Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CC0420

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 8 ta' Novembru 2012.
    Jutta Leth vs Republik Österreich u Land Niederösterreich.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberster Gerichtshof - l-Awstrija.
    Ambjent - Direttiva 85/337/KEE - Stima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent - Awtorizzazzjoni ta’ tali proġett fin-nuqqas ta’ evalwazzjoni xierqa - Għanijiet ta’ din l-evalwazzjoni - Kundizzjonijiet li hija suġġetta għalihom l-eżistenza ta’ dritt għal kumpens - Inklużjoni jew le tal-protezzjoni tal-individwi kontra d-danni patrimonjali.
    Kawża C-420/11.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:701

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    KOKOTT

    ippreżentati fit-8 ta’ Novembru 2012 ( 1 )

    Kawża C-420/11

    Jutta Leth

    vs

    Ir-Repubblika tal-Awstrija

    u

    Land Niederösterreich

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija)]

    “Ambjent — Direttiva 85/337/KEE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent — Awtorizzazzjoni ta’ proġett mingħajr evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent — Għanijiet tal-evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent — Inklużjoni tal-protezzjoni ta’ individwi kontra t-telf fil-valur tal-proprjetà tagħhom”

    I – Introduzzjoni

    1.

    Meta d-Direttiva dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ( 2 ) teżiġi li jiġu evalwati l-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent iżda din l-evalwazzjoni ma titwettaqx, dan il-proġett ma għandux jiġi implementat ( 3 ). Bl-istess mod, skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat jikkumpensa d-danni kollha li jirriżultaw mill-fatt li ma tkunx twettqet evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ( 4 ). Dan l-obbligu iżda jinkludi l-kumpens għat-telf fil-valur ta’ proprjetà immobbli kkawżat mill-implementazzjoni tal-proġett li fir-rigward tiegħu ma saritx evalwazzjoni? Din hija l-kwistjoni mqajma fil-kawża ineżami.

    2.

    Fil-qofol tal-kwistjoni tinsab proprjetà immobbli li l-valur tagħha kien affettwat b’mod negattiv minħabba l-istorbju kkawżat mill-ajruplani li jużaw ajruport li jinsab fil-viċin. Minn meta daħlet fis-seħħ id-Direttiva 85/337, dan l-ajruport ġie estiż diversi drabi mingħajr evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent u n-numru ta’ titjiriet żdied b’mod kunsiderevoli.

    3.

    Id-dubji espressi fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar ir-responsabbiltà tal-Istat għal tali danni jikkonċernaw prinċipalment l-għan protettiv tad-Direttiva 85/337. Il-kwistjoni hija jekk il-ksur ta’ direttiva dwar il-prevenzjoni ta’ danni ambjentali jistax iwassal ukoll għall-kumpens ta’ danni ekonomiċi. In-natura regolatorja tad-Direttiva 85/337 hija importanti f’dan ir-rigward: b’mod partikolari, din id-direttiva tistabbilixxi biss dispożizzjonijiet proċedurali u ma tinkludi ebda rekwiżiti sostanzjali fir-rigward tal-proġetti li jkunu suġġetti għal evalwazzjoni.

    II – Il-kuntest ġuridiku

    4.

    Id-Direttiva 85/337 ma tinkludi ebda dispożizzjoni dwar il-kumpens għad-danni. Madankollu, l-Artikolu 3 tagħha jiddeskrivi l-portata tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent:

    “L-istima dwar l-impatt fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali u b’mod konformi mal-Artikoli 4 sa 11, l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq il-fatturi li ġejjin:

    il-bniedem, il-fawna u l-flora;

    il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-klima u l-pajsaġġ;

    il-beni materjali u l-wirt kulturali;

    l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet inċiżi.”

    5.

    L-Artikoli 5(1) u 5(3) tad-Direttiva 85/337 jistabbilixxu liema informazzjoni għandha tiġi ppreżentata mill-iżviluppatur:

    “1.   Fil-każ ta’ proġetti li, skond l-Artikolu 4, iridu jiġu soġġetti għal stima dwar l-impatt fuq l-ambjent [...], l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-iżviluppatur iforni f’għamla xierqa t-tagħrif speċifikat fl-Anness IV [...]

    [...]

    3.   It-tagħrif li għandu jiġi pprovvdut mill-iżviluppatur b’mod konformi mal-paragrafu 1 għandu mill-inqas jinkludi:

    […]

    il-fatti magħrufa (‘data’) meħtieġa biex jidentifikaw u jistmaw l-effetti ewliena li l-proġett x’aktarx li jkun sejjer ikollu fuq l-ambjent,

    […]”

    6.

    L-Artikolu 6 tad-Direttiva 85/337 jirregola l-parteċipazzjoni tal-pubbliku. B’mod partikolari, l-Artikolu 6(3) jikkonċerna l-informazzjoni li għandha tkun disponibbli għall-pubbliku:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, fi kwadri raġjonevoli taż-żmien, dan li ġej għandu jintgħamel disponibbli lill-pubbliku interesat:

    (a)

    kull tagħrif miġbur skond l-Artikolu 5;

    (b)

    skond il-leġislazzjoni nazzjonali, ir-rapporti prinċipali u l-pariri mogħtija lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti fiż-żmien meta jiġi mgħarraf il-pubbliku interessat skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

    (ċ)

    skond id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 200[3]/4/KE tal-Parlamewnt Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif dwar l-ambjent [...], it-tagħrif għajr dak riferit fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu li jkun rilevanti għad-deċiżjoni skond l-Artikolu 8 u li jintgħamel disponibbli biss wara ż-żmien li l-pubbliku interessat ikun ġie mgħarraf skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.”

    7.

    Il-punti 3 u 4 tal-Anness IV tad-Direttiva 85/337 jispeċifikaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5:

    “3.   Id-deskrizzjoni ta’ l-aspetti fl-ambjent li x’aktarx jiġu affettwati sinifikament mill-proġett propost, inklużi, b’mod partikolari, il-popolazzjoni, il-fawna, il-flora, il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-fatturi klimatiċi, il-beni materjali, inklużi l-wirt arkitettoniku u arkeoloġiku, il-pajsaġġ u l-inter-relazzjonijiet bejn il-fatturi msemmija hawn fuq.

    4.   Id-deskrizzjoni ta’ l-effetti x’aktarx sinifikanti tal-proġett propost fuq l-ambjent li jirriżultaw minn:

    l-eżistenza tal-proġett,

    l-użu tar-riżorsi naturali,

    l-emissjoni ta’ oġġetti ta’ tniġġis, il-ħolqien ta’ irritazzjonijiet u l-eliminazzjoni ta’ l-iskart,

    u d-deskrizzjoni mill-iżviluppatur dwar il-metodi tat-tbassir użati biex jiġu stmati l-effetti fuq l-ambjent.”

    8.

    Fir-rigward tal-kunċett ta’ “deskrizzjoni” li jinsab fil-punt 4 tal-Anness IV tad-Direttiva 85/337, nota ta’ qiegħ il-paġna tispeċifika li din għandha “tkopri l-effetti diretti u kull effett indirett, sekondarju, kumulattiv, ta’ skond qasir, medju jew fit-tul, permanenti u temporanju u negattiv tal-proġett”.

    III – Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

    9.

    J. Leth hija l-proprjetarja ta’ dar fil-viċinanzi tal-ajruport Wien-Schwechat (l-Awstrija). Fi żmien li matulu kienu fis-seħħ diversi verżjonijiet tad-Direttiva 85/337, dan l-ajruport kien is-suġġett ta’ diversi miżuri ta’ estensjoni mingħajr ma saret l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent meħtieġa minn din id-direttiva.

    10.

    J. Leth qiegħda issa titlob mingħand l-Istat Awstrijak u mil-Land Niederösterreich kumpens għad-danni fir-rigward tat-telf fil-valur tal-proprjetà tagħha minħabba l-istorbju kkawżat mill-ajruplani u qiegħda tibbaża din il-pretensjoni fuq l-argument li l-proġetti ta’ estensjoni kien imisshom ġew suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent skont id-Direttiva 85/337.

    11.

    F’dan il-kuntest, mingħajr ma eżaminat il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni jew evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent, l-Oberster Gerichtshof għamlet dawn id-domandi:

    “L-Artikolu 3 tad-Direttiva [85/337] għandu jiġi interpretat fis-sens li

    1.   il-kunċett ‘beni materjali’ jkopri biss is-sustanza fiżika tagħhom jew fis-sens li jkopri wkoll il-valur tagħhom?

    2.   l-[evalwazzjoni] tal-effetti fuq l-ambjent tinkludi wkoll il-protezzjoni ta’ individwu kontra danni patrimonjali kkawżati bit-tnaqqis fil-valur tal-proprjetà immobbli tiegħu?”

    12.

    F’din il-kawża ġew ippreżentati osservazzjonijiet mill-miktub minn J. Leth, mil-Land Niederösterreich, mir-Repubblika Ċeka, mill-Irlanda, mir-Repubblika Ellenika, mir-Repubblika Taljana, mir-Repubblika tal-Latvja, mir-Repubblika tal-Awstrija, mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Bl-eċċezzjoni tal-Italja u l-Latvja, dawn kollha pparteċipaw fis-seduta tas-17 ta’ Ottubru 2012.

    IV – Analiżi legali

    A – Fuq l-ewwel domanda: il-kunċett ta “beni materjali

    13.

    Permezz tal-ewwel domanda, l-Oberster Gerichtshof tixtieq tkun taf jekk il-kunċett ta’ “beni materjali” fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337 jkoprix biss is-sustanza fiżika ta’ tali beni jew ikoprix ukoll il-valur tagħhom.

    14.

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337 jiddefinixxi x’għandha tinkludi l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Din l-evalwazzjoni għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma l-effetti ta’ proġett fuq diversi fatturi, fosthom fuq il-beni materjali.

    15.

    Għaldaqstant, l-ewwel domanda preliminari tikkonċerna wkoll il-kwistjoni ta’ jekk l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandhiex tinkludi wkoll l-evalwazzjoni tal-effetti tal-proġett inkwistjoni fuq il-valur tal-beni materjali.

    16.

    Il-kwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkonċernax il-kontenut neċessarju ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent iżda l-kwistjoni ta’ jekk l-assenza kompleta ta’ tali evalwazzjoni tistax isservi ta’ bażi għal pretensjonijiet ta’ kumpens għad-danni. Għal din ir-raġuni l-Irlanda tikkunsidra li din id-domanda hija ipotetika u għaldaqstant inammissibbli.

    17.

    L-interpretazzjoni tal-kunċett “beni materjali” hija marbuta, b’mod indirett iżda definittiv, mal-kwistjoni prinċipali mqajma mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, jiġifieri jekk ksur tad-Direttiva 85/337 jistax iservi ta’ bażi għal pretensjonijiet ta’ kumpens għal telf fil-valur ta’ beni materjali. Dan minħabba li tali obbligu ta’ kumpens għad-danni jkun iktar raġonevoli jekk jiġi deċiż li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandha tinkludi t-telf fil-valur mistenni milli jekk jiġi deċiż li l-evalwazzjoni tista’ ma tkoprix tali danni. Għaldaqstant, hemm lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għal din id-domanda.

    18.

    Il-Kummissjoni ġustament tispjega li l-kunċett “beni materjali” ma huwiex neċessarjament limitat – bħalma huwa fid-dritt ta’ diversi Stati Membri – għas-sustanza fiżika ta’ tali beni. L-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni teżiġi li t-termini ta’ dispożizzjoni li ma tagħmilx riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri fir-rigward tad-determinazzjoni tas-sens u tal-portata ta’ dawn it-termini għandhom, bħala regola ġenerali, jiġu interpretati b’mod awtonomu u uniformi fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni li għandha tiġi ddeterminata fid-dawl tal-kuntest leġiżlattiv u tal-għanijiet segwiti minn din il-leġiżlazzjoni ( 5 ).

    19.

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337, għandhom jiġu eżaminati wkoll l-effetti tal-istorbju kkawżat mill-ajruplani fuq l-użu ta’ bini min-nies sa fejn dan l-użu huwa interazzjoni bejn il-fatturi “bniedem” u “beni materjali” li għandha tiġi kkunsidrata fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

    20.

    Madankollu, kif sostnew ġustament diversi partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet, l-estensjoni tal-evalwazzjoni għall-valur ta’ beni materjali la tikkorrispondi mal-għan tad-Direttiva 85/337 u lanqas ma tirriżulta mit-termini tagħha.

    21.

    Skont l-Artikolu 1(1) u l-ewwel u s-sitt premessi tagħha, id-Direttiva 85/337 tikkonċerna l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġetti fuq l-ambjent; għal dan il-għan għandha tiġi ppreżentata informazzjoni skont l-Artikolu 5 u l-Anness IV. Minn dan jirriżulta li għandhom jiġu kkunsidrati biss l-effetti fuq beni materjali li, minħabba n-natura tagħhom, jistgħu jkunu rilevanti wkoll għall-ambjent naturali. L-istorbju huwa eżempju tajjeb ta’ dan. B’hekk, meta l-istorbju jiddisturba habit naturali, dan l-effett għandhom jiġi evalwat ( 6 ). L-istess għandu jingħad fir-rigward ta’ beni materjali użati min-nies, bħala pereżempju djar u ġonna, li jkunu affettwati minn storbju.

    22.

    Anki l-kriterji sabiex jiġi deċiż jekk il-proġetti elenkati fl-Anness II, li huma proġetti inqas rilevanti, jeħtiġux evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jimmilitaw kontra l-estensjoni tal-evalwazzjoni għat-telf fil-valur ta’ beni materjali. Dawn il-kriterji huma stabbiliti fl-Anness III u, filwaqt li jidentifikaw fatturi bħall-użu tar-riżorsi naturali, il-produzzjoni tal-iskart, it-tniġġis u l-irritazzjonijiet, ir-riskju ta’ inċidenti jew il-kapaċità rikostruttiva tan-natura, ma jidentifkaw ebda aspett ekonomiku ta’ dawn l-effetti.

    23.

    Madankollu, insostenn tal-pożizzjoni tagħha favur l-estensjoni tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għall-effetti ekonomiċi, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet diversi drabi li d-Direttiva 85/337 għandha kamp ta’ applikazzjoni vast u għan wiesa’ ħafna ( 7 ). Din il-ġurisprudenza iżda tikkonċerna biss l-effetti ta’ dawn il-proġetti fuq l-ambjent ( 8 ). Ma hemm ebda indikazzjoni ta’ estensjoni għall-effetti ekonomiċi.

    24.

    Għaldaqstant, l-effetti fuq l-ambjent għandhom jiġu distinti mill-effetti ekonomiċi. Anki meta l-effetti ekonomiċi jirriżultaw minn effetti fuq l-ambjent, tali effetti ekonomiċi ma jibqgħux koperti mill-għan tad-Direttiva 85/337, li huwa li tiġi żgurata evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

    25.

    Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337 ma tkoprix l-effetti tal-proġett inkwistjoni fuq il-valur ta’ beni materjali.

    B – Fuq it-tieni domanda: danni patrimonjali u d-Direttiva 85/337

    26.

    It-tieni domanda tindirizza l-kwistjoni kruċjali fil-kawża prinċipali. L-Oberster Gerichtshof tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent hijiex intiża wkoll li tipproteġi lill-individwi kontra danni patrimonjali kkawżati bit-tnaqqis fil-valur tal-proprjetà immobbli tagħhom.

    27.

    B’differenza mill-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665/KEE ( 9 ) dwar il-kuntratti pubbliċi, id-Direttiva 85/337 ma tipprovdix li l-ksur tal-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandu jkun il-bażi ta’ pretensjonijiet ta’ kumpens għad-danni.

    28.

    Madankollu, il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni li huwa attribwibbli lilu jirriżulta min-natura tal-ordinament ġuridiku stabbilit mit-Trattati ( 10 ). F’dan is-sens, fis-sentenza Wells, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat – mingħajr ma eżaminat din il-kwistjoni fid-dettall – li l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat jikkumpensa kull dannu li jirriżulta mill-ommissjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ( 11 ). Madankollu, din il-konstatazzjoni ma għandhiex tinftiehem fis-sens li fil-każ tad-Direttiva 85/337 ma huwiex meħtieġ li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal ksur tad-dritt tal-Unjoni.

    29.

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-persuni li jkunu ġarrbu dannu jista’ jkollhom pretensjoni ta’ kumpens għad-danni meta jkunu sodisfatti tliet kundizzjonijiet: id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li l-ksur tagħha jkun qiegħed jiġi allegat għandha tkun ta’ natura li tagħti drittijiet lill-persuna li tkun ġarrbet dannu, il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni għandu jkun suffiċjentement serju, u għandu jkun hemm rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu mġarrab mill-persuna kkonċernata ( 12 ).

    30.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tindirizza l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet. Għandu jiġi kkjarifikat jekk l-obbligu stabbilit fid-Direttiva 85/337 li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent huwiex intiż li jikkonferixxi drittijiet fuq individwi li jkunu jinsabu fis-sitwazzjoni ta’ J. Leth.

    31.

    Għaldaqstant, ser nibda billi neżamina sa fejn individwi jistgħu jinvokaw id-Direttiva 85/337 (parti 1). Imbagħad, ser ngħaddi sabiex neżamina l-għan protettiv tad-Direttiva 85/337 (parti 2) u, fl-aħħar nett, ser neżamina kemm huwa rilevanti, fid-dawl tal-għanijiet tad-dispożizzjoni miksura, il-fatt li d-Direttiva 85/337 tirregola biss il-proċeduri għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti u ma tirregolax ir-rekwiżiti sostantivi (parti 3).

    1. Fuq il-possibbiltà li tiġi invokata d-Direttiva 85/337

    32.

    Sabiex ikun jista’ jingħad li dispożizzjoni hija intiża li tikkonferixxi drittijiet fuq il-persuna li tkun ġarrbet danni huwa meħtieġ li l-individwi jkunu jistgħu jinvokaw din id-dispożizzjoni.

    33.

    F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li l-individwi jistgħu jinvokaw l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent li huwa stabbilit fl-Artikolu 2(1) flimkien mal-Artikoli 1(2) u 4 tad-Direttiva 85/337 ( 13 ). B’hekk, id-Direttiva 85/337 tikkonferixxi fuq il-membri tal-pubbliku kkonċernat dritt li l-awtoritajiet kompetenti jevalwaw l-effetti fuq l-ambjent ta’ proġett partikolari u li dawn l-awtoritajiet jisimgħu lil dawn il-membri fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni.

    34.

    F’dan il-punt tinsab id-differenza bejn id-Direttiva 85/337 u d-dispożizzjonijiet dwar is-sorveljanza tal-banek li, skont is-sentenza Paul invokata minn uħud mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet, ma jistgħux iservu ta’ bażi għal pretensjonijiet ta’ kumpens għad-danni mressqa mill-klijenti ta’ bank insolventi. B’differenza mid-Direttiva 85/337, l-individwi ma jistgħux jinvokaw id-dispożizzjonijiet eżaminati f’dik il-kawża ( 14 ). Barra minn hekk, f’dak il-każ kien hemm regola speċjali dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-klijenti tal-banek, jiġifieri l-iskema ta’ garanziji għal depożiti ( 15 ). Id-Direttiva 85/337 ma fiha ebda dispożizzjoni simili.

    2. Fuq l-għan protettiv tad-Direttiva 85/337

    35.

    Min-naħa tagħhom, l-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża u l-Land Niederösterreich isostnu l-pożizzjoni li għandha ssir distinzjoni bejn il-fatt li jiġu invokati dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u d-drittijiet fis-sens tal-ġurisprudenza dwar ir-responsabbiltà minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni. Kif diġà timplika d-domanda tal-Oberster Gerichtshof, huma jsostnu li l-kwistjoni kruċjali hija jekk id-Direttiva 85/337 hijiex intiża li tagħti drittijiet lill-individwi għall-protezzjoni minn danni ekonomiċi. F’dan ir-rigward huma jesprimu d-dubji tagħhom dwar jekk tali protezzjoni hijiex intiża taħt din id-direttiva.

    36.

    Prima facie, ir-risposta mogħtija iktar ’il fuq għall-ewwel domanda timplika li l-għan protettiv tad-Direttiva 85/337 ma jinkludix ukoll protezzjoni kontra danni ekonomiċi. Naturalment, l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent hija intiża primarjament sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun id-danni ambjentali. Madankollu, dan ma jeskludix li ċerti danni ekonomiċi jistgħu jkunu koperti mill-għan protettiv tad-Direttiva 85/337. Fil-fatt, tali danni huma sempliċement espressjoni oħra ta’ aspetti partikolari tal-effetti fuq l-ambjent.

    37.

    F’dan is-sens, fil-każ tal-estensjoni tal-kapaċità ta’ ajruport, l-istorbju kkawżat mill-ajruplani għandu għaldaqstant jiġi evalwat, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 3 u l-Artikolu 5(1) kif ukoll skont il-punti 3 u 4 tal-Anness IV tad-Direttiva 85/337, u dan sa fejn għandu impatt fuq in-nies u b’mod partikolari fuq il-popolazzjoni affettwata. Ma hemm ebda dubju li effetti simili fuq l-ambjent naturali għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni: jekk minħabba l-istorbju habitat isir inqas attraenti għal speċi partikolari u għalhekk din l-ispeċi tuża dan il-habitat inqas, tali impatt għandu jiġi evalwat ( 16 ).

    38.

    Issa, jekk il-valur tal-proprjetà immobbli jonqos minħabba l-istorbju kkawżat mill-ajruplani, dan l-effett ekonomiku jkun ikkawżat mill-fatt li din il-proprjetà hija inqas attraenti għan-nies. Għandha ssir distinzjoni bejn tali danni u danni li ma jkunux ibbażati fuq l-effetti tal-proġett fuq l-ambjent, bħal pereżempju ċerti żvantaġġi kompetittivi. Danni bħal dawn tal-aħħar ma jibqgħux konnessi mal-għan protettiv tad-Direttiva 85/337.

    39.

    Barra minn hekk, l-interpretazzjoni wiesgħa li d-Direttiva 85/337 ngħatat fir-rigward tal-effetti legali tagħha tikkorrobora l-pożizzjoni li ksur tad-Direttiva 85/337 jista’ jagħti lok għal pretensjoni ta’ kumpens għad-danni. Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ kawżi dwar nuqqasijiet fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, il-qrati nazzjonali għandhom, fil-limiti tal-awtonomija proċedurali tagħhom, jieħdu l-miżuri kollha previsti mid-dritt nazzjonali tagħhom u li jkunu adegwati sabiex jipprekludu li proġett ikun jista’ jiġi implementat mingħajr ma titwettaq l-evalwazzjoni ambjentali meħtieġa mid-Direttiva 85/337 ( 17 ). Anki fir-rigward ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni li fir-rigward tagħha, bħala prinċipju, ma tkun prevista ebda evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, għandha titwettaq tali evalwazzjoni meta din tkun ġiet ommessa fir-rigward ta’ stadji preċedenti fir-rigward tal-istess proċedura ta’ awtorizzazzjoni għal proġett ġenerali ( 18 ). Il-possibbiltà li pretensjonijiet ta’ kumpens għad-danni jiġu bbażati fuq ksur tad-Direttiva 85/337 twassal sabiex issaħħaħ ukoll l-effettività ta’ din id-direttiva ( 19 ). Huwa f’dan il-kuntest li għandha tinftiehem il-konstatazzjoni magħmula fis-sentenza Wells fis-sens li l-ommissjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tagħti lok għar-responsabbiltà tal-Istat ( 20 ).

    40.

    Għaldaqstant, l-għan protettiv tad-Direttiva 85/337 jkopri l-prevenzjoni ta’ danni ekonomiċi minħabba l-istorbju kkawżat mill-ajruplani.

    3. Fuq il-kwalifika meħtieġa fir-rigward tal-għan tad-dispożizzjoni miksura

    41.

    Madankollu, irid jiġi ddeterminat jekk l-għan tad-dispożizzjoni miksura jeħtieġx kwalifika addizzjonali sabiex tkun tista’ tiġi ġġustifikata pretensjoni ta’ kumpens għad-danni.

    42.

    Huwa minnu li l-Artikolu 3 jipprovdi – kif tindika l-Kummissjoni – li għandha titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent u li skont l-Artikolu 8 r-riżultati tal-evalwazzjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni. Madankollu, id-Direttiva 85/337 ma tistabbilixxi ebda regola dwar liema proġetti għandhom jiġu implementati f’kull każ. B’mod partikolari, għall-kuntrarju tal-fehma espressa mill-Kummissjoni, ir-rekwiżit li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma jistax jinftiehem bħala obbligu li l-effetti fuq l-ambjent jiġu bbilanċjati ma’ fatturi oħra. Għaldaqsant, id-Direttiva 85/337 ma tipprekludix l-implementazzjoni ta’ proġett lanqas meta l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tidentifika effetti ambjentali negattivi sinjifikattivi.

    43.

    Din in-natura proċedurali tad-Direttiva 85/337 tista’ tipprekludi r-responsabbiltà tal-Istat. Indikazzjonijiet f’dan is-sens jirriżultaw mill-ġurisprudenza dwar l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Sabiex tiġi stabbilita din ir-responsabbiltà huwa meħtieġ ukoll ksur ta’ dispożizzjoni legali li tkun intiża li tikkonferixxi drittijiet fuq l-individwi ( 21 ).

    44.

    F’dan il-kuntest il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li eventwali insuffiċjenza fil-motivazzjoni ta’ dispożizzjoni legali ma hijiex ta’ natura li tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni. Fil-kuntest tas-sistema ta’ rimedji legali, il-motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet hija intiża li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha taħt l-Artikolu 263 TFUE favur l-individwi li ngħataw dan ir-rimedju permezz tat-Trattat ( 22 ). Għaldaqstant, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu qabel kollox il-funzjoni li jservi sabiex ikunu jistgħu jiġu osservati dispożizzjonijiet legali oħra li l-ksur tagħhom, min-naħa tiegħu, jista’ jagħti lok għal pretensjonijiet ta’ kumpens għad-danni.

    45.

    Barra minn hekk, is-sistema tat-tqassim tal-poteri bejn id-diversi istituzzjonijiet tal-Unjoni hija intiża sabiex tiggarantixxi l-osservanza tal-bilanċ istituzzjonali previst mit-Trattat u mhux sabiex tipproteġi lill-individwi. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ osservanza tal-bilanċ istituzzjonali ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni fir-rigward tal-individwi ( 23 ). Madankollu, l-individwi jistgħu jinvokaw in-nuqqas ta’ kompetenza tal-istituzzjoni li tkun adottat l-att sabiex jikkontestaw il-validità ta’ att tal-Unjoni ( 24 ).

    46.

    Il-punt komuni bejn dawn il-każijiet huwa li ksur tad-dispożizzjoni legali rispettiva ma jistax iwassal għad-dannu inkwistjoni. Fil-fatt, l-att inizjali li jikkawża d-dannu jista’ jerġa’ jiġi adottat b’motivazzjoni adegwata jew mill-istituzzjoni kompetenti. Is-sempliċi possibbiltà li, fin-nuqqas tal-iżball u fl-eżerċizzju ta’ eventwali diskrezzjoni li jista’ jkollhom, l-awtoritajiet kompetenti kienu jaslu għal deċiżjoni differenti ma tagħtix lok għal pretensjoni ta’ kumpens għad-danni. Fil-fatt, ma hemm ebda dritt li jimponi kif għandha tiġi eżerċitata diskrezzjoni ( 25 ). Għaldaqstant, la mill-obbligu ta’ motivazzjoni u lanqas mill-bilanċ istituzzjonali ma jirriżulta dritt għall-prevenzjoni ta’ danni li ma huwiex suġġett għal kundizzjonijiet.

    47.

    Huwa minnu li dawn huma elementi li għandhom rilevanza anki fir-rigward tar-rabta kawżali. Madankollu, f’dawn l-elementi l-Qorti tal-Ġustizzja tara n-natura tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati. Għaldaqstant, min-natura tagħhom stess, dawn l-elementi ma humiex tali li jiġġustifikaw pretensjoni ta’ kumpens għad-danni.

    48.

    Bl-istess mod, id-Direttiva 85/337 ma tikkonferixxi ebda dritt għal protezzjoni minn effetti ambjentali partikolari, bħal pereżempju minn iktar storbju kkawżat mill-ajruplani. Is-sempliċi fatt li effetti ambjentali kienu permessi bi ksur tad-Direttiva 85/337 ma jwassalx għall-obbligu li jiġu kkunpensati d-danni kkawżati minn dawn l-effetti ambjentali.

    49.

    Madankollu, id-Direttiva 85/337 tikkonferixxi lill-pubbliku kkonċernat id-dritt li jiġu evalwati l-effetti tal-proġett ikkonċernat fuq l-ambjent u li jiġu kkonsultati dwar dawn l-effetti.

    50.

    Prinċipalment, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku hija intiża sabiex jiġu identifikati fi żmien adegwat l-effetti fuq l-ambjent. Madankollu, tali parteċipazzjoni għandha wkoll funzjoni ta’ avviż minn qabel fil-konfront tal-pubbliku kkonċernat. Fil-fatt, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 85/337, l-informazzjoni dwar l-effetti tal-proġett fuq l-ambjent tagħmel parti mill-parteċipazzjoni tal-pubbliku. L-awtoritajiet kompetenti huma obbligati li jagħmlu disponibbli l-informazzjoni kollha li għandha titressaq mill-iżviluppatur skont l-Artikolu 5 kif ukoll kull informazzjoni rilevanti oħra li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom.

    51.

    Għaldaqstant, irrispettivament minn jekk l-individwi jesprimux ruħhom dwar il-proġett, dawn xorta waħda jistgħu, permezz tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, jiksbu, b’mod dirett jew permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, informazzjoni dwar l-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent. Għaldaqstant, dawn jistgħu jaġġustaw l-aġir futur tagħhom sabiex, pereżempju, jevitaw danni eventwali. Din il-funzjoni tidher b’mod partikolari fid-Direttiva 85/337 sa fejn, skont l-Artikolu 9, il-pubbliku kkonċernat għandu jiġi informat dwar id-deċiżjoni finali li tikkonkludi l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni u dwar ir-raġunijiet prinċipali li wasslu għal din id-deċiżjoni.

    52.

    Ksur tad-Direttiva 85/337 li jippreġudika din il-funzjoni ta’ avviż minn qabel huwa, bħala prinċipju, ta’ natura li jagħti lok għal pretensjoni ta’ kumpens għad-danni.

    53.

    F’dan is-sens wieħed jista’ jsemmi bħala eżempju każ fejn l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma tindikax, b’mod żbaljat, li proġett ser iwassal sabiex ċerti elementi tossiċi jiġu rilaxxati fl-ambjent. Ir-responsabbiltà tal-Istat tista’ tiġi stabbilita jekk minħabba f’hekk il-membri tal-pubbliku kkonċernat ma jiħdux il-miżuri preventivi meħtieġa u mbagħad, minħabba l-emmissjonijiet inkwistjoni, iġarrbu dannu. Dan japplika wkoll jekk ma titwettaqx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent li kienet meħtieġa u li kienet tinforma lill-pubbliku dwar tali riskji. F’każijiet bħal dawn, in-nuqqasijiet fl-applikazzjoni tad-Direttiva 85/337 ikunu adegwati sabiex jiġu kkunsidrati bħala rabta kawżali fil-konfront ta’ danni li jimmaterjalizzaw iktar tard.

    54.

    Fil-każ ta’ żieda fl-istorbju kkawżat mill-ajurplani, wieħed jista’ jimmaġina li, jekk jingħataw avviż minn qabel suffiċjenti, in-nies jistgħu jiżguraw li ma jmorrux joqogħdu fl-inħawi affettwati jew li minn tal-inqas, fil-każ ta’ kostruzzjoni ta’ bini, jiżguraw li jintużaw miżuri adegwati għall-protezzjoni mill-istorbju. Madankollu, jekk ma jingħatawx tali avviż minn qabel minħabba li ma titwettaqx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent li kienet meħtieġa, ma jistax jiġi eskluż li dan jagħti lok għal pretensjonijiet ta’ kumpens għad-danni.

    55.

    Mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma tista’ tiġi identifikata ebda indikazzjoni fis-sens li d-danni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu kkawżati minn eventwali ksur tal-funzjoni ta’ avviż minn qabel tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti nazzjonali li għandha tikkjarifika l-fatti f’dan ir-rigward.

    56.

    Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li s-sempliċi fatt li effetti ambjentali kienu permessi bi ksur tad-Direttiva 85/337 ma jwassalx għall-obbligu li jiġu kkunpensati d-danni kkawżati minn dawn l-effetti ambjentali. Pretensjonijiet ta’ kumpens għad-danni jippresupponu barra minn hekk li l-pubbliku kkonċernat, minħabba nuqqasijiet fl-applikazzjoni tad-Direttiva 85/337, ma jkunx ġie informat b’mod suffiċjenti dwar l-effetti fuq l-ambjent mistennija.

    V – Konklużjoni

    57.

    Ma huwiex meħtieġ li l-konsegwenzi ekonomiċi tal-effetti fuq l-ambjent jiġu evalwati taħt id-Direttiva 85/337. Madankollu, il-konsegwenzi ekonomiċi ta’ nuqqasijiet fl-applikazzjoni tad-Direttiva 85/337 jistgħu jagħtu lok għal pretensjonijiet ta’ kumpens għad-danni.

    58.

    Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari kif ġej

    1.

    L-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337/KEE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2003/35/KE, ma tkoprix l-effetti tal-proġett inkwistjoni fuq il-valur ta’ beni materjali.

    2.

    Is-sempliċi fatt li effetti ambjentali kienu permessi bi ksur tad-Direttiva 85/337 ma jwassalx għall-obbligu li jiġu kkunpensati d-danni kkawżati minn dawn l-effetti ambjentali. Pretensjonijiet ta’ kumpens għad-danni jippresupponu barra minn hekk li l-pubbliku kkonċernat, minħabba nuqqasijiet fl-applikazzjoni tad-Direttiva 85/337, ma jkunx ġie informat b’mod suffiċjenti dwar l-effetti fuq l-ambjent mistennija.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

    ( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 85/337”). Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1) ħassret u kkodifikat id-Direttiva 85/337.

    ( 3 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C-41/11, punti 46 u 47).

    ( 4 ) Sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C-201/02, Ġabra p. I-723, punt 66).

    ( 5 ) Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster (C-287/98, Ġabra p. I-6917, punt 43).

    ( 6 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-404/09, Ġabra, p. I-11853, punti 84 et seq.).

    ( 7 ) Sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et (C-72/95, Ġabra p. I-5403, punt 31); tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et (C-435/97, Ġabra p. I-5613, punt 40), u tat-28 ta’ Frar 2008, Abraham et (C-2/07, Ġabra p. I-1197, punti 32 u 42).

    ( 8 ) Sentenza Abraham et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 43).

    ( 9 ) Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvista u għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246) , kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322); f’dan ir-rigward ara s-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2010, Combinatie Spijker Infrabouw vs De Jonge Konstruktie et, (C-568/08, Ġabra p. I-12655, punt 87).

    ( 10 ) Sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357, punt 35); tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C-46/93 u C-48/93, Ġabra p. I-1029, punt 31), u tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C-429/09, Ġabra p. I-12167, punt 45).

    ( 11 ) Sentenza Wells (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 66).

    ( 12 ) Sentenzi tas-17 ta’ April 2007, AGM-COS.NET (C-470/03, Ġabra p. I-2749, punt 78); Fuß (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 47); Combinatie Spijker Infrabouw vs De Jonge Konstruktie et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 87), u tal-20 ta’ Ottubru 2011, Danfoss u Sauer-Danfoss (C-94/10, Ġabra, punt 33).

    ( 13 ) Sentenza Wells (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 61). F’dan is-sens ara wkoll is-sentenzi WWF (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punti 70 et seq.) u Linster (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 33 et seq.).

    ( 14 ) Sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2004, Paul et (C-222/02, Ġabra p. I-9425, punti 30 u 42 et seq.) kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl tal-25 ta’ Novembru 2003 f’dik il-kawża, punti 124, 126 u 129).

    ( 15 ) Sentenza Paul (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 27).

    ( 16 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.

    ( 17 ) F’dan is-sens ara s-sentenza Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

    ( 18 ) Sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, Brussels Hoofdstedelijk Gewest et (C-275/09, Ġabra, p. I-1753, punt 37).

    ( 19 ) Fir-rigward ta’ pretensjonijiet ta’ kumpens għad-danni minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ara s-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C-453/99, Ġabra p. I-6297, punti 25 sa 27), kif ukoll tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C-295/04 sa C-298/04, Ġabra p. I-6619, punt 60).

    ( 20 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.

    ( 21 ) Sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P (Ġabra p. I-5291, punt 41); tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-120/06 P u C-121/06 P, Ġabra p. I-6513, punt 173), u tad-19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il-Kummissjoni u Il-Ġermanja (C-221/10 P, punt 80).

    ( 22 ) Sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1982, Kind vs KEE (106/81, Ġabra p. 2885, punt 14), u tas-6 ta’ Ġunju 1990, AERPO et vs Il-Kummissjoni (C-119/88, Ġabra p. I-2189, punt 20).

    ( 23 ) Sentenzi tat-13 ta’ Marzu 1992, Vreugdenhil vs Il-Kummissjoni (C-282/90, Ġabra p. I-1937, punti 20 et seq.), u tad-19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il-Kummissjoni u Il-Ġermanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 81).

    ( 24 ) Ara pereżempju s-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs Artegodan et (C-39/03 P, Ġabra p. I-7885, punt 52).

    ( 25 ) Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2004, Di Lenardo u Dilexport (C-37/02 u C-38/02, Ġabra p. I-6911, punt 70); tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni (C-182/03 u C-217/03, Ġabra p. I-5479, punt 147); tat-22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni (C-443/07 P, Ġabra p. I-10945, punt 91), kif ukoll tal-4 ta’ Marzu 2010, Angé Serrano et vs Il-Parlament (C-496/08 P, Ġabra p. I-1793, punt 93).

    Top