Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CC0282

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mazák - 13 ta' Settembru 2012.
    Concepción Salgado González vs Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) u Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS).
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal Superior de Justicia de Galicia - Spanja.
    Artikolu 48 TFUE - Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti - Regolamenti (KEE) Nru 1408/71 u (KE) Nru 883/2004 - Assigurazzjoni għax-xjuħija u għall-mewt - Proċeduri speċjali għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-assigurazzjoni għax-xjuħija - Kalkolu tal-benefiċċji.
    Kawża C-282/11.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:567

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    MAZÁK

    ippreżentati fit-13 ta’ Settembru 2012 ( 1 )

    Kawża C-282/11

    Concepción Salgado González

    vs

    Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) u

    Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS)

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (Spanja)]

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Pensjoni tax-xjuħija — Kalkolu ta’ benefiċċji”

    I – Introduzzjoni

    1.

    B’digriet tad-9 ta’ Mejju 2011, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Ġunju 2011, it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (Spanja) irrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari erba’ domandi dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971 ( 2 ) kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006 ( 3 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”) u tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali ( 4 ) kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”) ( 5 ).

    2.

    Id-domandi ġew magħmula fil-kuntest ta’ proċeduri bejn C. Salgado González u l-Instituto Nacional de la Seguridad Social (l-Istitut Nazzjonali għas-Sigurtà Soċjali, iktar ’il quddiem l-“INSS”) u t-Tesorería General de la Seguridad Social (Il-Fond Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali, iktar ’il quddiem it-“TGSS”) fir-rigward tal-kalkolu tal-pensjoni tax-xjuħija ta’ C. Salgado González. Il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob kjarifika dwar jekk l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 jew tar-Regolament Nru 883/2004 flimkien mal-Artikolu 162(1) tal-Liġi Ġenerali Spanjola dwar is-Sigurtà Soċjali (Ley General de la Seguridad Social) twassalx għal tnaqqis indebitu tal-pensjoni ta’ ħaddiem migrant li jaħdem għal rasu.

    II – Il-kuntest legali

    A – Id-dritt tal-Unjoni

    3.

    L-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li:

    “Fejn il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru tagħmel l-akkwist, ir-retenzjoni u l-irkuprar tad-dritt tal-benefiċċji, taħt skema li mhix skema speċjali fl-ambitu tat-tifsira tal-paragrafu 2 jew 3, suġġetti għat-twettiq ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni jew residenza, l-istituzzjoni kompetenti ta’ dak l-Istat Membru tieħu inkonsiderazzjoni, fejn meħtieġ, tal-perijodi ta’ assigurazzjoni jew residenza mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor, sew jekk taħt skema ġenerali jew taħt skema speċjali u sew jakk bħala persuna impjegata kif ukoll jekk persuna li taħdem għal rasha. Għal dan l-iskop, hija tieħu inkonsiderazzjoni dawn il-perijodi bħallikieku twettqu taħt il-leġiżlazzjoni tagħha.”

    4.

    L-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jippreċiża li:

    “Fejn l-kondizzjonijiet mitluba mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru għall-intitolar ta’ benefiċċji jissodisfaw biss wara l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 45 [u /] jew ta’ l-Artikolu 40(3), japplikaw ir-regoli li ġejjin:

    (a)

    l-istituzzjoni kompetenti tikkalkula l-ammont teoretiku tal-benefiċċju li għalih il-persuna kkonċernata tkun tista’ tagħmel it-talba basta l-perijodi kollha ta’ l-assigurazzjoni u/jew tar-residenza, li kienu mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri li għalihom il-persuna impjegata jew li taħdem għal rasha kienet suġġetta, jkunu ġew imwettqa fl-Istat inkwistjoni taħt il-leġiżlazzjoni li hija tamministra fil-jum tal-għoti tal-benefiċċju. Jekk, taħt din il-leġiżlazzjoni, l-ammont tal-benefiċċju huwa indipendenti mit-tul tal-perjodi mwettqa, l-ammont jitqies bħala li jkun l-ammont teoretiku li għalih hemm riferenza f’dan il-paragrafu;

    (b)

    l-istituzzjoni kompetenti sussegwentement tiddetermina l-ammont attwali tal-benefiċċju abażi tal-ammont teoretiku li għalih hemm riferenza fil-paragrafu preċedenti skond il-proporzjon tat-tul taż-żmien tal-perjodi ta’ assigurazzjoni jew tar-residenza mwettqa qabel il-materjalizzazzjoni tar-riskju taħt il-leġislazzjoni li hija tamministra mat-tul taz-żmien totali tal-perjodi ta’ assigurazzjoni u tar-residenza mwettqa qabel il-materjalizzazzjoni tar-riskju taħt il-leġislazzjonijiet ta’ l-Istati Membri kollha kkonċernati.”

    5.

    L-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jippreċiża li:

    “Għall-kalkolu ta’ l-ammonti teoretiċi u pro rata msemmija fl-Artikolu 46(2), jkunu japplikaw ir-regoli li ġejjin:

    […]

    (g) fejn, taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, il-benefiċċji huma kkalkulati abażi ta’ kontribuzzjonijiet medji, l-istituzzjoni kompetenti tiddetermina dik il-medja b’riferenza biss għal dawk il-perjodi ta’ assigurazzjoni mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat imsemmi.”

    6.

    Konformi mal-Artikolu 89 tar-Regolament Nru 1408/71, fl-Anness VI ġew stabbiliti proċeduri speċjali għall-implementazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet ta’ ċerti Stati Membri.

    7.

    It-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi:

    “(a)

    Taħt l-Artikolu 47 tar-Regolament, il-kalkolu tal-benefiċċju teoretiku Spanjol isir abbażi tal-kontribuzzjonijiet attwali tal-persuna assigurata matul is-snin immedjatament qabel il-pagament tal-aħħar kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali Spanjola.

    (b)

    L-ammont tal-pensjoni miksub jkun miżjud bl-ammont taż-żidiet u tar-rivalutazzjonijiet ikkalkolati għal kull sena sussegwenti, għal pensjonijiet tal-istess natura.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    8.

    Ir-Regolament 1408/71 kien imħassar bir-Regolament Nru 883/2004 mill-1 ta’ Mejju 2010, li hija d-data minn meta beda japplika l-aħħar regolament.

    B – Il-liġi nazzjonali

    9.

    L-Artikolu 161(1)(b) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali jissuġġetta d-dritt għal pensjoni tax-xjuħija, għal kundizzjoni, inter alia,li jkunu tħallsu kontribuzzjonijiet għal tal-inqas 15-il sena. L-Artikolu 162(1) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali jipprovdi li ‘l-bażi biex tiġi ddeterminata l-pensjoni tal-irtirar taħt l-iskema kontributorja jkun il-kwozjent li joħroġ wara li ssir id-diviżjoni b’210 tal-bażi ta’ kontribuzzjonijiet tal-parti kkonċernata matul il-180 xahar immedjatament qabel ix-xahar preċedenti għall-avveniment operattiv’.

    III – Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    10.

    C. Salgado González għamlet kontribuzzjonijiet fi Spanja fl-Iskema Speċjali għall-Persuni li Jaħdmu Għal Rashom (Régimen Especial de Trabajadores Autónomos), għal total ta’ 3 711-il ġurnata, mill-1 ta’ Frar 1989 sal-31 ta’ Marzu 1999, u fil-Portugall għal total ta’ 2100 ġurnata, mill-1 ta’ Marzu 2000 sal-31 Diċembru 2005.

    11.

    C. Salgado González applikat għal pensjoni tal-irtirar fi Spanja, li ġiet mogħtija mill-1 ta’ Jannar 2006. Meta kkalkolat il-pensjoni ta’ C. Salgado González, l-INSS żiedet il-bażi ta’ kontribuzzjonijiet tagħha fi Spanja mill-1 ta’ April 1984 sal-31 Marzu 1999, li jikkonċernaw il-15-il sena immedjatament qabel il-pagament tal-aħħar kontribuzzjoni tagħha tas-sigurtà soċjali Spanjola. L-INSS imbagħad iddividiet dik il-bażi ta’ kontribuzzjonijiet b’diviżur ta’ 210 (li jikkorrispondi għan-numru ta’ kontribuzzjonijiet ordinarji ta’ kull xahar u ta’ kontribuzzjonijiet annwali straordinarji mħallsa matul 180 xahar jew 15-il sena) konformi mal-Artikolu 162(1) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali. Dan irriżulta f’‘base reguladora’ jew f’bażi ta’ kalkolu. Peress li C. Salgado González bdiet tikkontribwixxi għas-Sigurtà Soċjali Spanjola biss mill-1 ta’ Frar 1989, il-bażi ta’ kontribuzzjonijiet għall-perijodu mill-1 ta’ April 1984 sal-31 ta’ Jannar 1989 kienu kkalkolati mill-INSS bħala 0 ( 6 ), u b’hekk dan wassal għal tnaqqis fil-bażi ta’ kalkolu (base reguladora).

    12.

    Eventwalment il-bażi ta’ kalkolu ta’ C. Salgado González kienet iffissata għal EUR 336.83 kull xahar ( 7 ).

    13.

    Il-bażi ta’ kalkolu (base reguladora) għall-1 ta’ April 1984 sal-31 ta’ Marzu 1999 imbagħad kienet imnaqqsa billi kienet immultiplikata b’53 % ( 8 ), li tikkorrispondi għas-snin ta’ kontribuzzjonijiet ta’ C. Salgado González ( 9 ) u anki b’63.86 % li jikkorrispondi għal pro rata temporis għal Spanja ( 10 ).

    14.

    Wara li eżawriet ir-rotta preliminari amministrattiva, C. Salgado González ressqet kawża quddiem il-Juzgado de lo Social (il-Qorti Soċjali) Nru 003, Ourense, fejn sostniet li kien hemm differenzi fil-pensjoni tal-irtirar. Il-Juzgado de lo Social ċaħdet ir-rikors tagħha. Din id-deċiżjoni kienet appellata minn C. Salgado González quddiem il-qorti tar-rinviju.

    15.

    Il-qorti tar-rinviju fid-digriet tar-rinviju tosserva li fil-kalkolu tal-bażi ta’ kalkolu (base reguladora), l-INSS qagħdet fuq it-Titolu H, punt 4 (Spanja) tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71 flimkien mal-Artikolu 162(1) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali. Huwa dan l-effett kombinat li ta lok għal dubji min-naħa tal-qorti tar-rinviju.

    16.

    Skont il-qorti tar-rinviju, filwaqt li ma hemmx dubju li l-kontribuzzjonijiet ta’ C. Salgado González fil-Portugall ma jistgħux ikunu użati fil-kalkolu tal-bażi ta’ kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar Spanjola ( 11 ), tqum il-mistoqsija jekk il-kalkolu mwettaq mill-INSS huwiex korrett jew jekk wassalx għal tnaqqis indebitu, li C. Salgado González issejjaħ proporzjon doppju, tad-dritt tagħha għall-pensjoni tal-irtirar.

    17.

    L-INSS, meta japplika kemm it-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikolu 162(1) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali, iżid il-kontribuzzjonijiet attwali tal-persuna assigurata matul il-15-il sena immedjatament qabel il-pagament tal-aħħar kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali Spanjola, imbagħad jagħmel diviżjoni tas-somma b’210.

    18.

    Il-qorti tar-rinviju, madankollu, tosserva li fit-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71, ma hemm ebda riferiment affattu għall-perijodu ta’ 15-il sena, lanqas għad-diviżur ta’ 210, li joriġinaw mill-Artikolu 162(1) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali.

    19.

    Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li f’sitwazzjoni bħal din huma possibbli tliet interpretazzjonijiet.

    20.

    L-ewwel interpretazzjoni possibbli hija dik imressqa mill-INSS u li, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, ma hijiex konformi mal-garanziji għal moviment liberu tal-ħaddiema għar-rigward ta’ benefiċċji soċjali konformi mal-Artikolu 48 TFUE jew mat-trattament ugwali ta’ ħaddiema mhux migranti u ħaddiema migranti konformi mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71 għal tliet raġunijiet.

    21.

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li l-użu tad-diviżur 210 fir-rigward ta’ ħaddiema migranti, anki fejn kien hemm inqas minn 15-il sena ta’ kontribuzzjonijiet fi Spanja, tqiegħed lil ħaddiema migranti f’livell mhux ugwali ma’ ħaddiema mhux migranti li jħallsu kontribuzzjonijiet fi Spanja. Din l-inugwaljanza sseħħ, peress li, għall-istess livell ta’ kontribuzzjonijiet daqs ta’ ħaddiem mhux migrant li jħallas kontribuzzjonijiet fi Spanja, il-ħaddiem migrant, meta jaqsam il-kontribuzzjonijiet tiegħu bejn Spanja u Stat Membru ieħor, ikollu bażi ta’ kalkolu (base reguladora) li hija inqas bl-ammont ta’ kontribuzzjonijiet li huwa ma ħallasx fi Spanja (u barra minn hekk ibati minn tnaqqis proporzjonali pro rata temporis korrispondenti).

    22.

    Il-qorti tar-rinviju tqis li dan ma jiggarantix li jintlaħaq l-għan li ‘ħaddiem migrant ma għandux ibati tnaqqis fl-ammont tal-benefiċċju li kien jirċievi li kieku ma kienx migrant’ ( 12 ).

    23.

    Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, iktar ma ħaddiem migrant iħallas kontribuzzjonijiet fi Stat Membru ieħor tal-UE, inqas se jkollu ħin disponibbli fil-ħajja tax-xogħol tiegħu biex iżid il-kontribuzzjonijiet tiegħu fi Spanja, kalkolabbli biss abbażi tat-Titolu H, punt 4 (Spanja) tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71. Għalhekk il-perijodu ta’ 15-il sena li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 162(1) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali joħloq differenza oħra minn ħaddiem mhux migrant li jkun ħallas kontribuzzjonijiet fi Spanja, li għandu l-ħajja tax-xogħol tiegħu kollha biex iżid fuq dak il-perijodu ta’ 15-il sena. Fil-qosor, l-aċċess għal pensjoni tal-irtirar li jkun konsistenti mal-kontribuzzjonijiet tiegħu isir iktar diffiċli għal ħaddiem migrant fil-Komunità komparat ma’ ħaddiem mhux migrant fi Spanja.

    24.

    Barra dan, skont il-qorti tar-rinviju, peress li element essenzjali tal-moviment liberu tal-ħaddiema jitħalla f’idejn il-legiżlatura nazzjonali Spanjola, li tista’ żżid il-perijodu ta’ żmien stipulat fl-Artikolu 162(1) tal-Liġi Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali ( 13 ), id-diviżur tas-somma tal-kontribuzzjonijiet imħallsa fi Spanja, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-każ ta’ ħaddiema migranti, jistgħu jerġgħu jiżdiedu u l-pensjoni tagħhom tiġi mnaqqsa iktar.

    25.

    Il-qorti tar-rinviju tqis li hemm interpretazzjoni oħra possibbli li hija iktar konformi mal-għanijiet Komunitarji. It-Titolu H, paragrafu 4(a) (Spanja) tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71, meta jipprovdi li “il-kalkolu tal-benefiċċju teoretiku Spanjol isir abbażi tal-kontribuzzjonijiet attwali tal-persuna assigurata matul is-snin immedjatament qabel il-pagament tal-aħħar kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali Spanjola”, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jistabbilixxi mezz ta’ kalkolu speċifiku li konformi miegħu il-bażi tal-kontribuzzjonijiet attwali tal-persuna assigurata matul is-snin immedjatament qabel il-pagament tal-aħħar kontribuzzjoni għas-Sigurtà Soċjali Spanjola jiġu miżjuda, u r-riżultat ta’ dik iż-żieda jiġi diviż bin-numru ta’ snin li matulhom kienu saru.

    26.

    Il-qorti tar-rinviju tosserva li kieku l-interpretazzjoni deskritta fil-punt 25 iktar ’il fuq tkun applikata għal dan il-każ, il-kontribuzzjonijiet magħmula minn C. Salgado González fi Spanja ma jiġux diviżi b’210, imma pjuttost bin-numru ta’ snin meta ħallset kontribuzzjonijiet fi Spanja, jiġifieri s-snin bejn l-1 ta’ Frar 1989 u l-31 ta’ Marzu 1999.

    27.

    Skont il-qorti tar-rinviju, jista’ jkun hemm interpretazzjoni possibbli oħra, li tkun twassal għal bażi ta’ kalkolu (base reguladora) li hija inqas minn dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-għażla preċedenti deskritta fil-punti 25 u 26 iktar ’il fuq. Il-perijodu ta’ kontribuzzjonijiet fil-Portugall ikun kopert bil-bażi ta’ kontribuzzjonijiet fi Spanja li hija eqreb fiż-żmien għal dak il-perijodu ta’ żmien, meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tal-prezzijiet għall-konsumatur, kif stipulat fil-paragrafu 2(a) (Spanja) tal-Anness XI tar-Regolament Nru 883/2004 li jistabbilixxi regola ġdida li ma kinitx ikkontemplata fit-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71. Il-qorti tar-rinviju tqis li din tkun applikazzjoni b’analoġija. L-ewwel nett, għaliex f’dan il-każ il-paragrafu 2(a) (Spanja) tal-Anness XI tar-Regolament Nru 883/2004 ma huwiex applikabbli ratione temporis. It-tieni nett, għax il-paragrafu 2(a) (Spanja) tal-Anness XI tar-Regolament Nru 883/2004, bl-istess termini tal-predeċessur tiegħu, it-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71, jistipula li “l-kalkolu tal-benefiċċju teoretiku Spanjol isir abbażi tal-kontribuzzjonijiet attwali tal-persuna assigurata matul is-snin immedjatament qabel il-pagament tal-aħħar kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali Spanjola.” F’dan il-każ, il-perijodi ta’ assigurazzjoni koperti fil-Portugall huma immedjatament wara, mhux immedjatament qabel, l-aħħar kontribuzzjoni li saret fi Spanja.

    28.

    Għal dawn ir-raġunijiet il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

     

    “Huwa konformi mal-għanijiet Komunitarji li jinsabu fl-Artikolu 48 [TFUE] u fl-Artikolu 3 tar-Regolament [Nru 1408/71], kif ukoll mal-kliem [tat-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI] tar-Regolament tal-Kunsill [Nru 1408/71], li [din l-aħħar dispożizzjoni] tiġi interpretata fis-sens li, għall-kalkolu tal-benefiċċju teoretiku Spanjol imwettaq fuq il-bażijiet ta’ kontribuzzjoni reali tal-persuna assigurata, matul is-snin li jippreċedu immedjatament il-ħlas tal-aħħar kontribuzzjoni lis-Sigurtà Soċjali Spanjola, is-somma miksuba għandha tkun diviża b’210, fejn dan in-numru huwa d-diviżur stabbilit għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-pensjoni ta’ rtirar skont l-Artikolu 162(1) tal-Ley General de la Seguridad Social?

     

    (Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda): Huwa konformi mal-għanijiet Komunitarji li jinsabu fl-Artikolu 48 [TFUE] u fl-Artikolu 3 tar-Regolament [Nru 1408/71] u mal-kliem [tat-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI] tar-Regolament tal-Kunsill [Nru 1408/71], li [din l-aħħar dispożizzjoni] tiġi interpretata fis-sens li, għall-kalkolu tal-benefiċċju teoretiku Spanjol imwettaq fuq il-bażijiet ta’ kontribuzzjoni reali tal-persuna assigurata, matul is-snin li jippreċedu immedjatament il-ħlas tal-aħħar kontribuzzjoni lis-Sigurtà Soċjali Spanjola, is-somma miksuba għandha tkun diviża bin-numru ta’ snin ta’ kontribuzzjonijiet fi Spanja?

     

    (Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda u tkun xi tkun ir-risposta, pożittiva jew negattiva, għall-ewwel domanda): [Il-paragrafu 2(a) (Spanja) tal-Anness XI] tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 […] huwa applikabbli b’analoġija għal dan il-każ sabiex jiġu sodisfatti l-għanijiet Komunitarji li jinsabu fl-Artikolu 48 [TFUE] u fl-Artikolu 3 tar-Regolament [Nru 1408/71], u din l-applikazzjoni konsegwentement tippermetti li tintuża għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni fil-Portugall il-bażi ta’ kontribuzzjoni fi Spanja li tqarreb l-iktar għal dan il-perijodu, fid-dawl tal-iżvilupp tal-prezzijiet għall-konsumatur?

     

    (Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel, għat-tieni u għat-tielet domandi): Fil-każ li ebda waħda mill-interpretazzjonijiet proposti iktar ’il fuq ma tkun totalment jew parzjalment korretta, liema hija l-interpretazzjoni [tat-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71], li, filwaqt li tkun utli għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża, tkun l-iktar konformi kemm mal-għanijiet Komunitarji li jinsabu fl-Artikolu 48 [TFUE] u fl-Artikolu 3 tar-Regolament [Nru 1408/71], kif ukoll mal-kliem [tat-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI]?”

    IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    29.

    Kienu ppreżentati sottomissjonijiet bil-mitkub mill-INSS u mit-TGSS flimkien, mir-Renju ta’ Spanja u mill-Kummissjoni. Waqt is-seduta li nżammet fl-24 ta’ Mejju 2012 dawn il-partijiet kollha għamlu sottomissjonijiet orali.

    V – Evalwazzjoni

    30.

    Hu meħtieġ li jkun stabbilit bħala punt preliminari jekk ir-Regolament Nru 1408/71 jew ir-Regolament Nru 883/2004 humiex applikabbli fir-rigward tad-dritt għall-pensjoni Spanjola ta’ C. Salgado González. Huwa evidenti mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li C. Salgado González kienet intitolata titlob pensjoni tal-irtirar fi Spanja mill-1 ta’ Jannar 2006 ( 14 ). Fid-dawl tal-fatt li r-Regolament Nru 883/2004 beda japplika biss mill-1 ta’ Mejju 2010 ( 15 ) u ma hemm ebda indikazzjoni fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li C. Salgado González talbet reviżjoni tad-drittijiet tal-pensjoni Spanjola konformi mal-arranġamenti ta’ tranżizzjoni previsti, inter alia, fl-Artikolu 87(5) tar-Regolament Nru 883/2004, jiena nqis li r-Regolament Nru 1408/71 huwa ratione temporis applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali. Jiena nosserva wkoll li filwaqt li l-erba’ domandi tal-qorti nazzjonali jagħmlu riferiment għall-Artikolu 48 TFUE, fil-fehma tiegħi l-Artikolu 42 huwa applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali fid-dawl tad-data meta C. Salgado González kienet mogħtija pensjoni Spanjola ( 16 ).

    31.

    Bħala kwistjoni preliminari għandu jiġi mfakkar li r-Regolament Nru 1408/71 ma jistabbilixxix skema komuni tas-sigurtà soċjali, imma jippermetti li jeżistu skemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali differenti u l-uniku għan tiegħu huwa li jiżgura l-koordinament ta’ dawk l-iskemi. Għalhekk fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell Komunitarju, imiss lil-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru biex tistabbilixxi, l-ewwel, il-kundizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mad-dritt jew dover li tkun assigurat ma’ skema tas-sigurtà soċjali u, it-tieni, il-kundizzjonijiet biex tkun intitolat għal benefiċċji. Fl-eżerċizzju ta’ dawk il-poteri, l-Istati Membri għandhom madankollu jikkonformaw mad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE li jagħti lil kull ċittadin tal-Unjoni d-dritt li jiċċaqlaq u li jgħix fit-territorju tal-Istati Membri ( 17 ).

    32.

    C. Salgado González tibbenefika mill-possibbiltà li taggrega flimkien il-perijodi ta’ assigurazzjoni tagħha fi Spanja u fil-Portugall konformi, inter alia,mal-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1408/71 u hija għalhekk intitolata għal pensjoni fi Spanja ( 18 ). It-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna l-metodu ta’ kalkolu, u għalhekk, l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar ta’ C. Salgado González fi Spanja.

    33.

    L-ammont tal-pensjoni tal-irtirar ta’ C. Salgado González skont il-liġi Spanjola jiddependi, l-ewwel, konformi mal-Artikolu 162(1) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali, fuq il-bażi ta’ kalkolu tagħha (base reguladora) li huwa l-livell medju ta’ kontribuzzjonijiet matul perijodu ta’ referenza ta’ 180 xahar jew ta’ 15-il sena u, it-tieni, konformi mal-Artikolu 163 tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali fuq it-tul tal-perijodu ta’ kontribuzzjonijiet li jkun ġie komplut.

    34.

    Fir-rigward tat-tul tal-perijodu ta’ kontribuzzjonijiet li jkun ġie komplut, skont id-digriet tar-rinviju, il-bażi ta’ kalkolu (base reguladora) ta’ C. Salgado González kien ġie mnaqqas billi kien immultiplikat bi 53 %, li jikkorrispondi għas-16-il sena tagħha ta’ kontribuzzjonijiet fi Spanja u fil-Portugall, minn massimu potenzjali ta’ 35 sena kif ipprovdut fil-liġi Spanjola. Jidher li dan it-tnaqqis ma huwiex ikkontestat fil-kawża prinċipali.

    35.

    Huwa l-mod li bih kien ikkalkolat il-livell medju ta’ kontribuzzjonijiet matul perijodu ta’ referenza ta’ 180 xahar jew ta’ 15-il sena li teżisti kwistjoni dwaru fil-kawża prinċipali ( 19 ). Il-qorti tar-rinviju qajmet numru ta’ domandi li jikkonċernaw id-diviżjoni tal-kontribuzzjonijiet ta’ C. Salgado González abbażi tal-kontribuzzjonijiet attwali tal-persuna assigurata matul is-snin immedjatament qabel il-pagament tal-aħħar kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali Spanjola (l-1 ta’ April 1984 sal-31 ta’ Marzu 1999) b’diviżur ta’ 210 u, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li hija ma ħallsitx kontribuzzjonijiet mill-1 ta’ April 1984 sal-31 ta’ Jannar 1989.

    36.

    Fil-fehma tiegħi, peress li d-dritt ta’ C. Salgado González għal pensjoni tal-irtirar fi Spanja, jiġi sodisfatt bl-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni tagħha fi Spanja u l-Portugall, l-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 1408/71 huwa applikabbli ( 20 ). L-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jistabbilixxi l-metodoloġija li konformi magħha jiġi kkalkolat l-ammont teoretiku tal-benefiċċju ta’ C. Salgado González u l-ammont attwali tal-benefiċċju li hija tista’ titlob. Dan huwa magħruf bħala sistema ta’ aggregazzjoni u apporzjonament ( 21 ).

    37.

    Konformi mal-Artikolu 46(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, l-istituzzjoni kompetenti trid tikkalkola l-ammont teoretiku tal-benefiċċju li l-persuna tista’ titlob kieku l-perijodi kollha ta’ assigurazzjoni mwettqa mill-persuna kkonċernata fi Stati Membri differenti kienu mwettqa fl-Istat Membru inkwistjoni. L-istituzzjoni kompetenti mbagħad tikkalkola, konformi mal-Artikolu 46(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, l-ammont attwali tal-benefiċċju abbażi tal-ammont teoretiku, u fil-proporzjon li t-tul tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa qabel ma jkun ġara r-riskju taħt il-legiżlazzjoni amministrata minnha jkollu mat-tul tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa taħt il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri kollha kkonċernati qabel ma jkun ġara r-riskju ( 22 ).

    38.

    Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 46(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 li jikkonċerna l-apporzjonament tal-piż fuq il-benefiċċju teoretiku ta’ C. Salgado González bejn Spanja u l-Portugall, jidher li t-tnaqqis tal-bażi ta’ kalkolu (base reguladora) ta’ C. Salgado González b’63.86 %, li jikkorrispondi għall-‘pro rata’ ( 23 ) jew it-tul ta’ żmien maħdum minn C. Salgado González fi Spanja matul il-perijodu totali ta’ assigurazzjoni fi Spanja u fil-Portugall mill-1 ta’ Frar 1989 sal-31 ta’ Diċembru 2005, ma huwiex ikkontestat fil-kawża prinċipali.

    39.

    Huwa evidenti mid-digriet tar-rinviju u mill-erba’ domandi magħmula, li se nittratta flimkien, li l-qorti tar-rinviju essenzjalment qiegħda titlob gwida dwar il-kalkolu tal-ammont teoretiku tal-pensjoni ta’ C. Salgado González konformi mal-Artikolu 46(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71.

    40.

    L-ammont teoretiku tal-pensjoni ta’ C. Salgado González għandu, konformi mal-Artikolu 46(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, jiġi kkalkolat bħallikieku hija kienet ħadmet esklużivament fi Spanja ( 24 ). L-għan ta’ dik id-dispożizzjoni huwa maħsub biex C. Salgado González tingħata l-ammont teoretiku massimu li tista’ titlob kieku l-perijodi kollha ta’ assigurazzjoni kienu twettqu fi Spanja ( 25 ).

    41.

    L-Artikolu 47(1)(g) tar-Regolament Nru 1408/71 jistabbilixxi regoli addizzjonali biex ikun ikkalkolat l-ammont teoretiku li jsir riferiment għalih fl-Artikolu 46(2)(a) ta’ dak ir-regolament u jinkludi sistema ta’ kalkolu ta’ benefiċċji tal-irtirar fuq bażi medja ta’ kontribuzzjonijiet, kif stabbilit bil-leġiżlazzjoni Spanjola ( 26 ). Barra minn hekk, konformi mat-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71 ( 27 ), li jipprovdi kjarifika dwar ir-regoli ddettaljati stabbiliti fl-Artikolu 47(1)(g) tar-Regolament Nru 1408/71, u l-ġurisprudenza stabbilita dwar il-materja, f’każijiet bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali u kif ġie indikat korrettement mill-qorti tar-rinviju, l-ammont teoretiku tal-pensjoni ta’ C. Salgado González għandu jiġi ddeterminat biss b’riferiment għall-kontribuzzjonijiet attwalment imħallsa minnha skont il-leġiżlazzjoni Spanjola, suġġett għal żidiet u rivalorizzazzjonijiet li jkunu jikkorrispondu għall-ammont li kienet tħallas li kieku kompliet taħdem taħt l-istess kundizzjonijiet fi Spanja ( 28 ). Barra minn hekk, il-kalkolu tal-bażi tal-kontribuzzjoni medja konformi mal-Artikolu 47(1)(g) tar-Regolament Nru 1408/71, kif ġie kkjarifikat bit-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71, għandu jiġi ddeterminat b’riferenza biss għal dawk il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni kkonċernata ( 29 ), f’dan il-każ il-leġiżlazzjoni Spanjola.

    42.

    Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 47(1)(g) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 46(2)(a) ta’ dak ir-regolament u l-għan stabbilit bl-Artikolu 42 KE, li jimplika b’mod partikolari li l-ħaddiema migranti ma għandhomx isofru tnaqqis fl-ammont tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali bħala konsegwenza talli jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu ( 30 ).

    43.

    Fil-każ fil-kawża prinċipali, għandu jiġi enfasizzat li minkejja l-fatt li C. Salgado González għandha kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni mħallsa għal perijodu ta’ 16-il sena ( 31 ), perijodu li fil-fatt kien ogħla mill-perijodu ta’ referenza ta’ 180 xahar stabbilit bl-Artikolu 162(1) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali, il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet medji tagħha, bl-inklużjoni, fil-perijodu ta’ referenza adottat fir-rigward tagħha, tal-perijodu bejn l-1 ta’ April 1984 sal-31 ta’ Marzu 1999, irriżulta fi tnaqqis konsiderevoli fl-ammont teoretiku tal-benefiċċju tagħha konformi mal-Artikolu 46(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u fl-aħħar mill-aħħar fil-pensjoni tagħha. It-tnaqqis seħħ minħabba l-fatt li matul il-perijodu bejn l-1 ta’ April 1984 sal-31 ta’ Jannar 1989 ( 32 ), C. Salgado González ma għamlet ebda kontribuzzjonijiet għas-Sigurtà Soċjali Spanjola ( 33 ).

    44.

    Fid-dawl tal-Artikolu 46(2)(a) u tal-Artikolu 47(1)(g) tar-Regolament Nru 1408/71 u t-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71, u sabiex jiġi żgurat li C. Salgado González ma ssofrix tnaqqis fl-ammont tal-pensjoni tagħha bħala konsegwenza talli għamlet użu mid-dritt tagħha għal moviment liberu, jien inqis li peress li hija ħallset kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni fi Spanja u fil-Portugall għal perijodu li jeċċedi l-perijodu ta’ 180 xahar stabbilit bl-Artikolu 162(1) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali, il-bażi ta’ kalkolu tagħha (base reguladora) għandha tkun ikkalkolata bħala l-medja tal-bażi ta’ kontribuzzjonijiet attwali fi Spanja matul il-perijodu mill-1 ta’ Frar 1989 sal-31 ta’ Marzu 1999. Id-diviżur ta’ 210 madankollu għandu jiġi aġġustat sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li C. Salgado González eżerċitat id-dritt tagħha għal moviment liberu u għalhekk dan għandu jirrifletti n-numru ta’ kontribuzzjonijiet ordinarji ta’ kull xahar u ta’ kontribuzzjonijiet straordinarji annwali pagabbli minn C. Salgado González fi Spanja matul il-perijodu mill-1 ta’ Frar 1989 sal-31 ta’ Marzu 1999.

    45.

    L-INSS u t-TGSS isostnu li l-possibbiltà li l-pensjoni ta’ ħaddiem migrant tiġi kkalkolata billi tittieħed inkunsiderazzjoni d-data tal-aħħar kontribuzzjoni fi Spanja minflok id-data tal-avveniment operattiv, mingħajr ma jitbiddel l-għadd ta’ xhur li jittieħdu inkunsiderazzjoni (180), ma hijiex diskriminatorja u hija waħda ġusta għax inkella l-perijodu ta’ kontribuzzjonijiet li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni jkun limitat ħafna. L-INSS u t-TGSS osservaw fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom il-flessibbiltà kbira li jgawdu dawn il-ħaddiema biex jagħżlu il-livell ta’ kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni li huma jixtiequ jħallsu taħt il-liġi Spanjola u tabilħaqq il-possibbiltà li hija miftuħa għal dawn il-ħaddiema li jissospendu l-obbligu tagħhom li jħallsu kontribuzzjonijiet. Għalhekk meta ħaddiem li jaħdem għal rasu ma jħallasx kontribuzzjonijiet, dik il-lakuna tiġi kkalkolata bħala żero ( 34 ). Barra minn hekk, l-INSS u t-TGSS isostnu li l-iskop tal-moviment liberu għal ħaddiema huwa differenti fir-rigward ta’ ħaddiema impjegati u ħaddiema li jaħdmu għal rashom. Il-legiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru tista’ tkun waħda mir-raġunijiet li jwasslu ħaddiem li jaħdem għal rasu li jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor. L-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu jista’ għalhekk ikollu impatt fuq l-ammont tal-pensjoni ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu fejn il-leġiżlazzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni perijodi fejn ma titħallas ebda kontribuzzjoni. Dan ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ moviment liberu għal ħaddiema. Waqt is-seduta tal-24 ta’ Mejju 2012, l-INSS u t-TGSS għamlu riferiment għall-possibbiltà li ħaddiema li jaħdmu għal rashom jimmanipulaw is-sistema tas-Sigurtà Soċjali Spanjola billi jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-moviment liberu.

    46.

    L-għan tal-Artikolu 162(1) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali jidher li huwa li jiġi kkalkolat ammont medju jew rappreżentattiv fir-rigward tal-bażi ta’ kontribuzzjonijiet ta’ ħaddiem fi Spanja matul perijodu ta’ referenza. Jien nikkunsidra li filwaqt li l-applikazzjoni li ddeskrivejt fil-punt 44 iktar ’il fuq, tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 46(2)(a) u tal-Artikolu 47(1)(g) tar-Regolament Nru 1408/71 u t-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1408/71 dwar il-kalkolu tal-ammont teoretiku tal-benefiċċji tista’, imma mhux neċessarjament ( 35 ), tirriżulta f’li perijodu limitat ta’ kontribuzzjonijiet fi Spanja jkun ikkunsidrat meta tiġi kkalkolata l-bażi ta’ kalkolu ta’ ħaddiem migrant, jien ma nara li hemm ebda vantaġġ mhux mixtieq li jista’ jieħu ħaddiem bħal dan. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-ammont teoretiku tal-pensjoni ta’ C. Salgado González, kien imnaqqas bl-applikazzjoni ta’ proporzjon skont l-Artikolu 46(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 sabiex jirrifletti l-fatt li hija kienet eżerċitat id-dritt tagħha tal-moviment liberu u ma kinitx ħallset kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni fi Spanja wara l-31 ta’ Marzu 1999 ( 36 ).

    47.

    In-nuqqas li jsir aġġustament bħal dan fid-diviżur, fil-fehma tiegħi, se jirrestrinġi ħafna d-dritt għal moviment liberu ta’ ħaddiem impjegat ( 37 ). Barra minn hekk, għall-kuntrarju tas-sottomissjonijiet tar-Renju ta’ Spanja, it-tnaqqis fl-ammont teoretiku ta’ C. Salgado González skont il-leġiżlazzjoni Spanjola u l-użu ta’ diviżur li jikkorrispondi għan-numru ta’ kontribuzzjonijiet ordinarji fix-xahar u ta’ kontribuzzjonijiet straordinarji annwali matul il-perijodu ta’ referenza, li jonqos milli jikkunsidra l-fatt li hija eżerċitat id-dritt tagħha tal-moviment liberu, ma huwiex se jiġi kkumpensat mill-fatt li hija se tirċievi pensjoni fi Stat Membru ieħor. Jien inqis li din is-sottomissjoni tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni tat-termini kemm tal-Artikolu 46(2)(a) u tal-Artikolu 46(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 fil-kalkolu tal-pensjonijiet fl-Istati Membri kollha kkonċernati, u tinjora d-distinzjoni ċara fil-metodoloġija fil-kalkolu tal-ammont teoretiku ta’ benefiċċju u tal-ammont attwali tal-benefiċċju stabbilit f’dawk id-dispożizzjonijiet.

    48.

    Fir-rigward tas-sottomissjoni mill-INSS u t-TGSS li l-iskop tal-moviment liberu għal ħaddiema huwa differenti fir-rigward ta’ ħaddiema impjegati u ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom, din l-asserzjoni għandha tiġi miċħuda fid-dawl tad-dispożizzjonijiet legali li huma applikabbli fil-kuntest tal-fatti u taċ-ċirkostanzi tal-kawża prinċipali, kif indikati mill-qorti tar-rinviju. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47(1)(g) tar-Regolament Nru 1408/71 u tat-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71 dwar il-kalkolu tal-ammont teoretiku ta’ benefiċċju huma applikabbli bl-istess mod għal ħaddiema impjegati u għal ħaddiema li jaħdmu għal rashom ( 38 ).

    49.

    Jidher, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li taħt is-sistema tas-Sigurtà Soċjali Spanjola l-livell tal-pensjoni ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu tirrifletti direttament l-isforz li jkun għamel biex jikkontribwixxi għal dik is-sistema. Fil-fehma tiegħi, l-aġġustament tad-diviżur ta’ 210 stabbilit skont l-Artikolu 162(1) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali sal-livell neċessarju biex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li ħaddiem li jaħdem għal rasu jkun eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu, flimkien mal-applikazzjoni tal-proporzjon ( 39 ) stabbilit fl-Artikolu 46(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, jiżgura li dak l-isforz ikun rifless b’mod korrett fl-ammont attwali tal-pensjoni ta’ dak il-ħaddiem fl-Istat Membru kkonċernat, filwaqt li jiggarantixxi madankollu d-dritt tiegħu għal moviment liberu u jiżgura l-vijabbiltà finanzjarja tas-sistema nazzjonali tal-pensjoni.

    VI – Konklużjoni

    50.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti hawn fuq, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (Spanja) kif ġej:

    Meta ħaddiem migrant li jaħdem għal rasu jkun għamel kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni fi Stat Membru wieħed jew iktar għal perijodu ugwali għal jew itwal mill-perijodu ta’ referenza previst bil-leġiżlazzjoni Spanjola, l-Artikolu 46(2)(a) u l-Artikolu 47(1)(g) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar il-pubblikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità u t-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1408/71, jipprekludu l-kalkolu tal-benefiċċju teoretiku Spanjol ta’ dak il-ħaddiem abbażi tal-kontribuzzjonijiet attwali tiegħu fi Spanja, matul is-snin immedjatament qabel il-pagament tal-aħħar kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali Spanjola, fejn is-somma hekk miksuba tiġi diviża b’diviżur, li jikkorrispondi għan-numru ta’ kontribuzzjonijiet ordinarji ta’ kull xahar u ta’ kontribuzzjonijiet straordinarji annwali pagabbli matul il-perijodu ta’ referenza, li jonqos li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ħaddiem eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Regolament dwar il-pubblikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35).

    ( 3 ) Regolament li jadatta ċerti regolamenti u deċiżjonijiet fl-oqsma tal-moviment liberu ta’ oġġetti, il-moviment liberu ta’ persuni, il-liġi dwar il-kumpanniji, il-politika dwar il-kompetizzjoni, l-agrikoltura (inkluż il-leġiżlazzjoni veterinarja u fitosanitarja), il-politika dwar it-trasport, it-tassazzjoni, l-istatistika, l-enerġija, l-ambjent, il-kooperazzjoni fl-oqsma tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, l-unjoni doganali, ir-relazzjonijiet esterni, il-politika estera u ta’ sigurtà komuni u istituzzjonijiet, minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU 2008 L 352M, p. 629).

    ( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72.

    ( 5 ) Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, u li jiddetermina l-kontenut tal-Annessi tiegħu (ĠU L 284, p. 43).

    ( 6 ) Il-qorti tar-rinviju tosserva li, konformi mal-leġiżlazzjoni Spanjola, jeżisti mekkaniżmu biex jimtlew il-lakuni maħluqa bl-Artikolu 162(2) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali, li tippermetti li l-perijodi li fihom ma jkun hemm ebda obbligu biex tikkontribwixxi jkunu koperti b’bażi minima ta’ kontribuzzjonijiet. Madankollu, dan il-mekkaniżmu mhux applikabbli, kif jista’ jiġi dedott mid-dispożizzjoni addizzjonali 8(4) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali, għal ħaddiema li jaħdmu għal rashom, bħal C. Salgado González.

    ( 7 ) C. Salgado González sostniet fit-8 ta’ Jannar 2007 li l-bażi ta’ kalkolu (base reguladora) għall-pensjoni tagħha għandha tkun EUR 864.14 kull xahar. Jidher mid-digriet tar-rinviju u mis-sottomissjonijiet tal-INSS u tat-TGSS quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li t-talba ta’ C. Salgado González kienet ibbażata, inter alia, fuq il-kontribuzzjonijiet tagħha fil-Portugall mill-1 ta’ Jannar 1991 sal-31 ta’ Diċembru 2005.

    ( 8 ) Li rriżultat fl-ammont teoretiku tal-benefiċċju.

    ( 9 ) Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jidher, suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-perċentwal 53 kien ikkalkolat abbażi tas-16-il sena li C. Salgado González ħadmet fi Spanja u fil-Portugall. 50 % jikkorrispondu għall-ewwel 15-il sena ta’ kontribuzzjonijiet u 3 % għas-sena 16.

    ( 10 ) Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jidher, suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li 63.86 % jikkorrispondu għal 3 711-il ġurnata, mill-1 ta’ Frar 1989 sal-31 ta’ Marzu 1999, maħduma minn C. Salgado González fi Spanja, minn total ta’ 5 811-il ġurnata (3711 + 2100) maħduma fi Spanja u l-Portugall mill-1 ta’ Frar 1989 sal-31 ta’ Diċembru 2005. Ara l-Artikolu 46(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71.

    ( 11 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 1996, Lafuente Nieto (Kawża C-251/94, Ġabra p. I-4187); is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 1997, Naranjo Arjona et (Kawżi magħquda C-31/96 sa C-33/96, Ġabra p. I-5501); u s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Grajera Rodríguez (Kawża C-153/97, Ġabra p. I-8645).

    ( 12 ) Ara s-sentenza Lafuente Nieto, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 38.

    ( 13 ) U fil-fatt, kif kien sar fl-1985, meta kienet mgħollija minn sentejn għal tmien snin, u fl-1997, meta kienet mgħollija minn tmien snin għal 15-il sena.

    ( 14 ) Ara l-punt 11 iktar ’il fuq.

    ( 15 ) Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 284, p. 1). Ara l-Artikolu 91 tar-Regolament Nru 883/2004. Ir-Regolament Nru 1408/71 kien ġie mħassar fl-istess data. Ara l-Artikolu 90(1) tar-Regolament Nru 883/2004.

    ( 16 ) It-termini tal-Artikolu 48 TFUE huma pjuttost differenti mill-Artikolu 42 KE (li qabel kien l-Artikolu 51 KEE). Jien nenfasizza l-fatt li l-Parlament u l-Kunsill taħt l-Artikolu 48 TFUE huma mogħtija s-setgħa espressa li jadottaw miżuri fil-kamp tas-sigurtà soċjali fir-rigward ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom. Taħt l-Artikolu 42 KE, dawn il-miżuri kienu adottati mill-Kunsill għar-rigward ta’ ħaddiema impjegati. Madankollu, għandu jkun imfakkar li t-termini tar-Regolament Nru 1408/71 kienu estiżi għal persuni li jaħdmu għal rashom bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1390/81, tat-12 ta’ Mejju 1981, li jestendi għal persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom, ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi tas-sigurtà soċjali għal persuni impjegati u l-familji tagħhom li jispustaw ruħhom fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 222). Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’każijiet li jikkonċernaw ħaddiema ħafna drabi tagħmel riferiment għall-bżonn li r-Regolament Nru 1408/71 jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 42 KE u tal-għanijiet ta’ dik id-dispożizzjoni. Jiena nqis li, wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1309/81, meta dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 tapplika kemm għal ħaddiema migranti impjegati u anki għal ħaddiema migranti li jaħdmu għal rashom, ir-riferiment fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-bżonn li dik id-dispożizzjoni tkun interpretata fid-dawl tal-Artikolu 42 KE u tal-għanijiet tagħha, tapplika mutatis mutandis għal ħaddiema migranti li jaħdmu għal rashom.

    ( 17 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011 (Kawża C-503/09, Ġabra p. I-6497, punti 75 sa 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 18 ) Ara l-punt 9 iktar ’il fuq fejn huma deskritti t-termini tal-Artikolu 161(1)(b) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali li teħtieġ il-pagament ta’ kontribuzzjonijiet għal tal-inqas 15-il sena sabiex wieħed ikun intitolat għal pensjoni tax-xjuħija taħt il-liġi Spanjola. Stat Membru huwa intitolat jimponi perijodu kontributorju minimu għall-finijiet tal-kisba ta’ dritt għal pensjoni previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kif ukoll jistabbilixxi n-natura u l-limiti tal-perijodi ta’ assigurazzjoni li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għal dan l-iskop, sakemm, skont l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1408/71, il-perijodi mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru ieħor huma wkoll meħuda inkunsiderazzjoni taħt l-istess kundizzjonijiet, daqslikieku dawn twettqu taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Tomaszewska (Kawża C-440/09, Ġabra p. I-1033, punt 31).

    ( 19 ) Fis-sottomissjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-INSS u t-TGSS indikaw li bl-adozzjoni tal-Liġi 27/2011, tal-1 ta’ Awwissu 2011, dwar l-aġġornament, l-addattament u l-modernizzazjoni tas-sistema tas-sigurtà soċjali, il-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-bażi ta’ kalkolu (base reguladora) jiżdied gradwalment mill-2013 sal-2027. Fl-2027, il-kalkolu tal-bażi ta’ kalkolu (base reguladora) ikun jikkonsisti fid-diviżjoni tal-bażi ta’ kontribuzzjonijiet tal-benefiċjarju fir-rigward tat-300 xahar ta’ qabel l-avveniment operattiv b’diviżur ta’ 350. Skont l-INSS u t-TGSS, iż-żieda fil-perijodu ta’ referenza hija korretta, minn naħa, biex tiggarantixxi l-vijabbiltà finanzjarja tas-sistema u, min-naħa l-oħra, biex tirrispetta l-prinċipju ta’ ġustizzja fejn l-ammont ta’ pensjoni kontributorja jkun jirrifletti l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet tal-ħaddiem.

    ( 20 ) Hija ġurisprudenza stabbilita li l-kwistjoni tal-kisba ta’ dritt għall-pensjoni taqa’ fi ħdan l-iskop tal-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 1408/71, filwaqt li r-regoli li jikkonċernaw il-kalkolu tal-ammont tal-benefiċċji huma stabbiliti fl-Artikolu 46 et seq ta’ dak ir-regolament. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1993, Lepore u Scamuffa (Kawża C-46/92, Ġabra p. I-6497, punt 13), u s-sentenza Lafuente Nieto, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 49).

    ( 21 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Marzu 1990, Cabras (Kawża C-199/88, Ġabra p. I-1023, punt 5).

    ( 22 ) Is-sentenza tat-18 ta’ Frar 1992, Di Prinzio (Kawża C-5/91, Ġabra p. I-897, punti 41 u 49).

    ( 23 ) Ara s-sentenza Di Prinzio, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 51 et seq.

    ( 24 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2002, Barreira Pérez (Kawża C-347/00, Ġabra p. I-8191, punt 28).

    ( 25 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2005, Koschitzki (Kawża C-30/04, Ġabra p. I-7389, punt 28). Ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 1980, Menzies (Kawża C-793/79, Ġabra p. I-6781, punti 10 u 11).

    ( 26 ) Ara s-sentenza Naranjo Arjona et iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 19. Ara wkoll b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 1984, Weber (Kawża 181/83, Ġabra p. 4007, punt 14).

    ( 27 ) Dik id-dispożizzjoni tħalli l-kontenut tal-Artikolu 47(1)(g) tar-Regolament Nru 1408/71 intatt, u hija maħsuba biss biex tiżgura l-kompatibbiltà tiegħu mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 42 KE. Ara s-sentenza Grajera Rodríguez, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 20.

    ( 28 ) Ara s-sentenzi Naranjo Arjona et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punti 21 u 22) u Grajera Rodriguez (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 19).

    ( 29 ) Fi Grajera Rodríguez (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11), il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodu li matulu ħaddiem migrant attwalment ma għamel ebda kontribuzzjoni għal xi skema tas-sigurtà soċjali nazzjonali u li, barra minn hekk, kien diġà ġie kkunsidrat taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor fejn il-persuna kkonċernata tkun ħadmet, dan ma jkunx konformi mal-Artikolu 47(1)(g) tar-Regolament Nru 1408/71. Is-sottomissjoni ta’ A. Grajera Rodríguez li għandhom jiġu kkunsidrati ammonti mħallsa lilu fi Stat Membru ieħor matul is-snin immedjatament qabel il-materjalizzazzjoni tar-riskju, kienet miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    ( 30 ) Is-sentenza Lafuente Nieto (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 33). Dan ifisser li l-bażi tal-kontribuzzjoni medja kkalkolata skont l-Artikolu 47(1)(g) tar-Regolament Nru 1408/71 għandha tkun l-istess għall-ħaddiem migrant daqslikieku huwa ma għamel ebda użu mid-dritt tiegħu tal-moviment liberu. Ara s-sentenza Naranjo Arjona et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 21.

    ( 31 ) Ara l-punti 10 u 11 iktar ’il fuq.

    ( 32 ) Li jikkorrispondi għal erba’ snin u 10 xhur.

    ( 33 ) Ara l-punt 11 iktar ’il fuq li jiddeskrivi kif C. Salgado González bdiet tħallas kontribuzzjonijiet għas-Sigurtà Soċjali Spanjola biss mill-1 ta’ Frar 1989.

    ( 34 ) Fil-każ ta’ ħaddiema impjegati dawn il-lakuni ‘jimtlew’ b’ammont ekwivalenti għal kontribuzzjoni minima.

    ( 35 ) Dan fil-fatt jiddependi fuq is-sitwazzjoni ta’ kull ħaddiem migrant individwali. Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-fatti speċifiċi tal-kawża prinċipali, C. Salgado González ħallset kontribuzzjonijiet fi Spanja mill-1 ta’ Frar 1989 sal-31 ta’ Marzu 1999, għalhekk għall-perijodu ta’ iktar minn 10 snin, li nissottometti huwa perijodu twil biżżejjed biex wieħed jikseb kontribuzzjoni medja rappreżentattiva.

    ( 36 ) Ara l-punt 13 iktar ’il fuq. Ara wkoll il-punt 38 iktar ’il fuq.

    ( 37 ) Huwa ċar ukoll li bit-tħaddim tal-liġi Spanjola, iktar ma ħaddiem li jaħdem għal rasu juża d-dritt tiegħu tal-moviment liberu, iktar ma tkun qawwija din ir-restrizzjoni. Barra minn hekk, din ir-restrizzjoni ser tiġi aggravata maż-żmien bl-estensjoni tal-perijodu ta’ referenza għal 300 xahar qabel l-avveniment operattiv u l-adozzjoni ta’ diviżur ta’ 350 konformi mal-Liġi Spanjola 27/2011 (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 iktar ’il fuq).

    ( 38 ) L-Artikolu 46(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jagħmel riferiment b’mod speċifiku għal persuni (ħaddiema) li jaħdmu għal rashom. Ara wkoll is-sentenza Barreira Pérez, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 28. Jiena nqis li peress li l-Artikolu 47(1)(g) tar-Regolament Nru 1408/71 jistabbilixxi regoli addizzjonali għal kalkolu tal-ammont teoretiku li jsir riferiment għalih fl-Artikolu 46(2)(a) u t-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi kjarifika fir-rigward tal-Artikolu 47(1)(g), id-dispożizzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq japplikaw bl-istess mod għal ħaddiema impjegati u ħaddiema li jaħdmu għal rashom.

    ( 39 ) Ara l-punti 13, 38 u 46 iktar ’il fuq. Fil-kawża prinċipali ssir referenza għall-proporzjon bħala pro rata temporis.

    Top

    Opinion of the Advocate-General

    Opinion of the Advocate-General

    I – Introduzzjoni

    1. B’digriet tad-9 ta’ Mejju 2011, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Ġunju 2011, it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (Spanja) irrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari erba’ domandi dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971 (2) kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006 (3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”) u tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (4) kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”) (5) .

    2. Id-domandi ġew magħmula fil-kuntest ta’ proċeduri bejn C. Salgado González u l-Instituto Nacional de la Seguridad Social (l-Istitut Nazzjonali għas-Sigurtà Soċjali, iktar ’il quddiem l-“INSS”) u t-Tesorería General de la Seguridad Social (Il-Fond Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali, iktar ’il quddiem it-“TGSS”) fir-rigward tal-kalkolu tal-pensjoni tax-xjuħija ta’ C. Salgado González. Il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob kjarifika dwar jekk l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 jew tar-Regolament Nru 883/2004 flimkien mal-Artikolu 162(1) tal-Liġi Ġenerali Spanjola dwar is-Sigurtà Soċjali (Ley General de la Seguridad Social) twassalx għal tnaqqis indebitu tal-pensjoni ta’ ħaddiem migrant li jaħdem għal rasu.

    II – Il-kuntest legali

    A – Id-dritt tal-Unjoni

    3. L-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li:

    “Fejn il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru tagħmel l-akkwist, ir-retenzjoni u l-irkuprar tad-dritt tal-benefiċċji, taħt skema li mhix skema speċjali fl-ambitu tat-tifsira tal-paragrafu 2 jew 3, suġġetti għat-twettiq ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni jew residenza, l-istituzzjoni kompetenti ta’ dak l-Istat Membru tieħu inkonsiderazzjoni, fejn meħtieġ, tal-perijodi ta’ assigurazzjoni jew residenza mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor, sew jekk taħt skema ġenerali jew taħt skema speċjali u sew jakk bħala persuna impjegata kif ukoll jekk persuna li taħdem għal rasha. Għal dan l-iskop, hija tieħu inkonsiderazzjoni dawn il-perijodi bħallikieku twettqu taħt il-leġiżlazzjoni tagħha.”

    4. L-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jippreċiża li:

    “Fejn l-kondizzjonijiet mitluba mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru għall-intitolar ta’ benefiċċji jissodisfaw biss wara l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 45 [u /] jew ta’ l-Artikolu 40(3), japplikaw ir-regoli li ġejjin:

    (a) l-istituzzjoni kompetenti tikkalkula l-ammont teoretiku tal-benefiċċju li għalih il-persuna kkonċernata tkun tista’ tagħmel it-talba basta l-perijodi kollha ta’ l-assigurazzjoni u/jew tar-residenza, li kienu mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri li għalihom il-persuna impjegata jew li taħdem għal rasha kienet suġġetta, jkunu ġew imwettqa fl-Istat inkwistjoni taħt il-leġiżlazzjoni li hija tamministra fil-jum tal-għoti tal-benefiċċju. Jekk, taħt din il-leġiżlazzjoni, l-ammont tal-benefiċċju huwa indipendenti mit-tul tal-perjodi mwettqa, l-ammont jitqies bħala li jkun l-ammont teoretiku li għalih hemm riferenza f’dan il-paragrafu;

    (b) l-istituzzjoni kompetenti sussegwentement tiddetermina l-ammont attwali tal-benefiċċju abażi tal-ammont teoretiku li għalih hemm riferenza fil-paragrafu preċedenti skond il-proporzjon tat-tul taż-żmien tal-perjodi ta’ assigurazzjoni jew tar-residenza mwettqa qabel il-materjalizzazzjoni tar-riskju taħt il-leġislazzjoni li hija tamministra mat-tul taz-żmien totali tal-perjodi ta’ assigurazzjoni u tar-residenza mwettqa qabel il-materjalizzazzjoni tar-riskju taħt il-leġislazzjonijiet ta’ l-Istati Membri kollha kkonċernati.”

    5. L-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jippreċiża li:

    “Għall-kalkolu ta’ l-ammonti teoretiċi u pro rata msemmija fl-Artikolu 46(2), jkunu japplikaw ir-regoli li ġejjin:

    […]

    (g) fejn, taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, il-benefiċċji huma kkalkulati abażi ta’ kontribuzzjonijiet medji, l-istituzzjoni kompetenti tiddetermina dik il-medja b’riferenza biss għal dawk il-perjodi ta’ assigurazzjoni mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat imsemmi.”

    6. Konformi mal-Artikolu 89 tar-Regolament Nru 1408/71, fl-Anness VI ġew stabbiliti proċeduri speċjali għall-implementazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet ta’ ċerti Stati Membri.

    7. It-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi:

    “(a) Taħt l-Artikolu 47 tar-Regolament, il-kalkolu tal-benefiċċju teoretiku Spanjol isir abbażi tal-kontribuzzjonijiet attwali tal-persuna assigurata matul is-snin immedjatament qabel il-pagament tal-aħħar kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali Spanjola.

    (b) L-ammont tal-pensjoni miksub jkun miżjud bl-ammont taż-żidiet u tar-rivalutazzjonijiet ikkalkolati għal kull sena sussegwenti, għal pensjonijiet tal-istess natura.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    8. Ir-Regolament 1408/71 kien imħassar bir-Regolament Nru 883/2004 mill-1 ta’ Mejju 2010, li hija d-data minn meta beda japplika l-aħħar regolament.

    B – Il-liġi nazzjonali

    9. L-Artikolu 161(1)(b) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali jissuġġetta d-dritt għal pensjoni tax-xjuħija, għal kundizzjoni, inter alia, li jkunu tħallsu kontribuzzjonijiet għal tal-inqas 15-il sena. L-Artikolu 162(1) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali jipprovdi li ‘l-bażi biex tiġi ddeterminata l-pensjoni tal-irtirar taħt l-iskema kontributorja jkun il-kwozjent li joħroġ wara li ssir id-diviżjoni b’210 tal-bażi ta’ kontribuzzjonijiet tal-parti kkonċernata matul il-180 xahar immedjatament qabel ix-xahar preċedenti għall-avveniment operattiv’.

    III – Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    10. C. Salgado González għamlet kontribuzzjonijiet fi Spanja fl-Iskema Speċjali għall-Persuni li Jaħdmu Għal Rashom (Régimen Especial de Trabajadores Autónomos), għal total ta’ 3 711-il ġurnata, mill-1 ta’ Frar 1989 sal-31 ta’ Marzu 1999, u fil-Portugall għal total ta’ 2 100 ġurnata, mill-1 ta’ Marzu 2000 sal-31 Diċembru 2005.

    11. C. Salgado González applikat għal pensjoni tal-irtirar fi Spanja, li ġiet mogħtija mill-1 ta’ Jannar 2006. Meta kkalkolat il-pensjoni ta’ C. Salgado González, l-INSS żiedet il-bażi ta’ kontribuzzjonijiet tagħha fi Spanja mill-1 ta’ April 1984 sal-31 Marzu 1999, li jikkonċernaw il-15-il sena immedjatament qabel il-pagament tal-aħħar kontribuzzjoni tagħha tas-sigurtà soċjali Spanjola. L-INSS imbagħad iddividiet dik il-bażi ta’ kontribuzzjonijiet b’diviżur ta’ 210 (li jikkorrispondi għan-numru ta’ kontribuzzjonijiet ordinarji ta’ kull xahar u ta’ kontribuzzjonijiet annwali straordinarji mħallsa matul 180 xahar jew 15-il sena) konformi mal-Artikolu 162(1) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali. Dan irriżulta f’‘base reguladora’ jew f’bażi ta’ kalkolu. Peress li C. Salgado González bdiet tikkontribwixxi għas-Sigurtà Soċjali Spanjola biss mill-1 ta’ Frar 1989, il-bażi ta’ kontribuzzjonijiet għall-perijodu mill-1 ta’ April 1984 sal-31 ta’ Jannar 1989 kienu kkalkolati mill-INSS bħala 0 (6), u b’hekk dan wassal għal tnaqqis fil-bażi ta’ kalkolu (base reguladora).

    12. Eventwalment il-bażi ta’ kalkolu ta’ C. Salgado González kienet iffissata għal EUR 336.83 kull xahar (7) .

    13. Il-bażi ta’ kalkolu (base reguladora) għall-1 ta’ April 1984 sal-31 ta’ Marzu 1999 imbagħad kienet imnaqqsa billi kienet immultiplikata b’53 % (8), li tikkorrispondi għas-snin ta’ kontribuzzjonijiet ta’ C. Salgado González (9) u anki b’63.86 % li jikkorrispondi għal pro rata temporis għal Spanja (10) .

    14. Wara li eżawriet ir-rotta preliminari amministrattiva, C. Salgado González ressqet kawża quddiem il-Juzgado de lo Social (il-Qorti Soċjali) Nru 003, Ourense, fejn sostniet li kien hemm differenzi fil-pensjoni tal-irtirar. Il-Juzgado de lo Social ċaħdet ir-rikors tagħha. Din id-deċiżjoni kienet appellata minn C. Salgado González quddiem il-qorti tar-rinviju.

    15. Il-qorti tar-rinviju fid-digriet tar-rinviju tosserva li fil-kalkolu tal-bażi ta’ kalkolu (base reguladora), l-INSS qagħdet fuq it-Titolu H, punt 4 (Spanja) tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71 flimkien mal-Artikolu 162(1) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali. Huwa dan l-effett kombinat li ta lok għal dubji min-naħa tal-qorti tar-rinviju.

    16. Skont il-qorti tar-rinviju, filwaqt li ma hemmx dubju li l-kontribuzzjonijiet ta’ C. Salgado González fil-Portugall ma jistgħux ikunu użati fil-kalkolu tal-bażi ta’ kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar Spanjola (11), tqum il-mistoqsija jekk il-kalkolu mwettaq mill-INSS huwiex korrett jew jekk wassalx għal tnaqqis indebitu, li C. Salgado González issejjaħ proporzjon doppju, tad-dritt tagħha għall-pensjoni tal-irtirar.

    17. L-INSS, meta japplika kemm it-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikolu 162(1) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali, iżid il-kontribuzzjonijiet attwali tal-persuna assigurata matul il-15-il sena immedjatament qabel il-pagament tal-aħħar kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali Spanjola, imbagħad jagħmel diviżjoni tas-somma b’210.

    18. Il-qorti tar-rinviju, madankollu, tosserva li fit-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71, ma hemm ebda riferiment affattu għall-perijodu ta’ 15-il sena, lanqas għad-diviżur ta’ 210, li joriġinaw mill-Artikolu 162(1) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali.

    19. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li f’sitwazzjoni bħal din huma possibbli tliet interpretazzjonijiet.

    20. L-ewwel interpretazzjoni possibbli hija dik imressqa mill-INSS u li, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, ma hijiex konformi mal-garanziji għal moviment liberu tal-ħaddiema għar-rigward ta’ benefiċċji soċjali konformi mal-Artikolu 48 TFUE jew mat-trattament ugwali ta’ ħaddiema mhux migranti u ħaddiema migranti konformi mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71 għal tliet raġunijiet.

    21. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li l-użu tad-diviżur 210 fir-rigward ta’ ħaddiema migranti, anki fejn kien hemm inqas minn 15-il sena ta’ kontribuzzjonijiet fi Spanja, tqiegħed lil ħaddiema migranti f’livell mhux ugwali ma’ ħaddiema mhux migranti li jħallsu kontribuzzjonijiet fi Spanja. Din l-inugwaljanza sseħħ, peress li, għall-istess livell ta’ kontribuzzjonijiet daqs ta’ ħaddiem mhux migrant li jħallas kontribuzzjonijiet fi Spanja, il-ħaddiem migrant, meta jaqsam il-kontribuzzjonijiet tiegħu bejn Spanja u Stat Membru ieħor, ikollu bażi ta’ kalkolu (base reguladora) li hija inqas bl-ammont ta’ kontribuzzjonijiet li huwa ma ħallasx fi Spanja (u barra minn hekk ibati minn tnaqqis proporzjonali pro rata temporis korrispondenti).

    22. Il-qorti tar-rinviju tqis li dan ma jiggarantix li jintlaħaq l-għan li ‘ħaddiem migrant ma għandux ibati tnaqqis fl-ammont tal-benefiċċju li kien jirċievi li kieku ma kienx migrant’ (12) .

    23. Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, iktar ma ħaddiem migrant iħallas kontribuzzjonijiet fi Stat Membru ieħor tal-UE, inqas se jkollu ħin disponibbli fil-ħajja tax-xogħol tiegħu biex iżid il-kontribuzzjonijiet tiegħu fi Spanja, kalkolabbli biss abbażi tat-Titolu H, punt 4 (Spanja) tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71. Għalhekk il-perijodu ta’ 15-il sena li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 162(1) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali joħloq differenza oħra minn ħaddiem mhux migrant li jkun ħallas kontribuzzjonijiet fi Spanja, li għandu l-ħajja tax-xogħol tiegħu kollha biex iżid fuq dak il-perijodu ta’ 15-il sena. Fil-qosor, l-aċċess għal pensjoni tal-irtirar li jkun konsistenti mal-kontribuzzjonijiet tiegħu isir iktar diffiċli għal ħaddiem migrant fil-Komunità komparat ma’ ħaddiem mhux migrant fi Spanja.

    24. Barra dan, skont il-qorti tar-rinviju, peress li element essenzjali tal-moviment liberu tal-ħaddiema jitħalla f’idejn il-legiżlatura nazzjonali Spanjola, li tista’ żżid il-perijodu ta’ żmien stipulat fl-Artikolu 162(1) tal-Liġi Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali (13), id-diviżur tas-somma tal-kontribuzzjonijiet imħallsa fi Spanja, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-każ ta’ ħaddiema migranti, jistgħu jerġgħu jiżdiedu u l-pensjoni tagħhom tiġi mnaqqsa iktar.

    25. Il-qorti tar-rinviju tqis li hemm interpretazzjoni oħra possibbli li hija iktar konformi mal-għanijiet Komunitarji. It-Titolu H, paragrafu 4(a) (Spanja) tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71, meta jipprovdi li “il-kalkolu tal-benefiċċju teoretiku Spanjol isir abbażi tal-kontribuzzjonijiet attwali tal-persuna assigurata matul is-snin immedjatament qabel il-pagament tal-aħħar kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali Spanjola”, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jistabbilixxi mezz ta’ kalkolu speċifiku li konformi miegħu il-bażi tal-kontribuzzjonijiet attwali tal-persuna assigurata matul is-snin immedjatament qabel il-pagament tal-aħħar kontribuzzjoni għas-Sigurtà Soċjali Spanjola jiġu miżjuda, u r-riżultat ta’ dik iż-żieda jiġi diviż bin-numru ta’ snin li matulhom kienu saru.

    26. Il-qorti tar-rinviju tosserva li kieku l-interpretazzjoni deskritta fil-punt 25 iktar ’il fuq tkun applikata għal dan il-każ, il-kontribuzzjonijiet magħmula minn C. Salgado González fi Spanja ma jiġux diviżi b’210, imma pjuttost bin-numru ta’ snin meta ħallset kontribuzzjonijiet fi Spanja, jiġifieri s-snin bejn l-1 ta’ Frar 1989 u l-31 ta’ Marzu 1999.

    27. Skont il-qorti tar-rinviju, jista’ jkun hemm interpretazzjoni possibbli oħra, li tkun twassal għal bażi ta’ kalkolu (base reguladora) li hija inqas minn dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-għażla preċedenti deskritta fil-punti 25 u 26 iktar ’il fuq. Il-perijodu ta’ kontribuzzjonijiet fil-Portugall ikun kopert bil-bażi ta’ kontribuzzjonijiet fi Spanja li hija eqreb fiż-żmien għal dak il-perijodu ta’ żmien, meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tal-prezzijiet għall-konsumatur, kif stipulat fil-paragrafu 2(a) (Spanja) tal-Anness XI tar-Regolament Nru 883/2004 li jistabbilixxi regola ġdida li ma kinitx ikkontemplata fit-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71. Il-qorti tar-rinviju tqis li din tkun applikazzjoni b’analoġija. L-ewwel nett, għaliex f’dan il-każ il-paragrafu 2(a) (Spanja) tal-Anness XI tar-Regolament Nru 883/2004 ma huwiex applikabbli ratione temporis . It-tieni nett, għax il-paragrafu 2(a) (Spanja) tal-Anness XI tar-Regolament Nru 883/2004, bl-istess termini tal-predeċessur tiegħu, it-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71, jistipula li “l-kalkolu tal-benefiċċju teoretiku Spanjol isir abbażi tal-kontribuzzjonijiet attwali tal-persuna assigurata matul is-snin immedjatament qabel il-pagament tal-aħħar kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali Spanjola.” F’dan il-każ, il-perijodi ta’ assigurazzjoni koperti fil-Portugall huma immedjatament wara, mhux immedjatament qabel, l-aħħar kontribuzzjoni li saret fi Spanja.

    28. Għal dawn ir-raġunijiet il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “Huwa konformi mal-għanijiet Komunitarji li jinsabu fl-Artikolu 48 [TFUE] u fl-Artikolu 3 tar-Regolament [Nru 1408/71], kif ukoll mal-kliem [tat-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI] tar-Regolament tal-Kunsill [Nru 1408/71], li [din l-aħħar dispożizzjoni] tiġi interpretata fis-sens li, għall-kalkolu tal-benefiċċju teoretiku Spanjol imwettaq fuq il-bażijiet ta’ kontribuzzjoni reali tal-persuna assigurata, matul is-snin li jippreċedu immedjatament il-ħlas tal-aħħar kontribuzzjoni lis-Sigurtà Soċjali Spanjola, is-somma miksuba għandha tkun diviża b’210, fejn dan in-numru huwa d-diviżur stabbilit għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-pensjoni ta’ rtirar skont l-Artikolu 162(1) tal-Ley General de la Seguridad Social?

    (Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda): Huwa konformi mal-għanijiet Komunitarji li jinsabu fl-Artikolu 48 [TFUE] u fl-Artikolu 3 tar-Regolament [Nru 1408/71] u mal-kliem [tat-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI] tar-Regolament tal-Kunsill [Nru 1408/71], li [din l-aħħar dispożizzjoni] tiġi interpretata fis-sens li, għall-kalkolu tal-benefiċċju teoretiku Spanjol imwettaq fuq il-bażijiet ta’ kontribuzzjoni reali tal-persuna assigurata, matul is-snin li jippreċedu immedjatament il-ħlas tal-aħħar kontribuzzjoni lis-Sigurtà Soċjali Spanjola, is-somma miksuba għandha tkun diviża bin-numru ta’ snin ta’ kontribuzzjonijiet fi Spanja?

    (Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda u tkun xi tkun ir-risposta, pożittiva jew negattiva, għall-ewwel domanda): [Il-paragrafu 2(a) (Spanja) tal-Anness XI] tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 […] huwa applikabbli b’analoġija għal dan il-każ sabiex jiġu sodisfatti l-għanijiet Komunitarji li jinsabu fl-Artikolu 48 [TFUE] u fl-Artikolu 3 tar-Regolament [Nru 1408/71], u din l-applikazzjoni konsegwentement tippermetti li tintuża għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni fil-Portugall il-bażi ta’ kontribuzzjoni fi Spanja li tqarreb l-iktar għal dan il-perijodu, fid-dawl tal-iżvilupp tal-prezzijiet għall-konsumatur?

    (Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel, għat-tieni u għat-tielet domandi): Fil-każ li ebda waħda mill-interpretazzjonijiet proposti iktar ’il fuq ma tkun totalment jew parzjalment korretta, liema hija l-interpretazzjoni [tat-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71], li, filwaqt li tkun utli għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża, tkun l-iktar konformi kemm mal-għanijiet Komunitarji li jinsabu fl-Artikolu 48 [TFUE] u fl-Artikolu 3 tar-Regolament [Nru 1408/71], kif ukoll mal-kliem [tat-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI]?”

    IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    29. Kienu ppreżentati sottomissjonijiet bil-mitkub mill-INSS u mit-TGSS flimkien, mir-Renju ta’ Spanja u mill-Kummissjoni. Waqt is-seduta li nżammet fl-24 ta’ Mejju 2012 dawn il-partijiet kollha għamlu sottomissjonijiet orali.

    V – Evalwazzjoni

    30. Hu meħtieġ li jkun stabbilit bħala punt preliminari jekk ir-Regolament Nru 1408/71 jew ir-Regolament Nru 883/2004 humiex applikabbli fir-rigward tad-dritt għall-pensjoni Spanjola ta’ C. Salgado González. Huwa evidenti mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li C. Salgado González kienet intitolata titlob pensjoni tal-irtirar fi Spanja mill-1 ta’ Jannar 2006 (14) . Fid-dawl tal-fatt li r-Regolament Nru 883/2004 beda japplika biss mill-1 ta’ Mejju 2010 (15) u ma hemm ebda indikazzjoni fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li C. Salgado González talbet reviżjoni tad-drittijiet tal-pensjoni Spanjola konformi mal-arranġamenti ta’ tranżizzjoni previsti, inter alia, fl-Artikolu 87(5) tar-Regolament Nru 883/2004, jiena nqis li r-Regolament Nru 1408/71 huwa ratione temporis applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali. Jiena nosserva wkoll li filwaqt li l-erba’ domandi tal-qorti nazzjonali jagħmlu riferiment għall-Artikolu 48 TFUE, fil-fehma tiegħi l-Artikolu 42 huwa applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali fid-dawl tad-data meta C. Salgado González kienet mogħtija pensjoni Spanjola (16) .

    31. Bħala kwistjoni preliminari għandu jiġi mfakkar li r-Regolament Nru 1408/71 ma jistabbilixxix skema komuni tas-sigurtà soċjali, imma jippermetti li jeżistu skemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali differenti u l-uniku għan tiegħu huwa li jiżgura l-koordinament ta’ dawk l-iskemi. Għalhekk fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell Komunitarju, imiss lil-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru biex tistabbilixxi, l-ewwel, il-kundizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mad-dritt jew dover li tkun assigurat ma’ skema tas-sigurtà soċjali u, it-tieni, il-kundizzjonijiet biex tkun intitolat għal benefiċċji. Fl-eżerċizzju ta’ dawk il-poteri, l-Istati Membri għandhom madankollu jikkonformaw mad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE li jagħti lil kull ċittadin tal-Unjoni d-dritt li jiċċaqlaq u li jgħix fit-territorju tal-Istati Membri (17) .

    32. C. Salgado González tibbenefika mill-possibbiltà li taggrega flimkien il-perijodi ta’ assigurazzjoni tagħha fi Spanja u fil-Portugall konformi, inter alia, mal-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1408/71 u hija għalhekk intitolata għal pensjoni fi Spanja (18) . It-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna l-metodu ta’ kalkolu, u għalhekk, l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar ta’ C. Salgado González fi Spanja.

    33. L-ammont tal-pensjoni tal-irtirar ta’ C. Salgado González skont il-liġi Spanjola jiddependi, l-ewwel, konformi mal-Artikolu 162(1) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali, fuq il-bażi ta’ kalkolu tagħha (base reguladora) li huwa l-livell medju ta’ kontribuzzjonijiet matul perijodu ta’ referenza ta’ 180 xahar jew ta’ 15-il sena u, it-tieni, konformi mal-Artikolu 163 tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali fuq it-tul tal-perijodu ta’ kontribuzzjonijiet li jkun ġie komplut.

    34. Fir-rigward tat-tul tal-perijodu ta’ kontribuzzjonijiet li jkun ġie komplut, skont id-digriet tar-rinviju, il-bażi ta’ kalkolu (base reguladora) ta’ C. Salgado González kien ġie mnaqqas billi kien immultiplikat bi 53 %, li jikkorrispondi għas-16-il sena tagħha ta’ kontribuzzjonijiet fi Spanja u fil-Portugall, minn massimu potenzjali ta’ 35 sena kif ipprovdut fil-liġi Spanjola. Jidher li dan it-tnaqqis ma huwiex ikkontestat fil-kawża prinċipali.

    35. Huwa l-mod li bih kien ikkalkolat il-livell medju ta’ kontribuzzjonijiet matul perijodu ta’ referenza ta’ 180 xahar jew ta’ 15-il sena li teżisti kwistjoni dwaru fil-kawża prinċipali (19) . Il-qorti tar-rinviju qajmet numru ta’ domandi li jikkonċernaw id-diviżjoni tal-kontribuzzjonijiet ta’ C. Salgado González abbażi tal-kontribuzzjonijiet attwali tal-persuna assigurata matul is-snin immedjatament qabel il-pagament tal-aħħar kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali Spanjola (l-1 ta’ April 1984 sal-31 ta’ Marzu 1999) b’diviżur ta’ 210 u, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li hija ma ħallsitx kontribuzzjonijiet mill-1 ta’ April 1984 sal-31 ta’ Jannar 1989.

    36. Fil-fehma tiegħi, peress li d-dritt ta’ C. Salgado González għal pensjoni tal-irtirar fi Spanja, jiġi sodisfatt bl-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni tagħha fi Spanja u l-Portugall, l-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 1408/71 huwa applikabbli (20) . L-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jistabbilixxi l-metodoloġija li konformi magħha jiġi kkalkolat l-ammont teoretiku tal-benefiċċju ta’ C. Salgado González u l-ammont attwali tal-benefiċċju li hija tista’ titlob. Dan huwa magħruf bħala sistema ta’ aggregazzjoni u apporzjonament (21) .

    37. Konformi mal-Artikolu 46(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, l-istituzzjoni kompetenti trid tikkalkola l-ammont teoretiku tal-benefiċċju li l-persuna tista’ titlob kieku l-perijodi kollha ta’ assigurazzjoni mwettqa mill-persuna kkonċernata fi Stati Membri differenti kienu mwettqa fl-Istat Membru inkwistjoni. L-istituzzjoni kompetenti mbagħad tikkalkola, konformi mal-Artikolu 46(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, l-ammont attwali tal-benefiċċju abbażi tal-ammont teoretiku, u fil-proporzjon li t-tul tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa qabel ma jkun ġara r-riskju taħt il-legiżlazzjoni amministrata minnha jkollu mat-tul tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa taħt il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri kollha kkonċernati qabel ma jkun ġara r-riskju (22) .

    38. Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 46(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 li jikkonċerna l-apporzjonament tal-piż fuq il-benefiċċju teoretiku ta’ C. Salgado González bejn Spanja u l-Portugall, jidher li t-tnaqqis tal-bażi ta’ kalkolu (base reguladora) ta’ C. Salgado González b’63.86 %, li jikkorrispondi għall- ‘pro rata’ (23) jew it-tul ta’ żmien maħdum minn C. Salgado González fi Spanja matul il-perijodu totali ta’ assigurazzjoni fi Spanja u fil-Portugall mill-1 ta’ Frar 1989 sal-31 ta’ Diċembru 2005, ma huwiex ikkontestat fil-kawża prinċipali.

    39. Huwa evidenti mid-digriet tar-rinviju u mill-erba’ domandi magħmula, li se nittratta flimkien, li l-qorti tar-rinviju essenzjalment qiegħda titlob gwida dwar il-kalkolu tal-ammont teoretiku tal-pensjoni ta’ C. Salgado González konformi mal-Artikolu 46(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71.

    40. L-ammont teoretiku tal-pensjoni ta’ C. Salgado González għandu, konformi mal-Artikolu 46(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, jiġi kkalkolat bħallikieku hija kienet ħadmet esklużivament fi Spanja (24) . L-għan ta’ dik id-dispożizzjoni huwa maħsub biex C. Salgado González tingħata l-ammont teoretiku massimu li tista’ titlob kieku l-perijodi kollha ta’ assigurazzjoni kienu twettqu fi Spanja (25) .

    41. L-Artikolu 47(1)(g) tar-Regolament Nru 1408/71 jistabbilixxi regoli addizzjonali biex ikun ikkalkolat l-ammont teoretiku li jsir riferiment għalih fl-Artikolu 46(2)(a) ta’ dak ir-regolament u jinkludi sistema ta’ kalkolu ta’ benefiċċji tal-irtirar fuq bażi medja ta’ kontribuzzjonijiet, kif stabbilit bil-leġiżlazzjoni Spanjola (26) . Barra minn hekk, konformi mat-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71 (27), li jipprovdi kjarifika dwar ir-regoli ddettaljati stabbiliti fl-Artikolu 47(1)(g) tar-Regolament Nru 1408/71, u l-ġurisprudenza stabbilita dwar il-materja, f’każijiet bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali u kif ġie indikat korrettement mill-qorti tar-rinviju, l-ammont teoretiku tal-pensjoni ta’ C. Salgado González għandu jiġi ddeterminat biss b’riferiment għall-kontribuzzjonijiet attwalment imħallsa minnha skont il-leġiżlazzjoni Spanjola, suġġett għal żidiet u rivalorizzazzjonijiet li jkunu jikkorrispondu għall-ammont li kienet tħallas li kieku kompliet taħdem taħt l-istess kundizzjonijiet fi Spanja (28) . Barra minn hekk, il-kalkolu tal-bażi tal-kontribuzzjoni medja konformi mal-Artikolu 47(1)(g) tar-Regolament Nru 1408/71, kif ġie kkjarifikat bit-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71, għandu jiġi ddeterminat b’riferenza biss għal dawk il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni kkonċernata (29), f’dan il-każ il-leġiżlazzjoni Spanjola.

    42. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 47(1)(g) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 46(2)(a) ta’ dak ir-regolament u l-għan stabbilit bl-Artikolu 42 KE, li jimplika b’mod partikolari li l-ħaddiema migranti ma għandhomx isofru tnaqqis fl-ammont tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali bħala konsegwenza talli jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu (30) .

    43. Fil-każ fil-kawża prinċipali, għandu jiġi enfasizzat li minkejja l-fatt li C. Salgado González għandha kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni mħallsa għal perijodu ta’ 16-il sena (31), perijodu li fil-fatt kien ogħla mill-perijodu ta’ referenza ta’ 180 xahar stabbilit bl-Artikolu 162(1) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali, il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet medji tagħha, bl-inklużjoni, fil-perijodu ta’ referenza adottat fir-rigward tagħha, tal-perijodu bejn l-1 ta’ April 1984 sal-31 ta’ Marzu 1999, irriżulta fi tnaqqis konsiderevoli fl-ammont teoretiku tal-benefiċċju tagħha konformi mal-Artikolu 46(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u fl-aħħar mill-aħħar fil-pensjoni tagħha. It-tnaqqis seħħ minħabba l-fatt li matul il-perijodu bejn l-1 ta’ April 1984 sal-31 ta’ Jannar 1989 (32), C. Salgado González ma għamlet ebda kontribuzzjonijiet għas-Sigurtà Soċjali Spanjola (33) .

    44. Fid-dawl tal-Artikolu 46(2)(a) u tal-Artikolu 47(1)(g) tar-Regolament Nru 1408/71 u t-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71, u sabiex jiġi żgurat li C. Salgado González ma ssofrix tnaqqis fl-ammont tal-pensjoni tagħha bħala konsegwenza talli għamlet użu mid-dritt tagħha għal moviment liberu, jien inqis li peress li hija ħallset kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni fi Spanja u fil-Portugall għal perijodu li jeċċedi l-perijodu ta’ 180 xahar stabbilit bl-Artikolu 162(1) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali, il-bażi ta’ kalkolu tagħha (base reguladora) għandha tkun ikkalkolata bħala l-medja tal-bażi ta’ kontribuzzjonijiet attwali fi Spanja matul il-perijodu mill-1 ta’ Frar 1989 sal-31 ta’ Marzu 1999. Id-diviżur ta’ 210 madankollu għandu jiġi aġġustat sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li C. Salgado González eżerċitat id-dritt tagħha għal moviment liberu u għalhekk dan għandu jirrifletti n-numru ta’ kontribuzzjonijiet ordinarji ta’ kull xahar u ta’ kontribuzzjonijiet straordinarji annwali pagabbli minn C. Salgado González fi Spanja matul il-perijodu mill-1 ta’ Frar 1989 sal-31 ta’ Marzu 1999.

    45. L-INSS u t-TGSS isostnu li l-possibbiltà li l-pensjoni ta’ ħaddiem migrant tiġi kkalkolata billi tittieħed inkunsiderazzjoni d-data tal-aħħar kontribuzzjoni fi Spanja minflok id-data tal-avveniment operattiv, mingħajr ma jitbiddel l-għadd ta’ xhur li jittieħdu inkunsiderazzjoni (180), ma hijiex diskriminatorja u hija waħda ġusta għax inkella l-perijodu ta’ kontribuzzjonijiet li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni jkun limitat ħafna. L-INSS u t-TGSS osservaw fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom il-flessibbiltà kbira li jgawdu dawn il-ħaddiema biex jagħżlu il-livell ta’ kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni li huma jixtiequ jħallsu taħt il-liġi Spanjola u tabilħaqq il-possibbiltà li hija miftuħa għal dawn il-ħaddiema li jissospendu l-obbligu tagħhom li jħallsu kontribuzzjonijiet. Għalhekk meta ħaddiem li jaħdem għal rasu ma jħallasx kontribuzzjonijiet, dik il-lakuna tiġi kkalkolata bħala żero (34) . Barra minn hekk, l-INSS u t-TGSS isostnu li l-iskop tal-moviment liberu għal ħaddiema huwa differenti fir-rigward ta’ ħaddiema impjegati u ħaddiema li jaħdmu għal rashom. Il-legiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru tista’ tkun waħda mir-raġunijiet li jwasslu ħaddiem li jaħdem għal rasu li jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor. L-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu jista’ għalhekk ikollu impatt fuq l-ammont tal-pensjoni ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu fejn il-leġiżlazzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni perijodi fejn ma titħallas ebda kontribuzzjoni. Dan ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ moviment liberu għal ħaddiema. Waqt is-seduta tal-24 ta’ Mejju 2012, l-INSS u t-TGSS għamlu riferiment għall-possibbiltà li ħaddiema li jaħdmu għal rashom jimmanipulaw is-sistema tas-Sigurtà Soċjali Spanjola billi jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-moviment liberu.

    46. L-għan tal-Artikolu 162(1) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali jidher li huwa li jiġi kkalkolat ammont medju jew rappreżentattiv fir-rigward tal-bażi ta’ kontribuzzjonijiet ta’ ħaddiem fi Spanja matul perijodu ta’ referenza. Jien nikkunsidra li filwaqt li l-applikazzjoni li ddeskrivejt fil-punt 44 iktar ’il fuq, tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 46(2)(a) u tal-Artikolu 47(1)(g) tar-Regolament Nru 1408/71 u t-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1408/71 dwar il-kalkolu tal-ammont teoretiku tal-benefiċċji tista’, imma mhux neċessarjament (35), tirriżulta f’li perijodu limitat ta’ kontribuzzjonijiet fi Spanja jkun ikkunsidrat meta tiġi kkalkolata l-bażi ta’ kalkolu ta’ ħaddiem migrant, jien ma nara li hemm ebda vantaġġ mhux mixtieq li jista’ jieħu ħaddiem bħal dan. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-ammont teoretiku tal-pensjoni ta’ C. Salgado González, kien imnaqqas bl-applikazzjoni ta’ proporzjon skont l-Artikolu 46(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 sabiex jirrifletti l-fatt li hija kienet eżerċitat id-dritt tagħha tal-moviment liberu u ma kinitx ħallset kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni fi Spanja wara l-31 ta’ Marzu 1999 (36) .

    47. In-nuqqas li jsir aġġustament bħal dan fid-diviżur, fil-fehma tiegħi, se jirrestrinġi ħafna d-dritt għal moviment liberu ta’ ħaddiem impjegat (37) . Barra minn hekk, għall-kuntrarju tas-sottomissjonijiet tar-Renju ta’ Spanja, it-tnaqqis fl-ammont teoretiku ta’ C. Salgado González skont il-leġiżlazzjoni Spanjola u l-użu ta’ diviżur li jikkorrispondi għan-numru ta’ kontribuzzjonijiet ordinarji fix-xahar u ta’ kontribuzzjonijiet straordinarji annwali matul il-perijodu ta’ referenza, li jonqos milli jikkunsidra l-fatt li hija eżerċitat id-dritt tagħha tal-moviment liberu, ma huwiex se jiġi kkumpensat mill-fatt li hija se tirċievi pensjoni fi Stat Membru ieħor. Jien inqis li din is-sottomissjoni tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni tat-termini kemm tal-Artikolu 46(2)(a) u tal-Artikolu 46(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 fil-kalkolu tal-pensjonijiet fl-Istati Membri kollha kkonċernati, u tinjora d-distinzjoni ċara fil-metodoloġija fil-kalkolu tal-ammont teoretiku ta’ benefiċċju u tal-ammont attwali tal-benefiċċju stabbilit f’dawk id-dispożizzjonijiet.

    48. Fir-rigward tas-sottomissjoni mill-INSS u t-TGSS li l-iskop tal-moviment liberu għal ħaddiema huwa differenti fir-rigward ta’ ħaddiema impjegati u ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom, din l-asserzjoni għandha tiġi miċħuda fid-dawl tad-dispożizzjonijiet legali li huma applikabbli fil-kuntest tal-fatti u taċ-ċirkostanzi tal-kawża prinċipali, kif indikati mill-qorti tar-rinviju. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47(1)(g) tar-Regolament Nru 1408/71 u tat-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71 dwar il-kalkolu tal-ammont teoretiku ta’ benefiċċju huma applikabbli bl-istess mod għal ħaddiema impjegati u għal ħaddiema li jaħdmu għal rashom (38) .

    49. Jidher, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li taħt is-sistema tas-Sigurtà Soċjali Spanjola l-livell tal-pensjoni ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu tirrifletti direttament l-isforz li jkun għamel biex jikkontribwixxi għal dik is-sistema. Fil-fehma tiegħi, l-aġġustament tad-diviżur ta’ 210 stabbilit skont l-Artikolu 162(1) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali sal-livell neċessarju biex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li ħaddiem li jaħdem għal rasu jkun eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu, flimkien mal-applikazzjoni tal-proporzjon (39) stabbilit fl-Artikolu 46(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, jiżgura li dak l-isforz ikun rifless b’mod korrett fl-ammont attwali tal-pensjoni ta’ dak il-ħaddiem fl-Istat Membru kkonċernat, filwaqt li jiggarantixxi madankollu d-dritt tiegħu għal moviment liberu u jiżgura l-vijabbiltà finanzjarja tas-sistema nazzjonali tal-pensjoni.

    VI – Konklużjoni

    50. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti hawn fuq, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (Spanja) kif ġej:

    Meta ħaddiem migrant li jaħdem għal rasu jkun għamel kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni fi Stat Membru wieħed jew iktar għal perijodu ugwali għal jew itwal mill-perijodu ta’ referenza previst bil-leġiżlazzjoni Spanjola, l-Artikolu 46(2)(a) u l-Artikolu 47(1)(g) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar il-pubblikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità u t-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1408/71, jipprekludu l-kalkolu tal-benefiċċju teoretiku Spanjol ta’ dak il-ħaddiem abbażi tal-kontribuzzjonijiet attwali tiegħu fi Spanja, matul is-snin immedjatament qabel il-pagament tal-aħħar kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali Spanjola, fejn is-somma hekk miksuba tiġi diviża b’diviżur, li jikkorrispondi għan-numru ta’ kontribuzzjonijiet ordinarji ta’ kull xahar u ta’ kontribuzzjonijiet straordinarji annwali pagabbli matul il-perijodu ta’ referenza, li jonqos li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ħaddiem eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu.

    (1) .

    (2) – Regolament dwar il-pubblikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35).

    (3) – Regolament li jadatta ċerti regolamenti u deċiżjonijiet fl-oqsma tal-moviment liberu ta’ oġġetti, il-moviment liberu ta’ persuni, il-liġi dwar il-kumpanniji, il-politika dwar il-kompetizzjoni, l-agrikoltura (inkluż il-leġiżlazzjoni veterinarja u fitosanitarja), il-politika dwar it-trasport, it-tassazzjoni, l-istatistika, l-enerġija, l-ambjent, il-kooperazzjoni fl-oqsma tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, l-unjoni doganali, ir-relazzjonijiet esterni, il-politika estera u ta’ sigurtà komuni u istituzzjonijiet, minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU 2008 L 352M, p. 629).

    (4) – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72.

    (5) – Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, u li jiddetermina l-kontenut tal-Annessi tiegħu (ĠU L 284, p. 43).

    (6) – Il-qorti tar-rinviju tosserva li, konformi mal-leġiżlazzjoni Spanjola, jeżisti mekkaniżmu biex jimtlew il-lakuni maħluqa bl-Artikolu 162(2) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali, li tippermetti li l-perijodi li fihom ma jkun hemm ebda obbligu biex tikkontribwixxi jkunu koperti b’bażi minima ta’ kontribuzzjonijiet. Madankollu, dan il-mekkaniżmu mhux applikabbli, kif jista’ jiġi dedott mid-dispożizzjoni addizzjonali 8(4) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali, għal ħaddiema li jaħdmu għal rashom, bħal C. Salgado González.

    (7) – C. Salgado González sostniet fit-8 ta’ Jannar 2007 li l-bażi ta’ kalkolu (base reguladora) għall-pensjoni tagħha għandha tkun EUR 864.14 kull xahar. Jidher mid-digriet tar-rinviju u mis-sottomissjonijiet tal-INSS u tat-TGSS quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li t-talba ta’ C. Salgado González kienet ibbażata, inter alia , fuq il-kontribuzzjonijiet tagħha fil-Portugall mill-1 ta’ Jannar 1991 sal-31 ta’ Diċembru 2005.

    (8) – Li rriżultat fl-ammont teoretiku tal-benefiċċju.

    (9) – Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jidher, suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-perċentwal 53 kien ikkalkolat abbażi tas-16-il sena li C. Salgado González ħadmet fi Spanja u fil-Portugall. 50 % jikkorrispondu għall-ewwel 15-il sena ta’ kontribuzzjonijiet u 3 % għas-sena 16.

    (10) – Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jidher, suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li 63.86 % jikkorrispondu għal 3 711-il ġurnata, mill-1 ta’ Frar 1989 sal-31 ta’ Marzu 1999, maħduma minn C. Salgado González fi Spanja, minn total ta’ 5 811-il ġurnata (3 711 + 2 100) maħduma fi Spanja u l-Portugall mill-1 ta’ Frar 1989 sal-31 ta’ Diċembru 2005. Ara l-Artikolu 46(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71.

    (11) – Ara s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 1996, Lafuente Nieto (Kawża C-251/94, Ġabra p. I-4187); is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 1997, Naranjo Arjona et (Kawżi magħquda C-31/96 sa C-33/96, Ġabra p. I-5501); u s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Grajera Rodríguez (Kawża C-153/97, Ġabra p. I-8645).

    (12) – Ara s-sentenza Lafuente Nieto, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 38.

    (13)  – U fil-fatt, kif kien sar fl-1985, meta kienet mgħollija minn sentejn għal tmien snin, u fl-1997, meta kienet mgħollija minn tmien snin għal 15-il sena.

    (14) – Ara l-punt 11 iktar ’il fuq.

    (15) – Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 284, p. 1). Ara l-Artikolu 91 tar-Regolament Nru 883/2004. Ir-Regolament Nru 1408/71 kien ġie mħassar fl-istess data. Ara l-Artikolu 90(1) tar-Regolament Nru 883/2004.

    (16) – It-termini tal-Artikolu 48 TFUE huma pjuttost differenti mill-Artikolu 42 KE (li qabel kien l-Artikolu 51 KEE). Jien nenfasizza l-fatt li l-Parlament u l-Kunsill taħt l-Artikolu 48 TFUE huma mogħtija s-setgħa espressa li jadottaw miżuri fil-kamp tas-sigurtà soċjali fir-rigward ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom. Taħt l-Artikolu 42 KE, dawn il-miżuri kienu adottati mill-Kunsill għar-rigward ta’ ħaddiema impjegati. Madankollu, għandu jkun imfakkar li t-termini tar-Regolament Nru 1408/71 kienu estiżi għal persuni li jaħdmu għal rashom bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1390/81, tat-12 ta’ Mejju 1981, li jestendi għal persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom, ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi tas-sigurtà soċjali għal persuni impjegati u l-familji tagħhom li jispustaw ruħhom fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 222). Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’każijiet li jikkonċernaw ħaddiema ħafna drabi tagħmel riferiment għall-bżonn li r-Regolament Nru 1408/71 jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 42 KE u tal-għanijiet ta’ dik id-dispożizzjoni. Jiena nqis li, wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1309/81, meta dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 tapplika kemm għal ħaddiema migranti impjegati u anki għal ħaddiema migranti li jaħdmu għal rashom, ir-riferiment fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-bżonn li dik id-dispożizzjoni tkun interpretata fid-dawl tal-Artikolu 42 KE u tal-għanijiet tagħha, tapplika mutatis mutandis għal ħaddiema migranti li jaħdmu għal rashom.

    (17) – Ara b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011 (Kawża C-503/09, Ġabra p. I-6497, punti 75 sa 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    (18) – Ara l-punt 9 iktar ’il fuq fejn huma deskritti t-termini tal-Artikolu 161(1)(b) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali li teħtieġ il-pagament ta’ kontribuzzjonijiet għal tal-inqas 15-il sena sabiex wieħed ikun intitolat għal pensjoni tax-xjuħija taħt il-liġi Spanjola. Stat Membru huwa intitolat jimponi perijodu kontributorju minimu għall-finijiet tal-kisba ta’ dritt għal pensjoni previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kif ukoll jistabbilixxi n-natura u l-limiti tal-perijodi ta’ assigurazzjoni li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għal dan l-iskop, sakemm, skont l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1408/71, il-perijodi mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru ieħor huma wkoll meħuda inkunsiderazzjoni taħt l-istess kundizzjonijiet, daqslikieku dawn twettqu taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Tomaszewska (Kawża C-440/09, Ġabra p. I-1033, punt 31).

    (19) – Fis-sottomissjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-INSS u t-TGSS indikaw li bl-adozzjoni tal-Liġi 27/2011, tal-1 ta’ Awwissu 2011, dwar l-aġġornament, l-addattament u l-modernizzazjoni tas-sistema tas-sigurtà soċjali, il-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-bażi ta’ kalkolu (base reguladora) jiżdied gradwalment mill-2013 sal-2027. Fl-2027, il-kalkolu tal-bażi ta’ kalkolu (base reguladora) ikun jikkonsisti fid-diviżjoni tal-bażi ta’ kontribuzzjonijiet tal-benefiċjarju fir-rigward tat-300 xahar ta’ qabel l-avveniment operattiv b’diviżur ta’ 350. Skont l-INSS u t-TGSS, iż-żieda fil-perijodu ta’ referenza hija korretta, minn naħa, biex tiggarantixxi l-vijabbiltà finanzjarja tas-sistema u, min-naħa l-oħra, biex tirrispetta l-prinċipju ta’ ġustizzja fejn l-ammont ta’ pensjoni kontributorja jkun jirrifletti l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet tal-ħaddiem.

    (20) – Hija ġurisprudenza stabbilita li l-kwistjoni tal-kisba ta’ dritt għall-pensjoni taqa’ fi ħdan l-iskop tal-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 1408/71, filwaqt li r-regoli li jikkonċernaw il-kalkolu tal-ammont tal-benefiċċji huma stabbiliti fl-Artikolu 46 et seq ta’ dak ir-regolament. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1993, Lepore u Scamuffa (Kawża C-46/92, Ġabra p. I-6497, punt 13), u s-sentenza Lafuente Nieto, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 49).

    (21) – Ara s-sentenza tal-21 ta’ Marzu 1990, Cabras (Kawża C-199/88, Ġabra p. I-1023, punt 5).

    (22) – Is-sentenza tat-18 ta’ Frar 1992, Di Prinzio (Kawża C-5/91, Ġabra p. I-897, punti 41 u 49).

    (23) – Ara s-sentenza Di Prinzio, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 51 et seq .

    (24) – Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2002, Barreira Pérez (Kawża C-347/00, Ġabra p. I-8191, punt 28).

    (25) – Ara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2005, Koschitzki (Kawża C-30/04, Ġabra p. I-7389, punt 28). Ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 1980, Menzies (Kawża C-793/79, Ġabra p. I-6781, punti 10 u 11).

    (26) – Ara s-sentenza Naranjo Arjona et iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 19. Ara wkoll b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 1984, Weber (Kawża 181/83, Ġabra p. 4007, punt 14).

    (27) – Dik id-dispożizzjoni tħalli l-kontenut tal-Artikolu 47(1)(g) tar-Regolament Nru 1408/71 intatt, u hija maħsuba biss biex tiżgura l-kompatibbiltà tiegħu mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 42 KE. Ara s-sentenza Grajera Rodríguez, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 20.

    (28) – Ara s-sentenzi Naranjo Arjona et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punti 21 u 22) u Grajera Rodriguez (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 19).

    (29) – Fi Grajera Rodríguez (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11), il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodu li matulu ħaddiem migrant attwalment ma għamel ebda kontribuzzjoni għal xi skema tas-sigurtà soċjali nazzjonali u li, barra minn hekk, kien diġà ġie kkunsidrat taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor fejn il-persuna kkonċernata tkun ħadmet, dan ma jkunx konformi mal-Artikolu 47(1)(g) tar-Regolament Nru 1408/71. Is-sottomissjoni ta’ A. Grajera Rodríguez li għandhom jiġu kkunsidrati ammonti mħallsa lilu fi Stat Membru ieħor matul is-snin immedjatament qabel il-materjalizzazzjoni tar-riskju, kienet miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    (30) – Is-sentenza Lafuente Nieto (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 33). Dan ifisser li l-bażi tal-kontribuzzjoni medja kkalkolata skont l-Artikolu 47(1)(g) tar-Regolament Nru 1408/71 għandha tkun l-istess għall-ħaddiem migrant daqslikieku huwa ma għamel ebda użu mid-dritt tiegħu tal-moviment liberu. Ara s-sentenza Naranjo Arjona et , iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 21.

    (31) – Ara l-punti 10 u 11 iktar ’il fuq.

    (32) – Li jikkorrispondi għal erba’ snin u 10 xhur.

    (33) – Ara l-punt 11 iktar ’il fuq li jiddeskrivi kif C. Salgado González bdiet tħallas kontribuzzjonijiet għas-Sigurtà Soċjali Spanjola biss mill-1 ta’ Frar 1989.

    (34) – Fil-każ ta’ ħaddiema impjegati dawn il-lakuni ‘jimtlew’ b’ammont ekwivalenti għal kontribuzzjoni minima.

    (35) – Dan fil-fatt jiddependi fuq is-sitwazzjoni ta’ kull ħaddiem migrant individwali. Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-fatti speċifiċi tal-kawża prinċipali, C. Salgado González ħallset kontribuzzjonijiet fi Spanja mill-1 ta’ Frar 1989 sal-31 ta’ Marzu 1999, għalhekk għall-perijodu ta’ iktar minn 10 snin, li nissottometti huwa perijodu twil biżżejjed biex wieħed jikseb kontribuzzjoni medja rappreżentattiva.

    (36) – Ara l-punt 13 iktar ’il fuq. Ara wkoll il-punt 38 iktar ’il fuq.

    (37) – Huwa ċar ukoll li bit-tħaddim tal-liġi Spanjola, iktar ma ħaddiem li jaħdem għal rasu juża d-dritt tiegħu tal-moviment liberu, iktar ma tkun qawwija din ir-restrizzjoni. Barra minn hekk, din ir-restrizzjoni ser tiġi aggravata maż-żmien bl-estensjoni tal-perijodu ta’ referenza għal 300 xahar qabel l-avveniment operattiv u l-adozzjoni ta’ diviżur ta’ 350 konformi mal-Liġi Spanjola 27/2011 (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 iktar ’il fuq).

    (38) – L-Artikolu 46(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jagħmel riferiment b’mod speċifiku għal persuni (ħaddiema) li jaħdmu għal rashom. Ara wkoll is-sentenza Barreira Pérez, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 28. Jiena nqis li peress li l-Artikolu 47(1)(g) tar-Regolament Nru 1408/71 jistabbilixxi regoli addizzjonali għal kalkolu tal-ammont teoretiku li jsir riferiment għalih fl-Artikolu 46(2)(a) u t-Titolu H, paragrafu 4 (Spanja) tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi kjarifika fir-rigward tal-Artikolu 47(1)(g), id-dispożizzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq japplikaw bl-istess mod għal ħaddiema impjegati u ħaddiema li jaħdmu għal rashom.

    (39) – Ara l-punti 13, 38 u 46 iktar ’il fuq. Fil-kawża prinċipali ssir referenza għall-proporzjon bħala pro rata temporis .

    Top