Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CC0440

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 29 ta' Novembru 2012.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Stichting Administratiekantoor Portielje u Gosselin Group NV.
    Appell - Kompetizzjoni - Akkordji - Artikolu 81 KE u Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE - Suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju - Iffissar dirett u indirett tal-prezzijiet, tqassim tas-suq u manipulazzjoni tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti - Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur lill-korp li jikkontrolla l-azzjonijiet - Kunċett ta’ ‘impriża’ - Preżunzjoni tal-eżistenza effettiva ta’ influwenza determinanti - Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan - Linji gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri - Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi (2006) - Ċirkustanzi attenwanti.
    Kawża C-440/11 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:763

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    KOKOTT

    ippreżentati fid-29 ta’ Novembru 2012 ( 1 )

    Kawża C-440/11 P

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    Stichting Administratiekantoor Portielje u Gosselin Group NV

    “Appell — Kompetizzjoni — Akkordji, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma — Artikolu 81(1) KE u Artikolu 53(1) ŻEE — Kunċett ta’ impriża — Imputazzjoni tal-ksur tad-dritt tal-akkordji minn kumpannija kummerċjali lil fondazzjoni li tikkontrolla, direttament jew indirettament, l-ishma kollha f’dik il-kumpannija, iżda li ma hijiex proprjament ekonomikament attiva — ‘Kartell tal-ġarr’ — Suq Belġjan tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali”

    I – Introduzzjoni

    1.

    Dan il-każ jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja okkażjoni oħra biex tirfina l-ġurisprudenza tagħha fuq il-kwistjoni kontroversjali immensa dwar ir-responsabbiltà tal-kumpanniji parent għal ksur tad-dritt tal-akkordji mwettaq mis-sussidjarji li jkunu kompletament proprjetà tagħhom. Essenzjalment, il-kwistjoni f’dan il-każ hija dwar jekk tali imputazzjoni tar-responsabbiltà taħt id-dritt tal-akkordji teżiġix li l-kumpannija parent trid tkun twettaq attività ekonomika hija stess, jiġifieri, li hija stess tkun impriża fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni Ewropew, jew jekk huwiex biżżejjed li s-sussidjarja twettaq tali attività ekonomika u l-kumpannija parent u dik sussidjarja flimkien, jikkostitwixxu impriża.

    2.

    Dan il-punt legali iqum fir-rigward tal-“kartell tal-ġarr” li l-Kummissjoni Ewropea kixfet fir-rigward tas-suq Belġjan tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali ftit snin ilu u li hija tat deċiżjoni fuqu li imponiet multi fil-11 ta’ Marzu 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) ( 2 ). Il-Kummissjoni akkużat lil Gosselin Group NV (iktar ’il quddiem “Gosselin”), flimkien ma’ disa’ impriżi jew gruppi ta’ impriżi oħra, li pparteċipaw fil-kartell dwar is-servizzi ta’ ġarr u mmultat lil Gosselin. Il-Kummissjoni żammet ukoll lil Stichting Administratiekantoor Portielje (iktar ’il quddiem “Portielje”) responsabbli in solidum għal parti mill-multa, li hija fondazzjoni ta’ familja li tikkontrolla, direttament jew indirettament, l-ishma kollha fil-kapital ta’ Gosselin u hija intiża li tiżgura l-għaqda fit-tmexxija ta’ Gosselin fl-interessi tal-familja fondatriċi.

    3.

    Madankollu, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li huwa illegali li Portielje tinżamm responsabbli in solidum u fis-sentenza tagħha fil-kawżi magħquda T-208/08 u T-209/08 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti Ġenerali” jew is-“sentenza appellata”) ( 3 ), issostanzjat din id-deċiżjoni primarjament abbażi tal-fatt li Portielje minnha nnfisha ma kinitx involuta f’attività ekonomika u għaldaqstant ma kinitx impriża.

    4.

    Huwa kontra dik is-sentenza li l-Kummissjoni ppreżentat dan l-appell. Hija targumenta li l-imputazzjoni tar-responsabbiltà taħt id-dritt tal-akkordji tiddependi kompletament fuq jekk kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha – f’din il-kawża, Portielje u Gosselin – jifformawx flimkien impriża, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni Ewropew u fuq jekk dik l-unità ekonomika tistax tkun akkużata li pparteċipat fil-kartell.

    5.

    Fil-kuntest ta’ appelli oħrajn li għadhom pendenti għal dak li jirrigwarda l-kartell tal-ġarr, il-Qorti tal-Ġustizzja dalwaqt ser ikollha titratta ċertu numru ta’ kwistjonijiet oħrajn ( 4 ).

    II – Il-fatti li wasslu għall-kawża

    6.

    Gosselin hija kumpannija kummerċjali li għandha s-sede tagħha fil-Belġju, twaqqfet fl-1983 u ilha topera bħala kumpannija tal-ġarr taħt dan l-isem mill-20 ta’ Diċembru 2007 ( 5 ).

    7.

    Portielje hija fondazzjoni stabbilita fl-2001 li għandha s-sede tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi u li tlaqqa’ flimkien azzjonisti membri tal-familja fondatriċi Gosselin sabiex tiġi żgurata l-għaqda fit-tmexxija. Minn naħa tagħha, Portielje ma teżerċita l-ebda attività kummerċjali.

    8.

    B’effett mill-1 ta’ Jannar 2002, il-fondazzjoni tal-familja kellha kontroll, parzjalment dirett u parzjalment indirett, fuq l-ishma kollha fil-kapital ta’ Gosselin. B’mod speċifiku, 92 % tal-azzjonijiet ta’ Gosselin huma miżmuma direttament minn Portielje bħala trustee u r-rimanenti 8 % huma miżmuma minn Vivet en Gosselin NV; 99.87 % tal-ishma f’din l-aħħar kumpannija jappartjenu lil Portielje.

    A – Il-fatti u l-proċedura amministrattiva

    9.

    Skont ir-riżultati tal-investigazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, fis-suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju kien jeżisti, mill-1984 sal-2003, akkordju li fih ipparteċipaw għaxar impriżi ta’ ġarr ( 6 ) matul perijodi differenti ( 7 ) u f’diversi gradi.

    10.

    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li dak l-akkordju kien jikkostitwixxi akkordju globali fil-forma ta’ ksur uniku u kontinwu ( 8 ), li ssejjes fuq total ta’ tliet tipi ta’ ftehim ( 9 ):

    ftehim fuq il-prezzijiet, fejn il-kumpanniji ta’ ġarr ikkonċernati għamlu arranġamenti dwar ir-remunerazzjoni għas-servizzi tagħhom lill-klijenti;

    ftehim fuq sistema ta’ kumpens finanzjarju għal offerti miċħudin jew każijiet ta’ nuqqas ta’ provvista ta’ offerta (il- kummissjonijiet); b’dan il-mekkaniżmu, il-kompetituri tal-kumpannija li tirbaħ il-kuntratt għall-ġarr internazzjonali kellhom b’xi mod jirċievu kumpens finanzjarju, kemm jekk ippreżentaw offerta jew jekk dan ma għamluhx; dawn il-kummissjonijiet kienu inklużi fil-prezz finali tas-servizzi ta’ ġarr ikkonċernati, mingħajr ma jkunu jafu l-klijenti;

    ftehim fuq il-qsim tas-suq permezz ta’ sistema ta’ kwotazzjonijiet foloz (il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza) li jintbagħtu lill-klijent jew lill-persuna li kienet qiegħda ġġorr, minn kumpannija tal-ġarr li ma kellhiex l-intenzjoni li tagħmel il-ġarr; għal dan l-iskop, kumpannija kienet tindika kull darba lill-kompetituri tagħha, il-prezz, ir-rata tal-assigurazzjoni u l-ispejjeż tal-ħażna li għalihom kellhom jipprovdu fattura għas-servizz fittizju.

    11.

    Filwaqt li l-ftehim fuq il-kummissjonijiet u l-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza kienu ġew applikati matul il-perijodu kollu tal-akkordju (jiġifieri mill-1984 sal-2003), l-implementazzjoni tal-ftehim fuq il-prezzijiet ma setgħetx tiġi ppruvata fir-rigward tal-perijodu wara x-xahar ta’ Mejju 1990 ( 10 ).

    12.

    Fuq il-bażi ta’ konstatazzjonijiet fattwali li għamlet, il-Kummissjoni kkonkludiet fid-deċiżjoni kkontestata, li l-impriżi kkonċernati kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE meta “stabilixxew b’mod dirett u indirett il-prezzijiet għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, billi qassmu bejniethom parti minn dan is-suq u billi mmanipulaw il-proċedura ta’ sejħiet għall-offerti” ( 11 ) matul perijodi differenti.

    13.

    Id-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet innotifikata b’kollox lil 31 persuna ġuridika li fuqhom, għall-ksur imwettaq ( 12 ), il-Kummissjoni imponiet ukoll multi f’ammonti differenti, f’parti individwalment u f’parti in solidum.

    14.

    Skont il-konstatazzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni fl-Artikolu 1(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata, Gosselin kienet involuta fl-akkordju globali mill-31 ta’ Jannar 1992 sat-18 ta’ Settembru 2002, fil-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2002 u t-18 ta’ Settembru 2002“flimkien ma’ Stichting Administratiekantoor Portielje”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għal dan, Gosselin kienet immultata EUR 4.5 miljun taħt l-Artikolu 2(e) tad-deċiżjoni kkontestata, u Portielje inżammet responsabbli in solidum għal EUR 370 000 minn dik il-multa.

    15.

    Bl-emenda tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Lulju 2009 ( 13 ), il-Kummissjoni kkorreġiet id-deċiżjoni kkontestata, fejn naqqset il-multa imposta fuq Gosselin għal EUR 3.28 miljun, fejn Portielje nżammet issa responsabbli in solidum għal EUR 270 000. Din l-emenda kienet dovuta minħabba kalkolu mill-ġdid tad-dħul mill-bejgħ li, fil-fehma tal-Kummissjoni, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni biex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa imposta lil Gosselin u lil Portielje.

    B – Proċeduri fl-ewwel istanza

    16.

    Diversi mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata ppruvaw jiksbu protezzjoni legali permezz ta’ rikors għal annullament ippreżentat, fl-ewwel istanza, quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ( 14 ).

    17.

    Ir-rikorsi ppreżentati minn Gosselin u minn Portielje fl-4 ta’ Ġunju 2008 ġew magħquda mill-Qorti Ġenerali għall-finijiet tas-seduta u tas-sentenza.

    18.

    B’deċiżjoni mogħtija fil-kuntest tar-rikors ippreżentat fil-Kawża T-208/08, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata ( 15 ), annullat id-deċiżjoni kkontestata inkwantu kkonstatat li Gosselin kienet ipparteċipat fil-ksur mit-30 ta’ Ottubru 1993 sal-14 ta’ Novembru 1996. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali naqqset il-multa imposta lil Gosselin għal EUR 2.32 miljun. Hija ċaħdet il-bqija tar-rikors ippreżentat minn Gosselin u ordnat li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

    19.

    B’deċiżjoni mogħtija fil-Kawża T-209/08, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata wkoll ( 16 ), annullat id-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi fir-rigward ta’ Portielje u ordnat lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż tal-proċeduri.

    III – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    20.

    Permezz ta’ rikors tal-25 ta’ Awwissu 2011, il-Kummissjoni ppreżentat dan l-appell kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Dan l-appell jikkonċerna biss dik il-parti tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors għal annullament ta’ Portielje fil-Kawża T-209/08 ( 17 ). Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha;

    tannulla s-sentenza appellata sa fejn tannulla d-Deċiżjoni C(2008) 926, kif emendata bid-Deċiżjoni C(2009) 5810, sa fejn tirrigwarda lil Portielje;

    tiċħad ir-rikors ta’ Portielje;

    tikkundanna lil Portielje għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    21.

    Minn naħa tagħha, Portielje titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    tiċħad l-appell tal-Kummissjoni bħala infondat; u

    tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

    22.

    L-appell ġie eżaminat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi ta’ dokumenti bil-miktub u f’seduta tal-24 ta’ Ottubru 2012.

    IV – Evalwazzjoni

    23.

    Fuq l-Artikolu 81 KE (li qabel kien l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE, illum l-Artikolu 101 TFUE) ( 18 ), huwa rikonoxxut f’ġurisprudenza stabbilita li kumpannija parent tista’ tinżamm responsabbli in solidum għall-ksur tad-dritt tal-akkordji imwettaq mis-sussidjarja tagħha, anki jekk kienet biss is-sussidjarja li kienet involuta direttament fl-akkordju. Din ir-responsabbiltà in solidum tinbet b’mod partikolari meta l-kumpannija sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent u hija għalhekk esposta għall-influwenza deċiżiva tal-kumpannija parent ( 19 ). Jekk, fiż-żmien inkwistjoni, kumpannija parent tkun proprjetarja tal-azzjonijiet kollha jew kważi kollha tas-sussidjarja tagħha, tkun teżisti wkoll preżunzjoni juris tantum li l-imsemmija kumpannija parent teżerċita influwenza deċiżiva fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha fis-suq ( 20 ) (iktar ’il quddiem il-“preżunzjoni tal-100 %” ( 21 ) jew il-“ġurisprudenza Akzo Nobel”).

    24.

    Il-Kummissjoni takkuża lill-Qorti Ġenerali li f’dan il-każ hija applikat dawn il-prinċipji b’mod żbaljat. Hija tibbaża din l-akkuża fuq żewġ raġunijiet, waħda marbuta mal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 81 KE (ara t-Taqsima A iktar ’il quddiem), u l-oħra fuq il-possibbiltajiet li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni tal-100 % (ara t-Taqsima B iktar ’il quddiem).

    A – Fuq id-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 81 KE (l-ewwel aggravju)

    25.

    L-ewwel aggravju jqajjem numru ta’ punti ta’ liġi fundamentali ħafna fir-rigward tal-kunċett ta’ impriża kif użat fid-dritt tal-kompetizzjoni u għaldaqstant, fl-aħħar nett, jittratta l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ( 22 ), li huma indirizzati lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi ( 23 ).

    26.

    F’dan l-aggravju l-Kummissjoni tikkontesta l-punti 36 sa 50 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni “ma stabbilixxitx li Portielje kienet impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE” ( 24 ), u laqgħet ir-rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata ta’ Portielje. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li Portielje trid tkun impriża hija stess ukoll biex tinżamm responsabbli in solidum għall-parteċipazzjoni ta’ Gosselin fil-kartell tal-ġarr ( 25 ).

    1. Il-kunċett ta’ impriża fil-kuntest tal-Artikolu 81 KE (l-ewwel parti tal-ewwel aggravju)

    27.

    Fl-ewwel parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq kriterju legalment żbaljat. Fis-sottomissjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali kkonċentrat b’mod żbaljat l-eżami tagħha dwar jekk Potielje stess hijiex impriża, iktar milli staqsiet lilha nfisha jekk Portielje u Gosselin flimkien jikkostitwixxux impriża waħda. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali naqset milli tifhem il-kunċett ta’ impriża kif użat fid-dritt tal-kompetizzjoni.

    28.

    Huwa paċifiku li, fid-dritt tal-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ impriża jinkludi kull korp li jwettaq attività ekonomika, indipendentament mill-istatus legali tal-korp u l-mod li bih jiġi ffinanzjat ( 26 ). Lanqas ma huwa kkontestat li tali korp ekonomiku jista’ jkun magħmul minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi ( 27 ).

    29.

    Anki l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, ibbażat ruħha fuq din l-evalwazzjoni ( 28 ). Madankollu, hija żiedet immedjatament li “l-kumpannija parent ta’ impriża li tkun wettqet ksur tal-Artikolu 81 KE ma tistax tiġi ssanzjonata permezz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 81 KE, jekk din ma tkunx hija stess impriża” ( 29 ).

    30.

    Dan juri nuqqas ta’ komprensjoni fundamentali tal-kunċett ta’ impriża fil-kuntest tar-responsabbiltà tal-kumpanniji parent għall-ksur tad-dritt tal-akkordji minn naħa tas-sussidjarji tagħhom.

    31.

    Ir-responsabbiltà in solidum ta’ kumpannija parent u sussidjarja tagħha hija bbażata fuq il-fatt li ż-żewġ kumpanniji flimkien jaġixxu bħala impriża waħda fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni jekk il-kumpannija sussidjarja ma jkollhiex awtonomija suffiċjenti mill-kumpannija parent ( 30 ). It-tnejn li huma mbagħad jikkostitwixxu unità ekonomika u, fir-relazzjoni interna bejniethom, jistgħu jieħdu vantaġġ mill-“privileġġ tal-grupp”, li tfisser li l-projbizzjoni tal-akkordji ma tkunx tapplika għal ftehim ta’ bejniethom ( 31 ). Min-naħa l-oħra, peress li l-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu unità ekonomika fil-konfront ta’ terzi, huma jridu jagħtu kont flimkien għal kull ksur tad-dritt tal-akkordji mill-impriża li huma jkunu jikkostitwixxu flimkien ( 32 ).

    32.

    Il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata, għaldaqstant, meta kkonstatat li l-kunċett ta’ impriża fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni u l-imputazzjoni tal-aġir ta’ sussidjarja lill-kumpannija parent huma “żewġ kunċetti distinti” ( 33 ). Fil-fatt, il-kunċett ta’ impriża u l-imputazzjoni tar-responsabbiltà taħt id-dritt tal-akkordji huma żewġ faċċati ta’ munita waħda. Kif ingħad diġà, ir-responsabbiltà in solidum ta’ kumpannija parent u tas-sussidjarja tagħha għal ksur tad-dritt tal-akkordji tirrifletti l-fatt li t-tnejn li huma jikkostitwixxu impriża waħda. Il-formazzjoni ta’ dik l-unità ekonomika waħda bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja hija prerekwiżit neċessarju u wkoll suffiċjenti biex il-kumpannija parent tinżamm responsabbli in solidum għall-ksur tad-dritt tal-akkordji mwettaq mis-sussidjarja tagħha.

    33.

    Il-fehma legali espressa fis-sentenza appellata fis-sens li l-kumpannija parent innifisha trid tkun hija wkoll impriża biex tkun tista’ tinżamm responsabbli in solidum għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-kompetizzjoni minn naħa tas-sussidjarja twassal biex fl-aħħar nett tissuġġetta l-imputazzjoni tar-responsabbiltà taħt id-dritt tal-akkordji bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja għal rekwiżit addizzjonali li qabel qatt ma kien rikonoxxut b’dan il-mod.

    34.

    Fil-fehma tiegħi, huwa assolutament impossibbli li tali rekwiżit addizzjonali jiġi dedott mill-ġurisprudenza kurrenti. Kieku dan kien jeżisti, ma kienx ikun permissibbli, pereżempju, fil-kawża Akzo Nobel, li huwa l-każ ewlieni fis-snin reċenti li jirrigwarda l-kwistjoni ineżami, li Akzo Nobel NV, kumpannija holding pura ( 34 ), tkun destinatarja tad-deċiżjoni li timponi l-multi.

    35.

    Il-Qorti Ġenerali ma tikkunsidrax is-sentenza Akzo Nobel ( 35 ) f’dak il-kuntest, u lanqas tagħti xi ġustifikazzjoni għall-asserzjoni tagħha li dak ir-rekwiżit addizzjonali jeżisti. Hija tillimita ruħha biex tiċċita tliet sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 36 ) magħżulin, xi ftit jew wisq, bl-addoċċ, li fihom tgħid li kien “stabbilit” li “l-kumpannija parent kienet impriża” ( 37 ).

    36.

    Biex impriża tiġi ssanzjonata talli kisret id-dritt tal-akkordji, skont l-Artikolu 81 KE (li llum sar l-Artikolu 101 TFUE) flimkien mal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, huwa madankollu irrilevanti l-punt dwar jekk il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha li legalment jifformaw lil dik l-impriża humiex huma wkoll attivi ekonomikament u għandhiex kull waħda minnhom titqies bħala impriża b’mod individwali.

    37.

    L-uniku fattur deċiżiv huwa li – mill-aspett globali – impriża waħda wettqet ksur u li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha li lilhom ġiet imposta l-multa bħala sanzjoni għall-ksur jifformaw dik l-impriża flimkien, peress li l-għan tas-sanzjonijiet imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa li jiżgura li dawk il-persuni li għandhom influwenza deċiżiva fuq l-impriża involuta f’akkordju, jinżammu responsabbli skont il-prinċipju tar-responsabbiltà personali u li l-impriża ma twettaqx tali ksur mill-ġdid ( 38 ). Skont dan l-għan, huwa irrilevanti jekk il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi msemmija iktar ’il fuq jeżerċitawx attività ekonomika mod ieħor – jiġifieri, indipendentement mill-influwenza tagħhom fuq l-impriża involuta fl-akkordju.

    38.

    Fi ftit kliem, jista’ jingħad, għaldaqstant, li legalment il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qalet li l-kumpannija parent ta’ impriża ma setgħatx tiġi ssanzjonata jekk ma kinitx hija stess impriża u sussegwentement analizzat jekk Portielje stess kinitx impriża ( 39 ).

    39.

    L-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija għalhekk fondata.

    2. L-applikabbiltà tal-preżunzjoni tal-100 % għar-relazzjoni bejn Portielje u Gosselin (it-tieni parti tal-ewwel aggravju)

    40.

    Għall-fini ta’ kompletezza, ser nittratta issa t-tieni parti tal-ewwel aggravju mressaq mill-Kummissjoni b’mod sussidjarju. Hija tikkonċerna essenzjalment il-punt dwar jekk il-preżunzjoni tal-100 % li toħroġ mis-sentenza Akzo Nobel ( 40 ) tistax tiġi applikata għar-relazzjoni ta’ Portielje ma’ Gosselin. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata f’dan il-każ li tiċħad l-applikabbiltà tal-preżunzjoni tal-100 %.

    41.

    Din il-kritika tikkonċerna d-dikjarazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 46 sa 49 tas-sentenza appellata, li huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li “Portielje ma eżerċitatx attività ekonomika diretta” ( 41 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istatus ta’ Portielje bħala impriża jista’, fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta jekk xejn mill-parteċipazzjoni “indiretta” fl-attività ekonomika ta’ Gosselin. Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li tagħmel riferiment għall-punti 111 sa 113 tas-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et ( 42 ), li kienet tikkonċerna d-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat, titlob lill-Kummissjoni tipproduċi provi ċari fuq il-fatt li Portielje kienet “involuta fit-tmexxija” ta’ Gosselin u ma tippermettix l-applikazzjoni tal-preżunzjoni tal-100 % ( 43 ).

    42.

    B’mod konkret, il-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha, f’dan il-kuntest, fuq il-kliem tas-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et fis-sens li s-sempliċi detenzjoni ta’ ishma, anki ta’ kontroll, ma huwiex biżżejjed biex jikkostitwixxi attività ekonomika ( 44 ). Pjuttost, fondazzjoni li tkun proprjetarja ta’ sehem ta’ kontroll f’kumpannija għandha tiġi kkunsidrata bħala li tipparteċipa fl-attività ekonomika eżerċitata mill-“impriża” kkontrollata biss jekk teżerċita effettivament dan il-kontroll billi “tipparteċipa” direttament jew indirettament fl-amministrazzjoni tal-kumpannija ( 45 ).

    43.

    Minn din il-parti tas-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-oneru tal-prova tal-involviment ta’ fondazzjoni ekonomikament inattiva, bħalma hija Portielje, f’kumpannija kummerċjali li topera fis-suq, bħalma hija Gosselin, jaqa’ fuq il-Kummissjoni u li l-Kummissjoni ma setgħatx tissodisfa dak l-oneru tal-prova billi tirreferi – skont is-sentenza Akzo Nobel – għall-kontroll (kważi) 100 % tal-fondazzjoni fuq il-kumpannija ( 46 ).

    44.

    Din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija legalment żbaljata.

    45.

    B’kuntrast ma’ dak li tidher li hija l-fehma tal-Qorti Ġenerali, hemm xebħ bejn is-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et u s-sentenza Akzo Nobel. Fiż-żewġ każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta l-konstatazzjoni dwar unità ekonomika u, konsegwentement, dwar l-eżistenza ta’ impriża waħda li tikkonsisti f’“kumpannija parent” u s-“sussidjarja” tagħha, għall-fatt li l-kumpannija parent trid tkun effettivament teżerċita influwenza deċiżiva fuq is-sussidjarja ( 47 ).

    46.

    Huwa minnu li s-sentenza Akzo Nobel tirrikonoxxi wkoll il-“preżunzjoni juris tantum li l-imsemmija kumpannija parent teżerċita influwenza deċiżiva” fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha fis-suq (il-preżunzjoni tal-100 %) fil-“każ speċifiku” fejn kumpannija parent tkun proprjetarja tal-azzjonijiet kollha jew kważi kollha tas-sussidjarja tagħha ( 48 ), filwaqt li s-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et ( 49 ) ma tagħmel ebda riferiment għal din il-preżunzjoni.

    47.

    In-nuqqas ta’ riferiment għall-preżunzjoni tal-100 % fis-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et huwa, madankollu, x’aktarx dovut primarjament għat-tip ta’ proċeduri f’dak il-każ, jiġifieri t-talba għal deċiżjoni preliminari li bl-ebda mod ma kienet tikkonċerna kwistjonijiet ta’ prova. Għandu jitfakkar ukoll li fis-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tikkunsidra mhux il-każ speċifiku ta’ kontroll ta’ 100 % jew kważi 100 % iżda, b’mod pjuttost ġenerali, is-“sehem ta’ kontroll”, li jinkludu l-ishma ħafna inqas mil-limitu ta’ 100 %.

    48.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tat importanza eċċessiva għall-fatt li, fis-sentenza tagħha Cassa di Risparmio di Firenze et, il-Qorti tal-Ġustizzja “ma stabbilixxitx preżunzjoni konfutabbli ta’ ‘interferenza’” ( 50 ), kif magħruf mill-ġurisprudenza Akzo Nobel.

    49.

    B’mod partikolari, ma hemmx indikazzjonijiet li, fis-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze, il-Qorti tal-Ġustizzja ma aċċettatx il-preżunzjoni tal-100 % speċifikament minħabba li l-“kumpanniji parent” stess ma setgħux jitqiesu bħala impriżi jew minħabba li kienu fondazzjonijiet.

    50.

    Għalkemm, fi żminijiet iktar reċenti, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkun li ma eskludietx kompletament il-possibbiltà li l-kunċett tal-unità ekonomika fi kwistjonijiet ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jkun differenti minn dak li japplika f’oqsma oħra tad-dritt tal-kompetizzjoni ( 51 ), sa issa hija dejjem ippruvat tagħti interpretazzjoni assolutament uniformi tal-kunċett ta’ impriża fl-oqsma kollha tad-dritt tal-kompetizzjoni ( 52 ), u mhux inqas fis-sentenza tagħha Cassa di Risparmio di Firenze et ( 53 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha żżomm ma’ din il-linja anki f’dan il-każ.

    51.

    Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja mxiet fuq l-istess kunċett ta’ impriża speċifikament fis-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et u fis-sentenza Akzo Nobel huwa ppruvat, barra minn hekk, minn numru ta’ riferimenti reċiproċi bejn dawn iż-żewġ linji ta’ ġurisprudenza ( 54 ). Dan il-punt ġie rrilevat ġustament mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri.

    52.

    Fl-aħħar nett, is-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et ma tostakolax l-applikazzjoni tal-preżunzjoni tal-100 % għar-relazzjoni bejn fondazzjoni bħalma hija Portielje u kumpannija kummerċjali bħal Gosselin.

    53.

    Barra minn hekk, b’kuntrast mal-fehma ta’ Portielje, il-preżunzjoni tal-100 % ma twassalx għal inverżjoni tal-oneru tal-prova. Min-naħa l-oħra, hija tikkonsisti sempliċement f’regoli li japplikaw għall-evalwazzjoni tal-provi fil-kuntest tal-imputazzjoni tar-responsabbiltà għal ksur tad-dritt tal-akkordji bejn kumpannija parent u sussidjarja. Bħalma l-fatt li l-kumpannija parent ikollha l-kapital kollu jew kważi kollu tas-sussidjarja tagħha jippermetti li jiġi konkluż prima facie li qiegħda tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva, hija l-kumpannija parent li għandha tirribatti din il-konklużjoni billi tressaq provi persważivi li jgħidu l-kontra; jekk dan ma jseħħx, din il-konklużjoni għandha titqies li tissodisfa r-rekwiżiti fil-qasam tal-provi. Fi kliem ieħor, ikun hemm azzjoni reċiproka bejn il-piżijiet rispettivi li tinġieb prova qabel il-kunsiderazzjoni tal-oneru ta’ prova oġġettiva ( 55 ).

    54.

    B’kuntrast ma’ dak li ssostni Portielje, applikazzjoni tal-preżunzjoni tal-100 % għal każ bħal dan bl-ebda mod ma testendi eċċessivament il-portata tagħha; l-għan ta’ dik il-preżunzjoni huwa li tiffaċilita l-infurzar effettiv tar-regoli tal-kompetizzjoni taħt it-Trattati, billi tħaddan il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, u biex toħloq iċ-ċertezza legali ( 56 ). Meħuda minn dan l-aspett, is-sitwazzjoni ta’ fondazzjoni bħalma hija Portielje, li l-funzjoni tagħha hija li tiggarantixxi l-“għaqda fit-tmexxija” ta’ kumpannija kummerċjali kkontrollata minnha, ma għandhiex tiġi evalwata b’mod differenti minn dik ta’ kumpannija parent “tipika” fir-rigward tas-sussidjarja tagħha jew dik ta’ kumpannija holding fir-rigward tal-kumpanniji tal-grupp ikkontrollati minnha. Dawn il-kumpanniji parent kollha għandhom eminentement interess ekonomiku fl-attivitajiet partikolari tas-sussidjarji rispettivi tagħhom fis-suq. Li ssir distinzjoni bejniethom f’termini ta’ responsabbiltà taħt ir-regoli tal-akkordji jmur kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali.

    55.

    Għal dak li jirrigwarda r-responsabbiltà tagħhom għall-aġir kummerċjali tas-sussidjarji tagħhom, huwa irrilevanti jekk l-entitajiet li jikkontrollaw – kemm jekk huma fondazzjonijiet, kumpanniji holding jew xi tip ieħor ta’ kumpannija parent – humiex involuti fl-attività ekonomika huma stess. Min-naħa l-oħra, kieku l-fondazzjonijiet jew il-kumpanniji holding li ma kinux huma stess ekonomikament attivi kellhom jiġu esklużi b’mod ġenerali mill-portata tal-preżunzjoni tal-100 %, anki jekk dawn ikunu qegħdin “jiġbdu l-ħbula” minn wara l-kwinti tal-grupp, dan ikun jippermetti lill-kumpannija prinċipali fil-grupp biex tevita responsabbiltà in solidum għall-ksur tad-dritt tal-akkordji minn naħa tal-kumpanniji sussidjarji tagħha ( 57 ).

    56.

    Fl-aħħar nett, Portielje lanqas ma tirnexxi fl-argument tagħha li l-applikazzjoni tal-preżunzjoni tal-100 % għall-każ bħalma huwa dan iwassal għal riżultati assurdi f’każijiet fejn l-Istat huwa involut f’kumpannija kummerċjali, peress li dan jirreferi għal problema purament ipotetika li bl-ebda mod ma tqum f’dan il-każ. Is-sitwazzjoni ta’ Portielje ma tixbahx lil dik ta’ Stat bħala investitur, u dan peress li l-attivitajiet tagħha huma, wara kollox, limitati – safejn hu magħruf – biex tiżgura l-għaqda fit-tmexxija ta’ impriża familjari waħda. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà għamlitha ċara li hija tieħu inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni speċjali tal-Istat inkonnessjoni mar-responsabbiltà għal xi ksur tad-dritt tal-akkordji minn impriżi li hija tikkontrolla ( 58 ). Għaldaqstant ma tqumx il-kwistjoni msemmija minn Portielje.

    57.

    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel aggravju hija wkoll fondata.

    B – Fuq il-konfutazzjoni tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza deċiżiva (it-tieni aggravju)

    58.

    It-tieni aggravju huwa dirett lejn il-punti 51 sa 59 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li Portielje “pprovdiet provi” b’mod li rnexxielha tikkonfuta l-preżunzjoni tal-100 % f’dan il-każ ( 59 ). Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li Portielje ma eżerċitatx influwenza deċiżiva fuq Gosselin u lanqas biss kienet f’pożizzjoni li teżerċita tali influwenza.

    59.

    Huwa minnu li din il-parti mis-sentenza appellata jidher f’parti fejn il-Qorti Ġenerali tikkunsidra jekk l-aġir ta’ Gosselin jistax jiġi imputat lil Portielje “għall-finijiet ta’ kompletezza” biss ( 60 ). Madankollu, peress li l-ewwel parti tas-sentenza appellata, li tiffoka fuq il-kunċett ta’ impriża, ma tistax tintlaqa’ ( 61 ), l-eżitu ta’ dan il-każ jiddependi ħafna fuq l-evalwazzjoni tat-tieni parti.

    60.

    Ma huwiex ikkontestat li l-preżunzjoni tal-eżerċizzju attwali tal-influwenza deċiżiva minn kumpannija parent fuq il-kumpannija sussidjarja li tkun proprjetà tagħha kollha jew kważi kollha tagħha (il-preżunzjoni tal-100 %) hija, skont is-sentenza Akzo Nobel, preżunjoni juris tantum ( 62 ).

    61.

    Fit-tieni aggravju tagħha, madankollu, il-Kummissjoni tilmenta li, meta l-Qorti Ġenerali evalwat l-argumenti mressqa minn Portielje biex tirribatti dik il-preżunzjoni, hija wettqet żball ta’ liġi. Il-Kummissjoni tilmenta, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ma tatx attenzjoni biżżejjed għar-rabtiet personali bejn Portielje u Gosselin. F’dan ir-rigward, hija tressaq tliet ilmenti, li għalihom iddedikat it-tliet partijiet tat-tieni aggravju. Dawn it-tliet partijiet ser nikkunsidrahom hawn taħt, fejn it-tieni u t-tielet parti ser nikkunsidrahom flimkien.

    62.

    Għandu jitfakkar l-ewwel nett li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex kompetenza li tissindaka l-evalwazzjoni li tagħmel il-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-fatti jew il-provi matul il-proċeduri ta’ appell, ħlief f’każ ta’ żnaturament ( 63 ), xogħol il-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-proċeduri jinkludu l-klassifikazzjoni legali tal-fatti mill-Qorti Ġenerali ( 64 ). Dan jinkludi l-evalwazzjoni tal-punt dwar jekk il-Qorti Ġenerali ikkunsidratx il-kriterji legali korretti bħala l-bażi għall-evalwazzjoni tal-fatti u l-provi ( 65 ).

    1. L-allegazzjoni ta’ żnaturament tal-provi li jirrigwardaw in-natura u l-portata tar-rabtiet personali bejn Portielje u Gosselin (l-ewwel parti tat-tieni aggravju)

    63.

    Fl-ewwel parti tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni takkuża lill-Qorti Ġenerali bi “żnaturament manifest tal-provi” fir-rigward tal-pożizzjoni u tal-influwenza tat-tliet membri tal-bord tad-diretturi ta’ Gosselin, li kienu wkoll membri fuq il-bord tad-diretturi ta’ Portielje.

    64.

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tattakka speċifikament id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali li “[m]is-sitt persuni li jikkostitwixxu l-bord tad-diretturi ta’ Portielje, nofs biss kienu wkoll fuq il-bord ta’ Gosselin” ( 66 ) u, min-naħa l-oħra, li “tliet persuni li jikkostitwixxu l-bord tad-diretturi ta’ Gosselin […] jikkostitwixxu biss nofs il-bord tad-diretturi ta’ Portielje” ( 67 ). Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali implikat b’mod skorrett li dawk it-tliet membri tal-bord ta’ Gosselin “ma setgħux, flimkien, jiddeterminaw il-politika ta’ Portielje”.

    65.

    Tali żnaturament tal-provi jeżisti meta, mingħajr ma jintużaw provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tidher manifestament żbaljata ( 68 ).

    66.

    F’dan il-każ, fl-ebda punt fis-sentenza appellata, u b’mod partikolari żgur mhux fil-punti 56 u 57 il-Qorti Ġenerali tasal għall-konklużjoni li qiegħda timplika il-Kummissjoni li dawk it-tliet membri tal-bord tad-diretturi ta’ Gosselin “ma setgħux, flimkien, jiddeterminaw il-politika ta’ Portielje”. L-akkuża ta’ żnaturament tal-provi f’dan ir-rigward għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda.

    67.

    B’hekk l-ewwel parti tat-tieni aggravju hija infondata.

    2. In-nuqqas ta’ deċiżjonijiet formali mill-korpi ta’ Portielje u Gosselin (it-tieni u t-tielet parti tat-tieni aggravju)

    68.

    Fit-tieni u t-tielet parti tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni tilmenta essenzjalment li l-Qorti Ġenerali evalwat il-possibbiltajiet li Portielje teżerċita influwenza fuq Gosselin minn aspetti tad-dritt tal-kumpanniji biss.

    69.

    Il-Qorti Ġenerali, fil-fatt, tibbaża l-konklużjoni tagħha li l-preżunzjoni tal-100 % hija kkonfutata b’mod ġenerali ħafna minħabba l-fatt li l-bord tad-diretturi ta’ Portielje ma ħax deċiżjonijiet formali sakemm ma kienx sar il-ksur; l-eżerċizzju minn Portielje ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Gosselin kien, skont il-Qorti Ġenerali, “eskluż għal din ir-raġuni biss” ( 69 ). Il-Qorti Ġenerali tinnota wkoll li, matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2002 sat-18 ta’ Settembru 2002, li matulu l-ksur tad-dritt tal-akkordji kien imputat lil Portielje taħt id-deċiżjoni kkontestata, ma nżammet ebda laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ Gosselin li fiha Portielje setgħat teżerċita influwenza fuq il-politika kummerċjali ta’ Gosselin ( 70 ). Hija tgħid ukoll li Portielje ma kellhiex influwenza fuq il-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi ta’ Gosselin matul il-perijodu inkwistjoni, u lanqas ma nbidel il-kompożizzjoni tiegħu fuq inizjattiva ta’ Portielje ( 71 ).

    70.

    Dawn id-dikjarazzjonijiet mill-Qorti Ġenerali juru inkomprensjoni fundamentali tal-preżunzjoni tal-100 % u r-rekwiżiti legali sabiex din tiġi kkonfutata.

    71.

    Il-punt dwar jekk il-kumpannija sussidjarja tistax tiddetermina l-aġir tagħha fis-suq b’mod indipendenti jew hijiex esposta għall-influwenza deċiżiva tal-kumpannija parent tagħha ma tistax tiġi evalwata biss mill-aspett tad-dritt tal-kumpanniji rilevanti. Jekk dan ikun il-każ, ikun faċli għall-kumpanniji parent kkonċernati biex jevitaw ir-responsabbiltà għall-ksur tad-dritt tal-akkordji mwettaq mill-kumpanniji sussidjarji proprjetà sħiħa tagħhom, billi jinvokaw kwistjonijiet li jaqgħu kompletament taħt id-dritt tal-kumpanniji.

    72.

    Għalkemm is-setgħat tal-korpi tal-kumpanniji parteċipanti, il-fatt dwar jekk u meta ħadu d-deċiżjonijiet u l-kontenut tad-deċiżjonijiet huma fatturi li ċertament għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, il-fattur deċiżiv huwa fl-aħħar nett ir-realtà ekonomika, peress li d-dritt tal-kompetizzjoni ma huwiex irregolat b’teknikalitajiet, iżda bl-aġir attwali tal-impriżi.

    73.

    Kif ġustament tinnota l-Kummissjoni, ikun wisq formalistiku u bl-ebda mod konformi mar-realtà ekonomika li l-kwistjonijiet tal-influwenza bejn kumpannija parent u s-sussidjarja jiġu evalwati abbażi biss tal-azzjonijiet regolati mid-dritt tal-kumpanniji.

    74.

    Madankollu, huwa f’dan il-formaliżmu li waqgħet il-Qorti Ġenerali meta – wara l-argumenti mressqa mir-rikorrent fl-ewwel istanza – hija kkunsidrat l-aspett tad-dritt tal-kumpanniji bħala li huwa l-fattur determinanti fil-kwistjoni dwar l-influwenza deċiżiva ta’ Portielje fuq Gosselin. Bil-fatt li llimitat il-kriterji tagħha għal standards ibbażati biss fuq id-dritt tal-kumpanniji, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali naqset milli tapprezza li l-konstatazzjoni li kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jifformaw unità ekonomika ma tippreżumix neċessarjament deċiżjonijiet formali mill-korpi tal-kumpannija: dik l-unità jista’ jkollha bażi informali, li tikkonsisti b’mod partikolari f’rabtiet personali bejn żewġ kumpanniji.

    75.

    Għalkemm il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod inċidentali ukoll ir-rabtiet personali bejn Gosselin u Portielje, hija terġa’ tiffoka kompletament fuq l-aspetti tad-dritt tal-kumpanniji f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, iż-żewġ kwistjonijiet diskussi jidhru li huma komparattivament teoretiċi: l-ewwel waħda, dwar jekk “[i]d-diretturi prinċipali ta’ Portielje, []eżerċitaw[x] influwenza, permezz tal-laqgħa ġenerali ta’ Gosselin, fuq il-bord tad-diretturi ta’ din tal-aħħar” u t-tieni waħda, dwar jekk “[i]l-kumpanniji kollha li fihom [it-]tliet membri tal-bord ta’ Gosselin f’dan l-istess rwol għandhom jiġu kkunsidrati, għaldaqstant, bħala kumpanniji parent ta’ Gosselin” ( 72 ).

    76.

    Madankollu, kien ikun ta’ importanza deċiżiva kieku, apparti d-deliberazzjonijiet formali fuq id-dritt tal-kumpanniji, ġew eżaminati l-effetti attwali tar-rabtiet personali bejn Portielje u Gosselin fuq l-attivitajiet kummerċjali ta’ kuljum u evalwat, purament abbażi tal-fatti, jekk Gosselin – b’kuntrast mal-preżunzjoni tal-100 % – kinitx tiddetermina verament il-politika kummerċjali tagħha b’mod indipendenti. Sfortunatament, ma hemm xejn minn dan fis-sentenza appellata.

    77.

    Fl-aħħar nett, jeħtieġ ukoll li tiġi miċħuda l-oġġezzjoni ta’ Portielje li l-preżunzjoni tal-100 % ssir “inkonfutabbli” kieku kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni modi ta’ eżerċizzju ta’ influwenza li ma humiex il-korpi tal-persuni ġuridiċi. L-ewwel nett, Portielje bl-ebda mod ma ssostanzjat din l-oġġezzjoni. It-tieni nett, huwa ċar li jistgħu, fil-fatt, jinġiebu provi tas-sekwenzi tal-ġrajjiet kummerċjali ta’ kuljum, u ta’ ġrajjiet li ma jseħħux fil-korpi tal-persuni ġuridiċi, fil-forma, pereżempju, ta’ skambji ta’ korrispondenza interna u ta’ dokumenti interni, noti ta’ diskussjoni u dikjarazzjonijiet ta’ xhieda ( 73 ). Tali provi jistgħu jwasslu jew għal konfutazzjoni jew għal korroborazzjoni tal-preżunzjoni tal-100 % skont il-kontenut attwali tagħhom.

    78.

    Għaldaqstant, it-tieni u t-tielet parti tat-tieni aggravju huma fondati.

    Ċ - Konklużjoni intermedjarja

    79.

    Għaldaqstant, jista’ jingħad li ż-żewġ partijiet tal-ewwel aggravju u t-tieni u t-tielet parti tat-tieni aggravju huma fondati.

    80.

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Konsegwentement, il-punti 4 u 6 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fuq ir-rikors ta’ Portielje fil-Kawża T-209/08, għandhom jiġu annullati. Il-bqija tas-sentenza appellata, li ma hijiex is-suġġett ta’ dan l-appell, ma hijiex affettwata.

    V – Deċiżjoni dwar ir-rikors għal annullament ta’ Portielje

    81.

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni.

    82.

    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali eżaminat fid-dettal fis-sentenza tagħha l-motivi mressqa minn Portielje fil-proċeduri fl-ewwel istanza fil-Kawża T-209/08. Matul il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, il-partijiet kellhom opportunità wkoll jiskambjaw il-fehmiet tagħhom fuq l-aspetti kollha rilevanti għas-sentenza f’dan il-każ. Lanqas il-fatti ma għandhom bżonn ta’ iktar kjarifika. Għaldaqstant, l-istat tal-proċeduri jippermetti li tingħata sentenza.

    A – L-ewwel motiv ta’ Portielje fil-Kawża T-209/08

    83.

    Permezz tal-ewwel motiv tagħha fil-Kawża T-209/08, Portielje ssostni li, peress li ma hijiex impriża fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, ma hemm ebda relazzjoni ta’ kumpannija parent u ta’ sussidjarja bejnha u bejn Gosselin ( 74 ).

    84.

    Dan il-motiv għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq ( 75 ).

    B – It-tieni motiv ta’ Portielje fil-Kawża T-209/08

    85.

    Permezz tat-tieni motiv tagħha fil-Kawża T 209/08, Portielje targumenta li hija ma tistax tinżamm responsabbli għall-atti mwettqa minn Gosselin, peress li ma teżerċita ebda influwenza deċiżiva fuq dik il-kumpannija ( 76 ).

    86.

    Għandu jiġi nnutat f’dan ir-rigward li Portielje tikkontrolla indubbjament l-ishma kollha jew kważi kollha ta’ Gosselin ( 77 ). Skont is-sentenza Akzo Nobel ( 78 ), teżisti għaldaqstant preżunzjoni konfutabbli li Portielje teżerċita, fil-fatt, influwenza deċiżiva fuq Gosselin.

    87.

    Biex tirribatti dik il-preżunjoni, ir-rikorrenti targumenta f’termini purament formali billi tirreferi għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-fondazzjonijiet jew tal-kumpanniji li jikkonċernaw il-korpi ta’ Portielje u ta’ Gosselin. Hija tirreferi għall-obbligu statutorju li għandhom il-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Gosselin biex jaġixxu biss fl-interessi ta’ dik il-kumpannija u tenfasizza li l-bordijiet tad-diretturi ta’ Portielje u Gosselin huma korpi kollettivi li l-membri tagħhom huma biss parzjalment identiċi.

    88.

    Kif ingħad iktar ’il fuq ( 79 ), madankollu, dan l-argument waħdu ma huwiex rilevanti, peress li l-fatturi deċiżivi huma ċ-ċirkustanzi attwali u r-realtà ekonomika. Dan japplika iktar f’sitwazzjoni bħal dik preżenti, fejn, għalkemm il-membri tal-bordijiet tad-diretturi ta’ Portielje u Gosselin ma kinux assolutament identiċi, kienu ċertament jeżistu rabtiet personali konsiderevoli bejn iż-żewġ persuni ġuridiċi fil-forma ta’ tliet membri tal-bord li kienu komuni għat-tnejn li huma. Dawn ir-rabtiet isaħħu iktar l-impressjoni inizjali tan-nuqqas ta’ indipendenza ta’ Gosselin minn Portielje u ta’ interessi paralleli rispettivi.

    89.

    Kien ikun għar-rikorrent fl-ewwel istanza ( 80 ) li jispjega li, f’dan il-każ, il-“kumpannija parent” Portielje eżerċitat ċerta limitazzjoni fir-relazzjoni tagħha mas-“sussidjarja” Gosselin, b’mod li din tal-aħħar iddeterminat l-aġir tagħha fis-suq b’mod indipendenti, minkejja li kienet ikkontrollata kompletament minn dik tal-ewwel ( 81 ).

    90.

    Dik bl-ebda mod ma hija probatio diabolica li teżiġi li l-kumpannija parent tipprova fatt negattiv ( 82 ). Pjuttost, kif ingħad diġà ( 83 ), l-użu ta’ fatti speċifiċi mill-attivitajiet kummerċjali ta’ kuljum jippermetti li jiġi spjegat jekk u safejn il-kumpannija sussidjarja nnifisha ddeterminat il-politika kummerċjali tagħha u l-aġir tagħha fis-suq u fil-fatt hekk aġixxiet b’mod indipendenti, jiġifieri, indipendentement mill-kumpannija parent tagħha.

    91.

    Madankollu, peress li Portielje – apparti milli tittratta l-kuntest tad-dritt tal-fondazzjonijiet u d-dritt tal-kumpanniji – ma pproduċiet xejn konkret biex tirribatti l-preżunzjoni tal-100 % u, b’mod partikolari, naqset milli tittratta l-implikazzjonijiet prattiċi tar-rabtiet personali ma’ Gosselin, it-tieni motiv tagħha huwa wkoll infondat.

    Ċ - Fatturi oħra

    92.

    Il-motivi l-oħra mressqa minn Portielje fil-Kawża T-209/08 diġà ġew iddikjarati infondati mill-Qorti Ġenerali. Jiena eżaminajt dawk il-motivi u kkunsidrajthom jiena wkoll bħala infondati, essenzjalment minħabba l-istess raġunijiet bħal dawk stabbiliti mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

    93.

    Lanqas it-tnaqqis tal-multa minn naħa tal-Qorti Ġenerali favur Gosselin ma jista’ jkollha xi effett fuq Portielje, peress li dak it-tnaqqis tal-multa jikkonċerna l-perijodu mit-30 ta’ Ottubru 1993 sal-14 ta’ Novembru 1996, filwaqt li Portielje, skont id-deċiżjoni kkontestata, kienet responsabbli in solidum biss mill-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2002 u t-18 ta’ Settembru 2002.

    94.

    Barra minn hekk, ma nista nidentifika xejn li jindika li l-multa imposta fuq Portielje kienet ikkalkolata b’mod żbaljat, jew li kienet sproporzjonata jew sempliċement mhux adattata. Konsegwentement, ma hemm ebda raġuni biex dik il-multa tiġi mwarrba jew ikkalkolata mill-ġdid f’dan il-każ, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni illimitata (Artikolu 261 TFUE flimkien mal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003).

    D - Konklużjoni intermedjarja

    95.

    Dan kollu kkunsidrat, ir-rikors għal annullament ta’ Portielje ippreżentat fil-Kawża T-209/08 għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat.

    VI – Spejjeż

    96.

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż ( 84 ).

    97.

    Skont l-Artikolu 138(1) flimkien mal-Artikolu 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li Portielje tilfet fiż-żewġ istanzi, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż taż-żewġ istanzi, kif mitlub mill-Kummissjoni.

    VII – Konklużjoni

    98.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

    “1)

    Tannulla l-punti 4 u 6 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Ġunju 2011, Gosselin Group u Stichting Administratiekantoor Portielje vs Il-Kummissjoni (Kawżi maqgħuda T-208/08 u T-209/08).

    2)

    Tiċħad ir-rikors għall-annullament ippreżentat minn Stichting Administratiekantoor Portielje fil-Kawża T-209/08.

    3)

    Tordna lil Stichting Administratiekantoor Portielje tħallas l-ispejjeż tal-proċeduri fl-ewwel istanza fil-Kawża T-209/08 u l-ispejjeż ta’ dan l-appell.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

    ( 2 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-11 ta’ Marzu 2008, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 53 tat-Trattat ŻEE (Każ COMP/38.543 – Servizzi ta’ ġarr internazzjonali), notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 926 finali, publikazzjoni sommarja ppubblikata fil-ĠU 2009, C 188, p. 16; it-test sħiħ ta’ din id-deċiżjoni huwa disponibbli biss fuq is-sit internet tal-Kummissjoni, Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni, f’verżjoni mhux kunfidenzjali bil-lingwa Franċiża (fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/competition/antitrust/cases/index.html).

    ( 3 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ġunju 2011 Gosselin Group u Stichting Administratiekantoor Portielje vs Il-Kummissjoni (Kawżi magħquda T-208/08 u T-209/08).

    ( 4 ) Il-kawża pendenti Gosselin Group vs Il-Kummissjoni u Stichting Administratiekantoor Portielje (Kawża C-429/11 P) tikkonċerna wkoll appell kontra s-sentenza appellata f’dan il-każ. Hemm sentenzi oħra tal-Qorti Ġenerali fuq il-kartell tal-ġarr li huma s-suġġett ta’ appelli pendenti fil-kawża Ziegler vs Il-Kummissjoni (Kawża C-439/11 P), Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (Kawża C-441/11 P) u Team Relocations et vs Il-Kummissjoni (Kawża C-444/11 P). Jiena ppreżentajt konklużjonijiet fil-kawża Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (Kawża C-444/11 P) fl-24 ta’ Mejju 2012.

    ( 5 ) F’dan ir-rigward u fir-rigward tas-segwenti, ara l-punt 2 tas-sentenza appellata.

    ( 6 ) Allied Arthur Pierre, Compas, Coppens, Gosselin, Interdean, Mozer, Putters, Team Relocations, Transworld u Ziegler (ara, pereżempju, il-premessa 345 tad-deċiżjoni kkontestata).

    ( 7 ) Dawn il-perijodi jvarjaw minn tliet xhur sa 18-il sena.

    ( 8 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 307, 314 u 345 tad-deċiżjoni kkontestata.

    ( 9 ) F’dan ir-rigward, ara l-premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punt 1 tas-sentenza appellata.

    ( 10 ) F’dan ir-rigward, ara l-premessi 123 sa 153 tad-deċiżjoni kkontestata.

    ( 11 ) Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punt 1 tas-sentenza appellata.

    ( 12 ) Il-multi individwali kienu bejn EUR 1 500 u EUR 9 200 000.

    ( 13 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Lulju 2009, innotifikata taħt id-dokument numru C(2009) 5810 finali.

    ( 14 ) F’dan ir-rigward, ara b’żieda mas-sentenza appellata, erba’ sentenzi oħra tas-16 ta’ Ġunju 2011, Ziegler vs Il-Kummissjoni (Kawża T-199/08, Ġabra p. II-3507), Team Relocations et vs Il-Kummissjoni (Kawżi magħquda T-204/08 u T-212/08, Ġabra p. I-3569), Verhuizingen Coppens vs Il-Kummissjoni (Kawża T-210/08, Ġabra p. II-3713) u Putters International vs Il-Kummissjoni (Kawża T-211/08, Ġabra p. II-3729).

    ( 15 ) Ara l-punti 1 sa 3 u 5 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

    ( 16 ) Ara l-punti 4 u 6 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

    ( 17 ) Il-bqija tas-sentenza appellata, li tikkonċerna r-rikors għal annullament ta’ Gosselin, huwa s-suġġett ta’ appell fil-Kawża C-429/11 P.

    ( 18 ) Peress li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata qabel ma daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, il-projbizzjoni tal-kartelli stabbilita fl-Artikolu 81 KE għadha tapplika f’dan il-każ. Il-kummenti segwenti jistgħu, madankollu jiġu trasposti kompletament għall-Artikolu 101 TFUE.

    ( 19 ) Sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni (Kawża 48/69, Ġabra p. 619, iktar ’il quddiem is-“sentenza ICI”, punti 132 u 133); tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni (Kawża 107/82, Ġabra p. 3151, punt 49); tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (Kawża C-97/08 P, Ġabra p. I-8237, iktar ’il quddiem is-“sentenza Akzo Nobel”, punti 58 u 72); tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxemburg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxemburg et (Kawża C-201/09 P u C-216/09 P, Ġabra p. I-2239, iktar ’il quddiem is-“sentenza ArcelorMittal”, punti 95 u 96), kif ukoll tad-19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et (Kawżi magħquda C-628/10 P u C-14/11 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza AOI”, punti 42 sa 44).

    ( 20 ) Sentenza Akzo Nobel (punti 60 u 61), ArcelorMittal (punti 97 u 98) u AOI (punti 46 u 47), kollha ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19. Iż-żewg sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2011, Arkema vs Il-Kummissjoni (Kawża C-520/09 P, Ġabra p. I-8901, punti 40 u 42) u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (Kawża C-521/09 P, Ġabra p. I-8947, iktar ’il quddiem is-“sentenza Elf Aquitaine”, punti 56, 63 u 95), it-tnejn li huma jikkonċernaw sussidjarji li huma 98 % proprjetà tal-kumpannija parent.

    ( 21 ) F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fit-12 ta’ Jannar 2012, fil-kawża AOI (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, b’mod partikolari l-punt 33).

    ( 22 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, p. 1).

    ( 23 ) Sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (Kawżi magħquda C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 59); tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et (Kawża C-280/06, Ġabra p. I-10893, punt 38), tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (Kawża C-49/07, Ġabra p. I-4863, punt 20), kif ukoll Akzo Nobel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 54).

    ( 24 ) Punt 50 tas-sentenza appellata.

    ( 25 ) Punti 42 u 43 tas-sentenza appellata.

    ( 26 ) Sentenzi tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser (Kawża C-41/90, Ġabra p. I-1979, punt 21); tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse (Kawża C-273/04, Ġabra p. I-2843, punt 28); ETI et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 38); MOTOE (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 21); Akzo Nobel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 54); ArcelorMittal (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 95) u AOI (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 42).

    ( 27 ) Sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm Gerätebau (Kawża 170/83, Ġabra p. 2999, punt 11), Akzo Nobel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 55), ArcelorMittal (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 95) u AOI (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 42).

    ( 28 ) Punt 40 tas-sentenza appellata; ara wkoll il-punt 44 tal-imsemmija sentenza.

    ( 29 ) Punt 42 tas-sentenza appellata.

    ( 30 ) Sentenza Akzo Nobel (punt 59), ArcelorMittal (punt 101) u AOI (punt 44), kollha ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 44); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża AOI (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 173) u fil-kawża Akzo Nobel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 97).

    ( 31 ) Sentenza tat-13 ta’ Lulju 1966, L-Italja vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (Kawża 32/65, Ġabra 389, punt 407 et seq); ICI (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 134), tal-24 ta’ Ottubru 1996, Viho vs Il-Kummissjoni (Kawża C-73/95 P, Ġabra p. I-5457, punt 16) u s-sentenza Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (Kawża C-217/05, Ġabra p. I-11987, punt 44).

    ( 32 ) Sentenza Akzo Nobel (punti 56 u 59), ArcelorMittal (punti 95 u 101) u AOI (punti 42 sa 44), kollha ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19.

    ( 33 ) Punt 39 tas-sentenza appellata.

    ( 34 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Akzo Nobel (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 11).

    ( 35 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19.

    ( 36 ) Sentenza Hydrotherm Gerätebau (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27), ICI (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19), u Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (Kawża C-286/98 P, Ġabra p. I-9925).

    ( 37 ) Punti 40 u 41 tas-sentenza appellata.

    ( 38 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fit-3 ta’ Lulju 2007, fil-kawża ETI et (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punti 71 u 72), u kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Akzo Nobel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punti 39 u 41).

    ( 39 ) Punti 42, 43 sa 50 tas-sentenza appellata.

    ( 40 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi Akzo Nobel (punti 60 u 61), ArcelorMittal (punti 97 u 98) u AOI (punti 46 u 47), kollha ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19.

    ( 41 ) Punt 46 tas-sentenza appellata.

    ( 42 ) Sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C-222/04, Ġabra p. I-289).

    ( 43 ) Punti 47 sa 49 tas-sentenza appellata.

    ( 44 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punt 111.

    ( 45 ) Sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punt 112). Biex inkun preċiż, f’din il-parti tas-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tirreferix għal fondazzjoni, iżda b’mod iktar ġenerali għal “korp” li jkun proprjetarju ta’ ishma ta’ kontroll f’kumpannija. Mill-kuntest globali ta’ dik is-sentenza, jista’ jiġi dedott, madankollu, li inkwistjoni hemmhekk kien hemm il-fondazzjonijiet, u b’mod iktar speċifiku, il-fondazzjonijiet bankarji taħt id-dritt Taljan.

    ( 46 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 48 u 49 tas-sentenza appellata.

    ( 47 ) Għad-dritt tal-akkordji, ara l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża AOI (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 144); għad-dritt tal-għajnuna mill-Istat, ara s-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punt 112).

    ( 48 ) F’dan ir-rigward, ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20.

    ( 49 ) Sentenza ċċitata fn-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, b’mod partikolari l-punti 110 sa 113.

    ( 50 ) Punt 48 tas-sentenza appellata.

    ( 51 ) Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il-Kummissjoni, (Kawża C-480/09 P, Ġabra p. I-13355, punt 66).

    ( 52 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26.

    ( 53 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punt 107; ara wkoll is-sentenza Enirisorse (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 28).

    ( 54 ) Fis-sentenza Akzo Nobel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 54) il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għas-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42). Fis-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il-Kummissjoni (Kawża C-90/09 P, Ġabra p. I-1, iktar ’il quddiem is-“sentenza General Química”, punti 34 u 35) isir riferiment kemm għas-sentenza Akzo Nobel kif ukoll għas-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et.

    ( 55 ) F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Akzo Nobel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 74) u fil-kawża AOI (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 170).

    ( 56 ) F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza Akzo Nobel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 71 flimkien mal-punti 40 u 41).

    ( 57 ) Għal diversi eżempji li juru li huwa konċepibbli, madankollu, li l-preżunzjoni tal-100 % tiġi kkonfutata, ara l-kummenti fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 67 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Akzo Nobel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19).

    ( 58 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza ETI et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punti 47 sa 50).

    ( 59 ) Punt 58 tas-sentenza appellata.

    ( 60 ) Punt 51 tas-sentenza appellata.

    ( 61 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punti 25 sa 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 62 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Akzo Nobel (punti 60 u 63), ArcelorMittal (punt 97) u AOI (punti 46 u 48), kollha ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, kif ukoll is-sentenzi General Química (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 54, punti 39, 42 u 50) u Elf Aquitaine (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punti 56 u 59).

    ( 63 ) Digriet tas-17 ta’ Settembru 1996, San Marco vs Il-Kummissjoni (Kawża C-19/95 P, Ġabra p. I-4435, punt 39) kif ukoll is-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et (Kawża C-136/92 P, Ġabra p. I-1981, punt 49); Elf Aquitaine (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 68); sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere”et vs Il-Kummissjoni (Kawżi magħquda C-71/09 P, C-73/09 P u C-76/09 P, Ġabra p. I-4727, punt 149), u AOI (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 85).

    ( 64 ) Digriet fis-sentenza San Marco vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63, punt 39), kif ukoll is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63, punt 49); u Comitato “Venezia vuole vivere”et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63, punt 149).

    ( 65 ) Sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni (Kawża C-109/10 P, Ġabra p. I-10329, punt 51) u Solvay vs Il-Kummissjoni (Kawża C-110/10 P, Ġabra p. I-10439, punt 46).

    ( 66 ) Punt 56 tas-sentenza appellata.

    ( 67 ) Punt 57 tas-sentenza appellata.

    ( 68 ) Sentenzi tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill (Kawża C-229/05 P, Ġabra p. I-439, punt 37); tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il-Kummissjoni (Kawża C-260/05 P, Ġabra p. I-10005, punt 37); u Comitato “Venezia vuole vivere” vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63, punt 153).

    ( 69 ) Punt 54 tas-sentenza appellata.

    ( 70 ) Punt 55 tas-sentenza appellata.

    ( 71 ) Punt 56 tas-sentenza appellata.

    ( 72 ) Punt 57 tas-sentenza appellata.

    ( 73 ) Ara, f’dan ir-rigward, pereżempju, l-evalwazzjoni tal-provi li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza General Química (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 54, punt 104).

    ( 74 ) Punti 28 u 29 tas-sentenza appellata.

    ( 75 ) F’dan ir-rigward, ara l-punti 27 sa 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 76 ) Punti 28 u 30 sa 32 tas-sentenza appellata.

    ( 77 ) Kliem il-Qorti Ġenerali huwa li Portielje “għandha kważi l-kapital kollu ta’ Gosselin” (punti 49 u 53 tas-sentenza appellata). Fil-fehma tiegħi, ikun iktar preċiż jekk jingħad li Portielje għandha l-ishma kollha ta’ Gosselin taħt il-kontroll tagħha, peress li żżomm 92 % minn dawk l-ishma taħt trust għall-membri tal-familja fondatriċi u barra minn hekk, għandha kważi l-ishma kollha (99.87 %) ta’ Vivet en Gosselin NV, li hija proprjetarja tar-rimanenti 8 % mill-azzjonijiet ta’ Gosselin. Biex tapplika l-preżunzjoni tal-100 %, madankollu, din il-kwistjoni tal-kliem ma tagħmilx differenza.

    ( 78 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Akzo Nobel (punti 60 u 61), ArcelorMittal (punti 97 u 98) u AOI (punti 46 u 47), kollha ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19.

    ( 79 ) F’dan ir-rigward, ara l-punti 68 sa 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 80 ) Sentenzi General Química (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 54, punt 104) u Elf Aquitaine (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 61).

    ( 81 ) F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża AOI (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 171) u fil-kawża Akzo Nobel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 75).

    ( 82 ) F’dan is-sens ara wkoll is-sentenza Elf Aquitaine (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 65).

    ( 83 ) Ara l-punt 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 84 ) Skont il-prinċipju ġenerali li r-regoli proċedurali ġodda japplikaw għall-proċeduri kollha pendenti fiż-żmien li fihom jidħlu fis-seħħ dawk ir-regoli [ġurisprudenza stabbilita, ara pereżempju, is-sentenza Meridionale Industria Salumi et (212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 9), id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż f’dan il-każ hija bbażata fuq ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Settembru 2012, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2012 (f’dan is-sens, ara wkoll is-sentenza Rat vs Bamba (C-417/11 P, punti 91 u 92). Madankollu, ma hemmx differenza sostantiva mill-Artikolu 69(2), flimkien mal-Artikolu 118 u l-Artikolu 122(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ġunju 1991.

    Top