This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011CC0521
Opinion of Mr Advocate General Mengozzi delivered on 7 March 2013. # Amazon.com International Sales Inc. and Others v Austro-Mechana Gesellschaft zur Wahrnehmung mechanisch-musikalischer Urheberrechte Gesellschaft mbH. # Reference for a preliminary ruling: Oberster Gerichtshof - Austria. # Approximation of laws - Intellectual property - Copyright and related rights - Exclusive right of reproduction - Directive 2001/29/EC - Article 5(2)(b) - Fair compensation - Indiscriminate application with a possible right to recovery of the private copying levy intended to finance compensation - Payment of the revenue collected in part to rightholders and in part to social or cultural institutions - Double payment of the private copying levy in the context of a cross-border transaction. # Case C-521/11.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mengozzi - 7 ta' Marzu 2013.
Amazon.com International Sales Inc. et. vs Austro-Mechana Gesellschaft zur Wahrnehmung mechanisch-musikalischer Urheberrechte Gesellschaft mbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberster Gerichtshof - l-Awstrija.
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet - Proprjetà intellettwali - Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati - Dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni -Direttiva 2001/29/KE - Artikolu 5(2)(b) - Kumpens ġust - Applikazzjoni indiskriminata iżda bil-possibbiltà ta’ dritt għal ħlas lura tal-ħlas għal kopja privata intiż għall-finanzjament tal-kumpens - Dħul magħmul imqassam parzjalment lid-detenturi tad-drittijiet u parzjalment lill-istituzzjonijiet għal għanijiet soċjali u kulturali - Ħlas doppju tal-ħlas għal kopja privata fil-kuntest ta’ operazzjoni transkonfinali.
Kawża C-521/11.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mengozzi - 7 ta' Marzu 2013.
Amazon.com International Sales Inc. et. vs Austro-Mechana Gesellschaft zur Wahrnehmung mechanisch-musikalischer Urheberrechte Gesellschaft mbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberster Gerichtshof - l-Awstrija.
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet - Proprjetà intellettwali - Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati - Dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni -Direttiva 2001/29/KE - Artikolu 5(2)(b) - Kumpens ġust - Applikazzjoni indiskriminata iżda bil-possibbiltà ta’ dritt għal ħlas lura tal-ħlas għal kopja privata intiż għall-finanzjament tal-kumpens - Dħul magħmul imqassam parzjalment lid-detenturi tad-drittijiet u parzjalment lill-istituzzjonijiet għal għanijiet soċjali u kulturali - Ħlas doppju tal-ħlas għal kopja privata fil-kuntest ta’ operazzjoni transkonfinali.
Kawża C-521/11.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:145
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ippreżentati fis-7 ta’ Marzu 2013 ( 1 )
Kawża C-521/11
Amazon.com International Sales Inc.
Amazon EU Sàrl
Amazon.de GmbH
Amazon.com GmbH, in Liquidation
Amazon Logistik GmbH
vs
Austro-Mechana Gesellschaft zur Wahrnehmung mechanisch-musikalischer Urheberrechte Gesellschaft mbH
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof, (l-Awstrija)]
“Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2001/29/KE — Dritt ta’ riproduzzjoni — Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet — L-eċċezzjoni ta’ kopja għal użu privat — Kumpens ġust — Possibbiltà ta’ rimbors tal-ħlas għall-kopji għal użu privat applikata għal tagħmir, apparat u materjal konnessi mar-riproduzzjoni diġitali — Finanzjament ta’ istituzzjonijiet bi skop soċjali jew kulturali għad-detenturi ta’ drittijiet — Ħlas ta’ kumpens ġust f’diversi Stati Membri”
1. |
Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur huwa qasam ta’ dritt kumpless ħafna fejn l-interessi involuti huma bosta u fejn it-tibdil teknoloġiku mgħaġġel bidel u jkompli jibdel fil-fond in-natura nnifisha tax-xogħlijiet protetti, il-mod kif jintużaw, kif ukoll il-mudelli tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, kontinwament joħloq sfidi ġodda għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awturi tax-xogħlijiet infushom kif ukoll għall-bilanċ ġust bejn l-interessi nvoluti. |
2. |
Fil-kuntest ta’ strateġija maħsuba biex tippromwovi l-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni fl-Ewropa, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea pprova jarmonizza wħud mill-aspetti tad-drittijiet tal-awtur permezz ta’, fost l-oħrajn, l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/29/KE (iktar ’il quddiem: id-“Direttiva 2001/29”) ( 2 ) li hija s-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija). Id-Direttiva 2001/29 ġiet adottata bl-għan iddikjarat li tipprovdi qafas legali armonizzat fis-suq intern billi tiżgura l-assenza ta’ distorsjonijiet li jirriżultaw mid-diversità tal-liġijiet tal-Istati Membri ( 3 ) u li jippermetti l-adattament għal forom ġodda ta’ esplojtazzjoni ta’ drittijiet, għal forom ġodda ta’ użu u għall-iżvilupp teknoloġiku ( 4 ). |
3. |
Madankollu, bħala kompromess bejn id-diversi tradizzjonijiet u kunċetti legali li jeżistu fl-Istati Membri tal-Unjoni ( 5 ), id-Direttiva 2001/29 spiċċat ma armonizzatx diversi aspetti tar-regolamentazzjoni tad-drittijiet tal-awtur, ipprovdiet bosta derogi u ħalliet lill-Istati Membri marġini ta’ diskrezzjoni kunsiderevoli fil-kuntest tal-implementazzjoni tagħha, tant hu hekk li kien mistoqsi jekk, minkejja l-objettivi ddikjarati, fir-realtà l-leġiżlatur tal-Unjoni ma rrinunzjax fil-prattika li jarmonizza d-drittijiet tal-awtur ( 6 ). |
4. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Direttiva tat lok għal diversi problemi ta’ implementazzjoni u l-proċedura nazzjonali li fil-kuntest tagħha saru l-erba’ domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża preżenti, hija eżempju tipiku ta’ dan. Fil-fatt, din il-proċedura tikkonċerna kwistjoni bejn grupp internazzjonali attiv fil-kummerċjalizzazzjoni permezz tal-internet ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni u soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur rigward il-ħlas ta’ “kumpens ġust” skont id-Direttiva 2001/29 bħala kumpens għall-użu ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur. L-applikazzjoni fil-prattika mill-Istati Membri tal-kunċett ta’ kumpens ġust hija waħda mill-iktar kwistjonijiet kumplessi tad-Direttiva 2001/29 u għadha toħloq problemi fir-relazzjoni bejnha u d-diversi liġijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tindirizza din il-kwistjoni u li tifformula ċerti linji gwida dwar is-suġġett ( 7 ) u fil-futur qarib għandha terġa’ tittratta l-kwistjoni f’diversi okkażjonijiet ( 8 ). |
5. |
Madankollu, qabel ma nanalizza l-kwistjonijiet sottostanti f’din il-kawża fejn il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba, minn naħa, li tintegra l-ġurisprudenza tagħha dwar il-kunċett ta’ kumpens ġust u, min-naħa l-oħra, li tirrispondi għal ċerti kwistjonijiet speċifiċi ġodda li jinqalgħu f’dan ir-rigward, ma nistax nonqos li nirrileva li r-risposti li pprovdiet il-Qorti tal-Ġustizzja u li se tipprovdi għad-diversi domandi magħmula mill-qrati nazzjonali, jinkwadraw irwieħhom neċessarjament fil-kuntest legali definit mir-regoli eżistenti tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, għalkemm f’kuntest regolatorju definit it-tweġibiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jagħtu indikazzjonijiet importanti għall-identifikazzjoni konkreta tal-forom, tal-estensjoni u tal-mezzi ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u għall-ibbilanċjar tad-diversi interessi inkwistjoni, madankollu huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu jipprovdi qafas regolatorju xieraq li, abbażi ta’ għażliet anki ta’ natura politika, jippermetti li jkunu stabbiliti b’mod ċar kemm dawn il-forom, din l-estensjoni u dawn il-mezzi ta’ protezzjoni kif ukoll l-imsemmi bilanċ. F’dan ir-rigward, għandha titqies li hija pożittiva l-inizjattiva reċenti meħuda mill-Kummissjoni Ewropea bl-approvazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni bil-ħsieb li jiġu modernizzati d-drittijiet tal-awtur ( 9 ). |
6. |
F’dan ir-rigward, naħseb li huwa importanti li wieħed jinnota li mill-analiżi ta’ ċerti kwistjonijiet li tqajjmu f’din il-kawża se jirriżulta evidenti li bosta problemi fl-implementazzjoni tad-Direttiva 2001/29 joħorġu mil-livell insuffiċjenti ta’ armonizzazzjoni tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur. Dan juri fil-fehma tiegħi li, minkejja li huwa importanti li d-diversi tradizzjonijiet u kunċetti legali li jeżistu fl-Istati Membri dwar is-suġġett jiġu rrispettati, madankollu sabiex jiġi żviluppat qafas legali modern fl-Ewropa għad-drittijiet tal-awtur, li filwaqt li jagħti qies tad-diversi interessi involuti, jippermetti li tiġi żgurata l-eżistenza ta’ suq wieħed ġenwin f’dan is-settur li jinkoraġġixxi l-kreattività, l-innovazzjoni, u l-iżvilupp ta’ mudelli ta’ attività ekonomika ġodda, jeħtieġ li nimxu fid-direzzjoni tal-insegwiment ta’ livell ħafna ogħla ta’ armonizzazzjoni tar-regoli nazzjonali minn dak milħuq bid-Direttiva 2001/29. |
I – Il-kuntest legali
A – Id-dritt tal-Unjoni
7. |
Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri jipprovdu, bħala prinċipju, lill-awturi d-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu r-riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kompletament jew parzjalment, tax-xogħlijiet tagħhom. |
8. |
Madanollu, skont l-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/29 l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għal dan id-dritt. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 5(2)(b) tal-istess direttiva, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjoni għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tal-awtur fuq ix-xogħol tiegħu għal dak li jikkonċerna r-“riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tax-xogħol jew tas-suġġett relatat” (l-eċċezzjoni msejjħa “ta’ kopja privata”) ( 10 ). |
B – Id-dritt nazzjonali
9. |
L-Artikolu 42 tal-Urheberrechtsgesetz ( 11 ) (il-liġi Awstrijaka dwar id-drittijiet tal-awtur; iktar ’il quddiem: l-“UrhG”) tipprovdi kif ġej: “1. Kulħadd jista’ jagħmel kopji iżolati, fuq il-karta jew mezz ieħor simili, ta’ xogħol għall-użu personali tiegħu. 2. Kulħadd jista’ jagħmel kopji iżolati, fuq media differenti minn dik indikata fil-paragrafu 1, ta’ xogħol, għall-użu personali tiegħu u għal skopijiet ta’ riċerka sal-punt li dan ikun iġġustifikat mill-objettiv mhux kummerċjali segwit. 3. Kulħadd jista’ jagħmel kopji iżolati ta’ xogħlijiet li jkunu ġew ippubblikati fl-ambitu ta’ xogħlijiet ġurnalistiċi għall-użu personali tiegħu, u, sakemm dan ikun għal użu simili. 4. Kull persuna fiżika tista’ tagħmel kopji iżolati ta’ xogħol fuq media differenti minn dik indikata fil-paragrafu 1 għal użu privat u għal skopijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali. 5. Ħlief għal dak li huwa pprovdut fil-paragrafi 6 u 7 ta’ dan l-artikolu, ma jkunx hemm riproduzzjoni għall-użu privat jew personali jekk din issir bl-objettiv li x-xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz tal-kopja. Il-kopji li jsiru għall-użu privat jew personali ma jistgħux jintużaw biex ix-xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. […]”. |
10. |
L-Artikolu 42(6) tal-UrhG jipprovdi, taħt kundizzjonijiet stabbiliti, l-hekk imsejjħa eċċezzjoni tal-użu personali għat-tagħlim minn skejjel u universitajiet. L-Artikolu 42(7) jipprovdi, taħt ċerti kundizzjonijiet stabbiliti, eċċezzjoni ta’ kopji riprodotti minn entitajiet aċċessibbli għall-pubbliku li għandhom kollezzjonijiet ta’ xogħlijiet għal skopijiet mhux direttament jew indirettament ekonomiċi jew kummerċjali (l-hekk imsejjħa kopja għall-użu personali ta’ kollezzjonijiet). |
11. |
L-Artikolu 42ter tal-UrhG jipprovdi: “1. Jekk min-natura tiegħu huwa aċċettat li wieħed jistenna li xogħol imxandar jew imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jew reġistrat fuq mezz ta’ reġistrazzjoni ta’ immaġini jew ħsejjes, prodott għal skopijiet kummerċjali, jiġi riprodott skont l-Artikolu 42(2) sa (7), bl-iffissar fuq mezz ta’ reġistrazzjoni ta’ immaġini jew ħsejjes, għall-użu personali jew privat, l-awtur għandu dritt għal remunerazzjoni ġusta (ħlas għal casettes ġodda) jekk il-mezzi ta’ reġistrazzjoni jitqegħdu fis-suq nazzjonali, għal skopijiet kummerċjali u bi ħlas; huma meqjusa li huma mezzi għar-reġistrazzjoni, il-mezzi ta’ reġistrazzjoni ta’ immaġini jew ħsejjes ġodda u tajbin għal dawn ir-riproduzzjonijiet jew mezzi oħra ta’ reġistrazzjoni ta’ immaġini jew ħsejjes maħsuba għal dan l-iskop. […] 3. Il-persuni li ġejjin għandhom iħallsu r-remunerazzjoni ġusta:
[…] 5. Huma biss is-soċjetàjiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur li jistgħu jasserixxu d-dritt għal remunerazzjoni prevista fil-paragrafi 1 u 2. 6. Is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur hija obbligata li tirrimborsa r-remunerazzjoni ġusta:
|
12. |
L-Artikolu 13 tal-Verwertungsgesellschaftengesetz (il-liġi Awstrijaka dwar is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva, iktar ’il quddiem il-“VerwGesG” ( 12 )) tipprovdi: “1. Is-soċjetàjiet għall-amministrazzjoni kollettiva jistgħu joħolqu istituzzjonijiet għal għanijiet soċjali u kulturali għall-persuni benefiċjarji intitolati li huma jirrappreżentaw kif ukoll għall-membri tal-familja tagħhom. 2. Is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva li jasserixxu d-dritt għall-ħlas għal cassettes ġodda għandhom l-obbligu li joħolqu istituzzjonijiet għal għanijiet soċjali jew kulturali u li jħallsu li dawn 50 % tal-ammont tad-dħul minn dan il-ħlas, nett mill-ispejjez relattivi tal-amministrazzjoni”. |
II – Il-fatti, il-proċedura nazzjonali u d-domandi preliminari
13. |
Is-soċjetà attriċi fil-kawża prinċipali, Austro-Mechana Gesellschaft zur Wahrnehmung mechanisch-musikalischer Urheberrechte Gesellschaft m.b.H. (iktar ’il quddiem: “Austro-Mechana”) hija soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur li tamministra fl-Awstrija, bħala tali u bis-saħħa ta’ kuntratti ma’ soċjetajiet oħra għall-amministrazzjoni kollettiva barranin u Awstrijaċi, id-drittijiet tal-awturi u tad-detenturi ta’ drittijiet relatati. Din hija, b’mod partikolari, il-persuna li għandha dritt tirċievi l-ħlas għall-cassettes ġodda skont l-Artikolu 42ter(1) tal-UrhG. |
14. |
Il-kumpanniji konvenuti, Amazon.com International Sales Inc., Amazon EU Sàrl, Amazon.de GmbH, Amazon.com GmbH, in Liquidation u Amazon Logistik GmbH (iktar ’il quddiem flimkien ukoll: il-“kumpanniji tal-grupp Amazon”), ilkoll jappartjenu għall-grupp internazzjonali Amazon, li huwa attiv, fost l-oħrajn, fil-bejgħ ta’ prodotti permezz tal-internet, fosthom anki mezzi ta’ reġistrazzjoni ta’ immaġini jew ħoss skont it-termini tal-liġi Awstrijaka. |
15. |
Mill-inqas mill-2003, il-kumpanniji tal-grupp Amazon b’kollaborazzjoni bejniethom u fuq il-bażi ta’ ordnijiet magħmula permezz tal-internet, qegħdu fiċ-ċirkulazzjoni fl-Awstrija mezzi ta’ reġistrazzjoni ta’ immaġini jew ħoss bħal CDs u DVDs, kards tal-memorja u MP3 plejers. |
16. |
L-Austro-Mechana fetħet kawża kontra l-kumpanniji tal-grupp Amazon fejn talbet il-ħlas mingħandhom, in solidum, tar-remunerazzjoni ġusta skont l-Artikolu 42ter(1) tal-UrhG għall-mezzi ta’ reġistrazzjoni li tqiegħdu fis-suq fl-Awstrija bejn l-2002 u l-2004. Fir-rigward tal-ewwel sitt xhur tal-2004, l-Austro-Mechana ressqet talba għall-valur ta’ EUR 1 856 275. Fir-rigward tas-snin 2002 u 2003, u l-perijodu minn Ġunju 2004, l-Austro-Mechana talbet li l-kumpanniji tal-grupp Amazon jiġu obbligati li jipprovdu informazzjoni dwar il-kontabbiltà tagħhom rigward il-mezzi ta’ reġistrazzjoni mdaħħla fl-Awstrija u rriżervat li tikkwantifika t-talba għall-ħlas għal dawk il-perijodi. |
17. |
Il-qorti tal-ewwel istanza, permezz ta’ sentenza parzjali, laqgħet it-talba għal informazzjoni dwar il-kontabbiltà u rriżervat li tagħti deċiżjoni dwar it-talba għall-ħlas. Il-qorti tal-appell ikkonfermat is-sentenza fl-ewwel grad. |
18. |
Meta tressaq quddiemha appell mis-sentenza tal-appell, l-Oberster Gerichtshof, il-qorti tar-rinviju, issospendiet il-proċeduri fil-kawża prinċipali u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin ( 13 ):
|
III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
19. |
Id-digriet tar-rinviju wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Ottubru 2011. Ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom il-kumpanniji tal-grupp Amazon, l-Austro-Mechana, il-Gvernijiet tal-Awstrija, tal-Finlandja, ta’ Franza u tal-Polonja, kif ukoll il-Kummissjoni. Waqt is-seduta, li nżammet fis-6 ta’ Diċembru 2012, intervjenew il-kumpanniji tal-grupp Amazon, l-Austro-Mechana, il-Gvernijiet tal-Awstrija u tal-Polonja, kif ukoll il-Kummissjoni. |
IV – Analiżi legali
A – Osservazzjonijiet preliminari
20. |
Id-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju kollha jikkonċernaw il-kunċett ta’ “kumpens ġust” skont id-Direttiva 2001/29 ( 14 ). |
21. |
Kif jirriżulta mill-Artikolu 42(4) tal-UrhG, ir-Repubblika tal-Awstrija introduċiet fil-liġi nazzjonali tagħha l-“eċċezzjoni ta’ kopja privata” skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29. Il-“kumpens ġust” f’dan ir-rigward favur l-awturi huwa previst fl-Artikolu 42ter(1) tal-UrhG fil-forma ta’ “remunerazzjoni ġusta”. |
22. |
Madankollu, mill-Artikolu 42ter(1) tal-UrhG jirriżulta li, fl-Awstrija, il-ħlas ta’ remunerazzjoni ġusta lill-awtur hija prevista mhux biss fil-każ ta’ riproduzzjoni tax-xogħol tiegħu minn persuna fiżika għal skopijiet privati skont l-Artikolu 42(4) tal-UrhG, imma fil-każijiet kollha ta’ riproduzzjoni tax-xogħol innifsu skont l-Artikolu 42(2) sa (7) tal-UrhG. Għalhekk jirriżulta li, fid-dritt Awstrijak, ir-remunerazzjoni ġusta ma tirreferix biss għall-kumpens ġust dovut lill-persuna fiżika għall-eċċezzjoni ta’ kopja privata, imma hija dovuta wkoll f’każijiet oħra kkunsidrati mill-UrhG bħala għal “użu personali” li jaqgħu taħt eċċezzjonijiet oħra previsti fl-Artikolu 42 tal-UrhG ( 15 ). |
23. |
Din il-kunsiderazzjoni preliminari, li se titqajjem, kif se naraw, matul l-analiżi, twassalni biex insostni li, apparti t-tieni domanda preliminari li tikkonċerna esklużivament l-eċċezzjoni skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva, il-portata tad-domandi preliminari l-oħra ma hijiex limitata għall-eċċezzjoni ta’ kopja privata, imma għandha tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-kunċett tal-kumpens ġust b’mod ġenerali skont id-Direttiva 2001/29. |
24. |
F’dan ir-rigward, nillimita ruħi biex nerġa’ nirrileva, b’mod inċidentali, li, bil-kundizzjoni li l-eċċezzjonijiet previsti mil-liġi nazzjonali huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, sistema ta’ din ix-xorta, li tipprovdi għall-ħlas ta’ kumpens għal eċċezzjonijiet differenti mill-“eċċezzjoni ta’ kopja privata”, ma hijiex fiha nnifisha kuntrarja għad-Direttiva 2001/29 ( 16 ). Madankollu hija l-qorti tar-rinviju, jekk dan ikun neċessarju, li eventwlament għandha tivverifika abbażi tal-kriterji tad-dritt tal-Unjoni ( 17 ) il-kompatibbiltà ta’ dawn l-eċċezzjonijiet mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ( 18 ). |
25. |
Fuq din il-premessa, bl-iskop li nirrispondi b’mod xieraq għad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju nsostni li huwa xieraq li nirrikapitola xi prinċipji li ġew espressi mill-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-kunċett tal-kumpens ġust skont id-Direttiva 2001/29. |
B – Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “kumpens xieraq” skont id-Direttiva 2001/29
26. |
Kif diġà ġie rrilevat fil-punt 4, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha diversi okkażjonijiet fejn tippronunzja ruħha dwar il-kunċett ta’ kumpens ġust skont id-Direttiva 2001/29. B’mod partikolari mill-ġurisprudenza jirriżulta li dan il-kunċett jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha li ntroduċew l-eċċezzjoni ta’ kopja privata. Din l-interpretazzjoni uniformi hija indipendenti mid-dritt tal-Istati Membri stess li jistabbilixxu, fil-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mid-Direttiva nnifisha, il-forma, l-arranġamenti għall- finanzjament u l-irtirar, kif ukoll il-livell tal-imsemmi kumpens ġust ( 19 ). |
27. |
Il-kunċett u l-livell tal-kumpens ġust huma marbutin mal-ħsara li tirriżulta għall-awtur mir-riproduzzjoni tax-xogħol protett tiegħu li ssir mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu għal użu privat. F’din il-perspettiva, il-kumpens ġust għandu jitqies bħala l-kontroparti tal-ħsara li jsofri l-awtur. Minn dan isegwi li l-kumpens ġust għandu neċessarjament jiġi kkalkolat abbażi ta’ kriterju tal-ħsara kkawżata lill-awturi tax-xogħlijiet protetti bl-introduzzjoni tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata ( 20 ). Madankollu, kif jirriżulta mill-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29, jeħtieġ li jinżamm “bilanċ ġust” bejn id-drittijiet u l-interessi tal-awturi, benefiċjarji tal-kumpens ġust, minn naħa, u dawk tal-utenti tal-materjali protetti, minn-naħa l-oħra ( 21 ). |
28. |
Il-ħolqien ta’ kopja minn persuna fiżika li taġixxi b’mod privat għandu jiġi kkunsidrat bħala att ta’ natura li joħloq ħsara lill-awtur tax-xogħol ikkonċernat. Għalhekk, bħala prinċipju, hija l-persuna li kkawżat il-ħsara lid-detentur tad-dritt esklużiv, jiġifieri l-awtur, li għandha tagħmel tajjeb għad-danni konnessi ma’ tali riproduzzjoni, billi tiffinanzja l-kumpens li għandu jitħallas lid-detentur tad-dritt ( 22 ). |
29. |
Madankollu, fid-dawl tad-diffikultajiet prattiċi fl-identifikazzjoni ta’ utenti privati sabiex jiġu obbligati jikkumpensaw lid-detenturi ta’ drittijiet għall-ħsara li tkun saritilhom, kif ukoll fid-dawl tal-fatt li l-ħsara li tista’ tirriżulta minn kull użu privat, jekk titqies individwalment, tista’ tirriżulta li hija waħda minima mingħajr, għalhekk, ma tagħti lok għal obbligu ta’ ħlas ( 23 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, għall-skopijiet ta’ finanzjament tal-kumpens ġust, “għal kopja privata” li jitħallas mhux mill-persuni privati interessati, imma minn dawk li jkollhom tagħmir, apparat u mezzi ta’ reġistrazzjoni diġitali u li, għalhekk, konsegwentement, b’mod legali jew fattwali, iqiegħdu tagħmir għad-dispożizzjoni ta’ persuni privati jew jipprovdulhom servizz ta’ riproduzzjoni. Fil-kuntest ta’ tali sistema, huma l-persuni li għandhom dan l-apparat li għandhom jagħmlu l-ħlas għal kopja privata ( 24 ). |
30. |
Barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, peress li l-imsemmija sistema tippermetti li d-debituri jgħaddu l-ispiża tal-kumpens għall-kopja privata fuq il-prezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ tali tagħmir, apparat jew mezzi ta’ reġistrazzjoni għar-riproduzzjoni, jiġifieri fil-prezz tas-servizz tar-riproduzzjoni mogħti minnhom, l-obbligu tal-ħlas tal-kumpens jaqa’ definittivament fuq l-utent privat li jħallas dan il-prezz li għandu jiġi kkunsidrat, fir-realtà, bħala “debitur indirett” tal-kumpens ġust. Tali sistema hija konformi mal-“bilanċ ġust” li jrid jintlaħaq bejn l-interessi tal-awturi u dawk tal-utenti tal-materjali protetti ( 25 ). |
31. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li teżisti rabta neċessarja bejn l-applikazzjoni tas-sistema ta’ ħlas għal kopja privata fir-rigward tal-imsemmi apparat, tagħmir u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali u l-użu ta’ dawn tal-aħħar għal skopijiet ta’ riproduzzjoni privata. Konsegwentement, l-applikazzjoni mingħajr distinzjoni tas-sistema ta’ ħlas għal kopja privata fir-rigward ta’ kull tip ta’ apparat, tagħmir u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali, inkluż fl-ipoteżi, imsemmija espliċitament mill-qorti tar-rinviju, fejn dawn ikunu nxtraw minn persuni li ma humiex persuni fiżiċi, għal skopijiet manifestament differenti minn dawk ta’ kopja privata, ma hijiex konformi mal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2001/29 ( 26 ). |
32. |
Min-naħa l-oħra, jekk l-apparat inkwistjoni jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persuni fiżiċi għal skopijiet privati, bl-ebda mod ma huwa meħtieġ li jiġi stabbilit li dawn effettivament għamlu kopji privati permezz tal-apparat innifsu u għalhekk ikkawżaw effettivament ħsara lill-awtur tax-xogħol protett. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li hemm preżunzjoni leġittima li dawn il-persuni fiżiċi jibbenefikaw b’mod sħiħ minn dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni, jiġifieri li huma jistgħu jisfruttaw il-funzjonijiet kollha assoċjati mal-imsemmi apparat, inkluża l-funzjoni ta’ riproduzzjoni. Minn dan isegwi li s-sempliċi kapaċità ta’ dan l-apparat jew ta’ dan it-tagħmir li jagħmel kopji huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni tas-sistema ta’ ħlas għal kopja privata, bil-kundizzjoni li l-imsemmija apparat jew tagħmir ikun tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persuni fiżiċi bħala utenti privati ( 27 ). |
C – Dwar l-ewwel domanda preliminari
1. Osservazzjonijiet preliminari
33. |
Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ikunx hemm kumpens ġust skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2001/29 jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi għal ħlas għal kopja privata fil-forma ta’ remunerazzjoni ġusta, li jista’ jiġi asserit b’mod mhux diskriminatorju biss minn soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur, dovut lill-persuna li tqiegħed fis-suq nazzjonali għall-ewwel darba, għal skopijiet kummerċjali u bi ħlas, apparat għar-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet, iżda fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi wkoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, id-dritt għar-rimbors ta’ din ir-remunerazzjoni ġusta f’każ li l-ħlas tagħha ma jkunx dovut. |
34. |
Il-qorti tar-rinviju ssostni li, sa fejn il-liġi Awstrijaka tipprevedi l-applikazzjoni fuq bażi mhux diskriminatorja tal-kumpens għal kopja privata din hija “manifestament” f’kontradizzjoni mas-sentenza Padawan ( 28 ). Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-liġi nazzjonali inkwistjoni għandha differenza fundamentali minn dik li kienet s-suġġett fil-kawża Padawan, peress li din tikkontempla l-possibbiltà ta’ rimbors tal-imsemmi kumpens. |
35. |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li din il-possibbiltà hija prevista espliċitament fl-Artikolu 42ter(6) tal-UrhG f’żewġ każijiet biss: l-esportazzjoni sussegwenti tat-tagħmir u r-riproduzzjoni tax-xogħlijiet bil-kunsens tal-awtur. Fid-dritt Awstrijak l-obbligu tal-ħlas ta’ remunerazzjoni ġusta jeżisti anki fejn l-użu tat-tagħmir ma jinvolvi ebda ksur tad-drittijiet tal-awtur ( 29 ). Il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment b’mod partikolari għal żewġ sitwazzjonijiet: fl-ewwel lok, għall-każijiet ta’ riproduzzjoni tax-xogħol previsti fl-Artikolu 42 tal-UrhG li jinkwadraw irwieħhom f’eċċezzjoni oħra msemmija fl-Artikolu 5(2) jew (3) tad-Direttiva 2001/29, li għalihom, madankollu l-liġi nazzjonali tipprovdi, konformi mad-direttiva, għall-ħlas ta’ “kumpens ġust” favur l-awtur ( 30 ) u, fit-tieni lok, fil-każ tal-użu ta’ tagħmir għall-memorizzazzjoni ta’ data “iġġenerata” mill-utent, każ li, però, skont il-qorti tar-rinviju għandu jiġi assimilat ma’ dak tar-riproduzzjoni bil-kunsens tal-awtur u għandu, għalhekk, jagħti lok, b’analoġija, għal obbligu ta’ rimbors tal-kumpens ( 31 ). |
36. |
Skont il-qorti tar-rinviju jibqa’ għalhekk dubju wieħed dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tas-soluzzjoni tar-rimbors adottata mil-liġi nazzjonali inkwistjoni. Sistema bbażata fuq il-possibbiltà ta’ rimbors a posteriori tinvolvi l-ħlas ta’ kumpens ġust anki fil-każ ta’ provvisti ta’ tagħmir lil utenti imprendituri li jużawhom għal skopijiet, li fis-sistema prevista bid-direttiva u mil-liġi nazzjonali, ma għandhomx jagħtu lok għall-kumpens ġust u b’hekk il-piż tal-ispejjez u r-riskji marbuta mal-eventwali ksib ta’ tali rimbors jitqiegħed fuq persuni li ma għandhomx ikunu obbligati jħallsu l-kumpens ġust. Il-qorti tar-rinviju ma teskludix li liġi ta’ din ix-xorta tista’ tkun kollha kemm hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. |
37. |
L-ewwel domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju hija maqsuma fi tliet partijiet. Ser nanalizza fid-dettall kull waħda minn dawn it-tliet partijiet u mbagħad inkun nista’ nipprovdi risposta globali għall-ewwel domanda preliminari. |
2. Dwar l-ewwel domanda preliminari, ittra (a)
38. |
Fl-ewwel parti tal-ewwel domanda preliminari, li tikkorrispondi għall-ittra (a), il-qorti tar-rinviju ssemmi tliet elementi li jikkaratterizzaw il-liġi nazzjonali li fir-rigward tagħhom l-imsemmija qorti tqajjem il-kwistjoni tal-kompatibbiltà mal-kunċett ta’ kumpens ġust previst fid-Direttiva 2001/29. |
39. |
Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-liġi nazzjonali inkwistjoni tipprovdi għall-kumpens ġust fil-forma ta’ remunerazzjoni. Ir-remunerazzjoni ġusta hija kunċett inkluż fid-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali ( 32 ). Mill-ġurisprudenza jirriżulta li anki din hija kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni ( 33 ). F’dan ir-rigward, insostni li, meta wieħed jikkunsidra l-awtonomija li jgawdu l-Istati Membri fil-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari mid-Direttiva 2001/29 dwar id-determinazzjoni tal-forma tal-“kumpens ġust” ( 34 ), xejn ma jipprekludi li Stat Membru jistabbilixxi l-kumpens ġust fil-forma ta’ “remunerazzjoni ġusta”, bil-kundizzjoni li s-sistema stabbilita minnu tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 2001/29 u jkollha l-karatteristiċi tal-kumpens ġust skont id-direttiva nnifisha u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 35 ). |
40. |
Fit-tieni lok, l-ewwel parti tal-ewwel domanda preliminari tenfasizza li l-liġi inkwistjoni tipprovdi li r-remunerazzjoni ġusta tista’ tintalab biss mis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur. Madankollu, dispożizzjoni ta’ dan it-tip, fil-fehma tiegħi, minnha nnifsha lanqas ma tmur kontra d-Direttiva 2001/29. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq fil-punt 26 jirriżulta li l-Istati Membri jgawdu awtonomija anki fid-determinazzjoni, fil-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva nnifisha, tal-metodu ta’ ħlas tal-“kumpens ġust” ( 36 ). Il-funzjoni ta’ intermedjarju tas-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva fil-ġbir tad-dħul minn drittijiet tal-awtur hija mifruxa ħafna fl-Istati Membri u hija mnebbħa primarjament minn raġunijiet prattiċi ( 37 ). Minn dan isegwi li d-dritt esklużiv għall-ġbir tal-kumpens ġust minn soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur prevista b’liġi nazzjonali, sal-punt li tali soċjetà tkun effettivament rappreżentattiva tad-diversi detenturi tad-drittijiet, ma tagħmilx din il-leġiżlazzjoni minnha nnifisha inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. |
41. |
Fit-tielet lok, l-ewwel parti tal-ewwel domanda preliminari tenfasizza li l-liġi nazzjonali tistipula li r-remunerazzjoni ġusta għandha titħallas minn min iqiegħed l-ewwel fis-suq nazzjonali, għal skopijiet kummerċjali u bi ħlas, mezzi ta’ reġistrazzjoni għal riproduzzjoni ta’ xogħlijiet. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 26-32 iktar ’il fuq jirriżulta li, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja affermat li d-debitur tal-kumpens ġust huwa l-persuna li kkawżat il-ħsara lill-awtur meta rriproduċiet mingħajr permess ix-xogħol tiegħu u li, għalhekk bħala prinċipju, hija din il-persuna li hija obbligata tħallsu l-kumpens ġust konness mal-ħsara li kkawżat, madankollu l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sistema li tqiegħed l-obbligu tal-ħlas tal-kumpens ġust fuq persuni oħra, u b’mod partikolari fuq persuni li jagħmlu t-tgħamir għad-dispożizzjoni tal-utenti, li jistgħu jgħaddu dan il-ħlas fuq il-prezz ta’ tali tqegħid għad-dispożizzjoni. Għalhekk, minn din il-ġurisprudenza jsegwi li l-fatt li l-ħlas tal-kumpens ġust huwa addebitat lil persuni li qegħdin f’livell ogħla fil-katina tad-distribuzzjoni mill-persuni privati ma huwiex minnu nnifsu kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni. |
3. Dwar l-ewwel domanda preliminari, ittra (b)
42. |
Għal dak li jirrigwarda t-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari, li tikkorrispondi għall-ittra (b), jeħtieġ li jiġi rrilevat li ma huwiex ikkontestat mill-partijiet li, hekk kif wara kollox ġie rrilevat mill-istess qorti tar-rinviju u bla ħsara għall-possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni diskussa fil-kuntest tal-analiżi tat-tielet parti tal-ewwel domanda preliminari, sa fejn il-liġi inkwistjoni tipprovdi għall-applikazzjoni mingħajr distinzjoni tal-ħlas li jikkorrispondi għall-ħlas tal-kumpens ġust għal kull użu tal-mezzi ta’ reġistrazzjoni, inkluż għalhekk il-każijiet ta’ użu tal-mezzi ta’ riproduzzjoni għal skopijiet manifestament estranji għar-riproduzzjoni li għaliha huwa dovut il-ħlas tal-kumpens ġust, din tmur kontra d-direttiva kif interpretata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 38 ). |
43. |
Fid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tiddistingwi bejn tliet kategoriji ta’ xerrejja potenzjali tal-mezz ta’ reġistrazzjoni mingħand il-persuna li hija obbligata tagħmel l-ewwel ħlas tar-remunerazzjoni ġusta, jiġifieri l-persuna li tqiegħdu għall-ewwel darba fis-suq għal skopijiet kummerċjali u bi ħlas. Mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi analizzata fid-dettall is-sitwazzjoni tal-persuni differenti kollha li jistgħu jakkwistaw il-mezzi ta’ reġistrazzjoni mingħand dik il-persuna, naħseb li hemm żewġ kunsiderazzjonijiet li jidhirli li madankollu huma rilevanti. |
44. |
Fl-ewwel lok, kif ġie rrilevat fil-punt 22 iktar ’il fuq, il-liġi nazzjonali inkwistjoni tistipula l-obbligu li titħallas remunerazzjoni ġusta mhux biss abbażi tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata li ssir minn persuna fiżika skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, imma anki għall-użi oħra, imfissra bħala personali li jidħlu taħt eċċezzjonijiet oħra previsti minn din il-liġi Awstrijaka. Madankollu, f’dan il-kuntest, ma huwiex eskluż li dawn l-eċċezzjonijiet l-oħra japplikaw għal persuni li ma jkunux persuni fiżiċi bħal pereżempju libreriji u istituti ta’ riċerka. Għalhekk huwa possibbli li persuni li ma humiex persuni fiżiċi jistgħu jkunu obbligati jħallsu r-remunerazzjoni ġusta (li tikkorrispondi għall-kumpens ġust) peress li jużaw il-mezzi ta’ reġistrazzjoni għal għanijiet li għalihom il-ħlas huwa dovut. Għalhekk fil-każ ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni, il-fatt li l-persuna li tixtri l-mezzi ta’ reġistrazzjoni ma tkunx persuna fiżika, imma tkun persuna legali, mhux bilfors li jeżentaha awtomatikament mill-ħlas tar-remunerazzjoni ġusta, u dan ma jmurx neċessarjament kontra d-dritt tal-Unjoni. |
45. |
Fit-tieni lok, u viċe versa, il-fatt li tkun persuna fiżika li tixtri l-mezzi ta’ reġistrazzjoni fil-fehma tiegħi ma jfissirx neċessarjament li tali persuna tuża l-mezzi ta’ reġistrazzjoni għal skopijiet privati b’tali mod li jkun inevitabbilment meħtieġ li tiġi applikata l-preżunzjoni prevista fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 32 u konsegwentement isir applikabbli l-obbligu tal-ħlas tal-kumpens ġust. Il-kwistjoni se tiġi analizzata f’iktar dettal fil-kuntest tat-tieni domanda preliminari, imma nsostni li huwa importanti li jiġi enfasizzat minn issa li huwa possibbli li persuna fiżika ma tixtrix il-mezzi ta’ reġistrazzjoni bħala persuna privata imma, pereżempju fil-kwalità tagħha ta’ imprenditur jew bħala professjonist. Madankollu, jekk il-persuna fiżika tkun f’pożizzjoni li tipprova li xtrat il-mezzi ta’ reġistrazzjoni għal skopijiet manifestament differenti milli biex isiru kopji privati (jew l-użu tal-mezzi ta’ reġistrazzjoni għal skopijiet oħra suġġetti għall-ħlas tal-kumpens ġust), insostni li din ma għandhiex tkun suġġetta għall-ħlas tiegħu. |
4. Dwar l-ewwel domanda preliminai, ittra (ċ)
46. |
Jekk wieħed jgħaddi għat-tielet parti tal-ewwel domanda preliminari, li tikkorrispondi għall-ittra (ċ), huwa proprju hawnhekk li jinsab il-qofol tal-kwistjoni li tqajjmet mill-qorti tar-rinviju. Il-kwistjoni li tqajjem l-imsemmija qorti hija, fis-sustanza, din li ġejja: jista’ l-fatt li tkun prevista sistema ta’ rimbors tal-kumpens ġust lil dawk li ma humiex obbligati li jħallsuh ipatti għall-illeġittimità li tirriżulta mill-applikazzjoni bla distinzjoni tal-ħlas li jikkorrispondi għall-kumpens ġust? |
47. |
F’dan ir-rigward għandu qabel xejn jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 35 iktar ’il fuq, fid-digriet tar-rinviju l-qorti tar-rinviju ċċarat li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tar-rimbors previst fl-Artikolu 42ter(6) tal-UrhG ma huwiex limitat għaż-żewġ każijiet imsemmija espressament fil-liġi, imma jestendi wkoll għal ċerti każijiet oħra. Madankollu, l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi li tistipula r-rimbors għall-każijiet l-oħra msemmija mill-qorti tar-rinviju għandha tiġi kkunsidrata bħala xi ħaġa aċċettata ( 39 ). |
48. |
Barra minn hekk nikkunsidra li, bla ħsara għall-kunsiderazzjonijiet li ġejjin dwar il-possibbiltà ta’ eżenzjoni a priori tal-ħlas ta’ kumpens ġust, sabiex il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal sistema ta’ rimbors ta’ kumpens ġust tkun tista’ eventwalment titqies li hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, huwa meħtieġ li din is-sistema ma tapplikax għal każijiet individwali speċifiċi imma b’mod ġenerali għall-każijiet kollha fejn il-ħlas tal-kumpens ġust ma jkunx dovut peress li l-użu tal-mezzi ta’ reġistrazzjoni ma jikkostitwixxix att li jista’ jikkawża ħsara lill-awtur tax-xogħol ( 40 ). |
49. |
Madankollu, id-dubji li l-qorti tar-rinviju għandha u li dwarhom saru domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja huma indipendenti mill-portata tas-sistema tar-rimbors. Il-qorti tar-rinviju tosserva, fil-fatt, li sistema bbażata fuq ħlas bla distinzjoni tal-kumpens ġust u fuq il-possibbiltà, għalkemm ġenerali, suċċessiva ta’ rimbors iżżid l-ispejjeż u r-riskji assoċjati mar-rimbors għal persuni li ma humiex obbligati jħallsu l-kumpens ġust skont id-Direttiva 2001/29. Dawn il-persuni, għalkemm jużaw il-mezzi ta’ reġistrazzjoni għal użi li ma humiex suġġetti għall-ħlas tal-kumpens ġust, għandhom qabel xejn iħallsuh, u sussegwentement biss jiksbu r-rimbors, bir-riskji u l-ispejjeż konnessi. |
50. |
Fir-rigward ta’ dawn id-dubji, il-Kummissjoni, kif ukoll il-kumpanniji tal-grupp Amazon, isostnu li l-għażla mogħtija lill-Istati Membri biex jiddeterminaw il-forma u l-metodi tal-ħlas tal-kumpens ġust ma testendix sal-punt li tippermettilhom jagħżlu sistema ta’ rimbors li timponi piżijiet fuq persuni li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “kumpens ġust”, li t-tifsira tiegħu hija stabbilita bid-Direttiva 2001/29 u ma taqax taħt il-kompetenzi tal-Istati Membri. F’dan il-kuntest, il-possibbiltà li jinkiseb rimbors ma teliminax l-inkompatibbiltà mal-imsemmija direttiva ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-ħlas ta’ kumpens ġust anki fin-nuqqas tar-rabta, rikjesta mill-ġurisprudenza, bejn dan u l-użu tal-mezzi ta’ reġistrazzjoni. |
51. |
F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi rrilevat li mill-proċess jirriżulta li, fl-Awstrija, jekk il-persuna li għall-ewwel darba tqiegħed fis-suq nazzjonali mezzi ta’ reġistrazzjoni għal skopijiet kummerċjali u bi ħlas tiggarantixxi b’mod affidabbli li la hija u lanqas il-klijenti tagħha ma huma se jużaw il-mezzi ta’ reġistrazzjoni għal skopijiet li għalihom ikunu obbligati jħallsu r-rimunerazzjoni ġusta għall-użu privat jew personali, hija għandha l-possibbiltà li tibbenedika minn speċi “eżenzjoni a priori” mill-obbligu li tħallas din ir-remunerazzjoni ġusta. |
52. |
Din l-“eżenzjoni a priori” tista’ tinkiseb mingħand l-Austro-Mechana billi tintuża formula disponibbli għal dan l-iskop u tingħata lil dawk l-impriżi li fir-rigward tagħhom jista’ sa mill-bidu jitqies li bi probabbiltà qawwija mhux se jagħmlu kopji ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur għall-użi suġġetti għal ħlas ta’ remunerazzjoni ġusta. Skont kif ġie affermat mill-Austro-Mechana waqt is-seduta, il-bażi ta’ tali “eżenzjoni a priori” tinsab fit-test tal-Artikolu 42ter(1) tal-UrhG li tipprovdi li l-awtur jikseb id-dritt għal remunerazzjoni ġusta biss fil-każ fejn “ikun mistenni” li x-xogħol se jkun riprodott fuq il-mezzi ta’ reġistrazzjoni. Għaldaqstant jekk għal kuntrarju jista’ raġonevolment ikun mistenni li l-mezz ta’ reġistrazzjoni se jintużaw għal skopijiet differenti mir-riproduzzjoni ta’ xogħol, dan id-dritt ma jinħoloqx ab initio. |
53. |
Issa, skont il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni proprja tad-dritt tal-Unjoni li jippermettulha li tevalwa l-kompatibbiltà tar-regoli tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni ( 41 ). F’dan il-kuntest, insostni li tkun kompatibbli mad-Direttiva 2001/29 liġi li, minn naħa, tipprovdi għall-possibbiltà ta’ eżenzjoni a priori mill-ħlas tal-kumpens ġust lil persuni fiżiċi jew legali, li fir-rigward jista’ raġonevolment jitqies abbażi ta’ elementi oġġettivi — anki purament ċirkustanzjali — li huma se jixtru l-mezzi ta’ reġistrazzjoni għal skopijiet ovvjament manifestament differenti minn dawk li huma suġġetti għall-ħlas tal-kumpens ġust ( 42 ) u, min-naħa l-oħra, li tipprovdi l-possibbiltà ġenerali li r-rimbors ta’ dan il-kumpens ġust ikun jista’ jinkiseb a posteriori fil-każijiet kollha fejn jintwera li l-użu tal-mezzi ta’ reġistrazzjoni ma jkunx jinvolvi xi att li x’aktrax jikkawża ħsara lill-awtur tax-xogħol. |
54. |
Fil-fatt, tali sistema, minn naħa tippermetti li jitnaqqsu a priori l-każijiet fejn il-persuni li ma humiex suġġetti għall-ħlas tal-kumpens ġust jiġu suġġetti għall-eventwali riskji u spejjeż konnessi mal-ħlas ta’ dan u, min-naħa l-oħra, tippermetti li anki fil-każ fejn ikun sar ħlas mhux dovut tal-kumpens ġust, jinkiseb ir-rimbors. Sistema ta’ din ix-xorta, fil-fehma tiegħi, hija intiża biex tiggarantixxi kemm il-protezzjoni effettiva u riġoruża tad-drittijiet tal-awtur, kif ukoll il-bilanċ ġust bejn id-drittijiet u l-interessi tal-kategoriji differenti ta’ persuni involuti ( 43 ). |
55. |
Hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-effett reali u l-effettività tal-funzjonament tas-sistema ta’ eżenzjoni a priori fil-każ imsemmi fil-kawża prinċipali. Fil-fehma tiegħi, l-imsemmija qorti għandha għal dan l-iskop tivverifika b’mod partikolari serje ta’ elementi, fosthom, fl-ewwel lok, jekk is-sistema ta’ eżenzjoni a priori għandhiex tabilħaqq il-bażi tagħha fil-liġi Awstrijaka, kif isostni l-Austro-Mechana u, fit-tieni lok, jekk il-liġi inkwistjoni tobbligax lill-Austro-Mechana tuża din is-“setgħa li teżenta a priori” b’mod oġġettiv jew jippermettix li jkollha ċertu marġini ta’ diskrezzjonalità fl-applikazzjoni ta’ din is-setgħa. F’dan it-tieni każ fil-fatt iqumu bla dubju kwistjonijiet dwar l-imparzjalità ta’ Austro-Mechana, li jirriżultaw min-natura tagħha ta’ kumpannija privata, għalkemm għandha ċerti aspetti li huma ta’ interess pubbliku, li għandha interess fid-deċiżjoni jekk tagħtix jew le l-eżenzjoni. |
56. |
Fl-aħħar nett, jekk il-qorti tar-rinviju jkollha tikkunsidra li s-sistema ta’ eżenzjoni a priori ma tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq, nistaqsi wkoll, barra minn hekk, jekk liġi li tipprovdi għall-possibbiltà ġenerali ta’ rimbors tistax madankollu titqies li hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni anki jekk tkun tfisser li l-ispejjeż u r-riskju tal-ħlas bil-quddiem ta’ kumpens ġust jiġu addebitati lil persuni li ma humiex obbligati li jħallsuhom. |
57. |
Issa, nemmen li sabiex tiġi stabbilita l-eventwali kompatibbiltà ta’ liġi ta’ dix-xorta mad-dritt tal-Unjoni jeħtieġ li jkun hemm bilanċ, b’riferiment għaċ-ċirkustanzi tal-każ konkret, bejn id-dritt tal-awturi li jiksbu protezzjoni sħiħa tad-drittijiet relatati max-xogħlijiet tagħhom, dritt li jsib l-ogħla espressjoni tiegħu fl-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u d-dritt tal-impriżi li jikkumerċjalizzaw il-mezzi ta’ reġistrazzjoni li ma jinkorrux spejjeż mhux dovuti, dritt li huwa konness mal-libertà tal-impriża rikonoxxuta fl-Artikolu 16 tal-istess Karta. |
58. |
F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja affermat proprju fir-rigward tad-Direttiva 2001/29, li l-Istati Membri huma obbligati, meta jagħmlu t-traspożizzjoni tagħha li jibbażaw fuq interpretazzjoni tagħha li tkun tiggarantixxi bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet fundamentali protetti bis-sistema legali Komunitarja. Barra minn hekk, meta jimplementaw il-miżuri li jittrasponu d-Direttiva, l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istati Membri għandhom mhux biss jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod li jkun konformi magħha, imma wkoll jiżguraw li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni tagħha li tkun f’konflitt mad-drittijiet fundamentali jew ma’ prinċipji ġenerali oħra tad-dritt Komunitarju ( 44 ). |
59. |
F’dan ir-rigward nosserva għal darb’oħra li l-fatt li l-ħlas tal-kumpens ġust jiġi “provviżorjament” addebitat lil persuni li ma humiex obbligati li jħallsuh bil-kundizzjoni li dawn ikunu jistgħu iktar tard jingħataw rimbors għal tali ħlas, huwa inerenti fis-sistema msemmija fis-sentenza Padawan. F’din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, ammettiet li huwa possibbli li l-ħlas tal-kumpens ġust jiġi addebitat lil persuni li ma humiex il-vera debituri tiegħu, imma li mbagħad jgħadduh fuq ix-xerrejja sussegwenti ( 45 ). |
D – Dwar it-tieni domanda preliminari
60. |
Il-qorti tar-rinviju tagħmel it-tieni domanda preliminari għall-eventwalità biss ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda. Fil-fatt din il-qorti ssostni li, fil-każ li għall-ewwel domanda tingħata risposta negattiva u, għalhekk, fil-każ li l-imsemmija qorti kellha tiddikjara l-liġi nazzjonali inkwistjoni bħala inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, madankollu hija għandha, sabiex issolvi l-kwistjoni sottostanti fil-kawża prinċipli, tipprova tidentifika interpretazzjoni ta’ dik il-liġi li tkun konformi mad-Direttiva 2001/29. Naqbel mal-approċċ tal-qorti tar-rinviju ( 46 ). |
61. |
Madankollu, peress li abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li għamilt fit-taqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet sostnejt li l-ewwel domanda jista’ jkollha risposta pożittiva, insostni li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel ma’ dan l-argument, ma jkunx meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda. Għalhekk huwa biss f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja, tadotta approċċ differenti minn dak li qiegħed nirrakkomanda jien, u tagħti risposta negattiva għall-ewwel domanda preliminari li qiegħed nippreżenta l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin. |
62. |
It-tieni domanda preliminari hija maqsuma f’żewġ partijiet. Bl-ewwel parti (punt 2.1), il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk hemmx kumpens ġust skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jekk id-dritt għal remunerazzjoni ġusta previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni jeżistix biss fir-rigward tat-tqegħid fis-suq tal-mezzi ta’ reġistrazzjoni għal persuni fiżiċi li jużawhom għal skopijiet privati. Kif ġie osservat mill-partijiet kollha li intervjenew u ppreżentaw osservazzjonijiet dwar it-tieni domanda, din id-domanda ma tistax tingħata risposta affermattiva. F’dan ir-rigward huwa biżżejjed, fil-fatt li jiġi rrilevat li mit-test innifsu tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li meta l-mezzi ta’ reġistrazzjoni jitqiegħdu fis-suq għal persuni fiżiċi li jużawhom għal skopijiet privati, ikun hemm l-obbligu tal-ħlas ta’ kumpens ġust. |
63. |
It-tieni parti tat-tieni domanda preliminari (punt 2.2), li għandha titwieġeb biss fil-każ ta’ tweġiba affermattiva għall-ewwel parti, għall-kuntrarju tqanqal interess ikbar. B’din id-domanda l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk fil-każ ta’ tqegħid fis-suq ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni għall-persuni fiżiċi, għandux jiġi preżunt, sakemm ma jkunx hemm prova kuntrarja, li dawn se jużawhom għal skopijiet privati. |
64. |
Issa, kif jirriżulta mill-punt 32 iktar ’il fuq, fis-sentenza Padawan li ġiet iċċitata kemm-il darba, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà affermat li jekk il-mezzi ta’ reġistrazzjoni jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ persuni fiżiċi għal skopijiet privati, jista’ jiġi preżunt li dawn jużawhom għal skopijiet ta’ riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti mid-dritt tal-awtur. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi fis-sustanza jekk din il-preżunzjoni tistax tiġi estiza peress li jekk il-mezzi ta’ reġistrazzjoni jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ persuni fiżiċi jista’ jiġi preżunt li dawn se jużawhom għal skopijiet privati (u għalhekk, skont il-preżunzjoni msemmija fil-punt 32 iktar ’il fuq, jekk jistax jiġi preżunt li dawn se jużawhom biex jirriproduċu xogħlijiet protetti). |
65. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-ratio tal-preżunzjoni rrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 54 sa 56 tas-sentenza Padawan jinstab fil-fatt li, fil-konkret, huwa prattikament impossibbli li jiġi stabbilit jekk il-persuni fiżiċi jużawx jew le l-mezz ta’ reġistrazzjoni mixtri għar-riproduzzjoni, għal skopijiet privati, ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur bl-obbligu li jirriżulta li jħallsu l-kumpens ġust. Huwa minħabba din l-impossibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li jekk persuna fiżika takkwista l-mezz ta’ reġistrazzjoni għal skopijiet privati jista’ jiġi preżunt li hija se tużah biex tirriproduċi xogħlijiet protetti. Madankollu, f’dan il-kuntest, insostni li t-tħaddim ta’ din il-preżunzjoni fil-prattika jista’ jiġi ppreġudikat jekk wieħed ma jkunx jista’ jassumi li, sakemm ma tiġix prodotta prova kuntrarja, mill-mument li persuna fiżika tixtri mezz ta’ reġistrazzjoni din se tużah għal skopijiet privati. Fil-fatt, kieku dan ma kienx il-każ, kull darba li persuna fiżika tixtri mezz ta’ reġistrazzjoni din tibqa’ fi stat ta’ inċertezza dwar liema użu tagħmel minnu u, għalhekk, dwar l-eżistenza jew le tal-obbligu li jitħallas il-kumpens ġust ( 47 ). |
66. |
Għaldaqstant, fid-dawl tar-raġunament espost iktar ’il fuq, għandha tingħata tweġiba affermattiva għat-tieni parti tat-tieni domanda preliminari. Madankollu, kif diġà ġie speċifikat fil-punt 45 iktar ’il fuq, huwa xorta waħda meħtieġ li l-preżunzjoni dwar l-użu tal-mezz ta’ reġistrazzjoni għal skopijiet privati f’każ ta’ xiri minn persuna fiżika titqies bħala preżunzjoni konfutabbli. Il-persuna fiżika nnifisha jew il-persuna li għandha l-obbligu li tħallas il-kumpens ġust għalhekk għandha tkun tista’ turi, għall-iskopijiet ta’ eżenzjoni a priori mill-ħlas tal-kumpens ġust jew ir-rimbors eventwali tiegħu, li l-persuna fiżika xtrat il-mezz ta’ reġistrazzjoni għal skopijiet manifestament differenti mir-riproduzzjoni ta’ kopji privati jew mill-użu tal-mezz ta’ reġistrazzjoni għal skopijiet oħra suġġett għal ħlas tal-kumpens ġust. F’dak il-każ ma hemmx dubju li l-ħlas tal-kumpens ġust ma jkunx dovut. |
E – Dwar it-tielet domanda preliminari
1. Osservazzjonijiet ġenerali u ammissibbiltà
67. |
Bit-tielet domanda preliminari, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda jew għat-tieni domanda (sub 2.1), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, jew minn xi dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni, jirriżultax li ma hemmx dritt għall-għoti ta’ kumpens ġust li għandu jiġi infurzat minn soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur fejn l-imsemmija soċjetà hija obbligata bil-liġi li tgħaddi nofs l-introjtu mhux lill-benefiċjarji leġittimi, imma lil istituzzjonijiet soċjali u kulturali. |
68. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk bl-obbligu impost bl-Artikolu 13 tal-VerwGesG fuq soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur li joħolqu istituzzjonijiet għal skopijiet soċjali jew kulturali għad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u li jħallsu nofs dan l-introjtu ġġenerat mir-“remunerazzjoni fil-forma ta’ cassettes vojta” jista’ jagħmel is-sistema Awstrijaka tar-remunerazzjoni ġusta inkompatibbli mal-kunċett tal-kumpens ġust imsemmi fid-Direttiva 2001/29. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha żewġ dubji. Minn naħa, l-awturi jkollhom jikkuntentaw li jirċievu fi flus kontanti n-nofs biss tal-kumpens għall-ħsara li jkunu sofrew bl-użu tax-xogħlijiet tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għad-diskriminazzjoni de facto li tista’ tkun possibbli bejn awturi Awstrijaċi u barranin rigward il-possibbiltà li jużaw l-imsemmija istituzzjonijiet soċjali jew kulturali. |
69. |
Fir-rigward ta’ din id-domanda preliminari jeħtieġ l-ewwel nett li jiġu ċċarati ċerti kwistjonijiet dwar l-ammissibbiltà tagħha. |
70. |
L-ewwel nett inqis li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajjma mill-Gvern Awstrijak fir-rigward ta’ din id-domanda minħabba li, kif tirrikonoxxi l-istess qorti tar-rinviju, din ma għandha l-ebda rilevanza għall-eżitu tal-kawża prinċipali, għandha tiġi miċħuda. F’dan ir-rigward minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fid-dawl tal-preżunzjoni tar-rilevanza li għandu jkollhom id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwarhom biss meta jkun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda relazzjoni mal-fatti attwali jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta d-domanda tkun ta’ tip ipotetiku jew, ukoll, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji biex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 48 ). Madankollu, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li l-qorti tar-rinviju ma teskludix il-possibbiltà li jekk il-liġi nazzjonali eventwalment tiġi ddikjarata inkompatibbli mad-Direttiva 2001/29, wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tat risposta għat-tielet domanda, din jista’ jkollha bħala konsegwenza r-rifjut tad-domanda attriċi fil-kawża prinċipali. Għalhekk huwa ċar li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-kwistjoni tista’ tkun deċiżiva għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Għalhekk din id-domanda għandha fil-fehma tiegħi tiġi kkunsidrata ammissibbli. |
71. |
It-tieni nett, min-naħa l-oħra nqis li t-tielet domanda għandha tiġi ddikjarata inammissibbli sa fejn din tirreferi mingħajr distinzjoni għal kwalunkwe “dispożizzjoni oħra tal-liġi tal-Unjoni Ewropea”. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li domanda li hija wisq ġenerika ma tagħtix lok għal soluzzjoni utli ( 49 ). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, f’talba għal deċiżjoni preliminari huwa indispensabbli li l-qorti tar-rinviju, minn naħa, tindika r-raġunijiet preċiżi li wassluha biex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ xi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u ssostni li huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar tali dispożizzjonijiet, u min-naħa l-oħra, li tipprovdi minimu ta’ spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għall-għażla tal-liġijiet tal-Unjoni li tagħhom qiegħdha titlob l-interpretazzjoni u dwar il-konnessjoni bejn dawn u l-liġi nazzjonali applikabbli għat-tilwima ( 50 ). Minn dawn ir-rekwiżiti jirriżulta li rinviju ġeneriku u li ma jkunx immotivat dwar kwalunkwe “dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni” bħal dik li tinsab fit-tielet domanda preliminari ma tistax tkun ikkunsidrata ammissibbli. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkonferamata mill-kliem tal-Artikolu 94(ċ) introdott fir-Regoli tal-Proċedura l-ġodda tal-Qorti tal-Ġustizzja li jgħid li, t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi kemm l-espożizzjoni tal-motivi li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dawar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjonijiet partikolari tad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn l-imsemmija dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali. |
72. |
Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi biss dwar dawk l-aspetti tad-domanda preliminari li jikkonċernaw id-Direttiva 2001/29 kif indikati fid-digriet tar-rinviju. Madankollu ma huwiex meħtieġ, fil-fehma tiegħi, li tingħata deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-argumenti varji li saru mill-partijiet, sa fejn il-qorti nazzjonali ma qajjmet ebda kwistjoni f’dan ir-rigward ( 51 ). |
2. Dwar il-mertu tat-tielet domanda preliminari
73. |
Rigward il-mertu ta’ din id-domanda preliminari, jeħtieġ li jiġi osservat li dak li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sustanza huwa, jekk l-eventwali nuqqas ta’ konformità mad-Direttiva 2001/29 ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-ħlas ta’ nofs il-kumpens ġust mhux direttament lill-awturi imma lill-istituzzjonijiet soċjali u kulturali li jwettqu attivitajiet favur tagħhom jistax jeżenta lid-debitur mill-ħlas tal-kumpens ġust dovut. |
74. |
F’dan ir-rigward, preliminarjament nosserva li mill-prinċipji msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja, mfakkra fil-punti 27 u 28 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-kunċett ta’ kumpens ġust huwa definit f’termini ta’ kumpens lill-awtur għall-ħsara li huwa sofra bir-riproduzzjoni tax-xogħol tiegħu mingħajr awtorizzazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li mill-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni jipprovdi li d-dritt tal-awtur għall-kumpens ġust huwa dritt irrinunzjabbali. Għalhekk, l-awtur għandu neċessarjament jirċievi l-ħlas ( 52 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv u li għalhekk ma tistax tkun estiża lil hinn minn dak li huwa stipulat b’mod ċar mid-dispożizzjoni inkwistjoni u ma tistax għalhekk tkun applikata għad-drittijiet għar-remunerazzjoni tal-awtur ( 53 ). Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, l-Istati Membri huma suġġetti għal obbligu li jinkisbu riżultati fir-rigward tal-irkupru tal-kumpens ġust biex jikkumpensaw lid-detenturi tad-drittijiet affettwati mill-ħsara mġarrba fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru ( 54 ). |
75. |
Issa, fil-fehma tiegħi huwa korollarju loġiku ta’ dawn il-prinċipji li joħorġu mill-ġurisprudenza li d-dritt għall-kumpens ġust, dritt irrinunzjabbli u neċessarju, għandu jkun effettiv. Dispożizzjoni tad-dritt intern li tillimita l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, anki jekk tnaqqas biss parti minn dan il-kumpens lil dawk li għandhom dritt għalih ma hijiex, għalhekk, fil-fehma tiegħi, kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni ( 55 ). |
76. |
Madankollu, wara li ntqal dan, ma hemm l-ebda element, la fid-dritt tal-Unjoni u lanqas fil-ġurisprudenza, li jwassalni biex insostni li l-Istati Membri għandhom ikunu obbligati li jillikwidaw fi flus kontanti lill-awturi l-kumpens ġust kollu jew li jipprekludi lill-Istati Membri milli jipprovdu li parti minn dan il-kumpens tingħata fil-forma ta’ kumpens indirett. Il-provvediment fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ forom ta’ kumpens indirett lill-awturi fil-fehma tiegħi bl-ebda mod ma huwa minnu nnifisu kuntrarju għall-kunċett ta’ kumpens ġust. Bl-istess mod, insostni li ma hijiex minnha nnifisha kuntrarja għall-kunċett ta’ kumpens ġust il-possibbiltà li jiġi pprovdut li parti minn dan il-kumpens ġust issir permezz ta’ forom ta’ kumpens kollettiv lill-awturi kollha kemm huma ( 56 ). |
77. |
Ċertament, sistema li tipprevedi li t-totalità tal-ħlas tal-kumpens ġust issir fil-forma ta’ kumpens indirett jew kollettiv tirriskja li ma tkunx kompatibbli mar-rekwiżit tal-effettività sottostanti l-kunċett stess tal-kumpens ġust. Għalhekk, tqum il-kwistjoni ta’ sa fejn forom ta’ kumpens indirett huma ammissibbli sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-kumpens ġust. |
78. |
F’dan ir-rigward, nosserva, madankollu, li l-forom u l-metodi ta’ distribuzzjoni tal-kumpens ġust minn entitajiet li jirċievu l-ħlas ma humiex speċifikament irregolati mid-dritt tal-Unjoni b’tali mod li l-Istati Membri għandhom ċertu marġini ta’ diskrezzjonalità fid-determinazzjoni tagħhom, fil-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tieħu post l-Istati Membri fid-determinazzjoni ta’ dawn il-form u metodi peress li d-Direttiva 2001/29 ma timponi fuqhom ebda kriterju partikolari f’dan ir-rigward ( 57 ), ħlief dak tal-effettività tal-kumpens ġust. |
79. |
F’dak li jirrigwarda, speċifikament, l-attivitajiet li jsiru minn istituzzjonijiet maħluqa u ffinanzjati skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, nemmen li benefiċċji ta’ protezzjoni soċjali favur l-awturi b’mod ġenerali u favur il-familji tagħhom jistgħu jkunu, mingħajr dubju, it-tipi ta’ kumpens indirett u kollettiv kompatibbli mal-kunċett ta’ kumpens ġust u mal-iskopijiet proprji tad-Direttiva 2001/29 ( 58 ). Fil-fehma tiegħi kunsiderazzjonijiet simili jgħoddu wkoll għall-attivitajiet ta’ promozzjoni kulturali li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju, minbarra għall-protezzjoni u għall-iżvilupp tal-kultura b’mod ġenerali, konformi mal-għanijiet kemm tal-TFUE ( 59 ) u tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur innifsu ( 60 ), anki direttament għall-awturi nfushom fil-forma ta’ promozzjoni, ftit jew wisq speċifika, tax-xogħlijiet tagħhom. |
80. |
Għal dak li jirrigwarda d-diskriminazzjoni possibbli bejn awturi Awstrijaċi u awturi barranin fir-rigward tal-benefiċċju ta’ dawn il-forom possibbli ta’ kumpens indirett, fil-fehma tiegħi hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk din effettivament tkunx teżisti jew le fil-konkret. Madankollu, insostni li fil-każ fejn l-aċċess għal dawn il-benefiċċji soċjali jkun miftuħ b’mod indiskriminat għall-awturi kollha, Awstrijaċi jew barranin, u fil-każ fejn il-benefiċċji kulturali jkunu forma effettiva ta’ kumpens indirett tali li jkun ta’ benefiċċju b’mod indiskriminat, anki jekk mhux bilfors b’mod ekwivalenti, kemm għall-awturi nazzjonali u anki għal dawk barranin, ma jkunx hemm diskriminazzjoni li tista’ tagħmel il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. |
81. |
Fl-aħħar nett, biex inwieġeb b’mod speċifiku għall-kwistjoni li tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju, irrid nirrileva wkoll li, kieku kellu jiġi aċċettat li kwistjoni dwar it-tqassim tal-kumpens ġust kellha tirriżulta fil-ħelsien mill-obbligu li dan jitħallas mid-debitur, ir-riżultat ikun li l-awturi ma jkunu bl-ebda mod ikkumpensati għall-ħsara li jkunu sofrew fir-rigward tal-mezzi ta’ reġistrazzjoni mibjugħa fil-każ konkret. Fil-fehma tiegħi riżultat ta’ din ix-xorta jidher li huwa minnu nnifsu kontra d-dritt tal-Unjoni u għalhekk huwa inaċċettabbli ( 61 ). |
82. |
Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, fil-każ ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-dħul kollu mill-ħlas tal-kumpens ġust huwa intiż li jkun ta’ benefiċċju għall-awturi, nofsu bħala kumpens dirett u n-nofs l-ieħor bħala kumpens indirett, ir-risposta għad-domanda preliminari intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk id-debitur huwiex meħlus mill-obbligu li jħallas il-kumpens ġust tista tkun biss negattiva. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, u b’liema mod, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinvolvix effettivament forom ta’ kumpens indirett lill-awturi ( 62 ). |
F – Dwar ir-raba’ domanda preliminari
83. |
Bir-raba’ domanda preliminari tagħha l-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi jekk l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, jew xi dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni, jipprekludux id-dritt li jiġi pprovdut kumpens ġust, jekk ikun diġà tħallas fi Stat Membru ieħor kumpens simili għat-tqegħid fis-suq ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni. |
84. |
Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li din il-kwistjoni hija bbażata fuq l-argument imressaq mill-kumpanniji tal-grupp Amazon, konvenuti fil-kawża prinċipali, li jgħid li huma diġà ħallsu fil-Ġermanja ammont bħala kumpens ġust għal parti mill-mezzi ta’ reġistrazzjoni kkummerċjalizzati fl-Awstrija. Għalhekk dawn il-kumpanniji jsostnu li, peress li t-tieni ħlas bħala kumpens ġust huwa illeġittimu, dawn ma humiex obbligati jagħmlu dan il-ħlas fl-Awstrija ( 63 ). |
85. |
F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi osservat b’mod preliminari li, skont il-kunsiderazzjonijiet li għamilt fil-punti 71 u 72 iktar ’il fuq, anki r-raba’ domanda preliminari fil-fehma tiegħi għandha tiġi ddikjarata parzjalment inammissibbli sa fejn din tagħmel riferiment ġeneriku għal kwalunkwe “dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni”. Anki għal din id-domanda għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi biss dwar dawk l-aspetti indikati fid-digriet tar-rinviju mingħajr ma għandha għalfejn tiddeċiedi dwar id-diversi argumenti mressqa mill-partijiet, imma li ma tqajjmux mill-qorti nazzjonali. |
86. |
Fil-mertu, insostni li, bħala prinċipju, il-ħlas doppju tal-kumpens ġust għall-istess mezz ta’ reġistrazzjoni ma huwiex ammissibbli. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 27 u 28 iktar ’il fuq, imsemmija kemm-il darba fil-konklużjonijiet preżenti, jirriżulta li l-kumpens ġust jikkorrispondi bħala korrispettiv tal-ħsara li sofra l-awtur minħabba r-riproduzzjoni mhux awtorizzata tax-xogħol. Madankollu, fil-fehma tiegħi hija konsegwenza loġika ta’ din it-tifsira tal-kunċett ta’ kumpens ġust li, bħala prinċipju, il-kumpens għandu jsir darba waħda biss b’riferiment għall-użu ta’ kull mezz ta’ reġistrazzjoni għar-riproduzzjoni suġġetta għall-ħlas tal-kumpens xieraq. Ma hemm l-ebda raġuni li tiġġustifika l-ħlas ta’ kumpens ġust darbtejn. Għalhekk fil-fehma tiegħi ma huwiex aċċettabbli l-argument li sar mill-Gvern Pollakk li d-diskrezzjoni mħollija lill-Istati Membri, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-kumpens ġust, ma hijiex ta’ ostaklu għall-ħlas tat-tieni ħlas bħala kumpens ġust għall-istess mezz ta’ reġistrazzjoni ( 64 ). |
87. |
Madankollu, wara li ntqal dan, ma nistax ma nirrilevax, kif wara kollox għamlet il-qorti tar-rinviju, li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ obbligu li l-Istat Membru fejn tkun saret il-ħsara jikseb riżultati fil-ġbir ta’ kumpens ġust biex jiġu kkumpensati l-awturi għall-ħsara li tkun saret bl-użu tax-xogħol. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, iddikjarat li, jekk Stat Membru jkun introduċa eċċezzjoni ta’ kopja privata fid-dritt nazzjonali tiegħu, u jekk l-utenti finali li jagħmlu, privatament, ir-riproduzzjoni ta’ xogħol protett jgħixu fit-territorju tiegħu, dan l-Istat Membru huwa obbligat li jiżgura, skont il-kompetenza territorjali tiegħu, ħlas effettiv tal-kumpens ġust bħala kumpens għad-dannu mġarrab mill-awturi fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru ( 65 ). |
88. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, minn naħa, li jista’ jiġi preżunt li l-ħsara li għandha tiġi kkumpensata saret fit-territorju tal-Istat Membru fejn jgħixu l-utenti finali li jwettqu r-riproduzzjoni tax-xogħol u li jikkawżaw għalhekk il-ħsara ( 66 ) u, min-naħa l-oħra, li s-sempliċi fatt li l-bejjiegħ professjonali tal-mezzi ta’ reġistrazzjoni għar-riproduzzjoni jkun stabbilit fi Stat Membru differenti minn dak fejn jgħixu x-xerrejja ma għandu l-ebda effett fuq dan l-obbligu li jinkisbu riżultati impost fuq l-Istati Membri ( 67 ). |
89. |
Issa, fil-każ preżenti ma hemmx dubju li, peress li l-mezzi ta’ reġistrazzjoni inxtraw mill-utenti finali fl-Awstrija, il-ħsara li għandha tiġi kkumpensata permezz tal-ħlas tal-kumpens ġust seħħet f’dan il-pajjiż. Għalhekk skont il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq l-awtorità Awstrijaka għandha l-obbligu li tiggarantixxi l-ġbir effettiv tal-kumpens ġust biex jiġu kkumpensati l-awturi għall-ħsara li sofrew fl-Awstrija. F’dan il-kuntest, debitur tal-kumpens ġust ma jistax għalhekk, fil-fehma tiegħi, jippretendi li jista’ jillibera ruħu mill-obbligu tal-ħlas tiegħu fl-Awstrija billi jsostni li huwa diġà ħallas dan fi Stat Membru ieħor fejn ma tkunx seħħet il-ħsara lill-awtur li tiġġustifika l-ħlas. Fil-każ li l-ħlas ta’ ammont għal dan l-iskop ikun seħħ verament fi Stat Membru ieħor, id-debitur għandu jirkupra dan l-ammont fl-Istat Membru inkwistjoni permezz tar-rimedji previsti minn dik is-sistema legali. |
90. |
Il-kumpanniji tal-grupp Amazon isostnu li fil-Ġermanja huma ma jistgħux jasserixxu ebda dritt biex jirkupraw il-ħlas tal-kumpens ġust li jkun diġà tħallas għal ċerti mezzi ta’ reġistrazzjoni li sussegwentement ikunu ġew ikkummerċjalizzati fl-Awstrija. Madankollu l-Istat Membru fejn ikun seħħ il-ħlas mhux dovut għandu jiggarantixxi lil dawk li mhux obbligati jħallsu l-kumpens ġust il-possibbiltà xierqa li jiksbu, jekk meħtieġ permezz ta’ kawżi quddiem il-qrati nazzjonali, ir-rimbors tal-ħlasijiet bħala kumpens ġust mhux dovut. |
91. |
Ċertament, jekk fil-każ preżenti tabilħaqq seħħ ħlas doppju tal-kumpens ġust, jidhirli li dan ikun konsegwenza mhux mixtieqa tal-livell insuffiċjenti ta’ koordinament bejn il-liġijiet tal-Istati Membri, riżultat ta’ nuqqas ta’ armonizzazzjoni tas-sistema tal-kumpens ġust. Huwa d-dmir tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jintervjeni biex isaħħaħ il-livell ta’ armonizzazzjoni bejn il-liġijiet nazzjonali, bl-iskop li jiġi evitat li jinħolqu sitwazzjonijiet ta’ din ix-xorta fil-futur ( 68 ). |
V – Konklużjoni
92. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi skont kif ġej għad-domandi preliminari tal-Oberster Gerichtshof:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.
( 2 ) Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230). Ara b’mod partikolari il-premessa 2 ta’ din id-direttiva.
( 3 ) Ara l-premessa 1 tad-Direttiva 2001/29 kif ukoll is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2006, Laserdisken (C-479/04, Ġabra p. I-8089, punti 26 u 31-34), u tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan (C-467/08, Ġabra p. I-10055, punt 35).
( 4 ) Ara l-premessi 5, 6, 7, 39 u 47 tad-Direttiva 2001/29, kif ukoll il-punt 29 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston ippreżentati fl-24 ta’ Jannar 2013 fil-kawżi VG Wort, Fujitsu Technology Solutions, Hewlett-Packard (C-457/11 sa C-460/11).
( 5 ) Għal iktar kunsiderazzjonijiet u referenzi f’dan ir-rigward ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak ippreżentati fil-11 ta’ Mejju 2010 fil-kawża Padawan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punti 41-44.
( 6 ) Ara, f’dan ir-rigward il-kunsiderazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-punti 28 u 30 tal-konklużjonijiet tagħha fil-kawżi VG Wort et (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4).
( 7 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi Padawan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3), tas-16 ta’ Ġunju 2011, Stichting de Thuiskopie (C-462/09, Ġabra p. I-5331) u tad-9 ta’ Frar 2012, Luksan (C-277/10).
( 8 ) Minbarra din il-kawża u l-kawżi VG Wort et (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), il-Qorti tal-Ġustizzja fil-futur immedjat se tissejjaħ biex tieħu pożizzjoni dwar kwistjonijiet preliminari li jikkonċernaw il-kumpens ġust skont id-Direttiva 2001/29 fil-kawżi, ACI Adam BV (C-435/12) u Copydan Båndkopi (C-463/12).
( 9 ) Komunikat Stampa tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Diċembru 2012 (Memo/12/950). F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li proprju l-kwistjoni tal-kumpens ġust, is-suġġett tal-kawża preżenti, bir-raġun kienet identifikata mill-Kummissjoni bħala waħda mill-kwistjonijiet l-iktar problematiċi li tirregola d-drittijiet tal-awtur li teħtieġ azzjoni immedjata.
( 10 ) Barra minn hekk l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, jissuġġetta l-ħolqien ta’ din l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 1(4)(e) ta’ din id-direttiva għal kundizzjoni trippla, jiġifieri, l-ewwel nett, li din l-eċċezzjoni hija applikabbli biss f’każijiet speċjali, imbagħad, li din ma tippreġudikax l-isfruttament normali tax-xogħol u, finalment, li din ma tikkawżax ħsara mingħajr raġuni lill-interessi leġittimi tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur.
( 11 ) Urheberrechtsgesetz tad-9 ta’ April 1936 (BGBl. Nru 111/1936), kif ġiet emendata sussegwentement. Il-verżjonijiet attwali tal-Artikoli 42 u 42ter tal-UrhG kienu emendati fl-2003 bil-Urheberrechtsgesetz-Novelle 2003 (BGBl. I Nru 32/2003) li kienet użata biex tiġi trasposta fid-dritt Awstrijak id-Direttiva 2001/29.
( 12 ) Il-Liġi tat-13 ta’ Jannar 2006 (BGBl. I Nru 9/2006).
( 13 ) Il-qorti tar-rinviju tosserva li, minkejja li s-sentenza li għandha quddiemha tikkonċerna biss il-kwistjoni tal-obbligu li tipprovdi informazzjoni dwar il-kontabbiltà bil-għan li tiġi kkwantifikata t-talba għall-ħlas, din il-kwistjoni hija strettament konnessa ma’ dik tal-eżistenza tad-dritt għall-ħlas ta’ remunerazzjoni xierqa skont il-liġi Awstrijaka.
( 14 ) Il-kunċett ta’ “kumpens ġust” jissemma f’diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29. Minbarra l-Artikolu 5(2)(b) tagħha, li tagħmel riferiment għalih il-qorti tar-rinviju fid-domandi preliminari tagħha, il-kumpens ġust lill-benefiċjarji huwa previst ukoll anki għall-eċċezzjonijiet skont l-Artikolu 5(2)(a) u (e), kif ukoll f’diversi premessi tad-direttiva nnifisha.
( 15 ) Dawn jikkonċernaw b’mod partikolari l-każijiet ta’ użu personali għal skopijiet ta’ riċerka, ta’ informazzjoni ġurnalistika, ta’ tagħlim fl-iskejjel u fl-universitajiet kif ukoll għal skopijiet ta’ self lill-pubbliku. Ara rispettivament l-Artikolu 42(2), (3), (6) u (7) tal-UrhG.
( 16 ) Fil-fatt mill-premessa 36 tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal kumpens ġust lid-detenturi tad-drittijiet anki meta japplikaw dispożizzjonijiet mhux obbligatorji dwar eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet li ma jinħteġux dan il-kumpens.
( 17 ) Dwar l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ liġi nazzjonali mad-Direttiva 2001/29, nagħmel riferiment għall-kunsiderazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-punti 37 u 38 tal-konklużjonijiet fil-kawżi VG Wort et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4).
( 18 ) F’dan il-każ, huwa ċar li l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 42(2), (3), (6) u (7) tal-UrhG, filwaqt li wħud minnhom ifakkruk f’dawk previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 [ara b’mod partikolari l-Artikolu 5(2)(ċ) u (3)(a) u (ċ)], dawn ma humiex eżatt bħalhom. Madankollu, sal-punt li dawn jipprovdu għar-rekwiżit li l-użu li jsir mix-xogħol għall-iskop indikat ikun għal “użu personali”, dawn l-eċċezzjonijiet jidhru li għandhom ambitu ta’ applikazzjoni iktar ristrett mill-eċċezzjonijiet relattivi previsti fid-Direttiva.
( 19 ) Sentenza Padawan, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 33 u 37.
( 20 ) Ara s-sentenzi Padawan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punti 40 u 42 u Stichting de Thuiskopie (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7) punt 24. F’dan ir-rigward ara l-premessa 35 tad-Direttiva 2001/29 li minnha jirriżulta li, meta jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta’ kull każ, il-kriterju tal-ħsara mġarrba mid-detenturi tad-dritt tal-awtur li tirriżulta mill-użu tal-materjal protett jikkostitwixxi kriterju validu f’każ ta’ eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet fejn huwa previst kumpens ġust, u għalhekk, mhux biss fil-każ ta’ eċċezzjoni ta’ kopja privata.
( 21 ) Ara s-sentenzi Padawan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punt 43 u Stichting de Thuiskopie (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7), punt 25.
( 22 ) Ara s-sentenzi Padawan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punti 44 u 45 Stichting de Thuiskopie (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7), punt 26.
( 23 ) Il-premessa 35 tad-Direttiva 2001/29.
( 24 ) Ara s-sentenzi Padawan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punt 46 u Stichting de Thuiskopie (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7) punt 27.
( 25 ) Ara s-sentenzi Padawan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punti 48 u 49 u Stichting de Thuiskopie (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7) punt 28.
( 26 ) Ara s-sentenzi Padawan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punti 52 u 53.
( 27 ) Sentenzi Padawan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punti 54 sa 56.
( 28 ) Ara speċifikament punt 53 ta’ din is-sentenza u l-punt 31 iktar ’il fuq.
( 29 ) Il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll il-każ ta’ riproduzzjonijiet illegali li jsiru bi ksur tad-drittijiet tal-awtur li għalihom, fil-fehma tagħha, ma jistax jeżisti ovvjament ebda dritt ta’ rimbors tal-kumpens ġust. Skont il-qorti tar-rinviju mit-termini tal-Artikolu 5(2) jew (3) tad-direttiva ma jirriżultax li dan l-artikolu ma jippermettix il-ħlas ta’ kumpens ġust għal tali tipi ta’ mġiba illegali. Fil-fehma tiegħi ma huwiex meħtieġ li wieħed jippronunzja ruħu għall-iskopijiet tal-kawża preżenti dwar ir-relazzjoni bejn kopji illegali u kumpens ġust. Din il-kwistjoni se tkun is-suġġett għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi ACI Adam BV u Copydan Båndkopi (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 hawn fuq). Madankollu ma nsib li hemm ebda bażi għal dawn l-argumenti mressqa mill-kumpanniji tal-grupp Amazon maħsuba biex jeċċepixxu l-illegalità tal-liġi nazzjonali inkwistjoni peress li din tippermetti li jiġi impost kumpens ġust għall-ħsara kkawżata lill-awtur meta saru kopji illegali tax-xogħol.
( 30 ) Ara l-premessa 36 tad-Direttiva msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 iktar ’il fuq.
( 31 ) Il-qorti tar-rinviju ssostni, fil-fatt, li min juża t-tagħmir biex jirreġistra data ġġenerata minnu stess, ma jistax jiġi ttrattat b’mod inqas favorevoli minn min juża t-tagħmir biex jirriproduċi data ġġenerata minn terzi persuni bil-kunsens tagħhom.
( 32 ) ĠU L 376, p. 28. Din id-direttiva ħassret id-Direttiva tal-Kunsill Nru 92/100/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120).
( 33 ) Sentenza tas-6 ta’ Frar 2003, SENA (C-245/00, Ġabra p. I-1251, punti 22 u 24).
( 34 ) Ara s-sentenza Padawan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3), u punt 26 iktar ’il fuq.
( 35 ) Anzi dan jidher li ġie espressament previst fil-premessa 38 tad-Direttiva 2001/29 li tipprevedi għall-possibbiltà li jiġu introdotti jew li jinżammu sistemi ta’ “remunerazzjoni” bħala kumpens ġust. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ “remunerazzjoni” għandu l-istess skop bħal dak tal-“kumpens”, jiġifieri dak li jintroduċi indenizz għall-awturi biex jikkumpensa għall-ħsara li ssir lil dawn tal-aħħar. Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, VEWA (C-271/10, Ġabra p. I-5815, punt 29), kif ukoll is-sentenza Luksan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7), punt 34.
( 36 ) Ara s-sentenza Padawan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 37).
( 37 ) Fil-fatt, din tippermetti t-tħaddim ta’ sistema li tissimplifika l-ġbir u t-tqassim tal-qligħ għall-vantaġġ, bħala prinċipju, kemm tad-dententuri tad-drittijiet u tad-debituri ta’ qligħ bħal dan.
( 38 ) Ara punti 31 u 34 iktar ’il fuq; ara s-sentenza Padawan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punt 53.
( 39 ) Effettivament, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tas-sistema ta’ koperazzjoni ġudizzjarja stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE, huma l-qrati tal-Istati Membri li għandhom jinterpretaw il-liġijiet nazzjonali u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, pereżempju, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2007, International Mail Spain (C-162/06, Ġabra p. I-9911, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 40 ) Ara l-punt 28 iktar ’il fuq.
( 41 ) Fil-ġurisprudenza vasta dwar dan ara s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Varzim Sol (C-25/11, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 27 u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).
( 42 ) Dwar l-argument imqajjem mir-rappreżentanti tal-kumpanniji Amazon li l-possibbiltà ta’ “eżenzjoni a priori” ma tirriżultax mid-digriet tar-rinviju, insostni li kemm mill-proċess kif ukoll mit-trattazzjoni li saret waqt is-seduta jirriżulta li l-effett tas-sistema ta’ rimbors prevista mil-liġi li tagħmel riferiment għaliha t-tielet parti tal-ewwel domanda preliminari, fil-prattika huwa ridott kunsiderevolment bl-eżistenza ta’ tali possibbiltà ta’ eżenzjoni a priori. L-eżistenza ta’ din il-possibbiltà, element li jirriżulta b’mod ovvju mill-proċess, tikkostitwixxi fil-fehma tiegħi punt ta’ liġi u ta’ fatt li ma jistax jiġi injorat fl-analiżi li ssir mill-Qorti tal-Ġustizzja.
( 43 ) Skont il-premessi 9 u 31 tad-Direttiva 2001/29.
( 44 ) Ara s-sentenzi tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C-275/06, Ġabra p. I-271, punt 68) u, iktar reċenti fir-rigward ta’ direttivi oħra, tad-19 ta’ April 2012, Bonnier Audio et (C-461/10, punt 56).
( 45 ) Is-sentenza Padawan (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 46). Piż ta’ din ix-xorta jista’ jitqies li fis-sustanza huwa kkunsidrat bħala l-“prezz” li għandu jitħallas għal protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-awtur.
( 46 ) Il-kumpanniji tal-grupp Amazon ma jaqblux mal-approċċ tal-qorti tar-rinviju billi jsostnu li dan imur kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt, fosthom, b’mod speċifiku, dak taċ-ċertezza legali. Madankollu, huwa ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat espliċitament li fid-dawl tal-obbligu tar-riżultat li jimponi fuq l-Istat Membru li jiggarantixxi lill-awturi affettwati l-ħlas effettiv ta’ kumpens ġust bħala kumpens għal ħsara li tkun saret fit-territorju tiegħu (ara hawn taħt il-punti 74 lejn l-aħħar u l-punt 87), “huma l-awtoritajiet ġudizzjarji li għandhom ifittxu li tinghata interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun konformi mal-obbligu ċċitat tar-riżultat, li jiżgura l-ġbir ta’ tali kumpens mill-bejjiegħ li jkun ta sehmu fl-importazzjoni tal-imsemmija mezzi ta’ reġistrazzjoni u qegħdhom għad-dispożizzjoni tal-utenti finali” (ara s-sentenza Stichting de Thuiskopie, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 39). Għalhekk inħoss li l-approċċ tal-qorti tar-rinviju, ma tistax tiġi kkontestata bl-ebda mod u hija, għall-kuntrarju, konformi għal kollox mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
( 47 ) Ħlief għal każ, li fil-fehma tiegħi fil-prattika huwa ftit li xejn probabbli, fejn il-persuna fiżika qabel il-bejgħ tiddikjara sistematikament l-użu li se tagħmel mill-mezz ta’ reġistrazzjoni. De lege ferenda, huwa possibbli li jintużaw metodi li kapaċi jobbligaw persuna fiżika li tagħmel dikjarazzjoni b’tali mod li tali preżunzjoni ma tkunx meħtieġa. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-preżunzjoni tista’ fil-futur tkun limitata bl-iżvilupp jew l-espansjoni ta’ metodi teknoloġiċi għat-tqegħid fis-suq tax-xogħlijiet. Madankollu dawn il-kunsiderazzjonijiet fil-fehma tiegħi jmorru lil hinn mill-kuntest ta’ din il-kawża, li tinkwadra ruħha fi ħdan l-isfond fattwali u legali eżistenti.
( 48 ) Fil-ġurisprudenza abbundanti f’dan is-sens, kien hemm, reċentement, is-sentenzi tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne ASBL (C-41/11, punt 35), u tad-29 ta’ Marzu 2012, SAG ELV Slovensko et (C-599/10, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 49 ) Sentenza tat-28 ta’ Marzu 1979, Beneventi (C-222/78, Ġabra p. 1163, punt 20).
( 50 ) Digriet tat-3 ta’ Mejju 2012, Ciampaglia (C-185/12, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 5 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C-370/12, punt 84).
( 51 ) Sentenzi tal-11 ta’ Ottubru 1990, Nespoli u Crippa (C-196/89, Ġabra p. I-3647, punt 23) u tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et (C-435/97, Ġabra p. I-5613, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 52 ) Sentenza Luksan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7), punti 100, 105 u 108. Korsiv miżjud minni.
( 53 ) Ara s-sentenza Luksan, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 101.
( 54 ) Sentenzi Stichting de Thuiskopie (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7), punt 106. F’dan ir-rigward, ara b’mod partikolari l-punt 87 hawn taħt.
( 55 ) F’dan ir-rigward, ara wkoll il-kunsiderazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak inklużi fil-punti 168 sa 177 tal-konklużjonijiet ippreżentati fis-6 ta’ Settembru 2011 fil-kawża Luksan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7).
( 56 ) Fir-rigward tal-oġġezzjoni possibbli li sistema ta’ din ix-xorta ma tqisx biżżejjed ir-rabta individwali bejn il-ħsara kkawżata lill-awtur u l-kumpens dovut lilu, wieħed jista’ jwieġeb kif osservat il-Kummissjoni, li sistema ta’ remunerazzjoni għal kopja privata hija sistema neċessarjament impreċiża peress li, kif issemma fil-punt 65 preċedenti, fil-prattika, huwa impossibbli li jiġi determinat liema xogħol ġie riprodott minn liema utent u b’liema mezz.
( 57 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza VEWA (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35) punt 35, rigward il-kriterji tad-determinazzjoni tal-ammont tar-remunerazzjoni li jmiss lill-awturi f’każ ta’ self minn istituzzjonijiet pubbliċi skont id-Direttiva 92/100 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32).
( 58 ) F’dan ir-rigward fil-fehma tiegħi huwa elokwenti r-riferiment li jsir fil-premessa 11 tad-Direttiva 2001/29 għaċ-ċirkustanza li wieħed mill-iskopijiet ta’ sistema effiċjenti u rigoruża ta’ protezzjoni tad-dritt tal-awtur hija dik li tiggarantixxi l-awtonomija u d-dinjità lil kreaturi, interpreti u eżekuturi.
( 59 ) Ara l-Artikolu 167(1) TFUE.
( 60 ) Ara pereżempju, il-premessi 9 u 11 tad-Direttiva 2001/29, kif ukoll il-premessa 3 u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/115.
( 61 ) Il-ħtieġa li fil-każ konkret jiġi ggarantit il-ġbir tal-kumpens ġust jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-punt 39 tas-sentenza Stichting de Thuiskopie, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7).
( 62 ) Fil-każ li l-qorti nazzjonali tistabbilixxi effettivament li parti mid-dħul miksub bħala kumpens ġust ma jiġix użat bħala kumpens indirett għall-benefiċċju tal-awturi, insostni li ma huwiex eskluż li l-imsemmija qorti tista’ anki, eventwalment, tnaqqas bħala konsegwenza l-pretensjonijiet attriċi.
( 63 ) Fid-digriet tagħha, il-qorti tar-rinviju turi madankollu li huwa kontroversjali jekk, għal xi wħud mill-mezzi ta’ reġistrazzjoni li sussegwentement jitqegħdu fis-suq fl-Awstrija, effettivament ikunux saru jew le ħlasijiet ta’ kumpens ġust fil-Ġermanja. Il-qorti tal-ewwel istanza ma setgħatx tivverifika dawn il-ħlasijiet u l-qorti tat-tieni istanza ħalliet il-kwistjoni miftuħa billi sostniet li din hija irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża.
( 64 ) Dan l-argument fil-fehma tiegħi huwa eżempju ta’ kif, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tas-sistema tal-kumpens ġust, approċċi tabilħaqq differenti u inkompatibbli bejniethom jistgħu jiġu adottati fil-livell nazzjonali.
( 65 ) Sentenzi Stichting de Thuiskopie (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7), punti 34 u 36, kif ukoll Luksan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7), punt 106. Fil-fehma tiegħi din id-dikjarazzjoni ta’ prinċipju hija indipendenti miċ-ċirkustanza li fil-kawża inkwistjoni l-kumpens ġust kien ġie mħallas jew le. Għalhekk ma huwiex rilevanti l-argument imressaq mill-kumpanniji tal-grupp Amazon li din il-ġurisprudenza ma hijiex applikabbli għall-każ inkwistjoni peress li f’dan il-każ il-kumpens ġust ikun diġà tħallas fi Stat Membru ieħor.
( 66 ) Sentenza Stichting de Thuiskopie, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 35.
( 67 ) Sentenza Stichting de Thuiskopie, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 41.
( 68 ) Huwa f’dan ir-rigward li jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, li wieħed jifhem, fid-dawl tas-sentenza suċċessiva tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dikjarazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen inklużi fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fl-10 ta’ Marzu 2011 fil-kawża Stichting de Thuiskopie (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7).