Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CC0539

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Jääskinen - 30 ta' Jannar 2013.
    Ottica New Line di Accardi Vincenzo vs Comune di Campobello di Mazara.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Consiglio di Giustizia Amministrativa per la Regione Siciliana - l-Italja.
    Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE - Libertà ta’ stabbiliment - Saħħa pubblika - Oftalmiċi - Leġiżlazzjoni reġjonali li tissuġġetta l-ftuħ ta’ stabbilimenti ġodda tal-ottika għal awtorizzazzjoni - Limiti demografiċi u ġeografiċi - Ġustifikazzjoni - Abbiltà li l-għan mixtieq jintlaħaq - Koerenza - Proporzjonalità.
    Kawża C-539/11.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:41

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    JÄÄSKINEN

    ippreżentati fit-30 ta’ Jannar 2013 ( 1 )

    Kawża C‑539/11

    Ottica New Line di Accardi Vincenzo

    vs

    Comune di Campobello di Mazara

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di giustizia amministrativa per la Regione siciliana (l-Italja)]

    “Attività ta’ oftalmiku — Libertà ta’ stabbiliment — Saħħa pubblika — Artikolu 49 TFUE — Leġiżlazzjoni reġjonali li tissuġġetta l-ftuħ ta’ stabbilimenti ġodda tal-ottika għal awtorizzazzjoni — Limiti demografiċi u ġeografiċi — Ġustifikazzjoni — Abbiltà li l-għan mixtieq jintlaħaq — Proporzjonalità”

    1. 

    Permezz tat-talba tiegħu għal deċiżjoni preliminari, il-Consiglio di giustizia amministrativa per la Regione siciliana (l-Italja) jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni reġjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-ftuħ ta’ stabbilimenti tal-ottika ġodda għal kriterji bbażati fuq id-densità demografika u d-distanza bejn l-istabbilimenti.

    2. 

    Id-domandi preliminari saru fil-kuntest ta’ kawża bejn Ottica New Line di Accardi Vincenzo (iktar ’il quddiem “Ottica New Line”) u l-komun ta’ Campobello di Mazara dwar deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar, li permezz tagħha huwa awtorizza lil Fotottica Media Vision di Luppino Natale Fabrizio e C. S.n.c. (iktar ’il quddiem “Fotottica”) sabiex jeżerċita, fuq bażi permanenti, l-attività ta’ oftalmiku fit-territorju ta’ dan il-komun.

    3. 

    Din il-kawża tifforma parti mil-linja ta’ ġurisprudenza li tirrigwarda l-miżuri nazzjonali li jissuġġettaw l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment, fil-kuntest ta’ professjonijiet li għandhom rabta mas-saħħa pubblika, għal sistema ta’ awtorizzazzjoni li tikkostitwixxi restrizzjoni ( 2 ). Huwa xieraq li jitfakkar li l-ispeċifikazzjonijiet tal-attività ta’ oftalmiku kienu diġà ġew eżaminati mill-ġurisprudenza fejn jirriżulta li dawn huma distinti mis-servizzi li jaqgħu kompletament taħt il-protezzjoni tas-saħħa pubblika ( 3 ). F’din il-kawża, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tippreċiża jekk, u eventwalment, sa fejn, il-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Blanco Pérez u Chao Gómez ( 4 ), fir-rigward tal-istabbilimenti ta’ spiżeriji, jistgħu jiġu applikati għall-istabbilimenti tal-ottika.

    I – Il-kuntest ġuridiku

    A – Id-dritt tal-Unjoni

    4.

    Il-premessa 22 tad-Direttiva 2006/123/KE ( 5 ), hija fformulata kif ġej:

    “L-esklużjoni tal-kura tas-saħħa mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tkopri servizzi ta’ kura tas-saħħa u farmaċewtiċi pprovduti minn professjonisti tas-saħħa lil pazjenti biex jivvalutaw, iżommu u jirrestawraw l-istat ta’ saħħa fejn dawk l-attivitajiet huma rriżervati għal professjoni regolata tas-saħħa fl-Istat Membru fejn huma pprovduti s-servizzi.”

    5.

    L-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva jistipula li:

    “Din id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali li jħaffu l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għall-fornituri tas-servizzi u l-moviment liberu tas-servizzi, filwaqt li tinżamm kwalità għolja tas-servizzi.”

    6.

    L-Artikolu 2(2)(f) tad-Direttiva 2006/123/KE jistipula li:

    “Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:

    [...]

    (f)

    servizzi tal-kura tas-saħħa, kemm jekk huma pprovduti permezz ta’ faċilitajiet tal-kura tas-saħħa kif ukoll jekk le, u jkunu x’ikunu l-mezzi li permezz tagħhom huma organizzati jew iffinanzjati fuq livell nazzjonali u jekk humiex pubbliċi jew privati”.

    B – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    7.

    Skont l-Artikolu 1 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sqallija Nru. 12, tad-9 ta’ Lulju 2004, li tirregola l-eżerċizzju tal-attività ta’ oftalmiku u li temenda l-Liġi Reġjonali Nru°28, tat-22 ta’ Frar 1999” (iktar ’il quddiem “il-Liġi Reġjonali Nru°12/2004”):

    “1.   Għall-finijiet tal-għoti tal-awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju tal-attività ta’ oftalmiku mill-awtorità muniċipali kompetenti, minbarra r-reġistrazzjoni fir-reġistru speċjali msemmi fl-Artikolu 71 tal-Liġi Reġjonali Nru 25, tal-1 ta’ Settembru 1993, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-relazzjoni bejn in-numru ta’ residenti u n-numru ta’ stabbilimenti tal-ottika, sabiex jiġi żgurat tqassim razzjonali tal-provvista fit-territorju. Din ir-relazzjoni għandha tkun ta’ stabbiliment tal-ottika għal kull 8 000 abitant. Id-distanza ta’ bejn iż-żewġ stabbilimenti ma għandhiex tkun inqas minn 300 metru. Il-limiti msemmija ma humiex applikabbli għall-istabbilimenti li jiċċaqilqu minn post mikri għall-post li huwa proprjetà tagħhom, jew jekk huma jkunu mġiegħla jiċċaqilqu peress li jitkeċċew jew għal raġunijiet oħra ta’ forza maġġuri. L-awtorizzazzjonijiet mogħtija qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi jibqgħu validi.

    2.   Meta jkunu jeżistu rekwiżiti territorjali ppruvati, l-awtorità muniċipali kompetenti għandha tipproċedi għall-għoti tal-awtorizzazzjoni rilevanti jew għat-trasferiment ta’ awtorizzazzjoni eżistenti permezz ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet previsti fil-paragrafu 1, wara li tkun kisbet l-opinjoni obbligatorja tal-kumitat tal-provinċja quddiem il-Kamra tal-Kummerċ msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Artikolu 71 tal-Liġi Reġjonali Nru°25, tal-1 ta’ Settembru 1993, ippromulgata permezz ta’ Digriet Presidenzjali Nru 64, tal‑1 ta’ Ġunju 1995.

    3.   Fil-komun fejn il-populazzjoni residenti ma taqbiżx it-8 000 abitant, l-awtorità muniċipali kompetenti xorta tista’ tagħti, mingħajr l-opinjoni tal-kumitat imsemmi fit-tieni paragrafu, il-massimu ta’ żewġ awtorizzazzjonijiet. It-talbiet sottomessi qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi ma humiex affettwati.”

    II – Il-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    8.

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2009, il-komun ta’ Campobello di Mazara awtorizza lil Fotottica sabiex jiftaħ stabbiliment tal-ottika fit-territorju tiegħu. Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li din id-deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2009 kienet saret bi ksur tal-Artikolu 1(1) tal-Liġi Reġjonali Nru 12/2004, peress li l-ftuħ tal-imsemmi stabbiliment ma kienx josserva l-kundizzjonijiet dwar id-densità demografika u d-distanza bejn l-istabbilimenti tal-ottika li kienu previsti mill-imsemmija dispożizzjoni.

    9.

    Ottica New Line kkontesta l-imsemmija deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2009 quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Sicilia. Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Marzu 2010, din il-qorti ċaħdet ir-rikors tiegħu wara li ma aċċettatx l-applikazzjoni tal-Artikolu 1(1), tal-Liġi Reġjonali Nru°12/2004, peress li qieset li dan kien inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

    10.

    Ottica New Line appella minn din l-aħħar deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, li tistaqsi dwar il-possibbiltà li jiġu trasposti għall-ftuħ tal-istabbilimenti tal-ottika l-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza Blanco Pérez u Chao Gómez, iċċitata iktar ’il fuq. Skont il-qorti tar-rinviju, huwa paċifiku li l-professjoni ta’ oftalmiku, iktar milli dik ta’ spiżjar, hija suġġetta għal kunsiderazzjonijiet kummerċjali. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż għal kollox li l-introduzzjoni u ż-żamma fis-seħħ ta’ skema partikolari ta’ tqassim territorjali tal-istabbilimenti tal-ottika jaqgħu taħt interess għas-saħħa analogu.

    11.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di giustizia amministrativa per la Regione siciliana ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

    “1)

    Id-dritt tal-Unjoni […] dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, marbuta mal-ħtieġa li tiġi protetta s-saħħa umana, leġiżlazzjoni nazzjonali — f’dan il-każ, l-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 12/2004 tar-Reġjun Awtonomu tas-Sicilia — li tissuġġetta l-ftuħ ta’ stabbilimenti tal-ottika fit-territorju ta’ Stat Membru (f’dan il-każ, parti mill-imsemmi territorju) għal limiti bbażati fuq id-densità demografika u d-distanza bejn l-istabbilimenti, limiti li jikkostitwixxu in abstracto ksur tal-libertajiet fundamentali msemmija iktar ’il fuq?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda preċedenti, skont id-dritt tal-Unjoni […], il-limiti bbażati fuq id-densità demografika (stabbiliment għal kull tmient elef abitant) u fuq id-distanza (tliet mitt metru metru bejn żewġ stabbilimenti), stabbiliti bil-Liġi Nru 12/2004 tar-Reġjun Awtonomu tas-Sicilia għall-ftuħ ta’ stabbilimenti tal-ottika fit-territorju reġjonali, għandhom jitqiesu bħala adegwati sabiex jintlaħaq l-għan li jikkorrispondi għar-raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali msemmija iktar ’il fuq?

    3)

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, skont id-dritt tal-Unjoni […], il-limiti bbażati fuq id-densità demografika (stabbiliment għal kull tmient elef abitant) u fuq id-distanza (tliet mitt metru bejn żewġ stabbilimenti), stabbiliti bil-Liġi Nru 12/2004 tar-Reġjun Awtonomu tas-Sicilia għall-ftuħ, fit-territorju reġjonali, ta’ stabbilimenti tal-ottika, huma proporzjonati, jiġifieri li ma humiex eċċessivi fir-rigward tat-twettiq tal-għan li jikkorrispondi għar-raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali msemmija iktar ’il fuq?”

    12.

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-21 ta’ Ottubru 2011. Il-Gvern Ċek, Spanjol u Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea lkoll ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

    III – Fuq l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

    13.

    Preliminarjament, nosserva li l-elementi kollha inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma limitati għas-sitwazzjoni interna ta’ Stat Membru wieħed, jiġifieri ta’ reġjun uniku. Peress li hija ma tinkludi l-ebda element transkonfinali, id-domanda preliminari tista’ għaldaqstant tiġi ddikjarata inammissibbli.

    14.

    Fil-fatt, huwa paċifiku li d-dispożizjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment ma jistgħux jiġu applikati għal sitwazzjoni fejn l-elementi kollha huma limitati għas-sitwazzjoni interna ta’ Stat Membru wieħed ( 6 ).

    15.

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-risposta għal tali domanda, madankollu, tista’ tkun utli għall-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari fl-ipoteżi fejn id-dritt nazzjonali jimponilha li tagħti lil ċittadin nazzjonali l-istess drittijiet bħal dawk li jgawdi minnhom ċittadin minn Stat Membru ieħor skont id-dritt tal-Unjoni fl-istess sitwazzjoni ( 7 ).

    16.

    F’dan il-każ, l-ipoteżi invokata f’din il-ġurisprudenza ssemmi, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, id-drittijiet li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li ma huwiex ir-Repubblika tal-Italja jista’ jibbenfika minnhom skont id-dritt tal-Unjoni li kieku jkun fl-istess sitwazzjoni ta’ Fotottica, li jixtieq jiftaħ stabbiliment tal-ottika u qiegħed jiġi kkonfrontat b’rikors minn stabbiliment ieħor tal-ottika bbażat fuq leġiżlazzjoni reġjonali li tistabbilixxi sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li l-għoti tagħha huwa suġġett għal rekwiżiti partikolarment limitati u li jistgħu jfixxklu d-drittijiet, mogħtija mit-trattat, tal-imsemmi negozjant.

    17.

    Konsegwentement, din it-talba għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli peress li ma huwiex ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma hijiex utli sabiex tagħti l-opportunità lill-qorti tar-rinviju biex tiddeċiedi.

    IV – Analiżi tad-domandi preliminari

    A – Osservazzjonijiet preliminari dwar il-karatteristiċi tal-attivitajiet ta’ oftalmiku

    18.

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tistaqsi essenzjalment jekk l-attivitajiet tal-oftalmiku jirrappreżentawx rabta suffiċjentement stretta mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika sabiex ikunu jistgħu jiġu ġġustifikati miżuri nazzjonali restrittivi fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment ggarantita mit-trattat. Għal din ir-raġuni qiegħed nipproponi li nanalizza, fuq bażi introduttorja, ċerti aspetti ġenerali li huma rilevanti.

    19.

    Fl-ewwel lok, nixtieq nesponi l-fatt li fil-fehma tiegħi, u minkejja d-differenzi li jeżistu fuq livell nazzjonali ( 8 ), l-attività eżerċitata mill-oftalmiku hija, b’mod ġenerali, ta’ natura mħallta. Għaldaqstant, sabiex tiġi analizzata l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tirregola l-eżerċizzju tal-attivitajiet tal-oftalmiku, huwa xieraq li ssir distinzjoni bejn żewġ aspetti.

    20.

    Minn naħa, huwa paċifiku li l-pazjenti jew il-klijenti jmorru ħafna drabi fl-istabbilimenti tal-ottika prinċipalment bi preskrizzjonijiet f’idejhom tat-tobba oftalmologi, sabiex jixtru l-prodotti intiżi biex jikkoreġu l-vista bħal pereżempju n-nuċċalijiet jew il-lentijiet tal-kuntatt. Barra minn hekk, meta oftalmiku huwa awtorizzat jagħmel eżami tal-vista, biex jara l-akutezza fil-vista, biex jiddefinixxi u jivverifika l-korrezzjoni tal-vista neċessarja, biex isib x’inhuma l-problemi tal-vista u biex jieħu ħsieb in-nuqqasijiet tal-vista permezz ta’ mezzi ta’ korrezzjoni ottika, biex jagħti l-pariri lill-klijenti f’dan ir-rigward u biex jorjenthom lejn speċjalista oftalmologu, huwa jeżerċita attività li taqa’ taħt il-kunċett ta’ kura tas-saħħa u li tindirizza l-problemi tas-saħħa pubblika.

    21.

    Min-naħa l-oħra, il-persunal speċjalizzat tal-istabbilimenti tal-ottika jeżerċita numru ta’ attivitajiet ta’ natura teknika, bħal pereżempju l-immuntar tal-frejm, it-tiswija tan-nuċċali, il-bdil tal-lenti u l-adattament tal-pożizzjoni tan-nuċċali. Barra minn hekk, l-istabbilimenti tal-ottika normalment ibiegħu firxa ta’ prodotti u aċċessorji tal-ottika, bħal pereżempju n-nuċċalijiet tax-xemx, il-kaxxi għan-nuċċalijiet, il-prodotti ta’ tindif, kif ukoll l-istrumenti tal-ottika, bħal pereżempju sterjomikroskopju eċċ. F’dan ir-rigward, din il-parti tal-attività ta’ oftalmiku, li tista’ tiġi kklassifikata bħala “paraottika”, ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ taħt il-kunċett ta’ kura tas-saħħa u tirrappreżenta għaldaqstant natura kummerċjali.

    22.

    Għalkemm dawn iż-żewġ aspetti huma ħafna mid-drabi marbuta b’mod intrinsiku, ma jistax, għaldaqstant, jiġi eskluż li t-taqsima “paraottika” tipprevali, anki b’mod esklużiv, jekk din hija l-għażla tal-leġiżlatur nazzjonali. Sabiex wieħed jasal għal konklużjoni dwar il-klassifika tal-attività ta’ oftalmiku fi Stat Membru partikolari, huwa għaldaqstant xieraq li jiġi eżaminat każ b’każ il-qasam tal-karatteristiċi tagħha skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

    23.

    Nixtieq infakkar, f’dan ir-rigward, xi elementi mis-sentenza Ker‑Optika, iċċitata iktar ’il fuq, u li jargumentaw, fil-fehma tiegħi, favur l-approċċ imħallat li qiegħed jiġi propost. Fil-fatt, wara li ntalbet tiddeċiedi dwar il-leġittimità ta’ din il-projbizzjoni ta’ bejgħ tal-lentijiet tal-kuntatt permezz tal-internet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rabta ta’ klijent ma’ oftalmiku kkwalifikat u s-servizzi offruti minnu, setgħu jnaqqsu r-riskji għas-saħħa pubblika. Għaldaqstant, filwaqt li sostniet li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma kinitx tissodisfa r-rekwiżit ta’ proporzjonalità sabiex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu amettiet li, billi tirriżerva l-provvista tal-lentijiet tal-kuntatt għall-ħwienet tal-ottika, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet xierqa sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-imsemmi għan ( 9 ).

    24.

    Fl-istess skema ta’ ideat, jidhirli li r-regola spjegata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza LPO ( 10 ), li skont din l-Istat Membru jista’ jeħtieġ li l-lentijiet tal-kuntatt jingħataw minn persunal ikkwalifikat, tista’ tinftiehem, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, bħala li tirreferi għall-materjal ottiku kollu li l-użu tiegħu jista’ jinvolvi riskji għas-saħħa tal-pazjenti. Barra minn hekk, dak li jidher li jirriżulta issa mis-sentenza McQuen et ( 11 ), li skont din, taħt ċerti kundizzjonijiet, huwa legali li jiġi rriżervat, għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika, l-eżami tal-korrezzjoni tan-nuqqasijiet purament ottiċi għal kategorija ta’ professjonisti bħal oftalmologi, b’esklużjoni tal-oftalmiċi li ma humiex tobba.

    25.

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat b’mod ċar, fis-sentenza Ker-Optika, ċċitata iktar ’il fuq, in-natura inseparabbli tal-konsultazzjoni medika minn qabel, li teħtieġ eżami fiżiku tal-pazjenti, u tal-bejgħ tal-lentijiet tal-kuntatt bħala tali. Peress li dan huwa att li jista’ jsir minn xi ħadd li ma huwiex speċjalista, jew eventwalment taħt is-sorveljanza tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li, minn din il-perspettiva, l-attività tal-istabbilimenti tal-ottika tiddistingwi ruħha b’mod ċar mill-elementi li jaqgħu taħt il-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

    26.

    Din il-pożizzjoni hija bbażata fuq żvilupp tal-ġurisprudenza iktar antika dwar ir-regola tal-uniċità tal-uffiċċju mediku sabiex jiġi eżerċitat l-eżerċizzju tal-professjonijiet ta’ tabib mhux speċjalizzat u ta’ dentist jew ta’ veterinarju, li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment li ma tistax tiġi ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ saħħa pubblika, peress li ma huwiex neċessarju li professjonist jinsab qrib il-pazjent jew klijent il-ħin kollu ( 12 ). Ġustament, f’il-kundizzjonijiet tiegħu mogħtija fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja ( 13 ), l-avukat ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer ippropona li dan l-approċċ jinkludi wkoll lill-oftalmiċi ( 14 ). Barra minn hekk, huwa utli li tissemma’ l-analiżi tan-natura duwalista tar-relazzjonijiet ġuridiċi fil-kuntest tal-istabbilimenti tal-ottika f’dawn l-istess konklużjonijiet ( 15 ).

    27.

    Konsegwentement, jidhirli li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-attività ta’ oftalmiku tirrikonoxxi li l-imsemmija professjoni ma taqax, fl-intier tagħha, taħt il-protezzjoni tas-saħħa pubblika skont is-sens strett tat-terminu.

    28.

    Fl-aħħar nett, minkejja li d-Direttiva 2006/123 ma hijiex espressament msemmija fid-domandi preliminari, l-istess test tad-deċiżjoni tar-rinviju jagħmel riferiment. Mingħajr ma wieħed jidħol f’analiżi eżawrjenti tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għall-kawża inkwistjoni, jien ninnota, fi kwalunkwe każ, li l-imsemmija direttiva hija applikabbli għal kull forma ta’ servizzi, kif inhuma ddefiniti fl-Artikolu 4(1) tagħha, ħlief għall-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikoli 1 sa 4 tagħha. Madankollu, skont l-Artikolu 2(2)(f) tad-Direttiva 2006/123, moqri flimkien mal-premessa 22 tagħha, is-servizzi għall-kura tas-saħħa huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ħlief għal xi kundizzjonijiet. Minn naħa, hawnhekk qegħdin nittrattaw servizzi li huma intiżi sabiex jevalwaw, iżommu fi stat tajjeb jew jistabbilixxu mill-ġdid l-istat ta’ saħħa tal-pazjenti. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija kura għandha tingħata mir-rappreżentanti ta’ professjoni tas-saħħa rregolata fl-Istat Membru.

    29.

    Ninnota wkoll li fl-Italja l-professjoni tal-oftalmiku tikkostitwixxi professjoni rregolata skont id-Direttiva 2005/36/KE ( 16 ) .. Il-professjoni tal-oftalmiku taqa’ taħt l-ewwel punt tal-Anness II, dwar il-korsijiet ta’ taħriġ paramediku u dwar il-kura tat-tfal u tikkostitwixxi għaldaqstant professjoni li teħtieġ taħriġ skont l-Artikolu 11(ċ)(ii) tal-imsemmija direttiva.

    30.

    Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li qiegħed nipproponi li nanalizza d-domandi preliminari li saru.

    B – Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment

    31.

    Qabel kollox nosserva li għalkemm il-qorti tar-rinvju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tliet domandi suċċessivi u separati, il-problema li tagħha qiegħdha tiġi rriċerkata l-interpretazzjoni tiffoka fuq id-domanda li jsir magħruf jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni bħal leġiżlazzjoni reġjonali inkwistjoni. Konsegwentement, nissuġġerixxi li d-domandi jiġu fformulati mill-ġdid f’dan is-sens u li tingħata risposta globali.

    32.

    Barra minn hekk, il-kawża prinċipali tirrigwarda l-eżerċizzju tal-attività ta’ oftalmiku b’mod permanenti, li jimplika stabbiltà u kontinwità tal-attività ekonomika eżerċitata fi Stat Membru għal żmien indeterminat. Għaldaqstant, minkejja l-formulazzjoni relattivament wiesa’ tad-domandi preliminari li jsemmu kemm il-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, inqis li r-risposta li għandha tingħata trid tkun limitata għall-problema tal-libertà ta’ stabbiliment.

    33.

    Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex essenzjalment li tkun taf jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni bħal dik tar-reġjun ta’ Sqallija, li tissuġġetta l-ftuħ tal-istabbilimenti tal-ottika għal kundizzjonijiet dwar id-densità demografika u d-distanza bejn dawn l-istabbilimenti.

    34.

    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 49 TFUE jimponi t-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment. Kull miżura li tipprojbixxi, tostakola jew li tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ dik il-libertà trid titqies bħala restrizzjoni ta’ din ix-xorta ( 17 ).

    35.

    B’mod partikolari, taħt din il-kategorija taqa’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-istabbiliment ta’ impriża ta’ Stat Membru ieħor għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, peress li din tista’ tostakola, għal din l-impriża, l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment billi ċċaħħadha milli teżerċita liberament l-attivitajiet tagħha permezz ta’ stabbiliment stabbli. Fil-fatt, l-imsemmija impriża tirriskja, minn naħa, li tbati l-ispejjeż amministrattivi u finanzjarji addizzjonali li jinvolvi l-għoti ta’ kull awtorizzazzjoni. Min-naħa l-oħra, is-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel teskludi mill-eżeċizzju ta’ attività indipendenti l-operaturi ekonomiċi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti predeterminati li huma meħtieġa sabiex tingħata din l-awtorizzazzjoni ( 18 ).

    36.

    Barra minn hekk, leġiżlazzjoni nazzjonali tikkostitwixxi restrizzjoni meta tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ attività għal kundizzjoni dwar il-bżonnijiet ekonomiċi jew soċjali li din l-attività għandha tissodisfa, peress li għandha tendenza tillimita n-numru ta’ dawk li jipprovdu servizzi ( 19 ).

    37.

    Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa xieraq li jiġi nnotat, l-ewwel nett, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tissuġġetta l-ħolqien ta’ stabbiliment tal-ottika għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet muniċipali kompetenti. It-tieni nett, din il-leġiżlazzjoni tagħti l-opportunità għall-ħolqien ta’ stabbiliment tal-ottika għal kull 8000 abitant tar-reġjun. It-tielet nett, l-imsemmija leġiżlazzjoni tipprekludi lill-oftalmiċi milli jeżerċitaw attività ekonomika indipendenti f’lokalità tal-għażla tagħhom, peress li huma għandhom josservaw, bħala regola, distanza minima ta’ 300 metru minn stabbilimenti li jeżistu diġà.

    38.

    Din il-leġiżlazzjoni tiskoraġġixxi wkoll, anzi tostakola, impriżi tal-ottika fi Stati Membri oħra milli jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi Sqallija permezz ta’ stabbiliment stabbli.

    39.

    Barra minn hekk, nixtieq nenfasizza l-fatt li minkejja l-apparenza nondiskriminatorja tagħha, jidhirli li l-leġiżlazzjoni reġjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ twassal indirettament għal effetti diskriminatorji fir-rigward tan-nazzjonalità tal-operaturi rilevanti.

    40.

    Fil-fatt, jirriżulta mil-Liġi Reġjonali Nru 12/2004 li l-limiti għall-ħolqien tal-istabbilimenti tal-ottika ma japplikawx fil-każ li l-oftalmiku jiċċaqlaq minn post mikri għall-post li huwa proprjetà tiegħu jew fil-każ li huwa jkun imġiegħel jiċċaqlaq b’mod partikolari peress li jkun tkeċċa. Huwa ferm probabbli li tali deroga tkun iktar favur l-abitanti ta’ Sqallija milli favur persuni li ġejjin minn post li ma huwiex ikkonfinat, b’mod partikolari, ċittadini minn Stati Membri oħra.

    41.

    Konsegwentement, leġiżlazzjoni reġjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE.

    C – Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni

    1. Identifikazzjoni ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali

    42.

    Kif huwa rrilevat mill-qorti tar-rinviju, id-domanda tirrigwarda jekk, fil-qasam tal-leġiżlazzjoni reġjonali inkwistjoni li tillimita t-twaqqif ta’ stabbilimenti tal-ottika, tistax tiġi applikata raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

    43.

    Skont il-ġurisprudenza, miżura nazzjonali li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, tista’ tostakola jew tagħmel anqas attraenti l-eżerċizzju, min-naħa taċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertajiet fundamentali garantiti mit-trattat, tista’ tiġi ġustifikata minħabba f’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bil-kundizzjoni li tkun tista’ tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan mixtieq u li sabiex jintlaħaq dan l-għan, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju ( 20 ).

    44.

    Huwa paċifiku li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika hija fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu, skont l-Artikolu 46(1) KE, jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet tal-libertà ta’ stabbiliment. B’mod iktar preċiż, tali restrizzjonijiet jistgħu jiġu ġġustifikati mill-għan li tiġi żgurata provvista adegwata u ta’ kwalità ta’ prodotti mediċinali għall-popolazzjoni. L-importanza tal-imsemmi għan ġenerali huwa kkonfermat, b’mod partikolari, mill-Artikolu 168(1) TFUE, skont liema artikolu, livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem hija żgurata fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni tal-politiki u tal-azzjonijiet kollha tal-UE ( 21 ).

    45.

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ rabta bejn l-attività ta’ oftalmiku u l-interess kollettiv rigward il-protezzjoni tas-saħħa pubblika b’tali mod li teżisti, fil-kawża inkwistjoni, raġuni imperattiva li tista’ tiġġustifika r-restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment imsemmija iktar ’il fuq.

    46.

    Id-deċiżjoni tar-rinviju tippreċiża, f’dan ir-rigward, li skont il-leġiżlazzjoni Taljana, oftalmiku jeżerċita attività awżiljarja għall-professjonijiet relatati mas-saħħa peress li huwa jipprovdi, jivverifika u jadatta l-mezzi ta’ korrezzjoni tan-nuqqasijiet fil-vista: lentijiet, frejms tan-nuċċalijiet, lentijiet tal-kuntatt, għajnuna viżiva għall-persuni li ma jarawx sewwa ħafna. Skont din il-leġiżlazzjoni, huwa jista’ jagħmel eżamijiet sempliċi għal dak li jirrigwarda l-vista. Barra minn hekk, jekk huwa għandu d-diploma neċessarja, l-oftalmiku-ottometrist jista’ wkoll jittratta n-nuqqasijiet fil-vista, billi juża mezzi ta’ korrezzjoni tal-ottika. L-oftalmiku-ottometrist jivverifika wkoll, permezz ta’ apparat speċifiku, il-kwalità tal-vista u jidentifika n-nuqqasijiet; huwa għalhekk jieħu ħsieb li jagħżel, li jippreskrivi u li jipprovdi l-mezzi ta’ korrezzjoni l-iktar adatti, billi jadatthom għall-eżiġenzi tal-pazjent. Barra minn hekk, huwa responsabbli għal attività ta’ prevenzjoni tal-problemi tal-vista. Fl-aħħar nett, l-attività prinċipali tal-istabbilimenti tal-ottika tikkonsisti fil-bejgħ ta’ nuċċalijiet u ta’ lentijiet tal-kuntatt li jingħataw fuq bażi ta’ preskrizzjoni mingħand tabib.

    47.

    Mandakollu nosserva li din id-deskrizzjoni tal-qorti tar-rinviju hija bbażata fuq it-test tad-digriet irjali Nru 1265 tas-27 ta’ Lulju 1934, u mhux fuq il-leġiżlazzjoni ta’ Sqallija kkontestata. Issa, il-qorti tar-rinviju ma tippreċiżax ir-relazzjoni li tista’ teżisti bejn dawn iż-żewġ sorsi.

    48.

    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preliminari tiegħi, jien madankollu propens naħseb li l-kunċett tal-professjoni ta’ oftalmiku li tirreferi għaliha l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti l-opportunità li jiġi rikonoxxut il-fatt li l-leġiżlazzjoni reġjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ taqa’ taħt raġuni imperattiva tas-saħħa pubblika.

    49.

    Madankollu, jibqa’ l-fatt li l-imsemmija leġiżlazzjoni verament trid issegwi l-imsemmi għan u dan għandu jirriżulta b’mod ċar mit-testi applikabbli għall-eżerċizzju tal-professjoni tal-oftalmiku fi Sqallija. Fil-fatt, peress li l-għan ġenerali ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika jista’ jiġi ppreżentat f’bosta manjieri, il-ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni teżiġi, skont il-fehma tiegħi, l-eżistenza ta’ rabta b’saħħitha u adegwata bejn l-għan tal-leġiżlazzjoni kkontestata u r-raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali inkwistjoni.

    50.

    F’dan ir-rigward, qabel kollox jiddispjaċini li l-Gvern Taljan ma ssottomettiex l-osservazzjonijiet li setgħu jwasslu għal kjarifika utli rigward il-vokazzjoni u l-għan tal-imsemmija leġiżlazzjoni ta’ Sqallija. Issa, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu r-responsabbiltà li jistabbilixxi li l-miżura — nazzjonali jew lokali — li tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni, hija ġġustifikata.

    51.

    Barra minn hekk, jekk jiġu kkunsidrati, minn naħa, in-natura mħallta tal-attivitajiet tal-oftalmiku msemmija fil-kunsiderazzjoni preliminari tiegħi, u min-naħa l-oħra, minħabba li l-miżuri tal-ippjanar tal-infrastrutturi tal-ottika jippreżentaw, eventwalment, natura partikolarment restrittiva, jien tal-fehma li l-livell ta’ eżiġenza li bih miżura nazzjonali li tirregola l-ftuħ ta’ stabbilimenti tal-ottika tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala ġġustifikata permezz tal-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika għandu jkun iktar għoli milli fil-każ fejn attività rregolata hija marbuta b’mod ċar, kompletament jew b’mod predominanti, mal-provviżjoni tal-kura tas-saħħa (servizz mediku u ta’ sptar, spiżeriji).

    52.

    F’dan il-każ, skont il-Liġi Reġjonali Nru 12/2004, ir-restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment tirriżulta, minn naħa, minn limitazzjoni ta’ natura demografika u min-naħa l-oħra, minn limitazzjoni ta’ natura ġeografika.

    53.

    Għal dak li jirrigwarda l-limitazzjoni demografika, naqbel li tali miżura jista’ jkollha l-għan li toffri protezzjoni għas-saħħa pubblika, peress li hija tkun intiża, b’mod partikolari, li tipprovdi b’mod ekwu lill-populazzjoni bil-prodotti tal-ottika u għat-tqassim ekwilibrat tal-ħwienet tal-ottika fit-territorju ta’ Sqallija. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà nnotat, l-Istat Membri jistgħu jiddeċiedu li l-istabbilimenti u l-infrastrutturi sanitarji huma suġġetti għal ippjanar bl-għan li tiġi ggarantita l-aċċessibbiltà tas-servizzi sanitarji fiż-żoni li huma l-inqas attraenti, permezz ta’ limitu minimu ta’ numru ta’ abitanti li huma moqdija minn tali stabbiliment ( 22 ). Għal din ir-raġuni tali tqassim ta’ servizzi tal-ottika bħal dan jista’ jikkontribwixxi biex jiġi żgurat li kull ħanut tal-ottika jkollu klijentela suffiċjenti.

    54.

    Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, il-limitazzjoni ġeografika, minkejja li fil-prinċipju, din tal-aħħar tista’ tikkumplimenta lil dik li tirrigwarda t-tqassim tal-populazzjoni ( 23 ), ma nista’ nara, fil-kawża inkwistjoni, l-ebda rabta mal-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Fil-fatt, tali limitazzjoni għandha biss l-effett li tnaqqas il-kompetizzjoni, peress li jkollha bħala effett li tfixkel konċentrazzjoni qawwija wisq ta’ ħwienet tal-ottika f’settur partikolari (f’żona jew anki f’ċentru kummerċjali). Issa, għan bħal dan fil-fehma tiegħi ma huwiex adegwat għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

    55.

    Iżda jien tal-fehma li tali limitazzjoni ta’ natura ġeografika tista’ taqa’ taħt l-imsemmi għan bil-patt u l-kundizzjoni li tkun tinftiehem b’mod suffiċjentement wiesa’ sabiex isservi għall-istess għan bħal limitazzjoni ta’ natura demografika ( 24 ). B’mod iktar ġenerali, limitazzjoni ta’ natura ġeografika tista’ biss taqa’ taħt l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika jekk tibbaża ruħha fuq kriterji rilevanti. Għalhekk, limitazzjoni ta’ natura ġeografika tista’ tikkontribwixxi, f’ambjent urban, sabiex tiżgura provvista ekwilibrata ta’ prodotti mediċinali jew tal-ottika, filwaqt li hija tista’, min-naħa l-oħra, ma jkollha l-ebda effett antikompetittiv f’ambjent rurali jew suburban.

    56.

    Meta wieħed jikkunsidra l-elementi tal-proċess, ma jidhirlix li huwa stabbilit li, prima facie, il-leġiżlazzjoni ta’ Sqallija taqa’, kompletament, taħt l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Infakkar li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-professjoni tal-oftalmiku ma tinkludix l-imsemmija professjoni mal-professjonijiet relatati mas-saħħa fis-sens strett tagħha.

    57.

    Madankollu, peress li l-attività ta’ oftalmiku tista’ tkopri kemm it-taqsima dwar is-saħħa pubblika kif ukoll dik dwar is-servizzi ta’ paraottika, huwa importanti li jiġi eżaminat każ b’każ il-bilanċ bejn dawn iż-żewġ aspetti peress li jwassal għal adozzjoni ta’ test leġiżlattiv nazzjonali li jikkostitwixxi restrizzjoni għal libertà ta’ stabbiliment. Huwa imperattiv li l-qorti tar-rinviju tistabbilixxi, fid-dawl tal-elementi msemmija, liema hija l-intenzjoni reali tal-leġiżlazzjoni ta’ Sqallija sabiex tkun tista’ tirrispondi b’ċertezza għad-domanda dwar il-ġustifikazzjoni eventwali tagħha.

    58.

    Fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tikkunsidra, fid-dawl tal-elementi tal-proċess, li meta impona l-limiti dwar id-densità demografika u d-distanza li għandha tiġi osservata bejn l-istabbilimenti tal-ottika, il-leġiżlatur Sqalli kellu f’moħħu l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, huwa xieraq li, sussidjarjament, jiġu eżaminati l-kriterji, stabbiliti fil-ġurisprudenza, li joffru ġustifikazzjoni u li huma kumplimentari.

    2. Analiżi tal-kriterji oħra meħtieġa sabiex jiġġustifikaw ir-restrizzjoni

    59.

    Indipendentement mill-eżistenza ta’ għan leġittimu fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, il-ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni għal-libertajiet fundamentali stabbiliti mit-trattat jippreżumi li l-miżura inkwistjoni hija xieraq sabiex tiggarantixxi it-twettiq tal-għan li hija tixtieq tikseb u li hija ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tikseb l-għan mixtieq ( 25 ). Barra minn hekk, leġiżlazzjoni nazzjonali tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan imfittex biss jekk verament tirrifletti l-intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku ( 26 ).

    60.

    Fid-deċiżjoni tagħha tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, f’dan ir-rigward, dwar jekk huwiex possibbli li tiġi trasposta f’din il-kawża s-soluzzjoni li tirriżulta mis-sentenza Blanco Pérez u Chao Gómez, iċċitata iktar ’il fuq, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, ġeneralment, leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-istabbiliment ta’ spiżeriji ġodda għal limiti dwar id-densità demografika u għad-distanza bejn l-ispiżeriji inkwantu dawn il-limiti jistgħu jqassmu lill-ispiżeriji b’mod ekwilibrat fit-territorju nazzjonali, li jiżguraw b’dan il-mod lill-populazzjoni kollha aċċess adegwat għas-servizz mogħti mill-ispiżeriji u, konsegwentement, li jżidu s-sigurtà u l-kwalità tal-provvista tal-prodotti mediċinali għall-populazzjoni.

    61.

    Din il-konklużjoni hija bbażata fuq il-ġurisprudenza li tirrikonoxxi li l-istabbilimenti u l-infrastrutturi sanitarji huma ppjanati. Dan l-ippjanar jista’ jirrikjedi awtorizzazzjoni minn qabel għall-installazzjoni ta’ servizzi ġodda ta’ kura, meta dawn jirriżultaw bħala indispensabbli sabiex tingħalaq kwalunkwe lakuna potenzjali fl-aċċess għal servizzi sanitarji u sabiex jiġi evitat il-ftuħ ta’ strutturi li jagħmlu xogħol doppju, b’tali mod li jiġi żgurat li jkun hemm kura medika li tadatta ruħha għall-bżonnijiet tal-popolazzjoni, tkopri t-territorju kollu u tikkunsidra r-reġjuni ġeografikament iżolati jew żvantaġġati b’xi mod ieħor ( 27 ).

    62.

    Madankollu ma jiniex konvint li din il-konklużjoni tista’ tiġi trasposta kompletament u direttament għas-servizzi provduti mill-oftalmiċi.

    63.

    Ċertament, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li ma jistax jiġi kompletament eskluż li l-introduzzjoni u ż-żamma fis-seħħ ta’ skema partikolari ta’ tqassim territorjali tal-istabbilimenti tal-ottika jaqgħu taħt interess għas-saħħa. Skont l-imsemmija qorti, huwa possibbli li jiġi sostnut li, fin-nuqqas ta’ kull leġiżlazzjoni, jispiċċa li jkun hemm konċentrazzjoni tal-istabbiliment tal-ottika fil-lokalitajiet li għandhom ir-reputazzjoni li huma kummerċjalment vijabbli, u b’hekk il-lokalitajiet li huma inqas attraenti jbatu minħabba l-fatt li jkollhom numru insuffiċjenti ta’ oftalmiċi.

    64.

    Madankollu, jidhirli li hemm differenza kunsiderevoli, f’termini ta’ saħħa pubblika, bejn il-missjonijiet li jistgħu jingħataw lill-ħwienet li jservu bħala spiżeriji, minn naħa, u dawk li jaqgħu taħt l-istabbilimenti tal-ottika, min-naħa l-oħra.

    65.

    Fl-ewwel lok, din id-differenza tiġi enfasizzata l-iktar fid-dawl tal-kriterju tal-urġenza li jikkaratterizza l-aċċess għall-prodotti farmaċewtiċi meta mqabbla mal-prodotti tal-ottika.

    66.

    Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat, fil-kuntest tal-waqfien ta’ qafas leġiżlattiv applikabbli għall-ispiżeriji, huwa importanti li jiġi ggarantit lill-populazzjoni aċċess xieraq għas-servizz farmaċewtiku, u, għalhekk, li tiżdied l-adegwatezza u l-kwalità tal-provvista ta’ prodotti mediċinali għall-popolazzjoni ( 28 ).

    67.

    Għal din ir-raġuni, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jipprovdu bosta drabi mhux biss regoli ta’ tqassim demografiku jew ġeoografiku, iżda jimponu wkoll fuq l-ispiżjara obbligi li għandhom l-għan li jiggarantixxu l-aċċessibbiltà permanenti għall-prodotti mediċinali. Dan jista’ jirrigwarda, pereżempju, il-ġranet li jibqgħu miftuħin wara l-ħin tax-xogħol normali tagħhom jew l-obbligu tal-provvista tal-prodotti mediċinali bi preskrizzjoni għall-mediċina f’terminu determinat.

    68.

    Min-naħa l-oħra, is-servizz ipprovdut mill-oftalmiċi, anki meta jissodisfa l-problemi tas-saħħa pubblika, ma huwa qatt ta’ natura urġenti ta’ dan it-tip.

    69.

    Fit-tieni lok, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà trattat ċerti aspetti dwar id-distinzjoni li huwa xieraq li ssir bejn il-ħwienet li huma użati bħala spiżeriji, il-ħwienet tal-ottika u l-laboratorji tal-bijomedika, mill-perspettiva tar-riskju li jġarrbu l-pazjenti fil-każ ta’ bejgħ żbaljat jew mhux ġust ta’ prodott mediċinali meta mqabbel mar-riskju li jġarrbu fil-każ ta’ żball imwettaq fil-bejgħ tal-prodotti tal-ottika. Għalhekk, “b’differenza mill-prodotti tal-ottika, il-prodotti mediċinali preskritti jew użati għal raġunijiet terapewtiċi jistgħu madankollu jkunu ta’ perikolu għas-saħħa jekk dawn jittieħdu mingħajr bżonn jew b’mod mhux korrett, mingħajr ma l-konsumatur ikun konxju minn dan meta jeħodhom. Barra minn hekk, bejgħ ta’ prodotti mediċinali li mhuwiex iġġustifikat jimplika ħela tar-riżorsi finanzjarji pubbliċi li ma jistax jiġi mqabbel ma’ dak li jirriżulta minn bejgħ ta’ prodotti tal-ottika mhux ġustifikat” ( 29 ).

    70.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li r-riskju li jirriżulta minn bejgħ żbaljat ta’ prodotti tal-ottika ma huwiex paragunabbli mar-riskju fil-każ ta’ eżekuzzjoni żbaljata fl-analiżi bijomedika, anki jekk jista’ jkollu konsegwenzi negattivi għall-pazjent ( 30 ).

    71.

    Fl-aħħar nett, indipendentement mid-domanda li jsir magħruf kif jistgħu l-attivitajiet tal-oftalmiċi jiġu assimilati għall-attivitajiet tal-ispiżjara, għall-finijiet tal-analiżi tar-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment, huwa xieraq fi kwalunkwe każ li jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni reġjonali ta’ Sqallija hijiex adegwata sabiex tiggarantixxi l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan.

    72.

    Meta wieħed jikkunsidra l-impreċiżjoni tad-deċiżjoni ta’ rinviju f’dan ir-rigward, hija l-qorti nazzjonali li hija responsabbli sabiex tistħarreġ jekk fi Sqallija teżistix politika effettiva dwar l-ippjanar applikabbli għall-istabbilimenti tal-oftalmiċi, ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet dwar il-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Ikun xieraq li jiġi mistenni, b’mod partikolari, li x-xogħlijiet preparatorji tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni jkunu jinkludu eżami komparattiv tal-kriterji li fuqhom hija bbażata l-Liġi Reġjonali Nru 12/2004 kif ukoll ġustifikazzjoni għall-għażla tagħhom.

    73.

    Minkejja li l-kundizzjonijiet iffissati mill-imsemmija Liġi Reġjonali jidhru stretti ħafna, ma neskludix li, mingħajr ħsara għall-miżuri ta’ aġġustament tat-tip previst fil-ġurisprudenza ( 31 ), il-leġiżlazzjoni tal-istabbilimenti tal-ottika inkwistjoni tista’ tirriżulta li hija adegwata.

    74.

    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-saħħa u l-ħajja tal-persuni jokkupaw l-ewwel post fost il-beni u l-interessi protetti mit-trattat u li huma l-Istati Membri li jiddeċiedu fuq il-livell ta’ protezzjoni li huma jixtiequ jagħtu lis-saħħa pubblika u l-mod li bih dan il-livell għandu jintlaħaq ( 32 ).

    75.

    F’dan ir-rigward, il-Liġi Reġjonali Nru°12/2004 tipprovdi għall-possibbiltà li jiġu adattati l-kriterji ta’ awtorizzazzjoni msemmija iktar ’il fuq “peress li jeżistu rekwiżiti territorjali ppruvati” u “wara li tkun kisbet l-opinjoni obbligatorja tal-kumitat tal-provinċja quddiem il-Kamra tal-Kummerċ […]”. Barra minn hekk, l-imsemmija liġi tipprovdi għall-ħruġ, mingħajr konsultazzjoni mal-imsemmija kumitat, ta’ mhux iktar minn żewġ awtorizzazzjonijiet f’komuni fejn hemm inqas minn 8 000 abitant.

    76.

    F’dan il-każ, dan il-meotdu ta’ aġġustament ma jidhirlix li jikkorrispondi għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza li tiddikjara li “sabiex skema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva mogħtija minn qabel tkun iġġustifikata minkejja li tidderoga minn tali libertà fundamentali, hija għandha, f’kull każ, tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, non-diskriminatorji u li jkunu magħrufa minn qabel, b’mod li jiċċirkoskrivu l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, sabiex din ma tiġix eżerċitata b’mod arbitrarju [...]. Bl-istess mod, tali skema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva mogħtija minn qabel għandha tkun ibbażata fuq sistema proċedurali li tkun faċilment aċċessibbli u li tkun tista’ tassigura li talba għall-awtorizzazzjoni tiġi ttrattata b’mod oġġettiv u imparzjali fi żmien raġonevoli u għandu wkoll ikun possibbli li jiġi kkontestat kull eventwali rifjut li tingħata l-awtorizzazzjoni permezz ta’ proċeduri ġudizzjarji” ( 33 ).

    77.

    Issa, l-espressjoni “peress li jeżistu rekwiżiti territorjali ppruvati” li tidher fil-Liġi Reġjonali Nru 12/2004 ma tidhirx li hija preċiża biżżejjed sabiex ikun jista’ jiġi ddefinit il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-amministrazzjoni reġjonali.

    78.

    Barra minn hekk, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, il-kompożizzjoni tal-kumitat tal-provinċja li l-opinjoni tiegħu għandha tiġi meħuda inkunsiderazzjoni obbligatorjament sabiex tawtorizza l-ftuħ ta’ stabbiliment tal-ottika permezz ta’ deroga mir-regoli ġenerali hija diskutibbli ( 34 ). Fil-fatt, peress li l-imsemmija kumitat huwa magħmul minn erba’ rappreżentanti mill-assoċjazzjoni professjonali tal-oftalmiku, dan jidher li jmur kontra l-prinċipju li jirriżulta mill-ġurisprudenza skont liema prinċipju, l-intervent fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, ta’ entitajiet magħmula minn operaturi kompetituri li huma diġà preżenti fit-territorju msemmi, tikkostitiwixxi restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu provvduti servizzi jew għal-libertà ta’ stabbiliment ( 35 ).

    79.

    Fl-aħħar nett, nosserva li, fil-Kawża Blanco Pérez u Chao Gómez, iċċitata iktar ’il fuq, il-leġiżlazzjoni reġjonali tipprovdi għal inċentivi għall-ftuħ ta’ spiżeriji fiż-żoni li huma inqas attraenti jew li huma inqas vijabbli, element li bla dubju huwa nieqes f’din il-kawża ( 36 ).

    80.

    Fid-dawl tal-argumenti kollha esposti iktar ’il fuq, għandi dubji serji rigward in-natura adegwata tal-kriterji li jistabbilixxu l-ftuħ tal-istabbiliment tal-ottika previst mil-Liġi Reġjonali Nru 12/2004.

    81.

    B’mod iktar sussidjarju, jifdal jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjoni stabbilità mil-Liġi Reġjonali Nru 12/2004 tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb l-għan mixtieq.

    82.

    Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, numru kunsiderevoli ta’ komuni fi Sqallija għandhom populazzjoni ta’ bejn 8 000 u 16 000 abitant, iżda l-leġiżlazzjoni reġjonali tidher li hija inqas restrittiva fil-każ ta’ komuni fejn il-populazzjoni ma taqbiżx it-8 000 abitant. Għaldaqstant jidhirli li, f’dawn il-kundizzjonijiet demografiċi, il-liġi ta’ Sqallija għandha bħala effett li tillimita, eċċessivament, l-aċċess għas-servizz ipprovdut mill-oftalmiċi fil-każijiet fejn in-numru ta’ abitanti jinsab fiż-żoni intermedjarji bejn is-sezzjonijiet tal-populazzjoni ffissati mil-Liġi Reġjonali Nru 12/2004.

    83.

    Għaldaqstant, fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti kollha, il-leġiżlazzjoni ta’ Sqallija inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-fehma tiegħi hija eċċessiva, inkoerenti u mhux adatta sabiex tikseb l-għan mixtieq.

    V – Konklużjoni

    84.

    Nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Consiglio di giustizia amministrativa per la Regione siciliana bil-mod li ġej:

    L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpret fis-sens li leġiżlazzjoni tad-dritt nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi limitazzjonijiet rigward id-densità demografika u d-distanza minima obbligatorja bejn l-istabbilimenti tal-ottika tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment. F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din ir-restrizzjoni ma tidhirx li hija ġġustifikata mill-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, sakemm il-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma hijiex ibbażata fuq politika koerenti intiża sabiex tiggarantixxi servizz ekwilibrat tal-kura tas-saħħa, li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju. Fi kwalunkwe każ, fil-kawża inkwistjoni, ir-rekwiżit ta’ distanza minima bejn l-istabbilimenti tal-ottika ma jistax jiġi ġġustifikata fid-dawl tar-raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali dwar il-protezzjoni tas-saħħa pubblika.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez (C-570/07 u C-571/07, Ġabra p. I-4629). Ara; ukoll, is-sentenzi tal-21 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-140/03, Ġabra p. I-3177); tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C-169/07, Ġabra p. I-1721) u tal-21 ta’ Ġunju 2012, Susisalo et (C‑84/11) kif ukoll id-digrieti tas-6 ta’ Ottubru 2010, Sáez Sánchez u Rueda Vargas (C‑563/08) u tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 2011, Grisoli (C‑315/08).

    ( 3 ) Sentenzi tal-25 ta’ Mejju 1993, LPO (C-271/92, Ġabra p. I-2899); tal-1 ta’ Frar 2001, Mac Quen et (C-108/96, Ġabra p. I-837); tal-21 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja (C-140/03, Ġabra p. I-3177), tat-2 ta’ Diċembru 2010, Ker Optica, C‑108/09 (Ġabra p. I-12213).

    ( 4 ) Ara, is-sentenza Blanco Pérez u Chao Gómez, iċċitata iktar ’il fuq.

    ( 5 ) Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36).

    ( 6 ) Sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 1990, Nino et (C-54/88, C-91/88 u C-14/89, Ġabra p. I-3537, punt 11); tat-30 ta’ Novembru 1995, Esso Española (C-134/94, Ġabra p. I-4223, punt 17); tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (C-389/05, Ġabra p. I-5397, punt 49), kif ukoll Susisalo et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 18).

    ( 7 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti (C-451/03, Ġabra p. I-2941, punt 29); tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et (C-94/04 u C-202/04, Ġabra p. I-11421, punt 30); Blanco Pérez u Chao Gómez , iċċitata iktar ’il fuq (punt 36) kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2010, Omalet (C-245/09, Ġabra p. I-13771, punt 15).

    ( 8 ) Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan ir-rigward, l-attività ta’ oftalmiku tkopri, fid-diversi Stati Membri, bosta professjonijiet. Skont id-database tal-professjonijiet irregolati fl-Unjoni Ewropea (aċċessibbli fl-indirizz: http://ec.europa.eu/internal_market/qualifications/regprof/index.cfm), it-terminu “opticien” jinkludi, fost l-oħrajn, il-professjonijiet irregolati li ġejjin: oftalmiku (oftalmiku tan-nuċċalijiet), oftalmiku speċjalizzat fil-lentijiet tal-kuntatt, ottometrist u “optical equipment maker”.

    ( 9 ) Ara s-sentenza Ker Optika, iċċitata iktar ’il fuq (punt 64).

    ( 10 ) Iċċitata iktar ’il fuq (punt 11).

    ( 11 ) Iċċitata iktar ’il fuq (punt 38).

    ( 12 ) Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-351/90, Ġabra p. I-3945, punt 22).

    ( 13 ) Ara, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, li fil-kuntest tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tat sentenza dwar il-projbizzjoni lill-oftalmiku diplomat milli jiftaħ iktar minn ħanut wieħed tal-ottika. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet tirriżerva l-possibbiltà li jinfetaħ ħanut tal-ottika mill-proprjetarji biss ta’ liċenzja bħala oftalmiku li jkunu kisbu awtorizzazzjoni personali u li tkun għal dan il-għan biss.

    ( 14 ) Ara l-konklużjonijiet fil-kawża Il-Kummisjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37).

    ( 15 ) Ibidem (punt 34).

    ( 16 ) Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (ĠU L 255, p. 22).

    ( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Mac Quen et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26); tas-17 ta’ Ottubru 2002, Payroll et (C-79/01, Ġabra p. I-8923, punt 26); tal-14 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-299/02, Ġabra p. I-9761, punt 15), kif ukoll tal-21 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 27).

    ( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hartlauer, iċċitata iktar ’il fuq (punti 34 u 35).

    ( 19 ) Ibidem (punt 36)

    ( 20 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus (C-19/92, Ġabra p. I-1663, punt 32).

    ( 21 ) Ara s-sentenza Susisalo et, iċċitat iktar ’il fuq (punt 37).

    ( 22 ) Ara s-sentenza Blanco Pérez u Chao Gómez, iċċitata iktar ’il fuq (punti 70 sa 76).

    ( 23 ) Ibidem (punt 84).

    ( 24 ) Jien tal-fehma li bil-patt u kundizzjoni li tkun intiża sabiex tiżgura tqassim ġeografiku ekwilibrat tal-istabbilimenti tal-ottika, il-kundizzjoni marbuta mal-osservanza ta’ distanza minima bejn l-imsemmija stabbilimenti tista’ taqa’ taħt l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Madankollu, il-limitu ta’ 300 metru ma nqisux bħala xieraq sabiex iwettaq l-imsemmi għan ħlief fiż-żoni urbani, li huma kkaratterizzati minn densità għolja fil-populazzjoni.

    ( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2002, Oteiza Olazabal (C-100/01, Ġabra. p. I-10981, punt 43); tas-16 ta’ Ottubru 2008, Renneberg (C‑527/06, p. I‑7735, punt 81); tal-11 ta’ Ġunju 2009, X u Passenheim van Schoot (C-155/08 u C-157/08, Ġabra. p. I-5093, punt 47), kif ukoll tas-17 ta’ Novembre 2009, Presidente del Consiglio dei Ministri (C-169/08, Ġabra. p. I-10821, punt 42).

    ( 26 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Hartlauer (punt 55) u Presidente del Consiglio dei Ministri (punt 42).

    ( 27 ) Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Hartlauer (punti 51 u 52) u Blanco Pérez u Chao Gómez (punt 70).

    ( 28 ) Sentenza Blanco Pérez u Chao Gómez, iċċitata iktar ’il fuq (punt 78).

    ( 29 ) Sentenza tad-19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et (C-171/07 u C-172/07, Ġabra p. I-4171, punt 60).

    ( 30 ) Sentenza tal-16 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, (C-89/09, Ġabra p. I-12941, punt 58).

    ( 31 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Smits u Peerbooms (C-157/99, Ġabra p. I-5473).

    ( 32 ) Ara s-sentenza Blanco Pérez, iċċitata iktar ’il fuq (punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 33 ) Sentenza Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq (punt 90). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li l-infrastrutturi tal-kura klinika, bħal dawk tal-uffiċċji tat-tobba u tal-policlinics, jistgħu jkunu suġġetti għal ippjanar.

    ( 34 ) Il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha tinnota li, skont l-Artikolu 8 tad-Digriet Nru 64 tal-President tar-Reġjun tal-1 ta’ Ġunju 1995 li jirrigwarda r-regolament li jimplimenta l-Artikolu 71 tal-Liġi Reġjonali Nru 25 tal-1 ta’ Settembru 1993, il-kumitat tal-provinċja inkwistjoni huwa kompost minn erba’ rappreżentanti mill-assoċjazzjoni professjonali, li minnhom tnejn huma maħtura minn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-professjoni ta’ oftalmiku fuq livell provinċjali u tnejn minn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-professjoni ta’ oftalmiku fuq livell reġjonali.

    ( 35 ) Sentenza tal-15 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-439/99, Ġabra p. I-305, punti 39 u 40)

    ( 36 ) Dan jirrigwarda sistema intiża li tagħti prijorità fil-mument tal-għoti tal-awtorizzazzjonijiet il-ġodda lill-proprjetarji tal-ispiżeriji.

    Top