Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TN0533

    Kawża T-533/10: Rikors ippreżentat fl- 24 ta’ Novembru 2010 — DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 30, 29.1.2011, p. 44–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.1.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 30/44


    Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Novembru 2010 — DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-533/10)

    ()

    2011/C 30/80

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Partijiet

    Rikorrenti: DTS Distribuidora de Televisión Digital, SA (Tres Cantos, Madrid, Spanja) (rappreżentanti: H. Brokelmann u M. Ganino, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 4925 finali tal-20 ta’ Lulju 2010, u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Ir-rikorrenti f’din il-kawża, operatur tat-televiżjoni bis-satellita bil-ħlas, qegħda topponi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 4925 finali, tal-20 ta’ Lulju 2010, “dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat C 38/09 (ex NN 58/09) li Spanja qiegħda tippjana li timplimenta għall-Corporación de Radio y Televisión Española (RTVE)” li ddikjarat din l-iskema, fil-verżjoni tagħha emendata bil-Ley 8/2009, tat-28 ta’ Awwissu, dwar il-finanzjament tal-Corporación de Radio y Televisión Española, kompatibbli mas-suq komuni mingħajr il-bżonn li jiġu analizzati l-metodi ta’ finanzjament tagħha.

    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma setatx tawtorizza din l-iskema ta’ għajnuna mingħajr ma tanalizza l-metodi ta’ finanzjament introdotti mil-liġi msemmija iktar ’il fuq u, speċifikament, it-taxxa ta’ 1,5 % fuq id-dħul gross ta’ operazzjoni tal-persuni li jipprovdu servizzi ta’ televiżjoni bil-ħlas.

    Insostenn tat-talbiet tagħha r-rikorrenti tinvoka dawn il-motivi:

    żball ta’ liġi mill-Kummissjoni peress li awtorizzat l-għajnuna li hija s-suġġett tal-kawża mingħajr ma analizzat il-metodu ta’ finanzjament tagħha. F’dan ir-rigward hija tafferma li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżami ta’ għajnuna ma jistax ikun isseparat mill-eżami tal-metodu ta’ finanzjament tagħha jekk dan jifforma parti integrali mill-għajnuna, u li, fir-rigward ta’ dan il-każ, it-taxxa ta’ 1,5 % fuq id-dħul gross ta’ operazzjoni tal-persuni li jipprovdu servizzi ta’ televiżjoni bil-ħlas tifforma parti integrali mill-iskema ta’ għajnuna, li hija r-raġuni għalfejn il-Kummissjoni kien imissha analizzat din l-iskema flimkien mal-għajnuna.

    ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE, peress li l-Kummissjoni awtorizzat skema ta’ għajnuna li ma tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li t-taxxi li jiffinanzjaw l-iskema jinvolvu distorsjoni serja tal-kompetizzjoni, fis-suq ta’ akkwist tal-kontenut u f’dak tat-telespettaturi downstream, li jmur kontra l-interess komuni.

    ksur tal-Artikoli 49 u 65 TFUE. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret dawn id-dispożizzjonijiet inkwantu l-metodu ta’ finanzjament tal-għajnuna awtorizzata tirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital, billi tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet mill-operaturi tat-televiżjoni bil-ħlas u minn investituri oħra stabbiliti fi Stati Membri oħra.


    Top