Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0506

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tas-6 ta' Ottubru 2011.
    Rico Graf u Rudolf Engel vs Landratsamt Waldshut.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Amtsgericht Waldshut-Tiengen - il-Ġermanja.
    Ftehim bejn, minn naħa, il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u min-naħa l-oħra, il-Konfederazzjoni Svizzera, dwar il-moviment liberu tal-persuni - Trattament ugwali - Ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom - Kuntratt ta’ kirja agrikola - Struttura agrarja - Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti li ssir oppożizzjoni għall-kuntratt jekk il-prodotti miksuba fuq it-territorju nazzjonali minn agrikolturi transkonfinali Svizzeri huma intiżi sabiex jiġu esportati, b’eżenzjoni tad-dazji doganali, lejn l-Isvizzera.
    Kawża C-506/10.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-09345

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:643

    Kawża C-506/10

    Rico Graf u Rudolf Engel

    vs

    Landratsamt Waldshut

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Waldshut-Tiengen)

    “Ftehim bejn, minn naħa, il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u min-naħa l-oħra, il-Konfederazzjoni Svizzera, dwar il-moviment liberu tal-persuni — Ugwaljanza fit-trattament — Ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom — Kuntratt ta’ qbiela — Struttura agrarja — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti li ssir oppożizzjoni għall-kuntratt jekk il-prodotti miksuba fit-territorju nazzjonali minn agrikolturi transkonfinali Svizzeri huma intiżi sabiex jiġu esportati, b’eżenzjoni tad-dazji doganali, lejn l-Isvizzera”

    Sommarju tas-sentenza

    Ftehim internazzjonali — Ftehim KE-Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni — Ugwaljanza fit-trattament — Aċċess għal attività bħala persuna li taħdem għal rasha u eżerċizzju tagħha — Ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom

    (Ftehim KE-Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni, Anness I, Artikolu 15(1))

    Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 15(1) tal-Anness I għall-Ftehim bejn, minn naħa, il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u min-naħa l-oħra, il-Konfederazzjoni Svizzera, dwar il-moviment liberu tal-persuni jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-possibbiltà għall-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru li topponi kuntratt ta’ qbiela li jirrigwarda art li tinsab f’żona determinata tat-territorju tal-istess Stat Membru u konkluż bejn resident ta’ dan tal-aħħar u resident transkonfinali tal-parti kontraenti l-oħra, peress li l-art mogħtija bi qbiela sservi għall-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli intiżi li jiġu esportati b’eżenzjoni tad-dazju Doganali barra mis-suq intern tal-Unjoni Ewropea u li minn dan tirriżulta distorsjoni tal-kompetizzjoni, jekk din il-leġiżlazzjoni, permezz tal-applikazzjoni tagħha, taffettwa numru ikbar sew ta’ ċittadini tal-parti kontraenti l-oħra milli ta’ ċittadini tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tapplika din il-leġiżlazzjoni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din l-aħħar ċirkustanza sseħħx.

    (ara l-punt 36 u d-dispożittiv)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    6 ta’ Ottubru 2011 (*)

    “Ftehim bejn, minn naħa, il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u min‑naħa l-oħra, il-Konfederazzjoni Svizzera, dwar il-moviment liberu tal-persuni – Ugwaljanza fit-trattament – Ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom – Kuntratt ta’ qbiela – Struttura agrarja – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti li ssir oppożizzjoni għall-kuntratt jekk il-prodotti miksuba fit-territorju nazzjonali minn agrikolturi transkonfinali Svizzeri huma intiżi sabiex jiġu esportati, b’eżenzjoni tad-dazji doganali, lejn l-Isvizzera”

    Fil-Kawża C‑506/10,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Waldshut-Tiengen (il‑Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Ottubru 2010, fil-proċedura

    Rico Graf,

    Rudolf Engel

    vs

    Landratsamt Waldshut,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, D. Šváby, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász (Relatur) u J. Malenovský, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal R. Engel, minn H. Hanschmann, avukat,

    –        għal-Landratsamt Waldshut, minn M. Núñez-Müller, avukat,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Erlbacher u S. Pardo Quintillán, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l‑kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim bejn, minn naħa, il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u min-naħa l-oħra, il-Konfederazzjoni Svizzera, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2002, L 114, p. 6, iktar ’il quddiem il-“Ftehim”).

    2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn R. Graf, ċittadin Svizzeru, u R. Engel, ċittadin Ġermaniż, kontra l-Landratsamt Waldshut dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li japprova, b’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, kuntratt ta’ qbiela bejn l-ewwel tnejn.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-Ftehim

    3        Skont l-Artikolu 1(a) u (d) tal-Ftehim, l-għan ta’ dan tal-aħħar huwa b’mod partikolari li jagħti, liċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u tal-Konfederazzjoni Svizzera, dritt ta’ dħul, ta’ residenza, ta’ aċċess għal attività ekonomika bi ħlas, ta’ stabbiliment bħala persuni li jaħdmu għal rashom u d-dritt li joqogħdu fit-territorju tal-partijiet kontraenti kif ukoll li jagħtihom l-istess kundizzjonijiet tal-għixien, tal-impjieg u tax-xogħol bħal dawk mogħtija liċ-ċittadini nazzjonali.

    4        L-Artikolu 2, intitolat “Nondiskriminazzjoni”, jipprovdi:

    “Iċ-ċittadini ta’ parti kontraenti li huma residenti legalment fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra ma għandhomx ikunu, fl-applikazzjoni u skont id-dispożizzjonijiet tal-Annessi I, II u III għal dan il-ftehim, suġġetti għal diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    5        Skont l-Artikolu 7, intitolat “Drittijiet oħra”:

    “Il-partijiet kontraenti għandhom jirregolaw, b’mod konformi mal-Anness I, b’mod partikolari d-drittiijiet imsemmija iktar ’il fuq marbuta mal-moviment liberu tal-persuni:

    a)      id-dritt għal ugwaljanza fit-trattament għal dak taċ-ċittadini nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-aċċess għal attività ekonomika u l-eżerċizzju tagħha kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-għixien, tal-impjieg u tax-xogħol;

    […] [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

    6        L-Artikolu 13, intitolat “Stand still”, jipprovdi:

    “Il-partijiet kontraenti jintrabtu li ma jadottawx miżuri restrittivi ġodda fir-rigward taċ-ċittadini tal-parti l-oħra fl-oqsma ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    7        L-Artikolu 16, intitolat “Referenza għad-dritt Komunitarju”, jaqra kif ġej:

    “1.      Sabiex jintlaħqu l-għanijiet intiżi minn dan il-Ftehim, il-partijiet kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex id-drittijiet u l-obbligi ekwivalenti għal dawk li jinsabu fl-atti ġuridiċi tal-Komunità Ewropea li jsir riferiment għalihom jiġu applikati fir-relazzjonijiet ta’ bejniethom.

    2.      Sa fejn l-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim tinvolvi kunċetti tad-dritt Komunitarju, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ta’ qabel id-data tal-iffirmar tiegħu. Il-ġurisprudenza ta’ wara d-data tal-iffirmar ta’ dan il-ftehim għandha tiġi kkomunikata lill-Isvizzera. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-Ftehim, fuq talba ta’ parti kontraenti, il-Kumitat Konġunt għandu jiddetermina l-implikazzjonijiet ta’ din il-ġurisprudenza. [traduzzjoni mhux uffiċjali] ”

    8        L-Anness I għall-Ftehim jiffoka fuq il-moviment liberu tal-persuni. Skont l-Artikolu 2 tiegħu, intitolat “Residenza u attività ekonomika”:

    “1.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-perijodu tranżitorju stabbilit fl-Artikolu 10 ta’ dan il-ftehim u fil-Kapitolu VII ta’ dan l-anness, iċ-ċittadini ta’ parti kontraenti għandhom id-dritt li jgħixu u li jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra skont il-mod previst fil-Kapitoli II sa IV. Dan id-dritt huwa kkonstatat billi jinħareġ permess ta’ residenza jew permess speċifiku għall-ħaddiema transkonfinali.

    […] [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

    9        L-Artikolu 5 ta’ dan l-anness, intitolat “Ordni Pubbliku” fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

    “Id-drittijiet mogħtija bid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim jistgħu jiġu limitati biss permezz ta’ miżuri ġġustifikati minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika. [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

    10      Il-Kapitolu III tal-imsemmi anness jiffoka fuq il-“persuni li jaħdmu għal rashom” li, b’mod konformi mad-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 12(1), li tinsab f’dan il-Kapitolu, huma ċ-ċittadini ta’ parti kontraenti li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra sabiex jeżerċitaw attività għal rashom.

    11      L-Artikolu 13 tal-imsemmi Kapitolu, intitolat “Ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

    “Il-ħaddiem transkonfinali li jaħdem għal rasu huwa ċittadin ta’ parti kontraenti li għandu r-residenza tiegħu fit-territorju ta’ parti kontraenti u li jeżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra filwaqt li bħala regola jirritorna fil-post ta’ residenza tiegħu kuljum, jew tal-anqas darba fil-ġimgħa. [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

    12      L-Artikolu 15 tal-istess kapitolu, intitolat “Ugwaljanza fit-trattament”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

    “F’dak li jikkonċerna l-aċċess għal attività bħala persuna li taħdem għal rasha u għall-eżerċizzju tagħha, il-persuna li taħdem għal rasha għandha, fil-pajjiż ospitanti, tirċievi trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti liċ-ċittadini tiegħu. [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

    13      L-Artikolu 25, li huwa l-uniku artikolu tal-Kapitolu VI tal-Anness I għall-ftehim, intitolat “Xiri ta’ proprjetà immobbli”, fil-paragrafu 3 tiegħu jipprovdi:

    “Ħaddiem transkonfinali għandu jibbenefika mill-istess drittijiet bħal ċittadin nazzjonali f’dak li jikkonċerna x-xiri ta’ proprjetà immobbli li sservi għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika u ta’ residenza sekondarja; dawn id-drittjiet ma għandhom jimplikaw l-ebda obbligu li jiddisponi minn tali immobbli meta huwa jitlaq mill-Istat ospitanti. Huwa jista’ wkoll ikun awtorizzat jixtri dar għall-vaganzi. Għal din il-kategorija ta’ ċittadini, dan il-ftehim ma jaffettwax ir-regoli fis-seħħ fl-Istat ospitanti rigward l-investiment pur ta’ kapital u l-kummerċ ta’ art mhux mibnija u ta’ djar. [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    14      Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont l-Artikolu 2 tal-Liġi Federali dwar in-notifika u l-kontestazzjoni tal-kuntratti ta’ kirjiet agrikoli (Gesetz über die Anzeige und Beanstandung von Landpachtverträgen), tat-8 ta’ Novembru 1985 (BGB1. I, p. 2075, iktar ’il quddiem il-“Landpachtverkehrsgesetz”, il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ qbiela għandha tiġi nnotifikata lill-awtorità kompetenti, il-Landratsamt, fi żmien xahar. Din l-awtorità tista’ topponi l-kuntratt ta’ kirja innotifikat skont l-Artikolu 4(1) ta’ din il-liġi, sa fejn il-qbiela twassal għal tqassim “ħażin” tal-użu tal-artijiet jew għal tqassim mhux ekonomiku fir-rigward tal-użu tagħhom, jew inkella jekk il-qbiela hija sproporzjonata mal-produzzjoni. Skont l-Artikolu 4(6) tal-istess liġi, il-Länder jistgħu jipprevedu motivi oħra ta’ oppożizzjoni għal ċerti partijiet tat-territorju tagħhom, sa fejn dan huwa assolutament meħtieġ sabiex ikun hemm prevenzjoni ta’ periklu serju għall-istruttura agrarja.

    15      Peress li għamel użu minn din il-fakultà, il-Land ta’ Bade‑Wurtemberg adotta liġi dwar l-applikazzjoni tal-liġijiet [federali] fuq it-tranżazzjonijiet tal-artijiet u fuq il-kirjiet agrikoli (Baden‑Württembergisches Ausführungsgesetz zum Grundstücksverkehrsgesetz und zum Landpachtverkehrgesetz), fil-verżjoni tagħha tal-21 ta’ Frar 2006 (Gesetzblatt, p. 85, iktar ’il quddiem l-“Ausführungsgesetz”), li l-Artikolu 6(1) tagħha jaqra kif ġej:

    “Tista’ ssir oppożizzjoni għal kuntratt ta’ qbiela fil-parti tal-Land ikkonċernata sabiex issir prevenzjoni ta’ perikli serji għall-istruttura agrarja għal motivi li ma humiex imsemmija fl-Artikolu 4 tal-[Landpachtverkehrsgesetz] jekk l-art mogħtija bi qbiela sservi għall-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli intiżi li jiġu esportati b’eżenzjoni tad-dazji doganali barra mis-suq komuni u li minnha jirriżultaw distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.”

    16      Sa mill-1 ta’ Lulju 2010, l-Ausführungsgesetz ġie ssostitwit permezz tal-liġi dwar il-miżuri ta’ titjib tal-istruttura agrarja fil-Land ta’ Bade‑Wurtemberg (Gesetz über Maßnahmen zur Verbesserung der Agrarstruktur in Baden-Württenberg), tal-10 ta’ Novembru 2009 (Gesetzblatt, p. 645), li l-kontenut tat-tieni frażi tal-Artikolu 13(3) tagħha huwa identiku għal dak tal-Artikolu 6(1) tal-Ausführungsgesetz.

     Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    17      Fit-22 ta’ April 2010, R. Graf, agrikoltur Svizzeru li l-post tal-attività tiegħu jinsab fl-Isvizzera, fiż-żona transkonfinali mal-Ġermanja, u R. Engel, proprjetarju ta’ artijiet agrikoli li jinsabu fil-Land ta’ Bade‑Wurtemberg, issottomettew għall-approvazzjoni tal-Landratsamt Waldshut kuntratt ta’ qbiela ffirmat fis-26 ta’ Frar 2006. Bis-saħħa ta’ dan il-kuntratt, R. Engel jagħti bi qbiela lil R. Graf 369 tomna ta’ art tajba għall-ħrit, li tinsab fiż-żona transkonfinali mal-Isvizzera, għal qbiela annwali ta’ EUR 1.200. R. Graf jixtieq jesporta l-prodotti miksuba minn din l-art lejn l-Isvizzera.

    18      Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ġunju 2010, il-Landstramt Waldshut ikkontesta dan il-kuntratt ta’ kera u ordna lill-partijiet tal-kuntratt li jxoljuh immedjatament. Filwaqt li indika li, bħala ħaddiema transkonfinali indipendenti, l-agrikolturi Svizzeri huma assimilati mal-agrikolturi Ġermaniżi fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni skont il-Landpachtverkehrsgesetz, il-Landratsamt Waldshut madankollu kkunsidra li r-rifjut ta’ approvazzjoni tal-kuntratt ta’ kera jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 6(1) tal-Ausführungsgesetz. Il-Landratsamt Waldshut indika li kienet teżisti distorsjoni tal-kompetizzjoni u li xi agrikolturi Ġermaniżi, li kellhom bżonn li jkabbru rziezet ta’ daqs żgħir, kienu wrew l-interess tagħhom għall-kiri agrikolu tal-art inkwistjoni bi prezz li jikkonforma mal-użanzi lokali. Għalhekk jeżisti tqassim ħażin tal-artijiet.

    19      R. Graf u R. Engel ikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem l-Amtsgericht Waldshut‑Tiengen (qorti tal-ewwel istanza ta’ Waldshut‑Tiengen), billi sostnew b’mod partikolari li l-Artikolu 6(1) tal-Ausführungsgesetz imur kontra dan il-ftehim.

    20      Il-qorti tar-rinviju tinnota li teżisti distorsjoni tal-kompetizzjoni, peress li R. Graf, għall-bejgħ fl-Isvizzera tal-prodotti tiegħu mkabbra fil-Ġermanja, ser jirċievi ħlas ħafna ikbar minn dak li kieku jirċievi fil-Ġermanja. Din il-qorti tikkunsidra li l-oppożizzjoni magħmula għall-kuntratt mil-Landratsamt Walshut tkun valida jekk l-Artikolu 6(1) tal-Ausfuhrungsgesetz huwa konformi mal-Ftehim.

    21      Fid-dawl ta’ din iċ-ċirkustanza, l-Amtsgericht Waldshut-Tiengen iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-Artikolu [6(1)] tal-[Ausführungsgesetz] huwa konformi mal-Ftehim […]?

     Fuq id-domanda preliminari

    22      Għandu jitfakkar li s-sitwazzjoni ta’ agrikoltur transkonfinali li jaħdem għal rasu, li huwa stabbilit fit-territorju ta’ parti kontraenti u jikri art agrikola li tinsab fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra, jaqa’ fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Ftehim indipendentement mill-għan tal-attività ekonomika li għalih iservi l-kuntratt ta’ qbiela.

    23      Għandu jitfakkar ukoll li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fl-Artikolu 15(1) tal-Anness I tal-Ftehim li jikkonċerna aċċess għal attività ta’ persuni li jaħdmu għal rashom u għall-eżerċizzju tagħha, japplika mhux biss għall-“persuni li jaħdmu għal rashom” fis-sens tal-Artikolu 12(1) ta’ dan l-Anness, iżda wkoll għall-“ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom”, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmi anness, bħalma huma l-agrikolturi transkonfinali Svizzeri (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Stamm u Hauser, C‑13/08, Ġabra p. I‑11087, punti 47 sa 49 kif ukoll id-dispożittiv).

    24      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-aċċess għal attività ta’ persuni li jaħdmu għal rashom jew l-eżerċizzju tagħha, stabbilit, għall-ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom, fl-Artikolu 15(1) tal-Anness I tal-Ftehim, jipprekludix leġiżlazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    25      Għandu jiġi kkonstatat li, skont il-kliem tagħha, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tagħmilx diskriminazzjoni diretta bbażata fuq in-nazzjonalità, peress li l-amministrazzjoni kompetenti tista’ topponi l-kuntratti ta’ kirjiet agrikoli indipendentement min-nazzjonalità tal-partijiet kontraenti, meta l-kundizzjonijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni jkunu sodisfatti.

    26      Madankollu, b’mod konformi mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni, jikkostitwixxi mhux biss id-diskriminazzjonijiet evidenti, ibbażati fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll il-forom kollha moħbija ta’ diskriminazzjoni li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu, fil-fatt, għall-istess riżultat (ara, bħala eżempju, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑278/94, Ġabra p. I‑4307, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-ġurisprudenza, li fid-data ta’ meta ġie ffirmat il-Ftehim kienet diġà teżisti, tgħodd ukoll fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, b’mod konformi mal-Artikolu 16(2) tiegħu.

    27      F’dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet previsti bil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex kuntratt ta’ qbiela jiġi pprojbit jammontawx, fil-fatt, għal diskriminazzjoni indiretta, huwa biżżejjed li jiġi kkunsidrat li, sakemm il-ħaddiema transkonfinali stabbiliti fl-Isvizzera u li jaħdmu artijiet agrikoli fil-Ġermanja jkunu f’numru ħafna iktar għoli ta’ nazzjonalità Svizzera milli ta’ nazzjonalità Ġermaniża, tali diskriminazzjoni indiretta tkun teżisti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 1996, Asscher, C‑107/94, Ġabra p. I‑3089, punti 37 u 38).

    28      Fil-fatt, il-kundizzjonijiet previsti bil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaħdmu prinċipalment għad-detriment tal-agrikolturi Svizzeri.

    29      F’każ ta’ konstatazzjoni ta’ tali diskriminazzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk din tal-aħħar tistax tiġi ġġustifikata minn xi waħda mir-raġunijiet previsti fil-Ftehim.

    30      Għandu jiġi enfasizzat mill-bidu nett li d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, invokata mil-Landratsamt Waldshut, minħabba l-fatt li l-agrikolturi transkonfinali Svizzeri, bħalma huwa R. Graf, għall-bejgħ tal-prodotti tagħha miksuba fil-Ġermanja fl-Isvizzera, jirċievu ħlas iktar milli kieku jirċievu kieku jbiegħuhom fil-Ġermanja, ma jikkostitwixxix raġuni, prevista fl-Artikolu 5(1) tal-Anness I tal-Ftehim, li tista’ tiġi invokata sabiex jiġu limitati d-drittijiet mogħtija mid-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar.

    31      Il-Landratsamt Waldshut jinvoka wkoll l-għan tal-ippjanar tat-territorji bħala raġuni ġustifikattiva ta’ ordni pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tal-Anness I tal-Ftehim.

    32      Skont din id-dispożizzjoni, l-ordni pubbliku jikkostitwixxi raġuni li tista’ tillimita d-drittijiet mogħtija bil-Ftehim. Jekk il-partijiet kontraenti essenzjalment jibqgħu liberi li jistabbilixxu, b’mod konformi għall-bżonnijiet nazzjonali tagħhom li jistgħu ivarjaw minn Stat għall-ieħor u minn żmien għall-ieħor, il-ħtiġijiet ta’ “ordni pubbliku”, madankollu, il-portata tagħhom ma tistax tiġi stabbilita b’mod unilaterali minn kull wieħed mill-Istati Membri mingħajr kontroll mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Jipa, C‑33/07, Ġabra p. I‑5057, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, il-kunċett ta’ “ordni pubbliku” għandu jitqies u jiġi interpretat fil-kuntest tal-Ftehim u b’mod konformi mal-għanijiet intiżi minn dan tal-aħħar.

    33      Għandu jiġi osservat li l-Ftehim jinsab fi ħdan il-qafas iktar ġenerali tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera, liema konfederazzjoni, għalkemm ma għażlitx li tipparteċipa fiż-Żona Ekonomika Ewropea u fis-Suq Intern tal-Unjoni Ewropea, hija madankollu marbuta ma’ din tal-aħħar permezz ta’ numru ta’ ftehim li jkopru oqsma wiesgħa u li jipprovdu għal drittijiet u obbligi speċifiċi, analogi, f’ċerti aspetti, għal dawk previsti fit-Trattat. L-għan ġenerali ta’ dawn il-ftehim, inkluż il-Ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa li jissaħħu r-rabtiet ekonomiċi bejn l-Unjoni u l-Konfederazzjoni Svizzera. Għalhekk, ir-raġunijiet, elenkati b’mod limitat fl-Artikolu 5(1) tal-Anness 1 tal-Ftehim, bħala ġustifikazzjonijiet ta’ deroga mir-regoli fundamentali ta’ dan tal-aħħar bħalma huwa l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandhom jiġu interpretati b’mod strett.

    34      Minn din il-perspettiva, għandu jiġi konkluż li, jekk l-ippjanar tat-territorju u t-tqassim razzjonali tal-artijiet agrikoli jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, jikkostitwixxu għan leġittimu ta’ interess ġenerali, regoli, bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonċernaw il-kera ta’ artijiet agrikoli ma jistgħu, bl-ebda mod, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “ordni pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tal-Anness I tal-Ftehim, u jillimitaw id-drittijiet mogħtija minn dan tal-aħħar.

    35      Għandu jingħad ukoll li leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija diskriminatorja, tmur ukoll kontra, bħala miżura restrittiva ġdida, il-klawżola ta’ “Stand still” prevista fl-Artikolu 13 tal-Ftehim.

    36      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, hemm lok li r-risposta għad-domanda mressqa tkun li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 15(1) tal-Anness I għall-Ftehim jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-possibbiltà għall-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru li topponi kuntratt ta’ qbiela li jirrigwarda art li tinsab f’żona determinata tat-territorju tal-Istat Membru u konkluż bejn resident ta’ dan tal-aħħar u resident transkonfinali tal-parti kontraenti l-oħra, peress li l-art mogħtija bi qbiela sservi għall-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli intiżi li jiġu esportati b’eżenzjoni tad-dazju doganali barra mis-suq intern tal-Unjoni Ewropea u li minn dan tirriżulta distorsjoni tal-kompetizzjoni, jekk din il-leġiżlazzjoni, permezz tal-applikazzjoni tagħha, taffettwa numru ikbar sew ta’ ċittadini tal-parti kontraenti l-oħra milli ċittadini tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tapplika din il-leġiżlazzjoni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din l-aħħar ċirkustanza sseħħx.

     Fuq l-ispejjeż

    37      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 15(1) tal-Anness I għall-Ftehim bejn, minn naħa, il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u min-naħa l-oħra, il-Konfederazzjoni Svizzera, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999, jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-possibbiltà għall-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru li topponi kuntratt ta’ qbiela li jirrigwarda art li tinsab f’żona determinata tat-territorju tal-istess Stat Membru u konkluż bejn resident ta’ dan tal-aħħar u resident transkonfinali tal-parti kontraenti l-oħra, peress li l-art mogħtija bi qbiela sservi għall-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli intiżi li jiġu esportati b’eżenzjoni tad-dazju Doganali barra mis-suq intern tal-Unjoni Ewropea u li minn dan tirriżulta distorsjoni tal‑kompetizzjoni, jekk din il-leġiżlazzjoni, permezz tal-applikazzjoni tagħha, taffettwa numru ikbar sew ta’ ċittadini tal-parti kontraenti l-oħra milli ta’ ċittadini tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tapplika din il‑leġiżlazzjoni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din l-aħħar ċirkustanza sseħħx.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top