This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011CC0245
Opinion of Advocate General Trstenjak delivered on 27 June 2012. # K v Bundesasylamt. # Reference for a preliminary ruling: Asylgerichtshof - Austria. # Regulation (EC) No 343/2003 - Determining the Member State responsible for examining an asylum application lodged in one of the Member States by a third-country national - Humanitarian clause - Article 15 of that regulation - Person who enjoys asylum in a Member State and is dependent on the assistance of an asylum seeker because she suffers from a serious illness - Article 15(2) of the regulation - Obligation on that Member State, which is not responsible according to the criteria laid down in Chapter III of that regulation, to examine the application for asylum made by that asylum seeker - Conditions. # Case C-245/11.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Trstenjak - 27 ta' Ġunju 2012.
K vs Bundesasylamt.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Asylgerichtshof - l-Awstrija.
Regolament (KE) Nru 343/2003 - Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal ażil ippreżentata fi Stat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz - Klawżola umanitarja - Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament - Persuna li tibbenefika minn ażil fi Stat Membru li tiddependi mill-assistenza tal-applikant għal ażil minħabba l-fatt li tbati minn marda gravi - Artikolu 15(2) tar-regolament - Obbligu ta’ dan l-Istat Membru, li ma huwiex responsabbli fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tal-istess regolament, li jeżamina t-talba għal ażil imressqa mill-imsemmi applikant għal ażil - Kundizzjonijiet.
Kawża C-245/11.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Trstenjak - 27 ta' Ġunju 2012.
K vs Bundesasylamt.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Asylgerichtshof - l-Awstrija.
Regolament (KE) Nru 343/2003 - Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal ażil ippreżentata fi Stat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz - Klawżola umanitarja - Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament - Persuna li tibbenefika minn ażil fi Stat Membru li tiddependi mill-assistenza tal-applikant għal ażil minħabba l-fatt li tbati minn marda gravi - Artikolu 15(2) tar-regolament - Obbligu ta’ dan l-Istat Membru, li ma huwiex responsabbli fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tal-istess regolament, li jeżamina t-talba għal ażil imressqa mill-imsemmi applikant għal ażil - Kundizzjonijiet.
Kawża C-245/11.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:389
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
TRSTENJAK
ippreżentati fis-27 ta’ Ġunju 2012 ( 1 )
Kawża C-245/11
K
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Asylgerichtshof (l-Awstrija)]
“Regolament (KE) Nru 343/2003 — Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal ażil ippreżentata fi Stat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz — Artikolu 3(2) — Klawsola ta’ sovranità — Artikolu 15 — Klawsola umanitarja — Applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003 b’mod konformità mad-drittijiet fundamentali — Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali — Projbizzjoni tat-tortura jew tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti — Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali — Rispett għall-ħajja privata u tal-familja”
I – Introduzzjoni
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari ppreżentata mill-Asylgerichtshof Awstrijaka tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz ( 2 ). Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk, meta japplika l-“klawsola umanitarja” prevista fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003, Stat Membru jistax ikun obbligat li jeżamina applikazzjoni għall-ażil minnflok l-Istat Membru responsabbli skont ir-regola bażika mingħajr ma ssir talba f’dan is-sens minn dan tal-aħħar, meta membri tal-familja vulnerabbli li jkunu jgħixu f’dan l-ewwel Stat Membru jkunu jiddependu mill-appoġġ tal-persuna li tapplika għall-ażil. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, Stat Membru li normalment ma jkunx responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil huwiex obbligat li jissostitwixxi lill-Istat Membru responsabbli meta l-kompetenza ta’ dak l-Istat Membru kif tirriżulta normalment mir-Regolament iċċitat iktar ’il fuq twassal għal ksur tal-Artikolu 3 jew l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem: KEDB), jew tal-Artikoli 4 jew 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem: il-karta tad-drittijiet fundamentali). Il-qorti tar-rinviju tistaqsi barra minn hekk b’liema mod għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’dan il-kuntest. |
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Il-karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea
2. |
L-Artikolu 4 tal-Karta jipprovdi taħt it-titolu “Il-projbizzjoni tat-tortura jew tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti”: “Ħadd m’għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti”. |
3. |
L-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali taħt it-titolu “Ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja” huwa fformulat f’dawn it-termini: “Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha”. |
B – Ir-Regolament Nru 343/2003
4. |
L-Artikolu 2(i) tar-Regolament Nru 343/2003 huwa fformulat kif ġej: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
5. |
L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ kull pajjiż terz li japplika fil-konfini jew fit-territorju tagħhom lil kull wieħed minnhom għall-ażil. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli. (2) Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, kull Stat Membru jista’ jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk eżami tali mhux ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament. F’dan il-każ, dak l-Istat Membru għandu jsir l-Istat Membru responsabbli fit-tifsira ta’ dan ir-Regolament u għandu jassumi l-obbligi assoċjati ma’ dik ir-responsabbiltà. Fejn jixraq, huwa għandu jgħarraf lill-Istat Membru li qabel kien responsabbli, l-Istat Membru li jmexxi proċedura biex jiddetermina l-Istat Membru responsabbli jew l-Istat Membru li kien intalab biex jinkariga ruħu jew jieħu lura l-applikant. […]”. |
6. |
L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 243/2003 huwa fformulat skont kif ġej: “(1) Kull Stat Membru, ukoll fejn ma jkunx responsabbli taħt il-kriterji ddikjarati f’dan ir-Regolament, jista’ jġib flimkien membri tal-familja, kif ukoll qraba oħra dipendenti, għal raġunijiet umanitarji bbażati b’mod partikulari fuq kunsiderazzjonijiet ta’ familja u kulturali. F’dan il-każ dak l-Istat Membru għandu, wara talba ta’ Stat Membru ieħor, jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil tal-persuna kkonċernata. Il-persuni kkonċernati għandhom jaqblu. (2) F’każijiet li fihom il-persuna kkonċernata hija dipendenti fuq l-assistenza ta’ l-oħra minħabba tqala jew tarbija tat-twelid, mard serju, diżabilita severa jew xjuħija, Stati Membri normalment għandhom iżommu jew iġibu flimkien il-persuna tfittex l-ażil ma’ qarib ieħor preżenti fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, sakemm l-irbit ta’ familja kien jeħisti fil-pajjiż ta’ oriġini. […] (4) Fejn l-Istat Membru lit kun saritlu t-talba hekk avviċinat jilqa’ jaċċetta t-talba, ir-responsabbilta biex jeżamina l-applikazzjoni għandha tkun ittrasferita lilu. […]”. |
III – Il-fatti fil-kawża prinċipali, il-proċedura quddiem il-qorti nazzjonali u d-domandi preliminari
7. |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem: ir-rikorrenti), ċittadina tal-Federazzjoni Russa, ta’ nazzjonalità Ċeċena, kienet daħlet illegalment fil-Polonja billi għaddiet mill-Ukraina, u ppreżentat hemmhekk l-ewwel applikazzjoni għall-ażil. Hija telqet minn dak l-Istat Membru mingħajr ma stenniet it-tmiem tal-proċedura u daħlet illegalment fl-Awstrija fejn hija ppreżentat it-tieni applikazzjoni għall-ażil. |
8. |
Wieħed mill-ulied irġiel jgħix fl-Awstrija ma’ martu u t-tliet itfal minuri tagħhom. |
9. |
Diversi snin ilu, il-mara tiegħu għexet avveniment partikolarment trawmatiku f’pajjiż terz u kienet fetħet qalbha dwar dan mar-rikorrenti. |
10. |
Ir-rikorrenti hija l-unika persuna li taf bl-avveniment trawmatiku u minn dak iż-żmien hija saret il-konsulenta u l-ikbar ħabiba tal-qalb ta’ ħtintha. |
11. |
Kieku l-avveniment trawmatiku li hija ġarrbet kellu joħroġ fil-beraħ, ħtint ir-rikorrenti kienet tkun f’riskju, sabiex jerġa’ jiġi stabbilit l-unur tal-familja, li ssofri abbuż serju, jew saħansitra tinqatel minn żewġha. |
12. |
Ħtint r-rikorrenti tinstab kostantament taħt kura psikjatrika, psikoterapewtika u medika. Hija ttrattata b’mediċini qawwijin u hija esposta għal diversi riskji serji għal saħħitha. |
13. |
Minħabba l-mard kollu li tbati minnu, ħtint ir-rikorrenti ma tinsabx f’pożizzjoni li tieħu ħsieb tagħha nfisha jew tat-tfal tagħha b’mod li hemm ir-riskju li jitqiegħdu taħt care order. Din il-miżura ġiet momentarjament sospiża wara li waslet ir-rikorrenti. |
14. |
Wara li daħlet fl-Awstrija, r-rikorrenti fil-bidu bdiet tgħix mal-familja ta’ binha. Ir-rikorrenti ma għadhiex tgħix taħt l-istess saqaf ma’ ħtintha u t-tfal żgħar tagħha. |
15. |
Il-Bundesasylamt ċaħdet l-applikazzjoni għall-ażil li r-rikorrenti kienet ippreżentat fl-Awstrija bħala inammissibbli waqt li saħqet li l-Polonja kienet l-Istat Membru responsabbli. Fuq talba tal-Awstrija, il-Polonja aċċettat li tassumi r-responsabbiltà għar-rikorrenti. Ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni tagħha għall-ażil huwa s-suġġett tal-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju. |
16. |
Minħabba li l-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 343/2003 għal każ bħal dak fil-kawża prinċipali, hija ssospendiet il-proċeduri prinċipali u rrinvjat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin.
|
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
17. |
Id-digriet tar-rinviju tal-20 ta’ Mejju 2011 wasal fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Mejju 2011. Ir-rikorrenti, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubbika Franċiża, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet. Ir-rappreżentanti tar-rikorrenti, tar-Repubblika tal-Awstrija u tal-Kummissjoni kienu preżenti għas-seduta tat-8 ta’ Mejju 2012. |
V – L-argumenti tal-partijiet fil-kawża
18. |
B’risposta għad-domandi preliminari li saru, il-Gvern tar-Repubblika Ċeka u dak Awstrijakk huma tal-fehma li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003 ma japplikax meta l-applikant għall-ażil ikun diġà jinsab fit-territorju tal-Istat Membru fejn huwa għandu l-intenzjoni jingħaqad ma’ membri tal-familja tiegħu u fejn ikun ippreżenta wkoll applikazzjoni għall-ażil. L-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 jirregola, min-naħa l-oħra, il-każijiet fejn l-applikant għall-ażil ikun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru responsabbli skont il-Kapitolu III tar-Regolament. Għaldaqstant, fil-fehma tagħhom dan l-artikolu biss huwa applikabbli għall-każ. Il-Gvern Franċiż, dak Ungeriż, dak tar-Renju Unit kif ukoll dak Taljan huma wkoll tal-fehma li f’każ bħal dak inkwistjoni, huwa applikabbli biss l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/03; madankollu huma jibbażaw dan l-approċċ fuq il-fatt li l-Istat Membru responsabbli ma talabx li jeżerċita d-dritt tiegħu li jassumi responsabbiltà għar-rikorrenti. Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, il-Gvern Franċiż u dak Ungeriż huma tal-fehma li d-dritt ta’ Stat Membru li jiddikjara li huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni (l-hekk imsejjaħ “intervent”) kif jeżisti skont l-Artikolu 3(2) fil-prinċipju ċertament jaqa’ taħt id-diskrezzjoni tal-Istat Membru, iżda f’każ ta’ ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jew tal-KEDB, l-Istat Membru inkwistjoni jista’ jiġġiegħel jeżerċita dak id-dritt. Min-naħa l-oħra, il-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka, tar-Renju Unit u tal-Italja jsostnu li d-dritt ta’ intervent ta’ Stat Membru kif previst fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 ma jaqax taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Il-Gvern tar-Repubblika Ċeka u dak tar-Renju Unit jenfasizzaw madankollu li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea bħala parti għall-KEDB huma obbligati li jirrispettaw dak it-trattat internazzjonali. |
19. |
Fir-rigward tar-risposta għall-ewwel domanda, il-Gvern Pollakk, il-Kummissjoni u r-rikorrenti huma tal-fehma li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 343/2003 japplika f’każ bħal f’din il-kawża. Filwaqt li l-Gvern Pollakk jidhirlu fir-rigward tat-tieni domanda li l-Istati Membri huma totalment liberi fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li ngħatatilhom mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, il-Kummissjoni u r-rikorrenti huma tal-fehma li jista’ jkun neċessarju li jiġi impost obbligu fuq l-Istati Membri li jassumu r-responsabbiltà għall-eżami f’każ ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali. |
VI – Id-dritt
20. |
Permezz tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju titlob ukoll kjarifika dwar l-applikazzjoni tal-“klawsola ta’ sovranità” prevista fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 kif ukoll dwar l-applikazzjoni tal-“klawsola umanitarja” prevista fl-Artikolu 15 tar-Regolament f’każ bħal dan. |
21. |
Iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet ser neżamina l-għanijiet tar-Regolament Nru 343/2003 kif ukoll il-pożizzjoni tal-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 15 f’dan ir-Regolament. Fuq din il-bażi, ser nasal biex nipproponi risposta konkreta għaż-żewġ domandi li saru. |
A – L-għanijiet tar-Regolament Nru 343/2003 u l-pożizzjoni tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 15 fir-Regolament Nru 343/2003
1. L-għanijiet essenzjali tar-Regolament Nru 343/2003
22. |
Ir-Regolament Nru 343/2003 ssostitwixxa l-Konvenzjoni li tiddetermina l-Istat responsabbli biex jeżamina applikazzjonijiet għall-ażil iddepożitati għand wieħed mill-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata f’Dublin fil-15 ta’ Ġunju 1990 ( 3 ) (iktar ’il quddiem: il-konvenzjoni ta’ Dublin). |
23. |
Il-Kummissjoni diġà spjegat fid-dettall l-għanijiet prinċipali tar-Regolament Nru 343/2003 fil-proposta tagħha għal Regolament tas-26 ta’ Lulju 2001 ( 4 ). Dan id-dokument jittratta, fil-punt 2.1 tal-preambolu taħt it-titolu “Għan”, minn naħa waħda dwar il-garanzija tad-dritt ta’ ażil għall-implementazzjoni ta’ proċedura rapida, ibbażata fuq kriterji oġġettivi u ekwi għall-persuni kkonċernati, iżda wkoll, min-naħa l-oħra, għall-prevenzjoni tal-abbuż tal-proċeduri ta’ ażil permezz ta’ diversi applikazzjonijiet fi Stati Membri differenti. |
24. |
Dawn l-għanijiet essenzjali fformulati mill-Kummissjoni sussegwentement issarrfu wkoll fir-Regolament Nru 343/2003. Il-premessi 3 u 4 jindikaw bħala għan fundamentali d-determinazzjoni rapida tal-Istat Membru responsabbli fuq il-bażi ta’ metodu ċar u operattiv sabiex jiġi ggarantit aċċess effettiv għall-proċedura. It-tieni sentenza tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 sussegwentement tiddefinixxi l-prinċipju bażiku li jistabbilixxi li kull applikazzjoni għall-ażil għandha tiġi eżaminata minn Stat Membru wieħed biss. Dan il-prinċipju minn naħa jevita li jinħolqu l-hekk imsejħa “refuġjati f’orbita”, jiġifieri li l-persuni li jitolbu l-ażil jitkeċċew minn Stat Membru għal ieħor u li fil-prattika d-dritt tagħhom għall-ażil jisfa’ fix-xejn. Min-naħa l-oħra, din il-proċedura tevita l-hekk imsejjaħ “asylum shopping” billi teskludi li l-applikanti jkomplu jmorru minn pajjiż għall-ieħor fl-Unjoni bla kontroll billi jippreżentaw applikazzjonijiet għall-ażil paralleli jew suċċessivi fl-Unjoni ( 5 ). |
25. |
Il-premessa 6 tar-Regolament Nru 343/2003 ssemmi wkoll bħala għan il-preżervazzjoni tal-għaqda tal-familji, sa fejn dan ikun kompatibbli mal-għanijiet l-oħrajn segwiti minn dan ir-regolament. Fil- premessa 7, huwa indikat bħala għan li Stat Membru jista’ jiżgura konġuntament l-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati minn diversi membri ta’ familja, anki billi jidderoga mill-kriterji ta’ responsabbiltà normalment applikabbli sabiex jippermetti li familja terġa’ tingħaqad flimkien meta dan jeħtieġ għal raġunijiet umanitarji. |
26. |
F’dan il-kuntest, it-tielet Kapitolu tar-Regolament Nru 343/2003 jinkludi – skont l-Artikolu 5(1) tiegħu – kriterji fil-forma ta’ regoli ta’ kompetenza strutturata b’mod ġerarkiku li huma kklassifikati skont l-ordni ta’ prijoritajiet li dejjem jonqsu għall-għażla tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil. L-Artikoli 6 sa 8 ta’ dan ir-Regolament jagħtu prijorità f’dan ir-rigward lill-preżervazzjoni tal-għaqda tal-familja, u huwa biss iktar ’l isfel, fl-Artikoli 9 sa 12 tar-Regolament, li huma elenkati l-kriterji li jiġġustifikaw ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru fuq il-bażi li huwa jkun ippermetta d-dħul tal-applikant għall-ażil fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni. Din il-klassifikazzjoni tal-kriterji ta’ kompetenza għandha minn naħa waħda tgħin biex jiġi ddeterminat sew l-Istat Membru responsabbli unikament fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u biex jiġi kkunsidrat l-għan li tiġi ggarantita l-għaqda tal-familja. Min-naħa l-oħra, din għandha tippermetti wkoll li jiġu evitati abbużi li jirriżultaw mill-preżentazzjoni ta’ diversi applikazzjonijiet għall-ażil simultanjament jew suċċessivament u finalment sabiex jiġi speċifikat Stat Membru wieħed bħala responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet. |
2. Il-pożizzjoni tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 15 fis-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 343/2003
27. |
Il-leġiżlatur ma injorax il-fatt li jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn il-konstatazzjoni tar-responsabbiltà ta’ Stat Membru skont katalgu ta’ kompetenza strett tista’ twassal għal riżultati inaċċettabbli. Sabiex jiġu evitati tali riżultati, żdiedu żewġ dispożizzjonijiet fir-Regolament Nru 343/2003, jiġifieri l-Artikolu 3(2) u l-“klawsola umanitarja” fl-Artikolu 15, li jippermettu, b’deroga mill-katalgu ta’ kompetenzi gradati diġà msemmija, lil Stat Membru li jassumi r-responsabbiltà għall-eżami ta’ applikazzjoni għal motivi partikolari. |
28. |
Fil-proposta tagħha għal Regolament, tas-26 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni ġġustifikat il-klawżola umanitarja fuq il-bażi li l-għan prinċipali tagħha huwa l-prevenzjoni jew li tiġi evitata l-firda tal-membri ta’ familja li tista’ tirriżulta minn applikazzjoni letterali tal-kriterji tar-responsabbiltà. Fil-fatt, għalkemm ir-Regolament inkwistjoni jipprovdi diversi dispożizzjonijiet vinkolanti sabiex jippermetti li l-membri ta’ familja jkunu iktar qrib xulxin jew li tinżamm l-għaqda familjari, is-sitwazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu huma tant diversi li ma huwiex possibbli li tiġi prevista dispożizzjoni speċifika għal kull każ. Għal din ir-raġuni, huwa fl-interess kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għall-ażil li jkun hemm klawżola umanitarja ( 6 ). |
29. |
B’hekk, minħabba l-mod minn fejn oriġina, fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003 nsibu regola li tidderoga mill-ġerarkija ta’ kompetenzi skont il-prijorità li dejjem tonqos li hija prevista fil-Kapitolu III tar-Regolament. |
30. |
L-istess jgħodd għad-dritt ta’ intervent taħt l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003. F’dan ir-rigward, mill-proposta għal Regolament li saret mill-Kummissjoni fis-26 ta’ Lulju 2001 jirriżulta li kunsiderazzjonijiet politiċi, umanitarji kif ukoll sempliċement prattiċi tal-Istat Membu li ma jkunx responsabbli skont ir-regola bażika jistgħu jkunu determinanti għall-eżerċitar ta’ dak id-dritt ( 7 ). |
31. |
Kemm l-Artikolu 15 kif ukoll l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 jikkostitwixxu eċċezzjonijiet għall-kriterji kollha ta’ kompetenza elenkati fil-Kapitolu III tar-Regolament. Filwaqt li l-Artikolu 15 iddaħħal fil-Kapitolu IV tar-Regolament taħt it-titolu “Klawsola umanitarja”, l-Artikolu 3(2) jinsab fil-Kapitolu II bit-titolu “Prinċipji ġenerali”. Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal verżjoni ġdida tar-Regolament Nru 343/2003 turi li ma huwiex ideali li jitpoġġew żewġ dispożizzjonijiet derogatorji fl-istess ħin fil-Kapitolu II tar-Regolament taħt it-titolu “prinċipji ġenerali” għal waħda u f’Kapitolu IV speċifiku għall-oħra ( 8 ). It-test iċċitat iktar ’il fuq jipproponi għall-finijiet ta’ ċarezza li jitpoġġew flimkien wara reviżjoni l-klawżoli ta’ sovranità u dik umanitarja taħt it-titoli “klawsoli diskrezzjonali” ( 9 ). |
3. Ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003
32. |
Il-kwistjoni tar-relazzjoni bejn l-Artikolu 3 u l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003 sa issa baqgħet mingħajr risposta. |
33. |
Il-Gvern Ċek u dak Awstrijakk jikkunsidraw li l-post ta’ residenza tal-persuna li titlob l-ażil huwa l-kriterju ta’ delimitazzjoni pertinenti għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u li beħsiebhom japplikaw l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 biss meta l-applikant għall-ażil jinstab fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru normalment responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu waqt li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003 għandu japplika għall-każijiet fejn l-applikant għall-ażil ikun preżenti fl-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għall-ażil iżda jkun jidher li jkun aħjar jekk l-eżami ta’ dik l-applikazzjoni jsir fi Stat Membru ieħor. Jiena ma naqbilx ma’ dan l-approċċ. |
34. |
Fil-fatt, tali interpretazzjoni li ma tieħu inkunsiderazzjoni biss il-post ta’ residenza tal-applikant għall-ażil mingħajr ma tqis ċirkustanzi oħrajn ma tissodisfax l-għan diġà msemmi tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003. |
35. |
Kif diġà spjegajt, l-introduzzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003 kienet intiża biex tiggarantixxi jew terġa’ tistabbilixxi l-għaqda tal-familja fis-sens ta’ regola ferm ġenerali għall-każijiet fejn il-kriterji ta’ kompetenzi elenkati fil-Kapitolu III jistgħu jikkostitwixxu każ ta’ tbatija eċċessiva mill-aspett umanitarju. L-ewwel proposta tar-Regolament tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Lulju 2001 kellha l-għan li toħloq regola ferm ġenerali sabiex tiġi evitata l-firda ta’ membri tal-istess familja ( 10 ). Il-verżjoni tal-Artikolu 15 li ġiet adottata b’mod definittiv hija essenzjalment ibbażata fuq dik il-proposta. Il-klawżola umanitarja hija intiża b’mod ċar biex tevita s-separazzjoni ta’ membri ta’ familja jew biex tirrimedja din il-problema ( 11 ). |
36. |
Skont il-ġenesi u d-diċitura tiegħu, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003 għaldaqstant jikkostitwixxi dispożizzjoni speċifika għal raġunijiet ta’ familja fil-qasam umanitarju waqt li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 jirrappreżenta klawżola ġenerali applikabbli f’każ ta’ tbatija eċċessiva. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li d-dettalji tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 ma humiex ippreċiżati, b’differenza mill-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003. |
37. |
Differenza essenzjali bejn l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003 tinsab barra minn hekk fil-fatt li fil-każ tal-Artikolu 3(2), applikazzjoni għall-ażil tkun diġà ġiet ippreżentata fi Stat Membru li ma għandux kompetenza, waqt li dan mhux bilfors huwa l-każ għall-Artikolu 15. |
38. |
Bħala konklużjoni, għaldaqstant hemm lok li jiġi kkonstatat li kemm l-Artikolu 3(2) kif ukoll l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003 jikkostitwixxu regoli speċifiċi għal deċiżjonijiet diskrezzjonali tal-Istati Membri li l-kampijiet ta’ applikazzjoni tagħhom jistgħu jidħlu fuq xulxin u li jistgħu jkunu applikabbli b’mod parallel meta l-kriterji ta’ tali applikazzjoni jkunu sodisfatti. L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003 jikkostitwixxi f’dan ir-rigward regola speċifika għad-deċiżjonijiet diskrezzjonali fil-qasam tar-riunifikazzjoni tal-familja għal raġunijiet umanitarji irrispettivament mill-post ta’ residenza tal-applikant għall-ażil, waqt li l-invokazzjoni tad-dritt ta’ intervent taħt l-Artikolu 3(2) tal-istess Regolament tista’ tiddependi wkoll fuq fatturi oħrajn minbarra kunsiderazzjonijiet umanitarji. Għaldaqstant, il-klawżola umanitarja tal-Artikolu 15 ma tikkostitwixxix dispożizzjoni ġenerali għal każijiet ta’ “tbatija eċċessiva” iżda hija marbuta imperattivament mal-fatt li membru tal-familja ta’ applikant jinstab fit-territorju tal-Istati Membri. |
B – L-ewwel domanda
39. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tikkjarifika l-kwistjoni jekk f’każ bħal dan, ir-Repubblika tal-Awstrija tistax tkun obbligata li teżamina l-applikazzjoni għall-ażil tar-rikorrenti minflok l-Istat Membru normalment responsabbli skont ir-regoli tal-Artikoli 6 sa 14, u jekk tali regola tapplikax ukoll meta r-Repubblika tal-Awstrija ma tintalabx tagħmel dan mill-Istat Membru normalment responsabbli. |
40. |
Sabiex nirrispondi għal din id-domanda, ser neżamina fl-ewwel lok ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 15(2), tar-Regolament Nru 343/2003. F’dan il-kuntest, ser nanalizza sussegwentement jekk f’każ bħal dan, l-Artikolu 15(2) jistax ikun applikabbli. Peress li, fil-fehma tiegħi, għandha tingħata risposta negattiva għal dik id-domanda, ser nirrispondi sussegwentement għall-ewwel domanda preliminari fuq il-bażi tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 343/2003. |
1. Ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 343/2003
41. |
L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 343/2003 jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jgħaqqdu lill-membri ta’ familja kif ukoll lil qraba oħrajn dipendenti u li jeżaminaw għal dan il-għan applikazzjonijiet għall-ażil li għalihom ma jkunux responsabbli skont ir-regoli tal-Kapitolu III. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(1), sabiex isir dan jeħtieġ li ssir talba minn Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 15(1), huwa neċessarju li l-applikant għall-ażil jagħti l-kunsens tiegħu. |
42. |
L-Artikolu 15(2), tar-Regolament Nru 343/2003 jagħti eżempji ta’ tipi ta’ raġunijiet umanitarji. F’dan ir-rigward, mill-kuntest sħiħ ta’ dak l-artikolu u mill-ġenesi tiegħu jirriżulta li l-Artikolu 15(1) jirregola kemm il-kundizzjonijiet kif ukoll il-proċedura meta jkun hemm raġunijiet umanitarji, waqt li l-Artikolu 15(2) jelenka każijiet fejn fil-prinċipju wieħed għandu jassumi li jeżistu raġunijiet umanitarji fis-sens ta’ dak l-artikolu u fejn il-klawżola umanitarja għandha għaldaqstant tapplika. |
43. |
Fil-proposta tagħha għal Regolament tas-26 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni diġà rrakkomandat li jiffissaw regoli iktar preċiżi dwar il-prinċipji li abbażi tagħhom tkun possibbli deroga mill-kriterji ta’ kompetenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni ta’ familja ( 12 ). Ir-rakkomandazzjoni ċċitata iktar ’il fuq hija bbażata, bħalma hi l-aħħar verżjoni tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 343/2003, fuq ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Nru 1/2000 tal-31 ta’ Ottubru 2000 tal-kumitat stabbilit mill-Artikolu 18 tal-konvenzjoni ta’ Dublin ( 13 ) li kienet tipprovdi li għandha ssir riunifikazzjoni ta’ familja fis-sens tal-konvenzjoni ta’ Dublin fil-preżenza ta’ xi wieħed mill-każijiet li issa huma elenkati fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 343/2003. |
44. |
Id-distinzjoni bejn l-Artikoli 15(1) u 15(2) tar-Regolament Nru 343/2003 hija ġġustifikata mill-fatt li l-leġiżlatur kien konxju li s-sitwazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu għall-applikazzjoni tal-klawżola umanitarja kienu tant diversi li ma setgħux jiġu rregolati kollha b’dispożizzjonijiet speċifiċi ( 14 ). Wieħed hawnhekk jista’ jaħseb dwar il-każ ta’ applikanti għall-ażil mit-territorju ta’ dawk li qabel kienu setgħat kolonjali li komplew ikollhom influwenza deċiżiva fuq il-kundizzjonijiet kulturali fil-pajjiżi ta’ oriġini ta’ wħud mill-applikanti għall-ażil, jew l-għarfien lingwistiku tagħhom, li minħabba f’hekk jista’ jixraq li jingħata piż partikolari lill-aspett ta’ riunifikazzjoni ta’ familja ( 15 ). Il-kwistjoni dwar jekk f’każijiet bħal dawn hemmx raġunijiet umanitarji biex familja tingħaqad flimkien għandha tiġi evalwata mill-Istati Membri, fid-dawl tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 343/2003. B’kuntrast, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament iċċitat iktar ’il fuq jagħti deskrizzjoni preċiża ta’ sitwazzjonijiet reali u essenzjali tal-ħajja fejn l-importanza ta’ ċirkustanzi speċifiċi tkun tali li wieħed irid jassumi li jeżistu raġunijiet umanitarji u għaldaqstant, bħala regola ġenerali, ikun hemm lok għal riunifikazzjoni b’mod konformi mal-Artikolu 15(1). |
45. |
Din l-analiżi hija kkonfermata mill-konstatazzjoni li b’differenza minn dak li huwa l-każ għall-Artikolu 15(1), l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 343/2003 ma jinkludix kundizzjoni addizzjonali, lil hinn mil-lista ta’ każijiet differenti fejn wieħed jista’ jassumi bħala regola ġenerali li jeżistu raġunijiet umanitarji. Fil-fatt, l-Artikolu 15(2) ma jipprovdix espliċitament li t-trasferiment ta’ kompetenza għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil għandu jsir fuq talba ta’ Stat Membru ieħor u bil-kunsens tal-persuna kkonċernata. Il-fatt li l-ewwel żewġ paragrafi tal-Artikolu 15 jitqiesu bħala regoli indipendenti minn xulxin għandu l-konsegwenza li f’każijiet partikolarment serji, l-eżami jista’ jsir minn Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru responsabbli skont il-kriterji tal-Kapitolu III mingħajr mal-applikant ikollu l-possibbiltà li jesprimi ruħu f’dan ir-rigward. Huwa evidenti li din ma hijiex is-soluzzjoni mixtieqa mil-leġiżlatur. |
46. |
Għaldaqstant, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 343/2003 jelenka u jispeċifika r-raġunijiet umanitarji msemmija fl-Artikolu 15(1). |
47. |
Id-differenza essenzjali bejn l-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 343/2003 tinsab fil-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri. Id-diskrezzjoni mogħtija lill-awtoritajiet b’setgħa deċiżjonali hija konsiderevolment imnaqqsa fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 15(2) meta mqabbla ma’ dawk previsti fl-Artikolu 15(1). L-Artikolu 15(2) jiddeskrivi każijiet fejn riunifikazzjoni tal-familja għandha normalment isseħħ. Meta jkun hemm każ ta’ dan it-tip, irid ikun hemm ċirkustanzi speċifiċi u eċċezzjonali biex ma titteħidx deċiżjoni ta’ riunifikazzjoni ( 16 ). Jekk minkejja l-fatt li tkun teżisti waħda miċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 15(2), ikollha tingħata risposta negattiva għall-kwistjoni tal-eżistenza ta’ raġuni umanitarja, dik id-deċiżjoni għandha tkun immotivata b’mod speċjali. |
48. |
Għall-kuntrarju, ir-regola li tinsab fl-Artikolu 15(1) tippermetti lill-Istati Membri li jiddeċiedu skont il-każ partikolari li jkollhom quddiemhom, u dan wara li jikkunsidraw għadd ta’ fatturi rilevanti. Il-kunċetti ta’ “raġunijiet umanitarji” jew “kuntest ta’ familja u kulturali” huma kunċetti ġuridiċi impreċiżi li jippermettu applikazzjoni flessibbli tar-regola għall-iktar sitwazzjonijiet varjati fejn ikun hemm rabta ta’ familja. Din is-setgħa diskrezzjonali, li hija nettament usa’ minn dik mogħtija mill-Artikolu 15(2), hija spjegata mill-għan tal-klawżola umanitarja, li hija intiża, fid-dawl tar-regoli tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-KEDB, biex tkopri sitwazzjonijiet konkreti tal-ħajja li minħabba l-għadd kbir ta’ sitwazzjonijiet u ċirkustanzi imaġinabbli ma jistgħux jiġu ddefiniti bil-quddiem fid-dettall. |
2. L-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 243/2003 ma huwiex applikabbli f’każ bħal dan
49. |
Skont it-termini tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 243/2003, meta l-persuna kkonċernata tkun tiddependi mill-għajnuna ta’ persuna oħra minħabba tqala jew tarbija tat-twelid, marda serja, diżabilità serja jew xjuħija, l-Istati Membri normalment iħallu flimkien jew jgħaqqdu lill-applikant għall-ażil u membru ieħor tal-familja tiegħu fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, kemm-il darba r-rabtiet ta’ familja eżistew qabel fil-pajjiż ta’ oriġini. |
50. |
Meta jitqies l-Artikolu 15(1) ta’ dan l-istess Regolament, ma huwiex diffiċli biex tingħata risposta għall-kwistjoni dwar xi jkopru l-kunċetti ta’ “persuna kkonċernta” u “persuna oħra” fis-sens tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 343/2003. Fil-fatt, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(1), l-Istat Membru li ma jkunx Stat Membru li huwa normalment responsabbli jista’ jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil tal-persuna kkonċernata mill-perspettiva tal-kundizzjonijiet elenkati f’dan il-paragrafu. Għaldaqstant, il-“persuna kkonċernata” fis-sens tal-Artikolu 15(1) hija l-applikant għall-ażil. |
51. |
Meta titqies ir-relazzjoni sistematika bejn l-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 343/2003, il-kunċett ta’ “persuna kkonċernata” fis-sens tal-Artikolu 15(2) għandu jinftiehem li jirreferi għall-applikant għall-ażil waqt li l-“persuna l-oħra” għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni hija membru tal-familja tal-applikant għall-ażil. |
52. |
Mill-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 343/2003 b’hekk ma huwiex applikabbli f’każ bħal dan. Fil-fatt, fil-kawża prinċipali, ma hijiex l-applikanta għall-ażil li tiddependi fuq l-għajnuna ta’ membru tal-familja tagħha li jinsab fi Stat Membru, iżda għall-kuntrarju hija membru tal-familja li għandha bżonn l-għajnuna tagħha. |
53. |
Fil-fehma tiegħi, ma hemm ebda raġuni teleoloġika biex din l-interpretazzjoni tiġi estiża skont l-għan u l-formulazzjoni tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 343/2003, fis-sens li d-dispożizzjoni derogatorja msemmija hawn fuq għandha tiġi applikata meta membru tal-familja li jinstab diġà fi Stat Membru jkun jeħtieġ l-għajnuna tal-applikant għall-ażil. |
54. |
Il-fatt li l-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 ( 17 ) li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 jindika li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 343/2003 japplika wkoll meta l-applikant għall-ażil ikun dipendenti fuq l-assistenza ta’ membru tal-familja tiegħu preżenti fi Stat Membru ieħor bl-istess mod bħal meta l-membru tal-familja preżenti fi Stat Membru jkun dipendenti fuq l-għajnuna tal-applikant għall-ażil, ma jmurx kontra dik l-interpretazzjoni. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1560/2003 huwa regolament ta’ implementazzjoni li jista’ biss jissupplimenta jew jiċċara d-dispożizzjonijiet tar-regolament prinċipali iżda ma jistax jimmodifikahom sostanzjalment. |
55. |
F’dan il-kuntest, xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 343/2003 ma jistax japplika f’każ bħal dan. |
3. L-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 343/2003 f’każ bħal dan inkwistjoni
56. |
Skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 343/2003, kull Stat Membru jista’, anki jekk ma jkunx responsabbli skont il-kriterji ddefiniti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament, jgħaqqad flimkien lill-membri tal-istess familja, kif ukoll qraba oħrajn dipendenti għal raġunijiet umanitarji indikati f’dak l-artikolu u jeżamina, f’dak il-każ, fuq talba ta’ Stat Membru ieħor, l-applikazzjoni għall-ażil tal-persuna kkonċernata. Il-persuni kkonċernati jridu jagħtu l-kunsens tagħhom. L-Artikolu 15(4) tar-Regolament Nru 343/2003 jikkonferma li f’każ bħal dan, ir-responsabbiltà tal-eżami tal-applikazzjoni tiġi ttrasferita lill-Istat Membru li ssirlu t-talba. |
57. |
Sabiex tingħata risposta għall-kwistjoni jekk f’każ bħal dan, jistax jinħoloq obbligu għar-Repubblika tal-Awstrija li teżamina l-applikazzjoni għall-ażil tar-rikorrenti, għandu jiġi kkjarifikat b’mod partikolari:
|
58. |
Ser nindirizza dawn it-tliet domandi iktar ’il quddiem. |
a) Ir-rikorrenti tista’ tingħadd fost il-membri tal-familja fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 343/2003
59. |
Skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 343/2003 meta l-kundizzjonijiet elenkati fih ikunu sodisfatti, Stat Membru jista’ jgħaqqad flimkien lill-“membri tal-familja, kif ukoll qraba oħra dipendenti” għall-finijiet tal-eżami tal-applikazzjonijiet tagħhom għall-ażil. |
60. |
L-Artikolu 2(i) tar-Regolament Nru 343/2003 jagħti definizzjoni leali tal-kunċett ta’ membri tal-familja relattivament stretta li ma tinkludix ir-relazzjoni bejn kunjata u ħtint. Din is-sitwazzjoni tqajjem il-kwistjoni jekk il-kunċett ta’ membri tal-familja kif mifhum fl-Artikolu 15(1) huwiex usa’ minn dak fl-Artikolu 2(i). |
61. |
Dik il-kwistjoni għandha tingħata, fil-fehma tiegħi, risposta affermattiva. Paragun tal-verżjoni Ġermaniża tar-Regolament Nru 343/2003 mal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħrajn ta’ dan l-istess regolament juri li l-kunċett ta’ “membru tal-familja” (Familienmitglieder) fl-Artikolu 15(1) jikkorrispondi għal dak ta’ “membru tal-familja” (Familienangehörigen) fl-Artikolu 2(i) tar-Regolament Nru 343/2003 ( 18 ). Madankollu jirriżulta mill-fatt li l-espressjoni “qraba oħra” hija magħquda mal-ewwel waħda li d-definizzjoni tal-Artikolu 2(i) ma tistax tkun determinanti. Dan jirriżulta wkoll mill-verżjoni Ingliża li tuża l-espressjoni “other dependent relatives”. |
62. |
Dawn il-kunsiderazzjonijiet iwassluni biex nikkonkludi li r-rikorrenti tista’ tingħadd mal-“membri tal-familja, kif ukoll qraba oħra dipendenti” fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 343/2003. |
b) Iċ-ċirkustanzi fejn il-fakultà prevista fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 343/2003 biex tiġi eżaminata l-applikazzjoni għall-ażil tista’ tinqeleb f’obbligu.
63. |
Kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi tat-22 ta’ Settembru 2011 fil-kawża N.S. ( 19 ) u kif ikkonfermat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza li hija tat f’dik il-kawża ( 20 ), għandu jitqies li d-deċiżjoni ta’ Stat Membru li jeżamina applikazzjoni għall-ażil, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 għandha titqies bħala implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għall-finijiet tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali b’mod li meta dan jieħu tali deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw ir-regoli stipulati fil-karta tad-drittijiet fundamentali. |
64. |
Din l-evalwazzjoni tista’ tiġi trasposta għall-klawżola umanitarja tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003. Għaldaqstant, id-deċiżjoni ta’ Stat Membru li jeżamina applikazzjoni għall-ażil, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 343/2003 għandha wkoll titqies għall-finijiet tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, bħala implementazzjoni minn Stat Membru tar-Regolament Nru 343/2003 li fil-kuntest tiegħu l-Istat Membru għandu josserva r-regoli ta’ din il-karta. |
65. |
Fir-rigward ta’ dan il-vinkolu ta’ osservanza tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-Istati Membri jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, ikunu obbligati li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jeżaminaw applikazzjoni għall-ażil għal raġunijiet umanitarji skont ir-regoli stipulati fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 343/2003 jekk jirriżulta li f’każ kuntrarju jkun hemm riskju serju ta’ limitazzjoni mhux ġustifikata tad-drittijiet tal-applikant għall-ażil iggarantiti fil-karta tad-drittijiet fundamentali ( 21 ). |
66. |
F’dan ir-rigward il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment fid-digriet tagħha għall-possibbiltà ta’ ksur tal-projbizzjoni tat-trattament inuman u degradanti li tinsab fl-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali minn naħa waħda kif ukoll tad-dritt ta’ rispett tal-ħajja privata u tal-familja li jinsab fl-Artikolu 7 ta’ dik l-istess karta. |
67. |
Fir-rigward tal-possibbiltà ta’ ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-qorti tar-rinviju targumenta li fil-proċedura fil-kawża prinċipali, kien ikun hemm trasferiment tar-rikorrenti lejn il-Polonja, kieku l-Awstrija ma kinitx l-Istat Membru responsabbli mill-proċedura ta’ ażil. Il-konsegwenza ta’ dik is-sitwazzjoni tkun li r-rikorrenti tinfired minn ħtintha li tiddependi mill-għajnuna tagħha u li tinsab potenzjalment f’riskju fi ħdan il-familja tagħha, li tkun twassal għal degradazzjoni tal-istat ta’ saħħa tal-imsemmija ħtint u tesponiha għal riskju mill-klan tal-familja. Fir-rigward tal-possibbiltà ta’ ksur tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-qorti tar-rinviju tenfasizza barra minn hekk li trasferiment tar-rikorrenti lejn il-Polonja jwassal għal firda min-neputijiet żgħar tagħha, bir-riskju sussegwenti li dawn jinfirdu minn ommhom li ma tkunx f’pożizzjoni li tieħu ħsiebhom sew ( 22 ). |
68. |
Anki jekk id-deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk f’dan il-każ hemmx riskju ta’ ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali finalment tinsab f’idejn il-qorti tar-rinviju, għandu jiġi enfasizzat li ksur tal-projbizzjoni ta’ pieni jew trattamenti inumani jew degradanti li tinsab fil-karta tad-drittijiet fundamentali jippresupponi l-impożizzjoni ta’ tbatija fiżika jew psikoloġika ta’ gravità suffiċjenti fir-rigward tal-intensità u d-dewmien tagħha ( 23 ). Fir-realtà, ir-rikorrenti kif ukoll ħtintha ftit li xejn jinsabu fir-riskju li jiġu suġġetti għal tali trattament mill-awtoritajiet pubbliċi. Il-biża’ hija biss li jkun hemm konsegwenzi indiretti fuq il-ħajja u l-eżistenza ta’ ħtint ir-rikorrenti. |
69. |
Għalkemm f’dan il-kuntest hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jista’ jimponi obbligu fuq l-Istati Membri li jipproteġu persuna kontra tortura jew pieni jew trattamenti inumani jew degradanti ( 24 ) minn ħaddieħor, fil-fehma tiegħi huwa dubjuż li l-konsegwenzi negattivi fuq il-ħajja u l-eżistenza ta’ ħtint ir-rikorrenti li jirriżultaw minn trasferiment tar-rikorrenti lejn il-Polonja jippreżentaw f’dan il-każ il-grad ta’ gravità meħtieġ sabiex ikun hemm ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Meta jitqiesu speċifikament iċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, jiġifieri minn naħa waħda li ħtint ir-rikorrenti daħlet fl-Awstrija ma’ żewġha u wliedha (u mingħajr ir-rikorrenti) u li hija għexet għal bosta snin mingħajr ir-rikorrenti, li hija ngħatat ukoll l-ażil fl-Awstrija u li, barra minn hekk, ir-rikorrenti ma għadhiex tgħix taħt l-istess saqaf bħal ħtintha u wliedha ż-żgħar wara li din tal-aħħar ingħatat l-istatus ta’ refuġjata, huwa f’idejn il-qorti tar-rinviju biex teżamina b’reqqa kbira jekk il-konsegwenzi ta’ trasferiment tar-rikorrenti lejn il-Polonja jistax fi kwalunkwe każ jitqies li jista’ jkollu konsegwenzi inumani jew degradanti fuq ħajjet il-ħtint fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. |
70. |
Jekk il-qorti tar-rinviju madankollu tasal għall-konklużjoni li ħtint ir-rikorrenti tinsab f’riskju serju li jinkisru d-drittijiet tagħha li huma ggarantiti mill-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ir-Repubblika tal-Awstrija għandha tingħata setgħa diskrezzjonali suffiċjenti ( 25 ) fl-għażla tal-miżuri ta’ protezzjoni kontra l-azzjonijiet li tista’ ġġarrab. Għalkemm f’każ bħal dan wieħed jista’ jiddeduċi mill-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali obbligu pożittiv tal-Awstrija li topponi l-espożizzjoni ta’ ħtint ir-rikorrenti għal riskji mill-klan tal-familja tagħha minħabba t-trasferiment tar-rikorrenti lejn il-Polonja, l-għażla tal-miżuri ta’ protezzjoni xierqa għandha titħalla f’idejn ir-Repubblika tal-Awstrija. |
71. |
Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li projbizzjoni tat-trasferiment tar-rikorrenti lejn il-Polonja lanqas ma tista’ tiġi dedotta mill-Artikolu 4 tal-Karta, anki jekk, f’każ bħal dan, dan id-dritt fundamentali jeżiġi li r-Repubblika tal-Awstrija tieħu miżuri biex tiżgura l-protezzjoni ta’ ħtint ir-rikorrenti. Fil-fatt, f’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Awstrija tista’ tagħżel miżuri oħrajn xierqa favur ħtint ir-rikorrenti. |
72. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ma jeħtieġx li neżaminaw iktar fil-fond il-kwistjoni jekk ir-Repubblika tal-Awstrija teħtieġx, sabiex tevita trattament inuman u degradanti li huwa pprojbit mill-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għal terza persuna li ma hijiex ir-rikorrenti, li teżamina għal raġunijiet umanitarji l-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata mir-rikorrenti, b’mod konformi mar-regoli tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003. |
73. |
Fir-rigward tal-possibbiltà ta’ ksur tad-dritt ta’ rispett tal-ħajja ta’ familja li jinsab fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-qorti tar-rinviju tiġbed l-attenzjoni parzjalment għar-relazzjoni bejn ir-rikorrenti bħala nanna u n-neputijiet żgħar tagħha. Hija tenfasizza li f’każ li r-rikorrenti tintbagħat il-Polonja, huwa mistenni li n-neputijiet jinfirdu minn ommhom permezz ta’ care order. |
74. |
Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali f’każ bħal dan, għandu jitqies li r-relazzjoni bejn ir-rikorrenti bħala nanna u n-neputijiet żgħar tagħha tista’ taqa’ taħt id-dritt ta’ rispett tal-ħajja tal-familja, speċjalment peress li ma huwiex assolutament neċessarju għal dan il-għan li l-membri tal-familja jkunu jgħixu taħt l-istess saqaf ( 26 ). Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li trasferiment tar-rikorrenti lejn il-Polonja jikkostitwixxi restrizzjoni tad-dritt tagħha għal rispett tal-ħajja tal-familja tagħha fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. |
75. |
Tali restrizzjoni tista’ madankollu tkun iġġustifikata skont ir-regoli li jinsabu fl-Artikolu 52(1) u (3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. L-Artikolu 52(1) tal-imsemmija karta jipprovdi b’mod partikolari li kull limitazzjoni tad-dritt ta’ rispett tal-ħajja tal-familja għandha tkun prevista mil-liġi ( 27 ) u għandha tqis is-sustanza nfisha ta’ dak id-dritt kif ukoll il-prinċipju tal-proporzjonalità. Peress li t-trasferiment tar-rikorrenti lejn il-Polonja jseħħ b’applikazzjoni tar-regola li tinsab fir-Regolament Nru 343/2003 li tiddetermina l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil, hemm bażi legali. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fis-sentenza tagħha N.S. et li r-regoli dwar il-komptenza stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 343/2003 jistgħu jiġu emendati biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali anki fil-preżenza ta’ limitazzjoni ta’ dritt fundamentali ( 28 ). F’każ bħal dan, din ir-riflessjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-verifika tal-proporzjonalità ta’ restrizzjoni fid-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja ( 29 ) kif ukoll il-verifika tat-teħid inkunsiderazzjoni tan-natura sostanzjali ta’ dak id-dritt ( 30 ). Għaldaqstant, tista’ titqies bħala limitazzjoni pprojbita b’mod li taffettwa r-regoli tal-kompetenza kif stabbiliti mir-Regolament Nru 343/2003 biss limitazzjoni partikolarment importanti tad-dritt tar-rispett tal-ħajja tal-familja. |
76. |
Rigward il-kunsiderazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju dwar ir-riskju li t-tfal iż-żgħar u l-ħtint jinfirdu mir-rikorrenti f’każ ta’ trasferiment ta’ din tal-aħħar lejn il-Polonja, għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-qorti tar-rinviju tindika li wieħed għandu jistenna tali separazzjoni fil-kuntest ta’ miżuri meħuda mis-servizz tal-ħarsien tat-tfal ( 31 ). Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju ssemmi li din tkun separazzjoni legali tat-tfal minn ommhom ( 32 ). Meta jitqies il-fatt li r-Repubblika tal-Awstrija hija parti mill-KEDB, għandu jiġi kkunsidrat li miżura meħuda fil-kuntest tal-ħarsien tat-tfal u li tkun legali skont id-dritt Awstrijakk ma tistax normalment tikkostitwixxi limitazzjoni mhux iġġustifikata tad-dritt tar-rispett tal-ħajja tal-familja tat-tfal iż-żgħar u ta’ ommhom fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. F’dan il-kuntest, ma huwiex neċessarju li nkompli niddedika iktar ħin għall-kwistjoni jekk biex jiġi evitat ksur tad-dritt fundamentali ta’ rispett tal-ħajja tal-familja ta’ persuna oħra li ma hijiex ir-rikorrenti, ir-Repubblika tal-Awstrija tistax tkun obbligata li teżamina l-applikazzjoni tagħha għall-ażil għar-raġunijiet umanitarji msemmija fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003. |
77. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jista’ jiġi kkonstatat fil-qosor li f’ċirkustanzi eċċezzjonali l-Istati Membri jistgħu jkunu obbligati li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jeżaminaw applikazzjoni għall-ażil għal raġunijiet umanitarji b’mod konformi mar-regoli tal-Artikolu 15 tar-Regolament 343/2003 jekk jiġi kkonstatat li jeżisti riskju serju ta’ restrizzjoni mhux iġġustifikat f’wieħed mid-drittijiet iggarantiti lill-applikant għall-ażil mill-karta tad-drittijiet fundamentali. |
c) Ir-rekwiżit ta’ talba ta’ trasferiment jekk ikun hemm obbligu ta’ trasferiment
78. |
Skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 343/2003, Stat Membru jista’ jgħaqqad flimkien lill-membri tal-istess familja kif ukoll qraba dipendenti oħrajn għal raġunijiet umanitarji fid-dawl tal-eżami tal-applikazzjonijiet tagħhom għall-ażil meta l-persuni kkonċernati jagħtu l-kunsens tagħhom u meta Stat Membru ieħor ikun talab dak it-trasferiment. |
79. |
Bħala konsegwenza, skont ir-Regolament, sabiex tapplika l-klawżola umanitarja, huwa neċessarju li jkun hemm talba ta’ trasferiment minn Stat Membru ieħor. |
80. |
Ir-rekwiżit ta’ tali talba jirriżulta, fil-fehma tiegħi, min-neċessità li jiġi armonizzat l-approċċ tad-diversi Stati Membri fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjonijiet għall-ażil. Hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-fatt li għandha tittieħed deċiżjoni kemm jista’ jkun malajr u b’mod uniformi dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà għall-implementazzjoni tal-proċedura ta’ ażil skont ir-Regolament Nru 343/2003. F’dan il-kuntest, it-tifsira tat-talba ta’ trasferiment tidher li tinsab fil-fatt li din hija intiża, mingħajr ebda dubju, biex tiddetermina b’mod ċar liema wieħed fost id-diversi Stati Membri involuti fi proċedura ta’ ażil, għandu jipproċedi għall-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil skont ir-regoli stipulati fir-Regolament Nru 343/2003. |
81. |
F’dan ir-rigward wieħed ma jistax jirrinunzja għar-rekwiżit ta’ talba ta’ trasferiment anki jekk Stat Membru jkun obbligat f’ċirkustanzi eċċezzjonali li jeżerċita d-dritt tiegħu li jeżamina applikazzjoni għall-ażil għal raġunijiet umanitarji b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003. F’tali każ, in-neċessità ta’ talba ta’ trasferiment kif tirriżulta mill-Artikolu 15(1) jkollha tinftiehem li tfisser li f’dan il-kuntest, l-Istat Membru li għandu d-dmir li jassumi responsabbiltà huwa obbligat, fid-dawl ta’ interpretazzjoni u applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003 b’mod konformi mad-drittijiet tal-bniedem, li jibgħat l-informazzjoni kollha li għandu dwar is-sitwazzjoni fattwali u legali lill-Istat Membru l-ieħor li jipparteċipa fl-istess proċedura u li jitlob il-kunsens tiegħu dwar it-teħid ta’ responsabbiltà min-naħa tiegħu għall-proċedura tal-ażil. |
4. Konklużjoni
82. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun fis-sens li Stat Membru jista’ f’ċirkustanzi eċċezzjonali jkun obbligat li jeżerċita d-dritt tiegħu li jeżamina applikazzjoni għall-ażil għal raġunijiet umanitarji skont ir-regoli tal-Artikolu 15 tar-Regolament 343/2003 jekk inkella jkun hemm restrizzjoni mhux ġustifikata tad-drittijiet iggarantiti għall-applikant mill-karta tad-drittijiet fundamentali. F’tali każ, jekk ma tiġi ppreżentata ebda talba ta’ trasferiment fis-sens tal-Artikolu 15(1), l-Istat Membru li għandu d-dmir li jassumi responsabbiltà huwa obbligat li jinforma lill-Istat Membru l-ieħor li jipparteċipa fil-proċedura ta’ ażil dwar is-sitwazzjoni fattwali u legali u li jitlob il-kunsens tiegħu dwar it-teħid ta’ responsabbiltà min-naħa tiegħu għall-proċedura tal-ażil. |
It-tieni domanda
83. |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikkjarifika jekk f’każ bħal dan, id-dritt mogħti lir-Repubblika tal-Awstrija permezz tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 li tiddikjara li hija responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni jistax isir obbligu meta r-responsabbiltà li inkella tirriżulta mir-Regolament Nru 343/2003 tkun tikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 3 jew 8 tal-KEDB jew tal-Artikoli 4 jew 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar l-importanza tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikoli 3 jew 8 tal-KEDB rispettivament għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jew tal-Artikolu 7 tagħha. |
84. |
Sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar jekk u taħt liema kundizzjonijiet id-dritt ta’ Stat Membru li jinvoka r-responsabbiltà tiegħu kif tirriżulta mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 tista’ tinqaleb f’obbligu, għandu jsir riferiment għas-sentenza N.S. et fejn il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li deċiżjoni ta’ Stat Membru li jeżamina applikazzjoni għall-ażil b’mod konformi mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 għandha titqies għall-finijiet tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li timplementa r-Regolament Nru 343/2003 b’mod li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali meta jieħdu tali deċiżjoni ( 33 ). |
85. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minn dan li l-Istat Membru fejn jinstab applikant għall-ażil meta dak l-Istat ma jkunx l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni skont ir-regoli tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 343/2003 huwa obbligat li ma jittrasferixxix applikant għall-ażil lejn l-“Istat Membru responsabbli” fis-sens tar-Regolament Nru 343/2003 meta ma jkunx jista’ jinjora li tali trasferiment iwassal għal ksur tad-drittijiet ta’ dak l-applikant għall-ażil li huma ggarantiti fil-karta tad-drittijiet fundamentali ( 34 ). F’tali każ, l-Istat Membru fejn jinstab l-applikant għall-ażil huwa obbligat, mingħajr preġudizzju għall-fakultà li tingħatalu mill-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament li jiddikjara li jassumi r-responsabbiltà għall-eżami ta’ dik it-talba, li ma japplikax il-kriterju tal-Kapitolu III li jistabbilixxi li l-Istat Membru l-ieħor huwa responsabbli u li jipprova jistabbilixxi jekk skont wieħed mill-kriterji sussidjarji, Stat Membru ieħor fejn l-applikant għall-ażil jista’ jiġi ttrasferit mingħajr ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu jistax jitqies bħala responsabbli mill-eżami ta’ dik l-applikazzjoni ( 35 ). Madankollu, jeħtieġ li l-Istat Membru fejn tinstab il-persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil jiżgura li ma jaggravax sitwazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ din il-persuna permezz ta’ proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li tieħu tul ta’ żmien mhux raġonevoli. Jekk jeħtieġ, dan l-Istat Membru għandu jeżamina huwa stess l-applikazzjoni skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 ( 36 ). |
86. |
Għar-risposta għad-domanda dwar jekk u b’liema mod għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikoli 3 sa 8 tal-KEDB fil-kuntest tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-punt tat-tluq huwa l-Artikolu 52(3). Skont din id-dispożizzjoni, id-drittijiet inklużi fil-Karta li jikkorrispondu għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB għandhom l-istess sens u ambitu bħad-drittijiet korrispondenti stabbiliti mill-KEDB. Huwa wkoll espressament ipprovdut fl-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li din id-dispożizzjoni ma tostakolax lid-dritt tal-Unjoni milli jipprovdi protezzjoni iktar estiża. |
87. |
Kif diġà spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża NS ( 37 ), din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali joħloq obbligu li jiġi ggarantit li, fl-oqsma fejn id-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jikkoinċidu ma’ dawk tal-KEDB, il-livell ta’ protezzjoni ggarantit mill-Karta ma għandux ikun inqas minn dak iggarantit mill-KEDB. Minħabba li l-firxa u l-ambitu tal-protezzjoni mogħtija mill-KEDB ġew iċċarati fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea, għandhom jiġu attribwiti sinjifikat partikolari u importanza kbira lil dik il-ġurisprudenza fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
88. |
Finalment, fil-fehma tiegħi, għandha tingħata risposta negattiva għad-domanda li saret mill-qorti tar-rinviju dwar jekk hemmx lok li jiġu applikati l-kunċetti ta’ trattament inuman u ta’ familja li huma differenti minn dawk użati mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-Artikoli 3 u 8 tal-KEDB biex jiġi stabbilit jekk hemmx limitazzjoni mhux iġġustifikata tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jew tal-Artikolu 7 ta’ dik l-istess karta f’każ bħal dan. |
89. |
Kif diġà indikajt ( 38 ), ksur tal-projbizzjoni ta’ trattament inuman jew degradanti li tinsab fl-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jippresupponi tbatija jew sofferenzi fiżiċi jew psikoloġiċi ta’ gravità suffiċjenti fir-rigward tal-intensità u t-tul ta’ żmienhom. Il-kunċett ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali essenzjalment jikkorrispondi għall-istess kunċett fl-Artikolu 3 tal-KEDB. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, trattament ħażin għandu jilħaq livell minimu ta’ gravità biex jaqa’ taħt l-ambitu tal-Artikolu 3 tal-KEDB. L-evalwazzjoni ta’ dak il-livell minimu tiddependi mill-fatti kollha tal-każ, b’mod partikolari t-tul ta’ żmien tat-trattament u tal-effetti fiżiċi u mentali tiegħu, kif ukoll, xi kultant, is-sess, l-età, u l-istat ta’ saħħa tal-vittma ( 39 ). |
90. |
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “ħajja tal-familja”, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf b’mod partikolari jekk jirriżultax mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li l-protezzjoni għandha tkun fir-rigward tal-ħajja ta’ familja “effettiva” kif meħtieġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 8 tal-KEDB jew jekk l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipproteġix ukoll relazzjonijiet ta’ familja li ma jikkostitwixxux ħajja ta’ familja “effettiva” fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Din id-domanda tqum fil-kawża prinċipali għaliex ir-rikorrenti għexet fl-Awstrija taħt l-istess saqaf ma’ ħatnitha u wliedha biss għal perijodu limitat u li attwalment dan ma huwiex il-każ. |
91. |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 8 tal-KEDB, dik id-dispożizzjoni tiggarantixxi d-dritt ta’ ħarsien tal-ħajja ta’ familja u għaldaqstant tippresupponi l-eżistenza ta’ familja. Il-fattur deċiżiv f’dan ir-rigward huwa li tkun eżistiet ħajja ta’ familja effettiva bejn il-persuni kkonċernati ( 40 ) u f’dan il-kuntest hemm lok li jiġi vverifikat jekk effettivament jeżistux rabtiet personali mill-qrib ( 41 ). |
92. |
Fil-fehma tiegħi, dik il-kjarifika li saret fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jiġifieri li l-Artikolu 8 tal-KEDB jipproteġi biss ħajja ta’ familja effettiva tista’ tiġi trasposta mingħajr problemi għad-dritt ta’ rispett tal-ħajja ta’ familja ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. F’dan ir-rigward nirreferi għall-ispjegazzjonijiet dwar dik il-karta ( 42 ) u b’mod partikolari, għal dawk dwar l-Artikolu 7 tagħha li jenfasizzaw li d-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 7 jikkorrispondu għal dawk li huma ggarantiti mill-Artikolu 8 tal-KEDB ( 43 ). Għaldaqstant għandu jitqies li l-ħajja ta’ familja fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Karta tippresupponi li effettivament ikun hemm rabtiet personali mill-qrib bejn il-persuni kkonċernati. |
VII – Konklużjoni
93. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej lill-Asylgerichtshof:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali tal-konklużjonijiet: il-Ġermaniż. Lingwa tal-proċedura: il-Ġermaniż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 06, p. 1.
( 3 ) ĠU C 254, p. 1.
( 4 ) Proposta ta’ Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz, [KUMM (2001) 447 finali].
( 5 ) Ara f’dan ir-rigward, M. Hermann, f’K. dans Heilbronner (Hrsg.), EU Immigration and Asylum law, Munich 2010, kummentarju dwar ir-Regolament Nru 343/03, Artikolu 1, punt 20 et seq., C. Filzwieser, u A. Sprung, Dublin II-Verordnung, das Europäische Asylzuständigkeitssystem, it-tielet edizzjoni 2010, Artikolu 3, punt K 6, B. Huber /R. Göbel-Zimmermann, Ausländer-und Asylrecht , it-tieni edizzjoni, Munich 2008, punt 1885.
( 6 ) [KUMM (2001) 447 finali] (ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), kummentarji dwar l-Artikolu 16.
( 7 ) Ibid., kummentarji dwar l-Artikolu 3.
( 8 ) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat [KUMM (2008) 820 finali].
( 9 ) Ibid., punt 3 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni.
( 10 ) [KUMM (2001) 447 finali] (ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), kummentarji dwar l-Artikolu 16, kif ifformulat f’dik id-data.
( 11 ) Dan l-għan jinsab ukoll fil-proposta diġà ċċitata tal-Kummissjoni għal riformulazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003. Din il-proposta tagħmel distinzjoni bejn il-klawżola ta’ sovranità u l-klawżola umanitarja fis-sens li huwa propost li l-klawżola ta’ sovranità tintuża prinċipalment għal raġunijiet umanitarji u f’każijiet fejn l-applikazzjoni tar-regoli twassal għal tbatija eċċessiva waqt li l-klawżola umanitarja għandha tiġi applikata f’każijiet fejn l-applikazzjoni stretta ta’ kriterji vinkolanti twassal għal separazzjoni tal-membri tal-familja; ara [KUMM (2008) 820 finali], (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 8), punt 3 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni.
( 12 ) [KUMM (2001) 447 finali] (ara iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 4), kummentarji dwar l-Artikolu 16.
( 13 ) Deċiżjoni Nru 1/2000, tal-31 ta’ Ottubru 2000, tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta’ Dublin, dwar it-trasferiment tar-responsabbiltà tal-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil mill-membri tal-familja b’mod konformi mal-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 9 tal-imsemmija konvenzjoni, ĠU L 281, p. 1. Huwa enfasizzat fit-tieni premessa ta’ dik id-deċiżjoni li Stat Membru jista’ jeżamina applikazzjoni għall-ażil anki jekk dik l-applikazzjoni ma tkunx taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu skont il-kriterji ddefiniti minn dik il-konvenzjoni. L-għan tad-Deċiżjoni Nru 1/2000 kif jinsab fid-deċiżjoni nfisha huwa li tistabbilixxi regoli dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar it-trattament ta’ applikazzjonijiet għall-ażil għall-membri tal-familja.
( 14 ) [KUMM (2001) 447 finali] (ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), kummentarji dwar l-Artikolu 16.
( 15 ) Ara f’dan ir-rigward C. Filzwieser /A. Sprung, a.a.O., Artikolu 15, punt K8.
( 16 ) Ara dwar dan is-suġġett C. Filzwieser, /A. Sprung, loc cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 5), Artikolu 15, punt K11; Hailbronner/Thiery, “Schengen II u Dublin. Der zuständige Asylstaat in Europa”, ZAR 1997, p. 57.
( 17 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003, tat-2 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 200.
( 18 ) Fuq dan il-punt, il-verżjoni Ingliża tuża b’mod uniformi t-termini “family members” kemm fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 343/03 kif ukoll fl-Artikolu 2(i). L-istess jgħodd għall-verżjonijiet bil-Franċiż u bl-Ispanjol tar-Regolament.
( 19 ) Konklużjonijiet tat-22 ta’ Settembru 2011 fil-kawża N.S. (C-411/10, sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ġabra p. I-13905, punti 69 et seq).
( 20 ) Punti 64 et seq tas-sentenza.
( 21 ) Fir-rigward tal-obbligu komparabbli tal-Istati Membri li jeżerċitaw id-dritt ta’ intervent tagħhom b’mod konformi mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 biex jiġi evitat riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tal-applikanti għall-ażil iggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża N.S. et, (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punti 116 et seq). Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkommettitx ruħha dwar din il-kwistjoni (ara b’mod partikolari, is-sentenza N.S. et, imsemmija iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 82), hija madankollu waslet għall-konklużjoni li l-Istat Membru fejn jinstab applikant għall-ażil u li ma jkunx responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni skont ir-regoli tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 343/2003 għandu jiżgura li ma jaggravax sitwazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ dak l-applikant permezz ta’ proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li ddum għal tul ta’ żmien mhux raġonevoli u li jekk jeħtieġ, għandu jeżamina l-applikazzjoni huwa stess b’mod konformi mal-proċeduri previsti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 (punt 98). Dwar dan il-punt ara wkoll il-punti 84 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 22 ) Ara b’mod partikolari d-digriet ta’ rinviju, punti 33, 41 u 45.
( 23 ) Ara f’dan ir-rigward, D. Jarass, Charta der Grundrechte der Europäischen Union, Munich 2010, Artikolu 4, punt 8; C. Callies, f’:EUV/AEUV (Ed: Callies/Ruffert), ir-raba’ edizzjoni, Munich 2011, EU-GRCharta, punti 8 et seq.
( 24 ) Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-obbligu impost fuq il-Partijiet kontraenti mill-Artikoli 1 u 3 li jiggarantixxu lil kull persuna li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom id-drittijiet u l-libertajiet stabbiliti mill-Konvenzjoni jeżiġi li jieħdu miżuri xierqa sabiex jevitaw li dawk il-persuni jiġu suġġetti għal torturi, pieni jew trattament inumani jew degradanti, anki jekk ikunu amministrati minn individwi (Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Ebcin vs It-Turkija tal-11 ta’ Mejju 2011 (rikors Nru 19506/05, § 35); Z. et vs Ir-Renju Unit (rikors Nru 29392/95, § 73), u A vs Ir-Renju Unit (rikors Nru 25599, § 22).
( 25 ) Ara f’dan ir-rigward il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem skont liema l-miżuri li għandhom jieħdu l-Istati Membri fir-rigward tal-Artikolu 3 tal-KEDB għandhom jippermettu protezzjoni effikaċi u jinkludu miżuri raġonevoli sabiex jiġi evitat trattament ħażin li l-awtoritajiet kienu jew kien imisshom jafu bih [Ara s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Karaman et vs It-Turkija tal-31 ta’ Jannar 2012 (rikors Nru 60272/08, § 46) u Mubilanzila Mayeka u Kaniki Mitunga vs Il-Belġju tat-12 ta’ Ottubru 2006 (rikors Nru 13178/03, § 53)]. Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonfermat espressament fis-sentenza tagħha Opuz vs It-Turkija (rikors Nru 33401/02, § 165) li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma għandhiex il-kompetenza li tissostitwixxi lill-awtoritajiet nazzjonali u li tagħmel għażla flokhom fost il-firxa wiesgħa ta’ miżuri xierqa li jiggarantixxu r-rispett tal-obbligi pożittivi li jimponi l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni fuqhom.
( 26 ) Ara D. Jarass, (loc. cit., punt 23), Artikolu 7, punt 21.
( 27 ) Minħabba din il-limitazzjoni statutorja dwar ir-restrizzjonijiet tad-drittijiet fundamentali, il-limitazzjonijiet tad-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhom ikunu stabbiliti jew mil-leġiżlatur tal-Unjoni jew mil-leġiżlaturi nazzjonali.
( 28 ) Ara s-sentenza N.S. et (imsemmija iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 82).
( 29 ) Dan l-eżami tal-proporzjonalità għandu jsir fuq il-bażi ta’ eżami fi tliet stadji li fil-kuntest tiegħu hemm lok li mhux biss tiġi vverifikata l-adegwatezza u n-neċessità ta’ tali restrizzjoni iżda wkoll ir-raġonevolezza.
( 30 ) Fir-rigward tal-garanzija tal-essenza tad-dritt, tqum ukoll il-kwistjoni jekk minbarra l-istħarriġ tal-proporzjonalità fi tliet stadji, din jistax ikollha wkoll importanza awtonoma. [Ara f’dan ir-rigward, T. Kingreen, f’EUV/EVG (Edizzjoni ta’ Callies/Ruffert), ir-raba’ edizzjoni, Munich 2011, EU-GRCharta, Artikolu 52, punt 64; D. Jarass, loc. cit (iktar ’il fuq, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 23), Artikolu 52, punt 45]. Meta limitazzjoni tkun daqstant importanti li ma tirrispetta b’ebda mod l-elementi essenzjali tad-dritt fundamentali kkonċernat u b’hekk taffettwa l-essenza proprja tiegħu, effettivament ikollu jitqies bħala regola ġenerali li din ma hijiex xierqa u li għalhekk hija sproporzjonata.
( 31 ) Digriet ta’ rinviju, punt 41.
( 32 ) Digriet ta’ rinviju, punt 46.
( 33 ) Sentenza N.S. et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punti 64 et seq).
( 34 ) Ibid., punt 94.
( 35 ) Ibid. punt 96 f.
( 36 ) Ibid., punt 98.
( 37 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi tat-22 ta’ Settembru 2011 fil-kawża N.S. et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 4 tal-proposta ta’ dispożittiv).
( 38 ) Punt 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 39 ) Ara f’dan il-kuntest is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-17 ta’ Jannar 2012, Stanev vs Il-Bulgarija (rikors Nru 367360/06, § 202), tal-1 ta’ Ġunju 2010, Gäfgen vs Il-Ġermanja (rikors 22 978/05, § 88), tat-30 ta’ Jannar 2008, Testa vs Il-Kroazja (rikors Nru 20877/04, § 43) u tal-11 ta’ Lulju 2006, Jalloh vs Il-Ġermanja (rikors Nru 54810/00, § 67).
( 40 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Marckx vs Il-Belġju tat-13 ta’ Ġunju 1979, serje A Nru 31 (rikors Nru 6833/74, § 31).
( 41 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Serife Yigit vs It-Turkija tat-2 ta’ Novembru 2010, (rikors Nru 3976/05, punt 93), tat-12 ta’ Lulju 2001, K. u T. vs Il-Finlandja (rikors Nru 25702/94, punt 150).
( 42 ) ĠU C 303 tal-2007, p. 32. Skont l-Artikolu 52(7) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-ispjegazzjonijiet imfassla bħala gwida għall-interpretazzjoni ta’ din il-Karta għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni dovuta mill-qrati tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri. It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tat-TUE jikkonferma wkoll espressament l-importanza tal-ispjegazzjonijiet li jinsabu fil-Karta għall-interpretazzjoni tad-diversi dispożizzjonijiet ta’ dik il-Karta.
( 43 ) Għal konferma ta’ dan il-prinċipju, ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB. (C-400/10 PPU, Ġabra p. I-8965, punt 53).