EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CC0260

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 18 ta' Ottubru 2012.
The Queen, fuq talba ta' David Edwards u Lilian Pallikaropoulos vs Environment Agency et..
Talba għal deċiżjoni preliminari: Supreme Court of the United Kingdom - ir-Renju Unit.
Ambjent - Konvenzjoni ta’ Århus - Direttiva 85/337/KEE - Direttiva 2003/35/KE - Artikolu 10a - Direttiva 96/61/KE - Artikolu 15a - Aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali - Kunċett ta’ ‘spiża mhux projbittiva’ tal-proċeduri ġudizzjarji.
Kawża C-260/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:645

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-18 ta’ Ottubru 2012 ( 1 )

Kawża C-260/11

David Edwards

Lilian Pallikaropoulos

Regina

vs

Environment Agencyvs

First Secretary of Statevs

Secretary of State for Environment, Food and Rural Affairs

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (ir-Renju Unit)]

“(Konvenzjoni ta’ Århus — Direttiva 2003/35/KE — Direttiva 85/337/KEE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġetti fuq l-ambjent — Direttiva 96/61/KE — Prevenzjoni u kontroll integrati tat-tniġġis — Aċċess għall-ġustizzja — Kunċett ta’ “spiża projbittiva” ta’ proċeduri ġudizzjarji)”

I – Introduzzjoni

1.

Kemm għandhom jiswew proċeduri ġudizzjarji fuq kwistjoni ambjentali? Din il-mistoqsija hija s-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Skont il-Konvenzjoni ta’ Århus ( 2 ) u d-dispożizzjonijiet li jimplementawha fid-Direttiva 85/337/KEE dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (iktar ’il quddiem id-“Direttiva EEA”) ( 3 ) u fid-Direttiva 96/61 KE dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (iktar ’il-quddiem id-“Direttiva PKI”) ( 4 ), il-proċeduri ġudizzjarji fi kwistjonijiet ambjentali ma għandux ikollhom “spiża projbittiva”.

2.

Madankollu, fil-qrati fl-Ingilterra u f’Wales hemm riskji kunsiderevoli rigward l-ispejjeż, b’mod partikolari minħabba d-drittijiet normalment imħallsa lill-avukati hemmhekk. Is-Supreme Court qiegħda għalhekk tistaqsi, wara l-konklużjoni ta’ proċeduri ambjentali, kif għandha tapplika l-Konvenzjoni u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttivi fi kwistjoni li tirrigwarda l-kap tal-ispejjeż.

II – Kuntest ġuridiku

A – Dritt internazzjonali

3.

Ir-regoli rilevanti għall-ispejjeż legali fi proċeduri ambjentali jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Århus, li ġiet iffirmata mill-Komunità Ewropea ta’ dakinhar fil-25 ta’ Ġunju 1998 f’Århus (id-Danimarka) ( 5 ).

4.

L-aċċess għall-ġustizzja huwa indirizzat fis-seba’, fit-tmien u fit-tmintax-il premessa tal-preambolu tal-Konvenzjoni:

“Wara li rrikonoxxew li kull persuna għandha d-dritt li tgħix f’ambjent xieraq għas-saħħa u l-benesseri tiegħu jew tagħha, u d-dmir, kemm individwali u kemm f’assoċjazzjoni ma’ oħrajn, li tħares u ttejjeb l-ambjent għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri,

Wara li kkunsidraw li, sabiex ikunu f’pożizzjoni li jasserixxu dan id-dritt u josservaw dan id-dmir, iċ-ċittadini jrid ikollhom aċċess għal informazzjoni, ikunu intitolati li jipparteċipaw fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u jkollhom aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, filwaqt li jiġi rrikonoxxut f’dan ir-rigward li ċ-ċittadini jista’ jkollhom il-bżonn ta’ assistenza sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom,

[...]

Imħassba li mekkaniżmi ġudizzjarji effettivi għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku, inklużi organizzazzjonijiet, sabiex l-interessi leġittimi tiegħu jkunu protetti u l-liġi tiġi infurzata.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5.

L-għan fundamentali tal-Konvenzjoni huwa pprovdut fl-Artikolu 1:

“Għal finijiet ta’ kontribuzzjoni għall-ħarsien tad-dritt ta’ kull persuna ta’ ġenerazzjonijiet preżenti u futuri, li tgħix f’ambjent xieraq sabiex jiżgura s-saħħa u l-benesseri tagħha, kull Parti għandha tiggarantixxi d-drittijiet ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6.

L-Artikolu 3(8) tal-Konvenzjoni jsemmi l-ispejjeż fi proċeduri ġudizzjarji:

“Kull Parti għandha tiżgura li l-persuni li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni ma jiġu bl-ebda mod ippenalizzati, ippersegwitati jew suġġetti għal miżuri vessatorji minħabba l-involviment tagħhom. Din id-dispożizzjoni ma tippreġudikax is-setgħat tal-qrati nazzjonali li jattribwixxu spejjeż ta’ ammont raġonevoli fil-proċeduri ġudizzjarji.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7.

L-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni jirregola l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali. L-Artikolu 9(4) u (5) jirreferi inter alia għall-ispejjeż:

“(4)   Barra dan, u bla ħsara għall-paragrafu 1 iktar ’il fuq, il-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 iktar ’il fuq għandhom joffru rimedji suffiċjenti u effettivi, inkluż rimedju permezz ta’ inġunzjoni skont kif xieraq, u għandhom ikunu ġusti, retti, f’waqthom u ma jiswewx tant li jkunu projbittivi. [...]

(5)   [...] kull Parti [...] għandha tikkunsidra l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ assistenza xierqa sabiex jitneħħew jew jitnaqqsu ostakoli finanzjarji jew oħrajn għall-aċċess għall-ġustizzja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8.

Finalment, għandu jsir riferiment għall-prattika tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Konformità tal-Konvenzjoni ta’ Århus (il-“Kumitat ta’ Konformità”). Il-Kumitat ta’ Konformità, li huwa kompost minn esperti, kien stabbilit mill-partijiet sabiex jikkontribwixxi għall-istħarriġ, previst fl-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni, tal-konformità mad-dispożizzjonijiet tagħha. Il-Kumitat jeżamina qabelxejn ilmenti tal-individwi ( 6 ). Huwa jikkonkludi l-investigazzjonijiet b’ “konstatazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet”.

B – Dritt tal-Unjoni

9.

Sabiex timplementa il-Konvenzjoni ta’ Århus, id-Direttiva 2003/35/KE ( 7 ) daħħlet l-Artikolu 10a fid-Direttiva EEA u l-Artikolu 15a fid-Direttiva PKI. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jirregolaw l-aċċess għall-ġustizzja f’ċerti kwistjonijiet ambjentali u kull waħda minnhom tipprovdi fil-ħames paragrafu ( 8 ):

“Kull proċedura bħal din għandha tkun ġusta, retta, f’waqtha u ma tiswiex tant li tkun projbittiva.”

III – Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

10.

Dawn il-proċeduri għandhom l-oriġini tagħhom f’rikors ippreżentat minn David Edwards għall-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni meħuda mill-Aġenzija Ambjentali li toħroġ permess għall-operat ta’ fabbrika tas-siment. Milli jidher, l-impriża kkonċernata ma pparteċipatx f’dawn il-proċeduri.

11.

Ir-rikors ġie miċħud fl-ewwel istanza fl-2005. D. Edwards imbagħad appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Appell. Quddiem il-Qorti tal-Appell L. Pallikaropoulos daħlet bħala appellanta għall-bqija tal-proċeduri wara li D. Edwards irtira mill-proċeduri. Ir-responsabbiltà tagħha għall-ispejjeż fil-Qorti tal-Appell kienet mill-bidu limitata għal GBP 2 000. Il-Qorti tal-Appell ċaħdet l-appell u fl-2006 L. Pallikaropoulos ġiet ikkundannata tħallas l-ispejjeż tal-konvenuti, limitati fl-ammont hawn fuq imsemmi.

12.

L. Pallikaropoulos imbagħad appellat quddiem il-House of Lords. Fil-bidu tal-proċeduri hija talbet digriet għal-limitazzjoni tal-ispejjeż, sabiex tikseb limitu tar-responsabbiltà tagħha għall-ispejjeż f’dak l-appell. Madankollu, il-House of Lords ċaħdet it-talba tagħha, għaliex inter alia hija naqset milli tipprovdi informazzjoni dwar il-mezzi tagħha jew dwar l-identità u l-mezzi tal-persuni li hija kienet tirrappreżenta.

13.

Fis-16 ta’ April 2008, il-House of Lords ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell u ċaħdet l-appell ta’ L. Pallikaropoulos. Fit-18 ta’ Lulju 2008, il-House of Lords ikkundannat lil L. Pallikaropoulos tħallas l-ispejjeż kollha tal-appell quddiem il-House of Lords.

14.

Il-kundanna għall-ispejjeż hija issa l-kwistjoni quddiem is-Supreme Court, li ssostitwixxiet lill-House of Lords. F’dawn il-proċeduri, is-Supreme Court ressqet id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

1)

Il-Qorti tar-rinviju kif għandha taffronta l-kwistjoni tal-kundanna għall-ispejjeż ta’ individwu li jkun tilef bħala rikorrent f’rikors fil-qasam tal-ambjent, fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Århus, kif implementata bl-Artikolu 10a tad-[Direttiva EEA] u l-Artikolu 15a tad-[Direttiva PKI]?

2)

Il-kwistjoni dwar jekk din il-proċedura hijiex jew le “spiża projbittiva” fis-sens tal-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Århus, kif implementata mid-Direttivi, għandha tiġi deċiża fuq bażi oġġettiva (b’riferiment, pereżempju, għall-kapaċità ta’ individwu “medju” li jħallas eventwali spejjeż legali), jew din il-kwistjoni għandha tiġi deċiża fuq bażi suġġettiva (b’riferiment għar-riżorsi tar-rikorrent partikolari), jew inkella fuq il-kumbinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ bażijiet?

3)

Dan is-suġġett jaqa’ kompletament taħt id-dritt intern tal-Istati Membri sakemm l-għan stabbilit minn dawn id-Direttivi jintlaħaq, jiġifieri li l-proċedura inkwistjoni ma hijiex “spiża projbittiva”?

4)

Sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-proċedura hijiex “spiża projbittiva”, huwa relevanti li r-rikorrent ma ġiex verament skoraġġut milli jibda jew ikompli l-proċedura?

5)

Huwa possibbli li jiġi adottat, fi stadju (i) ta’ appell jew (ii) tat-tieni appell, approċċ għal dawn id-domandi differenti minn dak li għandu jittieħed fl-ewwel istanza?

15.

L. Pallikaropoulos, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika u l-Kummissjoni Ewropea issottomettew osservazzjonijiet bil-miktub u ppreżentaw argumenti orali fis-seduta tat-13 ta’ Settembru 2012.

IV – Analiżi legali

16.

L-ewwel u t-tielet domandi tas-Supreme Court għandhom jingħataw risposta waħda, peress li jindirizzaw b’mod astratt id-diskrezzjoni li jgawdu l-Istati Membri fl-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni (ara taħt A). Id-domandi l-oħra dwar aspetti speċifiċi jkunu jistgħu jingħataw risposta abbażi tar-risposta li tingħata għal dawn iż-żewġ domandi (ara taħt B, C u D).

A – L-ewwel u t-tielet domandi: diskrezzjoni għal miżuri nazzjonali

17.

L-ewwel u t-tielet domandi essenzjalment jistaqsu jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tistax tiddeċiedi kif qorti nazzjonali għandha taffronta l-kwistjoni tal-kundanna għall-ispejjeż ta’ individwu li jkun tilef bħala rikorrent f’kawża fil-qasam tal-ambjent fid-dawl tar-rekwiżit li jiġu evitati proċeduri ġudizzjarji bi spiża projbittiva, jew jekk din hijiex kompletament kwistjoni li taqa’ taħt id-dritt intern tal-Istati Membri, sakemm il-proċeduri inkwistjoni ma jkunux “spiża projbittiva”.

18.

L-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Århus, il-ħames paragrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA u l-ħames paragrafu tal-Artikolu 15a tad-Direttiva PKI jipprovdu lkoll li proċeduri ambjentali għandhom ikunu ġusti, retti, f’waqthom u ma jiswewx tant li jkunu projbittivi.

19.

Kif innotat mill-Irlanda, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 228 TFUE, direttiva għandha torbot lil kull Stat Membru li lilu hija indirizzata f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, iżda tħalli l-għażla tal-forom u l-metodi tal-implementazzjoni f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali. Din il-libertà fundamentali tal-għażla li jgawdu l-Istati Membri ma hijiex imqiegħda f’dubju għaliex id-Direttivi jimplementaw ukoll dispożizzjoni essenzjalment identika ta’ konvenzjoni internazzjonali li fiha l-Unjoni Ewropea hija parti.

20.

F’dan il-każ, id-diskrezzjoni mogħtija hija partikolarment wiesgħa għax id-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija ma jipprovdu ebda regoli oħra dwar kif spejjeż projbittivi għandhom ikunu speċifikament preklużi.

21.

Id-diversità kbira tas-sistemi tal-ispejjeż tal-Istati Membri tenfasizza l-bżonn ta’ din id-diskrezzjoni. La l-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni u lanqas id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi ma huma intiżi sabiex jiksbu armonizzazzjoni kompleta ta’ dawn is-sistemi tal-ispejjeż. Huma jirrekjedu biss l-adattamenti selettivi neċessarji.

22.

Għalhekk jista’ jiġi ddikjarat bħala konklużjoni provviżorja li bħala prinċipju huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw kif għandu jintlaħaq ir-riżultat stipulat fl-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Århus, fl-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA u fl-Artikolu 15a tad-Direttiva PKI, jiġifieri li l-proċeduri ġudizzjarji koperti ma jiswewx tant li jkunu projbittivi.

23.

Madankollu, id-diskrezzjoni li jgawdu l-Istati Membri ma hijiex mingħajr limitu. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà nnotat fir-rigward tal-Konvenzjoni li fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ azzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw, f’kull każ, il-protezzjoni effettiva ta’ dawn id-drittijiet ( 9 ).

24.

Konsegwentement, il-liġijiet tal-Istati Membri għandhom jipprevjenu li f’kull każ individwali l-proċeduri ġudizzjarji koperti ma jkunux jiswew tant li jkunu projbittivi.

25.

Il-mod kif il-kunċett ta’ “spiża projbittiva” għandu jkun interpretat, jiġifieri l-mod kif ir-riżultat previst fl-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni u fid-Direttivi għandu jkun iddeterminat, ma jistax jitħalla f’idejn l-Istati Membri. Il-ħtieġa ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni tirrikjedi li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi stabbilit is-sens u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha li għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni; il-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża ruħha wkoll fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza f’dan ir-rigward ( 10 ). U b’kuntrast, pereżempju, mal-każ tal-kunċetti ta’ “interess suffiċjenti” u “ksur ta’ dritt”, id-Direttivi ma jirreferux għad-dritt nazzjonali fir-rigward tal-kunċett ta’ “spiża projbittiva”.

26.

Indikazzjonijiet dwar x’inhu intiż bi prevenzjoni ta’ proċeduri ġudizzjarji li ma jiswewx tant li jkunu projbittivi jistgħu jitnisslu mill-kliem tad-dispożizzjoni, iżda wkoll mill-kuntest tagħha ( 11 ), jiġifieri, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet ulterjuri fid-Direttiva 2003/35, fuq kollox mill-Konvenzjoni ta’ Århus. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti ġenerali li jirregolaw it-traspożizzjoni u l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni huma importanti, b’mod partikolari l-ħtieġa ta’ traspożizzjoni suffiċjentement ċara ( 12 ), il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza ( 13 ), u r-rispett tad-drittijiet fundamentali taħt id-dritt tal-Unjoni. ( 14 )

27.

Il-kunċett ta’ “eċċessiv”, enfasizzat mill-Kummissjoni u li jiddeskrivi l-ispejjeż li għandhom ikunu preklużi f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttivi u fit-traduzzjonijiet korrispondenti tal-Konvenzjoni ( 15 ), jista’ jirreferi għall-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan il-prinċipju għandu jkun osservat f’kull każ ta’ interpretazzjoni u implementazzjoni ta’ direttivi ( 16 ) u naturalment jipprekludi spejjeż eċċessivi għall-aċċess għall-ġustizzja stabbilit mill-Konvenzjoni ta’ Århus u d-Direttivi.

28.

Madankollu, il-limitazzjoni tal-protezzjoni mill-ispejjeż għall-prinċipju ta’ proporzjonalità ma hijiex suffiċjenti. Fit-tliet verżjonijiet li jorbtu tal-Konvenzjoni l-kunċett “eċċessiv” ma jintużax. Skont il-verżjoni Franċiża, l-ispejjeż tal-proċeduri ma għandhomx jiswew tant li jkunu projbittivi ( 17 ) u skont il-verżjoni Ingliża l-proċeduri ma għandhomx ikunu spiża projbittiva ( 18 ). Il-verżjoni Russa ma tużax il-kunċett ta’ “projbittiv”, iżda tfittex ukoll li tiżgura li l-proċeduri ma jkunux inaċċessibbli minħabba spejjeż għoljin ( 19 ).

29.

Għalhekk, ma hijiex biss kwistjoni ta’ prevenzjoni tal-ispejjeż li huma eċċessivi, jiġifieri mhux proporzjonati għall-proċeduri, iżda fuq kollox il-proċeduri ma għandhomx ikunu bi spiża tant għolja li tipprekludi t-twettiq tal-proċeduri. Spejjeż raġonevoli iżda projbittivi huma possibbli b’mod partikolari fi proċeduri ambjentali li jirrigwardaw proġetti ta’ skala kbira, peress li dawn jistgħu jkunu ta’ piż kbir f’kull aspett, pereżempju fil-kwistjonijiet legali, xjentifiċi u tekniċi li jqajmu u fin-numru ta’ partijiet.

30.

Għalhekk issa huwa possibbli li tingħata risposta utli għall-ewwel u t-tielet domandi: skont l-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Århus, l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337/KEE u l-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61/KE, huwa fil-prinċipju f’idejn l-Istati Membri li jiddeterminaw kif jevitaw li l-proċeduri ġudizzjarji koperti ma jitwettqux minħabba l-ispejjeż tagħhom. Madankollu, dawn il-miżuri għandhom jiżguraw b’mod suffiċjentement ċar u vinkolanti li l-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Århus ikunu sodisfatti f’kull każ individwali u, fl-istess ħin, josservaw il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza u d-drittijiet fundamentali mogħtija mid-dritt tal-Unjoni.

B – It-tieni domanda – il-kriterji rilevanti

31.

Fit-tieni lok, is-Supreme Court tixtieq tkun taf jekk il-kwistjoni dwar jekk proċedura hijiex jew le “spiża projbittiva” għandhiex tiġi deċiża fuq bażi oġġettiva jew suġġettiva jew permezz ta’ dawn it-tnejn flimkien. Bħala eżempju, hija ssemmi l-kapaċità ta’ individwu “medju” li jħallas u r-riżorsi tar-rikorrent partikolari.

32.

Fl-aħħar mill-aħħar din id-domanda tistaqsi, essenzjalment, kif qorti nazzjonali għandha tiddeċiedi jekk l-ispejjeż ta’ kawża għadhomx kompatabbli mal-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Århus u mad-dispożizzjonijiet fid-Direttivi li jimplementawha.

33.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħti risposta kompleta u definittiva għal din id-domanda mhux biss minħabba d-diskrezzjoni li jgawdu l-Istati Membri, iżda wkoll minħabba d-diversi xenarji possibbli. Madankollu, il-kuntest tal-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Århus jagħti l-possibbiltà li jiġu identifikati aspetti li jistgħu jkunu utli fid-determinazzjoni ta’ spejjeż permissibbli.

34.

Għandu jiġi ddikjarat, l-ewwel nett, li l-Artikolu 3(8) tal-Konvenzjoni ta’ Århus jippermetti b’mod espliċitu spejjeż raġonevoli. Fil-fatt l-Artikolu 9(4) u d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi ma jipprekludux kundanna għall-ispejjeż ħlief jekk l-ammont ikun projbittiv ( 20 ).

35.

Ma hemmx kriterji sempliċi li jirregolaw meta l-ispejjeż huma projbittivi. Meta l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li spejjeż li ammontaw għal EUR 20 u EUR 45 ma kinux jikkostitwixxu ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni fl-evalwazzjoni tal-effett fuq l-ambjent, hija ma indikat l-ebda raġuni li fuqha bbażat din il-kunsiderazzjoni ( 21 ). Lanqas ma tat raġunijiet għal xiex l-ispejjeż diretti għall-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ambjent, sal-ammont ta’ madwar EUR 5 000, ma għandhomx jiskoraġġixxu persuni milli jeżerċitaw id-dritt għal tali informazzjoni, filwaqt li spejjeż indiretti, bħal kontribuzzjoni għall-ispejjeż fissi tal-awtorità, għandu jkollhom dan l-effett ( 22 ).

36.

Il-Kumitat ta’ Konformità ( 23 ) diġà ta l-opinjoni tiegħu fuq il-kwistjoni tal-ispejjeż projbittivi f’diversi okkażjonijiet, prinċipalment fir-rigward tar-Renju Unit ( 24 ). F’kull każ huwa għamel evalwazzjoni kompleta taċ-ċirkustanzi tal-każ individwali u tas-sistema nazzjonali. Dan l-approċċ huwa neċessarju peress li l-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni – bħad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi – ma jipprovdi l-ebda kriterji speċifiċi.

37.

Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għal-kawża Kreuz ( 25 ) quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Madankollu, dak il-każ ma kienx jikkonċerna l-ispejjeż kollha tal-proċeduri ġudizzjarji, iżda depożitu kbir ta’ spejjeż tal-qorti li kien pagabbli mir-rikorrent. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem innotat li l-ammont kien ekwivalenti għall-paga annwali medja fl-Istat inkwistjoni. Skont il-Kummissjoni, din hija indikazzjoni li ssostni standard oġġettiv. Madankollu, din l-idea ma tirriżultax fil-bqija tar-raġunijiet tas-sentenza. Kif innota r-Renju Unit, il-kwistjoni prinċipali kienet pjuttost il-kapaċità finanzjarja individwali tal-persuna kkonċernata, li huwa standard suġġettiv ( 26 ).

38.

Il-kapaċità finanzjarja individwali hija wkoll rilevanti fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva għall-finijiet tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 47, għandha tingħata għajnuna legali lil dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, fil-każijiet fejn din l-għajnuna hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja. Huwa minnu li, taħt l-Artikolu 9(5), il-Konvenzjoni ma tirrikjedix b’mod assolut l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ assistenza bħall-għajnuna legali ( 27 ), iżda tirrikjedi biss kunsiderazzjoni ta’ “l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ assistenza xierqa”. Madankollu, l-għajnuna legali f’ċerti każijiet tippermetti li jiġu evitati riskji fir-rigward ta’ spejjeż projbittivi ( 28 ). Sa fejn jikkonċerna l-infurzar tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, l-għajnuna legali tista’ tkun assolutament neċessarja wkoll jekk ir-riskji fir-rigward tal-ispejjeż, li fil-prinċipju huma aċċettabbli, jikkostitwixxu ostakolu insuperabbli għall-aċċess għall-ġustizzja minħabba l-kapaċità ta’ ħlas limitata tal-persuna kkonċernata ( 29 ).

39.

Madankollu, kif ġustament innotat mill-Kummissjoni, il-protezzjoni ġudizzjarja pprovduta mill-Konvenzjoni ta’ Århus tmur lil hinn mill-protezzjoni ġudizzjara effettiva pprovduta mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. L-Artikolu 47 jirrigwarda b’mod espliċitu l-protezzjoni tad-drittijiet individwali. Il-bażi tal-evalwazzjoni tan-neċessità tal-għoti tal-għajnuna għall-protezzjoni legali effettiva hija għalhekk il-persuna stess li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni nkisru, iktar milli l-interess ġenerali tas-soċjetà, anki jekk dan tal-aħħar jista’ jkun wieħed mill-elementi ta’ evalwazzjoni tan-neċessità tal-għajnuna ( 30 ).

40.

Protezzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet tal-ambjent, min-naħa l-oħra, isservi ġeneralment mhux biss l-interessi individwali tar-rikorrenti, iżda wkoll, jew anki esklużivament, l-interess ġenerali. Dan l-interess ġenerali għandu importanza kbira fl-Unjoni Ewropea, peress li livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent huwa wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 191(2) TFUE u l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ( 31 ).

41.

Il-Konvenzjoni tipprevedi dan l-interess doppju. Skont l-Artikolu 1, kull parti għandha tiggarantixxi d-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali sabiex tikkontribwixxi għall-protezzjoni tad-dritt ta’ kull wieħed, fil-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri, li jgħix f’ambjent xieraq li jiżgura s-saħħa u l-benesseri tiegħu. Is-seba’ u t-tmien premessi tal-preambolu tal-Konvenzjoni jikkonfermaw dan l-għan u jissupplimentawh bid-dmir ta’ kull persuna li tħares u ttejjeb l-ambjent għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. Għaldaqstant, skont it-tmintax-il premessa tagħha, il-Konvenzjoni hija intiża sabiex mekkaniżmi ġudizzjarji effettivi jkunu aċċessibbli għall-pubbliku, inklużi organizzazzjonijiet, sabiex l-interessi leġittimi tagħhom jiġu protetti u l-liġi tiġi infurzata.

42.

Ir-rikonoxximent tal-interess ġenerali għall-protezzjoni tal-ambjent huwa importanti speċjalment minħabba li jista’ jkun hemm ħafna każijiet fejn l-interessi legalment protetti ta’ individwi partikolari ma humiex affettwati jew huma affettwati minimament biss. Madankollu, l-ambjent ma jistax jiddefendi lilu nnisfu quddiem qorti, iżda għandu bżonn li jkun irrappreżentat, pereżempju minn ċittadini attivi jew organizzazzjonijiet mhux governattivi.

43.

L-interess doppju fil-protezzjoni tal-ambjent ma jippermettix li jiġu evitati r-riskji f’termini ta’ spejjeż projbittivi billi tiġi kkunsidrata biss il-kapaċità ta’ ħlas ta’ dawk li jippruvaw jinfurzaw il-liġi ambjentali. Ma għandux ikun mistenni li dawn ibatu r-riskju kollu fir-rigward tal-ispejjeż tal-proċeduri ġudizzjarji sal-limiti tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom stess jekk il-proċeduri jservu wkoll, jew saħansitra esklużivament, l-interess ġenerali.

44.

Għalhekk, fl-evalwazzjoni dwar jekk l-ispejjeż tal-proċeduri humiex projbittivi, għandu debitament jiġi kkunsidrat l-interess ġenerali involut. Barra minn hekk, il-Kumitat ta’ Konformità ġustament jiddeduċi dan ukoll mill-proċeduri ġusti rikjesti bl-istess mod mill-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ( 32 ).

45.

Il-kunsiderazzjoni tal-interess ġenerali ma tannullax, madankollu, l-inklużjoni ta’ kwalunkwe interess individwali tar-rikorrenti. Persuna li tgħaqqad interessi ekonomiċi individwali estensivi ma’ proċeduri għall-infurzar tal-liġi ambjentali tista’, bħala regola, tistenna li jkollha riskji iktar għoljin fir-rigward tal-ispejjeż minn persuna li ma tista’ tantiċipa ebda benefiċċju ekonomiku. Il-limitu sabiex jiġu aċċettati spejjeż projbittivi jista’ għalhekk ikun ogħla fejn hemm interessi ekonomiċi individwali. Huwa possibbli li dan jispjega għaliex, f’kawża dwar inkonvenjent ta’ rwejjaħ bejn persuni li kienu ġirien, u għalhekk każ b’interess ġenerali relattivament baxx, il-Kumitat ta’ Konformità ma kkunsidrax talba ta’ iktar minn GBP 5 000 bħala parti mill-ispejjeż bħala projbittiva ( 33 ).

46.

Għall-kuntrarju, il-preżenza ta’ interessi individwali ma jistgħux jipprekludu milli jiġu kkunsidrati l-interessi ġenerali li jkunu wkoll qegħdin jiġu segwiti. Pereżempju, l-interessi individwali ta’ ftit persuni affettwati minn proġett ta’ ajruport ma jistgħux, fl-evalwazzjoni tal-ispejjeż permissibbli, jiġġustifikaw li l-interess ġenerali kunsiderevoli jiġi injorat f’każ fejn jirriżulta li l-grupp ta’ dawk affettwati huwa ferm iktar wiesa’ ( 34 ).

47.

Il-prospetti ta’ suċċess jistgħu wkoll ikunu rilevanti f’dak li jirrigwarda l-interess ġenerali. Kawża li żgur ma tistax tintrebaħ ma hijiex fl-interess ġenerali, anki jekk fil-prinċipju l-pubbliku għandu interess fis-suġġett tagħha.

48.

Fir-rigward tal-livell tal-ispejjeż permissibbli, huwa fl-aħħar nett sinjifikattiv li d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar proċeduri ġudizzjarji jiġu interpretati bil-għan li jiżguraw “aċċess wiesa’ għall-ġustizzja” ( 35 ). Huwa minnu li l-“aċċess wiesa’ għall-ġustizzja” huwa msemmi biss espliċitament fl-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni u fid-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttivi inkonnessjoni mal-prekondizzjonijiet għall-kawża relatata ma’ interess suffiċjenti jew ksur ta’ dritt. Madankollu, l-Artikolu 9(2) tal-inqas jagħmilha ċara li dan huwa l-għan ġenerali tal-Konvenzjoni. Dan il-prinċipju ta’ interpretazzjoni għandu għalhekk japplika wkoll fid-determinazzjoni ta’ spejjeż permissibbli. Ma jkunx kompatibbli ma’ aċċess wiesa’ għall-ġustizzja jekk ir-riskji kunsiderevoli fir-rigward tal-ispejjeż jistgħu, bħala regola, jipprekludu l-proċeduri.

49.

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li fl-analiżi ta’ jekk l-ispejjeż tal-proċeduri humiex projbittivi, għandhom jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi oġġettivi u suġġettivi tal-każ, bil-għan li jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja. L-insuffiċjenza tal-kapaċità finanzjarja tar-rikorrent ma għandhiex toħloq ostakolu għall-proċeduri. Huwa dejjem neċessarju, u għalhekk anki fid-determinazzjoni tal-ispejjeż li jistgħu jkunu mistennija minn rikorrenti li għandhom il-kapaċità li jħallsu, li jiġi kkunsidrat l-interess ġenerali fil-protezzjoni tal-ambjent fil-każ inkwistjoni.

C – Ir-raba domanda – dissważjoni effettiva

50.

Ir-raba’ domanda tistaqsi jekk huwiex rilevanti li fil-fatt ir-rikorrent ma ġiex skoraġġut milli jibda jew ikompli l-proċedura.

51.

Approċċ simili jista’ jagħmel il-projbizzjoni ta’ spejjeż projbittivi inutli: jekk il-proċeduri saru huwa evidenti li r-riskju fir-rigward tal-ispejjeż ma pprekludihomx. Fin-nuqqas ta’ proċeduri, il-kwistjoni ta’ spejjeż tibqa’ ipotetika. Madankollu, din ma tistax tkun il-konklużjoni.

52.

Il-kwistjoni tista’ tkun spjegata bil-fatt li fir-Renju Unit hemm il-possibbiltà, qabel is-smigħ tal-mertu, ta’ deċiżjoni fuq rikors għal digriet għall-protezzjoni mill-ispejjeż. Għalhekk, fil-kawża prinċipali, ir-riskju ta’ L. Pallikaropoulos fir-rigward tal-ispejjeż quddiem il-Qorti tal-Appell kien limitat għal GPB 2 000, filwaqt li fl-aħħar istanza, quddiem il-House of Lords, ir-rikors tagħha għal digriet għall-protezzjoni mill-ispejjeż ġie miċħud. Mill-fatt li madankollu L. Pallikaropoulos kompliet bl-appell tagħha quddiem il-House of Lords jista’ jkun dedott li r-riskju fir-rigward tal-ispejjeż ma kienx projbittiv.

53.

L-ewwel nett, f’dan ir-rigward għandu jkun innotat li, minkejja ċerti problemi prattiċi fl-arranġamenti tiegħu ( 36 ), strument bħar-rikors għal digriet għall-protezzjoni mill-ispejjeż huwa fil-prinċipju element xieraq fl-implementazzjoni tal-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni u d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi. Id-deċiżjoni fuq tali rikors tagħti l-possibbiltà tal-prevenzjoni ta’ spejjeż projbittivi bil-quddiem u għalhekk fl-istess ħin tneħħi ostakolu eventwali ulterjuri għat-twettiq tal-proċeduri, jiġifieri l-inċertezza dwar l-ispejjeż potenzjali tal-proċeduri.

54.

Jekk id-deċiżjoni fuq ir-rikors għal digriet għall-protezzjoni mill-ispejjeż diġà implementat korrettament l-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Århus u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttivi, dan ir-riżultat ma għandux, bħala regola ġenerali, jerġa’ jiġi mqiegħed f’dubju. Iċ-ċaħda tar-rikors għal digriet għall-protezzjoni mill-ispejjeż jista’ mbagħad ikun meqjus bħala indikazzjoni li r-riskju fir-rigward tal-ispejjeż ma pprekludiex il-proċeduri. F’każijiet eċċezzjonali, madankollu, jista’ jsir neċessarju li l-ispejjeż pagabbli jiġu limitati wara li, pereżempju, jitqajmu kunsiderazzjonijiet ġodda fil-proċeduri li huma rilevanti għall-kejl tal-interess ġenerali jew fil-każ li l-ispejjeż ikunu fil-fatt ferm ogħla milli kien mistenni meta ngħatat id-deċiżjoni fuq ir-rikors għal digriet għall-protezzjoni mill-ispejjeż.

55.

Jekk min-naħa l-oħra, il-kunsiderazzjonijiet rilevanti għall-prevenzjoni ta’ spejjeż projbittivi ma kinux suffiċjentement meqjusa, ma huwiex possibbli li l-ħeġġa sabiex jinbdew proċeduri tintuża bħala indikazzjoni li r-riskju permissibbli fir-rigward tal-ispejjeż ma kienx projbittiv. Dan iċaħħad lir-rikorrent mid-dritt tiegħu għall-prevenzjoni ta’ spejjeż projbittivi. Għall-kuntrarju, għandu jiġi żgurat li dawn id-drittijiet ikunu effettivi fil-kundanna għall-ispejjeż wara l-konklużjoni tal-proċeduri fuq il-mertu ( 37 ).

56.

Għaldaqstant, il-fatt li, minkejja ċ-ċaħda ta’ rikors għal digriet għall-protezzjoni mill-ispejjeż, ir-rikorrent ma kienx fil-fatt skoraġġut milli jibda jew ikompli bil-proċeduri jista’ debitament jittieħed inkunsiderazzjoni sussegwentement għal finijiet ta’ digriet fuq l-ispejjeż jekk l-obbligu tal-prevenzjoni ta’ spejjeż projbittivi ikun ġie osservat fid-deċiżjoni fuq ir-rikors għal digriet għall-protezzjoni mill-ispejjeż.

D – Il-ħames domanda – limitazzjoni tal-ispejjeż f’istanzi differenti

57.

Fl-aħħar nett, is-Supreme Court tistaqsi jekk huwiex permess li jiġi adottat approċċ differenti fir-rigward tal-limitazzjoni tal-ispejjeż f’istanzi differenti. Fil-kawża prinċipali, il-protezzjoni mill-ispejjeż kienet mogħtija quddiem il-Qorti tal-Appell, iżda mhux quddiem il-House of Lords.

58.

L-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni u d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi jirreferu biss għal “proċeduri” u ma jagħmlux distinzjoni bejn istanzi differenti. Huwa minnu li l-Konvenzjoni ma tirrikjedix li tkun iggarantita ċerta sistema ta’ appell, jew saħansitra appell. Madankollu, il-proċeduri koperti ma humiex konklużi sakemm id-deċiżjoni inkwistjoni ma ssirx res judicata. Għalhekk, b’mod kuntrarju għal dak sostnut mid-Danimarka, spejjeż projbittivi għandhom ikunu preklużi fl-istanzi kollha ( 38 ).

59.

Fil-prinċipju dan japplika wkoll għall-appelli ppreżentati minn rikorrent li kien protett kontra spejjeż projbittivi f’istanzi preċedenti. Il-kriterju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li jifforma parti mid-dritt fundamentali ta’ smigħ xieraq ( 39 ) li huwa msemmi wkoll bħala prinċipju proċedurali fl-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni, jipprojbixxi li r-rikorrent ikun espost għar-riskju ta’ spejjeż projbittivi fi proċeduri ta’ appell. Altrimenti, ikun hemm il-biża’ li l-kontraparti torjenta l-istrateġija proċedurali tagħha b’mod li teskludi fil-prattika appell mir-rikorrent.

60.

L. Pallikaropoulos ġustament issostni wkoll li skont l-Artikolu 267 TFUE il-qrati jew tribunali tal-aħħar istanza biss huma marbuta li jagħmlu talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja f’każijiet ta’ dubju dwar l-interpretazzjoni jew validità tad-dritt tal-Unjoni. Jekk domandi rilevanti jkunu għadhom ma tressqux lill-Qorti tal-Ġustizzja minn qrati ta’ ġurisdizzjoni f’istanzi preċedenti, ma huwiex possibbli li permezz tar-riskji tal-ispejjeż projbittivi jkun ostakolat l-aċċess għal qorti jew tribunal li huwa marbut li jagħmel talba għal deċiżjoni preliminari.

61.

Madankollu, huwa possibbli wkoll li wara deċiżjoni minn qorti ta’ istanza preċedenti, l-interess ġenerali fil-kontinwazzjoni tal-proċeduri jispiċċa jew tal-inqas jonqos. Huwa għalhekk kompatibbli mal-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni u mad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi li f’kull istanza jiġi analizzat mill-ġdid sa fejn għandhom jiġu preklużi l-ispejjeż projbittivi.

V – Konklużjoni

62.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi kif ġej:

1.

Skont l-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Århus dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337/KEE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 2003/35/KE, u l-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61/KE dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis, kif emendata bid-Direttiva 2003/35, huwa fil-prinċipju f’idejn l-Istati Membri li jiddeterminaw kif jevitaw li l-proċeduri ġudizzjarji koperti ma jitwettqux minħabba l-ispejjeż tagħhom. Madankollu, dawn il-miżuri għandhom jiżguraw b’mod suffiċjentement ċar u vinkolanti li l-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Århus ikunu sodisfatti f’kull każ individwali u, fl-istess ħin, josservaw il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza u d-drittijiet fundamentali mogħtija mid-dritt tal-Unjoni.

2.

Fl-analiżi ta’ jekk l-ispejjeż tal-proċeduri humiex projbittivi, għandhom jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi oġġettivi u suġġettivi tal-każ, bil-għan li jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja. L-insuffiċjenza tal-kapaċità finanzjarja tar-rikorrent ma għandhiex toħloq ostakolu għall-proċeduri. Huwa dejjem neċessarju, u għalhekk anki fid-determinazzjoni tal-ispejjeż li r-rikorrent huwa mistenni li jkollu l-kapaċità li jħallas, li jiġi kkunsidrat l-interess ġenerali fil-protezzjoni tal-ambjent fil-każ inkwistjoni.

3.

Il-fatt li, minkejja ċ-ċaħda ta’ rikors għal digriet għall-protezzjoni mill-ispejjeż, ir-rikorrent ma kienx fil-fatt skoraġġut milli jibda jew ikompli bil-proċeduri jista’ debitament jittieħed inkunsiderazzjoni sussegwentement għal finijiet ta’ digriet fuq l-ispejjeż jekk l-obbligu tal-prevenzjoni ta’ spejjeż projbittivi jkun ġie osservat fid-deċiżjoni fuq ir-rikors għal digriet għall-protezzjoni mill-ispejjeż.

4.

Huwa kompatibbli mal-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Århus u mal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 u l-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61 li f’kull istanza jiġi analizzat mill-ġdid sa fejn għandhom jiġu preklużi l-ispejjeż projbittivi.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU 2005 L 124, p. 4).

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248) kif emendata bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466); ikkodifikata bid-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012 L 26, p. 1).

( 4 ) Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80), kif emendata bid-Direttiva 2003/35; ikkodifikata bid-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż (ĠU 2008 L 24, p. 8) u ssostitwita bid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU 2010 L 334, p. 17).

( 5 ) Adottata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005, dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 164M, p. 17).

( 6 ) Ara http://www.unece.org/env/pp/pubcom.htm.

( 7 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

( 8 ) Rispettivament (i) issa t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2011/92 u (ii) għal perijodu intermedjarju, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2008/1 u issa t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(4) tad-Direttiva 2010/75.

( 9 ) Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie (C-240/09, Ġabra p. I-1255, punt 47); ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact (C-268/06, Ġabra p. I-2483, punti 44 et seq).

( 10 ) Sentenzi tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro (327/82 Ġabra p. 107, punt 11); tal-14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau (C-204/09, punt 37); u tad-19 ta’ Lulju 2012, Pie Optiek (C-376/11, punt 33).

( 11 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009, Djurgården-Lilla Värtans Miljöskyddsförening (C-263/08, Ġabra p. I-9967, punt 45), dwar ir-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi.

( 12 ) Sentenzi tat-23 ta’ Mejju 1985, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (29/84, Ġabra p. 1661, punt 23), u tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-427/07, Ġabra p. I-6277, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Sentenza Lesoochranárske zoskupenie, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 (punti 47 u 48); tat-12 ta’ Mejju 2011, Trianel Kohlekraftwerk Lünen (C-115/09, Ġabra p. I-3673, punt 43), u tat-18 ta’ Ottubru 2011, Boxus u Roua (C-128/09 sa C-131/09, C-134/09 u C-135/09, Ġabra p. I-9711, punt 52).

( 14 ) Sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-540/03, Ġabra p. I-5769, punt 105); tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C-305/05, Ġabra p. I-5305, punt 68), u tal-1 ta’ Lulju 2010, Speranza (C-35/09, Ġabra p. I-6581, punt 28).

( 15 ) Barra mill-verżjoni Ġermaniża, jidher li dan japplika wkoll għall-verżjoni Ċeka, Spanjola, Ungeriża, Taljana, Litwana, Latvjana, Olandiża, Pollakka u Portugiża tad-dispożizzjonijiet rilevanti.

( 16 ) Sentenza Speranza (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14), punti 28 u 29.

( 17 ) Il-verżjoni Franċiża tipprovdi: “[L]es procédures […] doivent être objectives, équitables et rapides sans que leur coût soit prohibitif.”

( 18 ) Il-verżjoni Ingliża tipprovdi: “[T]he procedures […] shall […] be fair, equitable, timely and not prohibitively expensive.”

( 19 ) Il-verżjoni Russa tal-Artikolu 9(4) tipprovdi: “Помимо и без ущерба для пункта 1 выше процедуры, упомянутые выше в пунктах 1, 2 и 3, должны обеспечивать адекватные и эффективные средства правовой защиты, включая при необходимости средства правовой защиты в виде судебного запрещения, и быть справедливыми, беспристрастными, своевременными и не связанными с недоступно высокими затратами.”

( 20 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 (punt 92).

( 21 ) Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-216/05, Ġabra p. I-10787, punt 45).

( 22 ) Sentenza tad-9 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-61/97, Ġabra p. I-3989, punti 47 et seq).

( 23 ) Rigward il-Kumitat tal-Konformità tal-Konvenzjoni ta’ Århus, ara iktar ’il fuq, punt 8.

( 24 ) Konstatazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-24 ta’ Settembru 2010, Morgan u Baker vs Ir-Renju Unit (ACCC/C/2008/23, ECE/MP.PP/C.1/2010/6/Add.1, punt 49), Cultra Residents’ Association vs Ir-Renju Unit (ACCC/C/2008/27, punti 44 u 45) u ClientEarth et vs Ir-Renju Unit (ACCC/C/2008/33, ECE/MP.PP/C.1/2010/6/Add.3, punt 128 et seq), u tat-30 ta’ Marzu 2012, DOF vs Id-Danimarka (ACCC/C/2011/57, ECE/MP.PP/C.1/2012/7, punt 45 et seq).

( 25 ) Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Kreuz vs Il-Polonja tad-19 ta’ Ġunju 2001 (Rikors Nru 28249/95, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2001-VI, punti 61 et seq).

( 26 ) Ara wkoll is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-26 ta’ Lulju 2005, Podbielski u PPU Polpure vs Il-Polonja (Rikors Nru 39199/98, punt 67), u tal-10 ta’ Jannar 2006, Teltronic-CATV vs Il-Polonja (Rikors Nru 48140/99, b’mod partikolari l-punti 50 et seq), li jirrigwardjaw depożiti ħafna inqas.

( 27 ) Iżda ara Kumitat ta’ Konformità, Konstatazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet tat-18 ta’ Ġunju 2010, Plataforma Contra la Contaminación del Almendralejo vs Spanja (ACCC/C/2009/36, ECE/MP.PP/C.1/2010/4/Add.2, p. 12, punt 66).

( 28 ) Kumitat ta’ Konformità, Konstatazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet, ClientEarth et vs Ir-Renju Unit, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 (punt 92).

( 29 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C-279/09, Ġabra p. I-13849, punti 60 u 61), u d-digriet tat-13 ta’ Ġunju 2012, GREP (C-156/12, punti 40 et seq).

( 30 ) Sentenza DEB, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29 (punt 42).

( 31 ) Ara wkoll id-disa’ premessa tal-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 11 TFUE.

( 32 ) Ara l-Konstatazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet Cultra Residents’ Association vs Ir-Renju Unit, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 (punt 45).

( 33 ) Konstatazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet Morgan and Baker vs Ir-Renju Unit, iċċitati iktar ’il fuq (punt 49).

( 34 ) Dan jidher mill-Konstatazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet Cultra Residents’ Association vs Ir-Renju Unit, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24.

( 35 ) Ara s-sentenza Djurgården-Lilla Värtans Miljöskyddsförening, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 (punt 45) dwar ir-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi.

( 36 ) Ara l-Konstatazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet ClientEarth et vs Ir-Renju Unit, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 (punti 129 et seq).

( 37 ) F’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, Brussels Hoofdstedelijk Gewest et (C-275/09, Ġabra p. I-1753, punt 37).

( 38 ) Ara wkoll, Kumitat ta’ Konformità, Konstatazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-21 ta’ Jannar 2011, AJA et vs Spanja (ACCC/C/2008/24, ECE/MP.PP/C.1/2009/8/Add.1, p. 20, punt 108).

( 39 ) Sentenza Ordre des barreaux francophones et germanophone et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 (punti 29 sa 31).

Top