EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CC0358

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 13 ta' Diċembru 2012.
Lapin elinkeino-, liikenne- ja ympäristökeskuksen liikenne ja infrastruktuuri -vastuualue vs Lapin luonnonsuojelupiiri ry.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Korkein hallinto-oikeus - il-Finlandja.
Ambjent - Skart - Skart perikoluż - Direttiva 2008/98/KE - Arbli qodma tat-telekomunikazzjonijiet ittrattati b’soluzzjonijiet RKA (ram-kromju-arseniku) - Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi - Regolament (KE) Nru 1907/2006 (Regolament REACH) - Inventarju tal-użi tal-injam ittrattat li jinsab fl-Anness XVII tar-Regolament REACH - Arbli qodma tat-telekomunikazzjonijiet użati bħala stutturi tal-pontijiet.
Kawża C-358/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:797

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-13 ta’ Diċembru 2012 ( 1 )

Kawża C-358/11

Lapin elinkeino-, liikenne- ja ympäristökeskuksen liikenne ja infrastruktuuri -vastuualue

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja)]

“Direttiva 2008/98/KE — Skart perikoluż — Tmiem tal-istatus ta’ skart — Regolament (KE) Nru 1907/2006 — Reġistrazzjoni, evalwazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) — Sustanza li hija suġġetta għal restrizzjoni skont l-Anness XVII tar-Regolament REACH — Użu ta’ arbli qodma tat-telekomunikazzjonijiet ittrattati b’soluzzjoni ta’ ram-kromju-arseniku”

I – Introduzzjoni

1.

Fil-wesgħat salvaġġi tat-Tramuntana tal-Ewropa ġew utilizzati arbli tat-telekomunikazzjonijiet, li ma kinux baqgħu jintużaw, biex tissewwa mogħdija. Minħabba dan inqalgħet tilwima għaliex dawn l-arbli kienu ġew ittrattati oriġinarjament bi prodott għall-protezzjoni tal-injam li kien fih l-arseniku. Issa għandu jiġi ddeterminat jekk dan l-użu tal-arbli huwiex kompatibbli mad-direttiva l-ġdida dwar l-iskart ( 2 ) u r-Regolament REACH ( 3 ).

2.

Minn naħa, għandu jiġi stabbilit jekk l-arbli, li possibbilment saru skart meta twarrbu, tilfux l-eventwali status tagħhom ta’ skart meta ntużaw biex tissewwa l-mogħdija. Id-direttiva l-ġdida dwar l-iskart tinkludi għall-ewwel darba regoli li jirrigwardaw espressament il-kwistjoni dwar il-kundizzjonijiet li fihom skart ma għandux jibqa’ jiġi kkunsidrat bħala tali.

3.

Min-naħa l-oħra, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni r-Regolament REACH li jirregola l-użu ta’ prodotti ta’ protezzjoni tal-injam li fihom l-arseniku u tal-injam ittrattat.

4.

L-importanza ta’ din il-proċedura qiegħda fil-fatt li din hija l-ewwel interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati, b’mod partikolari fir-rigward tar-relazzjoni bejn id-direttiva dwar l-iskart u r-Regolament REACH. Ċertament dan ir-regolament ma jirrigwardax l-iskart imma fih l-unika leġiżlazzjoni espressa tal-Unjoni dwar l-użu ta’ injam ittrattat b’kisja protettiva li fiha l-arseniku.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt dwar l-iskart

5.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-iskart fih diversi definizzjonijiet:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

‘skart’ tfisser kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi;

[…]

13)

‘użu mill-ġdid’ tfisser kull operazzjoni li biha l-prodotti jew il-komponenti li mhumiex skart jerġgħu jintużaw għall-istess skop li għalih kienu maħsubin;

14)

[…]

15)

‘irkupru’ tfisser kwalunkwe operazzjoni li r-riżultat prinċipali tagħha jkun skart li jservi skop utli permezz tas-sostituzzjoni ta’ materjali oħra li inkella kienu jintużaw biex jissodisfaw funzjoni partikolari, jew skart li qed jiġi ppreparat b’mod li jissodisfa dik il-funzjoni, fl-impjant jew fl-ekonomija usa’. L-Anness II fih lista mhux eżawrjenti ta’ operazzjonijiet ta’ rkupru;

16)

‘preparazzjoni għal użu mill-ġdid’ tfisser il-verifika, it-tindif jew it-tiswija ta’ operazzjonijiet ta’ rkupru li biha prodotti jew komponenti ta’ prodotti li saru skart jiġu ppreparati sabiex jintużaw mill-ġdid mingħajr ebda proċessar bil-quddiem ieħor;

[…]”

6.

L-Artikolu 6 tad-direttiva dwar l-iskart jinkludi regoli dwar it-tmiem tal-istatus ta’ skart:

“1.   Ċertu skart speċifikat m’għandux jibqa’ kunsidrat skart fis-sens tal-punt (1) ta’ l-Artikolu 3 meta dan ikun għadda minn operazzjoni ta’ rkupru, inkluż ir-riċiklaġġ, u jkun jikkonforma ma’ kriterji speċifiċi li għandhom jiġu żviluppati skond il-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

is-sustanza jew l-oġġett ikun użat komunement għal skopijiet speċifiċi;

b)

ikun jeżisti suq jew tkun teżisti domanda għal tali sustanza jew oġġett;

c)

is-sustanza jew l-oġġett jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi għall-iskopijiet speċifiċi msemmija fil-punt (a) u jissodisfa l-leġiżlazzjoni u l-istandards eżistenti applikabbli għall-prodotti; u

d)

l-użu tas-sustanza jew l-oġġett ma jwasslux għal impatti ġenerali li jagħmel ħsara lill-ambjent jew lis-saħħa tal-bniedem.

Fejn ikun meħtieġ, il-kriterji għandhom jinkludu valuri ta’ limiti għal sustanzi li jniġġsu u għandhom jieħdu kont ta’l-effetti avversi kollha possibbli li s-sustanza jew l-oġġett jista’ jkollhom fuq l-ambjent.

2.   Il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, relatati ma’ l-adozzjoni tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1, u li jispeċifikaw it-tip ta’ skart li għalih għandhom japplikaw dawn il-kriterji, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 39(2). Għandhom jiġu kkunsidrati kriterji li jkunu speċifiċi għat-tmiem ta’ l-iskart, fost oħrajn, għall-inqas għall-aggregati, għall-karta, għall-ħġieġ, għall-metall, għat-tyres u għat-tessuti.

3.   […]

4.   Fejn il-kriterji ma ġewx stabbiliti fil-livell Komunitarju taħt il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 1 [u 2], l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu każ b’każ jekk ċertu skart ma baqax ikun skart b’kont meħud tal-każistika applikabbli […]”

7.

It-tieni inċiż tal-punt (22) tal-premessi tad-direttiva dwar l-iskart jispeċifika l-implementazzjoni tal-Artikolu 6:

“[Din id-direttiva għandha tippreċiża]

meta ċertu skart ma jibqax skart, l-istabbiliment ta’ kriterji dwar it-tmiem ta’ l-iskart li jipprovdu livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali u benefiċċju ambjentali u ekonomiku; kategoriji possibbli ta’ skart li għalihom speċifikazzjonijiet u kriterji dwar ‘it-tmiem ta’ l-iskart’ għandhom jiġu żviluppati huma, fost oħrajn, skart mill-bini u d-demolizzjoni, xi rmied u fdalijiet, metalli skreppjati, aggregati, tyres, tessuti, kompost, skart ta’ karti u ħġieġ. Għall-finijiet li jintlaħaq status ta’ tmiem ta’ l-iskart, operazzjoni ta’ rkupru tista’ tkun sempliċi daqs l-ikkontrollar ta’ l-iskart biex ikun verifikat li jissodisfa l-kriterji tat-tmiem ta’ l-iskart.”

8.

L-Artikolu 13 tad-direttiva dwar l-iskart isemmi r-rekwiżiti fundamentali fir-rigward tal-immaniġġjar tal-iskart:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-immaniġġar ta’ l-iskart jitwettaq mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem, u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent […]”

B – Ir-Regolament REACH

9.

L-Artikolu 2(2) tar-Regolament REACH jirregola r-relazzjoni mad-dritt tal-iskart:

“L-iskart kif definit fid-[direttiva dwar l-iskart], mhuwiex sustanza, preparat jew oġġett fis-sens ta’ l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.”

10.

L-Artikolu 67(1) tar-Regolament REACH jissuġġetta għal restrizzjonijiet partikolari l-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ ċerti sustanzi:

“Sustanza waħidha, fi preparat jew f’oġġett, li għaliha fih restrizzjoni l-Anness XVII m’għandhiex tkun manifatturata, mqiegħda fis-suq jew użata għajr jekk tkun tikkonforma mal-kondizzjonijiet ta’ dik ir-restrizzjoni […]”

11.

L-Artikolu 67(3) tar-Regolament REACH jawtorizza lill-Istati Membri biex jidderogaw provviżorjament minn dawn ir-restrizzjonijiet:

“Sa l-1 ta’ Ġunju 2013, Stat Membru jista’ jżomm kwalunkwe restrizzjoni eżistenti u aktar stretta fir-rigward tal-Anness XVII fuq il-manifattura, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ sustanza, sakemm dawk ir-restrizzjonijiet ikunu ġew notifikati skont it-Trattat. Il-Kummissjoni għandha tikkompila u tippubblika inventarju ta’ dawn ir-restrizzjonijiet sa l-1 ta’ Ġunju 2009.”

12.

L-Artikolu 68(1) tar-Regolament REACH jirregola l-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet:

“Meta jkun hemm riskju mhux aċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent li jkun ġej mill-manifattura, użu jew tqegħid fis-suq ta’ sustanzi, li jkun jeħtieġ li jiġi indirizzat fuq bażi Komunitarja, l-Anness XVII għandu jiġi emendat […] bl-adozzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda, jew bl-emenda tar-restrizzjonijiet attwali fl-Anness XVII, għall-manifattura, użu jew tqegħid fis-suq ta’ sustanzi waħedhom, fi preparati jew f’oġġetti […]”

13.

L-Artikolu 128 tar-Regolament REACH jirregola l-moviment liberu tas-sustanzi, preparati u oġġetti, kif ukoll il-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet:

“1.   Suġġett għall-paragrafu 2, l-Istati Membri m’għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu l-manifattura, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ sustanza, waħidha, fi preparat jew f’oġġett, li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, li tikkonforma ma’ dan ir-Regolament u, fejn ikun il-każ, ma’ l-atti Komunitarji adottati fl-implementazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   Xejn f’dan ir-Regolament m’għandu jimpedixxi l-Istati Membri milli jżommu jew jistabbilixxu regoli nazzjonali sabiex jipproteġu lill-ħaddiema, lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent li japplikaw fil-każijiet fejn dan ir-Regolament ma jarmonizzax ir-rekwiżiti dwar il-manifattura, t-tqegħid fis-suq jew l-użu.”

14.

F’dan il-każ, huma ta’ interess partikolari r-restrizzjonijiet dwar il-komposti tal-arseniku tal-Anness XVII, Nru 19, li ttieħdu mid-Direttiva 76/769/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ta’ ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi ( 4 ):

“Komposti tal-arseniku

[…]

3.

Ma għandhomx jintużaw fil-preservazzjoni tal-injam. Barra minn hekk, injam trattat b’dan il-mod ma għandux jitqiegħed fis-suq.

4.

B’deroga mill-paragrafu 3:

a)

[…]

b)

Fir-rigward ta’ injam trattat b’soluzzjonijiet tar-RKA [RKA tfisser ram-kromju-arseniku] f’installazzjonijiet industrijali skont il-punt (a): dan jista’ jitqiegħed fis-suq għal użu professjonali u industrijali jekk l-integrità strutturali tal-injam tkun meħtieġa għas-sigurtà tal-bniedem jew tal-annimali u l-kuntatt mal-ġilda tal-pubbliku ġenerali waqt l-użu jkun improbabbli:

[…]

f’pontijiet u xogħol relatat ma’ pontijiet,

f’injam għall-bini f’żoni ta’ ilma ħelu jew ta’ ilma salmastru, pereżempju pontuni u pontijiet,

[…]

c)

[…]

d)

l-injam ittrattat imsemmi fil-punt (a) ma għandux jintuża:

[…]

fi kwalunkwe applikazzjoni fejn jista’ jkun hemm kuntatt ripetut mal-ġilda,

[…]

5.

[…]

6.

Injam ittrattat tat-tip C tar-RKA li kien jintuża fil-Komunità qabel it-30 ta’ Settembru 2007, jew li tpoġġa fis-suq skont il-paragrafu 4:

jista’ jintuża jew jintuża mill-ġdid soġġett għall-kundizzjonijiet li jappartjenu għall-użu tiegħu, elenkati taħt il-punti 4(b), (c) u (d),

[…]

7.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu injam ittrattat ma’ tipi oħra ta’ soluzzjonijiet ta’ RKA li kien jintuża fil-Komunità qabel it-30 ta’ Settembru 2007:

biex jintuża jew jerġa’ jintuża soġġett għall-kundizzjonijiet li jappartjenu għall-użu tiegħu, elenkati taħt il-punti 4 (b), (c) u (d),

[…]”

III – Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

15.

Il-mogħdija ta’ Raittijärvi taqsam madwar 35 km tat-territorju tal-komun ta’ Enontekiö, li jinsab fit-Tramuntana tal-Finlandja. L-ewwel parti tagħha taqsam madwar 4.4 km ta’ artijiet li ma jappartjenux lin-netwerk ta’ Natura 2000. Il-bqija tal-mogħdija taqsam ir-reġjun imsejjaħ “Käsivarren erämaa”, b’wiċċ totali ta’ 264,892 ettaru li tagħmel parti min-netwerk ta’ Natura 2000.

16.

Il-Lapin elinkeino–, liikenne- ja ympäristökeskuksen liikenne ja infrastruktuuri –vastuualue (litteralment: is-“settur ‘trasport u infrastruttura’” taċ-Ċentru tal-affarijiet ekonomiċi, ambjentali u tat-trasport tal-Lapponja), iktar ’il quddiem is-settur “trasport u infrastruttura”, fl-2008 sa l-2009 għamel xogħlijiet ta’ tiswija tal-mogħdija ta’ Raittijärvi. Ġie miftiehem li jintuża injam miksi b’soluzzjoni ta’ RKA bħala pedament għall-mogħdija.

17.

Skont il-konstazzjonijiet taċ-ċentru Finlandiż tal-ambjent, is-soluzzjoni ta’ RKA li serviet bħala kisi kellha fiha, bħala sustanzi attivi, il-kromju, ir-ram u l-arseniku. Sal-1985, l-RKA użat kien essenzjalment kompost minn soluzzjoni ta’ tip B. Imbagħad bdiet tintuża soluzzjoni ta’ tip C.

18.

L-injam ittrattat ġie użat bħala arbli tat-telekomunikazzjonijiet sal-2007. Dan tqiegħed fl-2008 u l-2009 bħala pedament tal-pont tal-injam matul madwar 3.9 km tal-mogħdija. Skont l-affermazzjonijiet — plawżibbli — tas-settur “trasport u infrastruttura”, dawn kienu jinstabu f’żoni ta’ art mistagħdra. Madankollu, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, l-injam ittrattat ma ntużax fil-livell jew viċin ħafna tal-għejun u tan-nixxigħat u lanqas fl-ilmijiet ta’ taħt l-art. Iċ-ċentru tal-ambjent jikkunsidra li l-istruttura tal-pont tal-injam probabbilment joħorġu minnha sustanzi attivi fl-ambjent, għalkemm bil-mod.

19.

Fis-17 ta’ Ottubru 2008, assoċjazzjoni għad-difiża tal-ambjent, il-Lapin luonnonsuojelupiiri ry (assoċjazzjoni għall-protezzjoni tan-natura tal-Lapponja, iktar ’il quddiem: l-assoċjazzjoni għall-protezzjoni tan-natura), ippreżentat talba sabiex l-awtorità inkarigata bil-protezzjoni tal-ambjent tipprojbixxi lis-settur “trasport u infrastruttura” milli juża bħala materjal għat-tiswija tal-mogħdija ta’ Räittijärvi injam miksi b’komposti ta’ arseniku jew ta’ xi sustanza tossika oħra.

20.

L-awtorità inkarigata bil-protezzjoni tal-ambjent ċaħdet it-talba, imma d-deċiżjoni tagħha ġiet annullata mill-Vaasan hallinto-oikeus (tribunal amministrattivi ta’ Vaasa), li ġie adit mill-assoċjazzjoni għall-protezzjoni tan-natura. Is-settur “trasport u infrastruttura” appella minn din is-sentenza quddiem il-Korkein hallinto-oikeus, bħala qorti ta’ kassazzjoni u l-ogħla qorti amministrattiva Finlandiża. Issa din il-qorti qed tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari li ġejjin:

1.

Huwa possibbli li, mill-fatt li skart huwa kklassifikat bħala skart perikoluż, jiġi dedott direttament li l-użu ta’ [tali] sustanza jew ta’ [tali] oġġett iwassal għal impatti ġenerali li jagħmlu ħsara lill-ambjent jew lis-saħħa tal-bniedem fis-sens tal-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart? Skart perikoluż jista’ wkoll ma jibqax skart jekk ir-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98/KE jkunu sodisfatti?

2.

Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ skart, u, b’mod partikolari, tal-obbligu li artikolu jew sustanza jintremew, il-fatt li l-użu mill-ġdid ta’ dan l-oġġett jew ta’ din is-sustanza, li huwa suġġett għal evalwazzjoni, huwa awtorizzat taħt ċerti kundizzjonijiet fl-Anness XVII kif imsemmi fl-Artikolu 67 tar-Regolament REACH huwa rilevanti u, jekk ikun il-każ, sa liema punt huwa rilevanti?

3.

L-Artikolu 67 tar-Regolament REACH armonizza r-rekwiżiti dwar il-preparazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu fis-sens tal-Artikolu 128(2) tal-istess regolament, b’tali mod li l-użu ta’ preparazzjonijiet jew ta’ oġġetti msemmija fl-Anness XVII ma jistax jiġi prekluż abbażi ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-ħarsien ambjentali, sakemm il-limiti [previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet] ma jinsabux fl-inventarju stabbilit mill-Kummissjoni, kif ipprovdut fl-Artikolu 67(3) tar-Regolament REACH?

4.

L-inventarju fl-Artikolu 19(4)(b) tal-Anness XVII tar-Regolament REACH, tal-użi tal-injam trattat b’soluzzjoni RKA għandu jiġi interpretat fis-sens li jelenka kull użu possibbli?

5.

L-użu inkwistjoni tal-injam, bħala injam li jservi għall-appoġġ, jista’ jiġi pparagunat mal-użi koperti fl-inventarju msemmi fir-raba’ domanda, b’tali mod li dan l-użu jista’ jiġi awtorizzat abbażi tal-Artikolu 19(4)(b) tal-Anness XVII tar-Regolament REACH, jekk ir-rekwiżiti l-oħrajn meħtieġa jkunu sodisfatti?

6.

Liema huma l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġi eżaminat ir-riskju ta’ kuntatti ripetuti mal-ġilda kif imsemmi fl-Artikolu 19(4)(d) tal-Anness XVII tar-Regolament REACH?

7.

L-użu tal-kelma “riskju”, kif iċċitata fis-sitt domanda, ifisser li kuntatt ripetut mal-ġilda huwa teoretikament possibbli jew li tali kuntatt huwa probabbli, għall-inqas sa ċertu punt?

21.

Fil-kawża pparteċipaw is-settur “trasport u infrastruttura”, l-assoċjazzjoni għall-protezzjoni tan-natura, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u l-Kummissjoni Ewropea, li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ma saritx proċedura orali.

IV – Evalwazzjoni legali

A – L-ammisibbiltà u l-portata tat-talba għal deċiżjoni preliminari

22.

Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jista’ jkun hemm dubju dwar l-applikabbiltà ratione temporis tad-dispożizzjonijiet imsemmijin fid-domandi tal-Korkein hallinto-oikeus. Fil-fatt, skont l-informazzjoni li hija pprovdiet, ix-xogħlijiet li taw lok għall-kawża saru fl-2008 u l-2009 u t-talba tal-assoċjazzjoni għall-protezzjoni tan-natura għandha d-data tas-17 ta’ Ottubru 2008. Id-direttiva l-ġdida dwar l-iskart, skont l-Artikolu 40(1) tagħha, kellha tiġi trasposta biss sat-12 ta’ Diċembru 2010; qabel din id-data, id-direttiva ta’ qabel dwar l-iskart kienet baqgħet applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 41 tad-direttiva l-ġdida ( 5 ). Fir-rigward tal-Artikolu 67 u l-Anness XVII tar-Regolament REACH, dawn jidħlu fis-seħħ biss, skont l-Artikolu 141(4) tar-Regolament, fl-1 ta’ Ġunju 2009.

23.

Madankollu, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Korkein hallinto-oikeus għarrfitha li kien l-istat tad-dritt fid-data tad-deċiżjoni tagħha li kien jgħodd. Għaldaqstant, ir-risposta għat-talba għandha tkun ibbażata fuq id-dritt attwalment fis-seħħ, u b’mod partikolari fuq il-verżjoni msemmija iktar ’il fuq tar-Regolament REACH ( 6 ).

24.

Barra minn hekk għandu jiġi osservat li l-Korkein hallinto-oikeus għadha ma stabbilixxietx jekk l-arbli tat-telekomunikazzjonijiet li taw lok għall-kawża kinux skart, imma hija ma għamlet l-ebda domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan is-sens.

25.

Madankollu, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi tippresupponi li l-arbli huma kklassifikati minn qabel bħala skart, għaliex, inkella, id-direttiva dwar l-iskart ma tkunx applikabbli. Min-naħa l-oħra, ir-risposta għad-domandi l-oħrajn, dwar ir-Regolament REACH, tippresupponi li l-arbli ma humiex skart. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(2) tiegħu, dan ir-regolament ma japplikax għall-iskart. Għaldaqstant, biex tingħata risposta għall-ewwel żewġ domandi, għandu l-ewwel nett jiġi preżunt li l-arbli huma skart u, biex tingħata risposta għad-domandi l-oħrajn, li ma humiex, jew ma għadhomx, skart.

B – Id-domandi 4 sa 7: kundizzjonijiet għall-applikazzjoni

26.

Fl-ewwel lok nixtieq neżamina taħt liema kundizzjonijiet l-użu ta’ injam ittrattat b’soluzzjoni ta’ RKA għall-bini ta’ pont tal-injam huwa awtorizzat mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 67(1) u mill-Anness XVII, Nru 19(4)(b) tar-Regolament REACH, liema dispożizzjonijiet huma msemmijin fir-raba’, il-ħames, is-sitt u s-seba’ domandi.

27.

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 67(1) u l-Anness XVII, Nru 19(3) tar-Regolament REACH, il-komposti tal-arseniku ma għandhomx jintużaw bħala mezz ta’ protezzjoni tal-injam. Barra minn hekk, l-injam ittrattat b’dan il-mod ma għandux jitqiegħed fis-suq.

28.

Madankollu, jeżistu diversi eċċezzjonijiet għal din il-projbizzjoni. F’dan il-każ jistgħu japplikaw l-ewwel inċiż tal-Anness XVII, Nru 19(6) u l-ewwel inċiż tal-paragrafu (7) tar-Regolament REACH. Skont il-paragrafu 6, l-injam ittrattat bis-soluzzjonijiet RKA tat-tip C li kien jintuża fil-Komunità qabel it-30 ta’ Settembru 2007 jista’ jintuża jew jerġa’ jintuża, bil-kundizzjoni tal-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-użu tiegħu, elenkati fil-paragrafu 4(b)(c) u (d). Skont il-paragrafu 7, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-użu taħt l-istess kundizzjonijiet tal-injam ittrattat ma’ tipi oħrajn ta’ soluzzjonijiet RKA. Skont il-Finlandja ( 7 ), teżisti awtorizzazzjoni bħal din għas-soluzzjonijiet ta’ RKA tat-tip B.

29.

Fit-talba għal deċiżjoni preliminari hemm imsemmi li l-injam intuża bħala arbli tat-telekomunikazzjonijiet u li reġa’ ġie użat, anki jekk mhux għall-istess użu. Għalhekk dan l-użu huwa awtorizzat, jew jista’ jiġi awtorizzat, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness XVII, Nru 19(4)(b), (c) u (d) tar-Regolament REACH, jiġu osservati.

30.

Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju titlob interpretazzjoni tal-Anness XVII, Nru 19(4)(b) u (d).

31.

Skont l-Anness XVII, Nru 19(4)(b) l-injam ittrattat jista’ jitqiegħed fis-suq għal użu professjonali u industrijali, fost l-oħrajn fil-pontijiet u xogħlijiet irrelatati ma’ pontijiet (it-tieni inċiż), fl-injam għall-bini f’żoni fl-ilmijiet interni (it-tielet inċiż) u fi strutturi sabiex iżommu l-art (it-tmien inċiż), sa fejn huwa meħtieġ li tiġi ppreservata l-integrità strutturali tal-injam sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-bniedem u tal-annimali u sa fejn huwa improbabbli li l-pubbliku jkollu kuntatt tal-ġilda mal-injam matul il-ħajja utli tiegħu.

32.

Il-kwistjoni tal-kuntatt mal-ġilda tqum mill-ġdid fit-tieni inċiż tan-Nru 19(4)(d) tal-Anness XVII fejn huwa pprojbit li jintuża injam ittrattat f’kull applikazzjoni li jkun hemm riskju ta’ kuntatt ripetut mal-ġilda.

1. Fuq ir-raba’ domanda: in-natura eżawrjenti tal-Anness XVII, Nru 19(4)(b) tar-Regolament REACH

33.

Billi l-użu tal-injam bħala pedament ta’ pont ma huwiex espressament imsemmi, ir-raba’ domanda hija intiża biex jiġi ddeterminat jekk l-applikazzjonijiet kollha possibbli humiex imsemmijin fl-Anness XVII, Nru 19(4)(b) tar-Regolament REACH.

34.

Kif jidher mill-Artikolu 68 tar-Regolament REACH, il-projbizzjoni ġenerali tal-użu ta’ komposti tal-arseniku għall-protezzjoni tal-injam tistrieħ fuq evalwazzjoni tal-leġiżlatur li dawn il-komposti jirrappreżentaw riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem. Għalhekk huwa eskluż li tingħata interpretazzjoni estensiva għal din il-projbizzjoni. Għaldaqstant, il-parteċipanti kollha jsostnu ġustament li l-applikazzjonijiet imsemmijin f’din id-dispożizzjoni ma humiex użati bħala eżempju, imma li din hija lista eżawrjenti.

35.

Għaldaqstant, l-elenkar tal-applikazzjonijiet tal-injam ittrattat permezz ta’ soluzzjoni ta’ RKA li hemm fl-Anness XVII, Nru 19(4)(b) tar-Regolament REACH għandu jiġi interpretat fis-sens li jsemmi b’mod eżawrjenti l-applikazzjonijiet awtorizzati kollha.

2. Il-ħames domanda: il-pont tal-injam, użu awtorizzat

36.

B’dan il-mod naslu għall-ħames domanda, jiġifieri jekk l-użu ta’ injam ittrattat għall-pedament ta’ mogħdija tal-injam huwiex applikazzjoni awtorizzata bis-saħħa tal-Anness XVII, Nru 19(4)(b) tar-Regolament REACH. It-talba għal deċiżjoni preliminari tosserva b’mod partikolari, f’dan il-kuntest, li dan l-użu huwa awtorizzat għall-pontijiet.

37.

Fil-każ ta’ dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ restrizzjonijiet tal-Anness XVII, Nru 19 tar-Regolament REACH, il-ġenesi tar-restrizzjoni fil-proċedura tal-Artikoli 69 sa 73 għandha normalment tipprovdi indikazzjonijiet utli. Il-motivi xjentifiċi ta’ restrizzjoni bħal din huma żviluppati f’dik il-proċedura ( 8 ).

38.

Madankollu, ir-restrizzjonijiet fuq l-użu tal-komposti tal-arseniku skont l-Anness XVII, Nru 19 tar-Regolament REACH ma jistriħux fuq din il-proċedura, imma ttieħdu, mal-adozzjoni tar-regolament oriġinali, mid-Direttiva 76/769/KEE ( 9 ). Ir-regoli li llum jidhru fl-Anness XVII, Nru 19(4)(b) tar-Regolament REACH kienu ġew introdotti bid-Direttiva 2003/2/KE ( 10 ). Din l-aħħar direttiva, u l-pożizzjonijiet tal-kumitat xjentifiku tat-tossiċità, tal-ekotossiċità u tal-ambjent ( 11 ) li huma ċċitati hemmhekk, madankollu ma jippermettux li wieħed jifhem għaliex l-użu tal-injam ittrattat huwa awtorizzat fil-każ proprju tal-pontijiet.

39.

Minħabba l-istruttura u l-funzjoni tagħha, il-mogħdija tal-injam għandha bosta punti simili ma’ pont. Kif jidher mir-ritratti annessi mal-proċess, din isservi ta’ spiss biex dak li jkun jista’ jgħaddi minn żoni fejn hemm ħafna art mistagħdra, jew ukoll fejn ikun hemm ilma qiegħed. Iżda ma jistax jiġi eskluż li, f’postijiet oħrajn, il-mogħdija tidher bħala triq rinfurzata, mingħajr rwol ċar ta’ post minn fejn wieħed jista’ jaqsam.

40.

Madankollu, il-punt deċiżiv għandu jkun li l-użu ta’ injam għal mogħdija tal-injam huwa paragunabbli fl-użu tiegħu ma’ pont ordinarju għal dak li jirrigwarda r-riskji għall-ambjent u l-ħtieġa li jintuża l-injam ittrattat. Fiż-żewġ każijiet, l-injam jitpoġġa f’post umdu b’mod li, minn naħa, jeħtieġ li jiġi protett, imma, min-naħa l-oħra, hemm riskji ta’ kontaminazzjoni, permezz tas-soluzzjoni tal-RKA, ta’ ilmijiet tal-viċin.

41.

Għaldaqstant, huwa possibbli li jiġi kkunsidrat l-użu, li huwa inkwistjoni hawnhekk, ta’ injam ittrattat permezz ta’ soluzzjoni ta’ RKA għall-pedament ta’ mogħdija tal-injam bħall-użu tiegħu għall-“pontijiet” fis-sens tat-tieni inċiż tan-Nru 19(4)(b) tal-Anness XVII tar-Regolament REACH.

3. Fuq is-sitt u s-seba’ domandi — il-kuntatt mal-ġilda

42.

Is-sitt u s-seba’ domandi jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-projbizzjoni tal-użu tal-injam ittrattat f’applikazzjonijiet li għandhom ir-riskju ta’ kuntatt mal-ġilda ripetut skont it-tieni inċiż tan-Nru 19(4)(d) tal-Anness XVII tar-Regolament REACH.

43.

Essenzjalment, għandu jiġi stabbilit kif għandu jinftiehem il-kunċett ta’ riskju.

44.

Il-kliem jidher ċar: ir-riskju ta’ kuntatt mal-ġilda ripetut mal-injam ittrattat ma huwiex aċċettabbli.

45.

Madankollu, jekk wieħed jifhem dan bħala kwalunkwe riskju, fil-prattika, l-ebda applikazzjoni awtorizzata ma tkun possibbli. Fil-fatt, riskju bħal dan ma jista’ qatt jiġi totalment eskluż.

46.

It-tielet premessa tad-Direttiva 2003/2 iċċitata iktar ’il fuq issemmi partikolarment ir-riskji għas-saħħa tat-tfal li jirriżultaw mill-użu ta’ injam ittrattat bl-RKA fit-tagħmir użat fil-parks tal-logħob għat-tfal. Minn dan wieħed jista’ jasal għall-konklużjoni li r-riskju ta’ kuntatt mal-ġilda għandu jilħaq intensità paragunabbli. Madankollu, it-tmien premessa ta’ din id-direttiva tirreferi għall-prinċipju ta’ prekawzjoni, b’mod li għandu jiġi ammess li l-leġiżlatur kellu f’moħħu protezzjoni iktar kompleta.

47.

Paragun ma’ kundizzjoni tal-użu ta’ injam ittrattat skont l-Anness XVII, Nru 19(4)(b) tar-Regolament REACH huwa fl-istess sens. Skont din id-dispożizzjoni, jeħtieġ li jkun improbabbli li l-pubbliku jkollu kuntatt mal-ġilda mal-injam tul iż-żmien li jdum jintuża. Dan huwa wkoll il-kriterju li s-settur “trasport u infrastruttra” u l-Finlandja jixtiequ japplikaw.

48.

Ir-riskju ta’ ħsara wara kuntatt mal-ġilda ta’ darba, madankollu, huwa ferm iktar baxx minn meta l-kuntatt ikun ripetut. Għalhekk hemm bżonn li r-riskju residwu aċċettabbli ta’ kuntatt mal-ġilda ikun inqas baxx minn dak ta’ kuntatt li huwa biss improbabbli.

49.

Wieħed jista’ jieħu idea tal-livell ta’ riskju residwu baxx ħafna li jibqa’ aċċettabbli minn silta oħra mir-Regolament REACH, jiġifieri l-probabbiltà negliġibbli f’kundizzjonijiet ta’ użu normali jew raġonevolment prevedibbli ( 12 ), u dan jikkorrispondi essenzjalment mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

50.

Ir-riskju residwu aċċettabbli fil-fatt huwa kkaratterizzat minn żewġ elementi. L-ewwel nett, jeħtieġ li teżisti biss probabbiltà negliġibbli li r-riskju jseħħ. Bħala regola ġenerali, għandu jiġi aċċettat livell ta’ probabbiltà tant baxx. It-tieni nett, ma’ dan jiżdiedu ċ-ċirkustanzi fejn din il-probabbiltà hija aċċettabbli, jiġifieri kundizzjonijiet ta’ użu normali jew raġonevolment prevedibbli. Bla dubju ma għandux jiġi eskluż, taħt kundizzjonijiet oħrajn, li jridu jkunu anormali jew raġonevolment imprevedibbli, li l-probabbiltà tkun ogħla. Madankollu, dan ir-riskju jibqa’ ipotetiku u, fil-prinċipju, ma jkunx tali li jiġġustifika miżuri ta’ prekawzjoni ( 13 ).

51.

Għaldaqstant, is-sitt u s-seba’ domandi għandhom jingħataw risposta fis-sens li l-użu ta’ injam ittrattat permezz ta’ soluzzjoni ta’ RKA skont it-tieni inċiż tan-Nru 19(4)(d) tal-Anness XVII tar-Regolament REACH huwa pprojbit meta l-probabbiltà ta’ kuntatt mal-ġilda ripetut ma jkunx negliġibbli fil-kundizzjonijiet ta’ użu normali jew raġonevolment prevedibbli.

52.

Fil-kawża prinċipali, għandu jiġi vverifikat kif il-pont tal-injam qed jiġi użat u, minħabba f’hekk, jekk il-probabbiltà ta’ kuntatt mal-ġilda ripetut jistax ikun negliġibbli. Jista’ jkun meħtieġ li jiġi eżaminat ukoll jekk jeżistux varjazzjonijiet fl-użu li jnaqqsu biżżejjed il-probabbiltà. Jekk ma jkunx possibbli li titnaqqas din il-probabbiltà, it-tieni inċiż tan-Nru 19(4)(d) tal-Anness XVII tar-Regolament REACH jipprekludi l-użu ta’ injam ittrattat fil-pontijiet.

53.

Fil-prattika, jista’ jkun utli, b’mod partikolari, li wieħed jkun jaf jekk il-pontijiet tal-injam jiġux użati għal kollox minn dawk li jmorru bil-mixi jew jekk, fil-viċinanza immedjata tal-pontijiet, hemmx postijiet li jintużaw mis-sewwieqa ta’ vetturi awtorizzati fuq il-mogħdija — mid-dehra huma offroads żgħar — bħala żoni għal pawża. Bħala miżuri ta’ sigurtà wieħed jista’, skont il-każ, jew jagħmel sinjali ta’ twissija, jew inkella jinqatgħu jew jitgħattew l-estremitajiet tal-arbli tat-telekomunikazzjoni li jisporġu ’l fuq mill-mogħdija, b’tali mod li ma jkunx possibbli li jintmessu mill-għoli.

C – It-tielet domanda — dispożizzjonijiet ta ’ protezzjoni nazzjonali iktar stretti

54.

It-tielet domanda hija intiża sabiex jiġi stabbilit jekk, flimkien mar-rekwiżiti tal-Artikolu 67 u tan-Nru 19 tal-Anness XVII tar-Regolament REACH, jibqax post għal leġiżlazzjoni nazzjonali. Ir-risposta għal din id-domanda tippresupponi li l-arbli tat-telekomunikazzjonijiet ttrattati ma humiex skart u għalhekk japplika r-Regolament REACH.

55.

Skont l-Artikolu 1 tiegħu, l-għanijiet tar-Regolament REACH huma li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent […] kif ukoll il-moviment liberu ta’ sustanzi filwaqt li jiġu mtejba l-kompetittività u l-innovazzjoni ( 14 ). Il-moviment liberu fis-suq intern huwa ggarantit b’mod partikolari bil-fatt li, skont l-Arikolu 128(1) tar-Regolament REACH, l-Istati Membri ma għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jostakolaw il-manifattura, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ sustanza, waħidha, fi preparat jew f’oġġett, li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, li tikkonforma ma’ dan ir-Regolament u, fejn ikun il-każ, mal-atti Komunitarji adottati fl-implementazzjoni tiegħu.

56.

Skont l-Artikolu 128(2) tar-Regolament REACH dan ma għandux jipprekludi lill-Istati Membri milli jżommu jew jistabbilixxu regoli nazzjonali sabiex jipproteġu l-ħaddiema, is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent li japplikaw fil-każijiet fejn dan ir-Regolament ma jarmonizzax ir-rekwiżiti dwar l-użu.

57.

Għalhekk għandu jiġi stabbilit jekk l-użu ta’ injam ittrattat għall-kostruzzjoni ta’ pontijiet tal-injam ġiex armonizzat bl-Artikolu 67 u bin-Nru 19 tal-Anness XVII tar-Regolament REACH.

58.

Skont l-Artikolu 67(1) tar-Regolament REACH, sustanza waħidha, fi preparat jew f’oġġett, li hija suġġetta għal restrizzjoni skont l-Anness XVII, ma għandhiex tintuża għajr jekk tkun tikkonforma mal-kundizzjonijiet tal-imsemmija restrizzjoni.

59.

It-test tar-restrizzjonijiet previsti huwa eżawrjenti. Skont dawn, l-injam ittrattat permezz ta’ sustanzi li fihom l-arseniku jista’ jintuża jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmijin sabiex jiġi eżentat mill-projbizzjoni fil-prinċipju tal-użu tiegħu. L-istess jgħodd għall-injam ittrattat magħżul għal użu ġdid. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet ma jħallux lok biex id-dritt nazzjonali jistabbilixxi regoli addizzjonali fis-sens tal-Artikolu 128(2) tar-Regolament REACH.

60.

Din il-konklużjoni taqbel mal-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lid-Direttiva 76/769, minn fejn ittieħdu l-projbizzjonijiet tal-użu ta’ sustanzi li fihom l-arseniku. Diġà, skont dak it-test, Stat Membru ma setax jissuġġetta għal kundizzjonijiet oħrajn, ħlief dawk li kienet tipprevedi d-direttiva, l-użu ta’ prodott li s-sustanza attiva tiegħu — f’dan il-każ, soluzzjonijiet ibbażati fuq l-arseniku — tidher fl-Anness I tiegħu ( 15 ).

61.

Skont il-formulazzjoni ta’ din id-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li, f’każ ta’ armonizzazzjoni fis-sens tal-Artikolu 128(2) tar-Regolament REACH ma jkunx hemm lok għal dispożizzjonijiet nazzjonali ħlief skont l-Artikolu 67(3). Din id-dispożizzjoni tawtorizza, mingħajr dubju, lil Stat Membru li jżomm provviżorjament restrizzjonijiet eżistenti iktar stretti sal-1 ta’ Ġunju 2013, imma jeħtieġ li dawn ikunu ġew innotifikati lill-Kummissjoni. Skont id-dikjarazzjonijiet tal-Finlandja stess, din ma nnotifikat l-ebda leġiżlazzjoni ta’ dan it-tip ( 16 ).

62.

Min-natura tagħhom, tali restrizzjonijiet iktar stretti huma regoli tekniċi skont id-Direttiva 98/34 ( 17 ) li jistgħu jaffettwaw il-moviment liberu tal-merkanzija. B’mod differenti mill-miżuri ta’ protezzjoni msaħħa tal-ambjent tal-Artikolu 193 TFUE ( 18 ), notifika lill-Kummissjoni hija, għalhekk, kundizzjoni għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet skont l-Artikolu 67(3) tar-Regolament REACH ( 19 ).

63.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġustament tirreferi għall-klawżola ta’ salvagwardja tal-Artikolu 129 tar-Regolament REACH, li tawtorizza taħt ċerti kundizzjonijiet lill-Istati Membri biex jirrikorru għal azzjonijiet ta’ urġenza, kif ukoll għall-Artikolu 114(5) TFUE fejn l-Istati Membri, fuq il-bażi ta’ provi xjentifiċi ġodda, għandhom il-fakultà li jitolbu l-approvazzjoni ta’ miżuri iktar stretti. F’dan il-każ ma sarx użu minn xi waħda minn dawn iż-żewġ għażliet.

64.

Għalhekk, it-tielet domanda għandha tingħata risposta fis-sens li l-Artikolu 67 u l-Anness XVII tar-Regolament REACH jarmonizzaw, skont l-Artikolu 128(2) tal-istess regolament, ir-rekwiżiti dwar il-manifattura, it-tqegħid fis-suq jew l-użu tat-taħlitiet u oġġetti previsti f’dak l-anness, b’mod li rekwiżiti nazzjonali iktar stretti dwar dan l-użu ma humiex possibbli ħlief bis-saħħa tar-regolament, pereżempju tal-Artikolu 129 tiegħu, jew bis-saħħa tal-Artikolu 114(5) TFUE.

D – Fuq l-ewwel żewġ domandi

65.

Sabiex tingħata risposta għall-ewwel żewġ domandi, l-ewwel nett għandu jiġi premess li l-arbli tat-telekomunikazzjonijiet imneħħijin saru skart. Fl-ewwel domanda tagħha, il-Korkein hallinto-oikeus tixtieq tkun taf jekk dawn l-arbli setgħux jitilfu l-istatus tagħhom ta’ skart ladarba kienu ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 6(1) tad-direttiva l-ġdida dwar l-iskart, u b’mod partikolari jekk dan huwiex il-każ anki jekk kellhom jiġu kkunsidrati bħala skart perikoluż minħabba li ġew ittrattati permezz ta’ prodott ta’ protezzjoni tal-injam. It-tieni domanda tirrigwarda r-rilevanza tar-regoli tar-Regolament REACH għall-użu ta’ injam ittrattat f’dan il-kuntest.

66.

Kif ser nuri iktar ’il quddiem, l-eventwalità tat-telf tal-istatus ta’ skart tal-injam ittrattat għandha tiġi evalwata f’dan il-każ mhux taħt l-Artikolu 6(1) tad-direttiva dwar l-iskart (ara iktar ’il quddiem il-punt 1) imma taħt l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(4) (ara iktar ’il quddiem il-punt 2). Madankollu, għall-finijiet ta’ risposta utli għad-domanda preliminari ( 20 ), ser neżamina ż-żewġ domandi fid-dawl tat-tieni dispożizzjoni, jiġifieri fuq il-bażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara iktar ’il quddiem il-punt 3).

1. Dwar l-Artikolu 6(1) tad-direttiva dwar l-iskart

67.

Skont l-Artikolu 6(1) tad-direttiva dwar l-iskart, ċertu skart speċifiku ma jibqax jitqies bħala skart meta jkun għadda minn operazzjoni ta’ rkupru jew ta’ riċiklaġġ u jissodisfa kriterji speċifiċi li jiġu speċifikati fl-osservanza ta’ erba’ kundizzjonijiet spjegati fid-dettall. Għalhekk din id-dispożizzjoni ma tindikax direttament f’liema kundizzjonijiet skart ma għandux jibqa’ kkunsidrat bħala skart, imma tistabbilixxi qafas ta’ kundizzjonijiet li jippermetti li tiġi solvuta din il-kwistjoni għal ċertu skart ( 21 ).

68.

Il-ħtieġa ta’ regoli speċifiċi fuq it-tmiem tal-istatus ta’ skart hija kkonfermata mit-tieni inċiż tal-punt 22 tal-premessi tad-direttiva dwar l-iskart. Dan isemmi fost l-oħrajn il-kategoriji ta’ skart li fir-rigward tagħhom jistgħu jiġu adottati tali regoli.

69.

Għaldaqstant, l-Artikolu 6(1) tad-direttiva dwar l-iskart, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ implementazzjoni speċifiċi, ma jipprovdix bażi biex jiġi stabbilit li ċertu skart ma għandux jibqa’ jiġi kkunsidrat bħala tali.

70.

Skont l-Artikolu 6(2) tad-direttiva dwar l-iskart, il-miżuri ta’ implementazzjoni jiġu adottati mill-Unjoni skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju. Bħalissa teżisti leġiżlazzjoni għal ċerti tipi ta’ ruttam ( 22 ) u qed jiġu studjati regoli oħrajn ( 23 ). Għall-injam, inkluż l-injam ittrattat bil-kimika, ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni li qed tiġi mfassla, partikolarment għaliex l-utilità ta’ riċiklaġġ biex jerġa’ jkun hemm użu mill-ġdid jidher li hija ristretta meta mqabbla mal-ħruq tiegħu għall-produzzjoni tal-enerġija ( 24 ).

71.

Għalhekk, l-Artikolu 6(1) tad-direttiva dwar l-iskart ma japplikax.

2. Fuq l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(4) tad-direttiva dwar l-iskart

72.

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(4) tad-direttiva dwar l-iskart tipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu każ b’każ jekk ċertu skart ma għadux tali wara li titqies il-ġurisprudenza applikabbli.

73.

Il-Kummissjoni tikkunsidra, għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet sostanzjali biex tingħata deċiżjoni skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(4) tad-direttiva dwar l-iskart, li l-Istati Membri huma obbligati li jirrispettaw l-Artikolu 6(1). Dan jidher li huwa raġonevoli imma skont il-kliem tal-Artikolu 6(4) huwa biżżejjed li l-Istati Membri jqisu l-ġurisprudenza applikabbli.

74.

Ma tantx huwa ċar għal liema raġuni din ir-referenza għall-ġurisprudenza, u mhux għall-Artikolu 6(1), sabet postha fid-direttiva dwar l-iskart. Il-proposta tal-Kummissjoni ma kinitx għadha tipprevedi kompetenza speċifika tal-Istati Membri f’dan il-qasam ( 25 ). Din ġiet introdotta mill-Kunsill u kellha tiġi eżerċitata l-ewwel nett fuq il-bażi tas-sitwazzjoni legali attwali ( 26 ). Seta’ kien hemm referenza għall-kundizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva dwar l-iskart. Imma wara, ir-referenza għas-sitwazzjoni legali ġiet issostitwita b’referenza għall-ġurisprudenza ( 27 ). Din setgħet kienet reazzjoni għall-biża’ li l-ġurisprudenza fuq il-kunċett ta’ skart setgħet titpoġġa fid-dubju b’leġiżlazzjoni fuq it-tmiem tal-istatus ta’ skart ( 28 ). Iżda ma hemmx referenzi għall-validità tal-kriterji tal-paragrafu 1.

75.

Għandu jiġi konkluż li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, bis-saħħa tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(4) tad-direttiva l-ġdida dwar l-iskart, il-ġurisprudenza fuq it-tmiem tal-istatus ta’ skart. F’dan il-kuntest jeħtieġ li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun preponderanti billi, f’każ kuntrarju, id-dritt dwar l-iskart ma jiġix applikat b’mod omoġenju.

3. Il-ġurisprudenza fuq it-tmiem tal-istatus ta’ skart

76.

Il-Qorti tal-Ġustizzja titlaq mill-prinċipju li sustanza żżomm l-istatus tagħha ta’ skart, skont id-definizzjoni tal-Artikolu 1(a) tad-direttiva dwar l-iskart, meta għand min tkun jarmiha jew ikollu l-intenzjoni jew l-obbligu li jarmiha ( 29 ). Dan il-kunċett ta’ skart għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan tad-direttiva dwar l-iskart li, skont is-sitt premessa tagħha, huwa l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent kontra l-effetti ta’ ħsara kkawżati mill-produzzjoni u t-trattament tal-iskart kif ukoll skont l-Artikolu 191(2) TFUE li jipprovdi li l-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent għandu jkollha l-mira ta’ protezzjoni ta’ livell għoli li tkun ibbażata fuq il-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva. Għaldaqstant il-kunċett ta’ skart ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv ( 30 ).

77.

Id-deċiżjonijiet rilevanti jirrigwardaw l-irkupru tal-iskart. Il-fatt li s-sustanza hija r-riżultat ta’ operazzjoni ta’ rkupru kompleta jikkostitwixxi biss, fil-prinċipju, wieħed mill-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati għad-determinazzjoni jekk hemmx skart. Imma dan ma jippermettix, bħala tali, li wieħed jasal għal konklużjoni definittiva f’dan ir-rigward ( 31 ).

78.

Indipendentement miż-żamma eventwali tal-klassifikazzjoni bħala skart, operazzjoni ta’ rkupru kompleta hija suġġetta barra minn dan għal rekwiżiti għolja f’dan il-kuntest. Sustanza hija suġġetta għal din l-operazzjoni meta hija takkwista b’dan il-mod l-istess proprjetajiet u karatteristiċi bħal materja prima u ssir utilizzabbli fl-istess kundizzjonijiet ta’ prekawzjoni għall-ambjent ( 32 ).

79.

Huwa biss għal ċerti forom ta’ rkupru li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li s-sustanzi li jirriżultaw fl-ebda każ ma jibqgħu skart. Dan jgħodd għar-riċiklaġġ tal-iskart tal-ippakkjar ( 33 ) u għat-trasformazzjoni ta’ skart tal-ħadid f’prodotti tal-azzar li tant jixbhu prodotti oħrajn tal-azzar ġejjin minn materja prima li bilkemm jistgħu jiġu distinti ( 34 ). L-irkupru ta’ skart minn gass ippurifikat, użat bħala kombustibbli, jilħaq kwalità simili ( 35 ).

80.

F’dan il-każ, għandhom jiġu kkunsidrati żewġ proċessi ta’ rkupru. L-ewwel nett, il-kontroll u l-użu mill-ġdid ta’ arbli ta’ telekomunikazzjonijiet użati bħala materjal ta’ kostruzzjoni u, it-tieni nett, l-użu effettiv tagħhom bħala pedament tal-pontijiet tal-injam.

a) Verifika tal-arbli tal-injam

81.

Fir-rigward tal-ewwel stadju, il-verifika tal-arbli tal-injam ma turix xogħlijiet intensivi biżżejjed fuq l-arbli tat-telekomunikazzjonijiet ittrattati.

82.

Verament li skont l-Artikolu 3(16) tad-direttiva dwar l-iskart, anki s-sempliċi kontroll tal-materjali għal preparazzjoni għall-użu mill-ġdid jista’ jiġi kkunsidrat bħala operazzjoni ta’ rkupru. U skont l-aħħar sentenza tal-premessa 22, operazzjoni ta’ rkupru tista’ tkun sempliċi daqs l-ikkontrollar tal-iskart biex ikun verifikat li jissodisfa l-kriterji tat-tmiem tal-iskart. Il-kontroll li probabbilment sar f’dan il-każ ma kienx, madankollu, biżżejjed biex jassimila l-iskart ikkontrollat ma’ materja prima u prodotti.

83.

L-ewwel nett, il-kontroll u l-għażla tal-arbli ma għandhomx bħala għan, skont id-definizzjoni tal-Artikolu 3(16) tad-direttiva dwar l-iskart, li jintużaw mill-ġdid għall-istess skop, jiġifieri bħala arbli tat-telekomunikazzjonijiet, imma li jiġu użati bħala materjali ta’ kostruzzjoni għall-pontijiet tal-injam.

84.

It-tieni nett, l-użu tal-materjali jibqa’ inċert minkejja l-kontroll. Anki għal din ir-raġuni wieħed ma jistax jeskludi li d-detentur tagħhom jarmihom ( 36 ).

85.

It-tielet nett, u finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat diversi drabi li kontaminazzjoni li ddum ta’ prodotti b’sustanzi tossiċi, b’mod partikolari tal-prodotti ta’ protezzjoni tal-injam ( 37 ), twassal biex dawn jibqgħu jiġu kkunsidrati bħala skart ( 38 ). L-arbli tat-telekomunikazzjonijiet jibqgħu miksijin bi prodotti ta’ protezzjoni tal-injam.

86.

Raġuni importanti għalfejn għandu jiġi preżunt li materjal ikkontaminat jibqa’ skart tidher fl-Artikolu 13 tad-direttiva dwar l-iskart. Skont din id-dispożizzjoni, il-ġestjoni ta’ skart issir mingħajr ma titpoġġa fil-perikolu s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent. Fil-każ ta’ dubju, l-irkupru ta’ skart perikoluż ma għandux ikollu bħala konsegwenza li ma jibqax suġġett għad-dritt tal-iskart sakemm ikun hemm il-biża’ ta’ dan il-perikolu jew ħsara.

b) L-użu ta’ arbli għall-bini ta’ pontijiet tal-injam

87.

Kif tirrimarka ġustament il-qorti tar-rinviju, it-tieni proċess, l-użu tal-arbli tat-telekomunikazzjonijiet ittrattati biex jinbnew pontijiet tal-injam jeskludi li d-detentur tagħhom jarmihom jew għandu l-intenzjoni li jarmihom. Mill-proċess jirriżulta li l-arbli għandhom funzjoni ta’ pedamenti li jżommu l-pontijiet. Mingħajrhom, l-istabbiltà u l-funzjoni tal-pontijiet ikunu kompromessi. Dan ma huwiex l-għan imfittex mid-detentur tal-injam.

88.

Anki f’dan il-proċess ta’ rkupru, it-telf tal-istatus ta’ skart jista’ jsir impossibbli minħabba l-fatt li l-injam jibqa’ kkontaminat bil-kisja protettriċi u għalhekk ma jkunx tilef il-proprjetajiet li jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni tiegħu bħala skart perikoluż. Minn dan jista’ jirriżulta obbligu ta’ rimi li, skont id-definizzjoni ta’ skart fl-Artikolu 3(1) tad-direttiva dwar l-iskart, iwassal ukoll biex l-injam jiġi kkunsidrat bħala skart.

89.

Dan l-obbligu jkun jeżisti kieku l-użu tal-injam għall-bini ta’ pontijiet tal-injam kien azzjoni ta’ rkupru inkompatibbli mad-direttiva dwar l-iskart. Hawnhekk, mill-ġdid, wieħed għandu jaħseb fl-Artikolu 13 tad-direttiva, u għaldaqstant fil-projbizzjoni li s-saħħa tal-bniedem titqiegħed fil-perikolu jew li ssir ħsara lill-ambjent. Minn dan l-Awstrija tasal għall-konklużjoni li l-iskart perikoluż, bħal, pereżempju, l-injam ittrattat, ma jistax jitlef l-istatus tiegħu ta’ skart.

90.

Dan l-argument ifakkar ġustament il-fatt li għandhom jiġu rrispettati f’kull każ ir-regoli speċifiċi tad-direttiva dwar l-iskart li jirrigwardaw l-iskart perikoluż, pereżempju, it-traċċabbiltà sad-destinazzjoni finali tiegħu fl-Artikolu 17 jew il-projbizzjoni li jitħallat fl-Artikolu 18.

91.

Minbarra l-Artikolu 13 tagħha, id-direttiva dwar l-iskart ma fihiex regoli fuq il-mod ta’ kif jintuża l-iskart tal-injam perikoluż. Għalhekk, wieħed għandu jistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet imsemmijin diġà fir-Regolament REACH jistgħux jipprovdu indikazzjonijiet hawnhekk.

92.

Mingħajr dubju, ir-Regolament REACH, skont l-Artikolu 2(2) tiegħu, ma japplikax għall-iskart. Madankollu jkun kontradittorju li wieħed jiddeduċi mill-Artikolu 13 tad-direttiva dwar l-iskart rekwiżiti iktar stretti għall-użu ta’ skart li d-detentur tiegħu ma jarmihx (jew ma jarmihx iktar) u li ma jkollux l-intenzjoni li jarmih (jew jarmih iktar), minn dawk applikabbli għal sustanzi identiċi li ma jkunux skart. Fi kwalunkwe każ għandha tiġi evitata kontradizzjoni bħal din meta jeżistu regoli li għandhom għan paragunabbli ma’ dak tal-Artikolu 13 għal sustanzi ta’ dan it-tip.

93.

F’dan is-sens, ir-Regolament REACH, skont l-Artikolu 1(1), huwa intiż ukoll biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent ( 39 ).

94.

Minkejja dan l-għan, ma hemmx obbligu li jiġi kkunsidrat kull użu ta’ sustanzi, taħlitiet jew prodotti li jkun awtorizzat skont dan ir-regolament, kif ukoll irkupru ta’ skart u partikolarment skart perikoluż. Fil-fatt, huwa minnu li r-Regolament REACH jinkludi fih numru kbir ta’ sustanzi, taħlitiet jew prodotti, imma jirregola l-użu tagħhom fi ftit każijiet biss. Dawn huma każijiet li joħolqu riskji partikolarment għoljin għas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent. Għaldaqstant, minkejja li l-Artikolu 128(1) tar-Regolament jistabbilixxi l-prinċipju tal-użu liberu tal-materjali kkonċernati, l-Istati Membri jistgħu, madankollu, skont il-paragrafu 2 tiegħu, jillimitawh sabiex, fost affarijiet oħrajn, jipproteġu s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, sa fejn ir-regolament ma jarmonizzax [ir-rekwiżiti dwar] dan l-użu.

95.

Kif spjegajt diġà, teżisti fir-Regolament REACH tali leġiżlazzjoni armonizzata għall-użu ta’ injam ittrattat permezz ta’ soluzzjoni ta’ RKA ( 40 ).

96.

Għalhekk din l-evalwazzjoni tal-leġiżlatur għandha sservi bħala punt ta’ referenza sabiex jiġi stabbilit b’liema mod skart paragunabbli jista’ jiġi użat.

97.

Għalhekk, l-ewwel żewġ domandi għandhom jingħataw risposta fis-sens li, skont l-Artikolu 6(4) tad-direttiva dwar l-iskart, skart perikoluż ma għandux jibqa’ kkunsidrat bħala skart meta għandu jiġi rrikonoxxut li d-detentur tiegħu mhux ser jarmih iktar jew ma għadx għandu l-intenzjoni jew l-obbligu li jarmih, għaliex l-irkupru tiegħu qiegħed fil-forma ta’ użu li r-regoli armonizzati skont l-Artikolu 128(2) tar-Regolament REACH jawtorizzaw espressament.

V – Konklużjoni

98.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari kif ġej:

1.

L-elenkar tal-applikazzjonijiet tal-injam ittrattat permezz ta’ soluzzjoni ta’ RKA li jidher fin-Nru 19(4)(b) tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), fil-verżjoni tar-Regolament (UE) Nru 836/2012, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi b’mod eżawrjenti l-applikazzjonijiet [awtorizzati] kollha.

2.

L-użu, inkwistjoni f’dan il-każ, ta’ injam ittrattat permezz ta’ soluzzjoni ta’ RKA ta’ tip C għall-pedament ta’ pont tal-injam jista’ jiġi kkunsidrat bħala użu għall-“pontijiet” skont it-tieni inċiż tan-Nru 19(4)(b) tal-Anness XVII tar-Regolament Nru 1907/2006.

3.

L-użu ta’ injam ittrattat permezz ta’ soluzzjoni ta’ RKA skont it-tieni inċiż tan-Nru 19(4)(d) tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa pprojbit meta l-probabbiltà ta’ kuntatt mal-ġilda ripetut ma jkunx negliġibbli fil-kundizzjonijiet ta’ użu normali jew raġonevolment prevedibbli.

4.

L-Artikolu 67 u l-Anness XVII tar-Regolament REACH jarmonizzaw, skont l-Artikolu 128(2) tal-istess regolament, ir-rekwiżiti dwar il-manifattura, it-tqegħid fis-suq jew l-użu tat-taħlitiet u oġġetti previsti f’dak l-anness, b’mod li rekwiżiti nazzjonali iktar stretti dwar dan l-użu ma humiex possibbli ħlief bis-saħħa tar-regolament, pereżempju tal-Artikolu 129 tiegħu, jew bis-saħħa tal-Artikolu 114(5) TFUE. L-Artikolu 67 u l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 REACH jarmonizzaw ir-rekwiżiti dwar il-manifattura, it-tqegħid fis-suq jew l-użu skont l-Artikolu 128(2) tal-istess regolament, b’mod li rekwiżiti nazzjonali iktar stretti ma humiex possibbli ħlief bis-saħħa tar-regolament, pereżempju bl-Artikolu 128 tiegħu, jew bis-saħħa tal-Artikolu 114(5) TFUE.

5.

Skont l-Artikolu 6(4) tad-direttiva dwar l-iskart, skart perikoluż ma għandux jibqa’ jiġi kkunsidrat bħala skart meta għandu jiġi rrikonoxxut li d-detentur tiegħu mhux ser jarmih iktar jew ma għadx għandu l-intenzjoni jew l-obbligu li jarmih, għaliex l-irkupru tiegħu qiegħed fil-forma ta’ użu li r-regoli armonizzati skont l-Artikolu 128(2) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jawtorizzaw espressament.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, p. 3).

( 3 ) Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 4) fil-verżjoni tar-Regolament (UE) Nru 836/2012 tal-Kummissjoni, tat-18 ta’ Settembru 2012, li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward taċ-ċomb ( ĠU L 252, p. 4).

( 4 ) Direttiva tal-Kunsill tas-27 ta’ Lulju 1976 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 3, p. 317.).

( 5 ) Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, dwar l-iskart (ĠU L 114, p. 9).

( 6 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

( 7 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 15 tal-osservazzjonijiet.

( 8 ) Eżempju tajjeb huwa r-Regolament (UE) Nru 836/2012, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

( 9 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.

( 10 ) Direttiva tal-Kummissjoni 2003/2/KE, tas-6 ta’ Jannar 2003, dwar restrizzjonijiet fuq il-marketing u l-użu tal-arseniku (l-għaxar adattament għall-progress tekniku tad-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 58).

( 11 ) Din hija l-“Opinion on the report by WS Atkins International Ltd (vol B), Assessment of the risks to health and to the environment of arsenic in wood preservatives and of the effects of further restrictions on its marketing and use expressed at the 5th CSTEE plenary meeting, Brussels,15 September 1998” (http://ec.europa.eu/health/scientific_committees/environmental_risks/opinion/sctee/sct_out18_en.htm) u tal-“Position Paper on: Ambient Air Pollution by Arsenic Compounds – Final Version, October 2000, Opinion expressed at the 24th CSTEE plenary meeting, Brussels, 12 June 2001” (http://ec.europa.eu/health/scientific_committees/environmental_risks/opinion/sctee/sct_out106_en.htm).

( 12 ) Anness XI, Nru 3.2(c)(ii) tar-Regolament REACH.

( 13 ) Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2003, Monsanto Agricoltura Italia et (C-236/01, Ġabra p. I-8105, punt 106); tal-5 ta’ Frar 2004, Greenham u Abel (C-95/01, Ġabra p. I-1333, punt 43); tat-2 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-41/02, Ġabra p. I-11375, punt 52), u tat-28 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Franza (C-333/08, Ġabra p. I-757, punt 91). Ara, ukoll, is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA, tal-5 ta’ April 2001, L-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA vs In-Norveġja (E-3/00, Rapporti tal-Qorti tal-EFTA 2000-2001, p. 73, punti 36 sa 38).

( 14 ) Sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, S.P.C.M. et (C-558/07, Ġabra p. I-5783, punti 35 u 44).

( 15 ) Sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, Cindu Chemicals et (C-281/03 u C-282/03, Ġabra p. I-8069, punt 49).

( 16 ) Nota 14 tal-osservazzjonijiet tal-Finlandja.

( 17 ) Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337).

( 18 ) Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2011, Azienda Agro-Zootecnica Franchini u Eolica di Altamura (C-2/10, Ġabra, p. I-6561, punt 53).

( 19 ) Ara, fir-rigward tad-Direttiva 98/34, is-sentenzi tat-30 ta’ April 1996, CIA Security International (C-194/94, Ġabra p. I-2201, punti 45 sa 54); tat-8 ta’ Settembru 2005, Lidl Italia (C-303/04, Ġabra p. I-7865, punt 23), u tal-15 ta’ April 2010, Sandström (C-433/05, Ġabra p. I-2885, punt 43).

( 20 ) Ara b’mod partikolari, fir-rigward tal-ħtieġa li domanda preliminari tiġi interpretata sabiex tingħata risposta utli, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1979, Union Laitière normande (244/78, Ġabra p. 2663, punt 5), tat-12 ta’ Diċembru 1990, SARPP (C-241/89, Ġabra p. I-4695, punt 8), u tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C-275/06, Ġabra p. I-271, punt 42).

( 21 ) Petersen, “Entwicklungen des Kreislaufwirtschaftsrechts, die neue Abfallrahmenrichtlinie – Auswirkungen auf das Kreislaufwirtschafts- und Abfallgesetz”, Neue Zeitschrift für Verwaltungsrecht, p. 1063, 1066, jitkellem fuq riżerva għal konkretizzazzjoni.

( 22 ) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 333/2011, tal-31 ta’ Marzu 2011, li jistabbilixxi kriterji li jiddeterminaw meta ċerti tipi ta’ metall skreppjat ma jibqgħux jitqiesu bħala skart skont id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 94, p. 2).

( 23 ) Għal deskrizzjoni ġenerali ara http://susproc.jrc.ec.europa.eu/activities/waste/index.html.

( 24 ) A. Villanueva et, “Study on the selection of waste streams for end-of-waste assessment”, Luxembourg 2010 (http://ftp.jrc.es/EURdoc/JRC58206.pdf, p. 62 et seq u 118 et seq).

( 25 ) Ara l-Artikolu 11 tal-Proposta tal-21 ta’ Diċembru 2005, COM(2005) 667 finali, p. 20.

( 26 ) Ara d-dokumenti tal-Kunsill 6891/07 tat-28 ta’ Frar 2007, p. 11, u 7328/07 tat-13 ta’ Marzu 2007, p. 12.

( 27 ) Dokument tal-Kunsill 8465/07 tas-17 ta’ April 2007, p. 13.

( 28 ) Ara l-pożizzjoni li ħadet id-Danimarka, dokument tal-Kunsill 7347/07 tal-15 ta’ Marzu 2007, p. 13.

( 29 ) Sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2000, ARCO Chemie Nederland et (C-418/97 u C-419/97, Ġabra p. I-4475, punt 94), u tat-18 ta’ April 2002, Palin Granit u Vehmassalon kansanterveystyön kuntayhtymän hallitus (C-9/00, Ġabra p. I-3533, punt 46).

( 30 ) Sentenzi ARCO Chemie Nederland et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punti 36 sa 40); Palin Granit u Vehmassalon kansanterveystyön kuntayhtymän hallitus (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 23), u tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer (C-188/07, Ġabra p. I-4501, punti 38 et seq).

( 31 ) Sentenza ARCO Chemie Nederland et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 95).

( 32 ) Sentenzi ARCO Chemie Nederland et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punti 94 u 96), Palin Granit u Vehmassalon kansanterveystyön kuntayhtymän hallitus (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 46), u tat-22 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-283/07, punt 61; il-parti dispożittiva tas-sentenza hija ppublikata fil-Ġabra 2008 p. I-198*).

( 33 ) Sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2003, Mayer Parry Recycling (C-444/00, Ġabra p. I-6163, punt 75).

( 34 ) Sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, Niselli (C-457/02, Ġabra p. I-10853, punt 52).

( 35 ) Sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 2008, Lahti Energia (C-317/07, Ġabra p. I-9051, punt 35), u tal-25 ta’ Frar 2010, Lahti Energia II (C-209/09, Ġabra p. I-1429, punt 20).

( 36 ) Ara s-sentenza Palin Granit u Vehmassalon kansanterveystyön kuntayhtymän hallitus (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 38).

( 37 ) Sentenza ARCO Chemie Nederland et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punti 87 u 96).

( 38 ) Sentenzi Palin Granit u Vehmassalon kansanterveystyön kuntayhtymän hallitus (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 43), Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punti 61 et seq), u Lahti Energia II (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punti 23 et seq).

( 39 ) Sentenza S.P.C.M. et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14.

( 40 ) Ara hawn, il-punti 56 et seq.

Top