This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011CC0056
Opinion of Mr Advocate General Jääskinen delivered on 14 June 2012. # Raiffeisen-Waren-Zentrale Rhein-Main eG v Saatgut-Treuhandverwaltungs GmbH. # Reference for a preliminary ruling: Oberlandesgericht Düsseldorf - Germany. # Community plant variety rights - Regulation (EC) No 2100/94 - Processing services - Obligation of the supplier of processing services to provide information to the holder of the Community right - Requirements regarding the time and content of an application for information. # Case C-56/11.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Jääskinen - 14 ta' Ġunju 2012.
Raiffeisen-Waren-Zentrale Rhein-Main eG vs Saatgut-Treuhandverwaltungs GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberlandesgericht Düsseldorf - il-Ġermanja.
Drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti - Regolament (KE) Nru 2100/94 - Servizzi ta’ pproċessar - Obbligu tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar li jipprovdi informazzjoni lid-detentur tad-drittijiet Komunitarji - Rekwiżiti fir-rigward tal-mument u tal-kontenut tat-talba għal informazzjoni.
Kawża C-56/11.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Jääskinen - 14 ta' Ġunju 2012.
Raiffeisen-Waren-Zentrale Rhein-Main eG vs Saatgut-Treuhandverwaltungs GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberlandesgericht Düsseldorf - il-Ġermanja.
Drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti - Regolament (KE) Nru 2100/94 - Servizzi ta’ pproċessar - Obbligu tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar li jipprovdi informazzjoni lid-detentur tad-drittijiet Komunitarji - Rekwiżiti fir-rigward tal-mument u tal-kontenut tat-talba għal informazzjoni.
Kawża C-56/11.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:350
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
JÄÄSKINEN
ippreżentati fl-14 ta’ Ġunju 2012 ( 1 )
Kawża C-56/11
Raiffeisen-Waren-Zentrale Rhein-Main eG
vs
Saatgut-Treuhandverwaltungs GmbH
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Ġermanja)]
“Drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti — Regolament (KE) Nru 2100/94 — Artikolu 14 — Privileġġ tal-bdiewa — Regolament (KE) Nru 1768/95 — Artikolu 9 — Fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar — Obbligu ta’ informazzjoni impost fuq dan il-fornitur fir-rigward tad-detentur ta’ varjetà ta’ pjanta — Rationae temporis ta’ dan l-obbligu — Talba għal informazzjoni mressqa mid-dententur ta’ varjetà ta’ pjanta — Kundizzjonijiet — Indizji li jagħtu lok għal dritt ta’ tagħrif tal-fornitur — Nuqqas ta’ obbligu li jiġu ppreżentati provi ta’ sostenn tal-eżistenza ta’ dawn l-indizji”
I – Introduzzjoni
1. |
Permezz tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 2100/94 ( 2 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”), dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità, kif ukoll tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 1768/95 ( 3 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”) li jimplimenta regoli dwar l-eżenzjoni agrikola prevista fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku. |
2. |
Id-domandi preliminari saru fil-kuntest ta’ kawża bejn soċjetà kooperattiva bl-isem ta’ Raiffeisen-Waren-Zentrale Rhein-Main eG (iktar ’il quddiem “Raiffeisen”), li toffri servizzi ta’ pproċessar, u kumpannija oħra, Saatgut-Treuhandverwaltungs GmbH (iktar ’il quddiem “STV”), korp li jirrapreżenta l-interessi tad-dententuri ta’ varjetajiet ta’ pjanti ( 4 ). Il-kawża tikkonċerna talba għal informazzjoni mressqa minn STV lil Raiffeisen skont is-sitt inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 9(2) u (3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, bil-għan li tikseb informazzjoni dwar ċerti snin ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ żrieragħ iċċertifikati. |
3. |
Id-domandi preliminari juru r-relazzjoni trijangulari li teżisti bejn id-detenturi ta’ varjetajiet ta’ pjanti protetti, il-bdiewa li jagħmlu użu mid-deroga prevista fl-Artikolu 14 tar-Regolament bażiku — magħruf ukoll bħala l-“privileġġ tal-bdiewa” — u l-impriżi li jipproċessaw iż-żrieragħ, u li lilhom id-detenturi jistgħu jressqu, fil-kuntest tas-sistema stabbilita mill-privileġġ tal-bdiewa, talbiet għal informazzjoni marbuta mal-varjetajiet li jappartjenu lid-dententuri u li huma s-suġġett ta’ servizzi ta’ pproċessar. |
4. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tifforma parti minn serje ta’ talbiet preliminari mressqa minn qrati Ġermaniżi dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament bażiku u tar-Regolament ta’ implementazzjoni ( 5 ). It-talba attwali tikkonċerna, b’mod iktar preċiż, min-naħa, ir-rationae temporis tal-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar fir-rigward tad-dententur ta’ varjetà ta’ pjanta, u, min-naħa l-oħra, fuq il-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa talba għal informazzjoni mressqa mid-detentur lil fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar. |
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Ir-Regolament bażiku
5. |
Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament bażiku, id-dritt għall-protezzjoni Komunitarja ta’ varjetajiet ta’ pjanti jappartjeni lil min ikabbarhom, iddefinit bħala “[i]l-persuna li tkun kabbret, jew skopriet jew żviluppat il-varjetajiet, jew is-suċċessur tiegħu [tagħha] fit-titolu”. |
6. |
Taħt it-titolu “Drittijiet tad-detentur ta’ dritt tal-Komunità [dritt tal-protezzjoni Komunitarja] tal-varjetajiet ta’ pjanti u atti pprojbiti”, l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku jipprovdi: “1. Dritt tal-Komunità [dritt ta’ protezzjoni Komunitarja] tal-varjetajiet ta’ pjanti għandu jkollu l-effett li d-detentur jew id-detenturi ta’ dritt tal-Komunità [dritt ta’ protezzjoni Komunitarja] tal-varjetajiet ta’ pjanti, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ ‘id-detentur’, ikollu d-dritt li jagħmel l-atti stabbiliti fil-paragrafu 2. 2. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15 u 16, l-atti li ġejjin dwar kostitwenti tal-varjetajiet, jew materjal maħsud tal-varjetajiet protetti, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ ’il-materjal’, għandu jeħtieġ l-awtorizzazzjoni tad-detentur:
[…] Id-detentur jista’ jqiegħed fis-suq l-awtorizzazzjoni tiegħu suġġett għal kondizzjonijiet u limitazzjonijiet. […]” |
7. |
Il-privileġġ tal-bdiewa jissemma’ fl-Artikolu 14 tar-Regolament bażiku b’dan il-mod: “Minkejja l-Artikolu 13(2), u għall-għanijiet tal-ħarsien tal-produzzjoni agrikola, il-bdiewa huma awtorizzati li jużaw għal għanijiet ta’ propagazzjoni fl-għalqa, fuq l-art tagħhom il-prodott tal-ħsad li jkunu akkwistaw permezz taż-żergħa [tal-koltivazzjoni], fuq l-art tagħhom, materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetajiet minbarra varjetajiet mħallta jew sintetiċi, li jkunu skoperti [koperti] minn dritt tal-Komunità [dritt ta’ protezzjoni Komunitarja] tal-varjetajiet ta’ pjanti.” |
8. |
Il-kundizzjonijiet li jippermettu li jingħata effett lill-privileġġ tal-bdiewa u li jiġu ssalvagwardjati l-interessi leġittimi ta’ min ikabbar u tal-bidwi huma koperti mill-Artikolu 14(3) tal-imsemmi regolament. B’mod partikolari, fit-tieni u s-sitt inċiż tiegħu, ir-regolament jipprovdi kif ġej:
|
B – Ir-Regolament ta’ implementazzjoni
9. |
L-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ implementazzjoni huwa fformulat kif ġej: “1. Il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 għandhom ikunu implementati kemm mid-detentur, li jirrappreżenta lil dak li jrabbi, u mill-bidwi b’mod illi jiġu mħarsa l-interessi leġittimi ta’ xulxin. 2. L-interessi leġittimi ma jitqiesux imħarsa jekk wieħed jew iktar minn dawn l-interessi huma affettwati ħażin mingħajr ma jittieħed kont tal-bżonn illi jinżamm bilan[ċ] ġust bejn kull wieħed minnhom, jew tal-bżonn ta’ proporzjonalità bejn l-għan tal-kondizzjoni relevanti u l-effett attwali ta’ l-implimentazzjoni tagħha.” |
10. |
L-Artikolu 9(2) u (3) ta’ dan ir-regolament jikkonċerna l-informazzjoni li għandha tingħata mill-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar lid-detentur ta’ varjetà ta’ pjanta jekk ebda kuntratt dwar din l-informazzjoni ma jkun ġie konkluż bejn id-detentur u l-fornitur: “2. […] dak li jipproċessa [il-fornitur] għandu, bla ħsara għal ħtiġijiet ta’ informazzjoni skond leġislazzjoni oħra tal-Komunita jew skond liġijiet ta’ l-Istati Membri, fuq talba tad-detentur, jagħmel stqarrija lid-detentur dwar l-informazzjoni relevanti. Il-punti li ġejjin għandhom jitqiesu bħala relevanti:
3. L-informazzjoni taħt paragrafu 2(b), (c), (d) u (e) għandha tirreferixxi għas-sena tas-suq kurrenti u għal sena waħda jew aktar mit-tliet [ ( 6 )] snin tas-suq [ta’ kummerċjalizzazzjoni] ta’ qabel li għalihom id-detentur ma jkunx għamel talba aktar qabel skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4 jew 5; madankollu, l-ewwel sena tas-suq li għaliha tirreferixxi l-informazzjoni, għandha tkun dik li fiha tkun saret l-ewwel talba dwar il-varjetà jew varjetajiet u l-proċessur [il-fornituri ta’ servizzi ta’ pproċessar] konċernati. 4. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8(4) għandhom japplikaw mutatis mutandis. […]” |
III – Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
11. |
Reiffeisen hija kooperattiva ċentrali agrikola li toffri lill-bdiewa servizzi ta’ pproċessar taż-żrieragħ, li permezz tagħhom hija tippakkja l-prodott ta’ ħsad għall-ħażna tiegħu u għall-koltivazzjoni tiegħu fil-futur. |
12. |
Dawn is-servizzi huma offruti, min-naħa, lid-detenturi ta’ varjetajiet ta’ pjanti, irrappreżentati b’mod partikolari minn STV, organizzazzjoni tad-detenturi ta’ varjetajiet ta’ pjanti, li għandhom jiksbu, fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ koltivazzjoni, il-propagazzjoni ta’ żrieragħ iċċertifikati sabiex jiġu kkummerċjalizzati, u min-naħa l-oħra, lill-bdiewa li jikkoltivaw iż-żrieragħ skont il-privileġġ tal-bdiewa previst fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku. |
13. |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Raiffeisen wettqet servizzi ta’ pproċessar f’isem bdiewa differenti għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2005/2006 u 2006/2007, fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ koltivazzjoni f’isem detenturi ta’ varjetajiet ta’ pjanti rrappreżentati minn STV. |
14. |
Wara dikjarazzjonijiet ta’ kuntratti ta’ koltivazzjoni mingħand il-bdiewa kkonċernati, STV bagħtet żewġ serje ta’ talbiet għal informazzjoni lil Raiffeisen dwar is-servizzi ta’ pproċessar li hija kienet ipprovdiet lilhom. Parti mit-talbiet tressqet wara l-iskadenza tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kkonċernata. |
15. |
Raiffeisen ma weġbitx fl-affirmattiv għal dawk it-talbiet billi invokat, f’dan ir-rigward, tliet serje ta’ motivi sabiex tiġġustifika r-rifjut tagħha. Fl-ewwel lok, hija kkunsidrat li t-talba għal informazzjoni kellha tinkludi l-elementi li jindikaw li hija pprovdiet servizzi ta’ pproċessar li jaqgħu taħt l-obbligu ta’ informazzjoni skont is-sitt inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku. Fit-tieni lok, hija qieset li biss it-talbiet għal informazzjoni mressqa matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni, li għaliha l-informazzjoni tirreferi, huma ġuridikament rilevanti. Fit-tielet lok, l-ebda indizju ta’ koltivazzjoni eventwali ta’ żrieragħ ma jista’ jiġi dedott mis-servizzi ta’ pproċessar li ġew ipprovduti fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ koltivazzjoni f’isem id-detentur. |
16. |
STV ppreżentat rikors kontra Raiffeisen sabiex iġġiegħlha twieġeb għat-talbiet ta’ informazzjoni. Il-qorti tal-ewwel istanza laqgħet it-talbiet għal informazzjoni ta’ STV billi kkunsidrat li, min-naħa, ma kien hemm l-ebda terminu ta’ dekadenza sabiex jitressqu talbiet għal informazzjoni u, min-naħa l-oħra, li d-dikjarazzjonijiet ta’ kuntratti ta’ koltivazzjoni kienu jikkostitwixxu indizji suffiċjenti sabiex iwasslu għall-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-fornitur, sa fejn il-bidwi li jwettaq koltivazzjoni fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ propagazzjoni għandu l-possibbiltà konkreta li jikkoltiva ż-żrieragħ. Raiffeisen ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf. |
17. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz ta’ deċiżjoni li waslet fil-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Frar 2011, il-Qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
18. |
L-osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-Gvern Spanjol u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni kienu rrappreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Marzu 2012. |
IV – Analiżi
A – Rimarki preliminari
19. |
Qabelxejn, għandhom jiġu enfasizzati l-elementi prinċipali tas-sistema li fuqhom huwa bbażat il-privileġġ tal-bdiewa. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 14 tar-Regolament bażiku jistabbilixxi bilanċ bejn, min-naħa, l-interessi tad-detenturi ta’ varjetajiet ta’ pjanti u min-naħa l-oħra, dawk tal-bdiewa. |
20. |
Il-privileġġ tal-bdiewa, li huwa d-dritt tal-bdiewa li jikkoltivaw, mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tad-detentur, il-prodott tal-ħsad miksub mill-koltivazzjoni tal-materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà suġġetta għal dan il-privileġġ, jinkludi wkoll effettivament obbligu ta’ informazzjoni impost fuq l-istess bdiewa kif ukoll obbligu li jħallsu remunerazzjoni ġusta lid-detentur ta’ varjetà ta’ pjanta, li jippermetti li jiġu ssalvagwardjati l-interessi leġittimi reċiproċi tal-bdiewa u tad-detenturi fir-relazzjonijiet diretti tagħhom ( 7 ). |
21. |
Għal dak li jirrigwarda, sussegwentement, ir-rwol tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar, it-tieni inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku jipprovdi li l-prodott tal-ħsad jista’ jiġi ppreparat sabiex jinżera’ mill-bidwi nnifsu jew minn fornitur ta’ servizzi. Id-dritt ta’ dan il-fornitur li jwettaq attivitajiet marbuta mal-preparazzjoni tal-prodott tal-ħsad joriġina għalhekk mill-privileġġ tal-bdiewa ( 8 ). L-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ pproċessar, bħal Raiffeisen f’dan il-każ, fir-rigward tad-detentur huwa bbażat fuq is-sitt inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku. Il-portata u l-modalitajiet tal-imsemmi obbligu huma ppreċiżati fl-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ implementazzjoni. |
22. |
Għall-finijiet tal-eżami tad-domandi preliminari, huwa għalhekk neċessarju li wieħed iqis ir-rekwiżit ta’ bilanċ li fuqu hija bbażata għalhekk is-sistema stabbilita mill-Artikolu 14 tar-Regolament bażiku kif ukoll mir-Regolament ta’ implementazzjoni. |
B – Dwar il-portata rationae temporis tal-obbligu ta ’ informazzjoni
23. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar il-portata tal-obbligu ta’ informazzjoni ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ pproċessar. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, id-detentur għandu jkun awtorizzat li jressaq talba għal informazzjoni lil fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar li tikkonċerna waħda mill-varjetajiet tiegħu affettwati mill-privileġġ tal-bdiewa meta dan id-detentur ikollu xi indikazzjoni li l-fornitur ipprovda jew għandu l-ħsieb li jipprovdi servizzi ta’ pproċessar tal-prodott tal-ħsad miksub mill-koltivazzjoni ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ din l-istess varjetà sabiex din tiġi kkoltivata ( 9 ). |
24. |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx fuq l-aspetti temporanji tal-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-fornitur skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, u li jifforma s-suġġett tal-kawża preżenti. |
1. Il-perijodu kopert mit-talba
25. |
Infakkar qabelxejn li l-Artikolu 9(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni jippreċiża l-kontenut tal-informazzjoni li jifforma s-suġġett tal-obbligu tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar. Is-subparagrafu 3 tal-istess artikolu jikkonċerna l-perijodu li għalih tirreferi l-informazzjoni li għandha tingħata skont it-tieni parti tas-subparagrafu 2. L-imsemmi perijodu jikkorrispondi, bħala prinċipju, għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kurrenti u għal waħda jew iktar minn tliet snin ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti, b’konformità mal-ewwel parti tal-imsemmi subparagrafu 3 ( 10 ). |
26. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 9(3) ta’ dan ir-regolament huma diverġenti. Filwaqt li l-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi, bħall-verżjoni Ingliża, Ġermaniża, Daniża, Spanjola, Finlandiża, Ungeriża, Taljana u Svediża jirreferu għal waħda jew iktar mit-tliet snin tas-suq preċedenti, il-verżjoni Franċiża teskludi l-aġġettiv numeriku “tliet”. |
27. |
Konsegwentement, ir-referenza unika għall-verżjoni Franċiża tista’ għalhekk iġġiegħel x’taħseb li l-possibbiltajiet għat-tressiq ta’ talba għal informazzjoni ma hijiex limitata fiż-żmien. Madankollu, peress li ma huwiex possibbli li tasal b’ċertezza għal konklużjonijiet biss fid-dawl ta’ din id-diverġenza, għandha tiġi eżaminata d-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kuntest tagħha, billi jittieħed kont, b’mod partikolari, tal-iskop tagħha ( 11 ). |
28. |
Ir-Regolament ta’ implementazzjoni huwa intiż li jistabbilixxi, kif imsemmi espressament fl-Artikolu 2(2) tiegħu, bilanċ bejn l-interessi reċiproki tad-detenturi u tal-bdiewa. F’dan ir-rigward, jien nikkunsidra li jkun ukoll kontrarju għal dan il-bilanċ jekk l-Artikolu 9(3) jiġi interpretat fis-sens li talba għal informazzjoni tista’ tikkonċerna numru illimitat ta’ snin preċedenti. Għalhekk, sabiex jiġi milħuq il-bilanċ tal-interessi kkonċernati, wieħed għandu jibda mill-prinċipju li t-talba għal informazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu 9 tista’ tkopri sa tliet snin ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti. |
29. |
Barra minn hekk, interpretazzjoni mod ieħor tista’ tkun kontrarja għar-rekwiżiti taċ-ċertezza legali tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pproċessar, għaliex hija kieku timponi fuqhom l-obbligu li jżommu b’mod indefinit l-informazzjoni li eventwalment tista’ tintalab mid-detenturi. |
30. |
Din l-interpretazzjoni hija barra minn hekk ikkorroborata mill-Artikolu 8(3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni. Huwa minnu li dan l-artikolu jirregola l-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-bidwi, iżda, peress li l-kontenut tiegħu huwa kważi identiku għal dak tal-Artikolu 9 tal-istess regolament, jista’ jiġi kkunsidrat b’mod parallel miegħu. F’dan ir-rigward, nosserva, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-preżenza tal-kelma “tliet” fid-dispożizzjoni korrispondenti — l-istess fil-verżjoni Franċiża — tal-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament tista’ tiġi interpretata li tesprimi l-intenzjoni tal-leġiżlatur li jillimita fiż-żmien il-portata tat-talba għal informazzjoni b’konformità mal-għan intiż sabiex jiġi stabbilit bilanċ bejn l-interessi kkonċernati protetti mill-imsemmi regolament. |
2. Il-limitazzjonijiet li jikkonċernaw il-perijodu kopert mit-talba
31. |
Mill-kliem tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni jirriżulta li l-perijodu li għalih jirreferi l-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-fornitur huwa madankollu suġġett għal limitazzjoni doppja. Minn naħa, skont l-ewwel parti tal-Artikolu 9(3) ta’ dan ir-regolament, dan l-obbligu jintemm għal kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li għaliha d-detentur ikun diġà ressaq talba għal informazzjoni. |
32. |
Min-naħa l-oħra, it-tieni parti tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni jippreċiża wkoll li l-ewwel sena li għaliha tirreferi din l-informazzjoni hija dik “li fiha tkun saret l-ewwel talba dwar il-varjetà jew varjetajiet u l-proċessur [il-fornituri ta’ servizzi ta’ pproċessar] konċernati” ( 12 ). |
33. |
L-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar huwa wkoll suġġett għat-tressiq ta’ talba għal informazzjoni mid-detentur. Barra minn hekk, inizjalment din it-talba tirreferi biss għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li matulha d-detentur invoka d-dritt tiegħu li jingħata informazzjoni. Hekk ukoll, skont l-ewwel parti tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, informazzjoni tista’ tiġi rikjesta għall-perijodu li jista’ jestendi sa tliet snin ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti bil-kundizzjoni li d-detentur ikun diġà ressaq talba għal informazzjoni lill-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar matul l-ewwel waħda mis-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti. |
34. |
Fi kliem ieħor, meta l-każ jirrigwarda l-ewwel talba dwar varjetà waħda jew iktar, it-talba tista’ tikkonċerna biss dik is-sena li matulha t-talba tkun tressqet lill-imsemmi fornitur. Fid-dawl tan-neċessità li jiġi ggarantit bilanċ bejn l-interessi kkonċernati, il-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar li jkun għadu qatt ma rċeva talba għal informazzjoni dwar xi varjetà għandu għalhekk jkun protett kontra kull obbligu ta’ informazzjoni retroattiv. |
35. |
Dan ma japplikax meta talba għal informazzjoni dwar varjetà speċifika tkun diġà tressqet minn qabel lill-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar. F’dan il-każ, il-perijodu li għalih l-informazzjoni rilevanti għandha tingħata huwa speċifikat fl-ewwel parti tas-subparagrafu 3 tal-istess artikolu. Fi kliem ieħor, id-data tat-talba għal informazzjoni u is-“sena tas-suq [ta’ kummerċjalizzazzjoni] kurrenti” jikkostitwixxu l-punt tat-tluq għall-kalkolu tat-tliet snin preċedenti kkonċernati minn talba għal informazzjoni. |
C – Dwar l-indizji li għandhom jiġu pprovduti mid-detentur
36. |
Minbarra l-aspetti taż-żmien li ġew invokati dwar l-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar, it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna sussidjarjament in-natura tal-indizji li għandhom jiġu pprovduti mid-detentur insostenn tat-talba tiegħu għal informazzjoni skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni. |
37. |
Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tippreċiżax jekk, f’dan il-każ, hijiex l-“ewwel” talba skont it-tieni parti tal-Artikolu 9(3). Konsegwentement, għandha tingħata wkoll risposta għat-tieni domanda, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-indizji ta’ koltivazzjoni jew ta’ attività intiża għall-ipproċessar għandhomx jiġu ġġustifikati wkoll permezz ta’ provi li jinsabu fit-talba għal informazzjoni sabiex din tkun tista’ tagħti lok għall-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-fornitur, u għalhekk li tiġi ppreżentata fit-termini skont it-tieni parti tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni. |
1. L-obbligu tad-detentur li jkollu indizju li l-fornitur ipprovda jew għandu l-ħsieb li jipprovdi servizzi ta’ pproċessar
38. |
Nixtieq nosserva mill-bidu li r-Regolament ta’ implementazzjoni ma jirrikjedix espressament li d-detentur jsemmi fit-talba tiegħu għal informazzjoni l-indizji li huwa għandu dwar il-koltivazzjoni. Jibqa’ l-fatt li l-eżistenza tal-elementi invokati tikkostitwixxi kundizzjoni li ma hijiex miktuba, stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Schulin u Brangewitz, li għandhom, f’kull każ, jiġu osservati. |
39. |
F’dan ir-rigward, nosserva li fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Brangewitz, iċċitata iktar ’il fuq, l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer għamel distinzjoni konvinċenti bejn ir-rekwiżiti li jagħtu lok għall-obbligu ta’ informazzjoni tal-bdiewa, minn naħa, u tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pproċessar min-naħa l-oħra ( 13 ). |
40. |
Qabelxejn, filwaqt li rrefera għas-sentenza Schulin, iċċitata iktar ’il fuq, l-Avukat Ġenerali stabbilixxa li d-detentur ma jistax iressaq talba għal informazzjoni lill-bidwi minħabba s-sempliċi fatt li dan jappartjeni għal dik il-professjoni. Kuntrarjament, id-detentur għandu jkollu indizju li l-bidwi għamel użu jew ser jagħmel użu mid-deroga prevista fl-Artikolu 14 tar-Regolament bażiku ( 14 ). |
41. |
Sussegwentement, huwa qies li, għal dak li jirrigwarda l-fornituri ta’ servizzi ta’ pproċessar, is-sitwazzjoni hija differenti. B’hekk, hemm probabbiltà kbira li l-impriżi ta’ pproċessar ta’ żrieragħ jużaw, fl-eżerċizzju ta’ din il-professjoni, materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà protetta. Peress li, jekk ma jkunux iffirmaw kuntratt, l-ebda relazzjoni ġuridika ma torbothom mad-detentur u li l-bdiewa jistgħu jirrikorru għal dawn it-tipi ta’ impriżi meta jagħmlu użu mid-deroga, jidher loġiku li d-detenturi għandhom ikollhom id-dritt li jitolbu informazzjoni lil xi wieħed jew ieħor minnhom sabiex jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jirċievu remunerazzjoni ġusta. L-Avukat Ġenerali kkonkluda li, fid-dawl tal-irwol tal-fornituri ta’ servizz ta’ pproċessar fil-kuntest tal-privileġġ tal-bdiewa, id-detenturi għandhom jitħallew iressqu talbiet għal informazzjoni lil dawn il-fornituri mingħajr ma jġibu prova li dawn ipproċessaw materjal protett fl-istallazzjonijiet tagħhom ( 15 ). |
42. |
Skont dan ir-raġunament, l-indizji li għandhom jinġiebu għall-finijiet tat-tressiq ta’ talba għal informazzjoni lil bidwi huma għalhekk iktar numerużi milli fil-każ ta’ talba indirizzata lill-fornituri ta’ servizzi ta’ pproċessar. Madankollu, jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja ma segwietx il-proposta tal-Avukat Ġenerali esposta iktar ’il fuq, billi osservat li d-detentur għandu jkun awtorizzat iressaq talba għal informazzjoni lil fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar dwar waħda mill-varjetajiet tiegħu affettwata mill-privileġġ tal-bdiewa bil-kundizzjoni li huwa jkollu xi indizju li l-fornitur ipprovda jew kellu l-ħsieb li jipprovdi servizzi ta’ pproċessar tal-prodott tal-ħsad miksub mill-koltivazzjoni ta’ materjal ta’ propagazzjoni tal-imsemmija varjetà bil-għan li jiġi kkoltivat ( 16 ). |
43. |
Konsegwentement, jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tagħmilx distinzjoni bejn id-destinatarji differenti tat-talbiet għal informazzjoni mressqa mid-detentur. Għalhekk, ser inwettaq l-analiżi tiegħi billi nibbaża ruħi fuq din il-premessa. |
2. L-assenza ta’ obbligu tad-detentur li jipproduċi l-prova tal-eżistenza tal-indizji
44. |
Skont ir-raġunament imsemmi iktar ’il fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa suffiċjenti għalhekk li d-detentur ikollu indizju li s-servizzi ta’ pproċessar ġew ipprovduti jew ser jiġu pprovduti mill-fornitur sabiex ikun jista’ jressaq talba għal informazzjoni. Min-naħa l-oħra, hija ma imponietx fuq id-detentur l-obbligu li jipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ dan l-indizju. |
45. |
Għal dak li jikkonċerna n-natura tal-indizji li jagħtu lok, minn naħa, għad-dritt tad-detentur li jressaq talba għal informazzjoni u, min-naħa l-oħra, għall-obbligu tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar li jagħtih l-informazzjoni, huwa neċessarju, qabelxejn, li tiġi rrilevata l-importanza partikolari tan-neċessità li jiġu ssalvagwardjati l-interessi leġittimi reċiproċi tad-detentur u tal-bidwi, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ implementazzjoni. |
46. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar, minkejja li jiddependi fuq l-użu minn bidwi tad-deroga stabbilita fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku u fuq id-deċiżjoni tiegħu li jirrikorri għas-servizzi tal-fornitur, huwa marbut mal-varjetajiet tal-pjanti li huwa pprepara u mhux mal-klijent tiegħu li huwa l-bidwi ( 17 ). Konsegwentement, meta d-dententur iressaq talba għal informazzjoni lill-fornitur, dan tal-aħħar għandu jagħti l-informazzjoni rilevanti li tirrigwarda mhux biss il-bdiewa li fil-konfront tagħhom id-detentur għandu indizju li l-fornitur ipprovda jew għandu l-ħsieb li jipprovdi dawn is-servizzi, iżda wkoll il-bdiewa l-oħra kollha li lilhom huwa pprovda jew kellu l-ħsieb li jipprovdi tali servizzi, sakemm il-varjetà inkwistjoni tkun ġiet iddikjarata lid-detentur jew kienet magħrufa lilu b’mod ieħor ( 18 ). |
47. |
Sabiex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit tal-bilanċ li fuqu huwa bbażat il-privileġġ tal-bdiewa, b’mod partikolari fil-kuntest tar-Regolament ta’ implementazzjoni li jimplementa dan il-privileġġ, id-detentur għandu jkun awtorizzat jitlob informazzjoni lil fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar meta huwa jkollu indizju li l-fornitur ikun ipprovda, jew għandu l-ħsieb li jipprovdi, servizzi ta’ pproċessar tal-prodott tal-ħsad miksub mill-koltivazzjoni ta’ materjal ta’ propagazzjoni tal-imsemmija varjetà bil-għan li jiġi kkoltivat. |
48. |
Fil-fatt, skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, il-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar huwa obbligat jikkomunika lid-detentur dikjarazzjoni dwar l-informazzjoni rilevanti li l-kontenut tagħha huwa ppreċiżat f’din l-istess dispożizzjoni. Tali komunikazzjoni hija neċessarja meta d-detentur ikollu biss indizju li l-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar ipprovda jew għandu l-ħsieb li jipprovdi tali servizzi fir-rigward tal-prodott tal-ħsad miksub mill-bdiewa permezz tal-koltivazzjoni ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà tad-detentur bil-għan li jiġi kkoltivat ( 19 ). |
49. |
Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-akkwist tal-materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà ta’ pjanta pprotetta li tappartjeni għad-detentur għandha tiġi kkunsidrata bħala indizju ( 20 ). Bl-istess mod, ninsab inklinat nikkunsdra li l-informazzjoni mogħtija mill-bdiewa skont l-Artikolu 8 tar-Regolament ta’ implimentazzjoni jistgħu jikkostitwixxu indizji li jagħtu lok għall-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar fil-konfront tad-detentur. |
50. |
Bħall-Kummissjoni, jiena nikkunsidra li huma l-qrati tal-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw każ b’każ jekk tali indizji fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq jeżistux jew le. Fl-evalwazzjoni tagħhom, huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi u ċ-ċirkustanzi speċifiċi kollha tal-każ ikkonċernat. F’dan ir-rigward, l-indizji mitluba mill-ġurisprudenza jistgħu, pereżempju, jirriżultaw minn kuntratt ta’ koltivazzjoni ta’ varjetà protetta bil-għan li jiġu prodotti żrieragħ li jistgħu jiġu kkummerċjalizzati fil-kuntest ta’ liċenzja maħruga mid-detentur. |
51. |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-eżiġenzi marbuta mal-indizji li jagħtu lok għad-dritt ta’ informazzjoni tad-detentur kemm fir-rigward tal-bidwi kif ukoll tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar, għalija jidhru ftit baxxi. Konsegwentement, il-fatt li tkun saret koltivazzjoni jew li ġie pprovdut servizz ta’ pproċessar jew, għall-inqas, li jkun hemm il-ħsieb li dan isir, bil-għan li ssir tali koltivazzjoni, jista’ jikkostitwixxi indizju rilevanti, peress li huma dawn l-elementi li jagħtu lok għad-drittijiet tad-detentur skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku. |
V – Konklużjoni
52. |
Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Regolament tal-Kunsill tas-27 ta’ Lulju 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390).
( 3 ) Regolament tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Lulju 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 18, p. 63).
( 4 ) Għal aktar dettalji dwar l-attivitajiet ta’ STV, ara s-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2004, Jäger (C-182/01, Ġabra p. I-2263, punt 17).
( 5 ) Ara s-sentenzi tal-10 ta’ April 2003, Schulin (C-305/00, Ġabra p. I-3525); Jäger, iċċitata iktar ’il fuq; tal-14 ta’ Ottubru 2004, Brangewitz (C-336/02, Ġabra p. I-9801), kif ukoll tat-8 ta’ Ġunju 2006, Deppe et (C-7/05 sa C-9/05, Ġabra p. I-5045). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Geistbeck (C-509/10), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
( 6 ) L-aġġettiv numeriku “tliet” ma jidhirx fil-verżjoni Franċiża tar-Regolament ta’ implementazzjoni. Ara punti 25 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 7 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Brangewitz, iċċitata iktar ’il fuq (punt 43). Ara wkoll il-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Geistbeck, iċċitati iktar ’il fuq.
( 8 ) Sentenza Brangewitz, iċċitata iktar ’il fuq (punt 44).
( 9 ) Sentenza Brangewitz, iċċitata iktar ’il fuq (punt 53). Ara wkoll is-sentenza Schulin, iċċitata iktar ’il fuq (punt 63).
( 10 ) Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni tibda mill-1 ta’ Lulju ta’ kull sena u tintemm fit-30 ta’ Ġunju tas-sena kalendarja sussegwenti.
( 11 ) Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-neċessità ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ, f’każ ta’ diverġenzi bejniethom, li d-dispożizzjoni inkwistjoni tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tifforma parti minnha. Ara f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2011, Møller (C-585/10, Ġabra p. I-13407, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 12 ) Għal dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-bidwi, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 8(3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni jinkludi dispożizzjoni analoga.
( 13 ) Ara l-punti 34 et seq tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz Jarabo Colomer fil-kawża Brangewitz, iċċitata iktar ’il fuq.
( 14 ) Sentenza Schulin, iċċitata iktar ’il fuq (punt 57).
( 15 ) Ara l-punti 37 et seq tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz Jarabo Colomer fil-kawża Brangewitz, iċċitata iktar ’il fuq. L-Avukat Ġenerali osserva wkoll, fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, li “meta l-persuni li jkunu kabbru, skoprew jew żviluppaw il-varjetà iressqu talba lill-fornituri ta’ servizzi ta’ pproċessar […] huma għandhom qabelxejn jivverifikaw jekk il-fornituri pproċessawx iż-żrieragħ ta’ waħda mill-varjetajiet tagħhom sabiex imbagħad jiddeterminaw, fl-affirmattiv, il-kwantitajiet, id-dati, il-postijiet ta’ provvista u l-benefiċjarji tas-servizz. Li kieku l-leġiżlatur ried li, sabiex jiġi kkuntattjat fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar, id-detentur għandu jkollu indizju li huwa pproċessa materjal protett fl-istallazzjonijiet tiegħu, [pereżempju, permezz ta’ informazzjoni li l-bidwi huwa obbligat jipprovdi skont l-Artikolu 8(2)(d) tar-Regolament Nru 1768/95], l-Artikolu 9 kien jiġi fformulat b’mod li l-impriża tillimita ruħa li tikkonferma d-dettalji magħrufa mid-detentur. Madankollu, jif jirriżulta b’mod ċar mis-subparagrafu 2(b) u (e) tiegħu, dan ma huwiex il-każ”.
( 16 ) Sentenza Brangewitz, iċċitata iktar ’il fuq (punt 53).
( 17 ) Sentenza Brangewitz, iċċitata iktar ’il fuq (punt 62).
( 18 ) Sentenza Brangewitz, iċċitata iktar ’il fuq (punt 65).
( 19 ) Sentenza Brangewitz, iċċitata iktar ’il fuq (punti 61 u 63). Ara wkoll, għal dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-bidwi, is-sentenza Schulin, iċċitata iktar ’il fuq (punti 63 u 64).
( 20 ) Sentenza Schulin, iċċitata iktar ’il fuq (punt 65).