This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011CC0243
Opinion of Advocate General Kokott delivered on 6 September 2012.#RVS Levensverzekeringen NV v Belgische Staat.#Request for a preliminary ruling from the rechtbank van eerste aanleg te Brussel.#Direct life assurance — Annual tax on assurance transactions — Directive 2002/83/EC — Articles 1(1)(g) and 50 — Definition of ‘Member State of the commitment’ — Assurance undertaking established in the Netherlands — Policyholder having taken out an assurance contract in the Netherlands and transferred his habitual residence to Belgium after the contract was concluded — Freedom to provide services.#Case C‑243/11.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fis-6 ta’ Settembru 2012.
RVS Levensverzekeringen NV vs Belgische Staat.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg te Brussel.
Assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja — Taxxa annwali fuq it-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni — Direttiva 2002/83/KE — Artikoli 1(1)(g) u 50 — Kunċett ta’ ‘L-Istat Membru ta’ l-impenn’ — Impriża ta’ assigurazzjoni stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi — Persuna assigurata li ffirmat kuntratt ta’ assigurazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi u ttrasferiet ir-residenza abitwali tagħha fil-Belġju wara l-konklużjoni tal-kuntratt — Libertà li jiġu provduti servizzi.
Kawża C‑243/11.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fis-6 ta’ Settembru 2012.
RVS Levensverzekeringen NV vs Belgische Staat.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg te Brussel.
Assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja — Taxxa annwali fuq it-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni — Direttiva 2002/83/KE — Artikoli 1(1)(g) u 50 — Kunċett ta’ ‘L-Istat Membru ta’ l-impenn’ — Impriża ta’ assigurazzjoni stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi — Persuna assigurata li ffirmat kuntratt ta’ assigurazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi u ttrasferiet ir-residenza abitwali tagħha fil-Belġju wara l-konklużjoni tal-kuntratt — Libertà li jiġu provduti servizzi.
Kawża C‑243/11.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:546
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fis-6 ta’ Settembru 2012 ( 1 )
Kawża C-243/11
RVS Levensverzekeringen NV
vs
L-Istat Belġjan
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de première instance de Bruxelles (il-Belġju)]
“Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa nazzjonali fuq l-assigurazzjonijiet — Artikolu 50 tad-Direttiva 2002/83/KE fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Post tat-tassazzjoni — Servizzi ta’ kumpannija tal-assigurazzjoni Olandiża pprovduti lil persuni assigurati residenti fil-Belġju li, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntatt, kienu għadhom jgħixu fil-Pajjiżi l-Baxxi”
I – Introduzzjoni
1. |
Għandna għalfejn niskantaw li l-assigurazzjoni fuq ħajjitna tintlaqat ukoll minn taxxa? Iżda dan huwa, għall-inqas, il-każ f’ċerti Stati Membri tal-Unjoni. Jekk Stati Membri oħrajn jidhru li għadhom ġenerużi f’dan ir-rigward u jirrinunzjaw għal taxxa bħal din, inqalgħet problema fis-suq intern transkonfinali tal-assigurazzjonijiet tal-ħajja: kif jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mid-differenzi fiskali? |
2. |
Din id-domanda preliminari tirrigwarda kumpannija tal-assigurazzjoni Olandiża li kkonkludiet kuntratti ta’ assigurazzjoni tal-ħajja ma’ persuni assigurati Olandiżi. Fil-Pajjiżi l-Baxxi, dawn il-kuntratti ma huma suġġetti għall-ebda taxxa fuq l-assigurazzjoni. Mhux l-istess jgħodd fil-Belġju, fejn marru joqogħdu ċerti assigurati u ħadu magħhom il-kuntratti ta’ assigurazzjoni tal-ħajja, kif wieħed jagħmel b’kull oġġett ta’ ċertu importanza. |
3. |
Dawn il-kuntratti issa għandhom jiġu suġġetti għat-taxxa fuq l-assigurazzjoni Belġjana minħabba s-sempliċi fatt li l-persuni assigurati bidlu l-post ta’ residenza? Fil-prinċipju, id-dritt tal-Unjoni jagħti risposta għal din il-kwistjoni wkoll. Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma għamilhiex sempliċi l-ħidma għal dawk li japplikaw id-dritt. Għalhekk għandna nimpenjaw ruħna biex niddeterminaw liema mid-diversi dispożizzjonijiet li hemm fid-dritt tal-Unjoni dwar l-assigurazzjoni ser jipprovduna r-risposta definittiva. |
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
4. |
Id-direttiva applikabbli f’dan il-każ hija d-Direttiva 2002/83/KE ( 2 ) (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja”) li ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 47(2) u l-Artikolu 55 KE. Skont dawn, għandhom jiġu adottati direttivi biex jiffaċilitaw il-bidu u t-tkomplija ta’ attivitajiet għal persuni li jaħdmu għal rashom fir-rigward tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Skont il-premessi 3 u 5 tagħha, id-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja għandha l-għan li tiffavorixxi l-istabbiliment ta’ suq intern uniformi għall-assigurazzjonijiet tal-ħajja. Mill-premessa 55 jirriżulta li r-regoli fiskali huma neċessarji wkoll għal dan l-iskop: “Xi Stati Membri ma jissoġġettawx operazzjonijiet ta’ assigurazzjoni għal kwalunkwe forma ta’ tassazzjoni indiretta, waqt li l-maġġoranza japplikaw tassi speċjali u forom oħra ta’ kontribuzzjoni. L-istrutturi u r-rati ta’ dawn it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet ivarjaw konsiderevolment bejn l-Istati Membri li fihom huma applikati. Huwa mixtieq li jiġu pprevenuti differenzi eżistenti li jwasslu għal distorzjonijiet ta’ kompetizzjoni f’servizzi ta’ assigurazzjoni bejn l-Istati Membri. Fl-istennija ta’ armonizzazzjoni sussegwenti, l-applikazzjoni tas-sistemi tat-taxxa u forom oħra ta’ kontribuzzjoni prevista mill-istati Membri li fihom jidħlu għal impenji x aktarx jirrimedjaw dik il-problema u hu għall-Istati Membri li jagħmlu arranġamenti sabiex jassiguraw li dawn it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet huma miġbura”. |
5. |
Skont l-Artikolu 2(1) tagħha, id-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja essenzjalment tapplika għall-assigurazzjonijiet tal-ħajja sa età stipulata jew mal-mewt u għal kull assigurazzjoni kontra inkapaċità fl-impjieg u invalidità marbutin ma’ assigurazzjonijiet bħal dawk imsemmijin iktar ’il fuq. |
6. |
It-Titolu IV tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja, bl-isem “Dispożizzjonijiet li jirrelataw għad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jigu pprovduti servizzi”, fih l-Artikolu 50 fejn hemm stabbiliti dawn ir-regoli dwar taxxi fuq il-primjums: “1. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe armonizzazzjoni sussegwenti, kull kuntratt ta’ assigurazzjoni għandu jkun soġġett esklużivament għat-taxxi indiretti u l-piżijiet parafiskali fuq premiums ta’ l-asssigurazzjoni fl-Istat Membru ta’ l-impenn […]. 2. Il-liġi applikabbli għall-kuntratt skond l-Artikolu 32 m’għandhiex teffettwa l-arranġamenti fiskali applikabbli. 3. Fl-istennija ta’ armonizzazzjoni futura, kull Stat Membru għandu japplika għal dawk l-intrapriżi ta’ l-assigurazzjoni li jkopru impenji li jinstabu fit-territorju tiegħu id-dispożizzjonijiet nazzjonali proprji għal miżuri sabiex jiġi assigurat il-ġbir ta’ taxxi indiretti u piżijiet parafiskali dovuti taħt il-paragrafu 1.” |
7. |
Dan huwa kif l-Artikolu 1(1)(g) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja jiddefinixxi l-kunċett ta’ “Stat Membru ta’ l-impenn” li jidher fl-Artikolu 50(1): “L-Istat Membru fejn it-titoalri tal-polza [il-persuna assigurata] għandu [għandha] r-residenza abitwali tiegħu/tagħha jew, jekk it-titolari tal-polza [il-persuna assigurata] huwa [hija] persuna ġuridika, l-Istat Membru fejn l-istabbiliment ta’ l-aħħar, li għalih jirrelata l-kuntratt, jinstab”. |
8. |
Il-kunċett ta’ “Stat Membru ta’ l-impenn” huwa użat f’dispożizzjonijiet oħrajn tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja wkoll. Huwa għalhekk li l-Artikolu 3(1) tagħha jistabbilixxi r-regola li ġejja: “Il-liġi applikabbli għall-kuntratti li jirrelataw għall-attivitajiet imsemmija f’din id-Direttiva għandha tkun il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-impenn. Madankollu, meta l-liġi ta’ dak l-Istat tippermetti, il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi ta’ pajjiż ieħor.” |
9. |
Fl-istess Kapitolu IV bl-isem “Liġi ta’ kuntratt u kondizzjonijiet ta’ assigurazzjoni”, l-Artikolu 36 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja huwa ddedikat għall-informazzjoni għal titolari ta’ poloz [il-persuna assigurata] u hemm dan li ġej: “1. Qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt ta’ assigurazzjoni, mill-inqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness III(A) għandha tiġi kkomunikata lit-titolari tal-polza [tal-assigurazzjoni] [il-persuna assigurata]. 2. It-titolari tal-polza [il-persuna assigurata] għand[ha] [t]inżamm infurmat[a] tul it-terminu tal-kuntratt bi kwalunkwe bidla li tikkonċerna l-informazzjoni elenkata fl-Anness III(B). […]” |
10. |
Il-punt (a)(14) tat-Titolu A tal-Anness III jinkludi, fost l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-persuna assigurata qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, l-obbligu li jipprovdi “[i]nformazzjoni ġenerali dwar arranġamenti tat-taxxa applikabbli għat-tip ta’ polza”. Il-punt (b)(2) tat-Titolu B tal-Anness III jimponi l-obbligu li tiġi pprovduta għat-tul tal-kuntratt “l-informazzjoni kollha elenkata fil-punti (a)(4) sa (a)(12) ta’ A fil-każ ta’ bidla fil-kondizzjonijiet ta’ polza jew l-emenda tal-liġi applikabbli għall-kuntratt”. |
11. |
L-Artikoli 41 sa 42 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja jimponu ċerti obbligi fuq kumpanniji ta’ assigurazzjoni li jixtiequ jwettqu l-attivitajiet tagħhom f’sistema transkonfinali u huma intiżi biex jippermettu l-kontroll tagħhom. L-Artikolu 41 huwa fformulat kif ġej: “Kwalunkwe intrapriża ta’ l-assigurazzjoni li jkollha l-intenzjoni ssegwi negozju għall-ewwel darba fi Stat Membru wieħed jew iktar taħt il-libertà li [j]iġu pprovduti servizzi għandha l-ewwel tinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru lokali [tal-oriġini], bl-indikazzjoni tan-natura ta’ l-impenji li tipproponi li tkopri.” |
12. |
L-Artikolu 42 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja fih b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin: “Fi żmien xahar min-notifika prevista fl-Artikolu 41, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru lokali [tal-oriġini], għandhom jikkomunikaw lill-Istat Membru jew l-Istati Membri li fit-territorju tagħha l-intrapriża ta’ l-assigurazzjoni jkollha l-intenzjoni li ssegwi negozju permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi […]: […] L-intrapriża ta’ l-assigurazzjoni tista tibda negozju fid-data ċertifikata li fiha hija informata bil-komunikazzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1”. |
13. |
Minbarra d-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja, id-dritt tal-Unjoni jinkludi wkoll direttivi oħrajn dwar setturi oħrajn tas-suq tal-assigurazzjoni. B’mod partikolari, l-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 92/49/KEE ( 3 ) li, skont id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 2(2) u tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 73/239/KEE ( 4 ), ma japplikax għall-assigurazzjoni fuq il-ħajja jipprovdi: “Mingħajr preġudizzju għal armonizzazzjoni sussegwenti, kull kuntratt ta’ assigurazzjoni għandu jkun suġġett esklużivament għal taxxi indiretti u piżijiet parafiskali fuq premiums ta’ l-assigurazzjoni fl-Istat Membru li fih jinstab ir-riskju kif definit fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357/KEE [...]”. |
14. |
Dan huwa kif l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357/KEE ( 5 ) jiddefinixxi l-kunċett ta’ “Stat Membru fejn ikun jinstab ir-riskju” skont it-tip ta’ assigurazzjoni: “[...]
|
15. |
Id-direttivi kollha ċċitati iktar ’il fuq tħassru bid-Direttiva 2009/138/KE ( 6 ) b’effett mill-1 ta’ Novembru 2012. L-Artikolu 157 ta’ din id-Direttiva jitkellem fuq it-taxxi fuq il-primjums u jipprovdi b’mod partikolari s-segwenti: “Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe armonizzazzjoni sussegwenti, kull kuntratt tal-assigurazzjoni għandu jkun suġġett esklużivament għat-taxxi indiretti u l-imposti parafiskali fuq premiums tal-assigurazzjoni fl-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju jew fl-Istat Membru tal-impenn. [...]” |
B – Id-dritt Belġjan
16. |
Fil-Belġju, il-kuntratti ta’ assigurazzjoni huma, fil-perijodu inkwistjoni, suġġetti għal taxxa annwali. Skont l-Artikolu 173 tal-Kodiċi tad-Drittijiet u tat-Taxxi Varji (iktar ’il quddiem, il-“KDTV”), it-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni huma suġġetti għal taxxa annwali meta r-riskju jkun ġewwa l-Belġju. Skont din id-dispożizzjoni, ir-riskju tat-tranżazzjoni tal-assigurazzjoni jitqies li jinsab fil-Belġju meta l-persuna assigurata għandha r-residenza abitwali tagħha hemmhekk jew, jekk il-persuna assigurata hija persuna legali, meta s-sede tagħha li għaliha jirreferi l-kuntratt tinsab fit-territorju Belġjan. |
17. |
L-Artikolu 175/3 KDTV jistabbilixxi rata ta’ taxxa speċjali ta’ 1.10 % tal-primjums għat-tranżazzjonijiet tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja. |
III – Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
18. |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija l-kumpannija ta’ assigurazzjoni Olandiża RVS Levensverzekeringen NV, li toffri assigurazzjonijiet fuq il-ħajja (iktar ’il quddiem, il-“persuna taxxabbli”). Il-proċedura fil-kawża prinċipali tirrigwarda t-taxxa tal-assigurazzjoni li l-persuna taxxabbli kellha tħallas għas-snin 2006 u 2007. |
19. |
Il-persuna taxxabbli kienet ikkonkludiet kuntratti ta’ assigurazzjoni ma’ diversi persuni li, fil-mument tal-firma tal-kuntratt, kellhom ir-residenza tagħhom ġewwa l-Pajjiżi l-Baxxi, imma matul is-snin 2006 u 2007 kienu qed jgħixu fil-Belġju. L-amministrazzjoni fiskali Belġjana kkunsidrat li l-persuna taxxabbli kellha tħallas is-somma ta’ EUR 16 542 bħala taxxa tal-assigurazzjoni fir-rigward tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni tagħha għas-snin 2006 u 2007. |
20. |
Għalhekk il-persuna taxabbli ħallset din is-somma lill-amministrazzjoni fiskali, imma issa qed titlob ir-rimbors tagħha permezz tal-azzjoni tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija tikkunsidra li ma għandhiex tħallas it-taxxa tal-assigurazzjoni fil-Belġju ħlief jekk il-persuna assigurata kellha r-residenza tagħha f’dan il-pajjiż fil-mument tal-firma tal-kuntratt. Għall-kuntrarju, l-amministrazzjoni fiskali Belġjana tikkunsidra li l-element determinanti hija r-residenza tal-persuna assigurata fil-mument tal-ħlas tal-primjum. |
21. |
It-Tribunal de première instance de Bruxelles, adit b’din il-kawża għamel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja.
|
IV – Il-kunsiderazzjonijiet legali
A – Interpretazzjoni tad-domandi preliminari
22. |
Qabel ma nirrispondi d-domandi preliminari hemm bżonn li tiġi ppreċiżata l-portata tagħhom. |
23. |
Huwa rilevanti ħafna li l-Kummissjoni Ewropea osservat dwar l-ewwel domanda li din hija fformulata f’termini eċċessivament wesgħin fir-rigward tal-fatti li ġew deskritti u għalhekk għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. Fil-fatt, din il-proċedura ma fiha xejn li jeħtieġ li tiġi eżaminata l-konformità tal-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana mad-dritt tal-Unjoni b’mod daqstant fil-fond kif donnu teħtieġ il-formulazzjoni tad-domanda mill-qorti tar-rinviju. |
24. |
Minn naħa, il-kwistjoni tat-tassazzjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni konklużi minn persuni ġuridiċi ma hijiex, b’mod ċar, rilevanti fil-proċedura prinċipali. Min-naħa l-oħra, l-unika domanda f’dan il-każ hija jekk l-Artikolu 50 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja joħloqx ostakolu għal ċerta leġiżlazzjoni nazzjonali dwar kuntratti ta’ assigurazzjoni tal-ħajja u mhux fir-rigward ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni b’mod ġenerali. Għaldaqstant, id-domanda preliminari tirrigwarda esklużivament l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja għal dak li jirrigwarda l-kuntratti ta’ assigurazzjoni tal-ħajja u, fosthom, dawk biss li saru minn persuni fiżiċi. |
25. |
Fir-rigward tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju fformulatha sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiżalha wkoll jekk ċerti libertajiet fundamentali jmorrux kontra l-leġiżlazzjoni Belġjana. |
26. |
Iżda ma għandux jintesa f’dan il-każ li l-Artikolu 50 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja diġà fih regola ta’ dritt sekondarju eżawrjenti li permezz tagħha għandha tiġi evalwata l-legalità tal-leġiżlazzjoni Belġjana fid-dritt tal-Unjoni. L-ewwel domanda tirrigwarda dan il-punt. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni Belġjana ma għandhiex tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-libertajiet fundamentali tad-dritt primarju imma pjuttost f’dak tad-dritt sekondarju stabbilit fl-Artikolu 50 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja. Madankollu għandha tiġi kkunsidrata wkoll l-importanza tal-libertajiet fundamentali b’mod li tiġi evitata interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja li tkun inkonsistenti magħhom. Għalhekk l-aspetti tad-dritt primarju li tqajjem it-tieni domanda preliminari għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel domanda. |
27. |
Għaldaqstant, ma huwiex meħtieġ li jiġi deċiż jekk it-tieni domanda hijiex ammissibbli bħala tali għaliex, kif spjegat sew il-Kummissjoni, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tippermettix li jiġi ddeterminat mingħajr ambigwità liema libertajiet fundamentali l-qorti tar-rinviju tixtieq interpretazzjoni b’mod partikolari. |
28. |
Fil-qosor, id-domandi preliminari għandhom jinftiehmu fis-sens li l-qorti tar-rinviju qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiżalha jekk, fir-rigward tal-libertajiet fundamentali, l-Artikolu 50 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-tranżazzjonijiet tal-assigurazzjoni tal-ħajja għal taxxa annwali meta l-persuna assigurata jkollha r-residenza abitwali tagħha fit-territorju tagħha f’dik is-sena partikolari, imma ma tkunx ikkunsidrata r-residenza tagħha fil-mument tal-firma tal-kuntratt. |
B – Risposta għad-domandi preliminari
29. |
Biex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ jiġi ddeterminat b’liema mod l-Artikolu 50 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja jqassam il-kompetenzi fiskali tal-Istati Membri fir-rigward ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni tal-ħajja. |
30. |
L-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja jagħti l-kompetenza fiskali lill-“Istat Membru ta’ l-impenn”. Dan l-artikolu jistabbilixxi li kull kuntratt ta’ assigurazzjoni huwa suġġett esklużivament għal taxxi indiretti u għal piżijiet parafiskali fuq primjums ta’ assigurazzjoni fl-Istat Membru tal-impenn. L-Artikolu 1(1)(g) tad-Direttiva jiddefinixxi l-Istat Membru tal-impenn bħala l-Istat Membru fejn il-persuna assigurata għandha r-residenza abitwali tagħha. Din il-proċedura wriet li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu, essenzjalment, jiġu interpretati b’żewġ modi differenti. |
31. |
L-ewwel waħda hija interpretazzjoni “statika” fejn l-“Istat Membru ta’ l-impenn” huwa ddeterminat darba għal dejjem fil-mument tal-firma tal-kuntratt. Għalhekk il-kompetenza fiskali għal kemm idum fis-seħħ il-kuntratt iżommha l-Istat Membru fejn il-persuna assigurata għandha r-residenza abitwali tagħha fil-mument tal-konklużjoni tiegħu. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-persuna taxxabbli u mill-Gvern tal-Estonja. |
32. |
L-interpretazzjoni l-oħra hija dik “dinamika” li biha l-“Istat ta’ l-impenn” jista’ jvarja maż-żmien. Għalhekk il-kompetenza fiskali tkun dejjem tal-Istat Membru fejn il-persuna assigurata għandha r-residenza abitwali tagħha fil-mument ta’ kull meta tinġabar it-taxxa fuq il-primjums ta’ assigurazzjoni. Dan l-Istat jista’ jvarja minn ħlas ta’ primjum għal ieħor. Din l-interpretazzjoni dinamika hija sostnuta mill-Gvern Belġjan u Awstrijak kif ukoll mill-Kummissjoni. |
33. |
Fil-punti li ġejjin, ser nipprova nuri li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma rregolax b’mod ċar it-tqassim tal-kompetenzi fiskali fir-rigward ta’ taxxi fuq il-kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja (1) u li kemm il-kuntest (2) kif ukoll is-sens tal-leġiżlazzjoni fl-osservanza tal-libertajiet fundamentali (3) iwasslu fi kwalunkwe każ għal interpretazzjoni statika tal-Artikolu 50 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja. |
1. Interpretazzjoni tat-test
34. |
Kuntrarjament għal dak li jargumentaw ċerti parteċipanti fil-proċedura, it-test ma jipprovdix risposta ċara għall-kwistjoni li tinqala’ hawnhekk. Dan japplika mhux biss għall-verżjoni Olandiża, li hija l-lingwa tal-proċedura, imma anki għall-verżjonijiet Ġermaniża, Ingliża u Franċiża tal-Artikolu 50(1) u tal-Artikolu 1(1)(g) addizzjonali tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja. It-test tagħhom jindika b’mod ċar li t-tassazzjoni għandha ssir fil-post fejn il-persuna assigurata għandha r-residenza abitwali tagħha. Madankollu, it-test tal-verżjonijiet imsemmijin iktar ’il fuq ma jagħtix risposta għal domanda essenzjali, jiġifieri liema mument huwa l-mument deċiżiv biex tiġi ddeterminata r-residenza abitwali. |
35. |
Il-kwalifikazzjoni ta’ Stat Membru “ta’ l-impenn” ma tagħti l-ebda informazzjoni dwar dan il-mument rilevanti. Fil-fatt il-kelma “impenn” tista’ mhux biss tindika l-underwriting ta’ impenn imma wkoll l-eżistenza tiegħu. Għaldaqstant, ma jistax jiġi dedott b’mod ċar minn din il-formulazzjoni la li l-Istat Membru kompetenti għandu jiġi ddeterminat darba għal dejjem mill-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt u lanqas li dejjem irid jiġi indikat mill-ġdid għal kemm idum fis-seħħ il-kuntratt. |
36. |
Fl-aħħar nett, it-test tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja huwa wkoll ambigwu billi jirreferi kemm għall-ġbir tat-taxxa fuq il-primjums tal-assigurazzjoni kif ukoll għall-kuntratti ta’ assigurazzjoni suġġetti għat-taxxa, b’mod li qatt ma jista’ jiddetermina b’mod ċar jekk il-kriterju determinanti skont id-direttiva huwiex il-konklużjoni tal-kuntratt jew il-ħlas ta’ primjums f’kull skadenza. |
2. Interpretazzjoni sistematika
37. |
Il-kuntest regolatorju tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja fih diversi dispożizzjonijiet li jipprovdu indikazzjonijiet fuq l-interpretazzjoni tiegħu. |
a) Ġbir tat-taxxa tal-assigurazzjoni
38. |
L-ewwel nett, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 50(3) stess, li jipprovdi li kull Stat Membru għandu japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu biex jiżgura l-ġbir tat-taxxa tal-assigurazzjoni. Għandu japplikahom għall-kumpanniji tal-assigurazzjoni “li jkopru impenji li jinstabu fit-territorju tiegħu”. B’mod partikolari, il-persuna taxxabbli kkonkludiet li huwa l-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt li jiddetermina l-kompetenza fiskali. |
39. |
Madankollu l-Kummissjoni osservat ġustament li l-formulazzjoni tal-Artikolu 50(3) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja mil-leġiżlatur ma tirreferix neċessarjament għall-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni. Fil-fatt l-interpretazzjoni li għandha tingħata tiddependi fuq xiex il-frażi “fit-territorju tiegħu” qed tirreferi. |
40. |
Minn naħa, jista’ jiġi kkunsidrat li tirreferi għal verb “li jkopru” u għalhekk l-enfasi qiegħda fuq il-post tal-konklużjoni tal-kuntratt. Min-naħa l-oħra, jista’ jitqies wkoll li tirreferi għal “impenji” u li d-determinazzjoni tal-post jiddependi minn hekk ukoll. Għalhekk l-element determinanti huwa l-post fejn jeżistu l-impenji li ttieħdu. Din il-possibbiltà ta’ interpretazzjoni tidher iktar ċara fil-verżjoni Ingliża li ssemmi l-kopertura tal-impenji li jinsabu fi Stat Membru ( 7 ). Il-post fejn jinsab impenn jista’, pereżempju, ikun il-post tar-residenza abitwali tal-persuna assigurata, imma mhux neċessarjament il-post tal-konklużjoni tal-kuntratt. |
41. |
F’dawn il-kundizzjonijiet, il-formulazzjoni tal-Artikolu 50(3) la tiffavorixxi l-interpretazzjoni statika tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja u lanqas tiffavorixxi l-interpretazzjoni dinamika. |
b) Il-kunċett ta’ “Stat Membru ta’ l-impenn” fid-dispożizzjonijiet l-oħrajn
42. |
L-użu tal-kunċett ta’ “Stat Membru ta’ l-impenn” kif jintuża f’dispożizzjonijiet oħrajn tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja jista’ jkun utli għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 50(1) tagħha, għaliex l-Artikolu 1(1)(g) tagħha jagħti definizzjoni uniformi ta’ dan il-kunċett għad-dispożizzjonijiet kollha tad-direttiva. |
43. |
Din id-definizzjoni hija ggarantita diġà meta tkopri, f’kull dispożizzjoni, l-Istat Membru fejn il-persuna assigurata għandha r-residenza abitwali tagħha. Iżda f’din id-definizzjoni tal-Artikolu 1(1)(g) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja, il-leġiżlatur ma ppreċiżax fuq liema mument jeħtieġ li jibbaża ruħu f’dan ir-rigward. Jekk il-mument rilevanti ma jagħmilx parti mid-definizzjoni, jista’ jiġi ddeterminat b’mod differenti skont id-dispożizzjoni li fiha jintuża l-kunċett ta’ “Stat Membru ta’ l-impenn”. |
44. |
Dan japplika wkoll għar-regola fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja li hija r-regola invokata mill-persuna taxxabbli. Biex jiġi ddeterminat id-dritt applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni, din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq l-“Istat Membru ta’ l-impenn”. Ċertament naħseb, bħall-persuna taxxabbli, li l-leġiżlatur ma setax ried li tingħata lil din id-dispożizzjoni interpretazzjoni dinamika li biha d-dritt applikabbli jinbidel meta l-persuna assigurata tibdel ir-residenza tagħha. Għalhekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja, l-“Istat Membru ta’ l-impenn” għandu jkun l-Istat Membru fejn il-persuna assigurata għandha r-residenza abitwali tagħha fil-mument tal-firma tal-kuntratt. |
45. |
Madankollu dan ifisser li dan huwa l-mument li jkun rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja li għandna neżaminaw. Barra minn hekk, l-Artikolu 50(2) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja jistabbilixxi li l-liġi applikabbli għall-kuntratt bis-saħħa tal-Artikolu 32 ma jaffettwax is-sistema fiskali applikabbli. Għalkemm din ir-regola essenzjalment hija intiża għall-każijiet fejn il-partijiet jagħżlu li japplikaw liġi oħra bis-saħħa tat-tieni sentenza tal-Artikolu 32(1) tad-direttiva, l-Artikolu 50(2) jagħmel enfażi addizzjonali fuq l-indipendenza tal-liġi u tas-sistema fiskali applikabbli. |
c) Informazzjoni fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni
46. |
Id-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja tinkludi wkoll regola oħra li tista’ tipprovdi indikazzjoni utli għal risposta għad-domandi preliminari. Għalhekk l-Artikolu 36 jipprovdi li l-kumpannija għandha tipprovdi ċerti indikazzjonijiet lill-persuna assigurata qabel il-konklużjoni tal-kuntratt u għal kemm idum fis-seħħ. |
47. |
Skont l-Artikolu 36(1), moqri flimkien mal-punt (a)(14) tal-Anness III tat-Titolu A tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja, il-kumpannija għandha tikkomunika qabel il-konklużjoni tal-kuntratt “[i]nformazzjoni ġenerali dwar arranġamenti tat-taxxa applikabbli għat-tip ta’ polza”. Din is-sistema fiskali applikabbli hija ddeterminata skont l-“Istat Membru ta’ l-impenn” fis-sens tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja. |
48. |
Kemm idum fis-seħħ il-kuntratt, il-kumpannija għandha tikkomunika wkoll ċerta informazzjoni lill-persuna assigurata skont l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva fuq l-assigurazzoni tal-ħajja. Skont il-punt (b)(2) tal-Anness III tat-Titolu B tad-direttiva, hija għandha, fil-każ ta’ bidla fil-kundizzjonijiet tal-kuntratt jew ta’ emenda tal-liġi applikabbli għall-kuntratt, tinformaha b’informazzjoni aġġornata dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li hija kien ikollha tinformaha bihom fil-mument tal-firma tal-kuntratt. Ir-riferiment għall-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata fil-mument ta’ din il-firma ma tinkludix, iżda, l-informazzjoni fuq is-sistema fiskali applikabbli. |
49. |
Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni żgur ma telaqx mill-idea li s-sistema fiskali applikabbli setgħet tinbidel għal kemm idum fis-seħħ il-kuntratt. Fil-fatt, ma hemm xejn biex wieħed jikkonkludi li, jekk is-sistema fiskali applikabbli għandha importanza tali li tagħmel parti mill-informazzjoni li għandha tingħata fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, il-kumpannija tista’, madankollu, ma tagħti l-ebda informazzjoni dwar tibdil f’din is-sistema għal kemm idum fis-seħħ il-kuntratt. |
50. |
L-Artikolu 36 moqri flimkien mal-Anness III tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja fih, għalhekk, indikazzjoni ċara tal-ħtieġa ta’ interpretazzjoni statika tal-Artikolu 50(1) tagħha. |
d) Rekwiżiti fir-rigward tal-kontroll tal-attivitajiet tal-assiguratur
51. |
Fil-kuntest tal-analiżi sistematika tiegħu, il-Gvern Estonjan indika wkoll l-obbligu ta’ notifika li l-Artikolu 41 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja jimponi fuq il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni. Skont din id-dispożizzjoni, huma għandhom jinformaw minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini permezz ta’ notifika li, skont l-Artikolu 42(1) u (3), tagħmel parti mill-kundizzjonijiet li l-kumpannija għandha tikkonforma magħhom qabel ma twettaq l-attività ta’ assiguratriċi fi Stat Membru ieħor. |
52. |
Fil-fehma tiegħi, madankollu, il-Gvern Estonjan jiżbalja li jippreżumi li l-kumpanniji tal-assigurazzjoni ma jistgħux iwettqu dan id-dmir ta’ notifika kieku r-residenza abitwali ta’ persuna assigurata fil-mument ta’ kull ħlas ta’ primjum kienet il-kriterju determinanti mil-lat fiskali. Fil-fatt, il-kunċett tat-twettiq ta’ attività ta’ assiguratur skont l-Artikolu 41 tad-direttiva għandu jiġi analizzat irrispettivament mill-kwistjoni tal-qsim tal-kompetenzi fiskali. |
53. |
Kif, fuq kollox, enfasizzat il-Kummissjoni, il-kwistjoni f’dan il-każ ma hijiex jekk kumpannija ta’ assigurazzjoni teżerċitax attività fi Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 41 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja minħabba l-fatt li l-persuna assigurata tkun marret toqgħod post ieħor. Huma biss konsegwenzi fiskali ta’ ċaqliq minn residenza għal oħra li hemm lok li jiġu dedoti mill-Artikolu 50 tad-direttiva. Għalhekk, ma hemmx raġuni valida sabiex iż-żewġ domandi jingħataw risposta uniformi. |
e) Direttivi oħrajn fuq is-suq tal-assigurazzjoni
54. |
Apparti l-qafas tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja, il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni t-tnejn għamlu paragun mad-dispożizzjonijiet tad-direttivi li jirregolaw assigurazzjonijiet oħrajn li ma humiex dawk fuq il-ħajja fid-dritt tal-Unjoni. |
55. |
Għalhekk l-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 92/49/KEE jistabbilixxi regola fiskali prattikament identika għal dik fl-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja. L-unika differenza qiegħda fil-fatt li din id-direttiva l-oħra ma tużax il-kriterju tal-“Istat Membru ta’ l-impenn” imma l-“Istat Membru li fih jinstab ir-riskju kif definit fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357/KEE”. |
56. |
L-Artikolu 2(d) jiddefinixxi l-Istat Membru fejn ir-riskju jinsab b’mod differenti skont it-tip ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni. Filwaqt li r-raba’ inċiż ta’ din id-dispożizzjoni fih definizzjoni, li tiġbor kollox, identika għad-definizzjoni tal-“Istat Membru ta’ l-impenn” li tidher fid-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja, it-tielet inċiż japplika, għall-kuntratti tal-assigurazzjoni tal-ivvjaġġar, il-kriterju tal-Istat Membru fejn il-persuna assigurata kkonkludiet il-kuntratt. |
57. |
Iżda huwa impossibbli għalija li naqbel mal-konklużjoni tal-Gvern Belġjan li jgħid, minn dan il-paragun, li l-firma tal-kuntratt ma jista’ jkollha l-ebda effett fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja. Jekk huwa veru li jistgħu jiġu dedotti definizzjonijiet differenti li jidhru fit-tielet u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357/KEE li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma jfissirx il-post tal-konklużjoni tal-kuntratt meta jitkellem fuq l-“Istat Membru ta’ l-impenn”, din il-kawża ma tirrigwardax il-kwistjoni jekk huwa l-post tal-firma tal-kuntratt li huwa l-element deċiżiv għad-determinazzjoni tas-sistema fiskali applikabbli skont l-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja, imma li jkun magħruf jekk hijiex ir-residenza abitwali tal-persuna assigurata fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt li huwa l-kriterju determinanti. Kif ir-residenza abitwali tal-persuna assigurata tikkoinċidi ġeneralment mad-domiċilju tagħha, huwa perfettament possibbli li l-Istat Membru fejn ġie ffirmat il-kuntratt ma jkunx l-istess bħall-Istat Membru li fih il-persuna assigurata għandha r-residenza tagħha abitwali f’dak il-mument. |
58. |
Id-Direttiva 2009/138/KEE, li fil-ġejjieni ser tiġbor id-direttivi differenti dwar l-assigurazzjoni fid-dritt tal-Unjoni u li ġiet iċċitata minn ċerti partijiet fil-proċedura, lanqas hi ma fiha kjarifikazzjoni addizzjonali li tista’ tippermetti li tingħata risposta għad-domandi preliminari. |
59. |
L-Artikolu 157 ta’ din id-direttiva juża l-kriterju tal-“Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju jew fl-Istat Membru ta’ l-impenn” għad-determinazzjoni tas-sistema fiskali applikabbli li, fi kwalunkwe każ, jippermetti l-konklużjoni li l-kunċett ta’ “Stat Membru ta’ l-impenn” li jidher fl-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja għandu, għal-leġiżlatur tal-Unjoni, jkun distint mill-Istat Membru fejn jinsab ir-riskju. |
60. |
Madankollu huwa inkontestabbli li l-post fejn jinsab ir-riskju ma għandu l-ebda effett fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja. Fid-dawl tas-suġġett tal-kuntratt, dan il-post ta’ riskju għandu jiġi ddeterminat skont il-post fejn tirrisjedi l-persuna li l-ħajja tagħha hija assigurata u li ma hijiex neċessarjament il-persuna li tkun ikkonkludiet il-kuntratt ta’ assigurazzjoni. Dan il-post ma huwiex determinanti la għall-interpretazzjoni statika u lanqas għall-interpretazzjoni dinamika b’mod li d-distinzjoni bejn Stat Membru tal-impenn u Stat Membru fejn jinsab ir-riskju li jagħmel l-Artikolu 157 tad-Direttiva 2009/138/KEE huwa mingħajr rilevanza għall-finijiet tal-problema ta’ interpretazzjoni li għandna nsolvu. |
3. Interpretazzjoni teleoloġika
61. |
Wara li ġie kkonstatat li, minn lat sistematiku, l-Artikolu 36 moqri flimkien mal-Anness III tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja jiffavorixxi interpretazzjoni statika tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva ( 8 ), issa ser neżamina l-għan ta’ din id-dispożizzjoni. |
62. |
L-awtur tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja ddefinixxa dan il-għan fil-premessa 55 tagħha. Skont din tal-aħħar, l-Artikolu 50 tal-imsemmija direttiva għandu l-għan li jipprevjeni d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-assigurazzjoni. Dawn id-distorsjonijiet jistgħu jidhru minħabba d-differenzi li jeżistu fost l-Istati Membri fir-rigward ta’ taxxi indiretti fuq il-kuntratti ta’ assigurazzjoni. L-applikazzjoni uniformi tas-sistema fiskali fis-seħħ fl-Istati Membri “li fihom jidħlu għal impenji” għandha l-għan li tipprekludi dawn id-distorsjonijiet. |
63. |
L-ewwel nett, din il-formulazzjoni ma tippermettix li tinsilet ebda konklużjoni dwar l-Istat Membru rilevanti, kif spjegajt diġà fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 50(3) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja ( 9 ). Il-fatt li, kuntrarjament għal dik tal-Artikolu 50(3) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja, il-verżjoni Ingliża tal-premessa 55 hija fformulata b’mod differenti bażikament ma jdgħajjifx din l-evalwazzjoni ( 10 ). Fil-fatt, anki meta l-kliem tal-premessa 55 jiġi interpretat fis-sens li huwa l-Istat Membru tal-firma tal-kuntratt li huwa determinanti biex tiġi indikata s-sistema fiskali applikabbli, din il-konklużjoni ma tiffavorixxi la l-interpretazzjoni statika tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja u lanqas l-interpretazzjoni dinamika tiegħu. Fil-fatt, kif spjegajt diġà ( 11 ), il-post tal-konklużjoni tal-kuntratt għandu jkun distint mill-post ta’ residenza abitwali tal-persuna assigurata f’dak il-mument. |
64. |
Barra minn hekk, l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 50(1) ma għandhiex tkun ibbażata primarjament fuq il-kliem ta’ premessa, imma għandha ssib l-għan tagħha kif jidher mingħajr ambigwità minn din il-premessa (u sorsi oħrajn). |
a) Prevenzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni
65. |
Mill-premessa 55 jidher mingħajr ambigwità li l-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja għandu l-għan li jipprevjeni d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-settur tal-assigurazzjoni. |
66. |
Il-persuna taxxabbli spjegat f’dan ir-rigward li ma jkunx baqa’ sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni wara li l-persuna assigurata tkun ikkonkludiet kuntratt ta’ assigurazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi qabel ma tmur tistabbilixxi r-residenza tagħha fil-Belġju. Din hija r-raġuni għaliex interpretazzjoni statika tkun konsistenti mal-għan tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja. |
67. |
Fil-fehma tiegħi, għalkemm dan jista’ jkun minnu għal kompetizzjoni meta jirrigwarda l-konklużjoni tal-kuntratt, iżda ma huwiex minnu għall-kompetizzjoni fejn hemm inkwistjoni l-bidla ta’ kumpannija f’kuntratt kurrenti. Fit-tieni każ, hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni jekk tkun biss ir-residenza abitwali tal-persuna assigurata li tkun deċiżiva. Wara l-bidla fir-residenza tagħha, iżżomm, pereżempju, il-privileġġ tal-eżenzjoni mit-tassazzjoni jekk, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, ikollha r-residenza abitwali tagħha fi Stat Membru li ma japplika l-ebda taxxa fuq il-kuntratti ta’ assigurazzjoni. Iżda, jekk l-Istat Membru tar-residenza l-ġdida jiġbor taxxa tal-assigurazzjoni, ikollha tħallasha jekk tikkonkudi kuntratt ġdid. Żvantaġġ bħal dan jista’ mill-bidu jiddiswadi lill-persuna assigurata milli tibdel il-kumpannija ta’ assigurazzjoni. |
68. |
Madankollu, il-premessa 55 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja tenfasizza li l-Artikolu 50 għandu jipprevjeni d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fl-“istennija ta’ armonizzazzjoni sussegwenti”. Din ir-riżerva tidher li fiha rikonoxximent li t-tqassim attwali tal-kompetenzi fiskali ma jipprekludix għal kollox id-distorsjonijiet. Hija għalhekk koperta mill-iskop ta’ din id-dispożizzjoni interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja li ma teskludix id-distorsjonijiet kollha tal-kompetizzjoni. |
69. |
Dan huwa kkonfermat ukoll mill-fatt li matul is-seduta, il-Kummissjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja indirizzatilha domanda bil-miktub, spjegat li sa fejn taf hi, l-ebda kwistjoni dwar il-mobbiltà tal-persuni assigurati u dwar l-effetti tagħha fuq is-sistemi fiskali applikabbli ma ġiet ittrattata fil-kuntest tal-bidu tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja u lanqas fil-kuntest ta’ dawk li ppreċedewha. Għalhekk, ma hemm xejn li jippermetti l-konklużjoni li meta adotta l-Artikolu 50 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jipprevjeni wkoll id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jista’ jkun hemm matul relazzjoni kuntrattwali. |
70. |
Barra minn hekk, in-natura stess tar-riskju assigurat fil-qasam tal-assigurazzjoni tal-ħajja, fi kwalunkwe każ, tħalli spazju biss għal kompetizzjoni limitata bejn il-kuntratti kurrenti u l-kuntratti konklużi ġodda għand kumpannija ġdida billi kemm ir-riskju tas-sopravivenza lil hinn minn data stipulata u r-riskju tal-mewt jikbru iktar ma jgħaddi ż-żmien għall-persuna assigurata. Il-primjums tal-kuntratti ġodda ta’ assigurazzjoni tal-ħajja li jkunu ġew konklużi jkunu probabbilment, għal din ir-raġuni biss, strutturalment iktar għoljin mill-primjums tal-kuntratti eżistenti. |
71. |
Għalhekk, l-iskop li jiġu pprevenuti distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jiffavorixxi interpretazzjoni dinamika tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja, imma mhux b’mod kategoriku. |
b) Evitar tat-tassazzjoni doppja u n-nuqqas ta’ tassazzjoni
72. |
F’kawża li kienet tirrigwarda dispożizzjoni paragunabbli tad-Direttiva 88/357/KEE u tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tagħha, li diġà għamilt riferiment għalihom ( 12 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li kellha bħala għan mhux biss li jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, imma wkoll li jiġu preklużi t-tassazzjoni doppja u li ma jkunx hemm tassazzjoni. F’dan il-kuntest, hija tenfasizza l-importanza ta’ elementi oġġettivament verifikabbli ( 13 ). |
73. |
L-ewwel nett, miniex konvint f’dan il-kuntest mill-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-fatt li hemm riskju partikolari ta’ tassazzjoni doppja meta t-tassazzjoni tiddependi fuq ir-residenza abitwali tal-persuna assigurata fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt. Riskju bħal dak jeżisti biss meta diversi Stati Membri jinterpretaw id-dispożizzjoni b’mod differenti. Għalhekk, interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja jippermettu li tiġi evitata kemm it-tassazzjoni doppja kif ukoll li ma jkunx hemm tassazzjoni, irrispettivament mill-kriterju deċiżiv f’din l-interpretazzjoni. |
74. |
Madankollu għandu jiġi kkonstatat li l-possibbiltà li wieħed ikollu elementi oġġettivament verifikabbli hija ggarantita aħjar għall-partijiet kollha jekk tiġi applikata l-interpretazzjoni statika. F’ipoteżi bħal din, ir-residenza abitwali tal-persuna assigurata ma għandhiex tiġi ddeterminata ħlief darba biss, jiġifieri fil-mument tal-firma tal-kuntratt. Dan jippermetti li jitnaqqsu sal-massimu s-sitwazzjonijiet fejn diversi Stati Membri ma jaqblux fuq il-punt fejn persuna determinata li qed tiġi assigurata għandha r-residenza abitwali tagħha matul sena partikolari, sitwazzjoni li fil-fatt twassal għal tassazzjoni doppja jew li ma jkunx hemm tassazzjoni. |
75. |
L-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja għandu bħala għan li jipprevjeni t-tassazzjoni doppja jew in-nuqqas ta’ tassazzjoni, u dan l-għan jiffavorixxi interpretazzjoni statika. |
c) Teħid inkunsiderazzjoni tal-libertajiet fundamentali
76. |
Interpretazzjoni teleoloġika għandha wkoll tikkunsidra l-libertajiet fundamentali, li fid-dawl tagħhom għandu jiġi interpretat id-dritt sekondarju ( 14 ). L-Artikolu 50(1) li għandu jiġi interpretat, jagħmel parti mit-Titolu IV tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja u l-intestatura diġà tirreferi għall-għan li jiġu ggarantiti l-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. |
77. |
Hawnhekk mhux il-każ li l-libertajiet fundamentali jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk xi waħda minnhom attwalment inkisritx. Pjuttost wieħed għandu jfittex liema hija l-aħjar varjanti ta’ interpretazzjoni li tiggarantixxi l-aħjar l-osservanza tal-libertajiet fundamentali għall-każijiet kollha intiżi fl-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja. |
78. |
Il-libertà ta’ stabbiliment tal-kumpannija ta’ assigurazzjoni ma tirrigwardax il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja. Dak li jinteressana, hija l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-moviment liberu tal-persuna assigurata, u l-effett li dawn għandhom fuq l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. |
i) Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi
79. |
L-ewwel nett, għandu jiġi mistoqsi x’influwenza jista’ jkollha l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iggarantita mit-Trattat, fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja. |
80. |
Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma wkoll ikkunsidrati bħala restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens ta’ dan l-Artikolu l-miżuri kollha li jipprojbixxu, jimpedixxu jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà ( 15 ). Billi hawnhekk ma hijiex kwistjoni li tiġi evalwata miżura nazzjonali imma li titqies il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ dritt sekondarju, għandu jinstab liema varjanti ta’ interpretazzjoni tillimita l-inqas il-libertà li jiġu pprovduti servizzi f’dan is-sens. |
81. |
Il-persuna taxxabbli sostniet f’dan ir-rigward li interpretazzjoni dinamika tostakola l-libertà li jiġu pprovduti servizzi għaliex fil-każ li l-persuna assigurata tmur tgħix xi mkien ieħor, il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni Olandiżi jkollhom iġarrbu l-piż fiskali mingħajr il-possibbiltà li jirkupraw it-taxxa fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Jekk wieħed japplika din l-interpretazzjoni ma jkunx possibbli li din tgħaddi fuq il-persuna assigurata. |
82. |
Iżda kontra dan l-argument jingħad li t-taxxa li tgħaddi fil-każ ta’ bdil ta’ residenza hija kwistjoni tal-istruttura tal-kuntratt. Meta fformulat il-kuntratti tagħha, il-persuna taxabbli ma jidhirx li bbażat ruħha fuq interpretazzjoni dinamika u għalhekk ma pprevedietx l-adattament tal-primjums fil-każ ta’ bdil ta’ residenza tal-persuna assigurata. Fil-każ ta’ interpretazzjoni dinamika, il-persuna taxxabbli tiġi kkonfrontata bi problema li ma tirriżultax minn din il-varjanti ta’ interpretazzjoni, imma biss mill-evalwazzjoni skorretta tas-sitwazzjoni legali fis-seħħ. Madankollu għandu jingħad li din il-problema tqum biss fil-każ ta’ interpretazzjoni dinamika. |
83. |
Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni dinamika għandha, b’mod manifest, riperkussjonijiet negattivi fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi iktar importanti mill-interpretazzjoni statika. |
84. |
Il-Gvern tal-Estonja ġustament indika d-diffikultajiet li ser ikunu kkonfrontati bihom il-kumpanniji tal-assigurazzjoni jekk l-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja jiġi interpretat b’mod dinamiku, u dan anki jekk jgħaddu t-taxxa fuq il-persuna assigurata, għaliex ikunu jridu, biex jonoraw l-obbligi fiskali tagħhom, jinformaw ruħhom il-ħin kollu fuq il-post ta’ residenza abitwali tal-persuna assigurata f’kull mument u, fuq kollox, fuq ir-regoli fiskali fis-seħħ f’dak il-post f’dak il-mument. Għalhekk il-kumpanniji jkunu obbligati li josservaw numru kbir ta’ regoli fiskali nazzjonali differenti għas-sempliċi raġuni li irrispettivament mir-rieda tagħhom, il-kuntratturi tagħhom jistabbilixxu ruħhom fi Stati Membri oħrajn. |
85. |
Iżda, jekk tingħażel l-interpretazzjoni statika, ir-regoli fiskali ta’ Stat Membru ieħor ma jkollhomx għalfejn jiġu kkunsidrati ħlief meta l-kumpannija tal-assigurazzjoni tiddeċiedi deliberatament li tikkonkludi kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja ma’ persuna li għandha r-residenza abitwali tagħha fi Stat Membru ieħor, naturalment b’dawn ir-regoli fiskali jkunu applikabbli biss kemm idum fis-seħħ il-kuntratt. |
86. |
Għalhekk, l-interpretazzjoni dinamika toħloq restrizzjoni iktar importanti fuq il-provvista ta’ servizzi transkonfinali ta’ kumpannija ta’ assigurazzjoni għaliex fil-każ li l-persuna assigurata tibdel ir-residenza tagħha hija tissuġġetta l-kuntratt għal sistema fiskali oħra. |
87. |
Konsegwenza ġuridika bħal din tista’ tiddiswadi wkoll lill-kumpanniji tal-assigurazzjoni milli jkomplu s-servizzi tagħhom wara bdil transkonfinali ta’ residenza tal-persuna assigurata. Sabiex jevitaw l-ispejjeż li ġġib magħha l-osservanza tar-regoli fiskali ta’ Stat Membru ieħor fil-każ ta’ interpretazzjoni dinamika tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja, huma, fi kwalunkwe każ, jistgħu jitħajru li ma jikkonkludux kuntratti ħlief bil-kundizzjoni li l-persuna assigurata tgħix f’post determinat. Indipendentement mill-kwistjoni jekk dan l-aġir tal-kumpannija jkunx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, ma hemmx biża’ li hija tadotta attitudni bħal dik jekk tintuża l-interpretazzjoni statika. |
88. |
Bħala konklużjoni, il-garanzija tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi pjuttost tiffavorixxi interpretazzjoni statika. |
ii) Il-moviment liberu tal-persuna assigurata
89. |
Ċerti partijiet fil-proċedura jqisu li interpretazzjoni dinamika tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja toħloq restrizzjoni diretta fuq id-drittijiet differenti tal-libertà ta’ moviment li t-Trattat jiggarantixxi lill-persuna assigurata, iżda jiena m’iniex tal-istess fehma. |
90. |
Għalkemm huwa veru li interpretazzjoni dinamika tista’, jekk il-kuntratt jipprevedih, twassal għall-persuna assigurata żieda fil-primjum għaliex it-taxxa tal-assigurazzjoni hija ogħla fl-Istat Membru ta’ residenza ġdid, madankollu, il-Qorti diġà tat sentenzi fis-sens li t-Trattat ma jiggarantixxix lil ċittadin tal-Unjoni li t-trasferiment tal-attivitajiet tiegħu fi Stat Membru ieħor differenti minn dak li fih kien jirrisjedi sa dakinhar ikun newtrali fir-rigward ta’ tassazzjoni ( 16 ). |
91. |
Madankollu interpretazzjoni dinamika tista’ tostakola indirettament id-drittijiet tal-moviment liberu tal-persuna assigurata fl-ipoteżi, deskritta iktar ’il fuq ( 17 ), fejn il-kumpannija tal-assigurazzjoni tagħha rrifjutat li tkompli r-relazzjonijiet kuntrattwali fil-każ ta’ bdil transkonfinali tar-residenza. Billi ma hemmx raġuni li dak li jkun jibża’ minn tali konsegwenzi negattivi għall-persuna assigurata jekk tiġi adottata interpretazzjoni statika, anki l-garanzija tal-libertà ta’ moviment tal-persuna assigurata pjuttost tiffavorixxi din il-varjanti ta’ interpretazzjoni. |
d) Tqassim ibbilanċjat tal-kompetenzi fiskali
92. |
Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li sostna l-Gvern Awstrijak ma huwiex għan li għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja li jiġi żgurat tqassim bilanċjat tal-kompetenzi fiskali bejn l-Istati Membri. Il-kwistjoni jekk tqassim determinat tal-kompetenzi fiskali bejn l-Istati Membri għandux jiġi kkunsidrat bħala bbilanċjat skont interpretazzjoni statika jew pjuttost skont interpretazzjoni dinamika, għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi tal-għan tal-ġbir ta’ taxxa tal-assigurazzjoni. Dan l-għan jista’ jissuġġerixxi f’liema Stat Membru għandha tmur it-taxxa, speċjalment meta jista’ jiġi stabbilit liema waħda miż-żewġ partijiet ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja għandha tħallas din it-taxxa. |
93. |
Madankollu, l-għan tal-ġbir ta’ taxxa tal-assigurazzjoni ma għandu l-ebda importanza għat-tqassim tal-kompetenzi fiskali bejn l-Istati Membri skont l-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja. Mil-lat tad-dritt tal-Unjoni prattikament ma huwiex importanti li jkun magħruf min irid iħallas it-taxxa tal-assigurazzjoni. Minn naħa, dan jirriżulta mill-fatt li d-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja hija bbażata fuq l-Artikolu 47(2) u fuq l-Artikolu 55 KE li jirrigwardaw biss it-twettiq tal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Min-naħa l-oħra, mill-premessa 55 ta’ din id-direttiva jirriżulta li r-regola li hemm fl-Artikolu 50(1) tagħha għandha biss l-għan li tipprevjeni d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. |
94. |
Għalhekk id-dritt tal-Unjoni ma jirregolax il-possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw it-taxxi nazzjonali tal-assigurazzjoni ħlief u mil-lat biss tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jistgħu jfixklu s-suq intern. Fi kliem ieħor, id-dritt tal-Unjoni ma għandux l-iskop li joħloq taxxa fuq l-assigurazzjoni u lanqas li jimponiha fuq parti kontraenti partikolari. L-eżistenza ta’ taxxi nazzjonali fuq l-assigurazzjoni hija kkunsidrata bħala fatt sempliċi. Il-ġbir tagħhom, u għalhekk l-iskop tagħhom, jirrigwardaw esklużivament il-kompetenza tal-Istati Membri, kif jipprovdu fuq kollox mingħajr ambigwità l-Artikolu 135(1)(a) u l-Artikolu 401 tad-Direttiva 2006/112/KE ( 18 ). |
e) Riżultat ta’ interpretazzjoni teleoloġika
95. |
Għaldaqstant, l-analiżi tal-għan tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja twassal għall-konklużjoni li kemm l-għan tal-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja u nuqqas ta’ tassazzjonijiet kif ukoll il-garanzija tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tad-drittijiet tal-moviment liberu tal-persuna assigurata, jiffavorixxu interpretazzjoni statika. Fil-każ ta’ assigurazzjonijiet fuq il-ħajja, huwa ta’ inqas importanza l-fatt li interpretazzjoni dinamika tkun tista’, jekk ikun il-każ, tipprevjeni iktar id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni milli l-interpretazzjoni statika. |
V – Konklużjoni
96. |
Billi kemm il-kuntest kif ukoll l-għan tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja kkunsidrati fir-rigward tal-libertajiet fundamentali jiffavorixxu interpretazzjoni statika, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej id-domandi preliminari tat-Tribunal de première instance de Bruxelles: L-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward ta’ persuni fiżiċi, l-“Istat Membru ta’ l-impenn” għandu jiġi ddeterminat fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni. Għalhekk jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, skont din, it-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni tal-ħajja jiġu suġġetti għal taxxa annwali meta l-persuna assigurata jkollha r-residenza abitwali tagħha f’dan l-Istat Membru matul is-sena fiskali relattiva, indipendentement mir-residenza li kellha fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Novembru 2002, li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 3).
( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja u temenda d-Direttivi 73/239/KEE u 88/357/KEE (it-tielet Direttiva dwar “assigurazzjoni mhux tal-ħajja”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 346).
( 4 ) L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill, tal-24 ta’ Lulju 1973, dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-bidu u t-twettiq tan-negozju tal-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 14).
( 5 ) It-Tieni Direttiva tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1988, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta ta’ xort’oħra minn assigurazzjoni tal-ħajja u li jistipulaw id-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li temenda d-Direttiva 73/239/KEE (88/357/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 198).
( 6 ) Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, p. 1); ara l-premessa 1 ta’ din id-direttiva kif ukoll l-Artikolu 310(1) tagħha.
( 7 ) “[…] each Member State shall apply to those assurance undertakings which cover commitments situated within its territory […]”.
( 8 ) Ara l-punti 46 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 9 ) Ara l-punti 38 et seq ta’ dawn il-konklużjonjiet.
( 10 ) “[…] application of the tax […] provided for by the Member States in which commitments entered into […]”.
( 11 ) Ara l-punti 57 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 12 ) Ara l-punti 55 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 13 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2001, Kvaerner (C-191/99, Ġabra 2001, p. I-4447, punt 51).
( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 1981, Broekmeulen (246/80, Ġabra p. 2311, punt 20), tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C-101/01, Ġabra p. I-12971, punt 87) u tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C-305/05, Ġabra p. I-5305, punt 28), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber li ppreżenta fid-9 ta’ Lulju 2002 fil-Kawża C-435/00, Geha Naftiliaki et (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2002, Ġabra p. I-10615, punt 40).
( 15 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Waypoint Aviation (C-9/11, Ġabra p. I-9697, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 16 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Weigel (C-387/01, Ġabra p. I-4981, punt 55); tat-12 ta’ Lulju 2005, Schempp (C-403/03, Ġabra p. I-6421, punt 45) u tas-26 ta’ April 2007, Alevizos (C-392/05, Ġabra p. I-3505, punt 76).
( 17 ) Ara l-punt 87 iktar ’il fuq.
( 18 ) Direttiva tal-Kunsill, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).
Opinion of the Advocate-General
I – Introduzzjoni
1. Għandna għalfejn niskantaw li l-assigurazzjoni fuq ħajjitna tintlaqat ukoll minn taxxa? Iżda dan huwa, għall-inqas, il-każ f’ċerti Stati Membri tal-Unjoni. Jekk Stati Membri oħrajn jidhru li għadhom ġenerużi f’dan ir-rigward u jirrinunzjaw għal taxxa bħal din, inqalgħet problema fis-suq intern transkonfinali tal-assigurazzjonijiet tal-ħajja: kif jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mid-differenzi fiskali?
2. Din id-domanda preliminari tirrigwarda kumpannija tal-assigurazzjoni Olandiża li kkonkludiet kuntratti ta’ assigurazzjoni tal-ħajja ma’ persuni assigurati Olandiżi. Fil-Pajjiżi l-Baxxi, dawn il-kuntratti ma huma suġġetti għall-ebda taxxa fuq l-assigurazzjoni. Mhux l-istess jgħodd fil-Belġju, fejn marru joqogħdu ċerti assigurati u ħadu magħhom il-kuntratti ta’ assigurazzjoni tal-ħajja, kif wieħed jagħmel b’kull oġġett ta’ ċertu importanza.
3. Dawn il-kuntratti issa għandhom jiġu suġġetti għat-taxxa fuq l-assigurazzjoni Belġjana minħabba s-sempliċi fatt li l-persuni assigurati bidlu l-post ta’ residenza? Fil-prinċipju, id-dritt tal-Unjoni jagħti risposta għal din il-kwistjoni wkoll. Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma għamilhiex sempliċi l-ħidma għal dawk li japplikaw id-dritt. Għalhekk għandna nimpenjaw ruħna biex niddeterminaw liema mid-diversi dispożizzjonijiet li hemm fid-dritt tal-Unjoni dwar l-assigurazzjoni ser jipprovduna r-risposta definittiva.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
4. Id-direttiva applikabbli f’dan il-każ hija d-Direttiva 2002/83/KE (2) (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja”) li ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 47(2) u l-Artikolu 55 KE. Skont dawn, għandhom jiġu adottati direttivi biex jiffaċilitaw il-bidu u t-tkomplija ta’ attivitajiet għal persuni li jaħdmu għal rashom fir-rigward tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Skont il-premessi 3 u 5 tagħha, id-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja għandha l-għan li tiffavorixxi l-istabbiliment ta’ suq intern uniformi għall-assigurazzjonijiet tal-ħajja. Mill-premessa 55 jirriżulta li r-regoli fiskali huma neċessarji wkoll għal dan l-iskop:
“Xi Stati Membri ma jissoġġettawx operazzjonijiet ta’ assigurazzjoni għal kwalunkwe forma ta’ tassazzjoni indiretta, waqt li l-maġġoranza japplikaw tassi speċjali u forom oħra ta’ kontribuzzjoni. L-istrutturi u r-rati ta’ dawn it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet ivarjaw konsiderevolment bejn l-Istati Membri li fihom huma applikati. Huwa mixtieq li jiġu pprevenuti differenzi eżistenti li jwasslu għal distorzjonijiet ta’ kompetizzjoni f’servizzi ta’ assigurazzjoni bejn l-Istati Membri. Fl-istennija ta’ armonizzazzjoni sussegwenti, l-applikazzjoni tas-sistemi tat-taxxa u forom oħra ta’ kontribuzzjoni prevista mill-istati Membri li fihom jidħlu għal impenji x aktarx jirrimedjaw dik il-problema u hu għall-Istati Membri li jagħmlu arranġamenti sabiex jassiguraw li dawn it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet huma miġbura”.
5. Skont l-Artikolu 2(1) tagħha, id-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja essenzjalment tapplika għall-assigurazzjonijiet tal-ħajja sa età stipulata jew mal-mewt u għal kull assigurazzjoni kontra inkapaċità fl-impjieg u invalidità marbutin ma’ assigurazzjonijiet bħal dawk imsemmijin iktar ’il fuq.
6. It-Titolu IV tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja, bl-isem “Dispożizzjonijiet li jirrelataw għad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jigu pprovduti servizzi”, fih l-Artikolu 50 fejn hemm stabbiliti dawn ir-regoli dwar taxxi fuq il-primjums:
“1. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe armonizzazzjoni sussegwenti, kull kuntratt ta’ assigurazzjoni għandu jkun soġġett esklużivament għat-taxxi indiretti u l-piżijiet parafiskali fuq premiums ta’ l-asssigurazzjoni fl-Istat Membru ta’ l-impenn […].
2. Il-liġi applikabbli għall-kuntratt skond l-Artikolu 32 m’għandhiex teffettwa l-arranġamenti fiskali applikabbli.
3. Fl-istennija ta’ armonizzazzjoni futura, kull Stat Membru għandu japplika għal dawk l-intrapriżi ta’ l-assigurazzjoni li jkopru impenji li jinstabu fit-territorju tiegħu id-dispożizzjonijiet nazzjonali proprji għal miżuri sabiex jiġi assigurat il-ġbir ta’ taxxi indiretti u piżijiet parafiskali dovuti taħt il-paragrafu 1.”
7. Dan huwa kif l-Artikolu 1(1)(g) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja jiddefinixxi l-kunċett ta’ “Stat Membru ta’ l-impenn” li jidher fl-Artikolu 50(1):
“L-Istat Membru fejn it-titoalri tal-polza [il-persuna assigurata] għandu [għandha] r-residenza abitwali tiegħu/tagħha jew, jekk it-titolari tal-polza [il-persuna assigurata] huwa [hija] persuna ġuridika, l-Istat Membru fejn l-istabbiliment ta’ l-aħħar, li għalih jirrelata l-kuntratt, jinstab”.
8. Il-kunċett ta’ “Stat Membru ta’ l-impenn” huwa użat f’dispożizzjonijiet oħrajn tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja wkoll. Huwa għalhekk li l-Artikolu 3(1) tagħha jistabbilixxi r-regola li ġejja:
“Il-liġi applikabbli għall-kuntratti li jirrelataw għall-attivitajiet imsemmija f’din id-Direttiva għandha tkun il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-impenn. Madankollu, meta l-liġi ta’ dak l-Istat tippermetti, il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi ta’ pajjiż ieħor.”
9. Fl-istess Kapitolu IV bl-isem “Liġi ta’ kuntratt u kondizzjonijiet ta’ assigurazzjoni”, l-Artikolu 36 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja huwa ddedikat għall-informazzjoni għal titolari ta’ poloz [il-persuna assigurata] u hemm dan li ġej:
“1. Qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt ta’ assigurazzjoni, mill-inqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness III(A) għandha tiġi kkomunikata lit-titolari tal-polza [tal-assigurazzjoni] [il-persuna assigurata].
2. It-titolari tal-polza [il-persuna assigurata] għand[ha] [t]inżamm infurmat[a] tul it-terminu tal-kuntratt bi kwalunkwe bidla li tikkonċerna l-informazzjoni elenkata fl-Anness III(B).
[…]”
10. Il-punt (a)(14) tat-Titolu A tal-Anness III jinkludi, fost l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-persuna assigurata qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, l-obbligu li jipprovdi “[i]nformazzjoni ġenerali dwar arranġamenti tat-taxxa applikabbli għat-tip ta’ polza”. Il-punt (b)(2) tat-Titolu B tal-Anness III jimponi l-obbligu li tiġi pprovduta għat-tul tal-kuntratt “l-informazzjoni kollha elenkata fil-punti (a)(4) sa (a)(12) ta’ A fil-każ ta’ bidla fil-kondizzjonijiet ta’ polza jew l-emenda tal-liġi applikabbli għall-kuntratt”.
11. L-Artikoli 41 sa 42 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja jimponu ċerti obbligi fuq kumpanniji ta’ assigurazzjoni li jixtiequ jwettqu l-attivitajiet tagħhom f’sistema transkonfinali u huma intiżi biex jippermettu l-kontroll tagħhom. L-Artikolu 41 huwa fformulat kif ġej:
“Kwalunkwe intrapriża ta’ l-assigurazzjoni li jkollha l-intenzjoni ssegwi negozju għall-ewwel darba fi Stat Membru wieħed jew iktar taħt il-libertà li [j]iġu pprovduti servizzi għandha l-ewwel tinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru lokali [tal-oriġini], bl-indikazzjoni tan-natura ta’ l-impenji li tipproponi li tkopri.”
12. L-Artikolu 42 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja fih b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin:
“Fi żmien xahar min-notifika prevista fl-Artikolu 41, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru lokali [tal-oriġini], għandhom jikkomunikaw lill-Istat Membru jew l-Istati Membri li fit-territorju tagħha l-intrapriża ta’ l-assigurazzjoni jkollha l-intenzjoni li ssegwi negozju permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi […]:
[…]
L-intrapriża ta’ l-assigurazzjoni tista tibda negozju fid-data ċertifikata li fiha hija informata bil-komunikazzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1”.
13. Minbarra d-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja, id-dritt tal-Unjoni jinkludi wkoll direttivi oħrajn dwar setturi oħrajn tas-suq tal-assigurazzjoni. B’mod partikolari, l-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 92/49/KEE (3) li, skont id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 2(2) u tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 73/239/KEE (4), ma japplikax għall-assigurazzjoni fuq il-ħajja jipprovdi:
“Mingħajr preġudizzju għal armonizzazzjoni sussegwenti, kull kuntratt ta’ assigurazzjoni għandu jkun suġġett esklużivament għal taxxi indiretti u piżijiet parafiskali fuq premiums ta’ l-assigurazzjoni fl-Istat Membru li fih jinstab ir-riskju kif definit fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357/KEE [...]”.
14. Dan huwa kif l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357/KEE (5) jiddefinixxi l-kunċett ta’ “Stat Membru fejn ikun jinstab ir-riskju” skont it-tip ta’ assigurazzjoni:
“[...]
– l-Istat Membru li fih tkun tinstab il-proprjetà, meta l-assigurazzjoni tirrelata jew għal bini inkella għal bini u l-kontenut tagħhom […]
– l-Istat Membru tar-reġistrazzjoni, meta l-assigurazzjoni tirrelata għal vetturi ta’ kull tip […],
– l-Istat Membru fejn it-titolari tal-polza [il-persuna assigurata] [t]kun ħar[ġet] il-polza […] li jkopru riskji ta’ l-ivvjaġġar jew ta’ vaganza […],
– l-Istat Membru fejn it-titolari tal-polza [il-persuna assigurata] jkollu [jkollha] r-residenza abitwali tiegħu [tagħha], jew jekk it-titolari tal-polza [il-persuna assigurata] jkun [tkun] persuna ġuridika, l-Istat Membru fejn l-istabbiliment ta’ dan ta’ l-aħħar, li jkun jirrelata għalih il-kuntratt, ikun jinstab, fil-każijiet kollha li mhumiex espliċitament koperti bl-inċiżi ta’ qabel”.
15. Id-direttivi kollha ċċitati iktar ’il fuq tħassru bid-Direttiva 2009/138/KE (6) b’effett mill-1 ta’ Novembru 2012. L-Artikolu 157 ta’ din id-Direttiva jitkellem fuq it-taxxi fuq il-primjums u jipprovdi b’mod partikolari s-segwenti:
“Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe armonizzazzjoni sussegwenti, kull kuntratt tal-assigurazzjoni għandu jkun suġġett esklużivament għat-taxxi indiretti u l-imposti parafiskali fuq premiums tal-assigurazzjoni fl-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju jew fl-Istat Membru tal-impenn.
[...]”
B – Id-dritt Belġjan
16. Fil-Belġju, il-kuntratti ta’ assigurazzjoni huma, fil-perijodu inkwistjoni, suġġetti għal taxxa annwali. Skont l-Artikolu 173 tal-Kodiċi tad-Drittijiet u tat-Taxxi Varji (iktar ’il quddiem, il-“KDTV”), it-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni huma suġġetti għal taxxa annwali meta r-riskju jkun ġewwa l-Belġju. Skont din id-dispożizzjoni, ir-riskju tat-tranżazzjoni tal-assigurazzjoni jitqies li jinsab fil-Belġju meta l-persuna assigurata għandha r-residenza abitwali tagħha hemmhekk jew, jekk il-persuna assigurata hija persuna legali, meta s-sede tagħha li għaliha jirreferi l-kuntratt tinsab fit-territorju Belġjan.
17. L-Artikolu 175/3 KDTV jistabbilixxi rata ta’ taxxa speċjali ta’ 1.10 % tal-primjums għat-tranżazzjonijiet tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja.
III – Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
18. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija l-kumpannija ta’ assigurazzjoni Olandiża RVS Levensverzekeringen NV, li toffri assigurazzjonijiet fuq il-ħajja (iktar ’il quddiem, il-“persuna taxxabbli”). Il-proċedura fil-kawża prinċipali tirrigwarda t-taxxa tal-assigurazzjoni li l-persuna taxxabbli kellha tħallas għas-snin 2006 u 2007.
19. Il-persuna taxxabbli kienet ikkonkludiet kuntratti ta’ assigurazzjoni ma’ diversi persuni li, fil-mument tal-firma tal-kuntratt, kellhom ir-residenza tagħhom ġewwa l-Pajjiżi l-Baxxi, imma matul is-snin 2006 u 2007 kienu qed jgħixu fil-Belġju. L-amministrazzjoni fiskali Belġjana kkunsidrat li l-persuna taxxabbli kellha tħallas is-somma ta’ EUR 16 542 bħala taxxa tal-assigurazzjoni fir-rigward tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni tagħha għas-snin 2006 u 2007.
20. Għalhekk il-persuna taxabbli ħallset din is-somma lill-amministrazzjoni fiskali, imma issa qed titlob ir-rimbors tagħha permezz tal-azzjoni tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija tikkunsidra li ma għandhiex tħallas it-taxxa tal-assigurazzjoni fil-Belġju ħlief jekk il-persuna assigurata kellha r-residenza tagħha f’dan il-pajjiż fil-mument tal-firma tal-kuntratt. Għall-kuntrarju, l-amministrazzjoni fiskali Belġjana tikkunsidra li l-element determinanti hija r-residenza tal-persuna assigurata fil-mument tal-ħlas tal-primjum.
21. It-Tribunal de première instance de Bruxelles, adit b’din il-kawża għamel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja.
“1. L-Artikolu 50 tad-Direttiva 2002/83/KE [...], li s-subparagrafu 1 tiegħu jipprovdi li, mingħajr preġudizzju għal armonizzazzjoni ulterjuri, kull kuntratt ta’ assigurazzjoni għandu jkun suġġett esklużivament għat-taxxi indiretti u għall-piżijiet parafiskali fuq premjums [primjums] ta’ assigurazzjoni fl-Istat Membru tal-impenn u li l-paragrafu 3 tiegħu jipprovdi li, b’riżerva għal armonizzazzjoni futura, kull Stat Membru għandu japplika għal dawk l-impriżi ta’ assigurazzjoni li jieħdu impenji li jinstabu fit-territorju tiegħu d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw il-miżuri intiżi sabiex jiġi żgurat il-ġbir tat-taxxi indiretti u piżijiet parafiskali dovuti taħt il-paragrafu 1, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tinsab fl-Artikoli 173 u 175/3 tal-Kodiċi tad-drittijiet u tat-taxxi varji, li jipprovdu li t-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni (u b’mod partikolari t-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja) hum a suġġetti għal taxxa annwali meta r-riskju jkun jinsab fil-Belġju, b’mod partikolari meta l-persuna assigurata jkollha r-residenza abitwali tagħha fil-Belġju jew, jekk il-persuna assigurata hija persuna ġuridika, meta l-istabbiliment ta’ din il-persuna ġuridika msemmija fil-kuntratt jinsab fuq it-territorju Belġjan, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-post ta’ residenza tal-persuna assigurata fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt?
2. Il-prinċipji Komunitarji relatati mat-tneħħija bejn l-Istati Membri tal-Komunità tal-ostakoli kollha għall-moviment liberu tal-persuni u tas-servizzi, liema prinċipji jirriżultaw fl-Artikoli 49 u 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jostakolaw leġiżlazzjoni bħal dik li tinsab fl-Artikoli 173 u 175/3 tal-[KDTV], li jipprovdu li t-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni (u b’mod partikolari t-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja) huma suġġetti għal taxxa annwali meta r-riskju jkun jinsab fil-Belġju, b’mod partikolari meta l-persuna assigurata jkollha r-residenza abitwali tagħha fil-Belġju jew, jekk il-persuna assigurata hija persuna ġuridika, meta l-istabbiliment ta’ din il-persuna ġuridika msemmija fil-kuntratt jinsab fuq it-territorju Belġjan, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-post ta’ residenza tal-persuna assigurata fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt?
IV – Il-kunsiderazzjonijiet legali
A – Interpretazzjoni tad-domandi preliminari
22. Qabel ma nirrispondi d-domandi preliminari hemm bżonn li tiġi ppreċiżata l-portata tagħhom.
23. Huwa rilevanti ħafna li l-Kummissjoni Ewropea osservat dwar l-ewwel domanda li din hija fformulata f’termini eċċessivament wesgħin fir-rigward tal-fatti li ġew deskritti u għalhekk għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. Fil-fatt, din il-proċedura ma fiha xejn li jeħtieġ li tiġi eżaminata l-konformità tal-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana mad-dritt tal-Unjoni b’mod daqstant fil-fond kif donnu teħtieġ il-formulazzjoni tad-domanda mill-qorti tar-rinviju.
24. Minn naħa, il-kwistjoni tat-tassazzjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni konklużi minn persuni ġuridiċi ma hijiex, b’mod ċar, rilevanti fil-proċedura prinċipali. Min-naħa l-oħra, l-unika domanda f’dan il-każ hija jekk l-Artikolu 50 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja joħloqx ostakolu għal ċerta leġiżlazzjoni nazzjonali dwar kuntratti ta’ assigurazzjoni tal-ħajja u mhux fir-rigward ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni b’mod ġenerali. Għaldaqstant, id-domanda preliminari tirrigwarda esklużivament l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja għal dak li jirrigwarda l-kuntratti ta’ assigurazzjoni tal-ħajja u, fosthom, dawk biss li saru minn persuni fiżiċi.
25. Fir-rigward tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju fformulatha sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiżalha wkoll jekk ċerti libertajiet fundamentali jmorrux kontra l-leġiżlazzjoni Belġjana.
26. Iżda ma għandux jintesa f’dan il-każ li l-Artikolu 50 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja diġà fih regola ta’ dritt sekondarju eżawrjenti li permezz tagħha għandha tiġi evalwata l-legalità tal-leġiżlazzjoni Belġjana fid-dritt tal-Unjoni. L-ewwel domanda tirrigwarda dan il-punt. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni Belġjana ma għandhiex tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-libertajiet fundamentali tad-dritt primarju imma pjuttost f’dak tad-dritt sekondarju stabbilit fl-Artikolu 50 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja. Madankollu għandha tiġi kkunsidrata wkoll l-importanza tal-libertajiet fundamentali b’mod li tiġi evitata interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja li tkun inkonsistenti magħhom. Għalhekk l-aspetti tad-dritt primarju li tqajjem it-tieni domanda preliminari għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel domanda.
27. Għaldaqstant, ma huwiex meħtieġ li jiġi deċiż jekk it-tieni domanda hijiex ammissibbli bħala tali għaliex, kif spjegat sew il-Kummissjoni, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tippermettix li jiġi ddeterminat mingħajr ambigwità liema libertajiet fundamentali l-qorti tar-rinviju tixtieq interpretazzjoni b’mod partikolari.
28. Fil-qosor, id-domandi preliminari għandhom jinftiehmu fis-sens li l-qorti tar-rinviju qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiżalha jekk, fir-rigward tal-libertajiet fundamentali, l-Artikolu 50 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-tranżazzjonijiet tal-assigurazzjoni tal-ħajja għal taxxa annwali meta l-persuna assigurata jkollha r-residenza abitwali tagħha fit-territorju tagħha f’dik is-sena partikolari, imma ma tkunx ikkunsidrata r-residenza tagħha fil-mument tal-firma tal-kuntratt.
B – Risposta għad-domandi preliminari
29. Biex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ jiġi ddeterminat b’liema mod l-Artikolu 50 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja jqassam il-kompetenzi fiskali tal-Istati Membri fir-rigward ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni tal-ħajja.
30. L-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja jagħti l-kompetenza fiskali lill-“Istat Membru ta’ l-impenn”. Dan l-artikolu jistabbilixxi li kull kuntratt ta’ assigurazzjoni huwa suġġett esklużivament għal taxxi indiretti u għal piżijiet parafiskali fuq primjums ta’ assigurazzjoni fl-Istat Membru tal-impenn. L-Artikolu 1(1)(g) tad-Direttiva jiddefinixxi l-Istat Membru tal-impenn bħala l-Istat Membru fejn il-persuna assigurata għandha r-residenza abitwali tagħha. Din il-proċedura wriet li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu, essenzjalment, jiġu interpretati b’żewġ modi differenti.
31. L-ewwel waħda hija interpretazzjoni “statika” fejn l-“Istat Membru ta’ l-impenn” huwa ddeterminat darba għal dejjem fil-mument tal-firma tal-kuntratt. Għalhekk il-kompetenza fiskali għal kemm idum fis-seħħ il-kuntratt iżommha l-Istat Membru fejn il-persuna assigurata għandha r-residenza abitwali tagħha fil-mument tal-konklużjoni tiegħu. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-persuna taxxabbli u mill-Gvern tal-Estonja.
32. L-interpretazzjoni l-oħra hija dik “dinamika” li biha l-“Istat ta’ l-impenn” jista’ jvarja maż-żmien. Għalhekk il-kompetenza fiskali tkun dejjem tal-Istat Membru fejn il-persuna assigurata għandha r-residenza abitwali tagħha fil-mument ta’ kull meta tinġabar it-taxxa fuq il-primjums ta’ assigurazzjoni. Dan l-Istat jista’ jvarja minn ħlas ta’ primjum għal ieħor. Din l-interpretazzjoni dinamika hija sostnuta mill-Gvern Belġjan u Awstrijak kif ukoll mill-Kummissjoni.
33. Fil-punti li ġejjin, ser nipprova nuri li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma rregolax b’mod ċar it-tqassim tal-kompetenzi fiskali fir-rigward ta’ taxxi fuq il-kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja (1) u li kemm il-kuntest (2) kif ukoll is-sens tal-leġiżlazzjoni fl-osservanza tal-libertajiet fundamentali (3) iwasslu fi kwalunkwe każ għal interpretazzjoni statika tal-Artikolu 50 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja.
1. Interpretazzjoni tat-test
34. Kuntrarjament għal dak li jargumentaw ċerti parteċipanti fil-proċedura, it-test ma jipprovdix risposta ċara għall-kwistjoni li tinqala’ hawnhekk. Dan japplika mhux biss għall-verżjoni Olandiża, li hija l-lingwa tal-proċedura, imma anki għall-verżjonijiet Ġermaniża, Ingliża u Franċiża tal-Artikolu 50(1) u tal-Artikolu 1(1)(g) addizzjonali tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja. It-test tagħhom jindika b’mod ċar li t-tassazzjoni għandha ssir fil-post fejn il-persuna assigurata għandha r-residenza abitwali tagħha. Madankollu, it-test tal-verżjonijiet imsemmijin iktar ’il fuq ma jagħtix risposta għal domanda essenzjali, jiġifieri liema mument huwa l-mument deċiżiv biex tiġi ddeterminata r-residenza abitwali.
35. Il-kwalifikazzjoni ta’ Stat Membru “ta’ l-impenn” ma tagħti l-ebda informazzjoni dwar dan il-mument rilevanti. Fil-fatt il-kelma “impenn” tista’ mhux biss tindika l- underwriting ta’ impenn imma wkoll l- eżistenza tiegħu. Għaldaqstant, ma jistax jiġi dedott b’mod ċar minn din il-formulazzjoni la li l-Istat Membru kompetenti għandu jiġi ddeterminat darba għal dejjem mill-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt u lanqas li dejjem irid jiġi indikat mill-ġdid għal kemm idum fis-seħħ il-kuntratt.
36. Fl-aħħar nett, it-test tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja huwa wkoll ambigwu billi jirreferi kemm għall-ġbir tat-taxxa fuq il- primjums tal-assigurazzjoni kif ukoll għall- kuntratti ta’ assigurazzjoni suġġetti għat-taxxa, b’mod li qatt ma jista’ jiddetermina b’mod ċar jekk il-kriterju determinanti skont id-direttiva huwiex il-konklużjoni tal-kuntratt jew il-ħlas ta’ primjums f’kull skadenza.
2. Interpretazzjoni sistematika
37. Il-kuntest regolatorju tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja fih diversi dispożizzjonijiet li jipprovdu indikazzjonijiet fuq l-interpretazzjoni tiegħu.
a) Ġbir tat-taxxa tal-assigurazzjoni
38. L-ewwel nett, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 50(3) stess, li jipprovdi li kull Stat Membru għandu japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu biex jiżgura l-ġbir tat-taxxa tal-assigurazzjoni. Għandu japplikahom għall-kumpanniji tal-assigurazzjoni “li jkopru impenji li jinstabu fit-territorju tiegħu”. B’mod partikolari, il-persuna taxxabbli kkonkludiet li huwa l-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt li jiddetermina l-kompetenza fiskali.
39. Madankollu l-Kummissjoni osservat ġustament li l-formulazzjoni tal-Artikolu 50(3) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja mil-leġiżlatur ma tirreferix neċessarjament għall-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni. Fil-fatt l-interpretazzjoni li għandha tingħata tiddependi fuq xiex il-frażi “fit-territorju tiegħu” qed tirreferi.
40. Minn naħa, jista’ jiġi kkunsidrat li tirreferi għal verb “li jkopru” u għalhekk l-enfasi qiegħda fuq il-post tal-konklużjoni tal-kuntratt. Min-naħa l-oħra, jista’ jitqies wkoll li tirreferi għal “impenji” u li d-determinazzjoni tal-post jiddependi minn hekk ukoll. Għalhekk l-element determinanti huwa l-post fejn jeżistu l-impenji li ttieħdu. Din il-possibbiltà ta’ interpretazzjoni tidher iktar ċara fil-verżjoni Ingliża li ssemmi l-kopertura tal-impenji li jinsabu fi Stat Membru (7) . Il-post fejn jinsab impenn jista’, pereżempju, ikun il-post tar-residenza abitwali tal-persuna assigurata, imma mhux neċessarjament il-post tal-konklużjoni tal-kuntratt.
41. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-formulazzjoni tal-Artikolu 50(3) la tiffavorixxi l-interpretazzjoni statika tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja u lanqas tiffavorixxi l-interpretazzjoni dinamika.
b) Il-kunċett ta’ “Stat Membru ta’ l-impenn” fid-dispożizzjonijiet l-oħrajn
42. L-użu tal-kunċett ta’ “Stat Membru ta’ l-impenn” kif jintuża f’dispożizzjonijiet oħrajn tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja jista’ jkun utli għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 50(1) tagħha, għaliex l-Artikolu 1(1)(g) tagħha jagħti definizzjoni uniformi ta’ dan il-kunċett għad-dispożizzjonijiet kollha tad-direttiva.
43. Din id-definizzjoni hija ggarantita diġà meta tkopri, f’kull dispożizzjoni, l-Istat Membru fejn il-persuna assigurata għandha r-residenza abitwali tagħha. Iżda f’din id-definizzjoni tal-Artikolu 1(1)(g) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja, il-leġiżlatur ma ppreċiżax fuq liema mument jeħtieġ li jibbaża ruħu f’dan ir-rigward. Jekk il-mument rilevanti ma jagħmilx parti mid-definizzjoni, jista’ jiġi ddeterminat b’mod differenti skont id-dispożizzjoni li fiha jintuża l-kunċett ta’ “Stat Membru ta’ l-impenn”.
44. Dan japplika wkoll għar-regola fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja li hija r-regola invokata mill-persuna taxxabbli. Biex jiġi ddeterminat id-dritt applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni, din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq l-“Istat Membru ta’ l-impenn”. Ċertament naħseb, bħall-persuna taxxabbli, li l-leġiżlatur ma setax ried li tingħata lil din id-dispożizzjoni interpretazzjoni dinamika li biha d-dritt applikabbli jinbidel meta l-persuna assigurata tibdel ir-residenza tagħha. Għalhekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja, l-“Istat Membru ta’ l-impenn” għandu jkun l-Istat Membru fejn il-persuna assigurata għandha r-residenza abitwali tagħha fil-mument tal-firma tal-kuntratt.
45. Madankollu dan ifisser li dan huwa l-mument li jkun rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja li għandna neżaminaw. Barra minn hekk, l-Artikolu 50(2) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja jistabbilixxi li l-liġi applikabbli għall-kuntratt bis-saħħa tal-Artikolu 32 ma jaffettwax is-sistema fiskali applikabbli. Għalkemm din ir-regola essenzjalment hija intiża għall-każijiet fejn il-partijiet jagħżlu li japplikaw liġi oħra bis-saħħa tat-tieni sentenza tal-Artikolu 32(1) tad-direttiva, l-Artikolu 50(2) jagħmel enfażi addizzjonali fuq l-indipendenza tal-liġi u tas-sistema fiskali applikabbli.
c) Informazzjoni fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni
46. Id-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja tinkludi wkoll regola oħra li tista’ tipprovdi indikazzjoni utli għal risposta għad-domandi preliminari. Għalhekk l-Artikolu 36 jipprovdi li l-kumpannija għandha tipprovdi ċerti indikazzjonijiet lill-persuna assigurata qabel il-konklużjoni tal-kuntratt u għal kemm idum fis-seħħ.
47. Skont l-Artikolu 36(1), moqri flimkien mal-punt (a)(14) tal-Anness III tat-Titolu A tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja, il-kumpannija għandha tikkomunika qabel il-konklużjoni tal-kuntratt “[i]nformazzjoni ġenerali dwar arranġamenti tat-taxxa applikabbli għat-tip ta’ polza”. Din is-sistema fiskali applikabbli hija ddeterminata skont l-“Istat Membru ta’ l-impenn” fis-sens tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja.
48. Kemm idum fis-seħħ il-kuntratt, il-kumpannija għandha tikkomunika wkoll ċerta informazzjoni lill-persuna assigurata skont l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva fuq l-assigurazzoni tal-ħajja. Skont il-punt (b)(2) tal-Anness III tat-Titolu B tad-direttiva, hija għandha, fil-każ ta’ bidla fil-kundizzjonijiet tal-kuntratt jew ta’ emenda tal-liġi applikabbli għall-kuntratt, tinformaha b’informazzjoni aġġornata dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li hija kien ikollha tinformaha bihom fil-mument tal-firma tal-kuntratt. Ir-riferiment għall-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata fil-mument ta’ din il-firma ma tinkludix, iżda, l-informazzjoni fuq is-sistema fiskali applikabbli.
49. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni żgur ma telaqx mill-idea li s-sistema fiskali applikabbli setgħet tinbidel għal kemm idum fis-seħħ il-kuntratt. Fil-fatt, ma hemm xejn biex wieħed jikkonkludi li, jekk is-sistema fiskali applikabbli għandha importanza tali li tagħmel parti mill-informazzjoni li għandha tingħata fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, il-kumpannija tista’, madankollu, ma tagħti l-ebda informazzjoni dwar tibdil f’din is-sistema għal kemm idum fis-seħħ il-kuntratt.
50. L-Artikolu 36 moqri flimkien mal-Anness III tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja fih, għalhekk, indikazzjoni ċara tal-ħtieġa ta’ interpretazzjoni statika tal-Artikolu 50(1) tagħha.
d) Rekwiżiti fir-rigward tal-kontroll tal-attivitajiet tal-assiguratur
51. Fil-kuntest tal-analiżi sistematika tiegħu, il-Gvern Estonjan indika wkoll l-obbligu ta’ notifika li l-Artikolu 41 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja jimponi fuq il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni. Skont din id-dispożizzjoni, huma għandhom jinformaw minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini permezz ta’ notifika li, skont l-Artikolu 42(1) u (3), tagħmel parti mill-kundizzjonijiet li l-kumpannija għandha tikkonforma magħhom qabel ma twettaq l-attività ta’ assiguratriċi fi Stat Membru ieħor.
52. Fil-fehma tiegħi, madankollu, il-Gvern Estonjan jiżbalja li jippreżumi li l-kumpanniji tal-assigurazzjoni ma jistgħux iwettqu dan id-dmir ta’ notifika kieku r-residenza abitwali ta’ persuna assigurata fil-mument ta’ kull ħlas ta’ primjum kienet il-kriterju determinanti mil-lat fiskali. Fil-fatt, il-kunċett tat-twettiq ta’ attività ta’ assiguratur skont l-Artikolu 41 tad-direttiva għandu jiġi analizzat irrispettivament mill-kwistjoni tal-qsim tal-kompetenzi fiskali.
53. Kif, fuq kollox, enfasizzat il-Kummissjoni, il-kwistjoni f’dan il-każ ma hijiex jekk kumpannija ta’ assigurazzjoni teżerċitax attività fi Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 41 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja minħabba l-fatt li l-persuna assigurata tkun marret toqgħod post ieħor. Huma biss konsegwenzi fiskali ta’ ċaqliq minn residenza għal oħra li hemm lok li jiġu dedoti mill-Artikolu 50 tad-direttiva. Għalhekk, ma hemmx raġuni valida sabiex iż-żewġ domandi jingħataw risposta uniformi.
e) Direttivi oħrajn fuq is-suq tal-assigurazzjoni
54. Apparti l-qafas tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja, il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni t-tnejn għamlu paragun mad-dispożizzjonijiet tad-direttivi li jirregolaw assigurazzjonijiet oħrajn li ma humiex dawk fuq il-ħajja fid-dritt tal-Unjoni.
55. Għalhekk l-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 92/49/KEE jistabbilixxi regola fiskali prattikament identika għal dik fl-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja. L-unika differenza qiegħda fil-fatt li din id-direttiva l-oħra ma tużax il-kriterju tal-“Istat Membru ta’ l-impenn” imma l-“Istat Membru li fih jinstab ir-riskju kif definit fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357/KEE”.
56. L-Artikolu 2(d) jiddefinixxi l-Istat Membru fejn ir-riskju jinsab b’mod differenti skont it-tip ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni. Filwaqt li r-raba’ inċiż ta’ din id-dispożizzjoni fih definizzjoni, li tiġbor kollox, identika għad-definizzjoni tal-“Istat Membru ta’ l-impenn” li tidher fid-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja, it-tielet inċiż japplika, għall-kuntratti tal-assigurazzjoni tal-ivvjaġġar, il-kriterju tal-Istat Membru fejn il-persuna assigurata kkonkludiet il-kuntratt.
57. Iżda huwa impossibbli għalija li naqbel mal-konklużjoni tal-Gvern Belġjan li jgħid, minn dan il-paragun, li l-firma tal-kuntratt ma jista’ jkollha l-ebda effett fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja. Jekk huwa veru li jistgħu jiġu dedotti definizzjonijiet differenti li jidhru fit-tielet u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357/KEE li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma jfissirx il-post tal-konklużjoni tal-kuntratt meta jitkellem fuq l-“Istat Membru ta’ l-impenn”, din il-kawża ma tirrigwardax il-kwistjoni jekk huwa l-post tal-firma tal-kuntratt li huwa l-element deċiżiv għad-determinazzjoni tas-sistema fiskali applikabbli skont l-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja, imma li jkun magħruf jekk hijiex ir-residenza abitwali tal-persuna assigurata fil-mument tal- konklużjoni tal-kuntratt li huwa l-kriterju determinanti. Kif ir-residenza abitwali tal-persuna assigurata tikkoinċidi ġeneralment mad-domiċilju tagħha, huwa perfettament possibbli li l-Istat Membru fejn ġie ffirmat il-kuntratt ma jkunx l-istess bħall-Istat Membru li fih il-persuna assigurata għandha r-residenza tagħha abitwali f’dak il-mument.
58. Id-Direttiva 2009/138/KEE, li fil-ġejjieni ser tiġbor id-direttivi differenti dwar l-assigurazzjoni fid-dritt tal-Unjoni u li ġiet iċċitata minn ċerti partijiet fil-proċedura, lanqas hi ma fiha kjarifikazzjoni addizzjonali li tista’ tippermetti li tingħata risposta għad-domandi preliminari.
59. L-Artikolu 157 ta’ din id-direttiva juża l-kriterju tal-“Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju jew fl-Istat Membru ta’ l-impenn” għad-determinazzjoni tas-sistema fiskali applikabbli li, fi kwalunkwe każ, jippermetti l-konklużjoni li l-kunċett ta’ “Stat Membru ta’ l-impenn” li jidher fl-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja għandu, għal-leġiżlatur tal-Unjoni, jkun distint mill-Istat Membru fejn jinsab ir-riskju.
60. Madankollu huwa inkontestabbli li l-post fejn jinsab ir-riskju ma għandu l-ebda effett fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja. Fid-dawl tas-suġġett tal-kuntratt, dan il-post ta’ riskju għandu jiġi ddeterminat skont il-post fejn tirrisjedi l-persuna li l-ħajja tagħha hija assigurata u li ma hijiex neċessarjament il-persuna li tkun ikkonkludiet il-kuntratt ta’ assigurazzjoni. Dan il-post ma huwiex determinanti la għall-interpretazzjoni statika u lanqas għall-interpretazzjoni dinamika b’mod li d-distinzjoni bejn Stat Membru tal-impenn u Stat Membru fejn jinsab ir-riskju li jagħmel l-Artikolu 157 tad-Direttiva 2009/138/KEE huwa mingħajr rilevanza għall-finijiet tal-problema ta’ interpretazzjoni li għandna nsolvu.
3. Interpretazzjoni teleoloġika
61. Wara li ġie kkonstatat li, minn lat sistematiku, l-Artikolu 36 moqri flimkien mal-Anness III tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja jiffavorixxi interpretazzjoni statika tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva (8), issa ser neżamina l-għan ta’ din id-dispożizzjoni.
62. L-awtur tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja ddefinixxa dan il-għan fil-premessa 55 tagħha. Skont din tal-aħħar, l-Artikolu 50 tal-imsemmija direttiva għandu l-għan li jipprevjeni d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-assigurazzjoni. Dawn id-distorsjonijiet jistgħu jidhru minħabba d-differenzi li jeżistu fost l-Istati Membri fir-rigward ta’ taxxi indiretti fuq il-kuntratti ta’ assigurazzjoni. L-applikazzjoni uniformi tas-sistema fiskali fis-seħħ fl-Istati Membri “li fihom jidħlu għal impenji” għandha l-għan li tipprekludi dawn id-distorsjonijiet.
63. L-ewwel nett, din il-formulazzjoni ma tippermettix li tinsilet ebda konklużjoni dwar l-Istat Membru rilevanti, kif spjegajt diġà fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 50(3) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja (9) . Il-fatt li, kuntrarjament għal dik tal-Artikolu 50(3) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja, il-verżjoni Ingliża tal-premessa 55 hija fformulata b’mod differenti bażikament ma jdgħajjifx din l-evalwazzjoni (10) . Fil-fatt, anki meta l-kliem tal-premessa 55 jiġi interpretat fis-sens li huwa l-Istat Membru tal-firma tal-kuntratt li huwa determinanti biex tiġi indikata s-sistema fiskali applikabbli, din il-konklużjoni ma tiffavorixxi la l-interpretazzjoni statika tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja u lanqas l-interpretazzjoni dinamika tiegħu. Fil-fatt, kif spjegajt diġà (11), il-post tal-konklużjoni tal-kuntratt għandu jkun distint mill-post ta’ residenza abitwali tal-persuna assigurata f’dak il-mument.
64. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 50(1) ma għandhiex tkun ibbażata primarjament fuq il-kliem ta’ premessa, imma għandha ssib l-għan tagħha kif jidher mingħajr ambigwità minn din il-premessa (u sorsi oħrajn).
a) Prevenzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni
65. Mill-premessa 55 jidher mingħajr ambigwità li l-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja għandu l-għan li jipprevjeni d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-settur tal-assigurazzjoni.
66. Il-persuna taxxabbli spjegat f’dan ir-rigward li ma jkunx baqa’ sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni wara li l-persuna assigurata tkun ikkonkludiet kuntratt ta’ assigurazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi qabel ma tmur tistabbilixxi r-residenza tagħha fil-Belġju. Din hija r-raġuni għaliex interpretazzjoni statika tkun konsistenti mal-għan tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja.
67. Fil-fehma tiegħi, għalkemm dan jista’ jkun minnu għal kompetizzjoni meta jirrigwarda l-konklużjoni tal-kuntratt, iżda ma huwiex minnu għall-kompetizzjoni fejn hemm inkwistjoni l-bidla ta’ kumpannija f’kuntratt kurrenti. Fit-tieni każ, hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni jekk tkun biss ir-residenza abitwali tal-persuna assigurata li tkun deċiżiva. Wara l-bidla fir-residenza tagħha, iżżomm, pereżempju, il-privileġġ tal-eżenzjoni mit-tassazzjoni jekk, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, ikollha r-residenza abitwali tagħha fi Stat Membru li ma japplika l-ebda taxxa fuq il-kuntratti ta’ assigurazzjoni. Iżda, jekk l-Istat Membru tar-residenza l-ġdida jiġbor taxxa tal-assigurazzjoni, ikollha tħallasha jekk tikkonkudi kuntratt ġdid. Żvantaġġ bħal dan jista’ mill-bidu jiddiswadi lill-persuna assigurata milli tibdel il-kumpannija ta’ assigurazzjoni.
68. Madankollu, il-premessa 55 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja tenfasizza li l-Artikolu 50 għandu jipprevjeni d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fl-“istennija ta’ armonizzazzjoni sussegwenti”. Din ir-riżerva tidher li fiha rikonoxximent li t-tqassim attwali tal-kompetenzi fiskali ma jipprekludix għal kollox id-distorsjonijiet. Hija għalhekk koperta mill-iskop ta’ din id-dispożizzjoni interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja li ma teskludix id-distorsjonijiet kollha tal-kompetizzjoni.
69. Dan huwa kkonfermat ukoll mill-fatt li matul is-seduta, il-Kummissjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja indirizzatilha domanda bil-miktub, spjegat li sa fejn taf hi, l-ebda kwistjoni dwar il-mobbiltà tal-persuni assigurati u dwar l-effetti tagħha fuq is-sistemi fiskali applikabbli ma ġiet ittrattata fil-kuntest tal-bidu tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja u lanqas fil-kuntest ta’ dawk li ppreċedewha. Għalhekk, ma hemm xejn li jippermetti l-konklużjoni li meta adotta l-Artikolu 50 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jipprevjeni wkoll id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jista’ jkun hemm matul relazzjoni kuntrattwali.
70. Barra minn hekk, in-natura stess tar-riskju assigurat fil-qasam tal-assigurazzjoni tal-ħajja, fi kwalunkwe każ, tħalli spazju biss għal kompetizzjoni limitata bejn il-kuntratti kurrenti u l-kuntratti konklużi ġodda għand kumpannija ġdida billi kemm ir-riskju tas-sopravivenza lil hinn minn data stipulata u r-riskju tal-mewt jikbru iktar ma jgħaddi ż-żmien għall-persuna assigurata. Il-primjums tal-kuntratti ġodda ta’ assigurazzjoni tal-ħajja li jkunu ġew konklużi jkunu probabbilment, għal din ir-raġuni biss, strutturalment iktar għoljin mill-primjums tal-kuntratti eżistenti.
71. Għalhekk, l-iskop li jiġu pprevenuti distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jiffavorixxi interpretazzjoni dinamika tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja, imma mhux b’mod kategoriku.
b) Evitar tat-tassazzjoni doppja u n-nuqqas ta’ tassazzjoni
72. F’kawża li kienet tirrigwarda dispożizzjoni paragunabbli tad-Direttiva 88/357/KEE u tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tagħha, li diġà għamilt riferiment għalihom (12), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li kellha bħala għan mhux biss li jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, imma wkoll li jiġu preklużi t-tassazzjoni doppja u li ma jkunx hemm tassazzjoni. F’dan il-kuntest, hija tenfasizza l-importanza ta’ elementi oġġettivament verifikabbli (13) .
73. L-ewwel nett, miniex konvint f’dan il-kuntest mill-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-fatt li hemm riskju partikolari ta’ tassazzjoni doppja meta t-tassazzjoni tiddependi fuq ir-residenza abitwali tal-persuna assigurata fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt. Riskju bħal dak jeżisti biss meta diversi Stati Membri jinterpretaw id-dispożizzjoni b’mod differenti. Għalhekk, interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja jippermettu li tiġi evitata kemm it-tassazzjoni doppja kif ukoll li ma jkunx hemm tassazzjoni, irrispettivament mill-kriterju deċiżiv f’din l-interpretazzjoni.
74. Madankollu għandu jiġi kkonstatat li l-possibbiltà li wieħed ikollu elementi oġġettivament verifikabbli hija ggarantita aħjar għall-partijiet kollha jekk tiġi applikata l-interpretazzjoni statika. F’ipoteżi bħal din, ir-residenza abitwali tal-persuna assigurata ma għandhiex tiġi ddeterminata ħlief darba biss, jiġifieri fil-mument tal-firma tal-kuntratt. Dan jippermetti li jitnaqqsu sal-massimu s-sitwazzjonijiet fejn diversi Stati Membri ma jaqblux fuq il-punt fejn persuna determinata li qed tiġi assigurata għandha r-residenza abitwali tagħha matul sena partikolari, sitwazzjoni li fil-fatt twassal għal tassazzjoni doppja jew li ma jkunx hemm tassazzjoni.
75. L-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja għandu bħala għan li jipprevjeni t-tassazzjoni doppja jew in-nuqqas ta’ tassazzjoni, u dan l-għan jiffavorixxi interpretazzjoni statika.
c) Teħid inkunsiderazzjoni tal-libertajiet fundamentali
76. Interpretazzjoni teleoloġika għandha wkoll tikkunsidra l-libertajiet fundamentali, li fid-dawl tagħhom għandu jiġi interpretat id-dritt sekondarju (14) . L-Artikolu 50(1) li għandu jiġi interpretat, jagħmel parti mit-Titolu IV tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja u l-intestatura diġà tirreferi għall-għan li jiġu ggarantiti l-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
77. Hawnhekk mhux il-każ li l-libertajiet fundamentali jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk xi waħda minnhom attwalment inkisritx. Pjuttost wieħed għandu jfittex liema hija l-aħjar varjanti ta’ interpretazzjoni li tiggarantixxi l-aħjar l-osservanza tal-libertajiet fundamentali għall-każijiet kollha intiżi fl-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja.
78. Il-libertà ta’ stabbiliment tal-kumpannija ta’ assigurazzjoni ma tirrigwardax il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja. Dak li jinteressana, hija l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-moviment liberu tal-persuna assigurata, u l-effett li dawn għandhom fuq l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.
i) Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi
79. L-ewwel nett, għandu jiġi mistoqsi x’influwenza jista’ jkollha l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iggarantita mit-Trattat, fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja.
80. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma wkoll ikkunsidrati bħala restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens ta’ dan l-Artikolu l-miżuri kollha li jipprojbixxu, jimpedixxu jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà (15) . Billi hawnhekk ma hijiex kwistjoni li tiġi evalwata miżura nazzjonali imma li titqies il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ dritt sekondarju, għandu jinstab liema varjanti ta’ interpretazzjoni tillimita l-inqas il-libertà li jiġu pprovduti servizzi f’dan is-sens.
81. Il-persuna taxxabbli sostniet f’dan ir-rigward li interpretazzjoni dinamika tostakola l-libertà li jiġu pprovduti servizzi għaliex fil-każ li l-persuna assigurata tmur tgħix xi mkien ieħor, il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni Olandiżi jkollhom iġarrbu l-piż fiskali mingħajr il-possibbiltà li jirkupraw it-taxxa fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Jekk wieħed japplika din l-interpretazzjoni ma jkunx possibbli li din tgħaddi fuq il-persuna assigurata.
82. Iżda kontra dan l-argument jingħad li t-taxxa li tgħaddi fil-każ ta’ bdil ta’ residenza hija kwistjoni tal-istruttura tal-kuntratt. Meta fformulat il-kuntratti tagħha, il-persuna taxabbli ma jidhirx li bbażat ruħha fuq interpretazzjoni dinamika u għalhekk ma pprevedietx l-adattament tal-primjums fil-każ ta’ bdil ta’ residenza tal-persuna assigurata. Fil-każ ta’ interpretazzjoni dinamika, il-persuna taxxabbli tiġi kkonfrontata bi problema li ma tirriżultax minn din il-varjanti ta’ interpretazzjoni, imma biss mill-evalwazzjoni skorretta tas-sitwazzjoni legali fis-seħħ. Madankollu għandu jingħad li din il-problema tqum biss fil-każ ta’ interpretazzjoni dinamika.
83. Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni dinamika għandha, b’mod manifest, riperkussjonijiet negattivi fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi iktar importanti mill-interpretazzjoni statika.
84. Il-Gvern tal-Estonja ġustament indika d-diffikultajiet li ser ikunu kkonfrontati bihom il-kumpanniji tal-assigurazzjoni jekk l-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja jiġi interpretat b’mod dinamiku, u dan anki jekk jgħaddu t-taxxa fuq il-persuna assigurata, għaliex ikunu jridu, biex jonoraw l-obbligi fiskali tagħhom, jinformaw ruħhom il-ħin kollu fuq il-post ta’ residenza abitwali tal-persuna assigurata f’kull mument u, fuq kollox, fuq ir-regoli fiskali fis-seħħ f’dak il-post f’dak il-mument. Għalhekk il-kumpanniji jkunu obbligati li josservaw numru kbir ta’ regoli fiskali nazzjonali differenti għas-sempliċi raġuni li irrispettivament mir-rieda tagħhom, il-kuntratturi tagħhom jistabbilixxu ruħhom fi Stati Membri oħrajn.
85. Iżda, jekk tingħażel l-interpretazzjoni statika, ir-regoli fiskali ta’ Stat Membru ieħor ma jkollhomx għalfejn jiġu kkunsidrati ħlief meta l-kumpannija tal-assigurazzjoni tiddeċiedi deliberatament li tikkonkludi kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja ma’ persuna li għandha r-residenza abitwali tagħha fi Stat Membru ieħor, naturalment b’dawn ir-regoli fiskali jkunu applikabbli biss kemm idum fis-seħħ il-kuntratt.
86. Għalhekk, l-interpretazzjoni dinamika toħloq restrizzjoni iktar importanti fuq il-provvista ta’ servizzi transkonfinali ta’ kumpannija ta’ assigurazzjoni għaliex fil-każ li l-persuna assigurata tibdel ir-residenza tagħha hija tissuġġetta l-kuntratt għal sistema fiskali oħra.
87. Konsegwenza ġuridika bħal din tista’ tiddiswadi wkoll lill-kumpanniji tal-assigurazzjoni milli jkomplu s-servizzi tagħhom wara bdil transkonfinali ta’ residenza tal-persuna assigurata. Sabiex jevitaw l-ispejjeż li ġġib magħha l-osservanza tar-regoli fiskali ta’ Stat Membru ieħor fil-każ ta’ interpretazzjoni dinamika tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja, huma, fi kwalunkwe każ, jistgħu jitħajru li ma jikkonkludux kuntratti ħlief bil-kundizzjoni li l-persuna assigurata tgħix f’post determinat. Indipendentement mill-kwistjoni jekk dan l-aġir tal-kumpannija jkunx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, ma hemmx biża’ li hija tadotta attitudni bħal dik jekk tintuża l-interpretazzjoni statika.
88. Bħala konklużjoni, il-garanzija tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi pjuttost tiffavorixxi interpretazzjoni statika.
ii) Il-moviment liberu tal-persuna assigurata
89. Ċerti partijiet fil-proċedura jqisu li interpretazzjoni dinamika tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja toħloq restrizzjoni diretta fuq id-drittijiet differenti tal-libertà ta’ moviment li t-Trattat jiggarantixxi lill-persuna assigurata, iżda jiena m’iniex tal-istess fehma.
90. Għalkemm huwa veru li interpretazzjoni dinamika tista’, jekk il-kuntratt jipprevedih, twassal għall-persuna assigurata żieda fil-primjum għaliex it-taxxa tal-assigurazzjoni hija ogħla fl-Istat Membru ta’ residenza ġdid, madankollu, il-Qorti diġà tat sentenzi fis-sens li t-Trattat ma jiggarantixxix lil ċittadin tal-Unjoni li t-trasferiment tal-attivitajiet tiegħu fi Stat Membru ieħor differenti minn dak li fih kien jirrisjedi sa dakinhar ikun newtrali fir-rigward ta’ tassazzjoni (16) .
91. Madankollu interpretazzjoni dinamika tista’ tostakola indirettament id-drittijiet tal-moviment liberu tal-persuna assigurata fl-ipoteżi, deskritta iktar ’il fuq (17), fejn il-kumpannija tal-assigurazzjoni tagħha rrifjutat li tkompli r-relazzjonijiet kuntrattwali fil-każ ta’ bdil transkonfinali tar-residenza. Billi ma hemmx raġuni li dak li jkun jibża’ minn tali konsegwenzi negattivi għall-persuna assigurata jekk tiġi adottata interpretazzjoni statika, anki l-garanzija tal-libertà ta’ moviment tal-persuna assigurata pjuttost tiffavorixxi din il-varjanti ta’ interpretazzjoni.
d) Tqassim ibbilanċjat tal-kompetenzi fiskali
92. Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li sostna l-Gvern Awstrijak ma huwiex għan li għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja li jiġi żgurat tqassim bilanċjat tal-kompetenzi fiskali bejn l-Istati Membri. Il-kwistjoni jekk tqassim determinat tal-kompetenzi fiskali bejn l-Istati Membri għandux jiġi kkunsidrat bħala bbilanċjat skont interpretazzjoni statika jew pjuttost skont interpretazzjoni dinamika, għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi tal-għan tal-ġbir ta’ taxxa tal-assigurazzjoni. Dan l-għan jista’ jissuġġerixxi f’liema Stat Membru għandha tmur it-taxxa, speċjalment meta jista’ jiġi stabbilit liema waħda miż-żewġ partijiet ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja għandha tħallas din it-taxxa.
93. Madankollu, l-għan tal-ġbir ta’ taxxa tal-assigurazzjoni ma għandu l-ebda importanza għat-tqassim tal-kompetenzi fiskali bejn l-Istati Membri skont l-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja. Mil-lat tad-dritt tal-Unjoni prattikament ma huwiex importanti li jkun magħruf min irid iħallas it-taxxa tal-assigurazzjoni. Minn naħa, dan jirriżulta mill-fatt li d-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja hija bbażata fuq l-Artikolu 47(2) u fuq l-Artikolu 55 KE li jirrigwardaw biss it-twettiq tal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Min-naħa l-oħra, mill-premessa 55 ta’ din id-direttiva jirriżulta li r-regola li hemm fl-Artikolu 50(1) tagħha għandha biss l-għan li tipprevjeni d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.
94. Għalhekk id-dritt tal-Unjoni ma jirregolax il-possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw it-taxxi nazzjonali tal-assigurazzjoni ħlief u mil-lat biss tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jistgħu jfixklu s-suq intern. Fi kliem ieħor, id-dritt tal-Unjoni ma għandux l-iskop li joħloq taxxa fuq l-assigurazzjoni u lanqas li jimponiha fuq parti kontraenti partikolari. L-eżistenza ta’ taxxi nazzjonali fuq l-assigurazzjoni hija kkunsidrata bħala fatt sempliċi. Il-ġbir tagħhom, u għalhekk l-iskop tagħhom, jirrigwardaw esklużivament il-kompetenza tal-Istati Membri, kif jipprovdu fuq kollox mingħajr ambigwità l-Artikolu 135(1)(a) u l-Artikolu 401 tad-Direttiva 2006/112/KE (18) .
e) Riżultat ta’ interpretazzjoni teleoloġika
95. Għaldaqstant, l-analiżi tal-għan tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja twassal għall-konklużjoni li kemm l-għan tal-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja u nuqqas ta’ tassazzjonijiet kif ukoll il-garanzija tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tad-drittijiet tal-moviment liberu tal-persuna assigurata, jiffavorixxu interpretazzjoni statika. Fil-każ ta’ assigurazzjonijiet fuq il-ħajja, huwa ta’ inqas importanza l-fatt li interpretazzjoni dinamika tkun tista’, jekk ikun il-każ, tipprevjeni iktar id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni milli l-interpretazzjoni statika.
V – Konklużjoni
96. Billi kemm il-kuntest kif ukoll l-għan tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja kkunsidrati fir-rigward tal-libertajiet fundamentali jiffavorixxu interpretazzjoni statika, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej id-domandi preliminari tat-Tribunal de première instance de Bruxelles:
L-Artikolu 50(1) tad-Direttiva fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward ta’ persuni fiżiċi, l-“Istat Membru ta’ l-impenn” għandu jiġi ddeterminat fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni. Għalhekk jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, skont din, it-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni tal-ħajja jiġu suġġetti għal taxxa annwali meta l-persuna assigurata jkollha r-residenza abitwali tagħha f’dan l-Istat Membru matul is-sena fiskali relattiva, indipendentement mir-residenza li kellha fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt.
(1) .
(2) – Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Novembru 2002, li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 3).
(3) – Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja u temenda d-Direttivi 73/239/KEE u 88/357/KEE (it-tielet Direttiva dwar “assigurazzjoni mhux tal-ħajja”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 346).
(4) – L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill, tal-24 ta’ Lulju 1973, dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-bidu u t-twettiq tan-negozju tal-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 14).
(5) – It-Tieni Direttiva tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1988, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta ta’ xort’oħra minn assigurazzjoni tal-ħajja u li jistipulaw id-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li temenda d-Direttiva 73/239/KEE (88/357/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 198).
(6) – Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, p. 1); ara l-premessa 1 ta’ din id-direttiva kif ukoll l-Artikolu 310(1) tagħha.
(7) – “[…] each Member State shall apply to those assurance undertakings which cover commitments situated within its territory […]”.
(8) – Ara l-punti 46 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
(9) – Ara l-punti 38 et seq ta’ dawn il-konklużjonjiet.
(10) – “[…] application of the tax […] provided for by the Member States in which commitments entered into […]”.
(11) – Ara l-punti 57 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
(12) – Ara l-punti 55 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
(13) – Ara s-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2001, Kvaerner (C-191/99, Ġabra 2001, p. I-4447, punt 51).
(14) – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 1981, Broekmeulen (246/80, Ġabra p. 2311, punt 20), tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C-101/01, Ġabra p. I-12971, punt 87) u tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C-305/05, Ġabra p. I-5305, punt 28), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber li ppreżenta fid-9 ta’ Lulju 2002 fil-Kawża C-435/00, Geha Naftiliaki et (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2002, Ġabra p. I-10615, punt 40).
(15) – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Waypoint Aviation (C-9/11, Ġabra p. I-9697, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
(16) – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Weigel (C-387/01, Ġabra p. I-4981, punt 55); tat-12 ta’ Lulju 2005, Schempp (C-403/03, Ġabra p. I-6421, punt 45) u tas-26 ta’ April 2007, Alevizos (C-392/05, Ġabra p. I-3505, punt 76).
(17) – Ara l-punt 87 iktar ’il fuq.
(18) – Direttiva tal-Kunsill, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).