EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010CJ0472
Judgment of the Court (First Chamber), 26 April 2012.#Nemzeti Fogyasztóvédelmi Hatóság v Invitel Távközlési Zrt.#Reference for a preliminary ruling from the Pest Megyei Bíróság.#Directive 93/13/EEC — Article 3(1) and (3) — Articles 6 and 7 — Consumer contracts — Unfair terms — Unilateral amendment of the terms of a contract by a seller or supplier — Action for an injunction brought in the public interest and on behalf of consumers by a body appointed by national legislation — Declaration of the unfair nature of a term — Legal effects.#Case C‑472/10.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-26 taʼ April 2012.
Nemzeti Fogyasztóvédelmi Hatóság vs Invitel Távközlési Zrt.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Pest Megyei Bíróság.
Direttiva 93/13/KEE — Artikolu 3(1) u (3) — Artikoli 6 u 7 — Kuntratti mal-konsumaturi — Klawżoli inġusti — Emenda unilaterali tat-termini tal-kuntratt mill-bejjiegħ jew fornitur — Azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni mibdija fl-interess pubbliku, f’isem il-konsumaturi, minn organu nnominat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali — Konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola — Effetti legali.
Kawża C-472/10.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-26 taʼ April 2012.
Nemzeti Fogyasztóvédelmi Hatóság vs Invitel Távközlési Zrt.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Pest Megyei Bíróság.
Direttiva 93/13/KEE — Artikolu 3(1) u (3) — Artikoli 6 u 7 — Kuntratti mal-konsumaturi — Klawżoli inġusti — Emenda unilaterali tat-termini tal-kuntratt mill-bejjiegħ jew fornitur — Azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni mibdija fl-interess pubbliku, f’isem il-konsumaturi, minn organu nnominat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali — Konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola — Effetti legali.
Kawża C-472/10.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:242
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
26 ta’ April 2012 ( *1 )
“Direttiva 93/13/KEE — Artikolu 3(1) u (3) — Artikoli 6 u 7 — Kuntratti mal-konsumaturi — Klawżoli inġusti — Emenda unilaterali tat-termini tal-kuntratt mill-bejjiegħ jew fornitur — Azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni mibdija fl-interess pubbliku, f’isem il-konsumaturi, minn organu nnominat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali — Konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola — Effetti legali”
Fil-Kawża C-472/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Pest Megyei Bíróság (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Awwissu 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Settembru 2010, fil-proċedura
Nemzeti Fogyasztóvédelmi Hatóság
vs
Invitel Távközlési Zrt,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur), A. Borg Barthet, J.-J. Kasel u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għall-Gvern Ungeriż, minn Z. Fehér, K. Szíjjártó u Z. Tóth, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Spanjol, minn F. Díez Moreno, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Rozet u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2011,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3(1) u (3), u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”), kif ukoll tal-punti 1(j) u 2(d) tal-Anness ta’ din id-direttiva. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ interess pubbliku mressqa min-Nemzeti Fogyasztóvédelmi Hatóság (Uffiċċju Nazzjonali għall-protezzjoni tal-konsumaturi, iktar ’il quddiem in-“NFH”) kontra l-impriża Invitel Távközlési Zrt (iktar ’il quddiem “Invitel”), dwar l-użu, minn din tal-aħħar, ta’ klawżoli allegatament inġusti fil-kuntratti tagħha konklużi ma’ xi konsumaturi. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
L-għoxrin premessa tad-Direttiva tistipula: “Billi l-kuntratti għandhom jiġu abbozzati f’lingwa ċara, li tiftiehem, il-konsumatur għandu fil-fatt jingħata opportunità biex jeżamina l-klawżoli kollha [...]”. |
4 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva: “[...] 2. Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji [...] m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.” |
5 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1. Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur. [...] 3. L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.” |
6 |
Skont l-Artikolu 4 tal-istess direttiva: “1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu. 2. L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.” |
7 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva jipprovdi: “Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. [...]” |
8 |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva jistipula: “1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti. […]” |
9 |
L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri. 2. Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli. 3. Biex jitqiesu kif imiss il-liġijiet nazzjonali, ir-rimedji legali msemmija fil-paragrafu 2 jisgħu jkunu diretti b’mod separat jew b’mod konġunt kontra numru ta’ bejjiegħa jew fornituri mill-istess settur ekonomiku jew mill-assoċjazzjonijiet tagħhom li jużaw jew jirrakkomandaw l-użu ta’ l-istess klawżoli kuntrattwali ġenerali jew klawżoli simili.” |
10 |
Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva: “L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.” |
11 |
L-Anness ta’ din id-direttiva jelenka l-klawżoli msemmija fl-Artikolu 3(3) tagħha: “1. Klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li: [...]
[...]
[...] 2. L-ambitu tas-subparagrafi (g), (j) u (l) [...]
[...]
|
Il-liġi nazzjonali
12 |
L-Artikolu 209 tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi: “1. Klawżola kuntrattwali ġenerali, jew klawżola kuntrattwali li ma hijiex innegozjata b’mod individwali, ta’ kuntratt ta’ konsum, hija inġusta jekk, bi ksur tal-eżiġenzi ta’ bona fide u ta’ ekwità, tiddetermina, b’mod unilaterali u mingħajr ġustifikazzjoni, id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt b’mod li tiżvantaġġja lill-parti kontraenti ma’ dak li jimponi l-klawżola kuntrattwali inkwistjoni. [...]” |
13 |
Skont l-Artikolu 209/A tal-Kodiċi Ċivili: “1. Il-parti leża tista’ tikkontesta l-klawżoli inġusti li jkunu jinsabu fil-kuntratt bħala kundizzjonijiet ġenerali kuntrattwali. 2. Il-klawżoli inġusti li jkunu jinsabu f’kuntratti ta’ konsum bħala kundizzjonijiet ġenerali kuntrattwali jew li l-bejjiegħ jew fornitur ikun ifformula b’mod unilaterali, minn qabel u mingħajr negozjar individwali, huma nulli. In-nullità tista’ biss tiġi invokata fl-interess tal-konsumatur.” |
14 |
L-Artikolu 209/B tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi: “1. Id-dikjarazzjoni tan-nullità ta’ klawżola inġusta li tkun tinsab f’kuntratt ta’ konsum bħala kundizzjoni ġenerali kuntrattwali, prevista fl-Artikolu 209/A(2) tal-istess kodiċi, tista’ wkoll tintalab lill-qorti minn organu nnominat minn leġiżlazzjoni speċifika. Id-dikjarazzjoni tan-nullità inġusta magħmula mill-qorti tkun tgħodd fir-rigward ta’ kull parti li tkun ikkonkludiet kuntratt ma’ bejjiegħ jew fornitur li juża l-imsemmija klawżola. 2. L-organu nnominat minn leġiżlazzjoni speċifika jista’ wkoll jitlob id-dikjarazzjoni tan-nullità ta’ kull kundizzjoni ġenerali kuntrattwali li tkun ġiet imfassla sabiex jiġu konklużi kuntratti ma’ konsumaturi u li tkun ġiet ippubblikata, minkejja li din tkun għadha ma ntużatx. 3. Jekk il-qorti tikkonstata, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fil-paragrafu 2, li l-kundizzjoni ġenerali kontenzjuża hija inġusta, hija għandha tiddikjaraha nulla f’każ ta’ użu (futur), b’effett fir-rigward ta’ kull parti li tikkonkludi kuntratt ma’ kwalunkwe bejjiegħ jew fornitur li jkun adotta l-klawżola b’mod pubbliku. Kull persuna li tuża l-klawżola kuntrattwali inġusta għandha tissodisfa t-talbiet ifformulati mill-konsumatur abbażi tad-deċiżjoni. Barra minn hekk, id-deċiżjoni ġudizzjarja għandha tipprojbixxi l-użu tal-kundizzjoni ġenerali kuntrattwali inġusta lil kull persuna li tkun adottata b’mod pubbliku. [...]” |
15 |
Skont l-Artikolu 39 tal-Liġi Nru CLV tal-1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi: “1. L-awtorità tal-protezzjoni tal-konsumaturi, il-korp soċjali responsabbli mir-rappreżentazzjoni tal-interessi tal-konsumaturi, jew il-prosekutur pubbliku jistgħu jagħtu bidu, kontra kull persuna li l-attività tagħha, li hija kontra l-liġi, tkun tikkonċerna numru kbir ta’ konsumaturi jew tkun tikkawża dannu importanti, għal azzjoni għad-difiża tal-konsumaturi kollha kkonċernati jew sabiex l-imsemmi dannu jiġi kkumpensat. Din l-azzjoni tista’ tinbeda anki meta l-identità tal-konsumaturi leżi ma tkunx tista’ tiġi stabbilita. [...]” |
16 |
Skont l-Artikolu 132 tal-Liġi Nru C tal-2003 dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi: “1. Ir-regoli dwar il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ abbonament għandhom japplikaw għall-emenda ta’ kull kuntratt ta’ abbonament. Il-kundizzjonijiet ġenerali kuntrattwali jistgħu jippermettu li l-emenda ta’ kull kuntratt ta’ abbonament titwettaq skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2. 2. Il-fornitur ta’ servizz jista’ jemenda l-kuntratti ta’ abbonament fil-każijiet li ġejjin biss:
3. Bidla fir-rigward tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex wieħed jibbenefika mis-servizz jew fir-rigward tal-indikaturi li jikkorrispondu għal għan ta’ kwalità tikkostitwixxi emenda sostanzjali. 4. Jekk il-fornitur ta’ servizz ikun awtorizzat jemenda, b’mod unilaterali, il-kundizzjonijiet ġenerali kuntrattwali fil-każijiet speċifikati minn dawk il-kundizzjonijiet, huwa obbligat li jinforma lill-abbonati b’dan, skont il-kundizzjonijiet previsti b’din il-liġi, u għandu jagħti avviż bil-quddiem ta’ minn tal-inqas tletin jum mid-dħul fis-seħħ tal-imsemmija emenda; il-fornitur huwa obbligat ukoll li jinforma lill-abbonati bil-kundizzjonijiet applikabbli għall-fakultà tagħhom li jxolju l-kuntratt, li tirriżulta minn dan il-fatt. F’tali każ, l-abbonat jibbenefika mid-dritt li jxolji l-kuntratt b’effett immedjat fi żmien tmint ijiem minn meta tintbagħat in-notifika tal-emenda. 5. Meta l-emenda tkun tinkludi stipulazzjonijiet sfavorevoli għall-abbonat, dan tal-aħħar jibbenefika mid-dritt li jxolji l-kuntratt ta’ abbonament, mingħajr konsegwenzi legali oħra, fi żmien ħmistax-il jum mill-imsemmija notifika. Madankollu, l-abbonat ma jistax ixolji l-kuntratt jekk huwa jkun intrabat li jibbenefika mis-servizz għal żmien determinat, sa fejn huwa jkun ikkonkluda l-kuntratt b’kunsiderazzjoni tal-vantaġġi li jirriżultaw minnu u jekk l-emenda ma taffettwax il-vantaġġi miksuba. Meta l-emenda jkollha effett fuq il-vantaġġi miksuba u fejn l-abbonat ixolji l-kuntratt ta’ abbonament, il-fornitur tas-servizz ma jkunx jista’ jitlob lill-abbonat sabiex iħallsu għall-ammont tal-vantaġġ relattiv għall-perijodu ta’ wara x-xoljiment tal-kuntratt. [...]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
17 |
In-NFH jikkontesta, fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ interess pubbliku, il-prattika ta’ Invitel li teżiġi, fil-kuntest ta’ kuntratti għal żmien determinat imsejħa “kuntratti ta’ lealtà” u wara l-konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti, li l-konsumatur iħallas xi spejjeż li inizjalment ma kinux ġew maqbula bejn il-partijiet. |
18 |
Kif jirriżulta mill-proċess, fil-kwalità tagħha ta’ operatur tat-telefonija fissa, Invitel introduċiet fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti (iktar ’il quddiem il-“KĠ”), bi dħul fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2008, klawżola li tipprevedi “spejjeż tal-ordni”, jiġifieri spejjeż applikati f’każ ta’ ħlas tal-kontijiet permezz ta’ ordni ta’ flus postali (money order). Skont l-imsemmija klawżoli, “jekk l-abbonat iħallas il-kont tiegħu permezz ta’ ordni ta’ flus postali, il-fornitur tas-servizz għandu d-dritt jiffattura l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw minn dan il-mezz ta’ ħlas (bħalma huma l-ispejjeż postali)”. Barra minn hekk, il-KĠ ma jinkludu ebda dispożizzjoni li tippreċiża l-mod tal-kalkolu tal-ispejjeż tal-ordni. |
19 |
Tressaq numru kbir ta’ lmenti ta’ konsumaturi quddiem in-NFH, li abbażi tagħhom huwa qies li l-klawżola li tinsab fil-KĠ msemmija fil-punt ta’ qabel dan kienet inġusta fis-sens tal-Artikolu 209 tal-Kodiċi Ċivili. Billi Invitel irrifjutat li temenda din il-klawżola, in-NFH ressaq azzjoni quddiem il-Pest Megyei Bíróság sabiex jikseb dikjarazzjoni tan-nullità tal-klawżola kkontestata bħala klawżola inġusta kif ukoll ir-rimbors awtomatiku u retroattiv tal-abbonati fir-rigward tas-somom miġbura indebitament u ffatturati bħala “spejjeż tal-ordni”. Madankollu, din il-qorti qieset li s-soluzzjoni tal-kawża kienet tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. |
20 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Pest Megyei Bíróság iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq it-tieni domanda
21 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk fid-dawl tal-punti 1(j) u 2(d) tal-Anness tad-Direttiva, l-Artikolu 3(1) u (3) tagħha għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta bejjiegħ jew fornitur, fi klawżola li tinsab fil-KĠ tal-kuntratti ta’ konsum, jipprevedi emenda unilaterali tal-ispejjeż marbuta mas-servizz li għandu jiġi pprovdut, mingħajr madankollu ma jiddeskrivi b’mod ċar il-mod tal-iffissar tal-imsemmija spejjeż u mingħajr ma lanqas jispeċifika ebda raġuni valida għal din l-emenda, l-imsemmija klawżola tkun inġusta. |
22 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “klawżola inġusta” msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva u fl-Anness tagħha, u tirrigwarda wkoll il-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika waqt l-eżami ta’ klawżola kuntrattwali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, fid-dawl tal-fatt li hija l-imsemmija qorti li għandha tiddeċiedi, billi tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-kriterji, dwar il-klassifikazzjoni konkreta ta’ klawżola kuntrattwali partikolari skont ċirkustanzi proprji għall-każ ineżami (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing, C-137/08, Ġabra p. I-10847, punt 44). Minn dan jirriżulta li, fir-risposta tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss tipprovdi lill-qorti tar-rinviju indikazzjonijiet li din tal-aħħar għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa n-natura inġusta tal-klawżola kkonċernata. |
23 |
Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt u lanqas mal-adegwatezza tal-prezz u r-remunerazzjoni, minn naħa, u s-servizzi jew il-merkanzija li għandhom jiġu pprovduti bħala korrispettiv, min-naħa l-oħra, sa fejn dawn il-klawżoli jkunu redatti f’lingwaġġ ċar u li jinftiehem. Madankollu, din l-esklużjoni ma tistax tapplika għal klawżola li tirrigwarda mekkaniżmu ta’ emenda tal-ispejjeż ta’ servizzi li għandhom jiġu pprovduti lill-konsumatur. |
24 |
Fir-rigward ta’ klawżola kuntrattwali li tipprevedi emenda għall-ispiża totali tas-servizz li għandu jiġi pprovdut lill-konsumatur, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-punti 1(j) u (l), kif ukoll 2(b) u (d) tal-Anness tad-Direttiva, għandha b’mod partikolari tiġi esposta l-motivazzjoni jew il-mod ta’ varjazzjoni tal-imsemmija spiża, u l-konsumatur għandu d-dritt li jtemm il-kuntratt. |
25 |
L-imsemmi anness, li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva jagħmel riferiment għalih, fih biss lista indikattiva u mhux eżawrjenti ta’ klawżoli li jistgħu jiġu ddikjarati inġusti (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM, C-243/08, Ġabra p. I-4713, punti 37 u 38; VB Pénzügyi Lízing, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, kif ukoll id-digriet tas-16 ta’ Novembru 2010, Pohotovosť, C-76/10, Ġabra p. I-11557, punti 56 u 58). |
26 |
Għalkemm il-kontenut tal-anness inkwistjoni ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi awtomatikament u fih innifsu n-natura inġusta ta’ klawżola kontenzjuża, madankollu huwa jikkostitwixxi element essenzjali li fuqu l-qorti kompetenti tista’ tibbaża l-evalwazzjoni tagħha tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola. F’dan il-każ, il-qari tad-dispożizzjonijiet tal-Anness tad-Direttiva, imsemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, jippermetti li jiġi kkonstatat li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija rilevanti, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk ir-raġunijiet jew il-mod tal-varjazzjoni tal-ispejjeż marbuta mas-servizz li għandu jiġi pprovdut kinux speċifikati u jekk il-konsumaturi kellhomx dritt li jtemmu l-kuntratt. |
27 |
Barra minn hekk, minn naħa, kif jirriżulta mill-għoxrin premessa tal-imsemmija direttiva, il-konsumatur għandu effettivament ikollu l-opportunità li jsir jaf bil-klawżoli kollha li jinsabu fil-KĠ u bil-konsegwenzi tal-imsemmija klawżoli. Min-naħa l-oħra, l-obbligu li l-klawżoli jkunu redatti f’lingwaġġ ċar u li jinftiehem huwa stabbilit fl-Artikolu 5 tad-Direttiva. |
28 |
Konsegwentement, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura “inġusta” fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva, għandha importanza essenzjali l-possibbiltà għall-konsumatur li, abbażi ta’ kriterji li jinftiehmu u ċari, jipprevedi l-emendi, magħmula mill-bejjiegħ jew fornitur, tal-KĠ f’dak li jirrigwarda l-ispejjeż marbuta mas-servizz li għandu jiġi pprovdut. |
29 |
Meta ċerti aspetti tal-mod ta’ varjazzjoni tal-ispejjeż marbuta mas-servizz li għandu jiġi pprovdut ikunu speċifikati mid-dispożizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva, jew meta l-imsemmija dispożizzjonijiet jipprevedu d-dritt għall-konsumatur li jtemm il-kuntratt, huwa essenzjali li l-imsemmi konsumatur ikun infurmat dwar dawn id-dispożizzjonijiet mill-bejjiegħ jew fornitur. |
30 |
Hija l-qorti nazzjonali li tkun qed tiddeċiedi dwar l-azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni, mibdija fl-interess pubbliku f’isem il-konsumaturi minn organu nnominat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tevalwa, fir-rigward tal-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva, in-natura inġusta ta’ klawżola bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, l-imsemmija qorti jkollha tivverifika b’mod partikolari jekk, fid-dawl tal-klawżoli kollha li jinsabu fil-KĠ tal-kuntratti ta’ konsum li minnhom tagħmel parti l-klawżola kontenzjuża, kif ukoll fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi d-drittijiet u l-obbligi li jistgħu jiżdiedu ma’ dawk previsti mill-KĠ inkwistjoni, ir-raġunijiet jew il-mod ta’ varjazzjoni tal-ispejjeż marbuta mas-servizz li għandu jiġi pprovdut humiex speċifikati b’mod ċar u li jinftiehem u, jekk ikun il-każ, jekk il-konsumaturi għandhomx dritt li jtemmu l-kuntratt. |
31 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li hija l-qorti nazzjonali li tkun qed tiddeċiedi dwar l-azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni, mibdija fl-interess pubbliku u f’isem il-konsumaturi minn organu nnominat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tevalwa, fir-rigward tal-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva, in-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab fil-KĠ tal-kuntratti ta’ konsum li permezz tagħha bejjiegħ jew fornitur jipprevedi emenda unilaterali tal-ispejjeż marbuta mas-servizz li għandu jiġi pprovdut, mingħajr madankollu ma jiddeskrivi b’mod ċar il-mod tal-iffissar tal-imsemmija spejjeż u lanqas ma jispeċifika raġuni valida għal din l-emenda. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, l-imsemmija qorti jkollha tivverifika b’mod partikolari jekk, fid-dawl tal-klawżoli kollha li jinsabu fil-KĠ tal-kuntratti ta’ konsum li minnhom tagħmel parti l-klawżola kontenzjuża, kif ukoll fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi d-drittijiet u l-obbligi li jistgħu jiżdiedu ma’ dawk previsti mill-KĠ inkwistjoni, ir-raġunijiet jew il-mod ta’ varjazzjoni tal-ispejjeż marbuta mas-servizz li għandu jiġi pprovdut humiex speċifikati b’mod ċar u li jinftiehem u, jekk ikun il-każ, jekk il-konsumaturi għandhomx dritt li jtemmu l-kuntratt. |
Fuq l-ewwel domanda
32 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, minn naħa, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) u (2) ta’ din id-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola inġusta li tagħmel parti mill-KĠ tal-kuntratti ta’ konsum fil-kuntest ta’ azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni, imsemmija fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, imressqa kontra bejjiegħ jew fornitur fl-interess pubbliku u f’isem il-konsumaturi minn organu nnominat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, toħloq, skont l-imsemmija leġiżlazzjoni, effetti fir-rigward tal-konsumaturi kollha li jkunu kkonkludew kuntratt li għalih japplikaw l-istess KĠ, inkluż fir-rigward ta’ dawk li ma kinux parti fil-proċedura għal ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni, u min-naħa l-oħra, jekk il-qrati nazzjonali għandhomx, anki fil-futur, jisiltu minnha ex officio l-konsegwenzi kollha previsti bil-liġi nazzjonali. |
33 |
Sabiex tingħata risposta għall-ewwel parti ta’ din id-domanda, għandu qabelxejn jitfakkar li s-sistema ta’ protezzjoni implementata mid-Direttiva hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li ġġiegħlu jaderixxi għall-kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič, C-453/10, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
34 |
Fir-rigward tal-azzjonijiet li jinvolvu konsumatur individwali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl ta’ sitwazzjoni ta’ inferjorità bħal din, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jobbliga lill-Istati Membri li jipprevedu li l-klawżoli inġusti “kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur”. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, din hija dispożizzjoni obbligatorja li hija intiża li tissostitwixxi l-ekwilibriju formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’ekwilibriju reali li jista’ jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar (sentenza Pereničová u Perenič, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
35 |
F’dak li jikkonċerna azzjonijiet għal ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni fl-interess pubbliku, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm id-Direttiva ma għandhiex l-għan li tarmonizza s-sanzjonijiet applikabbli fl-ipoteżi ta’ rikonoxximent tan-natura inġusta ta’ klawżola fil-kuntest tal-imsemmija azzjonijiet, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva madankollu jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumaturi. |
36 |
Kif jirriżulta mill-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni, il-mezzi msemmija iktar ’il fuq jinkludu l-possibbiltà, għal persuni jew organizzazzjonijiet li għandhom interess leġittimu li jipproteġu lill-konsumaturi, li jressqu azzjoni quddiem il-qrati sabiex jiġi ddeterminat jekk klawżoli redatti bl-għan li jintużaw b’mod ġenerali humiex ta’ natura inġusta u, jekk ikun il-każ, sabiex jiksbu l-projbizzjoni tagħhom (ara s-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-372/99, Ġabra p. I-819, punt 14). |
37 |
F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li n-natura preventiva u l-għan dissważiv tal-azzjonijiet għal ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni, kif ukoll l-indipendenza tagħhom fir-rigward ta’ kull diżgwit individwali konkret, jimplikaw li tali azzjonijiet jistgħu jiġu eżerċitati minkejja li l-klawżoli li tintalab il-projbizzjoni tagħhom ma jkunux intużaw f’kuntratti speċifiċi (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15). |
38 |
L-implementazzjoni effettiva tal-imsemmi għan teħtieġ, kif essenzjalment irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-klawżoli tal-KĠ tal-kuntratti ta’ konsum iddikjarati li huma inġusti fil-kuntest ta’ azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni mressqa kontra l-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, la jorbtu lill-konsumaturi li huma parti fil-proċedura għal ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni u lanqas lil dawk li kkonkludew, ma’ dan il-bejjiegħ jew fornitur, kuntratt li għalih japplikaw l-istess KĠ. |
39 |
Fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li d-dikjarazzjoni, minn qorti, tan-nullità ta’ klawżola inġusta li tinsab fil-KĠ tal-kuntratti ta’ konsum tapplika fir-rigward ta’ kull konsumatur li kkonkluda kuntratt ma’ bejjiegħ jew fornitur li juża din il-klawżola. Kif jirriżulta mill-elementi tal-proċess fil-kawża prinċipali, l-għan tal-kawża jikkonċerna l-użu, min-naħa tal-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat, tal-kundizzjonijiet ġenerali li jinkludu l-klawżola kkontestata f’kuntratti ma’ għadd ta’ konsumaturi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 57 sa 61 tal-konklużjonijiet tagħha, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik imsemmija f’dan il-każ tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1), moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva. |
40 |
Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ sanzjoni ta’ nullità ta’ klawżola inġusta fir-rigward tal-konsumaturi kollha li kkonkludew kuntratt ta’ konsum li fir-rigward tiegħu japplikaw l-istess KĠ tiggarantixxi li dawn il-konsumaturi ma jkunux marbuta bl-imsemmija klawżola, mingħajr madankollu ma teskludi tipi oħra ta’ sanzjonijiet adegwati u effettivi previsti bil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali. |
41 |
Għal dak li jikkonċerna lit-tieni parti tal-ewwel domanda dwar il-konsegwenzi li l-qrati nazzjonali għandhom jisiltu, fil-kuntest ta’ azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni, mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tagħmel parti mill-KĠ tal-kuntratti ta’ konsum, għandu qabelxejn jitfakkar li l-fakultà, għall-qorti nazzjonali, li teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali tikkostitwixxi mezz xieraq sabiex jintlaħaq l-għan stabbilit fl-Artikolu 7 tad-Direttiva (ara s-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro, C-168/05, Ġabra p. I-10421, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). In-natura u l-importanza tal-interess pubbliku li fuqu hija bbażata l-protezzjoni li d-Direttiva tiżgura lill-konsumaturi joffru ġustifikazzjoni, barra minn hekk, għall-fatt li l-imsemmija qorti jkollha tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali (ara s-sentenza Mostaza Claro, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38). |
42 |
Il-qrati nazzjonali li jikkonstataw in-natura inġusta ta’ klawżola tal-KĠ għandhom, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, jisiltu l-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minnha skont il-liġi nazzjonali, u dan sabiex il-konsumaturi ma jkunux marbuta bl-imsemmija klawżola (ara s-sentenza Pereničová u Perenič, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Minn dan jirriżulta li, meta n-natura inġusta ta’ klawżola li tagħmel parti mill-KĠ tal-kuntratti ta’ konsum tkun ġiet irrikonoxxuta fil-kuntest ta’ azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qrati nazzjonali għandhom, anki fil-futur, jisiltu minnha ex officio l-konsegwenzi kollha li huma previsti bil-liġi nazzjonali, sabiex l-imsemmija klawżola ma tkunx torbot lill-konsumaturi li jkunu kkonkludew kuntratt li fir-rigward tiegħu japplikaw l-istess KĠ. |
44 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) u (2) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li:
|
Fuq l-ispejjeż
45 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.