Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CC0363

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 20 ta' Settembru 2012.
    Epitropos tou Elegktikou Synedriou sto Ypourgeio Politismou kai Tourismou vs Ypourgeio Politismou kai Tourismou - Ypiresia Dimosionomikou Elenchou.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Elegktiko Synedrio - il-Greċja.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru’ fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE - Proċedura intiża li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja - Qorti tal-Awdituri li tiddeċiedi fuq awtorizzazzjoni minn qabel għal nefqa pubblika - Inammissibbiltà.
    Kawża C-363/11.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:584

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SHARPSTON

    ippreżentati fl-20 ta’ Settembru 2012 ( 1 )

    Kawża C-363/11

    Epitropos tou Elegktikou Sinedriou sto Ipourgio Politismou kai Tourismou

    vs

    Ipourgio Politismou kai Tourismou – Ipiresia Dimosionomikou Elenchou,

    terza persuna:

    Konstantinos Antonopoulos

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Elegktiko Sinedrio (il-Greċja)]

    “Talba għal deċiżjoni preliminari — Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru’ skont it-tifsira tal-Artikolu 267 TFUE — Deċiżjoni tal-Qorti tal-Awdituri dwar awtorizzazzjoni a priori ta’ nefqa mill-Istat — Politika soċjali — Kuntratt għal żmien determinat — Kundizzjonijiet tax-xogħol jew tal-impjieg — Permess għal assenza mix-xogħol minħabba xogħol sindakali”

    1. 

    Fil-kuntest tal-proċedimenti quddiemha, l-Elegktiko Sinedrio (Il-Qorti tal-Awdituri) (il-Greċja) qed titlob li tingħata risposta għal erba’ domandi li jikkonċernaw il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni Ewropea ta’ regoli nazzjonali li konsegwenza tagħhom, meta impjegati fis-settur pubbliku jkollhom id-dritt għal-leave minħabba xogħol sindakali, dak il-leave jitħallas jew ma jitħallasx skont il-klassifikazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, b’mod partikolari fir-rigward ta’ jekk tkunx għal żmien indeterminat jew għal żmien determinat.

    2. 

    Fid-digriet tar-rinviju, l-Elegktiko Sinedrio tixtieq ukoll tistabbilixxi jekk hijiex, f’dawk il-proċedimenti, “qorti jew tribunal ta’ Stat Membru” skont it-tifsira tal-Artikolu 267 TFUE kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk dan il-punt għandu jiġi stabbilit.

    3. 

    Jien għalhekk se naqsam il-konklużjonijiet tiegħi f’żewġ partijiet: l-ewwel, il-kompetenza tal-Elegktiko Sinedrio li titlob li tingħata deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE; it-tieni, id-domandi preliminari.

    4. 

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-mitkub minn K. Antonopoulos, li l-kwistjoni hija dwar il-ħlas tal-leave tiegħu, mill-Gvern Grieg kif ukoll mill-Kummissjoni. Waqt is-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2012, l-istess partijiet ippreżentaw sottomissjonijiet orali, fejn intalbu jiffukaw fuq il-kompetenza tal-Elegktiko Sinedrio li titlob li tingħata deċiżjoni preliminari.

    Dwar il-kompetenza tal-Elegktiko Sinedrio li titlob li tingħata deċiżjoni preliminari

    Il-qafas legali

    Id-dritt tal-Unjoni

    5.

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tagħti deċiżjonijiet preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. It-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu jżid li, “[m]eta l-kwistjoni titqajjem quddiem xi qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru, dik il-Qorti jew tribunal jistgħu, jekk ikun jidhrilhom li deċiżjoni fuq dik il-kwistjoni tkun meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti deċiżjoni dwarha”.

    Id-dritt Grieg

    6.

    L-Elegktiko Sinedrio kienet ġiet stabbilita ftit wara li l-Greċja kisbet l-indipendenza mill-Imperu Ottoman, permezz ta’ Digriet tas-27 ta’ Settembru 1833, bħala entità li tgħaqqad fi ħdanha kemm funzjonijiet amministrattivi kif ukoll funzjonijiet ġudizzjarji fuq il-mudell tal-Cour des Comptes (Il-Qorti tal-Awdituri) ta’ Franza.

    7.

    It-Tielet Parti, it-Taqsima I, tal-Kostituzzjoni Griega tal-1975, kif emendata, tikkonċerna l-istruttura tal-Istat. F’dik it-taqsima, l-Artikolu 26 jipprovdi għas-separazzjoni tal-poteri leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji. It-Taqsima V (l-Artikoli 87 sa 100A) tikkonċerna il-ġudikatura.

    8.

    L-Artikolu 87 jipprovdi b’mod partikolari li l-ġustizzja għandha tkun amministrata minn qrati ffurmati minn imħallfin professjonali li jgawdu minn indipendenza funzjonali kif ukoll personali u li, fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom, l-imħallfin għandhom ikunu suġġetti biss għall-Kostituzzjoni u l-liġijiet.

    9.

    L-Artikolu 93 tal-Kostituzzjoni Griega jipprovdi b’mod partikolari:

    “2.   Is-seduti tal-qrati kollha għandhom ikunu pubbliċi, ħlief meta l-qorti tiddeċidi li l-pubbliċità tkun tmur kontra l-livelli ta’ moralità aċċettati jew ikun hemm ragunijiet speċjali li jitolbu għall-protezzjoni tal-ħajja privata jew tal-familja tal-litiganti.

    3.   Is-sentenzi kollha tal-qorti għandhom ikunu motivati b’mod speċifiku u sħiħ u mogħtija mill-qorti fil-miftuħ. [...]”

    10.

    L-Artikolu 98 tal-Kostituzzjoni jistabbilixxi:

    “1.   Il-ġurisdizzjoni tal-Elegktiko Sinedrio tikkonċerna b’mod partikolari:

    (a)

    il-verifika tan-nefqa tal-Istat, flimkien ma’ dik tal-awtoritajiet lokali jew ta’ entitajiet oħra regolati bid-dritt pubbliku li huma suggetti għall-verifika tagħha bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni speċifika;

    (b)

    il-verifika ta’ kuntratti ta’ valur ekonomiku għoli li tagħhom l-Istat, jew xi entità legali oħra assimilata mal-Istat għal dak l-iskop, huma parti, kif previst bil-liġi;

    (c)

    il-verifika tal-kontijiet ta’ uffiċjali tal-kontijiet u tal-awtoritajiet lokali jew ta’ entitajiet legali oħra li huma suġġetti għall-verifika speċifikata fis-subparagrafu (a);

    (d)

    l-għoti ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar abbozzi ta’ liġijiet li jikkonċernaw pensjonijiet jew ir-rikonoxximent ta’ servizz għall-għoti tad-dritt tal-pensjoni, skont l-Artikolu 73(2), u dwar il-kwistjonijiet l-oħrajn kollha previsti mil-liġi;

    (e)

    il-kumpilazzjoni u l-preżentazzjoni lill-Parlament ta’ rapport dwar id-dikjarazzjoni finanzjarja u l-karta tal-bilanċ tal-Istat, konformi mal-Artikolu 79(7);

    (f)

    tiddeċiedi dwar tilwim legali li jikkonċerna l-għoti ta’ pensjonijiet u l-verifika tal-kontijiet speċifikati fis-subparagrafu (c);

    (g)

    tiddeċidi dwar każijiet li jikkonċernaw ir-responsabbiltà ta’ impjegati ċivili jew militari tal-Istat, u ta’ impjegati ta’ awtoritajiet lokali jew ta’ entitajiet oħra tad-dritt pubbliku, għal kwalunkwe ħsara li tigi kkawżata b’mod intenzjonali jew bi traskuraġni, lill-Istat jew lil tali awtoritajiet lokali jew entitajiet oħrajn irregolati mid-dritt pubbliku.

    2.   Il-poteri tal-Elegktiko Sinedrio għandhom ikunu rregolati u eżerċitati kif previst mil-liġi.

    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 93(2) u (3) ma għandhomx japplikaw fil-każijiet speċifikati fis-subparagrafi (a) sa (d) tal-paragrafu preċedenti.

    3.   Id-deċiżjonijiet tal-Elegktiko Sinedrio fil-każijiet speċifikati fil-paragrafu 1 ma għandhomx ikunu suġġetti għal stħarriġ mis-Simvoulio tis Epikratias [Il-Kunsill tal-Istat].”

    11.

    L-Istatut tal-Elegktiko Sinedrio ġie kkodifikat fid-Digriet Presidenzjali 774/1980 (id-“Digriet Presidenzjali”).

    12.

    Skont l-Artikolu 3 ta’ dan id-digriet, l-Elegktiko Sinedrio hija magħmulha minn President, għadd ta’ Viċi-Presidenti u għadd ta’ imħallfin, li minnhom hemm ta’ żewġ gradi differenti ( 2 ).

    13.

    L-Artikolu 4 jipprovdi li, fit-twettiq tax-xogħol tagħha, l-Elegktiko Sinedrio għandha tkun assistita minn persunal ġudizzjarju. Fuq is-sit internet tagħha ( 3 ), din l-entità tgħid ukoll: “F’ministeri, prefetturi u muniċipalitajiet l-iktar kbar hemm Uffiċċji tal-Verifika mmexxija minn kummissarji tal-qorti (jiġifieri impjegati ġudizzjarji bi grad universitarju, b’aktar minn 15-il sena esperjenza u li għandhom il-grad ta’ kap ta’ diviżjoni), u għandhom kompetenza kemm ta’ verifika a priori u ta’ verifika a posteriori. […]”

    14.

    L-Artikolu 7 jikkonċerna l-kompożizzjoni tal-formazzjonijiet ġudizzjarji tal-Elegktiko Sinedrio. Skont l-Artikolu 7(1), din tista’ taġixxi f’formazzjoni plenarja, f’sezzjoni jew fi “klimakia” (li jidhru li huma formazzjonijiet sui generis li għandhom kemm funzjonijiet ġudizzjarji kif ukoll amministrattivi). Skont l-Artikolu 7(3), kull sezzjoni hija ppresjeduta minn Viċi President (jew mill-President), b’erba’ imħallfin, tnejn tal-ewwel grad (“symvouloi”) u tnejn tat-tieni grad (“paredroi”); tal-aħħar jiġu sempliċement ikkonsultati u ma għandhom l-ebda sehem fid-deċiżjoni finali.

    15.

    L-Artikolu 17 tad-Digriet Presidenzjali jikkonċerna l-ġurisdizzjoni tal-Elegktiko Sinedrio biex tivverifia li n-nefqa pubblika hija awtorizzata b’mod korrett u li tikkonforma mad-dispożizzjonijiet legali rilevanti kollha (l-Artikolu 17(1)). Hija u tagħmel dan hija tista’ teżamina kwalunkwe kwistjoni inċidentali li tista’ tqum, bla preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjonijiet dwar res judiċata (l-Artikolu 17(3)), imma ma hijiex kompetenti biex tistħarreġ dwar l-adegwatezza ta’ atti amministrattivi (l-Artikolu 17(5)).

    16.

    L-Artikolu 19(1) tad-Digriet Presidenzjali jipprovdi li verifika a priori ta’ ordnijiet ta’ ħlas dwar in-nefqa tal-ministeri għandha titwettaq minn imħallfin tat-tieni grad jew minn kummissarji, kif ikun il-każ, tal-Elegktiko Sinedrio, sedenti fl-uffiċċju ewlieni tal-ministeru inkwistjoni.

    17.

    Skont l-Artikolu 21(1) tad-Digriet Presidenzjali, l-imħallef tat-tieni grad jew il-kummissarju kompetenti għandhom jirrifjutaw li jawtorizzaw kull nefqa li ma tikkonformax mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 17(1). Jekk in-nefqa tiġi ppreżentata mill-ġdid u huwa jikkonsidra li din għadha ma tikkonformax ma’ dawn il-kundizzjonijiet, huwa għandu jissottometti l-kwistjoni lit-taqsima kompetenti tal-Elegktiko Sinedrio, li għandha tagħti deċiżjoni finali.

    18.

    Id-digriet tar-rinviju jistipula li, skont l-Artikolu 141 tad-Digriet Presidenzjali 1225/1981 (u minkejja t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 98(2) tal-Kostituzzjoni) dik id-deċiżjoni għandha tiddikjara ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata. Madankollu, waqt is-smigħ intqal li ma kien hemm l-ebda rekwiżit li l-proċedimenti jkunu pubbliċi, u li l-proċedura ma kienet tinvolvi ebda skambju ta’ sottomissjonijiet.

    19.

    Id-digriet tar-rinviju jispjega wkoll li l-proċedimenti quddiem l-Elegktiko Sinedrio f’każijiet bħal dawk preżenti jikkonċernaw mhux biss il-kummissarju u l-awtorità li n-nefqa tagħha ma tkunx ġiet awtorizzata — li għal bejniethom id-deċiżjoni tagħha hija vinkolanti — imma anki l-parti terza li tkun qiegħda titlob il-benefiċċju ta’ dik in-nefqa. L-interessi ta’ dik il-parti huma rrappreżentati wkoll mill-awtorità konċernata imma, fl-eventwalità ta’ deċiżjoni mhux favorevoli tas-sezzjoni kkonċernata, hija tista’, abbażi ta’ ċerti raġunijiet, tapplika quddiem l-istess sezzjoni biex tirtira d-deċiżjoni tagħha. Ħlief għal dawk iċ-ċirkustanzi limitati, dik id-deċiżjoni hija finali u inappellabbli.

    20.

    Madankollu, waqt is-smigħ, kemm l-avukat ta’ K. Antonopoulos kif ukoll l-aġent tal-Gvern Grieg qablu li l-parti terza fil-fatt ma hijiex parti fil-proċedimenti quddiem l-Elegktiko Sinedrio, li jikkonċernaw biss diverġenza ta’ opinjoni bejn il-kummissarju u l-awtorità li trid tagħmel in-nefqa dwar il-legalità tan-nefqa kkontemplata u l-proċedura segwita.

    21.

    L-Elegktiko Sinedrio tkompli tispjega — u dwar dan kien hemm qbil waqt is-seduta — li d-deċiżjoni tagħha ma tikkostitwix res judiċata fl-eventwalità ta’ proċedimenti mmresqa fil-qrati amministrattivi minn individwu li jitlob minn awtorità amministrattiva l-ħlas ta’ somma li ma kinitx awtorizzata. F’dawn il-każijiet, l-Artikolu 17 tal-Liġi 2145/1993 jirrikjedi li dan l-individwu jipproduċi d-deċiżjoni rilevanti tas-sezzjoni kkonċernata (jew ċertifikat li d-deċiżjoni li tirrifjuta l-awtorizzazzjoni ma ġietx sottomessa għal stħarriġ jew li dak l-istħarriġ minn xi sezzjoni għadu pendenti), u tali deċiżjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti li jkollha tiddeċiedi l-kwistjoni qabel ma tagħti d-deċiżjoni tagħha.

    Il-proċedura quddiem l-Elegktiko Sinedrio fil-każ preżenti

    22.

    Il-proċedimenti quddiem l-Elegktiko Sinedrio jikkonċernaw ordni ta’ ħlas maħruġa mis-servizz ta’ verifika tal-Ministeru tal-Kultura u Turiżmu Grieg (“il-ministeru”), għall-ħlas li K. Antonopoulos ta’ somma li tirrappreżenta s-salarju għal leave li huwa kien ħa minħabba xogħol sindakali. Huwa paċifiku li dawn il-proċedimenti jaqgħu fi ħdan il-ġurisdizzjoni rregolata bl-Artikolu 98(1)(a) tal-Kostituzzjoni Griega u l-Artikolu 17 tad-Digriet Presidenzjali. Madankollu, l-Elegktiko Sinedrio tistqarr fid-digriet tar-rinviju tagħha li, skont il-liġi nazzjonali, hija biss il-ġurisdizzjoni rregolata bl-Artikolu 98(1)(f) u (g) tal-Kostituzzjoni li hija kkunsidrata li hija strettament waħda ġudizzjarja ( 4 ).

    23.

    L-ordni ta’ ħlas inkwistjoni kienet ippreżentata lill-kummissarju tal-Elegktiko Sinedrio responsabbli għall-ministeru (“il-kummissarju”) għal verifika a priori. Il-kummissarju rrifjuta l-awtorizzazzjoni minħabba li, skont il-liġi nazzjonali, l-istat tal-impjieg ta’ K. Antonopoulos bħala ħaddiem fis-settur pubbliku fuq kuntratt għal żmien determinat li ma jokkupax post permanenti ma kienx jintitolah għal ħlas għal leave sindakali. ( 5 )

    24.

    Peress li l-ordni kienet tikkonċerna ħlas li huwa kien diġà rrifjuta li jawtorizza, il-kummissarju mbgħad irrefera l-kwistjoni, skont l-Artikolu 21(2) tad-Digriet Presidenzjali, biex tiġi deċiża mill-Ewwel Sezzjoni tal-Elegktiko Sinedrio.

    25.

    Din it-taqsima tikkunsidra neċessarja interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex tiddeċiedi jekk il-pożizzjoni tal-kummissarju, u l-liġi nazzjonali li fuqha hija bbażata, humiex konsistenti mar-regoli tal-Unjoni dwar l-ugwaljanza fit-trattament b’mod partikolari bejn ħaddiema b’terminu fiss u ħaddiema permanenti.

    Evalwazzjoni

    26.

    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-entità li tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari għandhiex in-natura ta’ qorti jew tribunal skont l-Artikolu 267 TFUE, liema kwistjoni hija rregolata unikament mid-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra numru ta’ elementi, bħal jekk l-entità hijiex stabbilita b’liġi, jekk din hijiex waħda permanenti, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tagħha, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni, mill-entità, tad-dispożizzjonijiet legali, kif ukoll l-indipendenza tagħha. Barra dan, qorti nazzjonali tista’ tagħmel domandi lill-Qorti biss jekk ikun hemm każ pendenti quddiemha u tissejjaħ biex tagħti sentenza fi proċeduri maħsuba biex iwasslu għal deċiżjoni ta’ natura ġuridika ( 6 ).

    27.

    Il-kwistjoni jekk entità tistax tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk għandha tiġi deċiża abbażi ta’ kriterji li jikkonċernaw kemm il-kostituzzjoni kif ukoll il-funzjoni tagħha. Entità tista’ tkun “qorti jew tribunal” meta twettaq funzjonijiet ġudizzjarji imma mhux meta teżerċita funzjonijiet ta’ natura amministrattiva. Għalhekk huwa neċessarju li jiġi stabbilit f’liema kapaċità speċifika qiegħda taġixxi fl-ambitu tal-kuntest legali partikolari li fih qiegħda titlob li tingħata deċiżjoni. Għal dan l-iskop huwa irrilevanti li, meta tkun ikkonfigurata b’mod differenti jew meta tkun qiegħda teżerċita poteri oħrajn, l-entità kkonċernata għandha tiġi kklassifikata bħala qorti jew tribunal għall-iskopijiet tal-Artikolu 267 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkonkludiet li l-Corte dei Conti (il-Qorti tal-Awdituri) Taljana ma teżerċitax funzjoni ġudizzjarja meta tkun qiegħda twettaq verifika a posteriori ta’ nfiq ta’ aġenzji tal-Istat — rwol amministrattiv li jikkonsisti fl-evalwazzjoni u fil-verifika tar-riżultati ta’ azzjoni amministrattiva ( 7 ).

    28.

    Din hija t-tieni okkażjoni li fiha l-Elegktiko Sinedrio talbet li tingħata deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-ewwel okkażjoni ( 8 ), il-kompetenza tagħha li tagħmel dan ma kinitx ikkontestata. Fil-proċedimenti prinċipali f’dak il-każ, l-Elegktiko Sinedrio kellha tiddeċidi tilwima legali li kienet tikkonċerna l-għoti ta’ pensjoni lil persuna ttrattata għal dak l-iskop bħala uffiċjal pubbliku. Għalhekk il-ġurisdizzjoni tagħha kienet taqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 98(1)(f) tal-Kostituzzjoni Griega, li tikkonċerna d-determinazzjoni ta’ tilwim legali, filwaqt li, fil-każ preżenti, il-ġurisdizzjoni tagħha taqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 98(1)(a) tal-Kostituzzjoni u tikkonċerna l-verifika tan-nefqa tal-Istat. Jidher li l-kompetenza fl-ewwel każ hija kkunsidrata taħt il-liġi nazzjonali bħala strettament waħda ġudizzjarja, filwaqt li fit-tieni każ ma hijiex ( 9 ).

    29.

    Għalhekk id-dubji li jistgħu jqumu, fir-rigward tal-kompetenza tal-Elegktiko Sinedrio li titlob li tingħata deċiżjoni preliminari fil-każ preżenti, ma jikkonċernawx in-natura inerenti tagħha. L-aktar li hu importanti, din hija bla dubju entità permanenti stabbilita bil-liġi, komposta minn imħallfin li l-indipendenza tagħhom ma hijiex ikkontestata, li l-ġurisdizzjoni tagħhom hija (f’każijiet bħal dak preżenti) obbligatorja u li japplikaw regoli ta’ liġi, inkluż (f’każijiet bħal dak preżenti) regoli tad-dritt tal-Unjoni. Dawn id-dubji jikkonċernaw, pjuttost, aspetti tal-funzjoni tagħha fil-proċedimenti prinċipali. B’mod partikolari, jidher li huwa importanti li jiġi kkunsidrat jekk l-Elegktiko Sinedrio hijiex imsejħa fil-funzjoni ġudizzjarja tagħha biex tiddeċiedi b’mod indipendenti dwar tilwima bejn il-partijiet jew li tikkunsidra mill-ġdid deċiżjoni meħuda minn membru tal-persunal tagħha, u jekk id-deċiżjoni tagħha ikollhiex l-istess status u effetti bħal ta’ deċiżjoni ta’ qorti tal-liġi ordinarja.

    30.

    Qabel jiġu kkunsidrati dawn il-punti, jista’ jkun utli li wieħed jirrifletti fil-qosor dwar l-istorja tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-kamp. Il-klassifikazzjoni ta’ entità li tagħmel it-talba għal deċiżjoni preliminari bħala qorti jew tribunal ta’ Stat Membru ma kinitx kwistjoni li qamet ta’ spiss fl-ewwel snin tal-eżistenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 10 ) imma fl-aħħar madwar tletin sena kien hemm madwar 50 deċiżjoni fejn qam dubju ( 11 ).

    31.

    L-iktar istruttivi kienu l-11-il każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni opposta għal dik tal-Avukat Ġenerali tagħha. Dawn huma bejn wieħed u ieħor ibbilanċjati bejn dawk fejn l-Avukat Ġenerali ħa l-pożizzjoni li l-entità li tagħmel it-talba għal deċiżjoni preliminari ma għandhiex tkun ikkunsidrata bħala qorti jew tribunal ta’ Stat Membru imma l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandha tkun (sitt każijiet ( 12 )) u dawk fejn seħħ l-oppost (ħames każijiet ( 13 )). Dak li huwa impressjonanti huwa, li fl-ewwel grupp ta’ każijiet, tlett Avukati Ġenerali kollha minn tradizzjoni tad-dritt ċivili Ruman ( 14 ) kienu favur, essenzjalment, l-approċċ li huma biss il-qrati tal-liġi stricto sensu li huma kompetenti li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari, filwaqt, li t-tieni grupp, erba’ Avukati Ġenerali ġejjin minn tradizzjoni mhux Rumana, primarjament dik tal-common law ( 15 ) argumentaw b’mod ġenerali li, fl-interess tal-ekonomija tal-ġudizzju u tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha b’mod ġenerali twieġeb domandi rilevanti minn entitajiet li għandhom karatteristiċi ta’ qorti jew tribunal u li jridu japplikaw il-liġi biex isolvu kwistjonijiet ġenwini.

    32.

    Wieħed jista’ jaħseb li, billi evitat dawn iż-żewġ approċċi, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet it-triq tan-nofs b’mod ġudizzjuż bejn il-formaliżmu Mediterranju u l-informalità Anglo-Skandinava — għalkemm jista’ jkun ukoll sempliċement li, kif issuġġerixxa l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer f’De Coster ( 16 ), l-approċċ ġenerali kien abbażi ta’ każistika iktar milli ta’ xjenza. Jiena nħoss li jkun xieraq li l-Qorti tal-Ġustizzja tindika fil-każ preżenti jew f’xi okkażjoni oħra xierqa mhux daqshekk fil-bogħod, jekk, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-korp kunsiderevoli ta’ ġurisprudenza li akkumulat, din taderixxix ma’ xi wieħed mill-approċċi proposti mill-Avukati Ġenerali tagħha fil-każijiet imsemmija, jekk issegwix xi prinċipju gwida li huwa differenti minnhom it-tnejn jew jekk, sempliċement, kull każ għandux jiġi eżaminat mill-ġdid u fuq il-merti tiegħu.

    33.

    Jien hawnhekk mhux se nipprova għal darb’oħra nerġa’ nagħti rendikont sħiħ tal-iżvilupp tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; dan diġà sar għadd ta’ drabi oħra fil-Konklużjonijiet fil-kawżi li diġà ġew deċiżi, b’mod partikolari dawk iċċitati fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 12 u 13 iktar ’il fuq. Jien nenfasizza sempliċement tlett punti li fil-fehma tiegħi l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra.

    34.

    L-ewwel, għalkemm id-deċiżjoni dwar jekk entità hijiex “qorti jew tribunal ta’ Stat Membru” hija biss kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni (u tal-Qorti tal-Ġustizzja), din tista’ tittieħed biss abbażi tar-regoli li jirregolaw l-entità inkwistjoni u l-proċedimenti speċifiċi quddiemha. Dawn huma materji ta’ dritt nazzjonali. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq regoli li jirregolaw it-tħaddim tal-entità inkwistjoni, għalkemm ma għandha l-ebda kompetenza biex tinterpreta dawk ir-regoli. Anki jekk il-probabbiltà ta’ nuqqas ta’ ftehim jew idea żbaljata f’dan ir-rigward hija żgħira, ma tistax tiġi eskluża. Għalhekk, fil-fehma tiegħi il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tfittex li tiżbalja, jekk għandha tiżbalja, fuq in-naħa tal-inqas riskju milli tal-ikbar riskju. L-iżgħar riskju huwa dak li tagħti risposta lil entità li l-kompetenza tagħha li titlob li tingħata deċiżjoni preliminari ma hijiex stabbilita b’mod ċar, filwaqt li l-ikbar riskju huwa dak li tħalli kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni mhux riżolta bil-possibbiltà ta’ disparità fl-applikazzjoni fil-livell nazzjonali.

    35.

    It-tieni nett, jiena ċċitajt ħames każijiet fejn l-Avukat Ġenerali kkunsidra li t-talba għal deċiżjoni preliminari kienet ammissibbli imma l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet mod ieħor. Fi tlieta minn dawn il-każijiet, id-domandi li ma kinux ġew imwieġba ġew magħmula għal darb’oħra lill-Qorti tal-Ġustizzja fi proċedimenti differenti imma relatati, u kellhom jitwieġbu. Fit-tlett każijiet kollha, kienu neċessarji Konklużjonijiet oħra (fi tnejn minnhom minn Avukat Ġenerali differenti), biex b’hekk id-domandi sostantivi kienu analizzati darbtejn minn Avukat Ġenerali u kienu mwieġba mill-Qorti tal-Ġustizzja xi sentejn jew tlieta wara l-ewwel sentenza tagħha ( 17 ). Dawn iċ-ċirkustanzi ma humiex indikattivi tal-ikbar ekonomija proċedurali.

    36.

    It-tielet, jien niftakar fil-kliem tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-Konklużjonijiet tiegħu f’Österreiċhisċher Rundfunk: ( 18 )“[…] huwa xieraq li entitajiet mhux ġudizzjarji jitħallew jieħdu sehem fid-djalogu […] fejn id-deċiżjonijiet tagħhom mhumiex suġġetti għal stħarriġ sussegwenti minn qorti, li tagħti l-aħħar kelma taħt id-dritt nazzjonali, kuntest li joffri aċċess għall-proċedura tad-deċiżjoni preliminari sabiex jiġi evitat il-periklu li jitħallew irqajja tad-dritt [tal-Unjoni] barra mill-iskop tal-intervent unifikanti tal-Qorti tal-Ġustizzja”.

    37.

    Meta jingħata qies ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet fl-isfond tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam, jien nippreferi approċċ liberali f’każijiet fejn l-applikazzjoni tal-kriterji li ġew żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 19 ) iħallu spazju għal xi dubju.

    38.

    Biex niġi lura għall-każ preżenti, jien nosserva erba’ fatturi li jistgħu jwasslu l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-Elegktiko Sinedrio ma hijiex kompetenti biex titlob li tingħata deċiżjoni preliminari fil-proċedimenti preżenti. L-ewwel, dawn il-proċedimenti ma humiex ikkunsidrati li huma strettament ġudizzjarji skont il-liġi nazzjonali. It-tieni, l-istħarriġ a priori tan-nefqa tal-Istat imwettaq mill-Elegktiko Sinedrio jista’ jkun ikkumparat mal-istħarriġ a posteriori li kien ikkunsidrat mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala rwol amministrattiv iktar minn wieħed ġudizzjarju f’ANAS u RAI ( 20 ). It-tielet, wieħed mill-partijiet fil-proċedimenti prinċipali — il-kummissarju — huwa uffiċjal tal-Elegktiko Sinedrio nnifisha. Ir-raba’, għalkemm id-deċiżjoni li kellha tittieħed mis-sezzjoni kkonċernata hija finali fir-rigward tal-awtorizzazzjoni a priori tan-nefqa inkwistjoni, u mhux suġġetta għal stħarriġ ta’ ebda awtorità ogħla, ma hijiex finali fir-rigward tad-dritt ta’ K. Antonopoulos li jitħallas; f’każ ta’ deċiżjoni sfavorevoli, dan jista’ xorta waħda, minn kif jidher, jieħu t-talba tiegħu quddiem il-qrati amministrattivi u jitlob li tingħata ordni biex il-ministeru jħallsu, f’liema każ, jekk tingħata l-ordni, in-nefqa tkun trid tiġi awtorizzata.

    39.

    L-ewwel punt, fil-fehma tiegħi, bl-ebda mod ma huwa deċiżiv. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti ddeċidiet li hija l-klassifikazzjoni tal-entità, jew tal-proċedimenti, skont id-dritt tal-Unjoni, mhux skont il-liġi nazzjonali, li tistabbilixxi jekk it-talba għal deċiżjoni preliminari tkunx saret b’mod kompetenti ( 21 ).

    40.

    Lanqas ma jidhirli li tista’ effettivament ssir it-traspożizzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’ANAS u RAI għall-każ preżenti. Huwa veru li l-istħarriġ tal-infiq tal-Istat se jkollu dejjem ħafna mill-istess karatteristiċi, kemm jekk ikun a priori jew a posteriori. Madankollu, mid-digrieti f’dawk il-każijiet bikrija joħroġ ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha speċifikament fuq is-sottomissjonijiet tal-Gvern Taljan u tal-Kummissjoni, li enfasizzaw id-differenzi bejn stħarriġ a priori u dak a posteriori kif imwettaq mill-Corte dei Conti. B’mod partikolari, filwaqt li tal-ewwel f’ħafna aspetti kien komparabbli ma’ funzjoni ġudizzjarja, tal-aħħar mhux biss kien evalwazzjoni sussegwenti ta’ miżuri li kienu diġà ġew implimentati imma kienu iggwidati minn kriterji oħra minbarra regoli ta’ dritt biss ( 22 ). Fil-każ preżenti, ir-rwol tal-Elegktiko Sinedrio kien li jiddeċidi jekk nefqa ppjanata għandhiex tkun awtorizzata jew le, skont ir-regoli ta’ dritt biss.

    41.

    Fir-rigward tat-tielet punt, il-każ jista’ jiġi kkumparat ma’ Corbiau ( 23 ), fejn kienet saret talba għal deċiżjoni preliminari mid-Directeur des Contributions Directes et des Accises (Id-Direttur tat-Taxxa u tad-Dazji tas-Sisa) tal-Grand Dukat tal-Lussemburgu f’appell amministrattiv imressaq minn persuna taxxabbli kontra deċiżjoni ta’ dipartiment tad-direttorat immexxi minn dik il-persuna. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-awtorità inkwistjoni, għalkemm kienet ikkunsidrata kemm mill-Gvern tal-Lussemburgu kif ukoll mill-Kummissjoni li kienet teżerċita rwol suffiċjentement ġudizzjarju f’dawk il-proċedimenti, ma kinitx qiegħda taġixxi bħala parti terza fir-rigward tal-awtorità li adottat id-deċiżjoni li tifforma s-suġġett tal-proċedimenti għaliex kellha rabta organizzattiva ċara mad-dipartimenti li għamlu l-istima ta’ taxxa li kontrieha kien dirett l-ilment li ġie ppreżentat lilu. Bl-istess mod, f’Syfait ( 24 ), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ir-rabta operattiva bejn l-Epitropi Antagonismou (Il-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni), entità li tieħu d-deċiżjonijiet, u s-segretarjat tagħha, entità li tindaga l-fatti li abbażi tal-proposti tagħha hija tieħu d-deċiżjonijiet.

    42.

    Fil-każ preżenti, il-Gvern Grieg fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu jistaqsi jekk l-Elegktiko Sinedrio jaġixxix bħala parti terza fir-rigward tal-kummissarju. L-Elegktiko Sinedrio nnifsha, fid-digriet tar-rinviju tagħha, tenfasizza s-separazzjoni funzjonali kompleta bejn is-sezzjoni kkonċernata u l-kummissarju, li r-rwol tiegħu huwa limitat (i) biex jagħti u jikkonferma l-evalwazzjoni inizjali tiegħu, (ii) jirrinvija t-tilwima lis-sezzjoni u (iii) jippreżenta biss il-fatti u r-raġunijiet tiegħu għalfejn ma approvax in-nefqa. Is-sezzjoni mbagħad, fid-dawl tas-sottomissjonijiet kollha li jkunu saru, tiddeċidi x’jiġi ppreżentat fid-digriet tar-rinviju bħala tilwima triangulari bejn il-kummissarju, l-aġenzija tal-Istat li n-nefqa tagħha ma tkunx ġiet approvata u r-riċevitur putattiv tan-nefqa.

    43.

    Minn dak illi ntqal waqt is-seduta, filwaqt li s-separazzjoni funzjonali bejn is-sezzjoni kkonċernata u l-kummissarju ma ġewx ikkontestati, jeżisti dubju dwar kemm verament jista’ jingħad li t-tilwima hija waħda triangulari. Proċeduralment, pjuttost jidher illi s-sezzjoni hija msejjħa biex taġġudika bejn il-veduti opposti tal-ministeru u tal-kummissarju ( 25 ). Filwaqt li l-interess ta’ K. Antonopoulos fl-eżitu huwa innegabbli, huwa biex ngħid hekk, sempliċement spettatur fil-proċedimenti. Il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni għalhekk jikkunsidraw li r-rwol tas-sezzjoni huwa ta’ natura interna u amministrattiva. Il-Kummissjoni kkumparatu ma’ dak tal-iSkatterättsnämnden fil-proċedimenti prinċipali f’Viċtoria Film ( 26 ), li l-Qorti tal-Ġustizzja (kuntrarju għall-Avukat Ġenerali) iddeċidiet li kien qiegħed jaġixxi fi rwol amministrattiv meta kien qiegħed jagħti deċiżjoni preliminari vinkolanti.

    44.

    Filwaqt li nifhem il-kunsiderazzjonijiet li wasslu lill-Gvern Grieg u lill-Kummissjoni għal dik il-pożizzjoni, fil-fehma tiegħi dik is-sitwazzjoni ma hijiex daqshekk ċara, u għandu jingħata wkoll il-piż dovut lill-fatt li s-sezzjoni rilevanti tal-Elegktiko Sinedrio hija funzjonalment indipendenti kemm mill-ministeru kif ukoll mill-kummissarju u r-rwol tagħha huwa li taġġudika bejniethom, b’effett vinkolanti, abbażi ta’ regoli ta’ dritt. Peress li hemm madankollu il-possibbiltà ta’ dubju, jiena għalhekk nirrakkomanda li d-dubju għandu jkun riżolt favur li tiġi ammessa, pjuttost milli rrifjutata, it-talba għal deċiżjoni preliminari ( 27 ).

    45.

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-raba’ punt — jekk, essenzjalment, id-deċiżjoni li l-Elegktiko Sinedrio se tagħti fil-proċedimenti prinċipali għandhiex l-istess status bħal ta’ deċiżjoni ta’ qorti ordinarja — jidher li jkun utli li jiġu kkunsidrati ż-żewġ eżiti possibbli.

    46.

    Jekk id-deċiżjoni tkun li l-ħlas ma għandux ikun awtorizzat, dan ma jipprekludix lil K. Antonopoulos milli jitlob — u possibbilment jingħata — rimedju mill-qrati amministrattivi, li ma humiex marbuta bid-deċiżjoni ( 28 ). Kull dritt għar-rikompens li K. Antonopoulos jista’ jkollu għalhekk jidher li ma jkunx affettwat b’xi mod vinkolanti minn deċiżjoni negattiva tal-Elegktiko Sinedrio. F’dawk iċ-ċirkustanzi, jista’ jidher li jkun raġjonevoli li għandhom ikunu l-qrati amministrattivi biss, li d-deċiżjoni tagħhom tkun waħda finali u vinkolanti fir-rigward tal-partijiet kollha, li tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, dan ma huwiex il-każ fl-eventwalità kuntrarja — jiġifieri, il-kummissarju ma jistax ukoll jippreżenta rikors quddiem il-qrati amministrattivi għal mandat li jipprojbixxi n-nefqa minkejja deċiżjoni kuntrarja tas-sezzjoni ( 29 ). Jekk is-sezzjoni tiddeċidi li n-nefqa għandha tkun awtorizzata, id-deċiżjoni tagħha ma tistax tkun ikkontestata mill-kummissarju u n-natura vera tat-tilwima tfisser li la l-ministeru u lanqas K. Antonopoulos ma huma se jippruvaw jikkontestawha. F’dak il-każ, tkun ingħatat deċiżjoni finali u vinkolanti fuq punt ta’ dritt, u ma jkun hemm l-ebda possibbiltà ta’ rikors għal xi awtorità ġudizzjarja oħra, kemm bħala appell jew bħala xi tip ieħor ta’ proċedimenti — u għalhekk, jekk l-Elegktiko Sinedrio ma hijiex ikkunsidrata bħala qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, ma hemm l-ebda possibbiltà ta’ rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 30 ).

    47.

    Ma jidhirx li huwa possibbli li l-kompetenza ta’ entità li tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja — u għalhekk l-istatus tagħha bħala qorti jew tribunal ta’ Stat Membru skont it-tifsira tal-Artikolu 267 TFUE — issir dipendenti fuq jekk id-deċiżjoni li hija tieħu biex tiddeċidi l-proċedimenti quddiemha tkunx waħda pożittiva jew negattiva, meta hija għandha bżonn tali deċiżjoni preliminari sabiex tasal għad-deċiżjoni tagħha. Peress li waħda mid-deċiżjonijiet possibbli li tista’ tieħu l-Elegktiko għandha status ekwivalenti ta’ sentenza ta’ qorti ordinarja, ma naħsibx li għandha tkun prekluża milli titlob deċiżjoni preliminari abbażi li d-deċiżjoni l-oħra possibbli ma jkollhiex dan l-istatus.

    48.

    Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti — b’mod partikolari dawk stabbiliti fil-punti 34 sa 37 iktar ’il fuq — iwassluni għall-fehma li, fil-kuntest tal-proċedimenti quddiemha, l-Elegktiko Sinedrio għandha titqies fil-każ preżenti bħala qorti jew tribunal ta’ Stat Membru kompetenti biex titlob li tingħata deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE.

    Fuq id-domandi preliminari

    Il-qafas legali

    Id-dritt tal-Unjoni

    49.

    Il-proċedimenti prinċipali jikkonċernaw relazzjoni ta’ mpjieg li ntemmet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Dak iż-żmien, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 136 KE ( 31 ) kien jipprovdi:

    “Il-Komunità u l-Istati Membri, waqt li jżommu f’moħħhom id-drittijiet soċjali fundamentali bħalma huma dawk stabbiliti fil-Karta Soċjali Ewropea li kienet iffirmata f’Turin fit-18 ta’ Ottubru 1961 u l-Karta tal-Komunità tal-1989 dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, għandu jkollhom bħala mira il-promozzjoni ta’ l-impieg, it-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, sabiex jagħmlu possibli l-armonizzazzjoni tagħhom waqt li jitkompla t-titjib, il-protezzjoni soċjali xierqa, id-djalogu bejn min imexxi u l-ħaddiema, l-iżilupp tar-riżorsi umani bil-mira ta’ livell għoli ta’ mpjieg li jdum għal żmien twil u l-ġlieda kontra l-esklużjoni.”

    50.

    L-Artikolu 137 KE ( 32 ) jipprovdi, b’mod partikolari:

    “1.   Bl-iskop li jintlaħqu l-miri tal-Artikolu 136, il-Komunità għandha ssostni u tikkomplementa l-attivitajiet ta’ l-Istati Membri f’dawn l-oqsma:

    […]

    b

    il-kondizzjonijiet tax-xogħol;

    […]

    5.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu la japplikaw għall-pagi, la għad-dritt ta’ assoċjazzjoni, la għad-dritt ta’ l-istrike u lanqas għad dritt li jiġi mpost lock out.”

    51.

    L-Artikolu 139 KE ( 33 ) jipprovdi, b’mod partikolari:

    “1.   Jekk min imexxi u l-ħaddiema hekk jixtiequ, id-djalogu bejniethom fil-livell Komunitarju jista’ jwassal għal relazzjonijiet kontrattwali, inkluż ftehim.

    2.   Il-Ftehim konklużi fil-livell Komunitarju għandhom ikunu implementati skond il-proċeduri u prattiċi speċifiċi għal min imexxi u l-ħaddiema u l-Istati Membri, jew, f’materji li huma koperti mill-Artikolu 137, fuq talba konġunta mill-partijiet firmatarji, b’deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni.

    […]”

    52.

    L-Artikolu 12(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jiggarantixxi “d-dritt għal-libertà ta’ għaqda paċifika u għal-libertà ta’ assoċjazzjoni f’kull livell, b’mod partikolari fil-qasam politiku, tat-trade unions, u ċiviku, li jimplika d-dritt ta’ kull persuna li tifforma trade unions flimkien ma’ oħrajn u li tissieħeb magħhom għall-protezzjoni ta’ l-interessi tagħha”.

    53.

    L-Artikolu 20 tal-Karta jiggarantixxi l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, u l-Artikolu 21(1) jipprojbixxi kull diskriminazzjoni “bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika, jew opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali”, filwaqt li l-Artikolu 21(2) jipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità.

    54.

    L-Artikolu 28 tal-Karta jipprovdi kif ġej:

    “Il-ħaddiema u dawk li jħaddmu, jew l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom, għandhom, skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali, id-dritt li jinnegozjaw u li jikkonkludu ftehim kollettivi fil-livelli xierqa u, fil-każ ta’ konflitti ta’ interess, li jieħdu azzjoni kollettiva, inkluż l-istrajk, sabiex jiddefendu l-interessi tagħhom”.

    55.

    Fit-18 ta’ Marzu 1999, tlett organizzazzjonijiet trans-industrijali ( 34 ) ikkonkludew qafas ta’ ftehim dwar xogħol għal żmien determinat (“il-ftehim qafas”). Il-ftehim qafas ifforma l-anness għad-Direttiva 1999/70 (“id-direttiva”) ( 35 ), li kien adottat abbażi tal-Artikolu 139(2) tad-Direttiva. L-Artikolu 2 tad-Direttiva effettivament kien jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-miżuri neċessarji biex idaħħlu fis-seħħ il-ftehim qafas ikunu saru sal-1 ta’ Lulju 2001 (jew, l-iktar tard, sal-1 ta’ Lulju 2002).

    56.

    Il-Klawżola 3(2) tal-ftehim qafas tiddefinixxi “ħaddiem kumparabbli permanenti” bħala “ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet”.

    57.

    Il-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas tistabbilixxi li:

    “Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet tal-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.”

    Il-liġi Griega

    58.

    Skont id-digriet tar-rinviju, l-Artikolu 103 tal-Kostituzzjoni, li jirregola l-istatus ta’ impjegati tal-Istat u ta’ ħaddiema pubbliċi oħrajn, jiddistingwi bejn tlett kategoriji skont in-natura tar-relazzjoni ta’ impjieg. Essenzjalment:

    (a)

    uffiċjali pubbliċi permanenti li jokkupaw pożizzjonijiet permanenti previsti bil-liġi; it-termini tal-impjieg tagħhom huma regolati b’leġiżlazzjoni speċifika;

    (b)

    ħaddiema fis-settur pubbliku fuq kuntratt irregolat bid-dritt ċivili għal żmien determinat jew indeterminat li jokkupaw ċerti tipi ta’ pożizzjonijiet permanenti previsti bil-liġi imma ma jistgħux ikunu stabbiliti f’dawk il-pożizzjonijiet, u lanqas ma jista’ jkollhom kuntratt għal żmien determinat ikkonvertit f’wieħed għal żmien indeterminat; ċerti termini tal-impjieg tagħhom huma rregolati b’leġiżlazzjoni speċifika;

    (c)

    ħaddiema fis-settur pubbliku fuq kuntratt irregolat bid-dritt ċivili għal żmien determinat, li jiġu ngaġġjati sabiex jilqgħu għal bżonnijiet imprevisti u urġenti, li ma jokkupawx kariga permanenti u ma jistgħux ikollhom il-kuntratt tagħhom ikkonvertit f’wieħed għal żmien indeterminat; ċerti termini tal-impjieg tagħhom huma rregolati b’leġiżlazzjoni speċifika.

    59.

    Il-Liġi 1264/1982 stabbiliet sistema ta’ leave sindakali għall-perijodu ggradat — sa 15-il ġurnata leave f’ċerti każijiet — skont l-importanza tat-trade union u l-pożizzjoni li għandu fiha l-membru tat-trade union. Dan il-leave kellu jkun ittrattat bħala ħin tax-xogħol għall-iskopijiet kollha għajr għad-dritt għal ħlas, bit- trade union tkun responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali rilevanti ( 36 ). Din il-liġi ma tiddistingwix, għal dawn l-iskopijiet, bejn ħaddiema b’tipi differenti ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg.

    60.

    Il-Liġi 1400/1983 iktar tard ipprovdiet li, għal uffiċjali pubbliċi u ħaddiema fis-settur pubbliku li jokkupaw kariga permanenti permezz ta’ kuntratt irregolat bid-dritt ċivili, (kategoriji (a) u (b) fil-punt 58 iktar ’il fuq), il-leave sindakali inkwistjoni kellu jkun imħallas. Madankollu, fiż-żmien materjali fil-proċedimenti prinċipali ma kien hemm ebda dritt għal ħlas bħal dan għal ħaddiema tas-settur pubbliku fuq kuntratt irregolat bid-dritt ċivili għal żmien determinat, ingaġġjati sabiex jilqgħu għal ħtiġijiet imprevisti u urġenti u li ma jokkupawx kariga permanenti (il-kategorija (c) fil-punt 58 iktar ’il fuq).

    Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

    61.

    K. Antonopoulos kien impjegat mal-ministeru fuq kuntratt irregolat bid-dritt ċivili għal żmien determinat (li jaqa’ fil-kategorija (c) ta’ hawn fuq) minn Novembru 2008 sa Ottubru 2009. Huwa kien membru ta’ trade union u, matul dak il-perijodu, kien awtorizzat li jieħu 34 ġurnata leave sindakali. Il-ministeru ried iħallas is-salarju tiegħu għar-rigward ta’ dawk –l 34 ġurnata, imma l-kummissarju rrifjuta li jawtorizza l-pagament, abbażi li l-istatus tal-impjieg ta’ K. Antonopoulos ma kienx jagħtih id-dritt għal tali ħlas.

    62.

    L-Ewwel Sezzjoni tal-Elegktiko Sinedrio trid tistabbilixxi jekk it-trattament inqas favorevoli mogħti lil K. Antonopoulos huwiex konsistenti mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni. Din qiegħda titlob li tingħata deċiżjoni dwar id-domandi li ġejjin:

    “1.

    Il-ħlas jew in-nuqqas ta’ ħlas lil ħaddiem għal perijodu fejn huwa jkun nieqes mix-xogħol tiegħu minħabba leave sindakali jikkostitwixxi kundizzjoni tax-xogħol jew kundizzjoni tal-impjieg fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni? B’mod iktar speċifiku, id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet li jipprovdu għall-għoti ta’ leave sindakali mhux remunerat lill-ħaddiema impjegati mill-Istat fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat, li ma jokkupawx pożizzjoni fissa u għandhom il-kwalità ta’ membri tal-amministrazzjoni ta’ organizzazzjoni sindakali, jintroduċu ‘kondizzjonijiet tax-xogħol’ fis-sens tal-Artikolu 137(1)(b) KE u ‘kondizzjonijiet ta’ l-impjieg’ skont il-Klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas jew inkella din il-kwistjoni tikkonċerna oqsma li huma esklużi mid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri ir-remunerazzjonijiet u d-dritt ta’ assoċjazzjoni?

    2.

    Fil-każ li r-risposta għal ewwel domanda tkun fl-affermattiv, ħaddiem impjegat fis-servizz pubbliku fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indeterminat irregolata mid-dritt privat, li jokkupa pożizzjoni fissa u li jaqdi l-istess funzjonijiet bħal ħaddiem li għandu relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat irregolata mid-dritt privat li ma għandux impjieg organiku, jista’ jikkostitwixxi ħaddiem ‘kumparabbli’ għal dan tal-aħħar, fis-sens tal-Klawżoli 3(2) u 4(1) tal-Ftehim Qafas, jew inkella l-fatt li l-Kostituzzjoni nazzjonali (Artikolu 103) u l-liġijiet li jiżguraw l-eżekuzzjoni tagħha jipprovdu li dan għandu status speċifiku (kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ u garanziji iktar speċifiċi previsti fl-Artikolu 103(3) tal-Kostituzzjoni) huwa biżżejjed sabiex dan ma jkunx ‘kumparabbli’ ma ħaddiem li għandu relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat irregolata mid-dritt privat li ma jokkupax pożizzjoni fissa?

    3.

    Fil-każ li r-risposta għaż-żewġ domandi preċedenti tkun fl-affermattiv:

    a)

    fil-każ li mill-qari flimkien tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali jirriżulta li l-ħaddiema impjegati f’servizz pubbliku fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indeterminat li jokkupaw pożizzjoni fissa u huma membri tal-amministrazzjoni ta’ organizzazzjoni sindakali tat-tieni livell jibbenefikaw minn leave sindakali remunerat (li jammonta sa massimu ta’ disgħat ijiem fix-xahar), filwaqt li l-ħaddiema impjegati fl-istess servizz fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat li ma għandhomx impjieg organiku u li għandhom l-istess kwalità sindakali jibbenefikaw minn leave sindakali tal-istess tul mhux remunerat, din id-distinzjoni tikkostitwixxi trattament inqas favorevoli ta’ din it-tieni kategorija ta’ ħaddiema, fis-sens tal-Klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas, u

    b)

    iż-żmien limitat tar-relazzjoni ta’ impjieg tat-tieni kategorija ta’ ħaddiema u d-differenzi li jirriżultaw, b’mod ġenerali, mill-istatus ta’ din il-kategorija (kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ, żvilupp u tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg) jikkostitwixxu raġunijiet oġġettivi li jistgħu jiġġustifikaw din id-distinzjoni?

    4.

    Id-distinzjoni inkwistjoni mwettqa bejn il-membri tal-amministrazzjoni sindakali impjegati għal żmien indeterminat f’servizz pubbliku fejn jokkupaw pożizzjoni fissa u l-persuni li, filwaqt li għandhom l-istess kwalità sindakali bħal dawn tal-aħħar, huma impjegati għal żmien determinat fl-istess servizz u ma għandhomx impjieg organiku, tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet sindakali, fid-dawl tal-Artikoli 12, 20, 21 u 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jew inkella din id-distinzjoni tista’ tiġi ġġustifikata permezz tad-differenzi li jeżistu bejn l-istatus taż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema?”

    Evalwazzjoni

    63.

    K. Antonopoulos, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni jaqblu fis-sustanza dwar it-tweġibiet għall-ewwel tlett domandi. Essenzjalment, huma jqisu li: (1) il-ħlas jew in-nuqqas ta’ ħlas matul leave sindakali huwa “kundizzjoni ta’ xogħol” jew “kundizzjoni ta’ impjieg” skont it-tifsira tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni rilevanti; (2) iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema inkwistjoni huma “kumparabbli” skont it-tifsira tal-ftehim qafas; u (3) id-differenza fit-trattament bejniethom huwa trattament “inqas favorevoli” tat-tieni kategorija, li ma huwiex ġustifikat għal raġunijiet oġġettivi.

    64.

    Dwar ir-raba’ domanda, ir-risposti proposti huma kemmxejn differenti fil-forma imma mhux fis-sustanza sottostanti. K. Antonopoulos iqis li d-differenza fit-trattament tikser ukoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fir-rispett tad-drittijiet sindakali skont il-Karta; il-Gvern Grieg sempliċement li l-Karta tikkonferma l-konklużjoni tiegħu li hemm diskriminazzjoni mhux ġustifikata; u l-Kummissjoni li, ladarba d-diskriminazzjoni pprojbita hija stabbilita fil-kuntest tal-ftehim qafas, ma hemmx bżonn li din tiġi eżaminata fl-ambitu tal-Karta imma li, fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni ma jidhrux li jirregolaw direttament id-drittijiet ta’ trade union.

    65.

    Dawk is-sottomissjonijiet — li b’mod ġenerali jikkoinċidu mal-pożizzjoni li l-Elegktiko Sinedrio nnifisha tidher inklinata li tieħu — jaqblu mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, u jistgħu jiġu ttrattati fil-qosor.

    66.

    Wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-ftehim qafas japplika għall-ħaddiema kollha għal żmien definit, mingħajr distinzjoni bejn is-settur pubbliku u s-settur privat ( 37 ).

    L-ewwel domanda

    67.

    Regola dwar rikompens, li jitħallas, jew ma jitħallasx fir-rigward ta’ leave li huwa mogħti bil-liġi lill-impjegati li huma uffiċjali ta’ trade union għal assenza mix-xogħol minħabba xogħol sindakali hija prima facie u skont interpretazzjoni skjetta tat-termini, kundizzjoni tal-impjieg jew kundizzjoni tax-xogħol ta’ tali impjegati. Il-kwistjoni hija jekk tali interpretazzjoni tistax tkun affettwata mid-dispożizzjonijiet tal-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas jew tal-Artikolu 137(5) KE (l-Artikolu 153(5) TFUE) li, indirettament, jiddefinixxu l-bażi legali li fuqha id-direttiva li inkorporat l-ftehim qafas fid-dritt tal-Unjoni kienet adottata.

    68.

    Ma hemm xejn fil-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas li jagħti raġuni għalfejn wieħed ma għandux jaqbel ma’ din l-interpretazzjoni.

    69.

    Mill-banda l-oħra, l-Artikoli 136, 137 u 139 KE, moqrija flimkien, ma kienux jawtorizzaw lill-Komunità (u l-Artikolu 153, 155 u 159 TFUE, moqrija flimkien, ma jawtorizzawx lill-Unjoni) li tieħu azzjoni fl-oqsma ta’ inter alia, il-paga jew id-dritt tal-assoċjazzjoni.

    70.

    Madankollu, kif jaqblu dawk kollha li ppreżentaw sottomissjonijiet, dik il-limitazzjoni tikkonċerna biss intervent dirett f’dawk l-oqsma. Din ma tipprekludix miżuri li jaffettwawhom biss indirettament. Il-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas ma għandhiex l-intenzjoni li tirregola d-dritt ta’ assoċjazzjoni b’xi mod sostanzjali. Din sempliċement tirrikjedi li huma x’inhuma r-regoli li jirregolaw il-kundizzjonijiet tal-impjieg fl-Istati Membri, dawn għandhom ikunu applikati mingħajr diskriminazzjoni bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema permanenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li l-Artikolu 137(5) KE, li għandu jiġi interpretat b’mod strett, ma jistax iżomm ħaddiem għal żmien determinat milli jibbaża ruħu fuq ir-rekwiżit ta’ non-diskriminazzjoni fil-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas sabiex jitlob il-benefiċċju ta’ kundizzjoni ta’ impjieg riżervata għall-ħaddiema permanenti, anki fejn jikkonċerna paga ( 38 ). B’analoġija l-istess konklużjoni għandha tapplika sa fejn id-differenza kkontestata fit-trattament tikkonċerna l-eżerċizzju tad-dritt ta’ assoċjazzjoni.

    71.

    Konsegwentement, it-trattament inkwistjoni fil-proċedimenti quddiem l-Elegktiko Sinedrio għandu jitqies li jaqa’ fl-ambitu tal-kunċett ta’ “kondizzjonijiet tal-impjieg” fil-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas, u li ma huwiex affettwat bil-limitazzjoni fl-Artikolu 137(5) KE.

    It-tieni domanda

    72.

    F’dawk iċ-cirkustanzi, l-Elegktiko Sinedrio għandha tikkunsidra jekk iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiem li huma ttrattati b’mod differenti humiex komparabbli skont il-ftehim qafas. Din hija kwistjoni ta’ fatt li hi biss tista’ tiddeċidi, imma l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ toffri gwida dwar l-interpretazzjoni korretta tal-ftehim qafas, filwaqt li tikkunsidra l-elementi li l-Elegktiko Sinedrio tindika li jistgħu jirrendu l-kategoriji mhux komparabbli: il-fatt li l-ħaddiema f’kategorija waħda jokkupaw pożizzjonijiet permanenti, filwaqt li l-oħrajn ma humiex permanenti; u li regolamentazzjoni speċifika dwar l-impjiegi ġiet stabbilita għal tal-ewwel imma mhux għal tat-tieni.

    73.

    Huwa ċar mit-termini proprja tal-Klawżola 3(2) tal-ftehim qafas li dawn l-aspetti ma humiex rilevanti biex ikun stabbilit jekk ħaddiema humiex komparabbli jew le. Id-definizzjoni f’dik id-dispożizzjoni tillimita l-paragun għall-identità tal-istabbiliment li fih il-ħaddiema huma impjegati u n-natura identika jew simili tax-xogħol li huma ingaġġjati fih, wara li jitqiesu l-kwalifiċi u l-ħiliet tagħhom. Dan huwa għalhekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, approċċ funzjonali, fejn kwistjonijiet ta’ status ma humiex rilevanti.

    74.

    Għalhekk, kif jidher li huwa l-każ, l-Elegktiko Sinedrio tqis li K. Antonopoulos kien ingaġġjat fil-ministeru fuq xogħol li kien l-istess bħal, jew simili għal, dak imwettaq minn impjegati fuq kuntratt ta’ xogħol irregolat bid-dritt ċivili għal żmien indeterminat, li jokkupaw pożizzjoni permanenti, wara li jitqiesu l-kwalifiċi u l-ħiliet ta’ kull wieħed, allura din għandha tikkonkludi li, fir-rigward ta’ K. Antonopoulos, dawn tal-aħħar kienu ħaddiema permanenti komparabbli skont it-tifsira tal-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas.

    It-tielet domanda

    75.

    L-Elegktiko Sinedrio essenzjalment tistaqsi (a) jekk id-differenza fit-trattament inkwistjoni tammontax għal trattament inqas favorevoli ta’ dawk fil-pożizzjoni ta’ K. Antonopoulos u (b) jekk id-differenzi bejn relazzjonijiet ta’ impjieg għal perijodu limitat (biex jaqdu ħtiġijiet għal żmien limitat) u dawk għal żmien indefinit, u d-differenzi bejn reġimi ta’ impjieg b’mod ġenerali, jistgħux ikunu raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw din id-differenza fit-trattament.

    76.

    Fir-rigward tal-ewwel aspett, ma jista’ jkun hemm ebda dubju li, meta żewġ kategoriji ta’ impjegati huma intitolati għal leave sindakali imma kategorija waħda hija intitolata għal ħlas għal dak il-leave filwaqt li l-oħra ma hjiex, il-kategorija tal-aħħar hija ttrattata b’mod inqas favorevoli.

    77.

    Fir-rigward tat-tieni aspett, huwa ċar mill-ġurisprudenza stabbilita li differenza fit-trattament ma tistax tkun iġġustifikata fuq raġunijiet oġġettivi għall-iskopijiet tal-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas abbażi tal-fatt li hija prevista minn regola ġenerali u astratta bħal liġi jew ftehim kollettiv. Irid ikun hemm, pjuttost, fatturi preċiżi u speċifiċi li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni ta’ impjieg kkonċernata fil-kuntest partikolari tagħha, flimkien ma’ kriterji oġġettivi u trasparenti, li minnhom jista’ jiġi aċċertat li t-trattament mhux ugwali fil-fatt jaqdi bżonn ġenwin, huwa xieraq biex jintlaħaq l-għan intiż u huwa neċessarju għal dak l-iskop. Dawn il-fatturi jistgħu jinkludu n-natura speċifika jew karatteristiċi sottostanti tal-kompiti mwettqa, jew it-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali. In-natura temporanja tal-impjieg, minnha nnifisha, ma tammontax għal raġuni oġġettiva għal dawk l-għanijiet — li kieku kienet, l-għanijiet tad-direttiva u tal-ftehim qafas jispiċċaw bla tifsira u dan ikun ekwivalenti għal li tiġi pperpetwata sitwazzjoni li tkun ta’ żvantaġġ għall-ħaddiema għal żmien determinat ( 39 ). L-istess għandu japplika għaż-żmien limitat tal-impjieg, li huwa fattur ieħor li normalment wieħed isib f’kuntratti għal żmien determinat.

    78.

    Kif irrilevaw il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni, il-fatt li l-persunal ikun ingaġġjat għal perijodu limitat sabiex jiġu moqdija bżonnijiet imprevisti u urġenti — u għalhekk irid isir użu massimu tas-servizzi tagħhom matul dak il-perijodu — jista’ jiġġustifika regola li tippermettilhom inqas leave sindakali mill-persunal permanenti. Fejn, madankollu, jiġu mogħtija l-istess ammont ta’ leave bħall-persunal permanenti għall-istess raġunijiet, dan il-fatt ma jiġġustifikax li jiġi rtirat il-ħlas tagħhom fir-rigward ta’ dan il-leave, meta l-persunal permanenti ikun imħallas.

    Ir-raba’ domanda

    79.

    L-Elegktiko Sinedrio tistaqsi jekk id-differenza fit-trattament ikkontestat tiksirx il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni fl-insegwiment ta’ drittijiet sindakali skont l-Artikoli 12, 20, 21 u 28 tal-Karta jew jekk jistax ikun ġustifikat abbażi li ż-żewġ kategorji ta’ ħaddiema għandhom status ta’ impjieg differenti.

    80.

    Sa fejn id-differenza fit-trattament ikkontestat tikkostitwixxi b’mod ċar trattament inqas favorevoli ta’ impjegati għal żmien determinat, bi ksur tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni stabbilit fil-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas, ma huwiex neċessarju li wieħed jikkunsidra jekk, fl-assenza ta’ din id-dispożizzjoni, dan imurx kontra l-istess prinċipju stabbilit fil-Karta. Kif tirrileva l-Kummissjoni, fis-sustanza ma hemm l-ebda ħtieġa li jsir riferiment għall-Karta fejn id-dritt tal-Unjoni huwa diġà espliċitu dwar il-materja. Lanqas, a fortiori, il-Karta ma tista’ tipprovdi raġunijiet għal ġustifikazzjoni ta’ trattament inugwali fejn tali raġunijiet altrimenti jkunu assenti.

    Konklużjoni

    81.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet mressqa iktar ’il fuq, jiena tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domandi magħmula mill-Elegktiko Sinedrio f’dan is-sens:

    1.

    In-(nuqqas ta’) ħlas matul il-leave ta’ assenza minħabba xogħol sindakali huwa kundizzjoni ta’ xogħol skont it-tifsira tal-Artikolu 137(1)(b) KE (li issa sar l-Artikolu 153(1)(b) TFUE) u kundizzjoni tal-impjieg skont it-tifsira tal-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP; dan ma huwiex ikkonċernat bl-esklużjoni relatata ma’ paga u/jew id-dritt ta’ assoċjazzjoni fl-Artikolu 137(5) KE (li issa sar l-Artikolu 153(5) TFUE).

    2.

    Ħaddiem b’relazzjoni ta’ impjieg irregolata bid-dritt ċivili għal żmien indeterminat mas-servizz ċivili li jokkupa pożizzjoni permanenti u ħaddiem b’relazzjoni ta’ impjieg irregolata bid-dritt ċivili għal żmien determinat, impjegat fuq l-istess xogħol imma li ma jokkupax pożizzjoni permanenti, huma fil-prinċipju komparabbli skont it-tifsira tal-Klawżoli 3(2) u 4(1) tal-ftehim qafas.

    3.

    Meta ħaddiema fl-ewwel kategorija li huma uffiċjali ta’ trade union jirċievu ħlas għal leave sindakali filwaqt li dawk fit-tieni kategorija li għandhom l-istess kwalità sindakali jingħataw leave bla ħlas għall-istess skop, hemm trattament inqas favorevoli tat-tieni kategorija skont it-tifsira tal-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas; il-fatt li r-relazzjoni ta’ impjieg hija għal żmien limitat għat-tieni kategorija ta’ ħaddiema u hija distinta f’termini ta’ regolamentazzjoni ta’ impjieg b’mod ġenerali (termini ta’ reklutaġġ, promozzjoni u terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg) dan ma jammontax għal raġunijiet oġġettivi li jistgħu jiġġustifikaw tali diskriminazzjoni.

    4.

    Fid-dawl tar-risposti għall-ewwel tlett domandi, ma huwiex neċessarju li jiġi kkunsidrat jekk it-trattament inkwistjoni huwiex ipprojbit bi, jew jista’ jkun ġustifikat skont, id-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Kien ikkonfermat mill-Gvern Grieg waqt is-seduta li l-imħallfin huma imħallfin professjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 87 tal-Kostituzzjoni.

    ( 3 ) http://www.elsyn.gr/elsyn/files/Greece0012.pdf

    ( 4 ) Waqt is-smigħ, il-Gvern Grieg stqarr li s-Simvoulio tis Epikratias reċentement ikkonfermat din il-pożizzjoni fis-sentenza 22/2009.

    ( 5 ) Id-dettalji huma stabbiliti b’mod aktar sħiħ fit-taqsima iktar ’l isfel dwar id-domandi preliminari (ara punt 58 et seq).

    ( 6 ) Ara, l-aktar riċenti, is-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Grillo Star (C-443/09, punti 20 u 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 7 ) Ara d-Digrieti fil-Kawża ANAS (C-192/98, Ġabra p. I-8583, punti 22 sa 25), u Kawża RAI (C-440/98, Ġabra p. I-8597, punti 13 sa 16). Aktar tard, fis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Cicala (Kawża C-482/10, Ġabra p. I-14139), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kellix ġurisdizzjoni biex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Corte dei Conti, sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana, imma dan kien minħabba l-fatt li d-digriet tar-rinviju ma kienx fih informazzjoni biżżejjed sabiex ikun hemm rabta bejn id-domandi preliminari u r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom kienet mitluba; il-Qorti tal-Ġustizzja espressament ma eżaminatx jekk l-entità li għamlet it-talba għal deċiżjoni preliminari kinitx, fil-kuntest tat-tilwima fil-proċedimenti prinċipali, qorti skont it-tifsira tal-Artikolu 267 TFUE (punt 31 tas-sentenza).

    ( 8 ) Sentenza tat-22 ta’ Novembru 1995, Vougioukas (Kawża C-443/93, Ġabra p. I-4033).

    ( 9 ) Il-punt 22 iktar ’il fuq.

    ( 10 ) L-unika okkażjoni qabel l-1980 jidher li kienet fis-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1966, Vaassen-Göbbels (Kawża 61/65, Ġabra p. 261), għalkemm il-kwistjoni ntmesset ftit fis-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1971, Politi (Kawża 43/71, Ġabra p. 1039) u setgħet issemmiet fuq fuq f’kawżi oħrajn.

    ( 11 ) B’mod ġenerali l-opinjoni xxaqleb ħarira favur li jiġi aċċettat u mhux rifjutat digriet ta’ rinviju minn entità li l-istatus tagħha huwa kkontestat. F’bejn wieħed u ieħor erbgħa minn ħamsa ta’ dawk il-każijiet, l-eżitu jidher li kien relattivament ċar: jew id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet taqbel mar-rakkomandazzjoni tal-Avukat Ġenerali jew il-kwistjoni ġiet deċiża mingħajr konklużjonijiet formali, li b’mod ġenerali wieħed jista’ jikkonkludi li kien hemm nuqqas ta’ diffikultà jew kontroversja.

    ( 12 ) Sentenza tas-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult (Kawża C-54/96, Ġabra p. I-4961); sentenza tal-4 ta’ Frar 1999, Köllensperger and Atzwanger (Kawża C-103/97, Ġabra p. I-5510); sentenza tal-21 ta’ Marzu 2000, Gabalfrisa et (Kawżi Magħquda minn C-110/98 sa C-147/98, Ġabra p. I-1577); sentenza tas-6 ta’ Lulju 2000, Abrahamsson u Anderson (Kawża C-407/98, Ġabra p. I-5539); sentenza tad-29 ta’ Novembru 2001, De Coster (Kawża C-17/00, Ġabra p. I-9445); u sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Österreichischer Rundfunk (Kawża C-195/06, Ġabra p. I-8817).

    ( 13 ) Sentenza tad-19 ta’ Ottubru 1995, Job Centre (Kawża C-111/94, Ġabra p. I-3361); sentenza tat-12 ta’ Novembru 1998, Victoria Film (Kawża C-134/97, Ġabra p. I-7023); sentenza tad-19 ta’ Frar 2005, Besix (C-256/03, Ġabra p. I-1699); sentenza tal-31 ta’ Mejju 2005, Syfait (Kawża C-53/03, Ġabra p. I-4609); sentenza tas-27 ta’ April 2006, Standesamt Stadt Niebüll (Kawża C-96/04, Ġabra p. I-3561); u sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2009, Miles et (Kawża C-196/09, Ġabra p. I-5105).

    ( 14 ) L-Avukati Ġenerali Tesauro (Dorsch Consult), Saggio (Köllensperger u Atzwanger, Gabalfrisa u Abrahamsson u Anderson) u Ruiz-Jarabo Colomer (De Coster u Österreichischer Rundfunk).

    ( 15 ) L-Avukati Ġenerali Elmer (Job Centre), Fennelly (Victoria Film) u Jacobs (Syfait u Standesamt Stadt Niebüll), u jiena (Miles – għalkemm għandu jiġi rrilevat li dak li kien hemm kwistjoni dwaru f’dak il-każ kien l-istatus tal-entità bħala qorti jew tribunal ta’ Stat Membru iktar milli bħala qorti jew tribunal bħala tali).

    ( 16 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 14 tal-Konklużjonijiet.

    ( 17 ) Sostanzjalment l-istess domandi li kien hemm fil-Kawża C-111/94, Job Centre kienu rrinvjati għal darb’oħra mill-qorti li semgħet l-appell kontra d-deċiżjoni tal-qorti li r-rinviju tagħha kien ritenut li huwa inammissibbli, fil-kawża Job Centre (Kawża C-55/96, Ġabra p. I-7119); domandi identiċi għal dawk f’Syfait kienu ġew magħmula minn qorti differenti fil-Kawżi Maqgħudin, Sot. Lelos kai Sia et (C-468/06 sa C-478/06, Ġabra p. I-7139); u essenzjalment l-istess domanda bħal f’Standesamt Stadt Niebüll kienet magħmula fi proċedimenti differenti li oriġinaw mill-istess fatti fil-Kawża Grunkin u Paul (C-353/06, Ġabra p. I-7639). F’dawn l-aħħar żewġ każijiet, l-Avukat Ġenerali Jacobs, li kien ta l-ewwel Konklużjonijiet, kien spiċċa mill-Qorti tal-Ġustizzja u kien ġie mibdul b’Avukat Ġenerali differenti (rispettivament, l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer u minni).

    ( 18 ) Iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 iktar ’il fuq, punt 37.

    ( 19 ) Ara l-punti 26 u 27 iktar ’il fuq.

    ( 20 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq.

    ( 21 ) Ara l-punt 26 iktar ’il fuq.

    ( 22 ) Ara b’mod partikolari il-punt 16 et seq tad-Digriet fil-Kawża ANAS, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq.

    ( 23 ) Sentenza tat-30 ta’ Marzu 1993 (C-24/92, Ġabra p. I-1277, punti 15 sa 17), u punti 3 sa 55 tal-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon f’din il-kawża.

    ( 24 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 iktar ’il fuq, punt 33.

    ( 25 ) Għalhekk, jekk il-proċedimenti ma humiex inter partes fir-rigward ta’ K. Antonopoulos, dawn jidhru li huma hekk safejn huma kkonċernati l-ministeru u l-kummissarju.

    ( 26 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 iktar ’il fuq.

    ( 27 ) Ara wkoll il-punt 37 ta’ dawn il-Konklużjonijiet.

    ( 28 ) Tabilħaqq, jidher li huwa seta’ jibda proċedimenti quddiem dawn il-qrati mingħajr ma jistenna d-deċiżjoni tal-Elegktiko Sinedrio – ara punt 21 iktar ’il fuq.

    ( 29 ) Ara l-punt 19 iktar ’il fuq.

    ( 30 ) Ara l-punt 36 iktar ’il fuq.

    ( 31 ) Issa, bi ftit tibdil ta’ kliem, l-Artikolu 151 TFUE.

    ( 32 ) Issa, bi ftit tibdil ta’ kliem, l-Artikolu 153 TFUE.

    ( 33 ) Issa, bi ftit tibdil ta’ kliem, l-Artikolu 155 TFUE.

    ( 34 ) Il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (l-ETUC), l-Unjoni tal-Konfederazzjonijiet Industrijali u ta’ min iħaddem fl-Ewropa (l-UNICE) u ċ-Ċentru Ewropew tal-Intrapriżi Pubbliċi (is-CEEP).

    ( 35 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

    ( 36 ) U, taħt dispożizzjonijiet oħrajn, għal ħlas.

    ( 37 ) Sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Adenelar et (C-212/04, Ġabra p. I-6057, punt 56).

    ( 38 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (Kawża C-307/05, Ġabra p. I-7109, punt 33 et seq).

    ( 39 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana (Kawża C-177/10, Ġabra p. I-7907, punti 72 sa 74, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    Top