EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CP0491

Opinjoni tal-Avukat Ġenerali - Bot - 7 ta’ Diċembru 2010.
Joseba Andoni Aguirre Zarraga vs Simone Pelz.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberlandesgericht Celle - il-Ġermanja.
Kawża C-491/10 PPU.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-14247

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:749

TEĦID TA’ POŻIZZJONI TAL‑AVUKAT ĠENERALI BOT

ippreżentata fis‑7 ta’ Diċembru 2010 1

Kawża C‑491/10 PPU

Joseba Andoni Aguirre Zarraga

vs

Simone Pelz

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill‑Oberlandesgericht Celle (il‑Ġermanja)]

“Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Dritt ta’ kustodja provviżorja – Ħtif ta’ minuri – Deċiżjoni ċertifikata li tordna r‑ritorn ta’ minuri sussegwentement għal deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn – Kundizzjonijiet ta’ ħruġ taċ‑ċertifikat – Possibbiltà jinstema’ l‑minuri – Karta tad‑Drittijiet Fundamentali – Smigħ tal‑minuri mill‑awtoritajiet ġudizzjarji tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni fil‑kuntest tal‑proċedura li wasslet għad‑deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn – Kompetenza tal‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li topponi għall‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tordna r‑ritorn tal‑minuri meħuda sussegwentement għal deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn”

1.        Il‑kunflitti bejn koppja li tkun qiegħda tiddivorzja dwar il‑futur tal‑ulied komuni jistgħu jikkostitwixxu, għal dawn l‑ulied, esperjenza ta’ sofferenza, jekk mhux ukoll trawmatizzanti. Din l‑esperjenza tista’ tkun iktar u iktar diffiċli meta, fil‑każ ta’ koppja minn pajjiżi differenti, wieħed mill‑ġenituri, li ma jaċċettax il‑miżuri meħuda fir‑rigward tal‑ulied mill‑qorti tal‑Istat Membru fejn kienet tirrisjedi l‑koppja, joħodhom fl‑Istat ta’ oriġini tiegħu u jipprova jikseb deċiżjoni kuntrarja mill‑qrati ta’ dan l‑Istat. Jekk jirnexxielu jikseb tali deċiżjoni, dan ikun ifisser li s‑sitwazzjoni tal‑ulied tkun irregolata minn deċiżjonijiet ġudizzjarji kontradittorji, bl‑iktar riżultat komuni jkun il‑waqfien ftit jew wisq fit‑tul ta’ kull relazzjoni jew ta’ relazzjonijiet normali mal‑ġenitur l‑ieħor.

2.        Il‑ħsara kunsiderevoli li jġarrbu l‑ulied minħabba aġir ta’ dan it‑tip wasslet lill‑Istati sabiex jistabbilixxu, inizjalment permezz ta’ konvenzjoni, jiġifieri permezz tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑25 ta’ Ottubru 1980(1), u mbagħad, fil‑kuntest tal‑Unjoni Ewropea, permezz ta’ konvenzjoni u iktar tard permezz ta’ regolament, sistemi ta’ kooperazzjoni bejn il‑qrati ta’ Stati differenti intiżi sabiex, meta minuri jittieħed jew jinżamm illegalment minn wieħed mill‑ġenituri tiegħu, jiġi żgurat ir‑ritorn tiegħu fl‑iqsar żmien possibbli lejn il‑post fejn kien jirrisjedi qabel il‑ħtif tiegħu.

3.        Ir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 2201/2003 (2), li huwa rilevanti għal din il‑kawża, jistabbilixxi sistema li tipprovdi li l‑qorti tar‑residenza tal‑minuri, f’każ li l‑qorti tal‑Istat Membru fejn il‑minuri jkun ittieħed illegalment tagħti deċiżjoni li tipprekludi r‑ritorn tiegħu, għandha, b’xi mod jew ieħor, l‑aħħar kelma u tista’ tordna dan ir‑ritorn permezz ta’ deċiżjoni eżegwibbli ipso jure li ma tistax tiġi kkontestata fl‑Istati Membri l‑oħra.

4.        Din in‑natura eżegwibbli msaħħa hija suġġetta għall‑ħruġ, mill‑qorti li tat din id‑deċiżjoni, ta’ ċertifikat li jattesta, b’mod partikolari, li l‑minuri kellu l‑possibbiltà jinstema’, ħlief jekk l‑età jew il‑maturità tiegħu ma kinux jippermetu dan, u li din il‑qorti ħadet inkunsiderazzjoni l‑elementi li fid‑dawl tagħhom il‑qorti tal‑post fejn il‑minuri ttieħed illegalment kienet adottat deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn.

5.        L‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet iċċertifikati b’dan il‑mod diġà wasslet għal diversi problemi ta’ interpretazzjoni li pprovdew lill‑Qorti tal‑Ġustizzja bl‑opportunità li tikkonferma u tippreċiża l‑portata tan‑natura eżegwibbli speċifika tagħhom (3). B’hekk, fis‑sentenza Povse, iċċitata iktar ’il fuq, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li, skont it‑tqassim tal‑kompetenzi bejn il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini u dik tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, din tal‑aħħar tista’ biss tikkonstata n‑natura eżegwibbli ta’ deċiżjoni ċertifikata, filwaqt li l‑kontestazzjonijiet fir‑rigward taċ‑ċertifikat jistgħu jitqajmu biss fl‑Istat Membru ta’ oriġini (4).

6.        F’din il‑kawża, l‑Oberlandesgericht Celle (il‑Ġermanja) tixtieq tkun taf jekk, minkejja n‑natura eżegwibbli speċifika ta’ deċiżjoni ċertifikata, hija tistax topponi għall‑eżekuzzjoni tagħha f’każ ta’ ksur partikolarment serju ta’ dritt fundamentali tal‑minuri, meta dan ma jkunx instema’, bi ksur tad‑dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 2201/2003, interpretati inkonformità mal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il‑“Karta tad‑Drittijiet Fundamentali”). Sussidjarjament, hija tistaqsi sa fejn hija obbligata teżegwixxi tali deċiżjoni meta ċ‑ċertifikat marbut magħha jkun fih dikjarazzjoni manifestament ineżatta fir‑rigward tas‑smigħ tal‑minuri.

7.        Barra minn hekk, il‑qorti tar‑rinviju ppreċiżat li hija ma kinitx qiegħda titlob l‑applikazzjoni tal‑proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari minħabba li ż‑żewġ domandi tagħha kienu fundamentali u minħabba li l‑eżami tagħhom kellu jsir fil‑kuntest ta’ proċedura preliminari li tidħol iktar fil‑fond tal‑kwistjoni.

8.        Madankollu, il‑Qorti tal‑Ġustizzja, inkonformità mas‑setgħa mogħtija lilha mit‑tielet u l‑aħħar subparagrafi tal‑Artikolu 104b(1) tar‑Regoli tal‑Proċedura tagħha, qieset li l‑kundizzjonijiet meħtieġa għall‑applikazzjoni tal‑proċedura b’urġenza kienu sodisfatti u ddeċidiet li titratta din il‑kawża skont il‑proċedura msemmija.

9.        F’dawn il‑konklużjonijiet se nipproponi li l‑Qorti tal‑Ġustizzja, qabel ma teżamina d‑domandi preliminari, tiddeċiedi dwar il‑fondatezza tal‑premessa li fuqhom huma bbażati dawn id‑domandi. Fil‑fatt, id‑domandi msemmija huma bbażati fuq il‑premessa li l‑minuri ma kellhiex il‑possibbiltà tinstema’, għall‑kuntrarju ta’ dak li huwa indikat fuq iċ‑ċertifikat li jakkompanja lid‑deċiżjoni li tordna r‑ritorn tagħha, u, għaldaqstant, il‑kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett il‑ħruġ ta’ tali ċertifikat ma ġewx osservati mill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini.

10.      Madankollu, għalkemm mill‑proċess jirriżulta effettivament li l‑minuri ma nstemgħatx minn dik il‑qorti, mill‑istess proċess jirriżulta wkoll li hija nstemgħet fuq it‑talba tal‑awtoritajiet ġudizzjarji tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni fil‑kuntest tal‑proċedura li wasslet għad‑deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn, u li l‑opinjoni espressa minn din il‑minuri matul dan is‑smigħ sar riferiment għaliha fid‑deċiżjoni ċertifikata kontenzjuża.

11.      Huwa għalhekk li, f’dawn il‑konklużjonijiet, se nipproponi li l‑Qorti tal‑Ġustizzja teżamina, preliminarjament, il‑fondatezza tal‑premessa tal‑qorti tar‑rinviju u li għalhekk tiddeċiedi dwar il‑kwistjoni jekk, f’tali ċirkustanzi, kinitx sodisfatta l‑kundizzjoni li deċiżjoni li tordna r‑ritorn tal‑minuri tista’ tiġi ċċertifikata biss jekk il‑minuri kellu l‑possibbiltà jinstema’.

12.      Se nindika l‑motivi għaliex, fil‑fehma tiegħi, għandu jiġi kkunsidrat li din il‑kundizzjoni kienet effettivament sodisfatta.

13.      Sussegwentement, se nindika, sussidjarjament, li, anki jekk jitqies li l‑kundizzjoni msemmija ma kinitx sodisfatta, qorti tal‑Istat Membru rikjest ma tistax tipprekludi l‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ċertifikata. Se nfakkar li, minħabba s‑separazzjoni stretta tal‑kompetenzi bejn il‑qrati tal‑Istati Membri kkonċernati, il‑kontestazzjonijiet fil‑konfront ta’ tali deċiżjoni u ta’ ċertifikat maħruġ taħt l‑Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 2201/2003 jaqgħu fil‑ġurisdizzjoni esklużiva tal‑qrati tal‑Istat Membru ta’ oriġini.

I –    Il‑kuntest ġuridiku

14.      It‑testi rilevanti huma l‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, ir‑Regolament Nru 2201/2003, kif ukoll il‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali.

15.      Il‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, li daħlet fis‑seħħ fl‑1 ta’ Diċembru 1983, ġiet irratifikata mill‑Istati Membri kollha. Hija għadha applikabbli bejniethom, iżda d‑dispożizzjonijiet tagħha ġew ikkompletati permezz ta’ dawk tar‑Regolament Nru 2201/2003. Fir‑relazzjonijiet bejn l‑Istati Membri, id‑dispożizzjonijiet ta’ dan ir‑regolament jieħdu preċedenza fuq dawk tal‑konvenzjoni msemmija (5).

A –    Il‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980

16.      Il‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 titlaq mill‑premessa li kull ċaqliq sfurzat ta’ minuri mill‑post tar‑residenza abitwali tiegħu mingħajr il‑kunsens tal‑persuna li jkollha l‑kustodja tiegħu jippreġudika serjament l‑interessi tal‑minuri u jikkostitwixxi aġir illegali li għandu jitwaqqaf fl‑iqsar żmien possibbli mingħajr ma tiġi eżaminata fil‑mertu t‑tilwima eżistenti bejn il‑ġenituri.

17.      Skont l‑Artikolu 1 tagħha, din il‑konvenzjoni għandha għalhekk l‑għan li tiżgura li d‑drittijiet ta’ kustodja eżistenti fi Stat Kontraenti jiġu effettivament irrispettati fl‑Istati Kontraenti l‑oħra u li tiżgura r‑ritorn immedjat lejn dan l‑Istat ta’ minuri meħud jew miżmum b’mod illegali.

18.      Skont l‑Artikolu 3 tal‑konvenzjoni msemmija, it‑tneħħija hija kkunsidrata li hija illegali meta jkun hemm ksur tad‑dritt ta’ kustodja mogħti lil persuna mil‑liġi jew permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja tal‑Istat fejn il‑minuri kellu r‑residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it‑tneħħija tiegħu.

19.      Fir‑rigward ta’ kull kwistjoni oħra marbuta mal‑kustodja, huwa “l‑interess tal‑minuri” li għandu importanza primarja. Il‑minuri għandu dritt għall‑istabbiltà u d‑dritt li jkun jista’ jibqa’ fir‑residenza abitwali tiegħu, li hija meqjusa bħala waħda mir‑rekwiżiti bażiċi essenzjali għall‑ekwilibriju u għall‑iżvilupp tiegħu. Il‑minuri ma għandux ikun oġġett li l‑ġenituri jkunu jistgħu jużaw bħala għodda fil‑każ ta’ kunflitt bejniethom.

20.      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, meta tiġi kkonstatata tneħħija illegali, jiġi ordnat ir‑ritorn immedjat tal‑minuri lejn ir‑residenza abitwali tiegħu. Id‑deċiżjoni li tordna r‑ritorn, għalhekk, hija separata mill‑għoti tad‑dritt ta’ kustodja, kwistjoni din li hija l‑qorti tar‑residenza abitwali li tinsab fl‑aħjar pożizzjoni sabiex teżamina.

21.      L‑Artikolu 12 tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 jipprovdi hekk:

“Meta minuri jkun tneħħa jew inżamm b’mod illegali fis‑sens tal‑Artikolu 3 u meta, fid‑data tal‑preżentata tat‑talba quddiem l‑awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal‑Istat Kontraenti fejn ikun jinsab il‑minuri, ikun għadda perijodu ta’ inqas minn sena mid‑data tat‑tneħħija jew żamma, l‑awtorità adita bit‑talba għandha tordna r‑ritorn immedjat tal‑minuri.

L‑awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, anki meta tkun adita wara li jkun għalaq il‑perijodu ta’ sena msemmi fil‑paragrafu ta’ qabel, għandha tordna wkoll ir‑ritorn tal‑minuri kemm‑il darba ma jiġix ipprovat li l‑minuri jkun laħaq adatta ruħu għall‑ambjent ġdid tiegħu.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

22.      Madankollu, l‑awturi ta’ din il‑konvenzjoni xtaqu jattenwaw il‑mekkaniżmu kważi awtomatiku tar‑ritorn permezz ta’ eċċezzjonijiet li jippermettu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑interess tal‑minuri u ċ‑ċirkustanzi. B’hekk, l‑Artikolu 13 tal‑konvenzjoni msemmija jipprovdi li l‑awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal‑Istat rikjest ma hijiex obbligata tordna r‑ritorn tal‑minuri meta l‑persuna, l‑istituzzjoni jew il‑korp li jkunu qegħdin jipprekludu r‑ritorn tiegħu jistabbilixxu:

–        li l‑ġenitur li għandu l‑kustodja ma kienx effettivament qiegħed jeżerċita d‑dritt ta’ kustodja fiż‑żmien meta tneħħa l‑minuri, kien ta l‑kunsens tiegħu għal din it‑tneħħija jew kien aċċettaha sussegwentement; jew

–        li hemm riskju serju li r‑ritorn tal‑minuri se jesponih għal perikolu fiżiku jew psikoloġiku jew se jqiegħdu f’sitwazzjoni intollerabbli, jew inkella

–        jekk il‑minuri jopponi għar‑ritorn tiegħu u jkun laħaq età u maturità tali li wieħed jista’ jqis xieraq li tittieħed inkunsiderazzjoni l‑opinjoni tiegħu.

23.      Skont l‑Artikolu 4 tagħha, il‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 ma tibqax tapplika meta l‑minuri jilħaq l‑età ta’ sittax‑il sena. Barra minn hekk, skont l‑Artikolu 20 ta’ din il‑konvenzjoni, ir‑ritorn tal‑minuri, inkonformità mad‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 12 tal‑konvenzjoni msemmija, jista’ jiġi rrifjutat meta dan ma jkunx permess mill‑prinċipji fundamentali tal‑Istat rikjest dwar il‑protezzjoni tad‑drittijiet tal‑bniedem u tal‑libertajiet fundamentali.

B –    Ir‑Regolament Nru 2201/2003

24.      Ir‑Regolament Nru 2201/2003, bħall‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, huwa intiż li jiskoraġġixxi l‑ħtif ta’ minuri billi jiżgura r‑ritorn rapidu tal‑minuri maħtuf lejn l‑Istat Membru ta’ oriġini. Dan ir‑regolament jaqa’ fil‑qafas taż‑żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, li, kif inhu mfakkar fil‑premessa 2 ta’ dan ir‑regolament, għandha bħala bażi r‑rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji.

25.      Għal dan il‑għan, il‑leġiżlatur Komunitarju xtaq jistabbilixxi s‑sistema segwenti:

–        il‑qrati tal‑Istat Membru ta’ oriġini jibqgħu l‑qrati li għandhom ġurisdizzjoni. It‑tneħħija illegali tal‑minuri ma timplikax fiha nfisha t‑trasferiment ta’ ġurisdizzjoni;

–        il‑qrati tal‑Istat Membru rikjest għandhom jiżguraw ir‑ritorn rapidu tal‑minuri;

–        jekk il‑qorti tal‑Istat Membru rikjest tiddeċiedi li ma tordnax ir‑ritorn tal‑minuri, hija għandha tibgħat id‑deċiżjoni tagħha kif ukoll il‑provi li fuqhom tkun ibbażata din id‑deċiżjoni lill‑qorti li jkollha ġurisdizzjoni fl‑Istat Membru ta’ oriġini u ż‑żewġ qrati għandhom jikkooperaw,

–        jekk il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini tordna r‑ritorn tal‑minuri, id‑deċiżjoni tagħha, meta tkun ġiet iċċertifikata minn din il‑qorti, hija eżegwibbli ipso jure fl‑Istat Membru rikjest u ma tista’ tkun is‑suġġett ta’ ebda kontestazzjoni f’dan l‑Istat tal‑aħħar.

26.      B’hekk, il‑premessa 17 tar‑Regolament Nru 2201/2003 hija fformulata kif ġej:

“F’każijiet ta’ tneħħija jew żamma nġusta [illegali] ta’ minuri, ir‑ritorn ta’ l‑minuri għandu jinkiseb mingħajr dewmien, u għal dan il‑għan għandha tkompli tapplika [il‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980] kif kumplementata mid‑disposizzjonijiet ta’ dan ir‑Regolament, u partikolarrment l‑Artikolu 11. Il‑qrati ta’ l‑Istati Membri liema jew li minnhom il‑minuri ġew imneħħija nġustament jew miżmuma [imneħħija jew miżmuma illegalment] għandhom ikun jistghu jopponu r‑ritorn tiegħu f’każijiet speċifici jew skond kif ġustifikati. Madankollu, deċiżjoni bħal din tista’ tiġi sostitwita minn deċiżjoni sussegwenti mill‑qorti ta’ l‑Istat Membru tar‑residenza abitwali ta’ l‑minuri qabel it‑tneħħija jew żamma nġusta. Jekk dik is‑sentenza tobbliga r‑ritorn ta’ l‑minuri, ir‑ritorn għandu jiġi magħmul mingħajr l‑ebda proċedura speċjali neċessarja għar‑rikonoxximent u l‑enfurzar [l‑eżekuzzjoni] ta’ dik is‑sentenza fl‑Istat Membru liema jew f’liema l‑minuri ġew imneħħija jew miżmuma.”

27.      Skont il‑premessa 21 ta’ dan ir‑regolament, ir‑“rikonoxximent u l‑infurzar [l‑eżekuzzjoni] ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru għandu jiġi bbażat fuq il‑prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u l‑bażi għal nuqqas ta’ rikonoxximent għandu jinżamm għall‑minimu neċessarju”.

28.      Skont il‑premessa 23 tar‑regolament imsemmi, is‑“sentenzi dwar id‑drittijiet ta’ aċċess u sentenzi dwar ir‑ritorn li ġew ċertifikati ġewwa l‑Istati Membri fejn oriġinaw skond id‑disposizzjoniet ta’ dan ir‑Regolament għandhom jiġu rikonoxxuti u nfurzati [eżegwiti] fl‑Istati Membri kollha mingħajr ma tkun neċessarja ebda proċedura oħra. L‑arranġamenti għall‑infurzar [għall‑eżekuzzjoni] ta’ dawn is‑sentenzi jkomplu jiġu rregolati mil‑liġi nazzjonali”. Il‑premessa 24 tar‑Regolament Nru 2201/2003 tkompli billi tindika li ċ‑“ċertifikat maħruġ sabiex jiffaċilita l‑infurzar [l‑eżekuzzjoni] tas‑sentenza m’għandux ikun suġġett għall‑appell. Għandu jiġi kkoreġut biss fejn hemm żball materjali, jiġifieri fejn ma jirriflettix b’mod korrett is‑sentenza”.

29.      Barra minn hekk, dan ir‑regolament jirrikonoxxi l‑importanza li jinstema’ l‑minuri. B’hekk, skont il‑premessa 19 tiegħu, is‑“smiegħ ta’ l‑minuri tilgħab parti mportanti fl‑applikazzjoni ta’ dan ir‑Regolament, għalkemm dan l‑instrument mhux maħsub sabiex jimmodifika l‑proċedimenti nazzjonali fejn applikabli”.

30.      Skont il‑premessa 20 tar‑regolament imsemmi, is‑“smigħ ta’ l‑minuri fi Stat Membru ieħor jista’ isir taħt arranġamenti stabbiliti fir‑Regolament ta’ l‑Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat‑28 ta’ Mejju 2001 dwar il‑kooperazzjoni bejn il‑qrati ta’ l‑Istati Membri fejn tittieħed ix‑xiehda fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali [(6)]”.

31.      Fl‑aħħar nett, fil‑premessa 33 tar‑Regolament Nru 2201/2003 huwa ppreċiżat li dan ir‑regolament “jirrikonoxxi d‑drittijiet fondamentali u josserva l‑prinċipji ta’ l‑Karta tad‑Drittijiet Fondamentali [...]. B’mod partikolari, ifittex li jassigura r‑rispett għad‑drittijiet fondamentali ta’ l‑minuri kif stabbiliti fl‑Artikolu 24 ta’ l‑Karta tat‑Drittijiet Fondamentali”.

32.      Dawn id‑diversi intenzjonijiet tal‑leġiżlatur huma implementati kif ġej fl‑artikoli tar‑Regolament Nru 2201/2003.

33.      Skont il‑punt 11 tal‑Artikolu 2 ta’ dan ir‑regolament, li essenzjalment jirripproduċi l‑istess definizzjoni bħal dik li tinsab fil‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, ikun hemm “tneħħija nġusta jew iż‑żamma [tneħħija jew żamma illegali ta’ minuri]” meta din it‑tneħħija jew din iż‑żamma sseħħ bi ksur ta’ dritt ta’ kustodja li jirriżulta minn deċiżjoni ġudizzjarja skont id‑dritt tal‑Istat Membru fejn il‑minuri kellu r‑residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel l‑imsemmija tneħħija jew żamma, bil‑kundizzjoni li d‑dritt ta’ kustodja kien effettivament eżerċitat”.

34.      L‑Artikolu 11 tar‑regolament imsemmi, bit‑titolu “Ir‑Ritorn ta’ l‑minuri”, jipprovdi:

“1.       Fejn persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom id‑drittijiet ta’ kustodja japplika ma’ l‑awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru biex joħroġu sentenza dwar il‑bażi [abbażi] [tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980], ħalli tikseb ir‑ritorn ta’ l‑minuri li ġew inġustament [illegalment] imneħħija jew miżmuma fi Stat Membru barra dak li huwa l‑Istat Membru fejn il‑minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it‑tneħħija jew iż‑żamma nġusta [illegali], għandhom japplikaw paragrafi 2 sa 8.

2.      Meta jiġu applikati l‑Artikoli 12 u 13 [tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980], għandu jiġi assigurat li l‑minuri għandhom jiġu mogħtija l‑opportunità li tinstema’ x‑xhieda tagħhom waqt il‑proċedimenti sakemm dan ma jidhirx li dan ma jkunx xieraq minħabba l‑età ta’ l‑minuri jew il‑livell ta’ maturità tagħhom.

3.      Qorti li fiha hemm applikazzjoni għar‑ritorn ta’ l‑minuri kif imsemmija fil‑paragrafu 1 għandha taġixxi bil‑ħeffa fil‑proċedimenti dwar l‑applikazzjoni, billi tuża l‑aktar proċedimenti ħfief fix‑xogħol li huma disponibbli fil‑liġi nazzjonali.

Mingħajr preġudizzju għall‑ewwel subparagrafu, il‑qorti għandha, ħlief fejn ċirkustanzi eċċezzjonali jagħmlu dan impossibli, taqta’ is‑sentenza tagħha sa mhux aktar tard minn sitt gimgħat wara li l‑applikazzjoni tkun ġiet irreġistrata.

4.      Qorti ma tistax tirrifjuta milli tirritorna minuri a bażi ta’ l‑Artikolu 13[(b)] [tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980] jekk jiġi stabbilit li saru l‑arranġamenti xierqa sabiex jiżguraw il‑protezzjoni ta' l‑minuri wara r‑ritorn tiegħu jew tagħha.

[…]

6.      Jekk qorti ħarġet ordni kontra r‑ritorn [deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn] skond l‑Artikolu 13 [tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980], [din] il‑qorti għandha immedjatament titrasmetti jew direttament jew mill‑awtorità ċentrali tagħha, kopja [tad‑deċiżjoni ġudizzjarja li ma jsirx ir‑ritorn] u d‑dokumenti rilevanti, u partikolarment traskrizzjoni tas‑seduti quddiem il‑qorti, lill‑qorti li għandha l‑ġurisdizzjoni jew lill‑awtorità ċentrali fl‑Istat Membru fejn il‑minuri kienu abitwalment residenti qabel it‑tneħħija jew iż‑żamma nġusta [illegali], kif determinati mil‑liġi nazzjonali. Il‑Qorti għandha tirċievi d‑dokumenti kollha msemmija fi żmien xahar mid‑data ta’ l‑ordni sabiex ma jsirx ir‑ritorn [tad‑deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn].

7.      Kemm‑il darba l‑qrati fl‑Istat Membru fejn il‑minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it‑tneħħija jew iż‑żamma nġusta [illegali] ġew diġa fil‑pussess ta’ [kienu diġà aditi minn] wieħed mill‑partijiet, il‑qorti jew l‑awtorità ċentrali li tirċievi l‑informazzjoni imsemmija fil‑paragrafu 6 għandha tinnotifika lill‑partijiet u tistedinhom jagħmlu s‑sottomissjonijiet lill‑qorti, skond il‑liġi nazzjonali, fi żmien tlett xhur tad‑data ta’ notifika ħalli l‑qorti tkun tista’ teżamina l‑kwistjoni ta’ l‑kustodja ta’ l‑minuri.

Mingħajr preġudizzju għar‑regoli dwar il‑ġurisdizzjoni li jinstabu f’dan ir‑Regolament, il‑qorti għandha tagħlaq il‑każ jekk ebda sottomissjoni ma tiġi reġistrata mill‑qorti fiż‑żmien limitu [fit‑terminu previst]

8.      Minkejja sentenza biex ma jsirx ir‑ritorn skond l‑Artikolu 13 [tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980], kwalunkwe sentenza li tiġi wara li tirrekjedi r‑ritorn ta’ l‑minuri maħruġa minn qorti li għandha l‑ġurisdizzjoni taħt dan ir‑Regolament għandha tkun infurzabbli [eżegwibbli] skond it‑Taqsima 4 ta’ l‑Kapitolu III li tinstab aktar l‑isfel ħalli jiġi tassigurat ir‑ritorn ta’ l‑minuri.”

35.      L‑Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 2201/2003, li jagħmel parti minn din it‑Taqsima 4 tal‑Kapitolu III, jipprovdi:

“1.      Ir‑ritorn ta’ l‑minuri imsemmija fl‑Artikolu 40(1)(b) bħala konsegwenza ta’ sentenza ta’ l‑infurzar [eżegwibbli] mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta u nfurzabbli [tkun eżegwibbli] fi Stat Membru ieħor mingħajr il‑bżonn ta’ dikjarazzjoni ta’ l‑infurzabilità [tal‑eżegwibbiltà] u mingħajr ebda possibilità li topponi r‑rikonoxximent tagħha jekk is‑sentenza ġiet iċċertifikata fl‑Istat Membru ta’ l‑oriġini skond il‑paragrafu 2.

Anke jekk il‑liġi nazzjonali ma tipprovdiex għall‑infurzabilità b’operat ta’ l‑liġi [eżegwibbiltà ipso jure], minkejja kwalunkwe appell, ta’ xi sentenza li teħtieġ ir‑ritorn ta’ l‑minuri imsemmija fl‑Artikolu [11(8)], il‑qorti ta’ l‑oriġini tista’ tiddikjara s‑sentenza bħala nfurzabbli [eżegwibbli].

2.      L‑Imħallef ta’ l‑oriġini li qata’ s‑sentenza msemmija fl‑Artikolu 40(1)(b) għandu joħroġ iċ‑ċertifikat imsemmi fil‑paragrafu 1 biss jekk:

(a)      il‑minuri ingħata l‑opportunità li jinstema, ħlief jekk seduta ġiet ikkunsidrata li mhix xierqa wara li ġew ikkunsidrati l‑età jew livell ta’ maturità tiegħu;

(b)      il‑partijiet ġew mogħtija opportunità li jinstemgħu; u

(ċ) il‑qorti kkunsidrat waqt li kienet qed taqta’ s‑sentenza r‑raġunijiet għal u x‑xhieda wara ta’ l‑ordni maħruġa skond l‑Artikolu 13 [tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980].

Fil‑każ li l‑qorti jew kwalsijasi awtorità oħra tadotta miżuri biex tassigura l‑protezzjoni ta’ l‑minuri wara r‑ritorn tagħhom fl‑Istat abitwali tar‑residenza, iċ‑certifikat għandu jinkludi fih id‑dettalji dwar l‑imsemmija miżuri.

L‑Imħallef ta’ l‑oriġini għandu fuq mozzjoni tiegħu jew tagħha stess joħrog dak iċ‑ċertifikat billi juża l‑forma standard li tinstab fl‑Anness IV (iċ‑ċertifikat dwar ir‑ritorn ta’ l‑minuri).

Iċ‑ċertifikat għandu jiġi finalizzat fl‑ilsien tas‑sentenza.”

36.      Skont l‑Artikolu 47(2) tar‑Regolament Nru 2201/2003, “[k]walsijasi sentenza maqtugħa minn qorti ta’ Stat Membru ieħor u ddikjarata li hija nfurzabbli [eżegwibbli] [...] jew li ġiet iċċertifikata skond [...] l‑Artikolu 42(1) għandha tiġi nfurzata [eżegwita] fl‑Istat Membru ta’ l‑infurzar [ta’ eżekuzzjoni] bl‑istess kondizzjonijiet daqs li kieku ġiet maqtugħa f’dak l‑Istat Membru”.

C –    Il‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali

37.      Il‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali, li, skont l‑Artikolu 6 TUE, għandha l‑istess valur legali bħat‑Trattati, tistabbilixxi, fl‑Artikolu 24 tagħha, id‑drittijiet tat‑tfal bit‑termini segwenti:

“1.       It‑tfal għandhom id‑dritt għall‑protezzjoni u għall‑kura meħtieġa għall‑ġid tagħhom. Huma jistgħu jesprimu l‑opinjonijiet tagħhom liberament. Dawn l‑opinjonijiet għandhom jitqiesu f’materji li jirrigwardawhom skond l‑età u l‑maturità tagħhom.

2.       Fl‑azzjonijiet kollha relatati mat‑tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l‑aħjar interess tat‑tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja.

3.       It‑tfal kollha għandhom id‑dritt li jkollhom, regolarment, relazzjoni personali u kuntatt dirett maż‑żewġ ġenituri, sakemm dan ma jkunx kontra l‑interessi tat‑tfal.”

II – Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

38.      Il‑fatti li wasslu għat‑tilwima fil‑kawża prinċipali, kif ġew ippreżentati mill‑qorti tar‑rinviju, jistgħu jiġu esposti fil‑qosor kif ġej.

39.      J.‑A. Aguirre Zarraga u S. Pelz iżżewġu fil‑25 ta’ Settembru 1998 f’Erandio (Spanja). Minn dan iż‑żwieġ twieldet, fil‑31 ta’ Jannar 2000, it‑tifla tagħhom Andrea. Id‑dar matrimonjali tal‑ġenituri kienet tinsab f’Sondka (Spanja).

40.      Il‑ġenituri sseparaw lejn l‑aħħar tas‑sena 2007. Kull wieħed minnhom ressaq applikazzjoni għal divorzju u talab li jingħata dritt ta’ kustodja esklużiva fir‑rigward ta’ Andrea.

41.      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Mejju 2008, il‑Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao (Spanja) tat, b’mod provviżorju, id‑dritt ta’ kustodja lill‑missier. Andrea għalhekk marret toqgħod miegħu. F’Ġunju 2008, omm Andrea marret toqgħod il‑Ġermanja. Fi tmiem il‑vakanzi tas‑sajf 2008, li matulhom Andrea marret iżżur lil ommha, din tal‑aħħar żammet lit‑tifla tagħha magħha. Għalhekk, Andrea ilha mill‑15 ta’ Awwissu 2008 tgħix ma’ ommha fil‑Ġermanja. Fl‑istess jum, il‑Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao tat deċiżjoni fejn ipprojbixxiet lil Andrea milli titlaq mit‑territorju Spanjol.

42.      Missier Andrea għalhekk talab ir‑ritorn tat‑tifla tiegħu lejn Spanja, fuq il‑bażi tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980. Din it‑talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Lulju 2009, meħuda abbażi tat‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 13 ta’ din il‑konvenzjoni. Mis‑seduta fejn instemgħet Andrea li nżammet f’dak iż‑żmien irriżulta li hija ma xtaqitx, b’mod persistenti u kategoriku, tmur lura lejn Spanja. L‑espert maħtur mill‑qorti wara din is‑seduta kkonkluda li l‑opinjoni ta’ Andrea kellha tittieħed inkunsiderazzjoni kemm fid‑dawl tal‑età tagħha u kif ukoll fid‑dawl tal‑maturità tagħha.

43.      Il‑Ministru tal‑Ġustizzja Ġermaniż bagħat din is‑sentenza lill‑awtorità ċentrali Spanjola permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Lulju 2009.

44.      Fl‑istess xahar intemm il‑proċess dwar l‑għoti tad‑dritt ta’ kustodja quddiem il‑Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao. Dik il‑qorti qieset li kienet meħtieġa perizja ġdida kif ukoll li tinżamm seduta sabiex tinstema’ personalment Andrea u stabbiliet dati fejn kellhom jidhru t‑tnejn li huma f’Bilbao. La Andrea u lanqas ommha ma dehru fid‑dati stabbiliti. Il‑qorti Spanjola lanqas ma laqgħet it‑talba, magħmula minn qabel mill‑omm, sabiex tingħata awtorizzazzjoni, għaliha u għal bintha, li tkun tista’ titlaq b’mod liberu mit‑territorju Spanjol wara l‑perizja u s‑seduta fejn tinstema’ Andrea. Il‑qorti Spanjola lanqas ma laqgħet it‑talba tal‑omm sabiex Andrea tinstema’ permezz ta’ konferenza li tinżamm bl‑użu tal‑vidjo.

45.      Permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2009, il‑Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao tat lil‑missier it‑tifla d‑dritt ta’ kustodja esklużiva.

46.      Omm it‑tifla appellat minn din is‑sentenza fejn sostniet, b’mod partikolari, il‑ħtieġa li tinstema’ Andrea. Permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ April 2010, l‑Audiencia Provincial de Biscaye (Spanja) ċaħdet din it‑talba għall‑organizzazzjoni ta’ seduta sabiex tinstema’ t‑tifla.

47.      Fil‑5 ta’ Frar 2010, il‑Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao ċċertifikat is‑sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2009, skont l‑Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 2201/2003.

48.      Omm it‑tifla talbet, min‑naħa tagħha, li ma tiġix ordnata l‑eżekuzzjoni u li din is‑sentenza ma tiġix rikonoxxuta.

49.      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ April 2010, l‑Amtsgericht – Familiengericht – Celle (Qorti reġjonali ta’ Celle sedenti bħala qorti tal‑familja, il‑Ġermanja) laqgħet din it‑talba minħabba li l‑Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao ma kinitx semgħet lil Andrea qabel ma tat id‑deċiżjoni tagħha.

50.      Fit‑18 ta’ Ġunju 2010, missier it‑tifla appella minn din is‑sentenza.

51.      L‑Oberlandesgericht Celle, li quddiemha tressaq dan l‑appell, tispjega li s‑sitwazzjoni quddiemha tqajjem il‑kwistjonijiet segwenti.

52.      Għalkemm is‑sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2009 hija deċiżjoni li tordna r‑ritorn ta’ minuri sussegwentement għal deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn, deċiżjoni li fir‑rigward tagħha l‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma għandhiex, bħala prinċipju, ġurisdizzjoni sabiex teżerċita l‑istħarriġ tagħha, kif jirriżulta mis‑sentenzi Rinau u Povse ċċitati iktar ’il fuq, il‑qorti tar‑rinviju tqis li, fil‑każ ta’ ksur partikolarment serju ta’ drittijiet fundamentali, hija għandha jkollha setgħa ta’ stħarriġ sabiex tkun tista’ topponi għall‑eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni.

53.      Fil‑fatt, l‑Oberlandesgericht Celle tikkunsidra li, fil‑kawża prinċipali, in‑nuqqas li tinstema’ Andrea mill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini jikkostitwixxi ksur tal‑Artikolu 24(1) tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali. Dan huwa ksur ta’ importanza tali li jiġġustifika li jiġi rrikonoxxut li l‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha ġurisdizzjoni sabiex twettaq l‑istħarriġ tagħha fuq il‑bażi ta’ interpretazzjoni tal‑Artikolu 42(1) tar‑Regolament Nru 2201/2003 li tkun konformi mal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali.

54.      Barra minn hekk, l‑Oberlandesgericht Celle tqajjem il‑kwistjoni ta’ jekk, fil‑każ li, minkejja dan il‑ksur tad‑drittijiet fundamentali, il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma jkollha ebda setgħa ta’ stħarriġ, din il‑qorti tistax tkun marbuta b’ċertifikat, stabbilit skont l‑Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 2201/2003, li l‑kontenut tiegħu jkun manifestament falz. Dan huwa b’mod partikolari l‑każ fil‑kawża ineżami fejn iċ‑ċertifikat fih dikjarazzjoni manifestament ineżatta, jiġifieri li l‑minuri kienet instemgħat mill‑Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao.

55.      L‑Oberlandesgericht Celle għalhekk iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel id‑domandi preliminari segwenti lill‑Qorti tal‑Ġustizzja:

“1)      Fil‑kuntest ta’ interpretazzjoni tal‑Artikolu 42 tar‑Regolament [Nru 2201/2003] skont il‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali, il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha eċċezzjonalment poter ta’ stħarriġ ġudizzjarju tagħha fil‑każ fejn id‑deċiżjoni tal‑Istat Membru ta’ oriġini li għandha tiġi infurzata hija vvizzjata bi ksur serju tad‑drittijiet fundamentali?

2)      Il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija marbuta teżegwixxi d‑deċiżjoni tal‑qorti tal‑Istat Membru tal‑oriġini anki jekk mill‑proċess jirriżulta li ċ‑ċertifikat maħruġ mill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini abbażi tal‑Artikolu 42 tar‑Regolament [Nru 2201/2003] jinkludi dikjarazzjoni manifestament ineżatta?”

III – L‑analiżi tiegħi

56.      Permezz tad‑domandi tagħha, il‑qorti tar‑rinviju tixtieq tkun taf, l‑ewwel nett, jekk ir‑Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis‑sens li l‑qorti tal‑Istat Membru rikjest tista’ topponi l‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tordna r‑ritorn ta’ minuri meħuda abbażi tal‑Artikolu 11(8) ta’ dan ir‑regolament meta jkun jidher li l‑minuri inkwistjoni ma nstemax, bi ksur tad‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 42 tar‑regolament imsemmi, interpretati inkonformità mad‑dritt fundamentali stabbilit fl‑Artikolu 24 tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali. Hija tistaqsi, it‑tieni nett, jekk, fil‑każ ta’ risposta negattiva għall‑ewwel domanda, dik il‑qorti hijiex obbligata twettaq din l‑eżekuzzjoni meta jkun jidher li ċ‑ċertifikat li jakkompanja d‑deċiżjoni inkwistjoni huwa manifestament żbaljat, sa fejn jindika b’mod żbaljat li l‑minuri kien instema’.

57.      Dawn iż‑żewġ domandi għalhekk huma bbażati fuq il‑premessa li, fil‑kawża prinċipali, il‑minuri ma kellhiex il‑possibbiltà tinstema’, bi ksur tal‑Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 2201/2003, moqri fid‑dawl tal‑Artikolu 24 tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali.

58.      Madankollu, mill‑indikazzjonijiet mogħtija mill‑qorti tar‑rinviju u mid‑dokumenti fil‑proċess jirriżulta li l‑minuri nstemgħet mill‑Amtsgericht – Familiengericht – Celle waqt is‑seduta tal‑20 ta’ Marzu 2009, fil‑kuntest tal‑proċedura li wasslet għad‑deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn mogħtija minn dik il‑qorti fl‑1 ta’ Lulju 2009.

59.      Mill‑eżami tas‑sentenza mogħtija mill‑Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao fis‑16 ta’ Diċembru 2009, li tordna r‑ritorn tal‑minuri sussegwentement għal din id‑deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn, jirriżulta wkoll li dik il‑qorti kkunsidrat din is‑seduta fejn instemgħet il‑minuri u indikat il‑motivi għalxiex, minkejja r‑rifjut tal‑minuri li terġa’ tmur tgħix fi Spanja, hija kienet tqis li r‑ritorn tagħha kienet l‑iktar soluzzjoni konformi mal‑interessi tal‑minuri.

60.      Skont il‑qorti tar‑rinviju, is‑seduta msemmija u r‑riferiment għaliha fis‑sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2009 ma jippermettux li wieħed jikkunsidra li d‑dritt fundamentali tal‑minuri, implementat fl‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003, ġie rrispettat. Ta’ min ifakkar li din id‑dispożizzjoni tipprovdi li l‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini li tiddeċiedi li tordna r‑ritorn tal‑minuri minkejja deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn tista’ tiċċertifika d‑deċiżjoni tagħha u b’hekk tagħtiha natura eżegwibbli msaħħa biss jekk il‑minuri kellu l‑possibbiltà jinstema’, sakemm tali smigħ ma jiġix ikkunsidrat li ma huwiex xieraq fid‑dawl tal‑età jew tal‑livell ta’ maturità tal‑minuri.

61.      Il‑premessa tal‑qorti tar‑rinviju hija għalhekk ibbażata fuq interpretazzjoni tal‑Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 2201/2003 fis‑sens li l‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini ma tistax sempliċement tagħmel riferiment għas‑smigħ tal‑minuri mill‑awtoritajiet ġudizzjarji tal‑Istat rikjest, fil‑kuntest tal‑proċedura li wasslet għad‑deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn, iżda għandha żżomm seduta hija stess fejn tisma’ mill‑ġdid lill‑minuri, għaliex jekk ma jsirx hekk ikun qiegħed jiġi ppreġudikat serjament id‑dritt fundamentali tal‑minuri kif stabbilit fl‑Artikolu 24 tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali.

62.      Fil‑fehma tiegħi, huwa essenzjali li l‑Qorti tal‑Ġustizzja, qabel ma teżamina d‑domandi magħmula mill‑qorti tar‑rinviju, tiddeċiedi dwar il‑validità ta’ tali premessa minħabba li, minn naħa, din tikkundizzjona r‑rilevanza ta’ dawn id‑domandi u, min‑naħa l‑oħra, tikkonċerna punt importanti tas‑sistema u tal‑garanziji previsti mir‑Regolament Nru 2201/2003.

A –    Il‑fondatezza tal‑premessa li fuqha huma bbażati d‑domandi preliminari

63.      Jiena nipproponi lill‑Qorti tal‑Ġustizzja li tiddeċiedi, preliminarjament, dwar din id‑domanda:

“Is‑smigħ tal‑minuri mill‑awtoritajiet ġudizzjarji tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni fil‑kuntest tal‑proċedura li wasslet għal deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn, meħud inkunsiderazzjoni mill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini fid‑deċiżjoni tagħha li tordna r‑ritorn, meħuda skont l‑Artikolu 11(8) tar‑Regolament Nru 2201/2003, jippermetti li jiġi kkunsidrat li l‑kundizzjoni stabbilita fl‑Artikolu 42(2)(a) ta’ dan ir‑regolament, li tipprovdi li l‑minuri għandu jingħata l‑possibbiltà jinstema’, kienet sodisfatta?”

64.      Sabiex jiġi osservat il‑prinċipju tal‑kontradittorju, il‑partijiet fil‑kawża prinċipali kif ukoll il‑partijiet l‑oħra awtorizzati sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja, bil‑miktub jew matul il‑proċedura orali, ġew mistiedna sabiex jesprimu ruħhom dwar din id‑domanda.

65.      Il‑Gvern Ġermaniż kif ukoll il‑Kummissjoni Ewropea jsostnu li din id‑domanda għandha tingħata risposta negattiva. Huma jibbażaw il‑pożizzjoni tagħhom fuq diversi argumenti li jistgħu jitqassru kif ġej:

–        Is‑smigħ quddiem il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u s‑smigħ imsemmi fl‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003 għandhom għanijiet differenti, fejn l‑ewwel wieħed jikkonċerna r‑ritorn tal‑minuri filwaqt li t‑tieni wieħed għandu l‑għan li jippermetti li tittieħed deċiżjoni dwar id‑dritt ta’ kustodja definittiva tal‑minuri u għalhekk għandu sinjifikat iktar estiż.

–        Jekk jiġi aċċettat li l‑kundizzjoni stabbilita fl‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003 tkun sodisfatta meta l‑minuri jkun instema’ mill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkun ifisser li l‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini tkun qiegħda tinħeles sistematikament mill‑obbligu li tisma’ lill‑minuri u għalhekk din id‑dispożizzjoni tkun tista’ tiġi evitata. Dan ikun ukoll kuntrarju għall‑istruttura tad‑dispożizzjoni msemmija li tipprovdi, fil‑punt (a) tagħha, l‑obbligu li jinstema’ l‑minuri, u mhux biss, fil‑punt (ċ) tagħha, l‑obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑elementi li fuqhom kienet ibbażata d‑deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn.

–        Skont il‑Kummissjoni, fil‑kawża ineżami, iż‑żmien li għadda bejn is‑smigħ tal‑minuri mill‑qorti tal‑Istat Membru rikjest u l‑adozzjoni tad‑deċiżjoni li tordna r‑ritorn tagħha, jiġifieri kważi disa’ xhur, ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li l‑kundizzjoni stabbilita fl‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003 kienet sodisfatta.

66.      Matul is‑seduta tas‑6 ta’ Diċembru 2010, S. Pelz, kif ukoll il‑Gvern Elleniku, dak Franċiż u dak Latvjan sostnew ukoll din il‑pożizzjoni.

67.      Għall‑kuntrarju ta’ dawn il‑partijiet intervenjenti u għall‑qorti tar‑rinviju, jiena tal‑fehma, bħalma huma J.‑A. Aguirre Zarraga u l‑Gvern Spanjol, li d‑domanda eżaminata għandha tingħata risposta affermattiva. Jiena qiegħed nibbaża l‑pożizzjoni tiegħi, minn naħa, fuq il‑kontenut tad‑dritt fundamentali tal‑minuri għal smigħ, implementat fl‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003 u, min‑naħa l‑oħra, fuq is‑sistema ta’ kooperazzjoni bejn il‑qrati ta’ Stati Membri differenti prevista minn dan ir‑regolament.

1.      Il‑kontenut tad‑dritt fundamentali tal‑minuri għal smigħ

68.      Jiena se nsostni, fir‑rigward tad‑dritt fundamentali tal‑minuri għal smigħ, kif implementat fl‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003, l‑ewwel nett, li dan id‑dritt għandu jkun is‑suġġett ta’ interpretazzjoni awtonoma, it‑tieni nett, li dan id‑dritt huwa intiż li l‑minuri li jkollu kapaċità ta’ dixxerniment suffiċjenti jkollu l‑possibbiltà li jagħti l‑opinjoni tiegħu dwar ir‑ritorn tiegħu u, it‑tielet nett, li din l‑opinjoni ma torbotx lill‑qorti iżda tikkostitwixxi element li permezz tiegħu tkun tista’ tevalwa jekk l‑interess superjuri tal‑minuri jipprekludix ir‑ritorn tiegħu.

a)      Interpretazzjoni awtonoma

69.      Huwa paċifiku li r‑Regolament Nru 2201/2003, bħal kull att tad‑dritt tal‑Unjoni, għandu jiġi implementat inkonformità mad‑drittijiet fundamentali. Kif huwa indikat fil‑premessa 33 tiegħu, dan ir‑regolament josserva l‑prinċipji stabbiliti mill‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali u huwa intiż, b’mod partikolari, li jiżgura r‑rispett tad‑drittijiet fundamentali tal‑minuri kif stabbiliti fl‑Artikolu 24 tagħha. Barra minn hekk, kif tindika l‑premessa 19 tar‑regolament imsemmi, is‑smigħ tal‑minuri għandu rwol importanti fl‑applikazzjoni tiegħu.

70.      Ir‑Regolament Nru 2201/2003 fih għalhekk erba’ dispożizzjonijiet li jipprovdu li l‑minuri għandu jkollu l‑possibbiltà jinstema’, jiġifieri l‑Artikoli 11(2) u 42(2)(a), li jikkonċernaw ir‑ritorn ta’ minuri meħud jew miżmum b’mod illegali, l‑Artikolu 23(b), dwar ir‑raġunijiet għan‑nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet fil‑qasam tar‑responsabbiltà tal‑ġenituri, u l‑Artikolu 41(2)(ċ), li jikkonċerna r‑rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar id‑dritt ta’ aċċess.

71.      Huwa minnu li dawn id‑dispożizzjonijiet ma jistabbilixxux ir‑regoli proċedurali dettaljati dwar kif isir dan is‑smigħ. Dawn ir‑regoli dettaljati, kif huwa indikat fil‑premessa 19 tar‑Regolament Nru 2201/2003, għandhom jiġu ddeterminati minn kull Stat Membru, inkonformità mal‑prinċipju tal‑awtonomija proċedurali. Madankollu, fil‑fehma tiegħi dan ma jfissirx li l‑kwistjoni ta’ jekk, fl‑implementazzjoni tal‑kundizzjoni stabbilita fl‑Artikolu 42(2)(a) ta’ dan ir‑regolament, ġewx irrispettati d‑drittijiet fundamentali tal‑minuri għandha tiġi evalwata fid‑dawl tal‑ordni pubbliku ta’ kull Stat Membru.

72.      Fil‑fatt, meta neżamina d‑diversi artikoli tar‑Regolament Nru 2201/2003 li jipprovdu għal dan is‑smigħ, nikkonstata li huwa biss l‑Artikolu 23 tal‑istess regolament li jirreferi espressament għall‑ordni pubbliku tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Dan l‑artikolu jipprovdi, fil‑fatt, li deċiżjoni mogħtija fil‑qasam tar‑responsabbiltà tal‑ġenituri ma għandhiex tiġi rikonoxxuta, ħlief f’każ ta’ emerġenza, jekk tkun ingħatat mingħajr ma l‑minuri kellu l‑possibbiltà jinstema’ “bi ksur ta’ l‑prinċipji fondamentali ta’ l‑proċedimenti ta’ l‑Istat Membru fejn huwa mitlub ir‑rikonoxximent”.

73.      Għall‑kuntrarju, tali riferiment ma jeżistix fl‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003, u lanqas barra minn hekk fiż‑żewġ artikoli msemmija l‑oħra. Fil‑fehma tiegħi, din id‑differenza fil‑formulazzjoni turi li l‑osservanza tal‑kundizzjoni msemmija f’din id‑dispożizzjoni, jiġifieri li l‑minuri kellu l‑possibbiltà jinstema’, ma tiddependix mir‑rispett tad‑drittijiet fundamentali tal‑minuri kif previsti fis‑sistema legali tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Sabiex ir‑rekwiżit stabbilit fl‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003 ikun sodisfatt, ma huwiex meħtieġ li l‑minuri kellu l‑possibbiltà jinstema’ inkonformità mal‑liġi fundamentali tal‑Istat Membru fejn ittieħed jew qiegħed jinżamm b’mod illegali l‑minuri.

74.      Fil‑fatt, dispożizzjoni ta’ test Komunitarju li, sabiex jiġu ddeterminati s‑sens u l‑portata tagħha, ma tinkludi ebda riferiment għas‑sistema legali tal‑Istati Membri għandha, skont ġurisprudenza stabbilita, tkun is‑suġġett ta’ interpretazzjoni awtonoma (7). Il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà applikat din il‑ġurisprudenza fil‑kuntest tar‑Regolament Nru 2201/2003 fir‑rigward tal‑kunċetti ta’ “kwistjonijiet ċivili”, li jinsab fl‑Artikolu 1(1) tiegħu (8), u ta’ “abitwalment residenti”, li jinsab fl‑Artikolu 8(1) tal‑istess regolament (9).

75.      Barra minn hekk, in‑natura awtonoma tal‑kontenut tal‑kundizzjoni stabbilita fl‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003 hija kkonfermata wkoll, fil‑fehma tiegħi, mill‑awtonomija proċedurali tal‑eżegwibbiltà ta’ deċiżjoni li tordna r‑ritorn ta’ minuri sussegwenti għal deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn (10). Fil‑fatt, sabiex jiġi żgurat ir‑ritorn effettiv u rapidu tal‑minuri, tali deċiżjoni, skont l‑Artikolu 11(8) ta’ dan ir‑regolament, hija eżegwibbli inkonformità mat‑Taqsima 4 tal‑Kapitolu III tar‑regolament imsemmi, jiġifieri hija rikonoxxuta u hija eżegwibbli fl‑Istat Membru fejn il‑minuri ttieħed jew inżamm b’mod illegali, mingħajr ma hija meħtieġa dikjarazzjoni li tirrikonoxxi l‑eżegwibbiltà tagħha f’dan l‑Istat u mingħajr ma huwa possibbli li ssir oppożizzjoni għar‑rikonoxximent tagħha (11).

76.      B’hekk ir‑Regolament Nru 2201/2003 huwa differenti mill‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 li tipprovdi, fl‑Artikolu 20 tagħha, li r‑ritorn tal‑minuri jista’ jiġi rrifjutat meta dan ma jkunx permess mill‑prinċipji fundamentali tal‑Istat rikjest. Il‑“valur addizzjonali” tar‑Regolament Nru 2201/2003 meta mqabbel ma’ din il‑konvenzjoni huwa, għalhekk, li jippermetti li tinsab soluzzjoni għal sitwazzjonijiet fejn ikun hemm impass li jistgħu jirriżultaw minn evalwazzjonijiet diverġenti tal‑interess superjuri tal‑minuri meta dawn l‑evalwazzjonijiet isiru mill‑qorti ta’ oriġini u mill‑qorti rikjesta fid‑dawl tad‑drittijiet fundamentali speċifiċi tagħhom.

77.      L‑effettività ta’ dan ir‑regolament tkun għalhekk kompromessa jekk il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini tivverifika l‑osservanza tal‑kundizzjonijiet għall‑ħruġ taċ‑ċertifikat li jagħti din l‑eżegwibbiltà speċifika lid‑deċiżjoni tagħha fid‑dawl tad‑drittijiet fundamentali tal‑Istat Membru fejn il‑minuri ttieħed jew qiegħed jinżamm b’mod illegali.

78.      Minn dan isegwi, fil‑fehma tiegħi, li d‑dritt fundamentali tal‑minuri għal smigħ, kif implementat fl‑Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 2201/2003, għandu jkollu kontenut awtonomu. Dan jimplika, fil‑kawża ineżami, li l‑kwistjoni ta’ jekk l‑Artikolu 42(2)(a) ta’ dan ir‑regolament ġiex osservat ma għandhiex tiġi osservata fid‑dawl tar‑rekwiżiti tal‑liġi fundamentali Ġermaniża iżda fid‑dawl tal‑kontenut ta’ din il‑kundizzjoni, kif dan il‑kontenut għandu jinftiehem b’mod uniformi fl‑Istati Membri kollha, skont l‑interpretazzjoni mogħtija mill‑Qorti tal‑Ġustizzja. F’dan ir‑rigward nosserva li l‑Gvern Ġermaniż jaqbel ma’ din l‑analiżi.

b)      Il‑kontenut tad‑dritt għal smigħ

79.      L‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi li l‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini tista’ tiċċertifika d‑deċiżjoni tagħha li tordna r‑ritorn tal‑minuri sussegwentement għal deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn biss jekk “il‑minuri ingħata l‑opportunità li jinstema, ħlief jekk seduta ġiet ikkunsidrata li mhix xierqa wara li ġew ikkunsidrati l‑età jew livell ta’ maturità tiegħu”.

80.      Mill‑formulazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni, moqrija fid‑dawl tal‑Artikolu 24(1) tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali, jirriżulta li l‑minuri kopert minn deċiżjoni li tordna r‑ritorn mogħtija fuq il‑bażi tal‑Artikolu 11(8) tar‑Regolament Nru 2201/2003 għandu jkun ingħata l‑possibbiltà li jesprimi l‑opinjoni tiegħu b’mod liberu dwar dan ir‑ritorn. Dan l‑artikolu japplika, fil‑qasam tal‑ħtif tal‑minuri, l‑iżvilupp kontemporanju tad‑dritt internazzjonali u tad‑dritt Ewropew fis‑sens li l‑opinjoni ta’ minuri li għandu kapaċità ta’ dixxerniment għandha tibda tittieħed inkunsiderazzjoni fid‑deċiżjonijiet li jikkonċernawh (12).

81.      Numru ta’ punti xi ftit iktar preċiżi jistgħu jiġu misluta mill‑formulazzjoni ta’ dan id‑dritt fundamentali, kif implementat fl‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003. Id‑dritt fundamentali msemmi, għandu jiġi enfasizzat qabel kollox, għandu jservi sabiex jiġi protett l‑interess superjuri tal‑minuri.

82.      Fil‑kuntest tad‑dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 2201/2003 applikabbli fil‑każ ta’ tneħħija jew ta’ żamma illegali ta’ minuri, l‑interess superjuri tiegħu huwa, bħala prinċipju, ritorn rapidu lejn il‑post tar‑residenza inizjali tiegħu, u dan minħabba li l‑aġir illegali li huwa kien vittma tiegħu jippreġudika d‑dritt fundamentali tiegħu li jkollu relazzjonijiet diretti u personali ma’ kull wieħed miż‑żewġ ġenituri tiegħu (13). Għaldaqstant, tista’ ssir deroga minn dan ir‑ritorn biss jekk l‑istess ritorn ikun huwa stess kuntrarju għall‑interess tal‑minuri.

83.      Id‑dritt mogħti lill‑minuri permezz tal‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003 huwa għalhekk intiż li jippermettilu jipparteċipa fil‑proċess deċiżjonali li għandu jwassal għad‑deċiżjoni finali dwar ir‑ritorn tiegħu, parteċipazzjoni din iżda li ma għandhiex tkun hija stess kuntrarja għall‑interess tiegħu stess. Mit‑tensjoni bejn dawn id‑drittijiet u bejn dawn l‑interessi jistgħu jiġu misluta, fil‑fehma tiegħi, il‑punti segwenti.

84.      L‑ewwel nett, l‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi dritt li tista’ ssir deroga minnu biss għar‑raġuni stabbilita f’din id‑dispożizzjoni, jiġifieri meta s‑smigħ ikun “mhix xierqa [xieraq]” fid‑dawl tal‑età jew tal‑maturità tal‑minuri. Ta’ min jinnota li t‑test juża l‑kliem “mhix xierqa [xieraq]” u ma jirreferix għal stat ta’ inkapaċità fiżika oġġettiv ikkonstatat medikalment. Il‑kwistjoni ta’ jekk is‑smigħ huwiex xieraq jew le tiddependi mill‑evalwazzjoni magħmula mill‑qorti tal‑kapaċità tal‑minuri li jagħti opinjoni personali. Il‑prinċipju li għandu jiggwida din l‑evalwazzjoni huwa li kull minuri li għandu kapaċità ta’ dixxerniment għandu jitqiegħed f’pożizzjoni fejn ikun jista’ jesprimi l‑opinjoni tiegħu. Madankollu, ma jidhirx li huwa irraġonevoli li wieħed jassumi li, taħt ċerta età, minuri ma huwiex kapaċi jesprimi opinjoni personali li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni (14).

85.      Fil‑kawża ineżami, ma hemmx differenza bejn l‑evalwazzjoni magħmula mill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u dik magħmula mill‑Istat Membru ta’ oriġini fir‑rigward tal‑kapaċità ta’ Andrea li tinstema’, u dan sa fejn il‑qorti tal‑aħħar kienet sejħitha għal smigħ.

86.      It‑tieni nett, l‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi d‑dritt tal‑minuri li jkollu l‑possibbiltà jinstema’. Dan l‑artikolu ma jipprovdix li l‑minuri għandu jkun instema’. Fil‑fehma tiegħi, din il‑formulazzjoni għandha żewġ konsegwenzi. Fl‑ewwel lok, il‑minuri li jkollu kapaċità ta’ dixxerniment suffiċjenti għandu jkun ġie informat li għandu d‑dritt jagħti l‑opinjoni tiegħu b’mod liberu. Sa fejn, materjalment, is‑smigħ tal‑minuri, b’mod partikolari dak ta’ minuri ta’ età żgħira, jiddependi mill‑kunsens tal‑ġenitur li jkun ħatfu jew li jkun qiegħed iżommu b’mod illegali, l‑Istati Membri għandhom jagħtu lill‑qorti r‑riżorsi sabiex tegħleb, jekk ikun meħtieġ, l‑ostakoli li dan il‑ġenitur jista’ jagħmel fir‑rigward tas‑smigħ ta’ dan il‑minuri.

87.      Fit‑tieni lok, il‑formulazzjoni msemmija timplika li l‑minuri għandu wkoll id‑dritt li ma jesprimix ruħu. Il‑minuri ma għandux ikun imġiegħel jagħżel bejn il‑ġenitur li jkun ħatfu jew li jkun qiegħed iżommu b’mod illegali u l‑ġenitur l‑ieħor tiegħu. Il‑minuri lanqas ma għandu jitqiegħed f’sitwazzjoni fejn ikun jista’ jieħu l‑impressjoni li r‑responsabbiltà għad‑deċiżjoni dwar ir‑ritorn tiegħu hija tiegħu biss u, għaldaqstant, li huwa wkoll responsabbli għas‑sofferenza li din id‑deċiżjoni tista’ toħloq lil wieħed mill‑ġenituri tiegħu. Il‑kundizzjonijiet li fihom jinstema’ l‑minuri għandhom ikunu adegwati għaċ‑ċirkustanzi kif ukoll għall‑età u għall‑maturità tiegħu sabiex dan is‑smigħ ma jkunx esperjenza trawmatizzanti għalih (15). Fil‑fehma tiegħi, qorti nazzjonali, meta tqis li ma huwiex opportun li tisma’ lill‑minuri hija stess, għandha għalhekk tkun tista’ tisma’ lill‑minuri permezz ta’ persuna kompetenti f’ambjent adegwat. Bl‑istess mod, il‑Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao setgħet ġustament tikkunsidra wkoll, fil‑fehma tiegħi, li, fil‑kuntest tal‑kawża ineżami, is‑smigħ permezz ta’ vidjo ta’ minuri ta’ età żgħira bħal Andrea ma kienx xieraq.

88.      Huwa fid‑dawl ta’ dawn il‑kundizzjonijiet li l‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini, qabel ma tiċċertifika d‑deċiżjoni tagħha skont l‑Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 2201/2003, għandha tivverifika li l‑minuri kellu l‑possibbiltà jinstema’ fis‑sens tal‑Artikolu 42(2)(a) ta’ dan ir‑regolament.

c)      L‑opinjoni tal‑minuri ma torbotx lill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini

89.      Fl‑aħħar nett, l‑opinjoni espressa mill‑minuri matul is‑smigħ tiegħu ma torbotx lill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini, li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu deċiżjoni abbażi tal‑Artikolu 11(8) tar‑Regolament Nru 2201/2003. Fil‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, l‑oppożizzjoni tal‑minuri għar‑ritorn tiegħu tissemma b’mod espliċitu, fl‑Artikolu 13 tagħha, bħala waħda mir‑raġunijiet li fuqhom tista’ tkun ibbażata deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn (16), mingħajr iżda ma torbot lill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Ir‑Regolament Nru 2201/2003 ma jinkludix din id‑dispożizzjoni fil‑partijiet li jagħtu lill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini s‑setgħa li tiddeċiedi sussegwentement għal tali deċiżjoni.

90.      L‑Artikolu 42(2)(ċ) tar‑Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi sempliċement li l‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini li tordna r‑ritorn tal‑minuri f’każ bħal dan għandha tiċċertifika li hija tat id‑deċiżjoni tagħha billi ħadet inkunsiderazzjoni l‑motivi u l‑provi li fuqhom il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzjoni kienet ibbażat id‑deċiżjoni tagħha li ma jsirx ir‑ritorn.

91.      Għalhekk, il‑formulazzjoni tar‑Regolament Nru 2201/2003 turi b’mod iktar ċar minn dik tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 li l‑opinjoni tal‑minuri tikkostitwixxi element ta’ evalwazzjoni li l‑qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni iżda li ma jorbothiex.

92.      Meta, bħalma ġara fil‑kawża ineżami, il‑minuri jkun iddikjara li ma jaqbilx mar‑ritorn tiegħu meta nstema’ mill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u meta din il‑qorti, fil‑kuntest tas‑setgħa sovrana ta’ evalwazzjoni tagħha, qieset li għandha tieħu deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn, din l‑opinjoni għandha ċertament tittieħed inkunsiderazzjoni mill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini fid‑deċiżjoni finali tagħha, għalkemm tali opinjoni ma torbothiex.

93.      Din l‑opinjoni lanqas ma tobbligaha terġa’ tisma’ hija stess lill‑minuri qabel ma tieħu din id‑deċiżjoni finali, kif se nispjega issa fit‑tieni parti tal‑analiżi tiegħi, iddedikata għas‑sistema tar‑Regolament Nru 2201/2003.

2.      Is‑sistema tar‑Regolament Nru 2201/2003

94.      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li l‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003 ma jipprovdix li l‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini għandha tisma’ hija stess lill‑minuri. Dan l‑artikolu jeżiġi biss li l‑minuri jkun ingħata l‑possibbiltà jinstema’. Din il‑kundizzjoni għalhekk tista’ tkun sodisfatta meta l‑minuri kien instema’ mill‑awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru ieħor, kif tikkonferma l‑premessa 20 ta’ dan ir‑regolament li tipprovdi li s‑smigħ ta’ minuri fi Stat Membru ieħor jista’ jsir skont l‑arranġamenti stabbiliti fir‑Regolament Nru 1206/2001 dwar il‑kooperazzjoni bejn il‑qrati tal‑Istati Membri fejn tittieħed ix‑xiehda fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali.

95.      Meta l‑minuri kkonċernat ma jkunx instema’ mis‑servizzi ġudizzjarji tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni fuq talba tal‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini, taħt ir‑Regolament Nru 1206/2001, iżda fil‑kuntest tal‑proċedura li wasslet għal deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn, jiena ma naħsibx li, fid‑dawl tas‑sistema prevista mir‑Regolament Nru 2201/2003, il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini hija obbligata, taħt l‑Artikolu 42(2)(a) ta’ dan ir‑regolament, li terġa’ tisma’ b’mod obbligatorju lill‑minuri.

96.      Il‑karatteristika prinċipali tas‑sistema prevista mir‑regolament imsemmi fil‑każ ta’ ħtif ta’ minuri toħroġ mill‑fatt li l‑proċedura quddiem il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li tkun wasslet għal deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn u dik quddiem il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini li tkun mitluba tieħu d‑deċiżjoni finali dwar dan ir‑ritorn ma humiex proċeduri maqtugħa minn xulxin u li jikkompetu ma’ xulxin. Dawn il‑proċeduri huma komponenti komplementari tal‑istess proċedura waħda, proċedura li tikkonċerna s‑sitwazzjoni ta’ minuri li l‑ġenituri tiegħu jkunu qegħdin jillitigaw dwar il‑kustodja tiegħu u li fiha żewġ qrati ta’ Stati Membri differenti għandhom, taħt ir‑Regolament Nru 2201/2003, l‑obbligu imperattiv li jaħdmu flimkien sabiex jaslu għall‑aħjar soluzzjoni sabiex jiġi mħares l‑interess ta’ dan il‑minuri.

97.      Taħt din is‑sistema, meta l‑ġenitur ta’ minuri meħud jew miżmum b’mod illegali fi Stat Membru ieħor jitlob ir‑ritorn tiegħu, il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u l‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini jiġu aditi suċċessivament bl‑istess kwistjoni. Din il‑kwistjoni teħtieġ li jiġi ddeterminat jekk jeżistix motiv leġittimu u imperattiv li jopponi r‑ritorn ta’ dan il‑minuri. Kif indikat il‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑sentenza Povse, iċċitata iktar ’il fuq, is‑sistema msemmija tinvolvi eżami doppju tal‑kwistjoni tar‑ritorn tal‑minuri, b’tali mod li tiggarantixxi li d‑deċiżjoni jkollha bażi iktar soda u li l‑interessi tal‑minuri jgawdu minn protezzjoni addizzjonali (17).

98.      Il‑fiduċja u r‑rikonoxximent reċiproċi li jiggvernaw ir‑Regolament Nru 2201/2003 huma għalhekk intiżi li joħolqu, fiż‑żona ġudizzjarja Ewropea, sistema li tixbah kemm jista’ jkun possibbli s‑sitwazzjoni li timmaterjalizza fi ħdan Stat Membru wieħed meta ġenitur jirrifjuta li jirrispetta miżuri provviżorji dwar il‑kustodja ta’ wild komuni. F’kuntest purament intern, it‑trattament ġudizzjarju ta’ tali rifjut jieħu l‑forma ta’ proċedura inċidentali marbuta mal‑proċedura prinċipali tad‑divorzju.

99.      Huwa għalhekk li, fil‑fehma tiegħi, meta jipprovdi kemm fl‑Artikolu 11(2) tar‑Regolament Nru 2201/2003, u mbagħad fl‑Artikolu 42(2)(a) ta’ dan l‑istess regolament, li l‑minuri għandu jkun ingħata l‑possibbiltà jinstema’, il‑leġiżlatur Komunitarju ma kellux l‑intenzjoni jagħmel is‑smigħ tal‑minuri rekwiżit formali li jkollu jiġi sodisfatt b’mod obbligatorju f’kull stadju tal‑proċedura marbuta mar‑ritorn tiegħu. Huwa ried li l‑minuri kkonċernat minn tali proċedura jingħata effettivament il‑possibbiltà li jesprimi ruħu fil‑kuntest globali ta’ din il‑proċedura, u dan sa mill‑fażi miftuħa fl‑Istat Membru rikjest. Il‑leġiżlatur Komunitarju ma imponiex li dan il‑minuri jinstema’ sistematikament mill‑ġdid mill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini li tkun meħtieġa tagħti deċiżjoni fuq il‑bażi tal‑Artikolu 11(8) tar‑Regolament Nru 2201/2003.

100. Din il‑qorti għandha tkun tista’ tibbaża ruħha fuq is‑smigħ imwettaq mill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jekk f’dan is‑smigħ issib l‑elementi neċessarji sabiex tieħu d‑deċiżjoni tagħha.

101. Jiena qiegħed nibbaża l‑analiżi tiegħi, minn naħa, fuq l‑Artikolu 11(6) tar‑Regolament Nru 2201/2003, li jipprovdi li l‑elementi kollha miġbura mill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li fid‑dawl tagħhom din il‑qorti tiddeċiedi li tieħu deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn u, b’mod partikolari, it‑traskrizzjonijiet tas‑seduti, għandhom jiġu kkomunikati lill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini, li għandha l‑ġurisdizzjoni sabiex tieħu d‑deċiżjoni definittiva dwar dan ir‑ritorn (18).

102. L‑analiżi tiegħi hija bbażata, min‑naħa l‑oħra, fuq il‑fatt li, skont l‑Artikolu 42(2)(ċ) tar‑Regolament Nru 2201/2003, il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini għandha tieħu inkunsiderazzjoni l‑motivi u l‑provi li fuq il‑bażi tagħhom il‑qorti tal‑Istat Membru rikjest kienet tat id‑deċiżjoni tagħha li ma jsirx ir‑ritorn.

103. It‑traskrizzjoni tas‑smigħ tal‑minuri, li l‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni kienet obbligata tagħmel fil‑kuntest tal‑proċedura li wasslet għal deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn, tagħmel għalhekk parti integrali mill‑elementi li għandhom jiġu kkomunikati lill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini li jkollha ġurisdizzjoni territorjali u li din il‑qorti għandha l‑obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni.

104. Fl‑aħħar nett, fil‑fehma tiegħi l‑analiżi tiegħi hija kkonfermata mir‑rekwiżit ta’ ħeffa li jiggverna din il‑proċedura. Ir‑ritorn ta’ minuri meħud jew miżmum b’mod illegali jimplika, b’mod ġenerali, li dan il‑minuri ma kienx għad kellu ż‑żmien sabiex jintegra ruħu kompletament fl‑ambjent il‑ġdid tiegħu. Huwa għalhekk li r‑Regolament Nru 2201/2003 jobbliga lill‑qrati aditi b’talba għal ritorn sabiex jiddeċiedu b’mod rapidu, billi japplikaw l‑iktar proċeduri rapidi previsti mid‑dritt nazzjonali tagħhom u mhux iktar tard minn sitt ġimgħat wara li jkunu ġew aditi (19). Dan ir‑rekwiżit ta’ ħeffa, loġikament, japplika wkoll għall‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini li tkun meħtieġa tieħu d‑deċiżjoni finali dwar dan ir‑ritorn.

105. Huwa minnu li din il‑qorti tista’ tqis utli jew opportun li tisma’ mill‑ġdid lill‑minuri qabel ma tieħu d‑deċiżjoni finali tagħha. Nixtieq nirrimarka li, fil‑kawża ineżami, il‑Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao, sussegwentement għad‑deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn mogħtija mill‑Amtsgericht – Familiengericht – Celle, sejħet lill‑minuri u lill‑ommha sabiex tismagħhom fi Spanja.

106. Madankollu, il‑fatt li, sussegwentement għan‑nuqqas ta’ Andrea u ta’ ommha li jidhru fil‑qorti, il‑Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao tat id‑deċiżjoni finali tagħha li kienet tipprovdi għar‑ritorn tal‑minuri mingħajr ma semgħet lill‑minuri permezz ta’ konferenza bil‑vidjo u mingħajr ma pprovat torganizza smigħ fil‑Ġermanja billi tmur hemmhekk hija stess jew billi tqabbad għal dan il‑għan lis‑servizzi ġudizzjarji Ġermaniżi jaqa’ fis‑setgħa sovrana ta’ evalwazzjoni tagħha u ma jistax jitqies li huwa ksur tad‑dritt fundamentali tal‑minuri li jkollu l‑possibbiltà jinstema’.

107. Jiena lanqas ma naħseb li l‑fatt li, fis‑sentenza tagħha tas‑16 ta’ Diċembru 2009, il‑Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao ma ordnatx sempliċement ir‑ritorn ta’ Andrea iżda ddeċidiet ukoll dwar il‑kustodja tagħha u attribwietha lill‑missier jiġġustifika li tintlaħaq konklużjoni oħra.

108. Ir‑Regolament Nru 2201/2003, kif esponiet il‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑sentenza Povse, iċċitata iktar ’il fuq, jippermetti lill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini tordna r‑ritorn tal‑minuri sussegwentement għal deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn mingħajr ma jkollha tiddeċiedi minn qabel dwar il‑kustodja definittiva tiegħu (20). Madankollu, l‑istess regolament jippermettilha wkoll li torbot iż‑żewġ kwistjonijiet billi tiddeċiedi dwar il‑kustodja definittiva tal‑minuri, kif jirriżulta b’mod ċar mill‑Artikolu 11(7) tiegħu, b’tali mod li d‑deċiżjoni dwar ir‑ritorn tal‑minuri tidher għalhekk bħala l‑konsegwenza ta’ din l‑attribuzzjoni.

109. Meta l‑affarijiet jimxu b’dan il‑mod il‑vantaġġ ikun li jiġi evitat li l‑minuri jkollu joqgħod ġej u sejjer bejn l‑Istat kkonċernati jekk il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini tikkunsidra li l‑kustodja għandha finalment tiġi attribwita lill‑ġenitur li jkun ħa jew li jkun qiegħed iżomm lill‑minuri b’mod illegali. Madankollu, sabiex l‑affarijiet jimxu b’dan il‑mod, huwa meħtieġ li din il‑qorti jkollha elementi suffiċjenti sabiex tiddeċiedi dwar din l‑attribuzzjoni, inkluż is‑smigħ tal‑minuri meta dan ikollu kapaċità suffiċjenti ta’ dixxerniment.

110. Għall‑kuntrarju tal‑Gvern Ġermaniż u tal‑Kummissjoni, jiena ma naħsibx li, f’dan il‑każ, is‑smigħ tal‑minuri magħmul mill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni fil‑kuntest tal‑proċedura li wasslet għal deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn kien neċessarjament insuffiċjenti sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li d‑dritt tal‑minuri għal smigħ ġie rrispettat minħabba li s‑suġġett ta’ dan is‑smigħ kien ħafna iktar limitat, jiġifieri limtat għall‑kwistjoni tar‑ritorn.

111. Il‑kwistjoni tar‑ritorn u dik tal‑kustodja definittiva ma humiex kwistjonijiet li ma għandhomx x’jaqsmu ma’ xulxin. Dan jgħodd iktar u iktar fid‑dawl tal‑fatt li, fil‑kawża ineżami, Andrea ddikjarat li ma kinitx taqbel mar‑ritorn tagħha lejn Spanja, fatt dan li jimplika, a fortiori, l‑oppożizzjoni tagħha għall‑attribuzzjoni tal‑kustodja tagħha lil missierha. Il‑possibbiltà għall‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini li tikkunsidra li l‑minuri seta’ jinstema’ dwar l‑attribuzzjoni tal‑kustodja tiegħu tiddependi għalhekk miċ‑ċirkustanzi u mill‑kontenut tas‑smigħ ta’ dan il‑minuri li jkun sar fl‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Fil‑fehma tiegħi, il‑qorti nazzjonali għandha titħalla tevalwa jekk minn dan is‑smigħ tistax tislet elementi suffiċjenti sabiex tiddeċiedi dwar il‑kustodja definittiva tal‑minuri fid‑deċiżjoni li hija tieħu abbażi tal‑Artikolu 11(8) tar‑Regolament Nru 2201/2003.

112. Għandu jingħad ukoll li, kif indika l‑Gvern Spanjol matul is‑seduta, deċiżjoni dwar il‑kustodja ta’ minuri, bħas‑sentenza tal‑Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao tas‑16 ta’ Diċembru 2009, hija msejħa “definittiva” biss sabiex tiġi distinta mill‑miżuri provviżorji meħuda matul il‑proċedura tad‑divorzju u li, bħala prinċipju, tali deċiżjoni tista’ tiġi rieżaminata f’kull mument, jew bil‑kunsens tal‑ġenituri jew fil‑każ li jimmaterjalizzaw elementi ġodda.

113. Fl‑aħħar nett, il‑Kummissjoni ssostni li, fil‑kawża ineżami, il‑Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao ma setgħetx tqis b’mod validu li l‑kundizzjoni prevista fl‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003 kienet sodisfatta minħabba ż‑żmien li għadda minn meta l‑minuri kienet instemgħet fil‑Ġermanja, jiġifieri kważi disa’ xhur.

114. Huwa minnu li tali żmien jista’ jidher twil fil‑kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn. Madankollu, għal darba oħra, ma nistax nidentifika b’mod ċar x’seta’ jirriżulta minn smigħ ġdid tal‑minuri la darba din kienet iddikjarat li ma kinitx taqbel mar‑ritorn tagħha lejn Spanja.

115. Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjoni preċedenti, jiena għalhekk qiegħed nipproponi lill‑Qorti tal‑Ġustizzja tiddeċiedi li l‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis‑sens li l‑kundizzjoni stabbilita f’din id‑dispożizzjoni tkun sodisfatta meta l‑minuri jkun instema’ mill‑awtoritajiet ġudizzjarji tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni fil‑kuntest tal‑proċedura li wasslet għal deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn u meta l‑qorti tal‑Istat Membru li jkollha ġurisdizzjoni tkun ħadet dan is‑smigħ inkunsiderazzjoni fid‑deċiżjoni tagħha li tordna r‑ritorn, adottata taħt l‑Artikolu 11(8) tal‑istess regolament.

B –    L‑eżami tad‑domandi preliminari

116. Fid‑dawl tal‑pożizzjoni li ħadt fir‑rigward tal‑premessa li fuqha huma bbażati d‑domandi preliminari magħmula mill‑Oberlandesgericht Celle, se neżamina dawn id‑domandi b’mod sussidjarju biss.

117. Permezz tad‑domandi msemmija, li fil‑fehma tiegħi għandhom jiġu eżaminati flimkien, il‑qorti tar‑rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk ir‑Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis‑sens li l‑qorti tal‑Istat Membru rikjest tista’ topponi għall‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ċertifikata, li tordna r‑ritorn ta’ minuri sussegwentement għal deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn, meta jkun jidher li l‑minuri inkwistjoni, għall‑kuntrarju tal‑indikazzjonijiet li jkunu jinsabu fiċ‑ċertifikat maħruġ taħt l‑Artikolu 42 tar‑regolament imsemmi, ma kellux il‑possibbiltà jinstema’, bi ksur tad‑dispożizzjoni ta’ dan l‑artikolu u tad‑dritt fundamentali stabbilit fl‑Artikolu 24(1) tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali.

118. L‑analiżi ta’ din il‑mistoqsija għandha għalhekk issir fid‑dawl tal‑preżunzjoni li huwa stabbilit il‑fatt li l‑minuri kkonċernat mid‑deċiżjoni meħuda taħt l‑Artikolu 11(8) tar‑Regolament Nru 2201/2003 ma kellux il‑possibbiltà jinstema’, għall‑kuntrarju tal‑indikazzjonijiet li jinsabu fiċ‑ċertifikat li jakkompanja lil din id‑deċiżjoni.

119. Fil‑fehma tiegħi, li hija l‑istess bħall‑fehma tal‑Kummissjoni iżda kuntrarja għal dik tal‑Gvern Ġermaniż, lanqas f’każ tali, il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma tistax topponi għall‑eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni inkwistjoni. Il‑pożizzjoni tiegħi hija bbażata fuq is‑sistema prevista mir‑Regolament Nru 2201/2003, kif ġie interpretat mill‑ġurisprudenza.

120. Kif diġà rajna, dan ir‑regolament, l‑istess bħall‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, jitlaq mill‑premessa li t‑tneħħija jew iż‑żamma illegali ta’ minuri bi ksur ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jippreġudikaw serjament l‑interessi ta’ dan il‑minuri, b’tali mod li r‑ritorn tiegħu lejn il‑post ta’ residenza inizjali tiegħu għandu jsir fl‑iqsar żmien possibbli.

121. Rajna wkoll li l‑valur addizzjonali tar‑regolament imsemmi meta mqabbel ma’ din il‑konvenzjoni huwa li stabbilixxa sistema fejn, fil‑każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l‑evalwazzjoni magħmula mill‑qorti tar‑residenza abitwali tal‑minuri u dik magħmula mill‑qorti tal‑post fejn il‑minuri jinsab b’mod illegali, l‑ewwel qorti tibqa’ l‑qorti li għandha ġurisdizzjoni u, b’xi mod jew ieħor, għandha l‑aħħar kelma meta tiġi sabiex tiddeċiedi jekk dan il‑minuri għandux effettivament jirritorna jew le lejn il‑post ta’ residenza inizjali tiegħu.

122. Din il‑ġurisdizzjoni tal‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini hija bbażata fuq il‑premessa li din il‑qorti tinsab fl‑aħjar pożizzjoni sabiex tieħu d‑deċiżjoni finali dwar dan ir‑ritorn, u dan minħabba li tkun tista’ tiġbor mingħand in‑nies ta’ madwar il‑minuri u mill‑persuni kollha li kellu kuntatt magħhom il‑minuri l‑elementi kollha li permezz tagħhom tkun tista’ tevalwa jekk teżistix raġuni leġittima sabiex issir oppożizzjoni għar‑ritorn tiegħu.

123. L‑istruttura u l‑għan ta’ din is‑sistema ġew spjegati b’mod ċar ħafna mill‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑sentenza Povse, iċċitata iktar ’il fuq, b’risposta għal domanda li qajmet il‑kwistjoni jekk deċiżjoni li tagħti dritt ta’ kustodja provviżorja, mogħtija sussegwentement minn qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u kkunsidrata eżegwibbli skont id‑dritt ta’ dan l‑Istat, tipprekludix l‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni preċedenti li tordna r‑ritorn tal‑minuri, meħuda taħt l‑Artikolu 11(8) tar‑Regolament Nru 2201/2003 u ċċertifikata skont l‑Artikolu 42 ta’ dan l‑istess regolament.

124. Il‑Qorti tal‑Ġustizzja spjegat kif ġej:

“73.      Mi[ll‑Artikoli 42(1) u 43(1) u (2) tar‑Regolament Nru 2201/2003], li jistabbilixxu tqassim ċar tal‑kompetenzi bejn il‑qrati tal‑Istat Membru tal‑oriġini u l‑Istat Membru ta’ infurzar [eżekuzzjoni] u intiżi għar‑ritorn ta’ malajr tal‑minuri, jirriżulta li ċertifikat mogħti skont l‑Artikolu 42 tar‑Regolament [Nru 2201/2003], li jagħti lid‑deċiżjoni hekk iċċertifikata infurzabbbiltà [eżegwibbiltà] speċifika, ma huwa suġġetta għal ebda appell. Il‑qorti li lilha sar ir‑rikors [qorti rikjesta] tista’ tikkonstata biss l‑infurzabbiltà ta’ tali deċiżjoni, peress li l‑uniċi motivi li jistgħu jiġu invokati fir‑rigward taċ‑ċertifikat huma dawk sabiex jiġi sostnut rikors għal rettifika jew dubji dwar l‑awtentiċità tiegħu, skont il‑liġijiet tal‑Istat Membru tal‑oriġini (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Rinau, [iċċitata iktar ’il fuq] punti 85, 88 u 89). Il‑liġijiet tal‑Istat Membru tal‑oriġini [rikjest] li huma applikabbli huma dawk biss li jirregolaw il‑kwistjonijiet proċedurali.

74.      Għall‑kuntrarju, id‑domandi dwar il‑mertu tad‑deċiżjoni bħala tali, inkluża l‑kwistjoni dwar jekk il‑kundizzjonijiet rikjesti sabiex il‑qorti li għandha ġurisdizzjoni tkun tista’ tagħti din id‑deċiżjoni huma [humiex] sodisfatti, inkluż il‑kontestazzjonijiet eventwali dwar il‑ġurisdizzjoni, għandhom jiġu invokati quddiem il‑qrati tal‑Istat Membru tal‑oriġini, skont ir‑regoli tas‑sistema legali tagħha. Bl‑istess mod, talba għal sospensjoni tal‑infurzar [ta’ eżekuzzjoni] ta’ deċiżjoni ċċertifikata tista’ ssir biss quddiem il‑qorti li għandha ġurisdizzjoni tal‑Istat Membru tal‑oriġini skont ir‑regoli tas‑sistema legali tagħha.

75.      B’hekk, ebda motiv ma jista’ jitqajjem quddiem il‑qrati tal‑Istat Membru ta’ tneħħija kontra l‑infurzar [l‑eżekuzzjoni] ta’ tali deċiżjoni, peress li l‑liġijiet ta’ dan l‑Istat jirregolaw biss il‑kwistjonijiet proċedurali, fis‑sens tal‑Artikolu 47(1) tar‑Regolament [Nru 2201/2003], jiġifieri l‑arranġamenti għall‑implementazzjoni [eżekuzzjoni] tad‑deċiżjoni. Issa, proċeduri bħal dawk li huma s‑suġġett ta’ din id‑domanda preliminari ma jikkonċernawx la r‑rekwiżiti formali u lanqas kwistjonijiet proċedurali, iżda jittrattaw kwistjonijiet fuq il‑mertu.

76.      Konsegwentement, in‑natura irrikonċiljabbli fis‑sens tat‑tieni subparagrafu tal‑Artikolu 47(2) tar‑Regolament [Nru 2201/2003], ta’ deċiżjoni ċċertifikata ma’ deċiżjoni infurzabbli [eżegwibbli] sussegwenti għandha tiġi vverifikata biss fir‑rigward ta’ kwalunkwe deċiżjonijiet sussegwenti mogħtija mill‑qrati li għandhom ġurisdizzjoni tal‑Istat Membru tal‑oriġini.”

125. Fi kliem ieħor, il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma tistax għaldaqstant topponi għall‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ċertifikata mogħtija fuq il‑bażi tal‑Artikolu 11(8) tar‑Regolament Nru 2201/2003.

126. Jiena tal‑fehma li din l‑interpretazzjoni ta’ dan ir‑regolament għandha tgħodd ukoll fil‑każ li, b’mod straordinarju, iċ‑ċertifikat ikun ġie stabbilit b’mod żbaljat fis‑sens li l‑minuri ma kellux il‑possibbiltà jinstema’.

127. Fil‑fatt, fir‑regolament imsemmi, il‑leġiżlatur Komunitarju tgħallem min‑nuqqasijiet fis‑sistema tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, fejn id‑differenza bejn l‑evalwazzjonijiet tal‑qrati tal‑Istati Kontraenti fir‑rigward tal‑interess superjuri tal‑minuri, meta dan l‑interess jitqies fid‑dawl tal‑ordni pubbliku partikolari għal kull Stat, kienet twassal sabiex jiġi legalizzat il‑ħtif tal‑minuri.

128. Għaldaqstant, il‑leġiżlatur Komunitarju pprovda, minn naħa, li, fil‑kuntest tal‑Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 2201/2003, dawn id‑drittijiet fundamentali għandu jkollhom kontenut awtonomu, uniformi fl‑Istati Membri kollha, jiġifieri dak tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali. Huwa qies, min‑naħa l‑oħra, li l‑livell ta’ fiduċja reċiproka bejn l‑Istati Membri fil‑kapaċità tal‑qrati tal‑Istati Membri l‑oħra li jiżguraw protezzjoni reali tad‑drittijiet imsemmija kienet tippermetti li jkompli jibdni fuq din il‑loġika u li jagħti lid‑deċiżjoni finali mogħtija mill‑qorti li jkollha ġurisdizzjoni territorjali eżegwibbiltà speċifika, li ma tistax tiġi kkontestata fl‑Istati Membri l‑oħra.

129. F’dan ir‑rigward huwa biżżejjed li titqabbel il‑formulazzjoni tad‑dispożizzjonijiet tat‑Taqsima 4 tal‑Kapitolu III tar‑Regolament Nru 2201/2003, li jipprovdu għal din l‑eżegwibbiltà speċifika, ma’ dik tal‑artikoli tad‑Deċiżjoni Qafas tal‑Kunsill 2002/584/ĠAI (21), dwar il‑mandat ta’ arrest Ewropew. Din id‑deċiżjoni qafas tipprovdi b’mod espliċitu li l‑konsenja tal‑persuna koperta minn mandat ta’ arrest Ewropew għandha tirriżulta minn deċiżjoni ta’ qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u telenka l‑motivi li abbażi tagħhom din il‑qorti tista’ jew għandha topponi għall‑konsenja (22). Fid‑Deċiżjoni Qafas, il‑leġiżlatur tal‑Unjoni għalhekk xtaq li r‑rispett tad‑drittijiet fundamentali jkun is‑suġġett ta’ stħarriġ doppju, mill‑qrati tal‑Istat Membru rikjedenti u minn dawk tal‑Istat Membru rikjest.

130. Għall‑kuntrarju, fir‑Regolament Nru 2201/2003, il‑leġiżlatur Komunitarju mexa pass iktar lejn ir‑rikonoxximent reċiproku peress li ma pprovdiex għal dan l‑istħarriġ doppju. Madankollu, dan il‑pass addizzjonali ma għandux ikollu bħala konsegwenza protezzjoni iktar limitata tad‑drittijiet fundamentali tal‑minuri. Rajna li, fil‑premessa 33 ta’ dan ir‑regolament, il‑leġiżlatur Komunitarju fakkar l‑importanza li jiġu rrispettati dawn id‑drittijiet. Madankollu, huwa qies li dawn id‑drittijiet setgħu jiġu mħarrsa mill‑qrati tal‑Istat Membru ta’ oriġini.

131. Għalhekk, il‑ġenitur li jqis li d‑deċiżjoni li tordna r‑ritorn tal‑minuri ttieħdet mingħajr ma l‑minuri kellu l‑possibbiltà jinstema’, bi ksur tad‑dritt fundamentali tiegħu, u, għaldaqstant, li ċ‑ċertifikat kien żbaljat, għandu jikkontesta din id‑deċiżjoni quddiem il‑qorti li jkollha ġurisdizzjoni tal‑Istat Membru ta’ oriġini, mingħajr madankollu ma l‑eżerċizzju ta’ tali rimedju jista’, bħala tali, jiġġustifika sospensjoni tal‑eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni msemmija fl‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

132. Il‑Gvern Ġermaniż qiegħed jistieden lill‑Qorti tal‑Ġustizzja testendi r‑raġunament tagħha għall‑ipoteżi fejn il‑qrati li jkollhom ġurisdizzjoni tal‑Istat Membru ta’ oriġini jkunu naqsu milli jwettqu l‑obbligi tagħhom u ma jkunux biddlu deċiżjoni li tkun ivvizjata bi ksur manifest tad‑drittijiet fundamentali.

133. Dan il‑gvern isostni għalhekk li l‑qorti tal‑Istat Membru rikjest għandha tkun tista’ topponi għall‑eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni meta r‑rikors quddiem il‑qrati tal‑Istat Membru ta’ oriġini ma jkollux eżitu pożittiv filwaqt li d‑dritt fundamentali tal‑minuri kien manifestament miksur. Il‑gvern imsemmi jsostni li, f’każ bħal dan, ir‑Regolament Nru 2201/2003 ma jistax jimponi l‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tikser manifestament id‑drittijiet fundamentali. Huwa jibbaża l‑argumenti tiegħu fuq il‑fatt li, fil‑kawża ineżami, ir‑rikors ippreżentat minn omm Andrea fi Spanja kontra s‑sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2009 ma kellux eżitu pożittiv.

134. Jiena tal‑fehma li l‑kawża preżenti ma tipprovdix opportunità sabiex tittieħed pożizzjoni dwar tali ipoteżi. Fil‑fatt, minn naħa, jekk il‑Qorti tal‑Ġustizzja ssegwi l‑analiżi tiegħi dwar il‑premessa li fuqha huma bbażati d‑domandi preliminari, id‑dritt fundamentali tal‑minuri għal smigħ ma kienx is‑suġġett ta’ ksur manifest. Dan id‑dritt ġie rrispettat. Min‑naħa l‑oħra, il‑Gvern Spanjol, matul is‑seduta, ikkontesta l‑affermazzjoni li omm il‑minuri kienet eżawriet ir‑rimedji kollha li kellha għad‑dispożizzjoni tagħha fi Spanja. Barra minn hekk, dan il‑gvern spjega li, fis‑sistema legali interna tiegħu, jeżisti rimedju previst speċjalment għal sitwazzjoni fejn parti tallega ksur tad‑drittijiet fundamentali tagħha.

135. F’dan ir‑rigward, jiena tal‑fehma li l‑eżistenza, fis‑sistema legali tal‑Istat Membru ta’ oriġini, ta’ rimedji (li huma disponibbli f’dan il‑każ) intiżi sabiex il‑partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jikkontestaw il‑fondatezza ta’ deċiżjoni ċertifikata taħt l‑Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 2201/2003 u, għaldaqstant, ir‑rispett tad‑drittijiet fundamentali mill‑qorti li tat din id‑deċiżjoni, hija l‑kontroparti indispensabbli tal‑assenza ta’ kwalunkwe possibbiltà ta’ kontestazzjoni ta’ tali deċiżjoni fl‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

136. Fi kwalunkwe każ u, bħala prinċipju, is‑sitwazzjoni kkunsidrata mill‑Gvern Ġermaniż lanqas ma għandha timmaterjalizza. Il‑qrati nazzjonali għandhom japplikaw id‑dritt tal‑Unjoni inkonformità mad‑drittijiet fundamentali u, f’każ ta’ dubju dwar il‑portata ta’ dawn tal‑aħħar, huma għandhom jissottomettu d‑dubju tagħhom lill‑Qorti tal‑Ġustizzja fil‑kuntest ta’ rinvjiu għal deċiżjoni preliminari. L‑Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll, fis‑sistema legali tagħhom, għal rimedji suffiċjenti sabiex jiġi żgurat li dawn id‑drittijiet jiġu effettivament irrispettati. Fl‑aħħar nett, l‑osservanza ta’ dawn l‑obbligi hija suġġetta għall‑istħarriġ tal‑Kummissjoni li tista’, b’mod partikolari, tibda proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru jekk il‑qrati tiegħu u, b’mod partikolari, il‑qorti suprema tiegħu, ma josservawhomx (23).

137. Fil‑kawża ineżami ma huwa ġustifikat ebda dubju dwar il‑kapaċità tas‑sistema legali ta’ kull Stat Membru li tiżgura applikazzjoni tar‑Regolament Nru 2201/2003 li tirrispetta d‑drittijiet fundamentali tal‑minuri.

138. Din il‑kawża turi, għall‑kuntrarju, li r‑rikonoxximent ta’ dritt ta’ oppożizzjoni lill‑qrati tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkun ta’ natura li joħloq mill‑ġdid il‑possibbiltà ta’ impass jew ta’ dewmien mhux ġustifikat għall‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet li jordnaw ir‑ritorn ta’ minuri, meħuda abbażi tal‑Artikolu 11(8) tar‑Regolament Nru 2201/2003. Kif diġà indikajt, fil‑qasam partikolari u sensittiv ħafna tal‑ħtif ta’ minuri, kull xahar ta’ dewmien fl‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tordna r‑ritorn jagħmel dan ir‑ritorn iktar diffiċli u għalhekk jaggrava s‑sitwazzjoni. L‑effettività tar‑Regolament Nru 2201/2003 tkun għalhekk kompromessa serjament jekk l‑eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni setgħet tiġi kkontestata b’xi mod jew ieħor quddiem l‑awtoritajiet ġudizzjarji tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u tkun għalhekk tiddependi mill‑eżitu ta’ proċedura quddiem dawn il‑qrati.

139. Fid‑dawl ta’ dawn il‑kunsiderazzjonijiet, jiena nipproponi lill‑Qorti tal‑Ġustizzja li tikkompleta r‑risposta preċedenti billi żżid li, anki jekk jitqies li l‑minuri ma kellux il‑possibbiltà jinstema’, b’mod kuntrarju għall‑indikazzjonijiet magħmula fiċ‑ċertifikat maħruġ skont l‑Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 2201/2003 u bi ksur tad‑dispożizzjonijiet ta’ dan l‑artikolu kif ukoll tad‑dritt fundamentali stabbilit fl‑Artikolu 24(1) tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali, dan ir‑regolament għandu jiġi interpretat fis‑sens li l‑qorti tal‑Istat Membru rikjest ma tistax topponi għall‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ċertifikata li tordna r‑ritorn ta’ minuri, meħuda abbażi tal‑Artikolu 11(8) tar‑regolament imsemmi.

IV – Konklużjoni

140. Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li tingħata din ir‑risposta għad‑domandi preliminari magħmula mill‑Oberlandesgericht Celle:

“L‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas‑27 ta’ Novembru 2003, dwar il‑ġurisdizzjoni u r‑rikonoxximent u l‑infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal‑ġenituri, u li jirrevoka r‑Regolament (KE) Nru 1347/2000, għandu jiġi interpretat fis‑sens li l‑kundizzjoni stabbilita f’din id‑dispożizzjoni tkun sodisfatta meta l‑minuri jkun instema’ mill‑awtoritajiet ġudizzjarji tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni fil‑kuntest tal‑proċedura li wasslet għal deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn u meta l‑qorti tal‑Istat Membru li jkollha ġurisdizzjoni tkun ħadet dan is‑smigħ inkunsiderazzjoni fid‑deċiżjoni tagħha li tordna r‑ritorn, adottata taħt l‑Artikolu 11(8) tal‑istess regolament.

Anki jekk jitqies li l‑minuri ma kellux il‑possibbiltà jinstema’, b’mod kuntrarju għall‑indikazzjonijiet magħmula fiċ‑ċertifikat maħruġ skont l‑Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 2201/2003 u bi ksur tad‑dispożizzjonijiet ta’ dan l‑artikolu kif ukoll tad‑dritt fundamentali stabbilit fl‑Artikolu 24(1) tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali, dan ir‑regolament għandu jiġi interpretat fis‑sens li l‑qorti tal‑Istat Membru rikjest ma tistax topponi għall‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ċertifikata li tordna r‑ritorn ta’ minuri, meħuda abbażi tal‑Artikolu 11(8) tar‑regolament imsemmi.”

1 – Il‑Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar l‑aspetti ċivili dwar il‑ħtif internazzjonali ta’ minuri (iktar ’il quddiem “il‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980”).

2 – Ir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas‑27 ta’ Novembru 2003, dwar il‑ġurisdizzjoni u r‑rikonoxximent u l‑infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal‑ġenituri, u li jirrevoka r‑Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243).

3 – Ara s‑sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2008, Rinau (C‑195/08 PPU, Ġabra p. I‑5271), u tal‑1 ta’ Lulju 2010, Povse (C‑211/10 PPU, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra).

4 – Sentenza Povse, iċċitata iktar ’il fuq (punti 73 sa 75).

5 – Artikoli 60 u 62 tar‑regolament imsemmi.

6 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 121.

7 – Sentenza tat‑2 ta’ April 2009, A (C‑523/07, Ġabra p. I‑2805, punt 34).

8 – Sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2007, C (C‑435/06, Ġabra p.I‑10141, punt 46).

9 – Sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq (punti 35 sa 37).

10 – Sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Rinau (punt 63) u Povse (punt 56).

11 – Sentenza Rinau, iċċitata iktar ’il fuq (punt 68).

12 – F’dan is‑sens, il‑Konvenzjoni internazzjonali tad‑drittijiet tal‑minuri, adottata mill‑Assemblea Ġenerali tan‑Nazzjonijiet Uniti fl‑20 ta’ Novembru 1989, tipprovdi, fl‑Artikolu 12 tagħha:

“1. L‑Istati Membri għandhom jiggarantixxu lil minuri li jkollu kapaċità ta’ dixxerniment id‑dritt li jesprimi l‑opinjoni tiegħu b’mod liberu dwar kull kwistjoni li tikkonċernah […]

2. Għal dan il‑għan, il‑minuri għandu jingħata, b’mod partikolari, il‑possibbiltà jinstema’ f’kull proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva li tikkonċernah, jew direttament jew permezz ta’ rappreżentant jew organizzazzjoni adegwata, b’mod li jkun kompatibbli mar‑regoli proċedurali tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il‑Konvenzjoni Ewropea dwar l‑eżerċizzju tad‑drittijiet tal‑minuri, tal‑25 ta’ Jannar 1996, fl‑Artikolu 3 tagħha, u l‑Konvenzjoni Ewropea dwar ir‑relazzjonijiet personali li jikkonċernaw il‑minuri, tal‑15 ta’ Mejju 2003, fl‑Artikolu 6 tagħha, jipprevedu d‑dritt tal‑minuri li jiġi informat, ikkonsultat u li jesprimi l‑opinjoni tiegħu fil‑proċeduri. Ara, b’mod partikolari, A. Gouttenoire, “L’audition de l’enfant dans le règlement ‘Bruxelles II bis’”, fi Le nouveau droit communautaire du divorce et de la responsabilité parentale, Dalloz, 2005, p. 201 et seq.

13 – Sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Detiček (C‑403/09 PPU, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra, punt 54). Ara wkoll is‑sentenza Iglesias Gil u A.U.I. vs Spanja tal‑Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal‑Bniedem tad‑29 ta’ April 2003, Recueil des arrêts et décisions 2003‑V.

14 – Ara s‑sentenza Pini, Bertani, Manera u Atripaldi vs Ir‑Rumanija tal‑Qorti Ewroprea tad‑Drittijiet tal‑Bniedem tat‑22 ta’ Ġunju 2004, Recueil des arrêts et décisions 2004‑IV, fejn il‑qorti msemmija qieset li l‑awtoritajiet nazzjonali ma kinux marru lil hinn mill‑marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom meta stabbilew l‑età ta’ għaxar snin bħala l‑età li minnha kien meħtieġ il‑kunsens tal‑minuri għall‑adozzjoni tiegħu.

15 – Ara s‑sentenza Sahin vs Il‑Ġermanja tal‑Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal‑Bniedem tat‑8 ta’ Lulju 2003, Recueil des arrêts et décisions 2003‑VIII, fejn dik il‑qorti qieset li, fil‑kuntest ta’ proċedura li tikkonċerna d‑dritt ta’ żjara ta’ ġenitur li ma jgawdix il‑kustodja ta’ minuri, il‑qorti ma tistax tkun obbligata tisma’ sistematikament lill‑minuri waqt seduta iżda għandu jkollha marġni ta’ diskrezzjoni dwar il‑kundizzjonijiet li fihom tinżamm din is‑seduta, u dan skont iċ‑ċirkustanzi partikolari tal‑kawża kif ukoll skont l‑età u l‑maturità tal‑minuri kkonċernat (punt 73).

16 – It‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 13 tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 jipprovdi:

“L‑awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tista’ wkoll tirrifjuta li tordna r‑ritorn tal‑minuri jekk issib li l‑minuri joġġezzjona għar‑ritorn tiegħu u jkun laħaq età u livell ta’ maturità tali li jkun tajjeb li wieħed jagħti każ tal‑opinjoni tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

17 – Punt 60.

18 – Infakkar li l‑Artikolu 11(6) tar‑Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi:

“Jekk qorti ħarġet ordni kontra r‑ritorn [deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn] skond l‑Artikolu 13 [tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980], [din] il‑qorti għandha immedjatament titrasmetti jew direttament jew mill‑awtorità ċentrali tagħha, kopja [tad‑deċiżjoni ġudizzjarja li ma jsirx ir‑ritorn] u d‑dokumenti rilevanti, u partikolarment traskrizzjoni tas‑seduti quddiem il‑qorti, lill‑qorti li għandha l‑ġurisdizzjoni jew lill‑awtorità ċentrali fl‑Istat Membru fejn il‑minuri kienu abitwalment residenti qabel it‑tneħħija jew iż‑żamma nġusta [illegali], kif determinati mil‑liġi nazzjonali. Il‑Qorti għandha tirċievi d‑dokumenti kollha msemmija fi żmien xahar mid‑data ta’ l‑ordni sabiex ma jsirx ir‑ritorn [tad‑deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn].” [enfażi tiegħi]

19 – Ara l‑Artikolu 11(3) u (6) tar‑Regolament Nru 2201/2003.

20 – Il‑punt 54 ta’ din is‑sentenza huwa fformulat kif ġej:

“Bl‑istess mod, l‑Artikoli 40 u 42 sa 47 tar‑Regolament [Nru 2201/2003] ma jorbtu bl‑ebda mod l‑infurzar ta’ deċiżjoni mogħtija skont l‑Artikolu 11(8), u akkumpanjata minn ċertifikat imsemmi fl‑Artikolu 42(1) tar‑Regolament [Nru 2201/2003] mal‑adozzjoni minn qabel ta’ deċiżjoni dwar il‑kustodja.”

21 – Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal‑Kunsill 2002/584/ĠAI, tat‑13 ta’ Ġunju 2002, dwar il‑mandat ta’ arrest Ewropew u l‑proċeduri ta’ konsenja bejn l‑Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil‑ĠU L 17, 22.01.2009, p. 45; iktar ’il quddiem id‑“Deċiżjoni Qafas”).

22 – Ara l‑Artikoli 3 u 4 tad‑Deċiżjoni Qafas.

23 – Sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2003, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑129/00, Ġabra p. I‑14637, punt 32).

Top

OPINJONI TAL‑AVUKAT ĠENERALI BOT

ippreżentata fis‑7 ta’ Diċembru 2010 1

Kawża C‑491/10 PPU

Joseba Andoni Aguirre Zarraga

vs

Simone Pelz

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill‑Oberlandesgericht Celle (il‑Ġermanja)]

“Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Dritt ta’ kustodja provviżorja – Ħtif ta’ minuri – Deċiżjoni ċertifikata li tordna r‑ritorn ta’ minuri sussegwentement għal deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn – Kundizzjonijiet ta’ ħruġ taċ‑ċertifikat – Possibbiltà li jinstema’ l‑minuri – Karta tad‑Drittijiet Fundamentali – Smigħ tal‑minuri mill‑awtoritajiet ġudizzjarji tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni fil‑kuntest tal‑proċedura li wasslet għad‑deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn – Kompetenza tal‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li topponi għall‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tordna r‑ritorn tal‑minuri meħuda sussegwentement għal deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn”

1.        Il‑kunflitti bejn koppja li tkun qiegħda tiddivorzja dwar il‑futur tal‑ulied komuni jistgħu jikkostitwixxu, għal dawn l‑ulied, esperjenza ta’ sofferenza, jekk mhux ukoll trawmatizzanti. Din l‑esperjenza tista’ tkun iktar u iktar diffiċli meta, fil‑każ ta’ koppja minn pajjiżi differenti, wieħed mill‑ġenituri, li ma jaċċettax il‑miżuri meħuda fir‑rigward tal‑ulied mill‑qorti tal‑Istat Membru fejn kienet tirrisjedi l‑koppja, joħodhom fl‑Istat ta’ oriġini tiegħu u jipprova jikseb deċiżjoni kuntrarja mill‑qrati ta’ dan l‑Istat. Jekk jirnexxielu jikseb tali deċiżjoni, dan ikun ifisser li s‑sitwazzjoni tal‑ulied tkun irregolata minn deċiżjonijiet ġudizzjarji kontradittorji, bl‑iktar riżultat komuni jkun il‑waqfien ftit jew wisq fit‑tul ta’ kull relazzjoni jew ta’ relazzjonijiet normali mal‑ġenitur l‑ieħor.

2.        Il‑ħsara kunsiderevoli li jġarrbu l‑ulied minħabba aġir ta’ dan it‑tip wasslet lill‑Istati sabiex jistabbilixxu, inizjalment permezz ta’ konvenzjoni, jiġifieri permezz tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑25 ta’ Ottubru 1980 (1), u mbagħad, fil‑kuntest tal‑Unjoni Ewropea, permezz ta’ konvenzjoni u iktar tard permezz ta’ regolament, sistemi ta’ kooperazzjoni bejn il‑qrati ta’ Stati differenti intiżi sabiex, meta minuri jittieħed jew jinżamm illegalment minn wieħed mill‑ġenituri tiegħu, jiġi żgurat ir‑ritorn tiegħu fl‑iqsar żmien possibbli lejn il‑post fejn kien jirrisjedi qabel il‑ħtif tiegħu.

3.        Ir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 2201/2003 (2), li huwa rilevanti għal din il‑kawża, jistabbilixxi sistema li tipprovdi li l‑qorti tar‑residenza tal‑minuri, f’każ li l‑qorti tal‑Istat Membru fejn il‑minuri jkun ittieħed illegalment tagħti deċiżjoni li tipprekludi r‑ritorn tiegħu, għandha, b’xi mod jew ieħor, l‑aħħar kelma u tista’ tordna dan ir‑ritorn permezz ta’ deċiżjoni eżegwibbli ipso jure li ma tistax tiġi kkontestata fl‑Istati Membri l‑oħra.

4.        Din in‑natura eżegwibbli msaħħa hija suġġetta għall‑ħruġ, mill‑qorti li tat din id‑deċiżjoni, ta’ ċertifikat li jattesta, b’mod partikolari, li l‑minuri kellu l‑possibbiltà jinstema’, ħlief jekk l‑età jew il‑maturità tiegħu ma kinux jippermetu dan, u li din il‑qorti ħadet inkunsiderazzjoni l‑elementi li fid‑dawl tagħhom il‑qorti tal‑post fejn il‑minuri ttieħed illegalment kienet adottat deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn.

5.        L‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet iċċertifikati b’dan il‑mod diġà wasslet għal diversi problemi ta’ interpretazzjoni li pprovdew lill‑Qorti tal‑Ġustizzja bl‑opportunità li tikkonferma u tippreċiża l‑portata tan‑natura eżegwibbli speċifika tagħhom (3). B’hekk, fis‑sentenza Povse, iċċitata iktar ’il fuq, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li, skont it‑tqassim tal‑kompetenzi bejn il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini u dik tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, din tal‑aħħar tista’ biss tikkonstata n‑natura eżegwibbli ta’ deċiżjoni ċertifikata, filwaqt li l‑kontestazzjonijiet fir‑rigward taċ‑ċertifikat jistgħu jitqajmu biss fl‑Istat Membru ta’ oriġini (4).

6.        F’din il‑kawża, l‑Oberlandesgericht Celle (il‑Ġermanja) tixtieq tkun taf jekk, minkejja n‑natura eżegwibbli speċifika ta’ deċiżjoni ċertifikata, hija tistax topponi għall‑eżekuzzjoni tagħha f’każ ta’ ksur partikolarment serju ta’ dritt fundamentali tal‑minuri, meta dan ma jkunx instema’, bi ksur tad‑dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 2201/2003, interpretati inkonformità mal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il‑“Karta tad‑Drittijiet Fundamentali”). Sussidjarjament, hija tistaqsi sa fejn hija obbligata teżegwixxi tali deċiżjoni meta ċ‑ċertifikat marbut magħha jkun fih dikjarazzjoni manifestament ineżatta fir‑rigward tas‑smigħ tal‑minuri.

7.        Barra minn hekk, il‑qorti tar‑rinviju ppreċiżat li hija ma kinitx qiegħda titlob l‑applikazzjoni tal‑proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari minħabba li ż‑żewġ domandi tagħha kienu fundamentali u minħabba li l‑eżami tagħhom kellu jsir fil‑kuntest ta’ proċedura preliminari li tidħol iktar fil‑fond tal‑kwistjoni.

8.        Madankollu, il‑Qorti tal‑Ġustizzja, inkonformità mas‑setgħa mogħtija lilha mit‑tielet u l‑aħħar subparagrafi tal‑Artikolu 104b(1) tar‑Regoli tal‑Proċedura tagħha, qieset li l‑kundizzjonijiet meħtieġa għall‑applikazzjoni tal‑proċedura b’urġenza kienu sodisfatti u ddeċidiet li titratta din il‑kawża skont il‑proċedura msemmija.

9.        F’dawn il‑konklużjonijiet se nipproponi li l‑Qorti tal‑Ġustizzja, qabel ma teżamina d‑domandi preliminari, tiddeċiedi dwar il‑fondatezza tal‑premessa li fuqhom huma bbażati dawn id‑domandi. Fil‑fatt, id‑domandi msemmija huma bbażati fuq il‑premessa li l‑minuri ma kellhiex il‑possibbiltà tinstema’, għall‑kuntrarju ta’ dak li huwa indikat fuq iċ‑ċertifikat li jakkompanja lid‑deċiżjoni li tordna r‑ritorn tagħha, u, għaldaqstant, il‑kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett il‑ħruġ ta’ tali ċertifikat ma ġewx osservati mill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini.

10.      Madankollu, għalkemm mill‑proċess jirriżulta effettivament li l‑minuri ma nstemgħetx minn dik il‑qorti, mill‑istess proċess jirriżulta wkoll li hija nstemgħet fuq it‑talba tal‑awtoritajiet ġudizzjarji tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni fil‑kuntest tal‑proċedura li wasslet għad‑deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn, u li l‑opinjoni espressa minn din il‑minuri matul dan is‑smigħ sar riferiment għaliha fid‑deċiżjoni ċertifikata kontenzjuża.

11.      Huwa għalhekk li, f’dawn il‑konklużjonijiet, se nipproponi li l‑Qorti tal‑Ġustizzja teżamina, preliminarjament, il‑fondatezza tal‑premessa tal‑qorti tar‑rinviju u li għalhekk tiddeċiedi dwar il‑kwistjoni jekk, f’tali ċirkustanzi, kinitx sodisfatta l‑kundizzjoni li deċiżjoni li tordna r‑ritorn tal‑minuri tista’ tiġi ċċertifikata biss jekk il‑minuri kellu l‑possibbiltà jinstema’.

12.      Se nindika l‑motivi għaliex, fil‑fehma tiegħi, għandu jiġi kkunsidrat li din il‑kundizzjoni kienet effettivament sodisfatta.

13.      Sussegwentement, se nindika, sussidjarjament, li, anki jekk jitqies li l‑kundizzjoni msemmija ma kinitx sodisfatta, qorti tal‑Istat Membru rikjest ma tistax tipprekludi l‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ċertifikata. Se nfakkar li, minħabba s‑separazzjoni stretta tal‑kompetenzi bejn il‑qrati tal‑Istati Membri kkonċernati, il‑kontestazzjonijiet fil‑konfront ta’ tali deċiżjoni u ta’ ċertifikat maħruġ taħt l‑Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 2201/2003 jaqgħu fil‑ġurisdizzjoni esklużiva tal‑qrati tal‑Istat Membru ta’ oriġini.

I –    Il‑kuntest ġuridiku

14.      It‑testi rilevanti huma l‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, ir‑Regolament Nru 2201/2003, kif ukoll il‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali.

15.      Il‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, li daħlet fis‑seħħ fl‑1 ta’ Diċembru 1983, ġiet irratifikata mill‑Istati Membri kollha. Hija għadha applikabbli bejniethom, iżda d‑dispożizzjonijiet tagħha ġew ikkompletati permezz ta’ dawk tar‑Regolament Nru 2201/2003. Fir‑relazzjonijiet bejn l‑Istati Membri, id‑dispożizzjonijiet ta’ dan ir‑regolament jieħdu preċedenza fuq dawk tal‑konvenzjoni msemmija (5).

A –    Il‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980

16.      Il‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 titlaq mill‑premessa li kull ċaqliq sfurzat ta’ minuri mill‑post tar‑residenza abitwali tiegħu mingħajr il‑kunsens tal‑persuna li jkollha l‑kustodja tiegħu jippreġudika serjament l‑interessi tal‑minuri u jikkostitwixxi aġir illegali li għandu jitwaqqaf fl‑iqsar żmien possibbli mingħajr ma tiġi eżaminata fil‑mertu t‑tilwima eżistenti bejn il‑ġenituri.

17.      Skont l‑Artikolu 1 tagħha, din il‑konvenzjoni għandha għalhekk l‑għan li tiżgura li d‑drittijiet ta’ kustodja eżistenti fi Stat Kontraenti jiġu effettivament irrispettati fl‑Istati Kontraenti l‑oħra u li tiżgura r‑ritorn immedjat lejn dan l‑Istat ta’ minuri meħud jew miżmum b’mod illegali.

18.      Skont l‑Artikolu 3 tal‑konvenzjoni msemmija, it‑tneħħija hija kkunsidrata li hija illegali meta jkun hemm ksur tad‑dritt ta’ kustodja mogħti lil persuna mil‑liġi jew permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja tal‑Istat fejn il‑minuri kellu r‑residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it‑tneħħija tiegħu.

19.      Fir‑rigward ta’ kull kwistjoni oħra marbuta mal‑kustodja, huwa “l‑interess tal‑minuri” li għandu importanza primarja. Il‑minuri għandu dritt għall‑istabbiltà u d‑dritt li jkun jista’ jibqa’ fir‑residenza abitwali tiegħu, li hija meqjusa bħala waħda mir‑rekwiżiti bażiċi essenzjali għall‑ekwilibriju u għall‑iżvilupp tiegħu. Il‑minuri ma għandux ikun oġġett li l‑ġenituri jkunu jistgħu jużaw bħala għodda fil‑każ ta’ kunflitt bejniethom.

20.      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, meta tiġi kkonstatata tneħħija illegali, jiġi ordnat ir‑ritorn immedjat tal‑minuri lejn ir‑residenza abitwali tiegħu. Id‑deċiżjoni li tordna r‑ritorn, għalhekk, hija separata mill‑għoti tad‑dritt ta’ kustodja, kwistjoni din li hija l‑qorti tar‑residenza abitwali li tinsab fl‑aħjar pożizzjoni sabiex teżamina.

21.      L‑Artikolu 12 tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 jipprovdi hekk:

“Meta minuri jkun tneħħa jew inżamm b’mod illegali fis‑sens tal‑Artikolu 3 u meta, fid‑data tal‑preżentata tat‑talba quddiem l‑awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal‑Istat Kontraenti fejn ikun jinsab il‑minuri, ikun għadda perijodu ta’ inqas minn sena mid‑data tat‑tneħħija jew żamma, l‑awtorità adita bit‑talba għandha tordna r‑ritorn immedjat tal‑minuri.

L‑awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, anki meta tkun adita wara li jkun għalaq il‑perijodu ta’ sena msemmi fil‑paragrafu ta’ qabel, għandha tordna wkoll ir‑ritorn tal‑minuri kemm‑il darba ma jiġix ipprovat li l‑minuri jkun laħaq adatta ruħu għall‑ambjent ġdid tiegħu.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

22.      Madankollu, l‑awturi ta’ din il‑konvenzjoni xtaqu jattenwaw il‑mekkaniżmu kważi awtomatiku tar‑ritorn permezz ta’ eċċezzjonijiet li jippermettu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑interess tal‑minuri u ċ‑ċirkustanzi. B’hekk, l‑Artikolu 13 tal‑konvenzjoni msemmija jipprovdi li l‑awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal‑Istat rikjest ma hijiex obbligata tordna r‑ritorn tal‑minuri meta l‑persuna, l‑istituzzjoni jew il‑korp li jkunu qegħdin jipprekludu r‑ritorn tiegħu jistabbilixxu:

–        li l‑ġenitur li għandu l‑kustodja ma kienx effettivament qiegħed jeżerċita d‑dritt ta’ kustodja fiż‑żmien meta tneħħa l‑minuri, kien ta l‑kunsens tiegħu għal din it‑tneħħija jew kien aċċettaha sussegwentement; jew

–        li hemm riskju serju li r‑ritorn tal‑minuri se jesponih għal perikolu fiżiku jew psikoloġiku jew se jqiegħdu f’sitwazzjoni intollerabbli, jew inkella

–        jekk il‑minuri jopponi għar‑ritorn tiegħu u jkun laħaq età u maturità tali li wieħed jista’ jqis xieraq li tittieħed inkunsiderazzjoni l‑opinjoni tiegħu.

23.      Skont l‑Artikolu 4 tagħha, il‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 ma tibqax tapplika meta l‑minuri jilħaq l‑età ta’ sittax‑il sena. Barra minn hekk, skont l‑Artikolu 20 ta’ din il‑konvenzjoni, ir‑ritorn tal‑minuri, inkonformità mad‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 12 tal‑konvenzjoni msemmija, jista’ jiġi rrifjutat meta dan ma jkunx permess mill‑prinċipji fundamentali tal‑Istat rikjest dwar il‑protezzjoni tad‑drittijiet tal‑bniedem u tal‑libertajiet fundamentali.

B –    Ir‑Regolament Nru 2201/2003

24.      Ir‑Regolament Nru 2201/2003, bħall‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, huwa intiż li jiskoraġġixxi l‑ħtif ta’ minuri billi jiżgura r‑ritorn rapidu tal‑minuri maħtuf lejn l‑Istat Membru ta’ oriġini. Dan ir‑regolament jaqa’ fil‑qafas taż‑żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, li, kif inhu mfakkar fil‑premessa 2 ta’ dan ir‑regolament, għandha bħala bażi r‑rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji.

25.      Għal dan il‑għan, il‑leġiżlatur Komunitarju xtaq jistabbilixxi s‑sistema segwenti:

–        il‑qrati tal‑Istat Membru ta’ oriġini jibqgħu l‑qrati li għandhom ġurisdizzjoni. It‑tneħħija illegali tal‑minuri ma timplikax fiha nfisha t‑trasferiment ta’ ġurisdizzjoni;

–        il‑qrati tal‑Istat Membru rikjest għandhom jiżguraw ir‑ritorn rapidu tal‑minuri;

–        jekk il‑qorti tal‑Istat Membru rikjest tiddeċiedi li ma tordnax ir‑ritorn tal‑minuri, hija għandha tibgħat id‑deċiżjoni tagħha kif ukoll il‑provi li fuqhom tkun ibbażata din id‑deċiżjoni lill‑qorti li jkollha ġurisdizzjoni fl‑Istat Membru ta’ oriġini u ż‑żewġ qrati għandhom jikkooperaw,

–        jekk il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini tordna r‑ritorn tal‑minuri, id‑deċiżjoni tagħha, meta tkun ġiet iċċertifikata minn din il‑qorti, hija eżegwibbli ipso jure fl‑Istat Membru rikjest u ma tista’ tkun is‑suġġett ta’ ebda kontestazzjoni f’dan l‑Istat tal‑aħħar.

26.      B’hekk, il‑premessa 17 tar‑Regolament Nru 2201/2003 hija fformulata kif ġej:

“F’każijiet ta’ tneħħija jew żamma nġusta [illegali] ta’ minuri, ir‑ritorn ta’ l‑minuri għandu jinkiseb mingħajr dewmien, u għal dan il‑għan għandha tkompli tapplika [il‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980] kif kumplementata mid‑disposizzjonijiet ta’ dan ir‑Regolament, u partikolarrment l‑Artikolu 11. Il‑qrati ta’ l‑Istati Membri liema jew li minnhom il‑minuri ġew imneħħija nġustament jew miżmuma [imneħħija jew miżmuma illegalment] għandhom ikun jistghu jopponu r‑ritorn tiegħu f’każijiet speċifici jew skond kif ġustifikati. Madankollu, deċiżjoni bħal din tista’ tiġi sostitwita minn deċiżjoni sussegwenti mill‑qorti ta’ l‑Istat Membru tar‑residenza abitwali ta’ l‑minuri qabel it‑tneħħija jew żamma nġusta. Jekk dik is‑sentenza tobbliga r‑ritorn ta’ l‑minuri, ir‑ritorn għandu jiġi magħmul mingħajr l‑ebda proċedura speċjali neċessarja għar‑rikonoxximent u l‑enfurzar [l‑eżekuzzjoni] ta’ dik is‑sentenza fl‑Istat Membru liema jew f’liema l‑minuri ġew imneħħija jew miżmuma.”

27.      Skont il‑premessa 21 ta’ dan ir‑regolament, ir‑“rikonoxximent u l‑infurzar [l‑eżekuzzjoni] ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru għandu jiġi bbażat fuq il‑prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u l‑bażi għal nuqqas ta’ rikonoxximent għandu jinżamm għall‑minimu neċessarju”.

28.      Skont il‑premessa 23 tar‑regolament imsemmi, is‑“sentenzi dwar id‑drittijiet ta’ aċċess u sentenzi dwar ir‑ritorn li ġew ċertifikati ġewwa l‑Istati Membri fejn oriġinaw skond id‑disposizzjoniet ta’ dan ir‑Regolament għandhom jiġu rikonoxxuti u nfurzati [eżegwiti] fl‑Istati Membri kollha mingħajr ma tkun neċessarja ebda proċedura oħra. L‑arranġamenti għall‑infurzar [għall‑eżekuzzjoni] ta’ dawn is‑sentenzi jkomplu jiġu rregolati mil‑liġi nazzjonali”. Il‑premessa 24 tar‑Regolament Nru 2201/2003 tkompli billi tindika li ċ‑“ċertifikat maħruġ sabiex jiffaċilita l‑infurzar [l‑eżekuzzjoni] tas‑sentenza m’għandux ikun suġġett għall‑appell. Għandu jiġi kkoreġut biss fejn hemm żball materjali, jiġifieri fejn ma jirriflettix b’mod korrett is‑sentenza”.

29.      Barra minn hekk, dan ir‑regolament jirrikonoxxi l‑importanza li jinstema’ l‑minuri. B’hekk, skont il‑premessa 19 tiegħu, is‑“smiegħ ta’ l‑minuri tilgħab parti mportanti fl‑applikazzjoni ta’ dan ir‑Regolament, għalkemm dan l‑instrument mhux maħsub sabiex jimmodifika l‑proċedimenti nazzjonali fejn applikabli”.

30.      Skont il‑premessa 20 tar‑regolament imsemmi, is‑“smigħ ta’ l‑minuri fi Stat Membru ieħor jista’ isir taħt arranġamenti stabbiliti fir‑Regolament ta’ l‑Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat‑28 ta’ Mejju 2001 dwar il‑kooperazzjoni bejn il‑qrati ta’ l‑Istati Membri fejn tittieħed ix‑xiehda fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali [(6)]”.

31.      Fl‑aħħar nett, fil‑premessa 33 tar‑Regolament Nru 2201/2003 huwa ppreċiżat li dan ir‑regolament “jirrikonoxxi d‑drittijiet fondamentali u josserva l‑prinċipji ta’ l‑Karta tad‑Drittijiet Fondamentali [...]. B’mod partikolari, ifittex li jassigura r‑rispett għad‑drittijiet fondamentali ta’ l‑minuri kif stabbiliti fl‑Artikolu 24 ta’ l‑Karta tat‑Drittijiet Fondamentali”.

32.      Dawn id‑diversi intenzjonijiet tal‑leġiżlatur huma implementati kif ġej fl‑artikoli tar‑Regolament Nru 2201/2003.

33.      Skont il‑punt 11 tal‑Artikolu 2 ta’ dan ir‑regolament, li essenzjalment jirripproduċi l‑istess definizzjoni bħal dik li tinsab fil‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, ikun hemm “tneħħija nġusta jew iż‑żamma [tneħħija jew żamma illegali ta’ minuri]” meta din it‑tneħħija jew din iż‑żamma sseħħ bi ksur ta’ dritt ta’ kustodja li jirriżulta minn deċiżjoni ġudizzjarja skont id‑dritt tal‑Istat Membru fejn il‑minuri kellu r‑residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel l‑imsemmija tneħħija jew żamma, bil‑kundizzjoni li d‑dritt ta’ kustodja kien effettivament eżerċitat”.

34.      L‑Artikolu 11 tar‑regolament imsemmi, bit‑titolu “Ir‑Ritorn ta’ l‑minuri”, jipprovdi:

“1.       Fejn persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom id‑drittijiet ta’ kustodja japplika ma’ l‑awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru biex joħroġu sentenza dwar il‑bażi [abbażi] [tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980], ħalli tikseb ir‑ritorn ta’ l‑minuri li ġew inġustament [illegalment] imneħħija jew miżmuma fi Stat Membru barra dak li huwa l‑Istat Membru fejn il‑minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it‑tneħħija jew iż‑żamma nġusta [illegali], għandhom japplikaw paragrafi 2 sa 8.

2.      Meta jiġu applikati l‑Artikoli 12 u 13 [tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980], għandu jiġi assigurat li l‑minuri għandhom jiġu mogħtija l‑opportunità li tinstema’ x‑xhieda tagħhom waqt il‑proċedimenti sakemm dan ma jidhirx li dan ma jkunx xieraq minħabba l‑età ta’ l‑minuri jew il‑livell ta’ maturità tagħhom.

3.      Qorti li fiha hemm applikazzjoni għar‑ritorn ta’ l‑minuri kif imsemmija fil‑paragrafu 1 għandha taġixxi bil‑ħeffa fil‑proċedimenti dwar l‑applikazzjoni, billi tuża l‑aktar proċedimenti ħfief fix‑xogħol li huma disponibbli fil‑liġi nazzjonali.

Mingħajr preġudizzju għall‑ewwel subparagrafu, il‑qorti għandha, ħlief fejn ċirkustanzi eċċezzjonali jagħmlu dan impossibli, taqta’ is‑sentenza tagħha sa mhux aktar tard minn sitt gimgħat wara li l‑applikazzjoni tkun ġiet irreġistrata.

4.      Qorti ma tistax tirrifjuta milli tirritorna minuri a bażi ta’ l‑Artikolu 13[(b)] [tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980] jekk jiġi stabbilit li saru l‑arranġamenti xierqa sabiex jiżguraw il‑protezzjoni ta' l‑minuri wara r‑ritorn tiegħu jew tagħha.

[…]

6.      Jekk qorti ħarġet ordni kontra r‑ritorn [deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn] skond l‑Artikolu 13 [tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980], [din] il‑qorti għandha immedjatament titrasmetti jew direttament jew mill‑awtorità ċentrali tagħha, kopja [tad‑deċiżjoni ġudizzjarja li ma jsirx ir‑ritorn] u d‑dokumenti rilevanti, u partikolarment traskrizzjoni tas‑seduti quddiem il‑qorti, lill‑qorti li għandha l‑ġurisdizzjoni jew lill‑awtorità ċentrali fl‑Istat Membru fejn il‑minuri kienu abitwalment residenti qabel it‑tneħħija jew iż‑żamma nġusta [illegali], kif determinati mil‑liġi nazzjonali. Il‑Qorti għandha tirċievi d‑dokumenti kollha msemmija fi żmien xahar mid‑data ta’ l‑ordni sabiex ma jsirx ir‑ritorn [tad‑deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn].

7.      Kemm‑il darba l‑qrati fl‑Istat Membru fejn il‑minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it‑tneħħija jew iż‑żamma nġusta [illegali] ġew diġa fil‑pussess ta’ [kienu diġà aditi minn] wieħed mill‑partijiet, il‑qorti jew l‑awtorità ċentrali li tirċievi l‑informazzjoni imsemmija fil‑paragrafu 6 għandha tinnotifika lill‑partijiet u tistedinhom jagħmlu s‑sottomissjonijiet lill‑qorti, skond il‑liġi nazzjonali, fi żmien tlett xhur tad‑data ta’ notifika ħalli l‑qorti tkun tista’ teżamina l‑kwistjoni ta’ l‑kustodja ta’ l‑minuri.

Mingħajr preġudizzju għar‑regoli dwar il‑ġurisdizzjoni li jinstabu f’dan ir‑Regolament, il‑qorti għandha tagħlaq il‑każ jekk ebda sottomissjoni ma tiġi reġistrata mill‑qorti fiż‑żmien limitu [fit‑terminu previst]

8.      Minkejja sentenza biex ma jsirx ir‑ritorn skond l‑Artikolu 13 [tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980], kwalunkwe sentenza li tiġi wara li tirrekjedi r‑ritorn ta’ l‑minuri maħruġa minn qorti li għandha l‑ġurisdizzjoni taħt dan ir‑Regolament għandha tkun infurzabbli [eżegwibbli] skond it‑Taqsima 4 ta’ l‑Kapitolu III li tinstab aktar l‑isfel ħalli jiġi tassigurat ir‑ritorn ta’ l‑minuri.”

35.      L‑Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 2201/2003, li jagħmel parti minn din it‑Taqsima 4 tal‑Kapitolu III, jipprovdi:

“1.      Ir‑ritorn ta’ l‑minuri imsemmija fl‑Artikolu 40(1)(b) bħala konsegwenza ta’ sentenza ta’ l‑infurzar [eżegwibbli] mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta u nfurzabbli [tkun eżegwibbli] fi Stat Membru ieħor mingħajr il‑bżonn ta’ dikjarazzjoni ta’ l‑infurzabilità [tal‑eżegwibbiltà] u mingħajr ebda possibilità li topponi r‑rikonoxximent tagħha jekk is‑sentenza ġiet iċċertifikata fl‑Istat Membru ta’ l‑oriġini skond il‑paragrafu 2.

Anke jekk il‑liġi nazzjonali ma tipprovdiex għall‑infurzabilità b’operat ta’ l‑liġi [eżegwibbiltà ipso jure], minkejja kwalunkwe appell, ta’ xi sentenza li teħtieġ ir‑ritorn ta’ l‑minuri imsemmija fl‑Artikolu [11(8)], il‑qorti ta’ l‑oriġini tista’ tiddikjara s‑sentenza bħala nfurzabbli [eżegwibbli].

2.      L‑Imħallef ta’ l‑oriġini li qata’ s‑sentenza msemmija fl‑Artikolu 40(1)(b) għandu joħroġ iċ‑ċertifikat imsemmi fil‑paragrafu 1 biss jekk:

(a)      il‑minuri ingħata l‑opportunità li jinstema, ħlief jekk seduta ġiet ikkunsidrata li mhix xierqa wara li ġew ikkunsidrati l‑età jew livell ta’ maturità tiegħu;

(b)      il‑partijiet ġew mogħtija opportunità li jinstemgħu; u

(ċ) il‑qorti kkunsidrat waqt li kienet qed taqta’ s‑sentenza r‑raġunijiet għal u x‑xhieda wara ta’ l‑ordni maħruġa skond l‑Artikolu 13 [tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980].

Fil‑każ li l‑qorti jew kwalsijasi awtorità oħra tadotta miżuri biex tassigura l‑protezzjoni ta’ l‑minuri wara r‑ritorn tagħhom fl‑Istat abitwali tar‑residenza, iċ‑certifikat għandu jinkludi fih id‑dettalji dwar l‑imsemmija miżuri.

L‑Imħallef ta’ l‑oriġini għandu fuq mozzjoni tiegħu jew tagħha stess joħrog dak iċ‑ċertifikat billi juża l‑forma standard li tinstab fl‑Anness IV (iċ‑ċertifikat dwar ir‑ritorn ta’ l‑minuri).

Iċ‑ċertifikat għandu jiġi finalizzat fl‑ilsien tas‑sentenza.”

36.      Skont l‑Artikolu 47(2) tar‑Regolament Nru 2201/2003, “[k]walsijasi sentenza maqtugħa minn qorti ta’ Stat Membru ieħor u ddikjarata li hija nfurzabbli [eżegwibbli] [...] jew li ġiet iċċertifikata skond [...] l‑Artikolu 42(1) għandha tiġi nfurzata [eżegwita] fl‑Istat Membru ta’ l‑infurzar [ta’ eżekuzzjoni] bl‑istess kondizzjonijiet daqs li kieku ġiet maqtugħa f’dak l‑Istat Membru”.

C –    Il‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali

37.      Il‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali, li, skont l‑Artikolu 6 TUE, għandha l‑istess valur legali bħat‑Trattati, tistabbilixxi, fl‑Artikolu 24 tagħha, id‑drittijiet tat‑tfal bit‑termini segwenti:

“1.       It‑tfal għandhom id‑dritt għall‑protezzjoni u għall‑kura meħtieġa għall‑ġid tagħhom. Huma jistgħu jesprimu l‑opinjonijiet tagħhom liberament. Dawn l‑opinjonijiet għandhom jitqiesu f’materji li jirrigwardawhom skond l‑età u l‑maturità tagħhom.

2.       Fl‑azzjonijiet kollha relatati mat‑tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l‑aħjar interess tat‑tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja.

3.       It‑tfal kollha għandhom id‑dritt li jkollhom, regolarment, relazzjoni personali u kuntatt dirett maż‑żewġ ġenituri, sakemm dan ma jkunx kontra l‑interessi tat‑tfal.”

II – Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

38.      Il‑fatti li wasslu għat‑tilwima fil‑kawża prinċipali, kif ġew ippreżentati mill‑qorti tar‑rinviju, jistgħu jiġu esposti fil‑qosor kif ġej.

39.      J.‑A. Aguirre Zarraga u S. Pelz iżżewġu fil‑25 ta’ Settembru 1998 f’Erandio (Spanja). Minn dan iż‑żwieġ twieldet, fil‑31 ta’ Jannar 2000, it‑tifla tagħhom Andrea. Id‑dar matrimonjali tal‑ġenituri kienet tinsab f’Sondka (Spanja).

40.      Il‑ġenituri sseparaw lejn l‑aħħar tas‑sena 2007. Kull wieħed minnhom ressaq applikazzjoni għal divorzju u talab li jingħata dritt ta’ kustodja esklużiva fir‑rigward ta’ Andrea.

41.      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Mejju 2008, il‑Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao (Spanja) tat, b’mod provviżorju, id‑dritt ta’ kustodja lill‑missier. Andrea għalhekk marret toqgħod miegħu. F’Ġunju 2008, omm Andrea marret toqgħod il‑Ġermanja. Fi tmiem il‑vakanzi tas‑sajf 2008, li matulhom Andrea marret iżżur lil ommha, din tal‑aħħar żammet lit‑tifla tagħha magħha. Għalhekk, Andrea ilha mill‑15 ta’ Awwissu 2008 tgħix ma’ ommha fil‑Ġermanja. Fl‑istess jum, il‑Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao tat deċiżjoni fejn ipprojbixxiet lil Andrea milli titlaq mit‑territorju Spanjol.

42.      Missier Andrea għalhekk talab ir‑ritorn tat‑tifla tiegħu lejn Spanja, fuq il‑bażi tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980. Din it‑talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Lulju 2009, meħuda abbażi tat‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 13 ta’ din il‑konvenzjoni. Mis‑seduta fejn instemgħet Andrea li nżammet f’dak iż‑żmien irriżulta li hija ma xtaqitx, b’mod persistenti u kategoriku, tmur lura lejn Spanja. L‑espert maħtur mill‑qorti wara din is‑seduta kkonkluda li l‑opinjoni ta’ Andrea kellha tittieħed inkunsiderazzjoni kemm fid‑dawl tal‑età tagħha u kif ukoll fid‑dawl tal‑maturità tagħha.

43.      Il‑Ministru tal‑Ġustizzja Ġermaniż bagħat din is‑sentenza lill‑awtorità ċentrali Spanjola permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Lulju 2009.

44.      Fl‑istess xahar intemm il‑proċess dwar l‑għoti tad‑dritt ta’ kustodja quddiem il‑Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao. Dik il‑qorti qieset li kienet meħtieġa perizja ġdida kif ukoll li tinżamm seduta sabiex tinstema’ personalment Andrea u stabbiliet dati fejn kellhom jidhru t‑tnejn li huma f’Bilbao. La Andrea u lanqas ommha ma dehru fid‑dati stabbiliti. Il‑qorti Spanjola lanqas ma laqgħet it‑talba, magħmula minn qabel mill‑omm, sabiex tingħata awtorizzazzjoni, għaliha u għal bintha, li tkun tista’ titlaq b’mod liberu mit‑territorju Spanjol wara l‑perizja u s‑seduta fejn tinstema’ Andrea. Il‑qorti Spanjola lanqas ma laqgħet it‑talba tal‑omm sabiex Andrea tinstema’ permezz ta’ konferenza li tinżamm bl‑użu tal‑vidjo.

45.      Permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2009, il‑Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao tat lil‑missier it‑tifla d‑dritt ta’ kustodja esklużiva.

46.      Omm it‑tifla appellat minn din is‑sentenza fejn sostniet, b’mod partikolari, il‑ħtieġa li tinstema’ Andrea. Permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ April 2010, l‑Audiencia Provincial de Biscaye (Spanja) ċaħdet din it‑talba għall‑organizzazzjoni ta’ seduta sabiex tinstema’ t‑tifla.

47.      Fil‑5 ta’ Frar 2010, il‑Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao ċċertifikat is‑sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2009, skont l‑Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 2201/2003.

48.      Omm it‑tifla talbet, min‑naħa tagħha, li ma tiġix ordnata l‑eżekuzzjoni u li din is‑sentenza ma tiġix rikonoxxuta.

49.      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ April 2010, l‑Amtsgericht – Familiengericht – Celle (Qorti reġjonali ta’ Celle sedenti bħala qorti tal‑familja, il‑Ġermanja) laqgħet din it‑talba minħabba li l‑Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao ma kinitx semgħet lil Andrea qabel ma tat id‑deċiżjoni tagħha.

50.      Fit‑18 ta’ Ġunju 2010, missier it‑tifla appella minn din is‑sentenza.

51.      L‑Oberlandesgericht Celle, li quddiemha tressaq dan l‑appell, tispjega li s‑sitwazzjoni quddiemha tqajjem il‑kwistjonijiet segwenti.

52.      Għalkemm is‑sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2009 hija deċiżjoni li tordna r‑ritorn ta’ minuri sussegwentement għal deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn, deċiżjoni li fir‑rigward tagħha l‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma għandhiex, bħala prinċipju, ġurisdizzjoni sabiex teżerċita l‑istħarriġ tagħha, kif jirriżulta mis‑sentenzi Rinau u Povse ċċitati iktar ’il fuq, il‑qorti tar‑rinviju tqis li, fil‑każ ta’ ksur partikolarment serju ta’ drittijiet fundamentali, hija għandha jkollha setgħa ta’ stħarriġ sabiex tkun tista’ topponi għall‑eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni.

53.      Fil‑fatt, l‑Oberlandesgericht Celle tikkunsidra li, fil‑kawża prinċipali, in‑nuqqas li tinstema’ Andrea mill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini jikkostitwixxi ksur tal‑Artikolu 24(1) tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali. Dan huwa ksur ta’ importanza tali li jiġġustifika li jiġi rrikonoxxut li l‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha ġurisdizzjoni sabiex twettaq l‑istħarriġ tagħha fuq il‑bażi ta’ interpretazzjoni tal‑Artikolu 42(1) tar‑Regolament Nru 2201/2003 li tkun konformi mal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali.

54.      Barra minn hekk, l‑Oberlandesgericht Celle tqajjem il‑kwistjoni ta’ jekk, fil‑każ li, minkejja dan il‑ksur tad‑drittijiet fundamentali, il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma jkollha ebda setgħa ta’ stħarriġ, din il‑qorti tistax tkun marbuta b’ċertifikat, stabbilit skont l‑Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 2201/2003, li l‑kontenut tiegħu jkun manifestament falz. Dan huwa b’mod partikolari l‑każ fil‑kawża ineżami fejn iċ‑ċertifikat fih dikjarazzjoni manifestament ineżatta, jiġifieri li l‑minuri kienet instemgħat mill‑Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao.

55.      L‑Oberlandesgericht Celle għalhekk iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel id‑domandi preliminari segwenti lill‑Qorti tal‑Ġustizzja:

“1)      Fil‑kuntest ta’ interpretazzjoni tal‑Artikolu 42 tar‑Regolament [Nru 2201/2003] skont il‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali, il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha eċċezzjonalment poter ta’ stħarriġ ġudizzjarju tagħha fil‑każ fejn id‑deċiżjoni tal‑Istat Membru ta’ oriġini li għandha tiġi infurzata hija vvizzjata bi ksur serju tad‑drittijiet fundamentali?

2)      Il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija marbuta teżegwixxi d‑deċiżjoni tal‑qorti tal‑Istat Membru tal‑oriġini anki jekk mill‑proċess jirriżulta li ċ‑ċertifikat maħruġ mill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini abbażi tal‑Artikolu 42 tar‑Regolament [Nru 2201/2003] jinkludi dikjarazzjoni manifestament ineżatta?”

III – L‑analiżi tiegħi

56.      Permezz tad‑domandi tagħha, il‑qorti tar‑rinviju tixtieq tkun taf, l‑ewwel nett, jekk ir‑Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis‑sens li l‑qorti tal‑Istat Membru rikjest tista’ topponi l‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tordna r‑ritorn ta’ minuri meħuda abbażi tal‑Artikolu 11(8) ta’ dan ir‑regolament meta jkun jidher li l‑minuri inkwistjoni ma nstemax, bi ksur tad‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 42 tar‑regolament imsemmi, interpretati inkonformità mad‑dritt fundamentali stabbilit fl‑Artikolu 24 tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali. Hija tistaqsi, it‑tieni nett, jekk, fil‑każ ta’ risposta negattiva għall‑ewwel domanda, dik il‑qorti hijiex obbligata twettaq din l‑eżekuzzjoni meta jkun jidher li ċ‑ċertifikat li jakkompanja d‑deċiżjoni inkwistjoni huwa manifestament żbaljat, sa fejn jindika b’mod żbaljat li l‑minuri kien instema’.

57.      Dawn iż‑żewġ domandi għalhekk huma bbażati fuq il‑premessa li, fil‑kawża prinċipali, il‑minuri ma kellhiex il‑possibbiltà tinstema’, bi ksur tal‑Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 2201/2003, moqri fid‑dawl tal‑Artikolu 24 tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali.

58.      Madankollu, mill‑indikazzjonijiet mogħtija mill‑qorti tar‑rinviju u mid‑dokumenti fil‑proċess jirriżulta li l‑minuri nstemgħet mill‑Amtsgericht – Familiengericht – Celle waqt is‑seduta tal‑20 ta’ Marzu 2009, fil‑kuntest tal‑proċedura li wasslet għad‑deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn mogħtija minn dik il‑qorti fl‑1 ta’ Lulju 2009.

59.      Mill‑eżami tas‑sentenza mogħtija mill‑Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao fis‑16 ta’ Diċembru 2009, li tordna r‑ritorn tal‑minuri sussegwentement għal din id‑deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn, jirriżulta wkoll li dik il‑qorti kkunsidrat din is‑seduta fejn instemgħet il‑minuri u indikat il‑motivi għalxiex, minkejja r‑rifjut tal‑minuri li terġa’ tmur tgħix fi Spanja, hija kienet tqis li r‑ritorn tagħha kienet l‑iktar soluzzjoni konformi mal‑interessi tal‑minuri.

60.      Skont il‑qorti tar‑rinviju, is‑seduta msemmija u r‑riferiment għaliha fis‑sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2009 ma jippermettux li wieħed jikkunsidra li d‑dritt fundamentali tal‑minuri, implementat fl‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003, ġie rrispettat. Ta’ min ifakkar li din id‑dispożizzjoni tipprovdi li l‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini li tiddeċiedi li tordna r‑ritorn tal‑minuri minkejja deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn tista’ tiċċertifika d‑deċiżjoni tagħha u b’hekk tagħtiha natura eżegwibbli msaħħa biss jekk il‑minuri kellu l‑possibbiltà jinstema’, sakemm tali smigħ ma jiġix ikkunsidrat li ma huwiex xieraq fid‑dawl tal‑età jew tal‑livell ta’ maturità tal‑minuri.

61.      Il‑premessa tal‑qorti tar‑rinviju hija għalhekk ibbażata fuq interpretazzjoni tal‑Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 2201/2003 fis‑sens li l‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini ma tistax sempliċement tagħmel riferiment għas‑smigħ tal‑minuri mill‑awtoritajiet ġudizzjarji tal‑Istat rikjest, fil‑kuntest tal‑proċedura li wasslet għad‑deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn, iżda għandha żżomm seduta hija stess fejn tisma’ mill‑ġdid lill‑minuri, għaliex jekk ma jsirx hekk ikun qiegħed jiġi ppreġudikat serjament id‑dritt fundamentali tal‑minuri kif stabbilit fl‑Artikolu 24 tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali.

62.      Fil‑fehma tiegħi, huwa essenzjali li l‑Qorti tal‑Ġustizzja, qabel ma teżamina d‑domandi magħmula mill‑qorti tar‑rinviju, tiddeċiedi dwar il‑validità ta’ tali premessa minħabba li, minn naħa, din tikkundizzjona r‑rilevanza ta’ dawn id‑domandi u, min‑naħa l‑oħra, tikkonċerna punt importanti tas‑sistema u tal‑garanziji previsti mir‑Regolament Nru 2201/2003.

A –    Il‑fondatezza tal‑premessa li fuqha huma bbażati d‑domandi preliminari

63.      Jiena nipproponi lill‑Qorti tal‑Ġustizzja li tiddeċiedi, preliminarjament, dwar din id‑domanda:

“Is‑smigħ tal‑minuri mill‑awtoritajiet ġudizzjarji tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni fil‑kuntest tal‑proċedura li wasslet għal deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn, meħud inkunsiderazzjoni mill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini fid‑deċiżjoni tagħha li tordna r‑ritorn, meħuda skont l‑Artikolu 11(8) tar‑Regolament Nru 2201/2003, jippermetti li jiġi kkunsidrat li l‑kundizzjoni stabbilita fl‑Artikolu 42(2)(a) ta’ dan ir‑regolament, li tipprovdi li l‑minuri għandu jingħata l‑possibbiltà jinstema’, kienet sodisfatta?”

64.      Sabiex jiġi osservat il‑prinċipju tal‑kontradittorju, il‑partijiet fil‑kawża prinċipali kif ukoll il‑partijiet l‑oħra awtorizzati sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja, bil‑miktub jew matul il‑proċedura orali, ġew mistiedna sabiex jesprimu ruħhom dwar din id‑domanda.

65.      Il‑Gvern Ġermaniż kif ukoll il‑Kummissjoni Ewropea jsostnu li din id‑domanda għandha tingħata risposta negattiva. Huma jibbażaw il‑pożizzjoni tagħhom fuq diversi argumenti li jistgħu jitqassru kif ġej:

–        Is‑smigħ quddiem il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u s‑smigħ imsemmi fl‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003 għandhom għanijiet differenti, fejn l‑ewwel wieħed jikkonċerna r‑ritorn tal‑minuri filwaqt li t‑tieni wieħed għandu l‑għan li jippermetti li tittieħed deċiżjoni dwar id‑dritt ta’ kustodja definittiva tal‑minuri u għalhekk għandu sinjifikat iktar estiż.

–        Jekk jiġi aċċettat li l‑kundizzjoni stabbilita fl‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003 tkun sodisfatta meta l‑minuri jkun instema’ mill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkun ifisser li l‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini tkun qiegħda tinħeles sistematikament mill‑obbligu li tisma’ lill‑minuri u għalhekk din id‑dispożizzjoni tkun tista’ tiġi evitata. Dan ikun ukoll kuntrarju għall‑istruttura tad‑dispożizzjoni msemmija li tipprovdi, fil‑punt (a) tagħha, l‑obbligu li jinstema’ l‑minuri, u mhux biss, fil‑punt (ċ) tagħha, l‑obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑elementi li fuqhom kienet ibbażata d‑deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn.

–        Skont il‑Kummissjoni, fil‑kawża ineżami, iż‑żmien li għadda bejn is‑smigħ tal‑minuri mill‑qorti tal‑Istat Membru rikjest u l‑adozzjoni tad‑deċiżjoni li tordna r‑ritorn tagħha, jiġifieri kważi disa’ xhur, ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li l‑kundizzjoni stabbilita fl‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003 kienet sodisfatta.

66.      Matul is‑seduta tas‑6 ta’ Diċembru 2010, S. Pelz, kif ukoll il‑Gvern Elleniku, dak Franċiż u dak Latvjan sostnew ukoll din il‑pożizzjoni.

67.      Għall‑kuntrarju ta’ dawn il‑partijiet intervenjenti u għall‑qorti tar‑rinviju, jiena tal‑fehma, bħalma huma J.‑A. Aguirre Zarraga u l‑Gvern Spanjol, li d‑domanda eżaminata għandha tingħata risposta affermattiva. Jiena qiegħed nibbaża l‑pożizzjoni tiegħi, minn naħa, fuq il‑kontenut tad‑dritt fundamentali tal‑minuri għal smigħ, implementat fl‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003 u, min‑naħa l‑oħra, fuq is‑sistema ta’ kooperazzjoni bejn il‑qrati ta’ Stati Membri differenti prevista minn dan ir‑regolament.

1.      Il‑kontenut tad‑dritt fundamentali tal‑minuri għal smigħ

68.      Jiena se nsostni, fir‑rigward tad‑dritt fundamentali tal‑minuri għal smigħ, kif implementat fl‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003, l‑ewwel nett, li dan id‑dritt għandu jkun is‑suġġett ta’ interpretazzjoni awtonoma, it‑tieni nett, li dan id‑dritt huwa intiż li l‑minuri li jkollu kapaċità ta’ dixxerniment suffiċjenti jkollu l‑possibbiltà li jagħti l‑opinjoni tiegħu dwar ir‑ritorn tiegħu u, it‑tielet nett, li din l‑opinjoni ma torbotx lill‑qorti iżda tikkostitwixxi element li permezz tiegħu tkun tista’ tevalwa jekk l‑interess superjuri tal‑minuri jipprekludix ir‑ritorn tiegħu.

a)      Interpretazzjoni awtonoma

69.      Huwa paċifiku li r‑Regolament Nru 2201/2003, bħal kull att tad‑dritt tal‑Unjoni, għandu jiġi implementat inkonformità mad‑drittijiet fundamentali. Kif huwa indikat fil‑premessa 33 tiegħu, dan ir‑regolament josserva l‑prinċipji stabbiliti mill‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali u huwa intiż, b’mod partikolari, li jiżgura r‑rispett tad‑drittijiet fundamentali tal‑minuri kif stabbiliti fl‑Artikolu 24 tagħha. Barra minn hekk, kif tindika l‑premessa 19 tar‑regolament imsemmi, is‑smigħ tal‑minuri għandu rwol importanti fl‑applikazzjoni tiegħu.

70.      Ir‑Regolament Nru 2201/2003 fih għalhekk erba’ dispożizzjonijiet li jipprovdu li l‑minuri għandu jkollu l‑possibbiltà jinstema’, jiġifieri l‑Artikoli 11(2) u 42(2)(a), li jikkonċernaw ir‑ritorn ta’ minuri meħud jew miżmum b’mod illegali, l‑Artikolu 23(b), dwar ir‑raġunijiet għan‑nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet fil‑qasam tar‑responsabbiltà tal‑ġenituri, u l‑Artikolu 41(2)(ċ), li jikkonċerna r‑rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar id‑dritt ta’ aċċess.

71.      Huwa minnu li dawn id‑dispożizzjonijiet ma jistabbilixxux ir‑regoli proċedurali dettaljati dwar kif isir dan is‑smigħ. Dawn ir‑regoli dettaljati, kif huwa indikat fil‑premessa 19 tar‑Regolament Nru 2201/2003, għandhom jiġu ddeterminati minn kull Stat Membru, inkonformità mal‑prinċipju tal‑awtonomija proċedurali. Madankollu, fil‑fehma tiegħi dan ma jfissirx li l‑kwistjoni ta’ jekk, fl‑implementazzjoni tal‑kundizzjoni stabbilita fl‑Artikolu 42(2)(a) ta’ dan ir‑regolament, ġewx irrispettati d‑drittijiet fundamentali tal‑minuri għandha tiġi evalwata fid‑dawl tal‑ordni pubbliku ta’ kull Stat Membru.

72.      Fil‑fatt, meta neżamina d‑diversi artikoli tar‑Regolament Nru 2201/2003 li jipprovdu għal dan is‑smigħ, nikkonstata li huwa biss l‑Artikolu 23 tal‑istess regolament li jirreferi espressament għall‑ordni pubbliku tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Dan l‑artikolu jipprovdi, fil‑fatt, li deċiżjoni mogħtija fil‑qasam tar‑responsabbiltà tal‑ġenituri ma għandhiex tiġi rikonoxxuta, ħlief f’każ ta’ emerġenza, jekk tkun ingħatat mingħajr ma l‑minuri kellu l‑possibbiltà jinstema’ “bi ksur ta’ l‑prinċipji fondamentali ta’ l‑proċedimenti ta’ l‑Istat Membru fejn huwa mitlub ir‑rikonoxximent”.

73.      Għall‑kuntrarju, tali riferiment ma jeżistix fl‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003, u lanqas barra minn hekk fiż‑żewġ artikoli msemmija l‑oħra. Fil‑fehma tiegħi, din id‑differenza fil‑formulazzjoni turi li l‑osservanza tal‑kundizzjoni msemmija f’din id‑dispożizzjoni, jiġifieri li l‑minuri kellu l‑possibbiltà jinstema’, ma tiddependix mir‑rispett tad‑drittijiet fundamentali tal‑minuri kif previsti fis‑sistema legali tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Sabiex ir‑rekwiżit stabbilit fl‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003 ikun sodisfatt, ma huwiex meħtieġ li l‑minuri kellu l‑possibbiltà jinstema’ inkonformità mal‑liġi fundamentali tal‑Istat Membru fejn ittieħed jew qiegħed jinżamm b’mod illegali l‑minuri.

74.      Fil‑fatt, dispożizzjoni ta’ test Komunitarju li, sabiex jiġu ddeterminati s‑sens u l‑portata tagħha, ma tinkludi ebda riferiment għas‑sistema legali tal‑Istati Membri għandha, skont ġurisprudenza stabbilita, tkun is‑suġġett ta’ interpretazzjoni awtonoma (7). Il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà applikat din il‑ġurisprudenza fil‑kuntest tar‑Regolament Nru 2201/2003 fir‑rigward tal‑kunċetti ta’ “kwistjonijiet ċivili”, li jinsab fl‑Artikolu 1(1) tiegħu (8), u ta’ “abitwalment residenti”, li jinsab fl‑Artikolu 8(1) tal‑istess regolament (9).

75.      Barra minn hekk, in‑natura awtonoma tal‑kontenut tal‑kundizzjoni stabbilita fl‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003 hija kkonfermata wkoll, fil‑fehma tiegħi, mill‑awtonomija proċedurali tal‑eżegwibbiltà ta’ deċiżjoni li tordna r‑ritorn ta’ minuri sussegwenti għal deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn (10). Fil‑fatt, sabiex jiġi żgurat ir‑ritorn effettiv u rapidu tal‑minuri, tali deċiżjoni, skont l‑Artikolu 11(8) ta’ dan ir‑regolament, hija eżegwibbli inkonformità mat‑Taqsima 4 tal‑Kapitolu III tar‑regolament imsemmi, jiġifieri hija rikonoxxuta u hija eżegwibbli fl‑Istat Membru fejn il‑minuri ttieħed jew inżamm b’mod illegali, mingħajr ma hija meħtieġa dikjarazzjoni li tirrikonoxxi l‑eżegwibbiltà tagħha f’dan l‑Istat u mingħajr ma huwa possibbli li ssir oppożizzjoni għar‑rikonoxximent tagħha (11).

76.      B’hekk ir‑Regolament Nru 2201/2003 huwa differenti mill‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 li tipprovdi, fl‑Artikolu 20 tagħha, li r‑ritorn tal‑minuri jista’ jiġi rrifjutat meta dan ma jkunx permess mill‑prinċipji fundamentali tal‑Istat rikjest. Il‑“valur addizzjonali” tar‑Regolament Nru 2201/2003 meta mqabbel ma’ din il‑konvenzjoni huwa, għalhekk, li jippermetti li tinsab soluzzjoni għal sitwazzjonijiet fejn ikun hemm impass li jistgħu jirriżultaw minn evalwazzjonijiet diverġenti tal‑interess superjuri tal‑minuri meta dawn l‑evalwazzjonijiet isiru mill‑qorti ta’ oriġini u mill‑qorti rikjesta fid‑dawl tad‑drittijiet fundamentali speċifiċi tagħhom.

77.      L‑effettività ta’ dan ir‑regolament tkun għalhekk kompromessa jekk il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini tivverifika l‑osservanza tal‑kundizzjonijiet għall‑ħruġ taċ‑ċertifikat li jagħti din l‑eżegwibbiltà speċifika lid‑deċiżjoni tagħha fid‑dawl tad‑drittijiet fundamentali tal‑Istat Membru fejn il‑minuri ttieħed jew qiegħed jinżamm b’mod illegali.

78.      Minn dan isegwi, fil‑fehma tiegħi, li d‑dritt fundamentali tal‑minuri għal smigħ, kif implementat fl‑Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 2201/2003, għandu jkollu kontenut awtonomu. Dan jimplika, fil‑kawża ineżami, li l‑kwistjoni ta’ jekk l‑Artikolu 42(2)(a) ta’ dan ir‑regolament ġiex osservat ma għandhiex tiġi osservata fid‑dawl tar‑rekwiżiti tal‑liġi fundamentali Ġermaniża iżda fid‑dawl tal‑kontenut ta’ din il‑kundizzjoni, kif dan il‑kontenut għandu jinftiehem b’mod uniformi fl‑Istati Membri kollha, skont l‑interpretazzjoni mogħtija mill‑Qorti tal‑Ġustizzja. F’dan ir‑rigward nosserva li l‑Gvern Ġermaniż jaqbel ma’ din l‑analiżi.

b)      Il‑kontenut tad‑dritt għal smigħ

79.      L‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi li l‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini tista’ tiċċertifika d‑deċiżjoni tagħha li tordna r‑ritorn tal‑minuri sussegwentement għal deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn biss jekk “il‑minuri ingħata l‑opportunità li jinstema, ħlief jekk seduta ġiet ikkunsidrata li mhix xierqa wara li ġew ikkunsidrati l‑età jew livell ta’ maturità tiegħu”.

80.      Mill‑formulazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni, moqrija fid‑dawl tal‑Artikolu 24(1) tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali, jirriżulta li l‑minuri kopert minn deċiżjoni li tordna r‑ritorn mogħtija fuq il‑bażi tal‑Artikolu 11(8) tar‑Regolament Nru 2201/2003 għandu jkun ingħata l‑possibbiltà li jesprimi l‑opinjoni tiegħu b’mod liberu dwar dan ir‑ritorn. Dan l‑artikolu japplika, fil‑qasam tal‑ħtif tal‑minuri, l‑iżvilupp kontemporanju tad‑dritt internazzjonali u tad‑dritt Ewropew fis‑sens li l‑opinjoni ta’ minuri li għandu kapaċità ta’ dixxerniment għandha tibda tittieħed inkunsiderazzjoni fid‑deċiżjonijiet li jikkonċernawh (12).

81.      Numru ta’ punti xi ftit iktar preċiżi jistgħu jiġu misluta mill‑formulazzjoni ta’ dan id‑dritt fundamentali, kif implementat fl‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003. Id‑dritt fundamentali msemmi, li għandu jiġi enfasizzat qabel kollox, għandu jservi sabiex jiġi protett l‑interess superjuri tal‑minuri.

82.      Fil‑kuntest tad‑dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 2201/2003 applikabbli fil‑każ ta’ tneħħija jew ta’ żamma illegali ta’ minuri, l‑interess superjuri tiegħu huwa, bħala prinċipju, ritorn rapidu lejn il‑post tar‑residenza inizjali tiegħu, u dan minħabba li l‑aġir illegali li huwa kien vittma tiegħu jippreġudika d‑dritt fundamentali tiegħu li jkollu relazzjonijiet diretti u personali ma’ kull wieħed miż‑żewġ ġenituri tiegħu (13). Għaldaqstant, tista’ ssir deroga minn dan ir‑ritorn biss jekk l‑istess ritorn ikun huwa stess kuntrarju għall‑interess tal‑minuri.

83.      Id‑dritt mogħti lill‑minuri permezz tal‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003 huwa għalhekk intiż li jippermettilu jipparteċipa fil‑proċess deċiżjonali li għandu jwassal għad‑deċiżjoni finali dwar ir‑ritorn tiegħu, parteċipazzjoni din iżda li ma għandhiex tkun hija stess kuntrarja għall‑interess tiegħu stess. Mit‑tensjoni bejn dawn id‑drittijiet u bejn dawn l‑interessi jistgħu jiġu misluta, fil‑fehma tiegħi, il‑punti segwenti.

84.      L‑ewwel nett, l‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi dritt li tista’ ssir deroga minnu biss għar‑raġuni stabbilita f’din id‑dispożizzjoni, jiġifieri meta s‑smigħ ikun “mhix xierqa [xieraq]” fid‑dawl tal‑età jew tal‑maturità tal‑minuri. Ta’ min jinnota li t‑test juża l‑kliem “mhix xierqa [xieraq]” u ma jirreferix għal stat ta’ inkapaċità fiżika oġġettiv ikkonstatat medikalment. Il‑kwistjoni ta’ jekk is‑smigħ huwiex xieraq jew le tiddependi mill‑evalwazzjoni magħmula mill‑qorti tal‑kapaċità tal‑minuri li jagħti opinjoni personali. Il‑prinċipju li għandu jiggwida din l‑evalwazzjoni huwa li kull minuri li għandu kapaċità ta’ dixxerniment għandu jitqiegħed f’pożizzjoni fejn ikun jista’ jesprimi l‑opinjoni tiegħu. Madankollu, ma jidhirx li huwa irraġonevoli li wieħed jassumi li, taħt ċerta età, minuri ma huwiex kapaċi jesprimi opinjoni personali li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni (14).

85.      Fil‑kawża ineżami, ma hemmx differenza bejn l‑evalwazzjoni magħmula mill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u dik magħmula mill‑Istat Membru ta’ oriġini fir‑rigward tal‑kapaċità ta’ Andrea li tinstema’, u dan sa fejn il‑qorti tal‑aħħar kienet sejħitha għal smigħ.

86.      It‑tieni nett, l‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi d‑dritt tal‑minuri li jkollu l‑possibbiltà jinstema’. Dan l‑artikolu ma jipprovdix li l‑minuri għandu jkun instema’. Fil‑fehma tiegħi, din il‑formulazzjoni għandha żewġ konsegwenzi. Fl‑ewwel lok, il‑minuri li jkollu kapaċità ta’ dixxerniment suffiċjenti għandu jkun ġie informat li għandu d‑dritt jagħti l‑opinjoni tiegħu b’mod liberu. Sa fejn, materjalment, is‑smigħ tal‑minuri, b’mod partikolari dak ta’ minuri ta’ età żgħira, jiddependi mill‑kunsens tal‑ġenitur li jkun ħatfu jew li jkun qiegħed iżommu b’mod illegali, l‑Istati Membri għandhom jagħtu lill‑qorti r‑riżorsi sabiex tegħleb, jekk ikun meħtieġ, l‑ostakoli li dan il‑ġenitur jista’ jagħmel fir‑rigward tas‑smigħ ta’ dan il‑minuri.

87.      Fit‑tieni lok, il‑formulazzjoni msemmija timplika li l‑minuri għandu wkoll id‑dritt li ma jesprimix ruħu. Il‑minuri ma għandux ikun imġiegħel jagħżel bejn il‑ġenitur li jkun ħatfu jew li jkun qiegħed iżommu b’mod illegali u l‑ġenitur l‑ieħor tiegħu. Il‑minuri lanqas ma għandu jitqiegħed f’sitwazzjoni fejn ikun jista’ jieħu l‑impressjoni li r‑responsabbiltà għad‑deċiżjoni dwar ir‑ritorn tiegħu hija tiegħu biss u, għaldaqstant, li huwa wkoll responsabbli għas‑sofferenza li din id‑deċiżjoni tista’ toħloq lil wieħed mill‑ġenituri tiegħu. Il‑kundizzjonijiet li fihom jinstema’ l‑minuri għandhom ikunu adegwati għaċ‑ċirkustanzi kif ukoll għall‑età u għall‑maturità tiegħu sabiex dan is‑smigħ ma jkunx esperjenza trawmatizzanti għalih (15). Fil‑fehma tiegħi, qorti nazzjonali, meta tqis li ma huwiex opportun li tisma’ lill‑minuri hija stess, għandha għalhekk tkun tista’ tisma’ lill‑minuri permezz ta’ persuna kompetenti f’ambjent adegwat. Bl‑istess mod, il‑Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao setgħet ġustament tikkunsidra wkoll, fil‑fehma tiegħi, li, fil‑kuntest tal‑kawża ineżami, is‑smigħ permezz ta’ vidjo ta’ minuri ta’ età żgħira bħal Andrea ma kienx xieraq.

88.      Huwa fid‑dawl ta’ dawn il‑kundizzjonijiet li l‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini, qabel ma tiċċertifika d‑deċiżjoni tagħha skont l‑Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 2201/2003, għandha tivverifika li l‑minuri kellu l‑possibbiltà jinstema’ fis‑sens tal‑Artikolu 42(2)(a) ta’ dan ir‑regolament.

c)      L‑opinjoni tal‑minuri ma torbotx lill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini

89.      Fl‑aħħar nett, l‑opinjoni espressa mill‑minuri matul is‑smigħ tiegħu ma torbotx lill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini, li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu deċiżjoni abbażi tal‑Artikolu 11(8) tar‑Regolament Nru 2201/2003. Fil‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, l‑oppożizzjoni tal‑minuri għar‑ritorn tiegħu tissemma b’mod espliċitu, fl‑Artikolu 13 tagħha, bħala waħda mir‑raġunijiet li fuqhom tista’ tkun ibbażata deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn (16), mingħajr iżda ma torbot lill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Ir‑Regolament Nru 2201/2003 ma jinkludix din id‑dispożizzjoni fil‑partijiet li jagħtu lill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini s‑setgħa li tiddeċiedi sussegwentement għal tali deċiżjoni.

90.      L‑Artikolu 42(2)(ċ) tar‑Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi sempliċement li l‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini li tordna r‑ritorn tal‑minuri f’każ bħal dan għandha tiċċertifika li hija tat id‑deċiżjoni tagħha billi ħadet inkunsiderazzjoni l‑motivi u l‑provi li fuqhom il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzjoni kienet ibbażat id‑deċiżjoni tagħha li ma jsirx ir‑ritorn.

91.      Għalhekk, il‑formulazzjoni tar‑Regolament Nru 2201/2003 turi b’mod iktar ċar minn dik tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 li l‑opinjoni tal‑minuri tikkostitwixxi element ta’ evalwazzjoni li l‑qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni iżda li ma jorbothiex.

92.      Meta, bħalma ġara fil‑kawża ineżami, il‑minuri jkun iddikjara li ma jaqbilx mar‑ritorn tiegħu meta nstema’ mill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u meta din il‑qorti, fil‑kuntest tas‑setgħa sovrana ta’ evalwazzjoni tagħha, qieset li għandha tieħu deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn, din l‑opinjoni għandha ċertament tittieħed inkunsiderazzjoni mill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini fid‑deċiżjoni finali tagħha, għalkemm tali opinjoni ma torbothiex.

93.      Din l‑opinjoni lanqas ma tobbligaha terġa’ tisma’ hija stess lill‑minuri qabel ma tieħu din id‑deċiżjoni finali, kif se nispjega issa fit‑tieni parti tal‑analiżi tiegħi, iddedikata għas‑sistema tar‑Regolament Nru 2201/2003.

2.      Is‑sistema tar‑Regolament Nru 2201/2003

94.      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li l‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003 ma jipprovdix li l‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini għandha tisma’ hija stess lill‑minuri. Dan l‑artikolu jeżiġi biss li l‑minuri jkun ingħata l‑possibbiltà jinstema’. Din il‑kundizzjoni għalhekk tista’ tkun sodisfatta meta l‑minuri kien instema’ mill‑awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru ieħor, kif tikkonferma l‑premessa 20 ta’ dan ir‑regolament li tipprovdi li s‑smigħ ta’ minuri fi Stat Membru ieħor jista’ jsir skont l‑arranġamenti stabbiliti fir‑Regolament Nru 1206/2001 dwar il‑kooperazzjoni bejn il‑qrati tal‑Istati Membri fejn tittieħed ix‑xiehda fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali.

95.      Meta l‑minuri kkonċernat ma jkunx instema’ mis‑servizzi ġudizzjarji tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni fuq talba tal‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini, taħt ir‑Regolament Nru 1206/2001, iżda fil‑kuntest tal‑proċedura li wasslet għal deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn, jiena ma naħsibx li, fid‑dawl tas‑sistema prevista mir‑Regolament Nru 2201/2003, il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini hija obbligata, taħt l‑Artikolu 42(2)(a) ta’ dan ir‑regolament, li terġa’ tisma’ b’mod obbligatorju lill‑minuri.

96.      Il‑karatteristika prinċipali tas‑sistema prevista mir‑regolament imsemmi fil‑każ ta’ ħtif ta’ minuri toħroġ mill‑fatt li l‑proċedura quddiem il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li tkun wasslet għal deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn u dik quddiem il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini li tkun mitluba tieħu d‑deċiżjoni finali dwar dan ir‑ritorn ma humiex proċeduri maqtugħa minn xulxin u li jikkompetu ma’ xulxin. Dawn il‑proċeduri huma komponenti komplementari tal‑istess proċedura waħda, proċedura li tikkonċerna s‑sitwazzjoni ta’ minuri li l‑ġenituri tiegħu jkunu qegħdin jillitigaw dwar il‑kustodja tiegħu u li fiha żewġ qrati ta’ Stati Membri differenti għandhom, taħt ir‑Regolament Nru 2201/2003, l‑obbligu imperattiv li jaħdmu flimkien sabiex jaslu għall‑aħjar soluzzjoni sabiex jitħares l‑interess ta’ dan il‑minuri.

97.      Taħt din is‑sistema, meta l‑ġenitur ta’ minuri meħud jew miżmum b’mod illegali fi Stat Membru ieħor jitlob ir‑ritorn tiegħu, il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u l‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini jiġu aditi suċċessivament bl‑istess kwistjoni. Din il‑kwistjoni teħtieġ li jiġi ddeterminat jekk jeżistix motiv leġittimu u imperattiv li jopponi r‑ritorn ta’ dan il‑minuri. Kif indikat il‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑sentenza Povse, iċċitata iktar ’il fuq, is‑sistema msemmija tinvolvi eżami doppju tal‑kwistjoni tar‑ritorn tal‑minuri, b’tali mod li tiggarantixxi li d‑deċiżjoni jkollha bażi iktar soda u li l‑interessi tal‑minuri jgawdu minn protezzjoni addizzjonali (17).

98.      Il‑fiduċja u r‑rikonoxximent reċiproċi li jiggvernaw ir‑Regolament Nru 2201/2003 huma għalhekk intiżi li joħolqu, fiż‑żona ġudizzjarja Ewropea, sistema li tixbah kemm jista’ jkun possibbli s‑sitwazzjoni li timmaterjalizza fi ħdan Stat Membru wieħed meta ġenitur jirrifjuta li jirrispetta miżuri provviżorji dwar il‑kustodja ta’ wild komuni. F’kuntest purament intern, it‑trattament ġudizzjarju ta’ tali rifjut jieħu l‑forma ta’ proċedura inċidentali marbuta mal‑proċedura prinċipali tad‑divorzju.

99.      Huwa għalhekk li, fil‑fehma tiegħi, meta jipprovdi kemm fl‑Artikolu 11(2) tar‑Regolament Nru 2201/2003, u mbagħad fl‑Artikolu 42(2)(a) ta’ dan l‑istess regolament, li l‑minuri għandu jkun ingħata l‑possibbiltà jinstema’, il‑leġiżlatur Komunitarju ma kellux l‑intenzjoni jagħmel is‑smigħ tal‑minuri rekwiżit formali li jkollu jiġi sodisfatt b’mod obbligatorju f’kull stadju tal‑proċedura marbuta mar‑ritorn tiegħu. Huwa ried li l‑minuri kkonċernat minn tali proċedura jingħata effettivament il‑possibbiltà li jesprimi ruħu fil‑kuntest globali ta’ din il‑proċedura, u dan sa mill‑fażi miftuħa fl‑Istat Membru rikjest. Il‑leġiżlatur Komunitarju ma imponiex li dan il‑minuri jinstema’ sistematikament mill‑ġdid mill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini li tkun meħtieġa tagħti deċiżjoni fuq il‑bażi tal‑Artikolu 11(8) tar‑Regolament Nru 2201/2003.

100. Din il‑qorti għandha tkun tista’ tibbaża ruħha fuq is‑smigħ imwettaq mill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jekk f’dan is‑smigħ issib l‑elementi neċessarji sabiex tieħu d‑deċiżjoni tagħha.

101. Jiena qiegħed nibbaża l‑analiżi tiegħi, minn naħa, fuq l‑Artikolu 11(6) tar‑Regolament Nru 2201/2003, li jipprovdi li l‑elementi kollha miġbura mill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li fid‑dawl tagħhom din il‑qorti tiddeċiedi li tieħu deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn u, b’mod partikolari, it‑traskrizzjonijiet tas‑seduti, għandhom jiġu kkomunikati lill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini, li għandha l‑ġurisdizzjoni sabiex tieħu d‑deċiżjoni definittiva dwar dan ir‑ritorn (18).

102. L‑analiżi tiegħi hija bbażata, min‑naħa l‑oħra, fuq il‑fatt li, skont l‑Artikolu 42(2)(ċ) tar‑Regolament Nru 2201/2003, il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini għandha tieħu inkunsiderazzjoni l‑motivi u l‑provi li fuq il‑bażi tagħhom il‑qorti tal‑Istat Membru rikjest kienet tat id‑deċiżjoni tagħha li ma jsirx ir‑ritorn.

103. It‑traskrizzjoni tas‑smigħ tal‑minuri, li l‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni kienet obbligata tagħmel fil‑kuntest tal‑proċedura li wasslet għal deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn, tagħmel għalhekk parti integrali mill‑elementi li għandhom jiġu kkomunikati lill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini li jkollha ġurisdizzjoni territorjali u li din il‑qorti għandha l‑obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni.

104. Fl‑aħħar nett, fil‑fehma tiegħi l‑analiżi tiegħi hija kkonfermata mir‑rekwiżit ta’ ħeffa li jiggverna din il‑proċedura. Ir‑ritorn ta’ minuri meħud jew miżmum b’mod illegali jimplika, b’mod ġenerali, li dan il‑minuri ma kienx għad kellu ż‑żmien sabiex jintegra ruħu kompletament fl‑ambjent il‑ġdid tiegħu. Huwa għalhekk li r‑Regolament Nru 2201/2003 jobbliga lill‑qrati aditi b’talba għal ritorn sabiex jiddeċiedu b’mod rapidu, billi japplikaw l‑iktar proċeduri rapidi previsti mid‑dritt nazzjonali tagħhom u mhux iktar tard minn sitt ġimgħat wara li jkunu ġew aditi (19). Dan ir‑rekwiżit ta’ ħeffa, loġikament, japplika wkoll għall‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini li tkun meħtieġa tieħu d‑deċiżjoni finali dwar dan ir‑ritorn.

105. Huwa minnu li din il‑qorti tista’ tqis utli jew opportun li tisma’ mill‑ġdid lill‑minuri qabel ma tieħu d‑deċiżjoni finali tagħha. Nixtieq nirrimarka li, fil‑kawża ineżami, il‑Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao, sussegwentement għad‑deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn mogħtija mill‑Amtsgericht – Familiengericht – Celle, sejħet lill‑minuri u lill‑ommha sabiex tismagħhom fi Spanja.

106. Madankollu, il‑fatt li, sussegwentement għan‑nuqqas ta’ Andrea u ta’ ommha li jidhru fil‑qorti, il‑Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao tat id‑deċiżjoni finali tagħha li kienet tipprovdi għar‑ritorn tal‑minuri mingħajr ma semgħet lill‑minuri permezz ta’ konferenza bil‑vidjo u mingħajr ma pprovat torganizza smigħ fil‑Ġermanja billi tmur hemmhekk hija stess jew billi tqabbad għal dan il‑għan lis‑servizzi ġudizzjarji Ġermaniżi jaqa’ fis‑setgħa sovrana ta’ evalwazzjoni tagħha u ma jistax jitqies li huwa ksur tad‑dritt fundamentali tal‑minuri li jkollu l‑possibbiltà jinstema’.

107. Jiena lanqas ma naħseb li l‑fatt li, fis‑sentenza tagħha tas‑16 ta’ Diċembru 2009, il‑Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao ma ordnatx sempliċement ir‑ritorn ta’ Andrea iżda ddeċidiet ukoll dwar il‑kustodja tagħha u attribwietha lill‑missier jiġġustifika li tintlaħaq konklużjoni oħra.

108. Ir‑Regolament Nru 2201/2003, kif esponiet il‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑sentenza Povse, iċċitata iktar ’il fuq, jippermetti lill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini tordna r‑ritorn tal‑minuri sussegwentement għal deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn mingħajr ma jkollha tiddeċiedi minn qabel dwar il‑kustodja definittiva tiegħu (20). Madankollu, l‑istess regolament jippermettilha wkoll li torbot iż‑żewġ kwistjonijiet billi tiddeċiedi dwar il‑kustodja definittiva tal‑minuri, kif jirriżulta b’mod ċar mill‑Artikolu 11(7) tiegħu, b’tali mod li d‑deċiżjoni dwar ir‑ritorn tal‑minuri tidher għalhekk bħala l‑konsegwenza ta’ din l‑attribuzzjoni.

109. Meta l‑affarijiet jimxu b’dan il‑mod il‑vantaġġ ikun li jiġi evitat li l‑minuri jkollu joqgħod ġej u sejjer bejn l‑Istati kkonċernati jekk il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini tikkunsidra li l‑kustodja għandha finalment tiġi attribwita lill‑ġenitur li jkun ħa jew li jkun qiegħed iżomm lill‑minuri b’mod illegali. Madankollu, sabiex l‑affarijiet jimxu b’dan il‑mod, huwa meħtieġ li din il‑qorti jkollha elementi suffiċjenti sabiex tiddeċiedi dwar din l‑attribuzzjoni, inkluż is‑smigħ tal‑minuri meta dan ikollu kapaċità suffiċjenti ta’ dixxerniment.

110. Għall‑kuntrarju tal‑Gvern Ġermaniż u tal‑Kummissjoni, jiena ma naħsibx li, f’dan il‑każ, is‑smigħ tal‑minuri magħmul mill‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni fil‑kuntest tal‑proċedura li wasslet għal deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn kien neċessarjament insuffiċjenti sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li d‑dritt tal‑minuri għal smigħ ġie rrispettat minħabba li s‑suġġett ta’ dan is‑smigħ kien ħafna iktar limitat, jiġifieri limtat għall‑kwistjoni tar‑ritorn.

111. Il‑kwistjoni tar‑ritorn u dik tal‑kustodja definittiva ma humiex kwistjonijiet li ma għandhomx x’jaqsmu ma’ xulxin. Dan jgħodd iktar u iktar fid‑dawl tal‑fatt li, fil‑kawża ineżami, Andrea ddikjarat li ma kinitx taqbel mar‑ritorn tagħha lejn Spanja, fatt dan li jimplika, a fortiori, l‑oppożizzjoni tagħha għall‑attribuzzjoni tal‑kustodja tagħha lil missierha. Il‑possibbiltà għall‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini li tikkunsidra li l‑minuri seta’ jinstema’ dwar l‑attribuzzjoni tal‑kustodja tiegħu tiddependi għalhekk miċ‑ċirkustanzi u mill‑kontenut tas‑smigħ ta’ dan il‑minuri li jkun sar fl‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Fil‑fehma tiegħi, il‑qorti nazzjonali għandha titħalla tevalwa jekk minn dan is‑smigħ tistax tislet elementi suffiċjenti sabiex tiddeċiedi dwar il‑kustodja definittiva tal‑minuri fid‑deċiżjoni li hija tieħu abbażi tal‑Artikolu 11(8) tar‑Regolament Nru 2201/2003.

112. Għandu jingħad ukoll li, kif indika l‑Gvern Spanjol matul is‑seduta, deċiżjoni dwar il‑kustodja ta’ minuri, bħas‑sentenza tal‑Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao tas‑16 ta’ Diċembru 2009, hija msejħa “definittiva” biss sabiex tiġi distinta mill‑miżuri provviżorji meħuda matul il‑proċedura tad‑divorzju u li, bħala prinċipju, tali deċiżjoni tista’ tiġi rieżaminata f’kull mument, jew bil‑kunsens tal‑ġenituri jew fil‑każ li jimmaterjalizzaw elementi ġodda.

113. Fl‑aħħar nett, il‑Kummissjoni ssostni li, fil‑kawża ineżami, il‑Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao ma setgħetx tqis b’mod validu li l‑kundizzjoni prevista fl‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003 kienet sodisfatta minħabba ż‑żmien li għadda minn meta l‑minuri kienet instemgħet fil‑Ġermanja, jiġifieri kważi disa’ xhur.

114. Huwa minnu li tali żmien jista’ jidher twil fil‑kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn. Madankollu, għal darba oħra, ma nistax nidentifika b’mod ċar x’seta’ jirriżulta minn smigħ ġdid tal‑minuri la darba din kienet iddikjarat li ma kinitx taqbel mar‑ritorn tagħha lejn Spanja.

115. Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjoni preċedenti, jiena għalhekk qiegħed nipproponi lill‑Qorti tal‑Ġustizzja tiddeċiedi li l‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis‑sens li l‑kundizzjoni stabbilita f’din id‑dispożizzjoni tkun sodisfatta meta l‑minuri jkun instema’ mill‑awtoritajiet ġudizzjarji tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni fil‑kuntest tal‑proċedura li wasslet għal deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn u meta l‑qorti tal‑Istat Membru li jkollha ġurisdizzjoni tkun ħadet dan is‑smigħ inkunsiderazzjoni fid‑deċiżjoni tagħha li tordna r‑ritorn, adottata taħt l‑Artikolu 11(8) tal‑istess regolament.

B –    L‑eżami tad‑domandi preliminari

116. Fid‑dawl tal‑pożizzjoni li ħadt fir‑rigward tal‑premessa li fuqha huma bbażati d‑domandi preliminari magħmula mill‑Oberlandesgericht Celle, se neżamina dawn id‑domandi b’mod sussidjarju biss.

117. Permezz tad‑domandi msemmija, li fil‑fehma tiegħi għandhom jiġu eżaminati flimkien, il‑qorti tar‑rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk ir‑Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis‑sens li l‑qorti tal‑Istat Membru rikjest tista’ topponi għall‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ċertifikata, li tordna r‑ritorn ta’ minuri sussegwentement għal deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn, meta jkun jidher li l‑minuri inkwistjoni, għall‑kuntrarju tal‑indikazzjonijiet li jkunu jinsabu fiċ‑ċertifikat maħruġ taħt l‑Artikolu 42 tar‑regolament imsemmi, ma kellux il‑possibbiltà jinstema’, bi ksur tad‑dispożizzjoni ta’ dan l‑artikolu u tad‑dritt fundamentali stabbilit fl‑Artikolu 24(1) tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali.

118. L‑analiżi ta’ din il‑mistoqsija għandha għalhekk issir fid‑dawl tal‑preżunzjoni li huwa stabbilit il‑fatt li l‑minuri kkonċernat mid‑deċiżjoni meħuda taħt l‑Artikolu 11(8) tar‑Regolament Nru 2201/2003 ma kellux il‑possibbiltà jinstema’, għall‑kuntrarju tal‑indikazzjonijiet li jinsabu fiċ‑ċertifikat li jakkompanja lil din id‑deċiżjoni.

119. Fil‑fehma tiegħi, li hija l‑istess bħall‑fehma tal‑Kummissjoni iżda kuntrarja għal dik tal‑Gvern Ġermaniż, lanqas f’każ tali, il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma tistax topponi għall‑eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni inkwistjoni. Il‑pożizzjoni tiegħi hija bbażata fuq is‑sistema prevista mir‑Regolament Nru 2201/2003, kif ġie interpretat mill‑ġurisprudenza.

120. Kif diġà rajna, dan ir‑regolament, l‑istess bħall‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, jitlaq mill‑premessa li t‑tneħħija jew iż‑żamma illegali ta’ minuri bi ksur ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jippreġudikaw serjament l‑interessi ta’ dan il‑minuri, b’tali mod li r‑ritorn tiegħu lejn il‑post ta’ residenza inizjali tiegħu għandu jsir fl‑iqsar żmien possibbli.

121. Rajna wkoll li l‑valur addizzjonali tar‑regolament imsemmi meta mqabbel ma’ din il‑konvenzjoni huwa li stabbilixxa sistema fejn, fil‑każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l‑evalwazzjoni magħmula mill‑qorti tar‑residenza abitwali tal‑minuri u dik magħmula mill‑qorti tal‑post fejn il‑minuri jinsab b’mod illegali, l‑ewwel qorti tibqa’ l‑qorti li għandha ġurisdizzjoni u, b’xi mod jew ieħor, għandha l‑aħħar kelma meta tiġi sabiex tiddeċiedi jekk dan il‑minuri għandux effettivament jirritorna jew le lejn il‑post ta’ residenza inizjali tiegħu.

122. Din il‑ġurisdizzjoni tal‑qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini hija bbażata fuq il‑premessa li din il‑qorti tinsab fl‑aħjar pożizzjoni sabiex tieħu d‑deċiżjoni finali dwar dan ir‑ritorn, u dan minħabba li tkun tista’ tiġbor mingħand in‑nies ta’ madwar il‑minuri u mill‑persuni kollha li kellu kuntatt magħhom il‑minuri l‑elementi kollha li permezz tagħhom tkun tista’ tevalwa jekk teżistix raġuni leġittima sabiex issir oppożizzjoni għar‑ritorn tiegħu.

123. L‑istruttura u l‑għan ta’ din is‑sistema ġew spjegati b’mod ċar ħafna mill‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑sentenza Povse, iċċitata iktar ’il fuq, b’risposta għal domanda li qajmet il‑kwistjoni jekk deċiżjoni li tagħti dritt ta’ kustodja provviżorja, mogħtija sussegwentement minn qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u kkunsidrata eżegwibbli skont id‑dritt ta’ dan l‑Istat, tipprekludix l‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni preċedenti li tordna r‑ritorn tal‑minuri, meħuda taħt l‑Artikolu 11(8) tar‑Regolament Nru 2201/2003 u ċċertifikata skont l‑Artikolu 42 ta’ dan l‑istess regolament.

124. Il‑Qorti tal‑Ġustizzja spjegat kif ġej:

“73.      Mi[ll‑Artikoli 42(1) u 43(1) u (2) tar‑Regolament Nru 2201/2003], li jistabbilixxu tqassim ċar tal‑kompetenzi bejn il‑qrati tal‑Istat Membru tal‑oriġini u l‑Istat Membru ta’ infurzar [eżekuzzjoni] u intiżi għar‑ritorn ta’ malajr tal‑minuri, jirriżulta li ċertifikat mogħti skont l‑Artikolu 42 tar‑Regolament [Nru 2201/2003], li jagħti lid‑deċiżjoni hekk iċċertifikata infurzabbbiltà [eżegwibbiltà] speċifika, ma huwa suġġetta għal ebda appell. Il‑qorti li lilha sar ir‑rikors [qorti rikjesta] tista’ tikkonstata biss l‑infurzabbiltà ta’ tali deċiżjoni, peress li l‑uniċi motivi li jistgħu jiġu invokati fir‑rigward taċ‑ċertifikat huma dawk sabiex jiġi sostnut rikors għal rettifika jew dubji dwar l‑awtentiċità tiegħu, skont il‑liġijiet tal‑Istat Membru tal‑oriġini (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Rinau, [iċċitata iktar ’il fuq] punti 85, 88 u 89). Il‑liġijiet tal‑Istat Membru tal‑oriġini [rikjest] li huma applikabbli huma dawk biss li jirregolaw il‑kwistjonijiet proċedurali.

74.      Għall‑kuntrarju, id‑domandi dwar il‑mertu tad‑deċiżjoni bħala tali, inkluża l‑kwistjoni dwar jekk il‑kundizzjonijiet rikjesti sabiex il‑qorti li għandha ġurisdizzjoni tkun tista’ tagħti din id‑deċiżjoni huma [humiex] sodisfatti, inkluż il‑kontestazzjonijiet eventwali dwar il‑ġurisdizzjoni, għandhom jiġu invokati quddiem il‑qrati tal‑Istat Membru tal‑oriġini, skont ir‑regoli tas‑sistema legali tagħha. Bl‑istess mod, talba għal sospensjoni tal‑infurzar [ta’ eżekuzzjoni] ta’ deċiżjoni ċċertifikata tista’ ssir biss quddiem il‑qorti li għandha ġurisdizzjoni tal‑Istat Membru tal‑oriġini skont ir‑regoli tas‑sistema legali tagħha.

75.      B’hekk, ebda motiv ma jista’ jitqajjem quddiem il‑qrati tal‑Istat Membru ta’ tneħħija kontra l‑infurzar [l‑eżekuzzjoni] ta’ tali deċiżjoni, peress li l‑liġijiet ta’ dan l‑Istat jirregolaw biss il‑kwistjonijiet proċedurali, fis‑sens tal‑Artikolu 47(1) tar‑Regolament [Nru 2201/2003], jiġifieri l‑arranġamenti għall‑implementazzjoni [eżekuzzjoni] tad‑deċiżjoni. Issa, proċeduri bħal dawk li huma s‑suġġett ta’ din id‑domanda preliminari ma jikkonċernawx la r‑rekwiżiti formali u lanqas kwistjonijiet proċedurali, iżda jittrattaw kwistjonijiet fuq il‑mertu.

76.      Konsegwentement, in‑natura irrikonċiljabbli fis‑sens tat‑tieni subparagrafu tal‑Artikolu 47(2) tar‑Regolament [Nru 2201/2003], ta’ deċiżjoni ċċertifikata ma’ deċiżjoni infurzabbli [eżegwibbli] sussegwenti għandha tiġi vverifikata biss fir‑rigward ta’ kwalunkwe deċiżjonijiet sussegwenti mogħtija mill‑qrati li għandhom ġurisdizzjoni tal‑Istat Membru tal‑oriġini.”

125. Fi kliem ieħor, il‑qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma tistax għaldaqstant topponi għall‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ċertifikata mogħtija fuq il‑bażi tal‑Artikolu 11(8) tar‑Regolament Nru 2201/2003.

126. Jiena tal‑fehma li din l‑interpretazzjoni ta’ dan ir‑regolament għandha tgħodd ukoll fil‑każ li, b’mod straordinarju, iċ‑ċertifikat ikun ġie stabbilit b’mod żbaljat fis‑sens li l‑minuri ma kellux il‑possibbiltà jinstema’.

127. Fil‑fatt, fir‑regolament imsemmi, il‑leġiżlatur Komunitarju tgħallem min‑nuqqasijiet fis‑sistema tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, fejn id‑differenza bejn l‑evalwazzjonijiet tal‑qrati tal‑Istati Kontraenti fir‑rigward tal‑interess superjuri tal‑minuri, meta dan l‑interess jitqies fid‑dawl tal‑ordni pubbliku partikolari għal kull Stat, kienet twassal sabiex jiġi legalizzat il‑ħtif tal‑minuri.

128. Għaldaqstant, il‑leġiżlatur Komunitarju pprovda, minn naħa, li, fil‑kuntest tal‑Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 2201/2003, dawn id‑drittijiet fundamentali għandu jkollhom kontenut awtonomu, uniformi fl‑Istati Membri kollha, jiġifieri dak tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali. Huwa qies, min‑naħa l‑oħra, li l‑livell ta’ fiduċja reċiproka bejn l‑Istati Membri fil‑kapaċità tal‑qrati tal‑Istati Membri l‑oħra li jiżguraw protezzjoni reali tad‑drittijiet imsemmija kienet tippermetti li jkompli jibdni fuq din il‑loġika u li jagħti lid‑deċiżjoni finali mogħtija mill‑qorti li jkollha ġurisdizzjoni territorjali eżegwibbiltà speċifika, li ma tistax tiġi kkontestata fl‑Istati Membri l‑oħra.

129. F’dan ir‑rigward huwa biżżejjed li titqabbel il‑formulazzjoni tad‑dispożizzjonijiet tat‑Taqsima 4 tal‑Kapitolu III tar‑Regolament Nru 2201/2003, li jipprovdu għal din l‑eżegwibbiltà speċifika, ma’ dik tal‑artikoli tad‑Deċiżjoni Qafas tal‑Kunsill 2002/584/ĠAI (21), dwar il‑mandat ta’ arrest Ewropew. Din id‑deċiżjoni qafas tipprovdi b’mod espliċitu li l‑konsenja tal‑persuna koperta minn mandat ta’ arrest Ewropew għandha tirriżulta minn deċiżjoni ta’ qorti tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u telenka l‑motivi li abbażi tagħhom din il‑qorti tista’ jew għandha topponi għall‑konsenja (22). Fid‑Deċiżjoni Qafas, il‑leġiżlatur tal‑Unjoni għalhekk xtaq li r‑rispett tad‑drittijiet fundamentali jkun is‑suġġett ta’ stħarriġ doppju, mill‑qrati tal‑Istat Membru rikjedenti u minn dawk tal‑Istat Membru rikjest.

130. Għall‑kuntrarju, fir‑Regolament Nru 2201/2003, il‑leġiżlatur Komunitarju mexa pass iktar lejn ir‑rikonoxximent reċiproku peress li ma pprovdiex għal dan l‑istħarriġ doppju. Madankollu, dan il‑pass addizzjonali ma għandux ikollu bħala konsegwenza protezzjoni iktar limitata tad‑drittijiet fundamentali tal‑minuri. Rajna li, fil‑premessa 33 ta’ dan ir‑regolament, il‑leġiżlatur Komunitarju fakkar l‑importanza li jiġu rrispettati dawn id‑drittijiet. Madankollu, huwa qies li dawn id‑drittijiet setgħu jiġu mħarrsa mill‑qrati tal‑Istat Membru ta’ oriġini.

131. Għalhekk, il‑ġenitur li jqis li d‑deċiżjoni li tordna r‑ritorn tal‑minuri ttieħdet mingħajr ma l‑minuri kellu l‑possibbiltà jinstema’, bi ksur tad‑dritt fundamentali tiegħu, u, għaldaqstant, li ċ‑ċertifikat kien żbaljat, għandu jikkontesta din id‑deċiżjoni quddiem il‑qorti li jkollha ġurisdizzjoni tal‑Istat Membru ta’ oriġini, mingħajr madankollu ma l‑eżerċizzju ta’ tali rimedju jista’, bħala tali, jiġġustifika sospensjoni tal‑eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni msemmija fl‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

132. Il‑Gvern Ġermaniż qiegħed jistieden lill‑Qorti tal‑Ġustizzja testendi r‑raġunament tagħha għall‑ipoteżi fejn il‑qrati li jkollhom ġurisdizzjoni tal‑Istat Membru ta’ oriġini jkunu naqsu milli jwettqu l‑obbligi tagħhom u ma jkunux biddlu deċiżjoni li tkun ivvizjata bi ksur manifest tad‑drittijiet fundamentali.

133. Dan il‑gvern isostni għalhekk li l‑qorti tal‑Istat Membru rikjest għandha tkun tista’ topponi għall‑eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni meta r‑rikors quddiem il‑qrati tal‑Istat Membru ta’ oriġini ma jkollux eżitu pożittiv filwaqt li d‑dritt fundamentali tal‑minuri kien manifestament miksur. Il‑gvern imsemmi jsostni li, f’każ bħal dan, ir‑Regolament Nru 2201/2003 ma jistax jimponi l‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tikser manifestament id‑drittijiet fundamentali. Huwa jibbaża l‑argumenti tiegħu fuq il‑fatt li, fil‑kawża ineżami, ir‑rikors ippreżentat minn omm Andrea fi Spanja kontra s‑sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2009 ma kellux eżitu pożittiv.

134. Jiena tal‑fehma li l‑kawża preżenti ma tipprovdix opportunità sabiex tittieħed pożizzjoni dwar tali ipoteżi. Fil‑fatt, minn naħa, jekk il‑Qorti tal‑Ġustizzja ssegwi l‑analiżi tiegħi dwar il‑premessa li fuqha huma bbażati d‑domandi preliminari, id‑dritt fundamentali tal‑minuri għal smigħ ma kienx is‑suġġett ta’ ksur manifest. Dan id‑dritt ġie rrispettat. Min‑naħa l‑oħra, il‑Gvern Spanjol, matul is‑seduta, ikkontesta l‑affermazzjoni li omm il‑minuri kienet eżawriet ir‑rimedji kollha li kellha għad‑dispożizzjoni tagħha fi Spanja. Barra minn hekk, dan il‑gvern spjega li, fis‑sistema legali interna tiegħu, jeżisti rimedju previst speċjalment għal sitwazzjoni fejn parti tallega ksur tad‑drittijiet fundamentali tagħha.

135. F’dan ir‑rigward, jiena tal‑fehma li l‑eżistenza, fis‑sistema legali tal‑Istat Membru ta’ oriġini, ta’ rimedji (li huma disponibbli f’dan il‑każ) intiżi sabiex il‑partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jikkontestaw il‑fondatezza ta’ deċiżjoni ċertifikata taħt l‑Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 2201/2003 u, għaldaqstant, ir‑rispett tad‑drittijiet fundamentali mill‑qorti li tat din id‑deċiżjoni, hija l‑kontroparti indispensabbli tal‑assenza ta’ kwalunkwe possibbiltà ta’ kontestazzjoni ta’ tali deċiżjoni fl‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

136. Fi kwalunkwe każ u, bħala prinċipju, is‑sitwazzjoni kkunsidrata mill‑Gvern Ġermaniż lanqas ma għandha timmaterjalizza. Il‑qrati nazzjonali għandhom japplikaw id‑dritt tal‑Unjoni inkonformità mad‑drittijiet fundamentali u, f’każ ta’ dubju dwar il‑portata ta’ dawn tal‑aħħar, huma għandhom jissottomettu d‑dubju tagħhom lill‑Qorti tal‑Ġustizzja fil‑kuntest ta’ rinvjiu għal deċiżjoni preliminari. L‑Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll, fis‑sistema legali tagħhom, għal rimedji suffiċjenti sabiex jiġi żgurat li dawn id‑drittijiet jiġu effettivament irrispettati. Fl‑aħħar nett, l‑osservanza ta’ dawn l‑obbligi hija suġġetta għall‑istħarriġ tal‑Kummissjoni li tista’, b’mod partikolari, tibda proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru jekk il‑qrati tiegħu u, b’mod partikolari, il‑qorti suprema tiegħu, ma josservawhomx (23).

137. Fil‑kawża ineżami ma huwa ġustifikat ebda dubju dwar il‑kapaċità tas‑sistema legali ta’ kull Stat Membru li tiżgura applikazzjoni tar‑Regolament Nru 2201/2003 li tirrispetta d‑drittijiet fundamentali tal‑minuri.

138. Din il‑kawża turi, għall‑kuntrarju, li r‑rikonoxximent ta’ dritt ta’ oppożizzjoni lill‑qrati tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkun ta’ natura li joħloq mill‑ġdid il‑possibbiltà ta’ impass jew ta’ dewmien mhux ġustifikat għall‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet li jordnaw ir‑ritorn ta’ minuri, meħuda abbażi tal‑Artikolu 11(8) tar‑Regolament Nru 2201/2003. Kif diġà indikajt, fil‑qasam partikolari u sensittiv ħafna tal‑ħtif ta’ minuri, kull xahar ta’ dewmien fl‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tordna r‑ritorn jagħmel dan ir‑ritorn iktar diffiċli u għalhekk jaggrava s‑sitwazzjoni. L‑effettività tar‑Regolament Nru 2201/2003 tkun għalhekk kompromessa serjament jekk l‑eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni setgħet tiġi kkontestata b’xi mod jew ieħor quddiem l‑awtoritajiet ġudizzjarji tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u tkun għalhekk tiddependi mill‑eżitu ta’ proċedura quddiem dawn il‑qrati.

139. Fid‑dawl ta’ dawn il‑kunsiderazzjonijiet, jiena nipproponi lill‑Qorti tal‑Ġustizzja li tikkompleta r‑risposta preċedenti billi żżid li, anki jekk jitqies li l‑minuri ma kellux il‑possibbiltà jinstema’, b’mod kuntrarju għall‑indikazzjonijiet magħmula fiċ‑ċertifikat maħruġ skont l‑Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 2201/2003 u bi ksur tad‑dispożizzjonijiet ta’ dan l‑artikolu kif ukoll tad‑dritt fundamentali stabbilit fl‑Artikolu 24(1) tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali, dan ir‑regolament għandu jiġi interpretat fis‑sens li l‑qorti tal‑Istat Membru rikjest ma tistax topponi għall‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ċertifikata li tordna r‑ritorn ta’ minuri, meħuda abbażi tal‑Artikolu 11(8) tar‑regolament imsemmi.

IV – Konklużjoni

140. Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li tingħata din ir‑risposta għad‑domandi preliminari magħmula mill‑Oberlandesgericht Celle:

“L‑Artikolu 42(2)(a) tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas‑27 ta’ Novembru 2003, dwar il‑ġurisdizzjoni u r‑rikonoxximent u l‑infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal‑ġenituri, u li jirrevoka r‑Regolament (KE) Nru 1347/2000, għandu jiġi interpretat fis‑sens li l‑kundizzjoni stabbilita f’din id‑dispożizzjoni tkun sodisfatta meta l‑minuri jkun instema’ mill‑awtoritajiet ġudizzjarji tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni fil‑kuntest tal‑proċedura li wasslet għal deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn u meta l‑qorti tal‑Istat Membru li jkollha ġurisdizzjoni tkun ħadet dan is‑smigħ inkunsiderazzjoni fid‑deċiżjoni tagħha li tordna r‑ritorn, adottata taħt l‑Artikolu 11(8) tal‑istess regolament.

Anki jekk jitqies li l‑minuri ma kellux il‑possibbiltà jinstema’, b’mod kuntrarju għall‑indikazzjonijiet magħmula fiċ‑ċertifikat maħruġ skont l‑Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 2201/2003 u bi ksur tad‑dispożizzjonijiet ta’ dan l‑artikolu kif ukoll tad‑dritt fundamentali stabbilit fl‑Artikolu 24(1) tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali, dan ir‑regolament għandu jiġi interpretat fis‑sens li l‑qorti tal‑Istat Membru rikjest ma tistax topponi għall‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ċertifikata li tordna r‑ritorn ta’ minuri, meħuda abbażi tal‑Artikolu 11(8) tar‑regolament imsemmi.”

1 – Il‑Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar l‑aspetti ċivili dwar il‑ħtif internazzjonali ta’ minuri (iktar ’il quddiem “il‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980”).

2 – Ir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas‑27 ta’ Novembru 2003, dwar il‑ġurisdizzjoni u r‑rikonoxximent u l‑infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal‑ġenituri, u li jirrevoka r‑Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243).

3 – Ara s‑sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2008, Rinau (C‑195/08 PPU, Ġabra p. I‑5271), u tal‑1 ta’ Lulju 2010, Povse (C‑211/10 PPU, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra).

4 – Sentenza Povse, iċċitata iktar ’il fuq (punti 73 sa 75).

5 – Artikoli 60 u 62 tar‑regolament imsemmi.

6 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 121.

7 – Sentenza tat‑2 ta’ April 2009, A (C‑523/07, Ġabra p. I‑2805, punt 34).

8 – Sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2007, C (C‑435/06, Ġabra p.I‑10141, punt 46).

9 – Sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq (punti 35 sa 37).

10 – Sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Rinau (punt 63) u Povse (punt 56).

11 – Sentenza Rinau, iċċitata iktar ’il fuq (punt 68).

12 – F’dan is‑sens, il‑Konvenzjoni internazzjonali tad‑drittijiet tal‑minuri, adottata mill‑Assemblea Ġenerali tan‑Nazzjonijiet Uniti fl‑20 ta’ Novembru 1989, tipprovdi, fl‑Artikolu 12 tagħha:

      “1. L‑Istati Membri għandhom jiggarantixxu lil minuri li jkollu kapaċità ta’ dixxerniment id‑dritt li jesprimi l‑opinjoni tiegħu b’mod liberu dwar kull kwistjoni li tikkonċernah […]

      2.       Għal dan il‑għan, il‑minuri għandu jingħata, b’mod partikolari, il‑possibbiltà jinstema’ f’kull proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva li tikkonċernah, jew direttament jew permezz ta’ rappreżentant jew organizzazzjoni adegwata, b’mod li jkun kompatibbli mar‑regoli proċedurali tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

      Il‑Konvenzjoni Ewropea dwar l‑eżerċizzju tad‑drittijiet tal‑minuri, tal‑25 ta’ Jannar 1996, fl‑Artikolu 3 tagħha, u l‑Konvenzjoni Ewropea dwar ir‑relazzjonijiet personali li jikkonċernaw il‑minuri, tal‑15 ta’ Mejju 2003, fl‑Artikolu 6 tagħha, jipprevedu d‑dritt tal‑minuri li jiġi informat, ikkonsultat u li jesprimi l‑opinjoni tiegħu fil‑proċeduri. Ara, b’mod partikolari, A. Gouttenoire, “L’audition de l’enfant dans le règlement ‘Bruxelles II bis’”, fi Le nouveau droit communautaire du divorce et de la responsabilité parentale, Dalloz, 2005, p. 201 et seq.

13 – Sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Detiček (C‑403/09 PPU, Ġabra p. I-12193, punt 54). Ara wkoll is‑sentenza Iglesias Gil u A.U.I. vs Spanja tal‑Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal‑Bniedem tad‑29 ta’ April 2003, Recueil des arrêts et décisions 2003‑V.

14 – Ara s‑sentenza Pini, Bertani, Manera u Atripaldi vs Ir‑Rumanija tal‑Qorti Ewroprea tad‑Drittijiet tal‑Bniedem tat‑22 ta’ Ġunju 2004, Recueil des arrêts et décisions 2004‑IV, fejn il‑qorti msemmija qieset li l‑awtoritajiet nazzjonali ma kinux marru lil hinn mill‑marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom meta stabbilew l‑età ta’ għaxar snin bħala l‑età li minnha kien meħtieġ il‑kunsens tal‑minuri għall‑adozzjoni tiegħu.

15 – Ara s‑sentenza Sahin vs Il‑Ġermanja tal‑Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal‑Bniedem tat‑8 ta’ Lulju 2003, Recueil des arrêts et décisions 2003‑VIII, fejn dik il‑qorti qieset li, fil‑kuntest ta’ proċedura li tikkonċerna d‑dritt ta’ żjara ta’ ġenitur li ma jgawdix il‑kustodja ta’ minuri, il‑qorti ma tistax tkun obbligata tisma’ sistematikament lill‑minuri waqt seduta iżda għandu jkollha marġni ta’ diskrezzjoni dwar il‑kundizzjonijiet li fihom tinżamm din is‑seduta, u dan skont iċ‑ċirkustanzi partikolari tal‑kawża kif ukoll skont l‑età u l‑maturità tal‑minuri kkonċernat (punt 73).

16 – It‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 13 tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 jipprovdi:

      “L‑awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tista’ wkoll tirrifjuta li tordna r‑ritorn tal‑minuri jekk issib li l‑minuri joġġezzjona għar‑ritorn tiegħu u jkun laħaq età u livell ta’ maturità tali li jkun tajjeb li wieħed jagħti każ tal‑opinjoni tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

17 – Punt 60.

18 – Infakkar li l‑Artikolu 11(6) tar‑Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi:

      “Jekk qorti ħarġet ordni kontra r‑ritorn [deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn] skond l‑Artikolu 13 [tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980], [din] il‑qorti għandha immedjatament titrasmetti jew direttament jew mill‑awtorità ċentrali tagħha, kopja [tad‑deċiżjoni ġudizzjarja li ma jsirx ir‑ritorn] u d‑dokumenti rilevanti, u partikolarment traskrizzjoni tas‑seduti quddiem il‑qorti, lill‑qorti li għandha l‑ġurisdizzjoni jew lill‑awtorità ċentrali fl‑Istat Membru fejn il‑minuri kienu abitwalment residenti qabel it‑tneħħija jew iż‑żamma nġusta [illegali], kif determinati mil‑liġi nazzjonali. Il‑Qorti għandha tirċievi d‑dokumenti kollha msemmija fi żmien xahar mid‑data ta’ l‑ordni sabiex ma jsirx ir‑ritorn [tad‑deċiżjoni li ma jsirx ir‑ritorn]” [enfażi tiegħi].