Elija las funciones experimentales que desea probar

Este documento es un extracto de la web EUR-Lex

Documento 62011CA0245

    Kawża C-245/11: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas- 6 ta’ Novembru 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Asylgerichtshof (l-Awstrija) — K vs Bundesasylamt ( “Regolament (KE) Nru 343/2003 — Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal ażil ippreżentata fi Stat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz — Klawżola umanitarja — Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament — Persuna li tibbenefika minn ażil fi Stat Membru li tiddependi mill-assistenza tal-applikant għal ażil minħabba l-fatt li tbati minn marda gravi — Artikolu 15(2) tar-regolament — Obbligu ta’ dan l-Istat Membru, li ma huwiex responsabbli fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tal-istess regolament, li jeżamina t-talba għal ażil imressqa mill-imsemmi applikant għal ażil — Kundizzjonijiet” )

    ĠU C 9, 12.1.2013, p. 15/16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.1.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 9/15


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Novembru 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Asylgerichtshof (l-Awstrija) — K vs Bundesasylamt

    (Kawża C-245/11) (1)

    (Regolament (KE) Nru 343/2003 - Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal ażil ippreżentata fi Stat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz - Klawżola umanitarja - Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament - Persuna li tibbenefika minn ażil fi Stat Membru li tiddependi mill-assistenza tal-applikant għal ażil minħabba l-fatt li tbati minn marda gravi - Artikolu 15(2) tar-regolament - Obbligu ta’ dan l-Istat Membru, li ma huwiex responsabbli fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tal-istess regolament, li jeżamina t-talba għal ażil imressqa mill-imsemmi applikant għal ażil - Kundizzjonijiet)

    2013/C 9/23

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Qorti tar-rinviju

    Asylgerichtshof

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: K

    Konvenuta: Bundesasylamt

    Suġġett

    Talba għal deċiżjoni preliminari — Asylgerichtshof — Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) kif ukoll tal-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109) — Obbligu ta’ Stat Membru li jeżamina, għal raġunijiet umanitarji, applikazzjoni għal ażil li ġiet ippreżentata quddiemu, anki jekk ma huwiex responsabbli minn tali eżami skont il-kriterji stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 343/2003 — Rabta stretta bejn l-applikant għal ażil u persuna vulnerabbli ħafna li diġà tibbenefika mill-ażil fl-imsemmi Stat Membru

    Dispożittiv

    L-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, Stat Membru li ma huwiex responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal ażil fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament isir responsabbli. Huwa l-Istat Membru li jsir l-Istat Membru responsabbli fis-sens tal-istess regolament li għandu jassumi l-obbligi li huma marbuta ma’ din ir-responsabbiltà. Huwa għandu jinforma lill-Istat Membru li qabel kien responsabbli. Din l-interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 15(2) tapplika wkoll meta l-Istat Membru li kien responsabbli skont il-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tar-regolament ma jkunx ippreżenta talba skont it-tieni sentenza tal-paragrafu 1 tal-istess artikolu.


    (1)  ĠU C 269, 10.9.2011.


    Arriba