EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CC0022

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fid-19 ta’ April 2012.
Finnair Oyj vs Timy Lassooy.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein oikeus.
Trasport bl-ajru — Regolament (KE) Nru 261/2004 — Kumpens għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu — Kunċett ta’ ‘li ma jitħallewx jitilgħu’ — Esklużjoni tal-klassifikazzjoni ta’ ‛li ma jitħallewx jitilgħu’ — Kanċellazzjoni ta’ titjira minħabba strajk fl-ajruport tat-tluq — Riorganizzazzjoni tat-titjiriet wara t-titjira kkanċellata — Dritt għal kumpens tal-passiġġieri ta’ dawn it-titjiriet.
Kawża C-22/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:223

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fid-19 ta’ April 2012 ( 1 )

Kawża C-22/11

Finnair Oyj

vs

Timy Lassooy

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein oikeus (il-Finlandja)]

“Trasport bl-ajru — Regolament (KE) Nru 261/2004 — Kumpens għall-passiġġieri f’każ ta’ imbark miċħud — Kunċett ta’ ‘imbark miċħud’ — Esklużjoni tal-kundizzjoni tal-‘imbark miċħud’ — Kanċellament ta’ titjira kkawżat minn strajk fl-Istat tat-tluq — Ippjanar mill-ġdid tat-titjiriet ta’ wara t-titjira kkanċellata — Dritt għal kumpens tal-passiġġieri ta’ dawk it-titjiriet”

1. 

Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta għall-ewwel darba l-kunċett ta’ “il-fatt li persuna ma tħallietx titla[’] [imbark miċħud]”, fis-sens tal-Artikolu 2(j) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 ( 2 ). Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-fatt li persuna ma tħallietx titla’ bħala r-rifjut għat-trasport ta’ passiġġieri fuq titjira, minkejja li ppreżentaw lilhom infushom biex jitilgħu, ħlief għal fejn hemm raġunijiet raġonevoli biex ma jitħallewx jitilgħu, b’mod partikolari raġunijiet ta’ saħħa, sigurezza u sigurtà, jew dokumentazzjoni tal-ivjaġġar mhux xierqa. Meta passiġġier ma jitħalliex jitla’ kontra l-volontà tiegħu, huwa jibbenefika minn kumpens skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 261/2004.

2. 

Din il-kawża bdiet wara kwistjoni bejn il-kumpannija tal-ajru Finnair Oyj ( 3 ) u T. Lassooy. Dan tal-aħħar kien irriżerva post għat-titjira minn Barcelona għal Ħelsinki tat-30 ta’ Lulju 2006 tal-11.40 ta’ filgħodu. Wara strajk fl-ajruport ta’ Barcelona (Spanja) li seħħ fit-28 ta’ Lulju 2006, Finnair iddeċidiet li tippjana mill-ġdid it-titjiriet tagħha tat-28, 29 u 30 ta’ Lulju 2006 u ma ħallietx lil T. Lassooy jitla’, filwaqt li tat prijorità, fuq it-titjira li dan kellu jaqbad, lill-passiġġieri li, minħabba l-istrajk, ma setgħux jitilgħu fuq it-titjira regolari tad-29 ta’ Lulju 2006. T. Lassooy qiegħed jinvoka l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 261/2004 u jsostni li Finnair għandha tħallsu kumpens, skont din id-dispożizzjoni.

3. 

Il-Korkein oikeus (Qorti Suprema, il-Finlandja) tistaqsi għaldaqstant jekk il-kunċett ta’ “il-fatt li persuna ma tħallietx titla[’]”, fis-sens tal-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004, jinkludix biss każijiet fejn il-passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu fuq it-titjira minħabba li l-kumpannija tal-ajru ħadet riżervazzjonijiet żejda ta’ postijiet jew jinkludix ukoll każijiet oħrajn, bħal meta l-passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu minħabba ppjanar mill-ġdid tat-titjiriet wara ċirkustanzi straordinarji.

4. 

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-kundizzjoni tal-“fatt li persuna ma tħallietx titla[’]” tistax tiġi injorata minħabba raġunijiet li ma humiex dawk li jirrigwardaw lill-passiġġier, u b’mod partikolari minħabba raġunijiet marbutin ma’ ċirkustanzi straordinarji.

5. 

Fil-konklużjonijiet preżenti, ser nindika r-raġunijiet li minħabba fihom jidhirli li l-kunċett ta’ passiġġier li ma jitħalliex jitla’ jinkludi mhux biss il-każijiet meta jsiru riżervazzjonijiet żejda ta’ postijiet, imma wkoll raġunijiet oħrajn, bħalma huma raġunijiet operattivi.

6. 

Sussegwentement, sejjer nispjega għaliex, fil-fehma tiegħi, l-Artikoli 2(j) u 4 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-imbark miċħud ma jistax ikun raġonevolment iġġustifikat minħabba ċirkustanzi straordinarji, fejn huwa biss l-imbark miċħud minħabba raġunijiet li jirrigwardaw is-sitwazzjoni personali tagħhom li jista’ jwassal biex jiġi eskluż dak ir-rifjut mill-kundizzjoni tal-“fatt li persuna ma tħallietx titla[’]”. Bl-istess mod, ser nesponi r-raġunijiet li minħabba fihom jidhirli li l-Artikoli 4(3) u 5(3) ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li trasportatur bl-ajru ma jistax jipprevalixxi ruħu minn ċirkustanzi straordinarji li affettwaw titjira sabiex jeżenta ruħu mill-obbligu li jħallas kumpens lill-passiġġier li huwa ma jkunx ħallieh jitla’ fuq titjira oħra meta huwa jiġġustifika dak ir-rifjut billi jgħid li dik it-titjira ġiet ippjanata mill-ġdid wara dawk iċ-ċirkustanzi straordinarji.

7. 

Fl-aħħar nett, ser nindika għaliex, fil-fehma tiegħi, din l-interpretazzjoni ma tmurx kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali.

I – Il-kuntest ġuridiku

8.

L-ewwel premessa tar-Regolament Nru 261/2004 tindika li l-azzjoni mill-Komunità Ewropea fil-qasam ta’ trasport bl-ajru għandha jkollha l-iskop, b’mod partikolari, li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri.

9.

L-erbatax-il premessa ta’ dan ir-regolament tipprevedi li l-obbligi tat-trasportaturi bl-ajru li jaħdmu għandhom ikunu limitati jew ir-responsabbiltà tagħhom għandha tiġi eskluża fejn xi ħaġa tkun ġiet ikkawżata minn ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli kienu ttieħdu. Ċirkostanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ stabbiltà politika, kundizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux mal-operazzjoni tat-titjira in kwistjoni, riskji tas-sigurtà, nuqqasijiet mhux mistennija fir-rigward tas-sigurtà tat-titjira u strajkijiet li jaffettaw l-operazzjoni ta’ trasportatur bl-ajru li jopera.

10.

Skont l-Artikolu 2(j) tar-Regolament imsemmi, il-kliem “‘il-fatt li persuna ma tħallietx titla[’]’ ifisser tiċħid għat-trasport ta’ passiġġieri fuq titjira, minkejja li ppreżentaw lilhom infushom biex jitilgħu taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2), ħlief għal fejn hemm raġunijiet raġonevoli biex ma jitħallewx jitilgħu, bħal raġunijiet ta’ saħħa, sigurezza u sigurtà, jew dokumentazzjoni ta’ l-ivjaġġar mhux xierqa”.

11.

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 261/2004 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Meta trasportatur ta’ l-ajru li jopera jipprevedi b’mod raġonevoli li ma jħallix passiġġieri jitilgħu fuq titjira, għandu l-ewwel jagħmel sejħa għal voluntiera biex iħallu r-riżervazzjonijiet tagħhom bi skambju għal vantaġġi taħt kondizzjonijiet li għandhom jinftiehmu bejn il-passiġġier in kwistjoni u t-trasportatur ta’ l-ajru li jopera. Voluntiera għandhom jiġu mogħtija għajnuna skond l-Artikolu 8, liema assistenza hi addizzjonali għall-vantaġġi msemmijin f’dan il-paragrafu.

2.   Jekk ikun hemm numru mhux suffiċjenti ta’ voluntiera biex in-numru ta’ passiġġieri b’riżervazzjonijiet li jibqa’ jkunu jistgħu jitilgħu fuq it-titjira, il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera jista’ mbagħad ma jħallix jitilgħu passiġġieri kontra l-volontà tagħhom.

3.   Jekk passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu kontra l-volontà tagħhom, il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu jagħtihom kumpens minnufih skond l-Artikolu 7 u jassistihom skond l-Artikoli 8 u 9.”

12.

Skont l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, it-trasportatur bl-ajru li jopera ma għandux ikun obbligat iħallas il-kumpens li normalment ikun dovut f’każ li tiġi kkanċellata t-titjira jekk huwa jkun jista’ juri li l-kanċellament ġie kkawżat minn ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.

13.

L-Artikolu 7(1)(b) tar-regolament imsemmi, moqri flimkien mal-Artikolu 4 tal-istess regolament, jipprevedi kumpens fiss ta’ EUR 400 għall-passiġġieri li ma jitħallewx jitilgħu fir-rigward tat-titjiriet kollha intrakomunitarji ta’ iktar minn 1.500 kilometru u għat-titjiriet kollha l-oħra ta’ bejn 1.500 u 3.500 kilometru.

14.

L-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament Nru 261/2004, moqrija flimkien mal-Artikolu 4 tal-istess regolament, jipprevedu dritt għar-rimbors jew għal rotta differenti kif ukoll għad-dritt li jittieħed ħsieb tal-passiġġieri li ma tħallewx jitilgħu.

II – Il-fatti u l-proċedura prinċipali

15.

Wara strajk tal-persunal tal-ajruport ta’ Barcelona fit-28 ta’ Lulju 2006, it-titjira regolari bejn Barcelona u Ħelsinki tal-11.40 ta’ filgħodu magħmula minn Finnair kellha tiġi kkanċellata. Finnair iddeċidiet li tippjana mill-ġdid it-titjiriet tagħha sabiex il-passiġġieri ta’ dik it-titjira ma jkollhomx jistennew għal żmien twil wisq.

16.

Għaldaqstant, dawk il-passiġġieri ttieħdu lejn Ħelsinki (il-Finlandja) permezz tat-titjira tal-għada, 29 ta’ Lulju 2006, tal-11.40 ta’ filgħodu, kif ukoll permezz ta’ titjira charter tad-9.40 ta’ filgħaxija tal-istess jum. Dan l-ippjanar ġdid kellu l-konsegwenza li parti mill-passiġġiera li kienu xtraw il-biljett tagħhom għat-titjira tad-29 ta’ Lulju 2006 tal-11.40 ta’ filgħodu kellhom jistennew sat-30 ta’ Lulju 2006 biex jaslu f’Ħelsinki permezz tat-titjira regolari tal-11.40 ta’ filgħodu u permezz tat-titjira tad-9.40 ta’ filgħaxija li kienet ukoll chartered apposta għal dan il-għan. Bl-istess mod, ċerti passiġġieri, bħal T. Lassooy, li kienu xtraw il-biljett tagħhom għat-titjira tat-30 ta’ Lulju 2006 tal-11.40 ta’ filgħodu u li kienu ppreżentaw ruħhom biex jitilgħu kif suppost, waslu f’Ħelsinki permezz tat-titjira speċjali tad-9.40 ta’ filgħaxija.

17.

Peress li T. Lassooy deherlu li Finnair ma kinitx ħallietu jitla’, fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 261/2004, huwa ppreżenta rikors quddiem il-Helsingin käräjäoikeus (il-qorti tal-prim’ istanza ta’ Ħelsinki) li kien intiż biex Finnair tiġi kkundannata tħallsu l-kumpens previst fl-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament.

18.

Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008, il-Helsingin käräjäoikeus ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn T. Lassooy minħabba li r-regolament imsemmi jikkontempla biss il-kumpens lill-passiġġieri li ma jkunux tħallew jitilgħu minħabba li jkunu saru riżervazzjonijiet żejda ta’ postijiet għal raġunijiet ekonomiċi. Dik il-qorti ddeċidiet li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 261/2004 ma kienx japplika, peress li kien hemm ippjanar mill-ġdid tat-titjiriet. Hija kkunsidrat li t-titjira ta’ T. Lassooy kienet ġiet ikkanċellata, minkejja li dik it-titjira fil-fatt kienet saret.

19.

T. Lassooy appella quddiem il-Helsingin hovioikeus (il-Qorti ta’ Appell ta’ Ħelsinki). Permezz ta’ sentenza mogħtija fil-31 ta’ Awwissu 2009, din tal-aħħar ikkonstatat li Finnair ma kinitx ħalliet lil T. Lassooy jitla’ kontra l-volontà tiegħu. Hija ddeċidiet li t-titjira ma kinitx ġiet ikkanċellata peress li l-ajruplan telaq fil-mument indikat fid-dokument ta’ konferma tar-riżervazzjoni tal-post ta’ T. Lassooy u li r-referenzi għall-identifikazzjoni tat-titjira kienu l-istess bħal dawk imsemmija fuq id-dokument tar-riżervazzjoni tal-post. Il-Helsingin hovioikeus ikkunsidrat li kemm mit-test tar-Regolament Nru 261/2004 kif ukoll mix-xogħol preparatorju jirriżulta li dan ir-regolament kien japplika mhux biss f’każ ta’ riżervazzjonijiet żejda ta’ postijiet, imma wkoll f’ċerti każijiet fejn il-passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu minħabba raġunijiet operattivi. Għaldaqstant, Finnair ma hijiex eżentata mir-responsabbiltà tagħha f’każ ta’ strajk u hija obbligata tikkumpensa lil T. Lassooy skont l-Artikolu 7 tar-regolament imsemmi. Il-Helsingin hovioikeus annullat id-deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 u kkundannat lil Finnair tħallas EUR 400 flimkien mal-imgħaxijiet.

20.

Finnair appellat fil-Qorti ta’ Kassazzjoni quddiem il-Korkein oikeus. Din tal-aħħar għandha dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004. Għalhekk, hija ddeċiediet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja diversi domandi preliminari.

III – Id-domandi preliminari

21.

Il-Korkein oikeus għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ir-Regolament Nru 261/2004 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 4 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni tiegħu hija limitata biss għall-każijiet fejn il-passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu fuq it-titjira minħabba li l-kumpannija tal-ajru ħadet riżervazzjonijiet żejda għal raġunijiet ekonomiċi, jew jista’ jiġi applikat ukoll f’każijiet fejn il-passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu fuq it-titjira minħabba raġunijiet oħra, bħal raġunijiet operattivi?

2)

L-Artikolu 2(j) tar-regolament [Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li r-raġunijiet ammissibbli stabbiliti fih huma llimitati biss għall-fatturi li jirrigwardaw lill-passiġġieri, jew każijiet fejn il-passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu fuq it-titjira jistgħu jitqiesu bħala ġġustifikati għal raġunijiet oħra? Jekk [dan] ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li każijiet fejn il-passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu fuq it-titjira jistgħu jkunu validament iġġustifikati minn raġunijiet barra dawk li jirrigwardaw lill-passiġġieri, għandu jiġi kkunsidrat li l-każijiet fejn il-passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu fuq it-titjira jistgħu jkunu ġġustifikati wkoll minn ippjanar mill-ġdid tat-titjiriet minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali fis-sens tal-premessi 14 u 15 tar-regolament?

3)

Dan ir-regolament [Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trasportatur tal-ajru jista’ jkun eżentat minn responsabbiltà taħt l-Artikolu 5(3) mhux biss fir-rigward ta’ titjira li huwa kkanċella minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali, iżda wkoll fir-rigward tal-passiġġieri fuq titjiriet sussegwenti, meta jipprova jqassam l-effetti negattivi kkawżati minn ċirkustanzi eċċezzjonali li ltaqa’ magħhom, bħal pereżempju strajk, fost il-membri ta’ grupp usa’ ta’ passiġġieri minn dak tal-passiġġieri tat-titjira kkanċellata billi jippjana mill-ġdid it-titjiriet sussegwenti, sabiex l-ebda passiġġier ma jkun suġġett għal dewmien mhux raġjonevoli? Fi kliem ieħor, it-trasportatur tal-ajru jista’ jinvoka ċirkustanzi eċċezzjonali anki fir-rigward ta’ passiġġier fuq titjira sussegwenti li l-vjaġġ tagħha ma kienx direttament affettwat minn dawn iċ-ċirkustanzi? F’dan ir-rigward, teżisti differenza sinjifikattiva skont jekk l-istatus tal-passiġġier u d-dritt għal kumpens jiġux evalwati fid-dawl tal-Artikolu 4 tar-regolament [Nru 261/2004] dwar il-passiġġieri li ma jitħallewx jitilgħu fuq it-titjira, jew tal-Artikolu 5 tiegħu, dwar il-kanċellazzjoni ta’ titjira?”

IV – Kunsiderazzjonijiet

A – Osservazzjonijiet preliminari

22.

Sabiex tingħata risposta ċara lill-qorti tar-rinviju, jidhirli li d-domandi jistgħu jiġu ttrattati bil-mod kif ġej.

23.

L-ewwel domanda tirrigwarda l-kunċett tal-“fatt li persuna ma tħallietx titla[’]” fis-sens tal-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004. B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk, essenzjalment, din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li dan il-kunċett jinkludix biss l-imbark miċħud minħabba riżervazzjonijiet żejda ta’ postijiet jew inkella tinkludix ukoll każijiet oħra, bħalma huma l-ippjanar mill-ġdid tat-titjiriet.

24.

It-tieni u t-tielet domanda huma, fil-fehma tiegħi, konnessi. Fil-fatt, permezz ta’ dawn iż-żewġ domandi, il-qorti tar-rinviju twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistaqsi, fir-realtà, dwar l-impatt li jista’ jkollhom iċ-ċirkustanzi straordinarji fuq is-sistema ta’ kumpens u assistenza stabbilita mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 261/2004.

25.

Għaldaqstant, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(j) ta’ dak ir-regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni tal-“fatt li persuna ma tħallietx titla[’]” tistax tiġi eskluża biss minħabba raġunijiet li jirrigwardaw lill-passiġġier li jkun ġie rrifjutat jew inkella jekk raġunijiet oħra, bħalma huma l-ippjanar mill-ġdid tat-titjiriet minħabba ċirkustanzi straordinarji, jistgħux ikunu aċċettabbli għall-finijiet ta’ din l-esklużjoni.

26.

Sussegwentement, permezz tal-ewwel parti tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata tal-effetti tal-kanċellament ta’ titjira minħabba ċirkustanzi straordinarji. Fil-fatt, hija tistaqsi, essenzjalment, jekk il-ħelsien mill-obbligu tal-ħlas ta’ kumpens f’każ ta’ kanċellament ta’ titjira minħabba ċirkustanzi straordinarji, kif previst fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament imsemmi, jistax jiġi estiż għall-każijiet ta’ passiġġieri li ma jitħallewx jitilgħu fuq titjira oħra meta t-traportatur bl-ajru jiġġustifika dan ir-rifjut billi jinvoka l-ippjanar mill-ġdid ta’ dik it-titjira wara li jkunu seħħew ċirkustanzi straordinarji.

27.

Fl-aħħar nett, permezz tat-tieni parti tat-tielet domanda, nifhem li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk hemmx trattament diskriminatorju bejn il-passiġġieri li t-titjira tagħhom ġiet ikkanċellata u dawk li ma tħallewx jitilgħu inkwantu dawk tal-ewwel, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, ma jiġux ikkumpensati f’każ ta’ ċirkustanzi straordinarji, mentri dawk tat-tieni jkollhom id-dritt għal kumpens skont l-Artikolu 4 ta’ dak l-istess regolament.

B – Fuq id-domandi preliminari

28.

Filwaqt li tanalizza t-tifsira li għandu l-kunċett tal-“fatt li persuna ma tħallietx titla[’] [imbark miċħud]”, fis-sens tal-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar il-portata tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament li jipprevedi li passiġġier li ma jkunx tħalla jitla’ kontra l-volontà tiegħu għandu jiġi kkumpensat mit-trasportatur bl-ajru u għandu jiġi assistit skont l-Artikolu 7 sa 9 tal-istess regolament.

29.

Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti ( 4 ).

30.

Il-kunċett tal-“fatt li persuna ma tħallietx titla[’] [imbark miċħud]” huwa definit fl-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004 bħala t-“tiċħid għat-trasport ta’ passiġġieri fuq titjira, minkejja li ppreżentaw lilhom infushom biex jitilgħu taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) [ ( 5 )], ħlief għal fejn hemm raġunijiet raġonevoli biex ma jitħallewx jitilgħu, bħal raġunijiet ta’ saħħa, sigurezza u sigurtà, jew dokumentazzjoni ta’ l-ivjaġġar mhux xierqa”.

31.

Mill-qari biss tal-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004, ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit jekk il-kunċett tal-imbark miċħud jinkludix biss il-każijiet fejn isiru riżervazzjonijiet żejda ta’ postijiet. Għaldaqstant huwa fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u fid-dawl tal-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament li wieħed għandu jfittex x’kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

32.

L-imsemmi regolament huwa intiż li jissostitwixxi r-Regolament Nru 295/91 ( 6 ). Fil-fatt, il-Kummissjoni Ewropea fil-proposta ta’ regolament tagħha ( 7 ), tindika li r-Regolament Nru 295/91 ma kienx dejjem jiskoraġġixxi lit-trasportaturi bl-arju milli jipprattikaw b’mod eċċessiv l-imbarki miċħuda jew il-kanċellamenti, u lanqas kien jinċentivahom biex jibbilanċjaw il-vantaġġi kummerċjali tagħhom mat-tnaqqis fil-prezzijiet għall-passiġġier. Għaldaqstant, numru kbir wisq ta’ passiġġieri kienu għadhom ibatu minn dawn il-prattiċi ( 8 ).

33.

Mal-adozzjoni tar-Regolament Nru 261/2004, l-għan imħabbar kien li jingħalqu l-lakuni tar-Regolament Nru 295/91 u li titnaqqas il-frekwenza tal-prattika tal-imbarki miċħuda billi t-trasportaturi bl-ajru jiġu mħajra jsibu voluntiera li jaċċettaw li jirrinunzjaw għall-post irriżervat minnhom inkambju ta’ ċerti vantaġġi, flok li jipprekludu lill-passiġġiera milli jitilgħu ( 9 ).

34.

Għaldaqstant, ir-regoli li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jimplementa bir-Regolament Nru 261/2004 huma stretti u dissważivi fil-konfront tat-trasportaturi bl-ajru.

35.

Sabiex jingħata effett sħiħ lil dawn ir-regoli, il-kunċett tal-imbark miċħud għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ u ma jistax ikun limitat għall-kwistjoni ta’ riżervazzjonijiet żejda ta’ postijiet. Dan jirriżulta ċar mix-xogħol preparatorju għall-adozzjoni ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, skont il-leġiżlatur tal-Unjoni, il-prattika tal-imbark miċħud għandha żewġ raġunijiet. L-ewwel waħda hija t-trasferiment għal fuq titjira oħra tal-passiġġieri li ma jistgħux jaqbdu t-titjira li huma jkunu rriżervaw minħabba problemi operattivi, bħalma huma d-dewmien tat-titjira jew il-kanċellament ta’ titjiriet konnessi, jew is-sostituzzjoni ta’ ajruplan difettuż b’wieħed li jesa’ inqas. Għaldaqstant, il-passiġġieri trasferiti jiġġeneraw domanda mhux mistennija għall-postijiet, xi kultant tali li l-passiġġieri tat-titjira sussegwenti ma jitħallewx jitilgħu. It-tieni raġuni hija dik tal-passiġġier li ma jitfaċċax u li jwassal għall-prattika ta’ riżervazzjonijiet eċċessivi ta’ postijiet ( 10 ).

36.

Il-ħtieġa li l-kunċett tal-imbark miċħud jiġi interpretat b’mod wiesa’ tirriżulta wkoll mill-għan li jipprova jilħaq ir-Regolament Nru 261/2004. Infakkar, fil-fatt, li dan tal-aħħar huwa intiż li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni għall-passiġġiera tat-trasport bl-ajru, u dan peress li l-imbarki miċħudin joħolqu diffikultajiet u inkonvenjenti serji għal dawn il-passiġġieri ( 11 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha Sturgeon et., iċċitata iktar ’il fuq, li d-dispożizzjonijiet li jagħtu drittijiet lill-passiġġieri tal-ajru, inklużi dawk li jagħtu dritt għal kumpens, għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ ( 12 ).

37.

Li wieħed jammetti li huma biss il-każijiet ta’ riżervazzjonijiet ta’ postijiet eċċessivi li huma inklużi fil-kunċett tal-imbark miċħud, ikollu l-effett li jċaħħad lill-passiġġieri li jkunu fis-sitwazzjoni ta’ T. Lassooy minn kull protezzjoni.

38.

Fil-fatt, infakkar li T. Lassooy, fil-kawża prinċipali, ippreżenta ruħu biex jitla’ b’mod regolari, u l-imbark tiegħu ġie miċħud wara deċiżjoni meħuda minn Finnair biex tippjana mill-ġdid it-titjiriet tagħha u li tagħti prijorità lill-passiġġieri li t-titjira tagħhom kienet ġiet ikkanċellata jumejn qabel minħabba strajk. It-titjira li T. Lassooy kien irriżerva saret fil-ħin u fil-jum previst.

39.

Għaldaqstant, jekk T. Lassooy jitqies li ma tħalliex jitla’, huwa ma jkunx jista’ jipprevalixxi ruħu mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 261/2004, lanqas mid-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-regolament li jirrigwardaw il-kanċellament u lanqas minn dawk li jirrigwardaw id-dewmien. Għaldaqstant, passiġġier li jsib ruħu fl-istess sitwazzjoni bħal T. Lassooy, peress li t-trasportatur bl-ajru unilateralment ħa deċiżjoni li jerġa’ jippjana mill-ġdid it-titjiriet tiegħu, ma jaqa’ taħt ebda waħda mill-kategoriji li jipprevedu miżuri li jipproteġu lill-passiġġieri li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet u inkonvenjenzi serji. It-trasportatur bl-ajru ma huwiex obbligat la li jħallas kumpens għad-dannu kkawżat, u lanqas u fuq kollox, li jagħtih assistenza, jiġifieri li jara l-bżonnijiet immedjati ta’ dak il-passiġġier fuq il-post. Dan tal-aħħar jitħalla għal riħu, ħaġa li tmur kompletament kontra l-għan imfittex mir-regolament imsemmi li huwa, jerġa’ jingħad, dak li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni lill-passiġġieri tat-trasport bl-ajru.

40.

Barra minn hekk, dan jista’ jkollu l-effett ukoll li jħajjar lil ċerti trasportaturi bl-ajru li jevitaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004 u li jaħarbu mill-obbligi tagħhom, u dan bi ksur tal-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li, ġustament, deherlu li huwa meħtieġ li jissaħħu d-drittijiet tal-passiġġieri tat-trasport bl-ajru ( 13 ). Għaldaqstant, ikun faċli għal dawn it-trasportaturi li jġibu bħala skuża l-ippjanar mill-ġdid tat-titjiriet tagħhom jew kwalunkwe raġuni oħra li ma hijiex dik ta’ riżervazzjoni eċċessiva ta’ postijiet biex ma jħallux lill-passiġġier jitla’ u jevitaw li jħallsuh kumpens jew li jieħdu ħsiebu.

41.

Konsegwentement, fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jiena tal-opinjoni li l-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ imbark miċħud jinkludi mhux biss il-każijiet ta’ riżervazzjoni eċċessiva ta’ postijiet, imma wkoll raġunijiet oħra, bħalma huma r-raġunijiet operattivi.

42.

Jekk il-kunċett tal-imbark miċħud ma jinkludix biss, fil-fehma tiegħi, il-każijiet ta’ riżervazzjoni eċċessiva ta’ postijiet, jeħtieġ li wieħed jistaqsi jekk sitwazzjoni bħalma hija dik ta’ T. Lassooy tistax tiġi eskluża mill-kundizzjoni tal-“fatt li persuna ma tħallietx titla[’]” fis-sens tal-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004, għal raġunijiet marbutin mal-ippjanar mill-ġdid tat-titjiriet wara li jkunu seħħew ċirkustanzi straordinarji.

43.

Fil-fatt, Finnair issostni li r-raġunijiet li wasslu biex T. Lassooy ma jitħalliex jitla’ fuq it-titjira li huwa kien irriżerva kienu raġunijiet ammissibbli għall-imbark miċħud, peress li dawk ir-raġunijiet kienu marbutin mas-saħħa, sigurezza jew sigurtà skont dik id-dispożizzjoni. Finnair issostni wkoll li, peress li r-Regolament Nru 261/2004 jipprevedi limitazzjoni fir-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru f’każ ta’ ċirkustanzi straordinarji li huwa ma setax jevita, l-imbark miċħud ta’ T. Lassooy kien iġġustifikat. Il-qorti tar-rinviju, min-naħa tagħha, tistaqsi jekk ir-raġunijiet ammissibbli għall-imbark miċħud jirrigwardawx biss lill-passiġġier li jkun is-suġġett ta’ dak ir-rifjut.

44.

Għalkemm huwa minnu li l-użu tal-avverbju “bħal” fl-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004 juri li l-lista ta’ raġunijiet li għalihom ma tapplikax il-kwalifika tal-“persuna ma tħallietx titla[’] [imbark miċħud]” ma hijiex eżawrjenti, jidhirli, madankollu, li dawn ir-raġunijiet għandhom ikunu limitati għal dawk ir-raġunijiet biss li huma marbutin mas-sitwazzjoni individwali tal-passiġġier.

45.

Fil-fatt, l-imbark miċħud li jkun raġonevolment iġġustifikat, fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, iwassal biex il-passiġġier ikkonċernat titneħħielu kull possibbiltà li jirċievi kumpens u assistenza. Peress li din hija, għaldaqstant, deroga minn regoli, stabbiliti minn dak ir-regolament, u li huma intiżi sabiex jipproteġu lill-passiġġier tat-trasport bl-ajru li jibbenefika minnhom, dawn għandhom jiġu interpretati b’mod strett skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 14 ).

46.

L-imbark miċħud għandu ħaġa partikolari, fis-sens li jirrigwarda lill-passiġġier u mhux lit-titjira nnifisha. Ċertament, jista’ jirriżulta li diversi passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu fuq l-istess titjira. Madankollu, b’kuntrast mal-każijiet ta’ kanċellament u ta’ dewmien, l-imbark miċħud ma jwassalx biex jaffettwa lill-passiġġieri kollha mingħajr ebda differenza. L-imbark miċħud huwa miżura individwali li tittieħed mit-trasportatur bl-ajru b’mod arbitrarju kontra passiġġier li, min-naħa tiegħu, ikun issodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa għall-finijiet tal-imbark.

47.

Din il-miżura individwali titlef in-natura arbitrarja tagħha biss meta l-passiġġier innifsu jkollu tort, pereżempju, meta jippreżenta dokumenti tal-identità mhux validi, jew ukoll meta, bl-aġir tiegħu, jipperikola s-sigurtà tat-titjira u/jew tal-passiġġieri l-oħra, pereżempju meta jkun fis-sakra jew ikun vjolenti. Fil-fehma tiegħi, f’dawk il-każijiet, huwa proprju minħabba li d-deċiżjoni li l-passiġġier ma jitħalliex jitla’ tkun imputabbli lill-istess passiġġier li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 261/2004 ma japplikax u li dak il-passiġġier ma jista’ jippretendi ebda kumpens u lanqas ebda assistenza.

48.

Min-naħa l-oħra, jidhirli li, fid-dawl tal-għan ta’ dan ir-regolament, li huwa li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri, id-deċiżjoni biex passiġġier ma jitħalliex jitla’ li tkun ibbażata fuq raġunijiet li huma kompletament esterni għall-passiġġier ikkonċernat ma jistax ikollha l-effett li ċċaħħad lil dan tal-aħħar minn kull protezzjoni. Fil-fatt, kif diġà esponejt fil-punti 37 sa 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jekk neskludi mill-kundizzjoni ta’ “persuna ma tħallietx titla[’] [imbark miċħud]” sitwazzjoni bħalma hija dik ta’ T. Lassooy, dan iwassal biex huwa jiġi mċaħħad minn kull kumpens u assistenza.

49.

Il-fatt li seħħew ċirkustanzi straordinarji li wasslu lit-trasportatur bl-ajru li jippjana t-titjiriet tiegħu mill-ġdid, bħalma ġara f’din il-kawża, ma huwiex tali, fil-fehma tiegħi, li jaffettwa din l-analiżi.

50.

L-ewwel nett, inkwantu li l-kunċett ta’ ċirkustanzi straordinarji huwa intiż li jillimita u saħansitra jeżenta mir-responsabbiltà lit-trasportatur bl-ajru, meta l-avveniment inkwistjoni ma setax jiġi evitat anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli jkunu ttieħdu ( 15 ), dan għandu jingħata applikazzjoni limitata.

51.

Nikkonstata mbagħad li l-ħmistax-il premessa tar-Regolament 261/2004 tipprovdi li “Ċirkostanzi straordinarji għandhom jiġu meqjusin li jeżistu fejn l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru fir-rigward ta’ inġenju ta’ l-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari tikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni [ ( 16 )] ta’ titjira waħda jew aktar titjiriet ta’ dak l-inġenju ta’ l-ajru”. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda biss, manifestament, li l-iskuża taċ-ċirkustanzi straordinarji tista’ tiġi invokata mit-trasportatur bl-ajru f’każ ta’ imbark miċħud. F’dan ir-rigward, kif ġustament osserva l-Gvern Finlandiż, anki f’każ ta’ kanċellament jew dewmien minħabba ċirkustanzi straordinarji, il-passiġġier jibbenefika mid-dritt għal rotta differenti u li jieħdu ħsiebu, skont l-Artikoli 5 u 6 ta’ dak ir-regolament. Min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma ppreveda xejn simili fir-rigward tal-passiġġier li ma jkunx tħalla jitla’. Kif għedt diġà, il-passiġġier ikkonċernat isib ruħu mingħajr ħadd jieħu ħsiebu u mingħajr assistenza meta s-sitwazzjoni tiegħu ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-regolament imsemmi. Dan jikkonferma, fil-fehma tiegħi, li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkontempla biss li l-kundizzjoni tal-“persuna ma tħallietx titla[’] [imbark miċħud]” tista’ tiġi injorata minħabba raġunijiet marbutin ma’ ċirkustanzi straordinarji.

52.

Fil-fehma tiegħi, l-istess konstatazzjonijiet għandhom isiru f’dak li jikkonċerna l-possibbiltà li l-eżenzjoni mill-obbligu tal-ħlas ta’ kumpens tiġi estiża f’każ ta’ kanċellament ta’ titjira minħabba ċirkustanzi straordinarji, f’każ ta’ imbark miċħud fuq titjira sussegwenti meta t-trasportatur bl-ajru jiġġustifika dak ir-rifjut billi jinvoka l-ippjanar mill-ġdid ta’ dik it-titjira wara ċ-ċirkustanzi straordinarji.

53.

Mill-bqija, inżid ngħid li, mill-ħmistax-il premessa tar-Regolament Nru 261/2004, jirriżulta li jkun hemm ċirkustanzi straordinarji meta deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tirrigwarda ajruplan partikolari f’ġurnata partikolari ( 17 ). F’din il-kawża, iċ-ċirkustanzi straordinarji, jiġifieri l-istrajk tal-persunal tal-ajruport, affettwaw biss it-titjira tat-28 ta’ Lulju 2006 tal-11.40 ta’ filgħodu peress li kienet din biss li ġiet ikkanċellata. Għalkemm dawn iċ-ċirkustanzi, effettivament, għamlu impossibbli dik it-titjira, Finnair ma kellha ebda kontroll fuq l-avvenimenti li laqtu lill-ajruport ta’ Barcelona, mhux l-istess jista’ jingħad għat-titjiriet tad-29 u tat-30 ta’ Lulju 2006 peress li Finnair kienet libera li tagħti jew ma tagħtix prijorità lill-passiġġieri tat-titjira tat-28 ta’ Lulju 2006. B’ebda mod l-istrajk ta’ Barcelona dakinhar ma kellu l-effett li jġiegħel lil Finnair tiċħad l-imbark ta’ T. Lassooy, jumejn wara t-titjira kkanċellata.

54.

Finnair, unilateralment, ħadet deċiżjoni li tippjana mill-ġdid it-titjiriet tagħha u tali deċiżjoni ma jistax ikollha effett li ċċaħħad minn kull protezzjoni lil passiġġier li ppreżenta ruħu regolarment biex jitla’.

55.

Ċertament huwa minnu li l-istrajk tal-ajruport ma jistax jiġi attribwit lil Finnair. Madankollu, kif jirriżulta mix-xogħol preparatorju għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 261/2004, is-sistema ta’ kumpens u assistenza tal-passiġġieri implementata mil-leġiżlatur tal-Unjoni hija intiża, qabel xejn, li tipproteġi lil dawn il-passiġġieri. Għaldaqstant, dan adotta soluzzjoni sempliċi li biha l-obbligi kollha li jirrigwardaw din is-sistema jaqgħu kollha fuq it-trasportatur li jieħu ħsieb it-titjira. Din hija soluzzjoni li tidher li hija prattika peress li t-trasportatur li jieħu ħsieb it-titjira għandu persunal u uffiċjali fl-ajruporti li jistgħu jassistu lill-passiġġieri. Din hija sistema diretta, sempliċi u, għaldaqstant, faċli li jifhmuha l-passiġġieri ( 18 ).

56.

Jekk it-trasportatur bl-ajru jikkunsidra li ma għandux isofri l-konsegwenzi ta’ strajk fl-ajruport, huwa għandu dritt, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 261/2004, li jitlob kumpens mingħand kull persuna, inklużi terzi, skont id-dritt nazzjonali applikabbli.

57.

Kontra din l-interpretazzjoni wieħed jista’ jirribatti bil-fatt li d-destin tal-passiġġier li ma tħalliex jitla’ mit-trasportatur bl-ajru, kif inhu dan il-każ, minħabba ċirkustanzi straordinarji jkun iktar favorevoli minn dak ta’ passiġġier li t-titjira tiegħu ġiet ikkanċellata jew ittardjata minħabba tali ċirkustanzi, inkwantu l-ewwel wieħed jiġi kkumpensat mentri t-tieni wieħed le. Skont il-Gvern Finlandiż, dan jista’ jmur kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali.

58.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jew ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jkunux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jkunux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament ( 19 ). Issa, b’kuntrast ma’ dak li jsostni l-Gvern Finlandiż ( 20 ), jien ma naħsibx li l-passiġġieri vittmi ta’ kanċellament jew ta’ dewmien ta’ titjira qegħdin fl-istess sitwazzjoni bħall-passiġġieri li ma jkunux tħallew jitilgħu mit-trasportatur bl-ajru.

59.

Fil-fatt, fil-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet ikkonstatajt li l-imbark miċħud ma jaffettwax lill-passiġġieri kollha ta’ xi titjira, imma passiġġier wieħed jew iktar li jkunu ppreżentaw ruħhom regolarment biex jitilgħu. Bid-deċiżjoni unilaterali u arbitrarja tat-trasportatur bl-ajru, il-passiġġier li ma tħalliex jitla’ ma kienx parti mit-titjira li huwa kien irriżerva, titjira li saret skont il-programm previst mit-trasportatur bl-ajru. Mhux l-istess jingħad fil-każijiet ta’ kanċellament jew ta’ dewmien ta’ titjira, peress li, f’dawn il-każijiet, il-passiġġieri kollha jkunu milquta u affettwati bl-istess mod.

60.

Meta l-kanċellament jew id-dewmien tat-titjira jkunu minħabba ċirkustanzi straordinarji, it-trasportatur bl-ajru ma huwiex obbligat iħallas il-kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 inkwantu dak it-trasportatur ma kellu ebda kontroll fuq l-avvenimenti ( 21 ). Peress li d-diffikultajiet u l-inkonvenjenzi li jsofru l-passiġġieri ma humiex ir-responsabbiltà tal-imsemmi trasportatur, il-kumpens, li għandu funzjoni dissważiva ( 22 ), ma għandux għalfejn jingħata.

61.

Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex il-każ meta l-passiġġier ma jitħalliex jitla’, bħal f’dan il-każ, minħabba li jkun sar ippjanar tat-titjiriet mill-ġdid min-naħa tat-trasportatur wara ċirkustanzi straordinarji. B’dik id-deċiżjoni biss, it-trasportatur bl-ajru jitfa’ f’diffikultajiet u inkonvenjenzi lill-passiġġier wieħed jew iktar, li jkunu magħżula b’mod kompletament għal għarrieda. Għal din ir-raġuni, minħabba li d-dannu sofrut huwa imputabbli lit-trasportatur bl-ajru, il-kumpens jibqa’ dovut sabiex jiskoraġġixxi lil dan tal-aħħar milli juża din il-prattika u milli jirrikorri bi prijorità għas-sejħa għall-voluntiera li jaċċettaw li jirrinunzjaw għar-riżervazzjoni tal-post tagħhom, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 261/2004.

62.

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jidhirli li l-Artikoli 2(j) u 4 ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-imbark miċħud ma jistax ikun raġonevolment iġġustifikat minħabba ċirkustanzi straordinarji, fejn huwa biss l-imbark miċħud ta’ passiġġieri li jkun iġġustifikat b’raġunijiet marbutin mas-sitwazzjoni personali ta’ dawk il-passiġġieri li jista’ jkollu l-effett li jeskludi dak ir-rifjut milli jiġi kklassifikat bħala imbark miċħud.

63.

Barra minn hekk, l-Artikoli 4(3) u 5(3) tar-regolament imsemmi għandhom jiġu interpretati fis-sens li trasportatur bl-ajru ma jistax jipprevalixxi ruħu minn ċirkustanzi straordinarji li affettwaw xi titjira sabiex jeżenta ruħu mill-obbligu tiegħu li jħallas kumpens lil passiġġier li ma jkunx ħallieh jitla’ fuq titjira sussegwenti meta huwa jiġġustifika dak ir-rifjut billi jinvoka l-ippjanar mill-ġdid ta’ dik it-titjira wara dawk iċ-ċirkustanzi straordinarji.

64.

Tali interpretazzjoni ma tmurx kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali.

V – Konklużjoni

65.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lil Korkein oikeus b’dan il-mod:

“1)

L-Artikolu 2(j) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellament jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li [...] jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ imbark miċħud ma jinkludix biss il-każijiet fejn ikun hemm riżervazzjoni eċċessiva ta’ postijiet imma wkoll raġunijiet oħra, bħalma huma raġunijiet operattivi.

2)

L-Artikoli 2(j) u 4 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-imbark miċħud ma jistax ikun raġonevolment iġġustifikat minħabba ċirkustanzi straordinarji, fejn huwa biss l-imbark miċħud ta’ passiġġieri li jkun iġġustifikat b’raġunijiet marbutin mas-sitwazzjoni individwali ta’ dawk il-passiġġieri li jista’ jkollu l-effett li jeskludi dak ir-rifjut milli jiġi kklassifikat bħala imbark miċħud.

L-Artikoli 4(3) u 5(3) ta’ dak ir-regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li trasportatur bl-ajru ma jistax jipprevalixxi ruħu minn ċirkustanzi straordinarji li affettwaw xi titjira sabiex jeżenta ruħu mill-obbligu tiegħu li jħallas kumpens lil passiġġier li huwa ma jkunx ħallieh jitla’ fuq titjira sussegwenti meta huwa jiġġustifika dak ir-rifjut billi jinvoka l-ippjanar mill-ġdid ta’ dik it-titjira wara dawk iċ-ċirkustanzi straordinarji.

Tali interpretazzjoni ma tmurx kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10)

( 3 ) Iktar ’il quddiem “Finnair”.

( 4 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C-402/07 u C-432/07, Ġabra p. I-10923, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 5 ) Dawn il-kundizzjonijiet huma, b’mod partikolari, dawn li ġejjin. Il-passiġġier għandu jkollu riżervazzjoni kkonfermata tat-titjira kkonċernata u għandu jippreżenta ruħu biex jiġi reġistrat kif speċifikat fil-ħin indikat minn qabel u bil-miktub mit-trasportatur bl-ajru, mill-organizzatur tal-vjaġġi jew aġent tal-vjaġġi awtorizzat, jew, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni tal-ħin, mhux iktar tard minn ħamsa u erbgħin minuta qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat.

( 6 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 295/91, tal-4 ta’ Frar 1991, li jistabbilixxi regoli komuni għal sistema ta’ kumpens għal imbark miċħud fit-trasport bl-ajru skedat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol 1, p. 306).

( 7 ) Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, ippreżentata mill-Kummissjoni fil-21 ta’ Diċembru 2001 [COM(2001)784 finali].

( 8 ) Punt 5 tal-espożizzjoni tal-motivi.

( 9 ) Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tal-25 ta’ Marzu 2003, b’mod konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE dwar il-pożizzjoni komuni meħuda mill-Kunsill għall-adozzjoni ta’ regolament mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għall-passiġġieri tal-ajru fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet [SEC(2003) 361 finali, p. 2].

( 10 ) Ara l-punti 7 sa 9 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ regolament imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.

( 11 ) Ara l-ewwel u t-tieni premessa ta’ dan ir-regolament.

( 12 ) Ara l-punt 45 ta’ din is-sentenza u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 13 ) Ara r-raba’ premessa ta’ dan ir-regolament.

( 14 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Heininger (C-481/99, Ġabra p. I-9945, punt 31). Ara wkoll, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C-549/07 Ġabra p. I-11061, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Ara l-erbatax-il premessa tar-Regolament Nru 261/2004.

( 16 ) Enfażi miżjuda minni.

( 17 ) Idem.

( 18 ) Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, tal-25 ta’ Marzu 2003 (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, p. 3).

( 19 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 95).

( 20 ) Ara l-punt 24 tal-osservazzjonijiet.

( 21 ) Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Wallentin-Hermann (punt 23), kif ukoll Sturgeon et. (punt 67).

( 22 ) Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2003 (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, p. 3).

Top