EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CC0215

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentata fit-28 ta’ Ġunju 2012.
Iwona Szyrocka vs SiGer Technologie GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy we Wrocławiu.
Regolament (KE) Nru 1896/2006 — Proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea — Applikazzjoni għal ordni li ma tissodisfax ir-rekwiżiti formali previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali — Natura eżawrjenti tal-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa l-applikazzjoni — Possibbiltà li jintalbu l-interessi li ddekorrew sad-data tal-ħlas tal-ammont prinċipali dovut.
Kawża C‑215/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:400

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fit-28 ta’ Ġunju 2012 ( 1 )

Kawża C-215/11

Iwona Szyrocka

vs

SiGer Technologie GmbH

[Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Okręgowy we Wrocławiu (Il-Qorti Distrettwali ta’ Wrocław)]

“Proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea — Regolament Nru 1896/2006 — Rekwiżiti formali tal-applikazzjoni — Perijodu ta’ żmien li għalih jistgħu jintalbu interessi fuq it-talba — Perijodu sad-data tal-ħlas”

I – Introduzzjoni

1.

Fil-kawża preżenti is-Sąd Okręgowy we Wrocławiu ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolament” ( 2 )).

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt Komunitarju

2.

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1896/2006 jipprovdi:

“1.   L-għan ta’ dan ir-Regolament hu:

(a)

li jissimplifika, iħaffef u jnaqqas l-ispejjeż ta’ litigazzjoni f’każijiet transkonfinali fir-rigward ta’ talbiet mhux kontestati ta’ flus permezz tal-ħolqien ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea;

u

(b)

li jippermetti ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ ordnijiet ta’ ħlas Ewropej fl-Istati Membri kollha billi jistabbilixxi standards minimi li permezz ta’ l-osservanza tagħhom ma jkunu meħtieġa l-ebda proċedimenti intermedjarji fl-Istat Membru ta’ infurzar għar-rikonoxximent u l-infurzar tagħhom.

2.   Dan ir-Regolament m’għandux iżomm pretendent milli jsegwi talba fis-sens ta’ l-Artikolu 4 billi jagħmel użu minn proċedura oħra disponibbli taħt il-liġi ta’ Stat Membru jew taħt il-liġi Komunitarja.”

3.

L-Artikolu 4 tar-Regolament jipprovdi:

“Il-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tiġi stabbilita għall-ġbir ta’ talbiet ta’ flus ta’ ammont speċifiku li jridu jitħallsu fil-waqt meta tiġi sottomessa l-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea.”

4.

L-Artikolu 7 tar-Regolament jiddisponi:

“1.   Applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea għandha ssir billi tintuża l-formola standard A, kif stabbilit fl-Anness 1.

2.   L-applikazzjoni għandha tiddikjara:

[…]

(b)

l-ammont tat-talba, inkluż it-talba prinċipali u, fejn applikabbli, l-imgħax u l-penali kuntrattwali u l-ispejjeż;

(ċ)

jekk jintalab l-imgħax fuq it-talba, ir-rata ta’ l-imgħax u l-perijodu ta’ żmien li għalih jintalab l-imgħax sakemm ma jiġix magħqud b’mod awtomatiku mal-prinċipali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini;

(d)

il-kawża ta’ l-azzjoni, inkluż deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi invokati bħala l-bażi tat-talba u, fejn applikabbli, ta’ l-imgħax mitlub;

(e)

deskrizzjoni ta’ evidenza li tappoġġa t-talba;

[…]

3.   Fl-applikazzjoni, il-pretendent għandu jiddikjara li l-informazzjoni pprovduta hi vera skond l-għarfien u t-twemmin tiegħu u għandu jirrikonoxxi li kwalunkwe dikjarazzjoni deliberatament falza tista’ twassal għal penali xierqa taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini.

[…]”

5.

L-Artikolu 8 tar-Regolament jipprovdi:

“Il-qorti li tkun ħadet applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea għandha teżamina, malajr kemm jista’ jkun u abbażi tal-formola ta’ applikazzjoni, jekk ir-rekwiżiti mniżżla fl-Artikoli 2, 3, 4, 6 u 7 intlaħqux u jekk it-talba tidhirx li għandha bażi u hi ammissibbli. Dan l-eżami jista’ jsir permezz ta’ proċedura awtomatizzata.”

6.

L-Artikolu 9 tar-Regolament jipprovdi:

“1.   Jekk ir-rekwiżiti mniżżla fl-Artikolu 7 ma jintlaħqux u sakemm it-talba ma tkunx kjarament bla bażi jew l-applikazzjoni kjarament inammissibbli, il-qorti għandha tagħti lill-pretendent l-opportunità biex ilesti jew jirrettifika l-applikazzjoni. Il-qorti għandha tuża l-formola standard B kif stabbilit fl-Anness II.

2.   Fejn il-qorti titlob lill-pretendent jikkompleta jew jirrettifika l-applikazzjoni, hi għandha tispeċifika limitu ta’ żmien li tħoss li hu xieraq fiċ-ċirkostanzi. Il-qorti tista’ fid-diskrezzjoni tagħha testendi dak il-limitu ta’ żmien.”

7.

L-Artikolu 12 tar-Regolament jistabbilixxi:

“1.   Jekk ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 8 jintlaħqu, il-qorti għandha toħroġ, malajr kemm jista’ jkun, […], ordni ta’ ħlas Ewropea billi tuża l-formula standard E kif stabbilit fl-Anness V.

[…]

3.   Fl-ordni ta’ ħlas Ewropea, il-konvenut għandu jiġi infurmat bl-għażliet li jkollu biex:

(a)

iħallas l-ammont indikat fl-ordni lill-pretendent;

jew

(b)

jopponi l-ordni billi jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni fil-qorti ta’ oriġini […].

4.   Fl-ordni ta’ ħlas Ewropea, il-konvenut għandu jiġi infurmat li:

(a)

l-ordni nħarġet biss abbażi ta’ l-informazzjoni li ġiet provduta mill-konvenut u ma kinitx verifikata mill-qorti;

(b)

l-ordni ser issir esegwibbli sakemm ma tiġix ippreżentata dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni fil-qorti b’mod konformi ma’ l-Artikolu 16;

(ċ)

fejn tiġi ppreżentata dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni, il-proċedimenti għandhom ikomplu quddiem il-qrati kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini b’mod konformi mar-regoli ta’ proċedura ċivili ordinarja sakemm il-konvenut ma jkunx talab b’mod espliċitu biex jitwaqqfu l-proċedimenti f’dak il-każ.

[…]”

8.

L-Artikolu 16(3) tar-Regolament jipprovdi:

“Il-konvenut għandu jindika fid-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni li hu qed jikkontesta t-talba, mingħajr m’għandu għalfejn jispeċifika r-raġunijiet għal dan.”

9.

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(1), tar-Regolament:

“Jekk dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni tiddaħħal fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2), il-proċedimenti għandhom ikomplu qabel il-qrati kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini b’mod konformi mar-regoli ta’ proċedura ċivili ordinarja sakemm il-pretendent ma jkunx talab b’mod espliċitu biex f’dak il-każ jintemmu l-proċedimenti.”

10.

L-Artikolu 25 tar-Regolament jipprovdi:

“1.   Il-miżati kombinati tal-qorti ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea u tal-proċedimenti ordinarji ċivili li jsegwu f’każ ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea fi Stat Membru m’għandhomx jaqbżu l-miżati tal-qorti ta’ proċedimenti ċivili ordinarji mingħajr proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea preċedenti f’dak l-Istat Membru.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-miżati tal-qorti għandhom jinkludu miżati u spejjeż li għandhom jitħallsu lill-qorti, li l-ammont tagħhom huwa ffissat skond il-liġi nazzjonali.”

11.

L-Artikolu 26 tar-Regolament, intitolat “Relazzjoni mal-liġi proċedurali nazzjonali”, jipprovdi:

“Il-kwistjonijiet proċedurali kollha li ma ġewx ittrattati b’mod speċifiku f’dan ir-Regolament għandhom jiġu rregolati mil-liġi nazzjonali.”

B – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12.

Fid-digriet tar-rinviju tagħha is-Sąd Okręgowy di Wrocław elenkat għadd ta’ dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Pollakk (aktar ’il quddiem il-“K.P.Ċ.”) li jistgħu jkunu rilevanti għal din il-kwistjoni, fosthom l-Artikoli 126, 128 u 187(1), li jistabbilixxu x’għandhom ikun fihom l-atti proċesswali u t-talbiet ġudizzjarji u jindikaw liema atti għandhom jiġu ppreżentati għan-notifika tagħhom lill-parti l-oħra, kif ukoll l-Artikolu 130(1), u l-punt 1 tal-Artikolu 394(1), li jirregolaw il-proċedura li għandha tiġi segwita f’każ li t-talba jkun fiha difetti formali u l-mod kif isir l-appell mid-deċiżjonijiet tal-qorti kompetenti.

13.

Barra minn hekk, il-qorti nazzjonali semmiet ukoll l-Artikolu 481(1) tal-Kodiċi Ċivili Pollakk, li abbażi tiegħu jekk id-debitur ikun tard fil-ħlas, il-kreditur jista’ jippretendi l-ħlas tal-interessi moratorji, anki jekk ma jkunx ġarrab danni u d-dewmien ikun ikkawżat minħabba ċirkustanzi mhux imputabbli lid-debitur ( 3 ), u l-Artikolu 190 tal-K.P.Ċ. li jippermetti li wieħed iressaq azzjoni fil-qorti għall-prestazzjonijiet futuri li jirrepetu ruħhom jekk ir-relazzjoni legali li torbot il-partijiet ma teskludix dan.

III – Il-fatti tal-kawża u d-domandi preliminari

14.

Iwona Szyrocka, reżidenti fil-Polonja, fit-23 ta’ Frar 2011 ippreżentat quddiem is-Sąd Okręgowy ta’ Wrocław talba għal ordni ta’ ħlas Ewropea kontra SiGer Technologie GmbH, li għandha s-sede tagħha f’Tangermünde (il-Ġermanja).

15.

Fl-ambitu ta’ dawn il-proċedimenti saru d-domandi preliminari li ġejjin:

l-istħarriġ li jsir qabel il-ħruġ tal-ordni ta’ ħlas skont l-Artikolu 8 tar-Regolament jinkludi wkoll evalwazzjoni ta’ jekk ġewx sodisfatti r-rekwiżiti formali previsti mil-liġi nazzjonali tal-Istat fejn tiġi ppreżentata t-talba jew dawk biss li huma elenkati fir-regolament inkwistjoni ( 4 )?

it-talba għall-interessi moratorji għandha tkun eżiġibbli diġà mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea?

il-pretendent għandu, ta’ kull darba, jindika fit-talba tiegħu l-entità tal-interessi u jista’ jitlob l-hekk imsejħa interessi miftuħa, ċjoè dawk l-interessi kkalkolati sal-mument li fih isir il-ħlas tad-dejn ta’ flus li huwa s-suġġett tat-talba?

taħt liema termini l-qorti għandha tordna l-ħlas ta’ tali interessi, fid-dawl tal-kontenut tal-formula standard (E) rigward l-ordni ta’ ħlas Ewropea (Anness V tar-Regolament)?

16.

Il-qorti tar-rinviju, wara li kkonstatat li teżisti problema ta’ interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1896/2006, għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja t-tmien domandi għal deċiżjoni preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, għandux jiġi interpretat fis-sens li:

a)

jirregola b’mod eżawrjenti l-kundizzjonijiet kollha li għandhom jiġu sodisfatti minn applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea, jew

b)

dan l-artikolu jistabbilixxi biss ir-rekwiżiti minimi ta’ din l-applikazzjoni, u għaldaqstant hija meħtieġa l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt nazzjonali li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet formali mhux stabbiliti minn din id-dispożizzjoni?

2)

Fil-każ li d-domanda 1(b) titwieġeb fl-affermattiv, jekk l-applikazzjoni ma tissodisfax il-kundizzjonijiet formali previsti mid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat (pereżempju n-nuqqas ta’ kopja tal-applikazzjoni għall-parti l-oħra jew in-nuqqas ta’ indikazzjoni tal-valur tas-suġġett tal-kawża), għandu l-pretendent jintalab jikkompleta l-applikazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, inkonformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1896/2006 jew mal-Artikolu 9 tal-istess regolament?

3)

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1896/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-karatteristiċi tat-talbiet ta’ flus li huma msemmija f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-likwidità u l-eżiġibbiltà tat-talba fil-mument meta tiġi sottomessa l-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea, jikkonċernaw biss l-ammont prinċipali tal-imsemmija talba jew jikkonċernaw ukoll l-interessi moratorji?

4)

Interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 7(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1896/2006 timplika li meta d-dritt tal-Istat Membru kkonċernat ma jipprevedix żieda awtomatika ta’ interessi, l-ammonti li ġejjin, flimkien [mat]-talba prinċipali, jistgħu jintalbu bħala parti minn ordni ta’ ħlas Ewropea:

a)

l-interessi kollha, inklużi l-interessi msejħa “miftuħa” (ikkalkolati mill-jum li jsiru dovuti kif indikat minn data speċifika sal-jum tal-ħlas li d-data tiegħu ma tkunx iddeterminata, pereżempju, “mill-20 ta’ Marzu 2011 sal-jum tal-ħlas”);

b)

dawk l-interessi biss li jkunu dovuti mill-jum li fih isiru dovuti indikat minn data speċifika sal-jum tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni jew sakemm tinħareġ l-ordni għall-ħlas;

c)

esklussivament dawk l-interessi li jkunu dovuti mill-jum li fih isiru dovuti indikat minn data speċifika sal-jum tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni?

5)

Jekk ir-risposta għad-domanda 4(a) hija fl-affermattiv, kif għandha tiġi fformulata d-deċiżjoni tal-qorti dwar l-interessi fl-ordni ta’ ħlas, skont ir-Regolament Nru 1896/2006?

6)

Jekk ir-risposta għad-domanda 4(b) hija fl-affermattiv, min għandu jindika l-ammont tal-interessi: il-parti kkonċernata jew il-qorti ex officio?

7)

Jekk ir-risposta għad-domanda 4(c) hija fl-affermattiv, għandha l-parti kkonċernata tiddikjara fl-applikazzjoni l-ammont ta’ interessi kkalkolati?

8)

Jekk il-pretendent ma jikkalkolax l-ammont ta’ interessi dovuti sal-jum tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, il-qorti għandha tikkalkola dan l-ammont ex officio jew għandha tistieden lill-parti kkonċernata biex tikkompleta l-informazzjoni li tkun nieqsa fl-applikazzjoni, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1896/2006?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17.

Il-Kummissjoni u l-Gvernijiet tal-Awstrija, tal-Portugall, tar-Renju Unit, tal-Finlandja u tal-Polonja ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

18.

Waqt is-seduta tat-18 ta’ April 2012 intervjenew il-Kummissjoni u l-Gvernijiet tal-Finlandja u tal-Polonja.

V – Fuq l-ewwel domanda preliminari

19.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkjarifika jekk l-uniċi rekwiżiti formali li l-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tosserva humiex dawk indikati mill-Artikolu 7 tar-Regolament jew, inkella għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll ir-rekwiżiti l-oħra imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

20.

Mill-evalwazzjoni tat-test tar-Regolament jirriżulta li l-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex tinkiseb l-ordni ta’ ħlas Ewropea hija awtonoma mill-proċeduri nazzjonali analogi eventwali.

21.

Fl-ewwel lok, dan wieħed jiddeduċih mill-fatt li l-użu tal-proċedura Ewropea huwa, skont l-Artikolu 1 u l-premessa 10 tar-Regolament, mezz supplimentari u fakultattiv għall-pretendent, li la jissostitwixxi u lanqas jarmonizza l-mekkaniżmi għall-irkupru ta’ talbiet mhux ikkontestati previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda jingħaqad magħhom bħala strument ulterjuri ta’ ħarsien tad-drittijiet tiegħu.

22.

Għall-pretendent għalhekk mhuwiex eskluż li jikseb ordni ta’ ħlas billi juża kull proċediment ieħor disponibbli skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru jew dik Komunitarja.

23.

Fit-tieni lok, il-kunsiderazzjoni fil-punt 20 hija msaħħa mill-premessa 16, li abbażi tagħha l-qorti toħroġ l-ordni ta’ ħlas billi tagħmel użu biss mill-informazzjoni inkluża fil-formola annessa mar-regolament inkwistjoni li timtela billi jissemew l-elementi indikati fl-Artikolu 7, mingħajr ma l-leġiżlazzjoni Ewropea tipprevedi l-possibbiltà li l-kontenut jiġi integrat billi wieħed jirrikori għal sorsi esterni.

24.

L-użu ta’ formoli standard għall-amministrazzjoni tad-diversi fażijiet tal-proċedura huwa previst fil-premessa 11 sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-proċedura nnifisha, u b’hekk jitnaqqsu l-ispejjeż u l-ħin u l-amministrazzjoni tagħha ssir waħda uniformi.

25.

B’dan il-mod issir iktar evidenti l-awtonomija tal-proċedura Ewropea minn dik nazzjonali, billi l-użu ta’ dawn il-formoli jagħmilha possibbli li jingħelbu l-formalitajiet u d-differenzi konsegwenti li joriġinaw mil-liġijiet nazzjonali, kif ukoll li jinħoloq strument proċedurali li bħala prinċipju jkun identiku fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, distint minn dawk li huma simili u li huma fis-seħħ fl-Istati Membri.

26.

Fl-aħħar lok, l-Artikolu 26 tar-Regolament jikkonferma iktar u iktar l-awtonomija tal-proċedura Ewropea minn dik nazzjonali, minħabba li jipprovdi li d-dritt nazzjonali jiġi applikat biss għall-kwistjonijiet proċedurali li ma jkunux ittrattati speċifikament mill-istess regolament.

27.

Fil-fatt, meta l-leġiżlatur ikkunsidra li għandu, fir-rigward ta’ ċerti aspetti proċedurali, jissupplimenta r-regoli nazzjonali permezz tar-Regolament, dan għamlu billi rrefera espressament għalih ( 5 ).

28.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26 u r-riferimenti msemmija fil-punt 27 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ma jispjegawx irwieħom jekk verament kien mixtieq li r-regoli tar-Regolament jiġu integrati, anki fir-rigward tal-kwistjonijiet irregolati minnu, mar-regoli tal-Istati individwali, peress li f’dak il-każ la kien ikun neċessarju li jiġi speċifikat li l-liġi nazzjonali setgħet issib spazju biss fir-rigward ta’ kwistjonijiet proċedurali li ma humiex ikkunsidrati mill-istess regolament, u lanqas tiġi indikata l-eventwalità fejn, minflok, jiġi applikat id-dritt tal-Istati Membri.

29.

L-awtonomija tal-proċedura Komunitarja minn dik nazzjonali, tirriżulta anki jekk wieħed jikkunsidra l-iskop li għalih ġie adottat ir-Regolament, kif wieħed jista’ jiddeduċi mill-artikoli u mill-premessi tiegħu stess.

30.

Fil-fatt, l-Artikolu 1(1) li jindika espliċitament l-għan tar-Regolament, jiċċara li dan għandu l-ħsieb ( 6 ), bil-ħolqien tal-proċedura ta’ ordni inkwistjoni, li jissimplifika, iħaffef u jnaqqas l-ispejjeż tal-proċedimenti għal tilwim transkonfinali dwar talbiet ta’ flus mhux ikkontestati ( 7 ), kif ukoll sabiex tiġi żgurata ċ-ċirkolazzjoni libera fl-Istati Membri tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, b’mod li jiġu ddefiniti regoli minimi li l-osservanza tagħhom tirrendi superfluwi, fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, proċedimenti intermedji għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ( 8 ).

31.

Il-premessa 29 tar-Regolament tippreċiża wkoll li dan għandu l-għan li joħloq, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, mekkaniżmu uniformi, rapidu u effikaċi għall-irkuprar tal-imsemmija talbiet inkwantu, skont il-premessi 6 u 8, l-ostakli għall-aċċess għal ġustizzja effikaċi f’każijiet ta’ natura transkonfinali u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern minħabba l-iskwilibriju tat-tħaddim tal-mezzi proċedurali għad-dispożizzjoni tal-kredituri fid-diversi Stati Membri ħolqu l-bżonn ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja li tiggarantixxi kundizzjonijiet ugwali għall-kredituri u għad-debituri fl-Unjoni Ewropea kollha ( 9 ), peress li l-ħlasijiet tardivi jheddu s-sopravvivenza tal-impriżi u huma l-kawża għat-telfien ta’ ħafna postijiet tax-xogħol.

32.

Għalhekk ġie introdott sett wieħed ta’ regoli proċedurali minimi komuni sabiex tinkiseb l-ordni ta’ ħlas Ewropea li, però, tista’ sservi sabiex jintlaħaq l-iskop imsemmi fil-punti 30 u 31 f’każ biss li tiġi ggarantita l-awtonomija meta mqabbla ma’ regoli simili diġà previsti mill-Istati Membri.

33.

Fil-fatt, li kieku r-regoli inkwistjoni setgħu jiġu integrati fil-liġijiet nazzjonali, kien jiġi kompromess l-għan tar-Regolament, peress li b’dan il-mod, wieħed ma jasalx għar-riżultat li jiġu unifikati u ssimplifikati l-proċeduri, iżda jinħolqu proċeduri differenti għal kull ordinament ġuridiku tal-Istati Membri li barra minn hekk huma magħmula minn regoli imposti kemm minn dawn tal-aħħar kif ukoll mid-dritt tal-Unjoni.

34.

Barra minn hekk, huwa evidenti li l-aċċess ugwali għall-proċedura inkwistjoni għal kull kreditur u debitur fl-Unjoni jista’ jintlaħaq biss jekk jiġi ggarantit l-għarfien minn qabel bħala prinċipju ta’ liema regoli għandhom jiġu segwiti, mingħajr ma jkun meħtieġ li wieħed ikollu dejjem jivverifika fil-konkret, fil-mument tad-deċiżjoni li jintalab il-ħruġ tal-ordni, liema regola nazzjonali hija applikabbli mill-qorti adita.

35.

Dan l-għarfien minn qabel jista’ jintlaħaq biss jekk il-proċedura li għandha tiġi osservata, apparti li tkun kemm jista’ jkun issemplifikata, tkun mill-bidu waħda unika fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea (ħlief fil-każ tar-riferimenti għad-dispożizzjonijiet nazzjonali preżenti).

36.

Għalhekk, fid-dawl tal-formulazzjoni u tal-għan tar-regolamentazzjoni inkwistjoni, għandha tiġi aċċettata interpretazzjoni għar-Regolament li tissalvagwarda l-awtonomija tal-proċedura stabbilita minnu meta mqabbla ma’ dawk li huma fis-seħħ fl-Istati Membri individwali.

37.

B’mod partikolari, għandu jitqies li r-rekwiżiti proċedurali għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas huma biss dawk li jinsabu fl-Artikolu 7 tar-Regolament u li meta dawn jirriżultaw, għandha tinħareġ l-ordni, mingħajr l-intervent tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, peress li din l-ordni, bħala provvediment Ewropew u mhux statali ( 10 ), timxi flimkien mal-proċedimenti nazzjonali għall-irkupru ta’ flus mingħajr ma toħdilhom posthom.

38.

B’riferiment għall-każ inkwistjoni, jien tal-fehma li l-ħruġ tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, ladarba jiġu osservati l-kundizzjonijiet formali indikati mill-Artikolu 7, ma tistax tiġi rrifjutata sempliċement għax ma jkunux ġew osservati r-rekwiżiti l-oħra imposti mid-dritt nazzjonali meta jiġu rregolati proċeduri simili li ssemmew waqt is-seduta, bħal dawk li jikkonċernaw in-numru ta’ kopji tal-applikazzjoni ppreżentati u l-indikazzjoni fil-munita nazzjonali tal-valur tal-kontroversja.

39.

Fuq kollox fil-fehma tiegħi nenfasizza li kwistjonijiet dwar l-ispejjeż tal-kawża, imfakkra mill-Gvern Pollakk waqt is-seduta u fin-nota tal-osservazzjonijiet tiegħu, ma jistgħux jipprekludu l-ħruġ tal-ordni mitluba, fejn madankollu, l-ammont ta’ dawn l-ispejjeż għandu jiġi stabbilit skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mal-Artikolu 25 tar-Regolament.

40.

Għalhekk, sabiex nikkonkludi dwar l-ewwel domanda preliminari, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb billi tiddikjara li l-Artikolu 7 tar-Regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li, ħlief għall-punti li dwarhom isir riferiment speċifiku għad-dritt tal-Istati Membri, jirregola b’mod eżawrjenti r-rekwiżiti li għandhom jiġu osservati fl-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea.

41.

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda preliminari, ma huwiex meħtieġ li tiġi eżaminata t-tieni domanda preliminari.

VI – Fuq it-tielet u r-raba’ domandi preliminari

42.

Permezz tat-tielet domanda preliminari s-Sąd Okręgowy we Wrocławiu talbet jekk l-Artikolu 4 tar-Regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li l-karatteristiċi tat-talba pekunjarja li huma elenkati f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-“ammont speċifiku” u l-eżiġibbiltà tat-talba fil-mument meta tiġi sottomessa l-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea, jikkonċernaw biss l-ammont prinċipali tal-imsemmija talba jew jekk jikkonċernaw ukoll l-interessi moratorji.

43.

Permezz tar-raba’ domanda preliminari s-Sąd Okręgowy we Wrocławiu għamlet serje ta’ domandi dwar l-interessi li jistgħu jintalbu meta wieħed jagħmel użu mill-proċedura inkwistjoni.

44.

B’mod partikolari, staqsiet jekk, skont l-Artikolu 7(2)(ċ), huwiex possibbli li jinkisbu, minbarra t-talba prinċipali:

a)

l-interessi kollha, inklużi l-interessi msejħa “miftuħa” ikkalkolati mill-jum li jsiru dovuti kif indikat minn data speċifika sal-jum tal-ħlas li d-data tiegħu ma tkunx iddeterminata;

b)

jew dawk l-interessi biss li jkunu dovuti mill-jum li fih isiru dovuti, indikat minn data speċifika, sal-jum tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni jew sakemm tinħareġ l-ordni għall-ħlas;

c)

dawk l-interessi biss li jkunu dovuti mill-jum li fih isiru dovuti, indikat minn data speċifika, sal-jum tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni.

45.

Jien insostni li dawn iż-żewġ domandi għandhom jiġu kkunsidrati flimkien, peress li fil-fehma tiegħi l-qorti nazzjonali riedet sostanzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet totali tar-Regolament, b’mod partikolari l-Artikoli 4 u 7(2)(ċ), huwiex possibbli jew le li jintalab il-ħlas ta’ kull tip ta’ interessi, inklużi dawk imsejħa miftuħa, jiġifieri l-interessi kkalkolati mill-jum li jsiru dovuti sal-jum tal-ħlas (f’dan il-każ, interessi moratorji).

46.

Qabel kollox, inqis li wieħed ma jistax jaqbel mar-raġunament tal-qorti inkwistjoni fis-sens li din tislet diversi konklużjonijiet dwar il-possibbiltà li jintalbu l-interessi msejħa miftuħa skont jekk l-Artikolu 4 tar-regolament inkwistjoni jiġix interpretat jew le b’mod li jkun iwassal għall-karatteristiċi tat-talbiet ta’ flus hemmhekk elenkati, jiġifieri l-“ammont speċifiku” u l-eżiġibbiltà tat-talba għall-flus fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea, esklużivament għat-talba prinċipali jew anki għall-ħlas ta’ interessi moratorji ( 11 ).

47.

Dan peress li, fl-ewwel lok, b’dan il-mod wieħed jonqos milli jinterpreta l-imsemmi Artikolu 4 fid-dawl tal-artikoli l-oħra tar-regolament li jikkonċernaw il-kwistjoni tal-interessi.

48.

Fil-fatt, l-Artikolu 4 tar-Regolament jistabbilixxi li l-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea inħolqot għall-irkupru ta’ talbiet ta’ flus f’ammont speċifiku li jkunu dovuti fid-data tal-applikazzjoni u, tagħmel riferiment b’mod ġeneriku u b’formulazzjoni partikolarment wiesgħa għat-terminu talba, mingħajr ma tiddistingwi espressament bejn talba prinċipali u interessi.

49.

Madankollu flimkien ma din id-dispożizzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-Artikolu 7 tar-Regolament, li jipprovdi li fl-applikazzjoni għall-ordni ta’ ħlas jiġu indikati “l-ammont tat-talba, inkluż it-talba prinċipali u, fejn applikabbli, l-imgħax u l-penali kuntrattwali u l-ispejjeż” [subparagrafu 2(b)] u jekk ikun hemm l-interessi fuq it-talba, ir-rata tal-imgħax u l-perijodu ta’ żmien li għalih huma mitluba [subparagrafu 2(ċ)], kif ukoll “il-kawża ta’ l-azzjoni, inkluż deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi invokati bħala l-bażi tat-talba u, fejn applikabbli, tal-imgħax mitlub” [subparagrafu 2(d)].

50.

Filwaqt li l-Artikolu 4 jiċċara f’termini ġenerali x’jista’ jkun fiha l-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas (l-irkurpu ta’ talbiet ta’ flus u, għalhekk, il-pretenzjoni tal-ħlas ta’ somma flus) huwa l-Artikolu 7 li jiddeskrivi formalment l-elementi li fihom tinqasam l-imsemmija talba għall-flus, billi ssir distinzjoni bejn talba prinċipali, interessi, penali kuntrattwali u spejjeż [is-subparagrafu 2(b)].

51.

Fit-tieni lok, il-motivazzjoni tal-qorti inkwistjoni msemmija fil-punt 46 ma tqisx li l-possibbiltà li jintalbu l-interessi, eventwalment anki miftuħa, toriġina min-natura nnifisha tat-talba għall-ħlas tat-talba prinċipali u tat-talba għal interessi, kif ukoll mir-relazzjonijiet reċiproċi bejn l-imsemmija talbiet.

52.

Fil-fatt, l-interessi jikkostitwixxu obbligu pekunjarju li huwa differenti mit-talba prinċipali sempliċement minħabba l-aċċessorjetà ma’ tal-aħħar, li minnha tiddependi, u għall-fatt li l-entità tagħha hija marbuta mal-kors taż-żmien u tvarja proporzjonalment miegħu.

53.

Ma hemm l-ebda differenza sostanzjali oħra bejn iż-żewġ obbligi [tant hu hekk li fejn l-Artikolu 7 jikkjarifika, fis-subparagrafu 2(ċ) u fis-subparagrafu 2(d), li t-talba għal ordni ta’ ħlas għandha bħala suġġett talbiet pekunjarji magħmula minn interessi u t-talba prinċipali, jiddistingwi bejn tal-ewwel u tal-aħħar sempliċement għax it-talba relattiva hija eventwali] u, bħala prinċipju, l-obbligu tal-ħlas ta’ interessi normalment isegwi dak tal-ħlas tat-talba prinċipali u dak li jiġri minn din tal-aħħar, tant li wieħed jista’ jsostni li l-interessi jistgħu jintalbu peress li teżisti talba prinċipali li l-irkupru tagħha huwa possibbli.

54.

L-imsemmija rabta bejn l-obbligu tal-ħlas tat-talba prinċipali u dik tal-interessi hija strutturata, għalhekk, b’tali mod li:

1)

dawn ikunu dovuti konsegwenza tal-fatt li t-talba prinċipali għandha tkun dovuta (u, ċjoè, eżiġibbli) u l-ħlas relattiv ma jkunx sar (għal dak li jirrigwardja l-interessi moratorji, fit-terminu miftiehem jew previst mil-liġi);

2)

mal-kors taż-żmien l-aċċessorji jiġu inkorporati fit-talba prinċipali, u jsiru parti speċifika mill-ammont relattiv.

55.

Ir-risposta għad-domanda li tikkonċerna l-possibbiltà li jintalab il-ħlas permezz ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea ta’ interessi, eventwalment anki miftuħa, ma tistax għalhekk tiddependi biss fuq interpretazzjoni tal-Artikolu 4 u tal-fatt li dawn l-aċċessorji jitqiesu li huma ta’ ammont speċifiku skont l-istess Artikolu 4.

56.

Dan għaliex it-talbiet azzjonabbli (kemm jekk huma talbiet prinċipali, interessi jew spejjeż) jiġu individwati billi jiġu evalwati flimkien l-Artikoli 4 u 7 u, fuq kollox, il-possibbiltà li jintalbu l-interessi toriġina mill-imsemmija rabta ta’ aċċessorjetà eżistenti bejn dawn u t-talba prinċipali.

57.

Hekk kif ġie enfasizzat hawn fuq, jeħtieġ li tiġi eżaminata fuq il-mertu d-domanda tas-Sąd Okręgowy we Wrocławiu fir-rigward tal-possibbiltà li jintalbu, billi jsir użu tal-proċedura inkwistjoni, anki l-interessi li jkunu mmaturaw sal-mument tal-ħlas jew dawk biss li jkunu dovuti fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għal ordni jew tal-ħruġ tal-miżura inkwistjoni.

58.

Ir-risposta tinkiseb mill-eżami tal-artikoli u tal-għan tar-Regolament, kif ukoll minn evalwazzjoni tas-suġġett tar-regolamentazzjoni kollha inkwistjoni u tal-karatteristiċi tal-attività li tkun saret mill-awtorità adita.

59.

Fl-ewwel lok, nenfasizza li l-imsemmi Artikolu 7, li jirregola b’mod ġenerali r-rekwiżiti formali tal-applikazzjoni u jsemmi espressament il-possibbiltà li jintalbu l-ħlasijiet tal-interessi, jimponi [fis-subparagrafu (2)(ċ)] fuq il-kreditur sabiex jindika r-rata tal-interessi u l-perijodu ta’ żmien li għalih jintalbu l-interessi, iżda mhux li jsemmi wkoll id-data preċiża sa meta qegħdin jintalbu.

60.

Din id-dispożizzjoni ma tillimitax l-ambitu tal-applikazzjoni tagħha biss għall-interessi li jkunu mmaturaw sal-mument li ssir l-applikazzjoni jew il-ħruġ tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, u lanqas ma tippreskrivi li għandhom jiġu kkwantifikati bl-eżatt l-interessi dovuti.

61.

L-istess jgħodd fil-każ tal-Artikolu 4, li jrid jinqara flimkien mal-Artikolu 7 għall-finijiet tal-identifikazzjoni t-talbiet li jistgħu jkunu s-suġġett tal-ordni inkwistjoni, kif ġie enfasizzat fil-punti 47 sa 50 u 56 iktar ’il fuq.

62.

Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tar-regolament li jidentifikaw it-talbiet azzjonabbli, u li jirregolaw il-mod kif issir it-talba kkonċernata, ma jipprekludux milli jintalbu anki l-interessi miftuħa, li fil-każ tagħhom ma huwiex possibbli la li tiġi indikata d-data sakemm qegħdin jintalbu u lanqas l-ammont totali definittiv.

63.

Wieħed għandu jasal għall-istess konklużjoni jekk jagħmel evalwazzjoni tal-iskop tar-Regolament.

64.

Dan, kif ġie enfasizzat matul l-evalwazzjoni tal-ewwel domanda preliminari ( 12 ), jintroduċi regolamentazzjoni ta’ natura proċedurali uniformi bil-għan li jinħolqu titoli ġudizzjarji li jkollhom bħala s-suġġett tagħhom talbiet pekunjarji transkonfinali ta’ ammonti żgħar li jkunu rikonoxxuti fi ħdan l-Istati Membri jekk ikunu osservati regoli minimi li jagħmlu superfluwi proċedimenti intermedji għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, u b’hekk jintlaħaq ir-riżultat prattiku li jiġi ssemplifikat u mħaffef il-kontenzjuż ikkonċernat (premessa 5 tar-Regolament) u li tagħmel possibbli l-irkupru rapidu u effettiv ta’ djun mhux ikkontestati (premessa 6 tar-Regolament).

65.

Fejn tiġi adottata interpretazzjoni tar-Regolament li tkun tali li teskludi l-possibbiltà li jintalbu l-interessi hekk imsejħa miftuħa minbarra t-talba prinċipali ma jkunux qegħdin jiġu osservati r-rekwiżiti kif espressi fil-punt 64.

66.

Fil-fatt, bl-impożizzjoni fuq il-kredituri sabiex jillimitaw it-talba tagħhom għat-talba prinċipali, bl-interessi eventwali li jkunu mmaturaw fiż-żmien meta tkun saret l-applikazzjoni jew, bħala massimu, saż-żmien meta tinħareġ l-ordni, il-kredituri nnifishom ikunu kostretti li jippreżentaw diversi azzjonijiet, l-ewwel waħda sabiex titħallas it-talba prinċipali u l-interessi dovuti, u l-oħrajn għall-interessi relatati mal-perijodu sussegwenti.

67.

B’dan il-mod issir iktar diffiċli t-tfassil ta’ titolu ġudizzjarju wieħed li jista’ jiġi rikonoxxut fi ħdan l-Istati Membri u t-talba sħiħa tispiċċa tinqasam fil-varji komponenti tiegħu, u konsegwentement ikun hemm multiplikazzjoni ta’ titoli ġudizzjarji b’tali mod li jiżdied il-kontenzjuż u d-dewmien u l-ispejjeż relattivi, u b’hekk isir iktar diffiċli l-irkupru tal-ammonti dovuti, jekk xejn minħabba li dan iwassal sabiex isiru diversi proċeduri minflok waħda biss.

68.

Barra minn hekk, dan jista’ jwassal sabiex il-kreditur jitlob lill-qorti ordni ta’ ħlas abbażi tal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri pjuttost milli skont ir-Regolament inkwistjoni, jekk fl-ewwel eventwalità, kif sostniet il-qorti tar-rinviju, fil-każ tal-Polonja, ikun possibbli li jinkiseb titolu li jkopri t-talba kollha tiegħu inklużi l-interessi sad-data tal-ħlas, ladarba skont it-tieni eventwalità jistgħu jintalbu biss il-kapital u parti mill-interessi.

69.

Wieħed jasal għall-istess konklużjoni msemmija fil-punt 62, jekk jitqies l-għan tal-qafas ġenerali tar-regolament inkwistjoni u l-karatteristiċi tal-proċedimenti stabbilit mill-awtorità adita.

70.

Qabel kollox, kif urejt fil-punti 20 u 36, ir-Regolament introduċa proċedura uniformi u awtonoma mir-regoli nazzjonali li għandhom bħala għan il-ħruġ ta’ ordnijiet ta’ ħlas, li tirregola biss l-aspetti proċedurali relatati mal-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea, kif jirriżulta anki mill-Green Paper dwar proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea u dwar miżuri li jissimplifikaw u jħaffu l-litigazzjoni ta’ talbiet żgħar (li jsir riferiment għaliha fil-premessa 5 tar-Regolament). Din il-Green Paper tindika mill-bidu li l-għan tagħha huwa t-tfassil ta’ proċedura speċifika, rapida u rħisa li hija applikabbli fl-Istati Membri kollha għall-irkupru ta’ djun li wieħed jassumi jibqgħu mhux ikkontestati.

71.

Fit-tieni lok, ordni ta’ ħlas Ewropea tinħareġ irrispettivament minn eżami fuq il-mertu tal-fondatezza tal-applikazzjoni.

72.

Fid-dawl tal-Artikoli 8 u 12(4), fil-fatt hija meħtieġa biss sempliċi verifika formali ta’ jekk ġewx osservati il-kundizzjonijiet proċedurali imposti bir-Regolament u tal-eżistenza tat-talba, li hija bbażata fuq dak li jiddikjara l-kreditur fil-formula ppreżentata minnu u li ma tippresupponi l-ebda verifika tal-verità ta’ dak li ġie ddikjarat. Għal din ir-raġuni, ladarba tinħareġ l-ordni ta’ ħlas, id-debitur jiġi informat li din tkun inkisbet biss abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-pretendent.

73.

Dan għaliex fl-ambitu tal-proċedura Ewropea ma jkunx hemm proċess effettiv ta’ għarfien sħiħ mill-qorti, li jitħalla għall-eventwali litigazzjoni kontenzjuża, u għalhekk, in-natura tal-proċedura li ssir mill-awtoritajiet li quddiemhom issir it-talba tvarja skont il-mument meta dawn jintervjenu.

74.

Fil-fażi mhux kontenzjuża, irregolata mid-dritt tal-Unjoni, il-qorti teżamina biss ir-regolarità formali tal-applikazzjoni abbażi tad-dikjarazzjonijiet tal-kreditur. Fil-proċess kontenzjuż, irregolat mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, u li jikkonċerna l-verifika effettiva tat-talbiet tal-kreditur, il-qorti taġixxi minflok sabiex tieħu konjizzjoni sħiħa tal-mertu ( 13 ).

75.

Il-protezzjoni ridotta tad-debitur fil-fażi li tintemm bil-ħruġ tal-ordni ta’ ħlas Ewropea hija l-konsegwenza inevitabbli tan-neċessità li din issir kemm jista’ jkun b’mod sempliċi u uniformi. Din il-protezzjoni ridotta hija kkumpensata, qabel kollox, mill-fatt li, skont l-Artikolu 16(3), id-debitur jista’ jippreżenta d-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni tiegħu mingħajr ma jkollu għalfejn jippreċiża l-motivi, u b’hekk, abbażi tal-Artikolu 17, jikseb li l-proċedimenti jitkomplew bil-proċedura ċivili ordinarja; u imbagħad biċ-ċirkustanza li l-kreditur għandu jiddikjara, b’mod konformi mal-Artikolu 7(3), li l-informazzjoni li pprovda hija ta’ vera u li huwa jaf li dikjarazzjonijiet foloz jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet ( 14 ).

76.

Għalhekk, huwa biss wara li tkun saret oppożizzjoni li, kif enfasizzat il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-qorti kompetenti teżamina b’mod sħiħ fuq il-mertu l-kwistjonijiet li jikkonċernaw il-komponenti u l-ammont tat-talba bħala prinċipali u bħala interessi, anki dawk miftuħa, jekk ikun meħtieġ billi tiġi analizzata fid-dettall il-liġi sostantiva li tirregola (jew, eventwalment, il-liġijiet li jirregolaw) ir-relazzjoni.

77.

Għalhekk, ir-Regolament għandu bħala għan, sistema proċedurali li tikkonċerna l-mod kif, fejn ikun hemm talba, ikun possibbli li tinkiseb ordni ta’ ħlas li tkun rikonoxxuta fl-Istati Membri. Madankollu dan ma jikkonċernax aspetti sostantivi, b’mod partikolari, għal dak li huwa rilevanti hawnhekk, l-indikazzjoni ta’ liema interessi jistgħu jintalbu.

78.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li saru sa issa, fid-dawl tat-test formali tar-Regolament, tal-iskop li għalih dan ġie approvat u tan-natura tar-regolamentazzjoni inkwistjoni, u l-proċess stabbilit mill-awtorità adita, għalhekk għandu jiġi affermat li, filwaqt li għal dak li jikkonċerna l-formazzjoni ta’ titolu eżekuttiv wieħed jeħtieġ li jsegwi r-Regolament Nru 1896/2006 (u l-liġi nazzjonali sal-punt li jsiru riferimenti għaliha jew għas-sistemi proċedurali mhux regolati), fir-rigward tat-tip ta’ interessi li jistgħu jintalbu (iżda l-istess japplika għall-komponenti kollha tat-talba) loġikament għandha tapplika l-leġiżlazzjoni sostantiva li tikkonċerna r-relazzjoni li teżisti bejn il-partijiet.

79.

Jekk din il-leġiżlazzjoni sostantiva tirrikonoxxi lill-kreditur il-possibbiltà li jitlob l-interessi hekk imsejħa miftuħa, huwa jkun jista’ jiksibhom ukoll billi jirrikorri għall-proċedura prevista fir-Regolament.

80.

F’każ li din il-liġi tirrikonoxxi biss l-interessi li jkunu mmaturaw sal-ġurnata tal-applikazzjoni jew tal-ħruġ tal-ordni tal-qorti, il-kreditur għandu, minflok, jikkonforma l-applikazzjoni tiegħu skont din il-leġiżlazzjoni.

81.

Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, meta, skont il-leġiżlazzjoni sostantiva li tirregola r-relazzjoni (li abbażi tal-ordni tar-rinviju, hija dik Pollakka), il-kreditur għandu d-dritt għall-ħlas anki tal-interessi hekk imsejħa miftuħa, meta toħroġ l-ordni ta’ ħlas il-qorti tar-rinviju għandha tirrikonoxxi wkoll dawn l-interessi.

82.

Madankollu ma hemmx raġunijiet għalfejn talba li tinkludi l-hekk imsejħa interessi miftuħa skont il-liġi sostantiva applikabbli għall-kuntratt, li ħafna drabi tkun magħżula espressament mill-partijiet, jew xorta waħda rrikonoxxuta minnhom qabel, għandu jitnaqqas fl-ammont tiegħu b’konsegwenza tal-fatt li tkun ġiet użata l-proċedura msemmija fir-regolament inkwistjoni u minkejja li ma hemm ebda dispożizzjoni espressa f’dan is-sens.

83.

Il-Gvern tar-Renju Unit huwa tal-idea li l-interessi jistgħu jintalbu biss sad-data tal-ħruġ tal-ordni ta’ ħlas.

84.

Dan għaliex l-istruzzjonijiet dwar il-mili tal-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas li tifforma parti mill-Anness I tar-Regolament, jindikaw, b’riferiment għat-Taqsima 7 tal-formola tat-talba għall-imsemmija ordni, esklużivament il-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jinkisbu l-interessi sal-ġurnata tad-deċiżjoni tal-qorti fuq l-istanza tal-kreditur (għall-eżattezza, jiġi ppreċiżat li għal dan l-iskop ma hemmx għalfejn timtela l-aħħar kaxxa tal-imsemmija Taqsima 7).

85.

Argument ieħor favur din is-soluzzjoni jirriżulta mill-fatt li l-formola għall-ħruġ tal-ordni ta’ ħlas (Formularju E, Anness V tar-Regolament) tippermetti lill-qorti adita tindika taħt it-titolu “Imgħax”, id-data tal-ħruġ tal-inġunzjoni fil-każ ta’ talba f’dan is-sens mill-kreditur.

86.

F’dan ir-rigward niġbed l-attenzjoni għall-kunsiderazzjonijiet li diġà saru, u nosserva, b’mod differenti mill-Gvern tar-Renju Unit, li l-istruzzjonijiet inkwistjoni għandhom valur biss illustrattiv tal-każijiet li jistgħu jseħħu b’mod konkret.

87.

Nenfasizza li l-formola sabiex tintalab l-ordni ta’ ħlas tippermetti li tiġi adattata t-talba għall-interessi għall-eżiġenzi konkreti tal-kreditur irrispettivament mill-istruzzjonijiet għall-mili tagħha.

88.

Fil-fatt, huwa possibbli li jiġi kompost il-kodiċi li għandu jiddaħħal fit-taqsima 7 tal-imsemmija formola li tikkonċerna l-interessi billi jintuża n-numru 06 u l-ittra E (li tfisser “oħra”), sabiex imbagħad jimtela l-ispazju fin-naħa ta’ isfel tat-taqsima nnifisha, li jinkludi l-indikazzjoni “Speċifika l-kodiċi 6 u/jew E”, u, meta jkun meħtieġ, it-taqsima 11 intitolata “Dikjarazzjonijiet addizzjonali u informazzjoni oħra (jekk ikun meħtieġ)”.

89.

B’dan il-mod, il-kreditur jista’ faċilment jitlob l-interessi sad-data tal-iskadenza li jkun irid, eventwalment anki sal-mument tal-ħlas, mingħajr ma jikkwantifika dan mill-ewwel b’mod preċiż.

90.

Dan huwa evidenti wkoll mill-fatt li l-formulazzjoni konklużiva tal-formola ta’ applikazjoni għall-ordni ma timponix li għandu jiġi indikat l-ammont speċifiku, iżda tagħmel riferiment biss għall-ħlas “tat-talba prinċipali hawn fuq imsemmi”, u “tal-imgħax”, u ma tużax, għalhekk, it-terminu “hawn fuq imsemmi” fir-rigward tal-interessi.

91.

Fir-rigward tal-formula għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas (Formola E, Anness V tar-Regolament), fil-kaxxa fejn hemm inkluża, fir-rigward tal-interessi, l-indikazzjoni “Ammont”, fil-fehma tiegħi xejn ma jżomm lill-qorti milli tordna lid-debitur iħallas mhux ċifra preċiża, ikkalkolata b’riferiment għal data indikata b’mod speċifiku, iżda “dak li hu dovut fil-mument tal-ħlas”.

92.

Il-Gvern Portugiż jaqbel mas-soluzzjoni proposta mill-Gvern tar-Renju Unit, b’mod partikolari għax l-Artikolu 12(3)(a) tar-Regolament jipprovdi li fl-ordni ta’ ħlas ikun inkluż l-avviż lid-debitur li jista’ jħallas lir-rikorrent l-ammont indikat fl-ordni.

93.

F’dan ir-rigward nerġa’ ntenni dak li diġà osservajt u nenfasizza li fil-mument li jirċievi l-ordni d-destinatarju huwa perfettament f’qagħda li jikkalkola, abbażi ta’ sempliċi operazzjoni matematika, dak li huwa dovut fil-mument tal-ħlas; jekk ma jkunx jaqbel mal-ammont determinat meta jagħmel riferiment għar-rata tal-interessi u d-data li fiha huma dovuti l-interessi msemmija fl-ordni, huwa jista’ jippreżenta l-oppożizzjoni.

94.

Madankollu, il-mod standardizzat ta’ kif ġew redatti l-formoli msemmija iktar ’il fuq u l-istruzzjonijiet relattivi annessi ma jistgħux iċaħħdu lill-kreditur mid-dritt li jitlob l-interessi kollha dovuti lilu fiż-żmien tal-ħlas, jekk ikun possibbli abbażi tal-liġi sostantiva applikabbli għar-relazzjoni kuntrattwali, ladarba minn eżami ġenerali tat-test tar-Regolament huwa evidenti li dan ma huwiex prekluż lilu.

95.

Is-soluzzjoni proposta mill-gvernijiet tal-Portugall u tar-Renju Unit, għall-kuntrarju, b’mod ċar tidher li tmur kontra l-għanijiet tar-Regolament, jiġifieri s-simplifikazzjoni u t-tħaffif tal-kontenzjuż kif ukoll l-irkupru rapidu u effettiv ta’ talbiet mhux ikkontestati, u tista’ twassal lill-kredituri sabiex jippreferu li jirrikorru għall-proċeduri nazzjonali dwar ordni ta’ ħlas, li jiggarantixxu li jiġu sodisfatti b’mod sħiħ it-talbiet tagħhom, iktar milli dawk li jkunu qed jiġu kkunsidrati hawnhekk.

96.

Għalhekk, filwaqt li nikkonkludi fir-rigward tat-tielet u r-raba’ domanda preliminari, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun li tiddikjara li l-Artikolu 4 u l-Artikolu 7(2)(ċ) tar-Regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li fil-proċedura Ewropea dwar ordni ta’ ħlas huwa possibbli li wieħed jitlob, minbarra t-talba prinċipali, it-tipi kollha ta’ interessi li jistgħu jintalbu abbażi tal-liġi sostantiva applikabbli għar-relazzjoni kuntrattwali u, għalhekk skont is-sitwazzjoni, kemm l-interessi kkalkolati mill-ġurnata minn meta jkunu dovuti, indikata b’data preċiża, sal-ġurnata mhux speċifikata tal-ħlas, kif ukoll dawk ikkomputati sal-ġurnata tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni inkella sal-ġurnata tal-ħruġ tal-ordni.

VII – Fuq il-ħames domanda preliminari

97.

Permezz tal-ħames domanda preliminari l-qorti ta’ rinviju talbet, f’każ li r-risposta fl-affermattiv għad-domanda 4(a), kif għandha tiġi fformolata d-deċiżjoni tal-qorti dwar l-inklużjoni tal-interessi fil-formola tal-ordni ta’ ħlas, skont ir-Regolament.

98.

F’dan ir-rigward, nosserva li fl-aħħar tal-formola inkwistjoni hemm spazju apposta fejn wara t-talba prinċipali jiġu indikati l-interessi.

99.

Fejn ikun hemm inkwistjoni l-hekk imsejħa interessi miftuħa u fejn dawn jistgħu jiġu rikonoxxuti bis-saħħa tal-liġi sostantiva li tirregola l-kuntratt, il-qorti, la ma tkunx tista’ tikkwantifika l-ammont, tillimita ruħha sabiex tordna, fl-ispazju msemmi fil-punt 98, fit-titolu “Imgħax” taħt il-kolonna intitolata “Data”, li jitħallsu l-interessi sal-mument tal-ħlas, u tindika taħt il-kolonna intitolata “Ammont” ir-rata relattiva.

100.

Ovvjament, għandha titqies li hija xorta waħda ammissibbli kull forma oħra ta’ indikazzjoni sostanzjalment ekwivalenti li tista’ tispjega b’mod ċar il-kontenut tad-deċiżjoni tal-qorti (f’dan ir-rigward, nagħmel riferiment għas-soluzzjonijiet proposti fin-nota tal-osservazzjonijiet tagħhom, minbarra l-Kummissjoni, anki mill-Gvernijiet tal-Polonja u tal-Awstrija).

101.

Fir-rigward tal-każijiet [li jidħlu wkoll fl-ambitu tar-raba’ domanda preliminari (a) u tal-ħames domanda preliminari skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju] fejn, minflok, jintalab il-ħlas tal-interessi sal-ġurnata tal-preżentazzjoni tat-talba għall-ħruġ tal-ordni, il-qorti tista’ tagħmel il-kalkolu relattiv, meta tkun taf ir-rata u l-perijodu ta’ riferiment, u fl-ispazju fl-aħħar tal-formola msemmija fil-punt 98, anki l-ammont dovut bħala interessi.

102.

Għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb il-ħames domanda preliminari billi tiddikjara li, skont ir-Regolament, id-deċiżjoni fir-rigward tal-inklużjoni tal-interessi fil-formola tal-ordni ta’ ħlas tista’ tkun ifformulata bil-mod li ġej:

jekk ikun hemm involuti interessi msejħa miftuħa u dawn jistgħu jkunu rikonoxxuti bis-saħħa tal-liġi li tirregola l-kuntratt, il-qorti, fl-ispazju apposta li hemm fl-aħħar tal-formola għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas fejn hemm prevista l-indikazzjoni tal-ammont li għandu jitħallas, fil-parti dwar interessi, fit-titolu “Imgħax”, taħt il-kolonna intitolata “Data”, għandha tindika li l-imsemmija interessi huma dovuti sal-mument tat-twettiq, u għandha tispeċifika fil-kolonna “Ammont” ir-rata relattiva, iżda madankollu għandha titqies li hija ammissibbli kull indikazzjoni differenti sostanzjalment ekwivalenti li tista’ tispjega b’mod ċar il-kontenut tad-deċiżjoni;

jekk jintalab il-ħlas tal-interessi sal-ġurnata tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni jew tal-ħruġ tal-ordni ta’ ħlas, il-qorti tkun tista’ tipprovdi għall-kalkolu relattiv u tindika fl-ispazju fl-aħħar tal-formola msemmija l-ammont dovut bħala interessi.

103.

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għar-raba’ u l-ħames domanda preliminari ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għas-sitt u s-seba’ domandi preliminari.

VIII – Fuq it-tmien domanda preliminari

104.

Permezz tat-tmien domanda preliminari l-qorti ta’ rinviju tistaqsi jekk, fejn il-pretendent ma jkunx għamel il-kalkolu tal-interessi mitluba sal-ġurnata tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, dan il-kalkolu għandux isir ex officio mill-qorti jew jekk din tal-aħħar għandhiex titlob lill-pretendent sabiex jimla l-informazzjoni nieqsa skont l-Artikolu 9 tar-Regolament.

105.

Dwar dan il-punt nagħmel riferiment għall-kunsiderazzjonijiet li diġà għamilt u ntenni li l-kreditur ma huwiex obbligat, abbażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament, li jikkalkola, taħt piena ta’ dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà jew ta’ ċaħda tal-applikazzjoni, l-ammont tal-interessi, anki jekk huwa jista’ jipprovdi dan.

106.

Il-qorti tkun tista’ tagħmel dan il-kalkolu, sakemm il-pretendent ikun ipprovda l-informazzjoni kollha għal dan l-iskop (bħall-munita, ir-rata tal-interessi u l-mument li minnu għandhom jibdew jiddekorru l-interessi).

107.

Fejn id-data meħtieġa sabiex isir il-kalkolu ma tkunx ġiet indikata jew ma tkunx kompleta, il-qorti, sakemm id-dejn ma jkunx kjarament bla bażi jew l-applikazzjoni tkun inammisibbli ( 15 ), tagħti lill-pretendent, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1896/2006, il-possibbiltà li jikkompleta jew jirretifika l-applikazzjoni f’terminu ta’ żmien li tħoss li jkun xieraq.

108.

Għalhekk, fir-rigward tat-tmien domanda preliminari nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb billi tiddikjara li:

fejn il-pretendent ma jagħmilx il-kalkolu tal-interessi mitluba sal-jum tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, dan il-kalkolu jkollu jsir mill-qorti sakemm il-kreditur ikun ipprovda l-informazzjoni neċessarja sabiex dan ikun jista’ jsir;

fejn id-data meħtieġa sabiex isir il-kalkolu ma tkunx ġiet indikata jew ma tkunx kompleta, il-qorti, sakemm it-talba ma tkunx kjarament infondata jew l-applikazzjoni tkun inammisibbli, tagħti lill-pretendent, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1896/2006, il-possibbiltà li jikkompleta jew jirretifika l-applikazzjoni f’terminu ta’ żmien li tħoss li jkun xieraq.

IX – Konklużjonijiet

109.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet magħmula nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb kif ġej għad-domandi tas-Sąd Okręgowy we Wrocławiu:

1)

L-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għall-ordni ta’ ħlas Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li, ħlief għall-punti li fir-rigward tagħhom jagħmel riferiment speċifiku għad-dritt tal-Istati Membri, jirregola b’mod eżawrjenti r-rekwiżiti li trid tissodisfa applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea.

2)

L-Artikolu 4 u l-Artikolu 7(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1896/2006 għandhom jiġu interpretati fis-sens li fil-proċedura Ewropea dwar ordni ta’ ħlas huwa possibbli li wieħed jitlob, minbarra t-talba prinċipali, it-tipi kollha ta’ interessi li jistgħu jintalbu abbażi tal-liġi sostantiva applikabbli għar-relazzjoni kuntrattwali u, għalhekk skont is-sitwazzjoni, kemm l-interessi kkalkolati mill-ġurnata minn meta jkunu dovuti, indikata b’data preċiża, sal-gurnata mhux speċifikata tal-ħlas, kif ukoll dawk ikkomputati sal-ġurnata tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni inkella sal-ġurnata tal-ħruġ tal-ordni.

3)

Skont ir-Regolament Nru 1896/2006, id-deċiżjoni rigward l-inklużjoni tal-interessi fil-formola tal-ordni ta’ ħlas tista’ tiġi fformulata b’dan il-mod:

a)

jekk ikun hemm involuti interessi msejħa miftuħa u dawn jistgħu jkunu rikonoxxuti bis-saħħa tal-liġi li tirregola l-kuntratt, il-qorti, fl-ispazju apposta li hemm fl-aħħar tal-formola għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas fejn hemm prevista l-indikazzjoni tal-ammont li għandu jitħallas, fil-parti dwar interessi, fit-titolu “Imgħax”, taħt il-kolonna intitolata “Data”, għandha tindika li l-imsemmija interessi huma dovuti sal-mument tat-twettiq, u għandha tispeċifika fil-kolonna “Ammont” ir-rata relattiva, iżda madankollu għandha titqies li hija ammissibbli kull indikazzjoni differenti sostanzjalment ekwivalenti li tista’ tispjega b’mod ċar il-kontenut tad-deċiżjoni;

b)

jekk jintalab il-ħlas tal-interessi sal-ġurnata tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni jew tal-ħruġ tal-ordni ta’ ħlas, il-qorti tkun tista’ tipprovdi għall-kalkolu relattiv u tindika fl-ispazju fl-aħħar tal-formola msemmija l-ammont dovut bħala interessi.

4)

Fejn il-pretendent ma jagħmilx il-kalkolu tal-interessi mitluba sal-jum tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, dan il-kalkolu jkollu jsir mil-qorti, sakemm il-kreditur ikun ipprovda l-informazzjoni neċessarja sabiex dan ikun jista’ jsir.

5)

Fejn id-data meħtieġa sabiex isir il-kalkolu ma tkunx ġiet indikata jew ma tkunx kompleta, il-qorti, sakemm it-talba ma tkunx kjarament infondata jew l-applikazzjoni tkun inammisibbli, tagħti lill-pretendent, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1896/2006, il-possibbiltà li jikkompleta jew jirretifika l-applikazzjoni f’terminu ta’ żmien li tħoss li jkun xieraq.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) ĠU L 399, p. 1.

( 3 ) Abbażi ta’ dak li ġie rrinvijat mill-qorti nazzjonali fid-digriet tar-rinviju fil-punt 8, skont l-interpretazzjoni ta’ din ir-regola mogħtija mis-Sąd Najwyższy (Il-Qorti Suprema Pollakka) permezz tal-parir tagħha tal-5 ta’ April 1991, l-obbligu li jitħallsu l-interessi moratorji huwa suġġett għal terminu ta’ żmien. Fil-fatt, it-talba ta’ flus issir eżiġibbli wara l-iskadenza tat-terminu mogħti għall-ħlas u hija suġġetta għal żieda sussegwenti għall-jiem ulterjuri ta’ dewmien. It-talba għall-interessi toriġina, għalhekk, mill-ewwel ġurnata ta’ dewmien u l-kreditur jakkwista d-dritt relattiv, b’mod separat, għal kull jum ta’ dewmien. L-obbligu tal-ħlas tal-interessi huwa kkunsidrat bħala obbligu perijodiku li huwa aċċessorju għal dak li għandu l-kapital bħala suġġett tiegħu. Fl-ordinament ġuridiku Pollakk huwa possibbli li ssir talba għall-ħlas ta’ interessi futuri sad-data tal-ħlas u din it-talba tista’ ssir flimkien mat-talba għall-ħlas tal-kapital.

( 4 ) Fuq kollox din il-kwistjoni tiddependi fuq il-fatt li l-kreditriċi ma kinitx indikat il-valur tal-kawża fil-munita Pollakka (minkejja li dan kien neċessarju għall-kalkolu tat-taxxa li kellha titħallas), kienet ittraskriviet b’mod mhux eżatt il-kodiċi fit-taqsima 7 tal-formula A rigward l-interessi, mingħajr ma ppreċiżat, permezz tas-simbolu xieraq, il-bażi perijodiku għall-kalkolu tagħhom, u ma kinitx speċifikat fuq liema ammonti kellhom jitħallsu dawn l-interessi.

( 5 ) Ara, per eżempju, il-każijiet msemmija fl-Artikolu 7(3), għal dawk li huma sanzjonijiet li għandhom jiġu applikati fir-rigward ta’ dikjarazzjonijiet foloz inklużi fir-rikors, fl-Artikolu 10(2), dwar il-konsegwenzi relattivi għall-parti tat-talba inizjali li fir-rigward tagħha l-qorti nazzjonali tkun ikkonstatat li ma ġewx sodisfatti r-rekwiżiti għall-ħruġ tal-ordni, fl-Artikolu 11(3), li jirrikonoxxi d-dritt tal-pretendent li juża kwalunkwe proċedura oħra disponibbli f’każ li l-applikazzjoni tiegħu tiġi miċħuda u fl-Artikolu 12(5), li jipprovdi li l-qorti tiggarantixxi li l-ordni tiġi nnotifikata skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

( 6 ) L-istess għanijiet huma msemmija wkoll fil-premessa 9.

( 7 ) Dan anki billi wieħed jirrikorri għall-formoli standard għall-amministrazzjoni tal-proċediment, skont il-premessi 11 u 16.

( 8 ) Dan minħabba l-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, kif jingħad espliċitament fil-premessa 26.

( 9 ) Skont il-premessa 5, il-ħolqien tal-proċedura Ewropea uniformi għall-irkupru ta’ talbiet mhux ikkontestati għandu l-għan proprju li jissimplifika u jħaffef il-kontenzjuż dwar talbiet żgħar.

( 10 ) Peress li hija maħruġa abbażi ta’ regoli proċedurali komuni għall-Istati Membri introdotti permezz ta’ regolament.

( 11 ) Ma naqbilx, għalhekk, ma’ dak li ntqal mill-qorti inkwistjoni fil-punt 9 tal-motivazzjoni tal-ordni ta’ rinviju tagħha, u ċjoè li “Jekk wieħed jassumi li l-karatteristiċi tat-talba indikati fl-Artikolu 4 tar-Regolament jagħmlu riferiment anki għat-talba għall-interessi, dan ikun ifisser li l-pretendent ikun jista’ jitlob ir-rikonoxximent tal-interessi unikament għall-perijodu li jibda mid-data tal-eżiġibbiltà tagħhom sa, bħala massimu, id-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi l-oħra li ġew irrinvjati mill-qorti nazzjonali ma jkunx jeħtieġu risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”.

( 12 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 30 u 31.

( 13 ) Inqis li r-regolament inkwistjoni introduċa sistema ta’ ordni ta’ ħlas imsejħa pura (għall-inqas tendenzjalment), jiġifieri sistema fejn il-qorti toħroġ ordni ta’ ħlas mingħajr ma tevalwa fuq il-mertu jekk hijiex fondata l-applikazzjoni (fis-sistemi l-oħra, imsejħa “bil-provi”, dan il-kontroll, għall-kuntrarju, jeżisti u, għalhekk, il-kreditur irid jipprovdi prova tat-talba tiegħu). Fis-sistemi puri dik li tkun tidher protezzjoni ridotta tad-drittijiet tad-debitur hija kkumpensata bil-faċilità kbira li biha huwa jista’ jopponi l-ordni (mingħajr ma għandu għalfejn jindika l-motivi).

( 14 ) Din hija dispożizzjoni li tagħmel riferiment għall-istitut tal-affidavit li huwa tipiku tas-sistemi legali tal-common law.

( 15 ) Sakemm ma tkunx ġiet miżjuda awtomatikament mat-talba prinċipali rata ta’ interessi legali skont l-Istat Membru tal-oriġini, kif previst fl-Artikolu 7(2)(ċ).

Top