Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0495

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-21 ta' Diċembru 2011.
Centre hospitalier universitaire de Besançon vs Thomas Dutrueux u Caisse primaire d'assurance maladie du Jura.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Conseil d'État - Franza.
Direttiva 85/374/KEE - Responsabbiltà għal prodotti difettużi - Kamp ta’ applikazzjoni - Sistema nazzjonali li tipprevedi, fir-rigward tal-istabbilimenti pubbliċi tas-saħħa, l-obbligu li jiġu kkumpensati d-danni subiti minn pazjent minħabba l-ħsara f’apparat jew f’prodott użat waqt il-kura mogħtija anki fl-assenza ta’ nuqqas imputabbli lil dawn l-istabbilimenti.
Kawża C-495/10.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:869

Kawża C-495/10

Centre hospitalier universitaire de Besançon

vs

Thomas Dutrueux

u

Caisse primaire d’assurance maladie du Jura

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza))

“Direttiva 85/374/KEE — Responsabbiltà għal prodotti difettużi — Kamp ta’ applikazzjoni — Sistema nazzjonali li tipprevedi, fir-rigward tal-istabbilimenti pubbliċi tas-saħħa, l-obbligu li jiġu kkumpensati d-danni subiti minn pazjent minħabba l-ħsara f’apparat jew fi prodott użat waqt il-kura mogħtija anki fl-assenza ta’ nuqqas imputabbli lil dawn l-istabbilimenti”

Sommarju tas-sentenza

Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Responsabbiltà għal prodotti difettużi – Direttiva 85/374 — Kamp ta’ applikazzjoni

(Direttiva tal-Kunsill 85/374, Artikoli 1, 3 u 13)

Ir-responsabbiltà ta’ fornitur ta’ servizzi li juża, fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi bħal dik ta’ kura mogħtija fl-isptar, apparat jew prodotti difettużi li huwa ma huwiex il-produttur tagħhom skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/374, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi, kif emendata bid-Direttiva 1999/34, u b’dan il-mod, jikkawża danni lill-benefiċjarju tal-provvista, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant din tal-aħħar ma tipprekludix li Stat Membru jistabbilixxi sistema li tipprevedi r-responsabbiltà ta’ tali fornitur fir-rigward tad-danni hekk ikkawżati, anki fl-assenza ta’ kull nuqqas imputabbli lilu, bil-kundizzjoni, madankollu, li tinżamm il-possibbiltà għall-vittma u/jew għal dan il-fornitur li jinvoka r-responsabbiltà tal-produttur abbażi ta’ din id-direttiva meta l-kundizzjonijiet previsti fiha jkunu sodisfatti.

(ara l-punt 39 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

21 ta’ Diċembru 2011 (*)

“Direttiva 85/374/KEE– Responsabbiltà għal prodotti difettużi – Kamp ta’ applikazzjoni – Sistema nazzjonali li tipprevedi, fir-rigward tal-istabbilimenti pubbliċi tas-saħħa, l-obbligu li jiġu kkumpensati d-danni subiti minn pazjent minħabba l-ħsara f’apparat jew f’prodott użat waqt il-kura mogħtija anki fl-assenza ta’ nuqqas imputabbli lil dawn l-istabbilimenti”

Fil-Kawża C‑495/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ottubru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Ottubru 2010, fil-proċedura

Centre hospitalier universitaire de Besançon

vs

Thomas Dutrueux,

Caisse primaire d’assurance maladie du Jura,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.‑C. Bonichot u M. Safjan, Presidenti ta’ Awla, K. Schiemann (Relatur), E. Juhász, A. Borg Barthet, M. Ilešič, J.‑J. Kasel, D. Šváby u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Settembru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għas-centre hospitalier universitaire de Besançon, minn D. Le Prado, avukat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn E. Belliard u R. Loosli-Surrans, kif ukoll minn G. de Bergues u S. Menez, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Grieg, minn F. Dedousi u M. Germani, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wilms u A. Marghelis, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Ottubru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1985, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 257), kif emendata bid-Direttiva 1999/34/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑10 ta’ Mejju 1999, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 147, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 85/374”).

2        Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn is-centre hospitalier universitaire de Besançon (iktar ’il quddiem iċ-“CHU ta’ Besançon”) u T. Dutrueux u l-caisse primaire d’assurance maladie du Jura dwar il-kumpens għall-ħruq ikkawżat lil dan tal-aħħar minn saqqu li jsaħħan waqt intervent kirurġiku

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 85/374

3        L-ewwel, ir-raba’, it-tlettax u t-tmintax-il premessa tad-Direttiva 85/374 jistabbilixxu:

“Billi l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar ir-responsabbiltà tal-produttur għall-ħsara kkawżata mid-difetti tal-prodotti tiegħu hija meħtieġa minħabba d-diverġenzi preżenti jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni u jaffettwaw il-moviment tal-prodotti fis-suq komuni u jinvolvu livell differenti ta’ protezzjoni tal-konsumatur kontra ħsara kkawżata minn prodott difettuż għal saħħtu jew lil proprjetà tiegħu;

[...]

Billi l-protezzjoni tal-konsumatur tirrikjedi li l-produtturi involuti kollha fil-proċess ta’ produzzjoni għandhom jinżammu responsabbli, kemm-il darba l-prodott finalizzat, parti komponenti jew kull materja prima tagħhom fornuta minnhom kienet difettuża; billi, għall-istess raġuni, responsabbiltà għandha testendi għall-importaturi ta’ prodotti fil-Komunità u għall-persuni li jippreżentaw lilhom infushom bħala produtturi billi jwaħħlu isimhom, trade mark jew kull karatteristika distintiva oħra jew li jipprovdu prodott li l-produttur tiegħu ma jistax jiġi identifikat;

[...]

Billi skond is-sistemi legali ta’ l-Istati Membri parti mweġġgħa jista’ jkollha pretensjoni għad-danni bbażata fuq raġunijiet ta’ responsabbiltà kontrattwali jew ibbażati fuq raġunijiet ta’ responsabbiltà mhux kontrattwali għajr dik li hemm ipprovdut dwarha f’din id-Direttiva; sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet iservu wkoll biex jilħqu l-għan ta’ protezzjoni effettiva tal-konsumaturi, għandhom jibqgħu bla mittiefsa minn din id-Direttiva; billi, sa fejn protezzjoni effettiva tal-konsumaturi fis-settur tal-prodotti farmaċewtiċi diġà nkisbet ukoll fi Stat Membru skond sistema ta’ responsabbilta speċjali, pretensjonijiet ibbażati fuq din is-sistema għandhom bl-istess mod jibqgħu possibbli;

[...]

Billi l-armonizzazzjoni li tirriżulta minn din ma tistax tkun totali fl-istadju preżenti, iżda tagħti bidu għat-triq lejn armonizzazzjoni akbar; billi huwa għalhekk meħtieġ li l-Kunsill jirċievi f’intervalli regolari, rapporti mill-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, flimkien, skond kif jista’ jkun il-każ, ma’ proposti xierqa; [...]”

4        Id‑Direttiva 85/374 tipprovdi, fl-Artikolu 1 tagħha, li “[i]l-produttur jinżamm responsabbli għal ħsara kkawżata minn difett fil-prodott tiegħu.”

5        L-Artikolu 3 tad‑Direttiva 85/374 jipprovdi li ġej:

“1. ‘Produttur’ tfisser manifattur ta’ prodott lest, il-produttur ta’ kull materja prima jew il-manifattur ta’ parti komponenti u kull persuna li, billi tqiegħed isimha, l-marka tan-negozju tagħha jew fattur distintiv ieħor fuq il-prodott tippreżenta lilha stess bħala l-produttur tiegħu.

2. Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-produttur, kull persuna li timporta fil-Komunità prodott għall-bejgħ, kiri, jew kull forma oħra ta’ distribuzzjoni fil-kors tan-negozju tagħha titqies bħala produttur skond it-tifsira ta’ din id-Direttiva u tkun responsabbli bħala produttur.

3. Fejn il-produttur tal-prodott ma jistax jiġi identifikat, kull fornitur tal-prodott għandu jitqies bħala l-produttur tiegħu kemm-il darba huwa ma jgħarrafx lill-persuna li saritilha l-ħsara, fi żmien raġjonevoli, bl-identità tal-produttur jew bil-persuna li tkun fornietu bil-prodott. L-istess għandu jgħodd, fil-każ ta’ prodott importat, jekk dan il-prodott ma jindikax l-identità ta’ l-importatur imsemmi fil-paragrafu 2, anke jekk l-isem tal-produttur huwa indikat.”

6        Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 85/374:

“Din id-Direttiva mgħandha taffettwa l-ebda drittijiet li persuna korruta jista’ jkollha skond ir-regoli tal-liġi tar-responsabbiltà kontrattwali jew mhux kontrattwali jew sistema ta’ responsabbiltà speċjali eżistenti meta din id-Direttiva tkun ippubblikata”

7        Id‑Direttiva 85/374 ġiet innotifikata lill-Istati Membri fit-30 ta’ Lulju 1985.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8        L-Artikoli 1386-1 sa 1386-18 tal-code civil français (Kodiċi Ċivili Franċiż) jiżguraw it-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 85/374.

9        Il-qorti tar-rinviju tindika li r-responsabbiltà tal-istabbilimenti pubbliċi tas-saħħa fir-rigward tal-pazjenti tagħhom tifforma parti, min-naħa tagħha, minn sistema partikolari ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali li hija bbażata fuq ir-relazzjonijiet speċifiċi li jistabbilixxu ruħhom bejn is-servizz pubbliku tal-isptar u l-persuni li jużaw dan is-servizz. Din is-sistema hija rregolata kemm minn liġijiet kif ukoll minn prinċipji stabbiliti mill-qorti amministrattiva.

10      Fost dawn tal-aħħar hemm b’mod partikolari l-prinċipju li skontu sptar pubbliku għandu, anki fl-assenza ta’ nuqqas minn naħa tiegħu, jikkumpensa d-dannu subit minn pazjent minħabba l-ħsara f’apparat jew f’prodott użat waqt il-kura mogħtija

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      T. Dutrueux, li dak iż-żmien kellu 13-il sena, safa’ vittma, waqt intervent kirurġiku li sarlu fit-3 ta’ Ottubru 2000 fis-CHU ta’ Besançon, ta’ ħruq ikkawżat minn difett fis-sistema ta’ regolazzjoni tat-temperatura tas-saqqu li jsaħħan li fuqu huwa tpoġġa.

12      Peremezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Marzu 2007, it-tribunal administratif de Besançon (Qorti Amministrattiva ta’ Besançon) ikkundanna liċ-CHU ta’ Besançon jikkumpensa d-dannu hekk ikkawżat lil T. Dutrueux peremezz tal-ħlas, lil dan tal-aħħar, tas-somma ta’ EUR 9 000 u, lill-caisse primaire d’assurance maladie ta’ Jura tas-somma ta’ EUR 5 974.99.

13      Peress li l-appell ippreżentat kontra din id-deċiżjoni quddiem il-cour administrative d’appel de Nancy (Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Nancy) miċ-CHU ta’ Besançon ġie miċħud permezz ta’ sentenza tas-26 ta’ Frar 2009, dan tal-aħħar appella fil-kassazzjoni quddiem il-Conseil d’État.

14      Insostenn ta’ dan l-appell, iċ-CHU ta’ Besançon sostna li l-cour administrative d’appel de Nancy kisret id-Direttiva 85/374, b’mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha, billi ddeċidiet li din id-direttiva ma tipprekludix l-applikazzjoni tal-prinċipju ġurisprudenzjali li skontu s-servizz pubbliku tal-isptar huwa responsabbli, anki fl-assenza ta’ nuqqas min-naħa tiegħu, tal-konsegwenzi dannużi għall-utenti minħabba l-ħsara ta’ prodotti jew ta’ apparat użati waqt il-kura mogħtija. Minn din id-direttiva, kif trasposta fid-dritt nazzjonali Franċiż, fil-fatt jirriżulta li l-prodottur tas-saqqu għandu jiġi kkunsidrat l-uniku responsabbli sa fejn, f’dan il-każ, huwa kien debitament identifikat.

15      Il-Conseil d’État jirrileva li dan il-prinċipju ġurisprudenzjali ġie stabbilit fil-ġurisprudenza tagħha permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Lulju 2003, jiġifieri wara n-notifika tad-Direttiva 85/374 lill-Istati Membri. Madankollu, peress li din id-deċiżjoni ngħatat fil-kuntest ta’ kawża li oriġinat qabel it-terminu stabbilit għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, il-Conseil d’État iqis li jista’ jiġi sostnut, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu  13 tagħha li ma jippreġudikawx “id-drittijiet li persuna korruta jista’ jkollha skond ir-regoli tal-liġi tar-responsabbiltà kontrattwali jew mhux kontrattwali”, li dan il-prinċipju, li jaqa’ taħt sistema ta’ responsabbiltà li għandha bażi speċifika, distinta minn dik tas-sistema ta’ responsabbiltà stabbilita minn din id-direttiva, jibqa’ applikabbli għad-danni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

16      Jekk dan ma jkunx il-każ, din il-qorti tqis li l-eżitu tal-kawża li tressqet quddiemha jiddependi għalhekk mill-punt dwar jekk is-sistema ta’ responsabbiltà ddefinita mid-Direttiva 85/374 tikkonċernax id-danni li l-utent tal-prodott difettuż seta’ kkawża lil terz fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi mwettqa għall-benefiċċju ta’ dan tal-aħħar.

17      F’dan il-kuntest, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tagħha, id-Direttiva [85/374] tippermetti l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ responsabbiltà bbażata fuq is-sitwazzjoni partikolari tal-pazjenti ta’ stabbilimenti pubbliċi tas-saħħa, sa fejn tirrikonoxxilhom b’mod partikolari d-dritt li jiksbu mingħand dawn l-istabbilimenti, saħansitra fl-assenza ta’ nuqqas min-naħa ta’ dawn l-istabbilimenti, kumpens għad-danni kkawżati minn ħsara fil-prodotti u fl-apparat użati minn dawn l-istabbilimenti, bla ħsara għall-possibbiltà tal-istabbiliment li jippreżenta rikors kontra l-produttur fuq il-bażi tal-garanzija?

2)      Id-Direttiva [85/374] tillimita l-possibbiltà tal-Istati Membri li jiddefinixxu r-responsabbiltà tal-persuni li jużaw apparat u prodotti difettużi fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi u jikkawżaw, b’dan il-mod, danni lill-benefiċjarju tal-provvista?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni domanda

18      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-responsabbiltà ta’ fornitur ta’ servizzi li juża, fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi bħal dik ta’ kura mogħtija fl-isptar, apparat jew prodotti difettużi u jikkawża, b’dan il-mod, danni lill-benefiċjarju ta’ din il-provvista, taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/374, b’mod li din tal-aħħar tipprekludi l-eżistenza ta’ sistema nazzjonali, bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi r-responsabbiltà ta’ tali fornitur fir-rigward tad-danni hekk ikkawżati, anki fl-assenza ta’ kull nuqqas imputabbli lilu.

19      Hekk kif jirriżulta mill-ewwel premessa tagħha, id-Direttiva 85/374 hija intiża sabiex tapprossima l-liġijiet tal-Istati Membri dwar ir-responsabbiltà tal-produttur għad-danni kkawżati mid-difetti tal-prodotti tiegħu

20      Għandu jiġi mfakkar li, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti, din id-direttiva trid tilħaq, fuq l-aspetti li hija tirregola, armonizzazzjoni totali tal-liġijiet, ir-regolamenti u d‑dispożizzjonijiet amministrattivi tal‑Istati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑52/00, Ġabra p. I‑3287, punt 24, u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑154/00, Ġabra p. I‑3879, punt 20, kif ukoll tal-10 ta’ Jannar 2006, Skov u Bilka, C‑402/03, Ġabra p. I‑199, punt 23).

21      Għall-kuntrarju, hekk kif jirriżulta mit-tmintax-il premessa tagħha, id-Direttiva 85/374 ma tippruvax tarmonizza b’mod eżawrjenti l-qasam tar-responsabbiltà għal prodotti difettużi lil hinn mill-aspetti li hija tirregola (ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Moteurs Leroy Somer, C‑285/08, Ġabra p. I‑4733, punti 24 u 25).

22      Is-sistema armonizzata ta’ responsabbiltà ċivili tal-produtturi għad-danni kkawżati mill-prodotti difettużi stabbilita mid-Direttiva 85/374 tissodisfa, hekk kif jirriżulta mill-ewwel premessa tagħha, l-għan li tiġi ggarantita kompetizzjoni mhux distorta bejn l-operaturi ekonomiċi, li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-merkanzija u li jiġu evitati differenzi fil-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Id-delimitazzjonijiet tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni huma r-riżultat ta’ proċess ta’ evalwazzjoni kumplessa mwettqa, b’mod partikolari, bejn dawn id-diversi interessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Franza, punti 17 u 29, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, punti 13 u 29).

23      F’dan ir-rigward, ir-raba’ premessa tad-Direttiva 85/374 tenfasizza li l-protezzjoni tal-konsumatur teżiġi li l-produtturi kollha involuti fil-proċess ta’ produzzjoni għandhom jinżammu responsabbli jekk il-prodott finalizzat jew il-parti komponenti jew il-materja prima pprovduta minnhom hija difettuża u li, għall-istess raġuni, ir-responsabbiltà għandha testendi għall-importatur ta’ prodotti fil-Komunità u għal kull persuna li tippreżenta lilha nnifisha bħala produttur billi twaħħal isimha, it-trade mark tagħha jew kull sinjal distintiv ieħor jew għal kull persuna li tipprovdi prodott li l-produttur tiegħu ma jistax jiġi identifikat;

24      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 85/374, li jistabbilixxi l-prinċipju li “[i]l-produttur jinżamm responsabbli għal ħsara kkawżata minn difett fil-prodott tiegħu”, u l-Artikolu 3 tagħha, li jippreċiża b’mod partikolari l-kundizzjonijiet li fihom għandha wkoll titqies bħala produttur, skont din id-direttiva, il-persuna li tippreżenta ruħha bħala l-produttur, l-importatur tal-prodott fl-Unjoni jew ukoll il-fornitur tiegħu, għandhom jinqraw fid-dawl tal-ewwel u tar-raba’ premessa ta’ din id-direttiva.

25      Fir-rigward, b’mod iktar preċiż, tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu 3, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tindika, wara eżami tax-xogħlijiet preparatorji li wasslu għall-adozzjoni tad-Direttiva 85/374, li huwa wara li sar ħafna ħsieb fuq ir-rwoli rispettivi tal-operaturi ekonomiċi differenti li jintervjenu fil-katina ta’ manifatturazzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni li ttieħdet id-deċiżjoni li r-responsabbiltà għad-danni kkawżati minn prodotti difettużi fis-sistema ġuridika stabbilita mid-Direttiva tiġi imputata bħala prinċipju lill-produttur, u biss f’ċerti każijiet speċifiċi lill-importatur u lill-fornitur (sentenza Skov u Bilka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

26      Il-Qort tal-Ġustizzja eskludiet ukoll li d-Direttiva 85/374 twettaq armonizzazzjoni totali biss fir-rigward tar-responsabbiltà tal-produttur għall-prodotti difettużi, mingħar ma tirregola, għall-kuntrarju, ir-responsabbiltà tal-fornitur. F’dan ir-rigward hija ddeċidiet li l-Artikoli 1 u 3 ta’ din id-direttiva, li jiddefinixxu l-kunċett ta’ “produttur”, ma jillimitawx rwieħhom jirregolaw ir-responsabbiltà tal-produttur ta’ prodott difettuż, iżda jiddeterminaw, fost il-professjonisti li pparteċipaw fil-proċess ta’ manifatturazzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni, dak li għandu jassumi r-responsabbiltà stabbilita minn din id-direttiva u li ċ-ċirku ta’ persuni responsabbli li kontrihom il-vittma tista’ tressaq azzjoni skont is-sistema ta’ responsabbiltà prevista f’din l-istess d-direttiva huwa, f’dan ir-rigward, iddefinit b’mod eżawrjenti fl-imsemmija Artikoli 1 u 3 (sentenza Skov u Bilka, iċċitata iktar ’il fuq, punti 24, 26, 30, 32 u 33).

27      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-responsabbiltà li tista’ tiġi imputata lil utent li, bħaċ-CHU ta’ Besançon, juża, fil-kuntest ta’ provvista ta’ kura lil pazjent, prodott jew apparat li huwa akkwista preċedentement, bħal saqqu li jsaħħan, ma taqax taħt l-aspetti rregolati mid-Direttiva 85/374 u għaldaqstant ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar.

28      Fil-fatt, hekk kif sostnew il-Gvernijiet Franċiż u Grieg kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, u kif rrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 27 sa 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali utent ma jistax jitqies bħala parteċipant fil-katina ta’ manifatturazzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodott inkwistjoni li għaliha tirreferi, hekk kif għadu kemm ġie mfakkar, id-definizzjoni ta’ “produttur” stabbilita fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/374 u lanqas, għaldaqstant, u kuntrarjament għal dak li jsostni ċ-CHU ta’ Besançon, ma jista’ jiġi kkawlifikat bħala fornitur ta’ dan il-prodott skont l-Artikolu 3(3). B’mod partikolari, ma jistax jiġi kkunsidrat li, fil-kawża prinċipali, iċ-CHU ta’ Besançon ipprovda lill-pazjent prodott intiż sabiex jiġi użat minnu.

29      Barra minn hekk, is-sempliċi koeżistenza, maġenb is-sistema ta’ responsabbiltà tal-produttur stabbilita mid-Direttiva 85/374, ta’ sistema nazzjonali li tipprevedi r-responsabbiltà mingħajr nuqqas tal-fornitur ta’ servizzi li, fil-kuntest ta’ provvista ta’ kura fl-isptar, ikkawża dannu lill-benefiċjarju ta’ din il-provvista minħabba l-użu ta’ prodott difettuż, ma hijex tali li tippreġudika la l-effikaċja ta’ din is-sistema ta’ responsabbiltà tal-produttur u lanqas l-għanijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni jrid jilħaq permezz ta’ din is-sistema tal-aħħar.

30      L-ewwel nett, f’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li tali responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi, meta din hija prevista fid-dritt ta’ Stat Membru, tista’, f’kull każ u hekk kif sostnew il-Gvernijiet Franċiż, Ġermaniż u Grieg u kif ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, tiġi stabbilita biss bil-kundizzjoni li ma tippreġudikax is-sistema stabbilita bid-Direttiva 85/374. Fil-fatt l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali ma tistax tippreġudika l-effettività tagħha (sentenza tal-10 ta’ Mejju 2001Veedfald, C‑203/99, Ġabra p. I‑3569, punt 27). Barra minn hekk għandha tinżamm il-possibbiltà li tiġi invokata r-responsabbiltà tal-prodottur meta huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet li għalihom din id-direttiva tissuġġetta l-eżistenza ta’ tali responsabbiltà. Din il-possibbiltà li tiġi invokata r-responsabbiltà għandha għaldaqstant tingħata mhux biss lill-vittma, iżda wkoll lill-fornitur ta’ servizzi li għandu għaldaqstant, għal dan il-għan, b’mod partikolari jkun jista’ jkollu mekkaniżmu bħal dak tar-rikors fuq il-bażi tal-garanzija li tirreferi għalih il-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tagħha.

31      It-tieni nett, fir-rigward tal-għanijiet li trid tilħaq is-sistema ta’ responsabbiltà tal-prodottur stabbilita mid-Direttiva 85/374, diġà ġie mfakkar, fil-punti 22 u 23 ta’ din is-sentenza, li din tal-aħħar hija intża, b’mod partikolari, sabiex tiffaċilita l-moviment liberu tal-merkanzija kif ukoll sabiex tiżgura kemm kompetizzjoni mhux distorta bejn l-operaturi ekonomiċi kkonċernati kif ukoll il-protezzjoni tal-konsumaturi.

32      F’dan ir-rigward, qabel kollox hemm lok li jiġi rrilevat li xejn fit-test tad-Direttiva 85/374 ma jippermetti li jiġi konkluż li l-leġiżlatur Komunitarju, billi stabbilixxa responsabbiltà tal-produttur għal prodotti difettużi, ried iċaħħad lill-Istati Membri, għall-finijiet tal-għan li jiżgura kompetizzjoni mhux distorta u li jiffaċilita l-moviment liberu tal-merkanzija, mis-setgħa li jipprevedu, fir-rigward tal-kumpens għad-danni kkawżati minn prodott difettuż użat fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sistema ta’ responsabbiltà tal-fornitur li tikkorrispondi, jekk ikun il-każ, ma’ dik stabbilita minn din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza Moteurs Leroy Somer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

33      Sussegwentement, u hekk kif sostna l-Gvern Grieg, għalkemm il-moviment liberu tal-merkanzija jiddependi, qabek kollox, mill-attività tal-produtturi, tal-importaturi u tal-fornituri ta’ din il-merkanzija, u għalkemm id-disparitatijiet tas-sistemi nazzjonali dwar ir-responsabbiltà ta’ dawn l-operaturi jistgħu, għaldaqstant, bla dubju ta’ xejn ikollhom impatt fuq dan il-moviment liberu, l-attività tal-fornituri ta’ servizzi li, wara li jkunu akkwistaw merkanzija, jużawha fil-kuntest tal-provvisti li huma jwettqu għall-benefiċċju ta’ terzi tippreżenta, f’dan ir-rigward, differenzi sinjifikattivi u ma tistax, għaldaqstant, tiġi mqabbla ma’ dik ta’ dawn il-produtturi, importaturi u fornituri.

34      Barra minn hekk, għandu jiġi wkoll enfasizzat li, sa fejn responsabbiltà eventwali mingħajr nuqqas tal-fornitur ta’ servizzi li tirriżulta mid-dritt nazzjonali tista’ tiġi stabbilita biss, hekk kif ġie indikat fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, bil-kundizzjoni li ma tiġix ippreġudikata r-responsabbiltà tal-produttur kif tirriżulta mid-Direttiva 85/374, tali responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ma tirriżultax tali li tikkawża distorsjoni lill-kompetizzjoni bejn l-operaturi tal-katina ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni.

35      Fl-aħħar, l-eventwali responsabbiltà mingħajr nuqqas tal-fornitur ta’ servizzi, peress li l-iktar l-iktar tista’ tiżdied mar-responsabbiltà tal-produttur li tirriżulta mid-Direttiva 85/374, hija tali sabiex tikkontribwixxi għal tisħiħ tal-protezzjoni tal-konsumatur, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 45 u 46 tal-konklużjonijiet tiegħu.

36      Fir-rigward tal-punti 12 u 17 tas-sentenza Veedfald, iċċitata iktar ’il fuq, li għalihom sar riferiment matul il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li jiġi mfakkar li l-ewwel domanda magħmula fil-kuntest tal-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet tikkonċerna ipoteżi li fiha “l-manifattur tal-prodott difettuż, matul il-provvista ta’ servizz mediku speċifiku, jimmanifattura u juża l-prodott fuq organu uman” u kienet biss intiża sabiex jiġi magħruf jekk, f’ipoteżi simili, dan il-prodott difettuż setax jitqies jew le bħala li “[t]poġġ[a] […] fiċ-ċirkulazzjoni” skont l-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 85/374.

37      Hekk kif sostna l-Gvern Franċiż u kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn dan jirriżulta li, peress li l-persuna ġuridika li r-responsabbiltà tagħha kienet invokata kienet mhux biss il-fornitur tas-servizz ikkonċernat, iżda wkoll il-“produttur” skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 85/374, il-kwistjoni dwar jekk din id-direttiva tistax ukoll tkopri r-responsabbiltà ta’ fornitur ta’ servizzi li juża prodotti difettużi li huwa ma huwiex il-produttur tagħhom bl-ebda mod ma qamet fil-kuntest ta’ din il-kawża.

38      F’dawn il-kundizzjonijiet, is-sentenza Veedfald, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax tiġi interpretata bħala li solviet din il-kwistjoni. Barra minn hekk, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 39 u 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma ddeċidiet fuq din il-kwistjoni fis-sentenza tal-25 ta’ April 2002, González Sánchez (C‑183/00, Ġabra p. I‑3901).

39      Fid-dawl ta’ dan kollu li jippreċedi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li r-responsabbiltà ta’ fornitur ta’ servizzi li juża, fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi bħal dik ta’ kura mogħtija fl-isptar, apparat jew prodotti difettużi li huwa ma huwiex il-produttur tagħhom skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/374, u b’dan il-mod, jikkawża danni lill-benefiċjarju tal-provvista, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant din tal-aħħar ma tipprekludix li Stat Membru jistabbilixxi sistema, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi r-responsabbiltà ta’ tali fornitur fir-rigward tad-danni hekk ikkawżati, anki fl-assenza ta’ kull nuqqas imputabbli lilu, bil-kundizzjoni, madankollu, li tinżamm il-possibbiltà għall-vittma u/jew għal dan il-fornitur li jinvoka r-responsabbiltà tal-produttur abbażi ta’ din id-direttiva meta l-kundizzjonijiet previsti fiha jkunu sodisfatti.

  Fuq l-ewwel domanda

40      Fid-dawl tar-riposta mogħtija lit-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-ewwel domanda

 Fuq l-ispejjeż

41      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

Ir-responsabbiltà ta’ fornitur ta’ servizzi li juża, fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi bħal dik ta’ kura mogħtija fl-isptar, apparat jew prodotti difettużi li huwa ma huwiex il-produttur tagħhom skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1985, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi, kif emendata bid-Direttiva 1999/34/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Mejju 1999, u b’dan il-mod, jikkawża danni lill-benefiċjarju tal-provvista, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant din tal-aħħar ma tipprekludix li Stat Membru jistabbilixxi sistema, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi r-responsabbiltà ta’ tali fornitur fir-rigward tad-danni hekk ikkawżati, anki fl-assenza ta’ kull nuqqas imputabbli lilu, bil-kundizzjoni, madankollu, li tinżamm il-possibbiltà għall-vittma u/jew għal dan il-fornitur li jinvoka r-responsabbiltà tal-produttur abbażi ta’ din id-direttiva meta l-kundizzjonijiet previsti fiha jkunu sodisfatti

Firem


*  Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top