EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0564

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tad-29 ta’ Marzu 2012.
Bundesanstalt für Landwirtschaft und Ernährung vs Pfeifer & Langen KG.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht.
Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 — Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 3 u 4 — Miżuri amministrattivi — Irkupru ta’ vantaġġi indebiti — Interessi kumpensatorji u moratorji dovuti skont id-dritt nazzjonali — Applikazzjoni tar-regoli ta’ preskrizzjoni tar-Regolament Nru 2988/95 għall-irkupru ta’ dawn l-interessi moratorji — Dies a quo tal-preskrizzjoni — Kunċett ta’ ‛sospensjoni’ — Kunċett ta’ ‛interruzzjoni’.
Kawża C-564/10.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:190

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

29 ta’ Marzu 2012 ( *1 )

“Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 — Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 3 u 4 — Miżuri amministrattivi — Irkupru ta’ vantaġġi indebiti — Interessi kumpensatorji u moratorji dovuti skont id-dritt nazzjonali — Applikazzjoni tar-regoli ta’ preskrizzjoni tar-Regolament Nru 2988/95 għall-irkupru ta’ dawn l-interessi moratorji — Dies a quo tal-preskrizzjoni — Kunċett ta’ ‘sospensjoni’ — Kunċett ta’ ‘interruzzjoni’”

Fil-Kawża C-564/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Diċembru 2010, fil-proċedura

Bundesanstalt für Landwirtschaft und Ernährung

vs

Pfeifer & Langen KG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Novembru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Bundesanstalt für Landwirtschaft und Ernährung, minn W. Wolski kif ukoll minn B. Messerschmidt u J. Jakubiec, bħala aġenti,

għal Pfeifer & Langen KG, minn D. Ehle u C. Hagemann, avukati,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. von Rintelen u P. Rossi, bħala aġenti.

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Jannar 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċizjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Pfeifer & Langen KG (iktar ’il quddiem “Pfeifer & Langen”) u l-Bundesanstalt für Landwirtschaft und Ernährung (Uffiċċju Federali għall-Agrikoltura u l-alimentazzjoni, iktar ’il quddiem il-“Bundesanstalt) fir-rigward tal-irkupru ta’ krediti tal-interessi relatati ma rimborsi ta’ spejjeż tal-ħażna miksuba indebitament bi ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 2988/95

3

Skont it-tielet premessa tar-Regolament Nru 2988/95, “atti li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Komunità għandhom […] jiġu ribattuti fl-oqsma kollha”.

4

Skont il-ħames premessa tal-imsemmi regolament, “mġiba mhux regolari, u l-miżuri u penalitajiet relatati, hemm provdut dwarhom f’regoli settorjali skond dan ir-Regolament”.

5

L-Artikolu 1 tal-istess regolament jipprovdi:

“1.   Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità.

2.   ‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.”

6

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 jipprovdi:

“1.   Il-perjodu tal-limitazzjoni [it-terminu ta’ preskrizzjoni] għall-proċeduri għandu jkun ta’ erba’ snin minn meta l-irregolarità li ssir msemmija f’Artikolu 1(1) tkun ġiet kommessa. Madankollu, ir-regoli settorjali jistgħu jipprovdu għal perjodu [terminu] iqsar li ma jistax ikun anqas minn tliet snin.

F’każ ta’ irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti, it-terminu tal limitazzjoni għandu jibda jiddekorri mill jum li fih tieqaf l irregolarità. Fil-każ tal-programmi multiannwi, it-terminu tal-limitazzjoni għandu f’kull każ jibqa’ jiddekorri sakemm il-programm jitwaqqaf definittivament.

It-terminu tal-limitazzjoni għandu jiġi interrott bi kwalsiasi att ta’ l-awtorità kompetenti, notifikat lill-persuna in kwestjoni, li jkollha x’taqsam ma’ l-investigazzjoni jew proċeduri legali dwar l-irregolarità. It-terminu għandu jibda jiddekorri mill-ġdid wara kull att li jinterrompih.

[...]

2.   Il-perjodu għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-piena [s-sanzjoni] amministrattiva għandu jkun ta’ tliet snin. Dak il-perjodu għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih id-deċiżjoni ssir finali.

Każijiet ta’ interruzzjoni u sospensjoni għandhom jiġu rregolati permezz tad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi nazzjonali.

L-Istati Membri għandhom iżommu l-possibilità li japplikaw perjodu li jkun itwal minn dak li hemm provdut fil-paragraf[u] 1 […]”.

7

L-Artikolu 4(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b’mod skorrett:

permezz ta’ obbligu li min ikun iħallas jew iħallas lura l-ammonti dovuti jew aċċettati b’mod skorrett,

[...]

2.   L-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun limitata għall-irtirar tal-vantaġġ miksub kif ukoll, fejn ikun hemm hekk provdut, l-imgħax li jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ rata fissa”.

Ir-Regolament(KE) Nru 1258/1999

8

L-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 414), jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom, skond id-disposizzjonijiet nazzjonali stabiliti b’liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva, jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex:

a)

ikunu sodisdfatti illi t-transazzjonijiet iffananzjati mill-[Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG)] ikunu attwalment imwettqa u mwettqa korrettement;

b)

jipprevjienu l-irregolaritajiet u jittrattawhom [jieħdu proċeduri dwarhom];

c)

jirkupraw is-somom mitlufa bħala riżultat ta’ l-irregolaritajiet jew tan-negliġenza.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda għal dawn il-għanijiet u b’mod partikolari dwar l-istat ta’ l-amministrazzjoni u l proċeduri ġudizzjarji.

2.   Fin nuqqas ta’ rkupru totali, il konsegwenzi finanzjarji dwar l-irregolaritajiet jew in-negliġenza għandhom ikunu miġrura mill-Komunità, bl-eċċezzjoni tal-konsegwenzi ta’ l-irregolaritajiet jew in-negliġenza attribwiti lill-awtoritàjiet amministrattivi jew lil korpi oħra fl-Istati Membri.

Is-somom irkuprati għandhom jitħallsu lill-aġenziji akkreditati tal-ħlas u mnaqqsa minnhom (l-aġenziji) min-nefqa ffinanzjati mill-[FAEGG] . L-imgħax fuq is-somom irkuprati jew imħhallsa tard għandu jitħallas lill-[FAEGG].

3.   Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jistabilixxi r-regoli ġenerali sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu.”

Ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005

9

L-Artikolu 32 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ĠU L 286 M, 4.11.2010, p. 1), jipprovdi:

“1.   Is-somom irkuprati wara li tkun seħħet irregolarità jew negliġenza u l-imgħaxijiet fuqhom għandhom jgħaddu lill-aġenzija tal-pagamenti u jiġu rriżervati minnha bħala dħul assenjat lill-[Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG)], fix-xahar li fih il-flus ikunu attwalment riċevuti.

2.   Meta l-baġit tal-Unjoni jkun akkreditat kif imsemmi fl-ewwel paragrafu, l-Istat Membru jista’ jżomm 20 % tal-ammonti korrispondenti bħala spejjeż ta’ rkupru b’rata fissa, ħlief f’każijiet ta’ irregolarità jew negliġenza attribwibbli lill-awtoritajiet amministrattivi tiegħu jew lil korpi uffiċjali oħra.

3.   Meta jintbagħtu l-kontijiet annwali, kif previst fl-Artikolu 8(1)(c) (iii), l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’rapport fil-qosor dwar il-proċeduri ta’ rkupru li twettqu bi tweġiba għall-irregolaritajiet. Dan għandu jagħti analiżi tal-ammonti li jkunu għadhom ma ġewx irkuprati, skont il-proċedura amministrattiva u/jew ġudizzjarja u skont is-sena tas-sejba amministrattiva jew ġudizzjarja tal-irregolarità.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni informazzjoni dettaljata tal-proċeduri ta’ rkupru individwali u tas-somom individwali mhux irkuprati.

[...]”

10

Skont l-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 1290/2005, l-Artikolu 32 ta’ dan ir-regolament għandu jkun applikabbli għall-każijiet ikkomunikati fil-kuntest tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 595/91, tal-4 ta’ Marzu 1991, dwar l-irregolarijatjiet u l-irkupru ta’ somom ta’ flus imħallsa ħażin b’konnessjoni mal-finanzjament tal-politika agrikola komuni u l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ tagħrif f’dan il-qasam u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 283/72 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 171), u li fir-rigward tagħhom ikun għadu ma seħħx l-irkupru totali fis-16 ta’ Ottubbru 2006.

Id-dritt nazzjonali

11

Skont l-Artikolu 6(1)(11) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tal-liġi dwar l-implementazzjoni tal-organizzazzjonijiet komuni tas-suq (Gesetz zur Durchführung der Gemeinsamen Marktorganisationen), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-liġi li temenda dispożizzjonijiet tad-dritt proċedurali amministrattiv (Gesetz zur Änderung verwaltungsverfahrensrechtlicher Vorschriften), tat-2 ta’ Mejju 1996 (BGBl. 1996 I, p. 656, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar l-organizzazzjoni tas-suq”), il-krediti ta’ ħlas lura ta’ vantaġġi speċifiċi, bħal dawk miksuba fil-qasam tal-kumpens tal-ispejjeż tal-ħażna, jiġġeneraw interessi, sa minn meta jinħolqu, b’rata għola bi 3 % mir-rata tal-iskont kurrenti tad-Deutsche Bundesbank, sakemm il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew il-Kummissjoni ma jipprovdux mod ieħor permezz ta’ att legali.

12

Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, skont l-Artikoli 197 u 201 tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż (Bürgerlisches Gesetzbuch, iktar ’il quddiem il-“BGB”), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2001, it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-krediti li jikkonsistu f’arretrati ta’ interessi kien ta’ erba’ snin b’effett mill-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ meta jinħoloq id-dritt għall-dawn l-interessi. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw, b’analoġija, għall-krediti tal-interessi koperti mid-dritt pubbliku.

13

Wara d-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 2002, tal-liġi dwar l-immodernizzar tad-dritt tal-obbligi (Gesetz zur Modernisierung des Schuldrechts), tas-26 ta’ Novembru 2001 (BGBl. 2001 I, p. 3138), l-Artikolu 195 tal-BGB, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sa minn din id-data, jipprovdi li t-terminu ta’ preskrizzjoni normali għall-krediti ta’ arretrati tal-interessi huwa ta’ tliet snin filwaqt li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin baqa’ applikabbli fir-rigward tal-imsemmija krediti ta’ qabel l-1 ta’ Jannar 2002.

14

Skont l-Artikolu 217 tal-BGB, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2001, “[j]ekk ikun hemm interruzzjoni tal-preskrizzjoni, iż-żmien li jgħaddi sal-interruzzjoni ma jitteħidx inkunsiderazzjoni; perijodu ta’ preskrizzjoni ġdid jista’ jibda jiddekorri biss sa mit-tmiem tal-interruzzjoni”.

15

Skont l-Artikolu 53(1) tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva (Verwaltungsverfahrensgesetz), fil-verżjoni tiegħu applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2001, “[a]tt amministrattiv li jiġi adottat sabiex jiġi stabbilit id-dritt ta’ individwu rregolat mid-dritt pubbliku jinterrompi l-preskrizzjoni ta’ dan id-dritt. Din l-interruzzjoni tkompli għaddejja sakemm l-att amministrattiv ma jkunx iktar jista’ jiġi kkontestat jew sakemm il-proċedura amministrattiva li abbażi tagħha dan l-att ġie adottat tkun intemmet b’xi mod ieħor. L-Artikoli 212 u 217 tal-[BGB, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2001,] huma applikabbli b’analoġija”.

16

Fil-verżjoni tiegħu applikabbli sa mill-1 ta’ Jannar 2002, l-imsemmi Artikolu 53(1) jipprovdi li “[a]tt amministrattiv li jiġi adottat sabiex jiġi kkonstatat jew stabbilit id-dritt ta’ individwu rregolat mid-dritt pubbliku jissospendi l-preskrizzjoni ta’ dan id-dritt. Din is-sospensjoni tintemm meta l-att amministrattiv ma jkunx iktar jista’ jiġi kkontestat jew sitt xhur wara li l-eżekuzzjoni tiegħu tkun twettqet b’xi mod ieħor”.

17

L-Artikolu 80(1) tal-Kodiċi tal-proċedura Amministrattiva (Verwaltungsgerichtsordnung) jipprovdi li “[l]-kontestazzjoni u r-rikors għal annullament għandhom effett li jissospendu”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

Fis-snin tas-suq taz-zokkor 1994/95, 1995/96 u 1996/97, Pfeifer & Langen ibbenefikat, fuq talba tagħha stess, minn rimborsi tal-ispejjeż tal-ħażna taz-zokkor, kif previsti fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1785/81, tat-30 ta’ Ġunju 1981, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU 1981 L 177, p. 4), għad-dħul fil-ħażna taz-zokkor fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq.

19

Permezz ta’ tliet deċiżjonijiet tat-30 ta’ Jannar 2003, il-Bundesanstalt iddeċieda li kien hemm lok li r-rimborsi għall-ispejjeż tal-ħażna inkwistjoni jiġu rkuprati minħabba li, fl-applikazzjonijiet tagħha, Pfeifer & Langen kienet iddikjarat kwantitajiet eċċessivi ta’ zokkor. Barra minn hekk, dawn id-deċiżjonijiet ikkonstataw li l-ammonti li fir-rigward tagħhom intalab il-ħlas lura għandhom jipproduċu l-interessi u li atti sussegwenti għandhom jiffissaw l-ammont preċiż tal-interessi dovuti.

20

Pfeifer & Langen ikkontestat l-imsemmija deċiżjonijiet. Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-10 ta’ Ottubru 2006, il-Bundesanstalt naqqas l-ammonti li għandhom jiġu mħallsa lura, iżda ċaħad il-kumplament tal-kontestazzjonijiet.

21

Pfeifer & Langen ippreżentat rikors għall-annullament parzjali tad-deċiżjonijiet fuq il-kontestazzjonijiet tagħha, iżda, sa llum għadha ma ngħatatx deċiżjoni dwar dawn ir-rikorsi.

22

Id-deċiżjonijiet fuq il-kontestazzjonijiet magħmula minn Pfeifer & Langen saru definittivi fir-rigward tal-ammont li ma ġiex ikkontestat quddiem qorti, jiġifieri EUR 469 421.12, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ħallset fil-15 ta’ Novembru 2006.

23

Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ April 2007, il-Bundesanstalt ikkonstata li interessi kienu dovuti fuq din is-somma u għalhekk talab lil Pfeifer & Langen iħallsu interessi li jammontaw għal EUR 298 650.93.

24

Din tal-aħħar ikkontestat din id-deċiżjoni, b’mod partikolari billi sostniet li l-krediti tal-interessi kienu parzjalment preskritti.

25

Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007 dwar l-imsemmija kontestazzjoni, il-Bundesanstalt laqa’ parzjalment din il-kontestazzjoni sa fejn din kienet tirrigwarda l-krediti tal-interessi għas-snin 1997 u 1998. Dan l-uffiċċju federali kkunsidra li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin, previst mid-dritt nazzjonali, kien applikabbli għal dawn il-krediti b’tali mod li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li jordnaw l-irkupru tar-rimborsi tal-ispejjeż tal-ħażna, jiġifieri fit-30 ta’ Jannar 2003, l-imsemmija krediti kienu preskritti. Madankollu, fir-rigward tal-krediti tal-interessi ta’ wara l-31 ta’ Diċembru 1998, li jammontaw għal EUR 237 644.17, il-Bundesanstalt ikkunsidra li dawn il-krediti tal-interessi li nħolqu matul is-snin li ġew wara ma kinux preskritti, b’mod partikolari għaliex l-imsemmija deċiżjonijiet tat-30 ta’ Jannar 2003 kienu interrompew it-terminu ta’ preskrizzjoni. Konsegwentement, il-kontestazzjoni ta’ Pfeifer & Langen ġiet miċħuda fir-rigward tal-krediti tal-interessi msemmija l-aħħar.

26

Fl-14 ta’ Novembru 2007 Pfeifer & Langen ippreżentat rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Köln intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007 dwar il-kontestazzjoni tagħha, sa fejn din tikkonċerna l-krediti tal-interessi li jirrigwardaw il-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 1999 u l-31 ta’ Diċembru 2002, u li jammontaw għal EUR 119 984.27. Fir-rigward tal-krediti tal-interessi li nħolqu matul is-snin li ġew wara, dawn ġew imħallsa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

27

Permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Novembru 2009, il-Verwaltungsgericht Köln annullat l-imsemmija deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007 fir-rigward tal-ammont li kien is-suġġett tar-rikors. Fil-fatt, din il-qorti kkunsidrat li, skont l-Artikolu 14 tal-liġi dwar l-organizzazzjoni tas-suq, il-krediti marbuta mar-rimborsi ta’ vantaġġi speċifiċi jipproduċu interessi sa mid-data ta’ meta jinħolqu. Issa, skont l-imsemmija qorti, il-kreditu tal-interessi moratorji inkwistjoni nħoloq biss min-notifika tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2003, jiġifieri fil-31 ta’ Jannar 2003, b’tali mod li ma jeżistix obbligu li jiġu mħallsa interessi għall-perijodu ta’ qabel din id-data.

28

Il-Bundesanstalt appella din is-sentenza “fuq punt ta’ liġi” quddiem il-Bundesverwaltungsgericht sabiex ir-rikors ta’ Pfeifer & Langen jiġi miċħud.

29

Il-Bundesverwaltungsgericht tikkondividi l-opinjoni tal-Verwaltungsgericht Köln li tgħid li, fil-kawża prinċipali, l-obbligu li l-ammonti li jikkorrispondu għal vantaġġi miksuba indebitament mill-baġit tal-Unjoni jkunu akkompanjati minn interessi moratorji huwa rregolat mid-dritt nazzjonali, f’dan il-każ mill-Artikolu 14 tal-liġi dwar l-organizzazzjoni tas-suq, sa fejn tali obbligu ma huwa previst minn ebda leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli għas-settur taz-zokkor.

30

Madankollu, il-Bundesverwaltungsgericht tikkunsidra li l-Verwaltungsgericht Köln interpretat b’mod żbaljat dan l-Artikolu 14. Fil-fatt, skont il-Bundesverwaltungsgericht, il-krediti relatati ma’ rimborsi ta’ vantaġġi miksuba indebitament effettivament jipproduċu interessi sa mill-ħolqien tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-qorti tikkunsidra li, sa fejn l-għan tad-deċiżjonijiet tat-30 ta’ Jannar 2003 huwa l-irtirar b’effett retroattiv tal-vantaġġ indebitu, effettivament huma dovuti interessi fuq il-perijodi preċedenti għal dawn id-deċiżjonijiet.

31

L-imsemmija qorti tikkonkludi li l-krediti tal-interessi inkwistjoni ma humiex preskritti, peress li, skont l-Artikolu 53(1) tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva, fil-verżjoni tagħha applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2002, it-terminu ta’ preskrizzjoni ġie sospiż bl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru tat-30 ta’ Jannar 2003. Madankollu, hija tqis li l-eventwali applikazzjoni tar-regoli ta’ preskrizzjoni previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95, inklużi dawk dwar id-dies a quo u l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni, jista’ jkollha effett fuq is-sens li fih hija tiddeċiedi l-appell “fuq punt ta’ liġi”.

32

Id-dubji tal-qorti dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali joriġinaw prinċipalment mill-fatt li l-Bundesfinanzhof ikkunsidra, f’kawża li kienet tirrigwarda ħlas lura fuq l-esportazzjoni, li l-Artikolu 3 huwa applikabbli għall-preskrizzjoni ta’ interessi marbuta mal-ħlas lura ta’ vantaġġi miksuba indebitament fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament.

33

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li tali interruzzjoni ma għandhiex neċessarjament tipprevali u li, peress li dan l-Artikolu 4(2) ma jipprekludix li fid-dritt nazzjonali jiġi previst obbligu li jinġabru interessi fil-każ fejn il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma pprovdietx jew għadha ma pprovdietx tali obbligu, jista’ jkun loġiku li krediti tal-interessi li huma imposti mid-dritt nazzjonali jkunu wkoll irregolati minn dan id-dritt nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-preskrizzjoni tagħhom. Barra minn hekk, din il-qorti tosserva li, li kieku r-regoli tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 kienu applikabbli għal tali krediti tal-interessi, allura jkun hemm ċerta diffikultà sabiex jiġi applikat il-prinċipju li jgħid li l-preskrizzjoni tibda’ tiddekorri mill-“irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, peress li, fir-rigward tal-krediti tal-interessi, dawn ma jinħolqux meta titwettaq l-irregolarità iżda matul iż-żmien li jiġi wara din l-irregolarità.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 3 tar-[Regolament Nru 2988/95] japplika wkoll għat-terminu ta’ limitazzjoni [preskrizzjoni] ta’ krediti ta’ interessi dovuti skont id-dritt nazzjonali b’żieda mar-rimbors [rimborż] tal-vantaġġ miksub fuq il-bażi ta’ irregolarità?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv:

2)

It-tqabbil tat-termini meħtieġ skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament [Nru 2988/95] jipprevedi biss it-tul tat-terminu jew għandu jinkludi wkoll dispożizzjonijet nazzjonali li jipposponu l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu, mingħajr il-ħtieġa ta’ ċirkustanzi oħra, għat-tmiem tas-sena kalendarja li matulha jinħoloq il-kreditu (tal-interessi)?

3)

It-terminu ta’ limitazzjoni, inkluż dak għal krediti tal-interessi, jibda jiddekorri mill-mument li fih issir irregolarità jew, rispettivament, mill-waqfien tal-irregolarità kontinwa jew ripetuta, anki meta l-krediti tal-interessi jirrigwardaw biss perijodi sussegwenti u, għalhekk, jinħolqu biss iktar tard? Fil-każ ta’ irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti, il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ limitazzjoni huwa wkoll pospost taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament [Nru 2988/95], fir-rigward ta’ krediti tal-interessi, sal-mument tat-tmiem tal-irregolarità?

4)

F’liema mument jieqaf [jispiċċa] l-effett ta’ interruzzjoni ta’ att tal-awtorità kompetenti skont it-tieni sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament [Nru 2988/95], li fuq il-bażi tiegħu ġie kkonstatat il-kreditu inkwistjoni (f’dan il-każ, il-kreditu tal-interessi)?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

35

Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ preskrizzjoni li huwa jipprovdi huwa applikabbli mhux biss għall-irkupru tal-kreditu prinċipali, li jikkorrispondi għar-rimbors ta’ vantaġġ miksub indebitament mill-baġit tal-Unjoni, iżda wkoll għall-irkupru tal-interessi prodotti minn dan il-kreditu, anki meta dawn l-interessi ma humiex dovuti skont d-dritt tal-Unjoni iżda huma dovuti abbażi ta’ obbligu li joriġina biss mid-dritt nazzjonali.

36

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jintroduċi “regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità”, u dan, kif jirriżulta mit-tielet premessa ta’ dan ir-regolament, sabiex “atti li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Komunità […] jiġu ribattuti fl-oqsma kollha”.

37

Billi adotta r-Regolament Nru 2988/95 u, b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi regola ġenerali ta’ preskrizzjoni applikabbli f’dan il-qasam u li permezz tagħha huwa kellu l-intenzjoni, minn naħa, li jiddefinixxi terminu minimu applikat fl-Istati Membri kollha u, min-naħa l-oħra, li jirrinunzja għall-possibbiltà li sommom miksuba indebitament mill-baġit tal-Unjoni jiġu rkuprati wara li jkunu għadda perijodu ta’ erba’ snin mit-twettieq tal-irregolarità li affettwat il-ħlasijiet kontenzjużi (sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, Corman, C-131/10, Ġabra p. I-14199, punt 39, tal-5 ta’ Mejju 2011, Ze Fu Fleischhandel u Vion Trading, C-201/10 u C-202/10, Ġabra p. I-3545, punt 24, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2011, Chambre de commerce et d’industrie de l’Indre, C-465/10, Ġabra p. I-14081, punt 52).

38

Fir-rigward tar-rimborsi tal-ispejjeż tal-ħażna miksuba indebitament mill-benefiċjarju, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1258/1999 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom, fil-kuntest tal-politika agrikola komuni, jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u, b’mod partikolari, sabiex jirkupraw is-sommom mitlufa minħabba irregolaritajiet jew negliġenzi.

39

Ir-regola tal-preskrizzjoni wara erba’ snin prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 hija, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni settorjali li tipprovdi mod ieħor, applikabbli għall-irregolaritajiet, imsemmija fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, li jikkawżaw dannu għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni (ara s-sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2004, Handlbauer, C-278/02, Ġabra p. I-6171, punt 34, kif ukoll tad-29 ta’ Jannar 2009, Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et, C-278/07 sa C-280/07, Ġabra p. I-457, punt 22).

40

Għalhekk, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet dwar sistema ta’ preskrizzjoni applikabbli f’dan il-qasam kemm fir-Regolament Nru 1258/1999 kif ukoll fir-Regolament Nru 1785/81, l-irkupru ta’ rimborsi tal-ispejjeż tal-ħażna miksuba indebitament jista’, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 u fl-assenza ta’ att li jissospendi, jaqa’ fi preskrizzjoni wara li jkunu għaddew erba’ snin mit-twettieq tal-irregolarità, madankollu dejjem sakemm l-Istat Membru ta’ fejn twettqu l-irregolaritajiet ma jkunx uża l-possibbiltà, offruta lilu mill-Artikolu 3(3) tal-imsemmi regolament, li jipprovdi għal terminu ta’ preskrizzjoni itwal (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et, punt 36, kif ukoll Corman, punt 48).

41

Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 2988/95 jipprovdi li l-irtirar tal-vantaġġ miksub indebitament jista’ wkoll jiġi miżjud, jekk ikun hemm hekk ipprovdut, b’interessi li jistgħu jiġu ddeterminati abbażi ta’ rata fissa.

42

Il-ġbir ta’ tali interessi, flimkien mal-ġbir tal-kreditu prinċipali kostitwit mill-vantaġġ miksub indebitu mill-baġit tal-Unjoni, jista’ jkun previst minn leġiżlazzjoni settorjali tal-Unjoni. Tali kien il-każ, pereżempju, tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999, tal-15 ta’ April 1999, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 129), kif ukoll tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1957/69, tat-30 ta’ Settembru 1969, dwar regoli dettaljati addizzjonali għall-għoti ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni fis-settur tal-prodotti suġġetti għas-sistema ta’ prezz uniku (ĠU L 250, p. 1).

43

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rimborsi tal-ispejjeż tal-ħażna indebitament miksuba, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, la r-Regolament Nru 1258/1999 u lanqas ir-Regolament Nru 1785/81 ma jipprovdu li l-irkupru ta’ dawn ir-rimborsi, meta dawn ikunu nkisbu indebitament, għandu jkun akkompanjat mill-impożizzjoni ta’ interessi.

44

Fil-fatt, għalkemm huwa ċertament minnu li l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1258/1999 u l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 1290/2005 jipprovdu li l-interessi relatati mas-sommom irkuprati minħabba irregolarità jew negliġenza għandhom jitħallsu lill-aġenziji tal-ħlas u miżjud minn dawn tal-aħħar mad-dħul magħmul, rispettivament, mill-FAEGG jew mill-FAEG, fix-xahar ta’ meta dawn jiġu effettivament imħallsa. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet, li jinvolvu biss sempliċi regola dwar kif dan id-dħul għandu jiġi allokat fil-baġit, ma jimponux fuq l-Istati Membri l-obbligu li jeżiġu interessi fuq tali somom irkuprati meta dawn ikunu jikkonċernaw rimborsi ta’ spejjeż tal-ħażna.

45

Konsegwentement, fil-kawża prinċipali, tqum il-kwistjoni ta’ jekk, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni settorjali li tipprovdi għall-irkupru ta’ interessi, id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 2988/95, jipprekludix lil Stat Membru milli jimplementa obbligu previst mid-dritt nazzjonali tiegħu li jeżiġi mhux biss l-irkupru tal-vantaġġ miksub indebitament mill-baġit tal-Unjoni iżda wkoll dak tal-imsemmija interessi u, fil-każ li r-risposta tkun waħda negattiva, jekk l-irkupru tal-kreditu kompost minn tali interessi għandux jiġi suġġett għat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jew jekk jibqax irregolat mid-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru.

46

F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-prinċipju nnifsu tal-impożizzjoni tal-interessi previst mid-dritt nazzjonali f’sitwazzjoni fejn id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdix għall-impożizzjoni ta’ tali interessi, diġà ġie deċiż li huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li Stat Membru, meta jirkupra vantaġġ miksub indebitament mill-baġit tal-Unjoni, jirkupra l-interessi skont id-dritt nazzjonali tiegħu u li, fl-assenza ta’ regoli li jipprovdu li l-interessi għandhom jitħallsu fil-fondi tal-Komunita, li jżid dawn l-interessi mal-baġit tiegħu stess (ara s-sentenza tas-6 ta’ Mejju 1982, Fromme, 54/81, Ġabra p. 1449, punt 8).

47

Ma jistax ikun mod ieħor meta dawn l-interessi, li l-ġbir tagħhom ma huwiex impost mid-dritt tal-Unjoni, jitħallsu lura, fil-kuntest tal-miżuri ffinanzjati mill-FAEG, fil-baġit tal-Unjoni. Għalhekk, f’sitwazzjoni bħal din, li hija l-istess bħal dik tal-kawża prinċipali, id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 2988/95, ma jipprekludix lill-Istati Membri milli fid-dritt nazzjonali tagħhom jipprovdu l-irkupru tal-interessi moratorji u/jew kumpensatorji minbarra l-irkupru tal-vantaġġi miksuba indebitament mill-baġit tal-Unjoni, interessi li, fil-kuntest tal-miżuri ffinanzjati mill-FAEG, jitħallsu lura fil-baġit tal-Unjoni.

48

F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, il-metodi u l-kundizzjonijiet tal-ġbir ta’ tali interessi, f’sitwazzjoni fejn, bħal fil-kawża prinċipali, minbarra l-irkupru tal-vantaġġ finanzjarju miksub indebitament mill-baġit tal-Unjoni, id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru jistabbilixxi wkoll kreditu tal-interessi, huwa dan l-istess dritt nazzjonali li għandu jipprovdi tali metodi u tali kundizzjonijiet applikabbli għall-irkupru ta’ dawn l-interessi, li huwa sekondarju meta mqabbel mal-irkupru tas-somom miksuba indebitament (ara s-sentenza tal-21 ta’ Mejju 1976, Roquette frères vs Il-Kummissjoni, 26/74, Ġabra. p. 677, punt 12).

49

Għalhekk, fl-assenza f’dan ir-rigward ta’ dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni settorjali applikabbli f’dan il-qasam, huwa għal-darb’oħra l-imsemmi Stat Membru li għandu jiddefinixxi u jimplementa s-sistema ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-irkupru ta’ tali kreditu tal-interessi previst mid-dritt nazzjonali tiegħu u kkunsidrat minn dan id-dritt bħala kreditu awtonomu meta mqabbel mal-vantaġġ miksub indebitament mill-baġit tal-Unjoni li l-irkupru tiegħu jibqa’, min-naħa tiegħu, irregolat mir-regoli tal-preskrizzjoni u mid-derogi previsti mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95.

50

F’dan ir-rigward, għalkemm l-irkupru ta’ vantaġġ miksub indebitament mill-baġit tal-Unjoni jaqa’ taħt is-sistema ta’ preskrizzjoni prevista mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95, madankollu la mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas mill-istruttura ta’ dan ir-regolament ma jirriżulta li din is-sistema hija intiża li tirregola l-irkupru tal-kreditu tal-interessi meta, bħal fil-każ tal-kawża prinċipali, huwa f’kull każ id-dritt nazzjonali, u mhux leġiżlazzjoni settorjali, li jimponi l-irkupru ta’ dan il-kreditu tal-interessi.

51

Madankollu, fid-dawl tal-karattru sekondarju tal-imsemmi kreditu tal-interessi, huwa ma jistax jiġi rkuprat jekk, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 jew skont leġiżlazzjoni settorjali tal-Unjoni, il-kreditu prinċipali, jiġifieri l-vantaġġ miksub indebitament mill-baġit tal-Unjoni, ikun, huwa nnifsu, preskritt.

52

Barra minn hekk, peress li skont l-Artikolu 325 TFUE, l-Istati Membri huma obbligati li jadottaw l-istess miżuri sabiex jiġġieldu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħal dawk li huma jadottaw sabiex jiġġieldu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tagħhom stess, dawn l-Istati Membri huma obbligati, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni u meta d-dritt nazzjonali tagħhom jipprovdi għall-impożizzjoni ta’ interessi fil-kuntest tal-irkupru ta’ vantaġġi tal-istess tip miksuba indebitament mill-baġit nazzjonali tagħhom, li b’mod analogu jimponu interessi matul l-irkupru ta’ vantaġġi miksuba indebitament mill-baġit tal-Unjoni, b’mod partikolari meta, bil-kontra tas-sitwazzjoni li kienet teżisti fil-kwistjoni li tat lok għas-sentenza Fromme, iċċitata iktar ’il-fuq, is-sommom miġbura abbażi ta’ dawn l-interessi, li l-irkupru tagħhom huwa impost mid-dritt nazzjonali, jiġu finalment imħallsa lura fil-baġit tal-Unjoni.

53

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ preskrizzjoni li huwa jipprovdi għall-irkupru tal-kreditu prinċipali, li jikkorrispondi għar-rimbors ta’ vantaġġ miksub indebitament mill-baġit tal-Unjoni, ma huwiex applikabbli għall-irkupru tal-interessi li jinħolqu minn dan il-kreditu, meta dawn l-interessi ma humiex dovuti abbażi tad-dritt tal-Unjoni iżda abbażi ta’ obbligu li joriġina biss mid-dritt nazzjonali.

Fuq it-tieni u r-raba ' domanda

54

It-tieni u r-raba’ domanda saru b’mod sussidjarju fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun waħda affermattiva.

55

Konsegwentement, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għar-raba’ domanda.

Fuq l-ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi,

Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ preskrizzjoni li huwa jipprovdi għall-irkupru tal-kreditu prinċipali, li jikkorrispondi għar-rimbors ta’ vantaġġ miksub indebitament mill-baġit tal-Unjoni, ma huwiex applikabbli għall-irkupru tal-interessi li jinħolqu minn dan il-kreditu, meta dawn l-interessi ma humiex dovuti abbażi tad-dritt tal-Unjoni iżda abbażi ta’ obbligu li joriġina biss mid-dritt nazzjonali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top