EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CC0024

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 15 ta' Diċembru 2011.
ir-Renju ta' Spanja vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell - FAEGG - Taqsima ‘Garanzija’ - Infiq eskluż mill-finanzjament Komunitarju - Infiq magħmul mir-Renju ta’ Spanja - Għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa.
Kawża C-24/11 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:850

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fil-15 ta’ Diċembru 2011 ( 1 )

Kawża C-24/11 P

Ir-Renju ta’ Spanja

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“(Appell — FAEGG — Infiq eskluż mill-finanzjament Komunitarju)”

1. 

Bid-Deċiżjoni 2008/68/KE (iktar ’il quddiem ukoll “id-deċiżjoni inkwistjoni”) ( 2 ), il-Kummissjoni għamlet korrezzjonijiet finanzjarji għall-għajnuna Komunitarja ( 3 ) għall-produzzjoni ta’ żejt taż-żebbuġa u wċuħ tar-raba’ li jinħarat fi Spanja. Fit-12 ta’ Novembru 2010, il-Qorti Ġenerali ( 4 ), fil-Kawża T-113/08 Spanja vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem “is-sentenza appellata”) ċaħdet it-talba ta’ Spanja għall-annullament parzjali ta’ din id-deċiżjoni. Spanja appellat minn ċerti partijiet tas-sentenza.

Il-qafas ġuridiku

Il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (iktar ’il quddiem “il-PAK”)

2.

Id-Deċiżjoni 2008/68/KE eskludiet mill-finanzjament Komunitarju, inter alia, l-infiq li sar fis-snin finanzjarji 2000 sal-2004 inkonnessjoni mal-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa fi Spanja. Fiż-żmien rilevanti, ir-Regolament Nru 1258/1999 ( 5 ) kien jirregola l-finanzjament tal-PAK. Għalkemm tħassar fl-2005, dan ir-regolament kien baqa’ japplika sal-15 ta’ Ottubru 2006 u sal-31 ta’ Diċembru 2006 għal infiq li sar, rispettivament, minn Stati Membri u mill-Kummissjoni ( 6 ). Dan ir-regolament għalhekk kien japplika għall-infiq kopert mid-deċiżjoni inkwistjoni.

3.

Sal-2005, il-PAK kienet iffinanzjata permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u l-Garanzija (iktar ’il quddiem il-“FAEGG”) ( 7 ). Il-finanzjament kien isir permezz tal-aġenziji tal-pagamenti nazzjonali akkreditati b’mod konformi mad-dritt Komunitarju u mad-dritt nazzjonali, wara li l-Kummissjoni tkun għamlet ħlasijiet bil-quddiem fuq il-provvediment tan-nefqa li tkun saret f’perijodu ta’ riferiment ( 8 ). Il-FAEGG kien jiffinanzja biss infiq li jkun sar b’mod konformi mad-dritt Komunitarju.

4.

Il-premessa 5 fil-preambolu għar-Regolament Nru 1258/1999 kienet tistipula li “[i]r-responsabbiltà sabiex tiġi kkontrollata n-nefqa tat-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond [u l-konformità tagħha mad-dritt Komunitarju] taqa’, l-ewwelnett, fuq l-Istati Membri”. Din kienet tistipula wkoll li l-Kummissjoni “trid [għandha] tivverifika l-kondizzjonijiet li fuqhom ikunu saru l-ħlasijiet u l-kontrolli”, u n-nefqa setgħet tkun iffinanzjata biss “meta dawn il-kondizzjonijiet joffru l-garanziji kollha meħtieġa li jirrigwardjaw it-twettiq tar-regoli Komunitarji”.

5.

Skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999, il-Kummissjoni setgħet tagħti bidu għal proċedura biex jiġi vverifikat jekk in-nefqa addebitata għat-Taqsima tal-Garanzija tal-FAEGG kinitx konformi mar-regoli Komunitarji u, jekk meħtieġ, setgħet timponi korrezzjonijiet finanzjarji u tirkupra n-nefqa mill-Istati Membri.

6.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) kien jistabbilixxi li:

“Qabel ma tittieħed deċiżjoni sabiex jiġi rrifjutat finanzjament, ir-riżultati tal-kontrolli tal-Kummissjoni u t-tweġibiet mill-Istati Membri interessati għandhom jiġu nnotifikati bil-miktub, u wara dan, iż-żewġ partijiet għandhom jagħmlu ħilthom kollha biex jilħqu ftehim dwar l-azzjoni li trid tittieħed.”

7.

Il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi ċertu nfiq mill-finanzjament Komunitarju. Għalhekk, il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 kien jistipula li l-Kummissjoni ma setgħetx teskludi:

“(a)

in-nefqa riferita fl-Artikolu 2 effettwata qabel l-24 xahar li jippreċiedu l-komunikazzjoni bil-miktub mill-Kummissjoni dwar ir-riżultati ta’ dawn il-kontrolli, lill-Istat Membru interessat;

[…]” ( 9 ).

8.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1663/95 kien jirregola l-proċeduri għall-clearance tal-kontijiet tat-Taqsima Garanziji tal-FAEGG ( 10 ). Dan ir-regolament kien emendat fl-1999 b’effett mit-30 ta’ Ottubru 1999 iżda kompla japplika għall-clearance ta’ kontijiet qabel u għas-sena finanzjarja 2006 ( 11 ). Għalhekk, dan ir-regolament kien japplika għall-infiq kopert mid-deċiżjoni inkwistjoni.

9.

L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1663/95 kien jiddeskrivi l-proċedura li kellha tiġi segwita:

“1.   Jekk, bħala riżultat ta’ inkjesta, il-Kummissjoni tikkunsidra illi n-nefqa ma ġietx effettwata skond ir-regoli Komunitarji, għandha tinnotifika lill-Istati Membri fil-kwistjoni bir-riżultati tal-kontrolli tagħha u tindika l-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu sabiex tiġi żgurata l-konformità fil-futur.

Il-komunikazzjoni għandha tirreferi għal dan ir-Regolament. L-Istat Membru għandu jwieġeb fi żmien xahrejn u l-Kummissjoni tista’ timmodifika l-pożizzjoni tagħha bħala konsegwenza. F’każijiet iġġustifikati, il-Kummissjoni tista’ testendi l-perijodu taż-żmien permess għat-tweġiba.

Wara li jiskadi ż-żmien permess għat-tweġiba, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istat Membru għal diskussjoni bilaterali u l-partijiet għandhom jagħmlu ħilithom li jilħqu ftehim dwar il-miżuri li jridu jittieħdu u dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u t-telf finanzjarju lill-Komunità. Wara din id-diskussjoni u kull temma taż-żmien ta’ wara ddiskussjoni ffissata mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri, għall-provvediment ta’ iżjed tagħrif jew, fejn l-Istat Membru ma jaċċettax l-istedina għal laqgħa qabel it-temma taż-żmien iffissat mill-Kummissjoni, wara li tkun għaddiet din it-temma taż-żmien, il-Kummssijoni għandha formalment tikkomunika l-konklużjonijiet tagħha lill-Istat Membru, filwaqt li tirreferi għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/442/KE. Mingħajr preġudizzju għar-raba’ subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, din il-komunikazzjoni għandha tinkludi evalwazzjoni ta’ kull nefqa li l-Kummissjoni jkun beħsiebha li teskludi skond l-[Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999].

L-Istat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni mill-aktar fis possibbli dwar il-miżuri korrettivi adottati sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tar-regoli Komunitarji u dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom. Il-Kummissjoni għandha, kif approprjat, tadotta waħda jew iktar mid-deċiżjonijiet skond [l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 1258/99] sabiex teskludi n-nefqa affettwata min-nuqqas ta’ ħarsien tar-regoli Komunitarji sad-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżuri korrettivi.

2.   Id-deċiżjonijiet referiti [fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1258/1999] għandhom jittieħdu wara eżami ta’ kull rapport imfassal mill-korp tal-Konċiljazzjoni skond id-disposizzjonijiet stabbiliti fid-[Deċiżjoni] 94/442/KE.

[…].”

Għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa

10.

Fiż-żmien rilevanti, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2261/84 ( 12 ) kien jistabbilixxi regoli ġenerali għall-għoti ta’ għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa. Il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament kienu jipprovdu li kull Stat Membru produttur kellu “japplika sistema ta’ verifiki biex jiżgura li prodott li dwaru l-għajnuna tingħata jkun eliġibbli għal dik l-għajnuna” u “jivverifikaw l-attivitajiet ta’ kull organizzazzjoni u assoċjazzjoni tal-produtturi u, partikolarment, li x-xogħol dwar l-iccekkjar [il-verifika] ikun sar minn dawn il-korpi”. Għal dawn l-iskopijiet, l-Istati Membri kienu meħtieġa jużaw fajls tad-data tal-kompjuter ( 13 ).

11.

Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 154/75, l-Istati Membri kellhom iżommu wkoll reġistru dwar il-kultivazzjoni taż-żebbuġ li jkun jinkludi informazzjoni dwar l-azjendi kollha fejn jitkabbar iż-żebbuġ fit-territorju tagħhom ( 14 ).

12.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2366/98 ( 15 ) kien jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna lill-produtturi taż-żejt taż-żebbuġa għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1998/1999, 1999/2000 u 2000/2001.

13.

L-għajnuna kienet ibbażata fuq il-kwantità ta’ produzzjoni attwali ta’ żejt taż-żebbuġa verġni ( 16 ). Skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2366/98, din il-kwantità kellha tkun stabbilita filwaqt li titqies l-informazzjoni miġbura mir-reġistru dwar il-kultivazzjoni taż-żebbuġ, is-sistema ta’ informazzjoni ġeografika dwar il-kultivazzjoni taż-żebbuġ jew id-dikjarazzjonijiet dwar l-uċuħ tar-raba’; fajls tal-kompjuter; provi tal-għasir mogħtija minn imtieħen approvati; u r-riżultati tal-verifiki mwettqa. L-Artikoli 22 sa 31 ta’ dan ir-regolament kienu jinkludu obbligi iktar dettaljati dwar liema informazzjoni kellha tinġabar u liema verifiki kienu meħtieġa.

14.

Ir-Regolament Nru 2366/98 kien jipprovdi wkoll li l-produtturi kellhom jitħallsu pagament bil-quddiem ta’ parti mill-ammont dovut lilhom, bil-bilanċ jitħallas mill-Istat Membru mat-tlestija tal-verifiki neċessarji ( 17 ). Inkonsistenzi fil-kwantitajiet irreġistrati jew forom oħrajn ta’ irregolaritajiet setgħu jirriżultaw fir-rifjut li tingħata l-għajnuna.

Il-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni inkwistjoni

15.

Wara investigazzjonijiet fi Frar 2002 u f’Lulju 2003 dwar l-infiq li sar bħala għajnuna għall-produzzjoni Spanjola taż-żejt taż-żebbuġa, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Spanjoli b’ittri tal-11 ta’ Lulju 2002 (AGR 16844) u tat-23 ta’ Marzu 2004 (AGR 8316) bir-riżultati tal-investigazzjonijiet tagħha.

16.

Fl-24 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Spanjoli għal diskussjonijiet bilaterali, li saru fil-21 ta’ Diċembru 2004.

17.

Fl-10 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni bagħtet il-minuti ta’ din il-laqgħa lill-awtoritajiet Spanjoli, li wieġbu b’ittri tat-13 u s-16 ta’ Jannar 2006.

18.

Fil-11 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni formalment innotifikat il-konklużjonijiet tagħha lill-awtoritajiet Spanjoli, u pproponiet korrezzjonijiet b’rata fissa għas-snin finanzjarji inkwistjoni.

19.

L-awtoritajiet Spanjoli mbagħad talbu, skont l-Artikolu 1(1)(a) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/442/KE, li ssir “konċiljazzjoni” — jiġifieri medjazzjoni ( 18 ). Fil-15 ta’ Marzu 2007, il-Korp ta’ Konċiljazzjoni ħareġ ir-rapport finali tiegħu.

20.

Il-Kummissjoni mbagħad ippreparat rapport sommarju ddatat 3 ta’ Settembru 2007.

21.

Fl-20 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni inkwistjoni, fejn eskludiet mill-finanzjament Komunitarju ċertu nfiq li sar b’rabta mal-għajnuna mogħtija lill-produtturi Spanjoli taż-żejt taż-żebbuġa u lis-settur tal-uċuħ tar-raba’ li jinħarat ( 19 ).

22.

Ġie ddikjarat li d-deċiżjoni inkwistjoni ttieħdet fid-dawl tal-“verifiki mwettqa, tar-riżultati tad-diskussjonijiet bilaterali u tal-proċeduri ta’ konċiljazzjoni” ( 20 ). Ir-raġunijiet għall-korrezzjonijiet finanzjarji ntqal li kienu “[n]uqqasijiet fir-rigward tal-kontroll tad-dikjrarazzjonijiet tal-kultivazzjoni, il-kontroll tar-rendiment u s-segwitu tal-kontroll ta’ l-imtieħen” għal parti mill-infiq u “[a]ssenza ta’ kontroll tad-dikjarazzjonijiet tal-kultivazzjoni, u nuqqasijiet fir-rigward tal-kontroll tar-rendiment u s-segwita tal-kontroll ta’ l-imtieħen” għal infiq ieħor ( 21 ).

23.

L-impatt finanzjarju tad-deċiżjoni inkwistjoni kien viċin il-EUR 184 miljun.

Is-sentenza appellata

24.

Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Frar 2008, ir-Renju ta’ Spanja talab l-annullament parzjali tad-deċiżjoni inkwistjoni sa fejn (i) applikat korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % għall-għajnuna għall-produzzjoni ta’ żejt taż-żebbuġa matul is-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1998/1999, 1999/2000 u 2000/2001, filwaqt li eskludiet il-proporzjon rigward is-sena ta’ bejgħ 1999/2000 fl-Andalucía; u (ii) applikat korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 % għall-għajnuna għas-settur tal-uċuħ tar-raba’ li jinħarat f’Andalucía mitluba fis-snin 2003 u 2004.

25.

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu u ordnat lir-Renju ta’ Spanja jħallas l-ispejjeż.

26.

Il-Gvern Spanjol iressaq tliet aggravji. Dawn jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali ta’ jekk il-Kummissjoni kisritx l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1663/95 (punti 61 sa 70 tas-sentenza appellata) u jekk il-Kummissjoni naqsitx milli tosserva t-terminu ta’ 24 xahar stipulat fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 (punti 118 sa 125 tas-sentenza appellata).

Bażi għad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni fir-rigward tas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1998/1999 u 1999/2000

27.

Fil-punt 64 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li ma kienx ikkontestat li d-deċiżjoni inkwistjoni kienet ibbażata fuq implementazzjoni mhux suffiċjenti mill-awtoritajiet Spanjoli tar-rakkomandazzjonijiet tal-Agencia para el Aceite de Oliva (iktar ’il quddiem l-“AAO”) wara l-verifiki li għamlet dwar l-imtieħen (l-ewwel irregolarità) u n-natura mhux operazzjonali tad-databases kompjuterizzati u r-reġistru tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ (it-tieni irregolarità).

28.

Il-Qorti Ġenerali osservat (punt 65) li l-Kummissjoni kienet aċċettat li l-ewwel irregolarità ma ssemmietx speċifikament fl-ittra AGR 16844. F’din l-ittra, il-Kummissjoni kienet tabilħaqq esprimiet sodisfazzjon għax-xogħol tal-AAO.

29.

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 66, li dawn il-fatti ma kinux jipprekludu lill-Kummissjoni milli tiddeċiedi li ma kienx hemm segwitu suffiċjenti għar-rakkomandazzjonijiet tal-AAO u, konsegwentement, milli teskludi nfiq mill-finanzjament Komunitarju “fid-dawl tal-informazzjoni u taċ-ċifri pprovvduti mill-awtoritajiet Spanjoli, b’mod partikolari fil-kuntest tad-diskussjonijiet bilaterali tal-21 ta’ Diċembru 2004”.

30.

Fir-rigward tat-tieni irregolarità, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 67, li Spanja aċċettat li l-ittra AGR 16844 għamlet riferiment għan-nuqqasijiet fl-użu ta’ databases kompjuterizzati u fir-reġistru dwar il-kultivazzjoni taż-żebbuġ, għalkemm f’termini kemmxejn differenti minn dawk li ntużaw sussegwentement fir-rapport sommarju. Il-Qorti Ġenerali ċċitat ukoll, fil-punt 68, paragrafu 1 tal-Anness A1 għall-ittra, li kien jinkludi dikjarazzjoni fis-sens li kien diġà magħruf li r-riżorsi inkwistjoni ma kinux dejjem qegħdin jitħaddmu. L-ittra li permezz tagħha ssejħet il-laqgħa bilaterali kienet għamlitha ċara li l-kwistjonijiet li kellhom ikunu diskussi kienu jifformaw parti minn saga li kienet għadha għaddejja ta’ nuqqasijiet magħrufa (punt 69).

31.

Fil-punt 70 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għalhekk ċaħdet il-motiv imressaq minn Spanja fis-sens li l-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1663/95 meta bbażat id-deċiżjoni finali tagħha fir-rigward tas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1998/1999 u 1999/2000 fuq estrapolazzjoni ta’ osservazzjonijiet li saru f’investigazzjonijiet oħra, minflok fuq ir-riżultati tal-investigazzjoni ta’ Frar 2002 li ġew innotifikati fl-ittra AGR 16844.

Id-data rilevanti għall-kalkolu tat-terminu ta’ 24 xahar li jsir riferiment għalih fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999

32.

Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 119, li ma kienx ikkontestat li l-Kummissjoni kienet innotifikat ir-riżultati tal-investigazzjoni permezz tal-ittra AGR 16844 tal-11 ta’ Lulju 2002, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95 u b’mod konsistenti mal-ġurisprudenza ( 22 ). Il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 120, li din l-ittra kienet innotifikata fil-15 ta’ Lulju 2002.

33.

Il-Qorti Ġenerali għaddiet biex teżamina, fil-punti 121 sa 124, id-data tal-infiq li għalih id-deċiżjoni inkwistjoni kienet tapplika. Wara li fakkret li ebda wieħed mir-regolamenti rilevanti ma kien jiddefinixxi din id-data, hija applikat l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Spanja vs Il-Kummissjoni, C-329/00 ( 23 ), tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 5(2)(c) tar-Regolament Nru 729/70 [li ġie abrogat bi, u li kellu l-istess kontenut normattiv bħall-ħames subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999]. F’dak il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat illi d-data rilevanti hija dik meta l-ammont definittiv tal-għajnuna kien stabbilit u (l-bilanċ) imħallas.

34.

Bħall-produtturi tal-banana li l-għajnuna mogħtija lilhom kienet inkwistjoni fil-Kawża C-329/00, il-produtturi taż-żejt taż-żebbuġa f’dan il-każ irċevew ħlas bil-quddiem ta’ parti mill-għajnuna mitluba. Iżda għall-kuntrarju tal-produtturi tal-banana, ma kienx hemm il-ħtieġa li jippreżentaw garanzija biex jirċievu dan il-ħlas bil-quddiem. Huma rċevew il-bilanċ wara li ttieħdu inkunsiderazzjoni r-riżultati tal-verifiki li saru mill-Istat Membru. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li d-data rilevanti kienet dik meta tħallas il-bilanċ.

35.

Fil-każ tal-għajnuna għall-produzzjoni ta’ żejt taż-żebbuġa għas-sena ta’ bejgħ 1998/1999, dawn il-pagamenti kienu saru bejn il-21 ta’ Settembru 2000 u l-14 ta’ Ottubru 2000 u għalhekk fit-terminu ta’ 24 xahar mid-data li fiha l-ittra AGR 16844 kienet innotifikata (15 ta’ Lulju 2002).

36.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 125, il-motiv li l-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 sa fejn id-deċiżjoni inkwistjoni kienet taffettwa nfiq li sar iktar minn 24 xahar qabel in-notifika bil-miktub tar-riżultati tal-investigazzjoni.

L-appell

37.

Ir-Renju ta’ Spanja qiegħed jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza appellata u tagħti hija stess sentenza finali billi:

tannulla l-korrezzjonijiet finanzjarji kollha li jikkonċernaw l-għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa koperta mis-sentenza appellata;

sussidjarament, tannulla l-korrezzjonijiet finanzjarji li jikkonċernaw l-infiq li għalih saru l-ħlasijiet bil-quddiem qabel l-24 ta’ Novembru 2002; jew,

sussidjarament għal dan, tannulla l-korrezzjonijiet finanzjarji li jikkonċernaw l-infiq li għalih saru l-ħlasijiet bil-quddiem qabel il-15 ta’ Lulju 2000.

38.

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-aggravji mressqa minn Spanja bħala infondati. Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-aggravji huma fondati, dan ma jistax iwassal għall-annullament tal-korrezzjonijiet finanzjarji għaliex Spanja ma kkontestatx ir-raġunijiet l-oħra li fuqhom dawn kienu bbażati.

L-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

39.

Il-Gvern Spanjol isostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1663/95 meta aċċettat (punt 66) li l-korrezzjonijiet finanzjarji tal-Kummissjoni setgħu jkunu bbażati fuq irregolaritajiet li ma ssemmewx fl-ewwel komunikazzjoni bil-miktub tagħha (l-ittra AGR 16844 li permezz tagħha ġew ikkomunikati r-riżultati tal-investigazzjoni ta’ Frar 2002), minkejja li ddikjarat (punt 63) li l-komunikazzjoni bil-miktub għandha tidentifika b’mod adegwat ir-riżultati tal-investigazzjoni u għalhekk l-irregolaritajiet li jifformaw il-bażi għall-korrezzjonijiet finanzjarji. Huwa jikkunsidra li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punti 63 u 66 huwa intrinsikament inkonsistenti. Il-Qorti Ġenerali kien imissha kkonstatat li d-deċiżjoni finali ma setgħetx tkun ibbażata fuq l-implementazzjoni mhux suffiċjenti mill-awtoritajiet Spanjoli tar-rakkomandazzjonijiet tal-AAO, peress li din l-irregolarità ma kinitx speċifikata fl-ittra AGR 16844.

40.

Il-Gvern Spanjol iżid jgħid li l-fatt li l-Kummissjoni semmiet l-irregolarità inkwistjoni għall-ewwel darba fl-ittra tal-24 ta’ Novembru 2004, li permezz tagħha sejħet il-laqgħa bilaterali, ma jimminax l-argument tiegħu li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali naqas milli josserva l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1663/95. Ir-riferiment fil-qosor għal dan l-ilment fl-ittra pprovda bażi li ma hijiex suffiċjenti biex jiġi konkluż li l-awtoritajiet Spanjoli setgħu jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom b’mod xieraq fid-diskussjonijiet bilaterali. Matul is-seduta, Spanja argumentat li l-komunikazzjoni inizjali bil-miktub tista’ titqabbel mal-opinjoni motivata tal-Kummissjoni fil-proċedura dwar nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, ibbażata fuq l-Artikolu 258 TFUE (li kien l-Artikolu 226 KE). Bħalma azzjoni dwar nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu ma tistax tkun ibbażata fuq raġuni li ma tkunx imsemmija fl-opinjoni motivata, korrezzjoni finanzjarja għal infiq agrikolu ma tistax tkun ibbażata fuq irregolarità li ma tkunx inkluża fl-ewwel komunikazzjoni bil-miktub.

41.

Il-Kummissjoni taċċetta li l-komunikazzjoni bil-miktub imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95 għandha tinforma lill-Istat Membru dwar l-ilmenti b’mod li jiġi ġġenerat djalogu u b’mod li jagħmilha possibbli għall-Istat Membru li jeżerċita d-drittijiet ta’ difiża tiegħu. Madankollu, l-Istat Membru ma jistax jinsisti li din il-komunikazzjoni bil-miktub għandha minn dak l-istadju tinkludi diġà l-livell massimu ta’ dettalji dwar dawn l-ilmenti, u dan għaliex il-komunikazzjoni sempliċement tagħti bidu għall-fażi amministrattiva tal-proċedura. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma setgħetx tipproduċi dettalji dwar l-ewwel irregolarità minħabba li, kif turi l-ittra AGR 16844, il-Kummissjoni kienet għadha qiegħda tistenna li tirċievi informazzjoni mingħand Spanja fir-rigward tal-implementazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sanzjonijiet irrakkomandati mill-AAO ( 24 ).

42.

Fil-każ preżenti, Spanja ngħatat kull opportunità biex tippreżenta l-pożizzjoni tagħha. Fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta matul il-proċedura, il-Kummissjoni kienet intitolata li tikkonkludi li kien hemm segwitu mhux suffiċjenti għar-rakkomandazzjonijiet tal-AAO.

43.

Il-Kummissjoni tissottometti wkoll li l-komunikazzjoni bil-miktub u l-opinjoni motivata jservu skopijiet differenti. Din tal-aħħar tikkompleta l-fażi amministrattiva tal-proċedura li twassal għal azzjoni dwar nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, filwaqt li tal-ewwel tagħti bidu għall-proċedura li eventwalment tista’ tirriżulta f’deċiżjoni li jkunu applikati korrezzjonijiet finanzjarji.

Evalwazzjoni

44.

L-ewwel aggravju jqajjem żewġ kwistjonijiet.

45.

L-ewwel kwistjoni hija jekk il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali kinitx inkonsistenti meta aċċettat li l-Kummissjoni setgħet tibbaża d-deċiżjoni finali tagħha fuq irregolarità li tikkonċerna n-nuqqas tal-awtoritajiet Spanjoli li jimplementaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-AAO, u dan minkejja li l-ittra AGR 16844 stqarret li l-AAO kienet operat b’mod sodisfaċenti.

46.

Fil-fehma tiegħi, ma kien hemm ebda żball fil-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali.

47.

Fil-punt 66 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tistqarr korrettement li l-osservazzjoni fl-ittra AGR 16844 tikkonċerna x-xogħol proprju tal-AAO. L-irregolarità li fuqha l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni finali tagħha kienet differenti. Din kienet tikkonċerna n-nuqqas tal-awtoritajiet Spanjoli li jimplementaw ix-xogħol li sar mill-AAO.

48.

Fil-fehma tiegħi, il-pożizzjoni li l-Qorti Ġenerali adottat fir-rigward tal-ittra AGR 16844 ma hijiex inkonsistenti mal-konklużjoni tagħha li l-Kummissjoni setgħet tibbaża d-deċiżjoni finali tagħha fuq implementazzjoni mhux suffiċjenti mill-awtoritajiet Spanjoli tar-rakkomandazzjonijiet tal-AAO (l-ewwel irregolarità).

49.

It-tieni kwistjoni hija jekk il-Qorti Ġenerali żbaljatx meta interpretat u applikat l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95 fis-sens li d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tiffinanzja nfiq setgħet tkun ibbażata fuq irregolarità li ma kinitx inkluża fl-ittra AGR 16844.

50.

Jien ma naħsibx li dan kien il-każ.

51.

Essenzjalment, il-Qorti Ġenerali ħadet il-pożizzjoni li komunikazzjoni bil-miktub li ma kinitx tidentifika b’mod speċifiku irregolarità — u għalhekk ma indikatx il-miżuri li kellhom jittieħdu biex tiġi korretta din l-irregolarità — xorta setgħet tissodisfa r-rekwiżiti tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95.

52.

Fil-fehma tiegħi, din hija interpretazzjoni korretta ta’ din id-dispożizzjoni.

53.

L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1663/95 u l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 flimkien jistabbilixxu l-proċedura għall-clearance tal-kontijiet tat-Taqsima Garanzija tal-FAEGG.

54.

Biex jiġi stabbilit jekk u f’liema ċirkustanzi d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni tista’ tkun ibbażata fuq irregolarità li ma tkunx inkluża fil-komunikazzjoni bil-miktub taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1), huwa meħtieġ li tkun ikkunsidrata l-funzjoni ta’ din il-komunikazzjoni u l-proċedura li tat bidu għaliha.

55.

Fil-fehma tiegħi, il-komunikazzjoni bil-miktub kienet pass intermedjarju bejn il-fażijiet investigattivi u amministrattivi tal-proċedura biex isir il-clearance tal-kontijiet tat-Taqsima Garanzija tal-FAEGG f’dak iż-żmien.

56.

Din il-proċedura bdiet bl-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar jekk l-infiq kienx sar skont ir-regoli tal-Komunità. Sabiex tipprova li dan ma kienx il-każ, il-Kummissjoni kellha “tressaq provi dwar dubju serju u raġonevoli min-naħa tagħha rigward il-verifiki jew id-data” ( 25 ). Madankollu, ma kienx l-obbligu tal-Kummissjoni li turi b’mod eżawrjenti li l-verifiki mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali ma kinux adegwati jew li d-data ppreżentata minnhom ma kinitx korretta ( 26 ). Dan it-tnaqqis fl-oneru tal-prova għall-Kummissjoni huwa dovut għall-fatt li “huwa l-Istat Membru li jinsab fl-aħjar pożizzjoni biex jiġbor u jivverifika d-data meħtieġa għall-clearance tal-kontijiet tal-FAEGG u li, għalhekk, huwa dan l-Istat li għandu jippreżenta l-iktar prova ddettaljata u eżawrjenti tal-eżattezza tal-kontrolli u taċ-ċifri tiegħu u, eventwalment, tal-ineżattezza tal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni” ( 27 ).

57.

Jekk, wara li tkun lestiet l-investigazzjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li n-nefqa ma saritx skont ir-regoli Komunitarji, hija kellha “tinnotifika lill-Istati Membri fil-kwistjoni bir-riżultati tal-kontrolli tagħha u tindika l-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu sabiex tiġi żgurata l-konformità fil-futur” ( 28 ).

58.

Għalhekk il-komunikazzjoni bil-miktub kienet timmarka l-bidu tal-fażi amministrattiva tal-proċedura li kellha “tagħti effett għar-regola tal-audi alteram partem” ( 29 ). Matul dik il-proċedura, l-Istati Membri kkonċernati kellhom jingħataw “il-garanziji kollha neċessarji għalihom biex jippreżentaw il-pożizzjoni tagħhom” ( 30 ).

59.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-komunikazzjoni bil-miktub tkun serviet il-funzjoni tagħha bħala twissija jekk tinforma lill-Istat Membru kkonċernat “kompletament dwar ir-riżervi tal-Kummissjoni u dwar l-aġġustamenti li probabbilment se jsiru fir-rigward tas-settur inkwistjoni” ( 31 ).

60.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 kien jipprovdi wkoll li, wara n-notifika tar-riżultati tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni u wara r-risposti tal-Istat Membru, l-azzjoni li kellha tittieħed kellha ssir bi qbil bejn iż-żewġ partijiet. Għalhekk, jidher li ma kienx meħtieġ li l-komunikazzjoni bil-miktub inizjali tistabbilixxi b’mod definittiv u eżawrjenti l-miżuri li kellhom jittieħdu biex jiġi żgurat li l-infiq ikun sar b’mod konformi mad-dritt Komunitarju.

61.

Wara n-notifika tal-komunikazzjoni bil-miktub, l-Istat Membru kkonċernat kellu l-opportunità li jirrispondi ( 32 ). Il-Kummissjoni setgħet tistiednu biex jippreżenta informazzjoni addizzjonali. L-Istat Membru ma setax jirribatti l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni b’sempliċi affermazzjonijiet. L-Istat Membru kellu juri li l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni ma kinux korretti ( 33 ). Jekk ma setax jagħmel dan, il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni setgħu leġittimament jagħtu lok għal dubji serji dwar l-eżistenza ta’ miżuri ta’ sorveljanza u ta’ proċedura ta’ investigazzjoni adegwati u effettivi ( 34 ). It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(1) kien jistipula li “il-Kumissjoni [setgħet] timmodifika l-pożizzjoni tagħha bħala konsegwenza” tar-risposta tal-Istat Membru ( 35 ).

62.

Sussegwentement, “il-Kummissjoni [kellha] tistieden lill-Istat Membru għal diskussjoni bilaterali” ( 36 ). L-iskop ta’ din id-diskussjoni kien “li [jintlaħaq] ftehim dwar il-miżuri li jridu jittieħdu u dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u t-telf finanzjarju lill-Komunità” ( 37 ). Wara din id-diskussjoni, l-Istat Membru seta’ jitlob Korp ta’ Konċiljazzjoni biex jirrikonċilja l-pożizzjonijiet differenti tal-partijiet ( 38 ). Meta tieħu d-deċiżjoni finali tagħha dwar jekk kellhiex tirrifjuta l-finanzjament tan-nefqa, il-Kummissjoni kellha tikkunsidra r-rapport tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni ( 39 ).

63.

Fil-fehma tiegħi, din il-proċedura kienet maħsuba biex toħloq djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru, biex tiġi skambjata informazzjoni, u biex l-Istat Membru kkonċernat jingħata l-opportunità li jeżerċita d-drittijiet ta’ difiża tiegħu u li juri li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni ma kinux preċiżi.

64.

Għalhekk, il-Kummissjoni kienet meħtieġa tidentifika fil-komunikazzjoni bil-miktub, moqrija fl-intier taghha, it-tħassib tagħha dwar irregolaritajiet ibbażat fuq l-għarfien tagħha tal-fatti disponibbli fiż-żmien tal-ħruġ tal-komunikazzjoni. L-informazzjoni fil-komunikazzjoni setgħet imbagħad tkun kontradetta mill-Istat Membru kkonċernat u kkomplementata b’informazzjoni addizzjonali ppreżentata matul il-fażi amministrattiva tal-proċedura.

65.

Jien għalhekk ma neskludix il-possibbiltà li l-Kummissjoni tikkomunika, fi stadji sussegwenti tal-fażi amministrattiva tal-proċedura, irregolaritajiet ġodda dwar in-nefqa taħt investigazzjoni, sakemm tagħmel dan fi stadju li jippermetti lill-Istat Membru jeżerċita bis-sħiħ id-drittijiet ta’ difiża tiegħu u li jkun konxju tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Matul is-seduta, Spanja dehret li qablet ma’ dan il-punt. Hija ammettiet li l-indikazzjoni ta’ preokkupazzjoni bħala punt fl-aġenda għad-diskussjonijiet bilaterali setgħet tagħmilha possibbli għal Stat Membru li jeżerċita d-drittijiet ta’ difiża tiegħu anki jekk din il-preokkupazzjoni ma kinitx indikata fil-komunikazzjoni bil-miktub inizjali.

66.

Jien naqbel mal-Kummissjoni li l-komunikazzjoni bil-miktub inizjali ma tistax titqabbel ma’ opinjoni motivata f’azzjoni taħt l-Artikolu 258 TFUE dwar nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu. Meta toħroġ opinjoni motivata, il-Kummissjoni ttemm l-aħħar stadju fil-proċedura prekontenzjuża amministrattiva qabel ma tagħti bidu għall-azzjoni dwar nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu. Il-komunikazzjoni bil-miktub inizjali taħt l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95, b’kuntrast ma’ dan, kienet tikkostitwixxi l-ewwel stadju fil-fażi amministrattiva tal-proċedura li f’dan il-każ intemmet bid-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni li tirrifjuta n-nefqa u li tapplika korrezzjonijiet finanzjarji.

67.

Jekk madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja hija disposta li tikkunsidra l-analoġija mal-fażi amministrattiva fi proċedura dwar nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, jien nikkunsidra li l-komunikazzjoni bil-miktub inizjali tixbah iktar ittra ta’ intimazzjoni. Ittra ta’ intimazzjoni, l-istess bħall-komunikazzjoni bil-miktub inizjali, “neċessarjament tista’ tikkonsisti biss f’sunt inizjali qasir ta’ l-ilmenti”, għalkemm hija meħtieġa li tkun “suffiċjentement iċċarat[a] sabiex [tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat] [i]ressaq l-argument [tiegħu] ta’ difiża, hekk kif jirriżulta mill-iżvolġiment [tal-]fażi [prekontenzjuża u amministrattiva] tal-proċedura” ( 40 ).

68.

Fir-rigward tal-bażi għad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, jien nżid ngħid li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandha titqies bħala suffiċjenti jekk l-Istat Membru li lejh hija indirizzata d-deċiżjoni kien involut mill-qrib fil-proċess tat-tfassil ta’ din id-deċiżjoni u kien konxju tar-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni tikkunsidra li ma għandhiex titlob il-ħlas tas-somma inkwistjoni mingħand il-FAEGG” ( 41 ).

69.

Jien għalhekk nikkunsidra li l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1663/95 ma kienx jipprekludi lill-Kummissjoni milli tibbaża d-deċiżjoni finali tagħha fuq irregolarità li ma kinitx ikkomunikata fil-komunikazzjoni bil-miktub inizjali iżda fi stadju iktar tard, sakemm id-drittijiet ta’ difiża tal-Istat Membru jkunu ġew protetti. Fil-fehma tiegħi din il-kundizzjoni kienet ampjament sodisfatta fil-każ preżenti.

70.

Ma huwiex ikkontestat li l-Kummissjoni espressament ikkomunikat l-ewwel irregolarità fl-ittra tagħha tal-24 ta’ Novembru 2004 li kkonvokat id-diskussjonijiet bilaterali. Din l-ittra segwiet direttament l-ittra AGR 16844 u t-tweġiba ta’ Spanja għal dik l-ittra. Din ikkonfermat it-tħassib kontinwu tal-Kummissjoni dwar is-segwitu tal-awtoritajiet Spanjoli għar-rakkomandazzjonijiet tal-AAO.

71.

Lanqas ma huwa kkontestat li (kif iddikjarat fil-punt 66 tas-sentenza appellata) il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar din l-irregolarità ntlaħqet matul il-fażi amministrattiva tal-proċedura mibdija bil-komunikazzjoni bil-miktub; u li din il-konklużjoni kienet ibbażata fuq informazzjoni u ċifri ppreżentati mill-awtoritajiet Spanjoli, b’mod partikolari fil-kuntest tad-diskussjonijiet bilaterali tal-21 ta’ Diċembru 2004.

72.

Jien inżid ngħid li Spanja ma tidhirx li qiegħda tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali (punt 66) fis-sens li d-dikjarazzjoni dwar l-AAO fil-komunikazzjoni bil-miktub uriet l-importanza li kellha tingħata għall-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-AAO. Fil-fatt, matul is-seduta, Spanja ma kkontestatx li l-Kummissjoni kienet qabel talbet prova, anki fl-ittra AGR 16844, li l-awtoritajiet nazzjonali kienu implementaw is-sanzjonijiet irrakkomandati mill-AAO.

73.

Wara n-notifika tal-ittra AGR 16844, Spanja kellha l-opportunità li tirribatti t-tħassib tal-Kummissjoni billi tressaq provi li jixhdu l-kuntrarju fi tliet okkażjonijiet: matul id-diskussjonijiet bilaterali, fl-ittri tagħha b’risposta għar-rendikont tal-Kummissjoni ta’ dawn id-diskussjonijiet u matul il-proċedura ta’ konċiljazzjoni. Għalhekk jien nikkunsidra, meta nħares lejn il-proċedura b’mod sħih, li Spanja kienet iggarantitata opportunità suffiċjenti biex teżerċita d-drittijiet ta’ difiża tagħha u biex turi li l-awtoritajiet tagħha kienu implementaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-AAO.

74.

Spanja lanqas ma tallega li l-Kummissjoni f’dan il-każ ikkomunikat it-tħassib tagħha dwar l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-AAO tard jew f’termini vagi, bħala parti minn strateġija maħsuba biex tkun posposta d-data meta jiskatta t-terminu ta’ 24 xahar imsemmi fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999. Matul is-seduta, Spanja ssuġġeriet li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-Artikolu 8 setgħet twassal għal sitwazzjoni bħal din. Madankollu, Spanja ma sostnietx li l-Kummissjoni kienet aġixxiet b’dan il-mod fil-każ preżenti.

75.

Minn dan isegwi li l-ittra AGR 16844 issodisfat ir-rekwiżiti ta’ komunikazzjoni bil-miktub fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95.

76.

Għalhekk, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ma żbaljatx meta aċċettat li d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tiffinanzja nfiq setgħet tkun ibbażata fuq irregolarità li ma kinitx inkluża fl-ittra AGR 16844 u meta kkunsidrat il-proċedura b’mod sħiħ.

77.

Jien għalhekk nirrifjuta l-ewwel aggravju.

It-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

78.

Il-Gvern Spanjol isostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikoli 36 u 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 42 ), meta naqset milli tagħti raġunijiet suffiċjenti għas-sentenza tagħha, u dan peress li ma semmietx, u għaldaqstant naqset milli tiddeċiedi dwar, kap essenzjali tat-talba fformulat minn Spanja matul is-seduta li kien jikkonċerna t-terminu ta’ 24 xahar fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999.

79.

Matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, Spanja ppreżentat tliet argumenti fir-rigward tal-konsegwenzi tan-nuqqasijiet allegati tal-ittra AGR 16844. Hija ssottomettiet li dawn in-nuqqasijiet kellhom jirriżultaw: (i) fid-dikjarazzjoni li l-korrezzjonijiet finanzjarji rigward is-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1998/1999 u 1999/2000 koperti bl-ittra AGR 16844 kienu invalidi, (ii) sussidjarjament, fid-dikjarazzjoni li l-korrezzjoni finanzjarja rigward is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1998/1999, jekk din is-sena ta’ bejgħ titqies li hija koperta b’investigazzjoni li kienet is-suġġett ta’ komunikazzjoni bil-miktub oħra kienet invalida, jew (iii) sussidjarjament għal dan, fid-dikjarazzjoni li l-korrezzjonijiet finanzjarji rigward in-nefqa li saret qabel l-24 ta’ Novembru 2000, jiġifieri 24 xahar qabel l-ittra tal-24 ta’ Novembru 2002 li sejħet id-diskussjonijiet bilaterali kienu invalidi.

80.

Spanja tilmenta li l-Qorti Ġenerali naqset milli tindirizza, impliċitament jew espliċitament, dawn l-argumenti fil-partijiet tas-sentenza li jittrattaw l-allegat ksur tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95 u n-nuqqas li jkun osservat it-terminu ta’ 24 xahar stabbilit fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament 1258/99. Spanja tkompli tgħid li l-argumenti kienu rreġistrati f’nota li tistabbilixxi s-sottomissjonijiet li saru mill-aġent tagħha u li kienet ingħatat lill-interpreti qabel is-seduta.

81.

Il-Kummissjoni ssostni li l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ tkun impliċita pjuttost milli espliċita, sakemm din tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn l-argumenti tagħhom ma ġewx milqugħa.

Evalwazzjoni

82.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ sentenza għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jidentifikaw ir-raġunijiet tad-deċiżjoni meħuda u b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha ( 43 ). Il-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata li tirrispondi fid-dettall għal kull wieħed mill-argumenti mressqa mill-appellant, b’mod partikolari jekk l-argument ma kienx biżżejjed ċar u preċiż u ma kienx adegwatament sostnut bil-provi ( 44 ). Il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita sakemm permezz tagħha dawk ikkonċernati jkunu jistgħu jidentifikaw ir-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha ( 45 ).

83.

Jien inqis li s-sentenza appellata tindirizza b’mod adegwat it-tliet argumenti mressqa minn Spanja matul is-seduta.

84.

Nibda bit-trattament mill-Qorti Ġenerali tat-tielet argument, jiġifieri li l-korrezzjonijiet finanzjarji rigward in-nefqa li saret qabel l-24 ta’ Novembru 2000 għandhom jiġu ddikjarati invalidi.

85.

Fil-punt 120, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li t-terminu ta’ 24 xahar għandu jkun ikkalkolat mill-15 ta’ Lulju 2002, id-data meta l-Kummissjoni nnotifikat ir-riżultati tal-investigazzjoni lil Spanja. Dan huwa konsistenti mal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 u mad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiċħad il-motiv li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1663/95 meta għamlet korrezzjonijiet finanzjarji bbażati fuq irregolaritajiet li ma ssemmewx fl-ittra AGR 16844. Meta waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali neċessarjament irrifjutat l-argument ta’ Spanja li t-terminu ta’ 24 xahar għandu jkun ikkalkolat minn bidu ta’ dekorrenza differenti, bħal pereżempju d-data tal-ittra li sejħet il-diskussjonijiet bilaterali (24 ta’ Novembru 2002).

86.

L-aggravju fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni argumenti li saru matul is-seduta għandu jinċaħad ukoll.

87.

Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet (punt 119) li l-ittra AGR 16844 kienet tikkostitwixxi l-komunikazzjoni bil-miktub għall-iskopijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95. Hija aċċettat (punt 66) li l-Kummissjoni kellha dritt tagħmel korrezzjoni finanzjarja bbażata fuq irregolarità li ma kinitx imsemmija f’din l-ittra iżda li kienet tieħu inkunsiderazzoni informazzjoni u ċifri ppreżentati sussegwentement mill-awtoritajiet Spanjoli, b’mod partikulari fil-kuntest tad-diskussjonijiet bilaterali tal-21 ta’ Dicembru 2004. Għalhekk il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li l-korrezzjonijiet finanzjarji għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1998/1999 u 1999/2000 koperti mid-deċiżjoni inkwistjoni kienu nieqsa minn bażi legali xierqa fl-investigazzjoni koperta bl-ittra AGR 16844 u li għalhekk kellhom jiġu annullati. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali għalhekk ippermetta lil Spanja tkun taf għalfejn l-ewwel u t-tieni argumenti tagħha ma kinux aċċettati.

88.

Jien għalhekk niċħad it-tieni aggravju.

It-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

89.

Il-Gvern Spanjol jilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 meta (i) ikkalkolat it-terminu ta’ 24 xahar mid-data tan-notifika tal-ittra AGR 16844, għalkemm din l-ittra ma speċifikatx ir-raġunijiet kollha li fuqhom il-korrezzjonijiet finanzjarji kienu bbażati u (ii) ibbażat ruħha fuq sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ma kinitx applikabbli għal settur bħal dak tal-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa, sabiex tikkonkludi li d-data tal-ħlas tal-bilanċ (pjuttost milli l-ħlas tal-pagament bil-quddiem) kellha tintuża biex jiġi ddeterminat meta saret in-nefqa.

90.

L-ewwel parti ta’ dan l-aggravju hija suġġetta għal kundizzjoni: jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li d-deċiżjoni finali setgħet tkun ibbażata fuq irregolaritajiet mhux inklużi fl-ittra AGR 16844, il-Gvern Spanjol jikkunsidra li l-Qorti Ġenerali xorta waħda żbaljat, fil-punt 120, meta naqset milli tikkalkola t-terminu ta’ 24 xahar mill-24 ta’ Novembru 2002 (id-data li fiha l-irregolaritajiet ġew ikkomunikati għall-ewwel darba).

91.

It-tieni parti tikkonċerna t-tifsira tal-frażi “nefqa […] effettwata” fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999. Il-Gvern Spanjol isostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat, fil-punt 122, meta użat id-data tal-ħlas tal-bilanċ pendenti pjuttost milli dik tal-pagament bil-quddiem, bħala d-data meta ġiet effettwata n-nefqa (u għalhekk bħala d-data minn meta jibda jiddekorri t-terminu ta’ 24 xahar).

92.

Spanja targumenta li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta applikat ir-raġunament fil-Kawża C-329/00 ( 46 ). Pagamenti mħallsa bil-quddiem suġġetti għall-preżentazzjoni ta’ garanzija ma jistgħux jitqabblu debitament ma’ pagamenti mħallsa bil-quddiem fir-rigward tal-għajnuna li hija s-suġġett tat-tilwima preżenti. L-għajnuna rigward il-banana hija maħsuba għall-kummerċjalizzazzjoni. Għalhekk din tingħata suġġetta għall-preżentazzjoni ta’ garanzija. Kull pagament bil-quddiem ta’ din l-għajnuna għalhekk huwa provviżorju u suġġett għal kontrolli dwar jekk il-banana kinitx debitament ikkummerċjalizzata skont id-dritt Komunitarju. Pagamenti bil-quddiem lil produtturi taż-żejt taż-żebbuġa huma differenti. Dawn huma speċi ta’ depożitu u jsiru biss wara li jkunu twettqu l-kontrolli rilevanti kollha. Fi kliem ieħor, l-ammont finali tal-għajnuna dovuta jkun stabbilit f’dak il-mument.

93.

Il-Kummissjoni tikkontesta ż-żewġ partijiet ta’ dan l-aggravju.

94.

Fir-rigward tal-ewwel parti, il-Kummissjoni targumenta li kull bilanċ pendenti mħallas qabel il-15 ta’ Lulju 2000 seta’ jkun suġġett għall-korrezzjonijiet finanzjarji kkontestati; il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-argumenti tagħha fir-rigward tal-ewwel aggravju.

95.

Fir-rigward tat-tieni parti, il-Kummissjoni ma ssib xejn fis-sentenza appellata li jissuġġerixxi li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li s-setturi taż-żejt taż-żebbuġa u tal-banana huma komparabbli. Pjuttost, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta interpretat il-qafas regolatorju applikabbli fl-isfond tas-sentenza fil-Kawża C-329/00 fis-sens li d-data rilevanti taħt (dak li sar) il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 hija dik meta l-ammont finali tal-għajnuna jiġi stabbilit u l-bilanċ imħallas. Il-kontrolli dwar jekk l-infiq kienx konformi mad-dritt Komunitarju setgħu jitwettqu qabel u wara l-ħlas bil-quddiem. Jekk ir-riżultati tal-kontrolli huma negattivi, il-bilanċ jibqa’ pendenti u mhux neċessarjament se jitħallas kollu. Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward huwa koerenti.

Evalwazzjoni

96.

Skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/99, il-Kummissjoni ma setgħetx tirrifjuta li tiffinanzja l-infiq magħmul qabel l-24 xahar li jippreċedu “[i]l-komunikazzjoni bil-miktub mill-Kummissjoni dwar ir-riżultati ta’ dawn il-kontrolli, lill-Istat Membru interessat”. Il-komunikazzjoni bil-miktub tal-Kummissjoni hija d-dokument deskritt fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95 ( 47 ).

97.

L-iskop ta’ din il-limitazzjoni kien li “tipproteġi lill-Istati Membri mill-assenza taċ-ċertezza legali li tkun teżisti jekk il-Kummissjoni setgħet tpoġġi fid-dubju nfiq li jkun sar diversi snin qabel ma tiġi adottata deċiżjoni dwar konformità” ( 48 ). Din offriet il-garanzija li l-Kummissjoni kienet ser tinvestiga nfiq fi żmien raġonevoli u li l-piż tal-għajnuna mħallsa lill-produtturi qabel data partikolari ma kienx ser jinġarr sussegwentement mill-Istat Membru minħabba li l-Kummissjoni tkun iddeċidiet li ma setax ikun addebitat lill-FAEGG.

98.

Żewġ dati jiddeterminaw jekk il-Kummissjoni eskludietx infiq mill-finanzjament Komunitarju b’mod konsistenti mal-Artikolu 7(4): id-data tan-notifika tal-komunikazzjoni bil-miktub fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95 u d-data meta jsir l-infiq.

99.

Jien ma naqbilx mal-Gvern Spanjol li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta stabbilixxiet dawn id-dati.

100.

Fir-rigward tal-ewwel data, jien spjegajt għalfejn nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma żbaljatx meta kkonkludiet li ma huwiex meħtieġ li komunikazzjoni bil-miktub fis-sens tal-Artikolu 8(1) tindika l-irregolaritajiet kollha li jifformaw il-bażi għall-korrezzjonijiet finanzjarji tal-Kummissjoni ( 49 ). Fuq din il-bażi, jien nikkonkludi li l-Qorti Ġenerali ma żbaljatx meta kkonkludiet, fil-punt 120, li d-data tal-bidu tad-dekorrenza kienet id-data tan-notifika tal-ittra AGR 16844 (il-15 ta’ Lulju 2002). Għalhekk, id-deċiżjoni inkwistjoni setgħet tapplika għal infiq li sar mill-15 ta’ Lulju 2000.

101.

Fir-rigward tat-tieni data, jien nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma żbaljatax meta bbażat ruħha, fil-punti 122 sa 124, fuq l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-329/00 tal-Artikolu 7(4). F’dak il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-data rilevanti kienet dik meta l-ammont finali dovut kien stabbilit u l-bilanċ tħallas.

102.

Fis-settur tal-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa, l-għajnuna kienet stabbilita abbażi tal-kwantità attwali tal-produzzjoni ( 50 ). Fil-bidu ta’ kull staġun, l-Istati Membri kienu jħallsu lill-produtturi pagament bil-quddiem ( 51 ). Il-pagamenti bil-quddiem ma kinux jistabbilixxu l-ammont finali tal-għajnuna dovuta mill-Istat Membru. Din setgħet tkun inqas jew iktar mit-total tal-pagamenti bil-quddiem. Il-produtturi taż-żejt taż-żebbuġa sempliċement ma kellhom għalfejn jipprovdu ebda garanzija li tkopri l-possibbiltà li l-ammont ta’ għajnuna finali jkun inqas mill-pagament bil-quddiem imħallas. Kif ġie osservat korrettement mill-Qorti Ġenerali fil-punt 123, fi kwalunkwe każ dawn kienu jirċievu l-bilanċ tal-għajnuna biss wara li l-Istat Membru jkun “wettaq il-verifiki kollha neċessarji u suġġett għar-riżultati tagħhom” ( 52 ). L-ammont finali dovut kien ikun magħruf biss f’dak il-mument.

103.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jien nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali debitament ikkonkludiet li l-infiq ikun sar meta l-ammont definittiv tal-għajnuna jkun stabbilit u meta kwalunkwe bilanċ ikun tħallas. Dan kien il-mument li fih ir-responsabbiltà tal-Istat Membru u t-talba korrispondenti tal-produttur kienu stabbiliti b’mod definittiv. Il-fatt li ma kien hemm għalfejn tiġi ppreżentata ebda garanzija biex wieħed seta’ jirċievi l-pagament bil-quddiem ma għamilx il-ħlas tal-pagament bil-quddiem iktar jew inqas provviżorju.

104.

Għal dawn ir-raġunijiet, jien nirrifjuta t-tielet aggravju.

Konklużjoni

105.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jien tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi kif ġej:

tiċħad l-appell; u

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2007, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċerti nefqiet magħmula mill-Istati Membri taħt it-Taqsima Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u l-Garanzija (FAEGG) (2008/68/KE) (ĠU 2008, L 18, p. 12).

( 3 ) Fiż-żmien li kien ippreżentat ir-rikors, id-dritt Komunitarju kien jirregola l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa. Minn meta t-Trattat ta’ Lisbona daħal fis-seħħ, id-dritt tal-UE jirregola dawn il-kundizzjonijiet. Peress li t-tibdil ma kienx purament wieħed formali, jien se nagħmel riferiment għall-“Komunità” u għad-“dritt Komunitarju” f’dawn il-konklużjonijiet.

( 4 ) Il-Qorti Ġenerali, fi żmien li kien ippreżentat ir-rikors, qabel ma daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, kienet imsejħa “Il-Qorti tal-Prim’Istanza”. Is-sentenza appellata ngħatat wara li daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona. Għall-fini ta’ sempliċità u għax il-bidla kienet purament formali, jien se nuża l-isem attwali matul dawn il-konklużjonijiet.

( 5 ) Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 414), li jistipula li r-Regolament japplika għal nefqiet li jkunu saru mill-1 ta’ Jannar 2000. Dan ir-regolament ħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70, tal-21 ta’ April 1970, dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 94, p. 13), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1287/95, tat-22 ta’ Mejju 1995, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 729/70 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 125, p. 1).

( 6 ) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 209, p. 1).

( 7 ) Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1258/1999.

( 8 ) Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1258/1999.

( 9 ) Il-limitazzjoni tikkorrispondi ma’ dik fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 5(2)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70, li tħassar bir-Regolament Nru 1258/1999.

( 10 ) Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1663/95, tas-7 ta’ Lulju 1995, li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 li jirrigwardja l-proċedura għall-verifikar tal-kontijiet tat-Taqsima Garanziji tal-FAEEG (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 18, p. 31), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/1999 tat-22 ta’ Ottubru 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 26, p. 335).

( 11 ) Ara l-Artikolu 18(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006, tal-21 ta’ Ġunju 2006, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU 2008, L 322M, p. 162).

( 12 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2261/84, tas-17 ta’ Lulju 1984, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-għoti ta’ għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa u ta’ għajnuna lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi taż-żejt taż-żebbuġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 6, p. 94), kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1639/98 tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 23, p. 314).

( 13 ) L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(5) u l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2261/84.

( 14 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 154/75, tal-21 ta’ Jannar 1975, dwar it-twaqqif ta’ reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ fl-Istati Membri li jipproduċu ż-żejt taż-żebbuġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 2, p. 64), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3788/85, tal-20 ta’ Diċembru 1985, li jemenda, minħabba l-adeżjoni ta’ Spanja u l-Portugall, ċerti regolamenti fis-settur taż-żjut u x-xaħmijiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 6, p. 283).

( 15 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2366/98, tat-30 ta’ Ottubru 1998, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa għas-snin tal-marketing 1998/99, 1999/2000 u 2000/01 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 24, p. 113).

( 16 ) Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2366/98.

( 17 ) Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2366/98.

( 18 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/442/KE, tal-1 ta’ Lulju 1994, li tistabbilixxi proċedura ta’ konċiljazzjoni fil-kuntest tal-kjariment tal-kontijiet tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG) Sezzjoni ta’ Garanzija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 268).

( 19 ) Artikolu 1 u l-Anness għad-deċiżjoni inkwistjoni.

( 20 ) Premessa 4 fil-preambolu tad-deċiżjoni inkwistjoni.

( 21 ) L-Anness għad-deċiżjoni inkwistjoni.

( 22 ) Sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, (T-243/05, Ġabra p. II-3475, punt 43), u tal-14 ta’ Frar 2008, Spanja vs Il-Kummissjoni (T-266/04, Ġabra p. II-20, punt 41).

( 23 ) Sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2003 (Ġabra p. I-6103, punt 43).

( 24 ) Matul is-seduta, l-aġent għall-Kummissjoni kkwota mit-Taqsima 2.2.1 tal-Anness I għall-ittra AGR 16844 fejn il-Kummissjoni talbet informazzjoni dwar is-sanzjonijiet li kienu applikati.

( 25 ) Sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 iktar ’il fuq, punt 68.

( 26 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Jannar 1999, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C-54/95, Ġabra p. I-35, punt 35).

( 27 ) Sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 iktar ’il fuq, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 28 ) L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95.

( 29 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Jannar 1998, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (C-61/95, Ġabra p. I-207, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 30 ) Sentenza Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (C-61/95, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29 iktar ’il fuq, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-153/01, Ġabra p. I-9009, punt 93).

( 32 ) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95.

( 33 ) Sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26 iktar ’il fuq, punt 35.

( 34 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ottubru 1999, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-253/97, Ġabra p. I-7529, punt 7 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 35 ) Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tal-Regolament Nru 1663/95.

( 36 ) It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95.

( 37 ) It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999.

( 38 ) Artikolu 1(1)(a) tad-Deċiżjoni 94/442.

( 39 ) Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1663/95.

( 40 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-337/05, Ġabra p. I-2173, punti 23 u 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 41 ) Sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 iktar ’il fuq, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 42 ) L-Artikolu 53 jirrendi r-rekwiżit li l-Qorti tal-Ġustizzja timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha (inkluż fl-Artikolu 36) applikabbli għall-Qorti Ġenerali.

( 43 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 2008, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C-280/08 P, Ġabra p. I-9555, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 44 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni (C-274/99 P, Ġabra p. I-1611, punt 121).

( 45 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il-Kummissjoni (C-583/08 P, Ġabra p. I-4469, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 46 ) Sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 iktar ’il fuq, punti 40 sa 45.

( 47 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Jannar 2002, Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni (C-170/00, Ġabra p. I-1007, punti 26 sa 28).

( 48 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-130/99, Ġabra p. I-3005, punt 133).

( 49 ) Ara l-punti 44 sa 77 iktar ’il fuq.

( 50 ) Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2366/98.

( 51 ) Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2366/98.

( 52 ) Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 2366/98.

Top