EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CC0476

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 7 ta' Frar 2013.
HK Danmark vs Experian A/S.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Vestre Landsret - id-Danimarka.
Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażat fuq l-età - Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Artikolu 21(1) - Direttiva 2000/78/KE - Artikolu 6(1) u (2) - Skema professjonali ta’ rtirar - Progressività tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet skont l-età.
Kawża C-476/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:65

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-7 ta’ Frar 2013 ( 1 )

Kawża C‑476/11

HK Danmark, li qed taġixxi għal Glennie Kristensen

vs

Experian A/S

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vestre Landsret (id-Danimarka)]

“Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Direttiva 2000/78/KE — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażat fuq l-età — Skemi professjonali ta’ siġurtà soċjali — Kontribuzzjonijiet ta’ min jimpjega għal skema professjonali ta’ rtirar — Skema ta’ kontribuzzjonijiet fissi — Progressività tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet skont l-età — Artikolu 6(2) tad-Direttiva — Portata tad-deroga”

I – Introduzzjoni

1.

Impriża tista’ torbot l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ta’ min jimpjega ma’ skema professjonali ta’ rtirar mal-età tal-impjegati jew din hija diskriminazzjoni illegali bbażata fuq l-età? Din hija l-kwistjoni li tirrigwarda t-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Vestre Landsret, li ser tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-ġurisprudenza tagħha fuq id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età ( 2 ).

2.

B’mod konkret, il-Vestre Landsret tixtieq tkun taf jekk skema professjonali ta’ rtirar li tistabbilixxi progressività fl-ammont tal-kontribuzzjonijiet skont l-età hijiex koperta mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78/KE ( 3 ). Din hija l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tinterpreta din id-dispożizzjoni ( 4 ).

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

3.

Fid-dritt tal-Unjoni, il-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża huwa stabbilit mid-Direttiva 2000/78. Din id-direttiva, skont l-Artikolu 1 tagħha, għandha l-għan li

“tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

4.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, bit-titolu “Il-Kunċett ta’ diskriminazzjoni” jgħid li:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ’il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

[…]”.

5.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 ġie stabbilit fl-Artikolu 3 tagħha:

“1.   Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

ċ)

il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]

3.   Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ħlasijiet ta’ kull tip magħmula minn skemi statali jew simili, inklużi skemi ta’ sigurtà soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali.

[…]”.

6.

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78, li jirregola l-“ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età” jgħid dan li ġej:

“1.   Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

a)

l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

b)

L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

[…]

2.   Minkejja l-Artikolu 2(2) l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità, inkluża wkoll l-iffissar għal dawn l-iskemi ta’ etajiet differenti għal ħaddiema jew għal gruppi jew kategoriji differenti ta’ ħaddiema jew ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji fil-qafas ta’ dawn l-iskemi ma jikkostitwix diskriminazzjoni minħabba l-età, sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess.”

B – Id-dritt nazzjonali

7.

Id-Direttiva 2000/78 ġiet trasposta fid-Danimarka bil-liġi dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol (lov om forbud mod forskelsbehandling på arbejdsmarkedet m.v. ou forskelsbehandlingslov, iktar ’il quddiem il-“liġi kontra d-diskriminazzjoni”) ( 5 ).

8.

L-Artikolu 1 tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni fiha definizzjoni tal-kunċett ta’ diskriminazzjoni li tikkorrispondi ma’ dik tal-Artikolu 2 tad-Direttiva. L-Artikolu 2(1) jipprojbixxi kull diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema, partikolarment f’affarijiet ta’ reklutaġġ, ta’ tkeċċija u ta’ remunerazzjoni. Fil-każ ta’ diskriminazzjoni fis-salarju, il-paragrafu 3 jistabbilixxi dritt għall-ħlas tad-differenza.

9.

L-Artikolu 6a tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni jimplementa l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78. Dan jgħid li:

“Bla ħsara għall-Artikoli 2 sa 5, din il-liġi ma tipprojbixxix li jiġu stabbiliti limiti ta’ età għall-aċċess għal skemi professjonali ta’ sigurtà soċjali jew għall-użu, fil-kuntest ta’ dawn l-iskemi, ta’ kriterji ta’ età fil-kalkolu attwarjali. L-użu ta’ kriterji ta’ età ma għandux jagħti lok għal diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.”

III – Il-fatt u d-domandi preliminari

10.

G. Kristensen ġiet impjegata ma’ Experian A/S (iktar ’il quddiem “Experian” minn Novembru 2007 sa Ottubru 2008; hija ntbagħtet taħdem fid-dipartiment tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ.

11.

Experian għandha skema professjonali ta’ rtirar. Hija ma għandhiex obbligu legali jew kuntrattwali li tipproponi assigurazzjoni għax-xjuħija professjonali. L-iskema tistrieħ fuq il-kuntratt ta’ xogħol konkluż bejn Experian u l-impjegat tagħha. Il-parteċipazzjoni fl-iskema professjonali ta’ rtirar hija obbligatorja għall-impjegati kollha ta’ Experian u tiġi fis-seħħ awtomatikament wara disa’ xhur ta’ anzjanità fl-impriża. L-iskema tistabbilixxi li Experian tħallas żewġ terzi tal-kontribuzzjonijiet, it-terz li jifdal iħallsu l-impjegat. L-ammont tal-kontribuzzjonijiet huwa ddeterminat taħt forma ta’ perċentwali tas-salarju bażiku li jikkorrispondi mar-rati progressivi li ġejjin:

? impjegati taħt il-35 sena: parti tal-impjegat ta’ 3 % u l-parti ta’ Experian ta’ 6 %;

? impjegati ta’ età bejn 35 u 45 sena: parti tal-impjegat ta’ 4 % u l-parti ta’ Experian 8 %;

? impjegati li għandhom iktar minn 45 sena: parti tal-impjegat ta’ 5 % u l-parti ta’ Experian 10 %.

12.

G. Kristensen kellha 29 sena meta ġiet impjegata. Għalhekk Experian ħallset 6 % mis-salarju bażiku tagħha lill-iskema professjonali ta’ rtirar, kif kien previst mill-kuntratt ta’ xogħol. Ir-remunerazzjoni ta’ kull xahar ta’ G. Kristensen kienet komposta minn salarju bażiku miftiehem ta’ DKK 21 500 miżjud b’kontribuzzjoni ta’ min jimpjega għall-irtirar ta’ 6 % biex b’hekk is-salarju tagħha laħħaq total ta’ DKK 22 790 fix-xahar. Kieku G. Kristensen kellha bejn 35 u 45 sena, hija kien ikollha minflok DKK 23 220 fix-xahar minħabba l-kontribuzzjoni ta’ min jimpjega iktar għolja; hija kienet tilħaq salarju fix-xahar ta’ DKK 23 650 li kieku kellha iktar minn 45 sena.

13.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Handels- og Kontorfunktionærernes Forbund (HK) ( 6 ), li qed taġixxi għal G. Kristensen, tgħid li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età kif stabbilit fl-Artikolu 2 tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni u talbet kumpens, kif ukoll arretrati tal-kontribuzzjonijiet ta’ rtirar.

14.

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li dan iqajjem il-kwistjoni jekk l-interpretazzjoni proposta minn Experian, li l-kontribuzzjonijiet ta’ rtirar progressivi skont l-età huma legali fil-konfront tal-Artikolu 6a tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni, hijiex kompatibbli mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva.

15.

Għalhekk il-Vestre Landsret issospendiet il-kawża b’digriet tal-14 ta’ Settembru 2011, li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Settembru 2011, u ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari fuq il-bażi ta’ dawn id-domandi:

“1)

L-eċċezzjoni fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE li tikkonċerna l-iffissar tal-limiti tal-età għall-ammissjoni fl-iskemi ta’ sigurtà soċjali professjonali għandha tiġi interpretata bħala awtorizzazzjoni lill-Istati Membri li jkunu ġeneralment jistgħu jagħmlu eċċezzjoni għall-iskemi ta’ sigurtà soċjali professjonali mill-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq l-età sa fejn din ma twassalx għal diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess?

2)

L-eċċezzjoni fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE li tikkonċerna l-iffissar tal-limiti tal-età għall-ammissjoni fl-iskemi ta’ sigurtà soċjali professjonali għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix lil Stat Membru milli jżomm sitwazzjoni legali li fiha persuna li tħaddem tista’ tħallas, bħala parti mill-ħlas, kontribuzzjonijiet għall-pensjoni li huma maħduma skont l-età, u dan ikun jimplika pereżempju li l-persuna li tħaddem tħallas kontribuzzjoni għall-pensjoni ta’ 6 % għall-ħaddiema li għandhom inqas minn 35 sena, 8 % għall-ħaddiema li għandhom minn 35 sa 44 sena u 10 % għall-ħaddiema li għandhom iktar minn 45 sena, sa fejn dan ma jwassalx għal diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16.

Minbarra HK u Experian, il-Gvern Daniż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, il-Gvern Belġjan, Ġermaniż, Olandiż u Spanjol ħadu sehem fil-proċeduri bil-miktub.

V – Analiżi ġuridika

Fuq l-ewwel domanda preliminari

17.

Fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari tal-Vestre Landsret, bħall-Kummissjoni, niddubita kemm hija rilevanti d-domanda għas-soluzzjoni tat-tilwima. Fil-fatt, jekk l-iskema ta’ rtirar eżaminata hijiex koperta mid-direttiva jirriżulta mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni domanda preliminari, għalkemm interpretazzjoni iktar ġenerali tal-Artikolu 6(2) ma hijiex neċessarja biex tiġi deċiża l-kawża prinċipali. Għalhekk, mhux ser nirrispondi l-ewwel domanda preliminari.

Fuq it-tieni domanda preliminari

18.

Fit-tieni domanda preliminari tagħha, il-Vestre Landsret tixtieq tkun taf jekk id-direttiva tawtorizzax Stat Membru li jżomm fis-seħħ skema legali li bis-saħħa tagħha persuna li timpjega tista’ tapplika, fil-kuntest ta’ skema professjonali ta’ rtirar, progressività tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet ibbażata fuq l-età.

19.

Id-Direttiva 2000/78 bħala prinċipju tipprojbixxi diskriminazzjoni fl-impjieg u fix-xogħol, imma tippermetti lill-Istati Membri, fl-Artikolu 6, li jistabbilixxu f’każijiet partikolari li ċerti miżuri ma jikkostitwixxux diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. Id-Danimarka fil-fatt użat din l-awtorizzazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 6(2) u daħħlet din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali tagħha fl-Artikolu 6a tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni. Skont id-digriet tar-rinviju l-Ministeru tal-Impjieg Daniż jinterpreta l-Artikolu 6a tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni fis-sens li skema professjonali ta’ rtirar bħal dik ta’ Experian tirrigwarda dan l-artikolu u għaldaqstant hija legali.

20.

Għalhekk tqum id-domanda jekk din l-interpretazzjoni tikkonformax mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva. Essenzjalment irid jiġi vverifikat jekk skema ta’ rtirar bħal dik applikata minn Experian tirrigwardax l-Artikolu 6(2).

1. L-applikabbiltà tad-Direttiva

21.

L-ewwel nett għandu jiġi vverifikat jekk id-Direttiva tapplikax. Skont l-Artikolu 3(1)(ċ) tagħha, id-Direttiva 2000/78 “għandha tapplika, fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”.

22.

Madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għandu jinftiehem, fid-dawl tal-Artikolu 3(3) tagħha, moqri flimkien mal-premessa 13 ta’ din id-direttiva, bħala li ma jkoprix l-iskemi ta’ sigurtà soċjali u tal-protezzjoni soċjali fejn il-vantaġġi ma jistgħux jiġu assimilati ma’ remunerazzjoni skont l-Artikolu 157 TFUE u lanqas il-ħlasijiet ta’ kwalunkwe natura magħmulin mill-Istat li għandhom bħala għan l-aċċess għall-impjieg jew iż-żamma fl-impjieg ( 7 ).

23.

Kif jargumentaw bl-istess mod il-Kummissjoni u l-Gvern Belġjan, l-applikabbiltà tad-Direttiva f’dan il-każ tiddependi, għalhekk, fuq jekk il-kontribuzzjonijiet ta’ rtirar ta’ min jimpjega jistgħux jiġu assimilati ma’ remunerazzjoni skont l-Artikolu 157(2) TFUE ( 8 ). Jiena nqis li dan huwa l-każ.

24.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “remunerazzjoni” skont l-Artikolu 157(2) TFUE tfisser “kwalunkwe remunerazzjoni oħra, sew jekk fi flus jew in natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, għall-impjieg tiegħu, minngħand min iħaddmu” ( 9 ). Kif qal dan l-aħħar l-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Römer ( 10 ), il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk adottat interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ remunerazzjoni li tinkludi, b’mod partikolari, il-pensjonijiet ta’ kull tip.

25.

Għal dak li jirrigwarda l-pensjonijiet ta’ rtirar professjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, għalhekk, li dawn għandhom jiġu kkunsidrati bħala remunerazzjoni ( 11 ). Ċertament, b’differenza mill-kawża Barber ( 12 ) u ma’ kawżi oħrajn li ċċitajt ( 13 ), din il-kawża ma tirrigwardax il-ħlas ta’ pensjoni lil ħaddiem li jirtira, imma l-ħlas regolari ta’ kontribuzzjonijiet ta’ min jimpjega fl-iskema ta’ rtirar. Għalhekk il-ħlasijiet ta’ Experian ma jikkostitwixxux benefiċċji fissi favur ħaddiem (skemi msejħin ta’ benefiċċji fissi), imma kontribuzzjonijiet fissi fi skema ta’ rtirar (skemi msejħin ta’ kontribuzzjonijiet fissi). Iżda anki dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala remunerazzjoni.

26.

Minn naħa, il-kontribuzzjonijiet jikkostitwixxu vantaġġ regolari attwali billi dawn jitħallsu kull xahar għal kull salarju ta’ Experian wara disa’ xhur ta’ anzjanità. Min-naħa l-oħra, l-obbligu tal-ħlas jirriżulta esklużivament mill-kuntratt ta’ xogħol u l-kontribuzzjonijiet huma mħallsin biss favur l-impjegati ta’ Experian ( 14 ). Għalhekk, il-benefiċċju huwa mħallas direttament minħabba l-impjieg u bħala korrispettiv tal-attività fis-servizz ta’ Experian. Bla dubju, is-somom huma mħallsin mhux direttament lill-ħaddiem innifsu, imma fil-kont tat-tfaddil għall-irtirar personali ta’ dan tal-aħħar. Wara mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja, Experian madankollu indikat fis-seduta li kull ħaddiem għandu kont tat-tfaddil għall-irtirar tiegħu u jiddeċiedi huwa stess, flimkien mal-konsulent tal-irtirar tiegħu, kif jiġi investit l-ammont imfaddal biex jirċievi pensjoni iktar tard. Għaldaqstant, il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet jikkostitwixxi remunerazzjoni skont l-Artikolu 157(2) TFUE ( 15 ).

2. Id-differenza fit-trattament skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva

27.

Skont id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 1 u 2(1) tad-Direttiva din tipprojbixxi kemm diskriminazzjoni diretta kif ukoll diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol; b’diskriminazzjoni wieħed jifhem kull differenza fit-trattament mhux iġġustifikat ( 16 ).

28.

Skont id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 2(2)(a) u 1 tad-Direttiva, ikun hemm diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età meta persuna tiġi ttrattata, minħabba l-età tagħha, b’mod inqas favorevoli minn oħra li la hija, la kienet u lanqas ser tkun f’sitwazzjoni paragunabbli; għalhekk id-differenza fit-trattament fl-oriġini ta’ din id-diskriminazzjoni hija marbuta direttament mal-età.

29.

Kif spjegat il-qorti tar-rinviju, is-salarju tal-impjegati ta’ Experian huwa kompost mis-salarju bażiku individwali u minn kontribuzzjoni ta’ rtirar progressiva skont l-età. Billi G. Kristensen kellha inqas minn 35 sena meta kienet qed taħdem ma’ Experian, il-kontribuzzjoni ta’ min jimpjega li Experian ħallset għaliha fl-iskema ta’ rtirar telgħet sa 6 % tas-salarju bażiku tagħha. Ir-remunerazzjoni fix-xahar globali tagħha (salarju bażiku ? 6 % ta’ kontribuzzjonijiet ta’ min jimpjega) kienet, għalhekk, inqas mir-remunerazzjoni li kien jaqla’ impjegat iktar anzjan (salarju bażiku ? 8 % ta’ kontribuzzjonijiet ta’ min jimpjega għall-impjegati li għandhom iktar minn 35 sena u salarju bażiku ? 10 % tal-kontribuzzjonijiet ta’ min jimpjega għall-impjegati li għandhom iktar minn 45 sena). L-ammont inferjuri tar-remunerazzjoni u, għaldaqstant, it-trattament inqas favorevoli, huma marbutin direttament mal-età. Għalhekk, l-iskema professjonali ta’ rtirar tirriżulta f’differenza fit-trattament diretta minħabba l-età skont id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 2(2)(a) u 1 tad-Direttiva 2000/78.

3. Il-ġustifikazzjoni tad-differenza fit-trattament

30.

Madankollu, il-progressività tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet ta’ rtirar ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni illegali bbażata fuq l-età meta d-differenza fit-trattament tkun iġġustifikata.

a) Il-ġustifikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva

31.

Experian issostni li l-iskema tagħha ta’ rtirar taqa’ taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva u, għaldaqstant, hija ġġustifikata. HK topponi din il-fehma. HK ssostni wkoll li l-Artikolu 6(2) assolutament ma japplikax f’dan il-każ.

i) Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva

32.

L-Artikolu 6(2) jirregola d-differenzi fit-trattament marbutin mal-età fil-kuntest tal-iskemi professjonali ta’ sigurtà soċjali. HK tikkontesta l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni f’dan il-każ bl-argument li din ma hijiex diskriminazzjoni fil-kuntest ta’ tali skema, imma diskriminazzjoni li sseħħ fi stadju preċedenti, jiġifieri fil-mument tal-ħlas tar-remunerazzjoni. Għalhekk, Experian, skont HK, ma tistax tinvoka l-Artikolu 6(2). Madankollu dan l-argument ma huwiex konvinċenti.

33.

Il-ħlasijiet ta’ Experian isiru fil-kont tat-tfaddil għall-irtirar tal-impjegat bħala kontribuzzjoni għall-iskema professjonali ta’ rtirar. Għalhekk, ma hemmx dubju li dan huwa benefiċċju fil-kuntest tal-iskema professjonali ta’ rtirar. Kif indikajt diġà iktar ’il fuq ( 17 ), dawn il-ħlasijiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala remunerazzjoni fis-sens tal-Artikolu 157(2) TFUE, li hija l-kundizzjoni għall-applikazzjoni tad-Direttiva.

34.

Jekk wieħed isostni, bħal HK, li l-Artikolu 6(2) ma japplikax għall-benefiċċji mħallsin fil-kuntest ta’ skema professjonali ta’ sigurtà soċjali fir-rigward tar-remunerazzjoni, l-Artikolu 6(2) jispiċċa mingħajr sustanza. Fil-fatt, kieku d-Direttiva kienet tqieset li tapplika għall-iskemi professjonali ta’ sigurtà soċjali, dan kien ikollu dejjem u awtomatikament bħala konsegwenza li l-Artikolu 6(2) ma jkunx japplika. Il-fatt li, minn naħa, id-direttiva tissuġġetta l-applikazzjoni tagħha għal tali skemi bil-kundizzjoni li l-benefiċċju konkret ta’ persuna li timpjega jista’ jiġi assimilat ma’ remunerazzjoni u li, min-naħa l-oħra, din fiha dispożizzjonijiet ta’ deroga għall-iskemi professjonali ta’ sigurtà soċjali juri li l-argument ta’ HK ma jistax jintlaqa’ u li ċ-ċirkustanza li ħlas ikollu n-natura ta’ remunerazzjoni ma jfissirx awtomatikament li l-Artikolu 6(2) huwa inapplikabbli.

35.

Għaldaqstant, il-kontribuzzjonijiet ta’ min jimpjega jikkostitwixxu benefiċċju fil-kuntest ta’ skema professjonali ta’ sigurtà soċjali, b’mod li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva huwa applikabbli.

ii) Il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 6(2)

36.

Għalhekk il-kwistjoni hija jekk l-iskema professjonali ta’ rtirar eżaminata f’dan il-każ hijiex koperta b’din id-dispożizzjoni. L-Artikolu 6(2) jistabbilixxi tliet varjanti ( 18 ) li fil-kuntest tagħhom l-użu ta’ kriterji ta’ età huwa legali, jiġifieri, l-ewwel nett, l-iffissar ta’ etajiet ta’ sħubija fi skema professjonali ta’ sigurtà soċjali ( 19 ), it-tieni nett, l-iffissar ta’ etajiet ta’ ammissibbiltà għall-benefiċċji tal-irtirar jew tal-invalidità u, it-tielet nett, l-użu ta’ kriterji tal-età fil-kalkoli attwarjali.

– L-iffissar ta’ etajiet ta’ sħubija

37.

L-ewwel varjanti tal-Artikolu 6(2) tawtorizza l-iffissar tal-etajiet ta’ sħubija fi skemi professjonali ta’ sigurtà soċjali. Id-differenza fit-trattament dwar l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet li hija marbuta mal-età tal-impjegat tkun b’hekk iġġustifikata jekk il-progressività skont l-età tikkostitwixxi ffissar bħal dan ta’ etajiet ta’ sħubija fl-iskema ta’ rtirar ta’ Experian.

38.

Fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-Direttiva 2000/78 ma tistabbilixxix hija stess il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, li għandu s-sors tiegħu f’diversi strumenti internazzjonali u fit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri, imma għandha l-għan biss li timplementa, f’dawn l-istess oqsma, qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq diversi raġunijiet fosthom dik tal-età ( 20 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età kienet l-espressjoni ta’ dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ( 21 ). Id-Direttiva 2000/78 sempliċement ikkonkretizzat dan il-prinċipju ( 22 ). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6(1) UE, il-Karta tad-Dirttijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandha l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati. L-Artikolu 21(1) tal-Karta jipprojbixxi “[k]ull diskriminazzjoni bbażata fuq […] l-età”. Minn dan il-fatt jirriżulta li l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv ( 23 ).

39.

Għaldaqstant, HK u l-Gvern Spanjol jikkunsidraw li l-iskema ta’ rtirar ta’ Experian ma hijiex koperta mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva. Huma jsemmu l-fatt li l-progressività skont l-età ma tikkundizzjonax is-sħubija. Billi kull impjegat jipparteċipa awtomatikament, wara disa’ xhur ta’ anzjanità fl-impriża, fl-iskema professjonali ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija, is-sħubija bħala tali ma tiddependix mill-età. Iżda l-progressività skont l-età tikkostitwixxi differenza fit-trattament dwar il-forma ta’ sħubija, jiġifieri fil-modalitajiet ta’ sħubija, li ma humiex irregolati mill-Artikolu 6(2).

40.

Madankollu, l-istess bħal Experian, il-Gvern Ġermaniż, Belġjan u Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni, jiena tal-fehma li l-Artikolu 6(2) japplika f’dan il-każ. Huwa veru li l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni għandhom jiġu interpretati b’mod strett, kif josservaw HK u l-Gvern Spanjol ( 24 ). Madankollu, ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta ma tipprekludix miżuri inqas restrittivi milli miżuri li kienu jkunu legali anki fil-kuntest ta’ interpretazzjoni stretta. Dan huwa l-każ f’din il-kawża.

41.

Skont il-kliem ċar tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dan jawtorizza l-iffissar tal-etajiet ta’ sħubija. Għalhekk Experian tista’ timplementa skema li fil-kuntest tagħha l-impjegati ta’ inqas minn 35 sena, pereżempju, ikunu kategorikament esklużi mill-iskema professjonali ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija. Ma hemmx dubju li l-esklużjoni kompleta mill-iskema għandha konsegwenzi għall-impjegat iktar onerużi milli l-parteċipazzjoni bi ħlas ta’ kontribuzzjonijiet inqas għoljin.

42.

Anki jekk is-sħubija stess tista’ tiġi suġġetta għal ċerti kriterji ta’ età, għandha tkun legali wkoll skema professjonali ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija fejn l-impjegati kollha jistgħu jipparteċipaw, tkun xi tkun l-età tagħhom, u li tistabbilixxi differenza fl-ammont tal-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-età. F’każ kuntrarju, id-Direttiva kien ikollha l-effett paradossali li forma inqas gravi ta’ inugwaljanza fit-trattament tkun illegali, filwaqt li inugwaljanza fit-trattament iktar sostanzjali tkun legali.

43.

Il-progressività tal-kontribuzzjonijiet skont l-età li hija stabbilita minn Experian tikkostitwixxi soluzzjoni inqas restrittiva milli l-iffissar ta’ kriterji ta’ età li jeskludu għal kollox il-parteċipazzjoni. Għaldaqstant, din tirrigwarda l-ewwel varjanti fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva.

– In-neċessità ta’ kontroll addizzjonali ta’ proporzjonalità

44.

Ċerti partijiet fil-kawża ma jaqblux fuq il-punt jekk hemmx bżonn li jsir kontroll ta’ proporzjonalità fil-kuntest tal-Artikolu 6(2). HK tikkunsidra li dan huwa l-każ minħabba l-fatt li l-Artikolu 6(2) huwa eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li dejjem għandha tkun proporzjonata. Experian u l-Gvern Daniż jopponu din il-fehma. Huma jikkunsidraw li l-Artikolu 6(2) fih deroga “ġenerali” għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età, b’mod li kontroll ta’ proporzjonalità ma huwiex neċessarju. Jiena naqbel ma’ din il-fehma.

45.

L-ewwel nett, il-kliem tad-dispożizzjoni, imqabbel ma’ dak tal-Artikolu 6(1) jiffavorixxi din l-interpretazzjoni. Filwaqt li l-Artikolu 6(1) jeħtieġ kontroll ta’ proporzjonalità, dan ma huwiex il-każ fil-paragrafu (2). Kieku l-leġiżlatur stabbilixxa kontroll addizzjonali ta’ proporzjonalità dan kien jgħidu espressament. Għall-kuntrarju, jirriżulta li dan il-kontroll ta’ proporzjonalità ma huwiex neċessarju fil-kuntest tal-Artikolu 6(2).

46.

Din id-differenza bejn il-paragrafi (1) u (2) tal-Artikolu 6 tirriżulta wkoll mill-oriġini tar-regola. Il-proġett inizjali tad-Direttiva għall-ewwel kellu biss dispożizzjonijiet fuq il-benefiċċji tal-irtirar li kienu jikkostitwixxu wieħed mill-punti tal-Artikolu 5 ( 25 ) (li wara sar l-Artikolu 6(1) attwali). L-Artikolu 5 kien jeħtieġ espressament li d-differenzi fit-trattament ikunu “oġġettivament u raġonevolment iġġustifikati b’għan leġittimu u jkunu xierqa u neċessarji għat-twettiq ta’ dan il-għan” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bl-istess mod, fil-verżjonijiet ulterjuri tal-proposta tad-Direttiva, id-dispożizzjonijiet fuq l-iskemi professjonali ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija għadhom jidhru fl-Artikolu 6(1) attwali ( 26 ), u l-applikazzjoni tagħhom hija b’hekk suġġetta għal kontroll ta’ proporzjonalità.

47.

Skont id-dokument tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-20 ta’ Ottubru 2000 (Nru 12494/00, p. 15) id-dispożizzjonijiet dwar l-iskemi professjonali ta’ sigurtà soċjali kienu ddaħħlu biss fil-paragrafu (1) iktar tard. Imbagħad, dawn ġew ifformulati mill-ġdid fil-kuntest ta’ paragrafu ġdid (ara l-proposta tal-Artikolu 6(3) li jidher fid-dokument tal-Kunsill li għadni kif iċċitajt u li jikkorrispondi mal-Artikolu 6(2) attwali). Il-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) dwar il-kontroll ta’ proporzjonalità ma ġietx irripetuta f’dan il-kuntest. Kien ukoll f’din l-okkażjoni li ddaħħlet il-premessa 25 tad-Direttiva ( 27 ), li tgħid li d-differenzi fit-trattament marbutin mal-età jeħtieġu dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jvarjaw skont is-sitwazzjoni tal-Istati Membri. Il-fatt li l-leġiżlatur ifformula paragrafu ġdid bi kliem differenti għall-iskemi professjonali ta’ sigurtà soċjali juri li dawn l-iskemi huma suġġetti għal kundizzjonijiet oħrajn, mil-lat tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, milli l-miżuri intiżi fil-kuntest tal-Artikolu 6(1). F’każ kuntrarju, id-dispożizzjonijiet tiegħu setgħu nżammu bħala punt supplimentari tal-paragrafu 1, jew jiġi stabbilit espressament kontroll ta’ proporzjonalità.

48.

L-istruttura tad-Direttiva f’sens wiesa’ tikkorrabora wkoll interpretazzjoni bħal din. Fil-fatt, kif issottometta l-Gvern Daniż, id-Direttiva fiha wkoll dispożizzjonijiet li jistabbilixxu espliċitament kontroll ta’ proporzjonalità u oħrajn li dan ma jistabbilixxuhx. L-Artikolu 3(4) li jirrigwarda l-forzi armati, jikkostitwixxi b’hekk eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età li ma jsemmix espressament il-kontroll ta’ proporzjonalità. Iżda, l-Artikolu 4(1) jipprovdi li, sabiex differenzi fit-trattament fil-ħajja professjonali ma jikkostitwixxux diskriminazzjoni, jeħtieġ li “l-għan ikun leġittimu u [l-ħtieġa] proporzjonat[a]”. Għalhekk il-leġiżlatur stabbilixxa distinzjoni ċara bejn is-sitwazzjonijiet li bħala prinċipju ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni u s-sitwazzjonijiet li huma suġġetti wkoll għall-kontroll ta’ proporzjonalità.

49.

Din l-interpretazzjoni tikkonforma wkoll mal-għan tal-Artikolu 6(2). Din id-dispożizzjoni għandha bħala għan li tneħħi l-ostakoli għall-ġeneralizzazzjoni tal-iskemi professjonali ta’ ritrar u biex tiggarantixxi l-funzjonament tajjeb ta’ dawn l-iskemi. Billi l-leġiżlazzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri differenti huma, minn naħa, differenti ħafna u, min-naħa l-oħra, kumplessi ħafna, l-Istati Membri għandu jkollhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’dan ir-rigward ( 28 ).

50.

Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għall-fehma ta’ HK, mhux neċessarju kontroll addizzjonali ta’ proporzjonalità. Ċertament, f’dan il-kuntest tista’ ssir il-mistoqsija jekk, sa fejn jistabbilixxi eċċezzjoni globali għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni mingħajr ma jeħtieġ kontroll ta’ proporzjonalità, l-Artikolu 6(2) jiksirx il-Karta. Madankollu, it-talba għal deċiżjoni preliminari tal-lum ma tirrigwardax l-validità ta’ din id-dispożizzjoni.

– Konklużjoni provviżorja

51.

Fil-qosor, l-iskema ta’ rtirar applikata minn Experian taqa’ taħt l-Artikoli 6(2) tad-Direttiva.

b) Il-ġustifikazzjoni taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva

52.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma’ taqbilx ma’ din il-fehma tqum il-kwistjoni dwar il-ġustifikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva. Experian tinvoka din id-dispożizzjoni b’mod sussidjarju. Minkejja l-fatt li l-qorti tar-rinviju ma talbitx li l-Artikolu 6(1) jiġi interpretat, jiena xorta ser nieħu pożizzjoni fuq din il-kwistjoni f’dak li ser ngħid iktar ’l isfel sabiex nipprovdilha risposta utli.

53.

L-Artikolu 6(1) jipprovdi li trattament differenti bbażat fuq l-età ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni meta jkun oġġettivament u raġonevolment ġustifikat, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, minħabba għan leġittimu, b’mod partikolari minħabba għanijiet leġittimi marbuta mal-politika tal-impjieg, mas-suq tax-xogħol u mat-taħriġ professjonali, u meta l-mezzi magħżula sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji ( 29 ). Għalhekk jeħtieġ li l-miżura li tat lok għad-differenza fit-trattament tistrieħ fuq għan leġittimu u tgħaddi minn kontroll ta’ proporzjonalità ( 30 ).

54.

Il-qorti nazzjonali biss hija kompetenti biex tevalwa l-fatti tal-kawża adita bihom u biex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Hija għandha tiddetermina jekk u sa fejn għanijiet “leġittim[i]” skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jistgħu jiġġustifikaw dispożizzjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja meta tiddeċiedi r-rinviju għal deċiżjoni preliminari tista’ tiggwida l-qorti nazzjonali f’din l-interpretazzjoni ( 31 ).

i) L-għan leġittimu

55.

Għal dak li jirrigwarda l-għan ta’ miżura, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Istati Membri kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla tat-twettiq ta’ għan partikolari fost oħrajn fir-rigward tal-politika soċjali u tal-impjieg ( 32 ). Fi kwalunkwe każ, madankollu, iridu jkunu għanijiet li jirrigwardaw il-politika soċjali, bħal dawk marbutin mal-politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol jew tal-formazzjoni professjonali ( 33 ).

56.

Experian issostni li l-progressività tal-kontribuzzjonijiet hija intiża, minn naħa, biex tippermetti lill-ħaddiema anzjani li jfaddlu biżżejjed għall-irtirar tagħhom anki jekk jidħlu fis-servizz ta’ Experian fi stadju avvanzat tal-karriera tagħhom.

57.

Min-naħa l-oħra, hija trid tintegra l-ħaddiema żgħażagħ fl-iskema ta’ rtirar fi stadju bikri. Madankollu, dawn ġeneralment għandhom interess li jkunu jistgħu jiddisponu liberament mill-parti l-kbira tas-salarju tagħhom minflok joqgħodu jinvestu minn issa għax-xjuħija. Il-progressività tal-kontribuzzjonijiet (u, għaldaqstant, tal-kontribuzzjonijiet tal-impjegati) tikkontribwixxi, għalhekk, biex tnaqqas il-piżijiet li jġorru l-ħaddiema żgħażagħ.

58.

Meta tipprova tippermetti lill-ħaddiema anzjani li jkollhom kapital għall-irtirar biżżejjed biex ikollhom dritt għal pensjoni sinjifikattiva anki jekk il-perijodu ta’ kontribuzzjonijiet huwa qasir, u meta l-ħaddiema żgħażagħ jiddaħħlu fi skema fi stadju bikri mingħajr ma jkollhom, minħabba l-kontribuzzjonijiet, piż finanzjarju tqil wisq fir-rigward ta’ għan li għadu ’l bogħod, l-iskema ta’ ritrar ta’ Experian għandha għanijiet leġittimi li jirrigwardaw il-politika soċjali, li huma marbutin mal-politika tal-impjieg u mas-suq tax-xogħol. Meta jkollha dawn l-għanijiet, differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età tista’ tkun bħala prinċipju ġġustifikata fir-rigward tal-vantaġġi marbutin mal-impjieg (ara d-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) u tas-subparagrafu (b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78).

59.

Madankollu, jibqa’ biex jiġi vverifikat jekk il-fatt li jiżdied l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ta’ min jimpjega bbażat fuq l-età tal-ħaddiema huwiex proporzjonat mat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet leġittimi. Skont il-kliem tal-Artikolu 6(1) il-progressività skont l-età tkun proporzjonata meta tkun xierqa u neċessarja u meta tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa mingħajr ma jiġu ppreġudikati eċċessivament l-interessi tal-ħaddiema żgħażagħ.

ii) In-natura xierqa

60.

Il-progressività skont l-età hija “xierqa” meta tista’ tiggarantixxi t-twettiq ta’ għan mixtieq, jiġifieri li tippermetti lill-ħaddiema anzjani li jakkumulaw biżżejjed flus fil-kont tat-tfaddil għall-irtirar personali tagħhom u lill-ħaddiema żgħażagħ li jipparteċipaw fi skema fi stadju bikri mingħajr ma jitgħabbew b’piżijiet finanzjarji tqal wisq.

61.

Meta titqies is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri fl-għażla tal-miżuri li jistgħu jwettqu l-għanijiet tagħhom fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, li tirriżulta mill-marġni wiesa’ ta’ manuvra tagħhom ( 34 ), ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat biex jiġi żgurat li l-miżuri meħudin ma jidhrux irraġonevoli ( 35 ) jew — fi kliem ieħor — li l-miżuri meħudin ma jkunux manifestament mhux xierqa biex jintlaħaq l-għan mixtieq ( 36 ).

62.

Il-progressività tal-benefiċċji skont l-età ma tidhirx manifestament xierqa biex jintlaħqu l-għanijiet intiżi. Għall-kuntrarju, huwa għal kollox loġiku li, fir-rigward tal-ħaddiema anzjani li jidħlu tard fis-servizz ta’ Experian u għalhekk jagħmlu ħlasijiet fil-kont tat-tfaddil għall-irtirar matul perijodu iqsar, kontribuzzjonijiet ta’ ammont iktar sostanzjali għandhom jitħallsu sabiex fl-aħħar tal-karriera tagħhom ikollhom kapital suffiċjenti. L-iskema ta’ Experian tiżgura wkoll il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema żgħażagħ.

iii) In-neċessità

63.

Barra minn hekk, il-progressività skont l-età tal-kontribuzzjonijiet għandha tkun neċessarja wkoll. Miżura tkun “neċessarja” biss meta l-għan mixtieq ma jkunx seta’ jintlaħaq b’mezz daqstant ieħor xieraq, imma inqas restrittiv.

64.

Soluzzjoni inqas restrittiva li tista’ tkun prevista sabiex il-ħaddiema anzjani jkollhom biżżejjed flus fil-kont tat-tfaddil għall-irtirar tagħhom tkun li, l-ewwel nett, l-impjegati kollha jiġu ttrattati bl-istess mod għal dak li jirrigwarda kontribuzzjonijiet imħallsin (bir-rata attwalment applikabbli għall-impjegati ta’ iktar minn 45 sena). Madankollu, f’dan il-każ, l-għan li jikkonsisti f’li ma jitqegħdux piżijiet eċċessivi fuq il-ħaddiema żgħażagħ ma huwiex probabbli li jintlaħaq peress li l-kontribuzzjonijiet tal-impjegati xorta jkunu iktar għoljin f’dan il-każ.

65.

Iżda dak li jista’ joħloq problema huwa l-fatt li Experian tistabbilixxi b’mod ġenerali kontribuzzjonijiet iktar għoljin għall-ħaddiema kollha anzjani mingħajr ma tivverifika jekk effettivament għandhomx bżonn ta’ somom iktar għoljin. Fil-fatt, iż-żieda fil-kontribuzzjonijiet tibbenefika kull ħaddiem anzjan indipendentement mill-punt jekk huwiex impjegat li għandu anzjanità kbira li seta’ akkumula kontribuzzjonijiet matul perijodu twil ma’ Experian (u li għalih ma għandux bżonn iħallas kontribuzzjonijiet iktar għoljin) jew ta’ impjegat ġdid (li forsi għad ma għandux kapital tal-irtirar jew kapital f’ammont żgħir biss). Barra minn hekk, fil-każ ta’ impjegati ġodda, l-iskema lanqas ma tagħmel differenza bejn dawk li diġà għandhom assigurazzjoni għax-xjuħija professjonali biżżejjed skont relazzjonijiet ta’ impjieg preċedenti u dawk li ma għandhomx.

66.

Għaldaqstant tqum il-kwistjoni jekk progressività tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet ibbażata fuq il-bżonn jew, jekk ikun il-każ, progressività tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet ibbażata fuq il-perijodu ta’ impjieg (li teoretikament għadha possibbli) fl-impriża jiġux ikkunsidrati bħala miżuri inqas restrittivi, imma xorta effikaċi biex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa.

67.

F’dan ir-rigward, hemm bżonn li jerġa’ jiġi kkunsidrat mill-ġdid il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fil-qasam tal-politika soċjali ( 37 ). Ċertament, dan ma għandux l-effett li jneħħi s-sustanza tal-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażat fuq l-età ( 38 ). Iżda bħala prinċipju teżisti l-possibbiltà li, għal raġunijiet ta’ semplifikazzjoni, ma jsirx eżami ta’ kull każ partikolari u, minflok, wieħed jipproċedi skont it-tip billi l-ħaddiema jiġu kklassifikati fi gruppi ddeterminati skont kriterji ġenerali ( 39 ). Dan huwa għaliex jistgħu jenħtieġu biss miżuri (inqas restrittivi) li jistgħu jitwettqu u huma fattibbli mil-lat ekonomiku fil-kuntest ta’ skema vijabbli.

68.

Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-impriża ma għandhiex obbligu li timplementa skema professjonali ta’ rtirar li tqis il-bżonnijiet individwali tal-impjegati kollha. Huma l-iskemi tal-Istat, li għalihom ma tapplikax id-Direttiva 2000/78, li għandhom jiżguraw kopertura bażika biżżejjed fil-qasam tal-irtirar. Għaldaqstant li huwa importanti biss hija l-koerenza interna tal-iskema professjonali ta’ rtirar ikkunsidrata. Experian tixtieq toffri lill-impjegati tagħha, tkun xi tkun id-data tad-dħul tagħhom fis-servizz u jkunu xi jkunu r-relazzjonijiet ta’ impjieg preċedenti tagħhom, skema professjonali ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija li taħdem. Experian sostniet ukoll li l-eżami tal-bżonnijiet individwali tal-impjegati ma kienx possibbli mil-lat tekniku. Għar-raġunijiet preċedenti, jidher li għandha titwarrab ukoll il-progressività tal-kontribuzzjonijiet ibbażata fuq il-bżonnijiet.

69.

Problema oħra tinsab fil-fatt li l-ammont tat-total tal-kontribuzzjonijiet ta’ rtirar huwa varjabbli. Għal dak li jirrigwarda l-integrazzjoni tal-ħaddiema żgħażagħ, li mingħandhom l-ewwel nett għandha tintalab kontribuzzjoni iżgħar għall-iskema ta’ rtirar, tqum il-kwistjoni jekk din tistax issir ukoll billi jiġu varjati biss il-kontribuzzjonijiet tal-impjegati filwaqt li l-kontribuzzjonijiet ta’ min jimpjega jibqgħu fissi. Fil-fatt, il-kontribuzzjonijiet ta’ min jimpjega ma għandhomx ir-riperkussjonijiet konkreti fuq is-salarju nett li l-ħaddiema żgħażagħ jieħdu effettivament kull xahar. Ħaddiem żagħżugħ ma “jħossx” jekk il-kontribuzzjonijiet ta’ min jimpjega humiex għoljin jew baxxi billi l-kontribuzzjonijiet tal-impjegati biss jinfluwenzaw direttament ir-remunerazzjoni fix-xahar effettivament disponibbli. Ma jistax jiġi deċiż, fid-dawl tal-informazzjoni li għandi, il-punt jekk din hijiex soluzzjoni alternattiva (ekonomikament) sostenibbli. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha ssolvi din il-kwistjoni.

iv) In-nuqqas ta’ preġudizzju eċċessiv

70.

Madankollu, anki jekk il-progressività skont l-età kienet il-mezz l-inqas restrittiv biex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mixtieqa, xorta jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk din ir-regola tippreġudikax b’mod eċċessiv l-interessi tal-ħaddiema żgħażagħ. Fil-fatt, jirriżulta mill-prinċipju ta’ proporzjonalità li miżuri li jippreġudikaw dritt iggarantit mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni — f’dan il-każ, il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — ma għandhomx jikkawżaw lill-individwi inkonvenjenti sproporzjonati b’relazzjoni mal-għanijiet intiżi ( 40 ).

71.

F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li, minn naħa, l-iskema hija obbligatorja għall-impjegati kollha u għalhekk ma jistgħux jagħżlu li jirrinunzjaw il-kontribuzzjonijiet ta’ rtirar u li jitħallsu l-ammonti korrispondenti. Barra minn hekk, ma huwiex konvinċenti l-argument imressaq minn Experian li l-ħaddiema żgħażagħ li jixtiequ jibbenefikaw minn salarju globali ogħla jistgħu jinnegozjawh individwalment. Impjegat individwali ma jistax jimpedixxi jew itaffi permezz ta’ stipulazzjonijiet kuntrattwali trattament sfavorevoli bbażat fuq l-età li jirriżulta minn skema. Dan huwa dovut għall-fatt li l-ħaddiem ġeneralment ikun f’pożizzjoni iktar dgħajfa matul in-negozjati ma’ persuna li timpjega.

72.

F’dan il-każ, ma jistax jiġi eskluż li l-iżvantaġġi tad-differenza fit-trattament jiġu kkumpensati bil-vantaġġi li huma marbutin magħhom. Ċertament din hija differenza fit-trattament li tista’ tasal sal-4 % tas-salarju bażiku, li fil-każ ta’ G. Kristensen jammonta għal nuqqas ta’ qligħ ta’ DKK 860 ( 41 ) fix-xahar. Bla dubju dan ma huwiex xi ammont żgħir. Madankollu, wieħed għandu jżomm f’moħħu li, minn naħa, G. Kristensen tieħu vantaġġi mill-iskema professjonali ta’ rtirar ta’ Experian sa fejn il-kontribuzzjonijiet għall-iskema ta’ rtirar tagħha jitħallsu kull xahar. Min-naħa l-oħra, meta l-kontribuzzjonijiet ta’ min jimpjega jkunu ftit għoljin, il-kontribuzzjonijiet tal-impjegat ikunu hekk ukoll, għalkemm G. Kristensen ikollha tħallas hija stess 3 % tas-salarju bażiku tagħha fil-kont ta’ tfaddil għall-irtirar. Li kieku kellha iktar minn 45 sena, il-parti tagħha kienet togħla għal 5 %. Fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha ssib bilanċ bejn dawn l-elementi.

v) Konklużjoni provviżorja

73.

Fil-qosor, miżura bħal dik ikkontestata f’din il-kawża tista’ tkun iġġustifikata meta l-progressività tal-kontribuzzjonijiet skont l-età stabbilita jkollha bħala għan li l-ħaddiema anzjani jkunu jistgħu jfaddlu biżżejjed għall-irtirar anki jekk jidħlu fis-servizz tal-impriża kkonċernata fi stadju avvanzat tal-karriera tagħhom u meta l-progressività skont l-età hija intiża wkoll biex tintegra l-ħaddiema żgħażagħ fl-iskema professjonali ta’ rtirar fi stadju bikri mingħajr ma jiġu imposti fuqhom kontribuzzjonijiet ta’ rtirar eċċessivi matul l-ewwel snin. Madankollu, dan jgħodd jekk mil-lat ekonomiku ma jkunx raġonevolment possibbli li jittieħdu miżuri prattiċi oħrajn u xierqa għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet li jkollhom effetti inqas sfavorevoli għall-ħaddiema żgħażagħ u jekk ukoll l-iżvantaġġi marbutin mad-differenza fit-trattament ma jkunux sproporzjonati b’relazzjoni mal-vantaġġi tal-iskema.

vi) Il-promozzjoni tal-lealtà lejn l-impriża

74.

Il-Gvern Belġjan jirrileva wkoll li l-miżura tista’ tkun intiża wkoll għall-promozzjoni tal-lealtà tal-impjegati lejn l-impriża. Fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Experian ma qalet xejn fuq il-punt jekk il-progressività skont l-età riditx tilħaq dan l-għan ukoll. Għaldaqstant, hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina jekk dan huwiex il-każ u jekk il-progressività tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet tikkostitwixxix speċi ta’ primjum għal-lealtà lejn l-impriża.

75.

Jekk seħħ dan, bħala prinċipju dan huwa għan leġittimu. Il-progressività skont l-età tidher li hija xierqa bħala prinċipju, għall-inqas f’dak li jirrigwarda l-ħaddiema żgħażagħ, sabiex tiġi promossa l-fedeltà tal-impjegati lejn l-impriża. Madankollu għandu jitqies il-fatt li l-progressività tal-kontribuzzjonijiet ma hijiex marbuta mal-anzjanità fl-impriża, imma tapplika indipendentement minnha, għalkemm tibbenefika wkoll lill-ħaddiema li jidħlu biss fis-servizz ta’ Experian fi stadju avvanzat tal-karriera tagħhom. Għalhekk, il-progressività skont l-età ma hijiex neċessarja f’dan ir-rigward. Mezz inqas restrittiv u iktar effikaċi jista’ jkun li l-ammont tal-kontribuzzjonijiet jintrabat mal-anzjanità fl-impriża minflok mal-età tal-impjegat. Dan l-element għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti tar-rinviju jekk din tinkludi dan l-għan fl-analiżi tagħha.

VI – Konklużjoni

76.

Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha tirrispondi d-domandi preliminari bil-mod kif ġej:

“1)

L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE jawtorizza Stat Membru li jżomm fis-seħħ skema legali li bis-saħħa tagħha l-persuna li timpjega tista’ tħallas, bħala parti mir-remunerazzjoni, kontribuzzjonijiet għall-iskema professjonali ta’ rtirar li huma progressivi skont l-età, u dan ikun jimplika, pereżempju, li l-persuna li timpjega tħallas kontribuzzjoni għall-irtirar ta’ 6 % għall-impjegati li għandhom inqas minn 35 sena, 8 % għall-impjegati li għandhom minn 35 sa 44 sena u 10 % għall-impjegati li għandhom iktar minn 45 sena.

2)

Skema ta’ rtirar bħal din tista’ tkun iġġustifikata fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 meta l-progressività tal-kontribuzzjonijiet skont l-età stabbilita jkollha bħala għan li l-ħaddiema anzjani jkunu jistgħu jfaddlu biżżejjed għall-irtirar anki jekk jidħlu fis-servizz tal-impriża kkonċernata fi stadju avvanzat tal-karriera tagħhom u meta l-progressività skont l-età hija intiża wkoll biex tintegra l-ħaddiema żgħażagħ fl-iskema professjonali ta’ rtirar fi stadju bikri mingħajr ma jiġu imposti fuqhom kontribuzzjonijiet ta’ rtirar eċċessivi matul l-ewwel snin. Madankollu, dan jgħodd jekk mil-lat ekonomiku ma jkunx raġonevolment possibbli li jittieħdu miżuri prattiċi oħrajn u xierqa għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet li jkollhom effetti inqas sfavorevoli għall-ħaddiema żgħażagħ u jekk ukoll l-iżvantaġġi marbutin mad-differenza fit-trattament ma jkunux sproporzjonati b’relazzjoni mal-vantaġġi tal-iskema.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza ewlenija tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa (C-411/05, Ġabra p. I-8531), kif ukoll is-sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 2010, Ingeniørforeningen i Danmark, imsejħa “Andersen” (C-499/08, Ġabra p. I-9343) u tas-6 ta’ Diċembru 2012, Odar (C‑152/11).

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

( 4 ) Aspett ieħor tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78 jidher fil-Kawża C‑546/11, Toftgaard. Ara l-konklużjonijiet tiegħi tal-lum f’dik il-kawża.

( 5 ) Liġi Nru 459 tat-12 ta’ Ġunju 1996. Il-liġi li temenda Nru 1417, tat-22 ta’ Diċembru 2004, introduċiet il-kriterji tal-età u tad-diżabbiltà fil-liġi kontra d-diskriminazzjoni. Il-liġi li temenda daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Diċembru 2004.

( 6 ) Union tal-impjegati fil-kummerċ u klerikali tad-Danimarka.

( 7 ) Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2011, Römer (C-147/08, Ġabra p. I-3591, punt 32), u tal-1 ta’ April 2008, Maruko (C-267/06, Ġabra p. I-1757, punt 41).

( 8 ) Billi f’dan il-każ din hija sistema ta’ rtirar purament professjonali u mhux benefiċċju mħallas minn sistema statali jew assimilat ma’ tali benefiċċju, ir-raġunijiet ta’ esklużjoni tal-Artikolu 3(3) b’mod ċar ma japplikawx. B’mod partikolari, il-benefiċċji ma humiex direttament irregolati mil-liġi imma biss mill-kuntratt ta’ xogħol u japplikaw biss għal grupp speċjali ta’ ħaddiema, jiġifieri l-impjegati ta’ Experian, ara s-sentenza tas-17 ta’ Mejju 1990, Barber (C-262/88, Ġabra p. I-1889, punt 22).

( 9 ) Ara s-sentenzi tal-25 ta’ Mejju 1971, Defrenne (80/70, Ġabra p. 445, punt 6); tad-9 ta’ Frar 1982, Garland (12/81, Ġabra p. 359, punt 5); Barber (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 12); u Römer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 32).

( 10 ) Punt 54 tal-konklużjonijiet tal-15 ta’ Lulju 2010 (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7).

( 11 ) Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Mejju 1986, Bilka-Kaufhaus (170/84, Ġabra p. 1607, punt 22); Barber (ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 28); u tal-10 ta’ Frar 2000, Deutsche Telekom (C-50/96, Ġabra p. I-743, punt 27). Ara wkoll il-premessa 13 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, p. 23), li fiha dan il-kliem: “Fis-sentenza tagħha tas-17 ta’ Mejju 1990 fil-Każ C‑262/88 l-Qorti tal-Ġustizzja ddeterminat li l-forom kollha ta’ pensjoni tax-xogħol jikkostitwixxu element ta’ remunerazzjoni li jaqgħa fit-tifsira ta’ l-Artikolu 141 tat-Trattat.”

( 12 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.

( 13 ) Ara nota ta’ qiegħ il-paġna 11.

( 14 ) Sentenza Barber (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 25).

( 15 ) Din il-konklużjoni tikkonforma wkoll mas-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 1993, Neath (C-152/91, Ġabra p. I-6935, punt 29), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq l-obbligu kuntrattwali konkret tal-persuna li timpjega biex tiddeċiedi l-kwistjoni tal-identifikazzjoni ta’ benefiċċju bħala remunerazzjoni. Fil-każ ta’ Experian, il-kuntratt ta’ xogħol kien jistabbilixxi biss obbligu li jitħallsu l-benefiċċji u mhux obbligu li titħallas ulterjorment pensjoni.

( 16 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħi tas-6 ta’ Mejju 2010 fil-kawża Andersen (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2) u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll l-aħħar sentenza tal-premessa 25 tad-Direttiva 2000/78: “Huwa għalhekk essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn id-differenzi fi trattament li huma ġġustifikati […] u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita”.

( 17 ) Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 18 ) Dan jgħodd tal-inqas għall-verżjoni Ġermaniża, Franċiża, Ingliża, Spanjola u Taljana tad-Direttiva li jiena pparagunajt. Mad-daqqa ta’ għajn, il-kliem tal-verżjoni lingwistika Daniża għandha żewġ varjanti biss, jiġifieri s-sħubija fi skemi professjonali ta’ sigurtà soċjali (“adgang til”) u l-użu, fil-kuntest ta’ dawn l-iskemi, ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli attwarjali (“anvendelse af alderskriteriet inden for rammerne af disse ordninger”). Madankollu, fil-fehma tiegħi, din id-differenza ma hijiex rilevanti f’dan il-każ, peress li l-iffissar ta’ etajiet ta’ sħubija huwa msemmi wkoll fil-verżjoni Daniża tad-Direttiva u li s-sistema ta’ rtirar ta’ Experian hija ġġustifikata diġà bis-saħħa ta’ din l-ewwel varjanti.

( 19 ) Madankollu, ma hijiex is-sħubija fl-iskemi professjonali kollha ta’ sigurtà soċjali li hija involuta, imma s-sħubija biss f’dak li jirrigwarda l-età jew l-invalidità; ara l-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati llum fil-Kawża C‑546/11, Toftgaard.

( 20 ) Sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C-144/04, Ġabra p. I-9981, punt 74), u tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C-555/07, Ġabra p. I-365, punt 20).

( 21 ) Ara s-sentenza Mangold (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 75).

( 22 ) Ara s-sentenza Kücükdeveci (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 21).

( 23 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen (C-341/08, Ġabra p. I-47, punt 60).

( 24 ) Ara wkoll fuq dan is-suġġett il-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 ) Ara l-Artikolu 5(b) u (c) tal-proposta tad-Direttiva tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 1999, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-impjiegi u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, COM(1999) 565 finali, p. 23.

( 26 ) Ara l-verżjoni tal-Artikolu 6(1) li tidher fid-dokument tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-11 ta’ Ottubru 2000 (Nru 12269/00, p. 15), li jitkellem diġà fuq “skemi professjonali ta’ sigurtà soċjali”. L-iskemi professjonali ta’ sigurtà soċjali ssemmew għall-ewwel darba fid-dokument tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-1 ta’ Marzu 2000 [Nru 6434/00, p. 4, fil-punt (g) u fl-Artikolu 5(b)].

( 27 ) Ara d-dokument tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Ottubru 2000 (Nru 12270/00 ADD 1, p. 5).

( 28 ) Ara, fuq dan il-punt, id-dokument tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-11 ta’ Ottubru 2000 (Nru 12270/00, p. 3), fejn ir-Renju Unit iqajjem dan il-marġni ta’ diskrezzjoni.

( 29 ) Ara s-sentenza Odar (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 37).

( 30 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 42 sa 47 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Andersen (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2).

( 31 ) Sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England (C-388/07, Ġabra p. I-1569, punti 47 u 48), tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado (C-238/05, Ġabra p. I-11125, punt 40) u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 32 ) Ara s-sentenzi Mangold (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 63) u Palacios de la Villa (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 68).

( 33 ) Sentenzi Age Concern England (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punti 47 u 48); tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter (C-88/08, Ġabra p. I-5325, punt 41); u tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C-447/09, Ġabra p. I-8003, punt 80).

( 34 ) Sentenzi Palacios de la Villa (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 68), Mangold (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 63), Age Concern England (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 51) u Kücükdeveci (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 38); ara wkoll, fl-istess sens, il-premessa 25 tad-Direttiva 2000/78, li tgħid li differenzi fit-trattament marbutin mal-età jitolbu “dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jvarjaw skond is-sitwazzjoni fl-Istati Membri” (iċċitata fis-sentenza Palacios de la Villa, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 69).

( 35 ) Sentenzi Palacios de la Villa (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 72) u Petersen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 70).

( 36 ) Ara l-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Andersen (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2).

( 37 ) Ara l-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 38 ) Sentenza Age Concern England (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 51) u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll il-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Andersen (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2) u l-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Hlozek (sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2004, C-19/02, Ġabra p. I-11491).

( 39 ) Ara mill-ġdid il-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Andersen (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2) u l-punti 57 u 58 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Hlozek (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38).

( 40 ) Ara l-punti 67 u 68 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Andersen (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), kif ukoll is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder HS Kraftfutter (265/87, Ġabra p. 2237, punt 21); tal-10 ta’ Marzu 2005, Tempelman u van Schaijk (C-96/03 u C-97/03, Ġabra p. I-1895, point 47); tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C-379/08 u C-380/08, Ġabra p. I-2007, punt 68); u Andersen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 47).

( 41 ) Skont il-kambju applikabbli fiż-żmien meta ġie ppreżentat ir-rikors fil-qorti nazzjonali, DKK 860 kienu jikkorrispondu għal madwar EUR 115.50.

Top