Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CP0497

Opinjoni tal-Avukat Ġenerali - Cruz Villalón - 6 ta’ Diċembru 2010.
Barbara Mercredi vs Richard Chaffe.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) - ir-Renju Unit.
Kawża C-497/10 PPU.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-14309

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:738

OPINJONI TAL-AVUKAT ĠENERALI

PEDRO CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fis-6 ta’ Diċembru 2010 1(1)

Kawża C‑497/10 PPU

Barbara Mercredi

vs

Richard Chaffe

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division)]

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u infurzar ta’ deċiżjonijiet – Kwistjonijiet matrimonjali u ta’ responsabbilità tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Wild ta’ koppja mhux miżżewġa – Kunċett ta’ ‘residenza abitwali’ – Tneħħija ġusta ta’ wild lejn Stat Membru ieħor – Ksib ta’ residenza abitwali ġdida – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari”

Werrej

I –   Il-kuntest ġuridiku

A –   Id-dritt tal-Unjoni

B –   Id-dritt internazzjonali

C –   Id-dritt nazzjonali

II – Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

A –   Iċ-ċirkustanzi li wasslu għall-kawża prinċipali

B –   Il-proċeduri mibdija fl-Ingilterra

C –   Il-proċeduri mibdija fi Franza

1.     Il-proċeduri mibdija mill-omm

2.     It-talba tal-missier taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri

III – Id-domandi preliminari u t-talba għal deċiżjoni preliminari b’urġenza

IV – Osservazzjonijiet preliminari

V –   Fuq l-ewwel domanda

A –   Fuq id-determinazzjoni tar-“residenza abitwali” tal-wild

1.     Il-kunċett ta’ residenza abitwali: lezzjonijiet mis-sentenza A

2.     It-“telf” u l-“ksib” ta’ residenza abitwali fil-każ ta’ tneħħija legali

a)     Il-kundizzjonijiet ta’ trasferiment ta’ residenza abitwali

b)     Il-kriterji ta’ trasferiment ta’ residenza abitwali

i)     L-elementi ta’ interpretazzjoni dedotti mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2201/2003

ii)   L-importanza tar-rieda tal-omm fl-evalwazzjoni tar-residenza abitwali ta’ wild li tneħħa legalment

B –   Fuq l-evalwazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali fil-każ ta’ bidla tar-residenza abitwali

1.     Il-kjarifika tal-funzjoni tal-qrati nazzjonali taħt ir-Regolament Nru 2201/2003

2.     L-eżami tal-adegwatezza ta’ rinviju lejn qorti oħra

a)     Ir-rinviju lejn il-qorti tal-post fejn jinsab il-wild: l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2201/2003

b)     Ir-rinviju lejn il-qorti fl-aħjar pożizzjoni: l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2201/2003 u l-eċċezzjoni ta’ forum non conveniens

C –   Konklużjoni

VI – Fuq it-tieni u t-tielet domandi

A –   Osservazzjonijiet preliminari dwar ir-rilevanza tad-domandi magħmula

1.     Pożizzjoni tal-problema

2.     Kunsiderazzjonijiet

B –   Fuq it-tieni domanda

C –   Fuq it-tielet domanda

1.     Osservazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali, tal-gvernijiet tal-Istati Membri kkonċernati u tal-Kummissjoni

2.     Kunsiderazzjonijiet

a)     Kjarifika għat-tielet domanda

b)     Kunflitt bejn deċiżjoni adottata fuq il-bażi tar-Regolament Nru 2201/2003 u deċiżjoni adottata fuq il-bażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri

c)     Kunflitt bejn id-deċiżjonijiet adottati fuq il-bażi tar-Regolament Nru 2201/2003

d)     Konklużjoni

VII – Konklużjonijiet

1.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qegħda għal darb’oħra tintalab tagħti interpretazzjoni dwar numru ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (2), regolament li huwa wkoll magħruf bħala “Brussell IIa”, u dan fil-kuntest ta’ proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

2.        L-ewwel nett, hija mitluba mill-qorti tar-rinviju, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit), sabiex tiċċara wieħed mill-kunċetti prinċipali tar-Regolament Nru 2201/2003, il-kunċett ta’ residenza abitwali li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi dwaru, b’mod partikolari fis-sentenza tagħha tat-2 ta’ April 2009, A (3).

3.        Huwa importanti li jiġi mill-ewwel enfasizzat, li madankollu l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja mhux ser ikun wieħed faċli. Hekk kif ser jiġi kkonstatat, il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, f’ħafna modi atipiċi, ser iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkunsidra b’mod speċifiku ċ-ċirkustanzi li taħthom jista’ jiġi deċiż it-trasferiment tar-residenza abitwali ta’ wild, meta dan ġustament jitneħħa minn Stat Membru għal ieħor mill-persuna li biss ikollha s-setgħa tal-ġenituri fir-rigward tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, se tfittex li tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta ċara għad-domandi tagħha, li tipprovdilha indikazzjonijiet li jippermettulha tiddeċiedi kwistjonijiet diffiċli quddiemha f’konformità sħiħa mar-Regolament Nru 2201/2003, li wieħed mill-għanijiet ewlenin tiegħu huwa li jiżgura s-salvagwardja tal-aqwa interessi tal-wild. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha wkoll tiżgura, min-naħa l-oħra, li tagħti din ir-risposta b’tali mod li tipprovdi lill-qrati nazzjonali kollha l-indikazzjonijiet meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħhom stess skont ir-Regolament Nru 2201/2003. F’din il-perspettiva, ma jistax jiġi eskluż li huwa jwassal sabiex tiddeċiedi b’mod iktar wiesa’ fuq il-funzjoni tal-qrati nazzjonali msejjħa sabiex jeżaminaw il-ġurisdizzjoni tagħhom skont ir-Regolament Nru 2201/2003 sabiex jiddeċiedu kwistjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li jkunu tressqu quddiemhom.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

4.        L-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (4), li huwa ddedikat għad-drittijiet tat-tfal, huwa fformulat hekk kif ġej:

“1.      It-tfal għandhom id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-ġid tagħhom. Huma jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom liberament. Dawn l-opinjonijiet għandhom jitqiesu f’materji li jirrigwardawhom skond l-età u l-maturità tagħhom.

2.      Fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja.

3.      It-tfal kollha għandhom id-dritt li jkollhom, regolarment, relazzjoni personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri, sakemm dan ma jkunx kontra l-interessi tat-tfal.”

5.        Il-premessa 12 tar-Regolament Nru 2201/2003 tindika:

“(12) Ir-raġunijiet ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett ma’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l-minuri jew skond ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità.”

6.        Il-premessa 33 tar-Regolament Nru 2201/2003 tistabbilixxi:

“(33) Dan ir-Regolament jirrikonoxxi d-drittijiet fondamentali u josserva l-prinċipji ta’ [l-Karta]. B’mod partikolari, ifittex li jassigura r-rispett għad-drittijiet fondamentali ta’ l-minuri kif stabbiliti fl-Artikolu 24 ta’ [l-Karta].”

7.        L-Artikolu 2(11) tar-Regolament Nru 2201/2003 jiddefinixxi t-tneħħija llegali jew iż-żamma ta’ wild hekk kif ġej:

“il-kliem ‘tneħħija nġusta jew iż-żamma’ għandhom ifissru t-tneħħija ta’ l-minuri jew iż-żamma fejn;

a)      hemm ksur ta’ liġi tad-drittijiet ta’ kustodja akkwistati permezz ta’ sentenza jew b’operat ta’ liġi jew b’xi fteħim li għandu effett legali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma;

u

b)      iżda, f’dak iż-żmien tat-tneħħija jew iż-żamma, id-drittijiet ta’ kustodja kienu attwalment eżerċitati, konġuntament jew unikament, jew kieku kienu ikunu hekk eżerċitati minħabba t-tneħħija jew iż-żamma. Il-kustodja se tiġi kkunsidrata biex tiġi eżerċitata konġuntament meta, skond sentenza jew b’operat ta’ liġi, wieħed mill-ġenituri li għandu jew għandha r-responsabbilità ma tistax tiddeċiedi dwar il-post ta’ residenza ta’ l-minuri mingħajr il-kunsens ta’ persuna oħra li għandha r-responsabbilità ta’ l-ġenitur.”

8.        L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003, bit-titolu “Il-Ġurisdizzjoni ġenerali”, li jiftaħ it-Taqsima 2 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi r-regoli ta’ ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, jipprovdi:

“1.      Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess.

2.      Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12.”

9.        L-Artikolu 9 ta’ dan l-istess regolament, bit-titolu “Il-Kontinwità ta’ l-gurisdizzjoni tar-residenza abitwali ta’ qabel ta’ l-minuri”, jindika:

“1.      Fejn minuri jiċċaqalqu legalment minn Stat Membru wieħed għall-ieħor u jakkwistaw residenza abitwali ġdida hemmhekk, il-qrati ta’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ qabel se, skond eċċezzjoni għall-Artikolu 8, iż-żomm il-ġurisdizzjoni matul perjodu ta’ tlett xhur wara ċ-ċaqliqa għall-iskop ta’ modifika ta’ sentenza dwar drittijiet ta’ aċċess maħruġa f’dak l-Istat Membru qabel il-minuri ġew imċaqalqin, fejn il-pussessur tad-drittijiet ta’ aċċess skond is-sentenza dwar id-drittijiet ta’ aċċess ikompli jkollu jew ikollha r-residenza abitwali fl-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ qabel, ta’ l-minuri.

2.      Il-Paragrafu 1 m’għandux japplika jekk il-pussessur tad-drittijiet ta’ aċċess imsemmija fil-paragrafu 1 aċċetta l-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ta’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ġdida ta’ l-minuri billi jipparteċipa fi proċedimenti quddiem dawk il-qrati mingħajr jopponi l-ġurisdizzjoni tagħhom.”

10.      L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, iddedikat għall-ġurisdizzjoni f’każijiet ta’ ħtif ta’ wild, jiddisponi:

“F’każ ta’ tneħħija jew żamma nġusta ta’ minuri, il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta għandhom iżommu l-ġurisdizzjoni sakemm il-minuri jakkwistaw residenza abitwali fi Stat Membru ieħor u

a)      kull persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom drittijiet ta’ kustodja taw il-kunsens tagħhom għat-tneħħija jew żamma

jew

b)      il-minuri kellhom residenza f’dak l-Istat Membru l-ieħor għall-perjodu ta’ mill-inqas sena wara li l-persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom drittijiet ta’ kustodja kellhom jew setgħaw kellhom informazzjoni fejn qegħdin il-minuri u l-minuri ġew issistemati fl-ambjent ġdid tagħhom u mill-inqas waħda mill kondizzjonijiet segwenti ġiet milqugħa:

i)      Fi żmien sena wara li l-pussessur tad-drittijiet ta’ kustodja kellu/ha jew seta’ kellu/ha nformazzjoni dwar fejn kienu l-minuri, ma saret l-ebda talba għar-ritorn ppreżentatquddiem l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn il-minuri ġew imneħħija jew miżmuma;

ii)      talba għar-ritorn reġistrata mill-pussessur tad-drittijiet ta’ kustodja ġiet irtirata u l-ebda talba ġdida ma ġiet ippreżentata fiż-żmien limitu skond il-paragrafu (i);

iii)      każ quddiem qorti fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta ġiet magħluq skond l-Artikolu 11(7);

iv)      sentenza dwar kustodja li ma tikkunsidrax li t-talba tar-ritorn ta’ l-minuri tkun inħarġet mill-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija nġusta jew iż-żamma.”

11.      L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003 jinkludi d-dispożizzjonijiet applikabbli għat-talbiet, taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag, tal-25 ta’ Ottubru 1980, dwar l‑Aspetti Ċivili dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri (5), ħalli jinkiseb ir-ritorn ta’ dan, li tneħħa illegalment jew inżamm. Dan huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fejn persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom id-drittijiet ta’ kustodja japplika ma’ l-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru biex joħroġu sentenza dwar il-bażi ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja [Den Haag] ta’ l-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri […], ħalli tikseb ir-ritorn ta’ l-minuri li ġew inġustament imneħħija jew miżmuma fi Stat Membru barra dak li huwa l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta, għandhom japplikaw paragrafi 2 sa 8.

2.      Meta jiġu applikati l-Artikoli 12 u 13 ta' l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980, għandu jiġi assigurat li l-minuri għandhom jiġu mogħtija l-opportunità li tinstema’ x-xhieda tagħhom waqt il-proċedimenti sakemm dan ma jidhirx li dan ma jkunx xieraq minħabba l-età ta’ l-minuri jew il-livell ta’ maturità tagħhom.

3.      Qorti li fiha hemm applikazzjoni għar-ritorn ta’ l-minuri kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha taġixxi bil-ħeffa fil-proċedimenti dwar l-applikazzjoni, billi tuża l-aktar proċedimenti ħfief fix-xogħol li huma disponibbli fil-liġi nazzjonali.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, il-qorti għandha, ħlief fejn ċirkustanzi eċċezzjonali jagħmlu dan impossibli, taqta’ is-sentenza tagħha sa mhux aktar tard minn sitt gimgħat wara li l-applikazzjoni tkun ġiet irreġistrata.

4.      Qorti ma tistax tirrifjuta milli tirritorna minuri a bażi ta’ l-Artikolu 13b ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980 jekk jiġi stabbilit li saru l-arranġamenti xierqa sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta’ l-minuri wara r-ritorn tiegħu jew tagħha.

5.      Qorti ma tistax tirrifjuta milli tirritorna minuri sakemm il-persuna li talbet ir-ritorn ta’ l-minuri tkun ingħatat l-opportunità li tinstema’.

6.      Jekk qorti ħarġet ordni kontra r-ritorn skond l-Artikolu 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980, il qorti għandha immedjatament titrasmetti jew direttament jew mill-awtorità ċentrali tagħha, kopja ta’ l-ordni ta’ l-qorti dwar l- sabiex ma jsirx ir-ritorn u d-dokumenti rilevanti, u partikolarment traskrizzjoni tas-seduti quddiem il-qorti, lill-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni jew lill-awtorità ċentrali fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta, kif determinati mil-liġi nazzjonali. Il-Qorti għandha tirċievi d-dokumenti kollha msemmija fi żmien xahar mid-data ta’ l-ordni sabiex ma jsirx ir-ritorn.

7.      Kemm-il darba il-qrati fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta ġew diġa fil-pussess ta’ wieħed mill-partijiet, il-qorti jew l-awtorità ċentrali li tirċievi l-informazzjoni imsemmija fil-paragrafu 6 għandha tinnotifika lill-partijiet u tistedinhom jagħmlu s-sottomissjonijiet lill-qorti, skond il-liġi nazzjonali, fi żmien tlett xhur tad-data ta’ notifika ħalli l-qorti tkun tista’ teżamina l-kwistjoni ta’ l-kustodja ta’ l-minuri.

Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni li jinstabu f’dan ir-Regolament, il-qorti għandha tagħlaq il-każ jekk ebda sottomissjoni ma tiġi reġistrata mill-qorti fiż-żmien limitu.

8.      Minkejja sentenza biex ma jsirx ir-ritorn skond l-Artikolu 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980, kwalunkwe sentenza li tiġi wara li tirrekjedi r-ritorn ta’ l-minuri maħruġa minn qorti li għandha l-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament għandha tkun infurzabbli skond it-Taqsima 4 ta’ l-Kapitolu III li tinstab aktar l-isfel ħalli jiġi tassigurat ir-ritorn ta’ l-minuri.”

12.      L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2201/2003 jimponi regola dwar il-ġurisdizzjoni bbażata fuq il-preżenza tal-wild fit-termini li ġejjin:

“1.      Fejn ir-residenza abitwali ta’ l-minuri ma tistax tiġi stabbilita u l-ġurisdizzjoni ma tistax tiġi ddeterminata dwar il-bażi ta’ l-Artikolu 12, il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri huma preżenti għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni.

2.      Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għat-tfal li huma refuġjati jew tfal li huma nternazzjonalment spustati minħabba f’xi nkwiet f’pajjiżhom.”

13.      L-Artikolu 19(2) u (3) tar-Regolament Nru 2201/2003 jindika:

“2.      Fejn il-proċedimenti dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar l-istess minuri u li tinkludi l-istess kawża se jidħru quddiem qrati fi Stati Membri differenti, it-tieni qorti li ħadet il-pussess għandha b’mozzjoni tagħha stess żżomm il-proċedimenti sakemm il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti tiġi stabbilita.

3.      Fejn il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti li ħadet il-pussess tiġi stabbilita, it-tieni qorti bil-pussess għandha iċċedi l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.

Fejn il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti li ħadet il-pussess tiġi stabbilita, it-tieni qorti bil-pussess għandha iċċedi l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.”

14.      L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi l-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ reviżjoni ta’ ġurisdizzjoni fil-qrati tal-oriġini hekk kif ġej:

“Il-ġurisdizzjoni ta’ l-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini ma tistax tiġi riveduta. Il-prova ta’ l-politika pubblika imsemmija fl-Artikoli 22(a) u 23(a) ma tistax ssir fuq ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni imsemmija fl-Artikolu 3 sa 14.”

15.      L-Artikolu 60(e) tar-Regolament Nru 2201/2003 jippreċiża:

“Fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, dan ir-Regolament għandu jieħu preċedenza fuq il-konvenzjonijiet li ġejjin dement li jkunu jikkonċernaw kwistjonijiet li huma rregolati minn dan ir-Regolament:

[…]

e)      il-Konvenzjoni ta’ l-Aja [Den Haag] tal-25 ta’ Ottubru ta’ l-1980 dwar l-Aspetti Ċivili Internazzjonali tal-Htif tal-Minuri”.

B –    Id-dritt internazzjonali

16.      Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 1983, ġie ffirmat u rratifikat kemm mir-Repubblika Franċiża, kemm mir-Renju tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, kif ukoll mill-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

17.      L-Artikoli 3 sa 5 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri jiddisponu:

“Artikolu 3

Ir-rimozzjoni [It-tneħħija] jew ir-ritenzjoni [iż-żamma] ta’ minuri għandhom jitqiesu bħala illeċiti [illegali] meta:

a)      dan ikun bi ksur tad-drittijiet ta’ kustodja, vestiti f’persuna, istituzzjoni jew enti oħra, kemm singolarment, kif ukoll konġuntement, taħt il-liġi ta’ l-Istat fejn il-minuri kien soltu joqgħod minnufih qabel ir-rimozzjoni jew ritenzjoni;

b)      fil-waqt tar-rimozzjoni jew tar-ritenzjoni dawk id-drittijiet kienu attwalment eżerċitati, jew konġuntement sew singolarment, jew kienu jkunu hekk eżerċitati kieku ma kienx għar-rimozzjoni jew għar-ritenzjoni.

Id-drittijiet ta’ kustodja imsemmija fis-subparagrafu (a) hawn aktar qabel oriħinaw b’mod partikolari mill-operat tal-liġi jew bis-saħħa ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva, jew bis-saħħa ta’ ftehim li jkollu effett legali skond il-liġi ta’ dak l-Istat.

Artikolu 4

Il-Konvenzjoni tapplika għal kull minuri li kien soltu joqgħod fi Stat Kontraenti minnufih qabel ikunu nkisru d-drittijiet ta’ kustodja jew ta’ aċċess. Il-Konvenzjoni ma tibqax tapplika meta l-minuri jagħlaq is-sittax il-sena.

Artikolu 5

Għall-għanijiet ta’ din il-Konvenzjoni:

a)      ‘drittijiet ta’ kustodja’ jinkludu d-drittijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kura tal-persuna tal-minuri u, b’mod partikolari, id-dritt li jiġi determinat il-post tar-residenza tal-minuri;

b)      ‘drittijiet ta’ aċċess’ jinkludu d-dritt li minuri jittieħed għal żmien limitat f’post differenti minn fejn soltu joqgħod.”

18.      L-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri huwa fformulat hekk kif ġej:

“Minkejja d-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu ta’ qabel, l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva ta’ l-Istat rikjest m’hiex marbuta li tordna r-ritorn tal-minuri jekk il-persuna, istituzzjoni jew enti oħra li topponi r-ritorn iġġib prova li:

a)      il-pesuna, istituzzjoni jew enti oħra li jkunu vestiti bil-kura tal-persuna tal-minuri ma kienux attwalment qegħdin jeżerċitaw id-drittijiet tal-kustodja fiż-żmien meta jkun tneħħa jew inżamm il-minuri jew li taw il-kunsens tagħhom jew sussegwentement baqgħu siekta għar-rimozzjoni [għat-tneħħija] jew ritenzjoni [zamma] tal-minuri; jew

b)      jkun hemm riskju kbir li r-ritorn tal-minuri se jesponih għal dannu fiżiku jew psikoloġiku jew inkella jqiegħed lill-minuri f’sitwazzjoni intollerabbli.

L-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tista’ wkoll tirrifjuta li tordna r-ritorn tal-minuri jekk issib li l-minuri joġġezzjona għar-ritron tiegħu u jkun laħaq età u livell ta’ maturità li jkun tajjeb li wieħed jagħti każ tal-fehmiet tiegħu.

Meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi msemmija f’dan l-Artiklu, l-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi għandhom iqisu l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-isfond soċjali tal-minuri kif provduta mill-Awtorità ċentrali jew minn xi awtorità kompetenti oħra tal-post fejn ikun soltu joqgħod il-minuri.”

C –    Id-dritt nazzjonali

19.      Jidher mid-deċiżjoni tar-rinviju li, fl-Ingilterra u f’Wales, fil-proċeduri tad-dritt privat li jikkonċernaw tfal, il-qrati jistgħu jadottaw taħt it-Taqsima 8 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tat-Tfal tal-1989 (Children Act 1989), digrieti dwar ir-residenza (“residence order”), id-dritt ta’ aċċess (“contact order”) li jiġu pprojbiti ċerti atti (“prohibited steps order”) (“ordnijiet”) jew dwar diffikultajiet speċifiċi (“specific issue order”).

20.      Taħt it-Taqsima 4 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tat-Tfal tal-1989, qorti tista’ wkoll tordna li missier ikun detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri għal wild. Fl-Ingilterra u f’Wales, fil-fatt, meta missier ma jkunx miżżewweġ lill-omm binhom, dan ma jibbenefikax mir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq il-wild ipso iure. Huwa jrid jikseb ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew billi jiġi msemmi bħala l-missier fuq iċ-ċertifikat tat-twelid tat-tarbija, jew billi jiġi konkluż ftehim dwar ir-responsabbilità tal-ġenituri mal-omm, jew permezz ta’ digriet li jagħtih ir-responsabbiltà tal-ġenituri (“parental responsability order”).

21.      Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni tar-rinviju tippreċiża li l-qrati tal-Ingilterra u ta’ Wales aċċettaw (6), li meta dawn titressaq quddiemhom talba ta’ dritt ta’ kustodja fir-rigward ta’ wild, huma stess ikunu jistgħu jiksbu tali dritt ta’ kustodja fir-rigward ta’ dak l-istess wild jekk ir-rikorrent għad ma jkollux dan id-dritt.

II – Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

A –    Iċ-ċirkustanzi li wasslu għall-kawża prinċipali

22.      Il-fatti fil-kawża prinċipali, fuq il-bażi ta’ informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, siltiet meħuda mid-dokumenti tar-rikorrenti u tal-konvenut fil-kawża prinċipali jew miġbura matul is-seduta, jistgħu jinġabru fil-qosor hekk kif ġej.

23.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Mercredi, ċittadina Franċiża, u l-konvenut fil-kawża prinċipali, Chaffe, ċittadin Britanniku, huma l-ġenituri ta’ tifla wkoll ċittadina Franċiża, imwielda barra miż-żwieġ fir-Renju Unit fil-11 ta’ Awwissu 2009. Huma għexu flimkien għal bosta snin, sal-1 ta’ Awissu 2009, data li fiha l-missier telaq mir-residenza komuni.

24.      Fis-7 ta’ Ottubru 2009, jiġifieri xahrejn wara, l-omm telqet mill-Ingilterra ma’ bintha lejn il-pajjiż fejn tirrisjedi l-familja tagħha, il-gżira ta’ Réunion, dipartiment Franċiż extra-Ewropew, fejn huma waslu l-għada, fit-8 ta’ Ottubru 2009. Huwa stabbilit li missier it-tifla ma kienx ġie infurmat bit-tluq tagħhom. Huwa wkoll stabbilit li dan it-tluq kien legali, billi f’din id-data, l-omm tal-wild kienet l-uniku detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tat-tifla.

25.      Missier it-tifla ppreżenta numru ta’ rikorsi kemm quddiem diversi qrati Ingliżi sabiex jikseb ir-responsabbiltà tal-ġenituri, id-dritt ta’ kustodja u/jew drittijiet ta’ aċċess fir-rigward tat-tifla kif ukoll quddiem il-qrati Franċiżi taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri. L-omm ukoll ippreżentat rikors quddiem il-qrati Franċiżi, sabiex tikseb ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tat-tifla kif ukoll id-dritt ta’ kustodja.

B –    Il-proċeduri mibdija fl-Ingilterra

26.      Fid-9 ta’ Ottubru 2009, jiġifieri jumejn wara t-tluq tal-omm u t-tifla, il-missier tat-tifla, ippreżenta telefonikament rikors quddiem l-Imħallef tal-għassa tal-High Court of Justice (England & Wales), Family Division (ir-Renju Unit) (“Duty High Court Judge”). Fl-istess jum, id-Duty High Court Judge li quddiemu tressaq dan ir-rikors, ta digriet li bih talab il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar fejn tinsab it-tifla (“location order”) u ordna li din il-kawża titressaq quddiemu fit-12 ta’ Ottubru segwenti.

27.      Fit-12 ta’ Ottubru 2009, missier it-tifla ressaq it-talbiet tiegħu waqt is-seduta quddiem id-Duty High Court Judge, fejn b’mod partikolari talab sabiex jingħata r-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tat-tifla, sabiex tingħata residenza alternattiva u sabiex ikollu dritt ta’ aċċess. Fl-istess jum, id-Duty High Court Judge ta digriet li jeżiġi r-ritorn tat-tifla fit-territorju tal-Ingilterra u Wales. Huwa stabbilit li omm it-tifla la kienet taf bit-talba mressqa mill-missier u lanqas ma kienet preżenti u rrappreżentata legalment għal din is-seduta.

28.      F’dan id-digriet tat-12 ta’ Ottubru 2009, id-Duty High Court Judge, l-ewwel nett qis li d-data li fiha tressqet il-kawża quddiem il-qorti Ingliża kienet dik li fiha missier it-tifla kien ikkuntattja telefonikament, jiġifieri fid-9 ta’ Ottubru 2009, it-tieni nett, li kemm il-qorti Ingliża kif ukoll missier it-tifla kienu minn dik id-data, jiddisponu mid-dritt ta’ kustodja tat-tifla, it-tielet nett, li sa dik id-data t-tifla dejjem kellha r-residenza abitwali tagħha fl-Ingilterra u, ir-raba’ nett u konsegwentement, li l-qrati Ingliżi kellhom ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ dik it-tifla.

29.      Huwa stabbilit li fis-16 ta’ Ottubru 2009 l-omm irċeviet in-notifika tad-digriet tat-12 ta’ Ottubru 2009, illi hija madankollu naqset milli tikkonforma miegħu.

30.      Fil-15 ta’ Ottubru 2009, il-missier ippreżenta talba taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri (7).

31.      Fit-28 ta’ Ottubru 2009, omm it-tifla bdiet proċedura quddiem it-tribunal de grande istance de Saint-Denis (Franza) (8).

32.      Fis-26 ta’ Jannar 2010, missier it-tifla ressaq kawża addizzjonali fil-kuntest tal-proċeduri mibdija quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Family Division (ir-Renju Unit), sabiex jiġi stabbilit li t-tifla kellha r-residenza abitwali tagħha fl-Ingilterra, li l-qrati Ingliżi kellhom ġurisdizzjoni esklussiva fir-rigward tat-tifla, li kemm huwa nnifsu kif ukoll il-qrati Ingliżi kellhom id-dritt ta’ kustodja tat-tifla u li din tal-aħħar kienet illegalment inżammet fir-Réunion. Dawn it-talbiet intlaqgħu pprovviżorjament permezz ta’ digriet li, barra minn dan, jistieden ukoll lill-omm li tipproduċi l-provi. Dan id-digriet ġie trażmess lill-awtorità ċentrali Franċiża u nnotifikat lill-omm.

33.      Fil-15 ta’ April 2010, il-każ ġie eżaminat mill-High Court of Justice (England & Wales), Family Division (ir-Renju Unit). Fid-digriet mogħti fl-istess jum, il-High Court of Justice (England & Wales), Family Division, ikkunsidrat li d-data li fiha tressqet il-kawża quddiem il-qorti Ingliża kienet id-9 ta’ Ottubru 2009, data li fiha missier it-tifla kien ikkuntattja telefonikament lid-Duty High Court Judge u li, minn dik id-data, il-qorti Ingliża kellha dritt ta’ kustodja tat-tifla. Hija ddeċidiet li missier it-tifla wkoll kellu dritt ta’ kustodja sa minn dik id-data, billi ngħataw xi digrieti favur tiegħu. Fl-aħħar nett, hija qieset li t-tifla dejjem kellha r-residenza abitwali tagħha fl-Ingilterra fil-mument meta l-qorti Ingliża u l-missier kienu kisbu d-dritt ta’ kustodja u li, għalhekk, fid-9 ta’ Ottubru 2009, il-qrati Ingliżi kellhom ġurisdizzjoni.

34.      Huwa stabbilit li omm it-tifla ma kinitx preżenti għas-seduta tal-15 ta’ April 2010, iżda li l-avukat Franċiż tagħha ressaq osservazzjonijiet bil-miktub.

35.      Fid-29 ta’ Ġunju 2010, missier it-tifla talab lit-tribunal de grande instance de Saint-Denis li tirrikonoxxi u tinforza d-digriet tal-High Court of Justice (England & Wales), Family Division.

36.      Fl-24 ta’ Ġunju u fit-12 ta’ Lulju 2010, il-High Court of Justice (England & Wales), Family Division, tat digrieti oħra, bl-aħħar wieħed jeħtieġ li omm it-tifla tiżgura li t-tifla tista’ provviżorjament ikollha kuntatt ma’ missierha fir-Réunion bejn id-29 ta’ Lulju u t-12 ta’ Awwissu 2010.

37.      Fit-12 ta’ Lulju 2010, omm it-tifla ressqet appell kontra d-digrieti tad-Duty High Court Judge tat-12 ta’ Ottubru 2009 u tal-High Court of Justice (England & Wales), Family Division, tal-15 ta’ April 2010 quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division), li ddeċidiet tressaq talba għal deċiżjoni preliminari.

C –    Il-proċeduri mibdija fi Franza

1.      Il-proċeduri mibdija mill-omm

38.      Fit-28 ta’ Ottubru 2009, omm it-tifla ressqet talba quddiem it-tribunal de grande istance de Saint-Denis sabiex tikseb ir-responsabbiltà tal-ġenituri esklużiva fir-rigward tat-tifla u li r-residenza attwali tat-tifla tiġi stabbilita bħala l-indirizz tagħha. Missier it-tifla ma kienx innotifikat bil-ftuħ ta’ din il-proċedura, li huwa sar jaf dwarha fil-kuntest tal-proċedura mibdija taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri.

39.      Fis-27 ta’ Jannar 2010, l-avukati ta’ missier it-tifla talbu lit-tribunal de grande instance de Saint-Denis tissospendi l-proċeduri dwar it-talbiet tal-omm, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri u tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003.

40.      Permezz tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 2010, it-tribunal de grande istance de Saint-Denis ta lill-omm ir-responsabbiltà tal-ġenituri esklużiva fir-rigward tat-tifla u stabbilixxa r-residenza tagħha fl-indirizz tal-omm. Missier it-tifla la kien preżenti u lanqas kien irrappreżentat fis-seduta li nżammet fil-31 ta’ Mejju 2010.

2.      It-talba tal-missier taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri

41.      Fil-15 ta’ Ottubru, 2009, missier it-tifla ressaq talba quddiem l-awtorità ċentrali Ingliża fejn talab għar-ritorn tal-tifla fl-Ingilterra u f’Wales taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, li wasslet, fit-18 ta’ Diċembru 2009, għall-ftuħ ta’ proċedura quddiem it-tribunal de grande istance de Saint-Denis.

42.      It-tribunal de grande istance de Saint-Denis kienet ordnat lill-omm tidher quddiemha taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri. Il-konvokazzjoni kienet speċifikament tirrigwarda d-digriet tad-Duty High Court Judge tat-12 ta’ Ottubru 2009.

43.      It-talba tal-missier taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri ġiet miċħuda fil-15 ta’ Marzu 2010, minħabba li huwa ma kellux dritt ta’ kustodja taħt l-Artikoli 3 u 5 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri.

III – Id-domandi preliminari u t-talba għal deċiżjoni preliminari b’urġenza

44.      Wara li tressaq quddiemha l-appell ta’ omm it-tifla, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division), permezz tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Ottubru 2010, iddeċidiet li tagħmel it-tliet domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Liema huwa t-test adegwat sabiex tiġi ddeterminata r-residenza abitwali ta’ minuri għall-finijiet tal-:

–        Artikolu 8 tar-Regolament […] Nru 2201/2003;

–        Artikolu 10 tar-Regolament […] Nru 2201/2003?

2)      Qorti hija “istituzzjoni jew xi korp ieħor” li tista’ tingħata drittijiet ta’ kustodja għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament […] Nru 2201/2003?

3)      L-Artikolu 10 jibqa’ applikabbli wara li l-qrati tal-Istat Membru mitlub ikunu ċaħdu talba għar-ritorn tal-minuri taħt il-Konvenzjoni tal-Aja [ta’ Den Haag] dwar il-Ħtif [Internazzjonali] ta’ Minuri għar-raġuni li l-Artikoli 3 u 5 ma jkunux sodisfatti?

      B’mod partikolari, kif għandu jiġi riżolt kunflitt bejn determinazzjoni magħmula mill-Istat mitlub li r-rekwiżiti tal-Artikoli 3 u 5 tal-Konvenzjoni tal-Aja [ta’ Den Haag] dwar il-Ħtif [Internazzjonali] ta’ Minuri mhumiex sodisfatti u determinazzjoni mill-Istat li jagħmel it-talba li r-rekwiżiti tal-Artikoli 3 u 5 huma sodisfatti?”

45.      Il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division), fid-deċiżjoni tagħha tar-rinviju, indikat li talbet għall-proċedura b’urġenza, minħabba li s-suġġett tar-rinviju huwa li jidentifika l-qorti kompetenti skont id-dritt tal-Unjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-ulied. Hija tippreċiża li sakemm ma tiġix identifikata l-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni, l-ebda deċiżjoni ma tista tittieħed fuq it-talbiet minn missier it-tifla sabiex jikseb digriet li jippermettilhom ikollhom kuntatt.

46.      Permezz tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 2010, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tipproċedi għat-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex tissottometti din il-kawża għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

47.      Ir-rikorrenti u l-konvenut fil-kawża prinċipali, il-Gvern tar-Renju Unit, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Irlandiż u l-Gvern l-Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fis-seduta li saret fl-1 ta’ Diċembru 2010.

IV – Osservazzjonijiet preliminari

48.      Qabel ma jsir eżami tad-domandi tal-qorti tar-rinviju, huwa neċessarju li jiġu ċċarati żewġ punti ta’ importanza għall-iżviluppi kollha segwenti.

49.      L-ewwel punt, li jirrigwarda l-kwalifika legali dwar is-sitwazzjoni li hija l-oriġini tal-kawża prinċipali, ma jirrikjedix għal issa żviluppi fit-tul. Għandu jinżamm amment li t-tneħħija tat-tifla seħħet b’mod legali kemm taħt ir-Regolament Nru 2201/2003 kif ukoll taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, hekk kif ser ikollna l-okkażjoni nenfasizzaw fil-kuntest tal-eżami tar-rilevanza tat-tieni u tat-tielet domandi (9), li kemm missier (10) u omm it-tifla, il-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet kif ukoll il-Kummissjoni qablu ma’ dan.

50.      It-tieni punt, dwar id-data rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni internazzjonali skont ir-Regolament Nru 2201/2003, huwa madankollu ftit iktar delikat.

51.      B’mod ġenerali, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jippreċiża li hija d-data li fiha l-qorti ta’ Stat Membru titressaq kawża quddiemha li għandha tiddetermina jekk il-wild għandhux residenza abitwali f’dan l-Istat Membru. Jekk il-wild għandu r-residenza abitwali tiegħu fl-Istat Membru tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża, mill-jum ta’ dan it-tressiq, din tkun tista’ tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003. Min-naħa l-oħra, jekk il-wild ma għadx għandu residenza abitwali fl-Istat Membru tal-qorti fil-jum li fiha sar dan it-tressiq, din tal-aħħar ma tistax tikkunsidra li għandha ġurisdizzjoni, għall-inqas fuq il-bażi tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003. Madankollu, hija tista’ eventwalment tassumi l-ġurisdizzjoni skont iċ-ċirkustanzi, fuq il-bażi tal-Artikoli 9, 10, 12 jew 14 tar-Regolament Nru 2201/2003 jew ukoll tirrifjuta l-ġurisdizzjoni fuq il-bażi tal-Artikoli 13 jew 15 ta’ dan ir-regolament (11).

52.      Fid-deċiżjoni tagħha ta’ rinviju, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) enfasizzat li żewġ dati jistgħu jitqiesu bħala rilevanti f’dan il-kuntest, dawk tad-9 ta’ Ottubru 2009, data li fiha l-missier tat-tifla ppreżenta telefonikament rikors quddiem id-Duty High Court Judge, u dik tat-12 ta’ Ottubru 2009, data li fiha l-missier formalment ippreżenta dawn it-talbiet matul is-seduta quddiem l-istess Imħallef. Fid-digriet tagħha tal-15 ta’ April 2010, il-High Court of Justice (England & Wales), Family Division, espressament indikat li mill-filgħaxija tad-9 ta’ Ottubru 2009, qorti Ingliża kienet tressqet kawża quddiemha u din, bħall-missier, kellha dritt ta’ kustodja fil-konfront tal-wild.

53.      F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm huwa għall-qorti tar-rinviju li tiddetermina liema minn dawn iż-żewġ dati għandha tiġi kkunsidrata rilevanti, ir-Regolament Nru 2201/2003 inniffsu jistabbilixxi huwa stess il-kundizzjonijiet li taħthom qorti hija meqjusa li tressqet kawża quddiemha.

54.      Fil-fatt, l-Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 jippreċiża li qorti għandha tiġi kkunsidrata li tressqet kawża quddiemha fid-data li fiha l-att promotur jew att ekwivalenti jiġi ppreżentat lill-qorti, sakemm ir-rikorrent ma naqasx sussegwentement milli jieħu l-miżuri neċessarji sabiex issir in-notifika ta’ dan l-att lill-konvenut (12).

55.      Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali u fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, jidher li hija biss id-data tat-12 ta’ Ottubru 2009 li tista’ tiġi kkunsidrata rilevanti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2201/2003, filwaqt li huwa ppreċiżat li madankollu huwa għall-qorti li tiżgura li l-proċeduri ta’ notifika jitwettqu fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (13).

56.      Madankollu, huwa importanti li jiġi enfasizzat li tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari fil-kuntest ta’ appell kontra żewġ digrieti mogħtija minn żewġ qrati differenti li t-tnejn iddeċidew dwar il-ġurisdizzjoni tagħhom taħt ir-Regolament Nru 2201/2003, l-ewwel waħda ftit wara t-tluq tal-omm ma’ bintha, fit-12 ta’ Ottubru 2009, it-tieni darba sitt xhur wara dan it-tluq, fil-15 ta’ April 2010.

57.      Din il-partikolarità, marbuta flimkien man-natura ġenerali tal-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, tagħmilha diffiċli li wieħed jiddetermina jekk din hijiex ser tiddeċiedi fl-appell fuq il-ġurisdizzjoni taż-żewġ qrati inferjuri jew, fil-kuntest ta’ dan l-appell, dwar il-ġurisdizzjoni tagħha stess skont ir-Regolament Nru 2201/2003. Madankollu, id-determinazzjoni tar-residenza abitwali tal-wild huwa, fid-dawl tal-kriterji ddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha A, iċċitata iktar ’il fuq, u għal dawk li ser jiżdiedu fil-kuntest ta’ din il-kawża, kompitu ferm iktar diffiċli sabiex jitwettqu fl-ewwel sitwazzjoni iktar milli f’din tal-aħħar (14). L-iżviluppi li jirriżultaw, jitilqu, madankollu, mill-premessa li d-determinazzjoni tar-residenza abitwali tal-wild għandha sseħħ fid-data li fiha tressqet il-kawża inizjalment, it-12 ta’ Ottubru 2009, quddiem il-qrati Ingliżi, bil-preċiżazzjoni li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi l-pożizzjoni li bi ħsiebha tadotta f’dan ir-rigward.

V –    Fuq l-ewwel domanda

58.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tipprovdi t-“test” adegwat li jiddetermina r-residenza abitwali tal-wild fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003 (15). Huwa pjuttost diffiċli li jiġi ddeterminat prima facie jekk il-qorti tar-rinviju hux qed tistenna mill-Qorti tal-Ġustizzja risposta ġenerali għal domanda astratta jew jekk għall-kuntrarju, hi tridx risposta adatta għaċ-ċirkustanzi tal-kawża quddiemha. Madankollu, jidher li hija trid risposta konkreta għall-problema quddiemha.

59.      B’dan il-mod, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi direttament sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tagħha taħt ir-Regolament Nru 2201/2003 fuq il-kunċett tar-residenza abitwali, hekk kif b’mod partikolari jidher mill-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament. Minn dan jista’ jiġi dedott li r-residenza hija l-unika bażi li fuqha tista’ tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali. Madankollu, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 huwa parti minn skema ikbar. L-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament jiddikjara espressament li l-ġurisdizzjoni ġenerali li huwa jistabbilixxi hija fondata biss jekk kwalifiki oħra ma humiex u r-residenza abitwali hija biss miżura waħda fost oħrajn, li huma ugwalment suxxettibbli li sussidjarjament jistabbilixxu ġurisdizzjoni.

60.      Minn dan il-lat, għandu jiġi indikat lill-qorti tar-rinviju li l-ewwel “test” li jippermetti li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni taħt ir-Regolament Nru 2201/2003 għandu jitfittex fil-pożizzjoni sistematika tal-kunċett ta’ residenza abitwali fl-iskema ta’ dan ir-regolament. Il-kunċett ta’ residenza abitwali, għalkemm importanti, joffri biss possibbiltajiet limitati. Dan għandu jinftiehem bħala kunċett, li meta jkun il-waqt, jagħti postu lill-kunċetti oħra jew kategoriji alternattivi.

61.      Huwa għalhekk li jiena tal-opinjoni li r-risposta li għandha tingħata lill-ewwel domanda għandha tkun f’żewġ stadji. Matul l-ewwel stadju, ser infittex li nwessa’ kemm jista’ jkun possibbli dawk il-punti li jirriżultaw mis-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq (16), b’tali mod li nipprova dejjem nieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali u mingħajr ma nissostitwixxi ruħi għall-qorti tar-rinviju fil-kompitu tagħha li tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Fit-tieni stadju u sabiex nagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju, bi ħsiebi li niġbed l-attenzjoni kollha fuq il-mezzi kollha li joffri r-Regolament Nru 2201/2003 sabiex jintlaħaq l-għan ewlieni, li jiġi żgurat d-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni.

A –    Fuq id-determinazzjoni tar-“residenza abitwali” tal-wild

62.      Fis-sentenza tagħha A, iċċitata iktar ’il fuq (17), il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet interpretazzjoni tal-kunċett ta’ residenza abitwali ta’ wild fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 mfassal b’mod li jippermetti lill-qrati nazzjonali li jiddeċiedu fi kwalunkwe każ dwar il-ġurisdizzjoni tagħhom taħt dan ir-regolament. Madankollu, jidher mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-metodoloġija magħżula mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża ma hijiex suffiċjenti. Jidher li hemm il-ħtieġa ta’ indikazzjonijiet addizzjonali li jippermettu lill-qrati nazzjonali jifhmu sitwazzjonijiet li fihom kien hemm trasferiment tar-residenza abitwali ta’ wild.

1.      Il-kunċett ta’ residenza abitwali: lezzjonijiet mis-sentenza A

63.      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstat fis-sentenza tagħha A, iċċitata iktar ’il fuq, li r-Regolament Nru 2201/2003 ma jagħtix definizzjoni tal-kunċett ta’ residenza abitwali u li ma jagħmel l-ebda referenza espressa għad-drittijiet tal-Istati Membri sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-kunċett tagħha. Skont il-ġurisprudenza tagħha, din għandha tiġi ddeterminata fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet rilevanti li jirriżultaw mill-għan imfittex minn dan ir-regolament. F’dan il-kuntest, hija enfasizzat l-għan li jirriżulta mill-premessa 12 tar-Regolament Nru 2201/2003, li r-regoli rigward ġurisdizzjoni huma stabbiliti fl-aqwa interessi tal-wild, u b’mod partikolari, tal-kriterju ta’ qrubija (18).

64.      Il-kunċett ta’ residenza abitwali taħt ir-Regolament Nru 2201/2003 huwa kunċett Komunitarju li konsegwentement għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha (19). Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, f’dan ir-rigward, li din l-awtonomija għandha twassal għal ċerta indipendenza fir-rigward ta’ kunċetti, li huma identiċi jew qrib, użati f’oqsma oħra tad-dritt Komunitarju, bħas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti u tad-dritt tas-servizz pubbliku (20).

65.      It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-residenza abitwali ta’ wild “għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi fattwali kollha li huma partikolari għal kull każ” (21). F’dan ir-rigward hija ppreċiżat li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra l-preżenza fiżika tal-wild fi Stat Membru, il-fatturi li aktarx juru li din il-preżenza ma kinitx temporanja jew okkażjonali u li r-residenza tat-wild tirrifletti livell ta’ integrazzjoni fl-ambjent soċjali u tal-familja (22). Fost il-fatturi elenkati hemm it-tul, r-regolarità, il-kundizzjonijiet u r-raġunijiet wara r-residenza fuq it-territorju ta’ Stat Membru u tat-trasferiment tal-familja f’dan l-Istat, iċ-ċittadinanza tal-wild, il-post u l-kundizzjonijiet ta’ tagħlim, il-konoxxenzi lingwistiċi kif ukoll ir-rapporti fil-familja u dawk soċjali tal-wild ma’ dan l-Istat (23). Hija żiedet li l-intenzjoni tal-ġenituri li jistabbilixxu ruħhom mal-wild fi Stat Membru ieħor, permezz ta’ miżuri tanġibbli, bħax-xiri jew il-kiri ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, jista’ jindika l-intenzjoni ta’ bidla fir-residenza abitwali (24).

66.      Mis-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li r-residenza abitwali fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, “tikkorrispondi mal-post li jirrifletti ċerta integrazzjoni tal-minuri f’ambjent soċjali u familjari”. Madankollu, din is-sentenza fil-fatt tipprovdi iktar minn definizzjoni waħda tal-kunċett ta’ residenza abitwali. Hija tistabbilixxi l-prinċipji ta’ test li jidentifika r-residenza abitwali ta’ wild. Dan it-test jikkonsisti fl-evalwazzjoni u l-inklużjoni ta’ numru ta’ kriterji oġġettivi u suġġettivi, kwantitattivi u kwalitattivi, temporali u intenzjonali, li jistgħu jistabbilixxu l-integrazzjoni ta’ wild f’ambjent soċjali u ta’ familja, integrazzjoni li għandha jkollha ċerta intensità.

67.      It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien għall-qrati nazzjonali li jiddeterminaw ir-residenza abitwali ta’ wild, li kellhom jagħmlu evalwazzjoni komprensiva tas-sitwazzjoni, evalwazzjoni globali tal-elementi differenti u ta’ indikazzjonijiet rilevanti (25). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma pprovdietx kriterji iktar preċiżi dwar l-obbligi imposti f’dan ir-rigward fuq il-qrati nazzjonali.

68.      Wara li semmejna dan, jista’ jiġi kkunsidrat li s-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq, sa fejn din tipprovdi l-qafas, il-kriterji u l-metodoloġija għad-determinazzjoni tar-residenza abitwali ta’ wild fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003, kienet diġà ngħatat risposta eżatta u sħiħa għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

69.      Din ma hijiex il-fehma tal-qorti tar-rinviju li, għalkemm hija bilfors kienet taf bis-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq, madankollu ħassitha obbligata li tagħmel din id-domanda (26).

70.      Jidher b’mod ċar li l-qorti tar-rinviju tixtieq li l-Qorti tal-Ġustizzja tmur lil hinn mill-punti diġà fformulati fis-sentenza tagħha A, iċċitata iktar ’il fuq, li tipprovdi indikazzjonijiet iktar preċiżi li jippermettulha li tiżen, skont id-dritt tal-Unjoni, l-argumenti kontradittorji mressqa mill-partijiet fil-kawża prinċipali dwar dan il-punt u li tiddeċiedi l-kwistjoni mressqa quddiemha. Id-domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tinftiehem, xejn iktar u xejn inqas, bħala stedina biex jiġu ppreċiżati l-kriterji li jippermettu d-determinazzjoni ta’ liema ċirkustanzi jistgħu jiġu kkunsidrati li, fil-każ ta’ wild li legalment telaq ma’ ommu mit-territorju ta’ Stat Membru fejn huwa kellu residenza abitwali, kien hemm “telf” tar-residenza abitwali inizjali u ksib ta’ residenza abitwali ġdida.

2.      It-“telf” u l-“ksib” ta’ residenza abitwali fil-każ ta’ tneħħija legali

a)      Il-kundizzjonijiet ta’ trasferiment ta’ residenza abitwali

71.      Sabiex wieħed jista’ jikkunsidra li kien hemm bdil ta’ residenza abitwali, irid ikun hemm “telf” tar-residenza abitwali inizjali u “ksib” ta’ residenza abitwali ġdida (27). Jekk persuna waħda tista’ tabilħaqq ikollha diversi residenzi “sempliċi”, dan madankollu ma jistax ikollu iktar minn residenza abitwali waħda. Barra minn dan, is-sitwazzjoni ta’ persuna li tiddeċiedi li tħalli Stat Membru sabiex tmur tgħix f’ieħor u tgħix hemm b’mod permanenti, ma huwiex l-istess bħal ta’ persuna li inizjalment tistabbilixxi b’mod temporanju r-residenza sempliċi tagħha fi Stat Membru, iżda li eventwalment wara ċertu żmien tispiċċa sabiex tibqa’ hemm. Fl-ewwel każ, it-telf tar-residenza abitwali inizjali u l-ksib tal-ġdida huma avvenimenti simultanji. Fit-tieni każ, il-ksib tar-residenza abitwali fl-Istat Membru l-ġdid wisq probabbli ma jistax jiġi kkunsidrat bħala effettiv jekk mhux biss wara ċertu perijodu ta’ żmien (28). Madankollu, jibqgħu jridu jiġu ddeterminati l-kriterji tat-telf u tal-ksib ta’ residenza abitwali.

b)      Il-kriterji ta’ trasferiment ta’ residenza abitwali

72.      Attenzjoni partikolari f’dan ir-rigward għandha tingħata għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2201/2003 kif ukoll, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, dwar ir-rieda ta’ omm il-wild.

i)      L-elementi ta’ interpretazzjoni dedotti mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2201/2003

73.      Fejn wild jitneħħa legalment minn Stat Membru għal ieħor fejn jikseb residenza abitwali ġdida, l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi għal estensjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali inizjali, b’mod partikolari għal perijodu ta’ tliet xhur. Ir-Regolament Nru 2201/2003 għalhekk jirrikonoxxi li wild jista’ jikseb residenza abitwali ġdida fi żmien tliet xhur (29).

74.      L-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, skont il-verżjoni lingwistika użata, tista’ tagħti lok għal differenzi żgħar fl-interpretazzjoni, jekk mhux diverġenti. Għalhekk, pereżempju, il-verżjoni Ġermaniża (30) ta’ din id-dispożizzjoni pjuttost tenfasizza l-idea li tneħħija legali normalment twassal għall-ksib ta’ residenza abitwali ġdida, waqt illi mill-verżjoni Franċiża (31) jirriżulta b’mod ċar li l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-wild ikun ġie legalment imneħħi, minn naħa, u li jkun kiseb residenza abitwali ġdida, min-naħa l-oħra.

75.      Mingħajr ma noqgħod nitkellem fit-tul dwar il-ġurisprudenza magħrufa tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ testi multilingwi tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi mfakkar li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-verżjonijiet lingwistiċi kollha u f’termini li jirrigwardaw kemm l-iskema ġenerali kif ukoll l-iskop tar-regolament li hija tikkostitwixxi element tagħha (32) kif ukoll tar-rieda reali tal-awtur u tal-għan imfittex minn din tal-aħħar (33).

76.      Minkejja t-titolu kemmxejn qarrieqi tiegħu (34), l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2201/2003, fil-fatt jistabbilixxi l-prinċipju ta’ trasferiment tal-ġurisdizzjoni għall-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali l-ġdida tal-wild fil-każ ta’ tneħħija legali ta’ dan. Il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tar-residenza inizjali tinżamm biss għal perijodu limitat ta’ tliet xhur, sabiex jippermettu lid-detentur ta’ dritt ta’ aċċess li huwa mġiegħel jaċċetta t-tneħħija tal-wild jippreżenta rikors quddiem il-qrati li jkunu tawh dan id-dritt ta’ aċċess sabiex dan jiġi emendat ħalli jirrifletti ċ-ċirkustanzi l-ġodda.

77.      Id-dispożittiv stabbilit minn din id-dispożizzjoni jeżiġi, għalhekk, li t-tluq b’mod legali ta’ persuna li għandha l-awtorità tal-ġenituri fir-rigward tal-wild lejn Stat Membru ieħor normalment jimplika l-ksib ta’ residenza abitwali ġdida f’dan l-Istat Membru. Għaldaqstant, ħlief sakemm ikun hemm ċirkustanzi speċjali, tluq b’mod legali normalment ikun jinvolvi t-trasferiment tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istat Membru tat-tluq lejn il-qrati tal-Istat Membru tal-wasla, li huma meqjusa fl-aħjar pożizzjoni bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ qrubija (35).

78.      Billi jista’ jiġi dedott mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2201/2003 li t-tneħħija legali minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor, sakemm din tkun tidher bħala tluq indefinit u mhux ċikliku f’dan l-Istat Membru, tikkostitwixxi evidenza qawwija biżżejjed biex tikseb residenza abitwali f’dan tal-aħħar, b’dan il-kriterju jrid jiġi elevat għall-grad ta’ preżunzjoni, għalkemm żgħira, ta’ ksib ta’ residenza ġdida, bil-konsegwenza li mbagħad tkun il-parti li tikkontesta dan il-ksib li għandha tipproduċi l-provi li hija ma kinitx involuta fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni.

79.      Madankollu huwa importanti li jiġi indikat li jekk dawn l-elementi huma ta’ importanza, dawn żgur ma humiex l-uniċi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, billi l-eżami mill-qrati nazzjonali, fi kwalunkwe każ, għandu dejjem iseħħ wara evalwazzjoni globali tas-sitwazzjoni fit-termini imposti mis-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq, u tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha rilevanti, bil-għan li tiġi stabbilita l-integrazzjoni tal-wild fl-ambjent tiegħu tal-familja u soċjali.

80.      Hawnhekk irid jiġi kkonstatat li ma jidhirx opportun li jiġi llimitat l-eżami mill-qrati nazzjonali ta’ sitwazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ residenza abitwali, billi, pereżempju, jiġi ffissat permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, limitu ta’ żmien standard (36) li fit-tmiem tiegħu bdil ta’ residenza jista’ jiġi kkunsidrat effettiv (37), jew billi jiġi deċiż li t-tneħħija leġittima ta’ wild twassal mill-ewwel għal telf immedjat tar-residenza abitwali oriġinali tiegħu (38). Dawn iż-żewġ approċċi fil-fatt huma f’kontradizzjoni diretta mal-approċċ, flessibbli u prammatiku sostnut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq, filwaqt li mhux neċessarjament probabbli li tlaħħaq mas-sitwazzjonijiet kollha possibbli.

ii)    L-importanza tar-rieda tal-omm fl-evalwazzjoni tar-residenza abitwali ta’ wild li tneħħa legalment

81.      Kif ġie mfakkar qabel, hija l-ewwel qorti li tressqet quddiemha l-kawża li trid tiddetermina, fid-data li tressqet il-kawża quddiemha, liema hija r-residenza abitwali tal-wild, permezz tal-metodoloġija stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq. Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx f’din is-sentenza dwar dan il-punt, huwa ċar li t-tiftix tal-kriterji li jippermettu lil din il-qorti li tifforma opinjoni tagħha għandha ssir skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali, imma madankollu, f’konformità mal-liġi u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-teħid inkunsiderazzjoni tar-rieda ta’ omm il-wild, billi hija kienet l-uniku detentur tal-awtorità tal-ġenituri fir-rigward ta’ din tal-aħħar fid-data tat-tluq, kien jikkostitwixxi element ta’ rilevanza partikolari.

82.      Infakkar li fil-kawża prinċipali, l-omm u bintha telqu mill-Ingilterra fis-7 ta’ Ottubru 2009. Il-qrati Ingliżi, li quddiemhom ġie ppreżentat rikors fit-12 ta’ Ottubru 2009 li jitlob lill-qrati jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni tagħhom taħt ir-Regolament Nru 2201/2003 għandhom għalhekk jiddeterminaw jekk sa mit-tluq tiegħu ma’ ommu, il-wild tilifx ir-residenza abitwali tiegħu fl-Ingilterra u kisibx sad-data li fiha ġie ppreżentat ir-rikors quddiemhom, residenza abitwali ġdida fi Franza.

83.      Apparentement, hekk kif jirriżulta mid-digriet tal-15 ta’ April 2010, ir-rieda tal-omm li tħalli definittivament l-Ingilterra ma’ bintha seta’, minn naħa, jiġi dedott minn xi fatti oġġettivi, bħax-xiri tal-biljett tal-ajru mingħajr ritorn, u diversi dikjarazzjonijiet li ftit jew wisq juru din l-intenzjoni. Il-bejgħ mill-omm tal-karozza li kellha fl-Ingilterra, madankollu, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala konklużiv biżżejjed f’dan ir-rigward. Madankollu, min-naħa l-oħra, seta’ jkun hemm dubji serji dwar din ir-rieda, minħabba l-fatt li l-omm ma kinitx informat bit-tluq tagħha la lil min jimpjegaha u lanqas lis-sid tal-appartament tagħha.

84.      Barra minn dan, għalkemm ir-rieda tal-omm li tħalli l-Ingilterra ma kinitx ħielsa minn kull dubju, elementi oħra jippermettu li tiġi ddubitata l-intenzjoni tagħha li tmur tgħix fir-Réunion. Dan jista’ jiġi dedott mill-korrispondenza mibgħuta ftit qabel it-tluq tagħha, u b’mod partikolari minn kartolina impostata mill-ajruport fil-jum tat-tluq, li dan it-tluq kien iktar bħala tweġiba għall-istress ikkawżat mit-theddid tal-missier li jagħti bidu għal proċedura ġudizzjarja sabiex jinkiseb ir-rikonoxximent tal-awtorità tal-ġenituri fuq il-wild iktar milli bħala deċiżjoni ta’ riflessjoni li tibda ħajja ġdida fir-Réunion.

85.      Ċertament, hekk kif ġie enfassizat iktar ’il fuq, it-tluq minn Stat Membru b’mod legali u l-istabbiliment ta’ residenza ġdida fi Stat Membru ieħor mhux bilfors awtomatikament u immedjatament jimplika l-ksib ta’ residenza abitwali ġdida fit-tieni Stat Membru. Madankollu, jibqa’ li fil-każ ta’ sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, hija biss ir-rieda ta’ dik il-persuna li għandha l-awtorità tal-ġenituri fuq il-wild li għandha tiġi kkunsidrata b’mod predominanti, hekk kif il-Gvern Ġermaniż osserva matul is-seduta.

86.      Din il-kunsiderazzjoni kienet meħtieġa speċjalment fil-kawża prinċipali għaliex fid-data tat-tluq it-tarbija kienet qegħda terda’.

87.      It-teħid inkunsiderazzjoni tal-età tal-wild jista’ jsir ukoll kemm fil-kuntest tal-eżami tat-telf ta residenza abitwali kif ukoll f’dak tal-ksib ta’ residenza abitwali ġdida. Wild żgħir ħafna li għadu partikolarment jiddipendi fuq ommu u b’din tal-aħħar tirrapreżenta “orizzont vitali” għalih, huwa ċar li r-rieda tal-omm li titlaq legalment minn Stat Membru sabiex tmur tgħix jew tmur tgħix mill-ġdid fi Stat Membru ieħor jikkostitwixxi element deċiżiv ta’ evalwazzjoni tat-telf tar-residenza abitwali ta’ dak il-wild. Barra minn dan, l-età żgħira tal-wild involut timplika li l-kundizzjonijiet għall-integrazzjoni tiegħu fl-ambjent tal-familja l-ġdida tiegħu u f’dak soċjali x’aktarx ikun issodisfat malajr ħafna.

88.      Din il-kunsiderazzjoni li tirriżulta mir-rieda tad-detentur tal-awtorità tal-ġenituri ma timplikax li ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oħra.

89.      Għall-kuntrarju, din ir-rieda għandha ssib konferma f’elementi tanġibbli, li jistgħu jkunu, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fis-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq, ix-xiri jew il-kiri ta’ akkomodazzjoni fl-Istat Membru l-ġdid. Madankollu, ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew ritorn għand membri tal-familja tiegħu huma elementi rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ din ir-rieda. Dan jista’ jkun il-każ f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża preżenti, fejn il-missier telaq mir-residenza komuni ftit qabel it-twelid tal-wild. Kunsiderazzjonijiet ta’ natura psikoloġika u ekonomika jistgħu wkoll jippermettu li f’ċirkustanzi bħal dawn tiġi kkunsidrata l-importanza tat-tluq.

90.      Hekk kif enfasizza l-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta, din il-volontà ma hijiex madankollu ser tiġi injorata biss fuq il-bażi ta’ allegazzjoni li tgħid li t-tneħħija tal-wild hija essenzjalment immotivata mill-ħsieb li jinżamm dritt ta’ kustodja esklużiv.

91.      Missier il-wild, f’dan ir-rigward essenzjalment sostna li t-tluq tal-omm mal-wild seħħ speċifikament sabiex hija tevita li l-missier ikun jista’ jirrikorri għall-qrati Ingliżi u bil-għan li toħloq rbit artifiċjali ta’ natura legali u ġudizzjarja, bi ksur tad-dritt kemm tal-wild kif ukoll tal-missier għal familja, kif iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta u l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 Novembru 1950, kif ukoll tad-drittijiet tal-wild hekk kif iggarantiti mill-Artikolu 24 tal-Karta. Huwa jenfasizza li huwa fil-ħajja reali li tinħass il-ħsara li tirriżulta mill-ħtif ta’ wild u li dawn l-effetti ma jistgħux jiġu kkwalifikati fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet legali astratti bħal dawk dwar il-kwistjoni jekk, fil-mument tat-tneħħija tal-wild, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kinitx biss tal-omm jew jekk kinitx taż-żewġ ġenituri. Huwa jżid li la r-Regolament Nru 2201/2003 u lanqas il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri ma jagħmlu distinzjoni skont l-istatus tal-ġenituri, skont jekk dawn humiex miżżewġa jew le.

92.      Anki jekk dawn l-allegazzjonijiet jikkorrispondu għar-realtà, billi dawn ma huwiex possibbli li jiġu ddeterminati biss fuq il-bażi tal-proċess, għandhom jiġu esklużi.

93.      Huwa importanti li jibqa’ jiġi kkunsidrat li d-determinazzjoni tar-residenza abitwali ta’ wild għandha biss l-għan li tidentifika l-ġurisdizzjoni li, skont il-prinċipju tal-qrubija u fl-aqwa interess tal-wild, huwa meqjus l-eqreb għall-wild. Dan l-eżami, hekk kif diġà ġie enfasizzat, għandu jiġi kondott mill-perspettiva tal-wild u fl-ebda każ mill-perspettiva tal-ġenituri, tkun xi tkun il-leġittimità tat-talba tagħhom dwar dak il-wild.

94.      Il-qrati nazzjonali ma jistgħux, mingħajr ma jippreġudikaw il-bażi li fuqha jistrieħ ir-Regolament Nru 2201/2003, jibbażaw il-ġurisdizzjoni tagħhom fuq il-kunsiderazzjoni li d-drittijiet leġittimi tar-rikorrent ma jistgħux jiġu protetti b’mod adegwat mill-qrati ta’ Stat Membru ieħor.

95.      Bħala konklużjoni, għandu jiġi enfasizzat partikolarment il-fatt li l-qrati nazzjonali msejħa sabiex jiddeċiedu dwar il-ġurisdizzjoni tagħhom skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/203 għandhom, fil-kuntest tad-determinazzjoni tar-residenza abitwali ta’ wild u b’mod partikolari għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-realtà ta’ trasferiment ta’ residenza insegwitu għal tneħħija legali, jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jagħtu lill-persuna li hija biss għandha l-awtorità tal-ġenituri u li hija għall-oriġini ta’ din it-tneħħija, il-mezzi sabiex tinstema’ b’mod sħiħ u komplet. Huwa essenzjali li din il-persuna mhux biss kienet kapaċi li tippreżenta osservazzjonijiet, iżda wkoll li jsir kull ma huwa possibbli sabiex tingħata l-opportunità li tispjega r-raġunijiet wara t-tluq tagħha.

96.      Jirriżulta mid-digriet tar-rinviju li, anki jekk dan kien il-każ qabel l-adozzjoni tad-digriet tal-15 ta’ April 2010, dan ma kienx il-każ qabel id-digriet tat-12 ta’ Ottubru 2009, li jindika l-ewwel tressiq ta’ kawża quddiem qorti, fis-sens tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003, fil-kawża prinċipali.

B –    Fuq l-evalwazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali fil-każ ta’ bidla tar-residenza abitwali

97.      Jekk wieħed jassumi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, permezz tas-sentenza tagħha li tagħti deċiżjoni preliminari, tagħti risposta utli u kompluta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju, u, inċidentalment, tipprovdi lill-qrati tal-Istati Membri mitluba japplikaw ir-Regolament Nru 2201/2003 l-elementi li jippermettulhom jiddeċiedu dwar il-ġurisdizzjoni tagħhom stess, ikun għaqli li wieħed jiftakar li r-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi sistema kompluta u koerenti, li fil-kuntest tagħha r-residenza abitwali ta’ wild huwa biss wieħed mill-kriterji, li huwa l-iktar importanti, fuq il-bażi ta’ liema l-qrati nazzjonali għandhom jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni tagħhom. Huwa għalhekk propost li tiġi pprovduta kjarifika dwar dak li huwa u li għandu jkun l-funzjoni tal-qrati nazzjonali taħt ir-Regolament Nru 2201/2003.

1.      Il-kjarifika tal-funzjoni tal-qrati nazzjonali taħt ir-Regolament Nru 2201/2003

98.      L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, li jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni ġenerali tal-qorti tar-residenza abitwali tal-wild, japplika biss, skont il-paragrafu 2 tiegħu, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9, 10 u 12 ta’ dan ir-regolament.

99.      Il-qrati tal-Istati Membri msejħa sabiex jiddeċiedu fuq il-ġurisdizzjoni tagħhom skont ir-Regolament Nru 2201/2003 għandhom, għalhekk, isegwu dak li huwa stabbilit mill-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament. Huma għandhom l-ewwel nett jivverifikaw jekk huma responsabbli taħt l-Artikoli 9, 10 u 12 tar-Regolament Nru 2201/2003. Jekk ma humiex, huma għandhom jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni tagħhom skont l-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, fi ħdan il-kuntest u skont il-metodi deskritti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, u b’mod partikolari fis-sentenza tagħha A, iċċitata iktar ’il fuq, sabiex tiġi ddeterminata r-residenza abitwali tal-wild.

100. Jekk wieħed jassumi li l-metodu segwit ma jippermettix li tiġi ddeterminata r-residenza abitwali tal-wild, il-qrati nazzjonali li quddiemhom tressqet il-kawża għandhom jiddeċiedu fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 2201/2003 jew taħt l-Artikolu 13 tiegħu, jekk huwiex impossibbli li tiġi ddeterminata r-residenza abitwali ta’ wild, jew permezz tal-Artikolu 15 ta’ dan l-istess regolament jekk jidher raġjonevoli li jirrifjutaw il-ġurisdizzjoni tagħhom ibbażata fuq ir-residenza abitwali tal-wild (39).

101. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġu enfasizzati d-dimensjonijiet differenti tal-funzjonijiet tal-qrati nazzjonali taħt ir-Regolament Nru 2201/2003 (40).

102. L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2201/2003 jimponi lill-qrati nazzjonali l-obbligu li jqajmu ex officio n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tagħhom, sakemm din il-ġurisdizzjoni ma tkunx ibbażata taħt dan ir-regolament u li qorti oħra ta’ Stat Membru ieħor għandha ġurisdizzjoni taħt dan l-istess regolament.

103. Madankollu, jista’ jiġi ċertament dedott mill-iskema tar-Regolament Nru 2201/2003, li dan tal-aħħar jobbligahom, minbarra milli jeżaminaw il-ġurisdizzjoni tagħhom stess (41), jekk meħtieġ billi tippermettilhom jistiednu l-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet f’dan ir-rigward (42), li jibbażaw il-ġurisdizzjoni tagħhom ex officio abbażi ta’ dan ir-regolament. Barra minn dan, f’dan il-kuntest, għandhom jeżaminaw, sabiex jiżguraw l-aqwa interessi tal-wild, il-kredenzjali kollha possibbli u b’mod partikolari l-opportunità li jirrifjutaw il-ġurisdizzjoni tagħhom favur qorti oħra f’pożizzjoni aħjar.

104. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tgħid xejn differenti fis-sentenza tagħha A, iċċitata iktar ’il fuq (43), fejn hija tirreferi għall-każ eċċezzjonali fejn, fin-nuqqas ta’ determinazzjoni tar-residenza abitwali ta’ wild, il-qorti nazzjonali għandha skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2201/2003, tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tagħha favur il-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild huwa preżenti. Bl-istess mod, qorti nazzjonali tista’ wkoll tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-bażi tal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament. Iż-żewġ possibbiltajiet ser jiġu eżaminati sussegwentement.

2.      L-eżami tal-adegwatezza ta’ rinviju lejn qorti oħra

105. Il-kawża prinċipali tipprovdi eżempju tajjeb tal-kundizzjonijiet li fihom qorti tista’ tirrinvija kawża lejn qorti oħra. Il-High Court of Justice (England & Wales), Family Division, ċertament setgħet, fid-dawl tad-dubji espressi fid-digriet tagħha tal-15 ta’ April 2010, tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-bażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2201/2003. Min-naħa tagħha, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) setgħet, minħabba fl-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni, tiddeċiedi li tirrinvija l-kawża lejn il-qrati Franċiżi, li issa ċertament kienu f’pożizzjoni aħjar sabiex jiddeċiedu l-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

a)      Ir-rinviju lejn il-qorti tal-post fejn jinsab il-wild: l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2201/2003

106. L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 2201/203 jipprovdi li fejn ir-residenza abitwali tal-wild ma tistax tiġi stabbilita u l-ġurisdizzjoni ma tistax tiġi ddeterminata fuq il-bażi tal-Artikolu 12 tal-istess regolament, il-qrati tal-Istat Membru li fih jinsab il-wild għandhom ġurisdizzjoni.

107. Fl-espożizzjoni tal-motivi tad-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk jistax jiġi kkunsidrat li fit-12 ta’ Ottubru 2009 il-wild ma kellux iktar residenza abitwali.

108. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni ssemmi din il-possibbiltà. B’referenza għal deċiżjoni tal-Imħallef Brandon ta’ Oakbrook (44), hija tenfasizza fil-fatt li persuna tista’ f’ġurnata waħda tieqaf li tkun residenti abitwali fi Stat Membru, jekk hija tħalli din bl-intenzjoni preċiża li ma tirritornax lura u tiddeċiedi, minflok, li tittrasferixxi r-residenza permanenti tagħha fi Stat Membru ieħor. Madankollu, din il-persuna ma tistax ssir residenti abitwali fit-tieni Stat Membru f’ġurnata waħda, għaliex sabiex tagħmel dan teħtieġ perijodu relattivament twil u intenzjoni preċiża. Matul dan il-perijodu relattivament twil, il-persuna tkun tilfet ir-residenza tagħha fl-ewwel Stat Membru mingħajr ma tkun kisbet residenza abitwali ġdida fit-tieni Stat Membru. Il-Kummissjoni tikkonkludi li hija l-qorti li għandha tiddetermina jekk l-omm kellhiex intenzjoni preċiża li ma tmurx lura l-Ingilterra, billi turi dan skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-qorti tar-rinviju.

109. F’termini ftit iktar differenti, il-Gvern tar-Renju Unit ukoll isostni li qorti nazzjonali, wara li tkun ħadet inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti u billi tibbaża fuq il-partikolaritajiet tal-każ, tkun tista’ tikkonkludi li wild jista’ jitlef ir-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru immedjatament wara t-tluq tiegħu minnu. F’dan ir-rigward, huwa jenfasizza li sitwazzjoni bħal din ma timplikax nuqqas fil-protezzjoni ta’ wild, sa fejn l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi preċiżament il-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru fejn il-wild huwa preżenti.

110. Għalhekk tista’ terġa’ ssir enfasi fuq l-idea li huwa għall-qrati nazzjonali li għandhom jeżaminaw jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2201/2003 huma ssodisfatti u jekk, għaldaqstant, tistax tiġi applikata f’din id-dispożizzjoni.

b)      Ir-rinviju lejn il-qorti fl-aħjar pożizzjoni: l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2201/2003 u l-eċċezzjoni ta’ forum non conveniens

111. L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi li, bħala eċċezzjoni, il-qrati ta’ Stat Membru li għandhom ġurisdizzjoni jistgħu, jekk jikkunsidraw li qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-wild għandu rabta partikolari hija f’pożizzjoni aħjar sabiex tisma’ l-każ u meta dan ikun fl-aqwa interessi tal-wild, jew jissospendu l-proċeduri u jistiednu lill-partijiet sabiex iressqu talba quddiem il-qorti ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, jew jitolbu lill-qorti ta’ Stat Membru ieħor sabiex jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-istess artikolu.

112. L-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi li din il-possibbiltà tista’ tiġi użata, b’mod partikolari, fuq l-inizjattiva tal-qorti nazzjonali li tressqet il-kawża quddiemha.

113. Għalhekk tista’ tkun enfasizzata l-idea li hija l-qorti tar-rinviju li teżamina jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 huma ssodisfatti fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u jekk huwa meħtieġ, li konsegwentement issir applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

C –    Konklużjoni

114. L-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju teħtieġ li tingħata r-risposta li ġejja. B’mod ġenerali, qorti nazzjonali li titressaq quddiemha talba dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ wild għandha espliċitament tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni tagħha skont ir-Regolament Nru 2201/2003 wara li tkun ikkunsidrat suċċessivament il-bażijiet differenti li fuqhom tista’ tiġi stabbilita din il-ġurisdizzjoni taħt dan ir-regolament. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, hija għandha tiddetermina, fl-aħjar interess tal-wild, ir-residenza abitwali ta’ dan tal-aħħar, filwaqt li tevalwa ċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għas-sitwazzjoni inkwistjoni. B’mod partikolari, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, li huma kkaratterizzati, minn naħa, mil-legalità ta’ tneħħija ta’ wild minn Stat Membru fejn huwa kellu r-residenza abitwali tiegħu lejn Stat Membru ieħor u, min-naħa l-oħra, mit-tressiq immedjat, iżda sussegwenti, ta’ kawża quddiem qorti f’dan l-Istat Membru tar-residenza oriġinali, din il-qorti għandha, b’mod iktar preċiż, tqis jekk din il-bidla fil-fatt twassalx fi żmien qasir għal telf tar-residenza abitwali oriġinali tal-wild u għall-ksib ta’ residenza abitwali ġdida fl-Istat Membru tal-wasla. Għal dan il-għan, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni b’mod konklużiv u identifikabbli, ir-rieda tal-persuna bl-awtorità tal-ġenituri għall-oriġini tat-tneħħija legali, waqt li b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni l-età tal-wild u wara li tkun tat lil din il-persuna l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha u tispjega b’mod sħiħ u komplet ir-raġunijiet wara din it-tneħħija. Hija l-persuna li tikkontesta l-ksib ta’ residenza abitwali ġdida f’ċirkustanzi bħal dawn li għandha tressaq il-provi li juru li din it-tneħħija mhux immotivata minn rieda li tiġi stabbilita residenza abitwali ġdida fl-Istat Membru tal-wasla. Fl-aħħar nett, jekk ma jkunx possibbli għaliha li tistabbilixxi r-residenza abitwali tal-wild, il-qorti nazzjonali għandha tikkonstata dan u, skont il-prinċipju tal-qrubija, tiddetermina l-ġurisdizzjoni tagħha stess fuq il-bażi tal-previżjonijiet tal-Artikolu 13 jew tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003.

VI – Fuq it-tieni u t-tielet domandi

A –    Osservazzjonijiet preliminari dwar ir-rilevanza tad-domandi magħmula

1.      Pożizzjoni tal-problema

115. Permezz tat-tieni inċiż tal-ewwel domanda tagħha (45), kif ukoll permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 li jistabbilixxi r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni fil-każ ta’ ħtif ta’ wild.

116. Barra minn dan, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003, qorti tistax tikkostitwixxi “istituzzjoni jew xi korp ieħor”, kunċetti u kliem li ma humiex użati fl-Artikoli 10 u 11 ta’ dan ir-regolament.

117. Hekk kif il-Kummissjoni enfasizzat fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, il-qorti tar-rinviju ma tindikax ir-raġunijiet li għalihom hija teħtieġ risposta għal din id-domanda sabiex tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Hija madankollu tenfasizza li din id-domanda tidher li tirriżulta mill-premessa li, jekk il-qrati Ingliżi kisbu dritt ta’ kustodja mid-9 ta’ Ottubru 2010, iż-żamma tal-wild barra mill-Ingilterra hija illegali u għalhekk tista’ tagħti bidu għall-applikazzjoni kemm tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri kif ukoll tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003, li huwa speċifikament iddedikat għar-ritorn tal-wild fil-każ ta’ tneħħija illegali jew żamma.

118. F’dan ir-rigward, missier il-wild fost l-oħrajn allega, li jekk it-tluq tal-omm mal-wild ma kienx inizjalment illegali, iż-żamma tal-wild barra mill-Ingilterra kienet illegali għaliex l-omm naqset milli tikkonforma mad-digrieti varji adottati mill-qrati Ingliżi.

119. It-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tista’, f’dan ir-rigward, tiġi kkunsidrata bħala li impliċitament qed tirreferi għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003.

120. Jirriżulta wkoll mid-domandi tal-qorti tar-rinviju li din tal-aħħar tikkunsidra, għall-inqas b’mod impliċitu, li l-fatti fil-kawża prinċipali huma ekwivalenti għal dawk ta’ ħtif ta’ wild u li, għaldaqstant, kemm il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri kif ukoll l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 2201/2003 huma applikabbli.

121. Mid-deċiżjoni tar-rinviju nfisha jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali legalment telqet mill-Ingilterra għar-Réunion, li, inċidentalment, ġie kkonstatat fid-digriet tal-High Court of Justice (England & Wales), Family Division, tal-15 ta’ April 2010. Id-deċiżjoni tar-rinviju fil-fatt tindika li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet waħedha detentriċi tar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-wild u, li għalhekk, kienet l-unika persuna li għandha l-kustodja taħt l-Artikoli 3 u 5 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri.

122. Il-qorti tar-rinviju fl-Ingilterra u Wales, tippreċiża li missier ma jibbenefikax awtomatikament mir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ wild imwieled barra miż-żwieġ. Madankollu wieħed jista’ jikseb ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew billi jissemma fil-kwalità tiegħu bħala missier fiċ-ċertifikat tat-twelid tal-wild, jew permezz ta’ ftehim dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri mal-omm, jew permezz ta’ digriet li jagħtih ir-responsabbiltà tal-ġenituri (“parental responsibility order”).

123. Il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Franċiż, matul is-seduta, qajmu dubji minħabba fis-sitwazzjoni fattwali tal-kawża prinċipali, fir-rigward tar-rilevanza tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

2.      Kunsiderazzjonijiet

124. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi mfakkar li jista’ jkun hemm biss “tneħħija nġusta jew żamma” ta’ wild, taħt l-Artikolu 2(11), meta jkun hemm ksur ta’ drittijiet ta’ kustodja li tirriżulta minn sentenza jew bl-operat ta’ liġi jew bi fteħim fis-seħħ skont id-dritt tal-Istat Membru fejn il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma.

125. F’dan il-każ, it-tluq tal-omm mal-wild kien legali, hekk kif il-qorti tar-rinviju kkonstatat li jaqblu ma’ dan kemm ir-rikorrenti u l-konvenut fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni permezz tal-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub, kif ukoll il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Irlandiż u l-Gvern Franċiż permezz tal-osservazzjonijiet tagħhom orali. Dan it-tluq ma sar la bi ksur tad-dritt ta’ kustodja ta’ missier il-wild, u lanqas tad-dritt ta’ xi istituzzjoni jew ta’ xi korp ieħor (46).

126. L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi li regola speċifika ta’ ġurisdizzjoni fil-każ ta’ ħtif ta’ wild, japplika biss fil-każ ta’ tneħħija jew ta’ żamma illegali ta’ wild fis-sens tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament Nru 2201/2003.

127. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha McB. (47), in-natura illegali tat-tneħħija ta’ wild għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 tiddependi esklużivament mill-eżistenza ta’ dritt ta’ kustodja, mogħti mid-dritt nazzjonali applikabbli, li t-tneħħija seħħet bi ksur tiegħu.

128. Il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll iddeċidiet f’din is-sentenza li din l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 ma kinitx konsistenti mad-drittijiet iggarantiti mill-Karta, u b’mod partikolari mill-Artikoli 7 u 24 tagħha, li rispettivament, jiggarantixxu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja kif ukoll id-drittijiet fundamentali tal-wild, sakemm, madankollu, missier il-wild ma jkunx iddispona mid-dritt li jitlob li jingħata dritt ta’ kustodja ta’ ibnu qabel ma sseħħ it-tneħħija tal-wild (48).

129. Għandu jingħad ukoll, f’dan ir-rigward, li skont l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, wieħed ma jistax jikkunsidra li hemm “tneħħija nġusta” jew “żamma nġusta” ta’ wild, jekk ma jkunux sodisfatti żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel waħda hija li għandu jkun hemm ksur ta’ dritt ta’ kustodja attribwit mid-dritt tal-Istat fejn il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma tiegħu (49). It-tieni waħda hija li dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat b’mod effettiv (50).

130. Barra minn dan, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, huwa ppreċiżat li d-dritt ta’ kustodja inkwistjoni jista’ tirriżulta partikolarment, mill-attribuzzjoni permezz tal-operat tal-liġi, minn deċiżjoni ta’ qorti jew deċiżjoni ta’ natura amministrattiva jew minn ftehim fis-seħħ skont id-dritt ta’ dak l-Istat. Fi kliem ieħor, il-metodi ta’ kif jinkiseb id-dritt ta’ kustodja taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri jikkorrispondu għat-tliet metodi ta’ kif tista’ tinkiseb ir-responsabbiltà tal-ġenituri skont il-liġijiet tal-Ingilterra u ta’ Wales.

131. Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju nnifisha u li ma hijiex ikkontestata, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jidhirx applikabbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

132. Madankollu, kemm ir-rikorrenti u l-konvenut fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni, fl-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub u orali, kif ukoll il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Irlandiż u l-Gvern Franċiż, fis-seduta, minkejja d-dubji tagħhom f’dan ir-rigward, huma qagħdu attenti sabiex jipprovdu xi risposti għall-kwistjonijiet hawn imqajma.

133. Għalhekk, jiena nipproponi li fil-linji li ġejjin neżamina fil-qosor it-tieni u t-tielet domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, iżda dan biss sussidjarjament.

134. Madankollu, huwa opportun li tinħataf l-okkażjoni ppreżentata minn din il-kawża sabiex jiġi mfakkar lill-qrati nazzjonali li, fost l-obbligi tagħhom fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, hemm li jesponu r-raġunijiet għalfejn risposta għad-domanda jew id-domandi magħmula minnhom hija meħtieġa sabiex isolvu l-kawża li tinsab quddiemhom. Dan ir-rekwiżit huwa partikolarment importanti fil-kuntest ta’ proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

B –    Fuq it-tieni domanda

135. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq il-kwistjoni jekk qorti tista’ tikkostitwixxi “istituzzjoni jew xi korp ieħor” li tista’ tingħata dritt ta’ kustodja għall-finijiet tar-Regolament Nru 2201/2003.

136. Hekk kif ġie ppreċiżat fl-osservazzjonijiet preliminari iktar ’il fuq, din il-kwistjoni teħtieġ interpretazzjoni tal-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 2201/2003, li huma l-uniċi dispożizzjonijiet tar-regolament li jirreferu, għad-dritt ta’ kustodja, ta’ “istituzzjoni” jew “xi korp ieħor” (51).

137. Ir-Regolament Nru 2201/2003 ma jiddefinixxix x’inhu mfisser b’“istituzzjoni” fis-sens tal-Artikoli 10 u 11.

138. Fis-sentenza tagħha McB., iċċitata iktar ’il fuq (52), il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddikjarat, f’dan ir-rigward, li b’differenza għall-kunċett ta’ “kustodja”, kunċett Komunitarju awtonomu mid-dritt tal-Istati Membri sa fejn dan huwa ddefinit fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament Nru 2201/2003, mill-ifformular tal-Artikolu 2(11), jirriżulta li l-ħatra tad-detentur tal-kustodja tirriżulta mid-dritt tal-Istati Membri (53).

139. Ir-rikorrenti u l-konvenut fil-kawża prinċipali, il-Gvern tar-Renju Unit, il-Gvern Irlandiż u l-Gvern Franċiż, kif ukoll il-Kummissjoni, b’mod ġenerali, irreferew għas-senteza McB., iċċitata iktar ’il fuq, filwaqt li enfasizzaw, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom jew waqt is-seduta, li huma ma kellhom l-ebda oġġezzjoni sabiex dritt ta’ kustodja jingħata lil qorti.

140. Huwa biss il-Gvern Ġermaniż, li matul is-seduta, argumenta li ma kienx possibbli li jiġi rikonoxxut lil qorti li tressqet quddiemha talba dwar il-kustodja ta’ wild li skont l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 jiġi kkunsidrat bħala istituzzjoni fis-sens tal-Artikoli 10 u 11 ta’ dan ir-regolament, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni uniformi ta’ dan ir-regolament. Madankollu, dan il-gvern iżid li r-Regolament Nru 2201/2003 ma jeskludix il-possibilità li jirrikonoxxi tali dritt lil qorti.

141. Għalhekk, b’mod ġenerali, huwa kkunsidrat li, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kawża McB., iċċitata iktar ’il fuq, il-kundizzjonijiet għall-attribuzzjoni tad-drittijiet ta’ kustodja u tar-responsabbiltà tal-ġenituri jirriżultaw mid-drittijiet tal-Istati Membri. Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk il-kunċett ta’ “istituzzjoni” fl-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux ukoll, f’dan il-kuntest, jitħalla għall-Istati Membri, fid-dawl tal-oġġezzjoni magħmula mill-Gvern Ġermaniż, jista’ jkun suġġett għal diskussjoni.

142. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 2(9) tar-Regolament Nru 2201/2003 jiddefinixxi d-“drittijiet ta’ kustodja” bħala li jinkludu “d-drittijiet u responsabbilitajiet dwar il-kura ta’ l-persuna ta’ l-minuri, u partikolarment id-drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza ta’l-minuri”. L-Artikolu 2(7) tal-istess regolament jippreċiża li r-responsabbilità tal-ġenituri, hija ddefinita bħala “d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali”.

143. It-tqabbil tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 2201/2003, li jiddefinixxi r-responsabbiltà tal-ġenituri mingħajr ma jirreferi għad-drittijiet tal-Istati Membri, u tal-Artikolu 2(11) ta’ dan ir-regolament li jiddefinixxi t-tneħħija u ż-żamma illegali, tista’ tawtorizza interpretazzjoni li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina t-tifsira tal-kunċett ta’ “istituzzjoni” fis-sens ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

144. Madankollu, huwa diffiċli ħafna li wieħed jimmaġina li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti interpretazzjoni tassew awtonoma u uniformi ta’ dan il-kunċett, fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjonijiet u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (54) u billi tipprova tagħtiha sens ta’ natura li tirrispondi b’mod sħiħ għall-għan imfittex minnha, filwaqt li għall-bqija tirreferi għad-dritt tal-Istati Membri (55).

145. Fi kwalunkwe każ, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern Irlandiż insistew matul is-seduta fuq l-importanza li tirrappreżenta l-possibbiltà li tiġi rikonoxxuta lil qorti l-kwalità ta’ istituzzjoni li għandha d-dritt ta’ kustodja, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 kif ukoll tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri. Fil-fatt, f’ċerti Stati Membri, kif huwa l-każ fl-Irlanda, fl-Ingilterra u f’Wales, id-drittijiet fil-qasam tar-responsabbiltà u tad-dritt ta’ kustodja ma jingħatawx awtomatikament lill-missirijiet naturali, b’dawn tal-aħħar ikunu biss jistgħu jiksbu dan permezz tal-kunsens tal-omm jew, fin-nuqqas ta’ dan, permezz ta’ deċiżjoni ta’ qorti li għandha ġurisdizzjoni. F’dawn il-kundizzjonijiet, huwa imperattiv li l-qrati li quddiemhom il-missirijiet naturali jressqu talba għal rikonoxximent tad-drittijiet tal-awtorità tagħhom tal-ġenituri, ikollhom dritt ta’ kustodja. Fin-nuqqas ta’ dan id-dritt, il-qrati li quddiemhom tressqet il-kawża ma jistgħux jimpedixxu lill-ommijiet li jħallu t-territorju, sakemm jingħataw deċiżjonijiet li eventwalment jagħtu l-awtorità tal-ġenituri lill-missirijiet, wara l-introduzzjoni ta’ tali proċeduri b’tali mod li jevitaw id-deċiżjoni ta’ dawn tal-aħħar.

146. Matul is-seduta, f’dan ir-rigward il-Kummissjoni ppreċiżat, bi tweġiba għall-argument tal-Gvern Ġermaniż, li d-dritt ta’ kustodja kif rikonoxxut lill-qrati f’dawn l-Istati Membri kien ibbażat fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni tagħhom, u għalhekk b’operazzjoni ta’ liġi, u mhux biss minħabba fit-tressiq ta’ kawża quddiemhom.

147. Għalhekk, nipproponi li tingħata bħala risposta għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju, li l-Artikolu 2(7), (9) u (11), kif ukoll l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti ta’ Stat Membru tista’ tikkostitwixxi “istituzzjoni jew xi korp ieħor”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, fejn dritt ta’ kustodja jista’ jingħata għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, sakemm l-għoti ta’ tali dritt ta’ kustodja huwa pprovdut b’operazzjoni ta’ liġi ta’ dak l-Istat Membru.

C –    Fuq it-tielet domanda

148. It-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 10 u 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 u iktar speċifikament dwar ir-regoli applikabbli għall-każ tal-koeżistenza ta’ deċiżjonijiet kunfliġġenti adottati mill-qrati ta’ żewġ Stati membri, waħda fuq il-bażi tar-Regolament Nru 2201/2003 u l-oħra fuq il-bażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri.

1.      Osservazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali, tal-gvernijiet tal-Istati Membri kkonċernati u tal-Kummissjoni

149. Omm il-wild essenzjalment tqis li billi t-tneħħija tal-wild kienet legali, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma japplikax. Madankollu, hija qalet li r-risposta għall-ewwel paragrafu tat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju, fis-sens li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jkomplix japplika wara li l-qrati tal-Istat Membru jkunu ċaħdu talba għar-ritorn tal-wild taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri. Iżda min-naħa l-oħra, hija ma tipprovdix tweġiba diretta għat-tieni paragrafu tat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju. Hija sempliċement tosserva li, jekk fil-fatt is-sistema tar-Regolament Nru 2201/2003 tiġi implementata sewwa, dan għandu jgħin sabiex jiġi evitat kull kunflitt u f’dan ir-rigward tenfasizza l-ħtieġa għall-qrati tal-Istati Membri li jagħmlu użu min-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew, kif ukoll dwar il-ħtieġa għal applikazzjoni uniformi tal-lis alibi pendens u ta’ osservanza tar-regoli wara t-tressiq ta’ kawża skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2201/2003. Fi kwalunkwe każ, jekk tibqa’ ma tinstabx soluzzjoni għall-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni, il-qrati nazzjonali jkollhom japplikaw l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003, sabiex jipproteġu l-aqwa interessi tal-wild fir-rispett tal-Karta u tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

150. Missier il-wild isostni li, billi talba dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri kienet tressqet l-ewwel quddiem il-qrati Ingliżi, il-qorti Franċiża li quddiemha tressqet talba identika mill-omm fit-28 ta’ Ottubru 2009, kellha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003, tissospendi l-proċedura quddiemha sakemm tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qrati Ingliżi. Id-deċiżjoni tal-qorti Franċiża tal-15 ta’ Marzu 2010 fuq it-talba għar-ritorn ta’ wild taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri ma tistax tkun il-bażi tal-ġurisdizzjoni tal-qorti Franċiża.

151. Il-Gvern tar-Renju Unit ifakkar li, skont l-Artikolu 60(e) tar-Regolament Nru 2201/2003, dan tal-aħħar jipprevali fuq il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, iżda li skont l-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 2201/2003, il-konvenzjoni tkompli tipproduċi l-effetti tagħha fl-oqsma mhux irregolati minn dan ir-regolament. Billi r-Regolament Nru 2201/2003 jirregola biss b’mod limitat l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri meta titressaq talba fuq il-bażi ta’ dan tal-aħħar, huwa jqis li l-qorti tal-ewwel Stat Membru fejn tressqet il-kawża dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, meta teżamina l-ġurisdizzjoni tagħha skont dan ir-regolament, hija mhux marbuta mid-deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor li jkun iddeċieda fuq talba bbażata taħt din il-konvenzjoni.

152. Il-Gvern Ġermaniż, filwaqt li enfasizza matul is-seduta li t-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju ma hijiex rilevanti sabiex tinsab soluzzjoni għall-kawża prinċipali, billi t-tneħħija tal-wild saret b’mod legali, madankollu huwa xtaq jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu. Huwa enfasizza f’dan ir-rigward, li għalkemm l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2201/2003 jimponi lill-qrati tal-Istati Membri l-obbligu li jivverifikaw il-ġurisdizzjoni tagħhom, taħt dan ir-regolament kif ukoll taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, l-ebda dispożizzjoni ma tiddetermina liema qorti tagħti deċiżjoni finali. Madankollu, iż-żewġ strumenti waqt li jibbażaw fuq l-istess kundizzjonijiet u waqt li l-Istati Membri huma meħtieġa li josservaw u jiżguraw konsistenza fid-deċiżjonijiet tagħhom, l-għan tagħhom għandu jkun li jiġi evitat kwalunkwe kunflitt. Madankollu, minkejja li r-regoli ta’ proċedura u ta’ prova huma differenti, huwa possibbli li qorti ta’ Stat Membru tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, filwaqt li qorti fi Stat Membru ieħor diġà tkun irrifjutat talba għar-ritorn taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri.

153. Il-Gvern Franċiż l-ewwel nett jenfasizza li billi l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma kienx applikabbli, l-ewwel paragrafu tat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju ma huwiex irrilevanti. Huwa jqis, b’risposta għat-tieni paragrafu tat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju, li qorti li titressaq kawża quddiemha fuq il-bażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, ma tistax tiddeċiedi dwar kunflitt potenzjali bejn żewġ qrati li tressqu kawżi quddiemhom fuq il-bażi tar-Regolament Nru 2201/2003. Tali kunflitt huwa madankollu rregolat mill-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003.

154. Il-Kummissjoni tfittex li tagħti risposta għat-tielet domanda billi tfakkar ir-regoli tal-Artikoli 8, 10 u 11 tar-Regolament Nru 2201/2003. L-ewwel nett, il-qorti Ingliża tista’ tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, jekk il-kundizzjoni dwar ir-residenza abitwali tkun ġiet sodisfatta. Id-deċiżjoni li tadotta fuq din il-bażi, provviżorja jew finali, tkun torbot skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament. It-tressiq ta’ kawża quddiem qorti tinvolvi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 b’mod li qorti ta’ Stat Membru ieħor li quddiemha tittressaq kawża, bl-istess suġġett u bażi ġuridika, għandha tissospendi l-proċeduri.

155. It-tieni nett, waqt li tippreċiża li mhux possibbli għall-qrati Ingliżi li jqisu lilhom infushom bħala li għandhom ġurisdizzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, hija tqis li t-tressiq ta’ kawża quddiem qorti fuq l-istess bażi, bl-istess mod, għandha twassal għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-lis alibi pendens, sakemm din ma tkunx biss tressqet quddiemha talba għal miżuri provviżorji skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003.

156. It-tielet nett, hija tikkunsidra li l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003 jeżiġi li ssir distinzjoni bejn il-ġurisdizzjoni tal-Istat li titressaq kawża quddiemu sabiex jistabbilixxi jekk jordnax ir-ritorn tal-wild u l-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru tal-oriġini sabiex jiċħad tali deċiżjoni. L-Istat li titressaq kawża quddiemu għandu ġurisdizzjoni taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri u mhux taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003, billi l-qorti li quddiemha tressqet kawża f’dan l-Istat għandha jkollha ġurisdizzjoni sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk il-wild kienx is-suġġett ta’ tneħħija jew ta’ żamma nġusta fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni. Jekk din il-qorti tikkonkludi li dan ma huwiex il-każ, din id-deċiżjoni ma torbotx lill-qorti tal-Istat ta’ oriġini li quddiemu eventwalment titressaq l-kawża skont l-Artikolu 11(8) tar-Regolament Nru 2201/2003.

157. Il-Kummissjoni tikkonkludi li d-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati ta’ Stat li titressaq kawża quddiemhom huma limitati għall-implementazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri u ma jkollhom ebda impatt fuq il-kriterji ġenerali ta’ ġurisdizzjoni taħt ir-Regolament Nru 2201/2003.

2.      Kunsiderazzjonijiet

158. Hekk kif jista’ jiġi kkonstatat, ir-risposti għat-tielet domanda huma pjuttost kunfliġġenti. Fil-fatt, hekk kif il-Kummissjoni osservat fis-sottomissjonijiet tagħha, din id-domanda hekk kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju ma tikkorrispondix għal kollox maż-żewġ domandi li hija tqajjem. Għalhekk, f’dan ir-rigward hija meħtieġa kjarifika.

a)      Kjarifika għat-tielet domanda

159. L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 għadu applikabbli wara li l-qrati tal-Istat Membru li quddiemhom tressqet il-kawża ċaħdu talba għar-ritorn ta’ wild skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri fuq il-bażi li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 3 u 5 ta’ din il-konvenzjoni ma humiex issodisfatti.

160. It-tieni nett, hija tistaqsi jekk il-qorti Franċiża, li fil-15 ta’ Marzu 2010, ċaħdet it-talba tal-missier għar-ritorn tal-wild taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, minħabba li ma kellux il-kustodja tal-wild fis-sens tal-Artikoli 3 u 5 ta’ dik il-konvenzjoni tista’, fuq dik il-bażi, tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq il-wild jew jekk, għall-kuntrarju, hija kellhiex tirrikonoxxi lill-High Court of Justice (England & Wales), Family Division, il-kwalità tal-ewwel qorti li quddiemha tressqet il-kawża skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003.

161. Iż-żewġ domandi essenzjalment jirrigwardaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-lis alibi pendens tar-Regolament Nru 2201/2003 f’żewġ sitwazzjonijiet differenti. Fl-ewwel waħda, hemm żewġ deċiżjonijiet kunfliġġenti ta’ qrati ta’ Stati Membri differenti, waħda adottata taħt ir-Regolament Nru 2201/2003 u l-oħra adottata taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri. Fit-tieni waħda hemm żewġ deċiżjonijiet kunfliġġenti ta’ qrati ta’ Stati Membri differenti, iżda li t-tnejn kemm huma ġew adottati fuq il-bażi tar-Regolament Nru 2201/2003.

b)      Kunflitt bejn deċiżjoni adottata fuq il-bażi tar-Regolament Nru 2201/2003 u deċiżjoni adottata fuq il-bażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri

162. Is-sitwazzjoni msemmija f’dan il-każ (56) hija dik fejn jeżistu flimkien, fuq naħa, id-deċiżjonijiet tal-qrati Ingliżi, li ddikjaraw lilhom infushom bħala li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar kawża li tirrigwarda r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq il-bażi tar-Regolament Nru 2201/2003, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 2201/2003, u fuq in-naħa l-oħra, id-deċiżjoni Franċiża li tiċħad bħala infondata t-talba mressqa mill-missier, taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri.

163. L-Artikolu 11(8) tar-Regolament Nru 2201/2003 jidher li fih ir-risposta għal din id-domanda. Din id-dispożizzjoni tipprovdi, fil-fatt, il-possibbiltà għal qorti ta’ Stat Membru li għandha ġurisdizzjoni skont ir-Regolament Nru 201/2003 li tadotta deċiżjoni li tordna r-ritorn ta’ wild sussegwentement għal deċiżjoni ta’ żamma mogħtija bl-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri.

c)      Kunflitt bejn id-deċiżjonijiet adottati fuq il-bażi tar-Regolament Nru 2201/2003

164. Is-sitwazzjoni msemmija f’dan il-każ hija dik fejn jeżistu flimkien, fuq naħa, id-deċiżjonijiet tal-qrati Ingliżi tat-12 ta’ Ottubru 2009 u tal-15 ta’ April 2010, u fuq l-oħra, id-deċiżjoni tal-qorti Franċiża tat-23 ta’ Ġunju 2010 li ddeċidiet dwar il-ġurisdizzjoni tagħha skont ir-Regolament Nru 2201/2003 sabiex tiddeċiedi dwar l-istess kwistjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, għalkemm fuq bażi differenti.

165. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 dwar il-lis alibi pendens, f’dan il-każ dawk tal-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-regolament, huma preċiżament intiżi sabiex jindirizzaw din it-tip ta’ sitwazzjoni. Huwa għall-qorti Franċiża li tissospendi l-proċedura quddiemha sakemm tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti Ingliża, li kienet l-ewwel li tressqet kawża quddiemha (57).

166. Għandu jingħad ukoll li ċ-ċirkustanza li d-deċiżjoni tal-qorti Franċiża hija bbażata fuq id-deċiżjoni preċedenti tal-istess qorti li ċaħdet bħala infondata t-talba taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri mressqa mill-missier ma tbiddilx dan il-fatt, billi l-ewwel deċiżjoni hija adottata fuq il-bażi tar-Regolament Nru 2201/2003.

d)      Konklużjoni

167. Konsegwentement, għalhekk ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tkun, l-ewwel nett, li r-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix il-possibbiltà għal qorti ta’ Stat Membru li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament li tadotta kull miżura sabiex tiżgura r-ritorn tal-wild insegwitu għal deċiżjoni ta’ żamma bl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri u, it-tieni nett, li l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ Stat Membru li quddiemha titressaq kawża dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, meta dan iseħħ sussegwentement għat-tressiq ta’ kawża quddiem qorti ta’ Stat Membru li għandha l-istess suġġett u bażi ġuridika, hija għandha tissospendi l-proċedura quddiemha sakemm il-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti tiġi stabbilita. Il-fatt li l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti hija bbażata fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 u li l-ġurisdizzjoni tat-tieni qorti tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ deċiżjoni ta’ żamma adottata qabel taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, minħabba li l-kundizzjonijiet tal-Artikoli 3 u 5 ta’ din il-konvenzjoni ma ġewx sodisfatti, f’dan ir-rigward huwa irrilevanti, billi din it-tieni qorti għandha ġurisdizzjoni taħt dan ir-regolament.

VII – Konklużjonijiet

168. Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet u filwaqt li tfakkar ir-riżervi fil-konfront tat-tieni u tielet domandi f’dak li jirrigward ir-rilevanza tagħhom, jiena nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) kif ġej:

“1)      B’mod ġenerali, qorti nazzjonali li titressaq quddiemha talba dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ wild għandha espliċitament tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni tagħha skont ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, wara li tkun ikkunsidrat suċċessivament l-bażijiet differenti li fuqhom tista’ tiġi stabbilita din il-ġurisdizzjoni taħt dan ir-regolament.

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, hija għandha tiddetermina, fl-aħjar interess tal-wild, ir-residenza abitwali ta’ dan tal-aħħar, filwaqt li tevalwa ċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għas-sitwazzjoni inkwistjoni.

B’mod partikolari, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, li huma kkaratterizzati, minn naħa, mil-legalità ta’ tneħħija ta’ wild minn Stat Membru fejn huwa kellu r-residenza abitwali tiegħu lejn Stat Membru ieħor u, min-naħa l-oħra, mit-tressiq immedjat, iżda sussegwenti, ta’ kawża quddiem qorti f’dan l-Istat Membru tar-residenza oriġinali, din il-qorti għandha, b’mod iktar preċiż, tqis jekk din il-bidla fil-fatt twassalx fi żmien qasir għal telf tar-residenza abitwali oriġinali tal-wild u għall-ksib ta’ residenza abitwali ġdida fl-Istat Membru tal-wasla.

Għal dan il-għan, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni b’mod konklużiv u identifikabbli, ir-rieda tal-persuna bl-awtorità tal-ġenituri għall-oriġini tat-tneħħija legali, waqt li b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni l-età tal-wild u wara li tkun tat lil din il-persuna l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha u tispjega b’mod sħiħ u komplet ir-raġunijiet wara din it-tneħħija.

Hija l-persuna li tikkontesta l-ksib ta’ residenza abitwali ġdida f’ċirkustanzi bħal dawn li għandha tressaq il-provi li juru li din it-tneħħija mhux immotivata minn rieda li tiġi stabbilita residenza abitwali ġdida fl-Istat Membru tal-wasla.

Fl-aħħar nett, jekk ma jkunx possibbli għaliha li tistabbilixxi r-residenza abitwali tal-wild, il-qorti nazzjonali għandha tikkonstata dan u, skont il-prinċipju tal-qrubija, tiddetermina l-ġurisdizzjoni tagħha stess fuq il-bażi tal-previżjonijiet tal-Artikolu 13 jew tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003.

2)      L-Artikolu 2(7), (9) u (11), kif ukoll l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti ta’ Stat Membru tista’ tikkostitwixxi “istituzzjoni jew xi korp ieħor”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, fejn dritt ta’ kustodja jista’ jingħata għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, sakemm l-għoti ta’ tali dritt ta’ kustodja huwa pprovdut b’operazzjoni ta’ liġi ta’ dak l-Istat Membru.

3)      Ir-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix il-possibbiltà għal qorti ta’ Stat Membru li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament li tadotta kull miżura sabiex tiżgura r-ritorn tal-wild insegwitu għal deċiżjoni ta’ żamma bl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag, tal-25 ta’ Ottubru 1980, dwar l‑Aspetti Ċivili dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri.

L-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ Stat Membru li quddiemha titressaq kawża dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, meta dan iseħħ sussegwentement għat-tressiq ta’ kawża quddiem qorti ta’ Stat Membru li għandha l-istess suġġett u bażi ġuridika, hija għandha tissospendi l-proċedura quddiemha sakemm il-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti tiġi stabbilita. Il-fatt li l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti hija bbażata fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 u li l-ġurisdizzjoni tat-tieni qorti tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ deċiżjoni ta’ żamma adottata qabel taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag, tal-25 ta’ Ottubru 1980, dwar l‑Aspetti Ċivili dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, minħabba li l-kundizzjonijiet tal-Artikoli 3 u 5 ta’ din il-konvenzjoni ma ġewx sodisfatti, f’dan ir-rigward huwa irrilevanti, billi din it-tieni qorti għandha ġurisdizzjoni taħt dan ir-regolament.”

1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243.

3 –      C‑523/07, Ġabra p. I‑2805.

4 – Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

5 – RTNU, 1983, Vol. 1343, Nru 22514, p. 89, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri”.

6 – Re H (Abduction: Rights of custody) [2000] 1 FLR 374.

7 – Ara l-punt 41 ta’ din l-opinjoni.

8 – Ara l-punt 38 ta’ din l-opinjoni.

9 – Ara l-punti 115 et seq ta’ din l-opinjoni.

10 – Dwar l-argumenti ta’ missier il-wild, ara, madankollu, il-punt 91 ta’ din l-opinjoni.

11 – Dwar is-sistema ta’ ġurisdizzjoni hekk stabbilita, ara l-punti 104 et seq ta’ din l-opinjoni.

12 – Billi jiffissa b’dan il-mod regola materjali preċiża u uniformi, hekk kif jagħmel l-Artikolu 11(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji matrimonjali u f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri għall-ulied taż-żewġ konjuġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 209), l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi flimkien mal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), li l-kwistjoni dwar il-mument li fih il-qorti ta’ Stat Membru għandha tikkunsidra li tressqet kawża quddiemha bħala li hija rregolata mil-lex fori. Ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 1984, Zelger (129/83, Ġabra p. 2397, punt 16). Fuq dan l-aspett tal-kwistjoni, ara b’mod partikolari Rey, J., “L’office du juge – la saisine”, fi Fulchiron, H., u Nourissat, C. (dir.), Le nouveau droit communautaire du divorce et de la responsabilité parentale, Dalloz, Pariġi, 2005, p. 181.

13 – Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 227. Il-premessa 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 tippreċiża, fil-fatt, li dan ir-regolament japplika għan-notifika tal-atti fil-kuntest ta’ proċedura mibdija taħt dan tal-aħħar.

14 – Jekk il-qorti nazzjonali li hija msejjħa sabiex tiddeċiedi fuq il-ġurisdizzjoni tagħha, hekk kif ġie mfakkar preċedentement, għandha tagħmel dan fid-data li fiha tressqet il-kawża, l-evalwazzjoni tal-kriterji tar-residenza abitwali ma jeskludix it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ xi elementi sussegwenti għat-tressiq tal-kawża iżda preċedenti għad-data li fiha tingħata deċiżjoni finali. Ara f’dan ir-rigward, Richez-Pons, A., La résidence en droit international privé (conflits de juridictions et conflits de lois), (teżi) Lyon, 2004.

15 – Fir-realtà, id-domanda tal-qorti tar-rinviju hija iktar preċiża fis-sens li din tirrigwarda l-Artikoli 8 u 10 tar-Regolament Nru 2201/2003. Madankollu, hekk kif huwa mfakkar fl-iżviluppi sussegwenti, il-kunċett tar-residenza abitwali hija u għandha tkun l-istess tkun liema tkun id-dispożizzjoni inkwistjoni tar-Regolament Nru 2201/2003. Barra minn dan, hekk kif ser jiġi sussegwentement espost, hemm raġunijiet konkreti sabiex ir-rilevanza tad-domanda dwar l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 tkun iddubitata. Fl-aħħar nett, jekk id-domanda hawn magħmula effettivament tirrikjedi xi preċiżazzjonijiet dwar l-istess kunċett tar-residenza abitwali fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003, il-kawża prinċipali tqajjem problema ikbar minn dak tad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett.

16 – Għandu jiġi wkoll ippreċiżat li fil-konklużjonijiet tal-kawża li tat lok għas-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq, l-Avukat Ġenerali Kokott qis fit-tul, u dan b’rilevanza kbira, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ residenza abitwali (punti 13 sa 52), billi b’mod partikolari interessa ruħu dwar l-oriġini tar-Regolament Nru 2201/2003, kunċetti identiċi jew relatati użati fil-konvenzjonijiet internazzjonali (punti 22 sa 31), jew f’oqsma oħra tad-dritt Komunitarju (punti 32 sa 37) u li jfittxu li jiddefinixxu l-kriterji prinċipali li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex tiġi stabbilita r-residenza abitwali ta’ wild (punti 41 sa 52). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex meħtieġ li tiġi riprodotta analiżi li hemm perfettament qbil dwarha.

17 – Punt 31.

18 – Sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq (punti 31, 34 u 35).

19Ibidem (punt 34).

20Ibidem (punt 36).

21Ibidem (punt 37).

22 – Sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq (punt 38).

23Ibidem (punt 39).

24Ibidem (punt 40).

25 – Sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq (punt 42).

26 – Fil-fatt jirriżulta, mill-espożizzjoni tal-argumenti mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju, li meta l-High Court of Justice (England & Wales), Family Division adottat id-digriet tagħha tal-15 ta’ April 2010, hija kienet taf bl-eżistenza tas-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq, u li, fil-kuntest tad-determinazzjoni tar-residenza abitwali tal-wild li kellha tagħti, hija kkunsidrat l-impatt ta’ din tal-aħħar fuq id-dritt Ingliż.

27 – Skont l-espressjoni mislufa mingħand Lagarde, P., rapport spjegattiv li jikkonċerna l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tad-19 ta’ Ottubru 1996, fuq il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, rikonoxximent, infurzar u kooperazzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri u miżuri għall-protezzjoni tat-tfal (RTNU, 2004, Vol. 2204, Nru 39130), Actes et documents de la XVIIIème Session de la Conférence de La Haye, 1996, Tome II, Protection des enfants, n° 41. Din il-proposta ġiet fil-biċċa l-kbira milqugħa kemm fid-duttrina kif ukoll fil-ġurisprudenza. Ara, b’mod partikolari, Richez-Pons, A., op. cit., p. 206.

28 – Ara Richez-Pons, A., op. cit., p. 206 et seq.

29 – Il-gwida prattika għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, f’dan ir-rigward tippreċiża li l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament japplika biss jekk il-wild ikun kiseb ir-residenza abitwali tiegħu fl-Istat Membru tal-wasla matul dan il-perijodu ta’ tliet xhur.

30 – Fil-verżjoni bil-Ġermaniż, l-ewwel frażi tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jinqara hekk kif ġej: “Beim rechtmäßigen Umzug eines Kindes von einem Mitgliedstaat in einen anderen, durch den es dort einen neuen gewöhnlichen Aufenthalt erlangt”. Dan huwa l-istess bil-verżjoni Taljana “In caso di lecito trasferimento della residenza di un minore da uno Stato membro ad un altro che diventa la sua residenza abituale”.

31 – L-istess bħall-verżjonijiet bl-Ispanjol “Cuando un menor cambie legalmente de residencia de un Estado miembro a otro y adquiera una nueva residencia habitual en este último”, bid-Daniż “Når et barn lovligt flytter fra én medlemsstat til en anden og får nyt sædvanligt opholdssted dér”, bl-Ingliż “Where a child moves lawfully from one Member State to another and acquires a new habitual residence there”, bl-Olandiż “Wanneer een kind legaal van een lidstaat naar een andere lidstaat verhuist en aldaar een nieuwe gewone verblijfplaats verkrijgt”, bil-Portugiż “Quando uma criança se desloca legalmente de um Estado-Membro para outro e passa a ter a sua residência habitual neste último”, bil-Finlandiż “Kun lapsi muuttaa laillisesti jäsenvaltiosta toiseen ja saa siellä uuden asuinpaikan” u bl-Isvediż “När ett barn lagligen flyttar från en medlemsstat till en annan och förvärvar nytt hemvist där skall”.

32 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, Ġabra p. 1999, punt 14), kif ukoll tad-29 ta’ April 2010, M et (C‑340/08, Ġabra p. I-3913, punt 44).

33 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1969, Stauder (29/69, Ġabra p. 419, punt 3); tat-22 ta’ Ottubru 2009, Zurita García u Choque Cabrera (C‑261/08 u C‑348/08, Ġabra p. I‑10143, punt 54), kif ukoll tat-3 ta’ Ġunju 2010, Internetportal und Marketing (C‑569/08, Ġabra p. I-4871, punt 35).

34 – F’dan is-sens, pereżempju, Gallant, E., Compétence reconnaissance et exécution (Matières matrimoniale et de responsabilité parentale), Répertoire de droit communautaire, Dalloz, Awwissu 2007, Nru 167.

35 – Barra minn dan, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jipprovdix, fil-każ ta’ tneħħija nġusta ta’ wild, iż-żamma tal-ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru fejn il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu qabel it-tneħħija tiegħu sakemm il-wild jikseb residenza abitwali fi Stat Membru ieħor u dan b’mod partikolari, sakemm il-wild ikun irrisjeda f’dan l-Istat Membru l-ieħor għal perijodu ta’ mill-inqas sena u jkun integra fl-ambjent il-ġdid tiegħu.

36 – Liema jista’ jkun, pereżempju, ta’ sitt xhur. Għal diskussjoni dwar dan l-element temporali tal-kunċett ta’ residenza abitwali, ara, b’mod partikolari Espinosa Calabuig, R., Custodia y visita de menores en el espacio judicial europeo, Marial Pons, 2007, p. 128 et seq. Huwa osservat li l-Kummissjoni, inkarigata li tkun responsabbli sabiex tipprepara l-abbozz għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tad-19 ta’ Ottubru 1996, imsemmi iktar ’il fuq, “ċaħdet l-idea li jiġi kkwantifikat l-ammont ta’ ħin neċessarju għall-kisba ta’ residenza abitwali ġdida”, preċiżament għaliex hija kwistjoni ta’ fatt li għandha tiġi ddeterminata każ b’każ. Ara Lagarde, P., op. cit., Nru 41.

37 – F’sitwazzjoni li ma twassalx għal dan ma jistax jiġi aċċettat li bidla ta’ residenza hija ekwivalenti għal bidla ta’ residenza abitwali.

38 – B’mod partikolari dan huwa l-approċċ segwit mill-gwida prattika għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 (p. 13). Is-sempliċi preżenza tal-wild fl-Istat Membru tal-wasla jkun meqjus bħala l-ksib ta’ residenza abitwali ġdida, li jista’ jikkontradixxi l-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha A., iċċitata iktar ’il fuq, fejn is-sempliċi preżenza fiżika ta’ wild fi Stat Membru mhux biżżejjed sabiex tiġi stabbilita li dan tal-aħħar għandu hemm r-residenza abitwali tiegħu.

39 – Huma jistgħu wkoll, fl-aħħar nett, jaċċettaw il-ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2201/2003, li jipprovdi li, fejn l-ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni, kemm jekk taħt l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament jew taħt l-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament, il-ġurisdizzjoni hija rregolata minn kull Stat Membru permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

40 – Fuq dan l-aspett tad-domanda, ara, pereżempju, Niboyet, M.‑L., “L’office du juge – la vérification et l’exercice de la compétence”, fi Fulchiron, H., u Nourissat, C. (dir.), op. cit., p. 191.

41 – Sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, Purrucker (C‑256/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 73).

42 – Ara l-punt 101 ta’ din l-opinjoni.

43 – Punt 43.

44 – Kawża J [1990] 2 AC 562, p. 578.

45 – Fuq dan l-aspett tad-domanda, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13.

46 – Fuq dan l-aspett tad-domanda, ara wkoll ir-risposta proposta għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju.

47 – Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010 (C‑400/10 PPU, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 44).

48 – Sentenza McB., iċċitata iktar ’il fuq (punti 49 sa 64).

49 – Li kieku l-qorti li tressqet quddiemha kawża permezz tat-telefon fid-9 ta’ Ottubru 2009 kienet tressqet quddiemha din il-kawża jum qabel it-tluq tal-omm mal-wild tagħha, din it-tneħħija kienet tkun ġiet effettwata bi ksur tad-drittijiet tal-kustodja rikonoxxuti lill-qorti li quddiemha tressqet il-kawża mill-Istat Membru tar-residenza abitwali oriġinali tal-wild, jekk dan ma kienx ġie awtorizzat minn qabel minn din il-qorti. Din it-tneħħija kienet tkun inġusta u kienet tkun il-bażi tal-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003.

50 – Ara, f’dan ir-rigward, Perez Vera, E., rapport spjegattiv dwar il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, Actes et documents de la Quatorzième session (1980), Tome III, Enlèvement d’enfants, Nru 64 et seq..

51 – Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, li fuqu huwa mmudellat ir-Regolament Nru 2201/2003 f’dan ir-rigward, jistabbilixxi wkoll id-dritt ta’ kustodja tal-istituzzjonijiet u tal-korpi. Ara Perez Vera, E., op cit., punt 80.

52 – Punt 43.

53 – Il-qorti tar-rinviju adottat id-deċiżjoni tar-rinviju fit-8 ta’ Ottubru 2010, ftit wara s-sentenza McB., iċċitata iktar ’il fuq, mogħtija fil-5 ta’ Ottubru 2010 u għalhekk ma kinitx taf dwar din is-sentenza.

54 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq (punt 34).

55 – Ara, inqas frekwenti, is-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2006, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑486/04, Ġabra p. I‑11025, punt 44); tal-5 ta’ Lulju 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑255/05, Ġabra p. I‑5767, punt 60), u tas-6 ta’ Novembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑247/06, punt 30).

56 – Huwa dak li jikkorrispondi għall-ewwel paragrafu tat-tielet domanda tad-deċiżjoni tar-rinviju.

57 – Suġġett għall-osservazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, punti 55 et seq. ta’ din l-opinjoni.

Top

OPINJONI TAL-AVUKAT ĠENERALI

PEDRO CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fis-6 ta’ Diċembru 2010 1(1)

Kawża C‑497/10 PPU

Barbara Mercredi

vs

Richard Chaffe

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division)]

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u infurzar ta’ deċiżjonijiet – Kwistjonijiet matrimonjali u ta’ responsabbilità tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Wild ta’ koppja mhux miżżewġa – Kunċett ta’ ‘residenza abitwali’ – Tneħħija ġusta ta’ wild lejn Stat Membru ieħor – Ksib ta’ residenza abitwali ġdida – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari”

Werrej

I –   Il-kuntest ġuridiku

A –   Id-dritt tal-Unjoni

B –   Id-dritt internazzjonali

C –   Id-dritt nazzjonali

II – Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

A –   Iċ-ċirkustanzi li wasslu għall-kawża prinċipali

B –   Il-proċeduri mibdija fl-Ingilterra

C –   Il-proċeduri mibdija fi Franza

1.     Il-proċeduri mibdija mill-omm

2.     It-talba tal-missier taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri

III – Id-domandi preliminari u t-talba għal deċiżjoni preliminari b’urġenza

IV – Osservazzjonijiet preliminari

V –   Fuq l-ewwel domanda

A –   Fuq id-determinazzjoni tar-“residenza abitwali” tal-wild

1.     Il-kunċett ta’ residenza abitwali: lezzjonijiet mis-sentenza A

2.     It-“telf” u l-“ksib” ta’ residenza abitwali fil-każ ta’ tneħħija legali

a)     Il-kundizzjonijiet ta’ trasferiment ta’ residenza abitwali

b)     Il-kriterji ta’ trasferiment ta’ residenza abitwali

i)     L-elementi ta’ interpretazzjoni dedotti mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2201/2003

ii)   L-importanza tar-rieda tal-omm fl-evalwazzjoni tar-residenza abitwali ta’ wild li tneħħa legalment

B –   Fuq l-evalwazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali fil-każ ta’ bidla tar-residenza abitwali

1.     Il-kjarifika tal-funzjoni tal-qrati nazzjonali taħt ir-Regolament Nru 2201/2003

2.     L-eżami tal-adegwatezza ta’ rinviju lejn qorti oħra

a)     Ir-rinviju lejn il-qorti tal-post fejn jinsab il-wild: l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2201/2003

b)     Ir-rinviju lejn il-qorti fl-aħjar pożizzjoni: l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2201/2003 u l-eċċezzjoni ta’ forum non conveniens

C –   Konklużjoni

VI – Fuq it-tieni u t-tielet domandi

A –   Osservazzjonijiet preliminari dwar ir-rilevanza tad-domandi magħmula

1.     Pożizzjoni tal-problema

2.     Kunsiderazzjonijiet

B –   Fuq it-tieni domanda

C –   Fuq it-tielet domanda

1.     Osservazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali, tal-gvernijiet tal-Istati Membri kkonċernati u tal-Kummissjoni

2.     Kunsiderazzjonijiet

a)     Kjarifika għat-tielet domanda

b)     Kunflitt bejn deċiżjoni adottata fuq il-bażi tar-Regolament Nru 2201/2003 u deċiżjoni adottata fuq il-bażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri

c)     Kunflitt bejn id-deċiżjonijiet adottati fuq il-bażi tar-Regolament Nru 2201/2003

d)     Konklużjoni

VII – Konklużjonijiet

1.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qegħda għal darb’oħra tintalab tagħti interpretazzjoni dwar numru ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (2), regolament li huwa wkoll magħruf bħala “Brussell IIa”, u dan fil-kuntest ta’ proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

2.        L-ewwel nett, hija mitluba mill-qorti tar-rinviju, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit), sabiex tiċċara wieħed mill-kunċetti prinċipali tar-Regolament Nru 2201/2003, il-kunċett ta’ residenza abitwali li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi dwaru, b’mod partikolari fis-sentenza tagħha tat-2 ta’ April 2009, A (3).

3.        Huwa importanti li jiġi mill-ewwel enfasizzat, li madankollu l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja mhux ser ikun wieħed faċli. Hekk kif ser jiġi kkonstatat, il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, f’ħafna modi atipiċi, ser iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkunsidra b’mod speċifiku ċ-ċirkustanzi li taħthom jista’ jiġi deċiż it-trasferiment tar-residenza abitwali ta’ wild, meta dan ġustament jitneħħa minn Stat Membru għal ieħor mill-persuna li biss ikollha s-setgħa tal-ġenituri fir-rigward tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, se tfittex li tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta ċara għad-domandi tagħha, li tipprovdilha indikazzjonijiet li jippermettulha tiddeċiedi kwistjonijiet diffiċli quddiemha f’konformità sħiħa mar-Regolament Nru 2201/2003, li wieħed mill-għanijiet ewlenin tiegħu huwa li jiżgura ssalvagwardja tal-aqwa interessi tal-wild. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha wkoll tiżgura, minn naħa l-oħra, li tagħti din ir-risposta b’tali mod li tipprovdi lill-qrati nazzjonali kollha l-indikazzjonijiet meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħhom stess skont ir-Regolament Nru 2201/2003. F’din il-perspettiva, ma jistax jiġi eskluż li huwa jwassal sabiex tiddeċiedi b’mod iktar wiesa’ fuq il-funzjoni tal-qrati nazzjonali msejjħa sabiex jeżaminaw il-ġurisdizzjoni tagħhom skont ir-Regolament Nru 2201/2003 sabiex jiddeċiedu kwistjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li jkunu tressqu quddiemhom.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

4.        L-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (4), li huwa ddedikat għad-drittijiet tat-tfal, huwa fformulat hekk kif ġej:

“1.      It-tfal għandhom id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-ġid tagħhom. Huma jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom liberament. Dawn l-opinjonijiet għandhom jitqiesu f’materji li jirrigwardawhom skond l-età u l-maturità tagħhom.

2.      Fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja.

3.      It-tfal kollha għandhom id-dritt li jkollhom, regolarment, relazzjoni personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri, sakemm dan ma jkunx kontra l-interessi tat-tfal.”

5.        Il-premessa 12 tar-Regolament Nru 2201/2003 tindika:

“(12) Ir-raġunijiet ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett ma’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l-minuri jew skond ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità.”

6.        Il-premessa 33 tar-Regolament Nru 2201/2003 tistabbilixxi:

“(33) Dan ir-Regolament jirrikonoxxi d-drittijiet fondamentali u josserva l-prinċipji ta’ [l-Karta]. B’mod partikolari, ifittex li jassigura r-rispett għad-drittijiet fondamentali ta’ l-minuri kif stabbiliti fl-Artikolu 24 ta’ [l-Karta].”

7.        L-Artikolu 2(11) tar-Regolament Nru 2201/2003 jiddefinixxi t-tneħħija llegali jew iż-żamma ta’ wild hekk kif ġej:

“il-kliem ‘tneħħija nġusta jew iż-żamma’ għandhom ifissru t-tneħħija ta’ l-minuri jew iż-żamma fejn;

a)      hemm ksur ta’ liġi tad-drittijiet ta’ kustodja akkwistati permezz ta’ sentenza jew b’operat ta’ liġi jew b’xi fteħim li għandu effett legali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma;

u

b)      iżda, f’dak iż-żmien tat-tneħħija jew iż-żamma, id-drittijiet ta’ kustodja kienu attwalment eżerċitati, konġuntament jew unikament, jew kieku kienu ikunu hekk eżerċitati minħabba t-tneħħija jew iż-żamma. Il-kustodja se tiġi kkunsidrata biex tiġi eżerċitata konġuntament meta, skond sentenza jew b’operat ta’ liġi, wieħed mill-ġenituri li għandu jew għandha r-responsabbilità ma tistax tiddeċiedi dwar il-post ta’ residenza ta’ l-minuri mingħajr il-kunsens ta’ persuna oħra li għandha r-responsabbilità ta’ l-ġenitur.”

8.        L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003, bit-titolu “Il-Ġurisdizzjoni ġenerali”, li jiftaħ it-Taqsima 2 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi r-regoli ta’ ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, jipprovdi:

“1.      Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess.

2.      Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12.”

9.        L-Artikolu 9 ta’ dan l-istess regolament, bit-titolu “Il-Kontinwità ta’ l-gurisdizzjoni tar-residenza abitwali ta’ qabel ta’ l-minuri”, jindika:

“1.      Fejn minuri jiċċaqalqu legalment minn Stat Membru wieħed għall-ieħor u jakkwistaw residenza abitwali ġdida hemmhekk, il-qrati ta’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ qabel se, skond eċċezzjoni għall-Artikolu 8, iż-żomm il-ġurisdizzjoni matul perjodu ta’ tlett xhur wara ċ-ċaqliqa għall-iskop ta’ modifika ta’ sentenza dwar drittijiet ta’ aċċess maħruġa f’dak l-Istat Membru qabel il-minuri ġew imċaqalqin, fejn il-pussessur tad-drittijiet ta’ aċċess skond is-sentenza dwar id-drittijiet ta’ aċċess ikompli jkollu jew ikollha r-residenza abitwali fl-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ qabel, ta’ l-minuri.

2.      Il-Paragrafu 1 m’għandux japplika jekk il-pussessur tad-drittijiet ta’ aċċess imsemmija fil-paragrafu 1 aċċetta l-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ta’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ġdida ta’ l-minuri billi jipparteċipa fi proċedimenti quddiem dawk il-qrati mingħajr jopponi l-ġurisdizzjoni tagħhom.”

10.      L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, iddedikat għall-ġurisdizzjoni f’każijiet ta’ ħtif ta’ wild, jiddisponi:

“F’każ ta’ tneħħija jew żamma nġusta ta’ minuri, il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta għandhom iżommu l-ġurisdizzjoni sakemm il-minuri jakkwistaw residenza abitwali fi Stat Membru ieħor u

a)      kull persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom drittijiet ta’ kustodja taw il-kunsens tagħhom għat-tneħħija jew żamma

jew

b)      il-minuri kellhom residenza f’dak l-Istat Membru l-ieħor għall-perjodu ta’ mill-inqas sena wara li l-persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom drittijiet ta’ kustodja kellhom jew setgħaw kellhom informazzjoni fejn qegħdin il-minuri u l-minuri ġew issistemati fl-ambjent ġdid tagħhom u mill-inqas waħda mill kondizzjonijiet segwenti ġiet milqugħa:

i)      Fi żmien sena wara li l-pussessur tad-drittijiet ta’ kustodja kellu/ha jew seta’ kellu/ha nformazzjoni dwar fejn kienu l-minuri, ma saret l-ebda talba għar-ritorn ppreżentatquddiem l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn il-minuri ġew imneħħija jew miżmuma;

ii)      talba għar-ritorn reġistrata mill-pussessur tad-drittijiet ta’ kustodja ġiet irtirata u l-ebda talba ġdida ma ġiet ippreżentata fiż-żmien limitu skond il-paragrafu (i);

iii)      każ quddiem qorti fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta ġiet magħluq skond l-Artikolu 11(7);

iv)      sentenza dwar kustodja li ma tikkunsidrax li t-talba tar-ritorn ta’ l-minuri tkun inħarġet mill-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija nġusta jew iż-żamma.”

11.      L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003 jinkludi d-dispożizzjonijiet applikabbli għat-talbiet, taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag, tal-25 ta’ Ottubru 1980, dwar l‑Aspetti Ċivili dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri (5), ħalli jinkiseb ir-ritorn ta’ dan, li tneħħa illegalment jew inżamm. Dan huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fejn persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom id-drittijiet ta’ kustodja japplika ma’ l-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru biex joħroġu sentenza dwar il-bażi ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja [Den Haag] ta’ l-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri […], ħalli tikseb ir-ritorn ta’ l-minuri li ġew inġustament imneħħija jew miżmuma fi Stat Membru barra dak li huwa l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta, għandhom japplikaw paragrafi 2 sa 8.

2.      Meta jiġu applikati l-Artikoli 12 u 13 ta' l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980, għandu jiġi assigurat li l-minuri għandhom jiġu mogħtija l-opportunità li tinstema’ x-xhieda tagħhom waqt il-proċedimenti sakemm dan ma jidhirx li dan ma jkunx xieraq minħabba l-età ta’ l-minuri jew il-livell ta’ maturità tagħhom.

3.      Qorti li fiha hemm applikazzjoni għar-ritorn ta’ l-minuri kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha taġixxi bil-ħeffa fil-proċedimenti dwar l-applikazzjoni, billi tuża l-aktar proċedimenti ħfief fix-xogħol li huma disponibbli fil-liġi nazzjonali.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, il-qorti għandha, ħlief fejn ċirkustanzi eċċezzjonali jagħmlu dan impossibli, taqta’ is-sentenza tagħha sa mhux aktar tard minn sitt gimgħat wara li l-applikazzjoni tkun ġiet irreġistrata.

4.      Qorti ma tistax tirrifjuta milli tirritorna minuri a bażi ta’ l-Artikolu 13b ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980 jekk jiġi stabbilit li saru l-arranġamenti xierqa sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta’ l-minuri wara r-ritorn tiegħu jew tagħha.

5.      Qorti ma tistax tirrifjuta milli tirritorna minuri sakemm il-persuna li talbet ir-ritorn ta’ l-minuri tkun ingħatat l-opportunità li tinstema’.

6.      Jekk qorti ħarġet ordni kontra r-ritorn skond l-Artikolu 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980, il qorti għandha immedjatament titrasmetti jew direttament jew mill-awtorità ċentrali tagħha, kopja ta’ l-ordni ta’ l-qorti dwar l- sabiex ma jsirx ir-ritorn u d-dokumenti rilevanti, u partikolarment traskrizzjoni tas-seduti quddiem il-qorti, lill-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni jew lill-awtorità ċentrali fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta, kif determinati mil-liġi nazzjonali. Il-Qorti għandha tirċievi d-dokumenti kollha msemmija fi żmien xahar mid-data ta’ l-ordni sabiex ma jsirx ir-ritorn.

7.      Kemm-il darba il-qrati fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta ġew diġa fil-pussess ta’ wieħed mill-partijiet, il-qorti jew l-awtorità ċentrali li tirċievi l-informazzjoni imsemmija fil-paragrafu 6 għandha tinnotifika lill-partijiet u tistedinhom jagħmlu s-sottomissjonijiet lill-qorti, skond il-liġi nazzjonali, fi żmien tlett xhur tad-data ta’ notifika ħalli l-qorti tkun tista’ teżamina l-kwistjoni ta’ l-kustodja ta’ l-minuri.

Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni li jinstabu f’dan ir-Regolament, il-qorti għandha tagħlaq il-każ jekk ebda sottomissjoni ma tiġi reġistrata mill-qorti fiż-żmien limitu.

8.      Minkejja sentenza biex ma jsirx ir-ritorn skond l-Artikolu 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980, kwalunkwe sentenza li tiġi wara li tirrekjedi r-ritorn ta’ l-minuri maħruġa minn qorti li għandha l-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament għandha tkun infurzabbli skond it-Taqsima 4 ta’ l-Kapitolu III li tinstab aktar l-isfel ħalli jiġi tassigurat ir-ritorn ta’ l-minuri.”

12.      L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2201/2003 jimponi regola dwar il-ġurisdizzjoni bbażata fuq il-preżenza tal-wild fit-termini li ġejjin:

“1.      Fejn ir-residenza abitwali ta’ l-minuri ma tistax tiġi stabbilita u l-ġurisdizzjoni ma tistax tiġi ddeterminata dwar il-bażi ta’ l-Artikolu 12, il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri huma preżenti għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni.

2.      Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għat-tfal li huma refuġjati jew tfal li huma nternazzjonalment spustati minħabba f’xi nkwiet f’pajjiżhom.”

13.      L-Artikolu 19(2) u (3) tar-Regolament Nru 2201/2003 jindika:

“2.      Fejn il-proċedimenti dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar l-istess minuri u li tinkludi l-istess kawża se jidħru quddiem qrati fi Stati Membri differenti, it-tieni qorti li ħadet il-pussess għandha b’mozzjoni tagħha stess żżomm il-proċedimenti sakemm il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti tiġi stabbilita.

3.      Fejn il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti li ħadet il-pussess tiġi stabbilita, it-tieni qorti bil-pussess għandha iċċedi l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.

Fejn il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti li ħadet il-pussess tiġi stabbilita, it-tieni qorti bil-pussess għandha iċċedi l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.”

14.      L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi l-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ reviżjoni ta’ ġurisdizzjoni fil-qrati tal-oriġini hekk kif ġej:

“Il-ġurisdizzjoni ta’ l-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini ma tistax tiġi riveduta. Il-prova ta’ l-politika pubblika imsemmija fl-Artikoli 22(a) u 23(a) ma tistax ssir fuq ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni imsemmija fl-Artikolu 3 sa 14.”

15.      L-Artikolu 60(e) tar-Regolament Nru 2201/2003 jippreċiża:

“Fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, dan ir-Regolament għandu jieħu preċedenza fuq il-konvenzjonijiet li ġejjin dement li jkunu jikkonċernaw kwistjonijiet li huma rregolati minn dan ir-Regolament:

[…]

e)      il-Konvenzjoni ta’ l-Aja [Den Haag] tal-25 ta’ Ottubru ta’ l-1980 dwar l-Aspetti Ċivili Internazzjonali tal-Htif tal-Minuri”.

B –    Id-dritt internazzjonali

16.      Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 1983, ġie ffirmat u rratifikat kemm mir-Repubblika Franċiża, kemm mir-Renju tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, kif ukoll mill-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

17.      L-Artikoli 3 sa 5 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri jiddisponu:

“Artikolu 3

Ir-rimozzjoni [It-tneħħija] jew ir-ritenzjoni [iż-żamma] ta’ minuri għandhom jitqiesu bħala illeċiti [illegali] meta:

a)      dan ikun bi ksur tad-drittijiet ta’ kustodja, vestiti f’persuna, istituzzjoni jew enti oħra, kemm singolarment, kif ukoll konġuntement, taħt il-liġi ta’ l-Istat fejn il-minuri kien soltu joqgħod minnufih qabel ir-rimozzjoni jew ritenzjoni;

b)      fil-waqt tar-rimozzjoni jew tar-ritenzjoni dawk id-drittijiet kienu attwalment eżerċitati, jew konġuntement sew singolarment, jew kienu jkunu hekk eżerċitati kieku ma kienx għar-rimozzjoni jew għar-ritenzjoni.

Id-drittijiet ta’ kustodja imsemmija fis-subparagrafu (a) hawn aktar qabel oriħinaw b’mod partikolari mill-operat tal-liġi jew bis-saħħa ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva, jew bis-saħħa ta’ ftehim li jkollu effett legali skond il-liġi ta’ dak l-Istat.

Artikolu 4

Il-Konvenzjoni tapplika għal kull minuri li kien soltu joqgħod fi Stat Kontraenti minnufih qabel ikunu nkisru d-drittijiet ta’ kustodja jew ta’ aċċess. Il-Konvenzjoni ma tibqax tapplika meta l-minuri jagħlaq is-sittax il-sena.

Artikolu 5

Għall-għanijiet ta’ din il-Konvenzjoni:

a)      ‘drittijiet ta’ kustodja’ jinkludu d-drittijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kura tal-persuna tal-minuri u, b’mod partikolari, id-dritt li jiġi determinat il-post tar-residenza tal-minuri;

b)      ‘drittijiet ta’ aċċess’ jinkludu d-dritt li minuri jittieħed għal żmien limitat f’post differenti minn fejn soltu joqgħod.”

18.      L-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri huwa fformulat hekk kif ġej:

“Minkejja d-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu ta’ qabel, l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva ta’ l-Istat rikjest m’hiex marbuta li tordna r-ritorn tal-minuri jekk il-persuna, istituzzjoni jew enti oħra li topponi r-ritorn iġġib prova li:

a)      il-pesuna, istituzzjoni jew enti oħra li jkunu vestiti bil-kura tal-persuna tal-minuri ma kienux attwalment qegħdin jeżerċitaw id-drittijiet tal-kustodja fiż-żmien meta jkun tneħħa jew inżamm il-minuri jew li taw il-kunsens tagħhom jew sussegwentement baqgħu siekta għar-rimozzjoni [għat-tneħħija] jew ritenzjoni [zamma] tal-minuri; jew

b)      jkun hemm riskju kbir li r-ritorn tal-minuri se jesponih għal dannu fiżiku jew psikoloġiku jew inkella jqiegħed lill-minuri f’sitwazzjoni intollerabbli.

L-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tista’ wkoll tirrifjuta li tordna r-ritorn tal-minuri jekk issib li l-minuri joġġezzjona għar-ritron tiegħu u jkun laħaq età u livell ta’ maturità li jkun tajjeb li wieħed jagħti każ tal-fehmiet tiegħu.

Meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi msemmija f’dan l-Artiklu, l-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi għandhom iqisu l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-isfond soċjali tal-minuri kif provduta mill-Awtorità ċentrali jew minn xi awtorità kompetenti oħra tal-post fejn ikun soltu joqgħod il-minuri.”

C –    Id-dritt nazzjonali

19.      Jidher mid-deċiżjoni tar-rinviju li, fl-Ingilterra u f’Wales, fil-proċeduri tad-dritt privat li jikkonċernaw tfal, il-qrati jistgħu jadottaw taħt it-Taqsima 8 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tat-Tfal tal-1989 (Children Act 1989), digrieti dwar ir-residenza (“residence order”), id-dritt ta’ aċċess (“contact order”) li jiġu pprojbiti ċerti atti (“prohibited steps order”) (“ordnijiet”) jew dwar diffikultajiet speċifiċi (“specific issue order”).

20.      Taħt it-Taqsima 4 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tat-Tfal tal-1989, qorti tista’ wkoll tordna li missier ikun detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri għal wild. Fl-Ingilterra u f’Wales, fil-fatt, meta missier ma jkunx miżżewweġ lill-omm binhom, dan ma jibbenefikax mir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq il-wild ipso iure. Huwa jrid jikseb ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew billi jiġi msemmi bħala l-missier fuq iċ-ċertifikat tat-twelid tat-tarbija, jew billi jiġi konkluż ftehim dwar ir-responsabbilità tal-ġenituri mal-omm, jew permezz ta’ digriet li jagħtih ir-responsabbiltà tal-ġenituri (“parental responsability order”).

21.      Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni tar-rinviju tippreċiża li l-qrati tal-Ingilterra u ta’ Wales laqgħu (6) , li meta dawn titressaq quddiemhom talba ta’ dritt ta’ kustodja fir-rigward ta’ wild, huma stess ikunu jistgħu jiksbu tali dritt ta’ kustodja fir-rigward ta’ dak l-istess wild jekk ir-rikorrent għad ma jkollux dan id-dritt.

II – Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

A –    Iċ-ċirkustanzi li wasslu għall-kawża prinċipali

22.      Il-fatti fil-kawża prinċipali, fuq il-bażi ta’ informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, siltiet meħuda mid-dokumenti tar-rikorrenti u tal-konvenut fil-kawża prinċipali jew miġbura matul is-seduta, jistgħu jinġabru fil-qosor hekk kif ġej.

23.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Mercredi, ċittadina Franċiża, u l-konvenut fil-kawża prinċipali, Chaffe, ċittadin Britanniku, huma l-ġenituri ta’ tifla wkoll ċittadina Franċiża, imwielda barra miż-żwieġ fir-Renju Unit fil-11 ta’ Awwissu 2009. Huma għexu flimkien għal bosta snin, sal-1 ta’ Awissu 2009, data li fiha l-missier telaq mir-residenza komuni.

24.      Fis-7 ta’ Ottubru 2009, jiġifieri xahrejn wara, l-omm telqet mill-Ingilterra ma’ bintha lejn il-pajjiż fejn tirrisjedi l-familja tagħha, il-gżira ta’ Réunion, dipartiment Franċiż extra-Ewropew, fejn huma waslu l-għada, fit-8 ta’ Ottubru 2009. Huwa stabbilit li missier it-tifla ma kienx ġie infurmat bit-tluq tagħhom. Huwa wkoll stabbilit li dan it-tluq kien legali, billi f’din id-data, l-omm tal-wild kienet l-uniku detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tat-tifla.

25.      Missier it-tifla ppreżenta numru ta’ rikorsi kemm quddiem diversi qrati Ingliżi sabiex jikseb ir-responsabbiltà tal-ġenituri, id-dritt ta’ kustodja u/jew drittijiet ta’ aċċess fir-rigward tat-tifla kif ukoll quddiem il-qrati Franċiżi taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri. L-omm ukoll ippreżentat rikors quddiem il-qrati Franċiżi, sabiex tikseb ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tat-tifla kif ukoll id-dritt ta’ kustodja.

B –    Il-proċeduri mibdija fl-Ingilterra

26.      Fid-9 ta’ Ottubru 2009, jiġifieri jumejn wara t-tluq ta’ l-omm u t-tifla, il-missier tat-tifla, ippreżenta telefonikament rikors quddiem l-Imħallef tal-għassa tal-High Court of Justice (England & Wales), Family Division (ir-Renju Unit) (“Duty High Court Judge”). Fl-istess jum, id-Duty High Court Judge li quddiemu tressaq dan ir-rikors, ta digriet li bih talab il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar fejn tinsab it-tifla (“location order”) u ordna li din il-kawża titressaq quddiemu fit-12 ta’ Ottubru segwenti.

27.      Fit-12 ta’ Ottubru 2009, missier it-tifla ressaq it-talbiet tiegħu waqt is-seduta quddiem id-Duty High Court Judge, fejn b’mod partikolari talab sabiex jingħata r-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tat-tifla, sabiex tingħata residenza alternattiva u sabiex ikollu dritt ta’ aċċess. Fl-istess jum, id-Duty High Court Judge ta digriet li jeżiġi r-ritorn tat-tifla fit-territorju tal-Ingilterra u Wales. Huwa stabbilit li omm it-tifla la kienet taf bit-talba mressqa mill-missier u lanqas ma kienet preżenti u rrappreżentata legalment għal din is-seduta.

28.      F’dan id-digriet tat-12 ta’ Ottubru 2009, id-Duty High Court Judge, l-ewwel nett qis li d-data li fiha tressqet il-kawża quddiem il-qorti Ingliża kienet dik li fiha missier it-tifla kien ikkuntattja telefonikament, jiġifieri fid-9 ta’ Ottubru 2009, it-tieni nett, li kemm il-qorti Ingliża kif ukoll missier it-tifla kienu minn dik id-data, jiddisponu mid-dritt ta’ kustodja tat-tifla, it-tielet nett, li sa dik id-data t-tifla dejjem kellha r-residenza abitwali tagħha fl-Ingilterra u, ir-raba’ nett u konsegwentement, li l-qrati Ingliżi kellhom ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ dik it-tifla.

29.      Huwa stabbilit li fis-16 ta’ Ottubru 2009 l-omm irċeviet in-notifika tad-digriet tat-12 ta’ Ottubru 2009, illi hija madankollu naqset milli tikkonforma miegħu.

30.      Fil-15 ta’ Ottubru 2009, il-missier ippreżenta talba taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri (7).

31.      Fit-28 ta’ Ottubru 2009, omm it-tifla bdiet proċedura quddiem it-tribunal de grande istance de Saint-Denis (Franza) (8).

32.      Fis-26 ta’ Jannar 2010, missier it-tifla ressaq kawża addizzjonali fil-kuntest tal-proċeduri mibdijja quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Family Division (ir-Renju Unit), sabiex jiġi stabbilit li t-tifla kellha r-residenza abitwali tagħha fl-Ingilterra, li l-qrati Ingliżi kellhom ġurisdizzjoni esklussiva fir-rigward tat-tifla, li kemm huwa nnifsu kif ukoll il-qrati Ingliżi kellhom id-dritt ta’ kustodja tat-tifla u li din tal-aħħar kienet illegalment inżammet fir-Réunion. Dawn it-talbiet intlaqgħu pprovviżorjament permezz ta’ digriet li, barra minn dan, jistieden ukoll lill-omm li tipproduċi l-provi. Dan id-digriet ġie trażmess lill-awtorità ċentrali Franċiża u nnotifikat lill-omm.

33.      Fil-15 ta’ April 2010, il-każ ġie eżaminat mill-High Court of Justice (England & Wales), Family Division (ir-Renju Unit). Fid-digriet mogħti fl-istess jum, il-High Court of Justice (England & Wales), Family Division, ikkunsidrat li d-data li fiha tressqet il-kawża quddiem il-qorti Ingliża kienet id-9 ta’ Ottubru 2009, data li fiha missier it-tifla kien ikkuntattja telefonikament lid-Duty High Court Judge u li, minn dik id-data, il-qorti Ingliża kellha dritt ta’ kustodja tat-tifla. Hija ddeċidiet li missier it-tifla wkoll kellu dritt ta’ kustodja sa minn dik id-data, billi ngħataw xi digrieti favur tiegħu. Fl-aħħar nett, hija qieset li t-tifla dejjem kellha r-residenza abitwali tagħha fl-Ingilterra fil-mument meta l-qorti Ingliża u l-missier kienu kisbu d-dritt ta’ kustodja u li, għalhekk, fid-9 ta’ Ottubru 2009, il-qrati Ingliżi kellhom ġurisdizzjoni.

34.      Huwa stabbilit li omm it-tifla ma kinitx preżenti għas-seduta tal-15 ta’ April 2010, iżda li l-avukat Franċiż tagħha ressaq osservazzjonijiet bil-miktub.

35.      Fid-29 ta’ Ġunju 2010, missier it-tifla talab lit-tribunal de grande instance de Saint-Denis li tirrikonoxxi u tinforza d-digriet tal-High Court of Justice (England & Wales), Family Division.

36.      Fl-24 ta’ Ġunju u fit-12 ta’ Lulju 2010, il-High Court of Justice (England & Wales), Family Division, tat digrieti oħra, bl-aħħar wieħed jeħtieġ li omm it-tifla tiżgura li t-tifla tista’ provviżorjament ikollha kuntatt ma’ missierha fir-Réunion bejn id-29 ta’ Lulju u t-12 ta’ Awwissu 2010.

37.      Fit-12 ta’ Lulju 2010, omm it-tifla ressqet appell kontra d-digrieti tad-Duty High Court Judge tat-12 ta’ Ottubru 2009 u tal-High Court of Justice (England & Wales), Family Division, tal-15 ta’ April 2010 quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division), li ddeċidiet tressaq talba għal deċiżjoni preliminari.

C –    Il-proċeduri mibdija fi Franza

1.      Il-proċeduri mibdija mill-omm

38.      Fit-28 ta’ Ottubru 2009, omm it-tifla ressqet talba quddiem it-tribunal de grande istance de Saint-Denis sabiex tikseb ir-responsabbiltà tal-ġenituri esklużiva fir-rigward tat-tifla u li r-residenza attwali tat-tifla tiġi stabbilita bħala l-indirizz tagħha. Missier it-tifla ma kienx innotifikat bil-ftuħ ta’ din il-proċedura, li huwa sar jaf dwarha fil-kuntest tal-proċedura mibdija taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri.

39.      Fis-27 ta’ Jannar 2010, l-avukati ta’ missier it-tifla talbu lit-tribunal de grande instance de Saint-Denis tissospendi l-proċeduri dwar it-talbiet tal-omm, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri u tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003.

40.      Permezz tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 2010, it-tribunal de grande istance de Saint-Denis ta lill-omm ir-responsabbiltà tal-ġenituri esklużiva fir-rigward tat-tifla u stabbilixxa r-residenza tagħha fl-inidirizz tal-omm. Missier it-tifla la kien preżenti u lanqas kien irrappreżentat fis-seduta li nżammet fil-31 ta’ Mejju 2010.

2.      It-talba tal-missier taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri

41.      Fil-15 ta’ Ottubru, 2009, missier it-tifla ressaq talba quddiem l-awtorità ċentrali Ingliża fejn talab għar-ritorn tal-tifla fl-Ingilterra u f’Wales taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, li wasslet, fit-18 ta’ Diċembru 2009, għall-ftuħ ta’ proċedura quddiem it-tribunal de grande istance de Saint-Denis.

42.      It-tribunal de grande istance de Saint-Denis kienet ordnat lill-omm tidher quddiemha taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri. Il-konvokazzjoni kienet speċifikament tirrigwarda d-digriet tad-Duty High Court Judge tat-12 ta’ Ottubru 2009.

43.      It-talba tal-missier taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri ġiet miċħuda fil-15 ta’ Marzu 2010, minħabba li huwa ma kellux dritt ta’ kustodja taħt l-Artikoli 3 u 5 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri.

III – Id-domandi preliminari u t-talba għal deċiżjoni preliminari b’urġenza

44.      Wara li tressaq quddiemha l-appell ta’ omm it-tifla, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division), permezz tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Ottubru 2010, iddeċidiet li tagħmel it-tliet domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Liema huwa t-test adegwat sabiex tiġi ddeterminata r-residenza abitwali ta’ minuri għall-finijiet tal-:

–        Artikolu 8 tar-Regolament […] Nru 2201/2003;

–        Artikolu 10 tar-Regolament […] Nru 2201/2003?

2)      Qorti hija “istituzzjoni jew xi korp ieħor” li tista’ tingħata drittijiet ta’ kustodja għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament […] Nru 2201/2003?

3)      L-Artikolu 10 jibqa’ applikabbli wara li l-qrati tal-Istat Membru mitlub ikunu ċaħdu talba għar-ritorn tal-minuri taħt il-Konvenzjoni tal-Aja [ta’ Den Haag] dwar il-Ħtif [Internazzjonali] ta’ Minuri għar-raġuni li l-Artikoli 3 u 5 ma jkunux sodisfatti?

B’mod partikolari, kif għandu jiġi riżolt kunflitt bejn determinazzjoni magħmula mill-Istat mitlub li r-rekwiżiti tal-Artikoli 3 u 5 tal-Konvenzjoni tal-Aja [ta’ Den Haag] dwar il-Ħtif [Internazzjonali] ta’ Minuri mhumiex sodisfatti u determinazzjoni mill-Istat li jagħmel it-talba li r-rekwiżiti tal-Artikoli 3 u 5 huma sodisfatti?”

45.      Il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division), fid-deċiżjoni tagħha tar-rinviju, indikat li talbet għall-proċedura ta’ urġenza, minħabba li s-suġġett tar-rinviju huwa li jidentifika l-qorti kompetenti skont id-dritt tal-Unjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-ulied. Hija tippreċiża li sakemm ma tiġix identifikata l-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni, l-ebda deċiżjoni ma tista tittieħed fuq it-talbiet minn missier it-tifla sabiex jikseb digriet li jippermettilhom ikollhom kuntatt.

46.      Permezz tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 2010, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tipproċedi għat-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex tissottometti din il-kawża għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

47.      Ir-rikorrenti u l-konvenut fil-kawża prinċipali, il-Gvern tar-Renju Unit, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Irlandiż u l-Gvern l-Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fis-seduta li saret fl-1 ta’ Diċembru 2010.

IV – Osservazzjonijiet preliminari

48.      Qabel ma jsir eżami tad-domandi tal-qorti tar-rinviju, huwa neċessarju li jiġu ċċarati żewġ punti ta’ importanza għall-iżviluppi kollha segwenti.

49.      L-ewwel punt, li jirrigwarda l-kwalifika legali dwar is-sitwazzjoni li hija l-oriġini tal-kawża prinċipali, ma jirrikjedix għal issa żviluppi fit-tul. Għandu jinżamm amment li t-tneħħija tat-tifla seħħet b’mod legali kemm taħt ir-Regolament Nru 2201/2003 kif ukoll taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, hekk kif ser ikollna l-okkażjoni nenfasizzaw fil-kuntest tal-eżami tar-rilevanza tat-tieni u tat-tielet domandi (9), li kemm missier (10) u omm it-tifla, il-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet kif ukoll il-Kummissjoni qablu ma’ dan.

50.      It-tieni punt, dwar id-data rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni internazzjonali skont ir-Regolament Nru 2201/2003, din madankollu hija ftit iktar delikata.

51.      B’mod ġenerali, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jippreċiża li hija d-data li fiha l-qorti ta’ Stat Membru titressaq kawża quddiemha li għandha tiddetermina jekk il-wild għandhux residenza abitwali f’dan l-Istat Membru. Jekk il-wild għandu r-residenza abitwali tiegħu fl-Istat Membru tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża, mill-jum ta’ dan it-tressiq, din tkun tista’ tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003. Min-naħa l-oħra, jekk il-wild ma għadx għandu residenza abitwali fl-Istat Membru tal-qorti fil-jum li fiha sar dan it-tressiq, din tal-aħħar ma tistax tikkunsidra li għandha ġurisdizzjoni, għall-inqas fuq il-bażi tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003. Madankollu, hija tista’ eventwalment tassumi l-ġurisdizzjoni skont iċ-ċirkustanzi, fuq il-bażi tal-Artikoli 9, 10, 12 jew 14 tar-Regolament Nru 2201/2003 jew ukoll tirrifjuta l-ġurisdizzjoni fuq il-bażi tal-Artikoli 13 jew 15 ta’ dan ir-regolament (11).

52.      Fid-deċiżjoni tagħha ta’ rinviju, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) enfasizzat li żewġ dati jistgħu jitqiesu bħala rilevanti f’dan il-kuntest, dawk tad-9 ta’ Ottubru 2009, data li fiha l-missier tat-tifla ppreżenta telefonikament rikors quddiem id-Duty High Court Judge, u dik tat-12 ta’ Ottubru 2009, data li fiha l-missier formalment ippreżenta dawn it-talbiet matul is-seduta quddiem l-istess Imħallef . Fid-digriet tagħha tal-15 ta’ April 2010, il-High Court of Justice (England & Wales), Family Division, espressament indikat li mill-filgħaxija tad-9 ta’ Ottubru 2009, qorti Ingliża kienet tressqet kawża quddiemha u din, bħall-missier, kellha dritt ta’ kustodja fil-konfront tal-wild.

53.      F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm huwa għall-qorti tar-rinviju li tiddetermina liema minn dawn iż-żewġ dati għandha tiġi kkunsidrata rilevanti, ir-Regolament Nru 2201/2003 inniffsu jistabbilixxi huwa stess il-kundizzjonijiet li taħthom qorti hija meqjusa li tressqet kawża quddiemha.

54.      Fil-fatt, l-Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 jippreċiża li qorti għandha tiġi kkunsidrata li tressqet kawża quddiemha fid-data li fiha l-att promotur jew att ekwivalenti jiġi ppreżentat lill-qorti, sakemm ir-rikorrent ma naqasx sussegwentement milli jieħu l-miżuri neċessarji sabiex issir in-notifika ta’ dan l-att lill-konvenut (12).

55.      Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali u fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, jidher li hija biss id-data tat-12 ta’ Ottubru 2009 li tista’ tiġi kkunsidrata rilevanti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2201/2003, filwaqt li huwa ppreċiżat li madankollu huwa għall-qorti li tiżgura li l-proċeduri ta’ notifika jitwettqu fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (13).

56.      Madankollu, huwa importanti li jiġi enfasizzat li tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari fil-kuntest ta’ appell kontra żewġ digrieti mogħtija minn żewġ qrati differenti li t-tnejn iddeċidew dwar il-ġurisdizzjoni tagħhom taħt ir-Regolament Nru 2201/2003, l-ewwel waħda ftit wara t-tluq tal-omm ma’ bintha, fit-12 ta’ Ottubru 2009, it-tieni darba sitt xhur wara dan it-tluq, fil-15 ta’ April 2010.

57.      Din il-partikolarità, marbuta flimkien man-natura ġenerali tal-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, tagħmilha diffiċli li wieħed jiddetermina jekk din hijiex ser tiddeċiedi fl-appell fuq il-ġurisdizzjoni taż-żewġ qrati inferjuri jew, fil-kuntest ta’ dan l-appell, dwar il-ġurisdizzjoni tagħha stess skont ir-Regolament Nru 2201/2003. Madankollu, id-determinazzjoni tar-residenza abitwali tal-wild huwa, fid-dawl tal-kriterji ddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha A, iċċitata iktar ’il fuq, u għal dawk li ser jiżdiedu fil-kuntest ta’ din il-kawża, kompitu ferm iktar diffiċli sabiex jitwettqu fl-ewwel sitwazzjoni iktar milli f’din tal-aħħar (14). L-iżviluppi li jirriżultaw, jitilqu, madankollu, mill-premessa li d-determinazzjoni tar-residenza abitwali tal-wild għandha sseħħ fid-data li fiha tressqet il-kawża inizjalment, it-12 ta’ Ottubru 2009, quddiem il-qrati Ingliżi, bil-preċiżazzjoni li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi l-pożizzjoni li bi ħsiebha tadotta f’dan ir-rigward.

V –    Fuq l-ewwel domanda

58.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tipprovdi t-“test” adegwat li jiddetermina r-residenza abitwali tal-wild fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003 (15). Huwa pjuttost diffiċli li jiġi ddeterminat prima facie jekk il-qorti tar-rinviju hux qed tistenna mill-Qorti tal-Ġustizzja risposta ġenerali għal domanda astratta jew jekk għall-kuntrarju, hi tridx risposta adatta għaċ-ċirkustanzi tal-kawża quddiemha. Madankollu, jidher li hija trid risposta konkreta għall-problema quddiemha.

59.      B’dan il-mod, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi direttament sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tagħha taħt ir-Regolament Nru 2201/2003 fuq il-kunċett tar-residenza abitwali, hekk kif b’mod partikolari jidher mill-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament. Minn dan jista’ jiġi dedott li r-residenza hija l-unika bażi li fuqha tista’ tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali. Madankollu, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 huwa parti minn skema ikbar. L-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament jiddikjara espressament li l-ġurisdizzjoni ġenerali li huwa jistabbilixxi hija fondata biss jekk kwalifiki oħra ma humiex u r-residenza abitwali hija biss miżura waħda fost oħrajn, li huma ugwalment suxxettibbli li sussidjarjament jistabbilixxu ġurisdizzjoni.

60.      Minn dan il-lat, għandu jiġi indikat lill-qorti tar-rinviju li l-ewwel “test” li jippermetti li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni taħt ir-Regolament Nru 2201/2003 għandu jitfittex fil-pożizzjoni sistematika tal-kunċett ta’ residenza abitwali fl-iskema ta’ dan ir-regolament. Il-kunċett ta’ residenza abitwali, għalkemm importanti, joffri biss possibbiltajiet limitati. Dan għandu jinftiehem bħala kunċett, li meta jkun il-waqt, jagħti postu lill-kunċetti oħra jew kategoriji alternattivi.

61.      Huwa għalhekk li jiena tal-opinjoni li r-risposta li għandha tingħata lill-ewwel domanda għandha tkun f’żewġ stadji. Matul l-ewwel stadju, ser infittex li nwessa’ kemm jista’ jkun possibbli dawk il-punti li jirriżultaw mis-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq (16), b’tali mod li nipprova dejjem nieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali u mingħajr ma nissostitwixxi ruħi għall-qorti tar-rinviju fil-kompitu tagħha li tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Fit-tieni stadju u sabiex nagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju, bi ħsiebi li niġbed l-attenzjoni kollha fuq il-mezzi kollha li joffri r-Regolament Nru 2201/2003 sabiex jintlaħaq l-għan ewlieni, li jiġi żgurat d-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni.

A –    Fuq id-determinazzjoni tar-“residenza abitwali” tal-wild

62.      Fis-sentenza tagħha A, iċċitata iktar ’il fuq (17), il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet interpretazzjoni tal-kunċett ta’ residenza abitwali ta’ wild fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 mfassal b’mod li jippermetti lill-qrati nazzjonali li jiddeċiedu fi kwalunkwe każ dwar il-ġurisdizzjoni tagħhom taħt dan ir-regolament. Madankollu, jidher mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-metodoloġija magħżula mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża ma hijiex suffiċjenti. Jidher li hemm il-ħtieġa ta’ indikazzjonijiet addizzjonali li jippermettu lill-qrati nazzjonali jifhmu sitwazzjonijiet li fihom kien hemm trasferiment tar-residenza abitwali ta’ wild.

1.      Il-kunċett ta’ residenza abitwali: lezzjonijiet mis-sentenza A

63.      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstat fis-sentenza tagħha A, iċċitata iktar ’il fuq, li r-Regolament Nru 2201/2003 ma jagħtix definizzjoni tal-kunċett ta’ residenza abitwali u li ma jagħmel l-ebda referenza espressa għad-drittijiet tal-Istati Membri sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-kunċett tagħha. Skont il-ġurisprudenza tagħha, din għandha tiġi ddeterminata fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet rilevanti li jirriżultaw mill-għan imfittex minn dan ir-regolament. F’dan il-kuntest, hija enfasizzat l-għan li jirriżulta mill-premessa 12 tar-Regolament Nru 2201/2003, li r-regoli rigward ġurisdizzjoni huma stabbiliti fl-aqwa interessi tal-wild, u b’mod partikolari, tal-kriterju ta’ qrubija (18).

64.      Il-kunċett ta’ residenza abitwali taħt ir-Regolament Nru 2201/2003 huwa kunċett Komunitarju li konsegwentement għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha (19). Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, f’dan ir-rigward, li din l-awtonomija għandha twassal għal ċerta indipendenza fir-rigward ta’ kunċetti, li huma identiċi jew qrib, użati f’oqsma oħra tad-dritt Komunitarju, bħas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti u tad-dritt tas-servizz pubbliku (20).

65.      It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-residenza abitwali ta’ wild “għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi fattwali kollha li huma partikolari għal kull każ” (21). F’dan ir-rigward hija ppreċiżat li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra l-preżenza fiżika tal-wild fi Stat Membru, il-fatturi li aktarx juru li din il-preżenza ma kinitx temporanja jew okkażjonali u li r-residenza tat-wild tirrifletti livell ta’ integrazzjoni fl-ambjent soċjali u tal-familja (22). Fost il-fatturi elenkati hemm it-tul, r-regolarità, il-kundizzjonijiet u r-raġunijiet wara r-residenza fuq it-territorju ta’ Stat Membru u tat-trasferiment tal-familja f’dan l-Istat, iċ-ċittadinanza tal-wild, il-post u l-kundizzjonijiet ta’ tagħlim, il-konoxxenzi lingwistiċi kif ukoll ir-rapporti fil-familja u dawk soċjali tal-wild ma’ dan l-Istat (23). Hija żiedet li l-intenzjoni tal-ġenituri li jistabbilixxu ruħhom mal-wild fi Stat Membru ieħor, permezz ta’ miżuri tanġibbli, bħax-xiri jew il-kiri ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, jista’ jindika l-intenzjoni ta’ bidla fir-residenza abitwali (24).

66.      Jirriżulta mis-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq, li r-residenza abitwali fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, “tikkorrispondi mal-post li jirrifletti ċerta integrazzjoni tal-minuri f’ambjent soċjali u familjari”. Madankollu, din is-sentenza fil-fatt tipprovdi iktar minn definizzjoni waħda tal-kunċett ta’ residenza abitwali. Hija tistabbilixxi l-prinċipji ta’ test li jidentifika r-residenza abitwali ta’ wild. Dan it-test jikkonsisti fl-evalwazzjoni u l-inklużjoni ta’ numru ta’ kriterji oġġettivi u suġġettivi, kwantitattivi u kwalitattivi, temporali u intenzjonali, li jistgħu jistabbilixxu l-integrazzjoni ta’ wild f’ambjent soċjali u ta’ familja, integrazzjoni li għandha jkollha ċerta intensità.

67.      It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien għall-qrati nazzjonali li jiddeterminaw ir-residenza abitwali ta’ wild, li kellhom jagħmlu evalwazzjoni komprensiva tas-sitwazzjoni, evalwazzjoni globali tal-elementi differenti u ta’ indikazzjonijiet rilevanti (25). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma pprovdietx kriterji iktar preċiżi dwar l-obbligi imposti f’dan ir-rigward fuq il-qrati nazzjonali.

68.      Wara li semmejna dan, jista’ jiġi kkunsidrat li s-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq, sa fejn din tipprovdi l-qafas, il-kriterji u l-metodoloġija għad-determinazzjoni tar-residenza abitwali ta’ wild fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003, kienet diġà ngħatat risposta eżatta u sħiħa għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

69.      Dan ma huwiex il-fehma tal-qorti tar-rinviju li, għalkemm hija bilfors kienet taf bis-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq, madankollu ħassitha obbligata li tagħmel din id-domanda (26).

70.      Jidher b’mod ċar li l-qorti tar-rinviju tixtieq li l-Qorti tal-Ġustizzja tmur lil hinn mill-punti diġà fformulati fis-sentenza tagħha A, iċċitata iktar ’il fuq, li tipprovdi indikazzjonijiet iktar preċiżi li jippermettulha li tiżen, skont id-dritt tal-Unjoni, l-argumenti kontradittorji mressqa mill-partijiet fil-kawża prinċipali dwar dan il-punt u li tiddeċiedi l-kwistjoni mressqa quddiemha. Id-domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tinftiehem, xejn iktar u xejn inqas, bħala stedina biex jiġu ppreċiżati l-kriterji li jippermettu d-determinazzjoni ta’ liema ċirkustanzi jistgħu jiġu kkunsidrati li, fil-każ ta’ wild li legalment telaq ma’ ommu mit-territorju ta’ Stat Membru fejn huwa kellu residenza abitwali, kien hemm “telf” tar-residenza abitwali inizjali u ksib ta’ residenza abitwali ġdida.

2.      It-“telf” u l-“ksib” ta’ residenza abitwali fil-każ ta’ tneħħija legali

a)      Il-kundizzjonijiet ta’ trasferiment ta’ residenza abitwali

71.      Sabiex wieħed jista’ jikkunsidra li kien hemm bdil ta’ residenza abitwali, irid ikun hemm “telf” tar-residenza abitwali inizjali u “ksib” ta’ residenza abitwali ġdida (27). Jekk persuna waħda tista’ tabilħaqq ikollha diversi residenzi “sempliċi”, dan madankollu ma jistax ikollu iktar minn residenza abitwali waħda. Barra minn dan, is-sitwazzjoni ta’ persuna li tiddeċiedi li tħalli Stat Membru sabiex tmur tgħix f’ieħor u tgħix hemm b’mod permanenti, ma huwiex l-istess bħal ta’ persuna li inizjalment tistabbilixxi b’mod temporanju r-residenza sempliċi tagħha fi Stat Membru, iżda li eventwalment wara ċertu żmien tispiċċa sabiex tibqa’ hemm. Fl-ewwel każ, it-telf tar-residenza abitwali inizjali u l-ksib tal-ġdida huma avvenimenti simultanji. Fit-tieni każ, il-ksib tar-residenza abitwali fl-Istat Membru l-ġdid wisq probabbli ma jistax jiġi kkunsidrat bħala effettiv jekk mhux biss wara ċertu perijodu ta’ żmien (28). Madankollu, jibqgħu jridu jiġu ddeterminati l-kriterji tat-telf u tal-ksib ta’ residenza abitwali.

b)      Il-kriterji ta’ trasferiment ta’ residenza abitwali

72.      Attenzjoni partikolari f’dan ir-rigward għandha tingħata għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2201/2003 kif ukoll, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, dwar ir-rieda ta’ omm il-wild.

i)      L-elementi ta’ interpretazzjoni dedotti mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2201/2003

73.      Fejn wild jitneħħa legalment minn Stat Membru għal ieħor fejn jikseb residenza abitwali ġdida, l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi għal estensjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali inizjali, b’mod partikolari għal perijodu ta’ tliet xhur. Ir-Regolament Nru 2201/2003 għalhekk jirrikonoxxi li wild jista’ jikseb residenza abitwali ġdida fi żmien tliet xhur (29).

74.      L-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, skont il-verżjoni lingwistika użata, tista’ tagħti lok għal differenzi żgħar fl-interpretazzjoni, jekk mhux diverġenti. Għalhekk, pereżempju, il-verżjoni Ġermaniża (30) ta’ din id-dispożizzjoni pjuttost tenfasizza l-idea li tneħħija legali normalment twassal għall-ksib ta’ residenza abitwali ġdida, waqt illi mill-verżjoni Franċiża (31) jirriżulta b’mod ċar li l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-wild ikun ġie legalment imneħħi, minn naħa, u li jkun kiseb residenza abitwali ġdida, min-naħa l-oħra.

75.      Mingħajr ma noqgħod nitkellem fit-tul dwar il-ġurisprudenza magħrufa tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ testi multilingwi tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi mfakkar li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-verżjonijiet lingwistiċi kollha u f’termini li jirrigwardaw kemm l-iskema ġenerali kif ukoll l-iskop tar-regolament li tagħha hija tikkostitwixxi element (32) kif ukoll tar-rieda reali tal-awtur u tal-għan imfittex minn din tal-aħħar (33).

76.      Minkejja t-titolu kemmxejn qarrieqi tiegħu (34), l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2201/2003, fil-fatt jistabbilixxi l-prinċipju ta’ trasferiment tal-ġurisdizzjoni għall-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali l-ġdida tal-wild fil-każ ta’ tneħħija legali ta’ dan. Il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tar-residenza inizjali tinżamm biss għal perjodu limitat ta’ tliet xhur, sabiex jippermettu lid-detentur ta’ dritt ta’ aċċess li huwa mġiegħel jaċċetta t-tneħħija tal-wild jippreżenta rikors quddiem il-qrati li jkunu tawh dan id-dritt ta’ aċċess sabiex dan jiġi emendat ħalli jirrifletti ċ-ċirkustanzi l-ġodda.

77.      Id-dispożittiv stabbilit minn din id-dispożizzjoni jeżiġi, għalhekk, li t-tluq b’mod legali ta’ persuna li għandha l-awtorità tal-ġenituri fir-rigward tal-wild lejn Stat Membru ieħor normalment jimplika l-ksib ta’ residenza abitwali ġdida f’dan l-Istat Membru. Għaldaqstant, ħlief sakemm ikun hemm ċirkustanzi speċjali, tluq b’mod legali normalment ikun jinvolvi t-trasferiment tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istat Membru tat-tluq lejn il-qrati tal-Istat Membru tal-wasla, li huma meqjusa fl-aħjar pożizzjoni bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ qrubija (35).

78.      Billi jista’ jiġi dedott mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2201/2003 li t-tneħħija legali minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor, sakemm din tkun tidher bħala tluq indefinit u mhux ċikliku f’dan l-Istat Membru, tikkostitwixxi evidenza qawwija biżżejjed biex tikseb residenza abitwali f’dan tal-aħħar, b’dan il-kriterju jrid jiġi elevat għall-grad ta’ preżunzjoni, għalkemm żgħira, ta’ ksib ta’ residenza ġdida, bil-konsegwenza li mbagħad tkun il-parti li tikkontesta dan il-ksib li għandha tipproduċi l-provi li hija ma kinitx involuta fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni.

79.      Madankollu huwa importanti li jiġi ndikat li jekk dawn l-elementi huma ta’ importanza, dawn żgur ma humiex l-uniċi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, billi l-eżami mill-qrati nazzjonali, fi kwalunkwe każ, għandu dejjem iseħħ wara evalwazzjoni globali tas-sitwazzjoni fit-termini imposti mis-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq, u tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha rilevanti, bil-għan li tiġi stabbilita l-integrazzjoni tal-wild fl-ambjent tiegħu tal-familja u soċjali.

80.      Hawnhekk irid jiġi kkonstatat li ma jidhirx opportun li jiġi llimitat l-eżami mill-qrati nazzjonali ta’ sitwazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ residenza abitwali, billi, pereżempju, jiġi ffissat permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, limitu ta’ żmien standard (36) li fit-tmiem tiegħu bdil ta’ residenza jista’ jiġi kkunsidrat effettiv (37), jew billi jiġi deċiż li t-tneħħija leġittima ta’ wild twassal mill-ewwel għal telf immedjat tar-residenza abitwali oriġinali tiegħu (38). Dawn iż-żewġ approċċi fil-fatt huma f’kontradizzjoni diretta mal-approċċ, flessibbli u prammatiku sostnut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq, filwaqt li mhux neċessarjament probabbli li tlaħħaq mas-sitwazzjonijiet kollha possibbli.

ii)    L-importanza tar-rieda tal-omm fl-evalwazzjoni tar-residenza abitwali ta’ wild li tneħħa legalment

81.      Kif ġie mfakkar qabel, hija l-ewwel qorti li tressqet quddiemha l-kawża li trid tiddetermina, fid-data li tressqet il-kawża quddiemha, liema hija r-residenza abitwali tal-wild, permezz tal-metodoloġija stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq. Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx f’din is-sentenza dwar dan il-punt, huwa ċar li t-tiftix tal-kriterji li jippermettu lil din il-qorti li tifforma opinjoni tagħha għandha ssir skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali, imma madankollu, f’konformità mal-liġi u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-teħid inkunsiderazzjoni tar-rieda ta’ omm il-wild, billi hija kienet l-uniku detentur tal-awtorità tal-ġenituri fir-rigward ta’ din tal-aħħar fid-data tat-tluq, kien jikkostitwixxi element ta’ rilevanza partikolari.

82.      Infakkar li fil-kawża prinċipali, l-omm u bintha telqu mill-Ingilterra fis-7 ta’ Ottubru 2009. Il-qrati Ingliżi, li quddiemhom ġie ppreżentat rikors fit-12 ta’ Ottubru 2009 li jitlob lill-qrati jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni tagħhom taħt ir-Regolament Nru 2201/2003 għandhom għalhekk jiddeterminaw jekk sa mit-tluq tiegħu ma’ ommu, il-wild tilifx ir-residenza abitwali tiegħu fl-Ingilterra u kisibx sad-data li fiha ġie ppreżentat ir-rikors quddiemhom, residenza abitwali ġdida fi Franza.

83.      Apparentement, hekk kif jirriżulta mid-digriet tal-15 ta’ April 2010, ir-rieda tal-omm li tħalli definittivament l-Ingilterra ma’ bintha seta’, minn naħa, jiġi dedott minn xi fatti oġġettivi, bħax-xiri tal-biljett tal-ajru mingħajr ritorn, u diversi dikjarazzjonijiet li ftit jew wisq juru din l-intenzjoni. Il-bejgħ mill-omm tal-karozza li kellha fl-Ingilterra, madankollu, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala konklużiva biżżejjed f’dan ir-rigward. Madankollu, min-naħa l-oħra, seta’ jkun hemm dubji serji dwar din ir-rieda, minħabba l-fatt li l-omm ma kinitx informat bit-tluq tagħha la lil min jimpjegaha u lanqas lis-sid tal-appartament tagħha.

84.      Barra minn dan, jekk ir-rieda tal-omm li tħalli l-Ingilterra ma kinitx ħielsa minn kull dubju, elementi oħra jippermettu li tiġi ddubitata l-intenzjoni tagħha li tmur tgħix fir-Réunion. Dan jista’ jiġi dedott mill-korrispondenza mibgħuta ftit qabel it-tluq tagħha, u b’mod partikolari minn kartolina impustata mill-ajruport fil-jum tat-tluq, li dan it-tluq kienet iktar bħala tweġiba għall-istress ikkawżat mit-theddid tal-missier li jagħti bidu għal proċedura ġudizzjarja sabiex jinkiseb ir-rikonoxximent tal-awtorità tal-ġenituri fuq il-wild iktar milli bħala deċiżjoni ta’ riflessjoni li tibda ħajja ġdida fir-Réunion.

85.      Ċertament, hekk kif ġie enfassizat iktar ’il fuq, it-tluq minn Stat Membru b’mod legali u l-istabbiliment ta’ residenza ġdida fi Stat Membru ieħor mhux bilfors awtomatikament u immedjatament jimplika l-ksib ta’ residenza abitwali ġdida fit-tieni Stat Membru. Madankollu, jibqa’ li fil-każ ta’ sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, hija biss ir-rieda ta’ dik il-persuna li għandha l-awtorità tal-ġenituri fuq il-wild li għandha tiġi kkunsidrata b’mod predominanti, hekk kif il-Gvern Ġermaniż osserva matul is-seduta.

86.      Din il-kunsiderazzjoni kienet meħtieġa speċjalment fil-kawża prinċipali għaliex fid-data tat-tluq it-tarbija kienet qegħda terda’.

87.      It-teħid inkunsiderazzjoni tal-età tal-wild tista’ tittieħed ukoll inkunsiderazzjoni kemm fil-kuntest tal-eżami tat-telf ta residenza abitwali kif ukoll f’dak tal-ksib ta’ residenza abitwali ġdida. Wild żgħir ħafna li għadu partikolarment jiddipendi fuq ommu u b’din tal-aħħar tirrapreżenta “orizzont vitali” għalih, huwa ċar li r-rieda tal-omm li titlaq legalment minn Stat Membru sabiex tmur tgħix jew tmur tgħix mill-ġdid fi Stat Membru ieħor jikkostitwixxi element deċiżiv ta’ evalwazzjoni tat-telf tar-residenza abitwali ta’ dak il-wild. Barra minn dan, l-età żgħira tal-wild involut jimplika li l-kundizzjonijiet għall-integrazzjoni tiegħu fl-ambjent tal-familja l-ġdida tiegħu u f’dak soċjali x’aktarx ikun issodisfatt malajr ħafna.

88.      Din il-kunsiderazzjoni li tirriżulta mir-rieda tad-detentur tal-awtorità tal-ġenituri ma timplikax li ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oħra.

89.      Għall-kuntrarju, din ir-rieda għandha ssib konferma f’elementi tanġibbli, li jistgħu jkunu, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fis-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq, ix-xiri jew il-kiri ta’ akkomodazzjoni fl-Istat Membru l-ġdid. Madankollu, ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew ritorn għand membri tal-familja tiegħu huma elementi rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ din ir-rieda. Dan jista’ jkun il-każ f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża preżenti, fejn il-missier telaq mir-residenza komuni ftit qabel it-twelid tal-wild. Kunsiderazzjonijiet ta’ natura psikoloġika u ekonomika jistgħu wkoll jippermettu li f’ċirkustanzi bħal dawn tiġi kkunsidrata l-importanza tat-tluq.

90.      Hekk kif enfasizza l-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta, din il-volontà ma hijiex madankollu ser tiġi injorata biss fuq il-bażi ta’ allegazzjoni li tgħid li t-tneħħija tal-wild hija essenzjalment immotivata mill-ħsieb li tinżamm dritt ta’ kustodja esklużiva.

91.      Missier il-wild, f’dan ir-rigward essenzjalment sostna li t-tluq tal-omm mal-wild seħħ speċifikament sabiex hija tkun tevita li l-missier ma jkunx jista’ jirrikorri għall-qrati Ingliżi u bil-għan li toħloq rbit artifiċjali ta’ natura legali u ġudizzjarja, bi ksur tad-dritt kemm tal-wild kif ukoll tal-missier għal familja, kif iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta u l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 Novembru 1950, kif ukoll tad-drittijiet tal-wild hekk kif iggarantiti mill-Artikolu 24 tal-Karta. Huwa jenfasizza li huwa fil-ħajja reali li tinħass il-ħsara li tirriżulta mill-ħtif ta’ wild u li dawn l-effetti ma jistgħux jiġu kkwalifikati fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet legali astratti bħal dawk dwar il-kwistjoni jekk, fil-mument tat-tneħħija tal-wild, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kienet biss tal-omm jew jekk kinitx taż-żewġ ġenituri. Huwa jżid li la r-Regolament Nru 2201/2003 u lanqas il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri ma jagħmlu distinzjoni skont l-istatus tal-ġenituri, skont jekk dawn humiex miżżewġa jew le.

92.      Anki jekk dawn l-allegazzjonijiet jikkorrispondu għar-realtà, billi dawn ma huwiex possibbli li jiġu ddeterminati biss fuq il-bażi tal-proċess, għandhom jiġu esklużi.

93.      Huwa importanti li jibqa’ jiġi kkunsidrat li d-determinazzjoni tar-residenza abitwali ta’ wild għandha biss l-għan li jidentifika l-ġurisdizzjoni li, skont il-prinċipju tal-qrubija u fl-aqwa interess tal-wild, huwa meqjus l-eqreb għall-wild. Dan l-eżami, hekk kif diġà ġie enfasizzat, għandu jiġi kondott mill-perspettiva tal-wild u fl-ebda każ mill-perspettiva tal-ġenituri, tkun xi tkun il-leġittimità tat-talba tagħhom dwar dak il-wild.

94.      Il-qrati nazzjonali ma jistgħux, mingħajr ma jippreġudikaw il-bażi li fuqha jistrieħ ir-Regolament Nru 2201/2003, jibbażaw il-ġurisdizzjoni tagħhom fuq il-kunsiderazzjoni li d-drittijiet leġittimi tar-rikorrent ma jistgħux jiġu protetti b’mod adegwat mill-qrati ta’ Stat Membru ieħor.

95.      Bħala konklużjoni, għandu jiġi enfasizzat partikolarment il-fatt li l-qrati nazzjonali msejħa sabiex jiddeċiedu dwar il-ġurisdizzjoni tagħhom skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/203 għandhom, fil-kuntest tad-determinazzjoni tar-residenza abitwali ta’ wild u b’mod partikolari għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-realtà ta’ trasferiment ta’ residenza insegwitu għal tneħħija legali, jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jagħtu lill-persuna li hija biss għandha l-awtorità tal-ġenituri u li hija għall-oriġini ta’ din it-tneħħija, il-mezzi sabiex tinstema’ b’mod sħiħ u komplet. Huwa essenzjali li din il-persuna mhux biss kienet kapaċi li tippreżenta osservazzjonijiet, iżda wkoll li jsir kull ma huwa possibbli sabiex tingħata l-opportunità li tispjega r-raġunijiet wara t-tluq tagħha.

96.      Jirriżulta mid-digriet tar-rinviju li, anki jekk dan kien il-każ qabel l-adozzjoni tad-digriet tal-15 ta’ April 2010, dan ma kienx il-każ qabel id-digriet tat-12 ta’ Ottubru 2009, li jindika l-ewwel tressiq ta’ kawża quddiem qorti, fis-sens tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003, fil-kawża prinċipali.

B –    Fuq l-evalwazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali fil-każ ta’ bidla tar-residenza abitwali

97.      Jekk wieħed jassumi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, permezz tas-sentenza tagħha li tagħti deċiżjoni preliminari, tagħti risposta utli u kompluta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju, u, inċidentalment, tipprovdi lill-qrati tal-Istati Membri mitluba japplikaw ir-Regolament Nru 2201/2003 l-elementi li jippermettulhom jiddeċiedu dwar il-ġurisdizzjoni tagħhom stess, ikun għaqli li wieħed jiftakar li r-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi sistema kompluta u koerenti, li fil-kuntest tagħha r-residenza abitwali ta’ wild huwa biss wieħed mill-kriterji, li huwa l-iktar importanti, fuq il-bażi ta’ liema l-qrati nazzjonali għandhom jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni tagħhom. Huwa għalhekk propost li tiġi pprovduta kjarifika dwar dak li huwa u li għandu jkun l-funzjoni tal-qrati nazzjonali taħt ir-Regolament Nru 2201/2003.

1.      Il-kjarifika tal-funzjoni tal-qrati nazzjonali taħt ir-Regolament Nru 2201/2003

98.      L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, li jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni ġenerali tal-qorti tar-residenza abitwali tal-wild, japplika biss, skont il-paragrafu 2 tiegħu, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9, 10 u 12 ta’ dan ir-regolament.

99.      Il-qrati tal-Istati Membri msejħa sabiex jiddeċiedu fuq il-ġurisdizzjoni tagħhom skont ir-Regolament Nru 2201/2003 għandhom, għalhekk, isegwu dak li huwa stabbilit mill-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament. Huma għandhom l-ewwel nett jivverifikaw jekk huma responsabbli taħt l-Artikoli 9, 10 u 12 tar-Regolament Nru 2201/2003. Jekk ma humiex, huma għandhom jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni tagħhom skond l-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, fi ħdan il-kuntest u skont il-metodi deskritti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, u b’mod partikolari fis-sentenza tagħha A, iċċitata iktar ’il fuq, sabiex tiġi ddeterminata r-residenza abitwali tal-wild.

100. Jekk wieħed jassumi li l-metodu segwit ma jippermettix li tiġi ddeterminata r-residenza abitwali tal-wild, il-qrati nazzjonali li quddiemhom tressqet il-kawża għandhom jiddeċiedu fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 2201/2003 jew taħt l-Artikolu 13 tiegħu, jekk huwa impossibbli li tiġi ddeterminata r-residenza abitwali ta’ wild, jew permezz tal-Artikolu 15 ta’ dan l-istess regolament jekk jidher raġjonevoli li jirrifjutaw il-ġurisdizzjoni tagħhom ibbażata fuq ir-residenza abitwali tal-wild (39).

101. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġu enfasizzati d-dimensjonijiet differenti tal-funzjonijiet tal-qrati nazzjonali taħt ir-Regolament Nru 2201/2003 (40).

102. L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2201/2003 jimponi lill-qrati nazzjonali l-obbligu li jqajmu ex officio n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tagħhom, sakemm din il-ġurisdizzjoni ma tkunx ibbażata taħt dan ir-regolament u li qorti oħra ta’ Stat Membru ieħor għandha ġurisdizzjoni taħt dan l-istess regolament.

103. Madankollu, jista’ jiġi ċertament dedott mill-iskema tar-Regolament Nru 2201/2003, li dan tal-aħħar jobbligahom, minbarra milli jeżaminaw il-ġurisdizzjoni tagħhom stess (41), jekk meħtieġ billi tippermettilhom jistiednu l-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet f’dan ir-rigward (42), li jibbażaw il-ġurisdizzjoni tagħhom ex officio abbażi ta’ dan ir-regolament. Barra minn dan, f’dan il-kuntest, għandhom jeżaminaw, sabiex jiżguraw l-aqwa interessi tal-wild, il-kredenzjali kollha possibbli u b’mod partikolari l-opportunità li jirrifjutaw il-ġurisdizzjoni tagħhom favur qorti oħra f’pożizzjoni aħjar.

104. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tgħid xejn differenti fis-sentenza tagħha A, iċċitata iktar ’il fuq (43), fejn hija tirreferi għall-każ eċċezzjonali fejn, fin-nuqqas ta’ determinazzjoni tar-residenza abitwali ta’ wild, il-qorti nazzjonali għandha skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2201/2003, tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tagħha favur il-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild huwa preżenti. Bl-istess mod, qorti nazzjonali tista’ wkoll tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-bażi tal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament. Iż-żewġ possibbiltajiet ser jiġu eżaminati sussegwentement.

2.      L-eżami tal-adegwatezza ta’ rinviju lejn qorti oħra

105. Il-kawża prinċipali tipprovdi eżempju tajjeb tal-kundizzjonijiet li fihom qorti tista’ tirrinvija kawża lejn qorti oħra. Il-High Court of Justice (England & Wales), Family Division, ċertament setgħat, fid-dawl tad-dubji espressi fid-digriet tagħha tal-15 ta’ April 2010, tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-bażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2201/2003. Min-naħa tagħha, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) setgħat, minħabba fl-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni, tiddeċiedi li tirrinvija l-kawża lejn il-qrati Franċiżi, li issa ċertament kienu f’pożizzjoni aħjar sabiex jiddeċiedu l-kwistjoni fil-kawża prinċipali..

a)      Ir-rinviju lejn il-qorti tal-post fejn jinsab il-wild: l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2201/2003

106. L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 2201/203 jipprovdi li fejn ir-residenza abitwali tal-wild ma tistax tiġi stabbilita u l-ġurisdizzjoni ma tistax tiġi ddeterminata fuq il-bażi tal-Artikolu 12 tal-istess regolament, il-qrati tal-Istat Membru li fih jinsab il-wild għandhom ġurisdizzjoni.

107. Fl-espożizzjoni tal-motivi tad-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk jista’ jiġi kkunsidrat li fit-12 ta’ Ottubru 2009 il-wild ma kellux iktar residenza abitwali.

108. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni ssemmi din il-possibbiltà. B’referenza għal deċiżjoni tal-Imħallef Brandon ta’ Oakbrook (44), hija tenfasizza fil-fatt li persuna tista’ f’ġurnata waħda tieqaf li tkun residenti abitwali fi Stat Membru, jekk hija tħalli din bl-intenzjoni preċiża li ma tirritornax lura u tiddeċiedi, minflok, li tittrasferixxi r-residenza permanenti tagħha fi Stat Membru ieħor. Madankollu, din il-persuna ma tistax ssir residenti abitwali fit-tieni Stat Membru f’ġurnata waħda, għaliex sabiex tagħmel dan teħtieġ perijodu relattivament twil u intenzjoni preċiża. Matul dan il-perijodu relattivament twil, il-persuna tkun tilfet ir-residenza tagħha fl-ewwel Stat Membru mingħajr ma tkun kisbet residenza abitwali ġdida fit-tieni Stat Membru. Il-Kummissjoni tikkonkludi li hija l-qorti li għandha tiddetermina jekk l-omm kellhiex intenzjoni preċiża li ma tmurx lura l-Ingilterra, billi turi dan skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-qorti tar-rinviju.

109. F’termini ftit iktar differenti, il-Gvern tar-Renju Unit ukoll isostni li qorti nazzjonali, wara li tkun ħadet inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti u billi tibbaża fuq il-partikolaritajiet tal-każ, tkun tista’ tikkonkludi li wild jista’ jitlef ir-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru immedjatament wara t-tluq tiegħu minnu. F’dan ir-rigward, huwa jenfasizza li sitwazzjoni bħal din ma timplikax nuqqas fil-protezzjoni ta’ wild, sa fejn l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi preċiżament il-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru fejn il-wild huwa preżenti.

110. Għalhekk tista’ terġa’ ssir enfasi mill-ġdid fuq l-idea li huwa għall-qrati nazzjonali li għandhom jeżaminaw jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2201/2003 huma ssodisfatti u jekk, għaldaqstant, tistax tiġi applikata f’din id-dispożizzjoni.

b)      Ir-rinviju lejn il-qorti fl-aħjar pożizzjoni: l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2201/2003 u l-eċċezzjoni ta’ forum non conveniens

111. L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi li, bħala eċċezzjoni, il-qrati ta’ Stat Membru li għandhom ġurisdizzjoni jistgħu, jekk jikkunsidraw li qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-wild għandu rabta partikolari hija f’pożizzjoni aħjar sabiex tisma’ l-każ u meta dan ikun fl-aqwa interessi tal-wild, jew jissospendu l-proċeduri u jistiednu lill-partijiet sabiex iressqu talba quddiem il-qorti ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, jew jitolbu lill-qorti ta’ Stat Membru ieħor sabiex jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-istess artikolu.

112. L-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi li din il-possibbiltà tista’ tiġi użata, b’mod partikolari, fuq l-inizjattiva tal-qorti nazzjonali li tressqet il-kawża quddiemha.

113. Għalhekk tista’ tkun enfasizzata l-idea li hija l-qorti tar-rinviju li teżamina jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 huma ssodisfatti fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u jekk huwa meħtieġ, li konsegwentement issir applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

C –    Konklużjoni

114. L-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju teħtieġ li tingħata r-risposta li ġejja. B’mod ġenerali, qorti nazzjonali li titressaq quddiemha talba dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ wild għandha espliċitament tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni tagħha skont ir-Regolament Nru 2201/2003 wara li tkun ikkunsidrat suċċessivament l-bażijiet differenti li fuqhom tista’ tiġi stabbilita din il-ġurisdizzjoni taħt dan ir-regolament. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, hija għandha tiddetermina, fl-aħjar interess tal-wild, ir-residenza abitwali ta’ dan tal-aħħar, waqt li tevalwa ċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għas-sitwazzjoni inkwistjoni. B’mod partikolari, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, li huma kkaratterizzati, minn naħa, mil-legalità ta’ tneħħija ta’ wild minn Stat Membru fejn huwa kellu r-residenza abitwali tiegħu lejn Stat Membru ieħor u, min-naħa l-oħra, mit-tressiq immedjat, iżda sussegwenti, ta’ kawża quddiem qorti f’dan l-Istat Membru tar-residenza oriġinali, din il-qorti għandha, b’mod iktar preċiż, tqis jekk din il-bidla fil-fatt twassalx fi żmien qasir għal telf tar-residenza abitwali oriġinali tal-wild u għall-ksib ta’ residenza abitwali ġdida fl-Istat Membru tal-wasla. Għal dan il-għan, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni b’mod konklużiv u identifikabbli, ir-rieda tal-persuna bl-awtorità tal-ġenituri għall-oriġini tat-tneħħija legali, waqt li b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni l-età tal-wild u wara li tkun tat lil din il-persuna l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha u tispjega b’mod sħiħ u komplet ir-raġunijiet wara din it-tneħħija. Hija l-persuna li tikkontesta l-ksib ta’ residenza abitwali ġdida f’ċirkustanzi bħal dawn li għandha tressaq il-provi li juru li din it-tneħħija mhux immotivata minn rieda li tiġi stabbilita residenza abitwali ġdida fl-Istat Membru tal-wasla. Fl-aħħar nett, jekk ma jkunx possibbli għaliha li tistabbilixxi r-residenza abitwali tal-wild, il-qorti nazzjonali għandha tikkonstata dan u, skont il-prinċipju tal-qrubija, tiddetermina l-ġurisdizzjoni tagħha stess fuq il-bażi tal-previżjonijiet tal-Artikolu 13 jew tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003.

VI – Fuq it-tieni u t-tielet domandi

A –    Osservazzjonijiet preliminari dwar ir-rilevanza tad-domandi magħmula

1.      Pożizzjoni tal-problema

115. Permezz tat-tieni inċiż tal-ewwel domanda tagħha (45), kif ukoll permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 li jistabbilixxi r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni fil-każ ta’ ħtif ta’ wild.

116. Barra minn dan, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003, qorti tista’ tikkostitwixxi “istituzzjoni jew xi korp ieħor”, kunċetti u kliem li ma humiex użati fl-Artikoli 10 u 11 ta’ dan ir-regolament.

117. Hekk kif il-Kummissjoni enfasizzat fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, il-qorti tar-rinviju ma tindikax ir-raġunijiet li għalihom hija teħtieġ risposta għal din id-domanda sabiex tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Hija madankollu tenfasizza li din id-domanda tidher li tirriżulta mill-premessa li, jekk il-qrati Ingliżi kisbu dritt ta’ kustodja mid-9 ta’ Ottubru 2010, iż-żamma tal-wild barra mill-Ingilterra hija illegali u għalhekk tista’ tagħti bidu għall-applikazzjoni kemm tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri kif ukoll tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003, li huwa speċifikament ddedikat għar-ritorn tal-wild fil-każ ta’ tneħħija illegali jew żamma.

118. F’dan ir-rigward, missier il-wild fost l-oħrajn allega, li jekk it-tluq tal-omm mal-wild ma kienx inizjalment illegali, iż-żamma tal-wild barra mill-Ingilterra kienet illegali għaliex l-omm naqset milli tikkonforma mad-digrieti varji adottati mill-qrati Ingliżi.

119. It-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tista’, f’dan ir-rigward, tiġi kkunsidrata bħala li impliċitament qed tirreferi għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003.

120. Jirriżulta wkoll mid-domandi tal-qorti tar-rinviju li din tal-aħħar tikkunsidra, għall-inqas b’mod impliċitu, li l-fatti fil-kawża prinċipali huma ekwivalenti għal dawk ta’ ħtif ta’ wild u li, għaldaqstant, kemm il-Konvenzjoni ta’ Den Haag l-Aja dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri kif ukoll l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 2201/2003 huma applikabbli.

121. Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju nfisha li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali legalment telqet mill-Ingilterra għar-Réunion, li, inċidentalment, ġie kkonstatat fid-digriet tal-High Court of Justice (England & Wales), Family Division, tal-15 ta’ April 2010. Id-deċiżjoni tar-rinviju fil-fatt tindika li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet waħedha detentriċi tar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-wild u, li għalhekk, kienet l-unika persuna li għandha l-kustodja taħt l-Artikoli 3 u 5 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri.

122. Il-qorti tar-rinviju fl-Ingilterra u Wales, tippreċiża li missier ma jibbenefikax awtomatikament mir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ wild imwieled barra miż-żwieġ. Madankollu wieħed jista’ jikseb ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew billi jissemma fil-kwalità tiegħu bħala missier fiċ-ċertifikat tat-twelid tal-wild, jew permezz ta’ ftehim dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri mal-omm, jew permezz ta’ digriet li jagħtih ir-responsabbiltà tal-ġenituri (“parental responsibility order”).

123. Il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Franċiż, matul is-seduta, qajmu dubji minħabba fis-sitwazzjoni fattwali tal-kawża prinċipali, fir-rigward tar-rilevanza tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

2.      Kunsiderazzjonijiet

124. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi mfakkar li jista’ jkun hemm biss “tneħħija nġusta jew żamma” ta’ wild, taħt l-Artikolu 2(11), meta jkun hemm ksur ta’ drittijiet ta’ kustodja li tirriżulta minn sentenza jew bl-operat ta’ liġi jew bi fteħim fis-seħħ skont id-dritt tal-Istat Membru fejn il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma.

125. F’dan il-każ, it-tluq tal-omm mal-wild kien legali, hekk kif il-qorti tar-rinviju kkonstatat li jaqblu ma’ dan kemm ir-rikorrenti u l-konvenut fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni permezz tal-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub, kif ukoll il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Irlandiż u l-Gvern Franċiż permezz tal-osservazzjonijiet tagħhom orali. Dan it-tluq ma sar la bi ksur tad-dritt ta’ kustodja ta’ missier il-wild, u lanqas tad-dritt ta’ xi istituzzjoni jew ta’ xi korp ieħor (46).

126. L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi li regola speċifika ta’ ġurisdizzjoni fil-każ ta’ ħtif ta’ wild, japplika biss fil-każ ta’ tneħħija jew ta’ żamma illegali ta’ wild fis-sens tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament Nru 2201/2003.

127. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha McB. (47), in-natura illegali tat-tneħħija ta’ wild għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 jiddependi esklużivament fuq l-eżistenza ta’ dritt ta’ kustodja, mogħti mid-dritt nazzjonali applikabbli, li bi ksur ta’ dan seħħet it-tneħħija.

128. Il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll iddeċidiet f’din is-sentenza li din l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 ma kinitx konsistenti mad-drittijiet iggarantiti mill-Karta, u b’mod partikolari mill-Artikoli 7 u 24 tagħha, li rispettivament, jiggarantixxu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja kif ukoll id-drittijiet fundamentali tal-wild, sakemm, madankollu, missier il-wild ma jkunx iddispona mid-dritt li jitlob li jingħata dritt ta’ kustodja ta’ ibnu qabel ma sseħħ it-tneħħija tal-wild (48).

129. Għandu jingħad ukoll, f’dan ir-rigward, li skont l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, wieħed ma jistax jikkunsidra li hemm “tneħħija nġusta” jew “żamma nġusta” ta’ wild, jekk ma jkunux sodisfatti żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel waħda hija li għandu jkun hemm ksur ta’ dritt ta’ kustodja attribwit mid-dritt tal-Istat fejn il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma tiegħu (49). It-tieni waħda hija li dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat b’mod effettiv (50).

130. Barra minn dan, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, huwa ppreċiżat li d-dritt ta’ kustodja inkwistjoni tista’ tirriżulta partikolarment, mill-attribuzzjoni permezz tal-operat tal-liġi, minn deċiżjoni ta’ qorti jew deċiżjoni ta’ natura amministrattiva jew minn ftehim fis-seħħ skont id-dritt ta’ dak l-Istat. Fi kliem ieħor, il-metodi ta’ kif jinkiseb id-dritt ta’ kustodja taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri jikkorrispondu għat-tliet metodi ta’ kif tista’ tinkiseb ir-responsabbiltà tal-ġenituri skont il-liġijiet tal-Ingilterra u ta’ Wales.

131. Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju nnifisha u li ma hijiex ikkontestata, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jidhirx applikabbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

132. Madankollu, kemm ir-rikorrenti u l-konvenut fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni, fl-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub u orali, kif ukoll il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Irlandiż u l-Gvern Franċiż, fis-seduta, minkejja d-dubji tagħhom f’dan ir-rigward, huma għadu attenti sabiex jipprovdu xi risposti għall-kwistjonijiet hawn imqajma.

133. Għalhekk, jiena nipproponi li fil-linji li ġejjin neżamina fil-qosor it-tieni u t-tielet domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, iżda dan biss sussidjarjament.

134. Madankollu, huwa opportun li tinħataf l-okkażjoni ppreżentata minn din il-kawża sabiex jiġi mfakkar lill-qrati nazzjonali li, fost l-obbligi tagħhom fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, hemm li jesponu r-raġunijiet għalfejn risposta għad-domanda jew id-domandi magħmula minnhom hija meħtieġa sabiex isolvu l-kawża li tinsab quddiemhom. Dan ir-rekwiżit huwa partikolarment importanti fil-kuntest ta’ proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

B –    Fuq it-tieni domanda

135. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq il-kwistjoni jekk qorti tista’ tikkostitwixxi “istituzzjoni jew xi korp ieħor” li tista’ tingħata dritt ta’ kustodja għall-finijiet tar-Regolament Nru 2201/2003.

136. Hekk kif ġie ppreċiżat fl-osservazzjonijiet preliminari iktar ’il fuq, din il-kwistjoni teħtieġ interpretazzjoni tal-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 2201/2003, li huma l-uniċi dispożizzjonijiet tar-regolament li jirreferu, għad-dritt ta’ kustodja, ta’ “istituzzjoni” jew “xi korp ieħor” (51).

137. Ir-Regolament Nru 2201/2003 ma jiddefinixxix x’inhu mfisser b’“istituzzjoni” fis-sens tal-Artikoli 10 u 11.

138. Fis-sentenza tagħha McB., iċċitata iktar ’il fuq (52), il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddikjarat, f’dan ir-rigward, li b’differenza għall-kunċett ta’ “kustodja”, kunċett Komunitarju awtonomu mid-dritt tal-Istati Membri sa fejn dan huwa ddefinit fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament Nru 2201/2003, mill-ifformular tal-Artikolu 2(11), jirriżulta li l-ħatra tad-detentur tal-kustodja tirriżulta mid-dritt tal-Istati Membri (53).

139. Ir-rikorrenti u l-konvenut fil-kawża prinċipali, il-Gvern tar-Renju Unit, il-Gvern Irlandiż u l-Gvern Franċiż, kif ukoll il-Kummissjoni, b’mod ġenerali, irreferu għas-senteza McB., iċċitata iktar ’il fuq, filwaqt li enfasizzaw, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom jew waqt is-seduta, li huma ma kellhom l-ebda oġġezzjoni sabiex dritt ta’ kustodja jingħata lil qorti.

140. Huwa biss il-Gvern Ġermaniż, li matul is-seduta, argumenta li ma kienx possibbli li jiġi rikonoxxut lil qorti li tressqet quddiemha talba dwar il-kustodja ta’ wild li skont l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 jiġi kkunsidrat bħala istituzzjoni fis-sens tal-Artikoli 10 u 11 ta’ dan ir-regolament, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni uniformi ta’ dan ir-regolament. Madankollu, dan il-gvern iżid li r-Regolament Nru 2201/2003 ma jeskludix il-possibilità li jirrikonoxxi tali dritt lil qorti.

141. Għalhekk, b’mod ġenerali, huwa kkunsidrat li, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kawża McB., iċċitata iktar ’il fuq, il-kundizzjonijiet għall-attribuzzjoni tad-drittijiet ta’ kustodja u tar-responsabbiltà tal-ġenituri jirriżultaw mid-drittijiet tal-Istati Membri. Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk il-kunċett ta’ “istituzzjoni” fl-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandhom ukoll, f’dan il-kuntest, jitħallew għall-Istati Membri, fid-dawl tal-oġġezzjoni magħmula mill-Gvern Ġermaniż, jistgħu jkunu suġġetti għal diskussjoni.

142. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 2(9) tar-Regolament Nru 2201/2003 jiddefinixxi d-“drittijiet ta’ kustodja” bħala li jinkludu “d-drittijiet u responsabbilitajiet dwar il-kura ta’ l-persuna ta’ l-minuri, u partikolarment id-drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza ta’l-minuri”. L-Artikolu 2(7) tal-istess regolament jippreċiża li r-responsabbilità tal-ġenituri, hija ddefinita bħala “d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali”.

143. It-tqabbil tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 2201/2003, li jiddefinixxi r-responsabbiltà tal-ġenituri mingħajr ma jirreferi għad-drittijiet tal-Istati Membri, u tal-Artikolu 2(11) ta’ dan ir-regolament li jiddefinixxi t-tneħħija u ż-żamma illegali, tista’ tawtorizza interpretazzjoni li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina t-tifsira tal-kunċett ta’ “istituzzjoni” fis-sens ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

144. Madankollu, huwa diffiċli ħafna li wieħed jimmaġina li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti interpretazzjoni tassew awtonoma u uniformi ta’ dan il-kunċett, fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjonijiet u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (54) u billi tipprova tagħtiha sens ta’ natura li tirrispondu b’mod sħiħ għall-għan imfittex minnha, filwaqt li għall-bqija tirreferi għad-dritt tal-Istati Membri (55).

145. Fi kwalunkwe każ, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern Irlandiż insistew matul is-seduta fuq l-importanza li tirrappreżenta l-possibbiltà li tiġi rikonoxxuta lil qorti l-kwalità ta’ istituzzjoni li għandha d-dritt ta’ kustodja, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 kif ukoll tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri. Fil-fatt, f’ċerti Stati Membri, kif huwa l-każ fl-Irlanda, fl-Ingilterra u f’Wales, id-drittijiet fil-qasam tar-responsabbiltà u tad-dritt ta’ kustodja ma jingħatawx awtomatikament lill-missirijiet naturali, b’dawn tal-aħħar ikunu biss jistgħu jiksbu dan permezz tal-kunsens tal-omm jew, fin-nuqqas ta’ dan, permezz ta’ deċiżjoni ta’ qorti li għandha ġurisdizzjoni. F’dawn il-kundizzjonijiet, huwa imperattiv li l-qrati li quddiemhom il-missirijiet naturali jressqu talba għal rikonoxximent tad-drittijiet tal-awtorità tagħhom tal-ġenituri, ikollhom dritt ta’ kustodja. Fin-nuqqas ta’ dan id-dritt, il-qrati li quddiemhom tressqet il-kawża ma jistgħux jimpedixxu lill-ommijiet li jħallu t-territorju, sakemm jingħataw deċiżjonijiet li eventwalment jagħtu l-awtorità tal-ġenituri lill-missirijiet, wara l-introduzzjoni ta’ tali proċeduri b’tali mod li jevitaw id-deċiżjoni ta’ dawn tal-aħħar.

146. Matul is-seduta, f’dan ir-rigward il-Kummissjoni ppreċiżat, bi tweġiba għall-argument tal-Gvern Ġermaniż, li d-dritt ta’ kustodja kif rikonoxxut lill-qrati f’dawn l-Istati Membri kien ibbażat fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni tagħhom, u għalhekk b’operazzjoni ta’ liġi, u mhux biss minħabba fit-tressiq ta’ kawża quddiemhom.

147. Għalhekk, nipproponi li tingħata bħala risposta għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju, li l-Artikolu 2(7), (9) u (11), kif ukoll l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti ta’ Stat Membru tista’ tikkostitwixxi “istituzzjoni jew xi korp ieħor”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, fejn dritt ta’ kustodja jista’ jingħata għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, sakemm l-għoti ta’ tali dritt ta’ kustodja huwa pprovdut b’operazzjoni ta’ liġi ta’ dak l-Istat Membru.

C –    Fuq it-tielet domanda

148. It-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 10 u 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 u iktar speċifikament dwar ir-regoli applikabbli għall-każ tal-koeżistenza ta’ deċiżjonijiet kunfliġġenti adottati mill-qrati ta’ żewġ Stati membri, waħda fuq il-bażi tar-Regolament Nru 2201/2003 u l-oħra fuq il-bażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri.

1.      Osservazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali, tal-gvernijiet tal-Istati Membri kkonċernati u tal-Kummissjoni

149. Omm il-wild essenzjalment tqis li billi t-tneħħija tal-wild kienet legali, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma japplikax. Madankollu, hija qalet li r-risposta għall-ewwel paragrafu tat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju, fis-sens li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jkomplix japplika wara li l-qrati tal-Istat Membru jkunu ċaħdu talba għar-ritorn tal-wild taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri. Iżda min-naħa l-oħra, hija ma tipprovdix tweġiba diretta għat-tieni paragrafu tat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju. Hija sempliċement tosserva li, jekk fil-fatt is-sistema tar-Regolament Nru 2201/2003 tiġi implementata sewwa, dan għandu jgħin sabiex jiġi evitat kull kunflitt u f’dan ir-rigward tenfasizza l-ħtieġa għall-qrati tal-Istati Membri li jagħmlu użu min-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew, kif ukoll dwar il-ħtieġa għal applikazzjoni uniformi tal-lis alibi pendens u ta’ rispett tar-regoli wara t-tressiq ta’ kawża skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2201/2003. Fi kwalunkwe każ, jekk tibqa’ ma tinsabx soluzzjoni għall-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni, il-qrati nazzjonali jkollhom japplikaw l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003, sabiex jipproteġu l-aqwa interessi tal-wild fir-rispett tal-Karta u tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

150. Missier il-wild isostni li, billi talba dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri kienet tressqet l-ewwel quddiem il-qrati Ingliżi, il-qorti Franċiża li quddiemha tressqet talba identika mill-omm fit-28 ta’ Ottubru 2009, kellha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003, tissospendi l-proċedura quddiemha sakemm tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qrati Ingliżi. Id-deċiżjoni tal-qorti Franċiża tal-15 ta’ Marzu 2010 fuq it-talba għar-ritorn ta’ wild taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri ma tistax tkun il-bażi tal-ġurisdizzjoni tal-qorti Franċiża.

151. Il-Gvern tar-Renju Unit ifakkar li, skont l-Artikolu 60(e) tar-Regolament Nru 2201/2003, dan tal-aħħar jipprevali fuq il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, iżda li skont l-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 2201/2003, il-konvenzjoni tkompli tipproduċi l-effetti tagħha fl-oqsma mhux irregolati minn dan ir-regolament. Billi r-Regolament Nru 2201/2003 jirregola biss b’mod limitat l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri meta titressaq talba fuq il-bażi ta’ dan tal-aħħar, huwa jqis li l-qorti tal-ewwel Stat Membru fejn tressqet il-kawża dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, meta teżamina l-ġurisdizzjoni tagħha skont dan ir-regolament, hija mhux marbuta mid-deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor li jkun iddeċieda fuq talba bbażata taħt din il-konvenzjoni.

152. Il-Gvern Ġermaniż, filwaqt li enfasizza matul is-seduta li t-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju mhux rilevanti sabiex tinsab soluzzjoni għall-kawża prinċipali, billi t-tneħħija tal-wild saret b’mod legali, madankollu huwa xtaq jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu. Huwa enfasizza f’dan ir-rigward, li għalkemm l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2201/2003 jimponi lill-qrati tal-Istati Membri l-obbligu li jivverifikaw il-ġurisdizzjoni tagħhom, taħt dan ir-regolament kif ukoll taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, l-ebda dispożizzjoni ma tiddetermina liema qorti tagħti deċiżjoni finali. Madankollu, iż-żewġ strumenti waqt li jibbażaw fuq l-istess kundizzjonijiet u waqt li l-Istati Membri huma meħtieġa li josservaw u jiżguraw konsistenza fid-deċiżjonijiet tagħhom, l-għan tagħhom għandu jkun li jiġi evitat kwalunkwe kunflitt. Madankollu, ir-regoli ta’ proċedura u ta’ prova huma differenti, huwa possibbli li qorti ta’ Stat Membru tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, filwaqt li qorti fi Stat Membru ieħor diġà tkun irrifjutat talba għar-ritorn taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri.

153. Il-Gvern Franċiż l-ewwel nett jenfasizza li billi l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma kienx applikabbli, l-ewwel paragrafu tat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju ma huwiex irrilevanti. Huwa jqis, b’risposta għat-tieni paragrafu tat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju, li qorti li titressaq kawża quddiemha fuq il-bażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, ma tistax tiddeċiedi dwar kunflitt potenzjali bejn żewġ qrati li tressqu kawżi quddiemhom fuq il-bażi tar-Regolament Nru 2201/2003. Tali kunflitt huwa madankollu rregolat mill-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003.

154. Il-Kummissjoni tfittex li tagħti risposta għat-tielet domanda billi tfakkar ir-regoli tal-Artikoli 8, 10 u 11 tar-Regolament Nru 2201/2003. L-ewwel nett, il-qorti Ingliża tista’ tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, jekk il-kundizzjoni dwar ir-residenza abitwali tkun ġiet issodisfatta. Id-deċiżjoni li tadotta fuq din il-bażi, provviżorja jew finali, tkun torbot skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament. It-tressiq ta’ kawża quddiem qorti tinvolvi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 b’mod li qorti ta’ Stat Membru ieħor li quddiemha tittressaq kawża, bl-istess suġġett u bażi ġuridika, għandha tissospendi l-proċeduri.

155. It-tieni nett, waqt li tippreċiża li mhux possibbli għall-qrati Ingliżi li jqisu lilhom infushom bħala li għandhom ġurisdizzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, hija tqis li t-tressiq ta’ kawża quddiem qorti fuq l-istess bażi, bl-istess mod, għandha twassal għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-lis alibi pendens, sakemm din ma tkunx biss tressqet quddiemha talba għal miżuri provviżorji skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003.

156. It-tielet nett, hija tikkunsidra li l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003 jeżiġi li ssir distinzjoni bejn il-ġurisdizzjoni tal-Istat li tressaq kawża quddiemu sabiex jistabbilixxi jekk jordna r-ritorn tal-wild u l-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru tal-oriġini sabiex jiċħad tali deċiżjoni. L-Istat li tressaq kawża quddiemu għandu ġurisdizzjoni taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri u mhux taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003, billi l-qorti li quddiemha tressqet kawża f’dan l-Istat għandha jkollha ġurisdizzjoni sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk il-wild kienx is-suġġett ta’ tneħħija jew ta’ żamma nġusta fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni. Jekk din il-qorti tikkonkludi li dan ma huwiex il-każ, din id-deċiżjoni ma torbotx lill-qorti tal-Istat ta’ oriġini li quddiemu eventwalment titressaq l-kawża skont l-Artikolu 11(8) tar-Regolament Nru 2201/2003.

157. Il-Kummissjoni tikkonkludi li d-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati ta’ Stat li titressaq kawża quddiemhom huma limitati għall-implementazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri u ma jkollhom ebda impatt fuq il-kriterji ġenerali ta’ ġurisdizzjoni taħt ir-Regolament Nru 2201/2003.

2.      Kunsiderazzjonijiet

158. Hekk kif jista’ jiġi kkonstatat, ir-risposti għat-tielet domanda huma pjuttost kunfliġġenti. Fil-fatt, hekk kif il-Kummissjoni osservat fis-sottomissjonijiet tagħha, din id-domanda hekk kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju ma tikkorrispondix għal kollox maż-żewġ domandi li hija tqajjem. Għalhekk, f’dan ir-rigward hija meħtieġa kjarifika.

a)      Kjarifika għat-tielet domanda

159. L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 għadu applikabbli wara li l-qrati tal-Istat Membru li quddiemhom tressqet il-kawża ċaħdu talba għar-ritorn ta’ wild skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri fuq il-bażi li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 3 u 5 ta’ din il-konvenzjoni ma humiex issodisfatti.

160. It-tieni nett, hija tistaqsi jekk il-qorti Franċiża, li fil-15 ta’ Marzu 2010, ċaħdet it-talba tal-missier għar-ritorn tal-wild taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, minħabba li ma kellux il-kustodja tal-wild fis-sens tal-Artikoli 3 u 5 ta’ dik il-konvenzjoni tista’, fuq dik il-bażi, tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq il-wild jew jekk, għall-kuntrarju, hija kellha tirrikonoxxi lill-High Court of Justice (England & Wales), Family Division, il-kwalità tal-ewwel qorti li quddiemha tressqet il-kawża skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003.

161. Iż-żewġ domandi essenzjalment jirrigwardaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-lis alibi pendens tar-Regolament Nru 2201/2003 f’żewġ sitwazzjonijiet differenti. Fl-ewwel waħda, hemm żewġ deċiżjonijiet kunfliġġenti ta’ qrati ta’ Stati Membri differenti, wieħed adottat taħt ir-Regolament Nru 2201/2003 u l-ieħor adottat taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri. Fit-tieni waħda hemm żewġ deċiżjonijiet kunfliġġenti ta’ qrati ta’ Stati Membri differenti, iżda li t-tnejn kemm huma ġew adottati fuq il-bażi tar-Regolament Nru 2201/2003.

b)      Kunflitt bejn deċiżjoni adottata fuq il-bażi tar-Regolament Nru 2201/2003 u deċiżjoni adottata fuq il-bażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri

162. Is-sitwazzjoni msemmija f’dan il-każ (56) hija dik fejn jeżistu flimkien, fuq naħa, id-deċiżjonijiet tal-qrati Ingliżi, li ddikjaraw lilhom infushom bħala li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar kawża li tirrigwarda r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq il-bażi tar-Regolament Nru 2201/2003, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 2201/2003, u fuq in-naħa l-oħra, id-deċiżjoni Franċiża li tiċħad bħala infondata t-talba mressqa mill-missier, taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri.

163. L-Artikolu 11(8) tar-Regolament Nru 2201/2003 jidher li fih ir-risposta għal din id-domanda. Din id-dispożizzjoni tipprovdi, fil-fatt, il-possibbiltà għal qorti ta’ Stat Membru li għandha ġurisdizzjoni skont ir-Regolament Nru 201/2003 li tadotta deċiżjoni li tordna r-ritorn ta’ wild sussegwentement għal deċiżjoni ta’ żamma mogħtija bl-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri.

c)      Kunflitt bejn id-deċiżjonijiet adottati fuq il-bażi tar-Regolament Nru 2201/2003

164. Is-sitwazzjoni msemmija f’dan il-każ hija dik fejn jeżistu flimkien, fuq naħa, id-deċiżjonijiet tal-qrati Ingliżi tat-12 ta’ Ottubru 2009 u tal-15 ta’ April 2010, u fuq l-oħra, id-deċiżjoni tal-qorti Franċiża tat-23 ta’ Ġunju 2010 li ddeċidiet dwar il-ġurisdizzjoni tagħha skont ir-Regolament Nru 2201/2003 sabiex tiddeċiedi dwar l-istess kwistjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, għalkemm fuq bażi differenti.

165. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 dwar il-lis alibi pendens, f’dan il-każ dawk tal-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-regolament, huma preċiżament intiżi sabiex jindirizzaw din it-tip ta’ sitwazzjoni. Huwa għall-qorti Franċiża li tissospendi l-proċedura quddiemha sakemm tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti Ingliża, li kienet l-ewwel li tressqet kawża quddiemha (57).

166. Għandu jingħad ukoll li ċ-ċirkustanza li d-deċiżjoni tal-qorti Franċiża hija bbażata fuq id-deċiżjoni preċedenti tal-istess qorti li ċaħdet bħala infondata t-talba taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri mressqa mill-missier ma tbiddilx dan il-fatt, billi l-ewwel deċiżjoni hija adottata fuq il-bażi tar-Regolament Nru 2201/2003.

d)      Konklużjoni

167. Konsegwentement, għalhekk ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tkun, l-ewwel nett, li r-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix il-possibbiltà għal qorti ta’ Stat Membru li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament li tadotta kull miżura sabiex tiżgura r-ritorn tal-wild insegwitu għal deċiżjoni ta’ żamma bl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri u, it-tieni nett, li l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ Stat Membru li quddiemha titressaq kawża dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, meta dan iseħħ sussegwentement għat-tressiq ta’ kawża quddiem qorti ta’ Stat Membru li għandha l-istess suġġett u bażi ġuridika, hija għandha tissospendi l-proċedura quddiemha sakemm il-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti tiġi stabbilita. Il-fatt li l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti hija bbażata fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 u li l-ġurisdizzjoni tat-tieni qorti tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ deċiżjoni ta’ żamma adottata qabel taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, minħabba li l-kundizzjonijiet tal-Artikoli 3 u 5 ta’ din il-konvenzjoni ma ġewx sodisfatti, f’dan ir-rigward huwa irrilevanti, billi din it-tieni qorti għandha ġurisdizzjoni taħt dan ir-regolament.

VII – Konklużjonijiet

168. Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet u filwaqt li tfakkar ir-riżervi fil-konfront tat-tieni u tielet domandi f’dak li jirrigward ir-rilevanza tagħhom, jiena nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) hekk kif ġej:

“1)      B’mod ġenerali, qorti nazzjonali li titressaq quddiemha talba dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ wild għandha espliċitament tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni tagħha skont ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, wara li tkun ikkunsidrat suċċessivament l-bażijiet differenti li fuqhom tista’ tiġi stabbilita din il-ġurisdizzjoni taħt dan ir-regolament.

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, hija għandha tiddetermina, fl-aħjar interess tal-wild, ir-residenza abitwali ta’ dan tal-aħħar, waqt li tevalwa ċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għas-sitwazzjoni inkwistjoni.

B’mod partikolari, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, li huma kkaratterizzati, minn naħa, mil-legalità ta’ tneħħija ta’ wild minn Stat Membru fejn huwa kellu r-residenza abitwali tiegħu lejn Stat Membru ieħor u, min-naħa l-oħra, mit-tressiq immedjat, iżda sussegwenti, ta’ kawża quddiem qorti f’dan l-Istat Membru tar-residenza oriġinali, din il-qorti għandha, b’mod iktar preċiż, tqis jekk din il-bidla fil-fatt twassalx fi żmien qasir għal telf tar-residenza abitwali oriġinali tal-wild u għall-ksib ta’ residenza abitwali ġdida fl-Istat Membru tal-wasla.

Għal dan il-għan, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni b’mod konklużiv u identifikabbli, ir-rieda tal-persuna bl-awtorità tal-ġenituri għall-oriġini tat-tneħħija legali, waqt li b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni l-età tal-wild u wara li tkun tat lil din il-persuna l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha u tispjega b’mod sħiħ u komplet ir-raġunijiet wara din it-tneħħija.

Hija l-persuna li tikkontesta l-ksib ta’ residenza abitwali ġdida f’ċirkustanzi bħal dawn li għandha tressaq il-provi li juru li din it-tneħħija mhux immotivata minn rieda li tiġi stabbilita residenza abitwali ġdida fl-Istat Membru tal-wasla.

Fl-aħħar nett, jekk ma jkunx possibbli għaliha li tistabbilixxi r-residenza abitwali tal-wild, il-qorti nazzjonali għandha tikkonstata dan u, skont il-prinċipju tal-qrubija, tiddetermina l-ġurisdizzjoni tagħha stess fuq il-bażi tal-previżjonijiet tal-Artikolu 13 jew tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003.

2)      L-Artikolu 2(7), (9) u (11), kif ukoll l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti ta’ Stat Membru tista’ tikkostitwixxi “istituzzjoni jew xi korp ieħor”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, fejn dritt ta’ kustodja jista’ jingħata għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, sakemm l-għoti ta’ tali dritt ta’ kustodja huwa pprovdut b’operazzjoni ta’ liġi ta’ dak l-Istat Membru.

3)      Ir-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix il-possibbiltà għal qorti ta’ Stat Membru li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament li tadotta kull miżura sabiex tiżgura r-ritorn tal-wild insegwitu għal deċiżjoni ta’ żamma bl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag, tal-25 ta’ Ottubru 1980, dwar l‑Aspetti Ċivili dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri.

L-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ Stat Membru li quddiemha titressaq kawża dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, meta dan iseħħ sussegwentement għat-tressiq ta’ kawża quddiem qorti ta’ Stat Membru li għandha l-istess suġġett u bażi ġuridika, hija għandha tissospendi l-proċedura quddiemha sakemm il-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti tiġi stabbilita. Il-fatt li l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti hija bbażata fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 u li l-ġurisdizzjoni tat-tieni qorti tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ deċiżjoni ta’ żamma adottata qabel taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag, tal-25 ta’ Ottubru 1980, dwar l‑Aspetti Ċivili dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, minħabba li l-kundizzjonijiet tal-Artikoli 3 u 5 ta’ din il-konvenzjoni ma ġewx sodisfatti, f’dan ir-rigward huwa irrilevanti, billi din it-tieni qorti għandha ġurisdizzjoni taħt dan ir-regolament.”

1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243.

3 – C‑523/07, Ġabra p. I‑2805.

4 – Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

5 – RTNU, 1983, Vol. 1343, Nru 22514, p. 89, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri”.

6 – Re H (Abduction: Rights of custody) [2000] 1 FLR 374.

7 – Ara l-punt 41 ta’ din l-opinjoni.

8 – Ara l-punt 38 ta’ din l-opinjoni.

9 – Ara l-punti 115 et seq. ta’ din l-opinjoni.

10 – Dwar l-argumenti ta’ missier il-wild, ara, madankollu, il-punt 91 ta’ din l-opinjoni.

11 – Dwar is-sistema ta’ ġurisdizzjoni hekk stabbilita, ara l-punti 104 et seq. ta’ din l-opinjoni.

12 – Billli jiffissa b’dan il-mod regola materjali preċiża u uniformi, hekk kif jagħmel l-Artikolu 11(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji matrimonjali u f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri għall-ulied taż-żewġ konjuġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 209), l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi flimkien mal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), li l-kwistjoni dwar il-mument li fih il-qorti ta’ Stat Membru għandha tikkunsidra li tressqet kawża quddiemha bħala li hija rregolata mil-lex fiori. Ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 1984, Zelger (129/83, Ġabra p. 2397, punt 16). Fuq dan l-aspett tal-kwistjoni, ara b’mod partikolari Rey, J., “L’office du juge – la saisine”, fi Fulchiron, H., u Nourissat, C. (dir.), Le nouveau droit communautaire du divorce et de la responsabilité parentale, Dalloz, Pariġi, 2005, p. 181.

13 – Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 227. Il-premessa 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 tippreċiża, fil-fatt, li dan ir-regolament japplika għan-notifika tal-atti fil-kuntest ta’ proċedura mibdija taħt dan tal-aħħar.

14 – Jekk il-qorti nazzjonali li hija msejjħa sabiex tiddeċiedi fuq il-ġurisdizzjoni tagħha, hekk kif ġie mfakkar preċedentement, għandha tagħmel dan fid-data li fiha tressqet il-kawża, l-evalwazzjoni tal-kriterji tar-residenza abitwali ma jeskludix it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ xi elementi sussegwenti għat-tressiq tal-kawża iżda preċedenti għad-data li fiha tingħata deċiżjoni finali. Ara f’dan ir-rigward, Richez-Pons, A., La résidence en droit international privé (conflits de juridictions et conflits de lois), (teżi) Lyon, 2004.

15 – Fir-realtà, id-domanda tal-qorti tar-rinviju hija iktar preċiża fis-sens li din tirrigwarda l-Artikoli 8 u 10 tar-Regolament Nru 2201/2003. Madankollu, hekk kif huwa mfakkar fl-iżviluppi sussegwenti, il-kunċett tar-residenza abitwali hija u għandha tkun l-istess tkun liema tkun id-dispożizzjoni inkwistjoni tar-Regolament Nru 2201/2003. Barra minn dan, hekk kif ser jiġi sussegwentement espost, hemm raġunijiet konkreti sabiex ir-rilevanza tad-domanda dwar l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 tkun iddubitata. Fl-aħħar nett, jekk id-domanda hawn magħmula effettivament tirrikjedi xi preċiżazzjonijiet dwar l-istess kunċett tar-residenza abitwali fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003, il-kawża prinċipali tqajjem problema ikbar minn dak tad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett.

16 – Għandu jiġi wkoll ippreċiżat li fil-konklużjonijiet tal-kawża li tat lok għas-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq, l-Avukat Ġenerali Kokott qis fit-tul, u dan b’rilevanza kbira, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ residenza abitwali (punti 13 sa 52), billi b’mod partikolari interessa ruħu dwar l-oriġini tar-Regolament Nru 2201/2003, kunċetti identiċi jew relatati użati fil-konvenzjonijiet internazzjonali (punti 22 sa 31), jew f’oqsma oħra tad-dritt Komunitarju (punti 32 sa 37) u li jfittxu li jiddefinixxu l-kriterji prinċipali li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex tiġi stabbilita r-residenza abitwali ta’ wild (punti 41 sa 52). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex meħtieġ li tiġi riprodotta analiżi li hemm perfettament bqil dwarha.

17 – Punt 31.

18 – Sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq (punti 31, 34 u 35).

19Ibidem (punt 34).

20Ibidem (punt 36).

21Ibidem (punt 37).

22 – Sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq (punt 38).

23Ibidem (punt 39).

24Ibidem (punt 40).

25 – Sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq (punt 42).

26 – Fil-fatt jirriżulta, mill-espożizzjoni tal-argumenti mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju, li meta l-High Court of Justice (England & Wales), Family Division adottat id-digriet tagħha tal-15 ta’ April 2010, hija kienet taf bl-eżistenza tas-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq, u li, fil-kuntest tad-determinazzjoni tar-residenza abitwali tal-wild li kellha tagħti, hija kkunsidrat l-impatt ta’ din tal-aħħar fuq id-dritt Ingliż.

27 – Skont l-espressjoni mislufa mingħand Lagarde, P., rapport spjegattiv li jikkonċerna l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tad-19 ta’ Ottubru 1996, fuq il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, rikonoxximent, infurzar u kooperazzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri u miżuri għall-protezzjoni tat-tfal (RTNU, 2004, Vol. 2204, Nru 39130), Actes et documents de la XVIIIème Session de la Conférence de La Haye, 1996, Tome II, Protection des enfants, n° 41. Din il-proposta ġiet fil-biċċa l-kbira milqugħa kemm fid-duttrina kif ukoll fil-ġurisprudenza. Ara, b’mod partikolari, Richez-Pons, A., op. cit., p. 206.

28 – Ara Richez-Pons, A., op. cit., p. 206 et seq..

29 – Il-gwida prattika għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, f’dan ir-rigward tippreċiża li l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament japplika biss jekk il-wild ikun kiseb ir-residenza abitwali tiegħu fl-Istat Membru tal-wasla matul dan il-perijodu ta’ tliet xhur.

30 – Fil-verżjoni bil-Ġermaniż, l-ewwel frażi tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jinqara hekk kif ġej: “Beim rechtmäßigen Umzug eines Kindes von einem Mitgliedstaat in einen anderen, durch den es dort einen neuen gewöhnlichen Aufenthalt erlangt”. Dan huwa l-istess bil-verżjoni Taljana “In caso di lecito trasferimento della residenza di un minore da uno Stato membro ad un altro che diventa la sua residenza abituale”.

31 – L-istess bħall-verżjonijiet bl-Ispanjol “Cuando un menor cambie legalmente de residencia de un Estado miembro a otro y adquiera una nueva residencia habitual en este último”, bid-Daniż “Når et barn lovligt flytter fra én medlemsstat til en anden og får nyt sædvanligt opholdssted dér”, bl-Ingliż “Where a child moves lawfully from one Member State to another and acquires a new habitual residence there”, bl-Olandiż “Wanneer een kind legaal van een lidstaat naar een andere lidstaat verhuist en aldaar een nieuwe gewone verblijfplaats verkrijgt”, bil-Portugiż “Quando uma criança se desloca legalmente de um Estado-Membro para outro e passa a ter a sua residência habitual neste último”, bil-Finlandiż “Kun lapsi muuttaa laillisesti jäsenvaltiosta toiseen ja saa siellä uuden asuinpaikan” u bl-Isvediż “När ett barn lagligen flyttar från en medlemsstat till en annan och förvärvar nytt hemvist där skall”.

32 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, Ġabra p. 1999, punt 14), kif ukoll tad-29 ta’ April 2010, M et (C‑340/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 44).

33 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1969, Stauder (29/69, Ġabra p. 419, punt 3); tat-22 ta’ Ottubru 2009, Zurita García u Choque Cabrera (C‑261/08 u C‑348/08, Ġabra p. I‑10143, punt 54), kif ukoll tat-3 ta’ Ġunju 2010, Internetportal und Marketing (C‑569/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 35).

34 – F’dan is-sens, pereżempju, Gallant, E., Compétence reconnaissance et exécution (Matières matrimoniale et de responsabilité parentale), Répertoire de droit communautaire, Dalloz, Awwissu 2007, Nru 167.

35 – Barra minn dan, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jipprovdix, fil-każ ta’ tneħħija nġusta ta’ wild, iż-żamma tal-ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru fejn il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu qabel it-tneħħija tiegħu sakemm il-wild jikseb residenza abitwali fi Stat Membru ieħor u dan b’mod partikolari, sakemm il-wild ikun irrisjeda f’dan l-Istat Membru l-ieħor għal perijodu ta’ mill-inqas sena u jkun integra fl-ambjent il-ġdid tiegħu.

36 – Liema jista’ jkun, pereżempju, ta’ sitt xhur. Għal diskussjoni dwar dan l-element temporali tal-kunċett ta’ residenza abitwali, ara, b’mod partikolari Espinosa Calabuig, R., Custodia y visita de menores en el espacio judicial europeo, Marial Pons, 2007, p. 128 et seq.. Huwa osservat li l-Kummissjoni, inkarigata li tkun responsabbli sabiex tipprepara l-abbozz għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tad-19 ta’ Ottubru 1996, imsemmi iktar ’il fuq, “ċaħdet l-idea li jiġi kkwantifikat l-ammont ta’ ħin neċessarju għall-kisba ta’ residenza abitwali ġdida”, preċiżament għaliex hija kwistjoni ta’ fatt li għandu jiġu ddeterminati każ b’każ. Ara Lagarde, P., op. cit., Nru 41.

37 – F’sitwazzjoni li ma twassalx għal dan ma jistax jiġi aċċettat li bidla ta’ residenza hija ekwivalenti għal bidla ta’ residenza abitwali.

38 – B’mod partikolari dan huwa l-approċċ segwit mill-gwida prattika għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 (p. 13). Is-sempliċi preżenza tal-wild fl-Istat Membru tal-wasla jkun meqjus bħala l-ksib ta’ residenza abitwali ġdida, li jista’ jikkontradixxi l-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha A., iċċitata iktar ’il fuq, fejn is-sempliċi preżenza fiżika ta’ wild fi Stat Membru mhux suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita li dan tal-aħħar għandu hemm r-residenza abitwali tiegħu.

39 – Huma jistgħu wkoll, fl-aħħar nett, jaċċettaw il-ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2201/2003, li jipprovdi li, fejn l-ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni, kemm jekk taħt l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament jew taħt l-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament, il-ġurisdizzjoni hija rregolata minn kull Stat Membru permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

40 – Fuq dan l-aspett tad-domanda, ara, pereżempju, Niboyet, M.‑L., “L’office du juge – la vérification et l’exercice de la compétence”, fi Fulchiron, H., u Nourissat , C. (dir.), op. cit., p. 191.