Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0536

    Kawża C-536/10: Appell ippreżentat fid- 19 ta’ Novembru 2010 minn MPDV Mikrolab GmbH, Mikroprozessordatenverarbeitung und Mikroprozessorlabor kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal- 10 ta’ Settembru 2010 fil-Kawża T-233/08, Mikrolab GmbH, Mikroprozessordatenverarbeitung und Mikroprozessorlabor vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

    ĠU C 30, 29.1.2011, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.1.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 30/24


    Appell ippreżentat fid-19 ta’ Novembru 2010 minn MPDV Mikrolab GmbH, Mikroprozessordatenverarbeitung und Mikroprozessorlabor kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal-10 ta’ Settembru 2010 fil-Kawża T-233/08, Mikrolab GmbH, Mikroprozessordatenverarbeitung und Mikroprozessorlabor vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

    (Kawża C-536/10)

    ()

    2011/C 30/40

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Appellanti: MPDV Mikrolab GmbH, Mikroprozessordatenverarbeitung und Mikroprozessorlabor (rappreżentant: W. Göpfert, avukat)

    Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

    Talbiet tal-appellanti

    tannulla s-sentenza appellata, sa fejn ir-rikors ġie miċħud fir-rigward tat-talbiet mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali;

    tannulla d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-15 ta’ April 2008, fil-Każ R 1525/2006-4; u

    tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż tal-appell u tar-rikors.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    (1)

    Permezz ta’ dan l-appell, l-appellanti titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali li permezz tagħha dik il-qorti ċaħdet ir-rikors sa fejn hija kkunsidrat li r-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) ma kisirx l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (iktar ’il quddiem: ir-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja), kif ukoll l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja meta rrifjuta li jirreġistra t-trade mark verbali “ROI ANALYZER” għal prodotti fil-klassi 9 (softwer tal-kompjuter) u għal servizzi fil-klassijiet 35 u 42 (konsultazzjoni għal negozju u żvilupp ta’ programmi għall-ipproċessar ta’ data, etc).

    (2)

    Il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq fatti żbaljati meta kkunsidrat li hemm kummerċ speċifiku ta’ prodotti u servizzi speċifiċi intiżi esklużivament għal professjonisti li għandhom għarfien u interess fil-ġestjoni tan-negozju. B’hekk, ma ġiex ikkunsidrat li l-prodotti li huma “softwer tal-kompjuter” fil-klassi 9 ikunu użati biss “b’mod partikolari” għall-ġbir u għall-ipproċessar ta’ data korporattiva. F’dan ir-rigward, varjetà ikbar ta’ softwer tkun tista’ taqa’ taħt din it-trade mark. Barra minn dan, is-softwer tar-rikorrenti huwa użat ukoll minn inġiniera u minn persuni oħra li ma jkunux familjari mat-terminoloġija tan-negozju. L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt hija bbażata fuq fatti żbaljati.

    Barra minn dan, il-Qorti Ġenerali għal darba oħra ibbażat ruħha fuq fatti żbaljati meta kkunsidrat li l-kelma “ROI” għandha tifsiriet differenti f’lingwi differenti, iżda meta dan l-element ikun flimkien mal-kelma “ANALYZER” il-pubbliku dejjem jarah bħala “Return On Investment”. L-argument tal-Qorti Ġenerali, li mingħajr ma jagħmel kunsiderazzjonijiet oħra l-pubbliku rilevanti jifhem din id-denominazzjoni bħala “strument għall-analiżi tar-rata ta’ ritorn fuq investiment”, huwa wieħed żbaljat.

    Barra minn dan, il-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni żbaljata tal-prodotti u tas-servizzi f’dak li jirrigwarda ħardwer tal-kompjuter meta kkunsidrat li kien hemm raġunijiet għar-rifjut tar-reġistrazzjoni. Wara li ġew separati l-elementi tat-trade mark, l-isem ta’ dawn il-prodotti u s-servizzi fil-klassijiet 35 u 42 ġie legalment irreġistrat.

    Fl-aħħar nett, saret referenza għar-reġistrazzjonijiet magħmula fl-UE, jiġifieri bħala trade marks Komunitarji, referenza li ġiet irrifjutata fuq il-bażi li t-trade marks nazzjonali ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni. Għal darba oħra, din il-preżunzjoni kienet ibbażata fuq informazzjoni żbaljata.


    Top