Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CC0179

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fil-15 ta’ Mejju 2012.
    Cimade u Groupe d’information et de soutien des immigrés (GISTI) vs Ministre de l’Intérieur, de l’Outre-mer, des Collectivités territoriales et de l’Immigration.
    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza].
    Applikazzjonijiet għall-ażil — Direttiva 2003/9/KE — Standards minimi għall-akkoljenza tal-applikanti għall-ażil fl-Istati Membri — Regolament (KE) Nru 343/2003 — Obbligu li jiġu ggarantiti lill-applikanti għall-ażil il-kundizzjonijiet minimi ta’ akkoljenza matul it-tul tal-proċedura ta’ teħid ta’ inkarigu jew ta’ teħid lura mill-Istat Membru responsabbli — Determinazzjoni tal-Istat Membru li fuqu jaqa’ l-obbligu tal-piż finanzjarju tal-kundizzjonijiet minimi.
    Kawża C-179/11.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:298

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SHARPSTON

    ippreżentati fil-15 ta’ Mejju 2012 ( 1 )

    Kawża C-179/11CIMADE

    Groupe d'information et de soutien des immigrés (GISTI)

    vs

    Ministre de l’intérieur, de l’outre-mer, des collectivités territoriales et de l’immigration

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza))

    “Viżi, ażil, immigrazzjoni — Direttiva 2003/9/KE — Regolament (KE) Nru 343/2003 — Obbligu ta’ garanzija tal-kundizzjonijiet minimi ta’ akkoljenza lill-applikanti għall-ażil qabel ma jittieħdu fil-kustodja jew jittieħdu lura mill-Istat Membru responsabbli — Perijodu li fih l-Istat Membru ospitanti huwa responsabbli li jipprovdi dawn il-kundizzjonijiet — Responsabbiltà għall-ispejjeż tal-provvista ta’ dawn il-kundizzjonijiet”

    1. 

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mill-Conseil d’État Franċiż (Kunsill tal-Istat) qed titlob li tiġi ggwidata fl-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/9 ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza”) li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (iktar ’il quddiem il-“kundizzjonijiet tal-akkoljenza”), meta tinqara flimkien mar-Regolament Nru 343/2003 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin II”) ( 3 ).

    2. 

    Skont ir-regoli dwar it-“teħid lura” u t-“teħid tal-inkarigu” stabbiliti skont dak ir-regolament, ( 4 ) jista’ jkun il-każ li applikant għall-ażil isib li l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni tiegħu (iktar ’il quddiem “l-Istat Membru responsabbli”) ma huwiex dak li jkun jinsab fih fiż-żmien rilevanti (iktar ’il quddiem “l-Istat Membru ospitanti”). Il-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi mistoqsija, l-ewwel nett, jekk il-kundizzjonijiet tal-akkoljenza fil-fatt japplikawx għal dan it-tip ta’ applikant għall-ażil, u mbagħad, fil-każ li dawn japplikaw, (a) f’liema punt tispiċċa r-responsabbiltà tal-Istat Membru ospitanti li jiggarantixxi dawn il-kundizzjonijiet jekk ikun hemm ordni ta’ “teħid lura” jew “teħid tal-inkarigu” skont ir-Regolament Dublin II u (b) jekk huwiex l-Istat Membru responsabbli jew l-Istat Membru ospitanti li huwa responsabbli għall-ispejjeż biex dawn il-kundizzjonijiet ikunu disponibbli matul il-perjodu inkwistjoni.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni Ewropea (UE)

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere

    3.

    Fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, il-Kunsill Ewropew ta’ Tampere adotta serje ta’ miżuri (iktar ’il quddiem il-“Konklużjonijiet ta’ Tampere”) bil-għan li tiġi stabbilita “żona ġenwina ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fi ħdan l-Unjoni Ewropea” ( 5 ). Dawk il-miżuri kienu jinkludu dispożizzjonijiet relatati ma’ Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil li kellhom jiġu bbażati fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-istatus tar-refuġjati ( 6 ). Sa fejn hu rilevanti għal din il-kawża, il-paragrafu 14 tal-Konklużjonijiet ta’ Tampere jistipula dan li ġej:

    “Din is-sistema għandha tinkludi, fit-terminu qasir, metodu ċar u li jiffunzjona biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil [u] l-kundizzjonijiet minimi komuni tal-akkoljenza tal-applikanti għall-ażil […] Il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-importanza li jiġu kkonsultati l-UNHCR [ ( 7 ) ] u organizzazzjonijiet oħra internazzjonali”.

    Id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza

    4.

    Kif jidher ċar mit-titolu tagħha, mill-premessa 7 fil-preambolu u mill-Artikolu 1, id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza ġiet adottata sabiex tistabbilixxi l-“istandards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil” previsti fil-paragrafu 14 tal-Konklużjonijet ta’ Tampere.

    5.

    Skont il-premessa 5 fil-preambolu, id-Direttiva “tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din “tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u li tippromwovi l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 1 u 18 tal-Karta msemmija”.

    6.

    (L-Artikolu 2(c) jiddefinixxi “applikant” u “min ifittex l-ażil” bħala “ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat li għamel applikazzjoni għall-ażil li fir-rigward tagħha deċiżjoni finali tkun għadha ma tteħditx”.

    7.

    Skont l-Artikolu 2(i), “il-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza” huma dawk il-miżuri li l-Istati Membri jipprovdu lil min japplika għall-ażil skont din id-direttiva; skont l-Artikolu 2(j), “kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali” jinkludu “akkomodazzjoni, ikel u ħwejjeġ, ipprovduti in natura, jew bħala konċessjonijiet finanzjarji jew f’vouchers, u konċessjoni għal spejjeż ta’ kuljum”.

    8.

    L-Artikolu 3 hu intitolat “Skop”. “Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni bla stat kollha li jagħmlu applikazzjoni għal ażil fil-konfini jew fit-territorju ta’ Stat Membru għaż-żmien kollu li huma permessi joqogħdu fit-territorju bħala min ifittex ażil, kif ukoll għal membri tal-familja, jekk huma koperti minn applikazzjoni għal ażil tali skont il-liġi nazzjonali”.

    9.

    L-Artikolu 6(1) jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li, fi żmien tlett ijiem minn meta l-applikazzjoni tkun ġiet iddepożitata mal-awtorità kompetenti, l-applikant jingħata dokument maħruġ f’ismu stess li jiċċertifika l-istatus tiegħu bħala min ifittex ażil jew li jiddikjara li hu għandu permess joqgħod fit-territorju tal-Istat Membru waqt li l-applikazzjoni tiegħu tkun pendenti jew tkun qiegħda tiġi eżaminata.

    10.

    L-Artikolu 13 jeħtieġ li l-Istati Membri b’mod partikolari (1) “jiżguraw li kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali jkunu disponibbli lill-applikanti meta jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal ażil” u li (2) “jagħmlu provvedimenti dwar kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali biex jiżguraw standard ta’ ħajja adegwat għas-saħħa ta’ l-applikanti u kapaċi li jiżgura s-sussistenza tagħhom”.

    Ir-Regolament Dublin II

    11.

    L-għan tar-Regolament Dublin II hu li jistabbilixxi “metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil”, kif previst fil-paragrafu 14 tal-Konklużjonijet ta’ Tampere.

    12.

    Skont il-premessa 15 fil-preambolu, ir-regolament “josserva d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikulari, huwa jfittex li jiżgura osservanza sħiħa tad-dritt ta’ l-ażil iggarantit bl-Artikolu 18”.

    13.

    L-Artikolu 2 jiddefinixxi “applikant” u “applikant għall-ażil” bi kliem li, għall-iskopijiet ta’ dawn il-Konklużjonijiet, huma identiċi għal dawk fl-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza ( 8 ).

    14.

    L-Artikolu 3(1) jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjoni ta’ kull ċittadin ta’ pajjiż terz “li japplika fil-konfini jew fit-territorju tagħhom lil kull wieħed minnhom għall-ażil”. L-applikazzjoni għandha tiġi eżaminata minn dak l-Istat Membru partikolari identifikat bħala responsabbli skont ġerarkija ta’ kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ( 9 ). Bis-saħħa tal-Artikolu 5(2) dan jiġi ddeterminat abbażi tas-sitwazzjoni eżistenti fiż-żmien li fih l-applikant għall-ażil ikun ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu lill-Istat Membru għall-ewwel darba.

    15.

    Il-Kapitolu V, intitolat “Teħid ta’ Inkarigu u Teħid Lura”, jirrigwarda ċ-ċirkustanzi li fihom Stat Membru jista’ jkun obbligat jew li jinkariga ruħu b’applikant għall-ażil jew li jieħu lura persuna bħal din. Kull proċedura hi rregolata mill-mekkaniżmu u mill-perijodi taż-żmien applikabbli tagħha stess. Jien ser nagħti deskrizzjoni qasira ta’ dawn il-perijodi ta’ żmien applikabbli iktar ’l isfel; deskrizzjoni iżjed iddettaljata tinsab stabbilita fl-anness.

    16.

    Il-proċedura tat-teħid tal-inkarigu jibda jkollha effett meta l-Istat Membru ospitanti jikkonkludi, b’referenza għall-kriterji fil-Kapitolu III, li Stat Membru ieħor hu responsabbli għall-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni. L-Artikolu 16(1) (a) jipprovdi li l-Istati Membri huma obbligati jinkarigaw ruħhom, skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 17 sa 19, b’applikant għall-ażil li jkun issottometta applikazzjoni fi Stat Membru ieħor. L-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni jista’, fi żmien tliet xhur mid-data tal-applikazzjoni, jitlob lil dak l-Istat Membru li jidhirlu li hu responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni (iktar ’il quddiem l-“Istat Membru rikjest”) jinkariga ruħu mill-applikant għall-ażil ( 10 ). Dak l-Istat Membru mbagħad għandu xahrejn mid-data li fiha jkun irċieva t-talba biex iwettaq il-kontrolli neċessarji u biex jasal għal deċiżjoni ( 11 ). Fejn l-Istat Membru rikjest jaċċetta li jinkariga ruħu minn applikant, l-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni għandu javża lill-applikant dwar l-obbligu li jittrasferih lejn l-Istat Membru rikjest, fejn imbagħad l-Istat Membru rikjest għandu jkun responsabbli biex jipproċessa l-applikazzjoni. L-applikant għandu jiġi ttrasferit fi żmien sitt xhur minn meta tkun ġiet aċċettata r-rikjesta jew minn meta tkun ittieħdet deċiżjoni dwar appell jew dwar reviżjoni fil-każ li jkun hemm effett sospensiv ( 12 ).

    17.

    Il-proċedura tat-teħid lura tapplika meta Stat Membru:

    ikun beda jeżamina applikazzjoni u l-applikant ikun ġewwa Stat Membru ieħor mingħajr permess (Artikolu 16(1)(c)),

    ikun beda jeżamina applikazzjoni li sussegwentement tkun ġiet irtirata mill-applikant, minħabba l-fatt li l-applikant ikun issottometta applikazzjoni fi Stat Membru ieħor (Artikolu 16(1)(d)), jew

    ikun irrifjuta l-applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz meta din il-persuna tkun tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr permess (Artikolu 16(1)(e)).

    18.

    Il-proċedura tat-teħid lura hija rregolata mill-Artikolu 20. L-Istat Membru ospitanti jista’ jirrikjedi lil Stat Membru ieħor jieħu lura applikant għall-ażil, filwaqt li jipprovdi informazzjoni suffiċjenti biex tippermetti lill-Istat Membru rikjest jivverifika li hu responsabbli. Ma hemmx limitu ta’ żmien li fih għandha ssir din ir-rikjesta. L-Istat Membru rikjest għandu jwettaq il-verifiki neċessarji u jirrispondi għat-talba mhux iżjed tard minn xahar minn meta tkun saret it-talba ( 13 ). L-Istat Membru li jaċċetta li jieħu lura applikant hu obbligat li jerġa’ jdaħħal lil dik il-persuna. L-applikant għandu jiġi ttrasferit fi żmien sitt xhur minn meta tkun ġiet aċċettata r-rikjesta jew minn meta tittieħed deċiżjoni dwar appell jew dwar reviżjoni fil-każ li jkun hemm effett sospensiv ( 14 ).

    19.

    Dan ir-regolament jipprovdi li deċiżjoni li għandu jittieħed l-inkarigu ta’ applikant għall-ażil jew li għandu jintbagħat lura tista’ tkun suġġetta għal appell jew għal reviżjoni fl-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni inkwistjoni. Proċedura ta’ appell jew ta’ reviżjoni ma tissospendix l-implementazzjoni tat-trasferiment ladarba l-qrati u l-korpi kompetenti fl-Istat Membru ospitanti ma jiddeċidux, abbażi ta’ każ b’każ, u meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun tippermetti dan ( 15 ), li għandu jsir hekk.

    Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

    20.

    Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”) ġiet iffirmata f’Nice fis-7 ta’ Diċembru 2000 ( 16 ). L-Artikolu 1 jipprovdi:

    “Id-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli. Hija għandha tkun irrispettata u protetta.”

    21.

    L-Artikolu 18 jipprovdi:

    “Id-dritt għall-asil għandu jkun garantit b’rispett għar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tat-28 ta’ Lulju 1951 u l-Protokoll tal-31 ta’ Jannar 1967 dwar l-istatus ta’ refuġjati u skond it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea”.

    Id-dritt nazzjonali u dispożizzjonijiet amministrattivi

    Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw id-dħul ta’ applikant għall-ażil fit-territorju Franċiż.

    22.

    L-Artikolu L.741-4 tal-Code de l’entrée et du séjour des étrangers et du droit d’asile (Il-Kodiċi dwar id-Dħul u r-Residenza ta’ Ċittadini Barranin u d-Dritt tal-Ażil, iktar ’il quddiem iċ-“CESEDA”) japplika għal ċittadin barrani li jinsab fit-territorju Franċiż u li jkun applika għall-ażil hemmhekk. Dan jipprovdi li l-awtorità kompetenti tista’ tirrifjuta li tagħti permess biex ċittadin barrani jidħol fi Franza ladarba l-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni tkun ir-responsabbiltà ta’ Stat ieħor skont ir-Regolament Dublin II.

    23.

    L-Artikolu L.742-1 taċ-CESEDA jipprovdi li, meta applikant għall-ażil ikun awtorizzat jgħix fi Franza abbażi tal-Artikolu L.741, hu għandu jingħata dokument ta’ residenza provviżorja li jippermettilu jissottometti applikazzjoni għall-ażil lill-Office français de protection des refugiés et apatrides (L-Uffiċċju Franċiż għall-protezzjoni tar-refuġjati u persuni mingħajr stat) (iktar ’il quddiem l-“OFPRA”).

    24.

    Skont l-Artikolu L.723-1 taċ-CESEDA, l-OPFRA ma għandux il-kompetenza li jikkunsidra applikazzjoni ppreżentata minn persuna li l-applikazzjoni tagħha biex tibqa’ fit-territorju Franċiż tkun ġiet miċħuda abbażi tal-Artikolu L.741-4.

    Id-dispożizzjonijiet li jittrasponu d-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza

    25.

    Biex jimplementa l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza, l-Artikolu 348-1 tal-Code de l’action sociale et des familles (Kodiċi dwar l-azzjoni soċjali u l-familji) jipprovdi li l-applikanti għall-ażil li għandhom fil-pussess tagħhom dokument ta’ residenza skont l-Artikolu L.742-1 taċ-CESEDA huma intitolati jiġu akkomodati f’ċentru tal-akkoljenza.

    26.

    F’dak li jirrigwarda għajnuna finanzjarja, l-Artikolu L.5423-8 tal-Code du travail (Kodiċi dwar l-Impjieg) Franċiż jipprovdi għal allowance temporanja (tideover allowance) li għandha titħallas liċ-“ċittadini barranin li għandhom fil-pussess tagħhom permess ta’ residenza li jirreferi għall-fatt li dawn fittxu l-ażil fi Franza [...]”.

    27.

    Dawn id-dispożizzjonijiet ma jippermettux lil applikant għall-ażil, li l-applikazzjoni tiegħu tkun suġġetta għal analiżi preliminarja skont id-dispożizzjonijiet dwar it-teħid tal-inkarigu jew it-teħid lura tar-Regolament Dublin II, li jibbenefika mill-kundizzjonijiet tal-akkoljenza stipulati fihom. Dan minħabba l-fatt li ma jkollux fil-pussess tiegħu id-dokument ta’ residenza proviżorja msemmi fl-Artikolu L.742-1 taċ-CESEDA u għalhekk, skont l-Artikolu L.723-1, l-applikazzjoni tiegħu ma tistax tiġi kkunsidrata mill-OFPRA.

    28.

    Fit-3 ta’ Novembru 2009, il-Ministre de l-immigration et de l’integration (Ministeru tal-Immigrazzjoni u l-Integrazzjoni) u l-Ministre de l’économie et des finances (Ministeru tal-Ekonomija u l-Finanzi) ippubblikaw ċirkolari interministerjali (iktar ’il quddiem iċ-“ċirkolari tideover”) li tgħid li l-applikanti għall-ażil li l-applikazzjoni tagħhom tista’ tkun soġġetta għad-dispożizzjonijiet dwar it-teħid tal-inkarigu jew it-teħid lura tar-Regolament Dublin II ma humiex intitolati għal allowance temporanja (tideoever allowance).

    Fatti, proċedura u domandi magħmula

    29.

    CIMADE ( 17 ) u GISTI, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, huma organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt li l-għanijiet tagħhom jinkludu l-ħarsien tad-drittijiet tal-applikanti għall-ażil. Huma konġuntament ippreżentaw rikors quddiem il-qorti tar-rinviju biex tiġi annullata ċ-ċirkolari tideover. Huma jsostnu b’mod partikolari li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u taċ-ċirkolari tideover huma inkompatibbli mad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza.

    30.

    Il-Conseil d’État issospenda l-proċeduri quddiemu u għamel lill-Qorti tal-Ġustizzja id-domandi preliminari segwenti:

     

    “Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE, tas-27 ta’ Jannar 2003, tiggarantixxi l-kundizzjonijiet minimi ta’ akkoljenza li hija tirreferi għalihom għall-applikanti li fir-rigward tagħhom Stat Membru li jkun irċieva applikazzjoni għall-ażil jiddeċiedi, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jirreferi l-applikazzjoni lil Stat Membru ieħor li huwa jikkunsidra bħala responsabbli biex jeżamina din l-applikazzjoni, kemm iddum għaddejja l-proċedura ta’ teħid [tal-]inkarigu jew ta’ teħid lura tal-applikanti minn dan l-Istat Membru l-ieħor?

     

    F’każ ta’ risposta affermattiva għal din id-domanda:

     

    l-obbligu, impost fuq l-ewwel Stat Membru [ ( 18 ) ], li jiggarantixxi l-kundizzjonijiet minimi ta’ akkoljenza, jispiċċa fil-mument meta tittieħed id-deċiżjoni ta’ aċċettazzjoni mill-Istat li tkun saritlu t-talba, malli effettivament jittieħed inkarigu jew jittieħed lura l-applikant għall-ażil, jew f’xi data oħra?

     

    liema Stat Membru għandu b’hekk jassumi l-piż finanzjarju biex jiġu pprovduti l-kundizzjonijiet minimi ta’ akkoljenza matul dan il-perijodu?”

    31.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn CIMADE u GISTI ( 19 ), mir-Repubblika Ċeka, minn Franza, mill-Greċja, mill-Italja, mill-Polonja u mill-Isvizzera ( 20 ), u mill-Kummissjoni Ewropea. Waqt is-seduta tat-8 ta’ Marzu 2011, saru sottomissjonijiet orali minn CIMADE u ĠISTI, minn Franza, mill-Italja u mill-Kummissjoni.

    Analiżi

    L-ewwel domanda

    32.

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza tiggarantixxix il-kundizzjonijiet tal-akkoljenza lil dawk l-applikanti għall-ażil li jkunu ssottomettew applikazzjoni fi Stat Membru, meta dak l-Istat Membru jkun iddeċieda, skont ir-Regolament Dublin II, li jirreferi l-applikazzjoni lil Stat Membru ieħor li hu jidhirlu għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni ( 21 ).

    33.

    Hi tqajjem ukoll il-kwistjoni dwar iż-żmien li fih għandhom jitwettqu l-obbligi tal-Istat Membru ospitanti. Dik il-kwistjoni tista’ tiġi ttrattata b’mod iktar xieraq flimkien mad-domanda 2(a), u għalhekk jien ser nikkunsidraha hemm.

    34.

    Minbarra Franza, l-Istati Membri kollha li intervjenew, flimkien mal-Kummissjoni, isostnu (b’xi varjazzjonijiet fir-raġunar preċiż tagħhom) li r-risposta għad-domanda ewlenija għandha essenzjalment tkun fl-affermattiv.

    35.

    Franza ssostni li kemm il-kliem tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza kif ukoll l-għanijiet tagħha jirrikjedu risposta fin-negattiv.

    Il-kliem tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza

    36.

    Id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza tistabbilixxi l-istandards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu l-ażil fl-Istati Membri.

    37.

    L-Artikolu 2(c) jiddefinixxi “min ifittex l-ażil” bħala ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat “li jkun għamel applikazzjoni għall-ażil li dwarha deċiżjoni finali tkun għadha ma tteħditx”.

    38.

    L-Artikolu 3(1) jipprovdi li d-direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni bla stat kollha “li jagħmlu applikazzjoni għal ażil fil-konfini jew fit-territorju ta’ Stat Membru għaż-żmien kollu li huma permessi joqogħdu fit-territorju bħala min ifittex ażil [...]”. L-Artikolu 3(2) u (3) jistipula serje ta’ eċċezzjonijiet; dawn huma relattivament tekniċi fin-natura tagħhom u ebda waħda minnhom ma hi rilevanti għall-punt essenzjali inkwistjoni fir-rinviju preżenti.

    39.

    F’dak li jirrigwarda l-punt li fih il-kundizzjonijiet tal-akkoljenza materjali ( 22 ) għandhom isiru disponibbli għall-applikanti, l-Artikolu 13(1) jispeċifika li dan hu meta l-applikanti għall-ażil “jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal ażil”.

    40.

    Huwa għalhekk ċar li l-element li jwassal għall-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, u li jwassal biex wieħed ikun jista’ jirċievi l-kundizzjonijiet tal-akkoljenza materjali, hu li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu “jissottometti applikazzjoni għall-ażil”. Iżda xi jfisser dan il-kliem (apparentement sempliċi)? Hu biżżejjed li l-applikant għall-ażil għandu jkun fittex l-ażil (irrispettivament minn jekk, fl-aħħar mill-aħħar, dak l-Istat Membru jkunx responsabbli għall-kunsiderazzjoni sostantiva ta’ din l-applikazzjoni)? Jew l-applikazzjoni għall-ażil tkun “saret” biss kif u meta l-Istat Membru jaċċetta li hu fil-fatt l-Istat Membru responsabbli u għalhekk jippermetti li l-applikazzjoni tiġi formalment “ippreżentata” skont id-dritt nazzjonali?

    41.

    Jidhirli li l-interpretazzjoni ovvja u naturali tas-siltiet li jien iċċitajt hi li l-kliem “jissottomettu talba għall-ażil” ifissru dak li qed jgħidu. Ladarba ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jindika b’mod espliċitu u ċar, jew fil-konfini jew ġewwa t-territorju ta’ Stat Membru, li jixtieq jingħata l-ażil, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jibdew jeżaminaw dik l-applikazzjoni. Wieħed mill-ewwel passi fil-proċess jista’ jkun li titqajjem il-kwistjoni dwar jekk, abbażi tal-fatti ta’ dak il-każ partikolari, skont ir-Regolament Dublin II, l-Istat Membru responsabbli għall-eżaminazzjoni sostantiva ta’ dik l-applikazzjoni huwiex (jew jistax ikun) Stat Membru differenti. Iżda l-applikazzjoni għall-ażil tkun diġà “saret”, u b’hekk tkun qed iġġib magħha d-drittijiet skont id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza.

    42.

    Dak kollu li ngħad hawn fuq iwassalni biex nikkonkludi li d-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza tapplika għall-applikanti għall-ażil kollha li jkunu applikaw għall-ażil fl-Istat Membru ospitanti, anki jekk dak l-Istat jista’ jkun iddeċieda, skont ir-Regolament Dublin II, li jirreferi l-applikazzjoni lil Stat Membru ieħor li hu jidhirlu għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni.

    43.

    Franza ma taqbilx. Hi ssostni li għandu jkun hemm interpretazzjoni iżjed stretta, li teskludi lil dawk l-applikanti għall-ażil kollha li l-applikazzjoni tagħhom tista’ tkun suġġetta għad-dispożizzjonijiet tat-teħid tal-inkarigu jew tat-teħid lura skont ir-Regolament Dublin II, mill-ambitu tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza. Hi tirreferi l-ewwelnett għad-definizzjoni ta’ “applikant għall-ażil” fl-Artikolu 2(c) tad-direttiva, imbagħad għall-Artikolu 5(1), li jobbliga lill-Istati Membri jipprovdu lill-applikanti għall-ażil b’ċerta informazzjoni “fi żmien raġonevoli li ma jeċċedix ħmistax-il jum wara li jkunu ddepożitaw l-applikazzjoni għal ażil tagħhom ma’ l-awtorita kompetenti”, u fl-aħħarnett, għall-obbligu skont l-Artikolu 13(1) li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet tal-akkoljenza materjali jkunu disponibbli lill-applikanti meta huma jissottomettu l-applikazzjoni. Hi ssostni li d-dispożizzjonijiet tad-direttiva jiġu attivati meta talba għall-ażil tiġi formalment ippreżentata lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li hu responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni. L-applikanti għall-ażil, li l-applikazzjonijiet tagħhom huma suġġetti għar-Regolament Dublin II, ma jistgħux jiġu meqjusa li ppreżentaw applikazzjoni bħal din.

    44.

    Jien ma nara ebda bażi għal din l-interpretazzjoni. Kif diġà semmejt, ma nqisx li d-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(c) tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza teskludi l-applikanti għall-ażil inkwistjoni mill-ambitu tagħha. Kif indikajt fil-punt 40 iktar ’il fuq, hi l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil li twassal biex issir applikabbli d-direttiva. F’dak li jirrigwarda l-obbligu li tiġi pprovduta l-informazzjoni skont l-Artikolu 5(1), ma jidhirlix li din tista’ teskludi l-applikanti għall-ażil, li l-applikazzjoni tagħhom tista’ tkun suġġetta għad-dispożizzjonijiet dwar it-teħid tal-inkarigu jew it-teħid lura tar-Regolament Dublin II, mill-kundizzjonijiet tal-akkoljenza stipulati taħt id-direttiva. U jidhirli li l-Artikolu 13(3) jeħtieġ interpretazzjoni li hi totalment l-oppost ta’ dik proposta minn Franza.

    45.

    L-argument ta’ Franza — li l-effett ikkombinat ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hu li jiġu esklużi mill-ambitu tad-Direttiva dawk l-applikanti li jistgħu jkunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet dwar it-teħid tal-inkarigu jew it-teħid lura tar-Regolament Dublin II — jidher li qed jassumi li, minħabba li bis-saħħa tar-Regolament Dublin II l-applikazzjoni ta’ dawn l-applikanti għall-ażil ma tistax tiġi eżaminata mill-Istat Membru ospitanti, id-direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza ma tistax tapplika għalihom. Jien ma jidhirlix li l-kliem tad-Direttiva jista’ jiġġustifika din il-konklużjoni. Skont l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva u l-Artikolu 2(d) tar-regolament, applikant għall-ażil jibqa’ applikant għall-ażil sakemm tkun għadha ma tteħditx deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni tiegħu. Kull deċiżjoni li tirrigwarda l-proċeduri mibdija mill-Istat Membru ospitanti skont ir-Regolament Dublin II hi għalhekk irrilevanti.

    46.

    Fil-fatt, biex l-argument ta’ Franza jipprevali, huwa neċessarju li l-leġiżlazzjoni kienet tistabbilixxi, b’mod espliċitu jew impliċitu, kategorija diskreta ta’ “pre-applikanti għall-ażil” — jiġifieri, applikanti għall-ażil ġewwa t-territorju ta’ Stat Membru ospitanti li jkollhom jiġu ttrattati b’mod differenti minn applikanti għall-ażil oħra minħabba l-fatt li l-Istat ikun għadu ma pprovdilhomx dokument tar-residenza. Il-leġiżlazzjoni ma tagħmel ebda dispożizzjoni bħal din f’dan ir-rigward. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza jobbliga lill-Istati Membri li jiżguraw li applikant għall-ażil jingħata, fi żmien tlett ijiem minn meta jkun issottometta l-applikazzjoni tiegħu, dokument li jiċċertifika l-istat tiegħu bħala applikant għall-ażil u li jiddikjara li għandu permess jibqa’ fit-territorju tal-Istat sakemm tkun għadha pendenti jew sakemm tkun għadha qed tiġi eżaminata l-applikazzjoni tiegħu. Jidhirli li Franza mhux biss qed tinterpreta ħażin id-Direttiva, iżda qiegħda wkoll tapplikaha ħażin.

    47.

    Barra dan, kif tosserva l-UNHCR ( 23 ), ir-Regolament Dublin II ġie ppromulgat wara li ġiet adottata d-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza. Kieku xtaqet tagħmel dan, kienet tkun ħaġa faċli għall-leġiżlatura Komunitarja li tinkorpora esklużjoni espliċita tad-direttiva fil-korp tar-regolament. Ma teżisti ebda esklużjoni bħal din.

    48.

    Qabel ma nibda nittratta l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, nixtieq nagħmel riferiment qasir għal punt li għamlet il-Greċja, li qajmet il-kwistjoni dwar l-applikabilità tad-direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza lil persuni li jaqaw fi ħdan l-Artikolu 16(1)(c) u 16(1)(e) tar-Regolament Dublin II — jiġifieri dawk il-persuni li huma suġġetti għal obbligu potenzjali ta’ teħid lura u li jkunu preżenti fl-Istat Membru ospitanti mingħajr permess, minħabba li jkunu ssottomettew l-applikazzjoni tagħhom fi Stat Membru ieħor. Il-Greċja tissuġġerixxi li persuni f’din il-kategorija ma jistgħux jikkwalifikaw taħt din id-direttiva, minħabba li huma ma jkunux issottomettew applikazzjoni għall-ażil “fil-konfini jew fit-territorju tal-[Istat Membru ospitanti]” għall-iskopijiet tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

    49.

    Filwaqt li l-kwistjoni tqajjem suġġetti interessanti li jirrigwardaw l-istat tal-persuni kkonċernati skont dawk id-dispożizzjonijiet, din taqa’ barra l-ambitu tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, liema ordni tippresupponi li l-applikazzjoni saret fit-territorju ta’ Stat Membru ospitanti. Għalhekk jien mhux ser inkompli nikkunsidraha.

    L-għanijiet tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza u tar-Regolament Dublin II

    50.

    Id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza u r-Regolament Dublin II għandhom jiġu interpretati skont il-kuntest li ġew ippromulgati fih ( 24 ).

    51.

    Għalhekk, il-preamboli tagħhom it-tnejn ( 25 ) jirreferu għall-Konklużjonijiet ta’ Tampere u għas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil. Id-definizzjonijiet ta’ “applikazzjoni għall-ażil” minn naħa waħda, u “applikant” u “applikant għall-ażil” min-naħa l-oħra ( 26 ), huma wkoll — għall-iskopijiet ta’ dawn il-Konklużjonijiet — identiċi fiż-żewġ preamboli. Għal raġunijiet ovvji, l-iskop tagħhom hu differenti. Ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri ( 27 ). L-obbligi li jistabbilixxi huma għalhekk “orizzontali”; dawn jeżistu bejn l-Istati Membri.

    52.

    B’kuntrast ma’ dan, id-Direttiva ġiet ippromulgata sabiex tistabbilixxi l-istandards minimi komuni ta’ akkoljenza fir-rigward tal-applikanti għall-ażil. Għalhekk din timponi serje ta’ obbligi “vertikali” li jirrigwardaw il-provvediment ta’ kundizzjonijiet ta’ akkoljenza mill-Istat Membru ospitanti għall-benefiċċju ta’ applikant għal ażil individwali. Minħabba dan, jidhirli li l-fatt li għal kategorija partikolari ta’ applikant għall-ażil — jiġifieri, dawk l-applikanti għall-ażil li huma s-suġġett tad-domanda tal-qorti tar-rinviju — għandu jkun hemm diversi komunikazzjonijiet li r-regolament jeħtieġ li l-Istati Membri jwettqu sabiex jiddeterminaw fejn, preċiżament, għandha tiġi eżaminata l-applikazzjoni tagħhom, ma għandu l-ebda rilevanza f’dak li jirrigwarda l-intitolament għall-kundizzjonijiet tal-akkoljenza.

    53.

    Franza ssostni li l-applikanti għall-ażil li jistgħu jkunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet dwar it-teħid tal-inkarigu jew it-teħid lura tar-Regolament Dublin II għandhom ikunu suġġetti mhux għad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza iżda għad-dritt nazzjonali — li, f’dan il-każ, jidher li hu inqas favorevoli.

    54.

    Ma għandux ikun permissibbli, fil-fehma tiegħi, li l-applikanti għall-ażil inkwistjoni jitnaqqsilhom il-livell tal-benefiċċji.

    55.

    Il-premessa 5 fil-preambolu tad-Direttiva tgħid li d-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta, u li l-għanijiet tagħha huma kemm li tiżgura rispett sħiħ lejn id-dinjità tal-bniedem kif ukoll li tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1 u 18 ta’ dak id-dokument. Il-premessa 7 tirreferi għall-istandards ta’ akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil li normalment għandhom ikunu biżżejjed biex jiżguraw standard ta’ ħajja dinjituż u kundizzjonijiet ta’ ħajja komparabbli fl-Istati Membri kollha. Dawk l-istandards huma minima li għandhom japplikaw f’kull parti tal-Unjoni sabiex jirriflettu r-rekwiżiti ta’, inter alia, l-Artikolu 1 tal-Karta, jiġifieri li d-dinjità tal-bniedem għandha tiġi rrispettata u mħarsa ( 28 ).

    56.

    Għandu jiġi osservat ukoll, kif tiġbed l-attenzjoni l-UNHCR ( 29 ), li meta jiġu miċħuda l-kundizzjonijiet tal-akkoljenza jista’ jkun ukoll li jinkisru drittijiet oħra, b’mod partikolari d-dritt ta’ applikant għall-ażil li jissottometti u jsostni talba għall-ażil permezz ta’ proċedura ġusta u effiċjenti ( 30 ). Ċaħda bħal din tista’ wkoll tippreġudika l-abbiltà tal-applikant li jsegwi u jissostanzja t-talba tiegħu anki wara li jkun ġie ddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina t-talba tiegħu ( 31 ). Kif tkompli tinnota l-UNHCR ( 32 ), iċ-ċaħda tal-kundizzjonijiet tal-akkoljenza jista’ jkollha wkoll effett materjali fuq l-abbiltà tal-applikant li jeżerċita d-dritt tiegħu li jikkontesta d-deċiżjoni tat-trasferiment kif stabbilit fl-Artikolu 19(2) jew fl-Artikolu 20(1)(e) tar-Regolament Dublin II. Jekk dawn id-drittijiet ma jiġux ipprovduti jkun hemm ir-riskju li jiġi ppreġudikat il-prinċipju ssalvagwardat permezz tal-Artikolu 18 tal-Karta li d-dritt għall-ażil għandu jitħares skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati.

    57.

    Il-kumplament tal-argumenti ta’ Franza jistgħu jiġu ttrattati fil-qosor. Hi ssostni, l-ewwel nett, li l-proċeduri għall-eżaminazzjoni sostantiva ta’ applikazzjoni għall-ażil tista’ tieħu fit-tul, u għalhekk tkun iġġustifikata l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-akkoljenza. B’mod kuntrarju, il-proċeduri għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli taħt ir-Regolament Dublin II huma maħsuba biex ma jiħdux fit-tul. Ladarba dan hu l-każ (kif jiena nifhem l-argument), fil-prattika ma hemm ebda bżonn li jiġu applikati l-kundizzjonijiet tal-akkoljenza.

    58.

    Fil-fatt, l-għan tar-Regolament Dublin II hu li l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil jiġi ddeterminat fi żmien qasir ( 33 ). Minkejja dan, il-perijodi involuti jistgħu jkunu twal — faċilment iżjed minn 12-il xahar jekk l-applikant għall-ażil jagħżel li jeżerċita d-dritt tiegħu tal-appell u jekk l-Istat Membru ospitanti jagħtih permess jibqa’ hemm sakemm jiġi deċiż l-appell ( 34 ). Fil-fatt jista’ jiġri li meta tiġi applikata l-proċedura stabbilita taħt ir-Regolament Dublin II f’każ partikolari jirriżulta li l-applikant għall-ażil qatt ma jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru rikjest iżda minflok jibqa’ fejn ikun. Jekk dan ikun il-każ, jien ma nara ebda raġuni għaliex għandu jkun iġġustifikat l-argument ta’ Franza.

    59.

    It-tieni nett, Franza ssostni li r-Regolament Dublin II hu bbażat fuq il-prinċipju li l-Istat Membru responsabbli għandu jassumi r-responsabbiltà tal-applikant għall-ażil li jinsab fit-territorju tal-Unjoni. Li wieħed jeżiġi lill-Istat Membru ospitanti jipprovdi l-kundizzjonijiet tal-akkoljenza jmur kontra l-loġika tal-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet.

    60.

    Minħabba li fil-perijodu rilevanti l-applikant għall-ażil ikun fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti u mhux f’dak tal-Istat Membru responsabbli, u minħabba li hu l-Istat Membru ospitanti biss li jista’ fuq kwalunkwe bażi prattika, jipprovdi l-kundizzjonijiet inkwistjoni ( 35 ), dan l-argument ma jistax, fil-fehma tiegħi, jirnexxi.

    61.

    It-tielet nett, Franza ssostni li wieħed mill-għanijiet kemm tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza ( 36 ) kif ukoll tar-Regolament Dublin II hu li jiġi llimitat iċ-ċaqliq sekondarju tal-applikanti għall-ażil. Huwa kontra dan l-għan li l-applikanti għall-ażil ikollhom il-possibbiltà li jiċċaqilqu minn Stat Membru għal ieħor u jibbenefikaw mill-istess livell ta’ kundizzjonijiet tal-akkoljenza f’kull wieħed minnhom.

    62.

    Minħabba li hi wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva li l-applikanti għall-ażil għandhom fil-fatt jibbenefikaw mill-istess livell ta’ protezzjoni f’kull parti tal-Unjoni ( 37 ), għal darb’oħra jien ma nista’ nara ebda saħħa f’dan l-argument.

    63.

    Ir-raba’ nett, Franza tinvoka d-Direttiva 2005/85 ( 38 ). Hi ssostni li minħabba li l-premessa 29 tal-preambolu ta’ dik id-Direttiva tagħmilha ċara li dawk l-applikazzjonijiet li huma suġġetti għar-Regolament Dublin II huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, id-dritt mogħti lill-applikant għall-ażil skont l-Artikolu 7(1) li jibqa’ fl-Istat Membru għall-iskop tal-proċedura ta’ eżaminazzjoni ma jistax japplika wkoll għal dawk l-applikanti għall-ażil li l-applikazzjoni tagħhom tista’ tkun suġġetta għall-proċeduri tat-teħid tal-inkarigu jew tat-teħid lura skont ir-Regolament Dublin II.

    64.

    Jidhirli li dan l-argument hu bla valur. Id-Direttiva 2005/85 qiegħda hemm biex tistabbilixxi l-proċeduri li jirregolaw l-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat. Ma għandha ebda effett fuq il-provvediment tal-kundizzjonijiet tal-akkoljenza lill-applikanti għall-ażil inkwistjoni f’din il-kawża. Sa fejn huma kkonċernati dawn l-applikanti, ma hemm ebda bżonn li tiġi kkunsidrata d-Direttiva 2005/85. Li jistgħu jkunu leġġittimament preżenti fl-Istat Membru ospitanti jirriżulta ċar mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza nnifisha. Ma hemmx bżonn illi wieħed ikompli jesplora.

    65.

    Fl-aħħar nett, Franza tenfasizza li, fl-applikazzjoni tar-Regolament Dublin II, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tal-Karta. Għalhekk ma hemm ebda diffikultà biex id-dritt nazzjonali jitħalla jirregola l-kundizzjonijiet tal-akkoljenza ta’ applikanti għall-ażil li l-applikazzjonijiet tagħhom ikunu suġġetti għal dak ir-regolament.

    66.

    Jiena ma nistax naqbel.

    67.

    Peress li d-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza tistabbilixxi l-istandards minimi ta’ akkoljenza għall-applikanti għall-ażil, huma dawn l-istandards li għandu japplika Stat Membru waqt li l-applikant għall-ażil inkwistjoni jkun fit-territorju tiegħu. Jien naċċetta l-punt imqajjem waqt is-seduta li, b’mod partikolari meta jkollhom isiru kontrolli li jikkonċernaw l-istat tal-applikant għall-ażil, dan jista’ jieħu xi ftit taż-żmien biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza jkunu disponibbli f’każ partikolari, għalkemm il-proċess ta’ verifika ma għandux jitħalla li jdewwem l-affarijiet iżjed minn kemm ikun assolutament neċessarju. Ċertament dan ma huwiex ġustifikazzjoni għaliex wieħed ma għandux jipprovdi l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza.

    68.

    Għar-raġunijiet kollha msemmija preċedentement, jien inqis li d-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza tiggarantixxi l-kundizzjonijiet minimi ta’ akkoljenza msemmija fiha lill-applikanti li fir-rigward tagħhom Stat Membru li jkun irċieva applikazzjoni għall-ażil jiddeċiedi, skont ir-Regolament Dublin II, li jirreferi talba lil Stat Membru ieħor li hu jidhirlu li għandu l-kompetenza biex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil.

    It-tieni domanda

    69.

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq kjarifika f’dak li jirrigwarda (a) il-punt li fih jispiċċa l-obbligu tal-Istat Membru ospitanti li jipprovdi l-benefiċċji lill-applikanti għall-ażil fil-każ li dawn ikunu ġew trasferiti għal Stat Membru ieħor, u (b) l-ispejjeż meħtieġa biex jiġu pprovduti dawk il-benefiċċji.

    (a) sakemm għandu jibqa’ jgħodd l-obbligu tal-provvediment tal-kundizzjonijiet tal-akkoljenza

    70.

    Il-qorti tar-rinviju toffri tliet suġġerimenti f’dak li jirrigwarda l-punt li fih l-obbligu tal-provvediment tal-kundizzjonijiet tal-akkoljenza jista’ jispiċċa: fil-mument meta tittieħed id-deċiżjoni ta’ aċċettazzjoni mill-Istat Membru li tkun saritlu t-talba; meta effettivament jittieħed inkarigu jew jittieħed lura l-applikant għall-ażil; jew f’xi data oħra.

    71.

    Il-Kummissjoni u, essenzjalment, CIMADE u GISTI, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, il-Polonja u l-Isvizzera jsostnu li t-tieni waħda minn dawn is-suġġerimenti hi dik korretta.

    72.

    Franza essenzjalment taqbel ma’ dan ir-raġunar ( 39 ). Madankollu jżidu l-kwalifika li, jekk applikant għall-ażil jonqos milli josserva l-kundizzjonijiet legalment imposti mill-Istat Membru ospitanti li jirrigwardaw it-trasferiment tiegħu lejn l-Istat Membru rikjest, ikollu jitlef il-benefiċċju tal-kundizzjonijiet tal-akkoljenza.

    73.

    L-Italja ssostni li l-kundizzjonijiet tal-akkoljenza għandhom ikunu disponibbli għal perijodu li, f’każ normali, ma għandux jeċċedi sitt xhur mid-data li fiha tkun saret l-applikazzjoni għall-ażil. Jidher li l-leġiżlazzjoni applikabbli Taljana tipprovdi li, jekk wara dak il-perjodu l-applikant għall-ażil inkwistjoni ikun għadu ġewwa t-territorju ta’ dak l-Istat Membru, hu jkun intitolat jidħol fis-suq tax-xogħol hemmhekk ( 40 ).

    74.

    Jien irreferejt għall-perijodi li jistabbilixxi r-regolament fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar it-teħid tal-inkarigu u t-teħid lura, fil-punti 16 u 18 iktar ’il fuq u, f’iżjed dettall, fl-Anness. Fuq il-bażi l-waħda jew l-oħra, dawk il-perijodi jistgħu jkunu twal meta akkumulati, għall-inqas mill-perspettiva tal-applikant għall-ażil. Dan jista’ a fortiori jkun il-każ minħabba li (a) ma hemm ebda limitu fuq iż-żmien impost fuq l-Istat Membru ospitanti biex jibda l-proċedura f’każijiet ta’ teħid lura ( 41 ) u (b) għalkemm il-leġiżlazzjoni tipprovdi li ma hemmx għalfejn li appell ikollu effett sospensiv, l-Istat Membru ospitanti jista’ jadotta prassi differenti — kif, bħal ma tgħid il-Kummissjoni, spiss ikun il-każ. Mhux diffiċli f’każijiet bħal dan li wieħed jipprevedi li proċedura tat-trasferiment iddum sew iżjed minn sena.

    75.

    Normalment, applikant għall-ażil ikun preżenti fl-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu meħtieġ biex jiġi ddeterminat liema Stat Membru hu responsabbli li jeżamina l-applikazzjoni tiegħu. Hu jista’ wkoll ikun preżenti hemm matul il-perijodu ta’ xi appell. Skont ir-Regolament Nru 1560/2003 ( 42 ), li jistabbilixxi regoli ddettaljati dwar l-implementazzjoni tar-Regolament Dublin II, dak l-Istat għandu jiżgura li l-applikant jitqiegħed f’pożizzjoni fejn, fil-prattika, ikun jista’ jiġi ttrasferit fl-Istat Membru responsabbli ( 43 ). Diġà indikajt li jien inqis li l-applikanti għall-ażil li jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom fl-Istat Membru ospitanti huma intitolati jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet tal-akkoljenza minkejja li l-applikazzjoni tagħhom tkun suġġetta għar-Regolament Dublin II ( 44 ). Jidher li ma hemm ebda bażi possibbli li fuqha applikant jista’, matul il-perjodu neċessarju biex jiġu organizzati l-arranġamenti li jirrgwardaw it-trasferiment tiegħu, jiġi pprovdut b’dawk il-benefiċċji mill-Istat Membru rikjest. Fil-prattika din is-sitwazzjoni ma tistax tirnexxi. Lanqas ma hu inevitabbli li, jekk il-proċeduri skont ir-regolament jinbdew mill-Istat Membru ospitanti, l-applikant għall-ażil jittieħed fil-kustodja jew jittieħed lura minn Stat Membru ieħor. Dawn il-proċeduri jistgħu jiddeterminaw li hu għandu jibqa’ fejn ikun ( 45 ).

    76.

    Kif tosserva l-Kummissjoni, ikun imur kontra l-għanijiet tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza li applikant għall-ażil jiġi mċaħħad mill-benefiċċju tal-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza sakemm dan ma jkunx riżultat tal-imġieba tiegħu. Fil-fehma tiegħi, minn dan jirriżulta ċar illi l-provvediment ta’ dawn il-kundizzjonijiet huwa obbligu tal-Istat Membru ospitanti sal-punt li fih, jekk dan iseħħ, l-applikant għall-ażil jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru rikjest.

    77.

    Il-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq jippresupponu li l-proċeduri tar-Regolament Dublin II ikunu qed jiġu applikati normalment. Madankollu, hu possibbli li, pereżempju, l-applikant għall-ażil jaħrab u għalhekk ma jkunx disponibbli għat-trasferiment fiż-żmien iffissat.

    78.

    F’każ bħal dan, l-Istat Membru ospitanti ma jistax iżomm il-kundizzjonijiet tal-akkoljenza materjali disponibbli għal daqshekk żmien, minħabba li hu ma jkunx jaf fejn jinsab l-applikant għall-ażil. Fil-fatt, l-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza jippermetti li Stat Membru jirtira l-kundizzjonijiet tal-akkoljenza meta, fost l-oħrajn, applikant għall-ażil jabbanduna l-post tar-residenza tiegħu stabbilit mill-awtorità kompetenti mingħajr ma javżaha, jew mingħajr permess meta jkun meħtieġ permess, jew meta jonqos milli josserva d-doveri tiegħu li jippreżenta ruħu formalment. Kif jgħidu CIMADE u GISTI fl-osservazzjonijiet tagħhom, fil-każ li l-applikant għall-ażil jiġi rintraċċjat jew jirrapporta minn jeddu lill-awtorità kompetenti, l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 16(1)(a) jippermetti li Stat Membru jiddeċiedi jekk huwiex xieraq li jerġa’ jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-akkoljenza in parti jew kollha.

    79.

    Barra dan, l-Istat Membru kkonċernat jista’ wkoll inaqqas jew jirtira l-kundizzjonijiet tal-akkoljenza f’waħda miċ-ċirkustanzi l-oħra kkontemplati fl-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza .

    80.

    Jien għalhekk inqis li l-obbligu li jiġu ggarantiti l-kundizzjonijiet minimi tal-akkoljenza jispiċċa mat-teħid tal-inkarigu jew mat-teħid lura effettiv tal-applikant għall-ażil, jew (f’każ li dan iseħħ qabel) hekk kif l-Istat Membru jsir intitolat li jnaqqas jew jirtira dawk il-kundizzjonijiet skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza.

    (b) responsabbiltà għall-ispejjeż tal-provvediment tal-kundizzjonijiet tal-akkoljenza

    81.

    Kemm id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza kif ukoll ir-regolament ma jgħidu xejn dwar dan, għalkemm l-Isvizzera tinnota li skont l-Artikolu 29 tar-regolament ġdid propost ( 46 ) hu l-Istat Membru ospitanti li jkun responsabbli għall-ispejjeż ta’ kull trasferiment, punt li hi tqis li jirrappreżenta l-prassi kurrenti.

    82.

    Minn dawk il-partijiet li ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom, dawk li għamlu l-iżjed kontribut sostantiv għad-diskussjoni huma tal-fehma li sistema fejn l-ispejjeż għandhom ikunu r-responsabbiltà tal-Istat Membru rikjest ma tistax tirnexxi fil-prattika u barra dan tkun predisposta li twassal għal litigazzjoni li tiswa l-flus u bla bżonn. Fin-nuqqas ta’ xi suġġerimenti oħra, hu diffiċli li wieħed jikkritika dan ir-raġunar.

    83.

    B’mod iżjed fundamentli, jidhirli li s-sistema kollha li permezz tagħha tiġi pprovduta l-protezzjoni lill-applikanti għall-ażil u lir-refuġjati hi affermata mill-fatt li l-piż ikun ta’ dak li fuqu jkun waqa’. Jihdirli li dan ir-raġunar jirrifletti r-realtà tas-sitwazzjoni. Il-preżenza tal-applikanti għall-ażil ġewwa t-territorju tal-Unjoni ma hijiex ir-riżultat tal-implementazzjoni ta’ miżuri politiċi ppjanati li tista’ ssir leġiżlazzjoni dwarhom minn qabel. F’dinja ideali, din il-problema ma tinqalax. Kull Stat Membru għandu jindirizza hu l-kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu minħabba l-preżenza tal-applikanti għall-ażil fit-territorju tiegħu, suġġett għall-osservanza tal-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni ( 47 ).

    84.

    Din ir-regola hi naturalment suġġetta għal xi dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jiġu adottati sabiex tiġi pprovduta tiswija ta’ inġustizzja jew biex jiġu rrimedjati diskrepanzi ċari minn żmien għal żmien. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tinnota li, bis-saħħa tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Deċiżjoni Nru 573/2007 ( 48 ), lill-Istati Membri tista’ tingħatalhom l-għajnuna finanzjarja fir-rigward ta’, fost l-oħrajn, kundizzjonijiet tal-akkoljenza u ta’ proċeduri tal-ażil ( 49 ). L-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-baġit tal-Unjoni hi xhieda tal-ispirtu ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri li fuqu hi bbażata s-sistema stabbilita mir-Regolament Dublin II. Madankollu, suġġett għal xi derogi tat-tip li jien għadni kif semmejt, jien tal-fehma li l-prinċipju prevalenti għandu jkun li f’dan il-każ il-piż finanzjajru għandu jaqa’ fuq l-Istat Membru ospitanti.

    85.

    Jien għalhekk jidhirli li, għall-iskopijiet ta’ din id-direttiva, il-piż finanzjarju fir-rigward tal-provvediment tal-kundizzjonijiet tal-akkoljenza lil applikant għall-ażil li l-applikazzjoni tiegħu tkun suġġetta għar-Regolament Dublin II għandu, sakemm dik il-persuna tkun intitolata li tibbenefika minn dawk il-kundizzjonijiet bis-saħħa tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza, ikun fuq l-Istat Membru ospitanti.

    Konklużjoni

    86.

    Jien għalhekk tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domandi mressqa mill-Kunsill tal-Istat (Conseil d’État) kif ġej:

    (1)

    Id-Direttiva 2003/9/KE, tas-27 ta’ Jannar 2003, li tistabbilixxi l-istandards minimi tal-akkoljenza tal-applikanti għall-ażil [fl-Istati Membri], tiggarantixxi l-kundizzjonijiet minimi ta’ akkoljenza li tirreferi għalihom lill-applikanti li fir-rigward tagħhom Stat Membru li jkun irċieva applikazzjoni għall-ażil jiddeċiedi, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz, li jirreferi talba lil Stat Membru ieħor li hu jidhirlu li għandu l-kompetenza li jeżamina dik l-applikazzjoni għall-ażil.

    (2)

    (a)

    L-obbligu li jiġu ggarantiti l-kundizzjonijiet minimi tal-akkoljenza jispiċċa mat-teħid tal-inkarigu jew mat-teħid lura effettiv tal-applikant għall-ażil, jew (f’każ li dan iseħħ qabel) hekk kif l-Istat Membru jsir intitolat li jnaqqas jew jirtira dawk il-kundizzjonijiet skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2003/09.

    (2)(b)

    Il-piż finanzjarju tal-provvediment tal-kundizzjonijiet tal-akkoljenza lil applikant għall-ażil li l-applikazzjoni tiegħu tkun suġġetta għar-Regolament Nru 343/2003 għandu, sakemm din il-persuna inkwistjoni tkun intitolata tibbenefika minn dawn il-kundizzjonijiet bis-saħħa tad-Direttiva 2003/9, jaqa’ fuq l-Istat Membru li fih ikun preżenti l-applikant għall-ażil.

    ANNESS

    TABELLA TAL-LIMITI TA’ ŻMIEN STABBILITI MIR-REGOLAMENT DUBLIN II

    I – TRASFERIMENT MILL-ISTAT TAL-ORIĠINI GĦALL-ISTAT RIKJEST

    A – Teħid tal-inkarigu

    Perijodu: It-talba għandha tintbagħat fi żmien tliet xhur minn meta ssir ir-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għall-ażil.

    Sors: Artikolu 17(1)

    Kummenti: Jekk it-talba ma tintbagħatx fiż-żmien stipulat l-Istat Membru ospitanti jsir responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni (Artikolu 17(1)).

    B – Teħid lura

    Perijodu: Ma hemm ebda limitu ta’ żmien impost fuq talba ta’ teħid lura ( 50 ).

    Sors: Artikolu 20

    II – RISPOSTA POŻITTIVA JEW EBDA RISPOSTA MILL-ISTAT RIKJEST

    A – Teħid tal-inkarigu

    Perijodu: L-Istat rikjest għandu jirrispondi fi żmien xahrejn minn meta jirċievi t-talba jew, f’każijiet ta’ urġenza ddikjarati mill-Istat tal-oriġini, fi żmien perjodu ta’ mhux inqas minn ġimgħa u mhux iżjed minn xahar.

    Sors: Artikolu 18(1), (Ara l-Artikolu 17(2) u l-Artikolu 18(6) f’dak li jirrigwarda każijiet ta’ urġenza).

    Kummenti: Nuqqas ta’ risposta f’dan il-perijodu jitqies bħala aċċettazzjoni (Artikolu 18(7)).

    B – Teħid lura

    Perijodu: L-Istat Membru rikjest għandu żmien xahar biex jaġixxi, ħlief meta t-talba tkun ibbażata fuq data miksuba permezz tal-Eurodac li f’dan il-kaz il-perijodu jkun ta’ ġimgħa jew ta’ ġimagħtejn.

    Sors: Artikolu 20(1)(b).

    Kummenti: Nuqqas ta’ risposta fil-perijodu rilevanti jitqies bħala aċċettazzjoni (Artikolu 20(1)(c)).

    III — TRASFERIMENT TAL-APPLIKANT GĦALL-AŻIL MILL-ISTAT TAL-ORIĠINI GĦALL-ISTAT RIKJEST

    It-teħid tal-inkarigu u t-teħid lura

    Perijodu: Il-perijodu tat-trasferiment jibda’ jiddekorri hekk kif ikun hemm risposta espliċita jew impliċita mill-Istat rikjest. Hemm perijodu ta’ sitt xhur għat-trasferiment, ħlief meta l-applikant għall-ażil ikun il-ħabs, f’liema każ dan il-perijodu jiġi estiż għal tnax-il xahar, u jekk ikun ħarab dan il-perijodu jiġi estiż għal 18-il xahar.

    Sors: Artikolu 19(3) u (4) (għat-teħid tal-inkarigu) u l-Artikolu 20(1)(d) u l-Artikolu 20(2) (għat-teħid lura).

    Kummenti: Jekk ma jsir ebda trasferiment fi żmien il-perijodu rilevanti, ir-responsabbiltà tal-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni għall-ażil taqa’ fuq l-Istat Membru ospitanti. L-Artikolu 19(2) (għat-teħid tal-inkarigu) u l-Artikolu 20(1)(e) (għat-teħid lura) jippermettu li jiġi ppreżentat appell mill-applikant għall-ażil. Ma hemmx bżonn li l-appell ikollu effett sospensiv, iżda f’ċerti sitwazzjonijiet dan jista’ jkun il-każ.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE, tas-27 ta’ Jannar 2003, li tistabbilixxi standards minimi tal-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil [fl-Istati Membri] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 101).

    ( 3 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109). Hemm proposti biex jiġu ssostitwiti kemm din id-Direttiva kif ukoll dan ir-regolament (COM (2011) 320 finali u COM (2008) 820 finali, rispettivament).

    ( 4 ) Ara l-Kapitolu V, Artikoli 16 sa 20, tar-regolament.

    ( 5 ) Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere fis-sit internet www.cvce.eu.

    ( 6 ) Ara l-paragrafu 13. Ara l-Konvenzjoni ta’ Genève, tat-28 ta’ Lulju 1951, li tirrigwarda l-istatus tar-refuġjati, kif emendata bil-Protokoll iffirmat fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967, li numru mid-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw ukoll għall-applikanti għall-ażil (ara l-punt 4.1.2. tad-dokument imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 iktar ’l isfel). Il-preambolu tal-konvenzjoni jikkummenta dwar l-interess li għandha n-Nazzjonijiet Uniti li tiżgura li r-refuġjati jeżerċitaw l-ogħla livell possibbli ta’ drittijiet u libertajiet fundamentli.

    ( 7 ) L-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati.

    ( 8 ) Fid-definizzjoni fir-regolament ma hemmx referenza għal dawk il-persuni mingħajr stat bħal ma hemm fid-direttiva. Ma hemm xejn li jiddependi fuq dan għall-iskopijiet ta’ dawn il-Konklużjonijiet.

    ( 9 ) Dawn il-kriterji huma l-biċċa l-kbira bbażati fuq il-preżenza ta’ membri tal-familja tal-applikant fi Stat Membru partikolari u d-dokumentazzjoni li jkollu fil-pussess tiegħu l-applikant għall-ażil meta jissottometti l-applikazzjoni tiegħu.

    ( 10 ) Artikolu 17(1). Meta l-Istat Membru li jkun qed jagħmel ir-rikjesta jkun jixtieq risposta urġenti japplikaw perijodi ta’ żmien iqsar.

    ( 11 ) Artikolu 18(1).

    ( 12 ) Artikolu 19(1) u (3).

    ( 13 ) Meta r-rikjesta tkun ibbażata fuq id-data tal-Eurodac, il-perijodu jkun ta’ ġimagħtejn. Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2725/2000, tal-11 ta’ Diċembru 2000, dwar l-istabbiliment ta’ “Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta’ Dublin (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 26).

    ( 14 ) L-Artikolu 20(1)(b) u (d).

    ( 15 ) Ara l-Artikolu 19(2) f’dak li jirrigwarda t-teħid tal-inkarigu u l-Artikolu 20(1)(e) f’dak li jirrigwarda t-teħid lura.

    ( 16 ) Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, b’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, il-Karta għandha s-saħħa ta’ dritt primarju (l-Artikolu 6(1) TUE).

    ( 17 ) L-akronimu jfisser “Comité inter mouvements auprès des évacués”.

    ( 18 ) Jiġifieri, l-Istat Membru ospitanti.

    ( 19 ) Mal-osservazzjonijiet tagħhom CIMADE u GISTI jannettu dokument intitolat ‘UNHCR Statement on the reception conditions of asylum seekers under the Dublin procedure’ (iktar ’il quddiem id-‘dikjarazzjoni tal-UNHCR’). Dan id-dokument ġie ppubblikat mill-UNHCR speċifikament biex jindirizza l-kwistjonijiet imqajma f’din il-kawża. Dan jista’ jinsab fis-sit internet www.unhcr.org/refworld/docid/4e37b5902.html.

    ( 20 ) Bis-saħħa tal-Artikolu 5(2) tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera li jikkonċerna l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi stabbilit l-Istat responsabbli li jeżamina applikazzjoni għall-ażil ippreżentata fi Stat Membru jew fl-Isvizzera (ĠU L 53, p. 5), l-Isvizzera tista’, fil-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja osservazzjonijiet bil-miktub li jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’, fost l-oħrajn, ir-Regolament Dublin II (iżda mhux tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza). L-osservazzjonijiet ta’ dan il-pajjiż huma għalhekk limitati għad-Domandi 2(a) u (b).

    ( 21 ) Biex id-domanda jingħatalha ftit kuntest: waqt is-seduta CIMADE sostniet, mingħajr ma ġiet ikkontradita, li fl-2011 bejn wieħed u ieħor 8 % tal-applikazzjonijiet fi Franza kienu jinvolvu l-proċedura tar-Regolament Dublin II, bir-riżultat li ġew iġġenerati 4,450 talba lil Stati Membri oħra. Bejn wieħed u ieħor, 75 % minn dawn it-talbiet irriżultaw fi trasferimenti mwettqa skont ir-regolament, filwaqt li 25 % tagħhom ġew miċħuda.

    ( 22 ) Ara d-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(j) tad-direttiva ċċitata fil-punt 7 iktar ’il fuq.

    ( 23 ) Ara l-punt 4.2.5 tad-dikjarazzjoni tal-UNHCR.

    ( 24 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenzi magħquda tat-2 ta’ Marzu 2010, Abdulla et (C-175/08, C-176/08, C-178/08 u C-179/08, Ġabra p. I-1493, punt 53).

    ( 25 ) Fil-Premessi 1 sa 3 f’kull każ.

    ( 26 ) Ara l-punti 6 u 13 iktar ’il fuq.

    ( 27 ) Ara l-premessa 16.

    ( 28 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Abdulla et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il fuq, punt 54. L-Istati Membri jistgħu naturalment japplikaw dispożizzjonijiet iżjed favorevoli (l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza).

    ( 29 ) Ara l-punt 4.2.7 tad-Dikjarazzjoni tal-UNHCR.

    ( 30 ) Li jkun intitolat għalih bis-saħħa tal-Artikolu 47 tal-Karta.

    ( 31 ) Fil-proposta tagħha għad-Direttiva, li saret id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza (COM(2001) 181 finali), il-Kummissjoni osservat li “it-tnaqqis jew l-irtirar tal-kundizzjonijiet tal-akkoljenza jistgħu jaffettwaw il-livell ta’ għixien tal-applikanti u l-kapaċità tagħhom li jippruvaw jiksbu l-garanziji proċedurali b’mod effettiv”.

    ( 32 ) Ara, f’dan is-sens, il-punt 4.2.8 tad-Dikjarazzjoni tal-UNHCR.

    ( 33 ) Ara, pereżempju, il-premessa 4 fil-preambolu tar-Regolament Dublin II, li skontha l-proċeduri stipulati fir-regolament għandhom jirrenduha possibbli li “jiġi ddeterminat b’ħeffa” liema jkun l-Istat Membru responsabbli.

    ( 34 ) Ara l-punti 16 u 18 iktar ’il fuq.

    ( 35 ) Il-“kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali” iddefiniti fl-Artikolu 2(j) tad-Direttiva jinkludu diversi benefiċċji in natura, bħalma huma akkomodazzjoni, ikel u ħwejjeġ. Għalkemm hu minnu li jista’ jiġi pprovdut l-ekwivalenti ta’ dan f’“konċessjonijiet finanzjarji jew f’vouchers”, il-konsegwenzi amministrattivi jkunu konsiderevoli ħafna.

    ( 36 ) Ara l-Premessa 8 fil-preambolu tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza.

    ( 37 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessa 7 fil-preambolu tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza.

    ( 38 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fi Stati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 326, p.13).

    ( 39 ) Tal-aħħar tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha rigward it-tieni domanda fl-alternattiv, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tagħti risposta affermattiva għall-ewwel domanda.

    ( 40 ) Fir-risposta tagħha waqt is-seduta l-avukat għall-Italja tħabtet biex tenfasizza li dawk l-arranġamenti ma kinux ifissru li l-applikant għall-ażil inkwistjoni ma jibqax intitolat għall-kundizzjonijiet tal-akkoljenza f’dak il-punt. Jidher li din il-pożizzjoni tmur kontra, jew tal-inqas hu diffiċli li wieħed jirrikonċiljaha ma’, l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Italja. Minħabba li, fi kwalunkwe każ, jien ma naqbilx mal-pożizzjoni tal-Italja, jien m’iniex ser inkompli nesplora dan il-punt.

    ( 41 ) Skont ir-regolament il-ġdid propost (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 iktar ’il fuq), Stat Membru għandu jkun meħtieġ jissottometti applikazzjoni lill-Istat Membru rikjest fi żmien tliet xhur mid-data li fiha tkun saret l-applikazzjoni għall-ażil (hemmhekk imsejħa “protezzjoni internazzjonali”) jew fi żmien tliet xhur minn meta jkun sar jaf li jista’ jkun li Stat Membru ieħor hu responsabbli għall-persuna inkwistjoni. Fejn tintuża d-data tal-Eurodac, il-perijodu jitnaqqas għal xahrejn.

    ( 42 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003, tat-2 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol.6, p. 109).

    ( 43 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 7(3) (dwar l-obbligu tal-għoti tad-dokumenti lill-applikant) u l-Artikolu 8(2) (dwar l-obbligu li jsiru l-arranġamenti għat-trasport).

    ( 44 ) Ara l-punt 68 iktar ’il fuq.

    ( 45 ) Ara l-punt 58 iktar ’il fuq.

    ( 46 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 iktar ’il fuq.

    ( 47 ) Ara, f’dak ir-rigward, il-punt 3.1 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-Kummissjoni għall-proposta tagħha għar-Regolament Dublin II (COM(2001) 447 finali), li skontu “kull Stat Membru hu responsabbli lejn l-Istati Membri l-oħra għall-azzjonijiet tiegħu li jirrigwardaw id-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u għalhekk għandu jġorr il-konsegwenzi ta’ dan fi spirtu ta’ solidarjetà u kooperazzjoni ġusta”.

    ( 48 ) Deċiżjoni Nru 573/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Mejju 2007, li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perijodu mill-2008 sal-2013 bħala parti mill-programm ġenerali “solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni”, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/904/KE (ĠU L 144, p. 1). L-Artikolu 3(1)(a) jiddefinixxi “kundizzjonijiet tal-akkoljenza u proċeduri tal-ażil” bħala azzjonijiet li huma eliġibbli għall-għajnuna minn dak il-fond. L-Artikolu 12(1) jistabbilixxi pakkett finanzjarju biex tiġi implimentata d-deċiżjoni ta’ EUR 628 miljun għall-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u l-31 ta’ Diċembru 2013.

    ( 49 ) Waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat li, filwaqt li l-ammont jista’ jvarja bejn l-Istati Membri, skont il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni għall-fondi u n-numru ta’ applikanti għall-ażil ġewwa t-territorju tagħhom, l-Istati Membri kollha jikkwalifikaw għall-għajnuna skont dik id-deċiżjoni. Madankollu, din l-għajnuna ma tkunx tkopri l-ispejjeż kollha li jeħlu l-Istati Membri biex jipprovdu l-kundizzjonijiet tal-akkoljenza.

    ( 50 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 41 iktar ’il fuq f’dak li jirrigwarda l-perijodu speċifikat skont ir-regolament ġdid propost.

    Top