This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010FJ0091
JUDGMENT OF THE EUROPEAN UNION CIVIL SERVICE TRIBUNAL (Third Chamber) 13 March 2013.#AK v European Commission.#Civil service — Officials — First paragraph of Article 43 of the Staff Regulations — Delay in drawing up career development reports — Non-material damage — Loss of opportunity for promotion.#Case F‑91/10.
SENTENZA TAT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tielet Awla) 13 ta’ Marzu 2013.
AK vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Servizz pubbliku — Uffiċjali — L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal — Redazzjoni tardiva tar-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera — Danni morali — Telf ta’ opportunità ta’ promozzjoni.
Kawża F‑91/10.
SENTENZA TAT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tielet Awla) 13 ta’ Marzu 2013.
AK vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Servizz pubbliku — Uffiċjali — L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal — Redazzjoni tardiva tar-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera — Danni morali — Telf ta’ opportunità ta’ promozzjoni.
Kawża F‑91/10.
Court reports – Reports of Staff Cases
ECLI identifier: ECLI:EU:F:2013:34
SENTENZA TAT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tielet Awla)
13 ta’ Marzu 2013 (*)
“Servizz pubbliku — Uffiċjali — L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal — Redazzjoni tardiva tar-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera — Dannu morali — Telf ta’ opportunità ta’ promozzjoni”
Fil-Kawża F‑91/10,
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEFA permezz tal-Artikolu 106a tiegħu,
AK, li kienet uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, residenti f’Esbo (il-Finlandja), irrappreżentata minn S. Orlandi, A. Coolen, J.-N. Louis u É. Marchal, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Berscheid u J. Baquero Cruz, bħala aġenti,
konvenuta,
IT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tielet Awla),
kompost minn S. Van Raepenbusch (Relatur), President, R. Barents u K. Bradley, Imħallfin,
Reġistratur: J. Tomac, Amministratur,
wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Ġunju 2012,
jagħti l-preżenti
Sentenza
1 B’rikors li ġie ppreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-30 ta’ Settembru 2010, AK titlob,
– fl-ewwel lok, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, tal-24 ta’ Novembru 2009, li tiċħad it-talba tagħha, minn naħa, għall-kumpens tad-dannu li allegatament ġarrbet minħabba li ma ġewx redatti r-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera (iktar ’il quddiem ir-“RŻK”), għall-perijodi 2001/2002, 2004, 2005 u 2008, u min-naħa l-oħra, għall-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva dwar l-allegazzjonijiet ta’ fatti ta’ fastidju morali;
– fit-tieni lok, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għad-danni.
Il-kuntest ġuridiku
2 Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, kif kienu fis-seħħ meta ġiet adottata d-deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2009 (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”):
“Il-Komunitajiet għandhom jassistu kull uffiċjal, partikolarment fi proċeduri kontra kull persuna li tagħmel theddid, atti jew kliem ta’ insult jew defamatorji, jew kull attakk fuq persuna jew proprjet[à] li għalihom huwa jew membru mill-familja tiegħu huwa suġġett minħabba l-posizzjoni jew id-dmirijiet tiegħu.”
3 L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:
“L-abilità [il-kompetenza], l-effiċjenza u l-kondotta fis-servizz ta’ kull uffiċjal għandhom ikunu suġġetti għal rapport perjodiku, li jsir mill-anqas darba kull sentejn kif ipprovdut għal kull istituzzjoni […]”
4 Skont l-Artikolu 13 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar il-modalitajiet tal-iskema tal-pensjonijiet:
“1. [...] uffiċjal li għandu anqas minn 65 sena li fi kwalunkwe żmien li fih ikun qed jakkwista drittijiet għal pensjoni ikun rikonoxxut mill-Kumitat ta’ l-Invalidita bħala li qed isofri minn invalidita permanenti totali li tiprevenih milli jwettaq id-doveri li jikkorispondu ma post fil-bracket tal-karriera tiegħu, u li jkun obbligat li jispiċċa s-servizz tiegħu mal-Komunitajiet għal dawn ir-raġunijiet ikun intitolat, sakemm tibqa din l-inkapaċita, għal benefiċċju ta’ l-invalidità kif prevista mill-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Persunal.
2. Il-persuni li jirċievu benefiċċju ta’ l-invalidità ma jistgħux jaħdmu f’impieg bi qligħ, mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ l-Awtorità tal-Ħatra […]”
Il-fatti li wasslu għall-kawża
5 B’deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-25 ta’ Jannar 1999, li ssostitwixxiet dik tad-9 ta’ Settembru 1997, ir-rikorrenti daħlet taħdem mal-Kummissjoni, bħala uffiċjal bi prova fil-grad A 5, skala 1.
6 Ir-RŻK tar-rikorrenti għall-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2001 u l-31 ta’ Diċembru 2002 (iktar ’il quddiem ir-“RŻK 2001/2002”), li ġie adottat inizjalment fl-10 ta’ April 2003, ġie annullat għall-ewwel darba mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej b’sentenza tal-20 ta’ April 2005, [AK] vs Il-Kummissjoni (T‑86/04, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-20 ta’ April 2005”). L-amministrazzjoni wettqet ir-redazzjoni ta’ RŻK ġdid li ġie adottat mill-evalwatur tal-appell fit-2 ta’ Ġunju 2006 għall-perijodu msemmi hawn fuq, iżda dan ukoll ġie annullat b’sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ottubru 2009, [AK] vs Il-Kummissjoni (T‑102/08 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009”). L-aħħar verżjoni tar-RŻK 2001/2002 ġiet adottata fil-mori ta’ din il-kawża, fil-25 ta’ Jannar 2012.
7 Ir-RŻK tar-rikorrenti għas-sena 2004 (iktar ’il quddiem ir-“RŻK 2004”) ġie adottat inizjalment fl-14 ta’ Jannar 2005, iżda ġie annullat b’sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-13 ta’ Diċembru 2007, [AK] vs Il-Kummissjoni (F‑42/06, iktar ’il quddiem is-“sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007”). Dan ġie ssostitwit b’RŻK ġdid għall-2004, li ġie redatt fil-mori ta’ din il-kawża, fil-25 ta’ Jannar 2012.
8 Fir-rigward tar-RŻK tar-rikorrenti għas-sena 2005 (iktar ’il quddiem ir-“RŻK 2005”), l-Awtorità tal-Ħatra laqgħet, fit-23 ta’ April 2007, it-talba li r-rikorrenti kienet ippreżentat fir-rigward ta’ dan ir-rapport b’mod li l-proċedura li kellha twassal għar-redazzjoni tar-RŻK kellha tissokta. Ir-RŻK 2005 ġie finalment ikkomunikat lir-rikorrenti fil-mori tal-kawża, b’ittra tat-8 ta’ Ġunju 2012.
9 Finalment, ir-RŻK tar-rikorrenti għas-sena 2008 (iktar ’il quddiem ir-“RŻK 2008”) kien għadu ma sarx definittiv fl-20 ta’ Settembru 2012, id-data meta din il-kawża daħlet fil-fażi ta’ deliberazzjoni.
10 Ir-rikorrenti ġiet promossa għall-grad AD 12 fl-1 ta’ Marzu 2008.
11 Wara li kkonstatat li, fl-1 ta’ Settembru 2008, ir-rikorrenti kienet akkumulat 426 jum ta’ assenzi minħabba mard fuq perijodu ta’ tliet snin, l-Awtorità tal-Ħatra ddeċidiet, f’Diċembru 2008, li tressaq il-każ tagħha quddiem il-Kumitat tal-Invalidità, li kkonkluda b’unanimità li r-rikorrenti kellha invalidità permanenti, meqjusa bħala totali, li kienet tpoġġiha f’sitwazzjoni fejn kien impossibbli għaliha li teżerċita funzjonijiet li jikkorrispondu għal pożizzjoni fil-karriera tagħha. Fuq il-bażi ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Awtorità tal-Ħatra ddeċidiet, fis-7 ta’ Mejju 2009, li ttemm is-servizz tar-rikorrenti, minħabba inkapaċità permanenti, u li tagħtiha l-benefiċċju ta’ allowance tal-invalidità b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2009.
12 Fl-24 ta’ Lulju 2009, ir-rikorrenti ressqet ilment kontra d-deċiżjoni msemmija hawn fuq li tirtiraha minħabba invalidità. Dan l-ilment ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-29 ta’ Ottubru 2009.
13 Fil-frattemp, fl-10 ta’ Awwissu 2009, ir-rikorrenti kienet ressqet talba għall-assistenza bil-għan li tinfetaħ investigazzjoni amministrattiva sabiex jiġu stabbiliti l-fatti tal-fastidju li tiegħu hija tgħid li sfat vittma, kif ukoll għall-għoti ta’ kumpens għad-dannu li hija allegatament ġarrbet mill-2003 ’l quddiem minħabba diversi irregolaritajiet fir-redazzjoni tar-RŻK tagħha, minħabba l-ġestjoni amministrattiva tal-assenzi tagħha minħabba mard kif ukoll minħabba l-inadegwatezza tal-ambjent tax-xogħol tagħha għall-marda tagħha. Ir-rikorrenti invokat b’mod partikolari dannu materjali li jikkonsisti fid-differenza bejn l-allowance tal-invalidità tagħha u r-remunerazzjoni li hija kienet tirċievi li kieku tpoġġiet f’pożizzjoni fejn setgħet taħdem. Dawn it-talbiet ġew miċħuda mill-Awtorità tal-Ħatra, b’deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
14 B’ittra tal-avukat tagħha, datata 24 ta’ Frar 2010, ir-rikorrenti ressqet ilment, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni kkontestata. Dan l-ilment ġie miċħud b’deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-18 ta’ Ġunju 2010, li ġiet innotifikata lir-rikorrenti fil-21 ta’ Ġunju ta’ wara.
It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura
15 Ir-rikorrenti titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:
– jannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– jikkundanna lill-Kummissjoni tħallasha:
“ – [EUR] 53 000 għat-telf tal-opportunità li tiġi promossa għall-grad A 5 fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2003, kif ukoll ir-regolarizzazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni tagħha permezz tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet korrispondenti;
– [EUR] 400 fix-xahar (li jikkorrispondu għal 70 % tad-differenza bejn l-allowance tal-invalidità li hija tirċievi u dik li kienet tirċievi li kieku ġiet promossa fl-2003);
– [EUR] 35 000 għad-dannu morali li ġarrbet u li jirriżulta miż-żamma tas-sitwazzjoni amministrattiva irregolari tagħha, minkejja, b’mod partikolari, is-sentenzi [tal-20 ta’ April 2005, tas-6 ta’ Ottubru 2009 u tat-13 ta’ Diċembru 2007]”;
– jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
16 Fl-osservazzjonijiet tagħha tal-4 ta’ Mejju 2012, ir-rikorrenti żiedet l-ammont tal-kumpens għad-dannu morali tagħha billi stmatu għal EUR 70 000.
17 F’ittra tad-9 ta’ Lulju 2012, ir-rikorrenti qiegħda issa tistma l-kumpens dovut għat-“telf tal-opportunità ta’ promozzjoni fl-2003, fl-2005 jew sa l-iktar tard fl-2007 [...] rispettivament għal [EUR] 410 070,[EUR] 204 996 u [EUR] 90 130”.
18 Il-Kummissjoni qiegħda titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:
– jiċħad ir-rikors;
– jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
19 B’ittra tat-30 ta’ Settembru 2010, mehmuża mar-rikors tagħha, ir-rikorrenti talbet l-anonimat f’din il-kawża u tenniet din it-talba, fis-7 ta’ Mejju 2012, minkejja l-kuntest partikolari tar-rikors.
20 B’ittra tat-8 ta’ Frar 2011, ir-Reġistratur tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku talab lill-partijiet sabiex jattendu laqgħa informali bil-għan li jintlaħaq ftehim bonarju dwar it-tilwima. Fi tmiem din il-laqgħa, li saret fl-1 ta’ Marzu ta’ wara fil-preżenza tal-Imħallef Relatur, il-partijiet ingħataw terminu sabiex jaslu għal ftehim. Wara li kkonstata li kien impossibbli għall-partijiet li jaslu għal ftehim, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku temm it-tentattiv sabiex jintlaħaq ftehim bonarju. Fi tmiem is-seduta li saret fl-20 ta’ Ġunju 2012, il-president madankollu stieden lill-partijiet għal laqgħa informali oħra. Wara li kkonstata li dan it-tentattiv ġdid sabiex jintlaħaq ftehim bonarju ma kienx irnexxa, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għalaq it-trattazzjonijiet u ddiferixxa l-kawża għad-deliberazzjoni, fl-20 ta’ Settembru 2012, wara l-preżentata tal-aħħar osservazzjonijiet.
Id-dritt
21 Għandu jitfakkar li t-talba tar-rikorrenti tal-10 ta’ Awwissu 2009 kienet tikkonsisti f’żewġ aspetti, jiġifieri li jinkiseb kumpens għad-dannu materjali u morali kkawżat mid-diversi irregolaritajiet fil-preparazzjoni tar-RŻK u li tintalab l-assistenza tal-Kummissjoni għall-ftuħ ta’ investigazzjoni dwar il-fatti tal-fastidju. Id-deċiżjoni kkontestata ċaħdet dik it-talba fit-totalità tagħha. Fid-dawl tal-aspett doppju ta’ din id-deċiżjoni, l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikors, fejn intalab l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jinqara fis-sens li jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu ċaħdet it-talba għad-danni u inkwantu ċaħdet it-talba għall-assistenza fir-rigward tal-fastidju morali.
1. Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu ċaħdet it-għad-danni tar-rikorrenti
22 Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu ċaħdet it-talba għad-danni tagħha ppreżentata fl-10 ta’ Awwissu 2009.
23 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza, id-deċiżjoni ta’ istituzzjoni li tiċħad talba għad-danni tikkostitwixxi parti integrali mill-proċedura amministrattiva preliminari li sseħħ qabel jiġi ppreżentat rikors għad-danni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u li, għaldaqstant, f’kuntest bħal dan, it-talbiet għal annullament ma jistgħux jiġu evalwati b’mod awtonomu mit-talbiet għad-danni. Effettivament, l-uniku effett tal-att li permezz tiegħu l-istituzzjoni tieħu pożizzjoni matul il-fażi prekontenzjuża huwa li jippermetti lill-parti li tkun allegatament ġarrbet dannu li tressaq talba għad-danni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni awtonoma dwar it-talbiet għall-annullament (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Sautelet vs Il-Kummissjoni, T‑25/02, punt 45, u tal-14 ta’ Ottubru 2004, I vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑256/02, punt 47; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-11 ta’ Mejju 2010, Maxwell vs Il-Kummissjoni, F‑55/09, punt 48) tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu ċaħdet it-talba għad-danni tar-rikorrenti.
24 Bħala konsegwenza, u inkwantu għandha tinftiehem fis-sens li hija indirizzata kontra l-imsemmija talbiet għal annullament, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u li tallega li r-rikorrenti ma għandhiex interess li tikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu hija ċaħdet it-talba għad-danni tagħha minħabba li kienet ġiet irtirata b’mod mhux volontarju minħabba invalidità.
25 Bħala konsegwenza wkoll, għandhom jiġu eżaminati iktar ’il quddiem it-talbiet għad-danni tar-rikors qabel it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu din ċaħdet it-talba għal assistenza tar-rikorrenti.
2. Fuq it-talbiet sabiex jiġi rrimedjat id-dannu mġarrab mir-rikorrenti
Rigward l-ammissibbiltà tat-talbiet għad-danni
26 Mir-rikors fit-totalità tiegħu jirriżulta li, fit-talbiet għad-danni, ir-rikorrenti titlob, quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-kumpens għad-dannu li hija allegatament ġarrbet minħabba l-fatt li r-RŻK għall-2001/2002, 2004, 2005 u 2008 ma ġewx redatti b’mod validu fiż-żmien opportun.
27 Fuq il-bażi tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Diċembru 2008, Gordon vs Il-Kummissjoni (C‑198/07 P), ir-rikorrenti ssostni, fost l-argumenti relatati mal-fondatezza tar-rikors tagħha, li l-fatt li kienet ġiet irtirata b’mod mhux volontarju minħabba invalidità ma kellux l-effett li jċaħħadha mid-dritt li l-ħidma tagħha tiġi rrikonoxxuta permezz ta’ evalwazzjoni stabbilita b’mod ġust u ekwu. L-interess tar-RŻK ma għandux jiġi evalwat biss fid-dawl tal-utilità tagħhom għall-karriera tal-uffiċjal inkwistjoni, iżda għandu jiġi evalwat ukoll fid-dawl tal-evalwazzjoni magħmula mir-RŻK fir-rigward tal-kwalitajiet umani li l-uffiċjal ikun wera fit-twettiq tal-attività professjonali tiegħu. Barra minn hekk, ir-RŻK għall-2001/2002, 2004, 2005 u 2008 setgħu jikkostitwixxu element ta’ evalwazzjoni għall-Kumitat Mediku li kellu jieħu deċiżjoni dwar jekk il-marda tagħha kinitx ikkaġunata mix-xogħol, għaliex il-klassifikazzjoni ta’ marda bħala marda kkaġunata mix-xogħol tista’ tiddependi mill-ambjent u mill-kundizzjonijiet tax-xogħol li jiġu ċċertifikati f’kull rapport ta’ evalwazzjoni.
28 Il-Kummissjoni hija tal-fehma, min-naħa l-oħra, li minħabba li kienet ġiet irtirata b’mod mhux volontarju minħabba invalidità, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka allegat dannu li jirriżulta mill-fatt li ma ġewx iffinalizzati r-RŻK għall-2001/2002, 2004, 2005 u 2008. Is-sentenza Gordon vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma hijiex rilevanti f’dan il-każ għaliex, f’dik il-kawża, l-irtirar mhux volontarju minħabba invalidità permanenti meqjusa bħala totali ma kienx meqjus bħala definittiv, b’tali mod li l-possibbiltà ta’ reintegrazzjoni tal-persuna kkonċernata ma kinitx ipotetika (sentenza Gordon vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48). Issa, dan ma huwiex il-każ fil-kawża preżenti.
29 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-argument tar-rikorrenti li r-RŻK 2001/2002, 2004, 2005 u 2008 setgħu jikkontribwixxu sabiex jiġi stabbilit li l-marda tagħha kienet ikkaġunata mix-xogħol huwa ta’ natura spekulattiva. Fid-dawl tar-RŻK inkwistjoni, li ġew redatti fil-mori tal-kawża, dan l-argument jidher li huwa saħansitra żbaljat, għaliex dawn ir-RŻK ma jagħtu ebda preċiżjoni oġġettiva fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tar-rikorrenti. L-iktar l-iktar, ir-RŻK 2005 u 2008 jinkludu aċċenn vag, mir-rikorrenti nfisha, għall-kwalità ħażina tal-arja fi klassi fejn kienet qiegħda ssegwi kors, referenza fil-qosor, dejjem min-naħa tagħha, għal passi amministrattivi li ttieħdu bejn Marzu u Ottubru 2008 b’rabta mal-istat ta’ saħħa tagħha u indikazzjoni qasira, għal darba oħra min-naħa tagħha, għall-impossibbiltà li taħdem fil-bini tal-Kummissjoni.
30 Barra minn hekk, fis-sentenza Gordon vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, filwaqt li huwa minnu li uffiċjal li l-Kumitat tal-Invalidità jirrikonoxxi li għandu inkapaċità permanenti totali jiġi rtirat b’mod mhux volontarju, is-sitwazzjoni ta’ tali uffiċjal, għall-kuntrarju b’mod partikolari tas-sitwazzjoni ta’ uffiċjal li jkun laħaq l-età tal-irtirar, tista’ titreġġa’ lura: tali uffiċjal fil-fatt jista’ xi darba jerġa’ jassumi l-funzjonijiet tiegħu fi ħdan istituzzjoni, b’tali mod li l-attività tiegħu tkun biss sospiża sa fejn l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tiegħu fi ħdan l-istituzzjonijiet hija suġġetta għall-persistenza tal-kundizzjonijiet li jkunu ġġustifikaw din l-invalidità, li tista’ tiġi kkontrollata f’perijodi regolari. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li uffiċjal fi stat ta’ invalidità permanenti totali xorta jifdallu interess li jikkontesta RŻK (sentenza Gordon vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 27 iktar ’il fuq, punti 46, 47 u 51).
31 Madankollu, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Gordon vs Il-Kummissjoni iċċitata iktar ’il fuq, l-invalidità permanenti totali tal-persuna kkonċernata ma tqisitx li kienet definittiva u l-possibbiltà ta’ reintegrazzjoni ta’ din il-persuna ma kinitx sempliċement ipotetika, iżda tabilħaqq reali (sentenza Gordon vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 27 iktar ’il fuq, punt 48). Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li uffiċjal rikonoxxut bħala li għandu invalidità permanenti meqjusa bħala totali għandu dritt ekwivalenti għal dak ta’ uffiċjal attiv li r-RŻK tiegħu jiġi redatt b’mod ekwu, oġġettiv u konformi mar-regoli ta’ evalwazzjoni regolari, jekk ikun hemm il-possibbiltà li jiġi reintegrat fi ħdan l-istituzzjonijiet (sentenza Gordon vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 27 iktar ’il fuq, punt 49).
32 F’din il-kawża, il-Kumitat tal-Invalidità kien tal-fehma li “ebda eżami mediku ta’ reviżjoni ma kien meħtieġ”, minħabba n-“natura fissa tal-patoloġija li kkawżat l-invalidità” tar-rikorrenti, b’tali mod li effettivament hemm lok li jiġi kkunsidrat, fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, li r-reintegrazzjoni tar-rikorrenti hija ipotetika.
33 Madankollu, għandu jiġi osservat li, fis-sentenza Gordon vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-pożizzjoni li ħadet il-Qorti tal-Ġustizzja kienet fis-sens imfakkar hawn fuq meta ddeċidiet dwar l-aggravji indirizzati kontra sentenza tal- Qorti tal-Prim’Istanza li min-naħa tagħha kienet tikkonċerna rikors għall-annullament ta’ RŻK. Is-sitwazzjoni tkun differenti meta l-kwistjoni tkun, bħalma huwa l-każ f’din il-kawża, li jiġi evalwat l-interess ġuridiku li titressaq azzjoni, mhux għall-annullament, iżda għad-danni, b’mod speċjali mhux fid-dawl tad-dannu kkawżat minn RŻK allegatament illegali, iżda fid-dawl tad-dannu kkawżat mid-dewmien min-naħa tal-amministrazzjoni sabiex twettaq ir-redazzjoni ta’ dan ir-RŻK. F’dan il-każ, effettivament, l-uffiċjal li jkun ġie rtirat b’mod mhux volontarju minħabba invalidità, kemm jekk il-possibbiltà tar-reintegrazzjoni tiegħu tkun purament ipotetika jew tabilħaqq reali, jibqagħlu, fil-prinċipju, interess li jingħata kumpens għad-dannu li effettivament ikun ġarrab minħabba dan id-dewmien.
34 Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni li tirrigwarda n-nuqqas ta’ interess tar-rikorrenti fit-talbiet għad-danni tagħha.
35 L-interess li jibqagħlu, fil-prinċipju, l-uffiċjal li jiġi rtirat b’mod mhux volontarju minħabba invalidità f’li jiġi kkumpensat għad-dannu li effettivament ikun ġarrab minħabba d-dewmien fir-redazzjoni tar-RŻK tiegħu ma jeżentax, madankollu, lill-imsemmi uffiċjal mill-obbligu li jirrispetta r-regoli, imfakkra b’mod kostanti mill-ġurisprudenza, dwar l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-kundizzjoni li, sabiex jikseb kumpens, huwa għandu jistabbilixxi li ġarrab dannu reali u ċert (ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Jannar 1982, Birra Wührer et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 256/80, 257/80, 265/80, 267/80 u 5/81, punt 9; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1996, Stott vs Il-Kummissjoni, T‑99/95, punt 72; sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-12 ta’ Mejju 2011, Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni, F‑50/09, punt 117, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, Kawża T‑401/11 P, u tat-13 ta’ Settembru 2011, AA vs Il-Kummissjoni, F‑101/09, punt 78). Din il-kwistjoni ser tiġi eżaminata fil-kuntest tal-eżami tal-merti tat-talbiet għad-danni.
36 Il-Kummissjoni ssostni wkoll li r-RŻK 2001/2002 ġie annullat bis-sentenza tal-20 ta’ April 2005 essenzjalment minħabba l-preżenza f’dan ir-rapport ta’ referenzi ripetittivi għal assenzi ġġustifikati minħabba mard u li r-rikorrenti ma kinitx talbet danni f’dik il-kawża. Hija tosserva wkoll li, għalkemm is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009 annullat ir-RŻK ġdid għall-2001/2002 minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, hija ċaħdet it-talba għad-danni tar-rikorrenti minħabba li dan ir-RŻK ġdid, u b’mod partikolari l-parti tiegħu dwar l-effiċjenza, li kienet ivvizzjata bin-nuqqas ta’ motivazzjoni kkundannat mis-sentenza, ma kien fih ebda affermazzjoni espliċitament negattiva fil-konfront tar-rikorrenti, b’tali mod li l-annullament tar-RŻK ġdid għall-2001/2002 kien jikkostitwixxi fih innifsu rimedju adegwat u suffiċjenti ta’ kull dannu morali.
37 Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li, fir-rigward tar-RŻK 2001/2002, it-talba għad-danni, minn tal-inqas f’dak li jirrigwarda d-dannu morali invokat, għandha tiġi miċħuda sabiex ma jkunx hemm ksur tal-awtorità ta’ res judicata.
38 Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li rikors ikun inammissibbli minħabba l-awtorità ta’ res judicata li tgawdi minnha sentenza preċedenti li tkun iddeċidiet rikors li kien bejn l-istess partijiet, li kien jirrigwarda l-istess suġġett u li kien ibbażat fuq l-istess kawża (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 1985, Hoogovens Groep vs Il-Kummissjoni, 172/83 u 226/83, punt 9; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Ġunju 1996, NMB et vs Il-Kummissjoni, T‑162/94, punt 37; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ġunju 2010, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, T‑66/01, punt 197).
39 F’din il-kawża, ir-rikors ma huwiex intiż għall-annullament ta’ RŻK illegali u għall-kumpens tad-dannu kkawżat minnu, iżda huwa intiż għall-kumpens tad-dannu li jirriżulta mid-dewmien fir-redazzjoni tar-RŻK.
40 Minn dan isegwi li dan ir-rikors ma għandux l-istess suġġett bħar-rikorsi deċiżi permezz tas-sentenzi tal-20 ta’ April 2005 u tas-6 ta’ Ottubru 2009.
41 L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni abbażi tal-ksur tal-awtorità ta’ res judicata għandha għalhekk tiġi miċħuda.
Fuq il-mertu tat-talbiet għad-danni
42 Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tkun stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni huwa meħtieġ li jkunu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu allegat u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu invokat (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Morello vs Il-Kummissjoni, T‑135/00, punt 130, u tal-31 ta’ Mejju 2005, Dionyssopoulou vs Il-Kunsill, T‑105/03, punt 30; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-23 ta’ Novembru 2010, Bartha vs Il-Kummissjoni, F‑50/08, punt 53).
43 Għalhekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jeżamina suċċessivament dawn il-kundizzjonijiet.
Fuq l-illegalità tal-aġir li bih hija akkużata l-Kummissjoni
44 Ir-rikorrenti tinvoka diversi forom ta’ aġir illegali.
45 Fir-rikors tagħha, fir-rigward tal-ewwel aġir li bih hija takkuża lill-Kummissjoni, ir-rikorrenti tikkonstata li ebda RŻK ma ġie redatt għas-snin 2001/2002, 2004, 2005 u 2008, b’tali mod li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal ġie miksur. Id-deċiżjoni kkontestata b’hekk hija illegali inkwantu ma tikkonstatax dan il-ksur.
46 Dejjem fir-rikors tagħha, fir-rigward tat-tieni aġir li bih hija takkuża lill-Kummissjoni, ir-rikorrenti tosserva li, skont l-Artikolu 266 TFUE, huwa l-kompitu tal-amministrazzjoni li tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex telimina l-effetti tal-illegalitajiet ikkonstatati mill-qorti tal-Unjoni li annullat id-deċiżjonijiet dwar ir-redazzjoni tar-RŻK 2001/2002 u 2004. Fin-nuqqas ta’ kull miżura ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-20 ta’ April 2005 u tas-6 ta’ Ottubru 2009 kif ukoll tas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, l-Awtorità tal-Ħatra żammet fis-seħħ l-effetti tal-illegalitajiet ikkonstatati mill-qorti. Is-sitwazzjoni irregolari b’hekk damet għaddejja għal iktar minn seba’ snin fir-rigward tar-RŻK 2001/2002 u iktar minn ħames snin fir-rigward tar-RŻK 2004. Raġunament simili japplika fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tilqa’ l-ilment tar-rikorrenti kontra d-deċiżjoni dwar ir-redazzjoni tar-RŻK 2005 tagħha, li ma ġiex iffinalizzat.
47 Fl-osservazzjonijiet sussegwenti tagħha, ifformulati b’risposta għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura deċiżi mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ir-rikorrenti tikkontesta l-proċedura li wasslet għar-redazzjoni tar-RŻK 2001/2002, 2004, 2005 u 2008 li ġew ikkomunikati lilha fil-mori tal-kawża u hija tal-fehma li dawn ir-RŻK ma jistgħux jitqiesu bħala rapporti ffinalizzati. Hija tal-fehma, b’mod partikolari, li t-terminu raġonevoli għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-23 ta’ April 2007 dwar ir-RŻK 2005 u tas-sentenzi tal-20 ta’ April 2005 u tas-6 ta’ Ottubru 2009, minn naħa, u tat-13 ta’ Diċembru 2007, min-naħa l-oħra, li jirrigwardaw rispettivament ir-RŻK 2001/2002 u r-RŻK 2004 “tant ilu li għadda li issa ma għadux possibbli, f’dan l-istadju, li [dawn ir-rapporti] jiġu redatti”. Finalment, hija takkuża lill-Kummissjoni li ma aġġornatx il-fajl tal-promozzjoni tagħha, b’mod partikolari billi ma eżaminatx il-possibbiltà li tagħtiha punti ta’ prijorità.
48 Il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-talba għad-danni ma hijiex fondata minħabba li ebda nuqqas ma jista’ jiġi kkonstatat fil-konfront tagħha.
49 Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-amministrazzjoni għandha tiżgura li ssir redazzjoni perijodika tar-RŻK fid-dati imposti mir-Regolamenti tal-Persunal jew mir-regoli adottati għall-implementazzjoni tagħhom u li jiġu redatti regolarment RŻK, kemm għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll sabiex jitħarsu l-interessi tal-uffiċjali. B’hekk, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi partikolari, l-amministrazzjoni twettaq irregolarità ta’ natura tali li tista’ tistabbilixxi r-responsabbiltà tagħha meta twettaq ir-redazzjoni tar-RŻK b’dewmien (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Lebedef vs Il-Kummissjoni, T‑279/01, punti 55 u 56).
50 Għandu jitfakkar ukoll li l-istituzzjoni li toħroġ l-att annullat hija obbligata tieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament, iżda wkoll li peress li l-eżekuzzjoni ta’ tali sentenza teħtieġ l-adozzjoni ta’ għadd ta’ miżuri amministrattivi, l-istituzzjoni għandha terminu raġonevoli sabiex tikkonforma ruħha mal-imsemmija sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Lulju 1997, Apostolidis et vs Il-Kummissjoni, T‑81/96, punt 37; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-17 ta’ April 2007, C u F vs Il-Kummissjoni, F‑44/06 u F‑94/06, punt 60). Għaldaqstant, istituzzjoni tmur kontra l-Artikolu 266 TFUE u twettaq nuqqas li jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni meta, fin-nuqqas ta’ diffikultajiet partikolari fl-interpretazzjoni tas-sentenza ta’ annullament jew ta’ diffikultajiet prattiċi, hija tonqos milli tadotta miżuri konkreti għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza f’terminu raġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza C u F vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 63 sa 67).
51 F’din il-kawża, mill-espożizzjoni tal-fatti li tinsab fil-punti 6 et seq ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Kummissjoni damet wisq sabiex twettaq ir-redazzjoni tar-RŻK 2001/2002, 2004, 2005 u 2008.
52 Il-Kummissjoni madankollu ssostni li kien biss permezz tas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, meta r-rikorrenti kienet diġà ġiet irtirata b’mod mhux volontarju minħabba invalidità, li l-evalwaturi ġew informati li l-assenzi minħabba marda kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanzi partikolari, għall-finijiet ta’ evalwazzjoni iktar favorevoli u li l-kummenti li jinsabu fir-rapport ta’ evalwazzjoni kellhom jindikaw dan it-teħid inkunsiderazzjoni, filwaqt li, fid-dawl tal-istat preċedenti tad-dritt, l-assenzi minħabba mard kellhom jiġu ttrattati b’mod newtrali fil-kummenti fformulati mill-evalwaturi.
53 Madankollu, l-interpretazzjoni li qorti tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni sempliċement tiċċara u tippreċiża, jekk ikun hemm bżonn, it-tifsira u l-portata tal-imsemmija regola, hekk kif din għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Minn dan jirriżulta li r-regola interpretata b’dan il-mod tista’ u għandha tiġi applikata wkoll għal relazzjonijiet ġuridiċi maħluqa u kkostitwiti qabel is-sentenza li tkun tat l-interpretazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs Q, T‑80/09 P, punt 164). Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal adottata fis-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009 kienet totalment applikabbli għas-sitwazzjoni fattwali u ġuridika tar-rikorrenti qabel ma ngħatat dik is-sentenza. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tiġi rrikonoxxuta l-allegata inċertezza tal-ġurisprudenza sabiex il-Kummissjoni tiġi eżentata mir-responsabbiltà tagħha.
54 Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma aġġornatx il-fajl tal-promozzjoni tar-rikorrenti billi ma pproċeditx biex teżamina l-possibbiltà li tagħtiha punti ta’ prijorità, kif tasserixxi din tal-aħħar fl-osservazzjonijiet tagħha b’risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura deċiżi mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Filwaqt li tinvoka dan l-aġir allegatament illegali, ir-rikorrenti żżid mal-aġir li hija ddenunzjat fir-rikors tagħha u tqajjem, b’dan il-mod, kontestazzjoni ġdida. Effettivament, filwaqt li r-redazzjoni ta’ RŻK fiż-żmien meħtieġ hija imposta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-proċeduri ta’ promozzjoni, li minnhom tagħmel parti l-attribuzzjoni tal-punti ta’ prijorità, jaqgħu taħt l-Artikolu 45 tal-istess test. Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma jipprekludux li, fl-evalwazzjoni tad-dannu mġarrab mir-rikorrenti, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jeżamina jekk hija tilfitx opportunità ta’ promozzjoni minħabba d-dewmien min-naħa tal-Kummissjoni fil-preparazzjoni tar-RŻK tagħha.
55 Finalment, sabiex ma jiġix immodifikat fundamentalment is-suġġett tal-kawża u sabiex ma jiġux evitati r-rimedji legali interni, il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tiġi akkużata, fil-kuntest ta’ din il-kawża, li wettqet irregolaritajiet meta ppreparat ir-RŻK ikkomunikati fil-mori tal-kawża.
56 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet nuqqas meta ma wettqitx ir-redazzjoni tar-RŻK 2001/2002, 2004, 2005 u 2008 fid-dati previsti u meta ma ħaditx, f’termini raġonevoli, il-miżuri għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-20 ta’ April 2005, tat-13 ta’ Diċembru 2007 u tas-6 ta’ Ottubru 2009, filwaqt li jirriżulta wkoll li ebda nuqqas ieħor ma jista’ jiġi kkonstatat fil-konfront tal-Kummissjoni fir-rigward tar-redazzjoni tar-RŻK wara li ġie adit it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.
57 Għaldaqstant, huwa l-kompitu tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jeżamina l-portata tad-dannu li r-rikorrenti setgħet ġarrbet minħabba d-dewmien fir-redazzjoni tar-RŻK 2001/2002, 2004, 2005 u 2008.
Fuq id-dannu li ġarrbet ir-rikorrenti
– Fuq id-dannu morali allegat mir-rikorrenti
58 Ir-rikorrenti hija tal-fehma li d-dewmien fir-redazzjoni tar-RŻK tagħha għall-2001/2002, 2004, 2005 u 2008 kkawżalha dannu morali inkwantu dan id-dewmien qiegħda fi stat ta’ inċertezza u ta’ anzjetà u inkwantu dan id-dewmien żamm fis-seħħ sitwazzjoni kontenzjuża għal kważi seba’ snin, u dan għal erba’ proċeduri ta’ evalwazzjoni.
59 B’risposta għal dan, il-Kummissjoni ssostni li r-realtà tad-dannu morali li għalih ir-rikorrenti titlob kumpens ma ġietx ipprovata.
60 Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dewmien fir-redazzjoni tar-RŻK huwa ta’ natura tali, fih innifsu, li jikkawża dannu lill-uffiċjal għas-sempliċi fatt li l-iżvolġiment tal-karriera tiegħu jista’ jiġi affettwat min-nuqqas ta’ tali rapport f’mument meta jkollhom jittieħdu deċiżjonijiet li jikkonċernawh (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Mejju 1997, Burban vs Il-Parlament, T‑59/96, punt 68, u tat-30 ta’ Settembru 2004, Ferrer de Moncada vs Il-Kummissjoni, T‑246/02, punt 68). Minn din il-perspettiva, jista’ jiġi aċċettat li l-uffiċjal li jkun ġie rtirat b’mod mhux volontarju minħabba invalidità jitlob kumpens għad-dannu morali, reali u ċert, li jirriżulta mill-istat ta’ inċertezza u ta’ anzjetà dwar il-futur professjonali tiegħu li n-nuqqas ta’ RŻK seta’ kkawżalu meta kien għadu attiv. Dan jgħodd iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li r-RŻK jikkostitwixxi prova bil-miktub u formali tal-kwalità tax-xogħol imwettaq mill-imsemmi uffiċjal matul il-perijodu kkunsidrat.
61 F’din il-kawża, il-possibbiltà għar-rikorrenti li tikseb kumpens għad-dannu morali kkawżat mir-redazzjoni tardiva tar-RŻK tagħha ma ġietx invalidata mill-fatt, invokat mill-Kummissjoni, li, meta t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku annulla r-RŻK 2004 permezz tas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, huwa ċaħad it-talba għal kumpens għal dannu morali minħabba li kkunsidra li l-annullament kien jikkostitwixxi, fih innifsu, kumpens adegwat u suffiċjenti għal kull dannu morali li r-rikorrenti setgħet ġarrbet minħabba l-att annullat (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, punt 46). Din l-istess possibbiltà lanqas ma ġiet invalidata, fir-rigward tar-RŻK 2005, mill-fatt li dan tħassar wara lment permezz tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-23 ta’ April 2007 u li tali tħassir għandu jkollu l-istess effett ta’ rimedju ta’ kull dannu morali bħal sentenza ta’ annullament.
62 Effettivament, għandu jiġi rrilevat għal darba oħra li s-suġġett ta’ dan ir-rikors għad-danni, inkwantu jirrigwarda l-kumpens għad-dannu morali li jirriżulta mill-fatt li r-RŻK 2004 ma ġiex redatt b’mod validu fit-terminu previst huwa differenti mit-talbiet għad-danni miċħuda permezz tas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, li kienu jirrigwardaw il-kumpens għad-dannu morali li kien jirriżulta, skont ir-rikorrenti, mill-preġudizzju għall-unur tagħha li kien jinsab fir-RŻK inkwistjoni (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, punt 42). Bl-istess mod, it-tħassir tar-RŻK 2005 permezz tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-23 ta’ April 2007, issanzjona l-irregolarità tiegħu u mhux ir-redazzjoni tardiva tiegħu.
63 Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkunsidrat li uffiċjal, bħar-rikorrenti, li l-perspettivi ta’ reintegrazzjoni tiegħu huma ipotetiċi, ma jistax jibqa’ jinvoka, għall-perijodu li jibda jiddekorri mill-irtirar mhux volontarju tiegħu, dannu morali, reali u ċert li jirriżulta minn stat ta’ inċertezza u ta’ anzjetà dwar il-futur professjonali tiegħu, għaliex huwa preċiżament dan il-futur professjonali li huwa ipotetiku.
64 Huwa minnu li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda, f’sentenza tal-10 ta’ Novembru 2009, N vs Il-Parlament (F‑93/08, punt 46), li kull uffiċjal għandu jingħata fi kwalunkwe każ id-dritt li jikkontesta rapport ta’ evalwazzjoni li jikkonċernah. Madankollu, iċ-ċirkustanzi li wasslu għal dik is-sentenza ma humiex kumparabbli ma’ dawk f’din il-kawża. Dik il-kawża ma kinitx tirrigwarda rikors għad-danni ippreżentat, minħabba dewmien fir-redazzjoni ta’ RŻK, minn ex uffiċjal, li huwa l-benefiċjarju ta’ allowance tal-invalidità, u li r-ritorn tiegħu għas-servizz huwa ipotetiku, iżda kienet tirrigwarda rikors għal annullament ippreżentat minn uffiċjal li kien qiegħed isostni li, minkejja t-trasferiment tiegħu mill-Parlament Ewropew għall-Kummissjoni, kien għad għandu interess ġuridiku sabiex jaġixxi kontra rapport ta’ evalwazzjoni redatt mill-Parlament minħabba, preċiżament, li kien għadu attiv (sentenza N vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).
65 Il-limitu, stabbilit fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, għall-possibbiltà għar-rikorrenti li tikseb kumpens għad-dannu morali kkawżat mir-redazzjoni tardiva tar-RŻK tagħha lanqas ma huwa invalidat, f’din il-kawża, mill-argumenti li hija tippreżenta. Ir-rikorrenti targumenta, fir-rigward tal-fondatezza tar-rikors tagħha, li ma jistax jiġi eskluż li bidla fil-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni tkun tista’ tippermettilha li tirritorna għall-pożizzjoni tagħha u li żviluppi fl-għarfien mediku jew saħansitra l-ħidma tal-Kumitat Mediku inkarigat sabiex jirrikonoxxi li l-marda tagħha kienet ikkaġunata mix-xogħol, jistgħu jiżvelaw il-kawżi preċiżi tal-invalidità tagħha u, jekk ikun il-każ, il-kundizzjonijiet li fihom hija tkun tista’ terġa’ tassumi l-funzjonijiet tagħha f’ambjent tax-xogħol adegwat. Hija tiddikjara wkoll li hija tista’ tiġi awtorizzata teżerċita attività professjonali oħra kompatibbli mal-invalidità tagħha, u li għal dan l-iskop ikun utli għaliha li jkollha evalwazzjoni ġusta u ekwa tal-ħidma tagħha mal-Kummissjoni.
66 Madankollu, fid-dawl tal-miżuri meħuda mill-Kummissjoni sabiex tiggarantixxi kundizzjonijiet ta’ xogħol adegwati għar-rikorrenti, kif ġew elenkati fid-deċiżjoni kkontestata, jidher li huwa ipotetiku li jkun hemm bidla favorevoli ġdida f’dawn il-kundizzjonijiet. Bl-istess mod, l-iżvilupp tal-għarfien mediku jew ir-riżultati tal-ħidma tal-Kumitat Mediku huma ta’ natura spekulattiva u ma jistgħux jagħmlu plawżibbli, fil-liġi, li tittaffa jew tintemm il-patoloġija tar-rikorrenti u l-possibbiltà li hija tirritorna għal servizz attiv. Barra minn hekk, l-età tar-rikorrenti, li twieldet fl-1954, u li fl-2019 ser tilħaq l-età tal-irtirar awtomatiku skont l-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal hija element li jagħmel inqas probabbli dan ir-ritorn għal servizz attiv. Barra minn hekk, l-allegazzjoni li hija tista’ teżerċita attività professjonali oħra kompatibbli mal-istat tas-saħħa tagħha hija wkoll sempliċement ipoteżi li ma hija ssostanzjata minn ebda element konkret.
– Fuq it-telf ta’ opportunità kif allegat mir-rikorrenti
67 Ir-rikorrenti barra minn hekk targumenta li hija tilfet opportunità ta’ promozzjoni għall-grad A 4 – li beda jissejjaħ A*12 mill-1 ta’ Mejju 2004, u mbagħad AD 12 mill-1 ta’ Mejju 2006 — matul il-proċedura ta’ promozzjoni tal-2003, filwaqt li, meta titqies l-anzjanità tagħha fil-grad inferjuri u l-fatt li ma ġietx dimeritata, dik il-promozzjoni kienet iktar minn probabbli. Effettivament, fin-nuqqas ta’ attribuzzjoni ta’ punti ta’ mertu u ta’ prijorità, il-Kummissjoni ma setgħetx, sa mill-2003, tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tagħha għall-finijiet ta’ eventwali promozzjoni.
68 Il-Kummissjoni hija tal-fehma, min-naħa tagħha, li r-realtà tad-dannu materjali li għalih ir-rikorrenti titlob kumpens abbażi tal-allegat telf ta’ opportunità li tingħata promozzjoni għall-grad AD 12 qabel ma fil-fatt ingħatat ma tistax tiġi pprovata.
69 Huwa rrikonoxxut mill-ġurisprudenza li, kemm-il darba titressaq prova suffiċjenti, it-telf ta’ opportunità, bħal b’mod partikolari dik ta’ promozzjoni iktar kmieni, jikkostitwixxi dannu materjali li jista’ jiġi kkumpensat (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Novembru 2010, UASI vs Simões Dos Santos, T‑260/09 P, punt 104; sentenza AA vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 36 iktar ’il fuq, punt 81). B’estensjoni ta’ din il-ġurisprudenza, hemm lok ukoll li jiġi kkunsidrat li l-uffiċjal li jiġi rtirat b’mod mhux volontarju minħabba invalidità, jibqagħlu d-dritt li jitlob kumpens għat-telf ta’ opportunità li jingħata promozzjoni, anki jekk il-perspettivi tiegħu li jerġa’ jidħol jaħdem ikunu ipotetiċi, u dan għaliex dan it-telf ta’ opportunità seta’ kkawżalu dannu waqt li kien għadu attiv u seta’ kellu effett fuq l-ammont tal-allowance tal-invalidità mħallsa lilu, kif ukoll fuq l-ammont tal-pensjoni tal-anzjanità li ser jingħata ulterjorment.
70 Il-Kummissjoni madankollu hija tal-fehma li ftit li xejn huwa probabbli li evalwazzjonijiet ġodda jistgħu, jew setgħu, iwasslu għall-promozzjoni tar-rikorrenti meta titqies kemm hi kbira d-differenza bejn il-punti li kellha din tal-aħħar u d-diversi livelli minimi meħtieġa għal promozzjoni bejn l-2003 u l-2008. Il-Kummissjoni tippreċiża li l-għoti ta’ eventwali punti ta’ prijorità mid-direttorat ġenerali fejn ikun assenjat l-uffiċjal qatt ma jsir bi dritt, anki jekk il-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, u li ż-żieda li tista’ tingħata fin-numru ta’ punti ta’ mertu tar-rikorrenti, ladarba r-RŻK inkwistjoni jiġu debitament iffinalizzati, ser tkun pjuttost modesta.
71 It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata, f’dan ir-rigward, li r-rikorrenti ma tipprovdi ebda element konkret ta’ natura li jissostanzja l-allegazzjoni tagħha li hija kellha opportunitajiet kbar li tiġi promossa għall-grad A 4 fl-2003. Effettivament, fl-att promotur tagħha, hija sempliċement tinvoka l-anzjanità tagħha fil-grad A 5, l-anzjanità medja f’dan il-grad, mingħajr madankollu ma tippreċiża d-durata tagħha, u l-fatt li ma kinitx ġiet dimeritata. Hija lanqas ma tagħti spjegazzjoni, fl-osservazzjonijiet sussegwenti tagħha, dwar il-fatt li hija setgħet ġiet promossa għall-grad A 4 fl-2003 jew sal-iktar tard fl-2007. Anki jekk wieħed jassumi li billi tinvoka l-anzjanità medja f’dan il-grad, ir-rikorrenti tagħmel referenza għar-rata ta’ promozzjoni ta’ 25 % msemmija fil-punt B tal-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, din ir-rata tesprimi biss il-progress ta’ karriera medja u, b’hekk, bl-ebda mod ma tippreġudika l-prinċipju ta’ promozzjoni bbażata fuq il-mertu.
72 Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni pprovdiet elementi appoġġati b’ċifri fir-rigward tal-livell minimu meħtieġ għal promozzjoni mill-grad A 5 lejn il-grad A 4 fl-2003, il-livell minimu meħtieġ għal promozzjoni mill-grad A*11, li qabel kien A 5, għall-grad A*12 fl-2005 u l-livell minimu meħtieġ għal promozzjoni mill-grad AD 11 għall-grad AD 12 fl-2006, li jissostanzjaw l-argument li promozzjoni tar-rikorrenti fl-okkażjoni ta’ waħda minn dawn il-proċeduri ta’ promozzjoni kienet ftit li xejn probabbli. Bl-istess mod, billi ppreċiżat li kien għad jonqos 12.5 punti supplimentari sabiex ir-rikorrenti tkun tista’ tiġi promossa għal AD 12 fl-2007, il-Kummissjoni turi li, għalkemm ma kienx matematikament impossibbli li hija tiġi promossa qabel l-2008 għall-grad AD 12, din il-possibbiltà kienet madankollu ferm improbabbli.
73 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, minkejja ż-żieda ta’ punt ta’ mertu fil-kuntest tar-RŻK 2001/2002 u 2004 redatti fil-mori tal-kawża u nofs punt fir-RŻK 2005, li wkoll ġie redatt fil-mori tal-kawża, ir-rikorrenti tibqa’ ferm ’il bogħod mil-livelli minimi meħtieġa għal promozzjoni ffissati għall-proċeduri ta’ promozzjoni ta’ qabel l-2008, u dan anki jekk tittieħed inkunsiderazzjoni l-attribuzzjoni ipotetika ta’ punti ta’ prijorità supplimentari.
74 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti hija intitolata titlob kumpens, minn naħa, għad-dannu morali li jirriżulta mill-istat ta’ inċertezza u ta’ anzjetà dwar il-futur professjonali tagħha li n-nuqqas tar-RŻK 2001/2002, 2004, 2005 u 2008 seta’ joħolqilha meta hija kienet għadha attiva u, min-naħa l-oħra, għad-dannu materjali li jirriżulta mit-telf ta’ opportunità li tiġi promossa fl-2003 u sal-iktar tard fl-2007. Bħala konsegwenza ta’ dan it-telf ta’ opportunità, ir-rikorrenti għandha dritt ukoll li titlob kumpens għad-dannu li hija ġarrbet minħabba l-fatt li hija ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li tibbenefika minn allowance tal-invalidità superjuri u, eventwalment, minn pensjoni tal-anzjanità ogħla. Madankollu, għall-finijiet tal-kumpens għal dan id-dannu materjali, għandu jitqies il-fatt li l-opportunità mitlufa mir-rikorrenti kienet partikolarment dgħajfa.
Fuq ir-rabta ta’ kawżalità bejn in-nuqqas u d-dannu
75 Hija ġurisprudenza stabbilita li istituzzjoni tista’ tinżamm responsabbli biss jekk ikun hemm nuqqas li jwassal għad-dannu permezz ta’ relazzjoni diretta ta’ kawża u effett. Fi kliem ieħor, l-Unjoni tista’ tinżamm responsabbli biss għal dannu li jirriżulta b’mod dirett biżżejjed mill-aġir irregolari tal-istituzzjoni kkonċernata (sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 35 iktar ’il fuq, punt 179).
76 B’mod partikolari, uffiċjal ma jistax jilmenta kontra dewmien fil-preparazzjoni tar-RŻK li jikkonċernah meta dan id-dewmien ikun imputabbli lilu, ta’ mill-inqas parzjalment, jew meta jkun ikkontribwixxa għal dan id-dewmien b’mod kunsiderevoli (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2003, Tatti vs Il-Kummissjoni, T‑296/01, punt 60; Lebedef vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 49 iktar ’il fuq, punt 57, u Ferrer de Moncada vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 61 iktar ’il fuq, punt 85).
77 F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza, invokata mill-Kummissjoni, li r-rikorrenti ma għamlitx dak kollu li setgħet sabiex tevita d-dewmien fil-preparazzjoni tar-RŻK ma tistax tikkostitwixxi, f’din il-kawża, ċirkustanza li teskludi r-responsabbiltà tal-istituzzjoni fin-nuqqas ta’ spjegazzjonijiet iktar iddettaljati.
78 Bl-istess mod, sabiex tiġi miċħuda d-dritt li tilmenta kontra d-dewmien fil-preparazzjoni tar-RŻK tagħha, ir-rikorrenti ma tistax tiġi akkużata b’nuqqas ta’ diliġenza ġenerali, kif issostni l-Kummissjoni, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni preċiża f’dan ir-rigward. Fin-nuqqas ta’ prova ta’ kwalunkwe abbuż, hija ma tistax tiġi akkużata talli użat, pjuttost sistematikament, il-possibbiltajiet kollha ta’ rimedji interni (fuq dan il-punt, ara s-sentenza Ferrer de Moncada vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 60 iktar ’il fuq, punt 86) jew inkella talli rritornat sabiex tgħix fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha wara li kienet ġiet irtirata b’mod mhux volontarju, ħaġa din li kienet teħtieġ skambji bil-posta. B’dan premess, l-użu ta’ mezzi ta’ rimedji interni mir-rikorrenti u r-ritorn tagħha lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha jikkostitwixxu fatti oġġettivi li, bħala tali, lanqas ma huma imputabbli lill-Kummissjoni, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe prova preċiża ta’ dewmien fil-ġestjoni tal-imsemmija fatti mill-Kummissjoni.
79 Għaldaqstant, għandha tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ rabta ta’ kawżalità bejn l-aġir irregolari tal-Kummissjoni u d-dannu fi ħdan il-parametri msemmija hawn fuq.
Fuq il-kumpens tad-danni mġarrba mir-rikorrenti
80 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, issa huwa l-kompitu tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jevalwa d-danni mġarrba mir-rikorrenti u li jiffissa l-ammont tal-kumpens dovut lilha.
81 Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni talbet li, fl-eventwalità li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi li huma sodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex jingħata kumpens lir-rikorrenti, l-istima tad-dannu materjali tista’ ssir matul stadju ulterjuri u għandha tagħti lok għal eżami mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biss fil-każ li l-partijiet ma jaslux għal ftehim dwar l-ammont tal-kumpens.
82 Madankollu il-proċess propost ma jistax jintlaqa’. Effettivament, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jikkunsidra l-fatt li żewġ tentattivi ta’ ftehim bonarju ma rnexxewx. Barra minn hekk il-Kummissjoni għażlet liberament li ma tindirizzax fir-risposta tagħha u matul is-seduta l-kwistjoni tal-ammont tal-kumpens li jista’ jkun dovut, minkejja li setgħet tieħu pożizzjoni dwar dan.
– Fuq il-kumpens għad-dannu morali tar-rikorrenti
83 Fl-att promotur tagħha, ir-rikorrenti evalwat ex æquo et bono għal EUR 35 000 l-ammont meħtieġ għall-kumpens tad-dannu morali li hija kienet ġarrbet minħabba l-istat ta’ inċertezza u ta’ anzjetà li sabet ruħha fih minħabba n-nuqqas tar-RŻK 2001/2002, 2004, 2005 u 2008.
84 Fl-osservazzjonijiet tagħha tal-4 ta’ Mejju 2012, ir-rikorrenti żiedet l-ammont tal-kumpens għad-dannu morali tagħha billi stmatu għal EUR 70 000 minħabba l-aggravazzjoni tal-imsemmi dannu bħala konsegwenza tal-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni fir-redazzjoni tar-RŻK inkwistjoni fil-mori tal-kawża u tan-nuqqas ġenerali ta’ diliġenza min-naħa tagħha.
85 F’dan ir-rigward, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza tad-dewmien akkumulat mill-Kummissjoni fil-preparazzjoni tar-RŻK 2001/2002, 2004, 2005 u 2008 filwaqt li jitqies madankollu, kif intqal fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, li d-dannu morali li jista’ jiġi kkumpensat u li jirriżulta mill-istat ta’ inċertezza u ta’ anzjetà li ġarrbet ir-rikorrenti fir-rigward tal-futur professjonali tagħha kien limitat għall-perijodu li matulu hija kienet attiva, b’tali mod li l-perijodu li skorra wara l-1 ta’ Ġunju 2009, id-data meta hija ġiet irtirata b’mod mhux volontarju, ma jistax jingħadd.
86 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-preżentata ta’ rimedji interni u r-ritorn tar-rikorrenti lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha jikkostitwixxu fatti oġġettivi li, bħala tali, la huma imputabbli lir-rikorrenti u lanqas lill-Kummissjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dannu mġarrab mir-rikorrenti minħabba l-preparazzjoni tardiva tar-RŻK.
87 Finalment, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jilqa’ t-talba tar-rikorrenti għad-danni miżjuda bl-interessi minħabba allegati żbalji mwettqa mill-Kummissjoni meta ġew redatti fil-mori tal-kawża r-RŻK 2001/2002, 2004, 2005 u 2008 għaliex inkella t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun qiegħed jieħu deċiżjoni dwar l-illegalità tagħhom u jmur lil hinn mill-parametri tal-kawża ffissati mir-rikors.
88 Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha li għandhom jiġu kkunsidrati, hemm lok li d-dannu morali tar-rikorrenti jiġi stmat ex æquo et bono għal EUR 15 000.
– Fuq il-kumpens għat-telf ta’ opportunità ta’ promozzjoni
89 Fir-rigward tal-kumpens għat-telf ta’ opportunità ta’ promozzjoni, ir-rikorrenti, li dehrilha li l-promozzjoni tagħha għall-grad A 4 matul il-proċedura ta’ promozzjoni 2003 kienet tkun iktar minn probabbli li kieku ġiet evalwata b’mod validu fiż-żmien meħtieġ, stmat id-dannu li ġarrbet, fl-att promotur tagħha, għal 70 % tad-differenza bejn ir-remunerazzjoni li rċeviet bħala uffiċjal tal-grad A 5 u dik li kienet tirċievi bħala uffiċjal tal-grad A 4, sa mill-proċedura ta’ promozzjoni 2003, jiġifieri EUR 53 000. Skont ir-rikorrenti, ma din is-somma għandha tiżdied dik ta’ EUR 400 fix-xahar li tikkorrispondi għal madwar 70 % tad-differenza bejn l-allowance tal-invalidità li hija tirċievi u dik li kienet tirċievi kieku ġiet promossa għall-grad A 4 fl-2003. Finalment, għandhom jiġu rregolarizzati d-drittijiet għall-pensjoni tal-anzjanità tagħha permezz tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet korrispondenti.
90 Fl-osservazzjonijiet tagħha tad-9 ta’ Lulju 2012, ir-rikorrenti stmat f’ammont ikbar il-kumpens dovut lilha minħabba t-telf ta’ opportunità ta’ promozzjoni fl-2003, 2005 jew sal-iktar tard fl-2007, fuq il-bażi ta’ rata ta’ probabbiltà ta’ 95 % għal, rispettivament, EUR 410 000, EUR 204 996 u EUR 90 130. Hija tallega li fin-nuqqas ta’ attribuzzjoni ta’ punti ta’ mertu u ta’ prijorità, il-Kummissjoni ma setgħetx, sa mill-2003, tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tagħha għall-finijiet ta’ eventwali promozzjoni u li l-multiplikazzjoni tan-nuqqasijiet imwettqa minnha poġġietha f’sitwazzjoni fejn kien impossibbli li teżegwixxi s-sentenzi tal-20 ta’ April 2005, tat-13 ta’ Diċembru 2007 u tat-6 ta’ Ottubru 2009, kif ukoll id-deċiżjoni tat-23 ta’ April 2007 li laqgħet l-ilment tagħha kontra r-RŻK 2005.
91 Skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ kumpens li għandu jitħallas abbażi tat-telf ta’ opportunità, wara li tiġi identifikata n-natura tal-opportunità li l-uffiċjal ikun ġie mċaħħad minnha, għandha tiġi ddeterminata d-data sa minn meta l-uffiċjal seta’ jibbenefika minn din l-opportunità, imbagħad għandha tiġi kkwantifikata din l-opportunità u, finalment, għandhom jiġu ppreċiżati liema kienu l-konsegwenzi finanzjarji ta’ dan it-telf ta’ opportunità għall-uffiċjal (sentenza AA vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 35 iktar ’il fuq, punt 83).
92 Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, meta dan ikun possibbli, l-opportunità li jkun ġie mċaħħad minnha uffiċjal għandha tiġi ddeterminata oġġettivament, fil-forma ta’ koeffiċjent matematiku li jirriżulta minn analiżi preċiża. Madankollu, meta din l-opportunità ma tkunx tista’ tiġi kkwantifikata b’dan il-mod, huwa aċċettat li d-dannu mġarrab jista’ jiġi evalwat ex æquo et bono (sentenza AA vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 35 iktar ’il fuq, punti 93 u 94).
93 F’din il-kawża, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jinsab f’sitwazzjoni fejn huwa impossibbli għalih li jiffissa koeffiċjent matematiku li jirrifletti t-telf tal-opportunità mġarrab, minn naħa, għaliex dan ma jistax jiġi kkwantifikat minħabba n-natura partikolarment dgħajfa tal-opportunità li kellha r-rikorrenti li tiġi promossa għall-grad A 4 jew ekwivalenti qabel l-1 ta’ Marzu 2008 u, min-naħa l-oħra, għaliex il-partijiet naqsu milli jissottomettu lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku elementi ta’ analiżi preċiżi li abbażi tagħhom kien ikun jista’ jiġi ddeterminat dan il-koeffiċjent, u dan sa fejn ir-rikorrenti, b’mod partikolari, sempliċement indikat li kellha opportunitajiet kbar li tiġi promossa qabel dik id-data.
94 B’hekk, bl-użu tal-fakultà tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jevalwa d-dannu mġarrab ex æquo et bono, ir-rikorrenti għandha tingħata somma f’daqqa, bħala kumpens għat-telf tal-opportunità li hija ġarrbet minħabba l-fatt li l-prestazzjoni tagħha matul is-snin 2001/2002, 2004, 2005 u 2008 ma ġietx evalwata b’mod validu fit-termini stabbiliti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-8 ta’ Mejju 2008, Suvikas vs Il-Kunsill, F‑6/07, punti 143 u 144).
95 Fl-evalwazzjoni tal-ammont ta’ dan il-kumpens, għandu jitqies il-fatt li, għalkemm l-opportunità tar-rikorrenti li taċċedi għal grad superjuri għall-grad A 5 jew ekwivalenti qabel l-1 ta’ Marzu 2008 hija ta’ natura partikolarment dgħajfa, din l-opportunità xorta waħda hija suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dannu li jista’ jiġi kkumpensat b’mod adegwat. Barra minn hekk, ma jistax jiġi injorat il-fatt li hija ġiet promossa għall-grad AD 12 matul il-proċedura ta’ promozzjoni 2008 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Settembru 2010, Skareby vs Il-Kummissjoni, T‑91/09 P, punt 72).
96 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiffissa, ex æquo et bono, l-ammont tal-kumpens li għandu jingħata lir-rikorrenti abbażi tad-dannu materjali tagħha li jirriżulta minn telf ta’ opportunità li tiġi promossa għall-grad A 4 qabel l-1 ta’ Marzu 2008 għas-somma f’daqqa ta’ EUR 4 000.
97 Fid-dawl tal-fatt li l-kumpens mogħti huwa fil-forma ta’ somma f’daqqa, ma hemmx lok li l-Kummissjoni tiġi kkundannata sabiex tirregolarizza d-drittijiet għall-pensjoni tal-anzjanità tar-rikorrenti permezz tal-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet komplementari.
3. Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu ċaħdet it-talba għal assistenza
98 Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li rrifjutat li tiftaħ investigazzjoni amministrattiva dwar il-fatti tal-fastidju li tiegħu hija tallega li sfat vittma. Hija tenfasizza li għaliha huwa impossibbli li jkollha aċċess għall-fajl amministrattiv tagħha sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dawn il-fatti jew ta’ elementi speċifiċi tad-dannu li hija tallega li ġarrbet, kif ukoll sabiex eventwalment tipprovdi din l-informazzjoni lill-Kumitat Mediku sabiex jiddeċiedi dwar jekk il-marda tagħha kinitx ikkaġunata mix-xogħol.
99 Għandu jiġi kkonstatat li r-rikors ma jippermettix li tiġi ddeterminata b’ċertezza l-bażi legali tal-motiv ta’ annullament imqajjem mir-rikorrenti.
100 Anki jekk nassumu li dan il-motiv għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa bbażat fuq l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, ikollu jiġi osservat li t-talba tar-rikorrenti għall-ftuħ ta’ investigazzjoni dwar il-fastidju morali kienet ibbażata, essenzjalment, fuq affermazzjonijiet ipotetiċi u fformulati f’termini ġeneriċi, mingħajr ma ġew ippreċiżati ċ-ċirkustanzi konkreti li fuqhom kienu bbażati dawn l-akkużi u mingħajr ma ġew identifikati l-awtur jew l-awturi tal-fatti tal-fastidju. L-allegata impossibbiltà, għar-rikorrenti, li taċċedi għall-fajl amministrattiv tagħha sabiex tistabbilixxi l-fatti tal-fastidju jew elementi tad-dannu li hija ġarrbet, ma tistax toħloq obbligu għall-amministrazzjoni li tiftaħ investigazzjoni fuq sempliċi fiduċja f’dawn l-allegazzjonijiet. Effettivament, il-ġurisprudenza teħtieġ li l-uffiċjal li jgħid li ġie ffastidjat iressaq bidu ta’ prova tar-realtà tal-attakki li huwa jallega li saru kontra tiegħu (digriet tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Mejju 2011, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑402/09 P, punti 37 u 39; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-5 ta’ Ġunju 2012, Cantisani vs Il-Kummissjoni, F‑71/10, punt 78). Minn perspettiva ġenerali, fin-nuqqas ta’ prova, ir-rikorrenti ma ressqet ebda indizzju ta’ fastidju.
101 Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-dewmien fir-redazzjoni tar-RŻK tar-rikorrenti, għandu jiġi osservat li dan id-dewmien, għalkemm jikkostitwixxi irregolarità, fih innifsu ma jikkostitwixxix element ta’ natura tali li jikkostitwixxi bidu ta’ prova ta’ att daqstant gravi daqs fastidju.
102 Barra minn hekk, u inkwantu l-motiv tar-rikorrenti għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi wkoll għall-assistenza li hija kienet talbet minħabba l-problemi mediċi tagħha, għandu jiġi kkonstatat li ma jidhirx, minn naħa, fid-dawl tan-natura lakonika tal-imsemmi motiv u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-miżuri meħuda mill-Kummissjoni sabiex tiggarantixxi lill-parti kkonċernata kundizzjonijiet ta’ xogħol xierqa, li huma elenkati fid-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal jew wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat li tagħtiha din l-assistenza.
103 Finalment, ma jidhirx li r-rikorrenti qiegħda tikkontesta r-risposta mogħtija mill-Awtorità tal-Ħatra, fid-deċiżjoni tagħha tat-18 ta’ Ġunju 2010, għat-talba għal aċċess għall-fajl mediku tagħha.
104 Il-motiv għandu jiġi miċħud, bl-istess mod, għaldaqstant, bħat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu ċaħdet it-talba għal assistenza.
Fuq l-ispejjeż
105 Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 87(2) tal-istess regoli, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, jekk dan ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.
106 Mill-motivi ddikjarati f’din il-kawża jirriżulta li r-rikorrenti qiegħda tirbaħ fuq it-talbiet prinċipali tagħha, jiġifieri l-kumpens għad-dannu li hija ġarrbet minħabba dewmien fir-redazzjoni tar-RŻK tagħha u, għaldaqstant, li l-Kummissjoni hija l-parti telliefa. Barra minn hekk, fit-talbiet tagħha, ir-rikorrenti talbet espressament li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.
Għal dawn il-motivi,
IT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA
(It-Tielet Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lil AK is-somma ta’ EUR 15 000 bħala kumpens għad-dannu morali tagħha.
2) Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lil AK is-somma ta’ EUR 4 000 bħala kumpens għat-telf ta’ opportunità ta’ promozzjoni għal grad superjuri fil-grad A 5 jew ekwivalenti qabel l-1 ta’ Marzu 2008.
3) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
4) Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż ta’ AK.
Van Raepenbusch |
Barents |
Bradley |
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Marzu 2013.
W. Hakenberg |
S. Van Raepenbusch |
Reġistratur |
President |
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.