EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CC0359

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fit-8 ta’ Mejju 2014.
Alexandra Schulz vs Technische Werke Schussental GmbH und Co. KG u Josef Egbringhoff vs Stadtwerke Ahaus GmbH.
Talbiet għal domanda preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttivi 2003/54/KE u 2003/55/KE – Protezzjoni tal-konsumaturi – Suq intern tal-elettriku u tal-gass naturali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddetermina l-kontenut tal-kuntratti magħmula mal-konsumaturi li jirriżultaw mill-obbligu ġenerali ta’ provvista – Tibdila unilaterali mill-bejjiegħ tal-prezz tas-servizz – Informazzjoni, fi żmien xieraq qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din it-tibdila, tar-raġunijiet, tal-kundizzjonijiet u tal-portata ta’ din.
Kawżi magħquda C‑359/11 u C‑400/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:319

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit-8 ta’ Mejju 2014 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑359/11 u C‑400/11

Alexandra Schulz

vs

Technische Werke Schussental GmbH und Co.KG

Josef Egbringhoff

vs

Stadtwerke Ahaus GmbH

[Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja)]

“Direttiva 2003/54/KE — Suq intern tal-elettriku — Direttiva 2003/55/KE — Suq intern tal-gass naturali — Kuntratti bbażati fuq leġiżlazzjoni nazzjonali bejn fornituri u klijenti — Obbligu ta’ servizz universali — Kundizzjonijiet ġenerali — Tibdil unilaterali mill-fornitur tal-prezz tas-servizz — Livell xieraq ta’ protezzjoni tal-konsumatur — Klijenti finali — Rekwiżit ta’ trasparenza fir-rigward ta’ termini u kundizzjonijiet kuntrattwali — Interrelazzjoni mad-Direttiva 93/13/KEE — Klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur — Limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ sentenza”

1. 

Bosta setturi ta’ servizz pubbliku ( 2 ) li kienu monopolji għaddew minn bidliet kbar bħala riżultat ta’ liberalizzazzjoni tas-suq. Dan huwa wkoll il-każ fis-suq tal-enerġija. F’dak il-kuntest, id-Direttivi dwar l-Elettriku u l-Gass ( 3 ) (jew, flimkien, iktar ’il quddiem id-“Direttivi dwar l-Enerġija”) stabbilew ir-regoli għal-liberalizzazzjoni gradwali tas-suq tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea ( 4 ). Filwaqt li dawn id-direttivi jikkonċernaw prinċipalment il-ftuħ tas-settur tal-enerġija għal kompetizzjoni, dawn għandhom ukoll dispożizzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw livelli għolja ta’ protezzjoni tal-konsumatur, partikolarment fir-rigward tat-trasparenza ta’ termini u kundizzjonijiet kuntrattwali għall-klijenti finali. Dawn id-dispożizzjonijiet — li huma intiżi sabiex jiggarantixxu servizz universali ( 5 ) — jeħtieġu li Stati Membri jieħdu azzjoni xierqa sabiex jipproteġu konsumaturi, b’mod partikolari konsumaturi vulnerabbli, minn diskonnessjoni, fejn wieħed mill-mekkaniżmi li jiżgura li ma jsirx dan huwa l-ħatra ta’ fornitur tal-aħħar għażla.

2. 

Skont il-liġi Ġermaniża, fornituri tal-gass u tal-elettriku għandhom id-dmir li jikkonkludu kuntratti ma’ klijenti domestiċi meta dawn joperaw fuq il-bażi ta’ OSU. Dawn il-kuntratti japplikaw tariffa standard għall-provvista tal-enerġija. Il-kwistjoni li qamet fil-kawża prinċipali hija jekk — bħala konsegwenza ta’ dan id-dmir — fornituri ta’ servizz igawdux ukoll minn dritt statutorju li jibdlu l-prezzijiet unilateralment. Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja Ġermaniża), sabiex tirriżolvi din il-kwistjoni, qiegħda titlob gwida mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja, skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea, dwar il-livell xieraq ta’ protezzjoni li għandu jingħata lil klijenti finali fir-rigward ta’ dawn il-kuntratti ta’ servizz. Din il-kwistjoni hija mingħajr dubju ta’ importanza kbira. Dan minħabba li l-legalità fil-bidla tal-prezzijiet tiddependi fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħata lir-rekwiżit li termini u kundizzjonijiet kuntrattwali għandhom ikunu trasparenti, skont l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva dwar l-Elettriku u l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva dwar il-Gass.

3. 

F’dak il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha wkoll tieħu pożizzjoni dwar l-interrelazzjoni li jista’ jkun hemm bejn ir-rekwiżit ta’ trasparenza u l-obbligi skont l-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 93/13 ( 6 ). Din il-ħtieġa nħolqot peress li l-Qorti tal-Ġustizzja reċentement tat gwida dwar dawn l-obbligi tal-aħħar fil-kawża RWE Vertrieb ( 7 ), għal darb’oħra fir-rigward ta’ kuntratti għall-provvista tal-enerġija. L-isfida kruċjali fil-kawża preżenti, għalhekk, hija li tiġi stabbilita jekk dawn ir-rekwiżiti diversi kollha għandhomx ikunu interpretati b’mod uniformi, minkejja l-fatt li l-istrumenti legali minn fejn jidderivaw jissuktaw għanijiet differenti. Kif ser nipprova nuri iktar ’il quddiem, nemmen li t-talba għandha tingħata tweġiba fin-negattiv.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Dritt tal-Unjoni Ewropea

1. Id-Direttiva dwar l-Elettriku

4.

Il-premessa 24 fil-preambolu tad-Direttiva dwar l-Elettriku tistipula li klijenti domestiċi — u, fejn l-Istati Membri jaraw li hu xieraq, impriżi żgħar — għandhom ikunu żgurati d-dritt li jkunu pprovduti b’elettriku ta’ kwalità speċifikata bi prezzijiet komparabbli, trasparenti u raġonevoli. F’dak il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipproteġu l-konsumaturi vulnerabbli.

5.

Skont il-premessa 26 tad-Direttiva dwar l-Elettriku, huwa rekwiżit fundamentali li jkun hemm rispett tar-rekwiżiti tas-servizz pubbliku. Għal dan il-għan, id-Direttiva tistabbilixxi standards minimi komuni li jqisu l-għanijiet tal-protezzjoni universali u tas-sigurtà tal-provvista.

6.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-Elettriku, li jistabbilixxi r-regoli fir-rigward tal-obbligi tas-servizz pubbliku u l-protezzjoni tal-konsumatur, jipprovdi:

“3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti domestiċi kollha, u, fejn l-Istati Membri jaraw bħala xieraq, l-impriżi ż-żgħar […] ikunu jgawdu servizzi universali, jiġifieri d-dritt li jkunu pprovduti b’elettriku ta’ kwalità speċifikata fit-territorju tagħhom bi prezzijiet li jkunu raġonevoli, kumparabbli b’mod ħafif u ċar u trasparenti. Biex tkun żgurata d-dispożizzjoni ta’ servizz universali, l-Istati Membri jistgħu jaħtru fornitur bħala l-aħħar għażla tagħhom […]

[…]

5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jipproteġu lill-klijenti finali, u għandhom jiżguraw b’mod partikolari li jkun hemm salvagwardji adegwati biex jipproteġu lill-klijenti vulnerabbli, inklużi miżuri biex jgħinuhom jevitaw il-qtugħ tal-konnettività. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jipproteġu lill-klijenti finali f’żoni remoti. Dawn għandhom jiżguraw livelli għolja ta’ protezzjoni tal-konsumatur, partikolarment fejn jikkonċerna t-trasparenza dwar termini u kondizzjonijiet kuntrattwali, informazzjoni ġenerali, u mekkaniżmi ta’ soluzzjoni ta’ kwistjonijiet. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijent eliġibbli jkun fil-fatt jista’ imur ma’ fornitur ġdid. B’rabta minn ta’ l-anqas mal-klijenti domestiċi, dawn il-miżuri għandhom jinkludu dawk stabbiliti fl-Anness A.”

7.

L-Anness A tad-Direttiva dwar l-Elettriku jispeċifika l-miżuri li Stati Membri għandhom jieħdu sabiex jipproteġu l-konsumaturi. Dan jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għar-regolamenti tal-[Unjoni Ewropea] rigward il-protezzjoni tal-konsumaturi, partikolarment id-direttivi 97/7/KE [ ( 8 )] [u d-Direttiva 93/13], il-mizuri riferiti f’Artiklu 3 jiżguraw li l-Konsumaturi:

(a)

ikollhom id-dritt ta’ kuntratt ma’ l-aġent ta’ l-elettriku tagħhom li jispeċifika:

[…]

Il-metodu kif l-aħħar teknoloġoja tista’ tiġi adattata għas-servizz tal klijent

id-dewmien tal-kuntratt, it-tiġdid u t-terminazzjoni tas-servizz, kif ukoll kull dritt biex xi parti tinħall mill-kuntratt

kull kumpens jew radd lura ta’ flus li jistgħu japplikaw jekk tonqos il-kwalità tas-servizz; […]

– ...

Il-kondizzjonijiet għandhom ikunu gudti imparzjali u magħrufa miz-zewg partijiet qabel il-firma tal-kuntratt. […]

(b)

iridu jingħataw informazzjoni neċessarja dwar it-titjib fil-prodotti u l-mod ta’ kif iridu jagħmlu biex itejbu s-servizz. L-agenti għandhom jagħrfu lill-klijenti Mekk ikun se jogħala xi prodott [dwar kwalunkwe żieda fil-piżijiet, fi żmien xieraq mhux aktar tard minn perjodu wieħed fejn isir il-kont, wara li ż-żieda tkun daħlet fis-seħħ]. L-Istati Membri għamdhom jagħmlu minn kollox biex jagevolaw lill-klijenti li jridu jinħallu mill-kuntratti meta dawn jogħlilhom id-dawl.

(ċ)

Jirċievu informazzjoni trasparenti fuq prezijiet ohara u l-kondizzjonijeit għandha terrifletti l-hlasijiet differenti. Il-konsumaturi għandom ikunu protetti minn reklami filoz. U kliem qarrieqi. Kollox għandu jkun ċar.

(d)

Jindhaw diversi metodi ta’ pagament. Kull differenza fil-kondizzjonijeit għandha tirrifletti l-hlasijiet differenti. Il-konsumaturi għandhom ikunu protetti minn reklami filoz. U kliem qarrieqi. Kollox għandu jkun ċar. […]”

2. Id-Direttiva dwar il-Gass

8.

Skont il-premessa 26 tal-preambolu tad-Direttiva dwar il-Gass, l-Istati Membri għandhom jaċċertaw li, meta klijenti huma konnessi mas-sistema tal-gass, għandhom ikunu informati dwar id-drittijiet tagħhom li jiġu pprovduti b’gass naturali ta’ kwalità speċifikata bi prezz raġonevoli. Miżuri meħudin mill-Istati Membri biex iħarsu l-klijent finali jistgħu jkunu differenti skont id-djar, minn naħa, u l-impriżi żgħar u medji, min-naħa l-oħra.

9.

Il-premessa 27 tispeċifika wkoll li r-rispett tar-rekwiżiti tas-servizz pubbliku huwa rekwiżit fundamentali tad-Direttiva dwar il-Gass. Għalhekk, standards komuni minimi — li jqisu, inter alia, l-għanijiet tal-ħarsiet tal-konsumatur u s-sigurtà tal-fornitura — huma speċifikati f’din id-direttiva.

10.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-Gass, bħall-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-Elettriku, jiddefinixxi l-obbligu ta’ servizz pubbliku li huwa d-dmir tal-kumpanniji li jipprovdu l-gass, u l-protezzjoni tal-konsumatur. Huwa jipprovdi:

“3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex iħarsu l-klijenti finali u jaċċertaw livelli għoljin ta’ protezzjoni tal-konsumatur u għandhom, b’mod partikolari, jaċċertaw illi hemm salvagwardji xieraq għall-ħarsien tal-klijenti vulnerabbli, inklużi miżuri xierqa biex jgħinuhom jevitaw id-diskonnessjoni. F’dan il-kuntest jistgħu jieħdu l-passi xierqa biex iħarsu l-klijenti f’żoni remoti li huma konnessi mas-sistema tal-gass. L-Istati Membri jistgħu jaħtru provditur ta’ l-aħħar riżort għall-klijenti mqabbdin man-netwerks tal-gass. Għandhom jaċċertaw livelli għoljin ta’ protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari rigward trasparenza rigward it-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali ta’ l-appalti, informazzjoni ġenerali u mekkaniżmi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim. L-Istati Membri għandhom jaċċertaw li l-klijent eliġibbli effettivament jista’ jaqleb għal provditur ġdid. Rigward klijenti tad-dar dawn il-miżuri għandhom jinkludu dawk stabbiliti fl-Anness A.”

11.

L-Anness A tad-Direttiva dwar il-Gass, bħal dak tad-Direttiva dwar l-Elettriku, jinkludi lista ta’ miżuri li Stati Membri għandhom jieħdu sabiex jipproteġu l-konsumaturi. Dan jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għar-regoli [tal-Unjoni Ewropea] dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari [d-Direttiva 97/7] u [d-Direttiva 93/13], il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 għandhom jaċċertaw li l-klijenti:

(a)

għandhom dritt għal appalt mal-provditur tas-servizz tal-gass tagħhom li jispeċifika:

[…]

il-mezzi li bihom tista’ tinkiseb informazzjoni aġġornata dwar it-tariffi kollha applikabbli u t-tariffi għall-manutenzjoni;

it-terminu tal-kuntratt, il-kondizzjonijiet għat-tiġdid u t-terminazzjoni tas-servizzi u ta’ l-appalti, l-eżistenza ta’ kwalunkwe dritt ta’ rtir;

[…]

Il-kondizzjonijiet għandhom ikunu imparzjali u magħrufa sew minn qabel. Fi kwalunkwe każ, din l-informazzjoni għandha tingħata qabel il-konklużjoni jew il-konferma tal-kuntratt. Fejn il-kuntratti jiġu konklużi permezz ta’ intermedjarji, din l-informazzjoni għandha tingħata wkoll qabel il-konklużjoni tal-kuntratt:

(b)

jingħata avviż xieraq dwar kwalunkwe intenzjoni li l-kondizzjonijiet tal-kuntratti jiġu modifikati u jiġu informati dwar id-dritt tagħhom ta’ rtir meta jingħata l-avviż. Il-provdituri tas-servizzi għandhom javżaw lis-sottoskritti tagħhom direttament dwar kwalunkwe żieda fil-piżijiet, fi żmien xieraq mhux aktar tard minn perjodu wieħed fejn isir il-kont, wara li ż-żieda tkun daħlet fis-seħħ. L-Istati Membri għandhom jaċċertaw li l-klijenti huma liberi li jirtiraw mill-kuntratti jekk ma jaċċettawx il-kondizzjonijiet ġodda, notifikati lilhom mill-provditur tagħhom tas-servizzi tal-gass;

(ċ)

jirċievu informazzjoni trasparenti dwar il-prezzijiet li japplikaw u t-tariffi u dwar termini kondizzjonijiet standard, rigward l-aċċess għal u l-użu tas-servizzi tal-gass;

(d)

jiġu offruti għażla wiesgħa tal-metodi tal-ħlas. Kwalunkwe differenza fit-termini u l-kondizzjonijiet għandha tirrefletti l-ispejjeż lill-provditur tas-sistemi differenti tal-ħlas. It-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għandhom ikunu imparzjali u trasparenti. Għandhom jingħataw f’lingwa ċara u li tinftiehem. […]

[…]

(g)

imqabbda mas-sistema tal-gass jiġu informati dwar id-drittijiet tagħhom li jiġu forniti, taħt il-liġi nazzjonali li tapplika, bil-gass naturali ta’ kwalità speċifikata bi prezzijiet raġonevoli.”

B – Id-dritt Ġermaniż

12.

Meta seħħew il-fatti kkontestati, it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali fejn l-fornituri tal-elettriku kellhom iqabbdu kwalunkwe persuna mas-sistema tal-provvista tagħhom u li jipprovdu l-elettriku skont tariffi b’rata standard ġenerali (klijenti suġġetti għal tariffa standard), kienu rregolati bid-dispożizzjonijiet tal-Verordnung über Allgemeine Bedingungen für die Elekrizitätsversorgung von Tarifkunden (iktar ’il quddiem il-“AVBEltV”) ( 9 ) u iktar tard permezz ta’ dawk li jinstabu fil-Verordnung über Allgemeine Bedingungen für die Grundversorgung von Haushaltskunden und die Ersatzversorgung mit Elektrizität aus dem Niederspannungsnetz (iktar ’il quddiem lis-“StromGVV”) ( 10 ). Dawk id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu wkoll parti integrali mill-kuntratti ta’ provvista ma’ klijenti bit-tariffa standard.

13.

L-Artikolu 4 tal-AVBEltV jipprovdi:

“(1)   Il-fornitur tal-elettriku għandu jipprovdi [l-elettriku] skont it-tariffi standard applikabbli u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali.

(2)   Tibdil fit-tariffi standard u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għandhom jidħlu fis-seħħ biss wara li jiġu ppubblikati.”

14.

Id-dritt ta’ terminazzjoni jinstab fl-Artikolu 32 tal-AVBEltV, li jipprovdi:

“(1)   Ir-relazzjoni kuntrattwali għandha tkompli mingħajr interruzzjoni sakemm waħda miż-żewġ partijiet tagħti xahar preavviż ta’ terminazzjoni, liema preavviż jagħlaq fi tmiem ix-xahar […]

(2)   Jekk it-tariffi standard ġenerali jinbidlu jew jekk il-fornitur tal-elettriku ibiddel il-kundizzjonijiet ġenerali skont dan ir-regolament, il-klijent jista’ jagħti ġimagħtejn preavviż sabiex jittermina r-relazzjoni kuntrattwali, liema preavviż jagħlaq fi tmiem ix-xahar wara l-pubblikazzjoni.”

15.

L-Artikolu 5(2) tas-StromGVV jiddisponi:

“It-tibdiliet fil-prezzijiet ġenerali u fit-termini u l-kundizzjonijiet l-oħra jidħlu fis-seħħ fil-bidu tax-xahar rilevanti, iżda biss wara l-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom, li għandu jseħħ tal-inqas sitt ġimgħat qabel il-bidla ppjanata. Fl-istess waqt li jagħmel il-pubblikazzjoni, il-fornitur bażiku huwa mitlub li jibgħat notifika bil-miktub lill-klijent bil-bidliet ippjanati u li jippubblika l-bidliet fuq is-sit elettroniku tiegħu. Tibdil fit-tariffi standard u fit-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali jidħlu fis-seħħ biss wara li jiġu ppubblikati.”

16.

Skont l-Artikolu 20 tas-StromGVV, il-preavviż ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ provvista bażika jiskadi fi tmiem ix-xahar rilevanti.

17.

Meta seħħew il-fatti kkontestati, it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali fejn il-fornituri tal-gass kellhom iqabbdu kwalunkwe persuna mas-sistema tal-provvista tagħhom u li jipprovdu l-gass skont tariffi standard ġenerali (klijenti suġġetti għal tariffa standard), kienu rregolati bid-dispożizzjonijiet tal-Verordnung über Allgemeine Bedingungen für die Gasversorgung von Tarifkunden (iktar ’il quddiem l-“ABVGasV”) ( 11 ). Dawk id-dispożizzjonijiet ikkostitwixxu parti integrali tal-kuntratti ta’ provvista ma’ klijenti bit-tariffa standard.

18.

L-Artikolu 4 tal-AVBGasV jipprovdi:

“(1)   Il-fornitur tal-gass għandu jipprovdi l-gass skont it-tariffi standard applikabbli u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali […]

(2)   Tibdil fit-tariffi standard u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali jidħlu fis-seħħ biss wara li jiġu ppubblikati.”

19.

Id-dritt ta’ terminazzjoni huwa stipulat fl-Artikolu 32 tal-AVBGasV hekk kif ġej:

“(1)   Ir-relazzjoni kuntrattwali għandha tkompli mingħajr interruzzjoni sakemm waħda miż-żewġ partijiet tagħti xahar preavviż ta’ terminazzjoni, liema preavviż jagħlaq fi tmiem ix-xahar […]

(2)   Jekk jinbidlu t-tariffi standard ġenerali jew jekk il-fornitur tal-gass ibiddel il-kundizzjonijiet ġenerali skont dan ir-regolament, il-klijent jista’ jagħti ġimagħtejn preavviż sabiex jittermina r-relazzjoni kuntrattwali, liema preavviż jagħlaq fi tmiem ix-xahar wara l-pubblikazzjoni.”

20.

Barra minn hekk, id-dritt ta’ kemm il-fornitur tal-elettriku kif ukoll dak tal-gass li jibdlu unilateralment it-tariffi huwa limitat bil-ġurisprudenza tal-qorti tar-rinviju, li tagħti l-fornituri d-dritt li jvarjaw t-tariffi biss sa fejn dawk il-bidliet jibqgħu raġonevoli. Għaldaqstant, tariffi jistgħu jinbidlu meta d-diskrezzjoni tkun eżerċitata b’mod raġonevoli u kull bidla torbot il-parti l-oħra biss jekk din tkun raġonevoli. Għal dan il-għan, kull bidla fit-tariffa hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. Ir-rekwiżit ta’ raġonevolezza jimplika wkoll li l-fornituri għandhom l-obbligu li jqisu li jista’ jkun hemm tnaqqis fl-ispiża.

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, il-proċedura u d-domandi magħmula

21.

Fil-Kawża C‑359/11, il-kumpannija Technische Werke Schussental GmbH (iktar ’il quddiem “TWS”), fornitur ta’ gass naturali, tipprovdi lil A. Schulz, klijenta bit-tariffa standard li tħallas ir-rata domestika, bil-gass bil-pajplajn fil-proprjetà tagħha ġewwa Baienfurt. Għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2005 sal-1 ta’ Jannar 2007, TWS żiedet għal erba’ darbiet il-prezz tal-gass ipprovdut; fl-1 ta’ April 2007 il-prezz naqas għal darb’oħra. A. Schulz oġġezzjonat għall-bidla fit-tariffi fir-rendikonti annwali tagħha għas-snin 2005, 2006 u 2007, għar-raġuni li hija kkunsidrat iż-żieda fit-tariffa bħala waħda mhux raġonevoli.

22.

Fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, TWS talbet għall-pagament tal-ammont pendenti għas-snin bejn l-2005 u l-2007. L-Amtsgericht (il-Qorti Lokali) laqgħet it-talba ta’ TWS għall-pagament tas-somma ta’ EUR 2 733.12, flimkien mal-interessi u l-ispejjeż ġudizzjarji. Il-qorti tal-appell ċaħdet l-appell mressaq minn A. Schulz, iżda tatha d-dritt li tressaq appell lill-qorti tar-rinviju fuq punt ta’ liġi (iktar ’il quddiem ir-“reviżjoni”).

23.

F’dak il-kuntest, billi l-Bundesgerichtshof kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-liġi inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, din iddeċidiet li tissospendi l-kawża u tirrinvija d-domanda segwenti għal deċiżjoni preliminari:

“L-Artikolu 3(3) moqri flimkien mal-punti (b) u/jew (ċ) tal-Anness A tad-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li tirrigwarda r-reviżjoni tal-prezzijiet f’kuntratti ta’ provvista ta’ gass naturali konklużi ma’ klijenti domestiċi, li jirċievu l-provvisti fl-ambitu tal-obbligu ġenerali ta’ provvista (klijenti suġġetti għal tariffa standard), tissodisfa r-rekwiżiti marbuta mal-grad neċessarju ta’ trasparenza jekk, għalkemm ir-raġuni, ir-rekwiżiti u l-portata tar-reviżjoni ma jirriżultawx fiha, il-klijenti jkunu madankollu żgurati li l-impriża tad-distribuzzjoni tal-gass tinformahom minn qabel, permezz ta’ preavviż raġonevoli, b’kull żieda fil-prezz, u dawn ikunu liberi li jirrexxindu l-kuntratt fil-każ li ma jaċċettawx il-kundizzjonijiet ġodda nnotifikati lilhom?”

24.

Fil-Kawża C‑400/11, il-kumpannija Stadtwerke Ahaus GmbH (iktar ’il quddiem “SWA”) hija distributur muniċipali li tipprovdi lil J. Egbringhoff bil-provvista tal-gass u tal-elettriku. Fir-rendikont tagħha għas-sena 2004, SWA stabbiliet il-prezz għall-provvista tal-gass tagħha għal 3.521 ċenteżmu/kWh u l-provvista tal-elettriku għal 9.758 ċenteżmu/kWh.

25.

F’diversi okkażjonijiet bejn l-2005 u l-2008, SWA żiedet il-prezz tal-elettriku u tal-gass ipprovdut. Kull waħda minn dawn iż-żidiet ġiet ippubblikata. Fit-18 ta’ Jannar 2008, J. Egbringhoff oġġezzjona għar-rendikont datat is-6 ta’ Jannar 2006 maħruġ minn SWA fir-rigward tal-provvista tal-gass u tal-elettriku għall-2005 għar-raġuni li dan ma kienx raġonevoli. Minkejja dan, huwa xorta waħda għamel pagament kundizzjonali għall-ispejjeż żejda li jinstabu fil-kontijiet għas-snin ta’ kontabbiltà 2005, 2006 u 2007. SWA injorat it-talbiet ripetuti ta’ J. Egbringhoff sabiex din turi li l-prezzijiet mitluba kienu raġonevoli u sabiex din tħallas lura l-ispejjeż tal-provvista tal-elettriku u tal-gass għall-ammont komplessiv ta’ EUR 746.54 li J. Egbringhoff ikkunsidra li mhux dovuti.

26.

Permezz ta’ kawża ppreżentata fit-30 ta’ Diċembru 2008, J. Egbringhoff sostna li SWA għandha tħallsu lura l-ammont ta’ EUR 746.54, flimkien mal-interessi. Huwa talab ukoll għal dikjarazzjoni li SWA għandha tieħu t-tariffi effettivi fl-2004 bħala l-bażi sabiex din tikkalkula l-prezzijiet tagħha għall-provvista tal-elettriku u tal-gass għas-sena ta’ rendikont 2008. Għalkemm dik il-kawża ġiet miċħuda fil-qrati inferjuri, huwa ngħata l-fakoltà li jinterponi appell quddiem il-qorti tar-rinviju fuq punt ta’ liġi.

27.

Hekk kif ġara fl-appell imressaq minn A. Schulz, il-Bundesgerichtshof kellha dubji fil-kawża ta’ J. Egbringhoff dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Hija għalhekk iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tirrinvija d-domanda segwenti għal deċiżjoni preliminari:

“L-Artikolu 3(5) flimkien mal-paragrafi (b) u/jew (ċ) tal-Anness A tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandu jiġi interpretat fis-sens li, leġiżlazzjoni nazzjonali dwar bidliet fil-prezzijiet fil-kuntratti tal-provvista tal-elettriku magħmula ma’ klijenti residenzjali li huma fornuti bħala parti mill-obbligu ġenerali ta’ provvista (klijent bit-tariffi standard) tissodisfa r-rekwiżiti ta’ trasparenza jekk ma tippreċiżax il-motivi, il-kundizzjonijiet u l-importanza ta’ bidla eventwali fil-prezzijiet, iżda li fi kwalunkwe każ tiggarantixxi li l-fornitur tal-elettriku javża lill-klijenti tiegħu bi kwalunkwe żieda fil-prezz fi żmien xieraq u li dawn tal-aħħar jingħataw id-dritt li jtemmu l-kuntratt permezz ta’ xoljiment, jekk ma jkunux jixtiequ jaċċettaw il-bdil fil-kundizzjonijiet li jkunu ġew ikkomunikati lilhom?”

28.

Fil-Kawża C‑359/11, TWS, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fil-Kawża C‑400/11, J. Egbringhoff, SWA, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

29.

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, fis-7 ta’ Jannar 2014, dawn il-kawżi ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza. A. Schulz, TWS, J. Egbringhoff u SWA ppreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta tas-27 ta’ Frar 2014, hekk kif għamlu wkoll il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni.

III – Analiżi

A – Il-kuntest

30.

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob sa fejn huwa ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ trasparenza li jinstab fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva dwar l-Elettriku u fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva dwar il-Gass, fejn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li jirregolaw il-provvista tal-elettriku u l-gass skont l-OSU, ma jagħmlux iktar milli jipprovdu dritt ta’ terminazzjoni tal-kuntratt, u dan għar-rigward ta’ sitwazzjoni fejn il-fornitur ta’ servizz jiddeċiedi li jibdel il-prezzijiet unilateralment u wara li jkun ta preavviż adegwat ( 12 ). Meta din it-talba qiegħda tkun ikkunsidrata, għandha tingħata kunsiderazzjoni għall-fatt li dawk id-dispożizzjonijiet ma jeħtiġux li l-fornitur li qed jopera skont l-OSU, li jiżvela informazzjoni lill-klijent dwar ir-raġunijiet, il-prerekwiżiti u l-importanza ta’ bidla eventwali fil-prezzijiet.

31.

Il-ħtieġa li tingħata gwida dwar ir-rekwiżit ta’ trasparenza li jinstab fid-Direttivi dwar l-Enerġija tirriżulta fil-kuntest tal-isforzi fuq livell tal-Unjoni Ewropea sabiex is-suq Ewropew tal-enerġija jinfetaħ u jiġi liberalizzat. Dan il-proċess ta’ liberalizzazzjoni pproċeda fuq il-bażi tal-istess prinċipji fil-każ kemm tal-elettriku u tal-gass naturali u għalhekk jidher xieraq li tingħata tweġiba waħda għad-domandi magħmula, għalkemm ċerti differenzi importanti jistgħu jiġu identifikati bejn iż-żewġ strumenti legali ( 13 ).

32.

Billi l-għanijiet prinċipali tad-Direttivi dwar l-Enerġija huma identiċi, ir-rekwiżit ta’ trasparenza għandu jkun interpretat bl-istess mod fiż-żewġ strumenti. L-għanijiet huma doppji. Minn naħa, kif ġa aċċennajt iktar ’il fuq, l-għan prinċipali tad-Direttivi dwar l-Enerġija huwa li tkun żgurata il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija permezz tal-introduzzjoni gradwali tal-kompetizzjoni f’settur li huwa tradizzjonalment ikkaratterizzat b’monopolji nazzjonali. Jiġifieri, dawk id-direttivi huma mfassla sabiex jiżguraw it-twettiq ta’ suq intern fl-enerġija ( 14 ). Min-naħa l-oħra, dawn iqiegħdu wkoll enfasi partikolari fuq il-bżonn li tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista ( 15 ).

33.

Dan l-għan tal-aħħar huwa direttament marbut mal-OSU stipulat fl-Artikolu 3 tad-Direttivi dwar l-Enerġija. OSU — bħal dak stipulat fid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttivi dwar l-Enerġija — huwa implementat sabiex jiżgura li servizz (f’dan il-każ, il-fornitura tal-enerġija) huwa pprovdut lil konsumaturi għal prezz raġonevoli u skont kundizzjonijiet raġonevoli, irrispettivament mis-sitwazzjoni ekonomika, soċjali jew ġeografika tal-konsumatur ( 16 ). Fi kliem ieħor, din is-sistema tikkomplementa s-servizzi mogħtija f’suq kompetittiv u għalhekk jopera bħala “xibka ta’ sigurtà” għal dawk il-klijenti l-iktar vulnerabbli ( 17 ). Iżda, mil-lat tal-fornituri tal-enerġija, l-OSU jtellef b’mod sostanzjali l-libertà tagħhom li jwettqu negozju, b’mod partikolari meta l-prezzijiet offruti skont l-OSU għandhom ikunu raġonevoli ( 18 ).

34.

Il-kawżi pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju jirriflettu biċ-ċar id-diffikultajiet inerenti sabiex ikunu rikonċiljati l-interessi tal-klijenti finali pprovduti bl-enerġija skont OSU u dawk tal-fornituri ta’ servizz li joperaw permezz tiegħu. Il-kawżi jinvolvu kuntratti għall-provvista universali ( 19 ) tal-elettriku u/jew tal-gass. Jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari li, skont din is-sistema ta’ provvista, fornituri tal-enerġija fil-Ġermanja huma marbuta bid-dmir statutorju sabiex iqabbdu mas-sistema tal-provvista tagħhom lil kwalunkwe persuna u li jipprovdu l-elettriku u l-gass skont prezzijiet ġenerali b’tariffa standard. Fi kliem ieħor, dawn il-kuntratti, li huma rregolati b’liġi nazzjonali, ma jaqgħux taħt l-isfera ta’ libertà kuntrattwali. Dan jidher bl-iktar mod ċar mill-fatt li fornituri ta’ servizz huma marbuta bid-dispożizzjonijiet rilevanti nazzjonali sabiex jidħlu f’kuntratti anki ma’ klijenti mhux mixtieqa. Bl-istess mod, dawk ir-regoli inaqqsu sostanzjalment il-possibbiltajiet għal fornituri ta’ servizz li jitterminaw kuntratti ma’ dawk il-klijenti (forma ta’ interferenza li hija mħeġġa b’mod ċar mill-Artikolu 3 tad-Direttivi dwar l-Enerġija, li jeħtieġu li Stati Membri jieħdu miżuri sabiex jiżguraw li diskonnessjoni tkun evitata).

35.

Kif issemma fil-qosor iktar ’il fuq, is-sentenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża RWE Vertrieb tipprovdi espressament gwida dwar il-miżura xierqa li għandha tintuża fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ trasparenza skont id-Direttiva 93/13. Għalkemm dik il-kawża tirrigwarda prinċipalment dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/13, din ittrattat ukoll id-Direttiva dwar il-Gass, ġaladarba l-kontenut tal-kuntratti inkwistjoni kien dwar il-provvista tal-gass naturali fuq il-bażi ta’ “kuntratti speċjali” ( 20 ).

36.

Iżda, huwa importanti li jkun innotat li d-Direttiva 93/13 teskludi espressament mill-portata tagħha — skont l-Artikolu 1(2) — klawżoli kuntrattwali li “jirriflettu dispożizzjonijiet mandatarji, statutorji jew regolatorji”. Din hija r-raġuni għalfejn dik id-direttiva mhux applikabbli għall-kuntratti hawnhekk inkwistjoni, punt li huwa aċċettat mill-partijiet kollha li ppreżentaw sottomissjonijiet ( 21 ). Dan jispjega wkoll għalfejn l-qorti tar-rinviju qed titlob gwida fuq ir-rekwiżit ta’ trasparenza stipulat fid-Direttivi dwar l-Enerġija, iżda mhux fir-rigward tad-Direttiva 93/13.

37.

Madankollu, ġaladarba A. Schulz, J. Egbringhoff u l-Kummissjoni kollha ssottomettew li d-dicta tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża RWE Vertrieb dwar ir-rekwiżit ta’ trasparenza skont id-Direttiva 93/13 jista’ jiġi traspost direttament fil-kuntest preżenti, ser nibda billi nispjega għalfejn ma nikkunsidrax li dan huwa xieraq.

B – Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża RWE Vertrieb u l-implikazzjonijiet tagħha għall-kawżi inkwistjoni

38.

Fil-kawża RWE Vertrieb, il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet gwida ċara dwar il-kejl xieraq li għandu jintuża fl-istħarriġ ta’ klawżoli kuntrattwali (mhux) ġusti li jirregolaw kuntratti għall-provvista tal-gass li — waqt li tagħmel referenza espressa għad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali tat-tip li hawn hawnhekk, partikolarment, l-Artikolu 4 tal-ABVGasV — huma konklużi fuq il-bażi tal-libertà kuntrattwali. Il-klawżola kuntrattwali standard inkwistjoni fil-kawża RWE Vertrieb, li permezz tagħha l-fornitur tal-gass inkwistjoni rriżerva d-dritt li jibdel il-prezzijiet, ikkostitwixxiet referenza sempliċi għal dawk id-dispożizzjonijiet. Il-liġi, min-naħa l-oħra, tirriferi għat-tariffi standard applikabbli u għat-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali. Il-Qorti tal-Ġustizzja, meta mitluba sabiex tikkjarifika t-tifsira tar-rekwiżit ta’ trasparenza skont id-Direttiva 93/13, enfasizzat il-ħtieġa li jkun żgurat li kuntratt għandu jistabbilixxi b’mod trasparenti r-raġuni għal u l-metodu għat-tibdil tat-tariffi applikabbli. Dan jippermetti lill-konsumatur sabiex jipprevedi, fuq il-bażi ta’ kriterji ċari u li jinftehmu, il-bidliet li jistgħu jinqalgħu fir-rigward ta’ dawk it-tariffi. Barra dan, id-dritt ta’ terminazzjoni tal-kuntratt kien ikkunsidrat li jġorr piż partikolari għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ekwità ta’ dawk il-klawżoli kuntrattwali standard ( 22 ).

39.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ħalliet f’idejn il-qorti tar-rinviju sabiex tagħmel l-evalwazzjoni dwar l-ekwità tal-klawżoli kuntrattwali standard. Hija indikat ukoll b’mod ċar li l-obbligu li l-konsumatur ikun mgħarraf bir-raġuni għal u l-metodu ta’ tibdil ta’ dawk l-ispejjeż u d-dritt tiegħu li jittermina l-kuntratt ma kienx issodisfatt b’referenza biss, fit-termini u fil-kundizzjonijiet ġenerali, għal-liġi li tiddetermina d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet. Fil-kawża RWE Vertrieb, ġie kkunsidrat li kien ta importanza partikolari, li l-konsumatur ikun infurmat mill-bejjiegħ jew mill-fornitur, tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni — jew pjuttost, id-drittijiet li joħorġu minn dawk id-dispożizzjonijiet — u dan qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ( 23 ). Fil-fehma tiegħi, dik il-konklużjoni kienet iġġustifikata, ladarba r-regoli nazzjonali inkwistjoni rreferew biss għat-tariffi standard applikabbli u għal dawk it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali.

40.

Jekk din l-interpretazzjoni kellha tiġi trasposta direttament fil-kuntest preżenti, il-konklużjoni inevitabbli tkun li d-dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk inkwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ trasparenza stipulat fid-Direttivi dwar l-Enerġija. Filwaqt li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni hawnhekk jiżguraw li kuntratt jista’ jiġi terminat meta klijent ma jaqbilx mal-bidla fil-prezzijiet magħmula unilateralment mill-fornitur tas-servizz, dawn jonqsu milli jitolbu lill-fornitur tal-elettriku u tal-gass inkwistjoni sabiex jinforma l-klijent bir-raġuni għal u l-metodu tat-tibdil fil-prezzijiet.

41.

Inkun kawt li tingħata interpretazzjoni estensiva tal-kawża RWE Vertrieb.

42.

Kif intqal iktar ’il fuq, il-kuntratti kkunsidrati fil-kawża RWE Vertrieb kienu ġew konklużi fuq il-bażi tal-libertà kuntrattwali. Iżda, id-dispożizzjonijiet dwar it-tibdil fil-prezzijiet tal-gass li jinstabu fit-termini u fil-kundizzjonijiet ġenerali mdaħħla f’dawk il-kuntratti għamlu referenza għal-liġijiet nazzjonali (partikolarment l-Artikolu 4 tal-ABVGasV) li jirregolaw kuntratti ta’ provvista universali, simili għal każ preżenti. Id-diċitura tat-termini u tal-kundizzjonijiet ġenerali inkwistjoni fil-kawża RWE Vertrieb għamlet referenza għal-liġi nazzjonali li kienet kompletament siekta dwar iċ-ċirkustanzi fejn it-tibdil fil-prezzijiet kellu jkun permess. Barra minn hekk, il-liġi nazzjonali ma pprevedietx kuntratti tat-tip li jinstabu fil-kawża RWE Vertrieb, iżda biss kuntratti ta’ provvista universali ( 24 ). F’dawk iċ-ċirkustanzi, referenza sempliċi għal dawk id-dispożizzjonijiet, mingħajr ebda spjegazzjoni oħra li tikkonċerna l-kontenut tagħhom, ma kinitx ikkunsidrata mill-Qorti tal-Ġustizzja li kienet kompatibbli mal-“Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 93/13 flimkien mal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2003/55” (korsiv miżjud) ( 25 ).

43.

Hekk kif issottometta l-Gvern Ġermaniż, il-kawża RWE Vertrieb evalwat l-implikazzjonijiet tar-rekwiżiti ta’ trasparenza stipulati fid-Direttiva 93/13 u fid-Direttiva dwar il-Gass, meta moqrija flimkien. Fil-fehma tiegħi, l-użu tal-kliem “flimkien ma’” jeskludu mill-bidu nett il-possibbiltà li wieħed jittrasponi l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża RWE Vertrieb f’kuntesti oħra, bħall-każijiet ineżami hawnhekk, fejn d-Direttiva 93/13 mhux applikabbli ( 26 ). Tabilħaqq, skont il-kuntest legali fil-kawża RWE Vertrieb u r-referenzi għal-ġurisprudenza dwar id-Direttiva 93/13 ( 27 ), jidhirli b’mod ċar li l-enfasi prinċipali tal-eżerċizzju interpretattiv imwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja kien tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 93/13.

44.

Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja stess aċċettat, ir-raġunament sabiex ġew esklużi mill-portata tad-Direttiva 93/13, dawk il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu dispożizzjonijiet ta’ liġi nazzjonali li jirregolaw ċertu tip ta’ kuntratt, jinstab fil-fatt li ġa kien sar l-eżerċizzju ta’ bilanċ intiż sabiex jirrikonċilja l-interessi involuti. Tabilħaqq, wieħed jista’ leġittimament jassumi li l-leġiżlatura nazzjonali laħqet bilanċ xieraq bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet ta’ dawk il-kuntratti ( 28 ).

45.

Dik hija preċiżament il-pożizzjoni hawnhekk.

46.

Punt li ma għandux ikun injorat huwa dak, b’kuntrast ma’ dawk il-kuntratti fil-kawża RWE Vertrieb — li kienu ġew apposta esklużi mill-portata tal-liġi nazzjonali f’kuntratti għall-provvista universali — il-kuntratti li qed jiġu kkunsidrati hawnhekk huma fil-fatt regolati b’dik il-liġi nazzjonali, jiġifieri, bil-ABVGasV (kif ukoll l-AVBEltV u s-StromGVV). Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li intenzjoni dikjarata mill-partijiet sabiex jestendu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi għal tip ta’ kuntratt differenti ma tistax tkun imqabbla mat-twaqqif, mil-leġiżlatura nazzjonali, ta’ bilanċ bejn id-drittijiet u d-dmirijiet kollha tal-partijiet tal-kuntratt inkwistjoni ( 29 ).

47.

Din hi r-raġuni għala naqbel kompletament mal-Gvern Ġermaniż li, fiċ-ċirkustanzi fejn id-Direttiva 93/13 ma tkunx applikabbli, l-uniku punt rilevanti ta’ referenza sabiex jiġi evalwat jekk il-liġi nazzjonali tissodisfa jew le r-rekwiżit ta’ trasparenza stipulat fid-Direttivi dwar l-Enerġija, għandu jinstab fi ħdan dawk iż-żewġ direttivi. Issa ser nipprova nagħti ftit dawl fuq dak ir-rekwiżit.

C – Ir-rekwiżit ta ’ trasparenza skont id-Direttivi dwar l-Enerġija

48.

Ir-rekwiżit ta’ trasparenza fir-rigward ta’ termini u kundizzjonijiet kuntrattwali huwa stipulat fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva dwar l-Elettriku u l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva dwar il-Gass. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma intiżi sabiex jiżguraw — flimkien mal-għan ewlieni tal-liberalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija — “livelli għolja ta’ protezzjoni tal-konsumatur, partikolarment fejn jikkonċerna t-trasparenza dwar termini u kundizzjonijiet kuntrattwali, informazzjoni ġenerali, u mekkaniżmi ta’ soluzzjoni ta’ kwistjonijiet”.

49.

Wieħed jista’ jqis li l-kontenut ta’ dawk id-dispożizzjonijiet ftit li xejn jgħinu sabiex tiġi determinata x’jinkludu l-kliem “it-trasparenza fir-rigward ta’ termini u kundizzjonijiet kuntrattwali”. Tabilħaqq, jista’ jiġi argumentat, kif għamlet il-Kummissjoni, li minkejja d-differenzi bejn iċ-ċirkustanzi li huma l-bażi tal-kawżi odjerni u dawk tal-kawża RWE Vertrieb li taw lok għal dik is-sentenza, ikun iġġustifikat li r-rekwiżit ta’ trasparenza stipulat fid-Direttivi dwar l-Enerġija jkun interpretat fl-istess mod bħal dak stipulat fid-Direttiva 93/13. Dan ikun meħtieġ, partikolarment, fl-interess tal-protezzjoni tal-konsumatur.

50.

Sabiex nuri għala ma naqbilx ma’ dan il-ħsieb, sejjer l-ewwel nindirizza ir-raġunijiet li huma l-bażi tad-Direttiva 93/13 u tad-Direttivi dwar l-Enerġija u kif dawk ir-raġunijiet jolqtu r-rekwiziti imposti fuq il-kummerċjanti u l-fornituri ta’ servizz rispettivament. Wara sejjer nelabora kif, fil-fehma tiegħi, l-interessi diverġenti tal-fornituri ta’ servizz u tal-klijenti jistgħu jiġu rikonċiljati fil-kuntest speċifiku tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija.

1. Kuntratti magħmula liberament, b’kuntrast mal-kuntratti magħmula fil-kuntest ta’ OSU

51.

Kif ġie spjegat iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet fil-kawża RWE Vertrieb li informazzjoni li tikkonċerna l-motivi, il-kundizzjonijiet u l-importanza ta’ bidla eventwali fil-prezzijiet għandha tingħata qabel il-konklużjoni tal-kuntratt. F’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawżi quddiem il-qrati tar-rinviju, ma narax il-ħtieġa li wieħed jieħu dak l-atteġġament. Ir-raġuni għal dan jinstab fil-kuntest differenti li fih joperaw il-kuntratti koperti bid-Direttiva 93/13 meta mqabbla ma’ dawk koperti bid-Direttivi dwar l-Enerġija.

52.

Punt sinjifikattiv huwa dak, li jaqa’ fl-isfera tal-libertà kuntrattwali, u fejn tapplika d-Direttiva 93/13, meta kummerċjanti jibqgħu ħielsa li ma jidħlux f’kuntratt ma’ konsumatur speċifiku ( 30 ). Huma għandhom ukoll l-għażla, mhux bħall-fornituri ta’ servizz li joperaw skont l-OSU, li jibdlu l-prezzijiet mingħajr il-ħtieġa li jkun osservat il-kriterju ta’ raġonevolezza stabbilit fid-Direttivi dwar l-Elettriku u l-Gass fl-(Artikolu 3(5) u punt (g) tal-Anness A rispettivament). F’din ir-relazzjoni kuntrattwali bejn il-konsumatur u l-kummerċjant, il-konsumatur jinstab, mingħajr dubju, fil-pożizzjoni l-iktar dgħajfa. Dan hu hekk, partikolarment, peress li l-konsumatur għandu biss saħħa limitata ta’ negozjar fil-konfront ta’ kummerċjanti professjonali (u, partikolarment, għal dak li jirrigwarda t-termini u l-kundizzjonijiet kuntrattwali standard).

53.

F’dawk iċ-ċirkustanzi, hija ta’ importanza kbira li wieħed ikollu l-informazzjoni kollha meħtieġa qabel ma jikkonkludi l-kuntratt ( 31 ). Fl-analiżi finali, din l-informazzjoni għandha tippermetti lill-konsumatur sabiex jagħmel għażla għaqlija bejn kummerċjanti u, essenzjalment, sabiex iqabbel it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-kuntratti li dawk il-kummerċjanti jipproponu ( 32 ). Hija ta’ għajnuna lill-konsumatur li jkun jista’ jagħżel minn fost diversi kummerċjanti — hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li aċċettat fil-kawża RWE Vertrieb — jekk ikun infurmat, qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt, bir-raġuni tal-bidla eventwali fil-prezzijiet u l-metodu ta’ kif dawn jiġu kkalkulati.

54.

B’kuntrast, kuntratti rregolati mill-OSU stipulati fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva dwar l-Elettriku u fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva dwar l-Gass joperaw fi ħdan kuntest differenti. Dak il-kuntest jissejjaħ liberalizzazzjoni tas-suq. Iżda, kif imsemmi iktar ’il fuq jidher kemm mill-preambolu ( 33 ) ta’ dawk iż-żewġ direttivi kif ukoll mit-travaux préparatoires ( 34 ) li l-garanzija tas-sigurtà tal-provvista u t-teħid ta’ miżuri sabiex tiġi evitata diskonnessjoni — fil-portata ta’ dak l-OSU — huwa kkunsidrat ta’ importanza primordjali ( 35 ).

55.

Mingħajr dubju, il-kisba ta’ dawk l-għanijiet tippresupponi li l-fornituri ta’ servizz jibqgħu ekonomikament vijabbli. Waħda mir-raġunijiet għal dan hija li huma meħtieġa li jipprovdu servizz minimu lill-klijenti kollha eliġibbli skont kundizzjonijiet standardizzati f’sitwazzjoni fejn il-libertà tagħhom li jistabbilixxu l-prezzijiet u li jxolju l-kuntratti ma’ klijenti mhux mixtieqa, huwa limitat sew permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali. Għaldaqstant, wieħed għandu jaċċetta li fornituri ta’ servizz li joperaw skont ir-restrizzjonijiet ta’ OSU jistgħu jgħaddu ż-żieda fl-ispejjeż għal fuq il-konsumaturi; dan jidher li huwa l-mezz xieraq sabiex jista’ jkun rikonċiljat il-kunflitt inerenti bejn iż-żewġ għanijiet tad-Direttivi dwar l-Enerġija.

56.

Għalhekk, kif osservat il-qorti tar-rinviju, il-punt (b) tal-Anness A taż-żewġ Direttivi dwar l-Enerġija, li jippermettu li jsiru modifiki fil-kundizzjonijiet kuntrattwali u fil-bidla tal-prezz, jirrikonoxxu espliċitament li l-fornituri ta’ servizz li qed joperaw skont ir-restrizzjonijiet ta’ OSU għandhom interess leġittimu sabiex jgħaddu ż-żieda fl-ispejjeż waqt il-perijodu kuntrattwali lil klijenti u dan mingħajr ma jkollhom bżonn li jitterminaw il-kuntratti. Dan id-dritt fejn jistgħu jiġu aġġustati l-prezzijiet jidher li huwa partikolarment meħtieġ fejn dawk il-fornituri ta’ servizz huma fi dmir statutorju, skont l-OSU, li jidħlu f’kuntratti ma’ kategorija speċifika ta’ klijent.

57.

Il-bżonn li wieħed jgħaddi ż-żieda fl-ispejjeż sabiex tkun żgurata l-vijabbiltà ekonomika, ċertament jitfa’ dawl fuq ir-raġunijiet li huma l-bażi tal-aċċettazzjoni ta’ bidla unilaterali fil-prezz fil-kuntest tal-OSU. Iżda, il-bżonn li tiġi żgurata l-vijabbiltà ekonomika tispjega parti biss ta’ x’trasparenza ta’ termini u kundizzjonijiet kuntrattwali tista’ jew le tkun inkluża f’dan il-kuntest partikolari. Dan jinkorpora dmir li jinforma l-klijent dwar il-motivi, il-kundizzjonijiet u l-importanza ta’ bidla eventwali fil-prezzijiet? U jekk dan huwa minnu, meta għandha tingħata dik l-informazzjoni?

2. Il-bżonn li jintlaħaq bilanċ xieraq bejn id-drittijiet tal-klijenti u tal-fornituri ta’ servizz fi ħdan il-kuntest ta’ OSU

58.

Kuntrarjament għall-prinċipji bażiċi ta’ suq kompetittiv, il-fornitur ta’ servizz li jopera skont OSU huwa obbligat li jidħol f’kuntratti anki ma’ klijenti mhux mixtieqa u li jipprovdi lil dawk il-klijenti bl-elettriku u bil-gass għal prezzijiet raġonevoli ( 36 ). Għalija huwa ċar li dan l-obbligu jikkomprometti sew il-possibbiltà li dawk il-fornituri ta’ servizz jibdlu l-istruttura tal-ispejjeż skont id-diskrezzjoni tagħhom. Il-leġiżlatura nazzjonali interveniet sabiex tagħti rimedju għal din l-anomalija, permezz tal-Artikoli 3 tad-Direttivi dwar l-Enerġija, sabiex jintlaħaq bilanċ “bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet ta’ dawn il-kuntratti” ( 37 ). Iżda l-mistoqsija tibqa’, jekk — fid-dawl tar-rekwiżit ta’ trasparenza li jinstab f’dawk id-dispożizzjonijiet — dak il-bilanċ intlaħaqx sew mil-leġiżlatura Ġermaniża, b’mod partikolari meta hemm il-bżonn li klijenti vulnerabbli jiġu protetti.

59.

Meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni d-differenza kuntestwali fundamentali, li ġiet deskritta iktar ’il fuq, bejn kuntratti magħmula fuq il-bażi tal-libertà kuntrattwali u dawk ibbażati fuq il-liġi li tipprovdi għal OSU, jiena ma nsib ebda raġuni konvinċenti sabiex ninterpreta r-rekwiżit ta’ trasparenza stipulat fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva dwar l-Elettriku u fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva dwar il-Gass, li jeħtieġ li Stati Membri jiżguraw li l-motivi, il-kundizzjonijiet u l-importanza ta’ bidla eventwali fil-prezzijiet huma mgħarrfa lill-klijenti qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ( 38 ). Tabilħaqq, billi l-għan prinċipali tad-Direttivi dwar l-Enerġija ma huwiex il-protezzjoni tal-konsumatur ( 39 ), iżda il-liberalizzazzjoni tas-suq, il-ħtieġa li l-konsumaturi jiġu protetti għandu jkun rikonċiljat mal-interessi tal-fornituri tal-elettriku u tal-gass. Jekk għandu jintlaħaq bilanċ adegwat f’dan ir-rigward, nemmen li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dik l-informazzjoni hija disponibbli lill-klijenti fil-waqt meta jkunu informati bil-bidla fil-prezz. Dan għar-raġunijiet segwenti.

60.

Fir-rigward tad-drittijiet tal-konsumatur, jidhirli li hawnhekk hawn żewġ elementi ta’ importanza partikolari: d-dritt ta’ terminazzjoni tal-kuntratt u d-dritt li wieħed jisfida, fejn hu xieraq, ir-raġonevolezza taż-żieda fil-prezz inkwistjoni ( 40 ). Dawn id-drittijiet huma konnessi flimkien u dan sa fejn t-tnejn li huma — sabiex ikunu effettivi — jeħtieġu li l-klijent ikollu biżżejjed informazzjoni għar-rigward tar-raġuni li tat lok għaż-żieda fil-prezz u fil-metodu ta’ kif din ġiet kkalkulata. Din l-informazzjoni mhux biss hija meħtieġa sabiex il-klijent ikun jista’ jevalwa jekk jaqbillux jittermina l-kuntratt (fejn dan hu possibbli) u li jagħżel fornitur ieħor, iżda hija wkoll, mingħajr dubju, ta’ importanza kbira għall-klijent li għandu jiddeċiedi jekk jisfidax jew le ż-żieda fil-prezz.

61.

Tabilħaqq, minkejja l-flessibbiltà li l-punt (b) tal-Anness A taż-żewġ Direttivi dwar l-Enerġija jippermetti fir-rigward ta’ bidla fil-prezz, dik id-dispożizzjoni tirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jiżguraw li l-klijenti huma informati minn qabel bi pjanijiet ta’ bidla fit-termini u fil-kundizzjonijiet kuntrattwali. B’żieda ma’ dan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti huma informati bit-dritt tagħhom li jxolju kuntratt viġenti għal dik ir-raġuni. Iżda, d-drittijiet tal-konsumaturi ma jifqux hemm.

62.

Kif ġie osservat mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-punt (ċ) tal-Anness A huwa ta’ interess partikolari, u dan billi huwa intiż li jiżgura li l-klijenti jirċievu informazzjoni trasparenti dwar il-prezzijiet u t-tariffi applikabbli u dwar t-termini u l-kundizzjonijiet standard fir-rigward ta’ aċċess ta’ u użu ta’ servizzi tal-elettriku. B’mod ieħor, filwaqt li l-punt (b) jirrikjedi b’mod ċar li l-klijenti jiġu ggarantiti d-dritt li jitterminaw il-kuntratt jekk jiżdiedu l-prezzijiet, il-punt (ċ) iżid livell ieħor ma’ dak ir-rekwiżit billi jirrikjedi li l-prezzijiet applikabbli għandhom ikunu trasparenti. Sabiex tkun żgurata t-trasparenza ladarba jinbidlu l-prezzijiet, huwa imperattiv li r-raġuni, r-rekwiżiti u l-portata tar-reviżjoni jkunu mgħarrfa lill-klijent. Dan hu kontra s-sottomissjonijiet imressqa mill-Gvern Ġermaniż.

63.

Madankollu u fid-dawl tal-fatt li l-Istati Membri jgawdu minn diskrezzjoni sostanzjali sabiex jimplementaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi dwar l-Enerġija f’liġi nazzjonali, nemmen li għandha titħalla mal-leġiżlatura nazzjonali sabiex tiddeċiedi dwar it-teknikalitajiet ta’ kif għandha tikkomunika dawk ir-raġunijiet, u l-metodu ta’ bidla, lill-klijenti. Iżda, kif jidher li huwa l-każ fil-Ġermanja, dik id-diskrezzjoni ma tistax tkun estiża għal deċiżjoni li ma jsir xejn sabiex ikun kontrabilanċjat id-dritt ta’ fornituri ta’ servizz li jbiddlu l-prezzijiet unilateralment. Tabilħaqq, jekk dik id-diskrezzjoni kellha tkun aċċettata, din timmina sew l-effikaċja tar-rekwiżit ta’ trasparenza stipulat fid-Direttivi dwar l-Enerġija u li fl-aħħar nett jitneħħilu kull sinjifikat.

64.

Ċertament, dan iwassal għal livelli differenti ta’ protezzjoni għal klijenti finali u jiddependi, fl-aħħar analiżi, jekk id-Direttiva 93/13 mhux applikabbli. Fil-fatt, jista’ jkun ukoll osservat li dan iqiegħed il-klijenti vulnerabbli f’pożizzjoni iktar dgħajfa minn dawk il-klijenti li jistgħu jagħżlu l-fornitur ta’ servizz tagħhom. Iżda, dan jidher li ġie aċċettat mil-leġiżlatura tal-Unjoni Ewropea. L-Anness A ta’ kull Direttiva dwar l-Enerġija jagħmel, f’dan ir-rigward, referenza espliċita għad-Direttiva 93/13 billi jistipula li l-miżuri li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 3 ta’ kull waħda minn dawk id-direttivi huma “mingħajr preġudizzju għar-regoli [tal-Unjoni Ewropea] dwar il-protezzjoni tal-konsumatur [partikolarment id-Direttiva 93/13]”. Fil-fehma tiegħi, l-unika spjegazzjoni konċepibbli għal din hija li l-leġiżlatura tal-Unjoni Ewropea ma kellhiex l-intenzjoni li tallinja — permezz ta’ referenza għad-Direttiva 93/13 — il-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur, li joħroġ mid-Direttivi dwar l-Enerġija, ma’ dawk skont id-Direttiva 93/13. Dan hu ovvju mill-fatt li proposta għal dak il-għan mressqa mill-Parlament Ewropew waqt il-proċess leġiżlattiv ma ġietx riflessa fil-verżjoni finali tad-Direttivi dwar l-Enerġija ( 41 ). Fi kliem ieħor, dik l-għażla leġiżlattiva timplika li l-protezzjoni skont id-Direttiva 93/13 tista’ tkun għola u, tal-inqas, ma għandhiex tkun trasposta awtomatikament fil-kuntest ta’ kuntratti għal servizz universali fis-settur tal-enerġija.

65.

Iżda, huwa ċar li, fil-kitba tad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Annessi A tad-Direttivi dwar l-Enerġija — u, partikolarment, fil-punt (b) tagħhom — il-leġiżlatura tal-Unjoni Ewropea għamlet enfasi partikolari fuq il-ħtieġa li jkun żgurat li l-klijenti finali jistgħu jitterminaw il-kuntratti tagħhom f’każ li ma jaċċettawx iż-żieda fil-prezzijiet. Tabilħaqq, dan jidher iġġustifikat mil-lat kuntrattwali, fid-dawl tal-fatt li d-dritt tal-fornituri li jibdlu l-prezzijiet unilateralment jesponi lill-klijenti għar-riskju ta’ żieda inġustifikata fil-prezzijiet. Fil-fehma tiegħi, id-dritt ta’ terminazzjoni tal-kuntratt huwa ta’ importanza kbira għall-klijenti kollha, kemm jekk huma kkunsidrati vulnerabbli jew le. Sabiex dan id-dritt ikun eżerċitat effettivament, il-klijent għandu jkun infurmat bir-raġuni, bir-rekwiżiti u bil-portata tar-reviżjoni tal-prezz fil-waqt li jiġi infurmat li ser jinbidlu l-prezzijiet, u mhux iktar tard ( 42 ).

66.

Tabilħaqq, filwaqt li jidher li, fir-realtà, perċentwali żgħir ħafna ta’ klijenti ser jisfidaw il-bidla fil-prezzijiet fuq il-bażi ta’ dik l-informazzjoni, huwa dibattibbli li l-bżonn li tiġi żvelata dik l-informazzjoni tkun waħedha biżżejjed sabiex tiskoraġġixxi żieda inġustifikata fil-prezzijiet. Għalhekk, ir-rekwiżit ta’ trasparenza li jinstab fid-Direttivi dwar l-Enerġija jikkontribwixxi wkoll sabiex il-prezzijiet jibqgħu miżmuma f’livell “raġonevoli”; dan l-obbligu li jsir hekk huwa wieħed mill-pedamenti tal-OSU stipulat f’dawk id-direttivi.

67.

Dan iwassalni sabiex nikkonkludi li, fuq interpretazzjoni xierqa tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva dwar l-Elettriku u l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva dwar il-Gass, ir-rekwiżit ta’ trasparenza li jinstab f’dawk id-dispożizzjonijiet ma ġiex issodisfatt, fir-rigward tal-provvista tal-elettriku jew tal-gass lill-klijenti domestiċi fuq il-bażi ta’ kuntratt għal provvista universali, permezz ta’ dispożizzjonijiet ta’ liġi nazzjonali li, meta jirregolaw il-bidla fil-prezz f’dawk il-kuntratti, ma jeħtiġux li fornituri juru lill-klijent ir-raġuni, ir-rekwiżiti u l-portata tar-reviżjoni tal-prezz sa mhux iktar tard mill-waqt li l-klijent huwa infurmat bit-tibdil.

68.

Fl-aħħar nett, TWS, SWA u l-Gvern Ġermaniż talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tillimita l-effetti ratione temporis tas-sentenza tagħha fil-każ li ssib li d-dispożizzjonijiet rilevanti Ġermaniżi dwar il-bidla fil-prezzijiet huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Kif ser nispjega hawn taħt, ninsab issodisfatt li hemm ġustifikazzjoni sabiex tintlaqa’ t-talba fiċ-ċirkustanzi preżenti.

D – L-effetti ta ’ riżultat ta ’ inkompatibbiltà għandhom ikunu limitati fiż-żmien

69.

Kif inhu magħruf sew, il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li timponi limitazzjoni tal-effetti ratione temporis tas-sentenzi tagħha f’ċirkustanzi eċċezzjonali, u dan biss meta jintlaħqu żewġ kriterji kumulattivi. Dan huwa spjegat mill-fatt li l-interpretazzjoni ta’ regola legali mill-Qorti tal-Ġustizzja hija intiża sabiex tikkjarifika u tiddefinixxi l-għan u l-portata ta’ dik ir-regola kif kellha tkun miftehma u applikata minn meta daħlet fis-seħħ. Fuq dan l-isfond, l-ewwel kriterju li għandu jkun sodisfatt huwa li r-riżultat ta’ inkompatibbiltà għandu jinkludi r-“riskju ta’ riperkussjonijiet serji ekonomiċi”. Fl-evalwazzjoni dwar jekk dan hux il-każ jew le, huwa sinjifikattiv in-numru ta’ relazzjonijiet legali magħmula f’bona fides skont regoli li kienu kkunsidrati f’dak iż-żmien li kienu validi fil-liġi. It-tieni kriterju li għandu jkun sodisfatt huwa li l-prattiċi illegali kellhom ikunu adottati bħala riżultat ta’ inċertezza sinjifikattiva u oġġettiva dwar l-interpretazzjoni u l-portata tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea inkwistjoni ( 43 ).

70.

Fil-fehma tiegħi, dawn iż-żewġ kriterji jinstabu milħuqa hawnhekk.

71.

Qabel ma’ nkompli niddiskuti ċ-ċirkustanzi tal-kawżi ineżami, għandu jiġi nnotat li talba simili magħmula fil-kawża RWE Vertrieb kienet ġiet miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dak ir-rifjut kien motivat mill-fatt li l-konsegwenzi finanzjarji fuq il-fornituri tal-gass ma kinux jiddependu kompletament fuq l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Pjuttost, dawk il-konsegwenzi kienu kkunsidrati li kienu kontinġenti, fl-analiżi finali, fuq l-evalwazzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju dwar l-ekwità tat-termini u tal-kundizzjonijiet kuntrattwali fiċ-ċirkustanzi ta’ kull każ individwali ( 44 ).

72.

Min-naħa l-oħra ( 45 ), hawnhekk qegħdin nittrattaw sitwazzjoni fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba sabiex, mhux biss tikkjarifika it-tifsira ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, iżda kif ukoll u, iktar importanti, sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Ġermaniż ma’ dawk tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

73.

Din hija r-raġuni għaliex ma għandix dubju li deċiżjoni ta’ sejba ta’ inkompatibbiltà ġġib magħha r-riskju ta’ konsegwenzi finanzjarji serji fuq il-fornituri tal-elettriku u tal-gass inkwistjoni. Skont il-loġika li użat il-qorti tar-rinviju, id-dritt tal-fornituri tal-elettriku u tal-gass li jibdlu l-prezzijiet huwa marbut fuq il-mod kif il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta t-tifsira u l-portata tar-rekwiżit ta’ trasparenza stipulat fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva dwar l-Elettriku u fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva dwar il-Gass. F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha ssegwi l-fehma tiegħi dwar l-kwistjonijiet interpretattivi mqajma permezz ta’ dawn il-kawżi, bidliet fil-prezzijiet bħal dawn inkwistjoni fil-kawżi quddiem il-qorti tar-rinviju jkunu nulli u mingħajr effett.

74.

Ma hemmx għalfejn ngħidu, l-impatt ta’ deċiżjoni bħal din fuq is-settur kollu tal-enerġija ġewwa l-Ġermanja żgur li mhux ser ikun negliġibbli ( 46 ). Dik il-konklużjoni mhux milquta, fil-fehma tiegħi, mill-fatt li n-numru ta’ klijenti pprovduti bl-enerġija fuq bażi ta’ kuntratti ta’ servizz universali jidher li qed dejjem jonqos fil-Ġermanja ( 47 ). Filwaqt li s-serjetà tal-konsegwenzi finanzjarji li jinqalgħu minn sejba ta’ inkompatibbiltà trid tiddependi fuq il-perijodu ta’ limitazzjoni impost mill-qorti nazzjonali (kwistjoni li tidher li għad trid tiġi deċiża fuq livell nazzjonali ( 48 )), hija l-fehma tiegħi li ma jistax jiġi eskluż r-“riskju ta’ konsegwenzi serji finanzjarji”. Għalkemm in-numru ta’ klijenti milquta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollu jiddependi fuq il-perijodu ta’ limitazzjoni li ser ikun impost, wieħed għandu jassumi — minkejja li l-kuntratti għall-provvista universali qed jonqsu — li n-numru huwa (kunsiderevolment) għola mill-istima għas-sena 2013 mogħtija minn TWS fis-seduta ( 49 ).

75.

Madankollu, ir-riskju ta’ konsegwenzi serji finanzjarji mhux biżżejjed, bħala regola, sabiex jiżgura s-suċċess ta’ talba għal-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ sentenza. Kif ġa spjegajt band’oħra ( 50 ), kwalunkwe approċċ ieħor ifisser li — għal kuntrarju tal-prinċipju li jippermetti tali talbiet biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali — l-kontravenzjonijiet l-iktar serji u l-iktar li ilhom pendenti jkunu dawk li jiġu ttrattati b’mod l-iktar favorevoli. Dik hija r-raġuni għaliex għandu jkun issodisfatt it-tieni kriterju, li jgħaqqad ir-rekwiżit fejn dawk involuti jridu jkunu qed jaġixxu f’bona fides flimkien mar-rekwiżit li jrid ikun hemm inċertezza ġenwina dwar it-tifsira u l-portata tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

76.

Jidher li anki dak il-kriterju ġie milħuq fil-kawżi quddiem il-qorti tar-rinviju ( 51 ). L-ewwel nett, huwa ċar li l-prezzijiet ġew mibdula f’bona fides mill-fornituri tal-elettriku u tal-gass skont liġi nazzjonali kkunsidrata li hija validament fis-seħħ. It-tieni nett, kif urejt iktar ’il fuq, ma hemmx raġuni oġġettiva sabiex tkun ġustifikata l-estensjoni tal-applikazzjoni tad-dicta tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża RWE Vertrieb għal sitwazzjonijiet li ma humiex irregolati bid-Direttiva 93/13. Tabilħaqq, sa fejn dawk id-dicta ma għandhomx rilevanza diretta hawnhekk, ir-rekwiżit ta’ trasparenza kif stipulat fid-Direttivi dwar l-Enerġija ma kienx, sal-lum, is-suġġett ta’ xi deċiżjoni preliminari dwar interpretazzjoni. Hekk kif turi din il-konklużjoni, għad fadal inċertezza kbira dwar it-tifsira ta’ dak ir-rekwiżit. Din il-Qorti tal-Ġustizzja biss tista’ tneħħi dik l-inċertezza billi tagħti deċiżjoni prelimiari fil-kawżi odjerni.

77.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-talba magħmula waqt din il-kawża sabiex ikun hemm limitazzjoni tal-effetti ratione temporis tas-sentenza fil-każ li hija ssib, kif hekk sibt jien, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ trasparenza stipulat fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva dwar l-Elettriku u fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva dwar il-Gass.

IV – Konklużjoni

78.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari tal-Bundesgerichtshof kif ġej:

Dwar interpretazzjoni xierqa tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE u tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE, ir-rekwiżit ta’ trasparenza stipulat f’dawk id-dispożizzjonijiet mhux imħares, fir-rigward tal-provvista tal-elettriku jew tal-gass lill-klijenti domestiċi fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ provvista universali, permezz tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li, filwaqt li jirregolaw il-bidla fil-prezz skont dawk il-kuntratti, ma jeħtiġux li l-fornituri juru lill-klijent ir-raġuni, ir-rekwiżiti u l-portata tar-reviżjoni tal-prezz sa mhux iktar tard mill-waqt li l-klijent huwa infurmat bit-tibdil.

L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tidħol fis-seħħ fid-data meta l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti s-sentenza tagħha fil-kawżi odjerni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Dawn is-setturi jinkludu dawk tat-telekomunikazzjonijiet, tas-servizzi postali, tal-elettriku u tal-gass naturali, kif ukoll tas-servizzi tal-ferrovija.

( 3 ) Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211) u Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 230).

( 4 ) It-tkomplija tas-suq intern fl-enerġija, COM(2001) 125 finali, p. 2 (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2001”).

( 5 ) Waqt li dawn id-dispożizzjonijiet (jiġifieri, l-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-Elettriku u l-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-Gass, ikkwotati fil-punti 6 u 10 rispettivament iktar ’il quddiem) huma mfassla f’termini ta’ obbligu tas-servizz pubbliku, jiena sejjer fis-segwenti nirreferi għall-obbligu impost skont dawk id-dispożizzjonijiet bħala obbligu ta’ servizz universali (iktar ’il quddiem l-“OSU”).

( 6 ) Direttiva tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

( 7 ) Sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb AG vs Verbraucherzentrale Nordrhein-Westfalen eV (C‑92/11).

( 8 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod — Dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Parlament dwar l-Artikolu 6(1) — Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 3(1)(i) (ĠU L 144, p. 19).

( 9 ) Regolament tal-21 ta’ Ġunju 1979, dwar it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-provvista tal-elettriku lil klijenti b’tariffa standard (BGBl I, p. 684).

( 10 ) Regolament tas-26 ta’ Ottubru 2006, dwar it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-provvista bażika ta’ klijenti domestiċi u l-provvista alternattiva tal-elettriku mill-grid b’vultaġġ baxx (BGBl. I, p. 2391).

( 11 ) Regolament tal-21 ta’ Ġunju 1979, dwar it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-provvista ta’ gass lil klijenti domestiċi b’tariffa standard (BGBl. I, p. 676).

( 12 ) Is-seduta ċċarat li d-domandi magħmula huma dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni Ewropea u mhux dwar l-effett dirett li jista’ jkun hemm tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kuntest tal-kawża prinċipali. F’dan is-sens, il-kwistjoni jekk — u jekk hu hekk, sa fejn — dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali jistgħu jiġu interpretati li huma konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea ma huwiex rilevanti hawnhekk.

( 13 ) Anki eżami ta’ malajr tal-Artikoli 3 tad-Direttivi dwar l-Enerġija jikkonfermaw dan il-punt. Fil-fatt, kummentatur iddiskriva d-Direttiva dwar il-Gass bħala li hija ‘inqas komprensiva’ mid-Direttiva dwar l-Elettriku fir-rigward tal-OSU u l-ħtieġa li jkunu żgurati prezzijiet raġonevoli. Ara, f’dak ir-rigward, S. Pront-van Brommel, “The Development of the European Electricity Market in a Juridical No Man’s Land”, f’A. Dorsman, et (edizzjonijiet), Financial Aspects in Energy, Springer-Verlag, Berlin: 2011, p. 167 sa 193, fi p. 187.

( 14 ) Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2001, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 iktar ’il fuq.

( 15 ) Ibid (p. 41).

( 16 ) Dwar il-kunċett ta’ servizz universali b’mod ġenerali, ara P. Rott, “A New Social Contract Law for Public Services? — Consequences from Regulation of Services of General Economic Interest in the EC”, European Review of Contract Law (1) 2000, p. 323 sa 345, b’mod partikolari fi p. 330 et seq. Ara wkoll P. Nihoul, “The status of consumers in European liberalisation directives”, Yearbook of Consumer Law, 2009, p. 67 sa 106.

( 17 ) P. Rott, op. cit., p. 330.

( 18 ) Filwaqt li l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva dwar l-Elettriku jinkludi referenza għal prezzijiet raġonevoli, l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva dwar il-Gass jibqa’ sieket fuq din il-kwistjoni. Iżda, dik id-diskrepanza ma tistax, fil-fehma tiegħi, tiġi interpretata li tfisser li ebda rekwiżit li jappartjeni mal-ħtieġa li jkunu żgurati prezzijiet raġonevoli jeżistu fir-rigward tal-fornitura tal-gass skont il-OSU previst f’dik id-dispożizzjoni. Dan hu hekk għar-raġuni li d-dritt li wieħed ikun fornut bil-gass naturali għal prezzijiet raġonevoli huwa stipulat espressament fil-premessa 26 tal-preambolu tad-Direttiva dwar il-Gass kif ukoll fil-punt (g) tal-Anness A ta’ dik id-direttiva.

( 19 ) Skont id-dritt Ġermaniż, fornituri tal-enerġija għandhom il-possibbiltà li jidħlu f’kuntratti ma’ konsumaturi għall-provvista tal-elettriku u tal-gass, u dan fuq il-bażi tal-libertà kuntrattwali. Dan it-tip ta’ kuntratt huwa, għal raġunijiet storiċi, msejjaħ bħala “kuntratt speċjali”. B’żieda mal-possibbiltà li jiġu konklużi dawk il-kuntratti, il-fornituri huma obbligati skont il-liġi nazzjonali sabiex jidħlu f’kuntratti ma’ klijenti fejn tariffa standard hija applikata (kuntratti suġġetti għal obbligu ta’ servizz universali).

( 20 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 iktar ’il fuq.

( 21 ) Għalhekk mhux sejjer nittratta l-kwisjoni iktar ġenerali — u l-iktar diskussa — dwar dawk li jistgħu jew ma jistgħux jikkostitwixxu klawżoli kutrattwali li “jirriflettu dispożizzjonijiet mandatarji statutorji u regolatorji”.

( 22 ) Sentenza RWE Vertrieb AG vs Verbraucherzentrale Nordrhein-Westfalen eV, iċċitata iktar ’il fuq (punt 55 u d-dispożittiv).

( 23 ) Idem.

( 24 ) Ara s-sentenza RWE Vertrieb AG vs Verbraucherzentrale Nordrhein-Westfalen eV, iċċitata iktar ’il fuq (punti 17 u 18).

( 25 ) Idem, punt 55 u d-dispożittiv.

( 26 ) Ara wkoll l-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fid-29 ta’ Mejju 2013 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑95/12, punt 32).

( 27 ) Sentenza tas-26 ta’ April 2012, Nemzeti Fogyasztóvédelmi Hatóság vs Invitel Távközlési Zrt (C‑472/10, punti 24, 26 u 28).

( 28 ) Sentenza RWE Vertrieb AG vs Verbraucherzentrale Nordrhein-Westfalen eV, iċċitata iktar ’il fuq (punt 28). Ara wkoll il-punt 47 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fl-istess kawża.

( 29 ) Idem, punt 29.

( 30 ) P. Nihoul, op. cit., dwar kif ma jistax ikun awtomatikament ikkunsidrati li l-klijenti kollha huma tal-istess importanza u tal-istess valur għall-kumpanniji li qed ifittxu klijenti.

( 31 ) Tabilħaqq, ir-raġunament tad-Direttiva 93/13 huwa preċiżament sabiex jingħata rimedju għal dan l-iżbilanċ u jerġa’ jistabbilixxi l-ugwaljanza bejn il-konsumatur u l-kummerċjant. Ara, dwar dan, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Mohamed Aziz vs Caixa d’Estalvis de Catalunya, Tarragona i Manresa (Catalunyacaixa), (C‑415/11, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Skont awtur, din hija l-“funzjoni kompettitiva” tar-rekwiżit ta’ trasparenza stabbilit bid-Direttiva 93/13. Ara H. ‑W. Micklitz, “Chapter 3. Unfair terms in consumer contracts”, fi H.‑W. Micklitz, N. Reich u P. Roth, Understanding EU Consumer Law, Intersentia, Antwerpen: 2009, p. 119 sa 150, fi p. 138.

( 33 ) Il-ħtieġa li tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista waqt li fl-istess ħin jiġi żgurat s-servizz universali, tidher meta l-premessi 24 u 26 tad-Direttiva dwar l-Elettriku kif ukoll il-premessi 26 u 27 tad-Direttiva dwar il-Gass jinqraw flimkien.

( 34 ) COM(2001) 125 finali, p. 41.

( 35 ) L-għanijiet assoċjati mal-liberalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija huma doppji. Minn naħa, għandhom l-għan li joħolqu suq kompetittiv u, min-naħa l-oħra jfittxu li jiżguraw li l-provvista tal-enerġija — li hija kkunsidrata li hija ta’ interess ekonomiku ġenerali — hija ggarantita kemm jista’ jkun. Ara, fir-rigward tad-Direttiva dwar il-Gass, is-sentenza tal-20 ta’ April 2010 Federutility et vs Autorità per l’energia elettrica e il gas (C-265/08, Ġabra p. I-3377, punt 20 et seq). Ara M. Bartl, “The affordability of energy: how much protection for the vulnerable consumers?”, Journal of Consumer Policy, (33) 2010, p. 225 sa 245, fil-punt 226.

( 36 ) L-obbligu li wieħed jikkuntratta huwa stipulat fil-punt (a) tal-Anness A tad-Direttivi dwar l-Enerġija. Ara wkoll M. Bartl. op. cit., dwar l-enerġija bi prezz li jista’ jintlaħaq u analiżi ta’ soluzzjonijiet differenti adottati mill-Istati Membri li jindirizzaw il-problema li tkun żgurata enerġija bi prezz li jintlaħaq minn klijenti vulnerabbli. Barra minn hekk, punt li ma għandux ikun injorat hawnhekk huwa li r-rekwiżit li jkun żgurat servizz universali fis-settur tal-enerġija għal prezz raġonevoli issa kiseb l-istatus ta’ liġi primarja fuq livell tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, b’żieda mal-Artikolu 14 TFUE li jikkonċerna s-servizzi ta’ interess ġenerali, Protokoll 26 tat-Trattat ta’ Lisbona jeħtieġ, inter alia, li jkun żgurat li l-prezzijiet jistgħu jintlaħqu fil-kuntest ta’ servizz universali.

( 37 ) Sentenza RWE Vertrieb AG vs Verbraucherzentrale Nordrhein-Westfalen eV, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 28).

( 38 ) Dwar dan il-punt, ma naqbel xejn mal-analiżi tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-punt 69 (li jagħmel referenza għan-nota ta’ qiegħ il-paġna 50) tal-konklużjonijiet tagħha fil-kawża RWE Vertrieb. Fl-opinjoni tagħha, kemm id-Direttiva 93/13 kif ukoll id-Direttiva dwar il-Gass huma strumenti ta’ liġi tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u għandhom ikunu kkunsidrati li jikkomplementaw lil xulxin (u konsegwentement għandhom ikunu interpretati b’mod uniformi). Għaliha, dawn l-istrumenti jikkostitwixxu korp uniformi ta’ liġi. Fil-fehma tiegħi, din id-dikjarazzjoni hija bbażata fuq żball. Filwaqt li d-Direttiva 93/13 tirrigwarda l-liġi (tal-kuntratt) dwar il-konsumatur, id-Direttivi dwar il-Gass (u l-Elettriku) jikkonċernaw qasam kompletament differenti ta’ liġi, jiġifieri dak dwar il-liberalizzazzjoni tas-suq u t-twaqqif ta’ OSU fil-kuntest tal-provvista ta’ enerġija lil klijenti finali. Fid-dawl ta’ din id-differenza, ma naħsibx li huwa xieraq li tiġi ssemplifikata l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ trasparenza f’dawn l-oqsfa permezz ta’ struttura ġudizzjarja.

( 39 ) Dan jidher, inter alia, mit-terminoloġija użata fid-Direttivi dwar l-Enerġija. Tabilħaqq, fejn id-Direttiva 93/13 tirrigwarda kuntratti magħmula bejn konsumaturi u kummerċjanti, id-Direttivi dwar l-Enerġija jirriferu għal klijenti u fornituri ta’ servizz. Ta’ min wieħed isemmi wkoll li miżuri li Stati Membri jieħdu sabiex jipproteġu l-klijenti finali skont id-Direttivi dwar l-Enerġija jistgħu jkopru kemm klijenti domestiċi kif ukoll impriżi żgħar u medji.

( 40 ) Għalkemm dan id-dritt mhux mogħti espressament fid-Direttivi dwar l-Enerġija, nara li dan huwa korollarju meħtieġ tal-OSU sabiex dan jipprovdi l-enerġija lil klijenti finali bi prezz raġonevoli. Tabilħaqq, ir-rekwiżit ta’ raġonevolezza jkun mingħajr ebda saħħa jekk ma jkunx hemm il-possibbiltà li tkun sfidata l-bidla fil-prezzijiet.

( 41 ) Fil-fatt, il-proposta tal-Parlament li żżid ma’ dawk l-annessi punt ieħor li seta’ wessa’ l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 għal kuntratti li jirregolaw s-servizz universali fis-settur tal-enerġija, ma ġiex aċċettat u mhux inkluż fil-verżjoni finali tad-Direttivi dwar l-Enerġija. Ara, dwar dan, Parti I tar-Rapport tal-Parlament Ewropew, tal-1 ta’ Marzu 2002, dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 96/92/KE u 98/30/KE dwar regoli komuni għas-suq intern fl-elettriku u gass naturali (A5‑0077/2002), proposti leġiżlattivi, emendi 89 u 169, p. 65, 66 u 107. Ara wkoll il-kumment tiegħi fuq l-analiżi tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fuq din il-kwistjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39 iktar ’il fuq.

( 42 ) Fis-seduta, issemma li l-fornituri ta’ servizz huma meħtieġa, bħala kwistjoni ta’ liġi nazzjonali, sabiex jiżvelaw lill-klijent dik l-informazzjoni kollha rilevanti li tikkonċerna l-bidla fil-prezzijiet meta kawża tiġi ppreżentata quddiem qorti. Iżda, ma nemminx li obbligu bħal dak jista’ jissostitwixxi, b’mod sinjifikattiv, l-obbligu li jikxef ir-raġuni, ir-rekwiżiti u l-portata tar-reviżjoni tal-prezz lill-klijent fil-waqt meta dik il-bidla tkun mgħarrfa lill-klijent, kif deher fil-Kawża C‑400/11, fejn J. Egbringhoff ipprova jikseb din l-informazzjoni mingħajr suċċess qabel ma’ ppreżenta l-kawża quddiem il-qorti. Tabilħaqq, meta wieħed jeżamina jekk għandux jew le jikkontesta r-raġonevolezza ta’ bidla fil-prezz u li dik il-kontestazzjoni jkollhiex suċċess jew le, dik l-informazzjoni għandha tkun disponibbli lill-klijent minn qabel il-preżentazzjoni ta’ proċeduri ġudizzjarji.

( 43 ) Pereżempju, ara s-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2012 fil-kawża magħquda FIM Santander Top 25 Euro (C‑338/11 sa C‑347/11, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 44 ) Sentenza RWE Vertrieb AG vs Verbraucherzentrale Nordrhein-Westfalen eV, iċċitata iktar ’il fuq (punt 60).

( 45 ) Iżda, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha testendi r-raġunament tagħha fil-kawża RWE Vertrieb għaċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża odjerna, ikun illoġiku li tkun aċċettata talba sabiex ikun limitat l-effett ratione temporis ta’ sentenza li tikkonferma interpretazzjoni ġa deċiża f’kawża preċedenti. Dan hu hekk billi ma tibqax teżisti iktar ebda “inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva fir-rigward tal-interpretazzjoni u tal-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni [Ewropea] inkwistjoni”.

( 46 ) Skont in-numri mogħtija minn TWS waqt is-seduta, 18-il miljun u 4 miljun klijent domestiku huma bħalissa pprovduti bl-elettriku u l-gass rispettivament skont kuntratti li jirregolaw l-provvista universali.

( 47 ) Tabilħaqq, dan l-iżvilupp huwa spjegat — kif ġie osservat waqt is-seduta — mill-fatt li l-klijenti qegħdin dejjem iżjed, jibdlu l-fornituri u qegħdin jagħżlu li jidħlu f’kuntratti speċjali li huma offruti f’suq kompetittiv.

( 48 ) Waqt is-seduta tqajmet d-domanda dwar il-perijodu ta’ preskrizzjoni applikabbli. Waqt li jidher li huwa stabbilit mil-liġi li l-perijodu ta’ preskrizzjoni għal talbiet minn kuntratti speċjali huwa ta’ 3 snin, il-perijodu ta’ preskrizzjoni applikabbli għal kuntratti li jirregolaw l-provvista universali għadu ma ġiex deċiż. Għalhekk, ma hemm ebda indikazzjoni li l-applikazzjoni ta’ perijodu itwal ta’ preskrizzjoni, ta’ 10 snin, jista’ jiġi eskluż.

( 49 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 47 iktar ’il fuq.

( 50 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Transportes Jordi Besora SL vs Generalitat de Catalunya Transportes Jordi Besoara, C‑82/12, deċiża fis-27 ta’ Frar 2014, punt 54.

( 51 ) Dan hu hekk sal-punt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkunsidrax li jekk wieħed isegwi il-prinċipji stabbiliti fil-kawża RWE Vertrieb, kull inċertezza dwar il-kompatibbiltà tar-regoli nazzjonali mar-rekwiżit ta’ trasparenza li jinstab fid-Direttivi dwar l-Enerġija kienet ġa ġiet imneħħija.

Top