
2. Fejn, skond id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-merkanzija tkun ġiet dikjarata, l-awtoritajiet doganali jitolbu li tingħata garanzija, l-imsemmija merkanzija ma tinħelisx għall-proċedura doganali konċernata sakemm dik il-garanzija tiġi provduta.”
14. L-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi kif ġej:
“1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:
– tat-tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni.
2. Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali.
3. Id-debituri għandhom ikunu:
– il-persuna li tkun neħħiet il-merkanziji minn taħt is-sorveljanza doganali,
– kull persuna li tkun ipparteċipat f’dik it-tneħħija u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li l-merkanziji kienu qed jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali,
– kull persuna li akkwistat jew żammet il-merkanziji [k]konċernati u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf fil-ħin li akkwistat jew irċeviet il-merkanziji li kienu tneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali
kif ukoll
– fejn ikun xieraq, il-persuna li tkun meħtieġa li tissodisfa l-obbligazzjonijiet li jinqalgħu mill-ħażna temporanja tal-merkanziji jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha kienu tqiegħdu dawk il-merkanziji.”
III – Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
15. Lot ta’ laħam taċ-ċanga ffriżat, li ġie ttrasportat bil-vapur f’kontejner, mill-Brażil lejn il-Pajjiżi l-Baxxi, tniżżel fil-port ta’ Rotterdam minn Seaport International. Din tal-aħħar iddepożitatu fuq is-sit tagħha sakemm kienet qed tistenna li tinħareġ l-approvazzjoni doganali għat-trattament jew għall-użu tal-merkanzija li kien fih.
16. Waqt illi l-kontejner kien jinsab fuq is-sit tat-terminal ta’ Seaport International, Codirex, li kienet qed taġixxi bħala d-dikjarant, fis-6 ta’ Novembru 2007, għamlet dikjarazzjoni doganali elettronika, bl-għan li tpoġġi l-imsemmi lot taħt il-proċedura doganali tat-tranżitu Komunitarju estern. L-uffiċċju tad-dwana ta’ Rotterdam Seaport aċċetta din id-dikjarazzjoni immedjatament. F’dan il-mument, il-kontejner imsemmi fid-dikjarazzjoni kien jinsab fl-imsemmi terminal tal-kontejners ta’ Seaport International. Fil-mument tad-dikjarazzjoni tat-tranżitu msemmija iktar ’il fuq, il-merkanzija kellha l-istatus ta’ ħażna temporanja fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Kodiċi Doganali.
17. L-għada filgħodu, fis-7 ta’ Novembru 2007, l-awtoritajiet doganali ħelsu l-merkanzija, immedjatament wara li ssiġillaw il-kontenjer. Dakinhar stess, dan tal-aħħar ġie ttrasportat bit-triq lid-destinatarju tal-laħam taċ-ċanga, jiġifieri Eurofrigo BV (iktar ’il quddiem “Eurofrigo”), fiż-żona industrijali ta’ Maasvlakte (il-Pajjiżi l-Baxxi), li kellu awtorizzazzjoni ta’ destinatarju approvat (5) . Mal-wasla tal-kontejner, Eurofrigo ddikjarat illi s-siġilli kienu għadhom intatti. Wara li neħħiethom, indikat illi kien hemm żewġ pakketti tal-laħam taċ-ċanga neqsin, meta mqabbel ma’ dak illi kellu jkun hemm skont id-dikjarazzjoni tad-dwana. Skont Eurofrigo, il-kontejner ma kien jidher li kien fih l-ebda traċċa ta’ ksur.
18. Peress illi l-awtoritajiet tal-uffiċċju tad-dwana ta’ Rotterdam Seaport ma kienu rċevew ebda konferma tal-wasla tal-merkanzija għand Eurofrigo, huma wettqet investigazzjoni u fit-tmiem tagħha pproċedew biex jindirizzaw lil Codirex, fit-3 ta’ Lulju 2008, avviż ta’ tassazzjoni għall-ħlas tad-dazji doganali u tal-VAT.
19. Codirex ikkontestat l-imsemmi avviż ta’ tassazzjoni quddiem ir-Rechtbank te Haarlem (Tribunal tal-arrondissement ta’ Haarlem).
20. L-għan tat-tilwima quddiem ir-Rechtbank te Haarlem kien dak li jiġi ddeterminat jekk Codirex, bħala d-dikjarant għall-finijiet tat-tpoġġija taħt il-proċedura doganali tat-tranżitu Komunitarju estern, setgħetx titqies bħala responsabbli għal telf (6), li kien hemm lok li jiġi preżunt li seħħ bejn il-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni fid-dwana u dak meta twaħħlu s-siġilli fuq il-kontejner, eżattament qabel l-għoti tal-ħelsien għat-tranżitu tal-merkanzija. Matul il-proċedura fil-kawża prinċipali, ma ġiex sostnut illi l-pakketti neqsin intilfu waqt li kien qed jiġi ttrasportat il-kontejner issiġillat mis-sit ta’ Seaport International lejn l-istabbiliment ta’ Eurofrigo.
21. Ir-Rechtbank te Haarlem iddeċieda li l-merkanzija mhux Komunitarja introdotta fit-territorju doganali, ippreżentata fid-dwana u ddikjarata bl-għan li titqiegħed taħt il-proċedura doganali tat-tranżitu Komunitarju estern, tikkonserva l-istatus ta’ merkanzija f’ħażna temporanja sal-mument meta l-awtoritajiet doganali jagħtu l-ħelsien.
22. Ir-Rechtbank te Haarlem iddeċieda, sussegwentement, illi bejn il-perijodu tal-ħażna temporanja u l-mument meta l-awtoritajiet doganali taw il-ħelsien tal-merkanzija għat-tranżitu, Codirex ma setgħetx titqies bħala d-debitriċi fis-sens tar-raba’ inċiż tal-Artikolu 203(3) tal-Kodiċi Doganali. Huwa bbaża din il-konklużjoni fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 2005, United Antwerp Maritime Agencies (7), u qies illi matul dan il-perijodu, Codirex ma setgħetx fiżikament tiddisponi mill-merkanzija u kienet wisq ’il bogħod biex tkun tista’ ċċaqlaqhom jew tpoġġihom f’ħażna.
23. L-iStaatssecretaris ippreżenta rikors ta’ kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden kontra din id-deċiżjoni tar-Rechtbank te Haarlem.
24. F’dan il-kuntest, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:
“F’liema mument il-merkanzija mhux Komunitarja tiġi assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana skont is-sens tal-Artikolu 50 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità fil-każ ta’ merkanzija li jkollha status ta’ “ħażna temporanja” li tiġi ddikjarata sabiex titqiegħed taħt is-sistema [proċedura] doganali tat-tranżitu Komunitarju estern?”
25. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvernijiet Olandiżi u Griegi, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea, li nstemgħu wkoll waqt it-trattazzjoni fis-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2012.
IV – L-analiżi
A – Proposti preliminari
26. Skont l-Artikolu 50 tal-Kodiċi Doganali, il-merkanzija ppreżentata fid-dwana tikkonserva l-istatus ta’ merkanzija f’ħażna temporanja sal-mument sakemm din tiġi assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana. Bi trattament jew użu ta’ merkanzija approvat mid-dwana, hemm lok li jinftiehem, b’mod partikolari, it-tpoġġija tal-merkanzija taħt proċedura doganali, bħalma hija dik, fil-kawża preżenti, tal-proċedura tat-tranżitu Komunitarju estern. Skont l-Artikolu 59(1) tal-Kodiċi Doganali, il-merkanzija kollha maħsuba biex titqiegħed taħt proċedura doganali għandha tkun koperta b’dikjarazzjoni għal dik il-proċedura doganali.
27. Skont il-qorti tar-rinviju, huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni il-mument, imsemmi fl-Artikolu 50 tal-Kodiċi Doganali, li fih il-merkanzija f’ħażna temporanja tikseb it-trattament jew l-użu approvat mid-dwana u b’hekk titlef l-istatus ta’ merkanzija f’ħażna temporanja.
28. Irid jingħad fl-ewwel lok illi l-fajl ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk iż-żewġ pakketti inkwistjoni kinux, fil-fatt, fil-kontejner meta dan wasal fil-port ta’ Rotterdam. Din iċ-ċirkustanza, li dwarha huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi ruħha, għandha konsegwenzi prattiċi importanti.
29. Fil-fatt, il-merkanzija ma setgħetx titneħħa minn taħt is-sorveljanza doganali ħlief jekk id-dikjarazzjoni ta’ Codirex kienet konformi mar-realtà.
30. Jekk iż-żewġ pakketti kienu preżenti fil-kontejner fil-mument tad-dikjarazzjoni u din għalhekk kienet tikkorrispondi mar-realtà, dawn għebu meta l-merkanzija kienet taħt is-sorveljanza doganali. F’tali każ, il-merkanzija inkwistjoni hija suġġetta għad-dazji tad-dwana skont l-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali, bid-debitur ikun Codirex jew terz.
31. Jekk, min-naħa l-oħra, iż-żewġ pakketti neqsin qatt ma waslu Rotterdam, id-dikjarazzjoni kienet materjalment ineżatta (8) . F’dan il-każ, il-kwistjoni tkun tirrigwarda merkanzija ineżistenti, li ma setgħetx kienet suġġetta għas-sorveljanza doganali, b’mod illi ma jista’ jkun hemm l-ebda dejn doganali dovut fir-rigward tagħhom (9) .
32. Dan premess, id-deċiżjoni tar-rinviju tpoġġi l-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-ewwel ipoteżi. L-Imħallef a quo jixtieq jistabbilixxi, essenzjalment, min huwa d-debitur tad-dejn doganali fil-kawża prinċipali. Biex tingħata risposta għal dan, l-Imħallef a quo għandu jkun jista’ jistabbilixxi jekk il-merkanzija mitlufa tneħħitx minn taħt is-sorveljanza doganali meta din kienet tpoġġiet taħt l-istatus ta’ ħażna temporanja jew taħt il-proċedura tat-tranżitu Komunitarju estern. Konsegwentement, qed jistaqsi dwar il-mument preċiż li fih tintemm il-ħażna temporanja u tibda l-proċedura tat-tranżitu.
33. Mill-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li meta l-merkanzija li tkun suġġetta għad-dazji doganali, titneħħa minn taħt is-sorveljanza doganali, jinħoloq, f’dan il-mument, dazju doganali fuq l-importazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza United Antwerp Maritime Agencies u Seaport Terminals, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tneħħija minn taħt is-sorveljanza doganali tinkludi kull att jew kull omissjoni li jkollhom bħala riżultat li jwaqqfu, anke jekk biss temporanjament, lill-awtorità doganali kompetenti milli jkollha aċċess għall-merkanzija taħt is-sorveljanza doganali u li teżegwixxi l-kontrolli previsti fl-Artikolu 37(1) tal-Kodiċi Doganali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza United Antwerp Maritime Agencies u Seaport Terminals, iċċitat iktar ’il fuq, punt 28).
34. Anki jekk jiġi preżunt illi l-merkanzija ntilfet meta kellha l-istatus ta’ merkanzija f’ħażna temporanja , Codirex ma tkunx id-debitriċi tad-dazju doganali peress li ma kinitx il-persuna li kellha teżegwixxi l-obbligi li ġġib magħha l-ħażna temporanja tal-merkanzija fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikoli 203(3) tal-Kodiċi Doganali (10), u bir-riżerva tal-applikazzjoni tal-każijiet ta’ responsabbiltà previsti fl-ewwel sat-tielet inċiż tal-Artikolu 203(3) tal-istess kodiċi.
35. Jekk, min-naħa l-oħra, din il-merkanzija ntilfet meta kienet diġà mpoġġija taħt il-proċedura tat-tranżitu Komunitarju estern , Codirex, bħala l-persuna prinċipali li ntrabtet bl-obbligu, tkun id-debitriċi tad-dejn doganali peress illi tkun il-persuna li kellha teżegwixxi l-obbligi li jġib miegħu l-użu tal-proċedura doganali li taħtha tpoġġiet il-merkanzija fis-sens tar-raba’ inċiż tal-Artikolu 203(3) tal-Kodiċi Doganali.
36. F’dan ir-rigward, hemm lok li jingħad illi l-Kodiċi Doganali ma jiddefinixxix bi preċiżjoni l-mument li fih tintemm il-ħażna temporanja, u dak meta tibda l-proċedura tat-tranżitu Komunitarju estern (11) .
37. Ġew esposti żewġ teżijiet dwar dan il-punt fil-kuntest tal-kawża preżenti.
38. Skont l-ewwel teżi, sostnuta mill-iStaatssecretaris quddiem il-qorti tar-rinviju, kif ukoll mill-Gvern Olandiż u dak Grieg quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħażna temporanja tispiċċa fil-mument meta d- dikjarazzjoni doganali , bl-għan tat-tpoġġija tal-merkanzija taħt proċedura doganali, fis-sens tal-Artikolu 59 tal-Kodiċi Doganali, ġiet aċċettata . Huma qed jibbażaw ruħhom, f’dan ir-rigward, fuq l-Artikolu 67 tal-Kodiċi Doganali, li jipprovdi li d-data li għandha tiġi kkunsidrata għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-merkanzija ġiet iddikjarata, hija d-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni mill-awtoritajiet doganali.
39. Skont it-tieni teżi, li tidher li hija ffavorita mill-qorti tar-rinviju u li ġiet difiża quddiemha minn Codirex, kif ukoll mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħażna temporanja tispiċċa meta l-awtoritajiet doganali jagħtu l-ħelsien tal-merkanzija inkwistjoni. Biex isostnu din il-pożizzjoni, dawn il-partijiet jirreferu għall-Artikoli 73 u 74(2) tal-Kodiċi Doganali u jisħqu li l-għoti tal-ħelsien ma jistax isir qabel ma jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet tat-tpoġġija tal-merkanzija taħt il-proċedura kkonċernata. Fl-opinjoni tagħhom, ma jistax jitqies li l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ġġib magħha t-tmiem tal-istatus tal-ħażna temporanja, meta l-kundizzjonijiet meħtieġa għat-tpoġġija taħt proċedura doganali partikolari għadhom ma ġewx sodisfatti. B’mod partikolari, fil-każ tal-proċedura tat-tranżitu Komunitarju estern li tirrikjedi l-kostituzzjoni tal-garanzija, il-ħelsien ma jistax jingħata qabel ma tiġi kkostitwita din il-garanzija. Sal-mument meta l-awtoritajiet doganali jagħtu l-ħelsien, huma d-dispożizzjonijiet u r-regoli ta’ responsabbiltà li jirriżultaw mill-ħażna temporanja preċedenti tal-merkanzija li jibqgħu japplikaw.
40. Huwa meħtieġ għalhekk li jiġu analizzati suċċessivament dawn iż-żewġ possibbiltajiet.
B – Dwar l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali
41. Naqbel mal-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni li l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali ma għandhiex l-effett li tpoġġi l-merkanzija taħt il-proċedura doganali mitluba. Il-merkanzija tibqa’ f’ħażna temporanja wara l-imsemmija aċċettazzjoni.
42. Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret reċentement, illi d-dikjarazzjoni doganali tikkonsisti, kif jirriżulta mill-punt 17 tal-Artikolu 4 tal-Kodiċi Doganali, fl-att li permezz tiegħu d-dikjarant jimmanifesta, skont il-forom u l-modalitajiet preskritti, il-volontà li tiġi ssuġġettata l-merkanzija għal proċedura doganali partikolari (12) .
43. Skont l-Artikolu 63 tal-Kodiċi Doganali, l-awtoritajiet doganali għandhom l-obbligu li jaċċettaw immedjatament id-dikjarazzjonijiet doganali, u, skont l-Artikolu 67 ta’ dan il-kodiċi, id-data li trid titqies għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-merkanzija tkun ġiet ddikjarata, hija d-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni mill-awtoritajiet doganali.
44. Il-Kummissjoni ġustament tfakkar illi wara li tkun aċċettat id-dikjarazzjoni, l-awtoritajiet doganali jistgħu, skont l-Artikolu 68 tal-Kodiċi Doganali, jipproċedu għall-verifika tad-dikjarazzjonijiet aċċettati minnhom stess (13) .
45. L-eżistenza ta’ din il-possibbiltà ta’ verifika tfisser illi l-aċċettazzjoni formali tad-dikjarazzjoni tista’ tkun segwita mill-adozzjoni ta’ miżuri bħalma huma dawk previsti fl-Artikoli 71 u 72 tal-Kodiċi Doganali, biex tkun iggarantita l-applikazzjoni koretta tad-dispożizzjonijiet tal-proċedura doganali li taħtha tkun ser titqiegħed il-merkanzija.
46. Fil-kawża preżenti, iż-żmien illi għadda bejn l-aċċettazzjoni u l-ħelsien intuża wkoll sabiex jiġi ssiġillat il-kontejner sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 72 tal-Kodiċi Doganali għall-finijiet tat-tranżitu Komunitarju estern.
47. Peress illi l-verifika tad-dikjarazzjoni tista’ sseħħ, skont l-Artikolu 68 tal-Kodiċi Doganali, anke wara l-aċċettazzjoni ta’ din tal-aħħar , il-merkanzija għandha tibqa’ taħt is-sorveljanza doganali. Sakemm il-merkanzija tkun f’ħażna temporanja, din is-sorveljanza hija żgurata indipendentement mill-proċedura doganali applikata sussegwentement.
48. Għandu jitfakkar illi, fis-sentenza D. Wandel (14), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat illi l-merkanzija maħsuba li titqiegħed f’ċirkolazzjoni libera tibqa’ f’ħażna temporanja sal-għoti tal-ħelsien. Konsegwentement, id-dazju doganali jkun dovut, skont l-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali, jekk il-merkanzija tgħib bejn il-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali u l-mument tal-għoti tal-ħelsien.
49. Ma hemmx lok li tiġi adottata soluzzjoni differenti għall-proċeduri doganali l-oħra, għalkemm l-imsemmija proċeduri jiddistingwu ruħhom mill-ħelsien mogħti bl-għan tat-tpoġġija f’ċirkolazzjoni libera, inkwantu jipprevedu li l-merkanzija tinżamm taħt is-sorveljanza doganali wara l-għoti tal-ħelsien, bħal fil-każ tat-tranżitu Komunitarju estern.
C – Dwar il-ħelsien tal-merkanzija
50. Il-ħelsien tal-merkanzija ma jistax isir ħlief wara l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali.
51. L-Artikolu 73 tal-Kodiċi Doganali jawtorizza lill-awtoritajiet doganali jagħtu l-ħelsien tal-merkanzija meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għat-tpoġġija taħt il-proċedura mitluba. L-istess idea tinsab ukoll fid-definizzjoni tal-ħelsien tal-merkanzija, mogħtija fil-punt 20 tal-Artikolu 4 tal-Kodiċi Doganali, li jistabbilixxi li huwa l-att li bih l-awtoritajiet doganali jagħmlu l-merkanzija disponibbli għall-iskopijiet stipulati mill-proċedura doganali li taħtha tkun tpoġġiet.
52. Din l-analiżi hija konformi mas-setgħat tal-awtoritajiet doganali għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni u l-għoti tal-ħelsien tal-merkanzija. Għalkemm ma jistgħux jirrifjutaw li jaċċettaw id-dikjarazzjoni ħlief għal nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet formali stabbiliti fl-Artikolu 62 tal-Kodiċi Doganali (15), l-awtoritajiet doganali jistgħu jirrifjutaw li jagħtu l-ħelsien tal-merkanzija fil-każijiet kollha fejn il-kundizzjonijiet fundamentali għat-tpoġġija taħt proċedura partikolari ma jkunux għadhom ġew sodisfatti.
53. L-awtoritajiet doganali jistgħu, pereżempju, jużaw iż-żmien bejn l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni u l-għoti tal-ħelsien sabiex jitolbu l-kostituzzjoni ta’ garanzija jew, jekk ikun il-każ, iż-żieda ta’ garanzija li tkun diġà ġiet stabbilita. Fin-nuqqas li dawn il-kundizzjonijiet jiġu sodisfatti, il-ħelsien jista’ jiġi rrifjutat.
54. Ir-rwol essenzjali tal-ħelsien tal-merkanzija bħala punt tat-tluq tal-proċedura doganali, joħroġ ukoll, fil-każ tat-tranżitu, mill-fatt illi r-responsabbiltà tal-garanzija tinħoloq fil-mument tal-għoti tal-ħelsien minħabba t-tranżitu kopert mill-garanzija.
55. Konsegwentement, bħall-Kummissjoni, inqis illi l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma kinitx taqa’ taħt il-proċedura tat-tranżitu Komunitarju estern, ħlief mill-mument meta tal-ħelsien tagħha, fis-7 ta’ Novembru 2007.
56. Qabel ma nikkonkludi, nixtieq nerġa’ nirreferi għall-kawża D. Wandel, iċċitata iktar ’il fuq.
57. Din il-kawża kienet tikkonċerna d-dikjarazzjoni ta’ merkanzija mhux Komunitarja għat-tpoġġija tagħha f’ċirkolazzjoni libera. Fis-sentenza D. Wandel (16), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat illi din tal-aħħar ma tiksibx l-istatus ta’ merkanzija Komunitarja ħlief mill-mument meta jkunu ġew applikati l-miżuri ta’ politika kummerċjali, meta l-formalitajiet l-oħra kollha previsti għall-importazzjoni tal-merkanzija jkunu ġew eżegwiti u meta d-dazji fuq l-importazzjoni li huma legalment dovuti jkunu ġew mhux biss applikati iżda wkoll imħallsa jew iggarantiti.
58. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat suċċessivament (17) illi jekk mhux ikkontestat illi s-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni doganali u l-aċċettazzjoni immedjata ta’ din tal-aħħar, skont l-Artikoli 59(1) u 63 tal-Kodiċi Doganali, jagħmlu parti mill-formalitajiet imsemmija iktar ’il fuq, għandu titqies wkoll, bħala formalità ta’ dan it-tip, l-eżekuzzjoni ta’ miżuri stabbiliti fl-Artikolu 68 tal-Kodiċi Doganali, li tikkonferixxi lill-awtoritajiet doganali d-dritt li jipproċedu, biex jivverifikaw id-dikjarazzjonijiet aċċettati, b’mod partikolari, għall-eżami tal-merkanzija, kif ukoll, potenzjalment għat-teħid ta’ kampjuni bl-għan li dawn jiġu analizzati jew ta’ kontroll fil-fond.
59. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkonkludiet (18) li peress li l-għan tat-tpoġġija f’ċirkolazzjoni libera huwa, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tal-Kodiċi Doganali, li jiġi kkonferit lill-merkanzija mhux Komunitarja, l-istatus ta’ merkanzija Komunitarja, l-għoti tal-ħelsien tal-merkanzija, iddefinit fil-punt 20 tal-Artikolu 4 tal-Kodiċi Doganali, għandu jitqies li jikkostitwixxi waħda mill-formalitajiet rikjesti għat-tpoġġija f’ċirkolazzjoni libera regolari tal-merkanzija importata.
60. Inqis illi r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiġi traspost mutatis mutandis għall-kawża preżenti, li tikkonċerna l-proċedura tat-tranżitu Komunitarju estern: il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali u l-aċċettazzjoni immedjata ta’ din tal-aħħar, skont l-Artikoli 59(1) u 63 tal-Kodiċi Doganali, ma hemmx dubju li jagħmlu parti mill-formalitajiet rikjesti bl-għan tat-tpoġġija tal-merkanzija taħt il-proċedura doganali tat-tranżitu Komunitraju estern inkwantu l-applikazzjoni tal-imsemmija proċedura hija suġġetta għall-imsemmija formalitajiet. Madankollu, peress li din il-proċedura doganali ma tapplikax biss permezz tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni. L-applikazzjoni tal-proċedura doganali inkwistjoni; tippresupponi, barra minn hekk, l-għoti tal-ħelsien mill-awtoritajiet kompetenti.
61. Fil-fatt, il-merkanzija li hija ppreżentata fid-dwana u li tkun maħsuba għat-tpoġġija taħt proċedura doganali, għandha tkun is-suġġett ta’ dikjarazzjoni doganali għal din il-proċedura doganali, li tirriżulta minn żewġ atti distinti iżda marbuta (19) .
62. Fl-ewwel lok, l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni, huwa att ta’ natura awtomatika, peress illi d-dikjarazzjoni — li normalment issir b’mod elettroniku — tiġi aċċettata, sakemm tkun kompleta u tkun tiġbor fiha l-informazzjoni kollha rikjesta.
63. Fit-tieni lok, ladarba tiġi kkompletata l-fażi tal-aċċettazzjoni, l-għoti tal-ħelsien huwa att li bis-saħħa tiegħu l-awtoritajiet doganali jibbenefikaw minn marġni iktar wiesa’ ta’ diskrezzjoni. Fil-fatt, l-aċċettazzjoni tfisser illi l-awtoritajiet doganali issa għandhom f’idejhom l-informazzjoni bażika meħtieġa biex jipproċedu, jekk ikun il-każ, għall-verifiki meħtieġa u biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet speċifiċi, jekk neċessarji, biex jingħata l-ħelsien.
V – Konklużjoni
64. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari tal-Hoge Raad der Nederlanden kif ġej:
Il-merkanzija mhux Komunitarja, li għandha l-istatus ta’ “ħażna temporanja” u li tiġi ddikjarata bl-għan li titqiegħed taħt il-proċedura doganali tat-tranżitu Komunitarju estern, tikseb trattament jew użu approvat mid-dwana fis-sens tal-Artikolu 50 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006, ladarba d-dikjarazzjoni tiġi aċċettata u l-ħelsien jingħata.
(1) .
(2) – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307 – Regolament kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M p. 629).
(3) – C-66/99, Ġabra p. I-873.
(4) – Infakkar, barra minn hekk, illi s-sentenzi reċenti tas-6 ta’ Settembru 2012, Döhler Neuenkirchen (C-262/10) u Eurogate Distribution (C-28/11) — kawżi li fihom ippreżentajt il-konklużjonijiet tiegħi fit-8 ta’ Marzu 2012 — li jikkonċernaw il-fażi segwenti, jiġifieri meta l-merkanzija diġà rċeviet trattament jew użu approvat mid-dwana u jqumu l-irregolaritajiet matul din il-fażi. F’din l-ipotesi, id-debitur huwa l-persuna marbuta li teżegwixxi l-obbligi li jġib miegħu l-użu tal-proċedura doganali inkwistjoni (proċedura tal-ipproċessar attiv f’Döhler Neuenkirchen u l-proċedura tal-ħażna doganali f’Eurogate Distribution).
(5) – Ara l-Artikolu 406 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3).
(6) – L-użu ta’ dan it-terminu (“telf”) bl-ebda mod ma jippreġudika dak li effettivament ġara minn dawn iż-żewġ pakketti, li mhux magħruf, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju.
(7) – C-140/04, Ġabra p. I-8245, punti 35 sa 39.
(8) – Ninnota li l-Avukat Ġenerali, quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden, kien ippropona lill-qorti tar-rinviju, fil-konklużjonijiet tiegħu tat-30 ta’ Settembru 2010, ir-rinviju tal-kawża quddiem il-qorti tal-ewwel istanza biex jiġu ċċarati il-kwistjonijiet fattwali. Għandu jingħad ukoll illi ma jidhirlix li huwa ġust li jiġi ammess illi r-responsabbiltà tad-dazju doganali li tirriżulta minn żbalji li jaffettwaw id-dikjarazzjoni, tkun esklużivament tal-operatur tal-port li ħatt l-merkanzija suġġetta għall-proċedura tal-“ħażna temporanja”.
(9) – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, DSV Road (C-234/09, Ġabra p. I-7333, punt 23).
(10) – Ara s-sentenza United Antwerp Maritime Agencies u Seaport Terminals, iċċitata iktar ’il fuq (punti 38 u 39).
(11) – Min-naħa l-oħra, għandu jiġi nnotat li l-kundizzjonijiet li fihom tintemm il-proċedura tat-tranżitu estern, huma ppreċiżati fl-Artikolu 92 tal-Kodiċi Doganali.
(12) – Ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, DP grup (C-138/10, Ġabra p. I-8369, punt 35).
(13) – Ibidem (punti 36 u 39).
(14) – Iċċitata iktar ’il fuq (punt 45).
(15) – Ara wkoll l-Artikolu 77 tal-Kodiċi Doganali għal dak li għandu x’jaqsam mad-dikjarazzjonijiet doganali magħmula permezz tat-teknika tal-ipproċessar tad-data.
(16) – Iċċitata iktar ’il fuq (punt 36).
(17) – Ibidem (punt 37).
(18) – Ibidem (punt 38).
(19) – Ara l-Artikoli 50 u 59 tal-Kodiċi Doganali.
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
JÄÄSKINEN
ippreżentati fit-28 ta’ Frar 2013 ( 1 )
Kawża C-542/11Staatssecretaris van Financiën vs
Codirex Expeditie BV
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi)]
“Kodiċi Doganali tal-Komunità — Regolament (KEE) Nru 2913/92 — Artikolu 50 — Merkanzija f’ħażna temporanja — Merkanzija mhux Komunitarja — Proċedura doganali tat-tranżitu Komunitarju estern — Mument tal-attribuzzjoni tat-trattament jew tal-użu approvat mid-dwana — Artikoli 63 u 67 — Aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali — Artikolu 73 — Ħelsien tal-merkanzija — Artikolu 203 — Dejn doganali”
I – Introduzzjoni
1. |
Żewġ pakketti neqsin tal-laħam, din hija l-oriġini ta’ din il-kawża. Fil-fatti tal-kawża prinċipali, lot tal-laħam taċ-ċanga ffriżat ġie ttrasportat bil-vapur, f’kontejner, mill-Brażil lejn il-Pajjiżi l-Baxxi. Waqt it-tneħħija tas-siġilli li kienu twaħħlu mill-awtoritajiet doganali fil-port ta’ Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) qabel l-għoti tal-ħelsien tal-merkanzija, id-destinatarju tagħha sab biss 1667 pakkett fost l-1669 imsemmija fid-dikjarazzjoni doganali. |
2. |
Id-domanda preliminari preżenti tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità ( 2 ) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”). Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Staatssecretaris van Financiën (Segretarjat tal-Istat għall-Finanzi, iktar ’il quddiem is-“Staatssecretaris”) u Codirex Expeditie BV (iktar ’il quddiem “Codirex”), fir-rigward ta’ avviż ta’ tassazzjoni li jirrigwarda l-ħlas ta’ dazji doganali u tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”). |
3. |
Il-Hoge Raad der Nederlanden (Qorti suprema) (il-Pajjiżi l-Baxxi) tixtieq tkun taf essenzjalment f’liema mument merkanzija mhux Komunitarja, li għandha l-istatus ta’ merkanzija f’ħażna temporanja, u li tkun ġiet iddikjarata bl-għan li titqiegħed taħt il-proċedura doganali tat-tranżitu Komunitarju estern, tikseb trattament jew użu approvat mid-dwana fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Kodiċi Doganali. F’dan ir-rigward, il-qorti a quo tipprevedi żewġ mumenti differenti: kemm meta tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni (skont l-Artikolu 63 tal-imsemmi kodiċi), kif ukoll meta, wara l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni, jingħata l-ħelsien (skont l-Artikolu 73 tal-imsemmi kodiċi). |
4. |
Infakkar illi, fil-kawża li tat lok għas-sentenza D. Wandel, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà twasslet biex teżamina kwistjoni analoga, fir-rigward ta’ każ li fih il-merkanzija mhux Komunitarja kienet ġiet iddikjarata bl-għan li titqiegħed f’moviment liberu ( 3 ). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet illi l-mument deċiżiv kien dak tal-ħelsien ( 4 ). |
II – Il-kuntest ġuridiku
5. |
Il-punti 15, 16 u 20 tal-Artikolu 4 tal-Kodiċi Doganali jipprovdu: “Għall-iskopijiet ta’ dan il-Kodiċi, huma applikabbli definizzjonijiet li ġejjin: […]
|
6. |
Skont l-Artikolu 37 ta’ dan il-kodiċi, il-merkanzija introdotta fit-territorju doganali tal-Komunità Ewropea hija, minn din l-introduzzjoni ’l quddiem, suġġetti għas-sorveljanza doganali. Din tista’ tkun fil-mira ta’ kontrolli doganali u tibqa’ taħt din is-sorveljanza sakemm dan ikun meħtieġ biex jiġi ddeterminat l-istatus tagħha. |
7. |
Skont l-Artikolu 48 tal-Kodiċi Doganali, “[m]erkanzija mhux tal-Komunità preżentata lid-dwana għandha tkun assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana awtorizzat għal dik il-merkanzija mhux tal-Komunità”. |
8. |
L-Artikolu 50 ta’ dan il-kodiċi huwa redatt kif ġej: “Sakemm tkun assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana, merkanzija preżentata lid-dwana għandha, wara dik il-preżentazzjoni, ikollha l-istatus ta’ merkanzija f’ħażna temporanja. Dik il-merkanzija ser tkun deskritta aktar ’l isfel bħala “merkanzija f’ħażna temporanja.” |
9. |
L-Artikolu 59(1) tal-Kodiċi Doganali jiddisponi kif ġej: “1. Il-merkanzija kollha maħsuba biex titqiegħed taħt proċedura doganali għandha tkun koperta b’dikjarazzjoni għal dik il-proċedura doganali.” |
10. |
Skont l-Artikolu 63 tal-imsemmi kodiċi: “Dikjarazzjonijiet li josservaw il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 62 għandhom jiġu aċċettati immedjatament mill-awtoritajiet doganali, sakemm il-merkanzija li għaliha jirreferu jiġu preżentati lid-dwana.” |
11. |
L-Artikolu 67 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi: “Ħlief fejn espressament ipprovdut mod ieħor, id-data li għandha tintuża għall-iskopijiet tad-dispożizzjonijiet kollha li jirregolaw il-proċeduri doganali li għalihom il-merkanzija tkun dikjarata għandha tkun id-data ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni mill-awtoritajiet doganali.” |
12. |
Skont l-Artikolu 73(1) tal-Kodiċi Doganali: “1. Mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 74, meta l-kondizzjonijiet biex titqiegħed il-merkanzija taħt il-proċedura konċernata jiġu sodisfatti u sakemm il-merkanzija ma tkunx soġġetta għal xi miżuri projbittivi jew restrittivi, l-awtoritajiet doganali għandhom jeħilsu l-merkanzija hekk kif id-dettalji fid-dikjarazzjoni jkunu ġew verifikati jew aċċettati mingħajr verfika. L-istess għandu japplika meta tali verifika ma tistax titlesta f’perjodu ta’ żmien raġonevoli u l-merkanzija ma tkunx meħtieġa aktar li tkun preżenti għall-iskopijiet tal-verifika.” |
13. |
Skont l-Artikolu 74 tal-imsemmi kodiċi: “1. Fejn l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali toħloq dejn doganali, il-merkanzija koperta bid-dikjarazzjoni m’għandhiex tinħeles ħlief meta d-dejn doganali jkun ġie mħallas jew garantit. Madankollu, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, din id-dispożizzjoni m’għandhiex tapplika għall-proċedura ta’ importazzjoni temporanja b’eżenzjoni parzjali mid-dazji fuq l-importazzjoni. 2. Fejn, skond id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-merkanzija tkun ġiet dikjarata, l-awtoritajiet doganali jitolbu li tingħata garanzija, l-imsemmija merkanzija ma tinħelisx għall-proċedura doganali konċernata sakemm dik il-garanzija tiġi provduta.” |
14. |
L-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi kif ġej: “1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:
2. Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali. 3. Id-debituri għandhom ikunu:
|
III – Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
15. |
Lot ta’ laħam taċ-ċanga ffriżat, li ġie ttrasportat bil-vapur f’kontejner, mill-Brażil lejn il-Pajjiżi l-Baxxi, tniżżel fil-port ta’ Rotterdam minn Seaport International. Din tal-aħħar iddepożitatu fuq is-sit tagħha sakemm kienet qed tistenna li tinħareġ l-approvazzjoni doganali għat-trattament jew għall-użu tal-merkanzija li kien fih. |
16. |
Waqt illi l-kontejner kien jinsab fuq is-sit tat-terminal ta’ Seaport International, Codirex, li kienet qed taġixxi bħala d-dikjarant, fis-6 ta’ Novembru 2007, għamlet dikjarazzjoni doganali elettronika, bl-għan li tpoġġi l-imsemmi lot taħt il-proċedura doganali tat-tranżitu Komunitarju estern. L-uffiċċju tad-dwana ta’ Rotterdam Seaport aċċetta din id-dikjarazzjoni immedjatament. F’dan il-mument, il-kontejner imsemmi fid-dikjarazzjoni kien jinsab fl-imsemmi terminal tal-kontejners ta’ Seaport International. Fil-mument tad-dikjarazzjoni tat-tranżitu msemmija iktar ’il fuq, il-merkanzija kellha l-istatus ta’ ħażna temporanja fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Kodiċi Doganali. |
17. |
L-għada filgħodu, fis-7 ta’ Novembru 2007, l-awtoritajiet doganali ħelsu l-merkanzija, immedjatament wara li ssiġillaw il-kontenjer. Dakinhar stess, dan tal-aħħar ġie ttrasportat bit-triq lid-destinatarju tal-laħam taċ-ċanga, jiġifieri Eurofrigo BV (iktar ’il quddiem “Eurofrigo”), fiż-żona industrijali ta’ Maasvlakte (il-Pajjiżi l-Baxxi), li kellu awtorizzazzjoni ta’ destinatarju approvat ( 5 ). Mal-wasla tal-kontejner, Eurofrigo ddikjarat illi s-siġilli kienu għadhom intatti. Wara li neħħiethom, indikat illi kien hemm żewġ pakketti tal-laħam taċ-ċanga neqsin, meta mqabbel ma’ dak illi kellu jkun hemm skont id-dikjarazzjoni tad-dwana. Skont Eurofrigo, il-kontejner ma kien jidher li kien fih l-ebda traċċa ta’ ksur. |
18. |
Peress illi l-awtoritajiet tal-uffiċċju tad-dwana ta’ Rotterdam Seaport ma kienu rċevew ebda konferma tal-wasla tal-merkanzija għand Eurofrigo, huma wettqet investigazzjoni u fit-tmiem tagħha pproċedew biex jindirizzaw lil Codirex, fit-3 ta’ Lulju 2008, avviż ta’ tassazzjoni għall-ħlas tad-dazji doganali u tal-VAT. |
19. |
Codirex ikkontestat l-imsemmi avviż ta’ tassazzjoni quddiem ir-Rechtbank te Haarlem (Tribunal tal-arrondissement ta’ Haarlem). |
20. |
L-għan tat-tilwima quddiem ir-Rechtbank te Haarlem kien dak li jiġi ddeterminat jekk Codirex, bħala d-dikjarant għall-finijiet tat-tpoġġija taħt il-proċedura doganali tat-tranżitu Komunitarju estern, setgħetx titqies bħala responsabbli għal telf ( 6 ), li kien hemm lok li jiġi preżunt li seħħ bejn il-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni fid-dwana u dak meta twaħħlu s-siġilli fuq il-kontejner, eżattament qabel l-għoti tal-ħelsien għat-tranżitu tal-merkanzija. Matul il-proċedura fil-kawża prinċipali, ma ġiex sostnut illi l-pakketti neqsin intilfu waqt li kien qed jiġi ttrasportat il-kontejner issiġillat mis-sit ta’ Seaport International lejn l-istabbiliment ta’ Eurofrigo. |
21. |
Ir-Rechtbank te Haarlem iddeċieda li l-merkanzija mhux Komunitarja introdotta fit-territorju doganali, ippreżentata fid-dwana u ddikjarata bl-għan li titqiegħed taħt il-proċedura doganali tat-tranżitu Komunitarju estern, tikkonserva l-istatus ta’ merkanzija f’ħażna temporanja sal-mument meta l-awtoritajiet doganali jagħtu l-ħelsien. |
22. |
Ir-Rechtbank te Haarlem iddeċieda, sussegwentement, illi bejn il-perijodu tal-ħażna temporanja u l-mument meta l-awtoritajiet doganali taw il-ħelsien tal-merkanzija għat-tranżitu, Codirex ma setgħetx titqies bħala d-debitriċi fis-sens tar-raba’ inċiż tal-Artikolu 203(3) tal-Kodiċi Doganali. Huwa bbaża din il-konklużjoni fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 2005, United Antwerp Maritime Agencies ( 7 ), u qies illi matul dan il-perijodu, Codirex ma setgħetx fiżikament tiddisponi mill-merkanzija u kienet wisq ’il bogħod biex tkun tista’ ċċaqlaqhom jew tpoġġihom f’ħażna. |
23. |
L-iStaatssecretaris ippreżenta rikors ta’ kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden kontra din id-deċiżjoni tar-Rechtbank te Haarlem. |
24. |
F’dan il-kuntest, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “F’liema mument il-merkanzija mhux Komunitarja tiġi assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana skont is-sens tal-Artikolu 50 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità fil-każ ta’ merkanzija li jkollha status ta’ “ħażna temporanja” li tiġi ddikjarata sabiex titqiegħed taħt is-sistema [proċedura] doganali tat-tranżitu Komunitarju estern?” |
25. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvernijiet Olandiżi u Griegi, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea, li nstemgħu wkoll waqt it-trattazzjoni fis-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2012. |
IV – L-analiżi
A – Proposti preliminari
26. |
Skont l-Artikolu 50 tal-Kodiċi Doganali, il-merkanzija ppreżentata fid-dwana tikkonserva l-istatus ta’ merkanzija f’ħażna temporanja sal-mument sakemm din tiġi assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana. Bi trattament jew użu ta’ merkanzija approvat mid-dwana, hemm lok li jinftiehem, b’mod partikolari, it-tpoġġija tal-merkanzija taħt proċedura doganali, bħalma hija dik, fil-kawża preżenti, tal-proċedura tat-tranżitu Komunitarju estern. Skont l-Artikolu 59(1) tal-Kodiċi Doganali, il-merkanzija kollha maħsuba biex titqiegħed taħt proċedura doganali għandha tkun koperta b’dikjarazzjoni għal dik il-proċedura doganali. |
27. |
Skont il-qorti tar-rinviju, huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni il-mument, imsemmi fl-Artikolu 50 tal-Kodiċi Doganali, li fih il-merkanzija f’ħażna temporanja tikseb it-trattament jew l-użu approvat mid-dwana u b’hekk titlef l-istatus ta’ merkanzija f’ħażna temporanja. |
28. |
Irid jingħad fl-ewwel lok illi l-fajl ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk iż-żewġ pakketti inkwistjoni kinux, fil-fatt, fil-kontejner meta dan wasal fil-port ta’ Rotterdam. Din iċ-ċirkustanza, li dwarha huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi ruħha, għandha konsegwenzi prattiċi importanti. |
29. |
Fil-fatt, il-merkanzija ma setgħetx titneħħa minn taħt is-sorveljanza doganali ħlief jekk id-dikjarazzjoni ta’ Codirex kienet konformi mar-realtà. |
30. |
Jekk iż-żewġ pakketti kienu preżenti fil-kontejner fil-mument tad-dikjarazzjoni u din għalhekk kienet tikkorrispondi mar-realtà, dawn għebu meta l-merkanzija kienet taħt is-sorveljanza doganali. F’tali każ, il-merkanzija inkwistjoni hija suġġetta għad-dazji tad-dwana skont l-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali, bid-debitur ikun Codirex jew terz. |
31. |
Jekk, min-naħa l-oħra, iż-żewġ pakketti neqsin qatt ma waslu Rotterdam, id-dikjarazzjoni kienet materjalment ineżatta ( 8 ). F’dan il-każ, il-kwistjoni tkun tirrigwarda merkanzija ineżistenti, li ma setgħetx kienet suġġetta għas-sorveljanza doganali, b’mod illi ma jista’ jkun hemm l-ebda dejn doganali dovut fir-rigward tagħhom ( 9 ). |
32. |
Dan premess, id-deċiżjoni tar-rinviju tpoġġi l-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-ewwel ipoteżi. L-Imħallef a quo jixtieq jistabbilixxi, essenzjalment, min huwa d-debitur tad-dejn doganali fil-kawża prinċipali. Biex tingħata risposta għal dan, l-Imħallef a quo għandu jkun jista’ jistabbilixxi jekk il-merkanzija mitlufa tneħħitx minn taħt is-sorveljanza doganali meta din kienet tpoġġiet taħt l-istatus ta’ ħażna temporanja jew taħt il-proċedura tat-tranżitu Komunitarju estern. Konsegwentement, qed jistaqsi dwar il-mument preċiż li fih tintemm il-ħażna temporanja u tibda l-proċedura tat-tranżitu. |
33. |
Mill-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li meta l-merkanzija li tkun suġġetta għad-dazji doganali, titneħħa minn taħt is-sorveljanza doganali, jinħoloq, f’dan il-mument, dazju doganali fuq l-importazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza United Antwerp Maritime Agencies u Seaport Terminals, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tneħħija minn taħt is-sorveljanza doganali tinkludi kull att jew kull omissjoni li jkollhom bħala riżultat li jwaqqfu, anke jekk biss temporanjament, lill-awtorità doganali kompetenti milli jkollha aċċess għall-merkanzija taħt is-sorveljanza doganali u li teżegwixxi l-kontrolli previsti fl-Artikolu 37(1) tal-Kodiċi Doganali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza United Antwerp Maritime Agencies u Seaport Terminals, iċċitat iktar ’il fuq, punt 28). |
34. |
Anki jekk jiġi preżunt illi l-merkanzija ntilfet meta kellha l-istatus ta’ merkanzija f’ħażna temporanja, Codirex ma tkunx id-debitriċi tad-dazju doganali peress li ma kinitx il-persuna li kellha teżegwixxi l-obbligi li ġġib magħha l-ħażna temporanja tal-merkanzija fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikoli 203(3) tal-Kodiċi Doganali ( 10 ), u bir-riżerva tal-applikazzjoni tal-każijiet ta’ responsabbiltà previsti fl-ewwel sat-tielet inċiż tal-Artikolu 203(3) tal-istess kodiċi. |
35. |
Jekk, min-naħa l-oħra, din il-merkanzija ntilfet meta kienet diġà mpoġġija taħt il-proċedura tat-tranżitu Komunitarju estern, Codirex, bħala l-persuna prinċipali li ntrabtet bl-obbligu, tkun id-debitriċi tad-dejn doganali peress illi tkun il-persuna li kellha teżegwixxi l-obbligi li jġib miegħu l-użu tal-proċedura doganali li taħtha tpoġġiet il-merkanzija fis-sens tar-raba’ inċiż tal-Artikolu 203(3) tal-Kodiċi Doganali. |
36. |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jingħad illi l-Kodiċi Doganali ma jiddefinixxix bi preċiżjoni l-mument li fih tintemm il-ħażna temporanja, u dak meta tibda l-proċedura tat-tranżitu Komunitarju estern ( 11 ). |
37. |
Ġew esposti żewġ teżijiet dwar dan il-punt fil-kuntest tal-kawża preżenti. |
38. |
Skont l-ewwel teżi, sostnuta mill-iStaatssecretaris quddiem il-qorti tar-rinviju, kif ukoll mill-Gvern Olandiż u dak Grieg quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħażna temporanja tispiċċa fil-mument meta d-dikjarazzjoni doganali, bl-għan tat-tpoġġija tal-merkanzija taħt proċedura doganali, fis-sens tal-Artikolu 59 tal-Kodiċi Doganali, ġiet aċċettata. Huma qed jibbażaw ruħhom, f’dan ir-rigward, fuq l-Artikolu 67 tal-Kodiċi Doganali, li jipprovdi li d-data li għandha tiġi kkunsidrata għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-merkanzija ġiet iddikjarata, hija d-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni mill-awtoritajiet doganali. |
39. |
Skont it-tieni teżi, li tidher li hija ffavorita mill-qorti tar-rinviju u li ġiet difiża quddiemha minn Codirex, kif ukoll mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħażna temporanja tispiċċa meta l-awtoritajiet doganali jagħtu l-ħelsien tal-merkanzija inkwistjoni. Biex isostnu din il-pożizzjoni, dawn il-partijiet jirreferu għall-Artikoli 73 u 74(2) tal-Kodiċi Doganali u jisħqu li l-għoti tal-ħelsien ma jistax isir qabel ma jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet tat-tpoġġija tal-merkanzija taħt il-proċedura kkonċernata. Fl-opinjoni tagħhom, ma jistax jitqies li l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ġġib magħha t-tmiem tal-istatus tal-ħażna temporanja, meta l-kundizzjonijiet meħtieġa għat-tpoġġija taħt proċedura doganali partikolari għadhom ma ġewx sodisfatti. B’mod partikolari, fil-każ tal-proċedura tat-tranżitu Komunitarju estern li tirrikjedi l-kostituzzjoni tal-garanzija, il-ħelsien ma jistax jingħata qabel ma tiġi kkostitwita din il-garanzija. Sal-mument meta l-awtoritajiet doganali jagħtu l-ħelsien, huma d-dispożizzjonijiet u r-regoli ta’ responsabbiltà li jirriżultaw mill-ħażna temporanja preċedenti tal-merkanzija li jibqgħu japplikaw. |
40. |
Huwa meħtieġ għalhekk li jiġu analizzati suċċessivament dawn iż-żewġ possibbiltajiet. |
B – Dwar l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali
41. |
Naqbel mal-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni li l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali ma għandhiex l-effett li tpoġġi l-merkanzija taħt il-proċedura doganali mitluba. Il-merkanzija tibqa’ f’ħażna temporanja wara l-imsemmija aċċettazzjoni. |
42. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret reċentement, illi d-dikjarazzjoni doganali tikkonsisti, kif jirriżulta mill-punt 17 tal-Artikolu 4 tal-Kodiċi Doganali, fl-att li permezz tiegħu d-dikjarant jimmanifesta, skont il-forom u l-modalitajiet preskritti, il-volontà li tiġi ssuġġettata l-merkanzija għal proċedura doganali partikolari ( 12 ). |
43. |
Skont l-Artikolu 63 tal-Kodiċi Doganali, l-awtoritajiet doganali għandhom l-obbligu li jaċċettaw immedjatament id-dikjarazzjonijiet doganali, u, skont l-Artikolu 67 ta’ dan il-kodiċi, id-data li trid titqies għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-merkanzija tkun ġiet ddikjarata, hija d-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni mill-awtoritajiet doganali. |
44. |
Il-Kummissjoni ġustament tfakkar illi wara li tkun aċċettat id-dikjarazzjoni, l-awtoritajiet doganali jistgħu, skont l-Artikolu 68 tal-Kodiċi Doganali, jipproċedu għall-verifika tad-dikjarazzjonijiet aċċettati minnhom stess ( 13 ). |
45. |
L-eżistenza ta’ din il-possibbiltà ta’ verifika tfisser illi l-aċċettazzjoni formali tad-dikjarazzjoni tista’ tkun segwita mill-adozzjoni ta’ miżuri bħalma huma dawk previsti fl-Artikoli 71 u 72 tal-Kodiċi Doganali, biex tkun iggarantita l-applikazzjoni koretta tad-dispożizzjonijiet tal-proċedura doganali li taħtha tkun ser titqiegħed il-merkanzija. |
46. |
Fil-kawża preżenti, iż-żmien illi għadda bejn l-aċċettazzjoni u l-ħelsien intuża wkoll sabiex jiġi ssiġillat il-kontejner sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 72 tal-Kodiċi Doganali għall-finijiet tat-tranżitu Komunitarju estern. |
47. |
Peress illi l-verifika tad-dikjarazzjoni tista’ sseħħ, skont l-Artikolu 68 tal-Kodiċi Doganali, anke wara l-aċċettazzjoni ta’ din tal-aħħar, il-merkanzija għandha tibqa’ taħt is-sorveljanza doganali. Sakemm il-merkanzija tkun f’ħażna temporanja, din is-sorveljanza hija żgurata indipendentement mill-proċedura doganali applikata sussegwentement. |
48. |
Għandu jitfakkar illi, fis-sentenza D. Wandel ( 14 ), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat illi l-merkanzija maħsuba li titqiegħed f’ċirkolazzjoni libera tibqa’ f’ħażna temporanja sal-għoti tal-ħelsien. Konsegwentement, id-dazju doganali jkun dovut, skont l-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali, jekk il-merkanzija tgħib bejn il-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali u l-mument tal-għoti tal-ħelsien. |
49. |
Ma hemmx lok li tiġi adottata soluzzjoni differenti għall-proċeduri doganali l-oħra, għalkemm l-imsemmija proċeduri jiddistingwu ruħhom mill-ħelsien mogħti bl-għan tat-tpoġġija f’ċirkolazzjoni libera, inkwantu jipprevedu li l-merkanzija tinżamm taħt is-sorveljanza doganali wara l-għoti tal-ħelsien, bħal fil-każ tat-tranżitu Komunitarju estern. |
C – Dwar il-ħelsien tal-merkanzija
50. |
Il-ħelsien tal-merkanzija ma jistax isir ħlief wara l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali. |
51. |
L-Artikolu 73 tal-Kodiċi Doganali jawtorizza lill-awtoritajiet doganali jagħtu l-ħelsien tal-merkanzija meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għat-tpoġġija taħt il-proċedura mitluba. L-istess idea tinsab ukoll fid-definizzjoni tal-ħelsien tal-merkanzija, mogħtija fil-punt 20 tal-Artikolu 4 tal-Kodiċi Doganali, li jistabbilixxi li huwa l-att li bih l-awtoritajiet doganali jagħmlu l-merkanzija disponibbli għall-iskopijiet stipulati mill-proċedura doganali li taħtha tkun tpoġġiet. |
52. |
Din l-analiżi hija konformi mas-setgħat tal-awtoritajiet doganali għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni u l-għoti tal-ħelsien tal-merkanzija. Għalkemm ma jistgħux jirrifjutaw li jaċċettaw id-dikjarazzjoni ħlief għal nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet formali stabbiliti fl-Artikolu 62 tal-Kodiċi Doganali ( 15 ), l-awtoritajiet doganali jistgħu jirrifjutaw li jagħtu l-ħelsien tal-merkanzija fil-każijiet kollha fejn il-kundizzjonijiet fundamentali għat-tpoġġija taħt proċedura partikolari ma jkunux għadhom ġew sodisfatti. |
53. |
L-awtoritajiet doganali jistgħu, pereżempju, jużaw iż-żmien bejn l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni u l-għoti tal-ħelsien sabiex jitolbu l-kostituzzjoni ta’ garanzija jew, jekk ikun il-każ, iż-żieda ta’ garanzija li tkun diġà ġiet stabbilita. Fin-nuqqas li dawn il-kundizzjonijiet jiġu sodisfatti, il-ħelsien jista’ jiġi rrifjutat. |
54. |
Ir-rwol essenzjali tal-ħelsien tal-merkanzija bħala punt tat-tluq tal-proċedura doganali, joħroġ ukoll, fil-każ tat-tranżitu, mill-fatt illi r-responsabbiltà tal-garanzija tinħoloq fil-mument tal-għoti tal-ħelsien minħabba t-tranżitu kopert mill-garanzija. |
55. |
Konsegwentement, bħall-Kummissjoni, inqis illi l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma kinitx taqa’ taħt il-proċedura tat-tranżitu Komunitarju estern, ħlief mill-mument meta tal-ħelsien tagħha, fis-7 ta’ Novembru 2007. |
56. |
Qabel ma nikkonkludi, nixtieq nerġa’ nirreferi għall-kawża D. Wandel, iċċitata iktar ’il fuq. |
57. |
Din il-kawża kienet tikkonċerna d-dikjarazzjoni ta’ merkanzija mhux Komunitarja għat-tpoġġija tagħha f’ċirkolazzjoni libera. Fis-sentenza D. Wandel ( 16 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat illi din tal-aħħar ma tiksibx l-istatus ta’ merkanzija Komunitarja ħlief mill-mument meta jkunu ġew applikati l-miżuri ta’ politika kummerċjali, meta l-formalitajiet l-oħra kollha previsti għall-importazzjoni tal-merkanzija jkunu ġew eżegwiti u meta d-dazji fuq l-importazzjoni li huma legalment dovuti jkunu ġew mhux biss applikati iżda wkoll imħallsa jew iggarantiti. |
58. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat suċċessivament ( 17 ) illi jekk mhux ikkontestat illi s-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni doganali u l-aċċettazzjoni immedjata ta’ din tal-aħħar, skont l-Artikoli 59(1) u 63 tal-Kodiċi Doganali, jagħmlu parti mill-formalitajiet imsemmija iktar ’il fuq, għandu titqies wkoll, bħala formalità ta’ dan it-tip, l-eżekuzzjoni ta’ miżuri stabbiliti fl-Artikolu 68 tal-Kodiċi Doganali, li tikkonferixxi lill-awtoritajiet doganali d-dritt li jipproċedu, biex jivverifikaw id-dikjarazzjonijiet aċċettati, b’mod partikolari, għall-eżami tal-merkanzija, kif ukoll, potenzjalment għat-teħid ta’ kampjuni bl-għan li dawn jiġu analizzati jew ta’ kontroll fil-fond. |
59. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkonkludiet ( 18 ) li peress li l-għan tat-tpoġġija f’ċirkolazzjoni libera huwa, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tal-Kodiċi Doganali, li jiġi kkonferit lill-merkanzija mhux Komunitarja, l-istatus ta’ merkanzija Komunitarja, l-għoti tal-ħelsien tal-merkanzija, iddefinit fil-punt 20 tal-Artikolu 4 tal-Kodiċi Doganali, għandu jitqies li jikkostitwixxi waħda mill-formalitajiet rikjesti għat-tpoġġija f’ċirkolazzjoni libera regolari tal-merkanzija importata. |
60. |
Inqis illi r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiġi traspost mutatis mutandis għall-kawża preżenti, li tikkonċerna l-proċedura tat-tranżitu Komunitarju estern: il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali u l-aċċettazzjoni immedjata ta’ din tal-aħħar, skont l-Artikoli 59(1) u 63 tal-Kodiċi Doganali, ma hemmx dubju li jagħmlu parti mill-formalitajiet rikjesti bl-għan tat-tpoġġija tal-merkanzija taħt il-proċedura doganali tat-tranżitu Komunitraju estern inkwantu l-applikazzjoni tal-imsemmija proċedura hija suġġetta għall-imsemmija formalitajiet. Madankollu, peress li din il-proċedura doganali ma tapplikax biss permezz tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni. L-applikazzjoni tal-proċedura doganali inkwistjoni; tippresupponi, barra minn hekk, l-għoti tal-ħelsien mill-awtoritajiet kompetenti. |
61. |
Fil-fatt, il-merkanzija li hija ppreżentata fid-dwana u li tkun maħsuba għat-tpoġġija taħt proċedura doganali, għandha tkun is-suġġett ta’ dikjarazzjoni doganali għal din il-proċedura doganali, li tirriżulta minn żewġ atti distinti iżda marbuta ( 19 ). |
62. |
Fl-ewwel lok, l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni, huwa att ta’ natura awtomatika, peress illi d-dikjarazzjoni — li normalment issir b’mod elettroniku — tiġi aċċettata, sakemm tkun kompleta u tkun tiġbor fiha l-informazzjoni kollha rikjesta. |
63. |
Fit-tieni lok, ladarba tiġi kkompletata l-fażi tal-aċċettazzjoni, l-għoti tal-ħelsien huwa att li bis-saħħa tiegħu l-awtoritajiet doganali jibbenefikaw minn marġni iktar wiesa’ ta’ diskrezzjoni. Fil-fatt, l-aċċettazzjoni tfisser illi l-awtoritajiet doganali issa għandhom f’idejhom l-informazzjoni bażika meħtieġa biex jipproċedu, jekk ikun il-każ, għall-verifiki meħtieġa u biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet speċifiċi, jekk neċessarji, biex jingħata l-ħelsien. |
V – Konklużjoni
64. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari tal-Hoge Raad der Nederlanden kif ġej: Il-merkanzija mhux Komunitarja, li għandha l-istatus ta’ “ħażna temporanja” u li tiġi ddikjarata bl-għan li titqiegħed taħt il-proċedura doganali tat-tranżitu Komunitarju estern, tikseb trattament jew użu approvat mid-dwana fis-sens tal-Artikolu 50 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006, ladarba d-dikjarazzjoni tiġi aċċettata u l-ħelsien jingħata. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307 – Regolament kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M p. 629).
( 3 ) C-66/99, Ġabra p. I-873.
( 4 ) Infakkar, barra minn hekk, illi s-sentenzi reċenti tas-6 ta’ Settembru 2012, Döhler Neuenkirchen (C-262/10) u Eurogate Distribution (C-28/11) — kawżi li fihom ippreżentajt il-konklużjonijiet tiegħi fit-8 ta’ Marzu 2012 — li jikkonċernaw il-fażi segwenti, jiġifieri meta l-merkanzija diġà rċeviet trattament jew użu approvat mid-dwana u jqumu l-irregolaritajiet matul din il-fażi. F’din l-ipotesi, id-debitur huwa l-persuna marbuta li teżegwixxi l-obbligi li jġib miegħu l-użu tal-proċedura doganali inkwistjoni (proċedura tal-ipproċessar attiv f’Döhler Neuenkirchen u l-proċedura tal-ħażna doganali f’Eurogate Distribution).
( 5 ) Ara l-Artikolu 406 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3).
( 6 ) L-użu ta’ dan it-terminu (“telf”) bl-ebda mod ma jippreġudika dak li effettivament ġara minn dawn iż-żewġ pakketti, li mhux magħruf, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju.
( 7 ) C-140/04, Ġabra p. I-8245, punti 35 sa 39.
( 8 ) Ninnota li l-Avukat Ġenerali, quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden, kien ippropona lill-qorti tar-rinviju, fil-konklużjonijiet tiegħu tat-30 ta’ Settembru 2010, ir-rinviju tal-kawża quddiem il-qorti tal-ewwel istanza biex jiġu ċċarati il-kwistjonijiet fattwali. Għandu jingħad ukoll illi ma jidhirlix li huwa ġust li jiġi ammess illi r-responsabbiltà tad-dazju doganali li tirriżulta minn żbalji li jaffettwaw id-dikjarazzjoni, tkun esklużivament tal-operatur tal-port li ħatt l-merkanzija suġġetta għall-proċedura tal-“ħażna temporanja”.
( 9 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, DSV Road (C-234/09, Ġabra p. I-7333, punt 23).
( 10 ) Ara s-sentenza United Antwerp Maritime Agencies u Seaport Terminals, iċċitata iktar ’il fuq (punti 38 u 39).
( 11 ) Min-naħa l-oħra, għandu jiġi nnotat li l-kundizzjonijiet li fihom tintemm il-proċedura tat-tranżitu estern, huma ppreċiżati fl-Artikolu 92 tal-Kodiċi Doganali.
( 12 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, DP grup (C-138/10, Ġabra p. I-8369, punt 35).
( 13 ) Ibidem (punti 36 u 39).
( 14 ) Iċċitata iktar ’il fuq (punt 45).
( 15 ) Ara wkoll l-Artikolu 77 tal-Kodiċi Doganali għal dak li għandu x’jaqsam mad-dikjarazzjonijiet doganali magħmula permezz tat-teknika tal-ipproċessar tad-data.
( 16 ) Iċċitata iktar ’il fuq (punt 36).
( 17 ) Ibidem (punt 37).
( 18 ) Ibidem (punt 38).
( 19 ) Ara l-Artikoli 50 u 59 tal-Kodiċi Doganali.