Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0628

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-19 ta’ Lulju 2012.
    Alliance One International Inc., li kienet Standard Commercial Corp. u Standard Commercial Tobacco Co. Inc. vs Il-Kummissjoni Ewropea u Il-Kummissjoni Ewropea vs Alliance One International Inc. et.
    Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Spanjol tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar tat-tabakk mhux maħdum — Iffissar ta’ prezzijiet u tqassim tas-suq — Ksur tal-Artikolu 81 KE — Imputabbiltà tal-aġir ta’ sussidjarji li jikkostitwixxi ksur lill-kumpanniji parent tagħhom — Preżunzjoni ta’ innoċenza — Drittijiet tad-difiża — Obbligu ta’ motivazzjoni — Ugwaljanza fit-trattament.
    Kawżi magħquda C-628/10 P u C-14/11 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:479

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    19 ta’ Lulju 2012 ( *1 )

    “Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Spanjol tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar tat-tabakk mhux maħdum — Iffissar ta’ prezzijiet u tqassim tas-suq — Ksur tal-Artikolu 81 KE — Imputabbiltà tal-aġir ta’ sussidjarji li jikkostitwixxi ksur lill-kumpanniji parent tagħhom — Preżunzjoni ta’ innoċenza — Drittijiet tad-difiża — Obbligu ta’ motivazzjoni — Ugwaljanza fit-trattament”

    Fil-Kawżi magħquda C-628/10 P u C-14/11 P,

    li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati rispettivament fit-28 ta’ Diċembru 2010 u fis-7 ta’ Jannar 2011,

    Alliance One International Inc., li qabel kienet Standard Commercial Corp., stabbilita f’Danville (l-Istati Uniti),

    Standard Commercial Tobacco Co. Inc., stabbilita f’Wilson (l-Istati Uniti),

    irrappreżentati minn M. Odriozola Alén u A. João Vide, avukati,

    appellanti,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    Trans-Continental Leaf Tobacco Corp. Ltd, stabbilita f’Vaduz (Liechtenstein),

    rikorrenti fl-ewwel istanza,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, E. Gippini Fournier u R. Sauer, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    u

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, E. Gippini Fournier u R. Sauer, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    appellata,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    Alliance One International Inc.,

    Standard Commercial Tobacco Co. Inc.,

    Trans-Continental Leaf Tobacco Corp. Ltd,

    irrappreżentati minn M. Odriozola Alén u A. João Vide, avukati,

    rikorrenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, M. Safjan u A. Prechal, Presidenti ta’ Awla, K. Schiemann, E. Juhász, G. Arestis, A. Arabadjiev (Relatur), D. Šváby, M. Berger u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Novembru 2011,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Jannar 2012,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Bl-appell tagħhom (C-628/10 P), Alliance One International Inc. (iktar ’il quddiem “AOI”), li kienet Standard Commercial Corp. (iktar ’il quddiem “SCC”) u Standard Commercial Tobacco Co. Inc. (iktar ’il quddiem “SCTC”) jitolbu l-annullament, minn naħa, tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-27 ta’ Ottubru 2010, Alliance One International et vs Il-Kummissjoni (T-24/05, Ġabra p. II-5329 , iktar ’il quddiem, is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-imsemmija qorti ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2004) 4030 finali, tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar proċedura skont l-Artikolu 81(1) [KE] (Kawża COMP/C.38.238/B.2 — Tabakk mhux maħdum — Spanja) (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”) u, min-naħa l-oħra, ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn tikkonċernahom, kif ukoll it-tnaqqis tal-multa imposta fuqhom permezz tal-imsemmija deċiżjoni.

    2

    Bl-appell tagħha (C-14/11 P), il-Kummissjoni Ewropea titlob, minn naħa, l-annullament tas-sentenza appellata sa fejn hija annullat id-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna Trans-Continental Leaf Tobacco Corp. Ltd (iktar ’il quddiem, it-“TCLT”) u, min-naħa l-oħra, iċ-ċaħda tar-rikors ippreżentat minn din tal-aħħar quddiem il-Qorti Ġenerali.

    I – Il-fatti li wasslu għall-kawża

    3

    Il-fatti li taw lok għal din il-kawża, kif esposti fil-punti 1 sa 40 tas-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qasir kif ġej.

    4

    World Wide Tobacco España, SA (iktar ’il quddiem “WWTE”), Agroexpansión SA (iktar ’il quddiem “Agroexpansión”), u Tabacos Españoles SL (iktar ’il quddiem “TAES”) huma tlieta minn erba’ impriżi fi Spanja tal-ewwel ipproċessar tat-tabakk mhux maħdum (iktar ’il quddiem, dawn l-erba’ impriżi flimkien, il-“proċessuri”).

    5

    Bejn l-1995 u l-5 ta’ Mejju 1998, żewġ terzi mill-kapital ta’ WWTE kien miżmum minn TCLT, sussidjarja 100 % proprjetà ta’ SCTC, hija stess sussidjarja 100 % proprjetà ta’ SCC (li saret AOI). It-terz l-ieħor kien miżmum mill-President ta’ WWTE u minn żewġ membri tal-familja tiegħu.

    6

    Fil-5 ta’ Mejju 1998, TCLT żiedet is-sehem tagħha fil-kapital ta’ WWTE għal 86.94 %, il-bqija tal-azzjonijiet kienu miżmuma minn WWTE (9.73 %) u minn persuna fiżika (3.33 %). F’Ottubru 1998, WWTE akkwistat l-azzjonijiet ta’ din tal-aħħar u SCC akkwistat sehem dirett ta’ 0.04 % mill-kapital ta’ WWTE. F’Mejju 1999, TCLT u SCC żiedu s-sehem tagħhom fil-kapital ta’ WWTE għal 89.64 % u 0.05 %, rispettivament, u l-bqija nżamm minn WWTE.

    7

    Agroexpansión hija parti minn grupp ta’ kumpanniji, b’Dimon Inc. bħala l-kumpannija ewlenija tagħhom. Din tal-aħħar għandha, permezz tas-sussidjarja 100 % tagħha Intabex Netherlands BV (iktar ’il quddiem, “Intabex”), l-azzjonijiet kollha ta’ Agroexpansión.

    8

    L-azzjonijiet kollha ta’ Taes u ta’ Deltafina SpA (iktar ’il quddiem, “Deltafina”), li hija kumpannija Taljana li għandha bħala attivitajiet prinċipali l-ewwel ipproċessar tat-tabakk mhux maħdum fl-Italja u l-kummerċjalizzazzjoni tat-tabakk ipproċessat huma miżmuma minn Universal Leaf Tobacco Co. Inc. (iktar ’il quddiem, “Universal Leaf”). Din tal-aħħar hija stess sussidjarja 100 % tal-kumpannija Amerikana Universal Corp. (iktar ’il quddiem, “Universal”).

    9

    Fit-3 u l-4 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni għamlet investigazzjonijiet skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU 1962, 13, p. 204), fil-bini, b’mod partikolari, ta’ WWTE, sabiex tivverifika informazzjoni li kienet turi li l-proċessuri u l-produtturi Spanjoli tat-tabakk mhux maħdum wettqu ksur tal-Artikolu 81 KE.

    10

    Fil-11 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija indirizzat lil 20 impriża jew assoċjazzjoni, fosthom SCTC u SCC.

    11

    Fl-20 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li tikkonċerna, b’mod partikolari, akkordju orizzontali konkluż u implementat fis-suq Spanjol tat-tabakk mhux maħdum mill-proċessuri u minn Deltafina.

    12

    Skont il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, dan l-akkordju kellu l-għan li jiffissa, kull sena, matul il-perijodu 1996/2001, il-prezz medju tal-provvista ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum, il-kwalitajiet kollha mħallta, kif ukoll li jitqassmu l-kwantitajiet ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum li kull wieħed mill-proċessuri seta’ jixtri mingħand il-produtturi. Mill-1999 sal-2001, il-proċessuri u Deltafina kienu ftiehmu wkoll dwar livelli ta’ prezz skont il-grad ta’ kwalità ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum kif ukoll dwar prezzijiet minimi medji għal kull produttur u għal kull grupp ta’ produtturi.

    13

    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-imsemmi akkordju jikkostitwixxi ksur wieħed u kontinwu tal-Artikolu 81(1) KE, attribwiet ir-responsabbiltà tal-akkordju, b’mod partikolari, lil Deltafina u lill-proċessuri, ordnat lil dawn l-impriżi jwaqqfu immedjatament dan il-ksur u jieqfu immedjatament minn kull prattika restrittiva li għandha għan jew effett ekwivalenti, u barra minn hekk imponiet il-multi li ġejjin, jiġifieri EUR 108 000 fuq Taes, EUR 1 822 500 fuq WWTE, EUR 2 592 000 fuq Agroexpansión u EUR 11 880 000 fuq Deltafina.

    14

    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li t-tliet kumpanniji parent ta’ WWTE huma responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq din tal-aħħar, u Dimon għall-ħlas ta’ dik imposta fuq Agroexpansión. Min-naħa l-oħra, Intabex ma tqisietx responsabbli għall-multa imposta fuq Agroexpansión, u Universal u Universal Leaf lanqas ma tqiesu responsabbli in solidum għall-multi imposti fuq Taes u fuq Deltafina.

    15

    Fir-rigward tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat, fil-premessi 375 u 376 tad-deċiżjoni kkontestata:

    “(375)

    Fil-kawża preżenti, tlieta mill-erba’ proċessuri Spanjoli tat-tabakk mhux maħdum huma kkontrollati (100 % jew 90 %) minn multinazzjonali Amerikani. Barra minn hekk, jeżistu [punti] ta’ fatt li jikkonfermaw il-preżunzjoni li tipprovdi li l-aġir ta’ Agroexpansión u ta’ WWTE huwa imputabbli lill-kumpannij[i] parent rispettiv[i] tagħhom. F’dan il-każ, iż-żewġ kumpanniji — il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha — għandhom jiġu kkunsidrati bħala responsabbli in solidum għall-ksur ikkonstatat f’din id-deċiżjoni.

    (376)

    [Bil-kontra], wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u wara li nstemgħu l-partijiet, sar magħruf li l-provi fil-fajl ma setgħux jiġġustifikaw konklużjoni simili fir-rigward tal-parteċipazzjonijiet ta’ Universal […] u ta’ Universal Leaf [...] f’Taes u f’Deltafina. Fil-fatt [barra] ir-rabta soċjali bejn il-kumpanniji parent u s-sussidjarji tagħhom, il-fajl ma fih l-ebda indikazzjoni tal-parteċipazzjoni materjali ta’ Universal […] u ta’ Universal Leaf fil-fatti eżaminati f’din id-deċiżjoni. Għaldaqstant, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala parti mid-destinatarji ta’ deċiżjoni f’din il-kawża. L-istess konklużjoni tapplika a fortiori għal Intabex [...] peress li l-parteċipazzjoni tagħha bi 100 % f’Agroexpansión kienet purament finanzjarja.”

    16

    F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari lil WWTE, il-Kummissjoni ddistingwiet żewġ perijodi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi osservati fil-punti 5 u 6 ta’ din is-sentenza. L-ewwel wieħed ikopri l-perijodu bejn l-1995 u l-4 ta’ Mejju 1998, it-tnejn inklużi (iktar ’il quddiem, l-“ewwel perijodu”) u, t-tieni, bejn il-5 ta’ Mejju 1998 u d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (iktar ’il quddiem, it-“tieni perijodu”).

    17

    Rigward l-ewwel perijodu, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessi 391 u 392 tad-deċiżjoni kkontestata u abbażi ta’ serje ta’ elementi msemmija, b’mod partikolari, fil-premessi 388 sa 390 ta’ din id-deċiżjoni, li WWTE kienet ikkontrollata b’mod konġunt minn SCC, permezz ta’ SCTC u ta’ TCLT, kif ukoll mill-President ta’ WWTE u l-familja tiegħu, li SCC u/jew is-sussidjarji tagħha eżerċitaw influwenza effettiva fuq l-aġir ta’ WWTE u li SCC kienet stabbilixxiet ċerti mekkaniżmi li, flimkien, kienu jippermettulha tkun informata bl-attivitajiet ta’ WWTE u għaldaqstant tikkontrolla effettivament il-politika kummerċjali ta’ din.

    18

    Fir-rigward tat-tieni perijodu, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessi 397 u 400 tad-deċiżjoni kkontestata u abbażi ta’ serje ta’ elementi msemmija, b’mod partikolari, fil-premessi 393 sa 398 ta’ din id-deċiżjoni, li SCC, kemm direttament u kemm permezz ta’ SCTC u TCLT, kellha l-kontroll esklużiv ta’ WWTE, li l-argumenti invokati minn SCC fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jiġġustifikawx konklużjoni differenti f’dan ir-rigward, li SCC u/jew is-sussidjarji tagħha SCTC u TCLT kellhom għaldaqstant influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ WWTE u li għandhom, għaldaqstant, jinżammu responsabbli in solidum għall-prattiki antikompetittivi li hija akkużata bihom din tal-aħħar.

    II – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    19

    B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Jannar 2005, AOI, SCTC u TCLT ippreżentaw rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċernahom.

    20

    Insostenn tar-rikors tagħhom, AOI, SCTC u TCLT qajmu żewġ motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u, sussidjarjament, fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata. Bit-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti invokaw ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    21

    Wara li ddeċidiet li teżamina flimkien dawn iż-żewġ motivi, il-Qorti Ġenerali, qabel kollox, ċaħdet bħala infondata t-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata.

    22

    Imbagħad, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, billi qieset li l-Kummissjoni kienet applikat l-istess prinċipji għall-kumpanniji parent ikkonċernati kollha sabiex tiddetermina jekk kienx hemm lok li jinżammu responsabbli għall-ksur imwettaq mis-sussidjarji tagħhom. B’mod partikolari, hija qieset li d-deċiżjoni kkontestata kienet, f’dan ir-rigward, ittrattat b’mod differenti s-sitwazzjoni ta’ SCC u ta’ SCTC, minn naħa, u dik ta’ Universal, ta’ Universal Leaf, jew ta’ Intabex, min-naħa l-oħra.

    23

    Din l-evalwazzjoni kienet ibbażata, b’mod partikolari, fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin, li jinsabu fil-punti 155 sa 157 tas-sentenza appellata:

    “155

    [...] fir-rigward tal-każ partikolari fejn kumpannija parent iżżomm it-totalità tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni, bl-għan li tkun prudenti, ma bbażatx ruħha esklużivament fuq il-preżunzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza [...] sabiex turi li l-ewwel waħda teżerċita fil-fatt influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tat-tieni waħda, iżda kkunsidrat ukoll punti oħra ta’ fatt intiżi sabiex jikkonfermaw dan l-eżerċizzju. Madankollu, billi pproċediet f’dan is-sens, il-Kummissjoni għolliet biss l-istandard ta’ prova meħtieġ sabiex hija tikkunsidra bħala stabbilit li l-kundizzjoni dwar l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ġiet sodisfatta [...]

    156

    [...] meta, f’każ li jirrigwarda ksur li jimplika diversi impriżi differenti, il-Kummissjoni tadotta, f’kuntest stabbilit mill-ġurisprudenza, metodu partikolari sabiex tiddetermina jekk hemmx lok li jinżammu responsabbli kemm is-sussidjarji li wettqu materjalment dan il-ksur, kif ukoll il-kumpanniji parent tagħhom, hija għandha, ħlief f’ċirkustanzi speċifiċi, tibbaża ruħha għal dan il-għan fuq l-istess kriterji fil-każ ta’ dawn l-impriżi kollha.

    157

    Fil-fatt, il-Kummissjoni hija marbuta li tosserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li, skont ġurisprudenza stabbilita, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat [...]”

    24

    Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, għall-ewwel perijodu, fil-punt 194 tas-sentenza appellata, u għat-tieni perijodu, fil-punt 217 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet suffiċjentement fid-dritt li SCC u SCTC kienu jeżerċitaw effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ WWTE.

    25

    Fil-punti 195 sa 197 kif ukoll 218 u 219 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset, għall-ewwel u t-tieni perijodu, li, min-naħa l-oħra, l-ebda wieħed mill-elementi invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma kien jippermetti li jiġi kkunsidrat li TCLT kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ WWTE u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kellhiex raġun iżżomm lil TCLT responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ WWTE u lanqas sabiex iżżomm lil TCLT responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa.

    26

    B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 218 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-fatt li kważi l-kapital kollu ta’ WWTE kien miżmum minn TCLT, għaliex din tal-aħħar tkun f’tali każ ittrattata b’mod diskriminatorju meta mqabbla ma’ Intabex, ma’ Universal u ma’ Universal Leaf.

    27

    Fl-aħħar nett, fil-punti 220 sa 229 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eskludiet l-argumenti invokati mir-rikorrenti intiżi sabiex juru li WWTE kienet aġixxiet b’mod awtonomu fis-suq matul il-perijodu ta’ ksur. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija tikkonċerna lil TCLT u ċaħdet ir-rikors għall-kumplament.

    III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

    28

    B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 2011, il-kawżi C-628/10 P u C-14/11 P ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

    29

    Bl-appell tagħhom, AOI u SCTC jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata u, sa fejn tikkonċernahom, id-deċiżjoni kkontestata;

    tnaqqas konsegwentement il-multa imposta permezz ta’ din id-deċiżjoni; u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

    30

    Fir-risposta tagħha għall-imsemmi appell, il-Kummissjoni titlob li l-imsemmi appell jiġi miċħud u li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż kemm tal-ewwel istanza kif ukoll tal-appell.

    31

    Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata sa fejn hija annullat id-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna lil TCLT;

    tiċħad ir-rikors ippreżentat minn din tal-aħħar quddiem il-Qorti Ġenerali, u

    tikkundanna lil TCLT għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

    32

    Fir-risposta tagħhom għall-imsemmi appell, AOI, SCTC u TCLT jitolbu li l-appell jiġi miċħud u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż kemm tal-ewwel istanza kif ukoll tal-appell.

    IV – Fuq l-appelli

    33

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni.

    A – Fuq l-appell tal-Kummissjoni

    34

    Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem erba’ aggravji. L-ewwel u r-raba’ aggravju huma bbażati fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, hija tinvoka żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-kriterju ġuridiku li jiddefinixxi r-responsabbiltà tal-kumpanniji parent. Bit-tielet aggravju, jiġi sostnut li l-Qorti Ġenerali wettqet ksur tad-dritt għal proċedura kontradittorja u li adottat interpretazzjoni żbaljata tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

    35

    L-ewwel u t-tieni aggravju għandhom jiġu eżaminati flimkien.

    1. Fuq l-ewwel u t-tieni aggravju

    a) L-argumenti tal-partijiet

    36

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi kkonċiljat mal-prinċipju ta’ legalità, b’tali mod li l-ebda persuna ma tista’ tinvoka, favuriha, illegalità mwettqa favur ħaddieħor. Għaldaqstant, meta impriża tkun kisret l-Artikolu 81 KE, hija ma tistax tevita sanzjoni għar-raġuni li l-ebda multa ma ġiet imposta fuq impriżi oħrajn li jinsabu f’sitwazzjonijiet simili.

    37

    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tosserva li hija kienet invokat dawn l-argumenti quddiem il-Qorti Ġenerali u hija tqis li s-sentenza appellata, la ma ssemmihomx, hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

    38

    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li, inkwantu kumpannija parent li għandha kważi l-kapital kollu ta’ WWTE, TCLT tista’ tiġi preżunta li eżerċitat fuq din il-kumpannija influwenza determinanti u l-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx li TCLT irribattiet din il-preżunzjoni u lanqas li pprovat tagħmel dan.

    39

    Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li TCLT kellha tiġi eskluża minn kull responsabbiltà minħabba l-fatt li kumpanniji oħra li jinsabu f’sitwazzjonijiet allegatament simili ma ġewx miżmuma responsabbli. B’mod partikolari, hija tqis li l-premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Qorti Ġenerali tirreferi għaliha, tfisser li l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament jippresupponi li l-kumpanniji jinsabu f’sitwazzjoni simili, li ma huwiex il-każ hawnhekk.

    40

    Bit-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, peress li qieset li l-fatt li hija ddeċidiet, għal ċerti impriżi, li l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti kien ibbażat fuq “bażi doppja”, u mhux eżklużivament fuq il-preżunzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza, kien jorbotha fir-rigward tad-destinatarji kollha tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. L-uniku kriterju applikabbli huwa dak stabbilit mill-ġurisprudenza, u l-Kummissjoni la tista’ tgħolli l-istandard ta’ prova mitlub f’dan il-qasam u lanqas torbot, b’tali approċċ, lill-Qorti Ġenerali fl-eżami ġuridiku tagħha.

    41

    Għaldaqstant, ladarba l-kriterju ġuridiku stabbilit mill-ġurisprudenza jkun sodisfatt, huwa irrilevanti, skont il-Kummissjoni, jekk hija pprovdiet jew le indizji kumplimentari sabiex issaħħaħ, bħala miżura ta’ prekawzjoni, il-konklużjoni li hija waslet għaliha, għaliex dawn l-indizji ma jinbidlux, f’kull każ, fi kriterju ġuridiku vinkolanti għall-evalwazzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha.

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    42

    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ impriża jkopri kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha. Dan il-kunċett għandu jinftiehem fis-sens li jkopri unità ekonomika, anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Fejn tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, tirrispondi għal tali ksur (sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il-Kummissjoni, C-90/09 P, Ġabra p. I-1 , punti 34 sa 36 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C-521/09 P, Ġabra p. I-8947, punt 53).

    43

    B’mod partikolari, l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fir-rigward tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C-97/08 P, Ġabra p. I-8237, punt 58, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54, kif ukoll tad-29 ta’ Settembru 2011, Arkema vs Il-Kummissjoni, C-520/09 P, Ġabra p. I-8901 , punt 38).

    44

    Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, peress li l-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika u b’hekk jiffurmaw impriża waħda għall-finijiet tal-Artikolu 81 KE, il-Kummissjoni tista’ tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent mingħajr ma jkollha għalfejn tistabbilixxi l-implikazzjoni personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 59, General Química et vs Il-Kummissjoni, punt 38, kif ukoll Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

    45

    Sabiex jiġi stabbilit jekk sussidjarja tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, il-Kummissjoni għandha, bħala regola ġenerali, tieħu inkunsiderazzjoni l-provi kollha rilevanti li jirrigwardaw ir-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu lil din is-sussidjarja mal-kumpannija parent, li jistgħu jvarjaw skont il-każ u għaldaqstant ma jistgħux jiġu elenkati b’mod eżawrjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punti 73 u 74, kif ukoll Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, punt 58).

    46

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent ikollha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita tali influwenza (sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, C-201/09 P u C-216/09 P, Ġabra p. I-2239, punt 97, kif ukoll Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

    47

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kumpannija parent għandha l-kapital kollu tas-sussidjarja sabiex jiġi preżunt li din tal-ewwel teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din tal-aħħar. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent bħala responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 57, kif ukoll Arkema vs Il-Kummissjoni, punt 41).

    48

    B’mod preliminari, għandu jiġi enfasizzat li l-preżunzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza tista’ tiġi kkonfutata.

    49

    Barra minn hekk, din il-ġurisprudenza ma tfissirx li l-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha esklużivament fuq l-imsemmija preżunzjoni. Fil-fatt, xejn ma jipprekludi lil din l-istituzzjoni milli tistabbilixxi l-eżerċizzju effettiv, minn kumpannija parent, ta’ influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha permezz ta’ provi oħra jew billi tikkombina tali provi mal-imsemmija preżunzjoni.

    50

    F’dan il-każ, kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punti 134 sa 147 tas-sentenza appellata, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, u l-Kummissjoni kkonfermatu fil-proċedura fl-ewwel istanza, li din l-istituzzjoni kienet iddeċidiet, għall-evalwazzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza fuq is-sussidjarji mill-kumpanniji parent, li żżomm lil dawn tal-aħħar bħala responsabbli biss meta provi jikkonfermaw il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq is-sussidjarji li tirriżulta mill-kontroll tal-kapital kollu tagħhom mill-kumpanniji parent (metodu msejjaħ tal-“bażi doppja”) u li, għaldaqstant, hija kienet rrinunzjat li tillimita ruħha li toqgħod biss fuq il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti.

    51

    Barra minn hekk, huwa stabbilit li dan l-approċċ kien immotivat mill-fatt li, fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha dubji, fid-dawl tal-istat tal-ġurisprudenza f’dak iż-żmien, fuq il-punt dwar jekk il-kontroll minn kumpannija parent tal-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha kienx jippermetti, minnu nnifsu, li topera l-preżunzjoni, anki meta ma tkunx ġiet ikkonfutata, u jekk l-imsemmi kontroll kienx b’dan il-mod suffiċjenti sabiex juri l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti minn kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha.

    52

    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-Kummissjoni ġustament għażlet li tadotta, sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-kumpanniji parent inkwistjoni, wieħed mill-metodi li fuqhom, fid-dawl tal-konstatazzjoni magħmula fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, hija setgħet tibbaża ruħha fuqhom legalment sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ tali influwenza determinanti.

    53

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ġustament, fil-punt 155 tas-sentenza appellata, li, bl-għażla ta’ dan il-metodu, il-Kummissjoni qiegħdet fuqha nfisha, għall-evalwazzjoni tal-imputabbiltà tal-akkordju inkwistjoni lill-kumpanniji parent, oneru tal-prova tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti iktar rigoruż minn dak li kien ikun, bħala regola ġenerali, meqjus bħala suffiċjenti, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza.

    54

    Fil-punti 195 sa 197 kif ukoll 218 u 219 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-ebda prova li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata ma setgħet tikkonferma l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv minn TCLT ta’ influwenza determinanti fuq WWTE u li n-nuqqas ta’ tali provi kien wassal lill-Kummissjoni, b’mod konformi mal-metodu magħżul, sabiex ma tqisx lill-kumpanniji parent Intabex, Universal u Universal Leaf bħala responsabbli.

    55

    Abbażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni ma setgħetx iżżomm lil TCLT bħala responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa inkwistjoni mingħajr ma tittrattaha b’mod diskriminatorju meta mqabbla ma’ Intabex kif ukoll meta mqabbla ma’ Universal u ma’ Universal Leaf.

    56

    Għandu jiġi enfasizzat li, fl-appell tagħha, il-Kummissjoni ma kkontestatx dawn il-konstatazzjonijiet. Għaldaqstant, hija ma tikkontestax il-fatt li hija applikat il-metodu magħżul, jiġifieri dak tal-bażi doppja, għall-kumpanniji parent kollha li s-sussidjarji tagħhom kienu ħadu sehem fl-akkordju inkwistjoni, bl-eċċezzjoni ta’ TCLT, li għaliha ma kinux sodisfatti fid-deċiżjoni kkontestata l-kriterji li fuqhom huwa bbażat dan il-metodu. Għaldaqstant il-Kummissjoni qieset bħala responsabbli lil din il-kumpannija biss abbażi tal-preżunzjoni inkwistjoni.

    57

    Fil-punti 156 u 157 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jitlob li, meta l-Kummissjoni tadotta metodu bħal dak inkwistjoni sabiex tiddetermina jekk hemmx lok li l-kumpanniji parent li s-sussidjarji tagħhom ħadu sehem fl-istess akkordju jitqiesu bħala responsabbli, hija għandha, ħlief f’ċirkustanzi partikolari, tibbaża ruħha fuq l-istess kriterji fil-każ ta’ dawn il-kumpanniji parent kollha.

    58

    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-multa, ma tistax issir, bl-applikazzjoni ta’ metodi ta’ kalkolu differenti, diskriminazzjoni bejn l-impriżi li ħadu sehem f’akkordju jew fi prattika miftiehma li jiksru l-Artikolu 81(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, Weig vs Il-Kummissjoni, C-280/98 P, Ġabra p. I-9757, punti 63 sa 68, u Sarrió vs Il-Kummissjoni, C-291/98 P, Ġabra p. I-9991, punti 97 sa 100).

    59

    Peress li l-imputazzjoni tar-responsabbiltà ta’ ksur imwettaq minn sussidjarja lil kumpannija parent jista’ jkollha, skont il-metodu ta’ kalkolu adottat mill-Kummissjoni, impatt konsiderevoli fuq l-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta in solidum fuq dawn il-kumpanniji, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tiddeċiedi, fil-punt 156 tas-sentenza appellata, li din l-istess loġika hija applikabbli meta l-Kummissjoni tadotta, għal akkordju u fil-kuntest stabbilit mill-ġurisprudenza, metodu speċifiku għad-determinazzjoni tar-responsabbiltà tal-kumpanniji parent imsemmija għall-ksur tas-sussidjarji tagħhom.

    60

    Fir-rigward tal-każ inkwistjoni, għandu jiġi ppreċiżat li, bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex ibbażata fuq ix-xebh bejn is-sitwazzjonijiet ta’ fatt ta’ TCLT, minn naħa, u ta’ Intabex, Universal u Universal Leaf, min-naħa l-oħra, iżda fuq il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet tal-imsemmija kumpanniji fir-rigward, kemm tal-istandard ta’ prova li l-Kummissjoni qieset li kellha teżiġi, għall-akkordju inkwistjoni, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tal-kumpanniji parent fuq is-sussidjarji tagħhom, u tal-provi li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata.

    61

    Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali kellha raġun tikkonstata l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament li wasslitha biex tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata.

    62

    Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ legalità, bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni.

    63

    Fil-fatt, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tagħha, peress li l-Kummissjoni adottat metodu kompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-influwenza determinanti, hija ma setgħet wettqet l-ebda illegalità, b’tali mod li l-prinċipju ta’ legalità ma setax jeskludi, f’dan il-każ, l-obbligu tal-Kummissjoni li tosserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    64

    Fl-aħħar nett, rigward l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi, impost fuq il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma jeżiġix li din tagħti espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ għaldaqstant tkun impliċita, bil-kundizzjoni li hija tippermetti lil dawk ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata s-sentenza appellata u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fil-kuntest ta’ appell (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il-Kummissjoni, C-480/09 P, Ġabra p. I-13355, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    65

    F’dan il-każ, minn naħa, mill-punt 113 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali esponiet l-argument ippreżentat mill-Kummissjoni fl-ewwel istanza. Min-naħa l-oħra, mill-punti 156 u 157 kif ukoll 218 u 219 rispettivament tal-imsemmija sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod impliċitu dan l-argument. Fil-fatt hija qieset li, peress li l-Kummissjoni adottat metodu kompatibbli mal-ġurisprudenza rigward l-influwenza determinanti, ma kienet twettqet l-ebda illegalità minnha, b’tali mod li l-prinċipju ta’ legalità ma setax jeskludi, f’dan il-każ, l-obbligu tal-Kummissjoni li tosserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    66

    Barra minn hekk, peress li l-imsemmija punti tas-sentenza appellata jippermettu lil dawk ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-imsemmija sentenza appellata u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fil-kuntest ta’ dan l-appell, l-imsemmija sentenza ma hijiex vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni.

    67

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel u t-tieni aggravji invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha għandhom jiġu miċħuda.

    2. Fuq it-tielet aggravju tal-appell tal-Kummissjoni, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal proċedura kontradittorja u fuq interpretazzjoni żbaljata tal-obbligu ta’ motivazzjoni

    a) L-argumenti tal-partijiet

    68

    Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 196 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma setgħetx legalment tibbaża ruħha fuq id-differenzi fattwali li jeżistu bejn is-sitwazzjoni, minn naħa, ta’ TCLT u, min-naħa l-oħra, ta’ Intabex u ta’ Universal, għaliex huma ma kinux jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis li hija ppreċiżat dawn id-differenzi fir-risposta tagħha ppreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali.

    69

    Fid-dawl tal-fatt li l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jeżiġix il-motivazzjoni li għaliha l-att inkwistjoni ma kienx indirizzat lil ċerti terzi, il-Kummissjoni tqis li hija ma kellhiex l-obbligu li tispjega, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li wassluha sabiex ma tindirizzax din id-deċiżjoni lil Intabex u lil Universal, u lanqas li tiġġustifika, f’din id-deċiżjoni, ir-raġuni li għaliha dawn il-kumpanniji ġew ittrattati b’mod allegatament differenti.

    70

    Il-Kummissjoni tenfasizza li TCLT la kienet invokat il-ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament waqt il-proċedura amministrattiva u lanqas ma sostniet, tul l-imsemmija proċedura, li l-interess tagħha f’WWTE kien ta’ natura purament finanzjarja. Għaldaqstant, hija setgħet tiċħad l-argument ibbażat fuq allegata diskriminazzjoni, għall-ewwel darba, biss fir-risposta tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali.

    71

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali pprekluda lill-Kummissjoni milli tiddefendi ruħha kontra allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni. Din tal-aħħar tqis li għandha d-dritt li tibbaża ruħha fuq kwalunkwe element li hija tqis li huwa meħtieġ għad-difiża tagħha meta jitqajjem argument għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali. B’mod partikolari, skont il-ġurisprudenza, hija ma għandhiex l-obbligu li tesponi fid-deċiżjonijiet tagħha l-argumenti kollha li hija tkun tista’ tinvoka sussegwentement sabiex topponi motivi ta’ illegalità mqajma kontra l-atti tagħha.

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    72

    Għandu jitfakkar li l-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, għandu jinftiehem b’mod ċar u inekwivoku, b’tali mod li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 147).

    73

    Għalhekk, fil-kuntest tad-deċiżjonijiet individwali, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-obbligu li tiġi mmotivata deċiżjoni individwali għandu l-għan, minbarra li jippermetti stħarriġ ġudizzjarju, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex eventwalment ivvizzjata bi żball li jippermetti l-kontestazzjoni tal-validità tagħha (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 148).

    74

    Għaldaqstant il-motivazzjoni, bħala regola ġenerali, għandha tiġi kkomunikata lill-parti kkonċernata fl-istess żmien tad-deċiżjoni li takkużaha. In-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi rrimedjat bil-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf il-motivi tad-deċiżjoni matul il-proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 149 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    75

    B’mod partikolari, meta deċiżjoni skont ir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni tirrigwarda numru ta’ destinatarji u tirrigwarda l-imputabbiltà tal-ksur, hija għandha tagħti motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, b’mod partikolari ta’ dawk fosthom li, skont din id-deċiżjoni, għandhom ibatu r-responsabbiltà għal dan il-ksur. Għalhekk, fir-rigward ta’ kumpannija parent miżmuma responsabbli għall-aġir tas-sussidjarja tagħha li jikkostitwixxi ksur, tali deċiżjoni għandu, bħala regola ġenerali, ikun fiha sunt iddettaljat tal-motivi tali li jiġġustifikaw l-imputabbiltà tal-ksur lil din il-kumpannija.

    76

    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, qabel kollox, li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet ser iżżomm responsabbli kull waħda mill-kumpanniji parent imsemmija biss jekk provi suffiċjenti jikkorroboraw, f’kull każ individwali, il-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti li jirriżulta mill-proprjetà tal-kapital kollu tas-sussidjarji rispettivi tagħhom, imbagħad, li, fir-rigward ta’ TCLT, l-imsemmija deċiżjoni ma tirreferi għall-ebda prova li tikkonferma din il-preżunzjoni u, fl-aħħar nett, li n-nuqqas ta’ tali provi wassal lill-Kummissjoni sabiex ma żżommx responsabbli lill-kumpanniji parent Intabex, Universal u Universal Leaf.

    77

    Għalhekk, meta qieset fil-punt 196 tas-sentenza appellata li ċirkustanza invokata għall-ewwel darba mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni, din tal-aħħar ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi.

    78

    Barra minn hekk, b’din l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza rilevanti, il-Qorti Ġenerali ma imponiet fuq il-Kummissjoni l-ebda obbligu li timmotiva l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma ġietx indirizzata lil ċerti terzi u lanqas li tesponi kull argument rilevanti li seta’ jiġi invokat. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali essenzjalment illimitat ruħha li tikkonstata, fil-punt 195 tas-sentenza appellata, nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-kriterji li l-Kummissjoni imponiet fuqha nfisha, kif ukoll, fil-punt 196 tal-imsemmija sentenza, l-impossibbiltà ta’ din tal-aħħar li tirrimedja tali nuqqas waqt il-proċedura.

    79

    Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tiddeċiedi li d-drittijiet tad-difiża tal-Kummissjoni ma jkoprux il-possibbiltà, għal din tal-aħħar, li tiddefendi l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata kontra allegazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni billi tipproduċi, waqt il-proċedura, provi li huma intiżi sabiex jistabbilixxu r-responsabbiltà ta’ kumpannija parent, iżda li ma jidhrux f’din id-deċiżjoni.

    80

    Għaldaqstant, it-tielet aggravju invokat mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha għandu jiġi miċħud.

    3. Fuq ir-raba’ aggravju tal-appell tal-Kummissjoni, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament

    a) L-argumenti tal-partijiet

    81

    Il-Kummissjoni tqis li, bil-kontra ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, is-sitwazzjonijiet ta’ fatt ta’ Intabex, minn naħa, u ta’ TCLT, min-naħa l-oħra, ma humiex identiċi, b’tali mod li l-ebda ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament ma seta’ jiġi kkonstatat.

    82

    Minn naħa, il-Kummissjoni tfakkar li, bil-kontra ta’ Intabex, TCLT ma kinitx kumpannija intermedjarja ta’ natura purament finanzjarja, iżda l-klijent prinċipali ta’ WWTE. Dan il-fatt jiġġustifika kemm l-użu tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti kif ukoll il-konstatazzjoni li din ma ġietx ikkonfutata minn TCLT.

    83

    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li r-raġunijiet li wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tqis li Universal kienet tinsab fl-istess sitwazzjoni bħal TCLT ma humiex esposti fis-sentenza appellata. Peress li l-Qorti Ġenerali ma rrispondietx għall-ġustifikazzjonijiet invokati mill-Kummissjoni sabiex tiddistingwi s-sitwazzjoni ta’ TCLT minn dik ta’ Universal, is-sentenza appellata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    84

    Mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti Ġenerali biss għandha l-kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza li teżerċita, bis-saħħa tal-Artikolu 225 KE, stħarriġ dwar il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li tkun waslet għalihom il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ dawn il-fatti (sentenza tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C-551/03 P, Ġabra p. I-3173, punt 51, u tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni, C-352/09 P, Ġabra p. I-2359), punt 179).

    85

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C-397/03 P, Ġabra p. I-4429, punt 85, kif ukoll ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 180).

    86

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, bl-argument tagħha rigward in-nuqqas ta’ identiċità tas-sitwazzjonijiet ta’ fatt ta’ Universal u ta’ Intabex, minn naħa, u ta’ TCLT, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika l-evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali.

    87

    Barra minn hekk, kif ġie osservat fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex ibbażata fuq xebh tas-sitwazzjonijiet ta’ fatt tal-imsemmija kumpanniji, iżda fuq il-komparabbiltà tas-sitwazzjoni tagħhom fir-rigward tal-istandard ta’ prova li l-Kummissjoni qieset li kellha teżiġi u tal-provi li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata.

    88

    Barra minn hekk, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 134 tal-konklużjonijiet tagħha, l-ilment ibbażat fuq allegat nuqqas ta’ motivazzjoni f’dak li jikkonċerna l-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet rispettivi ta’ TCLT u ta’ Universal huwa ineffettiv, peress li s-sentenza appellata tesponi suffiċjentement fid-dritt ir-raġunijiet li wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tqis li TCLT u Intabex kienu f’sitwazzjoni simili. Fil-fatt, ladarba l-Qorti Ġenerali qieset li, mingħajr ġustifikazzjoni, il-Kummissjoni kienet ittrattat lil TCLT u lil Intabex b’mod differenti, hija diġà pprovat, suffiċjentement fid-dritt, l-eżistenza tat-trattament inugwali ddikjarat minnha.

    89

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ aggravju invokat mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha ma jistax jintlaqa’ u, għaldaqstant, dan l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    B – Fuq l-appell ta’ AOI u ta’ SCTC

    90

    Insostenn tal-appell tagħhom, AOI u SCTC iqajmu tliet aggravji bbażati rispettivament fuq il-ksur tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fuq il-ksur tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża u, fl-aħħar nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”), li jistabbilixxi l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament. Fil-każ ta’ annullament, AOI u SCTC jitolbu tnaqqis tal-multa li ġiet imposta fuqhom.

    1. Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003

    91

    L-ewwel aggravju huwa magħmul minn żewġ partijiet ibbażati, fil-każ tal-ewwel waħda, fuq il-fatt li l-kumpanniji parent ta’ WWTE ma kinux f’pożizzjoni, matul l-ewwel perijodu, jiġifieri qabel il-5 ta’ Mejju 1998, li jeżerċitaw influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħhom u, it-tieni parti, fuq il-fatt li s-sentenza appellata ċċaħħad lil AOI u lil SCTC minn ċerti drittijiet fundamentali li huma għandhom.

    a) Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ influwenza determinanti ta’ SCC u ta’ SCTC fuq WWTE

    i) L-argumenti tal-partijiet

    92

    Fl-ewwel lok, AOI u SCTC jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli kkonfermat li, matul l-ewwel perijodu, huma setgħu jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ WWTE. Matul dan il-perijodu, SCC kellha biss, permezz ta’ TCLT, 66 % mill-kapital ta’ WWTE. Id-deċiżjonijiet tal-assemblea ġenerali ta’ din il-kumpannija msemmija l-aħħar setgħu jiġu adottati biss b’maġġoranza li tirrappreżenta 75 % mill-kapital tal-kumpannija.

    93

    AOI u SCTC iqisu li, minkejja li l-kunċett ta’ influwenza determinanti fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40) huwa kunċett negattiv li għaldaqstant jirriżulta meta azzjonist ikollu s-setgħa ta’ imblokk, tali kunċett ma jippermettix li jiġu stabbiliti responsabbiltajiet skont l-Artikolu 81(1) KE, dispożizzjoni li timplika li l-imputazzjoni ta’ responsabbiltajiet tista’ sseħħ biss għal azzjonijiet pożittivi mwettqa mill-kumpannija parent fir-rigward tas-sussidjarji tagħha.

    94

    Barra minn hekk, AOI u SCTC jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ddikjarat li, jekk huma kienu jeżerċitaw effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ WWTE, dan jimplika neċessarjament li huma setgħu jeżerċitaw tali influwenza. Fil-fatt, dawn iż-żewġ kriterji, jiġifieri, minn naħa, dak tal-kapaċità li tiġi eżerċitata influwenza determinanti u, min-naħa l-oħra, dak tal-eżerċizzju effettiv ta’ tali influwenza huma indipendenti wieħed mill-ieħor.

    95

    AOI u SCTC jenfassizaw il-fatt li l-provi prodotti mill-Kummissjoni ma wrewx li SCC tat struzzjonijiet lil WWTE, iżda wrew biss li SCC kienet informata bil-prattiki inkwistjoni. Din l-informazzjoni waħdanija ma tipprovax li SCC eżerċitat jew setgħet teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ WWTE.

    96

    Fl-aħħar nett, AOI u SCTC iqisu li, fin-nuqqas ta’ konstatazzjoni ta’ responsabbiltà in solidum ta’ TCLT, il-kontroll indirett u negattiv eżerċitat fuq WWTE minn SCC ma kienx suffiċjenti sabiex din tinżamm responsabbli għall-aġir ta’ WWTE.

    97

    Fit-tieni lok, AOI u SCTC iqisu li l-Qorti Ġenerali wettqet applikazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ impriża unika. Fil-fehma tagħhom, jekk rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi kienu jgħaqqdu lil WWTE, lil SCC u lill-azzjonist fil-minoranza, l-impriża unika kellha tinkludi lilhom kollha. Peress li SCC ma setgħetx, matul l-ewwel perijodu, teżerċita minnha nfisha influwenza determinanti fuq WWTE, din tal-aħħar u SCC, waħedhom, ma setgħux jitqiesu bħala unità ekonomika unika.

    98

    AOI u SCTC jippreċiżaw li l-Kummissjoni ma semmietx l-influwenza li l-azzjonist fil-minoranza seta’ jeżerċita jew le u li, fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali ma vverifikatx jekk setax jinfluwenza lil WWTE. Għaldaqstant, l-ebda ċirkustanza ma tiġġustifika l-imputazzjoni tar-responsabbiltà esklużiva tal-aġir ta’ WWTE lil SCC.

    99

    Il-Kummissjoni titlob li tiġi miċħuda l-ewwel parti tal-ewwel aggravju. B’mod partikolari, hija ssostni li l-argument ta’ AOI u ta’ SCTS li jipprovdi li, f’każ ta’ kontroll konġunt, ir-responsabbiltà għal ksur tas-sussidjarja għandu jiġi imputat liż-żewġ azzjonisti li jeżerċitaw il-kontroll flimkien ma tqajjimx fl-ewwel istanza u, għaldaqstant, hija tqis li dan l-argument huwa inammissibbli.

    ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    100

    B’mod preliminari, fir-rigward tal-inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-argument imqajjem minn AOI u SCTC, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ impriża unika, dan għandu jiġi miċħud, għaliex huwa jista’ jitqies bħala żvilupp tal-argument espost preċedentement quddiem il-Qorti Ġenerali u li jirreferu għalih il-punti 56 u 57 tas-sentenza appellata.

    101

    Rigward il-mertu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-eżerċizzju ta’ kontroll konġunt, minn żewġ kumpanniji parent indipendenti waħda mill-oħra, fuq is-sussidjarja tagħhom ma jipprekludix, bħala regola ġenerali, il-konstatazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn waħda minn dawn il-kumpanniji u s-sussidjarja inkwistjoni u li dan jgħodd anki jekk din il-kumpannija parent għandha parti mill-kapital li hija inqas minn dik tal-kumpannija parent l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza AceaElectrabel Produzione vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64). Minħabba f’hekk, jagħmel iktar u iktar sens li kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha, li hija nfisha l-kumpannija parent ta’ dik li wettqet ksur, jistgħu t-tnejn li huma jitqiesu li jikkostitwixxu unità ekonomika ma’ din il-kumpannija msemmija l-aħħar.

    102

    Barra minn hekk, kif ġie mfakkar fil-punti 42 sa 44 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni tista’ tindirizza deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent ta’ sussidjarja li ħadet sehem fi ksur tal-Artikolu 81 KE mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment personali ta’ din il-kumpannija parent, sakemm din tal-aħħar teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja.

    103

    Għaldaqstant is-sempliċi fatt li SCC u SCTC ma kinux jeżerċitaw, matul il-perijodu inkwistjoni, kontroll konġunt fuq WWTE ma jipprekludix il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn dawn il-kumpanniji, bil-kundizzjoni li jiġi stabbilit l-eżerċizzju effettiv, minn SCC u SCTC, ta’ influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ WWTE.

    104

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali eżaminat b’mod dettaljat, fil-punti 172 sa 193 tas-sentenza appellata, il-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tikkonkludi, fil-punt 194 tal-istess sentenza, li dawn il-provi jistabbilixxu suffiċjentement fid-dritt l-eżerċizzju effettiv ta’ tali influwenza determinanti.

    105

    Fid-dawl, b’mod partikolari, tal-provi eżaminati fil-punti 182 sa 186 tas-sentenza appellata, li jikkonċernaw l-influwenza eżerċitata minn SCTC fuq WWTE, il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 172 sa 194 tas-sentenza appellata, minn naħa, ma huma vvizzjati bl-ebda żball ta’ liġi u, min-naħa l-oħra, setgħu ġustament iwasslu lill-Qorti Ġenerali, bil-kontra ta’ dak li jallegaw AOI u SCTC, sabiex tikkonstata l-eżerċizzju effettiv ta’ tali influwenza determinanti.

    106

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell ippreżentat minn AOI u SCTC għandha tiġi miċħuda.

    b) Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet fundamentali

    i) L-argumenti tal-partijiet

    107

    AOI u SCTC iqisu li s-sentenza appellata tikser xi wħud mid-drittijiet fundamentali tagħhom, jiġifieri d-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza u l-prinċipji ta’ legalità u ta’ individwalità tar-reati u tal-pieni previsti fl-Artikoli 48 u 49 tal-Karta. Fil-fehma tagħhom, id-dħul fis-seħħ tal-Karta kellu effett dirett f’dan il-każ, peress li l-imsemmija prinċipji issa għandhom l-istess valur bħad-dritt primarju.

    108

    AOI u SCTC isostnu li, skont l-imsemmija drittijiet fundamentali, il-preżunzjoni ta’ ħtija hija bħala regola ġenerali pprojbita u għandha tiġi aċċettata biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Il-Qorti Ġenerali applikat il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinati li tirriżulta mill-proprjetà 100 % tal-azzjonijiet ta’ sussidjarja mingħajr ma kien hemm, f’dan il-każ, ċirkustanzi eċċezzjonali. Barra minn hekk, il-multi li ġew imposti fuqhom huma sostanzjali u mhux minimi.

    109

    Il-Kummissjoni tqis li t-tieni parti tal-ewwel aggravju invokat insostenn tal-appell hija inammissibbli, billi ssostni, b’mod partikolari, li hija tibbaża ruħha fuq argumenti ġodda.

    ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    110

    Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, AOI u SCTC ma qajmux fir-rikors tagħhom fl-ewwel istanza l-argumenti invokati fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell tagħhom.

    111

    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li kieku parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma qajmitx quddiem il-Qorti Ġenerali jkun ifisser li din il-parti tkun qed titħalla tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja bi kwistjoni li tkun usa’ minn dik li fuqha ddeċidiet il-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ appell, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija għaldaqstant limitata għall-eżami tal-evalwazzjoni li l-Qorti Ġenerali tkun għamlet tal-motivi li jkunu ġew diskussi quddiemha (sentenza AceaElectrabel Produzione vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    112

    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

    113

    F’kull każ, l-argument miġbur fil-qasir fil-punt 108 ta’ din is-sentenza huwa infondat, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza.

    114

    Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    2. Fuq it-tieni aggravju tal-appell ippreżentat minn AOI u SCTC, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali

    a) L-argumenti tal-partijiet

    115

    Fl-ewwel lok, AOI u SCTC jallegaw li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom billi ħadet minn rajha, bi ksur tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, argument ġdid ippreżentat mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Ġenerali.

    116

    Fil-fatt, fl-imsemmija risposta, il-Kummissjoni rtirat id-dikjarazzjonijiet preċedenti tagħha li kienu jipprovdu li Universal u Universal Leaf irnexxielhom, waqt il-proċedura amministrattiva, jikkonfutaw il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti li tirriżulta mill-proprjetà 100 % tal-azzjonijiet ta’ Deltafina u affermat, għall-ewwel darba, li hija kienet iddeċidiet li ma tibbażax ruħha esklużivament fuq din il-preżunzjoni, iżda li tistabbilixxi r-responsabbiltà fuq bażi doppja, billi tieħu wkoll inkunsiderazzjoni l-provi supplimentari li hija allegat kienu nieqsa f’dak li jikkonċerna l-kumpanniji parent Universal u Universal Leaf. AOI u SCTC ma kellhomx il-possibbiltà, fin-noti tagħhom, li jirrispondu għall-argument ibbażat fuq l-imsemmija bażi doppja.

    117

    Fit-tieni lok, AOI u SCTC jenfasizzaw li l-Kummissjoni għandha l-obbligu, skont ġurisprudenza stabbilita, li ssegwi r-raġunament li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata u ma tistax tiġġustifika din id-deċiżjoni a posteriori quddiem il-qorti tal-Unjoni. Tali rekwiżit japplika a fortiori għall-Qorti Ġenerali.

    118

    AOI et SCTC josservaw li l-premessi 371 sa 373 tad-deċiżjoni kkontestata ma jinkludu l-ebda riferiment għall-kriterju tal-bażi doppja adottat mill-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant din il-qorti ddeterminat il-metodu allegatament applikat mill-Kummissjoni billi ddeduċiet dan, a posteriori, mill-kuntest ta’ din id-deċiżjoni. Ir-raġunijiet li setgħu wasslu lill-Kummissjoni sabiex tesprimi ruħha b’mod ambigwu fl-imsemmija deċiżjoni ma jippermettux, f’kull każ, lill-Qorti Ġenerali sabiex tissana n-nuqqas fir-raġunament tal-Kummissjoni u lanqas li tirraġuna a posteriori.

    119

    Il-Kummissjoni tqis li t-tieni aggravju tal-appell huwa inammissibbli, għaliex argument ibbażat fuq irregolarità fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali huwa ammissibbli fl-istadju tal-appell biss jekk din l-irregolarità ppreġudikat l-interessi tar-rikorrenti. AOI u SCTC ma stabbilixxewx li l-interessi tagħhom ġew ippreġudikati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa ineffettiv.

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    120

    B’mod preliminari, għandu jiġi miċħud l-argument li permezz tiegħu l-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa inammissibbli. Fil-fatt, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 187 u 188 tal-konklużjonijiet tagħha, l-argumenti invokati minn AOI u SCTC huma bbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża. Tali ksur, jekk kellu jirriżulta li huwa minnu, jista’ jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata.

    121

    Madankollu, fir-rigward tal-mertu, għandu jiġi kkonstatat mill-bidu li, bil-kontra ta’ dak li jallegaw AOI u SCTC, il-Qorti Ġenerali bbażat l-evalwazzjoni tagħha mhux fuq argument ġdid ippreżentat mill-Kummissjoni waqt l-istanza, iżda fuq interpretazzjoni magħmula minnha tad-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrata b’mod globali, kif jirriżulta mill-punti 141 et seq tas-sentenza appellata. B’mod partikolari, mill-punt 147 tal-imsemmija sentenza jirriżulta li d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni waqt l-istanza ma ttiħdux inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali sabiex tikkorrobora l-interpretazzjoni tagħha ta’ din id-deċiżjoni.

    122

    Għaldaqstant, minn naħa, l-argument invokat minn AOI u SCTC li jipprovdi li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx ir-raġunament li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata, iżda li adottat minn rajha argument ġdid ippreżentat mill-Kummissjoni waqt l-istanza għandu jiġi miċħud.

    123

    Min-naħa l-oħra, l-argument ta’ AOI u SCTC ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali huwa, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, ineffettiv. F’kull każ, bil-kontra ta’ dak li huma jallegaw, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li hija intiża sabiex tirrestrinġi s-setgħa diskrezzjonali tal-Qorti Ġenerali, b’tali mod li din tal-aħħar tkun prekluża milli tadotta interpretazzjoni partikolari ta’ deċiżjoni minħabba li l-istess interpretazzjoni ġiet proposta tardivament minn waħda mill-partijiet fil-proċedura. Barra minn hekk, AOI u SCTC kellhom l-opportunità, waqt is-seduta fl-ewwel istanza, li jesprimu ruħhom fuq id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni.

    124

    Għaldaqstant it-tieni aggravju invokat insostenn tal-appell għandu jiġi miċħud.

    3. Fuq it-tielet aggravju tal-appell ta’ AOI u ta’ SCTC, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

    a) L-argumenti tal-partijiet

    125

    Fl-ewwel lok, AOI u SCTC isostnu li l-kriterju bbażat fuq il-bażi doppja, adottat mill-Qorti Ġenerali sabiex tistabbilixxi l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti u timputa b’dan il-mod lill-kumpannija parent ir-responsabbiltà tal-aġir tas-sussidjarji tagħhom ikkontrollati 100 %, jinkludi tliet żbalji ta’ liġi.

    126

    L-ewwel nett, dan il-metodu jagħti lok għal diskriminazzjonijiet bejn il-kumpannija skont kemm huma solidi l-argumenti tagħhom fil-kuntest tar-rikors. Fil-fatt, billi adottat metodu li, għal raġunijiet ta’ prudenza, jiffiltra l-każijiet ta’ konfutazzjoni tal-preżunzjoni inkwistjoni skont id-disponibbiltà tal-provi supplimentari, il-Kummissjoni aġixxiet b’mod spekulattiv u diskriminatorju fil-konfront tal-kumpanniji msemmija fid-deċiżjoni kkontestata meta mqabbla ma’ dawk li ma humiex ikkonċernati minnha.

    127

    It-tieni nett, AOI u SCTC iqisu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni kienet għolliet l-istandard ta’ prova mitlub, peress li l-Qorti Ġenerali ma ddikjaratx li l-Kummissjoni kienet issuġġettat l-applikazzjoni tal-preżunzjoni inkwistjoni għal indizji supplimentari. Għaldaqstant il-Kummissjoni setgħet tapplika din il-preżunzjoni mingħajr ma tuża bażi oħra sabiex tiġġustifika l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti.

    128

    It-tielet nett, AOI u SCTC josservaw li, fil-premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eskludiet ir-responsabbiltà ta’ Universal u ta’ Universal Leaf, għaliex il-proċess ma kien jinkludi l-ebda indikazzjoni tal-parteċipazzjoni materjali ta’ dawn tal-aħħar fil-ksur. Peress li l-Kummissjoni qatt ma affermat li SCC jew SCTC kienu pparteċipaw materjalment fil-ksur imwettaq minn WWTE u billi qieset minkejja dan li huma responsabbli, hija applikat fir-rigward tagħhom kriterji differenti u, għaldaqstant, kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    129

    Fit-tieni lok, AOI u SCTC jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-applikazzjoni tal-metodu ta’ imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur.

    130

    Minn naħa, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina jekk kinitx teżisti unità ekonomika unika bejn Deltafina, Universal u Universal Leaf. Għaldaqstant, skont AOI u SCTC, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tistabbilixxi jekk huma ġewx trattati b’mod diskriminatorju meta mqabbla ma’ dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li Universal kienet informat lill-Kummissjoni li hija kienet issostni d-deċiżjoni ta’ Taes, li hija s-sussidjarja tagħha, li tikkoopera u li żewġ sussidjarji kienu ħadu sehem fil-prattiki, u dan seta’ jindika l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq dawn is-sussidjarji.

    131

    Min-naħa l-oħra, AOI u SCTC isostnu li s-sitwazzjoni ta’ SCC u ta’ SCTC kienet għalkollox simili għal dik ta’ Universal u ta’ Universal Leaf, peress li dawn il-kumpanniji kollha kellhom 100 % tal-azzjonijiet tas-sussidjarji rispettivi tagħhom. Peress li l-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija kienet tikkonċerna lil TCLT, hija kellha tannulla wkoll l-imputazzjoni tar-responsabbiltà lil SCC u lil SCTC sabiex tevita trattament diskriminatorju meta mqabbel ma’ dak adottat fil-konfront ta’ Universal u Universal Leaf.

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    132

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kriterju tal-bażi doppja adottat, skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-kumpanniji parent li s-sussidjarji tagħhom ħadu sehem fl-akkordju msemmi fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali ddeduċiet dan l-approċċ tal-Kummissjoni minn eżami fid-dettall ta’ din id-deċiżjoni u li din id-deċiżjoni ma hija vvizzjata bl-ebda żball ta’ liġi, kif ġie kkonstatat fil-punt 121 ta’ din is-sentenza.

    133

    B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali kellha raġun, bl-interpretazzjoni tagħha, tirrifjuta l-qari tal-premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata fis-sens propost minn AOI u SCTC, jiġifieri li kien minħabba n-nuqqas ta’ provi li jindikaw l-parteċipazzjoni materjali ta’ Universal Leaf u ta’ Universal fil-ksur li l-Kummissjoni ma qisitx lil dawn il-kumpanniji msemmija l-aħħar bħala responsabbli, peress li tali qari jmur kontra qari globali ta’ din id-deċiżjoni, u b’mod partikolari kontra l-premessi 18, 376, 384, 391, 392, 397, 399 u 400 tagħha, eżaminati wkoll mill-Qorti Ġenerali fil-punti 133 et seq tas-sentenza appellata.

    134

    Barra minn hekk, fil-punti 51 u 53 ta’ din is-sentenza ġie kkonstatat li, fid-dawl tad-dubji li l-Kummissjoni kellha fir-rigward tal-legalità ta’ deċiżjoni li tistrieħ biss fuq il-preżunzjoni mhux ikkonfutata ta’ influwenza determinanti, il-Qorti Ġenerali setgħet tiddeċiedi li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni setgħet tiffissa oneru tal-prova iktar rigoruż minn dak li kien jitqies, bħala regola ġenerali, bħala suffiċjenti, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza.

    135

    Għandu jiġi ppreċiżat li l-kriterju tal-bażi doppja użat mill-Qorti Ġenerali huwa kriterju oġġettiv, ladarba jitlob biss provi li jikkonfermaw il-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti mill-kumpannija parent inkwistjoni fuq is-sussidjarja tagħha li tirriżulta mill-proprjetà tal-kapital kollu ta’ din tal-aħħar. Għalhekk, bil-kontra ta’ dak li jallegaw AOI u SCTC, dan il-kriterju ma huwiex ibbażat fuq is-solidità tal-argumenti rispettivi żviluppati mill-kumpanniji msemmija fid-deċiżjoni kkontestata.

    136

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-applikazzjoni fil-każ inkwistjoni tal-kriterju tal-bażi doppja, għandu jiġi osservat li, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali kellha tivverifika jekk kinitx teżisti unità ekonomika bejn Deltafina, Universal u Universal Leaf u li, fil-każ ta’ konstatazzjoni pożittiva f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kellha tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija tikkonċerna lil SCC u SCTC, peress li dawn tal-aħħar ġew ittrattati b’mod diskriminatorju meta mqabbla ma’ Universal u ma’ Universal Leaf.

    137

    Biżżejjed jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Qorti Ġenerali osservat ġustament, fil-punti 141 sa 147 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni applikat l-istess kriterju ġuridiku għall-kumpanniji parent kollha u li, bl-eċċezzjoni tal-każ ta’ TCLT, hija qieset li l-imsemmija kumpanniji kienu jew ma kinux responsabbli skont l-eżistenza ta’ provi li jikkonfermaw il-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti ta’ dawn tal-aħħar li tirriżulta mill-proprjetà, mill-kumpanniji parent, tal-kapital kollha tas-sussidjarji rispettivi tagħhom.

    138

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li ma ġie stabbilit l-ebda ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament minn AOI u SCTC, it-tielet aggravju invokat insostenn tal-appell ta’ dawn tal-aħħar għandu jiġi miċħud.

    4. Fuq it-talba għal tnaqqis tal-multa

    139

    AOI u SCTC iqisu li, fil-każ li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, il-multa imposta fuq AOI u fuq SCTC għandha titnaqqas.

    140

    Peress li, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ma hemmx lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, it-talba għal tnaqqis tal-multa imposta fuq AOI u fuq SCTC, li, barra minn hekk, ma ġietx ippreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali, għandha f’kull każ tiġi rrifjutata.

    141

    Peress li ma jista’ jintlaqa’ l-ebda wieħed mill-aggravji invokati minn AOI u SCTC insostenn tal-appell tagħhom, l-imsemmi appell għandu jiġi miċħud.

    V – Fuq l-ispejjeż

    142

    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

    143

    Peress li l-aggravji ta’ AOI u ta’ SCTC ma ntlaqgħux fil-kuntest tal-appell fil-Kawża C-628/10 P, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

    144

    Peress li l-aggravji tal-Kummissjoni ma ntlaqgħux fil-kuntest tal-appell fil-Kawża C-14/11 P, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell, skont it-talbiet ta’ AOI u ta’ SCTC.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appelli huma miċħuda.

     

    2)

    Alliance One International Inc. u Standard Commercial Tobacco Co. Inc. għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, relatati mal-appell fil-Kawża C-628/10 P.

     

    3)

    Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha, kif ukoll dawk sostnuti minn Alliance One International Inc., minn Standard Commercial Tobacco Co. Inc. u minn Trans-Continental Leaf Tobacco Corp. Ltd, relatati mal-appell fil-Kawża C-14/11 P.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top