Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0552

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-22 ta' Novembru 2012.
Usha Martin Ltd vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell - Dumping -Regolament (KE) Nru 121/2006 - Importazzjonijiet ta’ kejbils tal-azzar li joriġinaw, fost l-oħrajn, mill-Indja - Deċiżjoni 2006/38/KE - Regolament (KE) Nru 384/96 - Artikolu 8(9) - Impenji offruti fil-kuntest ta’ proċeduri antidumping.
Kawża C-552/10 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:736

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

22 ta’ Novembru 2012 ( *1 )

“Appell — Dumping — Regolament (KE) Nru 121/2006 — Importazzjonijiet ta’ kejbils tal-azzar li joriġinaw, fost l-oħrajn, mill-Indja — Deċiżjoni 2006/38/KE — Regolament (KE) Nru 384/96 — Artikolu 8(9) — Impenji offruti fil-kuntest ta’ proċeduri antidumping”

Fil-Kawża C-552/10 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fid-19 ta’ Novembru 2010,

Usha Martin Ltd, stabbilita f’Kolkata (l-Indja), irrappreżentata minn V. Akritidis u E. Petritsi, dikigoroï, kif ukoll minn F. Crespo, avukat,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn B. Driessen, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch, avukat, u minn N. Chesaites, barrister,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Scharf u S. Thomas, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts, G. Arestis (Relatur) u J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Mejju 2012,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Usha Martin Ltd titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ Settembru 2010, fil-kawża Usha Martin vs Il-Kunsill vs Il-Kummissjoni (T-119/06, Ġabra p. II-4335, iktar ’il quddiem, is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħha intiż li jannulla, minn naħa, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-22 ta’ Diċembru 2005, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/572/KE li taċċetta impenji offruti f’dak li għandu x’jaqsam ma’ proċedimenti antidumping rigward importazzjonijiet ta’ ħbula tal-wajer tal-azzar u kejbils li joriġinaw, inter alia, mill-Indja (ĠU L 118 M, 8.5.2007, p. 97, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 121/2006, tat-23 ta’ Jannar 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1858/2005 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ wajer tal-azzar u kejbils li joriġinaw, inter alia, mill-Indja (ĠU L 22, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-applikazzjoni ta’ miżuri antidumping mill-Unjoni Ewropea jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004, tat-8 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 150, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”).

3

L-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku, intitolat “L-attivitajiet [L-impenji]”, jipprovdi fil-paragrafi 1, 7 u 9 tiegħu :

“1.   Bil-kondizzjoni li tkun saret determinazzjoni provviżorja affermattiva ta’ dumping u ta’ ħsara, il-Kummissjoni tista’ taċċetta offerti ta’ garanziji volontarji sodisfaċenti sottomessi minn esportatur biex jirrevedi l-prezzijiet tiegħu jew biex iwaqqaf l-esportazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ prezzijiet bid-dumping, jekk, wara konsultazzjoni speċifika mal-Kumitat Konsultattiv, tkun sodisfatta li b’hekk jiġi eliminat l-effett ta’ ħsara li jġib miegħu d-dumping. F’każ bħal dan u sakemm jibqu jseħħu dawk il-garanziji, id-dażji provviżorji imposti mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 7(1) jew id-dazji definittivi imposti mill-Kunsill skond l-Artikolu 9(4) kif ikun il-każ ma għandhomx jgħoddu għall-importazzjonijiet rilevanti tal-prodott in kwistjoni manifatturat mill-kumpanniji msemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li taċċetta garanziji, kif sussegwentement emendata. Iż-żidiet fil-prezzijiet taħt dawn il-garanziji ma għandhomx ikunu ogħla milli jkun neċessarju biex jiġi eliminat il-marġni tad-dumping u għandhom ikunu anqas mill-marġni tad-dumping jekk dawk iż-żidiet ikunu adegwati għat-tneħħija tal-ħsara lill-industrija Komunitarja.

[...]

7.   Il-Kummissjoni għandha titlob minn kwalunkwe esportatur li mingħandu jkun ġie aċċettat xogħol li jipprovdi, perjodikament, informazzjoni rilevanti biex iseħħ xogħol bħal dan u biex jippermetti verifika ta’ data pertinenti. Nuqqas ta’ konformità ma’ ħtiġiet bħal dawn għandha tiġi meqjusa bħala ksur ta’ l-attività.

[...]

9.   Fil-każ ta’ ksur jew irtirar ta’ garanziji minn xi parti f’dawk il-garanziji, jew fil-każ ta’ l-irtirar ta’ l-aċċettazzjoni tal-garanzija mill-Kummissjoni, l-aċċettazzjoni tal-garanzija tista’, wara konsultazzjoni, tiġi rtirata b’Deċiżjoni tal-Kummissjoni jew Regolament tal-Kummissjoni, kif ikun xieraq, u d-dazju provviżorju li jkun ġie impost mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 7 jew id-dazji definittiv li jkun ġie impost mill-Kunsill skond l-Artikolu 9(4) għandu jgħodd awtomatikament, sakemm l-esportatur interessat ikun ingħata, ħlief fejn hu stess ikun irtira l-garanzija, opportunità biex jikkummenta.

Kull parti interessata jew Stat Membru jistgħu jissottomettu informazzjoni li prima facie hi prova ta’ ksur ta’ garanzija. Il-valutazzjoni sussegwenti jekk ikunx sar ksur ta’ garanzija normalment tintemm fi żmien sitt xhur, iżda f’ebda każ f’aktar minn disa’ xhur wara talba debitament sostanzjata. Il-Kummissjoni tista’ titlob l-assistenza ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri fil-monitoraġġ fuq il-garanziji.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

4

L-isfond tal-kawża huwa espost fil-punti 2 u 19 tas-sentenza appellata kif provdut:

“2

Ir-rikorrenti, Usha Martin Ltd, hija kumpannija rregolata bid-dritt Indjan li tipproduċi kejbils tal-azzar u li tesportahom, b’mod partikolari, lejn l-Unjoni Ewropea. Ir-rikorrenti u l-kumpannija Wolf ħolqu impriża komuni Brunton Wolf Wire & amp; Ropes, li hija stabbilita fid-Dubai (l-Emirati Għarab Magħquda). Brunton Wolf Wire & amp; Ropes tipproduċi wkoll kejbils tal-azzar li hija tesporta lejn l-Unjoni.

3

Fit-12 ta’ Awwissu 1999, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1796/1999, li jimponi dazju definitiv antidumping, u li jiġbor b’mod definitittiv id-dazju proviżorju impost, fuq importazzjoni ta’ ħbula u kejbils tal-azzar ġejjin mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, l-Ungerija, l-Indja, l-Messiku, il-Polonja, l-Afrika t’Isfel u l-Ukrajna u li jtemm il-proċeduri legali kontra antidumping minn importazzjonijiet ġejjin mir-Repubblika tal-Korea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 32, p. 106).

[…]

5

Ir-rata individwali ta’ dazju antidumping imposta fuq ir-rikorrenti fil-premessa 86 tar-Regolament Nru 1796/1999, kif ukoll fl-Artikolu 1(2) tiegħu, kienet ta’ 23.8 %. Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1796/1999, il-kejbils tal-azzar esportati mill-kumpanniji li offrew impenji aċċettati mill-Kummissjoni Ewropea, fosthom ir-rikorrenti, huma eżenti mid-dazju antidumping inkwistjoni.

6

Fl-impenn tagħha offert skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku, ir-rikorrenti ntrabtet b’mod partikolari li tosserva l-prezzijiet minimi ffissati għall-esportazzjonijet ta’ kejbils tal-azzar lejn l-Unjoni sabiex b’hekk tiġi żgurata l-eliminazzjoni tal-effetti dannużi tad-dumping.

7

Ir-rikorrenti ntrabtet ukoll li kull bejgħ tal-prodott ikkonċernat ikollu fattura konformi mal-impenn (iktar ’il quddiem il-“fattura konformi”), jiġifieri li jkun fiha l-informazzjoni deskritta fl-Anness VI tal-impenn (punt 4.1 tal-impenn). Skont il-punt 4.2 tal-impenn, ir-rikorrenti ntrabet li ma toħroġx fatturi konformi għal “prodotti mhux koperti mill-impenn”. Skont il-punt 4.3 tal-impenn, ir-rikorrenti “hija konxja tal-fatt li, jekk jinstab li hija ħarġet fatturi konformi li ma josservawx il-klawżoli [tal-imsemmi] impenn, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tiddikjara li d-dikjarazzjoni ta’ konformità mwettqa [minnha] fuq il-fattura inkwistjoni hija invalida u li tinforma konsegwentement lill-awtoritajiet doganali kompetenti tal-Istati Membri, u dan bla ħsara għall-possibbiltà tal-istituzzjonijiet Komunitarji li jieħdu kull miżura prevista [fil-punt] 8 [tal-imsemmi] impenn”.

8

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ntrabtet li tinforma, kull tliet xhur, lill-Kummissjoni, f’rapporti ddettaljati u skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa, bil-bejgħ kollu tagħha ta’ kejbils tal-azzar fl-Unjoni, inkluż dak tal-kejbils tal-azzar mhux koperti mill-impenn, u li tikkoopera mal-Kummissjoni billi tipprovdilha kull informazzjoni meqjusa neċessarja minnha sabiex tiżgura l-osservanza tal-impenn (punt 5 u l-Annessi II, III, IV u V tal-impenn).

9

Barra minn hekk, skont il-punt 6 tal-impenn, ir-rikorrenti għandha l-obbligu li ma taħrabx mid-dipożizzjonijiet tal-impenn billi, pereżempju, ma tikkonkludix direttament jew indirettament arranġamenti għal kumpens ma’ klijenti fl-Unjoni.

10

Fl-aħħar, il-punt 8 tal-impenn, intitolat “Ksur jew irtirar”, jipprovdi li:

“[Ir-rikorrenti] hija konnxja tal-fatt li, bla ħsara [għall-punt] 8.3:’

in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-impenn jew in-nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni [...] fil-verifika ta’ dan l-impenn ser jiġi kkunsidrat bħala ksur ta’ dan l-impenn; dan jinkludi n-nuqqas tal-preżentata tar-rapporti meħtieġa skont il-[punt] 5 fit-termini previsti, għajr fil-każ ta’ forza maġġuri;

meta hija jkollha raġuni sabiex taħseb li l-impenn ġie miksur, il-Kummissjoni [...] għandha d-dritt timponi immedjatament dazju antidumping provviżorju fuq il-bażi tal-aħjar informazzjoni disponibbli, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 8(10) tar-Regolament bażiku;

bl-applikazzjoni tal-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku, meta l-impenn jiġi miksur, jew irtirat mill-Kummissjoni [...] jew [mir-rikorrenti], dazju antidumping definittiv jista’ jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ fatti kkonfermati fil-kuntest tal-investigazzjoni li wasslet għall-impenn, bil-kundizzjoni li [ir-rikorrenti] jkollha l-possibbiltà tippreżenta l-kummenti tagħha, ħlief jekk kienet hija stess li rtirat l-impenn.”

[…]

12

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/572/KE, tat-13 ta’ Awissu 1999, li taċċetta x-xogħlijiet midħula għalihom offruti f’konnessjoni mal-proċedimenti ta’ kontra d-dumping li jirrigwardaw l-importazzjonijiet tal-ħbula u l-kejbils tal-wajer tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-Ungerija, l-Indja, ir-Repubblika tal-Korea, il-Messiku, il-Polonja, l-Afrika ta’ Isfel u l-Ukrajna (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 32, p. 119), il-Kummissjoni aċċettat, b’mod partikolari, l-impenn offrut mir-rikorrenti.

13

Fil-kuntest ta’ investigazzjoni intiża sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tal-impenn, skont il-punti 5.1 u 5.4 tal-impenn, il-Kummissjoni żaret il-bini tar-rikorrenti fl-Indja u fl-Emirati Għarab Magħquda f’Jannar u fi Frar 2005.

14

Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Mejju 2005, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li, wara l-investigazzjoni, hija qieset li r-rikorrenti kienet kisret l-impenn tliet darbiet u li, konsegwentement, hija kellha l-intenzjoni tirtira l-aċċettazzjoni tal-impenn min-naħa tagħha.

15

Permezz ta’ ittri tal-20 ta’ Mejju, tad-29 ta’ Awwissu u tas-6 ta’ Settembru 2005, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-konstatazzjoni ta’ ksur tal-impenn u dwar l-irtirar ippjanat mill-Kummissjoni.

16

Fit-8 ta’ Novembru 2005, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1858/2005, tat-8 ta’ Novembru 2005, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-Indja, l-Afrika t’Isfel u l-Ukrajna wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku (ĠU L 299, p. 1). Permezz tar-Regolament Nru 1858/2005, il-Kunsill iddeċieda li l-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriginaw, fost oħrajn, mill-Indja, stabbiliti permezz tar-Regolament Nru 1796/1999, kellhom jiġu estiżi b’ħames snin addizzjonali.

17

Bid-[d]eċiżjoni [kkontestata], il-Kummissjoni ddeċidiet li tirtira l-aċċettazzjoni tal-impenn dwar l-importazzjonijiet ta’ kejbils tal-azzar offert mir-rikorrenti u, konsegwentement, li temenda d-Deċiżjoni 1999/572, li permezz tagħha kienet aċċettat l-impenn. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni ppreżentat, fit-23 ta’ Diċembru 2005, proposta ta’ regolament lill-Kunsill dwar l-irtirar tal-aċċetazzjoni tal-impenn u sabiex jiġu stabbiliti dazji antidumping definittivi kontra r-rikorrenti [Dokument COM (2005) 541 finali].

18

Fid-deċiżjoni [kkontestata], il-Kummissjoni kkonstatat tliet każijiet ta’ ksur tal-impenn. L-ewwel nett, l-eżami tad-dokumenti tal-kontabbiltà tar-rikorrenti rrivela li volumi sostanzjali tal-prodott ikkonċernat mhux koperti mill-impenn ma ġewx inklużi, għall-kuntrarju ta’ dak li kien previst fil-punt 5.2 u fl-ewwel paragrafu tal-Anness IV tal-impenn, fir-rapporti ta’ kull tliet xhur dwar il-bejgħ mibgħuta mir-rikorrenti lill-Kummissjoni. It-tieni nett, il-Kummissjoni kkonstatat li l-merkanzija inkwistjoni nbiegħet mir-rikorrenti, bi ksur tal-punti 4.2 u 4.3 tal-impenn, lil importaturi konnessi magħha stabbiliti fir-Renju Unit u fid-Danimarka u ġiet inkluża fil-fatturi konformi. It-tielet nett, il-verifika fil-bini ta’ Brunton Wolf Wire & Ropes fid-Dubai rrilevat li ċerti kejbils tal-azzar kienu ġew esportati mill-Emirati Għarab Magħquda lejn l-Unjoni u ddikjarati bħala li joriġinaw mill-Emirati Għarab Magħquda, meta fil-fatt kienu ta’ oriġini Indjana.

19

Kien għalhekk li l-Kunsill adotta, fit-23 ta’ Jannar 2006, ir-Regolament [ikkontestat]. Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament [ikkontestat], ir-rikorrenti ġiet irtirata mil-lista ta’ kumpanniji eżenti mid-dazji antidumping definittivi. Konsegwentement, id-dazju antidumping definittiv b’rata ta’ 23.8 % impost fuq ir-rikorrenti skont il-premessa 86 u l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1796/1999, u estiż permezz tal-Artikolu 1(2) tar Regolament Nru 1858/2005, ġie applikat fuq l-importazzjonijiet tal prodott ikkonċernat, immanifatturat mir-rikorrenti u esportat lejn l Unjoni.”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

5

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ April 2006, l-appellanti ppreżentat dan ir-rikors intiż, minn naħa, għall-annullament, sa fejn dawn l-atti tad-dritt tal-Unjoni li jikkonċernawha, tad-deċiżjoni u r-regolament ikkontestati u, it-tieni, għall-kundanna tal-Kunsill u l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

6

Insostenn tar-rikors fl-ewwel istanza tagħha, ir-rikorrenti tressaq żewġ motivi, ibbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll fuq żball ta’ liġi, nuqqas ta’ motivazzjoni u abbuż ta’ poter fir-rigward tal-oriġini tal-prodotti kkonċernati, rispettivament.

7

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostniet li, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, iż-żewġ irregolaritajiet imqajma mill-Kummissjoni, l-ewwel nett, in-nuqqas li jiġi pprovdut rapport dwar il-bejgħ mhux kopert mill-impenn u, it-tieni nett, l-użu ta’ fatturi konformi, ma kinux jikkostitwixxu ksur importanti ta’ dan l-impenn li jippermetti lill-Kummissjoni li timponilha sanzjoni daqshekk drastika bħall-irtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn.

8

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-ewwel motiv billi ddeċidiet, essenzjalment, fil-punti 53 sa 55 tas-sentenza appellata, li l-ksur ta’ impenn huwa biżżejjed fih innifsu sabiex iwassal għall-irtirar tiegħu u li l-prinċipju ta’ proporzjonalità ma japplikax għall-kwistjoni tal-impożizzjoni per se ta’ dazji antidumping sussegwenti għal dan l-irtirar. Fil-fatt, tali irtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn jinvolvi l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ikkonċernati u l-legalità tal-irtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenn ma tistax, bħala tali, tiġi kkontestata fir-rigward ta’ dan il-prinċipju.

9

Fir-rigward tat-tieni motiv invokat mill-appellanti insostenn tar-rikors tagħha, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, ċaħdet bħala irrilevanti u, għaldaqstant, ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu.

It-talbiet tal-partijiet

10

Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment tannulla, fit-totalità tagħha, is-sentenza appellata kif ukoll id-deċiżjoni u r-regolament ikkontestati u sa fejn dawn l-atti tad-dritt tal-Unjoni jikkonċernawha;

sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jbatu l-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

11

Fir-risposta tiegħu, il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment, tiċħad l-appell, u

sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

12

Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni talbet sabiex ir-rikors jiġi miċħud u sabiex ir-rikorrenti tiġi ordnata sabiex tbati l-ispejjeż sostnuti kemm fil-proċedura tal-appell kif ukoll f’dik tal-ewwel istanza.

Fuq l-appell

L-argumenti tal-partijiet

13

Permezz tal-uniku aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod żbaljat, li l-ksur ta’ impenn huwa biżżejjed fih innifsu sabiex iwassal għall-irtirar tiegħu, u li peress li tali irtirar kien ekwivalenti għall-impożizzjoni per se ta’ dazji antidumping, li għaliha ma japplikax il-prinċipju ta’ proporzjonalità, minn dan jirriżulta li l-legalità tal-irtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenn ma tistax, bħala tali, tiġi ikkontestata fir-rigward ta’ dan il-prinċipju.

14

L-appellanti ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali manifestament żnaturat il-fatti billi ddeċidiet, fil-punt 48 tas-sentenza apellata, li “huwa paċifiku li r-rikorrenti ma osservatx l-impenn inkwistjoni”, sa fejn din id-dikjarazzjoni tissuġġerixxi, b’mod żbaljat, li hija rrikonoxxiet li kisret l-impenn fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku, li ma huwiex il-każ hawnhekk. Hija qatt ma kienet ammettiet, fil-fatt, li l-iżbalji jew l-irregolaritajiet kienu ta’ gravità suffiċjenti sabiex jikkostitwixxu ksur tal-impenn fis-sens ta’ dan l-Artikolu 8(9). Barra minn hekk, il-prodotti kollha koperti mill-impenn kienu qed jinbiegħu iktar mill-prezz minimu, filwaqt li prodotti oħra mhux koperti mill-impenn kienu attwalment suġġetti għal dazji antidumping u li l-proċess ta’ verifika ħadem b’mod effikaċi bil-kooperazzjoni sħiħa tagħha.

15

B’mod partikolari, l-appellanti ssostni li d-deċiżjoni li tirtira l-aċċettazzjoni tal-impenn skont l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku, tikkostitwixxi pass qabel l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping u li huwa ekwivalenti għal att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni suġġett għall-istħarrig ġudizzjarju fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Hija tikkunsidra li kwalunkwe deċiżjoni dwar l-impenji skont dan l-Artikolu 8, b’mod partikolari l-aċċettazzjoni ta’ impenn, il-kundizzjonijiet imposti minnha u l-irtirar provviżorju tagħha, tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju skont dan il-prinċipju. Skont l-appellanti, approċċ differenti jagħti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u b’mod partikolari lill-Kummissjoni, setgħa diskrezzjonali llimitata meta japplikaw l-istess Artikolu 8. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-imsemmi prinċipju għall-implimentazzjoni tal-impenn iwassal ukoll biex jelimina l-ħtieġa għal motivazzjoni fid-deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tirtira l-impenji u għall-impossibbiltà li l-validità ta’ dawn l-atti u tal-motivazzjonijiet tagħhom jiġu sottomessi għall-istħarriġ ġudizzjarju.

16

Fir-rigward tal-argumenti ta’ allegat żnaturament tal-fatti fil-punt 48 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tinnota li, matul l-investigazzjoni amministrattiva u l-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti qatt ma kkontestat il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-appellanti kienet, minn naħa, naqset milli tindika, fir-rapporti indirizzati lil din l-istituzzjoni tal-aħħar, il-bejgħ tal-prodott ikkonċernat mhux kopert mill-impenn u lanqas li hija min-naħa l-oħra kienet inkludiet fil-fatturi konformi mal-bejgħ tal-prodott mhux kopert mill-impenn u li, konsegwentement, hija ma osservatx l-impenn tagħha. Għalhekk, id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tidher fl-imsemmi punt 48 kienet korretta. Fir-rigward tal-allegazzjoni li t-tieni frażi tal-punt 51 tas-sentenza tista’ tissuġġerixxi li l-appellanti rrikonoxxiet l-importanza tal-ksur tal-impenn, il-Kunsill jikkunsidra li din sempliċement tirreferi għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Lulju 2002, Arne Mathisen vs Il-Kunsill (T-340/99, Ġabra p. II-2905) u ż-żewġ kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ legalment tirtira l-aċċettazzjoni ta’ impenn u l-istabbiliment ta’ dazju antidumping finali.

17

Skont il-Kunsill, il-kliem tal-Artikolu 8(9), tar-Regolament bażiku jimplika b’mod ċar li l-irtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenn huwa konsegwenza diretta ta’ ksur tiegħu, bħalma l-istabbiliment ta’ dazju antidumping huwa konsegwenza diretta tal-irtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenn. Ma jkun hemm ebda distinzjoni bejn ksur ta’ natura serja u ksur ta’ natura minuri tal-impenn. Jekk esportatur ikollu impenn u l-Kummissjoni taqbel, huwa f’idejn l-esportatur li jikkonforma mat-termini ta’ dan l-impenn. Il-Kunsill ifakkar li l-impenji huma bbażati fuq relazzjoni ta’ fiduċja bejn l-esportatur, li, permezz tal-impenn, għandu l-possibbiltà li jevita l-ħlas ta’ dazji, u l-Kummissjoni. Din tal-aħħar għandha l-obbligu, fir-rigward tal-industrija tal-Unjoni, li tiżgura li l-impenji jkunu wkoll effikaċi daqs l-istabbiliment tad-dazji antidumping.

18

Il-Kunsill jikkunsidra li d-deċiżjoni tal-irtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenn fil-każ ta’ ksur ta’ dan tal-aħħar ma hijiex suġġetta għall-istħarriġ distint tal-proporzjonalità ta’ tali deċiżjoni ta’ rtirar. Madankollu, huwa jfakkar li l-Kummissjoni tista’ tirtira l-aċċettazzjoni ta’ impenn jekk issib li kien hemm ksur tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-impenn. Tali konstatazzjoni hija suġġetta għall-istħarriġ ġudizzjarju ordinarju.

19

Fl-aħħar nett, il-Kunsill jenfasizza li l-appellanti qatt ma sostniet li l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku kien, bħala tali, jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi jipprovdi li kull ksur ta’ impenn huwa biżżejjed biex il-Kummissjoni tirtira l-aċċettazzjoni ta’ dan l-impenn.

20

Il-Kummissjoni laqgħet l-osservazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-mertu tal-kawża. Barra minn hekk, hija tfakkar li l-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku ma jagħtix lill-appellanti xi dritt li tibbenefika minn impenn u li din l-istituzzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi jekk taċċettax jew le impenn offrut minn impriża. Fil-fatt, il-motiv invokat mill-appellanti jammonta għal kontestazzjoni tal-validità tar-Regolament bażiku bħala tali fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li mill-kliem tal-imsemmi regolament jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni hija awtorizzata li timponi dazji antidumping fejn ikun hemm ksur ta’ impenn. Hija ssostni li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 proposta mill-appellanti, jekk tiġi aċċettata, serjament idgħajjef l-effettività tal-impenji li huma intiżi li jkollhom l-istess effett bħad-dazji antidumping, jiġifieri li jtemmu l-effett dannuż tad-dumping.

21

Il-Kummissjoni ssostni li huwa meħtieġ li jintemm dumping dannuż u li, f’dan ir-rigward, il-kontroll tal-eżekuzzjoni ta’ impenn huwa ta’ importanza kruċjali. Għal din ir-raġuni, il-ksur ta’ natura teknika li jirrigwardaw l-obbligi li tiġi kkomunikata l-informazzjoni tkun importanti ħafna, peress li hija intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni twettaq dmirha li tissorvelja l-osservanza tal-impenn. L-Artikolu 8(7) tar-Regolament bażiku jħalli ftit wisq diskrezzjoni lill-Kummissjoni f’dan ir-rigward billi jipprovdi li, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, ir-rifjut li jikkonforma mal-obbligi tal-impenn għandu jiġi kkunsidrat bħala ksur tiegħu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

22

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku, fil-każ fejn l-eżistenza ta’ dumping u ta’ dannu tkun ġiet ikkonstatata, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li taċċetta offerti li permezz tagħhom l-esportaturi jintrabtu volontarjament u b’mod sodisfaċenti li jirrevedu l-prezzijiet tagħhom sabiex jevitaw li jesportaw il-prodotti kkonċernati bi prezzijiet ta’ dumping jekk hija tkun konvinta li l-effett dannuż tad-dumping ikun ġie eliminat permezz dan l-impenn.

23

F’dan il-każ, mill-punt 12 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Kummissjoni ddeċidiet li taċċetta l-impenn offrut mill-appellanti li hija timpenja ruħha li tosserva l-prezzijiet minimi ffissati għall-esportazzjonijiet ta’ kejbils tal-azzar lejn l-Unjoni, biex tiżgura l-eliminazzjoni ta’ effetti ta’ dannużi tad-dumping.

24

Fil-fatt, skont l-għan tal-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku, skont l-impenn li kienet daħlet għalih, l-appellanti kienet meħtieġ mhux biss li tiżgura l-osservanza effettiva tiegħu, iżda wkoll li tagħmel sorveljanza effikaċi tal-implimentazzjoni ta’ dan l-impenn b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ fiduċja li fuqha hija bbażata l-aċċettazzjoni ta’ tali impenn minn din tal-aħħar.

25

Fil-punt 48 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-appellanti ma osservatx l-impenn tagħha, l-ewwel nett, billi kisret l-obbligu tagħha li tipprovdi rapporti ta’ kull tliet xhur dwar il-bejgħ tal-prodott ikkonċernat mhux kopert mill-impenn u, it-tieni nett, billi kisret l-obbligu tagħha li ma toħroġx fatturi konformi għal prodotti mhux koperti minn dan l-impenn.

26

Permezz tat-tieni parti tal-uniku aggravju tagħha, li għandu jkun ittrattat fl-ewwel lok, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kienet manifestament żnaturat il-fatti billi kkonstatat li hija kienet rrikonoxxiet li kienet kisret l-impenn tagħha, fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku, filwaqt li hija kienet dejjem sostniet li ma kienx hemm ksur serju ta’ dan l-impenn.

27

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (ara sentenza Moser Baer India vs Il-Kunsill, C-535/06 P, Ġabra p. I-7051, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Għandu jiġi rrilevat li mis-sentenza appellata jirriżulta li l-appellanti qatt ma kkontestat il-konklużjoni tal-Kummissjoni li hija, minn naħa, kienet naqset milli tindika, fir-rapporti indirizzati lil din l-istituzzjoni, il-bejgħ tal-prodott ikkonċernat li ma kienx kopert mill-impenn u, min-naħa l-oħra, li kienet inkludiet fil-fatturi konformi tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat li mhux kopert mill-impenn. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-appellanti ma kinitx osservat il-kundizzjonijiet tal-impenn.

29

Sa fejn l-appellanti tipprova tikkontesta l-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali billi tikkontesta essenzjalment il-fatt li din tal-aħħar ikkunsidrat li l-kundizzjonijiet tal-impenn ma kinux ġew osservati, dan l-argument għandu jiġi ddikjarat inammissibbli peress li għandu l-għan li jikseb eżami mill-ġdid tal-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali u li għalih l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni fil-kuntest tal-appell.

30

Fir-rigward tal-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali kienet, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, issuġġeriet li l-appellanti ma kkontestatx li wettqet żbalji serji, għandha tiġi miċħuda bħala li tirriżulta minn qari żbaljat tal-imsemmi punt. Fil-fatt, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li “r-rikorrenti ma tikkontestax li dawn il-kundizzjonijiet huma sodisfatti” ma jfissirx li l-Qorti Ġenerali tqis li din tal-aħħar kienet ammettiet li wettqet żbalji serji. Bil-kontra, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali f’dan il-punt 51 huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjoni li “kull ksur” ta’ impenn awtomatikament iwassal għall-irtirar tal-aċċettazzjoni tiegħu mingħajr il-ħtieġa li jiġi kkwalifikat il-kobor tal-ksur mwettaq.

31

Fir-rigward tal-ewwel parti tal-uniku aggravju tal-appellanti, din tal-aħħar tallega li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod żbaljat, b’mod partikolari fil-punt 51 tas-sentenza appellata, hija ma tikkontestax l-eżistenza ta’ ksur sinjifikattiv tal-impenn, fis-sens tal-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku, dispożizzjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tirtira l-impenn. Skont L-appellanti, id-deċiżjoni li tirtira l-aċċettazzjoni tal-impenn, skont din id-dispożizzjoni, hija stadju li jippreċedi l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping u timplika setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li hija suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

32

Ċertament, mill-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ dazju antidumping iseħħ awtomatikament fil-każ ta’ rtirar mill-Kummissjoni tal-aċċettazzjoni ta’ impenn. Madankollu, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali msemmija iktar ’il fuq waqt l-evalwazzjoni intiża sabiex tiġi ddefinita n-natura l-impenn miksur u, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, sabiex jiġi ddeterminat jekk għandhiex tiġi rtirata l-aċċettazzjoni ta’ impenn jew le. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 51 u 55 tas-sentenza appellata, li huwa s-suġġett għal stħarriġ mill-qorti tal-Unjoni.

33

Fil-fatt, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku jipprovdi li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tiddetermina jekk kienx hemm jew le ksur tal-impenn normalment titlesta f’terminu ta’ sitt xhur u, fl-ebda każ, mhux iktar tard minn terminu ta’ disa’ xhur mill-preżentata ta’ talba debitament sostanzjata magħmula minn kwalunkwe parti kkonċernata jew Stat Membru bil-għan li tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ tali ksur.

34

F’dan il-każ, kif tfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, mill-punt 28 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-appellanti ma kinitx osservat l-impenn tagħha billi kisret l-obbligu tagħha, minn naħa, li tipprovdi r-rapporti ta’ kull tlett xhur meħtieġa, u min-naħa l-oħra, li ma toħroġx fatturi konformi għall-prodotti mhux koperti mill-impenn. F’dan ir-rigward, mill-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni “tqis li l-obbligu li tipprovdi rapporti eżatti dwar il-bejgħ, jew jinkludu, fil-fatturi konformi, il-prodotti mhux koperti mill-impenn, ma hijiex dispożizzjoni minuri jew sekondarja”. Skont din l-istess premessa, hija tqis li huwa biss meta tkun “fil-pussess tad-dettalji tal-bejgħ kollha lill-Komunità tal-prodott ikkonċernat li l-Kummissjoni tista’ tikkontrolla l-impenn effikaċjament, tiddetermina jekk ġiex osservat u jekk l-effetti dannużi tad-dumping ġewx eliminati. Jekk ir-rapporti tal-bejgħ huma konformi jew mhux eżatti, l-osservanza mill-kumpannija tal-impenn fl-intier tiegħu jitqiegħed f’dubju [b’tali mod li] l-osservanza tal-formalitajiet dikjarattivi għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti sħiħa mill-obbligi primarji tal-kumpanniji kkonċernati”.

35

Barra minn hekk, huwa ċar li t-twettiq, mill-Kummissjoni, tal-istħarriġ tal-impenji huwa dipendenti fuq l-affidabbiltà tad-dokumenti prodotti fl-eżerċizzju tal-impenn meħud mill-esportatur ikkonċernat. Billi ma josservawx tali obbligu ta’ informazzjoni li jirriżulta minn tali impenn bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, l-esportatur jikser ir-rabta ta’ fiduċja li hija meħtieġa għar-relazzjoni ta’ kooperazzjoni stabbilita minn tali impenn. Għalhekk, tali ksur tal-kundizzjonijiet tal-imsemmi impenn joħloq riskju li jċaħħdu mill-utilità tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-obbligi ta’ informazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala prinċipji għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ impenji li tippermetti li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ antidumping.

36

Huwa importanti li jitfakkar li l-għan tal-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku, li jfittex li jiggarantixxi l-eliminazzjoni tal-effetti dannużi tad-dumping li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni, huwa bbażat prinċipalment fuq l-obbligu ta’ kooperazzjoni tal-esportatur kif ukoll fuq l-istħarriġ tal-eżekuzzjoni korretta tal-impenn minn dan tal-aħħar.

37

Għaldaqstant, l-appellanti naqset milli turi li din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li hija ma osservatx obbligu prinċipali, hija żbaljata.

38

Fil-fatt, l-argumenti tal-appellanti riprodotti fil-punti 27 sa 43 tas-sentenza appellata ma humiex tali li jinvalidaw il-kwalifika, mill-Kummissjoni, tal-obbligi miksura mill-appellanti bħala obbligi prinċipali.

39

Peress li huwa paċifiku li l-appellanti ma osservatx l-impenn tagħha fir-rigward kemm tal-obbligu tagħha li tipprovdi rapporti ta’ kull tliet xhur dwar il-bejgħ tal-prodott ikkonċernat mhux kopert mill-impenn kif ukoll dak li ma toħroġx fatturi konformi għall-prodotti mhux koperti mill-impenn u, għalhekk, l-evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur ta’ obbligu prinċipali tagħha ma tistax tiġi kkunsidrata żbaljata, il-Kummissjoni kienet intitolata li tirtira l-aċċettazzjoni tal-impenn mill-appellanti u, b’hekk, hija ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Minħabba dan, il-Kummissjoni kienet meħtieġa, barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku, li timponi dazju antidumping definittiv fuq l-appellanti .

40

Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni kollha preċedenti, l-aggravju uniku invokat mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha ma jistax jintlaqa’ u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

41

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-appell huwa infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regolament applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 184(1) tiegħu, il-parti li titlef tħallas l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-appellanti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Usha Martin Ltd għandha tkun ikkundannata għall-ispejjeż ta’ din il-kawża.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top