This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011CC0500
Opinion of Mr Advocate General Wahl delivered on 23 April 2013. # The Queen, on the application of Fruition Po Ltd v Minister for Sustainable Farming and Food and Animal Health. # Reference for a preliminary ruling: High Court of Justice (England & Wales), Queen's Bench Division (Administrative Court) - United Kingdom. # Reference for a preliminary ruling - Regulation (EC) No 2200/96 - Regulation (EC) No 1432/2003 - Agriculture - Common organisation of markets - Fruit and vegetables - Producer organisations - Conditions for recognition by national authorities - Provision of technical resources required for storage, packing and marketing of produce - Whether organisation obliged, in the event of delegation of its tasks to third party companies, to exercise control over those companies. # Case C-500/11.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Wahl - 23 ta' April 2013.
The Queen, fuq talba ta' Fruition Po Ltd vs Minister for Sustainable Farming and Food and Animal Health.
Talba għal deċiżjoni preliminari: High Court of Justice (England & Wales), Queen's Bench Division (Administrative Court) - ir-Renju Unit.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Regolament (KE) Nru 2200/96 - Regolament (KE) Nru 1432/2003 - Agrikoltura - Organizzazzjoni komuni tas-swieq - Frott u ħaxix - Organizzazzjoni tal-produtturi - Kundizzjonijiet ta’ rikonoxximent mill-awtoritajiet nazzjonali - Tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ metodi tekniċi neċessarji għall-ħażna, għall-imballaġġ u għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti - Obbligu għall-organizzazzjoni, fil-każ ta’ delegazzjoni tal-kompiti tagħha lil kumpanniji terzi, li teżerċita kontroll fuq l-imsemmija kumpanniji.
Kawża C-500/11.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Wahl - 23 ta' April 2013.
The Queen, fuq talba ta' Fruition Po Ltd vs Minister for Sustainable Farming and Food and Animal Health.
Talba għal deċiżjoni preliminari: High Court of Justice (England & Wales), Queen's Bench Division (Administrative Court) - ir-Renju Unit.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Regolament (KE) Nru 2200/96 - Regolament (KE) Nru 1432/2003 - Agrikoltura - Organizzazzjoni komuni tas-swieq - Frott u ħaxix - Organizzazzjoni tal-produtturi - Kundizzjonijiet ta’ rikonoxximent mill-awtoritajiet nazzjonali - Tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ metodi tekniċi neċessarji għall-ħażna, għall-imballaġġ u għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti - Obbligu għall-organizzazzjoni, fil-każ ta’ delegazzjoni tal-kompiti tagħha lil kumpanniji terzi, li teżerċita kontroll fuq l-imsemmija kumpanniji.
Kawża C-500/11.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:259
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WAHL
ippreżentati fit-23 ta’ April 2013 ( 1 )
Kawża C‑500/11
Fruition PO Limited
vs
Minister for Sustainable Farming and Food and Animal Health
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice of England and Wales, Queen’s Bench Division (ir-Renju Unit)]
“Organizzazzjoni komuni tas-suq tal-frott u tal-ħxejjex — Regolament (KE) Nru 2200/96 — Artikolu 11 — Organizzazzjonijiet ta’ produtturi — Kundizzjonijiet għar-rikonoxximent — Kontroll fuq l-appaltaturi”
1. |
Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-High Court of Justice of England and Wales, Queen’s Bench Division (ir-Renju Unit), qegħda titlob deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, tat-28 ta’ Ottubru 1996, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħxejjex ( 2 ). |
2. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab, għall-ewwel darba, tinterpreta l-kundizzjonijiet imposti bir-Regolament Nru 2200/96 għar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi (iktar ’il quddiem “OPs”) mill-Istati Membri. Il-punt inkwistjoni huwa, essenzjalment, jekk, u sa fejn, l-OP għandha żżomm il-kontroll fuq l-appaltaturi li tqabbad biex iwettqu l-attivitajiet essenzjali għar-rikonoxximent tagħha bħala OP skont dan ir-regolament (iktar ’il quddiem “l-attivitajiet essenzjali skont ir-Regolament Nru 2200/96”). |
3. |
Storikament, il-leġiżlatura tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“UE”) ikkonċepixxiet l-OPs bħala parteċipanti strateġiċi fis-swieq agrikoli, b’mod speċjali fis-settur tal-frott u tal-ħxejjex. Sabiex tiġi promossa l-formazzjoni tagħhom u jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod favorevoli għall-kisba tar-riżultati mixtieqa, hija pprovdiethom b’għajnuna finanzjarja sinjifikanti. Ir-rekwiżiti rilevanti li l-OP għandhom jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effettiv u jiżguraw li l-finanzjament pubbliku mogħti lilhom ma jitberbaqx, huma — kif ser jintwera iktar ’il quddiem — il-qofol tat-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti. |
I – Il-kuntest legali
4. |
L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2200/96 jipprovdi li r-regolament jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-suq tal-frott u tal-ħxejjex. |
5. |
It-Titolu II tar-Regolament Nru 2200/96, li jinkludi l-Artikoli 11 sa 18, jistabbilixxi r-regoli li jikkonċernaw l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi. |
6. |
L-“organizzazzjoni ta’ produtturi” hija definita fl-Artikolu 11(1) bħala kull entità legali:
|
7. |
L-Artikolu 11(2), min-naħa l-oħra, jipprovdi li: “L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu bħala organizzazzjonijiet ta’ produtturi għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament kull grupp ta’ produtturi li japplika għal dan ir-rikonoxximent, bil-kondizzjoni illi:
|
8. |
Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jinqraw fl-isfond tal-premessi 7 u 16 fil-preambolu tar-Regolament Nru 2200/96, li jipprovdu kif ġej:
|
9. |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1432/2003, tal-11 ta’ Awwissu ( 3 ), jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2200/96 li jikkonċerna l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-organizzzzjonijiet tal-produtturi u għar-rikonoxximent preliminari tal-gruppi tal-produtturi. |
10. |
L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1432/2003, li jikkonċerna l-istrutturi u l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, jipprovdi dan li ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jissodisfaw lilhom infushom illi l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom il-personal, l-infrastruttura u t-tagħmir meħtieġa għalbiex jiksbu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 u għandhom jiżguraw il-funzjonament essenzjali tagħhom [...] 2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kondizzjonijiet li fuqhom organizzazzjoni tal-produtturi tista’ tafda f’idejn partijiet terzi t-twettiq tal-kompiti ddikjarati fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96.” |
11. |
Il-preambolu tar-Regolament Nru 1432/2003, fil-partijiet relevanti tiegħu, jipprovdi:
|
II – Il-fatti, il-proċeduri u domandi preliminari
12. |
Il-proċeduri jikkonċernaw deċiżjoni tal-United Kingdom Rural Payments Agency (iktar ’il quddiem l-“RPA”) li tirtira r-rikonoxximent ta’ Fruition PO Limited (iktar ’il quddiem “Fruition”) bħala OP skont ir-Regolament Nru 2200/96. |
13. |
Il-qorti tar-rinviju tipprovdi li, fl-applikazzjoni tagħha tal-2003 lill-RPA għar-rikonoxximent bħala OP, Fruition ipprovdiet l-informazzjoni li ġejja dwar l-istruttura, it-teħid tad-deċiżjonijiet, l-assi u l-attivitajiet tagħha: “[Fruition] ma għandhiex kumpanija prinċipali jew sussidjarji iżda għandha ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni ma’ Northcourt Group Ltd, kumpanija li l-membri tagħha huma simili ħafna (iżda mhux l-istess bħal) [dawk ta’ Fruition]. Northcourt Group Ltd tuża lil Worldwide Fruit (WWF) (li fiha għandha sehem ta’ 20 %) ( 4 ) bħala l-aġent tagħha tal-kummerċjalizzazzjoni. WWF timpjega persunal fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni, tat-teknoloġija, tal-kwalità, tal-informatika, tal-ippjanar u tal-amministrazzjoni li jipprovdu servizzi lil [Fruition]. [...] Id-deċiżjonijiet kontinwi ta’ politika jittieħdu mill-Bord tad-Diretturi li jiġu nnominati u eletti mill-membri. … Id-drittijiet tal-vot tal-Membri huma bbażati fuq il-kapaċità tagħhom ta’ produzzjoni ma’ [Fruition] iżda huma limitati fil-każ ta’ kwalunkwe membru uniku għal massimu ta’ 10 % tat-total. [...] Il-pjanijiet tal-ħażna, tal-imballaġġ u tal-kummerċjalizzazzjoni jiġu fformulati mill-persunal ta’ WWF u mifthiema minn Northcourt Group u [Fruition]. Il-ħażna u l-imballaġġ għal iżjed minn 100 membru jseħħu f’madwar 30 ħażna ewlenija u 10 postijiet tal-imballaġġ ewlenija, li kollha huma proprjetà ta’ membri individwali [...]” |
14. |
F’Novembru 2003, Fruition applikat għall-finanzjament tal-UE amministrat mill-RPA. F’Diċembru 2003, l-RPA rrikonoxxiet lil Fruition bħala OP skont ir-Regolament Nru 2200/96 u, f’Jannar 2004, il-programm operazzjonali ppreżentat minn Fruition ġie approvat, bir-riżultat li hija ngħatat il-finanzjament tal-UE mitlub. |
15. |
Fl-2005 u l-2006, is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu żewġ verifiki fir-Renju Unit li kkonkludew li numru ta’ OPs kienu naqqsu, f’ċertu rigward, milli jissodisfaw il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent skont ir-Regolament Nru 2200/96. Wara l-verifiki, il-Kummissjoni rrifjutat li tħallas l-għajnuna kollha li kienet ingħatat lill-OPs li jinsabu fir-Renju Unit. Fir-rigward ta’ Fruition, f’komunikazzjoni lill-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-Kummissjoni qalet inter alia: “Il-101 membru ta’ [Fruition] huma l-proprjetarji ta’ kważi 100 % ta’ Northcourt Fruit Ltd. Din il-kumpanija kellha sehem ta’ 50 % f’Worldwide Fruit (WWF). Il-50 % l-oħra jinżammu minn kumpannija li hija proprjetà tal-bdiewa fi New Zealand. Ma hemmx ftehim bejn [Fruition] u din il-kumpanija. WWF tikkummerċjalizza kważi 100 % tal-produzzjoni ta’ [Fruition]. WWF hija responsabbli wkoll mill-organizzazzjoni taċ-ċaqliq, tal-issortjar, tal-imballaġġ u tal-assigurazzjoni tal-kwalità tal-prodott, inkluż il-kontroll ġenerali tal-produzzjoni f’isem [Fruition]. Is-servizzi tekniċi u l-fatturar jitwettqu wkoll minn WWF. [Fruition] tħallas madwar 150,000 GBP lil WWF għal dawn is-servizzi msemmija iktar ’il fuq. Jidher biċ-ċar li WWF tinsab fil-qalba tal-organizzazzjoni kollha u twettaq l-attivitajiet kollha li l-OP għandha normalment twettaq. [...] Is-servizzi tal-Kummissjoni huma tal-opinjoni li [Fruition] ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent għaliex l-attivitajiet tal-organizzazzjoni ta’ produtturi jitwettqu minn WWF mingħajr ma ġiet awtorizzata minn Fruition li tagħmel dan. Flimkien ma’ din il-kwistjoni, jibqa’ l-problema fir-rigward tal-istruttura, jiġifieri li l-membri produtturi ta’ Fruition ma għandhomx vot ta’ maġġoranza fuq id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lil WWF, li tikkontradixxi l-Artikolu 11(1)(d)(3) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96.” |
16. |
Wara l-verifiki tal-Kummissjoni, l-RPA l-ewwel iddeċidiet li tissospendi, u mbagħad li tirtira, ir-rikonoxximent ta’ Fruition bħala OP. |
17. |
Fruition ressqet proċeduri sabiex tikkontesta din id-deċiżjoni, filwaqt li kkontestat il-preżunzjoni li, skont ir-Regolament Nru 2200/96, il-membri produtturi kienu mitluba jkollhom kontroll finali fuq l-attivitajiet li l-OP tista’ tassenja lil appaltatur. |
18. |
Fid-deċiżjoni tagħha tar-rinviju, il-High Court tenfasizza l-isfond fattwali kumpless tal-kawża. Fil-fatt, ir-relazzjoni bejn Fruition, Northcourt u WWF ma setgħetx tiġi aċċertata b’ċarezza fl-aspetti kollha tagħha. |
19. |
Bejn Fruition u Northcourt, kien jeżisti biss abbozz ta’ ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni konkluż f’Jannar 2004, li, madankollu, qatt ma ġie eżegwit. Skont il-Klawżola 7 ta’ dan l-abbozz ta’ ftehim, Northcourt kellu jkollha “diskrezzjoni assoluta u inkontrollabbli dwar kif tikkonforma mal-obbligi tagħha skont l-abbozz ta’ ftehim u tista’ timpjega u tħallas lil dawn is-sottoaġenti jew appaltaturi indipendenti kif jidhrilha li huwa xieraq fid-diskrezzjoni tagħha.” |
20. |
Il-qorti nazzjonali lanqas ma setgħet tistabbilixxi jekk kienx hemm relazzjoni kuntrattwali kwalunkwe bejn Fruition u WWF. Fir-rigward tar-relazzjoni bejn Northcourt u WWF, min-naħa l-oħra, il-High Court ikkonstatat, b’kuntrast, li kien jeżisti ftehim, konkluż fis-sena 2000, li “ta lil WWF kontroll fir-rigward ta’ Northcourt bl-istess mod bħalma t-termini tal-abbozz tal-ftehim tal-2004 taw lil Northcourt kontroll fir-rigward ta’ Fruition.” |
21. |
Abbażi tad-dubji dwar jekk l-OP għandhiex — sabiex tissodisfa l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent skont ir-Regolament Nru 2200/96 — iżżomm kontroll fuq l-attivitajiet tal-appaltaturi tagħha u, jekk inhu hekk, sa liema punt, il-High Court iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel dawn id-domandi preliminari:
|
22. |
Fruition, l-Olanda, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u osservazzjonijiet orali f’dawn il-proċeduri. |
III – Analiżi
A – Rimarki preliminari
23. |
Qabel nibda l-analiżi legali tiegħi, ser nagħmel evalwazzjoni fil-qosor ta’ dawk li, tradizzjonalment, kienu n-natura u l-għan tal-OP fil-Politika Agrikola Komuni (iktar ’il quddiem “PAK”), għaliex dan jista’ jipprovdi tagħrif importanti għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 2200/96. |
24. |
Partikolarment sa mill-aħħar tas-sebgħinijiet, wieħed mill-għanijiet ta’ dik li kienet il-Komunità Ekonomika Ewropea kien li tinkoraġġixxi r-raggruppament tal-produtturi ( 5 ), bil-ħsieb li jingħelbu ċerti defiċjenzi strutturali osservati fis-swieq agrikoli Ewropej. Filwaqt li s-setturi ekonomiċi tal-ipproċessar u l-bejgħ tal-prodotti agrikoli kienu diġà, sa dak iż-żmien, laħqu livell kunsiderevoli ta’ konċentrazzjoni u organizzazzjoni, is-settur tal-produzzjoni spiss kien frammentat u nieqes mill-omoġenità u l-koordinament. Din is-sitwazzjoni kellha l-effett, notevolment, li tqiegħed is-settur primarju f’pożizzjoni ta’ subordinazzjoni u dgħufija relattivi, meta mqabbel mas-setturi sekondarji u terzjarji. |
25. |
Għalhekk, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1360/78, tad-19 ta’ Ġunju 1978, dwar il-gruppi tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom ( 6 ), ġie adottat sabiex tiġi promossa ċentralizzazzjoni ikbar fil-provvista tal-prodotti agrikoli f’dawn l-Istati Membri fejn is-suq kien fornut minn għadd kbir ħafna ta’ azjendi fuq skala żgħira, jew minn assoċjazzjonijiet mhux organizzati biżżejjed. Kif indikat fil-preambolu għal dan ir-regolament, dawn id-defiċjenzi strutturali jikkostitwixxu ostakolu għall-kisba tal-għanijiet tal-PAK billi jagħmluha diffiċli li tiżdied il-produttività agrikola, li jiġi promoss il-progress tekniku, li jiġi żgurat l-iżvilupp razzjonali tal-produzzjoni agrikola u l-użu ottimu tal-fatturi tal-produzzjoni, li jiġi żgurat livell tal-għajxien ġust għall-komunità agrikola, u li jiġu stabbilizzati s-swieq ( 7 ). |
26. |
Bl-istess mod, għadd ta’ regolamenti li jistabbilixxu l-organizzazzjonijiet komuni tas-suq (iktar ’il quddiem l-“OKS”) għal setturi speċifiċi tal-agrikoltura kienu jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-OPs: dud tal-ħarir ( 8 ), qoton ( 9 ), banana ( 10 ), żejt taż-żebbuġa u żebbuġ tal-mejda ( 11 ), ħops ( 12 ), inbid ( 13 ), u — iżjed importanti għall-kawża attwali — il-frott u l-ħxejjex. |
27. |
Ir-Regolament Nru 2200/96, b’mod partikolari, jikkaratterizza l-OPs bħala “elementi bażiċi fl-[OKS], li jiżguraw fil-livell tagħhom l-operazzjoni deċentralizzata” ( 14 ). Ir-Regolament jassenja ċerti kompiti lill-OP u jagħtihom il-poteri rilevanti — li fosthom, l-iżjed notevoli, huwa l-poter li jiddeċiedu dwar l-irtirar ta’ ċerti prodotti agrikoli mis-suq ( 15 ). Barra minn hekk, f’ċirkustanzi speċifiċi, l-OP tista’ jitlob lill-Istat Membru jagħmel ċerti regoli adottati minn tali OP jorbtu fuq il-produtturi stabbiliti fl-istess żona, iżda li ma jappartjenux magħha ( 16 ). |
28. |
Fl-istess ħin, il-leġiżlatura tal-UE pprovdiet għajnuna finanzjarja sinjifikanti li għandha tingħata lill-OP taħt it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Ewropew ta’ Gwidi u Garanziji Agrikoli (iktar ’il quddiem “FAEGG”) ( 17 ). B’mod partikolari, l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2200/96 jippermetti lill-Istati Membri jagħtu għajnuna lill-OP ġodda sabiex jinkoraġġixxu l-formazzjoni tagħhom u jiffaċilitaw l-operazzjoni amministrattiva tagħhom, kif ukoll għajnuna sabiex ikopru parti mill-investiment meħtieġ biex jintlaħaq ir-rikonoxximent, b’din l-għajnuna tiġi sussegwentement irrimborsata mill-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2200/96 jipprovdi, barra minn hekk, li l-OPs li jistabbilixxu fond ta’ operazzjoni għandhom jingħataw assistenza finanzjarja mill-Komunità, li mbagħad tista’ tintuża għal finanzjament ta’ programmi operazzjonali li jkunu rċevew l-approvazzjoni minn qabel mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Dan it-tip ta’ finanzjament tal-aħħar jista’ jkun ta’ valur b’mod partikolari, sa fejn dan jista’, bħala regola ġenerali, ikopri sa 50 % tal-ispiża li tkun intefqet. |
29. |
Għalhekk, jidher li l-leġiżlatura tal-UE tat, b’mod tradizzjonali, rwol importanti lill-OPs fil-PAK ( 18 ) u, b’mod iżjed speċifiku, fil-qafas tar-Regolament Nru 2200/96. Sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw dan ir-rwol b’mod effikaċi, l-OPs ingħataw ċerti poteri u aċċess għal finanzjament pubbliku sinjifikanti. |
30. |
Ħarsa ħafifa lejn il-leġiżlazzjoni attwali tikkonferma li, anki llum, dawn il-kunsiderazzjonijiet jibqgħu validi. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-“Regolament Waħdieni dwar l-OKS” ( 19 ) — kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 361/2008 ( 20 ) (li ħassar ukoll ir-Regolament Nru 2200/96) — huma sostanzjalment ekwivalenti għad-dispożizzjonijiet li kienu fis-seħħ qabel. Id-dispożizzjonijiet il-ġodda, ukoll, jagħtu pożizzjoni qawwija lill-OPs fis-swieq agrikoli Ewropej ( 21 ). L-OPs huma għalhekk assenjati għanijiet importanti, b’mod speċjali fis-settur tal-frott u tal-ħxejjex ( 22 ) u jirċievu assistenza finanzjarja ewlenija, kemm mill-baġit tal-UE kif ukoll, skont il-każ, mill-baġits tal-Istati Membri ( 23 ). |
31. |
Huwa interessanti li r-Regolament Waħdieni dwar l-OKS jinkludi regoli dwar l-esternalizzazzjoni mill-OP tal-attivitajiet tagħhom. L-Artikolu 125d ta’ dan ir-regolament jipprovdi b’mod espliċitu li “l-Istati Membri jistgħu jippermettu li [OP] rikonoxxuta fis-settur tal-frott u tal-ħxejjex jew assoċjazzjoni rikonoxxuta ta’ [OP] f’dan is-settur tista’ testernalizza kwalunkwe attività tagħha, inkluż lil kumpanniji sussidjarji, sakemm tipproduċi biżżejjed provi lill-Istat Membru li dan il-mod huwa mod xieraq kif jintlaħqu l-objettivi tal-[OP] jew tal-assoċjazzjoni tal-[OPs] ikkonċernata.” |
32. |
Il-kwistjoni ewlenija li toħroġ mid-domandi preliminari fil-kawża attwali hija dwar jekk ir-Regolament Nru 2200/96 huwiex ibbażat fuq premessa ekwivalenti, minkejja n-nuqqas ta’ dispożizzjoni espliċita dwar dan ( 24 ). |
B – Domanda 1
33. |
Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2200/96 jeħtieġx lill-OP, li tkun esternalizzat l-attivitajiet essenzjali skont dan ir-regolament, iżżomm kontroll fuq l-appaltaturi tagħha sabiex tiżgura li dawn l-attivitajiet jitwettqu b’mod effettiv. |
34. |
Għar-raġunijiet deskritti iktar ’il quddiem, inqis li din id-domanda għandha titwieġeb fl-affermattiv. Essenzjalment, u kif ser jiġi elaborat f’iktar dettall, isegwi, fl-opinjoni tiegħi, mill-iskema tar-Regolament Nru 2200/96 u l-kliem tal-Artikolu 11 tiegħu li l-OPs huma meħtieġa jżommu livell ta’ kontroll fuq l-appaltaturi tagħhom sabiex jiżguraw li l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent skont dan ir-regolament jibqgħu jiġu sodisfatti. |
35. |
Qabel indur fuq dawn il-kwistjonijiet, nixtieq nenfasizza mill-bidu li l-libertà tal-produtturi li jaggruppaw flimkien u li jwettqu n-negozju tagħhom kif iqisu l-iżjed xieraq ma hijiex inkwistjoni. Il-kawża attwali tikkonċerna biss lill-produtturi li b’mod volontarju ddeċidew li jiffurmaw OP u talbu rikonoxximent tagħha skont it-termini tar-Regolament Nru 2200/96. |
36. |
Ma hemm l-ebda dispożizzjoni fir-Regolament Nru 2200/96 li, b’mod espliċitu jew impliċitu, tipprojbixxi jew tillimita t-tipi tal-attività li l-OPs huma permessi jesternalizzaw. Għall-kuntrarju, ir-Regolament Nru 1432/2003 jipprevedi b’mod miftuħ din l-esternalizzazzjoni bħala possibbiltà ( 25 ). Għalhekk, naqbel ma’ Fruition li d-deċiżjoni tal-OP dwar jekk u fuq liema termini għandha tqabbad lill-appaltatur iwettaq attivitajiet f’isimha hija deċiżjoni tan-negozju, li fil-prinċipju taqa’ fl-ambitu tal-libertà kummerċjali ta’ dik l-OP. |
37. |
Madankollu, dan ma jfissirx li din id-delegazzjoni ma tkunx suġġett għal-limiti u l-kundizzjonijiet, li jirriżultaw imperattivament mir-regoli dwar ir-rikonoxximent tal-OPs. Fil-fatt, dan ir-rikonoxximent, mogħti mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fejn il-kundizzjonijiet rilevanti jiġu sodisfatti, jimplika għadd ta’ konsegwenzi. Kif imsemmi iktar ’il fuq, l-OPs irrikonoxxuti skont ir-Regolament Nru 2200/96 jiġu assenjati rwol speċifiku fis-suq, li jista’ jmur sew lil hinn mis-segwitu biss tal-interessi kollettivi tal-membri tagħhom. Din hija r-raġuni għaliex, f’ċerti ċirkustanzi, ir-regoli adottati mill-OPs għall-membri tagħhom dwar materji importanti bħall-produzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-ħarsien ambjentali jistgħu, jekk dan jintalab mill-OPs, jorbtu anki lill-produtturi oħra li ma jkunux jappartjenu għal dawn l-organizzazzjonijiet iżda li huma attivi fl-istess reġjuni ( 26 ). |
38. |
Għalhekk jista’ jingħad li jeżisti interess pubbliku speċifiku li l-Ops iwettqu kompiti speċifiċi u jiksbu ċerti riżultati. Għal dawn il-finijiet, ir-rikonoxximent mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti jippermetti lill-OPs ikollhom aċċess għal finanzjament pubbliku sinjifikanti. |
39. |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-leġiżlatura tal-UE stabbilixxiet regoli għall-organizzazzjonijiet li jaspiraw għar-rikonoxximent bħala OPs. Dawn ir-regoli jikkonċernaw, inter alia, l-għanijiet tal-OPs, kif iddikjarat fl-artikoli ta’ assoċjazzjoni tagħhom; ir-regolamenti interni tagħhom; u l-attivitajiet ewlenin tagħhom. Kontrolli dwar din il-kapaċità li jkomplu jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet huma wkoll ipprovduti fil-leġiżlazzjoni. |
40. |
L-għan ewlieni tal-qafas regolatorju huwa li jiġi żgurat li l-OPs ikunu kapaċi jwettqu l-attivitajiet essenzjali skont ir-Regolament Nru 2200/96 b’mod li l-interessi ġenerali sottostanti jkunu jistgħu jiġu segwiti b’mod effettiv u li l-fondi pubbliċi allokati ma jinħlewx, ma jintużawx b’mod ħażin jew anki ma jkunux suġġetti għall-frodi. |
41. |
Meta tiġi rikonoxxuta, l-OP tibqa’ l-unika entità responsabbli lejn l-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE għat-twettiq tal-attivitajiet essenzjali skont ir-Regolament Nru 2200/96, kif ukoll għall-użu tal-fondi pubbliċi riċevuti ( 27 ). |
42. |
Li kieku kien permess li l-OPs iħallu lil terzi jwettqu l-attivitajiet fdati lilhom b’mod awtonomu, ħielsa minn kull interferenza possibbli min-naħa tal-OP, il-garanzji stabbiliti bil-leġiżlatura tal-UE għall-prestazzjoni xierqa u effettiva ta’ dawn l-attivitajiet ikunu strettament ristretti. Naturlament, l-OPs xorta jkunu responsabbli legalment għal kull inadegwatezza iżda, de facto, ma jkunux jistgħu jirrimedjaw din l-inadegwatezza, għaliex fil-prattika jiċċaħdu minn kwalunkwe mezz li bih jistgħu jinfluwenzaw il-mod ta’ kif jitwettqu l-attivitajiet inkwistjoni, jew jiżguraw li r-riżorsi pubbliċi mogħtija lilhom fil-fatt jintużaw sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament Nru 2200/96. F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li, b’rikonoxximent, l-OPs jidħlu f’impenn speċjali fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE u, konsegwentement, dawn l-awtoritajiet jirrevedu regolarment il-konformità mar-regolamenti applikabbli u, fil-każ ta’ nuqqas, jistgħu jippenalizzaw lill-OP jew jimponu sanzjonijiet ( 28 ). Madankollu, dawn il-poteri ta’ kontroll jew sfurzar ma jistgħux jintużaw minn dawn l-awtoritajiet fir-rigward tal-appaltaturi (jew is-subappaltaturi) impjegati mill-OP. |
43. |
Għalhekk jidher li huwa rekwiżit inerenti tar-Regolament Nru 2200/96 li l-OPs iżommu livell ta’ kontroll fuq l-appaltaturi (u, skont il-każ, is-subappaltaturi) li jkunu qabbdu sabiex iwettqu l-attivitajiet essenzjali skont ir-Regolament Nru 2200/96. |
44. |
L-iktar importanti huwa li din il-kundizzjoni ta’ kontroll tapplika biss fir-rigward tal-attivitajiet li r-raggruppament tal-produtturi jkun meħtieġ iwettaq sabiex jiġi rikonoxxut bħala OP (pereżempju, il-kummerċjalizzazzjoni tal-produzzjoni kollha tal-membri tagħha u l-provvista tal-mezzi tekniċi għall-ħażna u l-imballaġġ tal-prodott tagħhom) ( 29 ). |
45. |
Hawnhekk għandu jingħad ukoll li, sa ċerti limiti, l-OPs huma intitolati jwettqu attivitajiet oħra — kemm jekk ta’ natura kummerċjali kif ukoll jekk le — lil hinn minn dawk stabbiliti fir-Regolament Nru 2200/96 ( 30 ). Jidhirli li r-rekwiżit tal-kontroll mhux neċessarjament japplika għal dawn l-attivitajiet addizzjonali. Sakemm it-twettiq ta’ dawn l-attivitajiet ma jaffettwax, b’mod dirett jew indirett, il-prestazzjoni xierqa tal-attivitajiet essenzjali skont dan ir-regolament, ma hemmx il-ħtieġa li tiġi ristretta iżjed il-libertà kummerċjali tal-OP. |
46. |
Finalment, ma humiex biss l-iskema u l-għan tar-Regolament Nru 2200/96 li jsostnu l-konklużjoni tiegħi dwar l-eżistenza tar-rekwiżit tal-kontroll skont l-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, kif ġie argumentat mill-gvernijiet tar-Renju Unit u tal-Olanda, kif ukoll mill-Kummissjoni, dan ir-rekwiżit jista’ jiġi dedott ukoll mill-interpretazzjoni kuntestwali ta’ din id-dispożizzjoni stess. Din l-asserzjoni hija bbażata fuq żewġ ipoteżijiet. |
47. |
Minn naħa, l-Artikolu 11(1)(d)(3) jipprovdi li r-regoli ta’ assoċjazzjoni tal-OPs għandhom “jippermettu lill-membri ta’ produtturi b’mod demokratiku li jiflu l-organizzazzjoni tagħhom u d-deċiżjonijiet tagħhom”. Din id-dispożizzjoni hija diffiċli tiġi rrikonċiljata mal-idea li, permezz ta’ ftehim kuntrattwali, l-OP tista’ tagħti lill-appaltatur awtonomija sħiħa sabiex iwettaq il-kompiti fdati lilu: għaliex, jekk l-OP tagħmel hekk, il-membri produtturi jkunu de facto mċaħħda, għat-tul tal-ftehim, minn kwalunkwe poter li bih jistgħu jiskrutinizzaw id-deċiżjonijiet meħuda mill-appaltatur f’isem l-OP. |
48. |
Huwa minnu — kif targumenta Fruition — li d-deċiżjoni dwar jekk u fuq liema termini l-appaltatur jista’ jiġi impjegat xorta tkun suġġett għal skrutinju demokratiku. Madankollu, dan jidher li jkun b’mod partikolari qari ristrett tal-Artikolu 11(1)(d)(3), għaliex il-kuntest tiegħu jkun konfinat għad-deċiżjonijiet verament bażiċi li għandhom jittieħdu mill-OP. Il-kliem ġenerali tad-dispożizzjoni ma jsostnix interpretazzjoni hekk ristretta. |
49. |
L-Artikolu 11(2) isostni wkoll din l-asserzjoni msemmija fil-punt 46 iktar ’il fuq. Din id-dispożizzjoni tenfasizza żewġ kunċetti ewlenin fl-iskema tar-Regolament Nru 2200/96: (i) l-effikaċja tal-attivitajiet li l-OP għandhom iwettqu għall-membri tagħhom u (ii) l-eżistenza ta’ provi biżżejjed rilevanti f’dan ir-rigward. |
50. |
Fir-rigward tal-ewwel kunċett, l-Artikolu 11(2) jipprovdi li l-OPs għandhom “effettivament jagħtu l-fakultà lill-membri tagħhom li jakkwistaw assistenza teknika fl-użu ta’ prattiċi ta’ kultivazzjoni li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent”, “effettivament jipprovdu lill-membri tagħhom bil-mezzi tekniċi għall-ħażna, l-imballaġġ u l-marketing tal-prodott tagħhom” u “jassiguraw amministrazzjoni kummerċjali u ta’ budget addattata tal-attivitajiet tagħhom” ( 31 ). Fir-rigward tat-tieni kunċett, l-Artikolu 11(2) jeżiġi li l-OPs jipproduċi “l-provi relevanti [li jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent]” u “provi biżżejjed li jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom b’mod xieraq, kemm tul iż-żmien u wkoll fis-sens ta’ effikaċità”. |
51. |
Jidhirli li l-OP la jkunu jistgħu jiżguraw li dawn l-attivitajiet jitwettqu b’mod effikaċi u xieraq u lanqas, a fortiori, ikunu f’pożizzjoni li jipproduċu provi adegwati ta’ dan, sakemm ma jżommux possibbiltà ta’ superviżjoni fir-rigward tal-attivitajiet fdati lill-appaltaturi. |
52. |
Dan l-approċċ ġie adottat ukoll mill-Qorti Ġenerali meta kienet qed tinterpreta r-regoli tal-UE relatati mal-FAEGG. Hija kkonfermat deċiżjoni tal-Kummissjoni li, fost affarijiet oħra, kienet tistabbilixxi li l-kummerċjalizzazzjoni tal-produzzjoni fis-sens tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2200/96 kienet timplika li l-OP eżerċitat kontroll ġenwin fuq il-kundizzjonijiet tal-bejgħ u l-prezzijiet tal-bejgħ. Il-Qorti Ġenerali kkonfermat ukoll li l-possibbiltà tad-delegazzjoni ta’ kompitu lil terz kienet tikkostitwixxi metodu partikolari tat-twettiq tal-obbligu inkwistjoni u ma kellhiex l-effett li teħles lill-OP mill-obbligi tagħha ( 32 ). |
53. |
Abbażi ta’ dak li ntqal, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2200/96 bħala rekwiżit fuq l-OP, li tkun esternalizzat l-attivitajiet essenzjali skont dan ir-regolament, li jkollha livell ta’ kontroll fuq l-appaltaturi tagħha sabiex tiżgura li dawn l-attivitajiet jitwettqu b’mod effikaċi. |
C – Domandi 2 u 3
54. |
It-tieni u t-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, li jistgħu jiġu eżaminati flimkien, jikkonċernaw il-livell tal-kontroll li l-OP għandu jkollha fuq l-appaltaturi tagħha sabiex tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2200/96. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-OP teżerċitax il-livell meħtieġ ta’ kontroll fejn l-OP u l-appaltatur tagħha jkollhom azzjonisti komuni u, konsegwentement, id-deċiżjonijiet jittieħdu b’kunsens, anki jekk l-appaltatur ma jkun taħt ebda obbligu kuntrattwali li jikkonforma mal-istruzzjonijiet tal-OP fir-rigward tal-attivitajiet li jkunu ser jitwettqu. |
55. |
Fl-opinjoni tiegħi, it-tweġiba għal dawn id-domandi tista’ tiġi inferita minn qari komprensiv tad-dispożizzjonijiet eżaminati iktar ’il fuq. Iktar ’il fuq, ser nispjega għaliex, fl-opinjoni tiegħi, ir-rekwiżit tal-kontroll skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2200/96 ma jiġix sodisfatt fejn ma hemm ebda possibbiltà ġenwina li l-OP tissorvelja l-attivitajiet tal-appaltatur tagħha, fejn xieraq, sabiex tintervjeni billi tiżgura li l-attivitajiet essenzjali skont ir-Regolament Nru 2200/96 jitwettqu b’mod effikaċi. |
56. |
Fit-tweġiba proposta tiegħi għall-ewwel domanda, ipprovajt nuri li l-OP għandu jkollha livell ta’ kontroll fuq l-appaltaturi tagħha sabiex tiżgura li dawn l-attivitajiet jitwettqu b’mod effikaċi. |
57. |
F’dan ir-rigward, ir-rekwiżiti legali stabbiliti mill-Artikolu 11 għandhom jiġu sodisfatti mhux biss fiż-żmien meta l-OP tapplika għar-rikonoxximent, iżda matul l-eżistenza kollha tagħha. L-uniku eċċezzjonijiet għal din ir-regola huma pprovduti b’mod speċifiku fir-regolament ( 33 ). |
58. |
Għal dan il-għan, l-OPs għandhom ikunu jistgħu jipprovdu, fi kwalunkwe ħin, provi li huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet rilevanti. Fil-fatt, l-Artikolu 11(2)(b) jipprovdi b’mod ċar li għandu jkun hemm, pereżempju, provi biżżejjed li l-OP jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom b’mod xieraq “tul iż-żmien”. L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2200/96, barra minn hekk, jipprovdi li l-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli f’intervalli regolari sabiex jaċċertaw li l-OPs irrikonoxxuti jkomplu jikkonformaw mat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regolament. Dawn il-kontrolli jistgħu anki, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, jinkludu l-impożizzjoni ta’ penali li jistgħu jkunu tant severi li jwasslu għall-irtirar tar-rikonoxximent ( 34 ). |
59. |
Għal dawn ir-raġunijiet, jien tal-fehma li l-OP ma tistax possibbilment tikkonforma mat-termini tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2200/96 sakemm ma tibqax kapaċi tintervjeni fir-rigward tal-appaltaturi tagħha (u s-subappaltaturi) fil-ħinijiet kollha, sabiex tiżgura l-prestazzjoni xierqa tal-attivitajiet esternalizzati. |
60. |
Jidhirli li hemm żewġ modi kif il-poteri tas-superviżjoni u l-intervent minn naħa tal-OPs jistgħu jiġu żgurati: l-ewwel nett, fejn l-appaltatur jkun proprjetà tal-OP u din l-istruttura ta’ proprjetà tibqa’ l-istess matul il-perjodu kollu li matul tiegħu l-appaltatur iwettaq il-kompiti imposti fuqu mill-OP. F’dan il-każ — suġġett għall-verifika li, skont il-liġijiet nazzjonali, l-OP attwalment hija kapaċi, bis-saħħa ta’ tali proprjetà, teżerċità influwenza immedjata u deċiżiva fuq is-sussidjarja tagħha — inqis li l-kriterju tal-kontroll qed jiġi ssodisfat. F’din is-sitwazzjoni, l-appaltatur għandu jaġixxi bħala l-estensjoni tal-OP u l-allokazzjoni tal-kompiti bejn il-livelli differenti tal-istruttura tal-kumpanija jikkostitwixxu sempliċement kwistjoni ta’ organizzazzjoni interna. L-appaltatur għandu neċessarjament jeżegwixxi r-rieda tal-OP, u ma jkunx hemm riskju ta’ nuqqas ta’ qbil jew interessi kummerċjali diverġenti bejn iż-żewġ entitajiet. It-tieni nett, l-OP jista’ jkollha l-livell meħtieġ ta’ kontroll permezz ta’ arranġament kuntrattwali. Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, il-ftehim espliċitu bejn il-partijiet ikollu l-karatteristiċi ta’ benefiċċju ta’ stabbiltà u ċertezza legali, li huma importanti sabiex jiġi żgurat li, għat-tul ta’ żmien kollu tal-kuntratt, l-OP iżżomm il-poteri rilevanti ta’ superviżjoni u, jekk meħtieġ, ta’ intervent. |
61. |
Il-forma ta’ dan l-arranġament u l-livell ta’ kontroll li għandu jitqies bħala suffiċjenti jiddependu fuq iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ u għalhekk ma jistgħux jiġu deskritti a priori u f’termini ġenerali. |
62. |
Fil-fehma tiegħi, ma hemmx forma speċifika ta’ ftehim li hija meħtieġa skont ir-regoli tal-UE. Fil-fatt, lanqas huwa neċessarju li dan l-arranġament kuntrattwali jkun dejjem inkorporat f’dokument bil-miktub. Kuntratt orali, jekk validu skont il-liġi nazzjonali, jista’ fil-fatt ikun suffiċjenti, għalkemm jista’ jkun hemm diffikultajiet fil-produzzjoni ta’ provi adegwati tal-eżistenza tiegħu ( 35 ). |
63. |
Fi kwalunkwe każ, irrispettivament mill-forma tal-ftehim, ma jistax jiġi stabbilit livell suffiċjenti ta’ kontroll sakemm ma jkunx possibbli skont il-ftehim li l-OP toħroġ struzzjonijiet vinkolanti lill-appaltaturi tagħha, minn tal-inqas fir-rigward tal-attivitajiet essenzjali skont ir-Regolament Nru 2200/96. Fin-nuqqas ta’ tali dritt, l-OP ma jkollhiex il-mezzi li tintervjeni, fil-ħin, sabiex tiżgura li r-rekwiżiti imposti fuq l-OP mir-regoli rilevanti tal-UE jiġu sodisfatti kontinwament. Hekk kif tirrikonoxxi Fruition stess fl-osservazzjonijiet tagħha, il-poteri li jibqgħu f’idejn l-OP ikunu biss dawk ta’ intervent ex post: pereżempju, in-nuqqas ta’ tiġdid jew it-terminazzjoni kmieni tal-kuntratt, jew, jekk applikabbli, proċeduri ġudizzjarji għad-danni minħabba responsabbiltà kuntrattwali jew delittwali. |
64. |
Għaldaqstant, il-mezzi ta’ rimedju msemmija minn Fruition ma jistgħux jitqiesu li huma adegwati. L-ewwel nett, l-iktar l-iktar jistgħu jillimitaw il-konsegwenzi negattivi li jirriżultaw mill-imġiba tal-appaltatur minħabba responsabbiltà kuntrattwali jew ksur ta’ liġi. La l-membri tal-produttur u lanqas il-ġestjoni tal-OP, fil-fatt, ma jkunu kapaċi jevitaw l-imġiba ħażina tal-appaltatur, anki jekk ikollhom għarfien tal-iżvolġiment tal-azzjonijiet proposti mill-appaltatur u kienu kkontestawhom pubblikament. It-tieni nett, kwalunkwe kumpens li jista’ jinkiseb mill-OP permezz ta’ proċeduri legali jista’ forsi jikkumpensaha għat-telf tagħha, iżda qatt ma jkun jista’ jirrimedja l-ħsara li fil-fatt setgħet saret fis-suq. Kif imsemmi iktar ’il fuq, l-OPs mhux biss ifittxu l-interessi kollettivi tal-membri tagħhom: huma mistennija wkoll jimplementaw ċerti attivitajiet għall-benefiċċju tas-suq kollu. |
65. |
Fir-rigward tal-livell attwali tal-kontroll li l-OP għandha żżomm, hija l-asserzjoni tiegħi li dan jiddependi ħafna fuq in-natura u l-kuntest tal-attivitajiet esternalizzati, kif ukoll fuq iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ (bħas-sitwazzjoni tas-suq, l-istrateġiji u l-ħtiġiet tan-negozju, it-tul tal-kuntratt, u oħrajn). Madankollu, ma narax raġuni għaliex l-OP għandha neċessarjament tikkonċerna ruħha b’dettalji speċifiċi tal-operat kummerċjali ta’ kuljum li jkun ġie fdat lill-appaltaturi. Taħt ċirkustanzi normali, il-poter sempliċi li tintervjeni fl-għażliet (l-iżjed) fundamentali fir-rigward tal-attivitajiet esternalizzati jista’ jitqies suffiċjenti sabiex jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2200/96. |
66. |
Inqis li huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, f’kull każ, wara li tkun eżaminat il-fatti rilevanti kollha, jekk l-OP tkunx żammet livell ta’ kontroll li huwa suffiċjenti skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2200/96. |
67. |
Fid-dawl ta’ dan, billi l-kwistjoni kruċjali mqajma mill-qorti tar-rinviju fit-tieni u fit-tielet domanda tagħha hija dwar jekk il-livell ta’ kontroll meħtieġ skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2200/96 jiġix sodisfatt fiċ-ċirkustanzi bħal dawk tal-każ quddiemha, ser nipprova nassisti lill-qorti f’dan ir-rigward. |
68. |
Jien ngħid li ċ-ċirkustanzi deskritti mill-qorti tar-rinviju ma humiex, fihom infushom, biżżejjed sabiex jissodisfaw il-kundizzjoni tal-kontroll meħtieġa skont l-Artikolu 11. Fil-fatt, huwa l-fehim tiegħi li la Northcourt u lanqas WWF ma huma proprjetà sħiħa ta’ Fruition; u dawn il-kumpanniji lanqas ma huma kuntrattwalment obbligati jsegwu l-istruzzjonijiet mogħtija lilhom mill-OP. |
69. |
Fir-rigward tal-ewwel kwistjoni, is-sempliċi fatt li l-appaltatur u l-OP għandhom azzjonisti komuni u/jew direttorati interkonnessi li, — kuntrarjament għall-proprjetà sħiħa mill-OP — ma jikkostitwixxix garanzija biżżejjed f’dan ir-rigward. Fil-fatt, l-istrutturi kummerċjali u l-azzjonijiet jistgħu jvarjaw maż-żmien, u l-interessi taż-żewġ kumpanniji, li f’mument partikolari jistgħu jikkoinċidu perfettament, jistgħu tabilħaqq ikunu diverġenti fil-futur. Iktar importanti minn hekk, anki meta l-membri tal-produttur (uħud minnhom jew kollha) ikollhom sehem ta’ maġġoranza fl-appaltatur, xorta ma jkun hemm ebda ċertezza li d-deċiżjoni finali meħuda minn dan tal-aħħar dejjem ser tirrifletti r-rieda tal-maġġoranza tal-membri tal-produttur. Hekk kif tosserva tajjeb il-qorti tar-rinviju, minħabba l-membri differenti bejn iż-żewġ entitajiet, skont il-kwoti differenti li kull produttur jista’ jkollu fiż-żewġ entitajiet ( 36 ), u l-possibbiltà tal-interessi diverġenti fost id-diversi membri, jista’ jkun hemm każijiet fejn il-pożizzjoni espressa mill-maġġoranza tal-membri produtturi ssir opinjoni tal-minoranza fost l-azzjonisti tal-appaltatur ( 37 ). |
70. |
Barra minn hekk, prattika sempliċi, adottata mill-OP u l-appaltatur tagħha, li d-deċiżjonijiet jittieħdu b’kunsens ma tipprovdi l-ebda assigurazzjoni li din is-sistema tat-teħid tad-deċiżjonijiet ser tiġi segwita dejjem. Niddubita jekk, anki b’regola kuntrattwali vinkolanti bejn il-partijiet li tippreskrivi l-unanimità, il-kontroll li żżomm l-OP jistax jitqies biżżejjed skont ir-Regolament Nru 2200/96. Hekk kif tirrimarka b’mod korrett il-qorti tar-rinviju, il-klawżoli li jitolbu l-unanimità jistgħu jwasslu għall-paraliżi tal-entità: l-istatus quo jittawwal għajr jekk il-partijiet kollha jaqblu ma’ azzjoni oħra. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-OP ma tkunx tista’ taġixxi sabiex tiżgura l-konformità mar-regoli legali u kuntrattwali rilevanti sakemm l-appaltatur innifsu ma jaqbilx mal-azzjoni mitluba mill-OP. Ir-regoli li jippreskrivu l-kunsens jew l-unanimità għandhom l-effett, essenzjalment, li jqiegħdu liż-żewġ entitajiet f’pożizzjoni simmetrika, filwaqt li r-relazzjoni bejn l-OP u l-appaltatur tagħha għandha tkun assimetrika. Skont ir-Regolament Nru 2200/96, hija l-OP li għandha żżomm il-poteri tal-kontroll fuq l-appaltatur u mhux bil-maqlub. Fi kliem ieħor, hekk kif irrimarka r-Renju Unit matul is-seduta, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim bejn iż-żewġ entitajiet, għandha tkun l-OP li jkollha l-poter tieħu l-aħħar deċiżjoni. |
71. |
Fir-rigward tat-tieni kwistjoni, rigward l-eżistenza tal-ftehim li jorbot lill-partijiet kuntrattwalment, nosserva li l-arranġament kif jinsab fil-Klawsola 7 tal-abbozz tal-ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni bejn Fruition u Northcourt ċertament jonqos mil-livell ta’ kontroll meħtieġ skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2200/96. Skont din il-klawżola, Northcourt ikollha “diskrezzjoni assoluta u bla kontroll dwar il-mod kif tikkonforma mal-obbligi tagħha u tista’ timpjega u tħallas sottoaġenti jew kuntratturi indipendenti hekk kif fid-diskrezzjoni tagħha tħoss li huwa xieraq”. Din id-diskrezzjoni assoluta u bla kontroll fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt tmur manifestament kontra l-kunċett ta’ kontroll impost mill-Artikolu 11. Barra minn hekk, id-diskrezzjoni sħiħa sabiex jitqabbdu subappaltaturi tista’ kultant tkun problematika, sakemm ma jiġix ipprovdut forma ta’ kontroll kwalunkwe mill-OP anki fuq dawk is-subappaltaturi. Fil-fatt, jeżisti r-riskju sostanzjali li l-eżistenza ta’ katina ta’ appaltaturi u subappaltaturi tkompli tnaqqas kwalunkwe possibbiltà attwali ta’ superviżjoni u intervent mill-OP. |
72. |
Fruition issostni, madankollu, li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2200/96 essenzjalment tinjora r-realtà tas-suq għaliex l-OP ma tistax fil-prattika, fil-bejgħ mgħaġġel tal-frott u tal-ħxejjex, tikkontrolla d-dettalji kollha ta’ kull tranżazzjoni kummerċjali. Fruition targumenta wkoll li din l-interpretazzjoni tar-regolament tinnega l-awtorità tal-aġent li jorbot lill-prinċipal tiegħu, biex b’hekk ma tkunx qed titqies il-prattika kuntrattwali standard. |
73. |
Dawn l-argumenti ma jikkonvinċunix. Biex nibda, ir-Regolament Nru 2200/96 jeżiġi biss livell ta’ kontroll li huwa essenzjali sabiex jiżgura li l-OP ikunu jistgħu jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regolament. Dan ma jfissirx li l-OP għandhom ikunu jistgħu jindaħlu fl-aspetti kollha li jirriżultaw mill-eżitu ordinarju tan-negozju tal-appaltaturi; lanqas li l-appaltaturi ma jistgħux igawdu marġni (ftit jew wisq) imdaqqas ta’ diskrezzjoni fit-twettiq tal-kompiti assenjati lilhom (bħad-determinazzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ u l-għażla tax-xerrejja). Bl-istess mod, ma huwiex implikat li l-appaltatur ma jistax jingħata l-awtorità ta’ aġent, u b’hekk l-awtorità li jikkonkludi l-kuntratti f’isem il-prinċipal tiegħu, li bihom jorbot lill-OP. |
74. |
Fil-fatt, sabiex l-OPs jissodisfaw ir-rekwiżit tal-kontroll skont l-Artikolu 11, lanqas biss huwa meħtieġ li jkollhom rikors għall-poteri tagħhom tal-kontroll: il-fatt biss li jista’ jkollhom rikors jista’, fl-opinjoni tiegħi, ikun biżżejjed sabiex jissodisfaw ir-rekwiżit. Madankollu, huwa kruċjali li l-OPs iżommu l-possibbiltà li jintervjenu, fejn xieraq, sabiex jiżguraw it-twettiq effettiv tal-attivitajiet essenzjali skont ir-Regolament Nru 2200/96. |
75. |
Għalhekk, nikkonkludi li l-livell tal-kontroll meħtieġ skont ir-Regolament Nru 2200/96 jiġi sodisfatt fejn l-appaltatur ikun proprjetà sħiħa tal-OP għall-perijodu kollu tal-kuntratt, u l-OP, bis-saħħa ta’ din il-proprjetà, tkun tista’ teżerċità influwenza immedjata u deċiżiva fuq is-sussidjarja tagħha; jew fejn jeżisti ftehim kuntrattwali li jippermetti lill-OP toħroġ struzzjonijiet vinkolanti fil-konfront tal-appaltatur tagħha. |
76. |
Fid-dawl ta’ dan, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb għat-tieni u t-tielet domanda li l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2200/96 jeżiġi li l-OP iżżomm il-poter li tissorvelja l-appaltaturi tagħha u, fejn xieraq, tintervjeni sabiex tiżgura t-twettiq effettiv tal-attivitajiet essenzjali skont dan ir-regolament. Huwa f’idejn il-qorti nazzjonali li tiddetermina f’kull każ jekk il-livell tal-kontroll li żżomm l-OP jissodisfax dan ir-rekwiżit. Il-fatt biss li l-OP u l-appaltaturi tagħha għandhom azzjonisti komuni u li, bħala konsegwenza, id-deċiżjonijiet jittieħdu b’kunsens, ma jissodisfax il-kundizzjoni tal-kontroll skont din id-dispożizzjoni iktar ’il fuq. |
D – Domanda 4
77. |
Bir-raba’ domanda tagħha, il-qorti nazzjonali tfittex taċċerta jekk il-fatt li l-Istat Membru ikun naqas milli jimplementa l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1432/2003 — li jobbligah jiddetermina l-kundizzjonijiet li bihom l-OPs jistgħu jafdaw it-twettiq tal-attivitajiet tagħhom lil terzi — jaffettwax ir-risposta tad-domandi preliminari. |
78. |
Din id-domanda tmur lura għall-fatt li r-Renju Unit ma ħareġ l-ebda regola ta’ implementazzjoni għal dan il-għan qabel Diċembru 2009, ferm wara li l-RPA ddeċidiet li tirtira r-rikonoxximent ta’ Fruition. |
79. |
Jien tal-fehma li n-nuqqas ta’ kwalunkwe regola domestika li timplementa l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1432/2003 ma jaffettwax l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2200/96. |
80. |
Kif diġà ntqal, ir-rekwiżit li l-OP għandu jkollha livell ta’ kontroll fuq l-appaltaturi tagħha jirriżulta direttament mill-iskema u — anki jekk sempliċement b’mod impliċitu — mill-kliem tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2200/96. |
81. |
Il-livell ta’ kontroll meħtieġ skont ir-Regolament Nru 2200/96 jirrappreżenta l-livell minimu meqjus essenzjali skont il-leġiżlatura tal-UE sabiex jiżgura l-konformità mar-regoli stabbiliti f’dan ir-regolament bażiku fir-rigward tal-funzjonament tal-OP. |
82. |
L-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1432/2003, min-naħa l-oħra, jippermetti lill-Istati Membri jintroduċu iżjed regoli li jitolbu livell ta’ kontroll iżjed strett, u jistabbilixxu dispożizzjonijiet ta’ natura proċedurali jew li jikkonċernaw il-provi. Fi kliem ieħor, l-Istati Membri jistgħu jmorru lil hinn mill-minimu impost mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2200/96, jew biss jiċċaraw u jiddefinixxu l-kuntest u l-limiti li fihom l-OPs huma awtorizzati jesternalizzaw l-attivitajiet essenzjali skont ir-Regolament Nru 2200/96. Din il-possibbiltà għall-Istati Membri li jintroduċu iżjed regoli ta’ implementazzjoni hija konsistenti mal-fatt li s-sistema stabbilita bir-Regolament Nru 2200/96 hija parzjalment deċentralizzata. Fost affarijiet oħra, l-Istati Membri huma meħtieġa jeżaminaw u jiddeċiedu dwar talbiet għar-rikonoxximent sottomessi mill-OP, japprovaw il-finanzjament mitlub mill-OP, u b’mod regolari jwettqu l-kontrolli sabiex jiżguraw il-konformità mar-regoli rilevanti. |
83. |
Madankollu, billi l-Artikolu 6(2) huwa stabbilit f’regolament ta’ implementazzjoni, ma jista’ jaffettwa ebda obbligu impost minn dispożizzjoni stabbilita fir-regolament bażiku; bħall-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2200/96 ( 38 ). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regolament ta’ implementazzjoni għandu, jekk possibbli, jingħata interpretazzjoni konsistenti mar-regolament bażiku ( 39 ). |
84. |
Għall-kuntrarju ta’ dak li targumenta Fruition, ma jistax jiġi inferit mill-użu tal-kelma “għandu” fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1432/2003 li d-dispożizzjoni timponi b’mod formali obbligu vinkolanti fuq l-Istati Membri, li fin-nuqqas ta’ konformità miegħu, iwassal sabiex jannulla l-obbligu impost fuq l-OP mill-istrument leġiżlattiv bażiku. |
85. |
Barra minn hekk, ma hemm xejn fir-Regolament Nru 2200/96 li jissuġġerixxi li r-rekwiżit ta’ kontroll huwa dipendenti fuq l-adozzjoni tar-regoli ta’ implementazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat. Iktar importanti, l-interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1432/2003 ma setgħetx tiġi rrikonċiljata mal-ispirtu u l-iskema tar-Regolament Nru 2200/96, kif deskritt hawn fuq. |
86. |
Fl-aħħar nett, miniex persważ mill-argument ta’ Fruition li l-interpretazzjoni proposta hawnhekk għandha tikkostitwixxi applikazzjoni retrospettiva impermissibbli tar-regoli ta’ gwida maħruġa mill-awtoritajiet tar-Renju Unit f’Diċembru 2009 u, li fil-fatt, ikunu jmorru kontra l-prinċipju taċ-ċertezza legali. |
87. |
Huwa biżżejjed li jiġi nnotat, għal darba oħra, li r-rekwiżit ta’ kontroll huwa inerenti fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2200/96: dispożizzjoni stabbilita f’att leġiżlattiv tal-Unjoni Ewropea u, konsegwentement, permezz tal-Artikolu 288 TFUE, torbot fl-intier tagħha u tapplika direttament fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 2200/96, ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, huwa ddatat qabel il-fatti inkwistjoni fil-proċeduri ewlenin. Inċidentalment, ninnota li l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 1432/2003 jagħti xi protezzjoni legali lil dawk l-organizzazzjonijiet li, minkejja l-fatt li jkunu aġixxew in bona fede, ikun ġie rtirat ir-rikonoxximent tagħhom ( 40 ). |
88. |
Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb għar-raba’ domanda magħmula mill-qorti nazzjonali billi tikkonstata li n-nuqqas mill-Istat Membru li jimplementaw l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1432/2003, li jeżiġi d-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet li bihom l-OP jistgħu jafdaw it-twettiq tal-kompiti tagħhom lill terz, ma jaffettwax ir-risposti għad-domandi preċedenti. |
IV – Konklużjoni
89. |
Fid-dawl ta’ dan kollu, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-High Court of Justice of England and Wales, Queen’s Bench Division (ir-Renju Unit), kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 20, p. 55
( 3 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1432/2003, tal-11 ta’ Awwissu 2003, li jistabbilixxi r-regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 li jirrigwarda l-kondizzjonijiet għall-għarfien tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-għarfien preliminari tal-gruppi tal-produtturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 39, p. 424).
( 4 ) Fiż-żmien tal-irtirar tar-rikonoxximent, madankollu, Northcourt kellha 50 % sehem f’WWF.
( 5 ) F’diversi strumenti legali, il-leġiżlatura użat it-termini “organizzazzjonijiet ta’ produtturi” jew “raggruppamenti ta’ produtturi” għal dak li jidher li huwa essenzjalment l-istess kunċett. Dwar dan, ara Olmi, G., Politique agricole commune, Università ta’ Brussell, Brussell, 19912, p. 109.
( 6 ) ĠU 1978 L 166, p. 1.
( 7 ) ĠU 1978 L 166, p. 1. Ara, b’mod partikolari, il-premessi 2 sa 8 fil-preambolu tar-Regolament Nru 1360/78.
( 8 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 707/76, tal-25 ta’ Marzu 1976, dwar l-għarfien ta’ gruppi tal-produtturi ta’ dawk li jrabbu d-dud tal-ħarir (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptitolu 3, Vol 3, p. 17).
( 9 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 389/82, tal-15 ta’ Frar 1982, dwar il-gruppi tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom fis-settur tal-qoton (ĠU 1982 L 51, p. 1).
( 10 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru°404/93, tat-13 ta’ Frar 1993, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 388).
( 11 ) Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 865/2004, tad-29 ta’ April 2004, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żejt taż-żebbuġa u żebbuġ tal-mejda u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 827/68 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 153).
( 12 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1952/2005, tat-23 ta’ Novembru 2005 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħops u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 1696/71, (KEE) Nru 1037/72, (KEE) Nru 879/73 u (KEE) Nru 1981/82 (ĠU 2005 L 314, p. 1).
( 13 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008, tad-29 ta’ April 2008, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1493/1999, (KE) Nru 1782/2003, (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 3/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2392/86 u (KE) Nru 1493/1999 (ĠU 2008 L 148, p. 1).
( 14 ) Ara l-premessa 7 fil-preambolu għar-regolament.
( 15 ) Ara l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 2200/96 u l-premessa 16 fil-preambolu tiegħu.
( 16 ) Ara l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 2200/96 u l-premessa 14 fil-preambolu tiegħu. Barra minn hekk, permezz tal-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, l-Istat Membru li jkun ta r-rikonoxximent u ddeċieda li jestendi r-regoli tal-OP jista’ wkoll, f’ċerti ċirkustanzi, jiddeċiedi li l-individwi jew il-gruppi li ma jkunux membri, għandhom iħallsu lill-organizzazzjoni l-kontribuzzjonijiet kollha jew parti minnhom li jkunu tħallsu mill-membri tagħha.
( 17 ) Ara l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 2200/96.
( 18 ) Dan huwa minnu wkoll, mutatis mutandis, fir-rigward tal-Politika Komuni tas-Sajd: ara, pereżempju, l-Artikoli 5 sa 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000, tas-17 ta’ Diċembru 1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol 4, p. 198).
( 19 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU 2007 L 299, p. 1).
( 20 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 361/2008, tal-14 ta’ April 2008, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU 2008 L 121, p. 1).
( 21 ) Ara, b’mod ġenerali, von Rintelen, G., in Mögele, R., u Erlbacher, F. (eds.), Single Common Market Organisation – Article by Article Commentary of the Legal Framework for Agricultural Markets in the European Union, C.H. Beck et., Munich, 2011, pp. 527 sa 583 f’p. 538.
( 22 ) L-Artikolu 122 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu organizzazzjonijiet ta’ produtturi li (fost affarijiet oħra): “(c) isegwu għan speċifiku li jista’ b’mod partikolari, jew fir-rigward tas-settur tal-frott u l-ħxejjex għandu, jinkludi wieħed jew iżjed minn dawn l-għanijiet li ġejjin:
(i) |
l-iżgurar li l-produzzjoni hija ppjanata u aġġustata skont id-domanda, partikolament f’termini ta’ kwalità u ta’ kwantità; |
(ii) |
il-konċentrazzjoni tal-provvista u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-membri tagħha; |
(iii) |
l-ottimizzazzjoni tal-ispejjeż tal-produzzjoni u l-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet tal-produzzjoni.” |
( 23 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 103a et seq tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS.
( 24 ) Kwistjonijiet simili qamu wkoll quddiem il-qrati nazzjonali fil-kuntest ta’ proċeduri oħra. Pereżempju, l-Inner House ta’ Scottish Court of Session trattat ir-regolamenti dwar l-OP f’The Scottish Ministers v Angus Growers Limited [2012] CSIH 92. Il-kwistjoni legali ewlenija f’dik il-kawża kienet, madankollu, differenti mill-kwistjoni ewlenija fil-proċeduri attwali, għaliex kienet tikkonċerna d-domanda dwar jekk in-nuqqas tal-OP li tirrispetta l-kriterji tar-rikonoxximent kienx “sostanzjali”. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet legali li kienu rilevanti f’din il-kawża jinsabu stabbiliti fi strumenti legali li ma humiex applikabbli għall-proċeduri attwali (Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1182/2007, tas-26 ta’ Settembru 2007, li jistabbilixxi regoli speċifiċi rigward is-settur tal-frott u l-ħxejjex, u li jemenda d-Direttivi 2001/112/KE u 2001/113/KE u r-Regolamenti (KEE) Nru 827/68, (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96, (KE) Nru 2826/2000, (KE) Nru 1782/2003 u (KE) Nru 318/2006 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2202/96 (ĠU 2007 L 273, p. 1); u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007, tal-21 ta’ Diċembru 2007, li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (ĠU 2007 L 350, p. 1)).
( 25 ) Ara l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1432/2003 u l-premessa 7 fil-preambolu tiegħu.
( 26 ) Ara l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 2200/96.
( 27 ) F’dan ir-rigward, il-premessa 10 fil-preambolu tar-Regolament Nru 2200/96 tenfasizza wkoll li l-OPs għandhom jingħataw “responsabbiltà akbar għad-deċiżjonijiet finanzjarji tagħhom”.
( 28 ) Ara, fost l-oħrajn, l-Artikoli 14(5) u (6), 16(5), 18(6) tar-Regolament Nru 2200/96 u l-Artikoli 13(3) u 21 tar-Regolament Nru 1432/2003.
( 29 ) Ara l-Artikolu 11(1)(c)(3) u 11(2)(d) tar-Regolament Nru 2200/96, kif ukoll il-premessa 11 fil-preambolu tiegħu. Ara wkoll l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1432/2003.
( 30 ) Ara l-premessa 8 fil-preambolu għar-Regolament Nru 1432/2003.
( 31 ) Għall-finijiet ta’ eżawriment, ninnota li dan ir-rekwiżit tal-effikaċja jissemma wkoll fil-premessa 7 fil-preambolu tar-Regolament Nru 2200/96 u fl-Artikolu 6(1) u fil-premessa 6 fil-preambolu tar-Regolament Nru 1432/2003.
( 32 ) Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2009, Franza vs Il-Kummissjoni (T-432/07, Ġabra p. II-188, punti 56 sa 59.
( 33 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 13 tar-regolament li jippermetti lill-OP rikonoxxuti skont l-istrument legali ta’ qabel (Regolament (KEE) Nru 1035/72, tat-18 ta’ Mejju 1972, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħxejjex (ĠU L 118, p. 1)) li jkomplu joperaw għal perjodu tranżitorju, anki jekk ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 11. Barra minn hekk, l-Artikolu 14 jipprovdi perijodu tranżitorju għall-OPs ifformati ġodda u OPs li qabel ma kinux rikonoxxuti skont ir-Regolament Nru 1035/72.
( 34 ) Dwar dan, ara wkoll l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament Nru 1432/2003.
( 35 ) Dwar din il-kwistjoni, Fruition, fl-applikazzjoni tagħha għar-rikonoxximent tal-2003, irreferiet għall-ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni eżistenti ma’ Northcourt. Il-High Court of Justice, madankollu, sabet biss provi tal-abbozz tal-ftehim (mhux eżegwit) ta’ Jannar 2004 bejn iż-żewġ partijiet. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-eżistenza u l-kontenut tal-ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni msemmi fl-applikazzjoni tal-2003 rreġistrata minn Fruition.
( 36 ) F’dan il-kuntest, ninnota li, skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1432/2003, “l-ebda membru ta’ organizzazzjoni tal-produtturi ma jista’ jkollu iktar minn 20 % tad-drittijiet għall-voti. Madankollu, l-Istat Membru jista’ jżid dan il-perċentwal sa massimu ta’ 49 % fil-proporzjon tal-kontribuzzjoni tal-membri għall-valur tal-produzzjoni mqiegħda fis-suq tal-[OP].”
( 37 ) F’dan ir-rigward, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1432/2003, bit-titolu “il-kontabbiltà demokratika tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi”, jipprovdi li “l-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri kif meħtieġ sabiex jiġu evitati kull abbuż ta’ poter jew influwenza minn membru jew iktar fuq il-ġestjoni u l-ħidma ta’ organizzazzjoni tal-produtturi”. Din ir-regola tinsab ukoll fil-premessa 14 tal-preambolu ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li “l-Istati Membri għandhom jieħdu passi sabiex jiżguraw illi minoranza tal-membri li jistgħu jgħoddu għal-massa tal-produzzjoni f’organizzazzjoni tal-produtturi ma jiddominawx mingħajr mistħoqq il-ġestjoni u l-ħidma tagħha.” Għalija dawn id-dispożizzjonijiet qegħdin jimplikaw a fortiori li l-maġġoranza tal-membri tal-produtturi ma jistgħux isiru minoranza meta jittieħdu deċiżjonijiet kruċjali rigward l-operat tal-OP.
( 38 ) F’dan ir-rigward, ara fost ħafna oħra, sentenzi tal-14 ta’ Novembru 1989, Spanja u Franza vs Il-Kummissjoni (6/88 u 7/88, Ġabra p. 3639, punt 15), u tat-18 ta’ Ġunju 1996, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-303/94, Ġabra p. I 2943, punt 23).
( 39 ) Sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 1993, Dr. Tretter (C-90/92, Ġabra p. I-3569, punt 11), u tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kummissjoni vs Boehringer, C-32/00 P, Ġabra p. I-1917, punt 53).
( 40 ) Id-dispożizzjoni, fil-parti rilevanti tagħha, taqra: “L-organizzazzjoni magħrufa tal-produtturi li tkun aġixxiet in bona fede għandha żżomm għal kollox id-drittijiet li jiddevolvu mid-dritt tal-għarfien sal-mument li fih jiġi rtirat il-għarfien u, fil-każ tal-iskemi tal-għajnuna riferiti fl-Artikoli 2 u 6a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/96 kif ukoll l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2202/96, sat-tmiem tas-sena tas-suq korrenti.”