Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0482

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-21 ta' Diċembru 2011.
    Teresa Cicala vs Regione Siciliana.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Corte dei Conti - sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana - l-Italja.
    Proċedura amministrattiva nazzjonali - Atti amministrattivi - Obbligu ta’ motivazzjoni - Possibbiltà li jimtela n-nuqqas ta’ motivazzjoni matul proċedura ġudizzjarja mibdija kontra att amministrattiv - Interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
    Kawża C-482/10.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:868

    Kawża C-482/10

    Teresa Cicala

    vs

    Regione Siciliana

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte dei conti,

    sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana)

    “Proċedura amministrattiva nazzjonali — Atti amministrattivi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Possibbiltà li jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ motivazzjoni matul proċedura ġudizzjarja mibdija kontra att amministrattiv — Interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

    Sommarju tas-sentenza

    Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Sitwazzjonijiet purament interni

    (Artikolu 267 TFUE)

    Interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet purament interni hija ġġustifikata fuq il-bażi li dawn saru applikabbli mid-dritt nazzjonali b’mod dirett u mingħajr kundizzjonijiet, sabiex jiżguraw trattament identiku għas-sitwazzjonijiet domestiċi u għas-sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni.

    Madankollu, meta dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tirreferi, b’mod ġenerali għall-“prinċipji bbażati fuq l-ordinament ġuridiku Komunitarju” u mhux b’mod speċifiku għad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni msemmija fid-domandi preliminari, ma jistax jiġi kkunsidrat li dawn id-dispożizzjonijiet saru, bħala tali, applikabbli direttament mid-dritt nazzjonali inkwistjoni. Bl-istess mod, ma jistax jiġi kkunsidrat, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li r-riferiment għad-dritt tal-Unjoni li jirregola sitwazzjonijiet purament interni hija, mingħajr kundizzjoni b’tali mod li d-dispożizzjonijiet imniżżla fl-imsemmija domandi jkunu japplikaw mingħajr limitu għas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi d-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali dwar l-interpretazzjoni tad‑dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni meta ma jkunx jista’ jiġi dedott li, meta jirreferi għall-prinċipji li ġejjin mid-dritt tal-Unjoni, il-leġiżlatur nazzjonali kellu jirreferi għall-kontenut tal-imsemmija dispożizzjonijiet speċifiċi bil-għan li jiġi applikat trattament identiku għas-sitwazzjonijiet interni u għas‑sitwazzjonijiet koperti mid-dritt tal-Unjoni.

    (ara l-punti 19, 25-27, 29, 30 u d-dispożittiv)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    21 ta’ Diċembru 2011 (*)

    “Proċedura amministrattiva nazzjonali – Atti amministrattivi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Possibbiltà li jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ motivazzjoni matul proċedura ġudizzjarja mibdija kontra att amministrattiv – Interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

    Fil-Kawża C-482/10,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte dei Conti, sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Settembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Ottubru 2010, fil-proċedura

    Teresa Cicala

    vs

    Regione Siciliana,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, E. Juhász, G. Arestis, T. von Danwitz (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal Regione Siciliana, minn V. Farina u D. Bologna, avukati,

    –        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Varone, avvocato dello Stato,

    –        għall-Gvern Daniż, minn V. Pasternak Jørgensen, bħala aġent,

    –        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, J. Möller u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Grieg, minn E.‑M. Mamouna u K. Paraskevopoulou kif ukoll minn I. Bakopoulos, bħala aġenti,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u H. Kraemer, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ motivazzjoni tal-atti tal-amministrazzjoni pubblika stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u fl-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn T. Cicala u r-Regione Siciliana fir-rigward tad-deċiżjoni li tipprevedi t-tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni ta’ T. Cicala u l-irkuprar ta’ ammonti mħallsa għal perijodi li għaddew.

     Il-kuntest ġuridiku

    3        Il-Liġi Nru 241, tas-7 ta’ Awwissu 1990, li tintroduċi regoli ġodda dwar il-proċedura amministrattiva u d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti amministrattivi (GURI Nru 192, tat-18 ta’ Awwissu 1990, p. 7), kif emendata bil-Liġi Nru 15, tal-11 ta’ Frar 2005 (GURI Nru 42, tal-21 ta’ Frar 2005, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 241/1990”), tipprovdi fl-Artikolu 1(1):

    “L-attività amministrattiva ssegwi għanijiet stabbiliti mil-liġi u hija rregolata mill-kriterji ta’ ekonomija, ta’ effettività, ta’ imparzjalità, ta’ pubbliċità u ta’ trasparenza skont il-metodi previsti minn din il-liġi u d-dispożizzjonijiet l-oħra li jirregolaw proċeduri distinti kif ukoll mill-prinċipji bbażati fuq l-ordinament ġuridiku Komunitarju”.

    4        L-Artikolu 3(1) u (2) tal-Liġi Nru 241/1990 jipprovdi, f’dak li jikkonċerna l-obbligu ta’ motivazzjoni:

    “1.      Kull deċiżjoni amministrattiva […] għandha tkun motivata, salv kif provdut fil-paragrafu 2. Il-motivazzjoni għandha tindika ċ-ċirkustanzi fattwali kif ukoll il-motivi legali li wasslu lill-amministrazzjoni biex tieħu din id-deċiżjoni, fid-dawl tar-riżultati tal-eżami minn qabel tal-fajl.

    2.      Il-motivazzjoni ma hijiex meħtieġa għall-atti leġiżlattivi u għall-atti ta’ portata ġenerali.”

    5        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21g(2) tal-Liġi Nru 241/1990 huwa fformulat kif ġej:

    “Id-deċiżjoni adottata bi ksur tar-regoli proċedurali jew tar-regoli dwar il-forma tal-atti ma tistax tiġi annullata jekk, fid-dawl tal-fatt li tinsab taħt il-kompetenza limitata tal-amministrazzjoni, ikun ċar li d-dispożittiv tagħha ma setax ikun differenti minn dak adottat fir-realtà.”

    6        L-Artikolu 3 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sqallija Nru 10, tat-30 ta’April 1991, li tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar id-deċiżjonijiet amministrattivi, id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti amministrattivi u t-titjib tal-funzjonament tal-attività amministrattiva (iktar ’il quddiem il-“Liġi Reġjonali ta’ Sqallija Nru 10/1991”), jirriproduċi kelma b’kelma l-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 241/1990.

    7        L-Artikolu 37 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sqallija Nru 10/1991 jipprovdi:

    “Għal dak kollu li ma huwiex previst b’din il-liġi, għandhom jiġu applikati, sa fejn huma kompatibbli, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 241/1990, inklużi l-emendi u ż-żidiet sussegwenti, kif ukoll il-miżuri ta’ implementazzjoni relatati.”

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    8        T. Cicala, li kienet impjegata mir-Regione Siciliana, hija intitolata għal pensjoni li titħallas lilha minn din tal-aħħar. B’nota tal-1997, ir-Regione Siciliana informat lill-parti kkonċernata li l-ammont tal-pensjoni tagħha, kif stabbilit permezz ta’ digriet reġjonali preċedenti, kien ogħla minn dak li kien effettivament dovut lilha, u li dan l-ammont kien ser jitnaqqas, filwaqt li l-ammonti indebitament imħallsa kienu suġġetti għal irkupru simultanju. T. Cicala ppreżentat azzjoni għall-annullament ta’ din in-nota quddiem il-Corte dei Conti, sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana, fejn invokat in-nuqqas totali ta’ motivazzjoni tal-att li ma jippermettix, b’mod partikolari, li jiġu ddeterminati l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw it-tnaqqis tal-pensjoni tagħha u l-irkupru ta’ somom indebitament imħallsa.

    9        F’dan ir-rigward, ir-Regione Siciliana osservat li n-nota kkontestata kienet tifforma parti mill-kompetenza limitata tal-amministrazzjoni u li d-dispożittiv tagħha ma setax ikun differenti minn dak adottat. Matul il-proċedura ġudizzjarja, hija pprovdiet indikazzjonijiet dwar il-motivi li jiġġustifikaw din in-nota u kkonkludiet li kien impossibbli, skont l-Artikolu 21g(2) tal-Liġi Nru 241/1990, li din tiġi annullata.

    10      Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Corte dei conti, sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana, tirreferi għall-kunsiderazzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twieġeb għad-domandi mressqa. Hija tirrileva, qabel kollox, li fil-kuntest tal-kawża prinċipali, hija teżerċità funzjonijiet ġudizzjarji. Fil-fatt, fejn jidħlu l-pensjonijiet, hija teżerċita ġurisdizzjoni esklużiva fuq il-mertu u hija għandha ġurisdizzjoni sabiex tannulla l-atti amministrattivi. Għalhekk, kuntrarjament għall-kawżi li wasslu għad-digrieti tas-26 ta’ Novembru 1999, ANAS (C-192/98, Ġabra p. I-8583), u RAI (C-440/98, Ġabra p. I‑8597), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ruħha bħala li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq kwistjonijiet imqajma mill-Corte dei conti, hija għandha, fil-kuntest ta’ din il-kawża, titqies mhux bħala awtorità amministrattiva iżda bħala qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

    11      Il-Corte dei Conti, sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana, osservat ukoll li d-domandi mressqa huma ammissibbli. L-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nru 241/1990 jinkludi riferiment dirett u mingħajr kundizzjonijiet għall-prinċipji derivati mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Il-Consiglio di Stato (Kunsill tal-Istat) iddeċieda, f’kawża reċenti (Sez. V 4035/2009), li l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni huma direttament applikabbli fl-ordinament ġuridiku intern u għandhom jirregolaw l-aġir tal-amministrazzjoni. Għalhekk, għandu jitqies li l-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u fl-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta japplika għall-attivitajiet kollha tal-amministrazzjoni Taljana, kemm jekk dawn saru fl-okkażjoni tal-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew jekk saru fil-kuntest tal-kompetenzi speċifiċi ta’ din l-amministrazzjoni.

    12      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ukoll jekk, f’dan il-każ, il-kawża prinċipali tirrigwarda sitwazzjoni purament interna, dan ir-rinviju preliminari għandu, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli. Peress li qieset li s-soluzzjoni tal-imsemmija kawża tiddependi mill-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, il-Corte dei conti, sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

    “1)      Fir-rigward tal-Artikolu 3 tal-Liġi 241/1990 u l-Artikolu 3 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sqallija 10/1991, relatati mal-Artikolu 1 tal-Liġi 241/90, li jobbliga l-amministrazzjoni Taljana li tapplika l-prinċipji tas-sistema legali tal-Unjoni Ewropea, skont l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti tal-amministrazzjoni pubblika previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, huma kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-imsemmija normi nazzjonali, li jipprovdu li l-atti paritetiċi, jiġifieri drittijiet suġġettivi inerenti, li huma fi kwalunkwe każ vinkolanti, fil-qasam tal-pensjonijiet, jistgħu jaħarbu mill-obbligu ta’ motivazzjoni, u dan huwa każ ta’ ksur ta’ forma sostanzjali tal-att amministrattiv?

    2)      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21g(2) tal-Liġi 241/1990, hekk kif interpretat fil-ġurisprudenza amministrattiva, relatat mal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-att amministrattiv stabbilit fl-Artikolu 3 tal-istess Liġi 241/1990 u tal-Liġi Reġjonali ta’ Sqallija 10/1991, skont l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti tal-amministrazzjoni pubblika previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 41(2)(ċ), tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, huwa kompatibbli mal-Artikolu 1 tal-Liġi 241/1990, fejn huwa previst l-obbligu tal-amministrazzjoni li tapplika l-prinċipji tas-sistema legali tal-Unjoni Ewropea, u, konsegwentement, huma kompatibbli u ammissibbli l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-possibbiltà għall-amministrazzjoni li tissupplimenta l-motivazzjoni tal-att amministrattiv waqt il-proċeduri?”

     Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

    13      Fid-dawl tal-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju, iqumu l-kwistjonijiet dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni li tiddeċiedi fuq id-domandi mressqa lilha, fir-rigward, min-naħa waħda, tal-kwalifika bħala “qorti” fis-sens ta’ Artikolu 267 TFUE, tal-Corte dei conti, sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana, u, min-naħa oħra, tal-għan tal-imsemmija domandi.

    14      F’dan l-aħħar rigward, ir-Regione Siciliana, il-Gvern Taljan, Daniż, Ġermaniż u Grieg, kif ukoll il-Kummissjoni Europea jinvokaw, essenzjalment, in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi d-domandi mressqa, għar-raġuni li l-kawża prinċipali tirrigwarda sitwazzjoni purament interna. B’mod partikolari, il-Gvern Taljan u dak Grieg, kif ukoll il-Kummissjoni jqisu li r-riferiment għad-dritt tal-Unjoni, skont l-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 241/1990, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet imposti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi rikonoxxuta l-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar.

    15      Skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi, b’mod preliminari, dwar l-interpretazzjoni tat-trattati kif ukoll tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita permezz ta’ dan l-artikolu, huma biss il-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw, fir-rigward tal-partikolaritajiet ta’ kull kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et, C‑310/10, Ġabra p. I‑0000, punti 24 u 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    16      Konsegwentement, peress li d-domandi mressqa mill-qrati nazzjonali jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, għandha l-obbligu li tiddeċiedi (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2006, Poseidon Chartering, C‑3/04, Ġabra p. I‑2505, punt 15; tat-28 ta’ Ottubru 2010, Volvo Car Germany, C‑203/09, Ġabra p. I‑10721, punt 24, kif ukoll Agafitei et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

    17      B’applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ddikkjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet fejn il-fatti fil-kawża prinċipali jkunu jinsabu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda fejn l-imsemmija dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt kienu saru applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali minħabba riferiment minn dan tal-aħħar għall-kontenut tagħhom. F’dawn is-sentenzi, jidher b’mod ċar li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirriproduċu d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma kinux limitaw l-applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar (sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Giloy, C‑130/95, Ġabra p. I-4291, punt 23, kif ukoll Leur-Bloem, C‑28/95, Ġabra p. I‑4161, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    18      Fil-fatt, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li meta leġiżlazzjoni nazzjonali tkun konformi, minħabba s-soluzzjonijiet li toffri għal sitwazzjonijiet purament interni, ma’ dawk tad-dritt tal-Unjoni sabiex, pereżempju, tiġi evitata diskriminazzjoni kontra ċittadini nazzjonali jew eventwali distorsjoni tal-kompetizzjoni, jew ukoll sabiex tiżgura proċedura unika f’sitwazzjonijiet paragunabbli, jeżisti interess ċert tal-Unjoni li, sabiex jiġu evitati differenzi fl-interpretazzjonijiet futuri, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti meħuda mid-dritt tal-Unjoni jirċievu interpretazzjoni uniformi, ikunu xi jkunu l-kundizzjonijiet fejn ikollhom japplikaw (sentenza Agafitei et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    19      Għalhekk, interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet purament interni hija ġġustifikata fuq il-bażi li dawn saru applikabbli mid-dritt nazzjonali b’mod dirett u mingħajr kundizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1995, Kleinwort Benson, C‑346/93, Ġabra p. I‑615, punt 16, kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C‑280/06, Ġabra p. I‑10893, punt 25), sabiex jiżguraw trattament identiku għas-sitwazzjonijiet domestiċi u għas-sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Poseidon Chartering, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17, kif ukoll tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C‑217/05, Ġabra p. I‑11987, punt 22).

    20      F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-kawża prinċipali tirrigwarda dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li japplikaw f’kuntest purament nazzjonali u li fosthom, b’mod partikolari, dawk relatati mal-motivazzjoni tal-atti amministrattivi huma indiskussjoni fil-kawża prinċipali.

    21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati mid-domandi mressqa hijiex iġġustifikata, kif issostni l-qorti tar-rinviju, għar-raġuni li dawn id-dispożizzjonijiet saru applikabbli mid-dritt nazzjonali b’mod dirett u mingħajr kundizzjonijiet, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, minħabba riferiment mill-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 241/1990 għall-prinċipji tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

    22      F’dan ir-rigward, il-Gvern Taljan isostni, b’mod partikolari, li l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa kompletament irregolat mid-dritt intern dwar il-proċedura amministrattiva, u għalhekk, ma jistax jiġi interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    23      Madankollu, il-Liġi Nru 241/1990 u l-Liġi Reġjonali ta’ Sqallija Nru 10/1991 jipprovdu regoli speċifiċi f’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti amministrattivi. Barra minn hekk, il-Liġi Nru 241/1990 tipprovdi, fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ ksur ta’ dan l-obbligu, regoli speċifiċi applikabbli għall-kawża prinċipali abbażi tal-Artikolu 37 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sqallija.

    24      B’hekk, kif ġie rrilevat b’mod partikolari mill-qorti tar-rinviju stess, mir-Regione Siciliana kif ukoll mill-Gvern Taljan, l-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 241/1990 u l-Artikolu 3 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sqallija Nru 10/1991 jistabbilixxu l-prinċipju ta’ obbligu ta’ motivazzjoni għad-deċiżjonijiet amministrattivi billi jirregolaw, b’mod partikolari, il-kontenut obbligatorju ta’ tali motivazzjoni. Barra minn hekk, fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ ksur ta’ dan l-obbligu, l-Artikolu 21g(2) tal-Liġi Nru 241/1990 jipprevedi li deċiżjoni ma tistax tiġi annullata meta tkun taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni limitata tal-amministrazzjoni u jkun ċar li d-dispożittiv tagħha ma setax ikun differenti minn dak li ġie adottat. Fl-aħħar nett, skont il-qorti tar-rinviju, din l-aħħar dispożizzjoni tippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-possibbiltà li l-motivazzjoni ta’ att amministrattiv tiġi fformulata matul proċedura.

    25      Min-naħa l-oħra, il-Liġi Nru 241/1990 tirreferi, fl-Artikolu 1 tagħha, b’mod ġenerali għall-“prinċipji bbażati fuq l-ordinament ġuridiku Komunitarju” u mhux b’mod speċifiku għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u għall-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta msemmija fid-domandi preliminari jew għal regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti.

    26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet imsemmija fid-domandi mressqa saru, bħala tali, applikabbli direttament mid-dritt Taljan.

    27      Bl-istess mod, ma jistax jiġi kkunsidrat, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li r-riferiment għad-dritt tal-Unjoni li jirregola sitwazzjonijiet purament interni hija, f’dan il-każ, mingħajr kundizzjoni b’tali mod li d-dispożizzjonijiet imniżżla fl-imsemmija domandi jkunu japplikaw mingħajr limitu għas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali.

    28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Corte dei conti, sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana, bl-ebda mod ma ssemmi li dan ir-riferiment għandu bħala konsegwenza li jiġu evitati r-regoli nazzjonali dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni favur it-tieni paragrafu tal-Artikoli 296 TFUE u l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta, li barra minn hekk huma indirizzati, skont kif inhuma fformulati, mhux lill-Istati Membri, iżda unikament lill-istituzzjonijiet u lill-organi tal-Unjoni, jew inkella regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni, anki meta jkun hemm sitwazzjoni purament interna, sabiex jiġu ttrattati b’mod identiku s-sitwazzjonijiet purament interni u dawk irregolati mid-dritt tal-Unjoni.

    29      Għalhekk, la d-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas il-Liġi Nru 241/1990 ma fihom indikazzjonijiet preċiżi biżżejjed li minnhom jista’ jiġi dedott li, meta jirreferi, fl-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 241/1990, għall-prinċipji li ġejjin mid-dritt tal-Unjoni, il-leġiżlatur nazzjonali kellu l-intenzjoni, fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li jirreferi għall-kontenut tad-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta jew inkella għal regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti bil-għan li jiġi applikat trattament identiku għas-sitwazzjonijiet interni u għas-sitwazzjonijiet koperti mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, f’dan il-każ, ma jistax jiġi konkluż li hemm interess ċert sabiex tiġi ppreżervata interpretazzjoni uniformi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

    30      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi d-domandi magħmula mill-Corte dei conti, sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana, fid-dawl tal-għan ta’ dawn id-domandi.

    31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk il-Corte dei conti, sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, hijiex qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

     Fuq l-ispejjeż

    32      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex ġurisidizzjoni sabiex tirrispondi d-domandi magħmula mill-Corte dei conti, sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Settembru 2010.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top