Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TJ0219

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) tas-7 ta’ Novembru 2014  .
    Autogrill España, SA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Għajnuna mill-Istat – Dispożizzjonijiet dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji li jippermettu lill-impriżi ddomiċiljati fi Spanja għall-finijiet ta’ taxxa jamortizzaw l-avvjament li jirriżulta minn akkwisti ta’ ishma f’impriżi ddomiċiljati barra mill-pajjiż għall-finijiet ta’ taxxa – Deċiżjoni li tikklassifika din l-iskema bħala għajnuna mill-Istat, li tiddikjara din l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Natura selettiva – Identifikazzjoni ta’ kategorija ta’ impriżi vantaġġati mill-miżura – Assenza – Ksur tal-Artikolu 87(1) KE.
    Kawża T‑219/10.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2014:939

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

    7 ta’ Novembru 2014 ( *1 )

    “Għajnuna mill-Istat — Dispożizzjonijiet dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji li jippermettu lill-impriżi ddomiċiljati fi Spanja għall-finijiet ta’ taxxa jamortizzaw l-avvjament li jirriżulta minn akkwisti ta’ ishma f’impriżi ddomiċiljati barra mill-pajjiż għall-finijiet ta’ taxxa — Deċiżjoni li tikklassifika din l-iskema bħala għajnuna mill-Istat, li tiddikjara din l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha — Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat — Natura selettiva — Identifikazzjoni ta’ kategorija ta’ impriżi vantaġġati mill-miżura — Assenza — Ksur tal-Artikolu 87(1) KE”

    Fil-Kawża T‑219/10,

    Autogrill España, SA, stabbilita fi Madrid (Spanja), irrappreżentata inizjalment minn J. Buendía Sierra, E. Abad Valdenebro, M. Muñoz de Juan u R. Calvo Salinero, sussegwentement minn J. Buendía Sierra, E. Abad Valdenebro u R. Calvo Salinero, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lyal u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

    konvenuta,

    li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/5/KE, tat-28 ta’ Ottubru 2009, dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin C 45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) implimentata minn Spanja (ĠU 2011, L 7, p. 48),

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

    komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, N. J. Forwood, E. Bieliūnas, S. Gervasoni (Relatur) u L. Madise, Imħallfin,

    Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ April 2014,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    Il-proċedura amministrattiva

    1

    Permezz ta’ diversi mistoqsijiet bil-miktub magħmula fl-2005 u fl-2006 (E‑4431/05, E‑4772/05, E‑5800/06 u P‑5509/06), xi Membri tal-Parlament Ewropew staqsew lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat tad-dispożittiv previst mill-Artikolu 12(5) introdott fil-liġi Spanjola dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji mil-Ley 24/2001, de Medidas Fiscales, Administrativas y del Orden Social (Liġi 24/2001, li tadotta miżuri fiskali, amministrattivi u ta’ natura soċjali), tas-27 ta’ Diċembru 2001 (BOE Nru 313, tal-31 ta’ Diċembru 2001, p. 50493), u riprodott mir-Real Decreto Legislativo 4/2004, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Impuesto sobre Sociedades (Digriet Leġiżlattiv Irjali 4/2004, li japprova t-test rivedut tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji), tal-5 ta’ Marzu 2004 (BOE Nru 61, tal-11 ta’ Marzu 2004, p. 10951) (iktar ’il quddiem l-“iskema kontenzjuża” jew il-“miżura kontenzjuża”). Il-Kummissjoni essenzjalment irrispondiet li, skont informazzjoni li kellha, l-iskema kontenzjuża ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

    2

    Permezz ta’ ittri tal-15 ta’ Jannar u tas-26 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Spanjoli jipprovdulha informazzjoni sabiex tevalwa l-portata u l-effetti tal-iskema kontenzjuża. Permezz ta’ ittri tas-16 ta’ Frar u tal-4 ta’ Ġunju 2007, ir-Renju ta’ Spanja kkomunika lill-Kummissjoni l-informazzjoni li talbitu.

    3

    Permezz ta’ faks tat-28 ta’ Awwissu 2007, il-Kummissjoni rċeviet ilment minn operatur privat li sostna li l-iskema kontenzjuża kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq komuni.

    4

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-iskema kontenzjuża.

    5

    Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja dwar id-deċiżjoni tagħha li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-iskema kontenzjuża. Bejn it-18 ta’ Jannar u s-16 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni rċeviet ukoll l-osservazzjonijiet ta’ 32 terz interessat. Permezz ta’ ittri tat-30 ta’ Ġunju 2008 u tat-22 ta’ April 2009, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta l-kummenti tiegħu dwar l-osservazzjonijiet tat-terzi interessati.

    6

    Fit-18 ta’ Frar 2008 kif ukoll fit-12 ta’ Mejju u fit-8 ta’ Ġunju 2009 ġew organizzati laqgħat tekniċi mal-awtoritajiet Spanjoli. Ġew organizzati wkoll laqgħat tekniċi oħra ma’ wħud mit-32 terz interessat.

    7

    Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Lulju 2008 u permezz ta’ posta elettronika tas-16 ta’ Ġunju 2009, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni.

    Id-deċiżjoni kkontestata

    8

    Il-Kummissjoni temmet il-proċedura, għal dak li jikkonċerna l-akkwisti ta’ ishma mwettaq fi ħdan l-Unjoni Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni 2011/5/KE, tat-28 ta’ Ottubru 2009, dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin C 45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) implimentata minn Spanja (ĠU 2011, L 7, p. 48, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    9

    Il-miżura kontenzjuża tipprevedi li, fil-każ ta’ akkwist minn impriża taxxabbli fi Spanja ta’ sehem f’“impriża barranija”, jekk dan l-akkwist huwa mill-inqas ta’ 5 % u jekk dan is-sehem jinżamm għal perjodu mhux interrott ta’ mill-inqas sena, l-avvjament li jirriżulta minn dan l-akkwist ta’ sehem, irreġistrat fil-kontijiet tal-impriża bħala attiv intanġibbli distint, jista’ jitnaqqas, fil-forma ta’ amortizzazzjoni, mill-bażi taxxabbli tat-taxxa fuq il-kumpanniji li l-impriża għandha tħallas. Il-miżura kontenzjuża tippreċiża li, sabiex tiġi kklassifikata bħala “kumpannija barranija”, kumpannija għandha tkun suġġetta għal taxxa simili għat-taxxa applikabbli fi Spanja u d-dħul tagħha għandu joriġina essenzjalment mit-twettiq ta’ attivitajiet barra mill-pajjiż (premessa 21 tad-deċiżjoni kkontestata).

    10

    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont il-liġi Spanjola, kombinament ta’ negozji għandha tfisser operazzjoni fejn impriża waħda jew iktar jittrasferixxu, meta dawn jiġu xolti mingħajr ma jiġu stralċjati, l-assi u r-responsabbiltajiet kollha tagħhom lil kumpannija eżistenti oħra jew lil kumpannija li huma jifformaw inkambju għall-ħruġ fil-konfront tal-azzjonisti tagħhom ta’ titoli li jirrappreżentaw il-kapital ta’ dik l-impriża l-oħra (premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata).

    11

    L-akkwist ta’ sehem huwa ddefinit fid-deċiżjoni kkontestata bħala tranżazzjoni li permezz tagħha impriża waħda takkwista l-ishma fil-kapital ta’ impriża oħra mingħajr ma tikseb maġġoranza jew il-kontroll tad-drittijiet tal-vot tal-impriża akkwistata (premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata).

    12

    Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata hemm indikat li, skont il-miżura kontenzjuża, l-avvjament finanzjarju jiġi determinat billi jitnaqqas il-valur tas-suq tal-attiv tanġibbli u intanġibbli tal-impriża akkwistata mill-prezz imħallas għall-akkwist tas-sehem. Hemm ippreċiżat ukoll li l-kunċett ta’ avvjament finanzjarju, kif stabbilit fil-miżura kontenzjuża, jintroduċi fil-qasam tal-akkwisti ta’ ishma kunċett li normalment jintuża fit-trasferiment tal-attiv jew fi tranżazzjonijiet ta’ kombinament ta’ negozji (premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata).

    13

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, skont id-dritt fiskali Spanjol, akkwist minn impriża taxxabbli fi Spanja ta’ sehem f’kumpannija stabbilita fi Spanja ma jippermettix li l-avvjament li jirriżulta minn dan l-akkwist jiġi, għall-finijiet tat-taxxa, irreġistrat separatament fil-kontijiet. Min-naħa l-oħra, dejjem skont id-dritt fiskali Spanjol, l-avvjament jista’ jiġi amortizzat biss wara kombinament ta’ negozji (premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata).

    14

    Id-deċiżjoni kkontestata tiddikjara li l-iskema kontenzjuża hija inkompatibbli mas-suq komuni (Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata). L-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni tipprevedi, b’mod partikolari, l-irkupru mir-Renju ta’ Spanja tal-għajnuna mogħtija.

    15

    Il-Kummissjoni żammet miftuħa l-proċedura għal dak li jirrigwarda l-akkwisti ta’ ishma mwettqa barra mill-Unjoni, filwaqt li l-awtoritajiet Spanjoli impenjaw ruħhom li jipprovdu elementi ġodda dwar l-ostakli għall-amalgamazzjonijiet transkonfinali li jeżistu, fl-opinjoni tiegħu, barra mill-Unjoni.

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    16

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Mejju 2010, ir-rikorrenti, Autogrill España, SA, ippreżentat dan ir-rikors.

    17

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jiddikjara li l-iskema kontenzjuża tinkludi elementi ta’ għajnuna mill-Istat;

    sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jiddikjara li l-iskema kontenzjuża tinkludi elementi ta’ għajnuna mill-Istat meta tiġi applikata għal akkwisti ta’ ishma li jimplikaw teħid ta’ kontroll;

    sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jipprevedi l-irkupru ta’ għajnuna għat-tranżazzjonijiet imwettqa qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    18

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    Id-dritt

    Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tal-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata

    19

    Fil-kuntest tat-talbiet intiżi għall-annullament tal-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tikkontesta l-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat stabbilita fid-deċiżjoni kkontestata mill-Kummissjoni fir-rigward tal-iskema kontenzjuża. Hija tqajjem, essenzjalment, erba’ motivi insostenn ta’ dawn it-talbiet, l-ewwel wieħed ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-kundizzjoni dwar is-selettività, it-tieni wieħed ibbażat fuq assenza ta’ selettività tal-miżura minħabba l-fatt li d-distinzjoni li hija tagħmel tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li minnha hija tagħmel parti, it-tielet wieħed ibbażat fuq il-fatt li l-miżura ma tagħti ebda vantaġġ lill-kumpanniji li għalihom tapplika l-iskema kontenzjuża u, ir-raba’ wieħed ibbażat, għal dak li jirrigwarda kemm l-kriterju dwar is-selettività kif ukoll dak dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

    20

    Għandu jiġi eżaminat qabelxejn l-ewwel motiv.

    21

    Ir-rikorrenti ssostni li l-iskema kontenzjuża ma għandhiex natura selettiva fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE u li fir-realtà tikkostitwixxi miżura ġenerali li tista’ tapplika għal kull impriża taxxabbli fi Spanja. Għaldaqstant, il-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(1) KE meta ddeċidiet favur is-selettività tal-miżura kontenzjuża.

    22

    Ir-rikorrenti żżid li hija l-Kummissjoni li għandha tagħti prova tal-eżistenza ta’ kategorija ta’ impriżi li għalihom kienet irriżervata l-miżura kontenzjuża, liema obbligu hija ma ssodisfatx.

    23

    Il-Kummissjoni ssostni li l-analiżi tan-natura selettiva tal-miżura kontenzjuża, kif imwettqa fid-deċiżjoni kkontestata, hija konformi mal-ġurisprudenza, għaliex hija tiffoka fuq id-definizzjoni tal-kuntest ta’ referenza rilevanti u tkompli billi tikkonstata l-eżistenza ta’ eċċezzjoni maħluqa mill-miżura kontenzjuża.

    24

    Il-Kummissjoni tibbaża ruħha wkoll fuq l-eżistenza ta’ analoġija bejn vantaġġ mogħti fil-każ ta’ esportazzjoni ta’ kapital, kif inhu l-każ għal dak li jirrigwarda l-miżura kontenzjuża, u vantaġġ mogħti fil-każ ta’ esportazzjoni ta’ oġġetti, f’liema ipoteżi diġà ġie deċiż li tali vantaġġ jikkostitwixxi miżura selettiva.

    25

    Qabel ma tiġi eżaminata, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-fondatezza ta’ dan il-motiv, għandu jiġi ppreċiżat, wara li tfakkar li s-selettività hija wieħed mill-kriterji li jippermettu li miżura tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, liema kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi ġustament favur is-selettività ta’ miżura.

    Kriterji ta’ rikonoxximent tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

    26

    Skont l-Artikolu 87(1) KE:

    “Bla ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkomaptibbli mas-suq komuni.”

    27

    Skont il-ġurisprudenza, il-klassifikazzjoni bħala għajnuna teħtieġ li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 87(1) KE (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C-280/00, Ġabra p. I-7747, punt 74, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    L-Artikolu 87(1) KE jissuġġetta l-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat għall-kundizzjonijiet segwenti: il-finanzjament ta’ tali miżura mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, l-eżistenza ta’ vantaġġ għal kumpannija, is-selettività tal-imsemmija miżura kif ukoll l-effett ta’ din tal-aħħar fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta minnha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium, C-393/04 u C-41/05, Ġabra p. I-5293, punt 28).

    Metodu ta’ analiżi applikabbli għas-selettività fil-qasam fiskali

    29

    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Artikolu 87(1) KE jimponi l-obbligu li jiġi stabbilit jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, miżura nazzjonali hijiex tali li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2006, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C-88/03, Ġabra p. I-7115, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, C-106/09 P u C-107/09 P, Ġabra p. I-11113, punt 75, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Jannar 2013, Salzgitter vs Il‑Kummissjoni, T‑308/00 RENV, punt 116).

    30

    Id-determinazzjoni tas-sistema legali rilevanti, ikklassifikata bħala “kuntest ta’ referenza”, għandha importanza ikbar fil-każ ta’ miżuri fiskali għaliex l-eżistenza nfisha ta’ vantaġġ tista’ tiġi stabbilita biss billi tiġi mqabbla ma’ tassazzjoni msejħa “normali” (sentenza Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punt 56).

    31

    Sabiex jiġi evalwat jekk miżura fiskali hijiex selettiva, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-kuntest ta’ referenza, l-imsemmija miżura tikkostitwixxix vantaġġ għal ċerti impriżi meta mqabbla ma’ oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli (sentenza Il‑Portugal vs Il‑Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punt 56).

    32

    Madankollu, anki meta, fi ħdan il-kuntest ta’ referenza, ikun jidher li hemm tali differenza fi trattament bejn sitwazzjonijiet fattwali u ġuridiċi komparabbli, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat ma jirreferix għall-miżuri tal-Istat li jagħmlu distinzjoni bejn impriżi u, għaldaqstant, a priori selettivi, meta din id-distinzjoni tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema ta’ spejjeż li jagħmlu parti minnha (sentenza Il‑Portugal vs Il‑Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punt 52).

    33

    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-klassifikazzjoni ta’ miżura fiskali nazzjonali bħala “selettiva” tippreżumi, fl-ewwel stadju, l-identifikazzjoni u l-eżami minn qabel tas-sistema fiskali komuni jew “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat. Huwa fil-konfront ta’ din is-sistema fiskali komuni jew “normali” li għandha, fit-tieni stadju, tiġi evalwata l-eventwali natura selettiva tal-vantaġġ mogħti mill-miżura fiskali inkwistjoni, u dan filwaqt li jiġi żgurat li din il-miżura tidderoga mill-imsemmija sistema komuni sa fejn hija tiddistingwi bejn operaturi li, fid-dawl tal-għan marbut mas-sistema fiskali ta’ dan l-Istat Membru, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Marzu 2012, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, T‑210/02 RENV, punt 49). Skont il-każ, fit-tielet stadju hekk lok li jiġi eżaminat jekk Stat Membru inkwistjoni jkunx irnexxielu jistabbilixxi li din il-miżura hija ġġustifikata min-natura u mill-istruttura tas-sistema li minnha hija tagħmel parti (sentenza Il‑Portugal vs Il‑Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punt 53).

    Identifikazzjoni neċessarja ta’ kategoriji ta’ impriżi vantaġġati mill-miżura inkwistjoni

    34

    Il-kriterju dwar is-selettività ta’ miżura jippermetti li ssir distinzjoni bejn l-għajnuna mill-Istat u l-miżuri ġenerali ta’ politika fiskali jew ekonomika applikati mill-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Air Liquide Industries Belgium, punt 28 iktar ’il fuq, punt 32).

    35

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-natura selettiva ta’ miżura tista’ tinżamm anki meta l-applikazzjoni tagħha ma kinitx limitata għas-settur ta’ attività ddelimitat speċifikament.

    36

    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fl-ipoteżi fejn settur ta’ attività kien “essenzjalment kopert” minn miżura, saħansitra meta diversi setturi kienu koperti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1990, COFAZ vs Il‑Kummissjoni, C-169/84, Ġabra p. I-3083, punti 22 u 23, u tal-20 ta’ Novembru 2003, GEMO, C-126/01, Ġabra p. I-13769, punti 37 sa 39).

    37

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet ukoll li miżura li tapplika fil-konfront ta’ impriżi li jipproduċu beni materjali kienet selettiva (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C-143/99, Ġabra p. I-8365, punt 40).

    38

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżura li tivvantaġġa biss impriżi li jinsabu f’settur ġeografiku ddelimitat titlef in-natura tagħha ta’ miżura ġenerali ta’ politika fiskali jew ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C-156/98, Ġabra p. I-6857, punt 23).

    39

    Il-Qorti Ġenerali kklassifikat wkoll bħala selettiva miżura applikabbli għal perijodu limitat. Għaldaqstant, hija ddeċidiet li miżura li, fid-dawl tal-perijodu qasir mogħti lill-impriżi sabiex jieħdu l-passi li jippermettu li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet bil-għan li jibbenefikaw minn tali miżura, kienet de facto aċċessibbli biss għall-impriżi li kienu diġà bdew jieħdu l-passi inkwistjoni, għal dawk l-impriżi li kienu għall-inqas ħasbu li jibdew jagħmlu dan jew għal dawk li kienu lesti jieħdu tali inizjattiva fi żmien qasir ħafna, kienet selettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Settembru 2009, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T-211/05, Ġabra p. II-2777, punti 120 u 121).

    40

    Meta l-kategorija tal-benefiċjarji tal-għajnuna tkun partikolarment wiesgħa jew varjata, kultant ma hijiex daqstant id-delimitazzjoni ta’ din il-kategorija li hija determinanti sabiex jiġi evalwat jekk il-miżura inkwistjoni għandhiex natura selettiva iżda iktar dik tal-impriżi esklużi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Settembru 2000, CETM vs Il‑Kummissjoni, T-55/99, Ġabra p. II-3207, punti 39, 40 u 47).

    41

    Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 27 sa 40 iktar ’il fuq jirriżulta li d-determinazzjoni ta’ kategorija ta’ impriżi li huma l-uniċi vantaġġati mill-miżura inkwistjoni hija kundizzjoni neċessarja għar-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.

    42

    Tali interpretazzjoni tal-kunċett ta’ selettività hija konformi mal-formulazzjoni stess tal-Artikolu 87(1) KE li jipprevedi li l-vantaġġ għandu jiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi”.

    43

    Barra minn hekk, hekk kif ġie osservat fil-punti 29 sa 33 iktar ’il fuq, meta tirreferi għall-metodu ta’ analiżi deskritt f’dawn il-punti, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-Artikolu 87(1) KE jimponi l-obbligu li jiġi stabbilit jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, miżura nazzjonali hijiex tali li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli (sentenza Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punt 54).

    44

    Issa, meta l-miżura inkwistjoni, anki jekk tkun tikkostitwixxi deroga għas-sistema fiskali komuni jew “normali”, tkun potenzjalment aċċessibbli għall-impriżi kollha, ma tistax titwettaq l-operazzjoni li permezz tagħha jsir paragun, fid-dawl tal-għan imfittex mis-sistema komuni jew “normali”, bejn is-sitwazzjoni legali u fattwali ta’ impriżi li jistgħu jibbenefikaw mill-miżura u dik ta’ impriżi li ma jistgħux jibbenefikaw minnha.

    45

    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, sabiex il-kundizzjoni għal selettività tiġi ssodisfatta, kategorija ta’ impriżi, li huma l-uniċi vantaġġati mill-miżura inkwistjoni, għandha f’kull każ tiġi identifikata u li, fl-ipoteżi msemmija fil-punt 44 iktar ’il fuq, is-selettività ma tistax tirriżulta mill-konstatazzjoni biss li tkun ġiet stabbilita deroga għal sistema fiskali komuni jew “normali”.

    46

    Barra minn hekk, hija l-Kummissjoni li għandha turi li miżura tiddistingwi bejn impriżi li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-279/08 P, Ġabra p. I-7671, punt 62).

    47

    Fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, punt 46 iktar ’il fuq (punt 63), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet suffiċjentement, fid-deċiżjoni kkontestata, li kien biss grupp speċifiku ta’ impriżi industrijali kbar li kienu attivi fil-kummerċ bejn l-Istati Membri li kienu jibbenefikaw minn vantaġġ li ma kienx disponibbli għal impriżi oħra. Il-Kummissjoni għalhekk irnexxielha turi, fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, li l-miżura inkwistjoni kienet tapplika b’mod selettiv fil-konfront ta’ ċerti impriżi jew ta’ ċerti produtturi.

    48

    Bl-istess mod, fis-sentenza Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, punt 29 iktar ’il fuq (punt 96), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet suffiċjentement, fid-deċiżjoni kkontestata, li ċerti impriżi, il-kumpanniji “offshore”, kienu qed jibbenefikaw minn vantaġġi selettivi.

    49

    Għaldaqstant, f’dan il-każ għandu jiġi evalwat jekk il-motivi differenti li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqhom fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiddeċiedi favur is-selettività tal-miżura kontenzjuża, ripetuti minnha matul il-proċedura ġudizzjarja, jippermettux li tiġi stabbilita n-natura selettiva ta’ din il-miżura.

    50

    L-ewwel nett, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, sabiex tiddeċiedi favur is-selettività tal-miżura kontenzjuża, ibbażat ruħha prinċipalment fuq l-eżistenza ta’ deroga fir-rigward ta’ kuntest ta’ referenza. Fil-fatt, hija indikat li l-kuntest ta’ referenza li hija użat għall-evalwazzjoni tan-natura selettiva tal-miżura inkwistjoni kienet kkostitwita “mis-sistema tat-taxxa korporattiva Spanjola ġenerali, u iżjed preċiżament, mir-regoli dwar it-trattament tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju li hemm fis-sistema tat-taxxa” (premessa 96 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija qieset, b’mod “preliminari u fuq bażi sussidjarja”, li l-miżura kontenzjuża kienet tikkostitwixxi eċċezzjoni għas-sistema tal-kontabbiltà Spanjola (premessa 97 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, hija osservat li l-miżura kontenzjuża kellha bħala konsegwenza li tapplika fil-konfront ta’ impriżi taxxabbli fi Spanja li jakkwistaw ishma f’kumpanniji stabbiliti barra mill-pajjiż trattament fiskali differenti minn dak applikat fil-konfront ta’ impriżi taxxabbli fi Spanja li jakkwistaw ishma f’kumpanniji stabbiliti fi Spanja, minkejja li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ impriżi kienu jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli (premessi 98 u 111 tad-deċiżjoni kkontestata). Billi bbażat ruħha fuq tali differenza fit-trattament, il-Kummissjoni wasslet għall-konklużjoni li l-miżura kontenzjuża kienet “tidderoga mis-sistema ta’ referenza” (premessa 100 tad-deċiżjoni kkontestata).

    51

    Għalhekk il-Kummissjoni applikat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-metodu ta’ analiżi deskritt fil-punti 29 sa 33 iktar ’il fuq.

    52

    Issa, hekk kif ir-rikorrenti ssostni ġustament, l-applikazzjoni tal-metodu ta’ analiżi deskritt fil-punti 29 sa 33 iktar ’il fuq ma tistax, f’dan il-każ, twassal għall-konstatazzjoni tas-selettività tal-miżura kontenzjuża. Fil-fatt, l-eżistenza, anki jekk jiġi preżunt li hija stabbilita, ta’ deroga jew eċċezzjoni għall-kuntest ta’ referenza identifikat mill-Kummissjoni ma tippermettix, fiha nfisha, li jiġi stabbilit li l-miżura kontenzjuża tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” fis-sens tal-Artikolu 87 KE, peress li din il-miżura hija aċċessibbli, a priori, għal kull impriża.

    53

    Fil-fatt, għandu jiġi osservat qabelxejn li l-miżura kontenzjuża tapplika għal kull akkwist ta’ ishma ta’ mill-inqas 5 % f’kumpanniji barranin li jinżammu b’mod mhux interrott għal mill-inqas sena. Għaldaqstant, hija ma tkopri ebda kategorija partikolari ta’ impriżi jew produtturi, iżda kategorija ta’ tranżazzjonijiet ekonomiċi.

    54

    Huwa minnu li, f’ċerti każijiet, impriżi jistgħu jiġu esklużi, de facto, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżura li madankollu tikkostitwixxi miżura ġenerali (ara, f ‘dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Diċembru 1969, Il‑Kummissjoni vs Franza, 6/69 u 11/69, Ġabra p. 523, punti 20 u 21, u Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, punt 29 iktar ’il fuq, punti 101 u 107).

    55

    F’dan il-każ, sabiex tibbenefika mill-miżura kontenzjuża, impriża għandha takkwista ishma f’kumpannija barranija (premessi 17 u 23 tad-deċiżjoni kkontestata).

    56

    Għandu jiġi osservat li tali tranżazzjoni, purament finanzjarja, ma timponix, a priori, fuq l-impriża akkwirenti l-obbligu li tibdel l-attività tagħha u, barra minn hekk, jimplika biss, bħala prinċipju, għal din l-impriża, responsabbiltà limitata għall-investiment imwettaq.

    57

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li miżura li l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti min-natura tal-attività tal-impriżi ma hijiex, a priori, selettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, punt 37 iktar ’il fuq, punt 36).

    58

    Barra minn hekk, il-miżura kontenzjuża ma tiffissa ebda ammont minimu li jikkorrispondi għal-limitu minimu ta’ 5 % ta’ ishma msemmi fil-punt 53 iktar ’il fuq u għalhekk ma tirriżervax de facto l-benefiċċju tagħha għal impriżi li jkollhom riżorsi finanzjarji suffiċjenti għal dan il-għan kuntrarjament għall-miżura inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2009, Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni (T-227/01 sa T-229/01, T-265/01, T-266/01 u T-270/01, Ġabra p. II-3029, punti 161 u 162).

    59

    Fl-aħħar nett, il-miżura kontenzjuża tipprevedi li vantaġġ fiskali jingħata abbażi ta’ kundizzjoni marbuta mal-akkwist ta’ beni ekonomiċi partikolari, jiġifieri ishma f’kumpanniji barranin.

    60

    Issa, fis-sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq (punt 22), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tnaqqis fiskali li minnu jibbenefikaw il-kontribwenti li jbigħu ċerti beni ekonomiċi u li jistgħu jnaqqsu l-benefiċċju li jirriżulta minn dan meta jakkwistaw ishma f’kumpanniji b’kapital azzjonarju li għandhom is-sede tagħhom f’ċerti reġjuni jagħti lil dawn il-kontribwenti vantaġġ li, bħala miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha, ma kienx jikkostitwixxi għajnuna fis-sens tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat.

    61

    Il-miżura kontenzjuża ma teskludi għalhekk, a priori, ebda kategorija ta’ impriżi mill-benefiċċju tagħha.

    62

    Għaldaqstant, anki jekk jiġi preżunt li l-miżura kontenzjuża tikkostitwixxi deroga għall-kuntest ta’ referenza użat mill-Kummissjoni, din iċ-ċirkustanza ma tikkostitwixxix, f’kull każ, motiv li jippermetti li jiġi stabbilit li l-imsemmija miżura tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” fis-sens tal-Artikolu 87 KE.

    63

    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni indikat li “l-miżura inkwistjoni [kienet] selettiva fis-sens li [kienet] tiffavorixxi biss ċerti gruppi ta’ impriżi li [kienu] jwettqu ċertu investiment barra l-pajjiż” (premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija sostniet li miżura li tivvantaġġa biss lill-impriżi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li għalihom l-għoti tagħha kienet suġġetta kienet selettiva “fid-dritt”, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi żgurat li, permezz tal-effetti tagħha, ma setgħetx tagħti vantaġġ lil ċerti impriżi jew lil ċerti produtturi.

    64

    Madankollu, dan il-motiv l-ieħor tad-deċiżjoni kkontestata ma jippermettix bl-istess mod li tiġi stabbilita n-natura selettiva tal-miżura kontenzjuża.

    65

    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 87(1) KE jiddistingwi bejn l-interventi statali skont l-effetti tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Lulju 1974, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, 173/73, Ġabra p. 709, punt 27, u tad-29 ta’ April 2004, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C-159/01, Ġabra p. I-4461, punt 51). Huwa għalhekk abbażi tal-effetti tal-miżura inkwistjoni li għandu jiġi evalwat jekk din il-miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari għaliex hija selettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, punt 29 iktar ’il fuq, punti 87 u 88).

    66

    Barra minn hekk, fis-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, 3M Italia (C‑417/10, punt 42), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li huma biss il-kontribwenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni f’din il-kawża li jistgħu jibbenefikaw minn din il-miżura ma jistax, fih innifsu, jagħtiha natura selettiva.

    67

    Fl-aħħar nett, fis-sentenza Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, punt 29 iktar ’il fuq (punti 103, 104 u 107), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kull trattament fiskali differenti ma jimplikax l-eżistenza ta’ għajnuna u li kien neċessarju, sabiex trattament fiskali differenti jista’ jiġi kklassifikat bħala għajnuna, li dan ikun jista’ jidentifika kategorija partikolari ta’ impriżi li jistgħu jiġu distinti abbażi ta’ proprjetajiet speċifiċi.

    68

    Issa, l-approċċ propost mill-Kummissjoni jista’, kuntrarjament għall-ġurisprudenza msemmija fil-punt 67 iktar ’il fuq, iwassal sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ selettività għal kull miżura fiskali fejn il-benefiċċju huwa suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, minkejja li l-impriżi benefiċjarji ma jaqsmu ebda karatteristika proprja li tippermetti li jiġu distinti minn impriżi oħra, minbarra l-fatt li huma jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet li għalihom l-għoti tal-miżura hija suġġetta.

    69

    It-tielet nett, il-Kummissjoni sostniet, fil-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija “[qieset] li anke f’dan il-każ, il-miżura kkontestata [kellha] l-għan li tiffavorixxi l-esportazzjoni tal-kapital barra minn Spanja, sabiex issaħħaħ il-pożizzjoni tal-kumpaniji Spanjoli barra l-pajjiż, biex b’hekk tittejjeb il-kompetittività tal-benefiċjarji tal-iskema.”

    70

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li miżura statali li tagħti vantaġġ mingħajr distinzjoni lill-impriżi kollha li jinsabu fit-territorju nazzjonali ma tistax tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fid-dawl tal-kriterju tas-selettività (sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, punt 37 iktar ’il fuq, punt 35).

    71

    Għaldaqstant, filwaqt li l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 87(1) KE u relatata mal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri tikkonsisti f’li jiġi eżaminat jekk l-impriżi jew il-produtturi ta’ Stat Membru humiex vantaġġati meta mqabbla mal-impriżi jew mal-produtturi tal-Istati Membri l-oħra, il-kundizzjoni dwar is-selettività, stabbilita fl-istess paragrafu ta’ dan l-artikolu, tista’ tiġi evalwata biss fuq livell ta’ Stat Membru wieħed u tirriżulta biss minn analiżi tad-differenza fit-trattament bejn l-impriżi jew il-produtturi ta’ dan l-Istat Membru biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑73/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 28).

    72

    Għaldaqstant, il-fatt li miżura tkun tiffavorixxi lill-impriżi taxxabbli fi Stat Membru meta mqabbla mal-impriżi taxxabbli fl-Istati Membri l-oħra, b’mod partikolari għaliex din tkun tiffaċilita l-akkwist ta’ ishma minn impriżi stabbiliti fi Stat Membru fil-kapital ta’ impriżi stabbiliti barra mill-pajjiż, huwa irrilevanti għall-analiżi tal-kriterju ta’ selettività.

    73

    Huwa minnu li, fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, punt 54 iktar ’il fuq (punt 20), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li vantaġġ mogħti “favur biss il-prodotti nazzjonali esportati sabiex dawn jiġu megħjuna jikkompetu fi Stati Membri oħra mal-prodotti li joriġinaw minn dawn tal-aħħar” kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Madankollu, din ir-referenza għall-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra kienet tirrigwarda l-kundizzjoni dwar l-effett fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ.

    74

    Din l-interpretazzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, punt 54 iktar ’il fuq, hija sostnuta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1988, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni (57/86, Ġabra p. 2855, punt 8), li fiha d-distinzjoni bejn prodotti nazzjonali u prodotti ta’ Stati Membri oħra ma tidhirx fl-eżami tal-kriterju dwar is-selettività. Bl-istess mod, fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C-501/00, Ġabra p. I-6717, punt 120), id-distinzjoni bejn prodotti nazzjonali u prodotti ta’ Stati Membri oħra ma ttieħditx inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tas-selettività tal-miżura.

    75

    Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-konstatazzjoni tas-selettività ta’ miżura hija bbażata fuq differenza fit-trattament bejn kategoriji ta’ impriżi li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni tal-istess Stat Membru u mhux fuq differenza fit-trattament bejn l-impriżi ta’ Stat Membru u dawk ta’ Stati Membri oħra.

    76

    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rabta, li tidher fil-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata ċċitata fil-punt 69 iktar ’il fuq, bejn l-esportazzjoni tal-kapital u l-esportazzjoni ta’ beni tippermetti biss, jekk jiġi preżunt li din hija stabbilita, li twassal għall-konstatazzjoni ta’ effett fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ u mhux għal dik ta’ selettività tal-miżura kontenzjuża, li għandha tiġi evalwat f’kuntest nazzjonali.

    77

    Ir-raba’ nett, mill-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni jista’ jiġi dedott li l-qrati tal-Unjoni diġà aċċettaw li miżura fiskali tiġi kklassifikata bħala selettiva mingħajr ma jiġi stabbilit jekk il-miżura inkwistjoni kinitx tiffavorixxi kategorija partikolari ta’ impriżi jew ta’ produtturi, bl-esklużjoni ta’ impriżi oħra jew ta’ produtturi oħra.

    78

    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li rata ta’ tnaqqis mill-ġdid preferenzjali fuq l-esportazzjoni, mogħtija minn Stat favur biss il-prodotti nazzjonali esportati sabiex dawn jiġu megħjuna jikkompetu fi Stati Membri oħra mal-prodotti li joriġinaw minn dawn tal-aħħar, kienet tikkostitwixxi għajnuna (sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, punt 54 iktar ’il fuq, punt 20) u li r-rimbors ta’ interessi fuq il-krediti ta’ esportazzjoni (sentenza Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, punt 74 iktar ’il fuq, punt 8) kif ukoll tnaqqis fiskali li jagħti vantaġġ biss lill-impriżi li għandhom attivitajiet ta’ esportazzjoni u li jwettqu ċerti investimenti koperti mill-miżura inkwistjoni (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni, punt 74 iktar ’il fuq, punt 120) kienu jissodisfaw il-kundizzjoni għal selettività.

    79

    Fit-tliet sentenzi ċċitati fil-punt 78 iktar ’il fuq, il-kategorija ta’ impriżi benefiċjarji li tippermetti li jiġi deċiż favur is-selettività tal-miżura inkwistjoni kienet ikkostitwita mill-kategorija ta’ impriżi esportaturi.

    80

    Issa, għandu jiġi kkunsidrat li l-kategorija ta’ impriżi esportaturi, minkejja li hija estremament wiesgħa, kif inhi pereżempju l-kategorija ta’ impriżi li jipproduċu beni materjali (ara l-punt 37 iktar ’il fuq), tgħaqqad flimkien l-impriżi li jistgħu jiġu distinti minħabba karatteristiċi komuni marbuta mal-attività tagħhom ta’ esportazzjoni.

    81

    Il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 78 iktar ’il fuq, dwar l-impriżi li għandhom attivitajiet ta’ esportazzjoni, ma tippermettix għalhekk li jiġi konkluż li l-qrati tal-Unjoni aċċettaw li miżura fiskali tiġi kklassifikata bħala selettiva fl-assenza ta’ identifikazzjoni ta’ kategorija partikolari ta’ impriżi jew ta’ produtturi li jistgħu jiġu distinti minħabba karatteristiċi speċifiċi.

    82

    Din l-analiżi ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni, punt 74 iktar ’il fuq, il-vantaġġ fiskali inkwistjoni kien jirrigwarda, b’mod partikolari, l-akkwist mill-ġdid ta’ ishma ta’ kumpanniji barranin. Fil-fatt, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-vantaġġ inkwistjoni, l-impriżi kellhom jakkwistaw ishma f’kumpanniji marbuta direttament mal-attività ta’ esportazzjoni ta’ oġġetti jew ta’ servizzi. Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura kklassifikata bħala selettiva mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża ma kienx limitat għal tali akkwisti ta’ ishma, iżda kien jinkludi wkoll attivitajiet oħra ta’ esportazzjoni: il-ħolqien ta’ fergħat jew ta’ stabbilimenti permanenti barra mill-pajjiż, l-istabbiliment ta’ sussidjarji marbuta direttament mal-attività ta’ esportazzjoni ta’ oġġetti u ta’ servizzi, kif ukoll l-ispejjeż ta’ reklamar għall-promozzjoni ta’ prodotti, għall-ftuħ u għall-analiżi ta’ swieq barranin u għall-parteċipazzjoni f’fieri, wirjiet u avvenimenti simili. Konsegwentement, il-vantaġġ miksub permezz tal-miżura inkwistjoni fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza kien, a priori kuntrarjament għall-każ ineżami, irriżervat għal ċerti impriżi, jiġifieri dawk li kellhom attivitajiet ta’ esportazzjoni.

    83

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx, permezz tal-motivi li fuqhom hija bbażat ruħha, li l-miżura kontenzjuża kienet selettiva.

    84

    Għaldaqstant, billi qieset li l-miżura kontenzjuża kienet selettiva, il-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(1) KE.

    85

    Għaldaqstant, il-motiv eżaminat huwa fondat. Konsegwentement, hemm lok, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet prinċipali tagħha, li l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata.

    Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata

    86

    It-talbiet tar-rikorrenti li jirrigwardaw speċifikament l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata huma bbażati fuq kritika dwar is-sistema tranżitorja prevista mid-deċiżjoni kkontestata għall-finijiet tal-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni. Ir-rikorrenti tikkontesta b’mod partikolari d-data li sservi bħala referenza sabiex jiġi ddeterminat liema għajnuna tista’ tiġi rkuprata. Permezz tat-talbiet “sussidjarji” tagħha intiżi kontra dan l-artikolu, ir-rikorrenti għandha għalhekk l-intenzjoni li tillimita l-possibbiltajiet ta’ rkupru tal-għajnuna mogħtija lilha fil-każ li ma tkunx tneħħiet, abbażi tat-talbiet prinċipali tagħha, kull possibbiltà ta’ rkupru ta’ din l-għajnuna. Għaldaqstant, it-talbiet prinċipali tar-rikorrenti għandhom jiftehmu neċessarjament bħala li huma intiżi li tinkiseb it-tneħħija ta’ kull possibbiltà ta’ rkupru tal-għajnuna u għaldaqstant, f’kull każ, l-annullament tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata.

    87

    Barra minn hekk, wieħed ikun partikolarment formalist jekk iqis li r-rikorrenti, permezz tat-talbiet prinċipali tagħha, ma għandhiex l-intenzjoni tikseb l-annullament tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, li huwa l-bażi legali tal-irkupru tal-għajnuna, minkejja l-fatt li r-rikorrenti tista’ tikkontesta din id-deċiżjoni biss sa fejn ikun hemm ir-riskju li hija tiġi suġġetta għal miżura ta’ rkupru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere”et vs Il‑Kummissjoni, C-71/09 P, C-73/09 P u C-76/09 P, Ġabra p. I-4727, punt 56).

    88

    Konsegwentement, għandu jitqies li, għalkemm ir-rikorrenti tressaq talbiet intiżi għall-annullament tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirrigwarda l-irkupru tal-għajnuna, biss “b’mod sussidjarju”, hija għandha neċessarjament l-intenzjoni tikseb, inkluż b’mod prinċipali, l-annullament tad-dispożizzjoni li hija l-bażi legali tal-irkupru tal-għajnuna li hija bbenefikat minnha.

    89

    Issa, il-fondatezza tal-motiv eżaminat iktar ’il fuq relatat mal-assenza ta’ selettività tal-miżura kontenzjuża twassal għall-annullament mhux biss tal-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, li jikkonstata l-eżistenza tal-għajnuna, iżda wkoll tal-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni, li jipprevedi l-irkupru ta’ din l-għajnuna.

    Fuq l-ispejjeż

    90

    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/5/KE, tat-28 ta’ Ottubru 2009, dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin C 45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) implimentata minn Spanja, huma annullati.

     

    2)

    Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Martins Ribeiro

    Forwood

    Bieliūnas

    Gervasoni

    Madise

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Novembru 2014.

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top